Strasburgu, 14.11.2017

COM(2017) 673 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzoni u l-Kultura

Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f’Gothenburg, is-17 ta’ Novembru 2017


It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzoni u l-Kultura

Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f’Gothenburg, is-17 ta’ Novembru 2017

“L-Edukazzjoni u l-kultura huma ċ-ċavetta għall-futur - kemm għall-individwu kif ukoll għall-Unjoni tagħna kollha kemm hi. Huwa kif aħna nibdlu ċ-ċirkostanzi f’opportunità, kif nibdlu l-mirja fi twieqi u kif nagħtu l-għeruq lil dak li tfisser li tkun “Ewropew”, fid-diversità kollha tiegħu. Meta l-Mexxejja tal-Ewropa jiltaqgħu f’Gothenburg din il-ġimgħa, irridu naħtfu l-opportunità u niżguraw li l-edukazzjoni u l-kultura jkunu l-ixprun għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku, l-ekwità soċjali u fl-aħħar mill-aħħar l-għaqda”.

(il-President Juncker, l-14 ta’ Novembru 2017)

L-UE mhijiex perfetta iżda hija l-aħjar strument li għandna biex nindirizzaw l-isfidi l-ġodda li qed niffaċċjaw. Neħtieġu li l-UE mhux biss tiggarantixxi l-paċi u d-demokrazija iżda wkoll is-sigurtà tal-popli tagħna. Neħtieġu li l-UE taqdi aħjar il-bżonnijiet u x-xewqat ta' għajxien, studju, ħidma, moviment u prosperità liberi tagħhom fil-kontinent tagħna u jibbenefikaw mill-wirt kulturali Ewropew għani.”

(id-Dikjarazzjoni ta’ Bratislava, is-16 ta’ Diċembru 2016)

“Irridu Unjoni fejn iċ-ċittadini jkollhom opportinajiet ġodda għall-iżvilupp kulturali u soċjali u għat-tkabbir ekonomiku. [..] “Nimpenjaw ruħna li naħdmu għal […] Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aħjar edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjieg madwar il-kontinent; Unjoni li tippreserva l-wirt kulturali u tippromwovi d-diversità kulturali.”

(Id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, il-25 ta’ Marzu 2017)

Id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa jinsab fl-aqwa tiegħu. Il-Kummissjoni Ewropea nediet dan id-dibattitu f’Marzu 2017 bil-White Paper tagħha 1 . Il-President Juncker ippreżenta l-fehmiet tiegħu favur Unjoni aktar magħquda, aktar b’saħħitha u aktar demokratika fid-diskors tiegħu tal-Istat tal-Unjoni 2 u ppreżenta pjan direzzjonali ċar li jwassal sal-laqgħa tal-Mexxejja f’Sibiu, sadittant imsejħa mill-President Tusk għad-9 ta’ Mejju 2019, fejn għandhom jittieħdu deċiżjonijiet ulterjuri dwar il-futur tal-Ewropa, imħejjija mid-diskussjonijiet kif ippreżentat fl-Aġenda tal-Mexxejja 3 .

Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu diskussi u deċiżi tirrigwarda d-dimensjoni soċjali tal-Ewropa. Il-Kummissjoni ppreżentat Dokument ta’ Riflessjoni 4 speċifiku li jindika l-kisbiet importanti tal-Ewropa f’dan il-qasam. L-Ewropa għandha l-aktar soċjetajiet ugwali u inklużivi fid-dinja, b’aspettattiva tal-ħajja għolja (medja ta’ 80.7 snin) u sistemi ta’ protezzjoni soċjali b’saħħithom, li għenuna biex negħlbu l-kriżi ekonomika. Ir-rati tal-qgħad qed jonqsu (u laħqu s-7.5 % f’Settembru 2017, li hija l-anqas ratat rreġistrata sa minn Novembru 2008) iżda jvarjaw b’mod sostanzjali minn pajjiż għal ieħor u 18.4 miljun persuna għadhom bla xogħol, inkluż 3.7 miljun żagħżugħ u żagħżugħa. Fl-istess ħin, 40% ta’ dawk li jħaddmu n-nies fl-Ewropa jirrappurtaw li għandhom diffikultajiet biex isibu nies bil-ħiliet li jeħtieġu biex jikbru u jinnovaw.

Ir-riflessjoni dwar il-futur tal-Unjoni tagħna tinvolvi wkoll riflessjoni dwar is-saħħa tal-identità komuni tagħna. Meta l-valuri Ewropej u d-demokraziji tagħna jiġu ttestjati minn forzi populisti rinaxxenti fil-pajjiżi tagħna u barra minnhom jew permezz tat-tixrid ta’ aħbarijiet foloz u l-manipulazzjoni tan-netwerks tal-informazzjoni tagħna, dan huwa l-mument meta l-Mexxejja u l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jirreaġixxu. Huma ddeċidew f’Ruma fl-2017 li jippreservaw l-UE bħala proġett uniku fejn, skont il-motto tal-"għaqda fid-diversità”, l-UE u l-Istati Membri tagħha rnexielhom jużaw il-kapaċitajiet u r-rikkezza unika tal-pajjiżi tagħhom biex jiksbu progress mingħajr preċedenti. Sittin sena wara l-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma, it-tisħiħ tal-identità Ewropea tagħna għadu essenzjali u l-edukazzjoni u l-kultura huma l-aħjar mezzi sabiex dan jiġi żgurat.

Huwa għalhekk li l-mexxejja Ewropej iddeċidew li jiltaqgħu fis-17 ta’ Novembru 2017 f’Gothenburg biex jiddiskutu r-rwol futur tal-edukazzjoni u l-kultura fit-tisħiħ tas-sens ta’ appartenenza komuni u li nkunu parti minn komunità kulturali.

Il-Komunikazzjoni preżenti tifforma l-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja. Hija tidentifika kwistjonijiet ewlenin u tippreżenta toroq possibbli ‘l quddiem skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-fatt li l-kompetenzi għall-edukazzjoni u l-kultura jappartjenu primarjament għall-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-kompetenzi tal-Unjoni huma limitati għal li jinkoraġġixxu l-koperazzjoni, u li jappoġġaw u jikkumplimentaw l-azzjonijiet nazzjonali. L-azzjonijiet tal-Unjoni jipprevedu wkoll il-possibilità li jiġu ffinanzjati l-programmi (Erasmus għall-edukazzjoni u Media għall-kultura huma l-aktar li ilhom stabbiliti u l-aktar popolari).

