Brussell, 6.11.2017

COM(2017) 642 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

li jakkumpanja l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm LIFE

{SWD(2017) 355 final}
{SWD(2017) 356 final}


1.    Introduzzjoni

Il-programm LIFE 2014-2020 hu l-istrument ta’ finanzjament tal-UE għall-ambjent u l-azzjoni klimatika. L-objettiv ġenerali ta’ LIFE hu li jgħin fl-implimentazzjoni u fl-iżvilupp tal-politika u tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima billi jikkofinanzja proġetti b’valur miżjud Ewropew.

Skont il-gwida ġenerali tal-linji gwida għar-regolamentazzjoni aħjar 1 , din l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tesplora r-rilevanza tal-programm LIFE u l-valur miżjud ta’ dan għall-UE. Hi tqis jekk il-programm għadux rilevanti fl-indirizzar tal-kwistjonijiet li għandu l-għan li jindirizza filwaqt li jżid il-valur b'rabta ma’ dak li l-Istati Membri kienu jiksbu li kieku aġixxew waħedhom. L-evalwazzjoni tivvaluta wkoll jekk LIFE hux qed jikseb dan b’mod effettiv u effiċjenti u jekk id-dispożizzjonijiet tiegħu humiex konsistenti ma’ programmi oħra.

Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor is-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni, jislet konklużjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-azzjoni ta' segwitu. Hu akkumpanjat minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li juri s-sejbiet tal-evalwazzjoni f’iktar dettall.

2.    Sfond

Imniedi fl-1992, il-programm LIFE ġie evalwat diversi drabi tul il-25 sena ta’ eżistenza tiegħu. Il-Programm attwali (2014-2020) hu r-riżultat ta’ dawn l-evalwazzjonijiet u jinkorpora t-tagħlimiet mitgħallma mill-implimentazzjoni tal-programmi preċedenti.

Ir-Regolament LIFE attwali (UE) Nru 1293/2013 jistabbilixxi l-istrument finanzjarju tal-UE li jsostni l-proġetti ambjentali, ta’ konservazzjoni tan-natura u tal-azzjoni klimatika madwar l-UE.

L-objettivi ġenerali tiegħu huma li:

1.jikkontribwixxi għall-bidla lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, itejjeb il-kwalità tal-ambjent u jwaqqaf u jreġġa’ lura t-telfien tal-bijodiversità;

2.itejjeb l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-politika u tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima, u jixpruna u jippromwovi l-integrazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-objettivi ambjentali u klimatiċi f’politiki u fi prattiki oħra;

3.jappoġġa governanza ambjentali u klimatika aħjar fil-livelli kollha, inkluż l-involviment aħjar tas-soċjetà ċivili, ta’ organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) u ta’ atturi lokali;

4.jappoġġa l-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali.

Il-baġit għall-programm LIFE attwali hu ta’ EUR 3.4 biljun.

Minħabba d-daqs tiegħu, il-programm LIFE ma għandux l-għan li jsolvi l-problemi ambjentali u klimatiċi iżda jaġixxi bħala katalizzatur biex iħaffef it-tibdiliet.

3.    Metodoloġija

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tkopri l-ewwel sentejn tal-programm (2014-2015) u hi bbażata l-aktar fuq l-istudju estern ta’ konsulent indipendenti (studju meħtieġ mir-Regolament LIFE). L-istudju sar bejn Marzu 2016 u Jannar 2017. Kien ibbażat fuq riċerka estensiva bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni u fuq data u indikaturi mill-bażijiet ta’ data tal-proġetti speċifikament imfassla għall-ġestjoni tal-proposti u tal-proġetti ta’ LIFE.

Saret ukoll konsultazzjoni tal-gruppi ta’ partijiet ikkonċernati ewlenin 2 b’ħames stħarriġijiet kumplimentari u b’iktar minn 120 intervista, u ġiet organizzata konsultazzjoni pubblika.

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tanalizza l-karatteristiċi l-ġodda tal-programm LIFE, filwaqt li tħares lejn kif dawn huma aċċettati mill-partijiet ikkonċernati ta’ LIFE, u r-riżultati preliminari meta mqabbla mal-aspettattivi inizjali.

