2.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/29


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Sħubijiet għall-iżvilupp tal-UE u l-isfida tal-ftehimiet internazzjonali dwar it-taxxa”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2018/C 081/05)

Relatur:

Alfred GAJDOSIK

Korelatur:

Thomas WAGNSONNER

Data tad-deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

26.1.2017

Bażi legali

L-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

28.9.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

18.10.2017

Sessjoni tal-plenarja Nru

529

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

182/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja politika ta’ żvilupp li tqis l-iżvilupp bħala proċess imwettaq bejn il-pajjiżi fuq termini ugwali, ibbażata fuq ir-rispett u deċiżjonijiet sovrani. Il-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) miftiehma fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) jitolbu sforzi kkoordinati f’livell globali. Qed jiġi enfasizzat li l-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU seta’ jaqdi rwol saħansitra ikbar bħala forum xieraq fejn jidħlu kwistjonijiet relatati mat-taxxa. Dan ifisser kieku li jiġi żgurat kemm l-orjentament lejn l-SDG tal-Aġenda 2030 u kemm il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kollha bħala partijiet ugwali.

1.2.

Fid-dawl tal-ftehimiet internazzjonali għar-riforma tal-leġislazzjoni fiskali internazzjonali, pereżempju permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS) tal-OECD, ikun xieraq li ssir evalwazzjoni tal-effetti ta’ dawn l-isforzi riformatorji internazzjonali fuq l-SDG u li dawn tal-aħħar jiġu kkunsidrati aktar fil-kuntest tal-iżvilupp ulterjuri tal-politiki internazzjonali dwar it-taxxa. Il-KESE jinnota li biex jintlaħqu l-SDGs hemm bżonn ta’ riżorsi finanzjarji. Madankollu, ħafna pajjiżi qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi kbar meta jiġu biex jiġġeneraw dħul pubbliku permezz tad-dħul mit-taxxi. Ir-raġunijiet huma s-sistemi tat-taxxa fuq l-introjtu u tat-taxxa fuq il-bejgħ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma diffiċli li jiġu implimentati u l-kompetizzjoni globali fil-qasam tat-taxxa b’rabta mat-taxxa korporattiva, kif ukoll id-disinn ta’ Ftehimiet dwar it-Taxxa Doppja, jistgħu jkunu wkoll parti mill-problema. Il-limitazzjonijiet tal-kapaċità u trażmissjoni inadegwata tal-informazzjoni huma fatturi oħra.

1.3.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri għamlu sforzi konsiderevoli fil-kuntest tar-riforma internazzjonali sabiex jiġu indirizzati d-dgħufijiet fis-sistema internazzjonali tat-taxxa. Dawn l-isforzi qed jintlaqgħu b’sodisfazzjon u jridu jiġu appoġġjati u implimentati b’mod effikaċi u jispiċċaw jiġu soġġetti għal monitoraġġ regolari. Dawn ir-riformi huma mmexxija l-aktar mill-pajjiżi żviluppati ewlenin fi ħdan l-OECD. Ta’ min wieħed jeżamina l-possibbiltà li n-NU jkunu forum aktar adattat għall-iżvilupp globali tal-politika internazzjonali dwar it-taxxa, minħabba l-fatt li l-imsieħba tagħhom ġejjin mid-dinja kollha u fuq kollox jinkludu anki l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Bla dubju, il-KESE huwa konxju tan-nuqqas ta’ riżorsi u ta’ persunal fi ħdan il-Kumitat dwar it-Taxxa tan-NU. Għalhekk, jenħtieġ li n-NU jiġu pprovduti b’mezzi suffiċjenti.

1.4.

Il-miżuri tal-UE għat-trasparenza fiskali internazzjonali kif ukoll dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-BEPS se jħallu effett anki fuq pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Parlament Ewropew (PE) u l-Kummissjoni Ewropea diġà esprimew fehmithom dwar kwistjonijiet relatati mal-punti ta’ intersezzjoni bejn il-politika fiskali u dik dwar l-iżvilupp. Tintlaqa’ b’sodisfazzjon il-Platform of Tax Good Governance żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea. Is-sett ta’ strumenti relatat mal-effetti kollaterali tal-konvenzjonijiet kontra t-taxxa doppja ppreżentat fil-pjattaforma f’dokument ta’ ħidma jista’ jiġi rrakkomandat bħala bażi ta’ riflessjoni għar-reviżjoni ta’ konvenzjonijiet kontra t-taxxa doppja ma’ pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp mill-Istati Membri.

1.5.

Il-KESE jinnota li f’rapport tal-PE tal-2015 intalbu għadd ta’ miżuri għat-titjib li għadhom ma ġewx implimentati. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-opinjonijiet preċedenti tiegħu stess li fihom dikjarazzjonijiet fuq kollox dwar ir-rappurtar skont il-pajjiż u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, b’osservazzjonijiet dwar reġistri pubbliċi tal-proprjetarji. Il-KESE jinnota li qed tiġi żviluppata lista tal-ġurisdizzjonijiet fiskali li mhux qed jikkooperaw. Iħeġġeġ sforzi ikbar biex jiġu implimentati t-talbiet rispettivi tal-PE u jirrakkomanda biex tiġi indirizzata l-kritika eżistenti min-naħa tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Ikun utli li wieħed jappoġġja l-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri f’livell dinji permezz ta’ ftehimiet fiskali internazzjonali, bil-għan li jittejjeb il-livell ta’ informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet fiskali fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. L-għan irid ikun li jinkisbu l-istess standards madwar id-dinja, filwaqt li l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ikun jista’ jkollhom sehem indaqs fl-abbozzar tagħhom.