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-viżjoni ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, u tibni fuq l-Aġenda l-Ġdida tal-Ħiliet għall-Ewropa 5 u l-investiment fl-inizjattivi taż-żgħażagħ tal-Ewropa 6 . L-edukazzjoni hija parti mis-soluzzjoni sabiex aktar nies isibu impjiegi deċenti, sabiex nirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tal-ħiliet tal-ekonomija u sabiex insaħħu r-reżiljenza tal-Ewropa f’kuntest ta’ bidliet rapidi u profondi kkawżati mir-rivoluzzjoni teknoloġika u mill-globalizzazzjoni. Dan l-aħħar aspett kien indirizzat fid-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni dwar l-utilizzar tal-globalizzazzjoni 7 , li ġibed l-attenzjoni għar-rwol ewlieni tal-politiki soċjali u tal-edukazzjoni fl-iżgurar tal-innovazzjoni u tal-kompetittività. L-Ewropa mhix qiegħda teċċella fil-produzzjoni tal-ħiliet ta’ kwalità għolja, billi saħansitra l-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni ma jlaħħqux mal-pajjiżi Ażjatiċi avvanzati. Madankollu, l-Ewropa għandha l-ambizzjoni li taħtaf l-opportunitajiet kollha maħluqa mill-iżviluppi l-ġodda.

Għalhekk, huwa fl-interess komuni tal-Istati Membri kollha li nużaw il-potenzjal sħiħ tal-edukazzjoni u tal-kultura bħala muturi tal-impjiegi, tal-ġustizzja soċjali, taċ-ċittadinanza attiva kif ukoll bħala mezz biex tiġi esperjenzata l-identità Ewropea fid-diversità kollha tagħha.

1. Lejn Aġenda Ewropea komuni ambizzjuża dwar l-edukazzjoni u l-kultura

L-Ewropa qed taffaċċa numru ta’ żviluppi importanti:

·it-tkomplija tad-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u l-ħtieġa li wieħed iżomm mal-progress teknoloġiku;

·il-futur tax-xogħol, l-impatt tiegħu fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħtieġa futura għall-ħiliet u għall-kompetenzi;

·l-immodernizzar tas-sistemi soċjali Ewropej, l-inklużjoni soċjali u l-ħtieġa li jiġu kondiviżi l-benefiċċji tat-tkabbir u li jitnaqqsu l-inugwaljanzi, inkluża l-inugwaljanza tal-ġeneru;

·ix-xejriet demografiċi, forza tax-xogħol li qed tixjieħ, u l-ħtieġa li nintegraw popolazzjoni ta’ migranti kulturalment differenti;

·xejriet ġodda fil-komunikazzjoni, fil-midja soċjali, il-fenomenu tal-aħbarijiet “foloz” u l-ħtieġa li nippromwovu l-litteriżmu tal-midja fost iċ-ċittadini kollha; u wkoll

·żieda fil-populiżmu u l-ksenofobija, ir-riskju ta’ radikalizzazzjoni vjolenti u l-ħtieġa li nsaħħu s-sens ta’ appartenenza komuni.

L-edukazzjoni u l-kultura jistgħu u għandhom ikunu parti mis-soluzzjoni sabiex jiġu indirizzati bosta minn dawn l-isfidi u joffru modi kif jiġu użati l-opportunitajiet li jiġu magħhom:

·L-edukazzjoni tifforma parti mill-bażi għal forza tax-xogħol kreattiva u produttiva li sservi ta’ mutur għar-R&Ż u l-innovazzjoni, u hija kapaċi tiggwida l-iżviluppi teknoloġiċi u diġitali, minflok tirreaġixxi għalihom; l-edukazzjoni u t-taħriġ jagħtu lin-nies il-ħiliet li għandhom bżonn fis-suq tax-xogħol u jagħtuhom il-possibilità li jirrispondu għat-tibdil fiċ-ċirkostanzi u għat-tibdil jew it-taqlib strutturali; l-edukazzjoni, it-taħriġ, it-tibdil tal-ħiliet jew iż-żieda tal-ħiliet jgħinu biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni bejn l-impjiegi; l-edukazzjoni u t-taħriġ jagħtu lin-nies il-possibilità li joħolqu l-impjiegi huma stess; forza tax-xogħol ikkwalifikata ħafna u flessibbli tifforma parti mill-bażi ta’ ekonomija reżiljenti li taffaċċa l-iskossi tajjeb u li jkollha rwol attiv fl-ekonomija globali.

·L-edukazzjoni u t-taħriġ huma wkoll l-aħjar mod kif inżidu l-impjegabilità u ngħinu lin-nies isibu impjiegi deċenti. Huma joffru l-aħjar protezzjoni kontra l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali. Jekk tkun ta’ kwalità tajba u inklużiva, l-edukazzjoni mit-tfulija ‘l quddiem tistabbilixxi l-bażi għall-koeżjoni soċjali, għall-mobilità soċjali u għal soċjetà ekwa.

·Fl-istess waqt, l-edukazzjoni u l-kultura jgħinu sabiex l-Ewropa tkun post attraenti biex wieħed jgħix, jistudja u jaħdem fih, post ikkaratterizzat mill-libertà u valuri komuni, riflessi fid-drittijiet fundamentali u f’soċjetà miftuħa. L-edukazzjoni tifforma l-bażi taċ-ċittadinanza attiva u tgħin sabiex jiġu evitati l-populiżmu, il-ksenofobija u r-radikalizzazzjoni vjolenti.

·Id-diversità kulturali tal-Ewropa hija sors ta’ saħħa li ssostni l-kreattività u l-innovazzjoni u, fl-istess waqt, hemm bażi komuni li hija karatteristika partikolari tal-mod ta’ ħajja Ewropew. L-edukazzjoni u l-kultura għandhom rwol ċentrali sabiex in-nies (i) isiru jafu lil xulxin aħjar minn naħa għal oħra tal-fruntieri, u (ii) jesperjenzaw u jkunu konxji xi tfisser li tkun “Ewropew”. Li nifhmu u nħarsu l-wirt kulturali u d-diversità tagħna huwa prerekwiżit biex inżommu l-komunità kulturali, il-valuri komuni u l-identità tagħna.

2. It-tisħiħ tal-mobilità u l-iffaċilitar tal-koperazzjoni transfruntiera

In-nies fl-Ewropa jistudjaw, jaħdmu, jivvjaġġaw u jaqsmu l-ideat liberament. Il-proġett Ewropew minn dejjem kien dwar li negħlbu l-fruntieri u nagħmlu possibbli l-moviment ħieles. Illum, is-suq intern huwa realtà għall-oġġetti iżda mhux għall-edukazzjoni u l-kultura. Min-naħa l-oħra, qed naraw interess akbar fil-koperazzjoni u l-mobilità transfruntiera kemm għall-istudenti kif ukoll għax-xogħlijiet kulturali u kreattivi fl-Istati Membri kollha, b’interess ġej mill-komunitajiet edukattivi u kulturali nfushom.

