11.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Sistemi sostenibbli tas-sigurtà soċjali u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali fl-era diġitali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2018/C 129/02)

Relatur:

Petru Sorin DANDEA

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

26.1.2017

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

8.11.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

6.12.2017

Sessjoni plenarja Nru

530

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

157/3/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Id-diġitalizzazzjoni ġabet forom ġodda ta’ xogħol li qed jagħmlu pressjoni kbira fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-qrati Ewropej jirregolaw dawn il-forom ġodda ta’ impjieg, b’tali mod li min iħaddem u l-ħaddiem ikunu jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li jsir użu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tat l-istatus ta’ ħaddiema lil persuni li, għalkemm mingħajr kuntratt ta’ impjieg normali, kienu jinsabu f’sitwazzjoni fejn huma kienu jeżerċitaw attività bħala parti minn relazzjoni ta’ dipendenza bi ħlas.

1.2.

Kuntratt individwali ta’ impjieg huwa l-bażi għall-finanzjament tas-sistema tas-sigurtà soċjali attwali f’ħafna każijiet. Ħafna forom ġodda ta’ impjiegi u attività ekonomika li nħolqu minħabba l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda jidhru li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg. Il-KESE jħoss li din hija sitwazzjoni mimlija theddid għal ħaddiema li jeżerċitaw l-attività tagħhom f’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li dawn ma jibqgħux protetti mil-leġislazzjoni dwar il-pagi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà soċjali.

1.3.

Il-KESE jemmen li fil-kuntest tal-leġislazzjoni fil-qasam tal-iskemi tal-pensjoni, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jintroduċu dispożizzjoni li tobbliga li titħallas kontribuzzjoni għall-persuni kollha li jiġġeneraw dħul professjonali. Din il-miżura tikkostitwixxi ħtieġa imperattiva, peress li f’ħafna każijiet, il-ħaddiema inskritti f’forom ġodda ta’ xogħol li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni mhumiex koperti b’mod adatt mir-rekwiżiti tar-regolamentazzjoni tal-iskemi tal-pensjoni li tinsab fis-seħħ attwalment.

1.4.

Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jikkollegaw is-sistemi elettroniċi tal-ġestjonarju rispettiv fl-iskemi tal-pensjoni nazzjonali u tas-sistema tagħhom tal-assigurazzjoni tas-saħħa ma’ dawk tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Meta jagħmlu dan, huma jkunu kapaċi jidentifikaw malajr lill-persuni li, għalkemm jirċievu dħul ta’ natura professjonali, ikunu qatt ma bbenefikaw minn istatus ta’ persuna assigurata fi ħdan is-sistemi pubbliċi tal-pensjonijiet u tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

1.5.

L-Istati Membri għandhom ukoll, skont is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom, drittijiet oħra regolati li jippermettu lill-benefiċjarji tagħhom jirċievu l-benefiċċji. Dawn jinkludu l-leave tal-ġenituri, il-benefiċċji tal-familja, għat-tfal jew dawk ta’ tipi oħra. Għalkemm dawn id-drittijiet huma ta’ spiss ta’ natura mhux kontributorja, l-għoti tal-benefiċċji relatati għandu jsir abbażi tad-dritt għall-benefiċċju, li, f’ħafna każijiet, ikun jissoponi li l-benefiċjarju potenzjali jkollu l-istatus ta’ impjegat. Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri biex ifittxu soluzzjonijiet li jiżguraw kopertura adatta ta’ dawn il-benefiċċji lill-ħaddiema li huma impjegati skont il-forom ġodda ta’ impjieg.

1.6.

Il-KESE huwa tal-fehma li soluzzjoni komprensiva għall-problemi relatati mar-rikonoxximent ta’ drittijiet ta’ sigurtà soċjali għal ħaddiema f’forom ġodda ta’ impjieg jistgħu jinstabu billi jiġi riformat il-mod li bih is-sistema hija ffinanzjata. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jesploraw modi ta’ finanzjament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali li mhux biss jiżguraw is-sostenibbiltà ta’ dawk is-sistemi, iżda jissodisfaw ukoll il-ħtieġa li jingħata aċċess għalihom lil persuni involuti f’forom ġodda ta’ xogħol. Sabiex tkun żgurata s-sostenibilità tas-sistemi soċjali fil-futur u biex jittaffa l-piż tax-xogħol, għandu jitqies l-użu ta’ parti mid-dividend tad-diġitalizzazzjoni għal dan il-għan

1.7.

