23.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/40


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-investimenti territorjali integrati – sfida għall-politika ta’ koeżjoni tal-UE wara l-2020

(2018/C 176/10)

Relatur:

is-Sur Osvald (CZ/PSE), Kunsillier tal-Belt ta’ Plzeň

Dokument ta’ referenza:

mhux applikabbli

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma direttament ikkonċernati mill-implimentazzjoni tal-għodod tal-politika ta’ koeżjoni bħall-investimenti territorjali integrati (ITI), peress li huma kemm il-benefiċjarji ewlenin tal-politika kif ukoll direttament involuti fil-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-politika b’ġestjoni kondiviża. Bosta snin wara l-introduzzjoni tal-għodda tal-ITI fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 u fid-dawl tal-potenzjal kbir tagħha biex tiffaċilita s-sinerġiji ta’ investiment fl-użu tal-Fondi SIE, il-KtR qed jippreżenta opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar din il-kwistjoni. Il-Kumitat iqis li l-esperjenza ta’ implimentazzjoni s’issa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kemm mil-lat tal-istejjer ta’ suċċess tagħhom kif ukoll l-isfidi li ltaqgħu magħhom, għandha tiġi evalwata bir-reqqa u tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-qafas leġislattiv ta’ wara l-2020.

L-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni u l-approċċ ibbażat lokalment

2.

jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha tiġi adattata għall-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti attwali ta’ kull reġjun speċifiku jekk għandha tikkontribwixxi b’mod aktar effettiv għat-twettiq tal-objettivi tal-UE u toħloq valur miżjud Ewropew, ittejjeb il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini tal-UE b’mod ġenerali u tgħin biex jiġu eliminati d-disparitajiet. Għaldaqstant mhux biss għandha tindirizza l-problemi ta’ reġjun b’mod sostenibbli u mmirat iżda wkoll tisfrutta l-potenzjal u l-ispeċifiċitajiet tiegħu. L-aktar importanti, għandha tagħti prijorità lill-politika u l-iżvilupp reġjonali, u b’mod partikolari l-bżonnijiet tar-reġjun, għall-kontra ta’ dawk tas-setturi individwali. Il-konfigurazzjoni kumplessa attwali tagħha tbiegħdha mill-objettiv ġenwin tagħha. Il-komprensività u l-kumplessità tagħha qed isiru ostaklu ewlieni għall-implimentazzjoni effikaċi u flessibbli tal-politika ta’ koeżjoni fil-livell lokali u reġjonali;

3.

jinnota li jekk verament irridu li l-politika ta’ koeżjoni tkun aktar effikaċi, anke mil-lat ta’ sinerġija, u nibbenefikaw mill-potenzjal ta’ reġjun, jeħtieġ li nimmodifikaw b’mod sinifikanti s-sistema tal-konfigurazzjoni tal-Fondi SIE b’tali mod li, biex jitwettqu l-objettivi futuri tal-UE u jinħoloq valur miżjud Ewropew, huwa l-approċċ reġjonali u lokali bbażat fuq ċirkostanzi lokali (approċċ ibbażat fuq il-post), u mhux l-approċċ nazzjonali u l-prijoritajiet nazzjonali komuni, li għandu jkun ċentrali;

4.

jitlob li, fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, jintużaw b’mod effettiv elementi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u ta’ ġestjoni kondiviża. Abbażi ta’ dawn il-prinċipji, l-UE għandha tillimita lilha nnifisha biex tistabbilixxi objettivi ġenerali (li tkun trid tikseb l-UE b’mod ġenerali), iżda huwa l-livell lokali u reġjonali li għandu jiddefinixxi l-mod kif dawn għandhom jinkisbu skont il-kundizzjonijiet speċifiċi u l-potenzjal tar-reġjun, li jinbidlu maż-żmien;

5.

josserva li t-tisħiħ tal-approċċ ibbażat fuq il-post naturalment ser jimplika komunikazzjoni aktar regolari għad-dipartimenti tal-Kummissjoni, u speċjalment tad-DĠ Regio u l-awtoritajiet ta’ awditjar, peress li dawn ser ikollhom jikkomunikaw direttament mhux biss mal-korpi nazzjonali iżda wkoll mal-korpi lokali u reġjonali. Dan jillimita wkoll il-possibbiltà li jinħolqu mudelli ġeneriċi li, filwaqt li jagħmlu l-ġestjoni u l-kontroll irħas u aktar sempliċi, ibiegħdu ferm il-politika ta’ koeżjoni mill-benefiċjarji tagħha. L-implimentazzjoni ta’ approċċi territorjali integrati bbażati fuq il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini tal-UE, madankollu, ser ikollha impatt ċar f’termini ta’ ħolqien ta’ valur miżjud Ewropew għal dawk iċ-ċittadini, li jrid ikun prijorità għall-Kummissjoni kif ukoll għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri;

6.