Ostaklu wieħed identifikat għall-mobilità tal-istudenti huwa l-fatt li, minkejja l-proċess ta’ Bologna, 8 u oqfsa oħra ta’ kooperazzjoni fil-Kunsill tal-Ewropa, id-diplomi tal-iskejjel tal-edukazzjoni għolja mhumiex faċilment rikonoxxuti fi Stati Membri oħra, li jfisser li ż-żgħażagħ huma ostakolati, mingħajr l-ebda raġuni valida, milli jibdew studji f’pajjiż ieħor. Din hija opportunità mitlufa biex nattrezzaw liż-żgħażagħ b’edukazzjoni tajba u ostaklu għall-fluss tal-ideat, li jostakola l-ħidma tal-universitajiet, tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Dan huwa wkoll ostaklu li għadu hemm għal suq tax-xogħol integrat Ewropew.

Hemm bosta ostakli amministrattivi u burokratiċi li jtellfu lill-universitajiet lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u lill-fornituri tat-taħriġ milli jaħdmu bla xkiel minn naħa għal oħra tal-fruntieri. Minbarra dan, programmi ta’ studju u taħriġ li jwasslu għal kwalifiki li huma awtomatikament rikonoxxuti f’aktar minn pajjiż wieħed għadhom l-eċċezzjoni. Dan jagħmel il-ħajja aktar diffiċli għall-gradwati u jtellef lill-universitajiet, li jkollhom jindirizzaw kwistjonijiet amministrattivi minflok jiffukaw fuq l-eċċellenza.

Skont il-klassifiki internazzjonali, mill-aħjar 50 università fid-dinja, 10 biss jinsabu fl-UE. Huwa importanti li l-Ewropa tibqa’ post attraenti biex tistudja fih u li fil-futur ikun hemm aktar Universitajiet Ewropej fl-ogħla postijiet fil-klassifiki internazzjonali. Biex nappoġġaw l-eċċellenza tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tagħna u biex niżviluppaw is-sens tagħna li nappartjenu għall-UE, il-baġit tal-UE jiffinanzja numru żgħir ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja Ewropej li jipprovdu edukazzjoni dwar kwistjonijiet Ewropej: il-European University Institute f’Firenze, il-College of Europe (Bruges u Natolin), il-European Institute of Public Administration f’Maastricht, l-Academy of European Law fi Trier u s-Centre International de Formation Européenne f’Nizza. Għall-istess raġunijiet, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġaw it-twaqqif tal-Iskola tal-Governanza Ewropea u Tranżnazzjonali f’Firenze li tħarreġ il-maniġrers mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, mis-settur privat u mis-soċjetà ċivili fl-affarijiet tal-UE. L-UE tappoġġa wkoll l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (European Institute of Innovation and Technology, EIT), li jgħin biex l-imħuħ kreattivi jiżviluppaw ideat u proġetti imprenditorjali ġodda.

L-UE diġà għandha rekord eċċellenti ta’ promozzjoni attiva tal-mobilità li tibda bl-istudenti universitarji iżda li tinkludi wkoll l-istudenti tal-livell sekondarju, l-istudenti vokazzjonali u l-professjonisti żgħażagħ kif ukoll l-għalliema grazzi għall-programm Erasmus+. L-aktar riċenti, il-Kummissjoni nediet il-Korp Ewropew tas-Solidarjetà, li joffri opportunitajiet ġodda għall-volontarjat, għat-traineeships u għall-impjiegi għaż-żgħażagħ tal-UE bejn l-etajiet ta’ 18-il sena u 30 sena. Fl-2017, il-proġett Move2Learn Learn2Move ta ċ-ċans liż-żgħażagħ Ewropej biex jiskopru u jitgħallmu dwar l-Ewropa.

L-aktar eżempju prominenti tal-azzjoni tal-UE sabiex tippromwovi l-mobilità huma l-ġenerazzjonijiet differenti ta’ Erasmus+ 9 , wieħed mill-aktar programmi popolari Ewropej. Wara 30 sena ta’ ħidma, il-programm Erasmus+ għen disa’ miljun persuna biex jistudjaw, jitħarrġu, jgħallmu jew jivvolontarjaw f’pajjiż ieħor. Hemm min jitkellem dwar “il-ġenerazzjoni tal-Erasmus”. L-evidenza turi li n-nies li ħadu sehem fl-Erasmus għandhom ċansijiet eċċellenti fis-suq tax-xogħol. Fi żminijiet ta’ globalizzazzjoni, huwa mistenni li dawn l-esperjenzi jsiru saħansitra aktar importanti. Madankollu, għadu l-każ illum li 3.7 % biss taż-żgħażagħ ikollhom l-opportunità li jieħdu sehem f’dan it-tip ta’ mobilità. Huwa wkoll veru li l-mobilità barra minn dawn l-oqsfa stabbiliti tajjeb għadha diffiċli għar-raġunijiet spjegati hawn fuq.

Jekk il-Mexxejja Ewropej u ċ-ċittadini tagħhom isejħu għal Ewropa miftuħa li fiha l-mobilità tat-tagħlim tkun in-norma u jekk l-Ewropa trid li tibqa’ kontinent ta’ eċċellenza, post attraenti biex fih wieħed jistudja, jagħmel ir-riċerka u jaħdem, wasal iż-żmien li naħdmu għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Minkejja li l-kompetenzi tal-Unjoni fl-edukazzjoni u l-kultura b’mod ċar ma jippermettux l-armonizzazzjoni bħal f’oqsma oħra, l-azzjoni fil-livell tal-UE bbażata fuq il-koperazzjoni hija possibbli u mixtieqa.