1.6.

Il-KESE jappella biex tiġi żgurata koerenza bejn il-politiki internazzjonali dwar it-taxxa tal-Istati Membri u l-objettivi tal-politiki tal-iżvilupp, sabiex jiġu evitati kunflitti bejn il-politiki tat-taxxa tal-pajjiżi individwali u l-prijoritajiet ta’ żvilupp konġunti.

1.7.

Il-KESE jqis il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-politiki tat-taxxa internazzjonali tal-Istati Membri bħala mezz sabiex jiġi ttestjat l-impatt tal-Ftehimiet dwar it-Taxxa Doppja u inċentivi tat-taxxa fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Ikun tajjeb li dawn jiġu appoġġjati u jsiru prattika komuni. F’każijiet ta’ kunflitti potenzjali mal-politiki Ewropej tal-iżvilupp, tali analiżijiet jkunu utli anki min-naħa tal-Unjoni Ewropea. Il-konvenzjonijiet eżistenti kontra t-taxxa doppja għandhom jiġu riveduti filwaqt li dawk li jridu jiġu nnegozjati mill-ġdid għandhom jiġu kkonklużi billi jittieħed kont ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

1.8.

Il-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD, li bħalissa jintuża l-aktar, ġie żviluppat primarjament fid-dawl tal-interessi tal-pajjiżi industrijalizzati. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li, meta jkunu qed jinnegozjaw konvenzjonijiet kontra t-taxxa doppja ma’ pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, l-Istati Membri tal-UE jieħdu aktar inkonsiderazzjoni l-bżonnijiet tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Il-KESE jinnota li abbażi tal-konvenzjoni tal-OECD ġie żviluppat anki mudell ta’ konvenzjoni tan-NU, bil-għan li tiġi regolata t-tassazzjoni bejn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u dawk industrijalizzati u biex b’hekk l-istati tas-sors jingħataw aktar drittijiet li jintaxxaw.

1.9.

Il-KESE ilu jappoġġja l-investiment privat biex jitrawwem l-iżvilupp, meta tali żvilupp ikun konformi mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u d-drittijiet bażiċi ekonomiċi, ambjentali u soċjali, u meta jiġu rispettati l-konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti. Iċ-ċertezza tad-dritt hija fattur importanti meta wieħed irid jappoġġja klima kummerċjali favorevoli għall-investimenti u b’hekk anki għall-investimenti diretti barranin. Peress li l-kwistjonijiet tat-tassazzjoni ma jistgħux jinfirdu mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, jenħtieġ li l-intrapriżi jħallsu t-taxxi kif dovut fil-post fejn jinħolqu profitti permezz ta’ valur miżjud (pereżempju produzzjoni, estrazzjoni ta’ materja prima).

1.10.

Il-KESE jinnota li l-UE u l-Istati Membri tagħha, fil-Kunsens Ewropew il-Ġdid dwar l-Iżvilupp, impenjaw ruħhom għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi msieħba tagħhom fl-estensjoni ta’ miżuri progressivi tat-tassazzjoni u kontra l-korruzzjoni u l-politiki ridistributtivi kif ukoll għall-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti. Jenħtieġ, però, li l-politika dwar it-taxxa tkun element saħansitra aktar importanti tal-politika Ewropea dwar l-iżvilupp. Il-KESE jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea rigward il-fora reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li huma attivi fil-qasam tat-taxxa. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jaqdu funzjoni ta’ kontroll u appoġġ, anki fi ħdan il-qasam tat-taxxa, u għalhekk ta’ min wieħed jinvolvihom u jappoġġjahom aktar. L-appoġġ għal miżuri xierqa ta’ bini ta’ kapaċità fil-qasam tat-taxxa, inkluż it-tagħlim bejn il-pari u l-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar, se jkollhom impatt dejjiemi fuq il-proġetti ta’ żvilupp.

1.11.

Il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa trid tkun parti integrali mir-responsabbiltà soċjali korporattiva fil-kuntest tal-obbligi ta’ rappurtar tal-intrapriżi.

1.12.

Il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ klawżoli dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fil-ftehimiet rilevanti kollha bejn l-UE u pajjiżi jew reġjuni terzi, bil-għan li jitmexxa ’l quddiem l-iżvilupp sostenibbli.

1.13.

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi eżaminata l-possibbiltà li ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ġodda jew riveduti bejn l-UE u l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp iservu ta’ opportunità biex jiġu analizzati anki l-konvenzjonijiet bilaterali dwar it-taxxa. Ikun tajjeb li tali eżami jsir b’valutazzjonijiet tal-impatt rigward l-effetti tal-politiki internazzjonali dwar it-taxxa tal-Istati Membri fuq il-miri tal-politiki tal-iżvilupp.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Għadd ta’ studji (1) jqajmu l-kwistjoni ta’ jekk il-politika fiskali internazzjonali tal-Istati Membri, b’mod partikolari ħafna dispożizzjonijiet fil-konvenzjonijiet kontra t-taxxa doppja, hiex tmur kontra l-għanijiet tal-politika Ewropea dwar l-iżvilupp. Barra minn hekk, skont dawn l-istudji, il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp huma esportaturi netti ta’ kapital lejn il-pajjiżi industrijalizzati – fenomenu dovut, f’parti sinifikanti tiegħu, għal flussi tal-kapital li bihom qed jiġu evitati t-taxxi. Dan jgħodd l-aktar eżatt għal dawk il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp bl-inqas introjtu, għax hemmhekk kważi ma jeżistux sorsi ta’ finanzjament domestiċi.

