Brussell, 23.11.2017

COM(2017) 684 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS, l-EFRAG u l-PIOB fl-2016


1.Skop u kamp ta' applikazzjoni tar-rapport

1 Ir-Regolament Nru 258/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jestendi programm tal-Unjoni għas-sostenn ta’ attivitajiet speċifiċi fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju u l-awditjar għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020, daħal fis-seħħ fid-9 ta’ April 2014 wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali.

Skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament, mill-2015, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali dwar l-attività tal-benefiċjarji tal-programm, jiġifieri l-Fondazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (International Financial Reporting Standards (IFRS) Foundation), il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (European Financial Reporting Advisory Group, EFRAG) u l-Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku (Public Interest Oversight Board, PIOB). Il-kamp ta' applikazzjoni tar-rapport huwa definit aktar fl-Artikolu 9(4, 5 u 6) tar-Regolament.

Ir-rapport ikopri l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS, l-EFRAG u l-PIOB fl-2016. Madankollu, ċerti avvenimenti li seħħew fl-2017 issemmew ukoll fejn kien meqjus li huwa utli għall-finijiet ta’ dan ir-rapport.

2.Il-Fondazzjoni tal-IFRS

2.1.Il-prinċipji ġenerali li abbażi tagħhom ġew żviluppati Standards ġodda

Il-prinċipji ġenerali li abbażi tagħhom ġew żviluppati standards inklużi t-trasparenza, il-konsultazzjoni sħiħa u ġusta u l-kontabilità ġew deskritti fid-dettall fir-rapport annwali preċedenti tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni IFRS 2 .

Wara l-pubblikazzjoni mill-IASB tar-rapport tal-Grupp Konsultattiv tal-Analiżi tal-Effetti 3 , ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew implimentati għall-ewwel darba fl-analiżi tal-effetti ppubblikata bl-istandard il-ġdid tal-IFRS 16 Lokazzjonijiet f’Jannar 2016.

Fl-2016, il-Kummissjoni bdiet diskussjoni dwar l-analiżi tal-effetti għal standards ġodda tal-IFRS ma’ membri tal-Fondazzjoni tal-IFRS. Il-Bord ta’ Monitoraġġ ikkonkluda din id-diskussjoni fi Frar 2017 billi qabel li l-IASB jinħtieġ li jakkumpanja l-istandards importanti b’analiżi solida tal-effetti. Il-Bord ta’ Monitoraġġ għadda dan il-messaġġ lill-Fiduċjarji li laqgħuh. Iż-żewġ partijiet qablu li t-twettiq tal-analiżi tal-effetti kien importanti għall-ġbir ta’ appoġġ għall-IFRS il-ġdid.

F’Mejju 2017, l-IASB ħareġ l-IFRS 17 Kuntratti tal-Assigurazzjoni, li kien akkumpanjat b’analiżi tal-effetti separata tal-istandard il-ġdid.

2.2.Il-kisbiet ewlenin tal-IASB fl-2016

Fl-2016, żewġ standards kbar maħruġa iktar kmieni mill-IASB, jiġifieri IFRS 9 Strumenti Finanzjarji u IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma’ Klijenti, ġew approvati fl-UE. F’Jannar 2016, l-IASB iffinalizza standard ewlieni ieħor: L-IFRS 16, Lokazzjonijiet. Barra minn hekk, l-IASB kompla jaħdem fuq numru ta’ proġetti kbar oħra, b’mod partikolari l-istandard IFRS 17 Kuntratti tal-Assigurazzjoni li se jieħu post l-eżistenti IFRS 4, Emendi għal IFRS 4 biex jindirizza l-allinjament ħażin tad-dati tal-applikazzjoni bejn IFRS 9 Strumenti Finanzjarji u l-istandard il-ġdid dwar kuntratti tal-assigurazzjoni (IFRS 17), l-Inizjattiva ta’ Divulgazzjoni u l-Qafas Kunċettwali.

IFRS 16 Lokazzjonijiet

Il-Bord ħareġ l-IFRS 16, Lokazzjonijiet, u temm l-għaxar snin ta' ħidma tiegħu biex tiġi riveduta l-kontabbiltà għal-lokazzjonijiet. L-IFRS 16 huwa reviżjoni ewlenija tal-mod li bih il-kumpaniji jżommu l-kontijiet għal-lokazzjonijiet, u jobbliga li l-lokazzjonjiet kollha jiġu rreġistrati fuq il-karta tal-bilanċ tal-lokatarju bħala assi u obbligazzjonijiet. L-Istandard il-ġdid għandu l-għan li jirrifletti aħjar il-konsegwenzi reali tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi u jipprovdi t-trasparenza tant meħtieġa dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet mil-lokazzjonijiet tal-kumpaniji, li jfisser li l-finanzjament tal-lokazzjonijiet li ma jidhirx fil-karta tal-bilanċ, ma jibqax ma jiġix rikonoxxut. Dan mistenni li jtejjeb il-komparabilità bejn il-kumpanniji li jikru u dawk li jissellfu biex jixtru.