jinnota li, jekk irridu nibnu UE għaċ-ċittadini, jeħtieġ li l-politiki tagħna jinbtu mill-insedjamenti, irrispettivament mid-daqs tagħhom, jiġifieri kemm mill-komunitajiet kif ukoll mir-reġjuni, peress li dawn l-insedjamenti jaqdu rwol uniku u fundamentali għaċ-ċittadini f’termini tal-kwalità ta’ ħajjithom, l-ambjent, l-edukazzjoni, l-impjiegi, is-servizzi soċjali u dawk tas-saħħa, il-kultura, eċċ.. Peress li huma l-eqreb għaċ-ċittadini, huma jipperċepixxu aħjar l-eżiġenzi taċ-ċittadini u jistgħu jagħtu iżjed attenzjoni għat-tibdil fl-istruttura soċjali u demografika tagħhom. Huma jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-kwalità ta’ ħajjet in-nies, filwaqt li jqisu l-interessi u l-prijoritajiet tagħhom, u b’hekk jinħoloq valur miżjud Ewropew inkontestabbli;

7.

jenfasizza, għalhekk, li l-politika reġjonali u d-dimensjoni reġjonali tal-politika ta’ koeżjoni mhux biss jipprovdu effett dirett tanġibbli għaċ-ċittadini, li jagħti tifsira ikbar lill-UE f’għajnejn iċ-ċittadini tagħha, u juri l-benefiċċji reali tagħha għall-ħajjithom u jgħin biex jiġu eliminati d-disparitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi, iżda b’mod partikolari joħolqu l-kundizzjonijiet bażiċi għall-implimentazzjoni ta’ politiki oħrajn tal-UE. Il-Kumitat għalhekk iqis li huwa essenzjali li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni reġjonali nnifisha għandha titqies bħala valur miżjud Ewropew inkontestabbli, bħalma, pereżempju, l-appoġġ għax-xjenza u r-riċerka minnu nnifsu huwa meqjus bħala valur miżjud Ewropew. Konsegwentement, fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni reġjonali m’għandux ikun hemm il-ħtieġa li jintwera valur miżjud Ewropew għal tipi individwali ta’ attivitajiet jew saħansitra proġetti; pjuttost għandu jiġi kkunsidrat il-kontribut tagħha b’mod ġenerali, fid-dawl ta’ sinerġiji orizzontali u vertikali;

8.

jinnota li, sabiex titjieb il-perċezzjoni taċ-ċittadini tal-politika ta’ koeżjoni u tal-UE, il-proġetti li huma implimentati bħala parti minn din il-politika jridu jkunu ta’ benefiċċji reali għaċ-ċittadini u li jirriflettu l-ħtiġijiet tagħhom. Il-politika ta’ koeżjoni reġjonali għalhekk għandha tiġi stabbilita għal kull tip ta’ insedjament, mill-komunitajiet sar-reġjuni, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, u għandha tqis is-sitwazzjoni fil-post kif ukoll il-potenzjal u l-ħtiġijiet tal-insedjament f’termini ta’ żmien, kundizzjonijiet u l-post fejn jinsab. Għalhekk, għandu jiġi adottat approċċ minn isfel għal fuq u l-potenzjal ta’ approċċ integrat u sinerġiji reċiproċi għandu jintuża kemm jista’ jkun. Il-livell reġjonali u lokali u ż-żoni funzjonali mifruxin fuq diversi żoni amministrattivi jew ta’ statistika għandhom jaqdu rwol ewlieni fil-proċess tal-ksib ta’ sinerġiji u integrazzjoni (b’kunsiderazzjoni tar-rabtiet loġiċi ma’ reġjuni ġirien u l-interessi jew ir-rekwiżiti ta’ unitajiet territorjali aktar baxxi), peress li jikkombinaw iċ-ċarezza tal-ippjanar u l-istrateġiji mal-għarfien tal-kundizzjonijiet lokali;

9.

jenfasizza li hemm valur miżjud Ewropew inkontestabbli mill-perspettiva taċ-ċittadini tal-UE, li huwa li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja fl-insedjamenti u fl-UE kollha kemm hi. It-titjib tal-kwalità tal-ħajja fl-insedjamenti hija prerekwiżit għal implimentazzjoni b’suċċess tal-politiki l-oħra kollha tal-UE. Dan il-valur miżjud Ewropew jista’ biss jiġi indirizzat sa ċertu punt b’approċċ settorjali, iżda jista’ jiġi indirizzat b’mod effettiv ħafna bi prijoritajiet orizzontali reġjonali, bħall-kwalità tal-ħajja fl-insedjamenti (jiġifieri l-mobbiltà lokali u reġjonali, b’mod partikolari l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, l-impjieg u l-impjegabbiltà, is-servizzi soċjali u kulturali, l-inklużjoni u l-integrazzjoni, is-sigurtà, eċċ.) u l-komunitajiet intelliġenti, l-użu tal-potenzjal ekonomiku u mhux ekonomiku lokali, eċċ. L-implimentazzjoni tal-prijoritajiet settorjali biex jiġu indirizzati l-aktar prijoritajiet importanti mill-perspettiva taċ-ċittadini, tista’ tipproduċi biss effetti limitati, u fil-fatt hekk hu. Peress li dawn mhumiex adattati għall-kundizzjonijiet lokali, ta’ spiss iqajmu dubji (f’ħafna każijiet ġustifikati) fost iċ-ċittadini dwar il-benefiċċji mhux għalihom innifishom biss iżda għall-UE kollha kemm hi. Għalhekk, sabiex jiġi indirizzat dak li jirrappreżenta valur miżjud Ewropew tanġibbli għaċ-ċittadini tal-UE, huwa biss approċċ territorjali integrat ibbażat fuq il-kundizzjonijiet lokali li jista’ jintuża b’mod effettiv, għall-kuntrarju ta’ approċċ settorjali jew nazzjonali;