2.2.

L-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien huma l-ikbar donaturi tal-għajnuna għall-iżvilupp u għandhom rwol partikolarment importanti fit-tfassil ta’ ftehimiet dwar it-tassazzjoni. Huma impenjaw ruħhom biex jiksbu l-SDG, għalkemm huma biss ftit l-Istati Membri li jilħqu l-mira ta’ għajnuna ta’ 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING). L-effetti tal-Brexit fuq il-finanzjament fil-futur tal-kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp mhumiex ċari. Hija ppjanata aktar azzjoni biex jiġi promoss l-investiment privat b’rabta mal-miri tal-politika dwar l-iżvilupp. Ir-riżorsi tal-ODA (Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp) jiddependu mill-politiki tad-donaturi.

2.3.

Għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, l-SDG jinkludu, fost l-oħrajn, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi, appoġġ internazzjonali biex itejbu l-kapaċità domestika għall-ġbir tat-taxxi, tnaqqis fil-flussi finanzjarji illeċiti u sehem f’istituzzjonijiet ta’ governanza globali. Minn dan joħroġ fid-dieher li bażi stabbli tad-dħul pubbliku, sforzi biex jiġi miġġieled it-traffikar illeċitu ta’ ħruġ ta’ riżorsi, u sehem indaqs għall-pajjiżi kollha fit-tfassil tar-regoli tat-taxxa globali huma pilastri importanti tal-iżvilupp sostenibbli. It-tfal, in-nisa u gruppi vulnerabbli oħra fis-soċjetajiet tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jibbenefikaw mill-iżvilupp b’mod partikolarment sinifikanti (2).

2.4.

Il-flejjes mill-kooperazzjoni pubblika għall-iżvilupp mhumiex suffiċjenti għall-iffinanzjar tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, hemm bżonn ta’ riżorsi domestiċi, bħalma kien il-każ tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju fil-passat (3). Biex jiġu mmobilizzati dawn ir-riżorsi, jenħtieġ li jittejjeb il-ġbir tat-taxxi u li jintlaħaq dħul ikbar mit-taxxa permezz tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli kif ukoll it-twessigħ tal-bażi tat-taxxa.

3.   L-isfidi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw

3.1.

It-tassazzjoni hija sors aktar stabbli ta’ finanzi minn tipi oħra ta’ dħul, iżda ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw isibuha aktar diffiċli minn pajjiżi żviluppati biex jiġġeneraw biżżejjed dħul mit-taxxa.

3.2.

F’dawn l-aħħar deċenni, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ globali ġiet ferm imfittxija permezz tat-tnaqqis tat-tariffi ta’ importazzjoni u esportazzjoni, bil-għan li jitrawmu l-iżvilupp ekonomiku, l-investiment u l-prosperità tal-popolazzjoni inġenerali. Dawn l-effetti li fil-prinċipju huma pożittivi jagħmlu possibbli anki t-twessigħ tal-bażi tat-taxxa, sakemm l-amministrazzjonijiet fiskali jkunu f’pożizzjoni jisfruttawhom. Madankollu, b’hekk tnaqqas ukoll id-dħul tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp minn sorsi importanti u faċilment aċċessibbli. It-tkabbir u l-investimenti, però, iridu jiġu riflessi anki fl-istruttura tad-dħul tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

3.3.

Sabiex ipattu għat-telf fid-dħul, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta’ spiss jintroduċu taxxi fuq il-bejgħ, li jista’ jkollhom effett rigressiv. Sistema fiskali magħmula minn tipi differenti ta’ taxxa tnaqqas id-dipendenza fuq it-tipi individwali ta’ taxxa u tiżgura dħul domestiku stabbli.

3.4.

Fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ta’ spiss ikun diffiċli li tiġi implimentata t-tassazzjoni tal-proprjetà tal-art u tal-assi. Però minħabba r-rimunerazzjonijiet baxxi fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, it-taxxi fuq il-pagi u s-salarji jiġġeneraw dħul mit-taxxa relattivament baxx. It-taxxa fuq l-introjtu tinġabar fuq kollox mill-impjegati tas-settur pubbliku u n-nies li jaħdmu għal kumpaniji internazzjonali. Barra minn hekk, spiss ikun hemm ekonomija informali fuq skala kbira.

3.5.

Ir-rapport ta’ Mbeki nkluda d-dħul permezz tal-evitar tat-taxxa fil-“flussi finanzjarji illeċiti (4). Dan donnu jisboq d-dħul tar-riżorsi mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp (5). Kooperazzjoni internazzjonali ikbar bejn l-awtoritajiet għat-trawwim tat-trasparenza u t-tisħiħ tal-miżuri leġislattivi u regolatorji hija importanti biex jitwaqqfu dawn il-flussi illeċiti. It-tisħiħ tad-drittijiet ta’ proprjetà fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa diżinċentiv importanti wkoll għall-ħruġ ta’ kapital.

3.6.