Fil-pariri tiegħu ppreżentati f’Marzu 2017, l-EFRAG irrakkomanda li jiġi approvat l-IFRS 16 fl-UE abbażi tal-konklużjonijiet tiegħu li l-istandard il-ġdid jilħaq il-karatteristiċi kwalifikattivi meħtieġa u jiffaċilita l-beni pubbliku Ewropew.

Proġetti ewlenin oħra mwettqin

Fl-2016, l-IASB kompla jaħdem b’mod intensiv biex jiffinalizza l-istandard il-ġdid dwar kuntratti tal-assigurazzjoni, li fl-aħħar ġie ffinalizzat fit-18 ta’ Mejju 2017. Matul id-deliberazzjonijiet il-ġodda, l-IASB kompla jiddjaloga b'mod estensiv mal-partijiet interessati kollha. Dan il-proġett se jġib it-trasparenza tant meħtieġa għal għadd kbir ta’ prattiki tal-kontabbiltà attwalment użati fl-industrija kollha. L-istandard il-ġdid huwa mistenni li jirriżulta f’rappreżentazzjoni iktar realistika u paragunabbiltà aħjar tal-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-assigurazzjoni fl-Ewropa u madwar id-dinja. L-urġenza ta’ dan il-proġett ġiet enfasizzata minn sejħa tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja sabiex l-IASB jiffinalizza l-Istandard tal-Assigurazzjoni malajr kemm jista’ jkun 4 .

F’Settembru 2016, l-IASB ippubblika emendi għall-Istandard tal-kuntratti tal-assigurazzjoni eżistenti, l-IFRS 4, sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi temporanji tad-diversi dati effettivi tal-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji (id-data effettiva hija l-1 ta’ Jannar 2018) u l-istandard il-ġdid tal-kuntratti tal-assigurazzjoni (id-data effettiva hija l-1 ta’ Jannar 2021). Uħud mill-kumpaniji li joħorġu kuntratti tal-assigurazzjoni esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati żewġ bidliet sinifikanti fis-sistema ta’ kontabbiltà f’dati differenti. Huma enfasizzaw ukoll li ż-żieda potenzjali fil-volatilità tal-kontabbiltà tista' tirriżulta fi profitt jew telf jekk ir-rekwiżiti l-ġodda għall-istrumenti finanzjarji kellhom jiġu applikati qabel ir-rekwiżiti l-ġodda għall-kuntratti tal-assigurazzjoni. Dan it-tħassib ġie espress ukoll mill-EFRAG fl-ittra ta’ kummenti tiegħu dwar l-Abbozz ta’ Espożizzjoni ta’ Emendi għall-IFRS 4. B’konsegwenza ta’ dan, il-proposti tal-IASB f’dan il-qasam għandhom l-għan li jindirizzaw dan it-tħassib u li jibbilanċjawh mal-ħtiġijiet tal-utenti tar-rapporti finanzjarji.

Barra minn hekk, l-IASB għamel progress sinifikanti fuq l-Inizjattiva ta’ Divulgazzjoni tiegħu, li tinkludi portafoll ta’ proġetti meħuda bl-għan li jtejbu l-iżvelar fir-rappurtar ta’ finanzjarjament, filwaqt li tagħmilhom iktar effettivi u b’hekk inqas kumplessi u inqas voluminużi mingħajr ma jixxekkel l-għan primarju li tiġi riflessa b’mod fidil ir-realtà ekonomika. F’dan ir-rigward, f’Marzu 2017 l-IASB ippubblika dokument ta’ diskussjoni dwar il-Prinċipji tad-Divulgazzjoni, li huwa s-sies tal-Inizjattiva tal-Iżvelar.

Finalment, l-IASB kompla jieħu passi biex jiżgura li l-IFRS huwa applikat fuq bażi konsistenti globalment. F’dan ir-rigward, l-IASB stabbilixxa Grupp ta’ Riżorsi ta’ Tranżizzjoni (TRG) biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma’ Klijenti u l-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji 5 . Huwa maħsub TRG ieħor fir-rigward tal-istandard il-ġdid dwar kuntratti tal-assigurazzjoni (IFRS 17) b’għan li jipprovdi forum pubbliku għal partijiet ikkonċernati biex isegwu d-diskussjoni tal-mistoqsijiet imqajjma fuq l-implimentazzjoni tal-istandard u fl-istess waqt biex jgħin lill-Bord tal-IASB jiddetermina jekk hijiex se tkun meħtieġa kwalunkwe azzjoni biex tindirizza dawk il-mistoqsijiet 6 .