It-triq ‘il quddiem (għall-ideat ippreżentati hawn taħt li jinvolvu aċċess għall-finanzjament tal-UE lil hinn mill-2020, id-deċiżjonijiet finali se jittieħdu biss fil-kuntest tad-diskussjonijiet futuri dwar il-finanzi tal-UE u l-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu li jmiss):

- bħala element essenzjali taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, inħejju proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi tal-edukazzjoni għolja u tat-tmiem tal-iskola / perjodi ta’ studji barra mill-pajjiż. Dan jista’ jkun akkumpanjat minn proċess ġdid, li jibni fuq l-esperjenzi minn skemi eżistenti ta’ kooperazzjoni, biex jiġi ffaċilitat dan ir-rikonoxximent u biex isir progress fil-validazzjoni transfruntiera taċ-ċertifikati tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja (“il-proċess ta’ Sorbonne”);

- insaħħu l-programm Erasmus+ li diġà ġie ppruvat u ttestjat fil-kategoriji kollha tal-istudenti li diġà jkopri (skulari, studenti, trainees, apprentisti u għalliema) bil-għan li jiġi rduppjat in-numru ta’ parteċipanti u jintlaħqu studenti li ġejjin minn sfond soċjali żvantaġġat sal-2025;

- nintroduċu fl-2019 il-proġett pilota għal kard tal-istudenti tal-UE, bl-objettiv li tiġi offruta lill-istudenti mobbli kollha sal-2025, sabiex niffaċilitaw il-mobilità transfruntieri tal-istudenti u noffru mod faċli biex jintuża sabiex tiġi maħżuna l-informazzjoni fir-rekords akkademiċi ta’ persuna;

- naħdmu għal universitajiet tassew Ewropej, li jkunu jistgħu jinteraġixxu u jikkoperaw mingħajr xkiel minn naħa għal oħra tal-fruntieri u jikkompetu internazzjonalment, inkluż il-ħolqien ta’ Skola tal-Governanza Ewropea u Tranżnazzjonali (ospitata mill-Istitut tal-Università Ewropea f’Firenze, l-Italja).

3. Ninvestu fin-nies u fl-edukazzjoni tagħhom

L-investiment fl-edukazzjoni huwa interess kondiviż tal-Istati Membri kollha u tal-Ewropa kollha kemm hi billi huwa xprun għall-impjiegi, għat-tkabbir ekonomiku u għat-titjib tal-benesseri u jappoġġa l-konverġenza ekonomika u soċjali ‘l fuq kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll fihom. L-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u fiż-żieda tal-ħiliet matul il-ħajja jagħti dividendi, kemm għall-finanzi tal-individwi kif ukoll għal dawk pubbliċi. L-edukazzjoni mhux biss tgħin biex jinkisbu l-objettivi ekonomiċi u soċjali. Huwa wkoll dritt kif stabbilit fl-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minkejja li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt huwa limitat għall-azzjoni tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u japplika għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-UE.

Is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-Ewropa huma ġeneralment ta’ kwalità tajba iżda hemm ukoll nuqqasijiet: hemm wisq studenti li qegħdin jiksbu biss livell baxx ta’ kompetenzi. Dan l-aħħar, is-sehem ta’ dawk “b’kisbiet baxxi” fis-suġġett tax-xjenza żdied b’25 %. Is-sehem tal-istudenti b’kisbiet baxxi fil-matematika staġna għal snin għal madwar 20 %. Dawn iż-żgħażagħ se jiltaqgħu ma’ problemi serji fis-suq tax-xogħol. 20 % tal-popolazzjoni tal-UE fl-età tax-xogħol għandhom livell baxx ta’ litteriżmu u livell baxx ta’ ħiliet numeriċi. 44 % tal-popolazzjoni tal-UE għandhom livell baxx ta’ kompetenzi diġitali. U hekk kif id-domanda għall-ħiliet tkompli tiżdied, din il-problema mhijiex se tintemm.

It-tieni problema hija marbuta mal-opportunitajiet indaqs. L-istudenti li bi prestazzjoni inqas tajba jiġu sproporzjonatament minn sfond żvantaġġat (jiġifieri minn djar b’livelli baxxi ta’ introjtu jew edukazzjoni). Dan juri li fil-prattika l-edukazzjoni ta’ sikwit ma toffrix possibilità reali għall-mobilità soċjali. Il-kwalità fl-edukazzjoni ma tfissirx biss li jinkisbu riżultati tajbin iżda wkoll li jiġi żgurat li l-istudenti kollha jirċievu l-appoġġ li għandhom bżonn sabiex jiksbu riżultati tajbin.

Aspett ewlieni ieħor sabiex tiġi żgurata edukazzjoni ta’ kwalità huwa li jiġi żgurat li s-sistemi tal-edukazzjoni, inkluż dawk vokazzjonali, jagħtu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi kollha li huma meqjusa bħala essenzjali fid-dinja ta’ llum. Billi l-bżonnijiet tal-ħiliet qegħdin jinbidlu malajr ħafna, it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, bħall-apprendistati jew f’kuntest akbar tat-tagħlim tul il-ħajja, huwa essenzjali u l-impriżi għandhom rwol importanti xi jwettqu permezz tas-sħubijiet fl-industrija tal-edukazzjoni. Sabiex jinkisbu l-benefiċċji kollha tal-iżviluppi teknoloġiċi, iridu jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti li jikkonċernaw it-tagħlim tal-ħiliet diġitali bħall-ħiliet tal-ikkowdjar jew tas-sigurtà ċibernetika, il-litteriżmu tal-midja u l-ħiliet imprenditorjali. Minbarra dan, il-ħiliet soċjali, ċiviċi u tat-“tagħlim dwar kif wieħed jitgħallem” huma essenzjali għaż-żgħażagħ sabiex jipparteċipaw b’mod sħiħ f’soċjetajiet diversi u li jinbidlu malajr. Huma meħtieġa aktar sforzi sabiex naħdmu għal kurrikuli komprensivi u li jinkludu dawn il-“kompetenzi ewlenin” kollha.

Kwistjoni speċifika hija t-tagħlim tal-lingwi. Il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea jirrikjedi l-kisba ta’ kompetenzi tajbin fil-lingwi. Il-multilingwiżmu jirrappreżenta wieħed mill-akbar assi f’termini tad-diversità kulturali fl-Ewropa u, fl-istess ħin, jirrappreżenta waħda mill-aktar sfidi sostanzjali. Kważi nofs iċ-ċittadini tal-UE jitkellmu u jifhmu biss il-lingwa materna tagħhom. Fl-istess ħin, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri 10 jagħmlu t-tagħlim ta’ żewġ lingwi barranin obbligatorju għall-istudenti kollha fl-edukazzjoni ġenerali f’xi punt matul il-ħajja skolastika tagħhom.

Problema addizzjonali hija li ftit biss studenti jagħżlu li jistudjaw ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, b’mod partikolari l-bniet. Marbut ma’ dan, ma hemmx biżżejjed opportunitajiet għall-istudenti biex isegwu approċċi interdixxiplinari u ftit wisq mill-istudenti jikkombinaw ix-xjenza u t-teknoloġija mas-suġġetti umanistiċi. Dan joħloq ir-riskju ta’ skarsezzi tal-ħaddiema u tal-ħiliet, li jistgħu jżommu lura l-innovazzjoni u l-kompetittività.