10.

ifakkar li s-7 Rapport ta’ Koeżjoni ppubblikat fl-2017 juri żieda fl-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni, inklużi fi ħdan ir-reġjuni l-aktar sinjuri. L-ITI huma għodda li ma jintużawx biżżejjed biex tiġi indirizzata l-isfida li jiġu kkoreġuti dawn id-differenzi. L-esperjenza tal-2014-2020 uriet li l-ITI u l-għodod ta’ żvilupp lokali użati mill-komunità jistgħu jintużaw biex jgħinu dawk iż-żoni urbani jew rurali l-aktar f’diffikultà. Fil-fatt, f’ċerti reġjuni Ewropej, l-implimentazzjoni tal-ITIs u d-distribuzzjoni tal-fondi tal-FEŻR kienu bbażati fuq indikaturi tal-qgħad u l-attività ekonomika. It-territorji l-aktar f’diffikultà rċevew aktar fondi minn dawk ir-reġjuni aktar sinjuri. Din il-loġika ta’ ekwità interreġjonali hija kruċjali sabiex l-ebda territorju ma jitħalla lura fit-tkabbir globali;

11.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport “Strateġiji territorjali u urbani integrati: l-FSIE kif qed iżidu l-valur fl-2014-2020?” (1) ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2017 u jaqbel mal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport. Minn dan ir-rapport, il-KtR jixtieq jenfasizza l-punti li ġejjin b’mod partikolari li jikkorrispondu mal-esperjenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sa issa:

L-ITI għandhom il-potenzjal li jimmiraw il-ħtiġijiet u l-problemi ta’ żvilupp, u jfasslu risponsi minn isfel għal fuq bl-involviment attiv taċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet lokali biex jiżguraw li “l-ebda persuna jew reġjun ma jitħalla jaqa’ lura”. Għandhom ukoll il-potenzjal li jwieġbu għal xokkijiet lokalizzati jew żviluppi mhux mistennija permezz ta’ pakketti integrati li jipprovdu għal pjani ta’ azzjoni.

L-istrateġiji urbani u territorjali huma turija ċara tal-politika ta’ koeżjoni fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta’ approċċi bbażati lokalment għall-iżvilupp reġjonali u urban, u jħeġġu pakketti ġeografiċi speċifiċi ta’ interventi li ġew imfassla b’konformità mal-fehmiet tal-partijiet interessati iżda li jissodisfaw ukoll l-objettivi ġenerali tal-UE kif ukoll ta’ “valur miżjud” għall-UE” u l-flessibbiltà.

L-istrateġiji jirrappreżentaw żvilupp integrat – huma fuq diversi setturi, b’diversi msieħba u (f’numru kbir ta’ każijiet) b’diversi fondi. Huma jinkoraġġixxu kooperazzjoni vertikali u orizzontali, l-integrazzjoni territorjali u l-kondiviżjoni tal-għarfien. Filwaqt li hemm diskussjoni fit-tul u għadha għaddejja fil-livell tal-UE dwar kif għandhom jiġu promossi kooperazzjoni u integrazzjoni aħjar fis-setturi ta’ politika kollha u bejn l-awtoritajiet, l-integrazzjoni ta’ interventi ġeneralment hija prattika u tista’ tintlaħaq l-iżjed fil-livell lokali.

L-ITIs joffru livell sinifikanti ta’ innovazzjoni istituzzjonali fil-qasam tal-iżvilupp reġjonali u urban u joħolqu relazzjonijiet ġodda jew metodi ta’ tħaddim. Il-proċess tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija ħeġġeġ jew kien jeħtieġ metodi ġodda ta’ ħidma, ħsieb u kollaborazzjoni. F’ħafna każi, joħloq ukoll kooperazzjoni u netwerks bejn id-diversi ċentri/oqsma.