2.3.L-Iżvilupp ta’ Qafas Kunċettwali Rivedut

Fl-2016, l-IASB kompla jaħdem fuq il-proġett tal-Qafas Kunċettwali wara l-pubblikazzjoni tal-Abbozz tal-Iżvelar li jipproponi kambjamenti lill-qafas u l-perjodu ta’ konsultazzjoni. Il-Bord jistenna li jippubblika l-Qafas Kunċettwali Rivedut madwar l-aħħar tal-2017.

Il-Qafas Kunċettwali jiddeskrivi kunċetti dwar ir-rappurtar finanzjarju għal skopijiet ġenerali. Fost affarijiet oħra, l-Abbozz tal-Iżvelar iddiskuta prudenza, rappreżentazzjoni leali u mudell tan-negozju tal-entità 7 .

Prudenza

F’Mejju 2016, il-Bord iddeċieda li jipprova jikkonferma li l-Qafas Kunċettwali rivedut jinħtieġ li jinkludi referenza għall-prudenza deskritta bħala l-eżerċizzju ta’ kawtela meta saru s-sentenzi bil-kundizzjonijiet ta’ inċertezza, kif propost fl-Abbozz tal-Iżvelar. F’Settembru 2016, il-Bord b’mod tentattiv iddeċieda li l-korp prinċipali tal-Qafas Kunċettwali rivedut jinħtieġ li jirrikonoxxi li, f’ċerti każijiet, id-dħul jista’ jkollu bżonn jiġi trattat differenti mill-infiq u l-assi differenti mir-responsabbiltajiet.

Rappreżentazzjoni leali

F’Mejju 2016 il-Bord b’mod tentattiv iddeċieda li jikkonferma li r-rilevanza u r-rappreżentazzjoni leali jinħtieġ li jkomplu jiġu identifikati bħala żewġ karatteristiċi kwalitattivi fundamentali tal-informazzjoni finanzjarja utli. Barra minn hekk, il-Bord b’mod tentattiv iddeċieda li jiddeskrivi l-inċertezza tal-kejl bħala fattur li jaffettwa r-rappreżentazzjoni leali u li jiċċara (fil-bażi għal konklużjonijiet dwar il-qafas rivedut) li tista’ teżisti sitwazzjoni ta’ bilanċ bejn karatteristiċi kwalitattivi fundamentali ta’ rilevanza u rappreżentazzjoni leali.

Mudell kummerċjali

F’Diċembru 2016, il-Bord tentattivament iddeċieda li jikkonferma l-approċċ għall-attivitajiet kummerċjali proposti fl-Abbozz ta’ Żvelar. B’mod speċifiku, il-Qafas Kunċettwali rivedut se jiddiskuti kif il-mod li bih entità twettaq l-attivitajiet kummerċjali tagħha jista’ jaffettwa d-deċiżjonijiet dwar l-unità tal-kontijiet, il-kejl, u l-preżentazzjoni u l-iżvelar, iżda mhux se jintroduċi attivitajiet kummerċjali bħala kunċett globali li jolqot l-oqsma kollha tar-rappurtar finanzjarju.

3.EFRAG

3.1.Il-kunsiderazzjoni tal-prinċipju dwar stampa vera u ġusta, u t-tisħiħ tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-EFRAG għall-IFRSs il-ġodda fuq il-beni pubbliku

L-EFRAG jipprovdi l-kontribut tiegħu permezz tal-proċess għat-twaqqif tal-istandards billi jikkummenta fuq il-proposti tal-IASB u billi jipprovdi ħidma proattiva biex jistimula dibattitu fl-Ewropa dwar kwistjonijiet importanti ta’ kontabilità. L-attivitajiet ta' kummentar u dawk proattivi huma essenzjali biex jiżguraw li l-opinjonijiet Ewropej dwar l-iżvilupp tar-rappurtar finanzjarju jkunu artikolati sew u b’mod ċar fil-proċess tal-istipular tal-istandards bil-għan li l-istandards li jirriżultaw ikunu tajbin għall-Ewropa.

Wara r-riforma fil-governanza implimentata fl-2014, l-EFRAG kompla jwettaq valutazzjonijiet ta' approvazzjoni dwar jekk l-IFRS kinux qed jissodisfaw il-kriterji tekniċi kollha tar-Regolament tal-IAS, inkluż il-prinċipju tal-istampa vera u ġusta, kif ukoll saħħaħ il-valutazzjoni tiegħu dwar jekk ir-rekwiżiti ġodda jew proposti tar-rappurtar finanzjarju kinux qed iwasslu għall-ġid pubbliku. Fl-2016, l-EFRAG, assistit mill-persunal tal-Kummissjoni, żviluppa aktar il-metodoloġija tal-analiżi tal-impatt tiegħu. F’dan ir-rigward, l-ewwel analiżi tal-impatt sħiħa tal-EFRAG twettqet bħala parti mill-pariri tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-IFRS 16 Lokazzjonijiet, li se sservi bħala każ pilota sabiex jitkomplu jissaħħu l-kapaċitajiet u l-esperjenza tal-EFRAG f’dan il-qasam.