It-triq ‘il quddiem:

- titħejja Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tat-tagħlim tal-lingwi fl-Ewropa, li tistabbilixxi livell referenzjarju li sal-2025 l-Ewropej żgħażagħ li jlestu l-edukazzjoni sekondarja għolja jkollhom għarfien tajjeb ta’ żewġ lingwi minbarra l-lingwa materna jew lingwi materni tagħhom;

- fil-kuntest tat-titjib tal-kooperazzjoni eżistenti fil-livell tal-UE, il-livelli referenzjarji tal-Kunsill għas-sehem ta’ dawk b’kisbiet baxxi u dawk li jitilqu mill-iskola kmieni jsiru aktar ambizzjużi sal-2025, fejn l-ewwel livell referenzjarju jitnaqqas minn 15 % kif inhu bħalissa għal 10 % u t-tieni wieħed jitnaqqas minn 10 % bħalissa għal 5 %. Jista’ jintlaħaq qbil dwar punti referenzjarji ġodda għall-kompetenzi diġitali u għall-imprenditorija;

- tiġi aġġornata r-Rakkomandazzjoni dwar il-Kompetenzi Ewlenin fil-bidu tal-2018.

Tliet fatturi jikkontribwixxu għal titjib fl-edukazzjoni: l-ewwel wieħed huwa l-kwalità tal-għalliema u tat-tagħlim. L-għalliema għandhom rwol ċentrali fil-proċess tat-trażmissjoni tal-ħiliet, tal-kompetenzi u tal-għarfien kif ukoll fit-trawwim tal-perspettivi internazzjonali kmieni fil-ħajja ta’ persuna żagħżugħa. Iktar ma jkunu tajba l-għalliema, aktar ikun tajjeb ir-riżultat. Madankollu, bosta għalliema se jirtiraw fis-snin li ġejjin, u huwa essenzjali li jiġu attratti biżżejjed nies kwalifikati u motivati lejn din il-professjoni. Dan jitlob li huma jiġu offruti taħriġ eċċellenti u perspettivi attraenti għall-iżvilupp professjonali u r-rimunerazzjoni tagħhom.

It-tieni kwistjoni hija marbuta mat-tagħlim tul il-ħajja. Filwaqt li ż-żgħażagħ iqattgħu l-biċċa l-kbira tal-ħin tagħhom fl-edukazzjoni, l-investiment fil-kompetenzi jonqos ħafna wara l-gradwazzjoni u jibqa’ fl-istess livell għall-biċċa l-kbira tan-nies għall-bqija ta’ ħajjithom. It-tagħlim tul il-ħajja joffri mod kif jiġu mibdula u miżjuda l-ħiliet iżda huwa biss perċentwal żgħir tal-adulti li jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet, u l-biċċa l-kbira minnhom diġà għandhom kwalifiki tajbin. Il-biċċa l-kbira tal-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet, inklużi dawk li jbatu fil-ħiliet bażiċi, jew li huma f’sitwazzjonijiet ta’ impjieg prekarji jew frammentati, ma jiħdux sehem fit-tagħlim tul il-ħajja. Illum, l-inugwaljanzi bejn il-pajjiżi tal-UE f’termini tal-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja huma sinifikanti. Ikun essenzjali li nfittxu l-konverġenza u nżidu s-sehem tan-nies li jipparteċipaw fit-tagħlim matul ħajjithom. Dan ikun mod promettenti kif intejbu l-ħiliet u l-kapital tal-għarfien fl-Ewropa. Żewġ ġenerazzjonijiet ilu, li wieħed ikollu aċċess għall-edukazzjoni bażika kien iċ-ċavetta għas-sigurtà - imma fid-dinja ta’ llum li qiegħda tinbidel malajr, dan ir-rwol ħadu t-tagħlim tul il-ħajja.

Fl-istess ħin, hemm evidenza li edukazzjoni tajba matul it-tfulija bikrija tistabbilixxi bażi soda għat-tagħlim fl-iskola u matul il-ħajja iżda fil-prattika hemm nuqqasijiet fir-rigward tal-aċċess, il-kwalità u l-affordabilità ta’ din l-edukazzjoni.

It-tielet fattur huwa l-innovazzjoni u t-teknoloġiji diġitali fl-edukazzjoni. Dawn joffru possibilitajiet ġodda għall-approċċi lejn it-tagħlim iżda l-Ewropa waqgħet lura fl-użu tagħhom. Hemm wisq skejjel li għad ma għandhomx aċċess għal konnettività u tagħmir diġitali rapidi ħafna, u ma hemmx biżżejjed għalliema li jibbenefikaw minn programmi tal-iżvilupp professjonali f’dawn l-oqsma.

It-triq ‘il quddiem (għall-ideat ippreżentati hawn taħt li jinvolvu aċċess għall-finanzjament tal-UE lil hinn mill-2020, id-deċiżjonijiet finali se jittieħdu biss fil-kuntest tad-diskussjonijiet futuri dwar il-finanzi tal-UE u l-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu li jmiss):

- inżidu l-appoġġ għall-għalliema billi nżidu l-mobilità tagħhom madwar l-Ewropa permezz tan-"netwerk tal-eTwinning", bil-għan li nilħqu 600,000 utent sal-2020, billi nipprovdu Korsijiet Onlajn Miftuħa Massivi bħala parti mit-twaqqif ta’Akkademja tal-Għalliema tal-UE;

- noħolqu momentum biex nistimulaw it-tagħlim tul il-ħajja billi nistabbilixxu punt referenzjarju aktar ambizzjuż għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tat-tagħlim tul il-ħajja għal 25 % sal-2025;

- inħejju Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar qafas ta’ kwalità għall-Edukazzjoni u l-Kura fit-Tfulija Bikrija, flimkien ma’ punt referenzjarju komuni aktar ambizzjuż li jsejjaħ biex jiġu offruti postijiet għal mill-anqas 95 % tat-tfal bejn tliet snin u l-età mandatorja tal-iskola;

- inħejju Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali sabiex nippromwovu l-metodi tat-tagħlim u t-teknoloġiji innovattivi, personalizzati u diġitali li jgħinu fit-titjib tar-riżultati tat-tagħlim; nimplimentaw mira ġdida tal-konnettività tal-UE bil-għan li niżguraw li l-iskejjel kollha jkollhom aċċess għall-broadband rapidu ħafna sal-2025.

4. Tisħiħ tas-sens tal-identità Ewropea u tal-għarfien tal-wirt kulturali

Il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, ir-rispett għall-istat tad-dritt, id-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem huma l-valuri fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea. Huma jiffurmaw parti mill-identità Ewropea tagħna. L-edukazzjoni, il-kultura u l-isport għandhom rwol ċentrali fil-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva u l-valuri komuni fost il-ġenerazzjonijiet l-aktar żgħażagħ. Il-kombinazzjoni tagħhom fi proġetti konkreti fil-komunitajiet lokali tikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sens tal-identità Ewropea. Inizjattivi bħall-jum tal-Ewropa fl-iskola 11 għandhom jirċievu appoġġ imġedded u jiġu żviluppati fuq skala akbar.