Il-KESE jqis li fil-qafas tad-dibattiti mnedija mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-iżvilupp ta’ Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jeħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-diskussjonijiet jinkludi neċessarjament is-sitwazzjoni tal-ħaddiema impjegati f’forom ġodda ta’ xogħol u, b’mod partikolari, tal-metodu ta’ rikonoxximent tal-istatus tagħhom, kif ukoll li jiżgura li jkollhom aċċess adatt għas-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali.

2.   Sfond – Id-diġitalizzazzjoni u l-effetti tagħha fuq is-sistemi tal-protezzjoni soċjali u s-sigurtà soċjali

2.1.

Il-bidla għad-diġitalizzazzjoni timplika bidliet kbar fis-soċjetà, fis-swieq tax-xogħol u fil-livell tal-pajjiżi, ir-reġjuni varji tad-dinja u madwar id-dinja kollha. Filwaqt li jirrikonoxxi l-benefiċċji ċari li jirriżultaw minnha, jidher ċar li d-diġitalizzazzjoni se tkun ta’ sfida għal ħafna strutturi tas-soċjetà u l-ekonomija u jista’ jkollha effetti negattivi għal ċerti setturi jekk ma tadattax ruħha għal dan il-kuntest ġdid. Wieħed mill-oqsma fejn jista’ jkollha impatt dannuż huwa s-sistema tas-sigurtà soċjali.

2.2.

Fl-Ewropa, is-sistemi ta’ sigurtà soċjali kif nafuhom illum ilhom mibnija iktar minn seklu ilu. Dawn huma bbażati fil-biċċa l-kbira fuq ir-rabta diretta tagħhom mas-suq tax-xogħol u huma ffinanzjati fil-parti l-kbira mill-kontribuzzjonijiet li jħallsu l-ħaddiema u l-impjegaturi, u kif ukoll f’livelli li jvarjaw, mit-taxxa. F’ħafna Stati Membri l-eżistenza ta’ kuntratt tax-xogħol individwali li jkun irreġistrat uffiċjalment jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali li tiddetermina l-istatus ta’ persuna assigurata ta’ ħaddiem għat-tliet pilastri kbar tas-sistema ta’ sigurtà soċjali: l-assigurazzjoni tal-pensjonijiet, l-assigurazzjoni kontra l-mard u l-assigurazzjoni kontra l-qgħad.

2.3.

Id-diġitalizzazzjoni ġabet bidliet sinifikanti fis-suq tax-xogħol u tkompli tagħmel dan. Dawn il-bidliet jidhru fl-eteroġeneità tal-forom ta’ impjiegi li huma distinti minn dawk ibbażati fuq kuntratt individwali ta’ impjieg permanenti, li kien predominanti fir-relazzjonijiet ta’ impjieg matul l-aħħar deċennji. Fil-fatt, huwa preċiżament sabiex jiġu evitati n-nozzjonijiet tradizzjonali ta’ “impjegat”, “imprenditur” jew “persuna li teżerċita attività f’isimha stess” li ħolqu dawn il-forom ġodda ta’ impjieg f’ċerti każijiet, li jinħbew b’ismijiet bħal “kuntrattur indipendenti” jew “assoċjat” (1). F’ambjent bħal dan, ikun meħtieġ li jsiru aġġustamenti fl-iskemi ta’ sigurtà soċjali, sabiex dawn jibqgħu sostenibbli u mmirati tajjeb fuq żmien twil.

2.4.

Hekk kif il-koorti ta’ impjegati tal-ġenerazzjoni tal-“baby boomers” iħallu s-suq tax-xogħol u sa ċertu punt, jiġu sostitwiti minn ħaddiema li ser jidħlu fil-forom ġodda ta’ xogħol, bħall-kuntratti b’sigħat żero, fuq talba jew ta’ dritt ċivili, l-iskemi ta’ protezzjoni soċjali ser jitqiegħdu taħt prova u din il-pressjoni ser taggrava biss hekk kif il-fenomenu tat-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea ser jikber.