Fl-2016, il-ħidma tal-EFRAG kienet iffukata fuq il-parir dwar l-approvazzjoni għal żewġ standards ewlenin: IFRS 16 Lokazzjonijiet u Emendi għall-IFRS 4: L-applikazzjoni tal-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji mal-IFRS 4 Kuntratti tal-Assigurazzjoni. Fiż-żewġ każijiet, l-EFRAG ta l-pariri finali tiegħu dwar l-approvazzjoni fl-2017.

Il-pariri dwar l-approvazzjoni rigward l-IFRS 16 Lokazzjonijiet ġew appoġġati minn analiżi robusta tal-impatt, li tkopri kwistjonijiet speċifiċi identifikati mill-Kummissjoni fit-talba tagħha għal pariri dwar l-approvazzjoni. F’dan ir-rigward, l-EFRAG ivvaluta li l-IFRS 16 itejbu r-rappurtar finanzjarju u jilħqu kompromess aċċettabbli bejn il-benefiċċji għall-ekonomija Ewropea ta’ trasparenza akbar u informazzjoni aħjar għat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-ispejjeż assoċjati. Barra minn hekk, l-EFRAG ma jantiċipax li l-IFRS 16 se jkollhom effett materjali fuq l-aċċess għall-kiri u l-ipprezzar tiegħu tal-entitajiet bħala sors ta’ finanzjament. L-EFRAG ivvaluta li l-IFRS 16 x’aktarx li jkollhom xi effett negattiv fuq l-industrija tal-lokazzjoni bħala riżultat tal-kerrejja li jaqilbu għal forom alternattivi ta’ finanzjament iżda li l-impatt jinħtieġ li jkun limitat. B’mod ġenerali, l-EFRAG ivvaluta li l-IFRS 16 mhumiex mistennija li jkollhom impatt ħażin jew sproporzjonat fuq is-settur tal-SMEs fl-Ewropa. Abbażi tax-xogħol tiegħu u l-kontribut provdut mill-Bank Ċentrali Ewropew, l-EFRAG ivvaluta li l-IFRS 16 mhumiex mistennija li joħolqu riskju għall-istabbiltà finanzjarja fl-Ewropa. Fl-aħħar, l-EFRAG ivvaluta li l-entitajiet tal-UE b’mod ġenerali ma jkunux fi żvantaġġ fir-rigward tal-kompetituri tagħhom li japplikaw il-GAAP tal-Istati Uniti. Għaldaqstant, l-EFRAG ikkonkluda li l-approvazzjoni tal-IFRS 16 twassal għall-beni pubbliku Ewropew.

Barra minn hekk, l-EFRAG ipprovda lill-Kummissjoni b’pariri dwar l-approvazzjoni tal-emendi għall-IFRS 4 Kuntratti tal-Assigurazzjoni filwaqt li indirizza l-konsegwenzi temporanji tad-diversi dati effettivi tal-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji u l-istandard il-ġdid li ġej dwar il-kuntratti tal-assigurazzjoni. Filwaqt li l-EFRAG ikkonkluda li b’mod ġenerali dawn l-emendi għandhom iwasslu għall-beni pubbliku Ewropew, huwa nnota li ma indirizzawx it-tħassib dwar l-ispejjeż ta’ bosta entitajiet li jwettqu attivitajiet tal-assigurazzjoni iżda li mhumiex assiguraturi predominanti. Għalhekk l-EFRAG ma setgħax jeskludi li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-emendi jista’ joħloq kwistjoni ta’ kompetizzjoni. Madankollu, huwa ma kienx f’pożizzjoni li jikkonkludi dwar jekk tali kwistjoni tistax tkun materjali minn perspettiva ekonomika.