L-investimenti territorjali integrati u l-perjodu ta’ programmazzjoni attwali

12.

jafferma li l-investiment territorjali integrat (ITI) jidher li huwa strument effettiv fl-ambitu kollu tiegħu għall-implimentazzjoni ta’ approċċ ibbażat lokalment u li diġà ntuża f’ħafna Stati Membri fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali f’firxa ta’ ċirkostanzi u f’diversi forom, jiġifieri mill-Investiment Territorjali Integrat reġjonali sal-agglomerazzjonijiet urbani (ITI urbani tal-“Artikolu 7”), flimkien ma’ għodod integrati oħra bħalma huma l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) u għodod territorjali integrati oħra;

13.

jilqa’ l-fatt li matul il-preparamenti tal-perjodu ta’ programmzzjoni attwali, ġiet ippubblikata sensiela ta’ dokumenti ta’ kwalità għolja li enfasizzaw il-fatt li għandu jiġi adottat approċċ territorjali integrat, ibbażat fuq il-kundizzjonijiet lokali li jinbidlu maż-żmien, sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-fondi tal-UE u biex issir enfasi ikbar fuq ir-riżultati tal-proġetti. Dawn id-dokumenti jipproponu prinċipji attwali għal approċċ u l-implimentazzjoni. Sfortunatament, dawn il-prinċipji madankollu mhux dejjem ġew implimentati b’mod sistematiku u fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali kien prevalenti approċċ nazzjonali u settorjali ħafna, li jista’ jfisser anqas xogħol amministrattiv għall-Kummissjoni Ewropea iżda ma jiksibx l-effett meħtieġ fir-reġjuni speċifiċi u għal ċittadini speċifiċi tal-UE, kif joħroġ fid-dieher b’mod ċar mid-dibattiti reċenti dwar il-qagħda tal-politika ta’ koeżjoni;

14.

jikkunsidra li l-aktar dokument importanti minn fost dawk imsemmija hawn fuq huwa “An Agenda for a Reformed Cohesion Policy – A place-based approach to meeting European Union challenges and expectations” (Aġenda għal politika tal-koeżjoni riformata – approċċ ibbażat fuq il-post sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u l-istennijiet tal-Unjoni Ewropea), magħruf bħala r-Rapport ta’ Barca, li ġie ppubblikat f’April 2009. Dan jenfasizza l-approċċi territorjali integrati u bbażati lokalment bħala l-pedament biex terġa’ tingħata ħajja lill-politika ta’ koeżjoni, u jappella għal strateġija tal-iżvilupp ibbażata fuq il-post immirata lejn objettivi fundamentali kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali;

15.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea (DĠ REGIO) fasslet ukoll dokument tajjeb ħafna f’kollaborazzjoni ma’ esperti, intitolat “Scenarios for Integrated Territorial Investment” (Xenarji għall-Investiment Territorjali Integrat), li ġie pubblikat f’Jannar 2015 u jippreżenta erba’ xenarji għall-implimentazzjoni ta’ investiment territorjali integrat ibbażat fuq diversi kundizzjonijiet u karatteristiċi territorjali. Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali l-proposti stabbiliti f’dan id-dokument ġew applikati b’mod limitat biss, fost l-oħrajn minħabba li ġie ppubblikat tard (mhux qabel l-2015). Ikun utli li dan jittieħed bħala punt ta’ tluq għad-dibattiti dwar il-futur tal-investimenti territorjali integrati;

16.

jilqa’ l-fatt li 20 Stat Membru ħadu sehem volontarjament fl-implimentazzjoni tal-ITI fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali. Sfortunatament, xi pajjiżi użaw l-ITI biss fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament FEŻR, li jistipula li mill-inqas 5 % tal-allokazzjonijiet nazzjonali tal-FEŻR taħt il-mira tal-“Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi” għandha tkun riżervata għal strateġiji ta’ żvilupp urban integrat, mingħajr ma kkunsidraw biżżejjed il-ħtiġijiet attwali fil-livell lokali u reġjonali. Għadd sinifikanti ta’ Stati Membri wżaw ukoll l-għodda b’mod usa’ (l-ITI “tematiċi” implimentati skont l-Artikolu 36 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni). Dan il-potenzjal importanti għall-investiment integrat jista’ jkun ottimizzat fil-futur billi jitkomplew jintużaw l-eżempji eżistenti ta’ prattika tajba u billi l-istrument ikompli jiġi adattat għall-ħtiġijiet diversi lokali u reġjonali, waqt li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet magħmula f’din l-Opinjoni;

17.

jiddispjaċih li kien hemm dewmien konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-approċċi territorjali integrati u li din l-għodda għadha ma rnexxilhiex tipproduċi s-sinerġiji kollha li tista’ u għandha tipproduċi. Madankollu, dan ma jistax u m’għandux jiġi estrapolat biex jiġi suġġerit li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE permezz ta’ investiment territorjali integrat mhijiex effettiva. Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-kumplikazzjonijiet u n-nuqqas ta’ ċarezza, il-fatt li din l-għodda – bis-saħħa tal-isforzi kbar tal-persunal tal-partijiet interessati kollha – tnediet u qed tagħti riżultati b’impatt pożittiv reali fuq it-territorju u ċ-ċittadini tagħha hija prova tal-potenzjal tagħha. Barra minn hekk, il-Kumitat jenfasizza l-valur miżjud li ġabu magħhom l-approċċi territorjali integrati fejn dawn servew ta’ lieva għall-bini tal-kapaċità f’ċerti kuntesti, u ffaċilita approċċ territorjali integrat u l-governanza f’diversi livelli fejn dan qabel ma kienx jeżisti.