L-UE qiegħda twettaq bosta attivitajiet sabiex tissalvagwardja u ssaħħaħ il-wirt kulturali tal-Ewropa u toffri appoġġ għas-setturi tal-kultura u l-kreattività. Hija tipprovdi wkoll qafas regolatorju mmirat sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet għall-awturi u għall-kreaturi sabiex joħolqu, jiddistribwixxu u jitħallsu f’dinja diġitali.

Filwaqt li huwa diffiċli li jitkejlu l-kisbiet f’termini ta’ kultura jew identità, l-attivitajiet kulturali jikkontribwixxu għat-titjib tal-esperjenza tan-nies, biex isiru jafu lil xulxin aħjar u biex jifhmu xi jfisser li tkun Ewropew. F’dak ir-rigward, l-inizjattiva stabbilita tajjeb tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura 12 ilha tiċċelebra u tippromwovi d-diversità kulturali għal 30 sena. Fl-istess ħin, l-importanza ekonomika tal-industriji kulturali ma tridx tiġi sottovalutata. Is-setturi kulturali u kreattivi Ewropej jirrappreżentaw madwar 4 % tal-PDG Ewropew u jipprovdu impjiegi għal tmien miljun Ewropew.

Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 13 se tkun opportunità biex inżidu l-għarfien tal-importanza tal-kultura u l-wirt kulturali u, b’mod partikolari, biex infakkru li l-wirt kulturali huwa ta’ kulħadd. Hija se tkun ukoll il-mument biex nenfasizzaw ir-rwol ekonomiku b’saħħtu li għandu l-wirt kulturali. Hija se tipprovdi okkażjoni biex nuru kif l-għodod diġitali jistgħu jwessgħu l-aċċess għall-materjal u l-opportunitajiet kulturali, u titfa’ dawl fuq inizjattivi bħal Europeana 14 , li trawwem l-aċċess għall-materjal tal-wirt kulturali miżmum mil-libreriji, l-arkivji u l-mużewijiet permezz ta’ mezzi diġitali.

Il-programm Ewropa Kreattiva 15 jappoġġa ċ-ċirkolazzjoni tal-proġetti kulturali minn naħa għal oħra tal-fruntieri, il-mobilità tal-artisti u d-distribuzzjoni wiesgħa tal-films Ewropej. Il-“Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kreattivi u Kulturali” għandha l-mira li żżid l-aċċess għall-finanzjament għall-kumpaniji ta’ daqs żgħir jew medju attivi fis-Settur Kulturali u Kreattiv, u tiżviluppa attivitajiet ibbażati fuq il-valuri kulturali u/jew l-espressjonijiet artistiċi u kreattivi oħra. Il-Faċilità ta’ Garanzija ilha operattiva mit-30 ta’ Ġunju 2016 u għandha baġit ta’ EUR 121.4 miljun għall-perjodu 2016-2020. Sa issa, hemm żieda fil-parteċipazzjoni mis-suq, bi ftehimiet ta’ garanzija diġà ffirmati fi Spanja, Franza u r-Rumanija u erba’ ftehimiet oħra qegħdin jiġu ppreparati fil-Belġju, l-Italja u r-Repubblika Ċeka. Sa mill-1991, il-programm MEDIA investa aktar minn EUR 2.5 biljun fil-ħolqien tal-films u l-prodotti awdjoviżivi Ewropej, u appoġġa l-produzzjoni, il-promozzjoni u d-distribuzzjoni transfruntiera tagħhom.

Fid-dawl taż-żieda fl-isfidi għall-ġurnaliżmu kwalitattiv u r-rappurtar fattwali mill-fenomenu tal-“aħbarijiet foloz” u l-“fatti alternattivi”, irridu nieħdu pożizzjoni aktar b’saħħitha f’appoġġ għal-libertà, il-pluraliżmu u t-trasparenza tal-midja fl-Ewropa. Minkejja li l-Ewropa ma għandha l-ebda kompetenza diretta fuq il-midja, l-UE ilha għal bosta snin b’rabta mill-qrib ma’ Euronews. Fl-1993, l-Euronews inħolqot minn numru ta’ xandara pubbliċi nazzjonali Ewropej, bl-ambizzjoni li jkun hemm xandar pubbliku Ewropew li joffri aċċess għal informazzjoni indipdendenti ta’ kwalità għolja b’perspettiva pan-Ewropea. F’dak iż-żmien, il-proġett kien maħsub biex jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-identità Ewropea. Għal dik ir-raġuni, mingħajr ma saret azzjonist, l-UE pprovdiet appoġġ finanzjarju għall-istazzjon, u appoġġat ix-xandir ta’ programmi f’disa’ lingwi tal-UE, iżda wkoll għal servizzi tax-xandir bl-Għarbi u bil-Farsi. Il-finanzjament tal-UE llum jirrappreżenta 36 % tal-baġit tal-Euronews (EUR 25 miljun fis-sena).

Madankollu, matul is-snin, ix-xandara pubbliċi nazzjonali Ewropej saru azzjonisti minoritarji, filwaqt li xandara privati mhux tal-UE u investituri privati minn pajjiżi terzi żiedu s-sehem tagħhom. Hemm tħassib dejjem akbar dwar jekk stazzjon li jagħti lit-telespettaturi l-impressjoni li huwa tip ta’ xandar pubbliku Ewropew huwiex dejjem qiegħed jirrifletti d-diversità tal-opinjonijiet kif jeżistu fl-Ewropea, u l-valuri Ewropej. Huwa għalhekk li neħtieġu riflessjoni u deċiżjoni fil-livell politiku dwar il-livell ta’ ambizzjoni li l-UE għandha għall-futur ta’ Euronews. Il-Parlament Ewropew għandu jkun involut mill-qrib f’dan il-proċess.