It-taxxi korporattivi għandhom rwol aktar importanti fl-istruttura tad-dħul mit-taxxa tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp milli tal-pajjiżi industrijalizzati. Għalhekk jintlaqtu aktar minn strateġiji għall-evitar tat-taxxa. Fl-istess ħin, i r-rati nominali kif ukoll effettivi tat-taxxi korporattivi madwar id-dinja ilhom jonqsu sa mis-snin 1980, biex jinġibdu l-investimenti. Għall-intrapriżi, it-taxxa korporattiva hija indikatur importanti tal-klima ta’ investimenti. B’hekk inħolqot kompetizzjoni internazzjonali tat-taxxa, li minħabba l-istruttura tad-dħul tagħhom mit-taxxa hija aktar problematika għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp milli għall-pajjiżi industrijalizzati. L-effetti kollaterali tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa huma kwistjoni li diġà tqajmet mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) (6). Barra minn hekk, għadd kbir ta’ pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp qed jiffaċċjaw għadd żgħir ta’ kumpaniji kbar li jinvestu u li għandhom sehem importanti mid-dħul kollu mit-taxxa korporattiva.

3.7.

Huwa diffiċli li l-awtoritajiet fiskali jivvalutaw il-prezzijiet tat-trasferiment skont il-prinċipju ta’ distakkament għal tranżazzjonijiet transkonfinali bejn il-kumpaniji fi ħdan grupp. L-awtoritajiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom kapaċità limitata biex jagħmlu dan, u l-manipulazzjoni tal-prezzijiet tat-trasferiment minħabba t-taxxa tibqa’ problema importanti.

3.8.

Il-konvenzjonijiet kontra t-taxxa doppja jiċċaraw id-dritt tal-pajjiżi kontraenti li jintaxxaw, jirregolaw l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali u b’hekk jagħtu ċertezza tad-dritt. Għalhekk, jistgħu jitqiesu bħala inċentivi għal investimenti diretti barranin mill-intrapriżi u fl-aħħar mill-aħħar jippromovu t-tkabbir. Il-konvenzjonijiet kontra t-taxxa doppja jista’ jkollhom effetti anki fuq id-dritt tal-pajjiżi tas-sors li jintaxxaw. Ir-rati tat-taxxi minn ras il-għajn fuq il-liċenzji, l-imgħax u d-dividendi s-soltu jkunu aktar baxxi mir-rati tat-taxxi domestiċi. Ċerti dispożizzjonijiet, bħal pereżempju definizzjoni ristrettiva tal-istabbiliment, jistgħu jillimitaw id-dritt tal-pajjiżi li jintaxxaw. Bla dubju, il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp huma interessati f’investimenti ulterjuri, iżda jistgħu jitilfu d-dritt li jintaxxaw. Il-Ftehimiet dwar l-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar it-Taxxa għalhekk jistgħu jkunu għażla aħjar, jekk pajjiż prinċipalment ifittex li jikseb informazzjoni dwar it-taxxa minn ġurisdizzjonijiet oħra.

3.9.

Bħala punt tat-tluq għan-negozjati jintuża l-aktar il-mudell ta’ konvenzjoni dwar it-taxxa tal-OECD, li huwa pjuttost immirat lejn l-interessi tal-pajjiżi industrijalizzati (7). Il-mudell ta’ konvenzjoni tan-NU huwa mfassal bħala alternattiva għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u jirrifletti aktar l-interessi tagħhom (8). B’mod ġenerali jipprevedi li l-pajjiżi tas-sors jingħataw aktar drittijiet li jintaxxaw mill-pajjiż tal-oriġini tal-kumpanija li tipproduċi.

3.10.

Il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jistgħu jiċċaħħdu mid-dħul mit-taxxa meta gruppi ta’ kumpaniji jistabbilixxu entitajiet bi skop speċjali f’pajjiżi differenti biex ikun hemm kompetizzjoni bejn għadd ta’ konvenzjonijiet kontra t-taxxa doppja sabiex inaqqsu t-taxxi. Jista’ jkun diffiċli wkoll għall-pajjiż tas-sors li jintaxxa s-servizzi u t-trasferimenti indiretti tal-assi abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet dwar it-Taxxa Doppja. Ikun tajjeb li jittieħed kont tax-xewqa għal opportunitajiet tajba għat-trasferiment ta’ teknoloġija, bil-għan li jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

3.11.

Hemm studji dwar it-telf ta’ dħul fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. L-organizzazzjoni mhux governattiva Olandiża, SOMO, stmat it-telf annwali tad-dħul mit-taxxa minn ras il-għajn fuq l-imgħax u d-dividendi li jirriżulta minn Ftehimiet dwar it-Taxxa Doppja bejn in-Netherlands u 28 pajjiż li qed jiżviluppaw għal EUR 554 miljun (9). Studju Awstrijak ikkkonkluda li għandhom jitwettqu l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Ftehimiet dwar it-Taxxa Doppja għaliex dawn jistgħu jwasslu għal telf tad-dħul, anke jekk jiżdied l-investiment (10). Skont stimi mill-Unctad fil-“World Investment Report 2015”, minn gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali daħlu ħlasijiet ta’ madwar 730 biljun dollaru Amerikan fil-baġits tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Madankollu, dan ir-rapport juri telf annwali ta’ dħul mit-taxxi fil-livell ta’ mitt biljun dollaru Amerikan, li minnhom jiċċaħħdu l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp billi l-investimenti barranin jitwettqu permezz ta’ ċentri tal-investimenti offshore (11). Tali telf tad-dħul jmur kontra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli deskritti hawn fuq.

4.   Miżuri f’livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali – il-kontribut tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha

4.1.