4.    Implimentazzjoni - is-sitwazzjoni attwali

Kif jidher fl-illustrazzjoni ta’ hawn taħt, l-attivitajiet li jikkonsmaw l-ikbar sehem mill-baġit huma l-proġetti tradizzjonali u integrati, segwiti mill-appoġġ amministrattiv/għall-akkwist u mill-istrumenti finanzjarji.

L-ammonti tal-baġit jissodisfaw il-limitu massimu stabbilit fir-Regolament li mill-inqas 81 % minnu jrid ikun iddedikat għall-proġetti ta’ għotja għal azzjoni u, fejn xieraq, għall-operazzjonijiet tal-istrument finanzjarju.

Illustrazzjoni 1 — LIFE 2014-2015 — distribuzzjoni tal-fondi

a.Għotjiet

Id-domanda għall-finanzjament ta’ proġetti tradizzjonali tidher li hi estremament għolja. Il-proporzjon medju bejn il-proposti sottomessi u l-proġetti magħżula hu ta’ 9 għal 1, u jvarja minn 12 għal 1 għall-qasam ta’ prijorità “governanza ambjentali u informazzjoni” sa 5 għal 1 għall-qasam “mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima”.

L-għotjiet jingħataw lil medda wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet differenti: minn negozji kbar u żgħar (44 % b’kollox, li 33 % minnhom huma intrapriżi żgħar u medji) sa organizzazzjonijiet privati mhux kummerċjali (24 %) u korpi pubbliċi (32 %).

Il-proġetti integrati 3 ġew inklużi għall-ewwel darba taħt il-programm attwali. Sa mill-bidu nett, id-domanda għal proġetti integrati kienet tisboq ir-riżorsi disponibbli fl-istadji kollha tal-proċess tal-għoti. Mis-66 dokument kunċettwali ppreżentati, 15-il proġett ingħataw finanzjament fl-2014-2015.

Il-proposti riċevuti għall-proġetti integrati għall-2014 u għall-2015 jirrappreżentaw talba ta’ kofinanzjament ta’ LIFE u mhux ta’ LIFE b’total ta’ EUR 283 miljun. Jenħtieġ li dan il-kofinanzjament jiffaċilita l-użu koordinat totali ta’ madwar EUR 3.6 biljun.

Ġew implimentati erbatax-il proġett ta’ bini ta' kapaċità b’appoġġ għall-attivitajiet li jgħinu lill-Istati Membri jibnu l-kapaċità tagħhom biex jieħdu sehem b’mod iktar effettiv fil-programm LIFE. L-Istati Membri kollha ssottomettew proposta, ħlief Stat Membru wieħed.

Ġew introdotti affarijiet ġodda fil-ġestjoni tal-għotjiet:

­Fl-2014, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME) ġiet inkarigata bil-ġestjoni tal-għotjiet operattivi u tradizzjonali, u bi proġetti ta’ bini ta' kapaċità taħt iż-żewġ subprogrammi, u bi proġetti integrati u ta’ assistenza teknika taħt is-subprogramm għall-azzjoni klimatika.

­Biex jiġu ssorveljati l-eżitu u l-impatt tal-proġett, ġie inkluż sett komprensiv ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi fil-programm ta’ ħidma pluriennali ta’ LIFE (MAWP) għall-2014-2017. Il-valuri għal dawn l-indikaturi huma miġbura fil-livell tal-proġett u jintużaw biex jiġi stmat l-impatt ambjentali u klimatiku mistenni tal-proġett fil-fażi tal-għoti u biex jiġu ssorveljati u vvalutati r-riżultati kontinwi tiegħu waqt li jkun qed jiġi implimentat. Huma aggregati wkoll sabiex tkun tista’ tiġi evalwata l-prestazzjoni tal-programm.

b.Strumenti finanzjarji

Ġew introdotti żewġ strumenti finanzjarji pilota – Faċilità ta' Finanzjament tal-Kapital Naturali (NCFF) u l-Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE) — fil-programm attwali biex jiġu ttesjtati l-approċċi innovattivi.

Il-PF4EE jappoġġa investimenti għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika tal-Istati Membri permezz ta’ intermedjarji finanzjarji.