2.5.

Huwa għalhekk ċar li s-sigurtà soċjali u s-sistemi ta’ ħarsien soċjali se jkollhom jiġu adattati għall-bidliet li d-diġitalizzazzjoni diġà qed iġġib fis-suq tax-xogħol. F’xi Stati Membri, l-imsieħba soċjali bdew id-djalogu meħtieġ biex jiġu identifikati l-għażliet varji ta’ politika u l-miżuri li jridu jittieħdu jekk għandhom jiġu implimentati, sabiex ikun żgurat li s-sistema ta’ ħarsien soċjali tibqa’ vijabbli u biżżejjed fl-era diġitali l-ġdida. Jinħtieġu wkoll linji gwida biex jiċċaraw kwistjonijiet mhux ċari marbuta mal-istatus tal-impjieg f’dak li għandu x’jaqsam mat-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali.

2.6.

Sehem dejjem jikber tal-forza tax-xogħol jista’ ma jkunx qed jikkontribwixxi għal, u b’konsegwenza, ma jibbenefikax minn, sistemi stabbiliti tas-sigurtà soċjali bħal benefiċċji jew assigurazzjoni tal-qgħad, tas-saħħa u tal-pensjoni. Din is-sitwazzjoni teħtieġ li tiġi indirizzata b’mod riżolut mill-imsieħba soċjali u l-gvernijiet fl-Istati Membri. Jinħtieġ ukoll li d-dibattitu jiġi estiż madwar l-UE, u jinvolvi lill-awtoritajiet lokali, parteċipanti oħra tas-soċjetà ċivili, assoċjazzjonijiet u fornituri, bil-ħsieb li jitfasslu miżuri ta’ politika vijabbli u sostenibbli u leġislazzjoni u miżuri komplementari li jiżguraw biżżejjed protezzjoni soċjali għall-forza tax-xogħol kollha – inklużi l-ħaddiema għal rashom.

3.   Politiki għall-iżgurar tas-sistemi sostenibbli tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali fl-era diġitali

3.1.

Id-diġitalizzazzjoni ġabet bidliet kbar fis-suq tax-xogħol u tkompli tagħmel dan. Illum il-ġurnata jeżistu ħafna forom ta’ reklutaġġ li ma jaqgħux fil-qafas ta’ relazzjoni tradizzjonali bejn l-impjegatur u l-ħaddiem, bħalma huma l-ħaddiema tal-pjattaforma li spiss jitqiesu li għandhom impjieg indipendenti. Dan il-fenomenu jitfa’ lis-sistemi tas-sigurtà soċjali taħt pressjoni kbira. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jindirizzaw u, jekk meħtieġ, jirregolaw dawn il-fenomeni fir-riforma tas-suq tax-xogħol u s-sistemi ta’ sigurtà soċjali.

3.2.

Il-leġislazzjoni speċifika dwar is-suq tax-xogħol li teżisti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri hija li l-bażi tar-relazzjoni ta’ impjieg tinsab f’kuntratt individwali ta’ impjieg. Ħafna forom ġodda ta’ impjiegi li nħolqu minħabba ż-żieda f’teknoloġiji ġodda m’għadhomx jużaw il-kuntratt ta’ impjieg. Il-KESE jħoss li s-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema għandha tiġi ċċarata sabiex ikun jistgħu jingħataw kopertura adegwata, f’konformità mal-prinċipji fundamentali tas-sistemi nazzjonali, fir-rigward tas-suq tax-xogħol u s-sigurtà soċjali. F’każ ta’ telf ta’ impjieg, dawk il-ħaddiema jissieħbu direttament mal-kategorija ta’ persuni fil-bżonn, peress li huma ma jibbenefikawx mill-protezzjoni ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali.

3.3.