Fid-29 ta’ Ġunju 2017, l-Istati Membri fil-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabbiltà taw opinjoni pożittiva dwar Regolament tal-Kummissjoni li jadotta l-IFRS 16 Lokazzjonijiet. Il-Kumitat ta wkoll opinjoni pożittiva dwar Regolament tal-Kummissjoni li jadotta l-Emendi tal-IASB għall-IFRS 4 L-applikazzjoni tal-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji mal-IFRS 4 Kuntratti tal-Assigurazzjoni flimkien ma’ estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-UE li tippermetti s-setturi tal-assigurazzjoni fi ħdan konglomerati finanzjarji li jipposponu l-applikazzjoni tal-IFRS 9 sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2021. Dan jippermetti lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni, kemm jekk huma parti minn grupp tal-assigurazzjoni predominanti jew parti minn konglomerat finanzjarju (grupp banque-assurance), li jintroduċu l-IFRS 9 fl-istess ħin tal-istandard il-ġdid fuq il-kuntratti tal-assigurazzjoni, l-IFRS 17. Billi jipprovdi trattament ugwali tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni, irrispettivament mill-istruttura legali, ir-Regolament se jiżgura li l-assiguraturi madwar l-Ewropa se jkollhom kundizzjonijiet ekwi u jevitaw distorsjonijiet kompetittivi.

3.2.Il-kunsiderazzjoni tad-diversità ta’ mudelli u fehmiet kontabilistiċi u ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea

L-EFRAG daħħal fis-seħħ proċess dovut, li jippermetti lill-kostitwenti kollha Ewropej biex jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom biex jiġu kkunsidrati mill-EFRAG, u jiżgura li d-diversità ta’ mudelli u opinjonijiet kontabilistiċi u ekonomiċi fl-Ewropa jiġu kkunsidrati, u li l-IFRS il-ġodda jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-Unjoni 8 . Wara r-riforma, kien hemm enfasi ikbar fuq it-trasparenza tal-laqgħat tal-Bord tal-EFRAG u l-Grupp ta’ Esperti Tekniċi tal-EFRAG (TEG) 9 .

3.3.L-implimentazzjoni tar-riforma tal-governanza wara rakkomandazzjoni tar-rapport Maystadt

Ir-riforma tal-governanza tal-EFRAG, li ġiet implimentata fil-31 ta’ Ottubru 2014, żiedet il-leġittimità u r-rappreżentattività tal-organizzazzjoni, u wasslet għal proċess aktar koeżiv rigward il-parteċipazzjoni tal-UE fil-proċess għat-twaqqif ta' standards. Fl-1 ta’ Lulju 2016, Jean Paul Gauzès, eks Membru tal-Parlament Ewropew, inħatar bħala President tal-Bord tal-EFRAG. In-nomina tiegħu mill-Kummissjoni kienet ġiet approvata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Fl-2016, l-EFRAG wasal għall-konklużjonijiet kollha tiegħu abbażi ta’ kunsens, mingħajr ma kien hemm bżonn li jirrikorri għall-votazzjoni. L-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni tal-EFRAG, appoġġata minn tim twaqqaf taħt it-tmexxija tal-President tal-Bord tal-EFRAG, hija mistennija li ssaħħaħ il-viżibilità u l-kredibilità tal-EFRAG.

Bir-rotazzjoni tal-Bord tal-EFRAG mistennija li ssir f’Novembru 2017, l-EFRAG attwalment qed ifittex li jwessa’ s-sħubija tiegħu fost organizzazzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet Nazzjonali interessati fir-rappurtar finanzjarju. Barra minn hekk, bl-għan li tiġi promossa r-rappreżentanza usa’ tal-Bord tal-EFRAG, l-Assemblea Ġenerali tal-EFRAG fil-laqgħa tagħha tat-12 ta’ April 2017 iddeċidiet li tissikka r-Regoli Interni tal-EFRAG sabiex massimu ta’ tliet membri tal-Bord tal-EFRAG jista’ jkollhom l-istess nazzjonalità.

Fit-13 ta’ April 2016, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill u lill-Parlament biex jiġi estiż il-finanzjament tal-EFRAG għall-perjodu 2017-2020 10 . Wara negozjati ta’ suċċess, l-estensjoni ta’ finanzjament tal-EFRAG ġie finalment approvat fis-17 ta’ Mejju 2017 11 .

4.PIOB - L-iżviluppi fid-diversifikazzjoni tal-finanzjament fl-2016

Il-PIOB huwa responsabbli primarjament għas-superviżjoni tal-Bords tal-IFAC (il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti), responsabbli għall-iżvilupp u l-approvazzjoni ta’ standards internazzjonali u l-Kodiċi ta’ Etika għall-awdituri. Ta’ importanza partikolari huma l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs) li l-Kummissjoni tista’ tadotta biex jintużaw madwar l-UE kollha. L-għan finali għal għall-PIOB huwa li jiżgura li dawk l-istandards jiġu żviluppati fl-interess pubbliku.