Kif ħareġ fid-dieher mill-workshop dwar l-istat tal-iżvilupp urban sostenibbli u l-ITI li sar fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fl-2017 (2), l-akbar diffikultajiet fl-introduzzjoni tal-ITI fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali huma:

il-pubblikazzjoni tardiva tal-“Guidance for Member States on Integrated Sustainable Urban Development (Article 7 ERDF Regulation)” (Gwida għall-Istati Membri dwar l-Iżvilupp Urban Sostenibbli Integrat (Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEŻR), li l-Kummissjoni Ewropea ma ppubblikatx qabel Mejju 2015. Kien biss abbażi ta’ dan id-dokument li bdiet tiġi żviluppata l-arkitettura meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-ITI fl-Istati Membri, bid-delimitazzjoni tal-agglomerazzjonijiet u l-identifikazzjoni tal-proċeduri għall-approvazzjoni tad-dokumenti ta’ politika dwar l-iżvilupp urban, kif ukoll ta’ dawk id-dokumenti ta’ politika nnifishom. Huwa biss wara dan l-istadju li seta’ jibda l-ippjanar ta’ proġetti individwali;

il-problema ewlenija tal-implimentazzjoni u t-tfassil ta’ dokumenti ta’ politika għaż-żoni urbani fir-rigward tal-ITI kienet li, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, il-programmi operattivi, kif ukoll l-indikaturi u s-sistemi ta’ ġestjoni tagħhom kienu diġà ġew approvati fil-bidu tal-fażi ta’ tħejjija għall-implimentazzjoni tal-investimenti territorjali integrati, mingħajr ma kkunsidraw l-investimenti territorjali integrati. L-istrateġiji urbani għalhekk kellhom jadattaw għad-diversi programmi operattivi u l-indikaturi li kienu diġà jeżistu, u b’hekk il-flessibbiltà u l-effett reali ta’ sinerġija tagħhom kienu limitati b’mod konsiderevoli;

f’ċerti każijiet, ma saritx l-allokazzjoni obbligatorja tar-riżorsi tal-programmi operattivi għall-investimenti territorjali integrati, u b’hekk il-kunċett kollu tal-implimentazzjoni u l-ksib ta’ effetti ta’ sinerġija permezz tal-investimenti territorjali integrati sar inutli;

id-dewmien fl-implimentazzjoni u l-ħolqien ta’ strutturi kkumplikati għalxejn għall-implimentazzjoni tal-investimenti territorjali integrati fejn, anke fil-livell taż-żoni urbani, ikun hemm bżonn li jinħolqu korpi intermedjarji nkarigati mill-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-proġetti, mentri l-għażla ġenwina tal-proġetti sseħħ fil-biċċa l-kbira fil-livell tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni ta’ kull programm operattiv. Dawn l-istrutturi jidhru sproporzjonati f’xi każijiet kemm mil-lat tal-ammont żgħir ta’ riżorsi allokati għall-investimenti territorjali integrati kif ukoll mil-lat tas-setgħat limitati ħafna ta’ dawn il-korpi intermedjarji jew id-duplikazzjoni possibbli ta’ azzjoni. Strutturi ta’ implimentazzjoni daqshekk kumplessi jikkumplikaw għalxejn il-proċedura kollha f’każijiet bħal dawn.

Fil-proċess ta’ implimentazzjoni, il-kompiti u s-setgħat tal-korpi responsabbli għall-għażla tal-operazzjonijiet (kif definiti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEŻR) mhumiex ikkunsidrati biżżejjed. Meta strateġiji territorjali integrati għal żvilupp urban sostenibbli jiġu implimentati f’żona funzjonali li taqbeż il-konfini urbani uffiċjali, il-pożizzjoni tal-awtoritajiet sottoreġjonali li jkunu qed joperaw fuq il-bażi ta’ sħubija wiesgħa ta’ partijiet interessati fiż-żona u fuq il-bażi ta’ governanza f’diversi livelli, fil-maġġoranza, mhijiex imnaqqxa tajjeb fil-liġi.