It-triq ‘il quddiem (għall-ideat ippreżentati hawn taħt li jinvolvu aċċess għall-finanzjament tal-UE lil hinn mill-2020, id-deċiżjonijiet finali se jittieħdu biss fil-kuntest tad-diskussjonijiet futuri dwar il-finanzi tal-UE u l-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu li jmiss):

- inħejju Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-valuri komuni, inkluża l-edukazzjoni u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim;

- insaħħu l-kapaċità tal-finanzjament tal-Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kreattivi u Kulturali sal-2020 sabiex il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra minn numru akbar ta’ pajjiżi jkunu jistgħu jżidu b’mod sinifikanti l-finanzjament ta’ kumpaniji ta’ daqs żgħir jew medju fis-setturi kulturali u kreattivi;

- inniedu sal-2020 #Digital4Culture strategy bil-għanj li ngħaqqdu l-kultura u d-diġitali u nużaw il-potenzjal diġitali sabiex insaħħu l-effetti pożittivi ekonomiċi u soċjetali tal-kultura;

- inġeddu u nsaħħu l-Aġenda Ewropea għall-Kultura sal-2025, abbażi tal-prinċipju tal-mainstreaming kulturali tat-Trattat, sabiex nippromwovu d-dimensjoni kulturali tal-Unjoni, b’enfasi partikolari fuq identità Ewropea permezz tal-kultura u l-valuri;

- insaħħu d-dimensjoni Ewropea ta’ Euronews.

5. Konklużjonijiet u perspettiva

L-Ewropa hija komunità kulturali, ibbażata fuq valuri kondiviżi u fuq integrazzjoni ekonomika b’suċċess, b’mod partikolari s-suq intern. L-ekonomija soċjali tas-suq tal-Unjoni Ewropea hija karatteristika ewlenija tal-mod ta’ ħajja Ewropew, u ġġib flimkien il-libertà ekonomika mal-prinċipji soċjali, kif rifless fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

L-edukazzjoni u l-kultura huma primarjament politiki li jinsabu f’idejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom. Il-livell Ewropew qed jilgħab rwol kumplimentari importanti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet transfruntieri (l-aktar eżempji prominenti tal-azzjoni tal-UE huma l-programmi Erasmus+ u Media). Huwa fl-interess komuni tal-Istati Membri kollha li jutilizzaw il-potenzjal tal-edukazzjoni u l-kultura b’mod sħiħ. Sforz kollettiv jippermetti lill-Ewropa kollha kemm hi biex tindirizza aħjar l-isfidi li qegħdin niffaċċjaw.

Viżjoni għall-2025 tkun Ewropa li fiha t-tagħlim, l-istudju u r-riċerka ma jkunux ostakolati mill-fruntieri. Kontinent li fih ikun sar standard li wieħed iqatta’ żmien fi Stat Membru ieħor biex jistudja, jitgħallem jew jaħdem u fejn, minbarra l-lingwa materna tiegħu, wieħed jitkellem żewġ lingwi oħra jkun sar in-norma. Kontinent li fih in-nies għandhom sens qawwi tal-identità tagħhom bħala Ewropej, tal-wirt kulturali tal-Ewropa u tad-diversità tagħha.

Li nwettqu din il-viżjoni jrid ikun sforz komuni. Dan se jfisser li naħdmu flimkien favur aġenda komuni, fir-rispett sħiħ tas-sussidjarjetà.

Fil-qalba ta’ din l-aġenda komuni hija l-idea li naħdmu flimkien favur Żona Edukattiva Ewropea abbażi tal-fiduċja, ir-rikonoxximent reċiproku, il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki, il-mobilità u t-tkabbir, li għandha tiġi stabbilita sal-2025, inkluż billi:

·nagħmlu l-mobilità tat-tagħlim realtà għal kulħadd;

·inneħħu l-ostakli għar-rikonoxximent tal-kwalifiki, kemm fil-livell tal-iskejjel kif ukoll fl-edukazzjoni għolja;

·nimmodernizzaw l-iżvilupp tal-kurrikuli;

·insaħħu t-tagħlim tal-lingwi;

·noħolqu universitajiet ta’ klassi dinjija li jistgħu jaħdmu bla xkiel flimkien b’mod transfruntier;

·intejbu l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja;

·nixprunaw l-innovazzjoni fl-edukazzjoni fl-era diġitali;

·nagħtu aktar appoġġ lill-għalliema;

·u nħarsu l-wirt kulturali u nrawmu sens ta’ identità u kultura Ewropea.

Li ninvestu fin-nies ma jiġix b’xejn. Sabiex din l-aġenda komuni ambizzjuża tkun kredibbli, l-Unjoni Ewropea se jkollha twettaq investiment proporzjonali bbażat fuq in-nies. Li nappoġġaw liż-żgħażagħ sabiex jiksbu esperjenza fi Stat Membru ieħor se jitlob finanzjament sostanzjali. Ikun jenħtieġ li l-ambizzjoni politika tiġi allinjata mal-mezzi għall-azzjoni u għalhekk jenħtieġ li tiġi riflessa fid-diskussjonijiet futuri tal-finanzi tal-UE.

Elementi oħra mhumiex se jirrikjedu finanzjament ġdid iżda investiment fil-kooperazzjoni, pereżempju billi ssir simplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-rikonoxximent jew jitneħħew l-ostakli legali li jtellfu l-mobilità u l-kooperazzjoni transfruntiera.

Bħala medja, l-Istati Membri diġà jinvestu kważi 5 % tal-PDG fis-sistemi edukattivi tagħhom. Madankollu, hemm differenzi importanti bejn l-Istati membri, fejn xi wħud minnhom qegħdin jonfqu madwar 4 % jew anqas (ir-Rumanija) filwaqt li oħrajn qegħdin jonfqu sa 7 % (id-Danimarka). Li naħdmu biex niksbu konverġenza f’livell għoli sabiex nagħmlu l-Ewropa kontinent tal-eċċellenza se jirrikjedi titjib fl-investimenti fl-edukazzjoni f’xi Stati Membri, li jnaqqas id-distakk mal-medja tal-UE.

Il-livell tal-investiment tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ jikkumplimenta l-isforzi nazzjonali. Dan japplika għal varjetà ta’ strumenti, li jvarjaw minn programmi tal-mobilità (b’mod partikolari Erasmus+), ir-riċerka u l-programmi tal-innovazzjoni (Horizon 2020, b’mod partikolari Marie Skłodowska Curie), il-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej, l-istrumenti finanzjarji (inkluż il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa li diġà jiffinanzja proġetti relatati mal-edukazzjoni fil-Finlandja, fil-Portugall u fil-Latvja) u s-Servizz tal-Appoġġ tar-Riforma Strutturali. L-edukazzjoni hija primarjament iffinanzjata permezz tal-infiq pubbliku. Madankollu, fil-kuntest ta’ finanzi pubbliċi limitati, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE, il-potenzjal tal-użu ta’ forom innovattivi ta’ finanzjament, pereżempju billi jintuża investiment privat u għodod tal-investiment bħall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, ikun ukoll jeħtieġ li jiġi esplorat għal xi tipi ta’ tagħmir edukattiv (pereżempju biex tiġi pprovduta konnettività għolja fl-iskejjel) u għal ċerti forom ta’ edukazzjoni (pereżempju għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni tal-edukazzjoni għolja).