S’issa 4 , ġew iffirmati sitt ftehimiet ma’ banek intermedjarji lokali taħt il-PF4EE. Fil-bidu, il-PF4EE stenna investiment fi proġetti tal-effiċjenza enerġetika li jammonta għal total li jilħaq il-EUR 540 miljun. Iżda b’kunsiderazzjoni ta’ dawn ir-riżultati u ta’ ftehimiet oħrajn futuri taħt skrutinju, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) issa jistma li l-investimenti se jammontaw għal EUR 1 biljun (EUR 430 miljun mill-BEI u EUR 570 miljun minn intermedjarji finanzjarji). B’hekk, il-finanzjament inizjali ta’ EUR 80 milljun minn LIFE mistenni li jirriżulta f’effett ta' ingranaġġ ta’ 12.5.

L-NCFF hi mfassla biex turi li l-proġetti tal-kapital naturali jistgħu jiġġeneraw dħul jew jiffrankaw il-kostijiet. Għandha l-ħsieb li tistabbilixxi sensiela ta’ operazzjonijiet replikabbli u bankabbli li ser iservu bħala “provi tal-kunċett” u turi lill-investituri potenzjali l-attraenza ta’ dawn l-operazzjonijiet b’mod dirett billi tindirizza l-objettivi tal-bijodiversità u tal-adattament tal-klima.

Mit-tnedija tal-istrumenti fi Frar 2015, il-BEI skrutinizza numru sinifikanti ta’ operazzjonijiet potenzjali. L-ewwel operazzjoni ġiet iffirmata f’April 2017 u żewġ jew tliet operazzjonijiet oħra huma mistennija għall-bqija tal-2017.

Diversi operazzjonijiet potenzjali li ġew skrutinizzati ma ġewx żviluppati, b’mod partikolari minħabba d-diffikultajiet biex jiġi żviluppat il-każ kummerċjali. Dan jikkonferma l-isfidi identifikati fil-valutazzjoni ex ante.

Qed jiġi implimentat użu ikbar tal-faċilità ta’ assistenza teknika tal-NCFF, kif ukoll attivitajiet promozzjonali u ta’ appoġġ oħra iktar immirati biex jitjieb in-numru ta’ operazzjonijiet iffinanzjati.

5.     Evalwazzjoni

Din it-taqsima tipprovdi sommarju tal-evalwazzjoni. Hemm iktar dettalji disponibbli fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal relatat 5 .

a.Effettività

Ir-riżultati għadhom mhumiex disponibbli f’dan l-istadju bikri tal-implimentazzjoni tal-programm. Madankollu, hemm evidenza li r-riżultati antiċipati tal-proġetti u tal-attivitajiet li qed jiġu implimentati qed jindirizzaw l-objettivi kollha tal-programm.

Skont ir-riżultati tal-istudju estern, il-proġetti attwali huma mistennija jikkontribwixxu għall-“effettività” b’numru ta’ modi, inkluż billi:

­itejbu l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats, tal-ispeċijiet u tas-siti ta’ Natura 2000;

­inaqqsu l-effetti negattivi tas-sustanzi kimiċi fuq is-saħħa u fuq l-ambjent għal madwar 1.6 miljun ruħ fuq 5 snin;

­inaqqsu l-konsum tal-enerġija (madwar 600 000 MWh fis-sena) abbażi tas-soluzzjonijiet tal-aħjar prattika; u

­iżidu l-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (madwar 500 000 MWh fis-sena minn sorsi differenti).

Minn analiżi preliminari tal-proġetti attwali tal-2014 u tal-2015, jirriżulta li dawn diġà jindirizzaw 70 % tal-istadji importanti fil-mira li għandhom jintlaħqu għall-2017, kif indikat fl-ewwel MAWP. Dawn ir-riżultati antiċipati jipprovdu serħan il-moħħ li l-programm LIFE 2014-2020 jinsab fit-triq it-tajba biex jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-eżiti ġenerali tiegħu.

L-ewwel sejbiet mill-evalwazzjoni u xi evidenza mill-eks programm LIFE+ jikkonfermaw li l-programm LIFE attwali qed jaqdi r-rwol tiegħu sew. Qed jaġixxi bħala katalizzatur għall-finanzjament, għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u għall-għoti ta’ appoġġ għall-azzjonijiet li jtejbu u jħaffu t-tibdiliet.

Il-programm jappoġġa l-istrateġija Ewropa 2020 billi jiffinanzja proġetti li huma mistennija jikkontribwixxu għall-effiċjenza fir-riżorsi u għat-tkabbir sostenibbli u li jippromwovu l-innovazzjoni. Qed jiffinanzja wkoll proġetti li huma mistennija jikkontribwixxu għall-impjiegi, li hu benefiċċju addizzjonali importanti għall-għanijiet primarji tal-programm LIFE.