Qed isiru aktar sforzi biex il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jingħataw appoġġ fil-qasam tat-taxxa, pereżempju fil-qafas tal-Inizjattiva Fiskali ta’ Addis. Il-politika internazzjonali dwar it-taxxa taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri. Il-Ftehimiet dwar it-Taxxa Doppja konklużi bilateralment, l-inizjattivi leġislattivi tal-UE huma essenzjalment limitati għal strumenti biex jitlesta s-suq intern. Rigward il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (Policy Coherence for Development – PCD) hemm kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea l-Istati Membri tagħha (12). L-effetti tas-sistema internazzjonali tat-taxxa fuq l-iżvilupp qed jiġu rrikonoxxuti u ttrattati anki min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea (13). Biex tiġi żgurata l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, jenħtieġ li jiġu eżaminati l-effetti fuq il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp tal-politiki tat-taxxa fl-UE li huma inkompatibbli mal-objettivi tal-politika għall-iżvilupp, u biex jitteħdu miżuri fejn xieraq.

4.2.

Fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti, qed issir ħidma fuq kwistjonijiet tat-taxxa permezz tal-proċess ta’ Finanzjament għall-Iżvilupp, l-Ecosoc u l-Kumitat dwar it-Taxxa tan-NU, kif ukoll permezz ta’ aġenziji speċjalizzati bħall-Unctad. Fuq talba tal-G20, ġew miftiehma riformi estensivi fi ħdan l-OECD bil-għan li jiġġieldu l-BEPS. Il-kwistjonijiet ewlenin hawnhekk jinkludu l-eliminazzjoni tal-għażla opportunistika tat-trattati, il-prattiki dannużi dwar it-taxxa minn gvernijiet (bħalma huma s-sistemi ta’ inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi u “deċiżjonijiet” ambigwi), diskrepanzi ibridi fit-trattament tat-taxxa tad-dejn, u l-ipprezzar u r-rappurtar ineffiċjenti tat-trasferimenti. Minħabba l-importanza tad-dħul mit-taxxa korporattiva għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp huwa mistenni li l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-BEPS ikollu effetti pożittivi fuqhom.

4.3.

Ħafna pajjiżi mhux membri tal-OECD, fosthom stati Afrikani, issieħbu mal-qafas komprensiv tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-BEPS tal-OECD. 103 pajjiżi qablu fuq l-adozzjoni ta’ konvenzjoni multilaterali ġdida dwar il-BEPS f’Ġunju tal-2017 li tissemplifika l-interpretazzjoni tal-konvenzjonijiet bilaterali dwar it-taxxa fid-dawl tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-BEPS. Tnediet pjattaforma għall-kollaborazzjoni dwar it-taxxa min-NU, l-OECD, il-FMI u l-Bank Dinji bl-intenzjoni li jintensifikaw il-kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet ta’ taxxa. L-inizjattiva tista’ tikkontribwixxi għal aktar koerenza bejn il-ħidmiet tal-OECD u l-korpi tan-NU. Jenħtieġ li jiġi mmonitorjat jekk hux qed jintlaħaq l-effett mixtieq.

4.4.

Il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi tal-OECD rigward l-iżvilupp ulterjuri ta’ sistema fiskali internazzjonali aħjar. Madankollu, xi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (14) jikkritikaw li l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp m’għandhomx id-dritt tal-vot fi ħdan l-OECD. Ġew mistiedna biex jipparteċipaw biss wara li tfassal il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-BEPS. Fehma simili ġiet espressa mill-PE, li talab it-tisħiħ tal-korpi rispettivi tan-NU, sabiex isiru possibbli disinn u riforma internazzjonali tal-politika internazzjonali dwar it-taxxa fuq termini ugwali (15). F’dokument ta’ ħidma tal-FMI, esperti jesprimu wkoll it-tħassib tagħhom dwar l-impatt tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-BEPS fuq il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp (16).

4.5.

Sabiex jiġu evalwati l-effetti tal-passi riformatorji u dawn tal-aħħar jiġu adattati fejn xieraq, jenħtieġ li l-korpi rispettivi tan-NU, b’mod partikolari l-Kumitat dwar it-Taxxa tan-NU, jissaħħu u jingħataw aktar riżorsi. Fi kwalunkwe każ ikun tajjeb li l-Kummissjoni Ewropea tissorvelja l-implimentazzjoni tal-konvenzjoni multilaterali dwar il-BEPS iffirmata f’Ġunju 2017 u tkompli l-impenn tagħha favur l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet tat-taxxa bejn in-NU, l-OECD u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

4.6.   Miżuri attwali tal-Unjoni Ewropea b’impatt fuq il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp

4.6.1.

Il-pakkett ta’ miżuri biex jiġi miġġieled l-evitar tat-taxxa indirizza kwistjonijiet relatati mal-politiki tat-taxxa internazzjonali, jiġifieri lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-UE (17). L-informazzjoni mir-rappurtar skont il-pajjiż b’konformità mar-rekwiżiti (18) stabbiliti mill-UE, il-G20 u l-OECD hija strument importanti għall-awtoritajiet fiskali. Pubblikazzjoni ta’ data speċifika għal kull pajjiż tista’ tippermetti li pubbliku usa’, inkluż l-impjegati u l-investituri li jaġixxu b’mod responsabbli, iqis aħjar sa fejn l-intrapriżi qed iħallsu t-taxxi fil-post fejn jagħmlu l-profitti tagħhom. Il-KESE jinnota li f’rapport tal-PE tal-2015 intalbu għadd ta’ miżuri għat-titjib li għadhom ma ġewx implimentati. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-opinjonijiet preċedenti tiegħu stess li fihom dikjarazzjonijiet fuq kollox dwar ir-rappurtar skont il-pajjiż u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, b’osservazzjonijiet dwar reġistri pubbliċi tal-proprjetarji. Il-KESE jinnota li qed tiġi żviluppata lista tal-ġurisdizzjonijiet fiskali li mhux qed jikkooperaw. Iħeġġeġ sforzi ikbar biex jiġu implimentati t-talbiet rispettivi tal-PE u jirrakkomanda biex tiġi indirizzata l-kritika eżistenti min-naħa tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Ikun utli li wieħed jappoġġja l-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri f’livell dinji permezz ta’ ftehimiet fiskali internazzjonali, bil-għan li jittejjeb il-livell ta’ informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet fiskali fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. L-għan irid ikun li jinkisbu l-istess standards madwar id-dinja, filwaqt li l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ikun jista’ jkollhom sehem indaqs fl-abbozzar tagħhom.