Din l-aġenda komuni tiġi implimentata fuq il-bażi tad-distribuzzjoni eżistenti tal-kompiti u l-kompetenzi, bl-użu ta’ modi ppruvati u ttestjati ta’ ħidma komuni. B’mod partikolari, is-Semestru Ewropew ikollu rwol ewlieni fl-appoġġ tar-riformi strutturali biex jittejbu l-eżiti tal-politika edukattiva u biex tinkiseb konverġenza f’livelli għolja. Prijorità tkun li noffru lil kulħadd aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklużiva, taħriġ u tagħlim tul il-oħajja, f’konformità mal-prinċipju nru 1 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ eżistenti bl-enfasi tagħha fuq il-qsim tal-esperjenzi, it-tagħlim reċiproku u l-forniment lil dawk li jiffurmaw il-politika fil-livell nazzjonali b’ evidenza dwar l-aħjar prattiki dwar x’jaħdem tajjeb fl-edukazzjoni tiġi mnedija mill-ġdid b’perspettiva tal-2025 fid-dawl tal-prijoritajiet il-ġodda u l-ambizzjoni biex tinbena Żona Edukattiva Ewropea. B’mod partikolari, hija tappoġġa t-tnedija ta’ proċess (il-“proċess ta’ Sorbonne”) li, politikament u teknikament, se jakkumpanja l-ħidma tat-tneħħija talk-ostakli għar-rikonoxximent tad-diplomi tat-tlestija tal-iskola u tal-edukazzjoni għolja, u taħdem favur il-validazzjoni transfruntiera b’anqas xkiel għaċ-ċertifikati tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja.

Kif qal il-President Juncker fl-1 ta’ Marzu 2017 meta kien qed jippreżenta l-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Futur tal-Ewropa: "the European Union has changed our lives for the better. We must ensure it keeps going doing so for all of those that will follow us". Li nqiegħdu l-edukazzjoni u l-kultura fiċ-ċentru tar-riflessjoni tagħna dwar kif insaħħu l-identità komuni Ewropea tagħna, u nippreżentaw ideat konkreti dwar kif niksbu din il-mira, huma l-aħjar mod kif insostnu d-diversità u r-rikkezza tal-Unjoni tagħna.

Wara l-laqgħa tagħhom dwar l-Edukazzjoni u l-Kultura f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, il-Mexxejja huma mistiedna jiddiskutu u jagħtu orjentazzjoni strateġika dwar dawn is-sitt suġġerimenti ewlenin ta’ politika li ġejjin mill-Kummissjoni Ewropea (mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss):

1)jissaħħaħ il-programm Erasmus+ fil-kategoriji kollha tal-istudenti li diġà jkopri (skulari, studenti, trainees, apprentisti u għalliema) bil-għan li jiġi rduppjat in-numru ta’ parteċipanti u jintlaħqu studenti li ġejjin minn sfond soċjali żvantaġġat sal-2025;

2)titħejja Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tat-tagħlim tal-lingwi fl-Ewropa, li tistabbilixxi livell referenzjarju li sal-2025 l-Ewropej żgħażagħ li jlestu l-edukazzjoni sekondarja għolja jkollhom għarfien tajjeb ta’ żewġ lingwi minbarra l-lingwa materna tagħhom;

3)issir ħidma fuq Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-rikoxximent reċiproku tad-diplomi tal-edukazzjoni għolja u tat-tlestija tal-iskola/perjodi ta’ studju barra. Dan jista’ jkun akkumpanjat minn proċess ġdid, li jibni fuq l-esperjenzi minn skemi eżistenti ta’ kooperazzjoni, biex jiġi ffaċilitat dan ir-rikonoxximent u biex isir progress fil-validazzjoni transfruntiera taċ-ċertifikati tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja (“il-proċess ta’ Sorbonne”);

4)- insaħħu l-kapaċità tal-finanzjament tal-Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kreattivi u Kulturali sal-2020 sabiex il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra minn numru akbar ta’ pajjiżi jkunu jistgħu jżidu b’mod sinifikanti l-finanzjament ta’ kumpaniji ta’ daqs żgħir jew medju fis-setturi kulturali u kreattivi;

5)naħdmu għal universitajiet tassew Ewropej, li jkunu jistgħu jinteraġixxu u jikkoperaw mingħajr xkiel minn naħa għal oħra tal-fruntieri u jikkompetu internazzjonalment, inkluż il-ħolqien ta’ Skola tal-Governanza Ewropea u Tranżnazzjonali (ospitata mill-Istitut tal-Università Ewropea f’Firenze, l-Italja);

6)Insaħħu d-dimensjoni Ewropea ta’ Euronews.

(1)

COM(2017)2025

(2)

https://ec.europa.eu/commission/state-union-2017_en

(3)

http://www.consilium.europa.eu/mt/policies/talinn-leaders-agenda/

(4)

COM(2017)206

(5)

COM(2016)381

(6)

COM(2016)940: Ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa; COM(2016)941: It-Titjib u l-Immodernizzar tal-Edukazzjoni; COM(2017)248: L-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti għal bidu tajjeb fil-ħajja; COM(2017)247: Aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja.

(7)

COM(2017)240

(8)

Il-Proċess ta’ Bologna, li beda fl-1999, huwa proċess intergovernattiv li jiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi fl-ogħla edukazzjoni madwar 48 pajjiż.

(9)

https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/

(10)

Il-Belġju (il-komunità Franċiża), il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, il-Kroazja, l-Ungerija u r-Renju Unit huma pajjiżi li fihom it-tagħlim ta’ żewġ lingwi huwa għażla minflok obbligu.

(11)

Il-jum tal-Ewropa fl-iskola huwa eżempju tajjeb ta’ kif l-istudenti jistgħu jidħlu f’kuntatt mal-Ewropa. Sa mill-2007, il-proġett imniedi mill-Kanċillier Merkel, fl-okkażjoni tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill, offra lill-istudenti fil-Ġermanja l-opportunità li jsiru jafu l-Ewropa aħjar. Politiċi mil-livelli politiċi kollha, kif ukoll uffiċjali mill-istituzzjonijiet Ewropej huma mistiedna jżuru l-iskejjel u jiddiskutu l-Ewropa.

(12)

https://ec.europa.eu/programmes/creative-europe/actions/capitals-culture_en

(13)

https://ec.europa.eu/culture/european-year-cultural-heritage-2018_en

(14)

https://www.europeana.eu/portal/mt

(15)

https://ec.europa.eu/programmes/creative-europe/