Uħud mill-iktar żviluppi ta’ politika riċenti, li x-xogħlijiet preparatorji għalihom ġew iffinanzjati minn LIFE, jiġifieri l-pakkett tal-ekonomija ċirkolari adottat fl-2015, il-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 adottat fl-2014, l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi rratifikat fl-2016 kif ukoll l-istrateġija ta’ adattament tal-UE, mistennija jikkontribwixxu għat-tiswir tal-ġejjieni tal-ekonomija Ewropea fid-deċennji li ġejjin.

Il-karatteristiċi ewlenin tal-programm li għandhom influwenza pożittiva fuq il-ksib tal-objettivi jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

­il-programm hu flessibbli u jista’ jwieġeb malajr għall-ħtiġijiet u għall-prijoritajiet emerġenti;

­għandu firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, li japprezzaw il-programm għar-rilevanza u għall-kwalità tal-azzjonijiet tiegħu li jindirizzaw il-ħtiġijiet lokali b’mod konkret; u,

­it-taħlita ta’ azzjonijiet hi partikolarment effettiva. Hi taħlita ta’ attivitajiet ibbażati fuq it-tagħlimiet mitgħallma mill-25 sena esperjenza — bħal proġetti tradizzjonali — ma’ azzjonijiet ġodda — bħal proġetti integrati ta’ bini ta' kapaċità u ta’ assistenza teknika u strumenti finanzjarji — li huma mistennija jżidu l-effettività tiegħu.

Żewġ fatturi li jagħmlu l-ksib tal-objettivi iktar impenjattiv huma l-ħtiġijiet li:

­jiġi affaċċjat numru kbir ta’ prijoritajiet u ta’ sfidi ewlenin ġodda — bħall-ekonomija ċirkolari, il-ksib tal-miri għall-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 li jeħtieġ innovazzjoni sostanzjali, l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, ir-rieżami possibbli tal-Istrateġija ta’ Adattament tal-UE, il-ħtieġa li jiġu implimentati d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, 6 l-implimentazzjoni tal-Aġenda tal-2030 u tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 7 – fi ħdan il-limiti tar-riżorsi finanzjarji disponibbli, li jfisser li mhux l-objettivi u l-oqsma ta’ prijorità kollha jistgħu jkunu koperti minn proġetti adegwati; u

­jingħelbu l-ostakli — bħan-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji tal-benefiċjarji u/jew in-nuqqas ta’ kapaċità/riżorsi umani għall-ippjanar ta’ investiment li jillimitaw ir-replikabbiltà u t-trasferibbiltà tar-riżultati tal-proġett — bl-introduzzjoni ta’ miżuri ppersonalizzati jew ta’ akkumpanjament ad hoc.

b.Effiċjenza

L-istudju estern qies ir-riżultati antiċipati ta’ ċerti proġetti magħżula fis-sejħiet għal proposti tal-2014 u qies li dawn ikunu qed jikkontribwixxu għal benefiċċju soċjetali ta’ EUR 1.7 biljun. Dan ikopri erba’ darbiet il-kost tal-baġit kumplessiv ta’ LIFE għall-2014.

Dwar il-ġestjoni tal-programm LIFE, l-istudju estern ikkonkluda li LIFE jidher li jiswa inqas biex jiġi ġestit meta mqabbel ma’ programmi oħra ffinanzjati mill-UE. Dan iqis ir-riżorsi finanzjarji allokati lill-EASME bħala perċentwal tal-fondi esternalizzati mill-programmi differenti.

Inizjalment ġie stmat li jenħtieġ li t-trasferiment tal-ġestjoni mill-Kummissjoni għall-EASME (“esternalizzazzjoni”) jirriżulta f’titjib fl-effiċjenza ta’ EUR 8.2 miljun tul il-perjodu 2014-2020 meta mqabbel ma’ xenarju li fih il-ġestjoni tal-għotjiet tibqa’ fil-Kummissjoni. L-iktar ċifri riċenti bbażati fuq il-kostijiet reali tal-EASME fl-ewwel tliet snin tal-implimentazzjoni tal-programm juru li t-titjib fl-effiċjenza mistenni jenħtieġ li jiżdied bi ftit.