Il-workshop enfasizza wkoll l-aspetti pożittivi, b’mod partikolari r-riżorsi fissi għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji, kif ukoll il-ħolqien ta’ sinerġiji bejn il-proġetti u, fuq kollox, li jikkonċernaw il-kwistjonijiet fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet u l-potenzjal lokali, jiġifieri l-applikazzjoni ġenwina ta’ approċċ ibbażat lokalment;

It-triq ’il quddiem wara l-2020 — proposti għall-perjodu ta’ programmazzjoni futur

18.

jikkunsidra li sabiex inkunu nafu kif l-aħjar nimplimentaw l-investimenti territorjali integrati wara l-2020, jeħtieġ li nibbażaw fuq l-esperjenzi miksuba mill-implimentazzjoni tagħhom s’issa. Madankollu ma nistgħux nikkuntentaw b’modifika tas-sistema fakultattiva attwali tal-implimentazzjoni tal-investimenti territorjali integrati għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss. L-esperjenza attwali għandha tiġi kkunsidrata bħala r-riżultati sperimentali ta’ proġetti pilota li għandhom jintużaw bħala bażi biex il-politika ta’ koeżjoni tal-UE tiġi trasformata b’mod ġenwin f’politika bbażata fuq l-iżvilupp reġjonali u fuq approċċ territorjali integrat u bbażat fuq il-post, li tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal ta’ reġjun u tindirizza l-problemi u l-isfidi ekonomiċi u soċjali tiegħu, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE u tal-UE kollha;

19.

jipproponi li d-dokument dwar “Xenarji għall-investiment territorjali integrat” jkun il-bażi tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss u li jiġi applikat bl-aktar mod estensiv possibbli. L-approċċ tal-ITI għandu jiġi sfruttat aktar bis-sħiħ lil hinn miż-żoni urbani, fejn huwa użat l-aktar ta’ spiss issa, u jiġi implimentat b’mod usa’ f’żoni rurali u funzjonali definiti b’modi differenti fuq il-bażi ta’ kundizzjonijiet lokali, kif deskritti fl-erba’ xenarji stabbiliti f’dak id-dokument. Huwa importanti ħafna li l-istrument tal-investiment territorjali integrat jiġi applikat għaż-żoni funzjonali peress li meta jiġu pprovduti b’appoġġ immirat, ibbażat fuq strateġija minn isfel għal fuq, dan jista’ jkun partikolarment effiċjenti u produttiv mil-lat tal-ħolqien ta’ sinerġiji bejn ir-riżorsi endoġeni u s-sorsi esterni ta’ finanzjament. L-Istati Membri kollha għandhom ikunu obbligati li jippermettu l-implimentazzjoni tal-investiment territorjali integrat fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, biex l-ITI jkunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tagħhom u jsiru l-għodda prinċipali għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni reġjonali tal-UE, u dejjem abbażi tal-prinċipju tas-sħubija, u b’hekk jiġu żgurati l-kontribut u l-parteċipazzjoni adatti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-istrateġiji;

20.

jipproponi wkoll li meta jitfasslu strateġiji integrati globali, dawn ikunu bbażati fuq żoni funzjonali u loġiċi li m’għandhomx ikunu ikbar mir-reġjuni NUTS III, sakemm ir-rabtiet loġiċi fi ħdan territorju partikolari ma jiffurmawx unità funzjonali differenti fi ħdan liema l-istrateġija tista’ tiġi implimentata b’mod iktar effettiv. Dan ma jfissirx li l-awtoritajiet tan-NUTS III jew reġjuni simili għandhom ikunu wkoll l-uniku korp ta’ ġestjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-ITI jew li f’dan it-territorju għandu jkun hemm biss strateġija integrata waħda. Għall-kuntrarju, il-Kumitat iqis opportun li jinħolqu, skont ir-realtajiet lokali u funzjonali u r-rabtiet loġiċi, strateġiji ta’ investiment territorjali integrat individwali għal tipi differenti ta’ territorji fi ħdan l-unità funzjonali msemmija qabel, iżda li l-eżiti u l-impatti tagħhom għandhom jiġu armonizzati f’dan il-livell. Din l-armonizzazzjoni għandha tippermetti wkoll li jinħolqu rabtiet tematiċi loġiċi ma’ reġjuni ġirien u jitqiesu l-interessi jew ir-rekwiżiti ta’ unitajiet territorjali aktar baxxi. Madankollu, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-istrateġiji għandhom isiru b’tali mod li jiġi massimizzat l-effett u fuq kollox għandhom ikunu fuq bażi volontarja u jirrispettaw il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi lokali;

21.