Sabiex tkun tista’ titwettaq b’mod xieraq din il-funzjoni importanti ta’ interess pubbliku, se jkun importanti li jiġi żgurat li l-finanzjament tal-istituzzjoni huwa mfassal biex jippreserva l-indipendenza reali u perċepita tiegħu. Biex jintlaħaq dan l-għan, id-diversifikazzjoni xierqa ta’ sorsi stabbli ta’ finanzjament tgħin mhux biss biex tinżamm il-kontinwità tiegħu iżda wkoll biex tiġi garantita din l-indipendenza. L-importanza tad-diversifikazzjoni tal-finanzjament diġà kienet ġiet rikonoxxuta fir-riforma tal-IFAC tal-2003 li kienet wasslet għall-istabbiliment tas-sistema tat-twaqqif tal-istandards internazzjonali attwali, inkluż il-PIOB.

Sa mill-ħolqien tiegħu fl-2005 sal-2010, meta l-programm ta’ finanzjament Komunitarju stabbilit bid-Deċiżjoni 716/2009/KE daħal fis-seħħ, il-PIOB, minbarra xi kontribuzzjonijiet in natura minn Spanja (il-PIOB huwa bbażat f’Madrid), kien iffinanzjat esklussivament mill-IFAC.

Il-fondi magħmula disponibbli mill-IFAC f’sena partikolari jikkostitwixxu l-kontribuzzjoni massima garantita li tkun disponibbli għall-PIOB mingħajr l-ebda interferenza oħra mill-IFAC. Il-kontribuzzjonijiet li mhux ġejjin mill-IFAC jissostitwixxu, u għalhekk inaqqsu, il-kontribuzzjonijiet tal-IFAC għal dik is-sena speċifika. Idealment il-porzjon ta’ finanzjament tal-IFAC tal-ispejjeż annwali tal-PIOB totali jinħtieġ li jkun inqas minn nofs it-total.

Il-kontribut tal-UE fil-perjodu ta’ bejn l-2010 u l-2016 ħeġġeġ donaturi potenzjali oħrajn biex jagħtu l-kontribuzzjonijiet tagħhom stess ukoll. Fis-sena 2016, kif jidher fil-paġna 1 tar-rapporti finanzjarji tiegħu tal-2016, id-dħul tal-PIOB kien jammonta għal EUR 1 563 565. L-IFAC pprovdiet EUR 914 758 li jirrappreżentaw 58,50 % tat-total.

Il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet EUR 318 000 (EUR 312 000 fl-2015), li jirrappreżentaw 20,34 % tat-total. L-Awtorità tal-Kontabilità ta' Abu Dhabi (Abu Dhabi Accountability Authority), bħal kif għamlet fl-2015, ipprovdiet EUR 120 000, li jirrappreżentaw 7,67 % tat-total. L-IOSCO, ukoll bħal kif għamlet fl-2015, ipprovdiet EUR 100 000, li jirrappreżentaw 6,40 % tat-total. Il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, żamm il-kontribuzzjoni tiegħu ta’ EUR 23 000, li jirrappreżentaw 1,48 % tat-total. Il-Kunsill għar-Rappurtar Finanzjarju tar-Renju Unit (UK Financial Reporting Council), bħal kif għamel fl-2015, ipprovda EUR 40 000, li jirrappreżentaw 2,56 % tat-total. Fl-aħħar, l-Istitut tas-CFA pprovda għall-ewwel darba kontribuzzjoni li tammonta għal EUR 45 000, li jirrappreżentaw 2,88 % tat-total. Il-bilanċ ta’ EUR 2 807 jirrappreżenta d-dħul mill-imgħax.

Il-kontribuzzjoni tal-IFAC ta’ 58,50 %, mill-finanzjament totali tal-PIOB fl-2016, hija ftit inqas minn dik tal-2015 (60,67 %), u ferm simili għal dik tal-2014 (58,19 %). Xi ħaġa li tmur fid-direzzjoni t-tajba.

L-Artikolu 9.5 tar-Regolament jistipula li jekk il-finanzjament mill-IFAC f’sena partikolari jilħaq aktar minn żewġ terzi tal-ammont totali tal-finanzjament annwali tal-PIOB, il-Kummissjoni tipproponi li l-kontribuzzjoni annwali tagħha għal dik is-sena tkun limitata għal massimu ta’ EUR 300 000. Fis-sena 2016 (bħal fl-2014 u l-2015), dan ma kienx il-każ, u għalhekk, billi l-finanzjament tal-IFAC ma laħaqx il-limitu kritiku stipulat fir-Regolament (66,66 %), il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tirrevedi l-kontribuzzjoni tagħha lill-PIOB għall-2016.

5.Konklużjonijiet

Il-Fondazzjoni tal-IFRS

F’Jannar 2016, l-IASB iffinalizza standard ewlieni ieħor: L-IFRS 16 Lokazzjonijiet filwaqt li temm l-għaxar snin ta’ ħidma tiegħu biex tiġi riveduta l-kontabbiltà għal-lokazzjonijiet, u f’Settembru 2016, il-Bord ippubblika Emendi għall-IFRS 4 Kuntratti tal-Assigurazzjoni. Barra minn hekk, l-IASB kompla jaħdem fuq għadd ta’ proġetti oħra kbar, b’mod partikolari l-Kuntratti tal-Assigurazzjoni l-ġodda (IFRS 17 finalizzat f’Mejju 2017), l-Inizjattiva ta' Divulgazzjoni u l-Qafas Kunċettwali.