Il-partijiet ikkonċernati kollha ta’ LIFE japprezzaw il-ħidma siewja tal-EASME.

L-istudju estern identifika l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ LIFE għall-għotjiet. Dan ippreveda ċerti miżuri biex jitnaqqas il-piż għas-sottomissjonijiet ta’ proposti, għar-rekwiżiti ta’ rapportar u għall-indikaturi. Dan ser ikompli jiġi esplorat fil-MAWP li jmiss. L-istudju identifika wkoll oqsma li fihom il-punti ta’ kuntatt nazzjonali jistgħu jtejbu l-prestazzjoni tagħhom, filwaqt li jiġu żgurati standards minimi għall-assistenza fl-Istati Membri kollha u jiġi adottat approċċ iktar proattiv. Hemm bżonn ukoll li l-istrateġija ta’ komunikazzjoni ta’ LIFE tiffoka aktar fuq l-udjenzi fil-mira u tagħti messaġġi importanti li kienu speċifiċi għall-objettivi u speċifiċi għall-miri wkoll, filwaqt li tiżgura koordinazzjoni iktar strutturata bejn l-atturi.

c.Koerenza

Fuq il-bażi tar-riżultati preliminari, l-istruttura interna tal-programm LIFE hi konsistenti ma’ politiki u ma’ prijoritajiet tal-UE u ppermettiet li jiġu indirizzati sfidi attwali u ġodda.

L-istudju estern sab li l-proġetti attwali spiss jikkontribwixxu għal iktar minn qasam ta’ prijorità wieħed u, għalhekk, għandhom effett ikkombinat, filwaqt li jipproduċu sinerġiji. Pereżempju, il-proġetti ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima spiss jikkontribwixxu għall-adattament għat-tibdil fil-klima, għan-natura u għall-bijodiversità, għall-kwalità tal-arja u għall-effiċjenza fir-riżorsi.

LIFE hu mfassal biex ikun kumplimentari għal programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE.

Meta mqabbel ma’ programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE, LIFE hu l-uniku programm li jagħti prijorità lill-ambjent u lill-azzjoni klimatika: meta programmi oħra jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-ambjent u/jew mal-klima, l-azzjoni tagħhom twieġeb għal objettivi prevalenti oħra (bħar-riċerka jew l-iżvilupp rurali). Dan jillimita t-trikkib potenzjali.

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni kkonfermaw li LIFE u Orizzont 2020 jikkontribwixxu għal objettivi komuni b’modi differenti u f’ċerti każijiet b’mod kumplimentari. Matul dawn l-ewwel snin tal-implimentazzjoni, huma ħadmu b’mod li jsaħħu lil xulxin.

LIFE għandu mekkaniżmu li jħeġġeġ lill-proġetti LIFE jużaw ir-riżultati tar-riċerka u tal-innovazzjoni relatati mal-ambjent u mal-klima li ħarġu minn Orizzont 2020 u mill-programmi qafas preċedenti. B’dan il-mod, l-għarfien u s-soluzzjonijiet żviluppati, ittestjati u skjerati permezz tal-attivitajiet ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE jistgħu jiġu implimentati u applikati fuq skala kbira.

Fil-każ tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), il-kumplimentarjetà ma’ LIFE hi rikonoxxuta fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u kkontrollata b’mod sistematiku fid-dokumenti kollha ta’ programmazzjoni (bħall-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operazzjonali).

Għalkemm huwa diffiċli jiġi vvalutat jekk, u kemm, dan jaħdem f’dan l-istadju bikri tal-implimentazzjoni tal-programmi kollha:

­il-proġetti integrati huma mistennija jattiraw finanzjament ta’ madwar EUR 1.98 biljun minn programmi oħra tal-UE (FAŻER, FEŻR, INTERREG, FSE, FEMS, H2020) wara investiment minn LIFE ta’ EUR 153 miljun. Dan ifisser li LIFE irnexxielu jorbot firxa ta’ flussi ta’ finanzjament mill-UE f’għaxar Stati Membri li għażlu proġetti integrati dwar l-aspetti ambjentali tan-natura, tal-arja, tal-ilma, tal-iskart u għal proġetti relatati mal-azzjoni klimatika li jikkonċernaw kwistjonijiet relatati mal-użu tal-art u mal-adattament.