4.6.2.

L-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni relatata mat-taxxa kien previst fi ħdan l-Unjoni Ewropea permezz ta’ bidliet li ssupplimentaw id-Direttiva dwar għajnuna reċiproka (19). Madankollu, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għad fadlilhom jikkonkludu ftehimiet bilaterali ta’ assistenza reċiproka ma’ pajjiżi Ewropej. Għal dan il-għan hemm bżonn skambju reċiproku ta’ data u s-sigurtà tad-data, li ta’ spiss toħloq problema ta’ kapaċità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

4.6.3.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva (20) tindirizza l-kwistjonijiet imqajma f’din l-opinjoni. Bħalissa qed titfassal lista komuni tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet fiskali li mhux qed jikkooperaw (21). Il-KESE laqa’ b’sodisfazzjon l-iżvilupp tal-lista. L-organizzazzjonijiet mhux governattivi, min-naħa l-oħra, jidhru aktar xettiċi rigward tali lista (22). Anki l-PE sejjaħ għal definizzjoni valida fil-livell dinji ta’ rifuġji fiskali bl-inklużjoni anki ta’ Stati Membri tal-UE u t-territorji tagħhom lil hinn minn xtuthom (23).

4.6.4.

Ir-rakkomandazzjoni dwar it-Trattati tat-Taxxa (24) tindirizza kwistjonijiet importanti relatati mal-Ftehimiet ta’ Taxxa Doppja u tħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu t-trattati tat-taxxa tagħhom biex jiġġieldu l-abbuż tat-trattati u l-għażla opportunistika tat-trattati. Min-naħa l-oħra, ma titlob l-ebda valutazzjoni tal-impatt tal-Ftehimiet ta’ Taxxa Doppja, b’mod partikolari rigward l-implikazzjonijiet tagħhom għall-koerenza tal-politika għall-iżvilupp jew l-effetti kollaterali. Il-“Platform of good tax governance”, li għandha tintlaqa’ b’sodisfazzjon u li qed tittratta kwistjonijiet tat-tassazzjoni internazzjonali bl-involviment ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ippreżentat dokument ta’ ħidma dwar dawn l-effetti (25). Jenħtieġ li dan jiġi kkunsidrat mill-Istati Membri.

4.6.5.

L-istrateġiji tal-evitar tat-taxxa ta’ spiss huma relatati ma’ sjieda tal-proprjetà ambigwa. B’segwitu għall-emenda għar-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (26), ma nħoloq l-ebda reġistru tas-sjieda pubblikament aċċessibbli għal trusts jew kumpaniji oħra li jwettqu investimenti. Dawn ir-reġistri jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jinvestigaw każijiet ta’ suspett ta’ ħasil tal-flus u evażjoni tat-taxxa.

4.6.6.

Is-suġġerimenti dwar is-CCTB huma s-suġġett ta’ Opinjoni oħra tal-KESE (27). Fil-kuntest tal-parteċipazzjoni fi ftehimiet fiskali internazzjonali u r-rilevanza għall-amministrazzjonijiet fiskali tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, tali armonizzazzjoni – u l-informazzjoni li tirriżulta minnha –kieku tagħti eżempju u tħalli effetti fuq il-konvenzjonijiet kontra t-taxxa doppja ma’ pajjiżi terzi. L-informazzjoni fi ħdan l-Ewropa kieku tagħti indikazzjonijiet għal kalkoli komparattivi f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. L-għan irid ikun li jinkisbu l-istess standards madwar id-dinja, filwaqt li l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ikun jista’ jkollhom sehem indaqs fl-abbozzar tagħhom.

4.6.7.

Il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ klawżoli dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fil-ftehimiet rilevanti kollha bejn l-UE u pajjiżi jew reġjuni terzi, bil-għan li jitmexxa ’l quddiem l-iżvilupp sostenibbli.

4.6.8.

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi eżaminata l-possibbiltà li ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ġodda jew riveduti bejn l-UE u l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp iservu ta’ opportunità biex jiġu analizzati anki l-konvenzjonijiet bilaterali dwar it-taxxa. Ikun tajjeb li tali eżami jsir b’valutazzjonijiet tal-impatt rigward l-effetti tal-politiki internazzjonali dwar it-taxxa tal-Istati Membri fuq il-miri tal-politiki tal-iżvilupp. Dan jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni ta’ talbiet mir-rapport tal-Parlament Ewropew.

5.   Azzjoni ulterjuri rakkomandata mill-KESE

5.1.