jirrakkomanda b’mod qawwi li r-riżorsi kollha ddedikati għall-ITI jiġu kkonċentrati, jekk huwa possibbli, fi programm operattiv wieħed b’diversi fondi, sabiex l-ITIs individwali jkunu jikkorrespondu dejjem għal programm operattiv wieħed – fi kliem ieħor li l-korpi individwali li jimplimentaw l-ITI għandhom jikkomunikaw ma’ awtorità tal-ġestjoni waħda tal-programm operattiv. Fil-verità, l-ITIs ikollhom valur miżjud ħafna aktar ogħla meta jkunu multifinanzjati. Sett komuni ta’ regoli li jintegra l-investimenti mill-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni u dawk il-partijiet tal-FAEŻR relatati mal-iżvilupp rurali ġenerali ikun l-aktar mod effiċjenti biex jiġu implimentati l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni. Jekk l-idea li l-ITIs jintrabtu ma’ programm operattiv wieħed ma tiġix adottata għall-perjodu li jmiss ta’ programmazzjoni, ikun hemm il-bżonn li jiġi evitat li jinħolqu rabtiet ikkumplikati ma’ programmi operattivi settorjali individwali. Il-KtR huwa favur programmi b’fondi differenti implimentati fil-livell reġjonali. Il-programm operattiv li minnu jagħmel parti l-ITI loġikament għandu jkun multifinanzjat. Biex jinkisbu effetti ta’ sinerġija akbar, madankollu, l-istrument tal-ITI għandu jitħalla, fejn hu rilevanti, jistabbilixxi rabtiet funzjonali ma’ programmi operattivi oħra u ma’ strumenti oħra (bħall-Orizzont u l-FEIS). Il-korpi ta’ implimentazzjoni tal-ITI fil-livelli kollha għandhom jingħataw flessibilità massima fir-rigward tal-ksib tal-għanijiet; Il-possibbiltà li jinħatar Fond ewlieni għall-assistenza teknika tista’ tiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni operattiva ta’ diversi fondi.

22.

josserva li, meta jiġi implimentat ITI, għandhom jiġu kkunsidrati l-indikaturi tal-produttività u l-prestazzjoni adattati għall-għan aħħari tal-Investiment Territorjali Integrat. Għalhekk, huma essenzjali indikaturi speċifiċi għal dan l-istrument ta’ programmazzjoni u, għaldaqstant, matul il-fażi tat-tfassil tal-programmi operattivi, l-awtoritajiet reġjonali għandhom ikunu jistgħu jipprovdu l-indikaturi tagħhom stess, li jiġu vvalutati mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-miżuri proposti, l-indikaturi tal-kejl u l-għan tal-ITI jikkorrispondu għal xulxin. Bl-istess mod, ta’ min jinnota li, xi minn daqqiet jinqalgħu diffikultajiet legali (ara s-sistema tal-għajnuna mill-Istat) minħabba diskriminazzjoni pożittiva fil-konfront tal-ambitu oġġettiv u soġġettiv tal-ITI b’rabta, pereżempju, mal-prinċipji tal-kompetizzjoni miftuħa;

23.

jirrakkomanda wkoll li d-deżinjazzjoni taż-żoni tal-ITI, u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, l-għanijiet u l-allokazzjonijiet baġitarji jiġu definiti minn qabel fil-ftehimiet ta’ sħubija (jew dokumenti simili li jiddefinixxu r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-UE fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss) u fil-programmi operattivi korrespondenti li għandhom ikunu wkoll obbligatorji. Fl-istess ħin, meta jiġi approvat il-programm operattiv rilevanti, kull korp involut fl-implimentazzjoni tal-investimenti territorjali integrati għandu jiddiskuti u japprova, flimkien mal-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operattiv, ftehim mal-Kummissjoni (ftehim tripartitiku dirett bejn il-korpi li jwettqu l-investimenti territorjali integrati, l-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operattiv u l-Kummissjoni huwa essenzjali għal implimentazzjoni b’suċċess). Dan il-ftehim għandu jispeċifika l-metodi ta’ implimentazzjoni u jistabbilixxi indikaturi li jiffukaw fuq l-impatt reali tal-istrateġija tal-ITI fir-reġjun ikkonċernat. F’pajjiżi fejn il-prinċipju ta’ sħubija mhuwiex stabbilit sew u huwa biss superfiċjali, il-Kummissjoni Ewropea għandha tgħin biex toħloq relazzjonijiet ibbażati fuq sħubija tajba, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ITI.

24.

jinnota li mill-esperjenza reċenti bl-implimentazzjoni mhux biss tal-investimenti territorjali integrati iżda wkoll tal-FEIS fil-livell reġjonali b’mod ġenerali joħroġ fid-dieher li, biex jiġu garantiti l-istabbiltà u l-impatt sussegwenti, il-ġestjoni u l-finanzjament tal-investimenti territorjali integrati għandhom jitwettqu abbażi ta’ għotja globali li tiddefinixxi b’mod preċiż l-objettivi, l-indikaturi, ir-riżorsi u r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni. Madankollu, din l-għotja globali m’għandhiex titqies bħala sors ta’ fondi biex jintużaw b’mod volontarju, iżda għandha tkun marbuta b’mod ċar mal-kisba tal-objettivi u l-indikaturi stabbiliti individwalment għal kull strateġija tal-ITI bħala parti min-negozjati tal-programm operattiv rilevanti. L-Iskema tal-Għotja Globali għandha tiggarantixxi prevedibbiltà u sigurtà tar-riżorsi għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-ITI u b’dan il-mod tippermetti wkoll il-kombinament flessibbli ta’ din ir-riżorsa finanzjarja ma’ għodod oħra nazzjonali u tal-UE (eż. il-FEIS u l-Orizzont) u r-riżorsi proprji. Dan għandu l-għan li jiġi żgurat li jkun hemm approċċ strateġiku ġenwin bħala parti mill-implimentazzjoni tal-investimenti territorjali integrati u li tkun tista’ tintlaħaq l-integrazzjoni massima possibbli tar-riżorsi u l-akbar sinerġiji fi ħdan is-sottoreġjuni, kif ukoll bejn it-territorji fi ħdan reġjun;