­ċerta evidenza tissuġġerixxi li dan it-tip ta’ mekkaniżmu ħadem fl-imgħoddi għall-proġetti ta’ żvilupp rurali u għall-proġetti INTERREG li għall-ewwel kellhom fażi pilota taħt il-programmi LIFE preċedenti.

d.Rilevanza

L-evidenza tindika li l-programm LIFE hu effettiv u effiċjenti fl-indirizzar tal-prijoritajiet ewlenin u fil-kontribuzzjoni għad-definizzjoni tat-triq ’il quddiem għal sfidi emerġenti ġodda bħall-istrateġija tal-UE dwar il-bijodiversità, il-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 li jeħtieġ innovazzjoni sostanzjali, l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, ir-rieżami possibbli tal-istrateġija ta’ adattament tal-UE u l-ekonomija ċirkolari.

Kif ħareġ mir-riżultati tal-istudju estern, il-programm LIFE jwieġeb għall-ħtiġijiet ta’ firxa wiesgħa ta’ benefiċjarji, li ssottomettew proposta li għandha tiġi ffinanzjata mill-Programm LIFE, anki jekk joffri kofinanzjament inferjuri minn programmi oħra. Fil-fatt LIFE jippermetti li jiġu indirizzati kwistjonijiet u problemi li mhumiex koperti minn programmi oħra.

Skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, ftit li xejn minn fost il-kisbet tal-proġetti ta’ LIFE kienu jitnedew jew jitwettqu mingħajr l-appoġġ tal-programm. Dan hu partikolarment minnu għall-protezzjoni tan-natura u għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, minbarra l-pagamenti diretti ta’ Natura 2000 mogħtija lill-bdiewa 8 li għandhom kamp ta’ applikazzjoni u struttura ta’ finanzjament differenti, ma hemm ebda sors ta’ finanzjament iddedikat ieħor apparti LIFE, kif saħqu l-benefiċjarji tal-proġetti matul l-intervisti.

Skont il-partijiet ikkonċernati, id-diskontinwità ta’ LIFE tkun twassal għal:

­tnaqqis fil-kapaċità tal-Istati Membri, u f’ċerti każijiet fl-impenn tagħhom, biex jilħqu l-objettivi tal-UE għall-ħarsien tal-ambjent u għall-azzjoni klimatika, li jħalli wkoll effett negattiv fuq l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku.

­inqas appoġġ għal soluzzjonijiet ambjentali innovattivi 9 .

e.Valur miżjud tal-UE

Abbażi tas-sejbiet tal-istudju estern, il-programm LIFE mistenni li jkollu valur miżjud b’saħħtu tal-UE, għaliex:

­jiżgura l-koerenza bejn il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE dwar l-ambjent u l-azzjoni klimatika li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni u għall-infurzar tagħhom;

­jippromwovi l-kondiviżjoni iktar effettiva tal-għarfien: billi hu pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-għarfien dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki tal-UE. LIFE jippermetti lill-atturi minn madwar l-UE jitgħallmu mill-esperjenza ta’ xulxin u b’hekk jindirizza problemi ambjentali u klimatiċi speċifiċi b’mod iktar effettiv u effiċjenti;

­jippermetti grad għoli ta’ solidarjetà u ta’ kondiviżjoni tar-responsabbiltà peress li l-assi ambjentali, li huma beni pubbliċi, mhumiex mqassma b’mod ugwali madwar l-UE;

­jipprovdi rispons aħjar għal sfidi transkonfinali li x’aktarx ma jiġux indirizzati minn Stat Membru waħdu; u

­għandu effett katalitiku u ta’ ingranaġġ billi jelimina ostakli inizjali għall-implimentazzjoni ta’ politika tal-UE dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima u jittestja approċċi ġodda għall-applikazzjoni fuq skala kbira fil-ġejjieni.

Għalkemm ir-riżultati finali għadhom mhumiex disponibbli:

­hemm għodod fis-seħħ biex jingħażlu l-proġetti bl-iktar valur miżjud rilevanti tal-UE u biex dawn jiġu vverifikati fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġetti;

­il-valur miżjud tal-UE tal-programm hu kkonfermat mir-riżultati tal-evalwazzjonijiet preċedenti u hu ddikjarat mill-maġġoranza assoluta ta’ dawk li wieġbu l-konsultazzjoni pubblika.

f.Sostenibbiltà, impatt jew replikabbiltà tal-proġett sal-lum

Il-proċeduri ta’ implimentazzjoni tal-programm jindirizzaw mill-qrib il-potenzjal għas-sostenibbiltà/għar-replika tal-proġetti matul ħajjithom.