Skont il-pakkett kontra l-evitar tat-taxxa u għal raġunijiet ta’ PCD tal-Istati Membri u tal-UE, il-politiki tat-taxxa internazzjonali u l-konvenzjonijiet kontra t-taxxa doppja tal-Istati Membri jridu jkunu soġġetti għal valutazzjonijiet regolari tal-impatt (28). Sabiex tkun garantita koordinazzjoni aħjar bejn il-politika tal-iżvilupp tal-UE u l-politiki tal-Istati Membri dwar it-taxxa, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li l-Istati Membri li jinnegozjaw konvenzjoni kontra t-taxxa doppja ma’ pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp jikkunsidraw kif dovut il-politiki armonizzati tal-UE dwar l-iżvilupp. F’dan il-kuntest tintlaqa’ r-rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-abbuż ta’ trattat dwar it-taxxa (29). Fid-dawl tal-għanijiet ta’ żvilupp ipproġettati, iridu jitqiesu aktar il-ħtiġijiet tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. F’dan il-kuntest, jenħtieġ ukoll li jitrawwem l-impenn tal-UE fil-livell tan-NU, għall-Kumitat dwar it-Taxxa, u li jitmexxa ’l quddiem il-bini ta’ kapaċità rigward forum globali li jinvolvi l-istati kollha b’termini ugwali.

5.2.

Għandhom jiġu previsti perjodi ta’ tranżizzjoni sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jiġu inklużi f’miżuri li jippermettu l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni, waqt li tkun għadha qed tinħoloq il-kapaċità.

5.3.

Il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa għandha tkun parti integrali mir-responsabbiltà soċjali korporattiva fil-kuntest tal-obbligi ta’ rappurtar tal-intrapriżi.

5.4.

Bil-pjani biex investituri privati jkunu involuti aktar mill-qrib fil-politika Ewropea għall-iżvilupp, il-kwistjonijiet ta’ konċessjonijiet tat-taxxa għal involviment relatat mal-politiki dwar l-iżvilupp isiru aktar rilevanti (30). Peress li l-kwistjonijiet tat-tassazzjoni ma jistgħux jinfirdu mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, jenħtieġ li l-intrapriżi jħallsu t-taxxi kif dovut fil-post fejn jinħolqu profitti permezz ta’ valur miżjud (31). Dan irid jiġi żgurat meta wieħed jappoġġja involviment mis-settur privat.

5.5.

Barra minn hekk, ta’ min wieħed jieħu ħsieb b’mod ġenerali biex l-għoti ta’ benefiċċji tat-taxxa ma jmurx kontra l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

5.6.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-osservazzjonijiet tiegħu dwar reġistru pubbliku tas-sjieda benefiċjarja tal-kontijiet bankarji, in-negozji, it-trusts u t-tranżazzjonijiet (32) u jqis xieraq li tiġi promossa l-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri fil-livell dinji permezz ta’ ftehimiet internazzjonali dwar it-taxxa. Barra minn hekk, il-miżuri msemmija jridu jitqiesu primarjament permezz ta’ sforzi għall-bini ta’ kapaċità, bil-għan li tiġi appoġġjata l-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Peress li hemm biża’ li ħafna intrapriżi Ewropej li joperaw f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rappurtar skont il-pajjiż, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-argumentazzjoni tiegħu dwar dan is-suġġett (33). Jirrakkomanda l-valutazzjoni tal-impatt ta’ regoli rilevanti oħra fuq il-pajjiżi filfażi tal-iżvilupp, b’mod partikolari ta’ dawk ir-regoli li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa definit b’limiti ta’ fatturat annwali.

5.7.

L-UE u l-Istati Membri tagħha, fil-Kunsens Ewropew il-Ġdid dwar l-Iżvilupp, impenjaw ruħhom għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi msieħba tagħhom fl-estensjoni tal-miżuri progressivi tat-tassazzjoni u kontra l-korruzzjoni u l-politiki ridistributtivi kif ukoll għall-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti (34). Filwaqt li fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp qed jinbnew il-kapaċitajiet rilevanti tekniċi u ta’ persunal, sabiex tinkiseb parteċipazzjoni sħiħa fi ftehimiet internazzjonali, irid ikun hemm diġà, però, possibbiltajiet ta’ skambju tal-informazzjoni bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet miftiehma. L-impenn (35) tal-KE għall-promozzjoni ta’ fora (36) reġjonali lil hinn mill-Kumitat dwar it-Taxxa tan-NU qed jiġi rrikonoxxut u jrid jissaħħaħ. Ta’ min wieħed jieħu ħsieb biex f’dawn il-fora jkun hemm parteċipazzjoni qawwija tal-partijiet interessati u proċeduri solidi ta’ konsultazzjoni. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jaqdu funzjoni ta’ kontroll u appoġġ, anki fi ħdan il-qasam tat-taxxa, u għalhekk għandhom jingħataw appoġġ.

5.8.

Għandha tiġi kkunsidrata aktar is-sistema tat-taxxa ta’ pajjiż li qed jiżviluppa fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-bini ta’ kapaċitajiet huwa maħsub biex il-pajjiżi benefiċjarji jsiru aktar kapaċi jgħinu lilhom innifishom u biex jissaħħu l-effiċjenza tas-sistemi fiskali u l-leġittimità tal-istat. Inkisbu esperjenzi partikolarment pożittivi bl-iskambju dirett bejn amministrazzjonijiet fiskali bi sfidi simili (tagħlim bejn il-pari) u bil-kooperazzjoni bejn pajjiżi b’kundizzjonijiet ta’ żvilupp simili (pereżempju l-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar). Joħolqu l-possibbiltà ta’ allinjament ma’ xulxin fid-dawl ta’ sfidi simili u jippermettu l-iskambju ta’ “prattiki tajba” li jkunu wkoll konformi mal-kapaċitajiet.