Fir-rigward ta’ jekk l-IFRS:

   iqisux b'mod adegwat il-mudelli kummerċjali differenti: l-IFRS 9, li ġie approvat fl-UE f’Novembru 2016, jirrikonoxxi b’mod espliċitu l-importanza tal-mudelli kummerċjali sabiex jiġi ddeterminat kejl ta’ strumenti finanzjarji. Il-Kummissjoni hija impenjata biex tissorvelja mill-qrib l-impatt tal-IFRS 9 12 biex jiġi żgurat li huwa jservi lill-istrateġija tal-UE fil-qasam tal-investimenti fit-tul 13 . F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bagħtet tal-EFRAG f’Mejju 2017 talba għal parir tekniku dwar it-trattament tal-kontabilità ta’ strumenti azzjonarji skont l-IFRS 9 minn perspettiva ta’ investiment fit-tul. Fl-ewwel fażi, il-Kummissjoni talbet lill-EFRAG biex iwettaq xi ġbir ta’ informazzjoni f’dan il-qasam sa tmiem l-2017 sabiex tevalwa l-impatt possibbli tal-IFRS 9 fuq investimenti fit-tul. Fit-tieni fażi, il-Kummissjoni talbet lill-EFRAG sabiex sa nofs l-2018 jidentifika jekk u kif jista’ jittejjeb, l-IFRS 9 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ trattament kontabilistiku ta’ strumenti azzjonarji miżmuma bħala investimenti fit-tul. Barra minn hekk, l-emendi għall-IFRS 4 jindirizzaw il-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ allinjament bejn id-dati tal-applikazzjoni tal-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji u l-istandard il-ġdid tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni (IFRS 17), li huwa ta’ importanza partikolari għall-industrija tal-assigurazzjoni. Fl-aħħar, il-Qafas Kunċettwali jagħmel aktar enfasi fuq il-mudelli kummerċjali.

   jirriflettux il-konsegwenzi reali tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi: l-IFRS 15 għandu l-għan li jirrifletti aħjar il-konsegwenzi reali tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi kif ukoll jipprovdi t-trasparenza tant meħtieġa dwar l-assi u obbligazzjonijiet lokatarji tal-kumpaniji. L-IFRS 17 Kuntratti tal-Assigurazzjoni huwa mistenni wkoll li jagħti stampa realistika u komparabilità aħjar tal-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-assigurazzjoni f'kostitwenzi differenti. Din il-kwistjoni ser tkun eżaminata fid-dettall mill-EFRAG, bħala parti mill-ħidma tiegħu dwar pariri ta’ approvazzjoni fuq l-istandard il-ġdid.

   humiex kumplessi wisq: l-IFRS 9 huwa standard kumpless, madankollu introduċa simplifikazzjonijiet fil-kontabbiltà għall-istrumenti finanzjarji. Fl-opinjoni tal-EFRAG, ippreżentata fil-pariri dwar l-approvazzjoni, l-IFRS 9 ma fih l-ebda kumplessità li tista’ tnaqqas mill-komprensibilità. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li l-Inizjattiva ta’ Divulgazzjoni hija mistennija li tkompli tikkontribwixxi għall-għan li jinkiseb rappurtar finanzjarju inqas kumpless u voluminuż.

   jevitawx preġudizzji artifiċjali fuq terminu ta' żmien qasir u preġudizzji ta’ volatilità: Rigward l-IFRS 17 Kuntratti tal-Assigurazzjoni, il-Kummissjoni bl-għajnuna tal-EFRAG se teżamina dan l-aspett matul il-proċess ta’ approvazzjoni wara l-pubblikazzjoni tal-istandard mill-IASB.

Sa fejn huwa kkonċernat il-Qafas Kunċettwali, il-Kummissjoni ttenni l-appoġġ tagħha għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kunċett tal-prudenza u se ssegwi mill-qrib il-fażi finali ta’ dan il-proġett.

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tilqa’ b'sodisfazzjon l-analiżi tal-effetti, li akkumpanjat żewġ standards kbar ġodda, l-IFRS 16 u l-IFRS 17, u tistieden lill-IASB biex ikompli jiżviluppa l-analiżi tal-impatt tiegħu fuq l-istandards il-ġodda jew emendati.

EFRAG

L-EFRAG, b'segwitu għall-implimentazzjoni tar-riforma tiegħu fil-governanza u l-ħatra tal-President tal-Bord tiegħu, issa saħħaħ il-leġittimità tal-pożizzjonijiet tiegħu u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-objettiv ta' Ewropa li titkellem b’vuċi waħda.