L-iskemi ta’ pensjoni pubbliċi tal-Istati Membri għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Madankollu, l-ammont tal-pensjoni bbażata fuq il-karriera huwa ġeneralment ikkalkulat skont il-valur tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-impjegat u minn min iħaddem matul il-ħajja tax-xogħol tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-ħaddiema li jkunu eżerċitaw attivitajiet atipiċi, mhux abbażi ta’ kuntratt ta’ impjieg normali, f’ħafna każijiet isibuha diffiċli biex jakkumulaw id-drittijiet għall-pensjoni adatti għall-perjodi kkonċernati. Peress li, matul ċertu perjodu ta’ żmien, huma ma bbenefikawx minn kuntratt ta’ xogħol, il-pensjoni tal-irtirar li ser jirċievu ser tkun ta’ livell baxx ħafna, u hemm ir-riskju li jsibu ruħhom taħt il-linja tal-faqar. Il-KESE jemmen li fil-kuntest tal-leġislazzjoni fil-qasam tal-iskemi tal-pensjoni, l-Istati Membri għandhom jintroduċu dispożizzjoni li tobbliga li titħallas kontribuzzjoni għall-persuni kollha li jiġġeneraw dħul professjonali.

3.4.

Il-biċċa l-kbira tal-leġislazzjoni tal-pensjonijiet tal-Istati Membri tobbliga lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom biex iħallsu l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni. Id-definizzjonijiet ta’ xogħol minn ħaddiema li jaħdmu għal rashom u xogħol ta’ dawk impjegati huma rregolati permezz tal-liġi fiskali jew tal-liġi tax-xogħol. Madankollu, f’bosta każijiet, l-awtoritajiet isibuha diffiċli biex tiġi stabbilita n-natura tax-xogħol, speċjalment fejn il-ħaddiema huma involuti f’forom ġodda ta’ impjieg. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jiċċaraw il-leġislazzjoni tagħhom, fejn meħtieġ, sabiex jiġi żgurat li forom xogħol ta’ dawk li huma impjegati jkunu jistgħu jiġu identifikati aktar faċilment. B’dan il-mod, il-ħaddiema onlajn u ħaddiema f’forom ġodda ta’ xogħol oħrajn jistgħu jiġu identifikati aktar faċilment, u l-Istati Membri se jkunu f’qagħda aħjar biex jipproteġu l-akkumulazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni tagħhom.

3.5.

Sabiex ikun possibbli li jkun hemm proċess eħfef biex jiġu identifikati dawk il-ħaddiema li, minħabba li jkunu jeżerċitaw forma ġdida ta’ xogħol f’mument partikolari, ma jkollhomx l-istatus ta’ persuna assigurata taħt is-sistema pubblika tal-pensjonijiet, il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jikkollegaw is-sistemi elettroniċi tal-operatur tad-dispożittiv nazzjonali tagħhom tal-pensjonijiet u tal-amministrazzjoni tat-taxxa tagħhom. Meta jagħmlu dan, huma jkunu kapaċi jidentifikaw malajr lill-persuni li, għalkemm jirċievu dħul ta’ natura professjonali, ikunu qatt ma bbenefikaw minn status ta’ persuna assigurata fi ħdan is-sistemi pubbliċi tal-pensjonijiet. B’hekk dawn ikunu jistgħu jiġu integrati malajr fost il-persuni assigurati.

3.6.

Fir-rigward tal-assigurazzjoni tal-qgħad, il-KESE jirrakkomanda li tkompli tiġi eżaminata l-proposta attwali li tiġi stabbilita skema ta’ assigurazzjoni fil-livell tal-UE (2), jekk tali skema ta’ assigurazzjoni tkun iffinanzjata permezz ta’ kontribuzzjoni mħallsa mill-kumpaniji kollha fl-UE. Barra minn hekk, għandha tiġi eżaminata wkoll il-possibbiltà li jiġu stabbiliti standards minimi mal-UE kollha għal skemi nazzjonali tal-qgħad, parzjalment biex jiġi żgurat li kwalunkwe persuna li qed tfittex l-impjieg jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju, inklużi dawk li kienu involuti f’forom ġodda ta’ impjieg.

3.7.

Is-sistemi nazzjonali tal-assigurazzjoni tas-saħħa tal-UE huma sistemi li jiżguraw kopertura kważi universali. Il-ħaddiema indipendenti huma ta’ spiss legalment obbligati li jikkontribwixxu għall-iskema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa pubblika u għaldaqstant jirċievu l-istatus ta’ persuna assigurata jew ta’ benefiċjarju. Madankollu, fil-każ ta’ ċerti ħaddiema li jeżerċitaw l-attività tagħhom f’forom ġodda ta’ xogħol u ma jiddikjarawx b’mod formali d-dħul ta’ natura professjonali, jeżisti r-riskju li ma jibbenefikawx mill-istatus ta’ persuna assigurata taħt l-iskema pubblika tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kopertura ta’ persuni f’din is-sitwazzjoni.