25.

josserva li l-implimentazzjoni ta’ ITI għandha twassal għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-programmi operattivi. Il-komplementarjetà ma timplikax finanzjament akbar għall-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument ta’ programmazzjoni. Għandu jiġi kkunsidrat il-prinċipju tal-“inċentivi minflok sanzjonijiet”, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet mil-lat tar-rati ta’ kofinanzjament biex jiġu koperti dawk l-ispejjeż ta’ investiment marbutin direttament mal-għan tal-ITI;

26.

jirrakkomanda wkoll li l-korpi ta’ implimentazzjoni li jwettqu l-ITI għandhom ikunu riżervati esklużivament għall-awtoritajiet lokali u reġjonali f’livelli differenti, l-assoċjazzjonijiet tal-muniċipalitajiet u l-kunsilli tal-iżvilupp lokali maħluqin fid-dawl tad-dispożizzjonijiet leġislattivi, l-Ewrorweġjuni u l-korpi ta’ kooperazzjoni territorjali interreġjonali, peress li huma biss jistgħu jiżguraw li l-istrateġiji jiġu implimentati. Għandhom jingħataw flessibbiltà massima kemm fl-għażla tal-attivitajiet u l-interventi meħtieġa għall-ksib tal-objettivi kif ukoll fil-livell u l-enfasi tal-appoġġ, sabiex ikunu jistgħu jikkombinaw b’mod effettiv ir-riżorsi proprji, tal-UE, nazzjonali u tas-settur privat bil-għan li jiksbu l-akbar effett ta’ sinerġija possibbli għall-istrateġija. Matul it-twettiq tal-istrateġija, għandhom ikunu jistgħu jimmodifikaw il-livell u l-enfasi tal-appoġġ skont il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi li jinbidlu tar-reġjun, sabiex l-objettivi jinkisbu bl-aktar mod effettiv possibbli u jiġi massimizzat il-valur miżjud Ewropew. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea tintalab tipprovdi ċertezza legali għal kwistjonijiet ta’ responsabbiltà fl-użu tal-ITI permezz ta' linji gwida ċari;

27.

huwa tal-fehma li huwa essenzjali li jsir iżjed minn sempliċi raggruppament tal-proġetti kofinanzjati minn fondi differenti u tiġi segwita strateġija ġenwina ta’ ġestjoni integrata adegwata. Josserva, f’dan ir-rigward, li sabiex jiġi żgurat li l-ITI jkunu iżjed effiċjenti u effettivi, jinħtieġ appoġġ akbar u linji gwida prattiċi biex tinftiehem aħjar l-għodda, u biex jitfasslu u jiġu implimentati aħjar l-istrateġiji, u b’hekk jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta’ dan l-istrument. Għal dan il-għan, jirrakkomanda li tiġi vvaluatata l-possibbiltà li titwaqqaf struttura speċifika ta’ appoġġ permanenti għar-reġjuni li huma interessati li jużaw din l-għodda u li tinforma, tipprovdi konsulenza, u tippromovi l-iskambju tal-aħjar prattiki;

28.

bħala konklużjoni, jinnota li t-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-għodda tal-ITI għall-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ wara l-2020 għandhom jitniedu immedjatament wara l-pubblikazzjoni tal-abbozz ta’ leġislazzjoni li jmiss dwar il-Fondi SIE għal wara l-2020 ħalli l-strateġiji individwali tal-ITI jiġu abbozzati u diskussi fid-dettall maċ-ċittadini u ma’ partijiet interessati oħra qabel l-ewwel diskussjonijiet tal-programmi operattivi mal-Kummissjoni Ewropea. Dan huwa għaliex approċċ minn isfel għal fuq huwa ħafna aktar parteċipattiv u aktar ikkumplikat u jeħtieġ aktar żmien biex jiġi negozjat minn approċċ minn fuq għal isfel. L-implimentazzjoni tal-għodda tal-ITI għandha tiġi inkorporata fl-abbozz ta’ leġislazzjoni dwar il-Fondi SIE għal wara l-2020 u fl-abbozzi ta' baġits, li ser isostnu l-politika ta’ koeżjoni futura.

Brussell, l-1 ta' Frar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/studies/pdf/integrated_strategies/integrated_strategies_en.pdf.

(2)  li kien propost mir-Reġjun ta’ Murcia u organizzat b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tal-għodda TAIEX REGIO PEER 2 PEER (għodda maħsuba għall-promozzjoni tal-iskambju tal-għarfien u l-prattiki tajba bejn korpi li jiġġestixxu fondi taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni, biex b’hekk titjieb il-kapaċità amministrattiva tagħhom u jiġu żgurati riżultati aħjar b’rabta mal-investimenti tal-UE).