5.9.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza politika għall-iżvilupp fil-qasam tat-taxxa, peress li l-miżuri meħudin fi ħdan l-UE għandhom effetti internazzjonali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għalhekk, dawn l-effetti għandhom jiġu kkunsidrati u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikkonċernati għandhom jiġu involuti.

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Eurodad, The State of Finance for Developing countries, 2014; Braun & Fuentes Double Taxation Treaties between Austria and developing countries, Vjenna 2014; Farny et al. Tax Avoidance, Tax Evasion and Tax Havens, Vjenna, 2015.

(2)  PE, Riżoluzzjoni”dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw P8_TA(2015)0265, punt 14.

(3)  Development Finance International & Oxfam, Financing the sustainable development goals, 2015.

(4)  AU/ECA, Illicit Financial Flows – Report of the High Level Panel on Illicit Financial Flows from Africa, (p. 23 u s-segwitu).

(5)  EPRS (Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew): The inclusion of financial services in EU free trade and association agreements: Effects on money laundering, tax evasion and avoidance, PE 579.326, p. 15.

(6)  FMI “Spillovers in international corporate taxation”, 2014.

(7)  Owens & Lang, The Role of Tax Treaties in Facilitating Development and Protecting the Tax Base, fi: Bloomberg Daily Tax Report, l-1 ta’ Mejju 2013.

(8)  Lennard (2009): The UN Model Tax Convention as Compared with the OECD Model Tax Convention – Current Points of Difference and Recent Developments, Asia-Pacific Tax Bulletin, vol. 49, No 08; V. Daurer u R. Krever (2012): Choosing between the UN and OECD Tax Policy Models: an African Case Study, EUI Working paper RSCAS 2012/60.

(9)  Mc Gauran, Should the Netherlands Sign Tax Treaties with Developing Countries, 2013.

(10)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1, Braun & Fuentes.

(11)  Unctad World Investment Report 2015, p. 200.

(12)  COM(2016) 740 final, ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE dwar Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp, ĠU C 246, 28.7.2017, p. 71.

(13)  C(2016) 271 final, COM(2016) 24 final, KE, Collect More Spend Better dwar tassazzjoni effettiva, 2015.

(14)  Christian Aid, dikjarazzjoni għall-istampa tad-19.7.2013, OECD Action Plan on tax dodging is step forward but fails developing countries; Oxfam, dikjarazzjoni għall-istampa tat-13.11.2014, Oxfam reaction to OECD’s roadmap to include developing countries in international tax reform.

(15)  Opinjoni tal-KESE dwar Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp, ĠU C 246, 28.7.2017, p. 71, punt 13.

(16)  Crivelli, Ruud De Mooij, Keen, Base Erosion, Profit Shifting and Developing Countries, dokument ta’ ħidma tal-FMI WP/15/118.

(17)  COM ((2016) 25 final — 2016/010 (CNS), COM ((2016) 26 final — 2016/011 (CNS), ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il- “Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa”, ĠU C 264, 20.7.2016, p. 93.

(18)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Id-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa”, ĠU C 487, 28.12.2016, p. 62.

(19)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali”, ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17.

(20)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-pakkett kontra l-evitar tat-taxxa, ĠU C 264, 20.7.2016, p. 93.

(21)  Disponibbli hawnhekk https://ec.europa.eu/taxation_customs/tax-common-eu-list_en (ġiet ikkonsultata l-aħħar fid-29.8.2017).

(22)  Pereżempju Tax Justice Network v. 23.2.2017, Verdict on Finance Ministers’ blacklist: “whitewashing tax havens”.

(23)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna, punt 10.

(24)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-pakkett kontra l-evitar tat-taxxa, ĠU C 264, 20.7.2016, p. 93.

(25)  Dokument ta’ diskussjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-“Platform for Tax Good Governance”, Toolbox spill-over effects of EU tax policies on developing countries, Ġunju 2017, Platform/26/2017/EN.

(26)  COM ((2016) 450 final — 2016/0208 (CNS), ara l-Opinjoni tal-KESE dwar id-“Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus”, ĠU C 34, 2.2.2017, p. 121.

(27)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 58.

(28)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna, punt 15.

(29)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-pakkett kontra l-evitar tat-taxxa, ĠU C 264, 20.7.2016, p. 93.

(30)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “L-istabbiliment tal-Garanzija tal-EFSD u tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD”, ĠU C 173, 31.5.2017, p. 62.

(31)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna, Sezzjoni A u Punt 6.

(32)  Ara b’mod partikolari l-punt 1.5 tal-Opinjoni tal-KESE dwar id-“Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus”, ĠU C 34, 2.2.2017, p. 121.

(33)  Ara b’mod partikolari l-punt 1.11 tal-Opinjoni tal-KESE dwar dwar it-trasparenza fiskali pubblika, ĠU C 487, 28.12.2016, p. 62.

(34)  COM(2016) 740 final, ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE dwar Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp, ĠU C 246, 28.7.2017, p. 71.

(35)  Ara l-Kummissjoni Ewropea, Collect More – Spend Better, 2015.

(36)  Pereżempju l-“African Tax Administrations Forum” (ATAF), l-“Inter-American Center of Tax Administrations” (CIAT) kif ukoll il-“Global Forum on Transparency and Exchange of Information for Tax Purposes” (CREDAF).