3.8.

Fl-istess ħin, id-drittijiet tas-sigurtà soċjali, li huma bbażati fuq il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet mill-impjegat u minn min jimpjegah, ċerti Stati Membri għandhom, skont is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom, drittijiet oħra regolati li jippermettu lill-benefiċjarji tagħhom li jirċievu l-benefiċċji. Dawn jinkludu l-leave tal-ġenituri, il-benefiċċji tal-familja, għat-tfal jew dawk ta’ tipi oħra. Għalkemm dawn id-drittijiet huma ta’ natura mhux kontributorja, l-għoti tal-benefiċċji relatati għandha ssir abbażi tad-dritt għall-benefiċċju, li f’ċerti Stati Membri u f’ċerti każijiet, ikun jissoponi li l-benefiċjarju potenzjali jkollu l-istatus ta’ impjegat. Dan jeskludi de facto lill-ħaddiema li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-forom ġodda ta’ xogħol, li ma jistgħux jiksbu l-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet.

3.9.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu sforzi biex jinstabu soluzzjonijiet għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħaddiem favur persuni li jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ natura professjonali fil-qafas ta’ professjonijiet ġodda speċifiċi għat-teknoloġiji diġitali. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li jsir użu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tat l-istatus ta’ ħaddiema lil persuni li, għalkemm mingħajr kuntratt ta’ impjieg normali, kienu jinsabu f’sitwazzjoni fejn huma kienu jeżerċitaw attività bħala parti minn relazzjoni ta’ dipendenza bi ħlas. Li jingħata lil dawk interessati l-istatus ta’ ħaddiem tista’ ssolvi l-problema li jingħatalhom aċċess għall-benefiċċji tal-iskema tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali bħall-impjegati konvenzjonali.

3.10.

Il-KESE laqa’ b’sodisfazzjon id-dibattitu mniedi mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-iżvilupp ta’ Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Huwa imperattiv li dan id-dibattitu jinkludi wkoll is-sitwazzjoni tal-ħaddiema impjegati f’forom ġodda ta’ xogħol u, b’mod partikolari, tal-metodu ta’ rikonoxximent tal-istatus tagħhom, kif ukoll li jiżgura li jkollhom aċċess adatt għall-benefiċċji pprovduti mis-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali.

3.11.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri jiżviluppaw pjattaformi li jinkludu l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u li jipproponu ideat biex jadattaw is-suq tax-xogħol f’kuntest globalizzat. Il-KESE jqis li biex jitwieġbu l-isfidi tal-era diġitali, is-suq tax-xogħol għandu jiġi adattat għar-realtajiet ġodda, u jiżgura l-moviment ħieles tal-ħaddiema filwaqt li jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu koperti minn skemi ta’ sigurtà soċjali u r-regolamenti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

3.12.

Minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema f’forom ġodda ta’ impjieg speċifiku għall-era diġitali, il-KESE jemmen li soluzzjoni komprensiva għall-problemi relatati mar-rikonoxximent tad-drittijiet ta’ sigurtà soċjali għal dawn in-nies setgħet tinstab billi jiġi rriformat il-mod li bih is-sistema hija ffinanzjata. Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jesploraw modi ta’ finanzjament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali li mhux biss jiżguraw is-sostenibbiltà ta’ dawk is-sistemi, iżda jissodisfaw ukoll il-ħtieġa li jingħata aċċess għalihom lil persuni involuti f’forom ġodda ta’ xogħol. Sabiex tkun żgurata s-sostenibilità tas-sistemi soċjali fil-futur u biex jittaffa l-piż tax-xogħol, għandu jitqies l-użu ta’ parti mid-dividend tad-diġitalizzazzjoni għal dan il-għan

Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Konferenza tal-KESE u l-ILO dwar il-ġejjieni tax-xogħol, Brussell, 15 u 16 ta’ Novembru 2016.

(2)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 24.