L-EFRAG kompla jieħu inkunsiderazzjoni, fil-valutazzjonijiet tal-approvazzjoni tiegħu, jekk l-IFRS kinux jissodisfaw il-kriterji tekniċi kollha tar-Regolament tal-IAS, u saħħaħ il-kamp ta’ applikazzjoni tal-valutazzjoni tiegħu dwar jekk ir-rekwiżiti ta’ rappurtar finanzjarju l-ġodda jew proposti, jwasslux għall-beni pubbliku Ewropew.

Il-Kummissjoni apprezzat l-analiżi komprensiva tal-effetti, li appoġġat il-pariri dwar l-approvazzjoni tal-EFRAG dwar l-IFRS 16 Lokazzjonijiet, u tħeġġeġ lill-EFRAG biex ikompli jiżviluppa l-kapaċitajiet tiegħu f’dan il-qasam.

Bis-saħħa tal-proċess estensiv dovut tiegħu, l-EFRAG kien f’pożizzjoni li jipprovdi valutazzjoni adegwata dwar jekk l-IFRS il-ġodda jew emendati jwiġbux għall-bżonnijiet tal-Unjoni, filwaqt li ttieħdet inkonsiderazzjoni d-diversità tal-mudelli u tal-opinjonijiet kontabilistiċi u ekonomiċi fl-UE.

PIOB

Rigward il-PIOB, id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament kompliet bl-inkorporazzjoni tal-Istitut tas-CFA bħala donatur. Il-porzjon totali mis-sorsi tad-dħul mogħtija mill-IFAC fl-2016, kif muri fil-paġna 1 tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha tal-2016, hija 58,50 %, li iktar baxxa minn dik tal-2015 (60,67 %) u ferm inqas mil-limitu ta’ żewġ terzi stabbilit fir-Regolament.

Għas-snin li ġejjin, il-Kummissjoni se tkompli żżomm taħt monitoraġġ l-iżviluppi tal-finanzjamenti u se tikkoopera ma’ donaturi potenzjali interessati oħra, b’mod partikolari ma’ membri oħra tal-Grupp ta’ Monitoraġġ, sabiex tiżgura li l-PIOB jibbenefika minn sistema ta’ finanzjament ċara, stabbli, diversifikata u adegwata sabiex ikun jista’ jaqdi l-missjoni tiegħu fl-interess pubbliku b’mod indipendenti, sostenibbli u effikaċi.

(1)

ĠU L 105/1, 8.04.2014

(2)

Ara r-rapport preċedenti tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS, l-EFRAG u l-PIOB fl-2015.

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2016:0559:FIN

(3)

Il-Grupp ġie stabbilit biex jagħti pariri lill-IASB dwar l-aħjar prattika fil-valutazzjoni tal-effetti probabbli ta’ standard ġdid u, għaldaqstant, jipprova jsaħħaħ il-fiduċja fil-proċessi u fl-effiċjenza tagħhom.

(4)

http://www.fsb.org/wp-content/uploads/September-Plenary-press-release.pdf

(5)

Il-Grupp tar-Riżorsi ta’ Tranżizzjoni tad-Dħul u l-Grupp ta’ Riżorsi ta’ Tranżizzjoni għad-Deprezzament tal-Istrumenti Finanzjarji

(6)

Azzjonijiet possibbli jistgħu jinkludu materjali ta’ appoġġ bħal webinars, studji tal-każ u/jew riferiment lill-Bord / jew Kumitat tal-Interpretazzjonijiet.

(7)

Irreferi għar-rapport preċedenti tal-Kummissjoni dwar attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS, l-EFRAG u l-PIOB fl-2015 għad-deskrizzjoni ta’ dawn il-kunċetti kif ippreżentati fl-Abbozz tal-Iżvelar.

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2016:0559:FIN

(8)

Ara r-rapport preċedenti tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS, l-EFRAG u l-PIOB fl-2015.

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2016:0559:FIN

(9)

Il-laqgħat tal-Bord tal-EFRAG u t-TEG tal-EFRAG isiru fil-pubbliku. Id-dokumenti ta’ sostenn u sommarji ta’ dawn il-laqgħat huma disponibbli fuq is-sit web tal-EFRAG.

(10)

https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/1/2016/EN/1-2016-202-EN-F1-1.PDF

(11)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32017R0827&from=MT

(12)

Ara r-risposta tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-IFRS 9 http://www.europarl.europa.eu/oeil/popups/ficheprocedure.do?lang=en&reference=2016/2898 (RSP) # tab- 0

(13)

Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rieżami ta’ Nofs it-Term tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali

https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/staff-working-document-cmu-mid-term-review-june2017_en.pdf