Rapport riċenti 10 juri li, bħala medja, 83 % tal-proġetti huma finanzjarjament sostenibbli 11 wara tmiem il-finanzjament ta’ LIFE. Din l-analiżi hi bbażata fuq il-proġetti LIFE+ u ma tqisx it-titjib fil-programm LIFE attwali. Bl-istess mod, it-tweġibiet miġbura matul l-istħarriġ juru li l-potenzjal ta’ dimostrazzjoni u ta’ trasferibbiltà tar-riżultati tal-proġetti LIFE hu tajjeb jew tajjeb ħafna għall-maġġoranza (78 %).

Dawk li wieġbu l-konsultazzjoni pubblika ġew mistoqsija wkoll jekk il-proġetti taħt LIFE wasslux għal effetti pożittivi fit-tul. Iktar minn 80 % ta’ dawk li wieġbu ħassew li l-proġetti kellhom effetti pożittivi medji jew kbar fit-tul.

Madankollu, il-konsultazzjonijiet sabu li x-xkiel għat-tkomplija ta’ proġett wara li jintemm il-finanzjament mill-UE għandu x’jaqsam man-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u ma’ nuqqas ta’ kapaċità/riżorsi umani tal-benefiċjarji biex jippjanaw investiment (inkluż, pereżempju s-self possibbli). Hemm ukoll nuqqas ta’ inizjattiva mill-partijiet involuti u nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni fi ħdan il-programm.

Għalkemm il-ħtieġa ta’ pjanijiet ta’ “Wara LIFE” fi tmiem il-proġett hi meqjusa bħala titjib pożittiv, segwitu sistematiku tal-proġetti kollha biex jiġu identifikati l-aħjar prattiki u miżuri li jiffrankaw il-kostijiet u appoġġ personalizzat komprensiv għall-iktar proġetti promettenti jista’ jippermetti li jkompli jiġi żviluppat il-potenzjal ta’ replika/sostenibbiltà.

6.    Konklużjonijiet

Din l-evalwazzjoni tasal fi stadju bikri tal-implimentazzjoni tal-programm: ħafna mill-proġetti għadhom iridu jibdew u ftit proġetti tlestew, peress li d-durata medja ta’ proġett LIFE hi ta’ bejn 4 u 5 snin. L-ewwel riżultati attwali huma mistennija fl-2019-2020.

Din hi r-raġuni għaliex l-evalwazzjoni ffukat l-iktar fuq: il-proċessi mdaħħla fis-seħħ biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, l-attivitajiet attwali (bħal kuntratti/proġetti diġà ffinanzjati) u, fejn rilevanti, ir-riżultati antiċipati tagħhom.

Minkejja dawn il-limitazzjonijiet, l-evalwazzjoni indipendenti esterna tipprovdi assigurazzjoni raġjonevoli li l-implimentazzjoni tal-programm miexja fid-direzzjoni t-tajba.

L-evidenza miġbura s’issa turi li l-programm LIFE:

­hu l-uniku programm li jagħti prijorità lill-ambjent u lill-azzjoni klimatika: programmi oħra jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-ambjent u/jew il-klima filwaqt li jwieġbu għal objettivi globali oħra;

­hu strument flessibbli, li jiffinanzja proġetti ta’ daqsijiet differenti u jattira intrapriżi żgħar, medji u kbar, universitajiet, ċentri ta’ riċerka, awtoritajiet nazzjonali u lokali, is-soċjetà ċivili kif ukoll diversi NGOs. Kif muri dan l-aħħar bil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 12 , li jipprevedi baġit speċifiku għall-azzjoni ambjentali u klimatika ffinanzjat permezz ta’ LIFE, il-programm LIFE jista’ jirreaġixxi ferm malajr għall-ħtiġijiet politiċi u soċjetali li jinbidlu;

­iwieġeb għall-ħtiġijiet eżistenti u jtejjeb l-effettività tiegħu. Il-karatteristiċi l-ġodda introdotti mir-Regolament LIFE attwali u speċjalment mis-subprogramm iddedikat għall-azzjoni klimatika (li fis-sejħa annwali tiegħu għal proposti jippermetti biex jiġu ffinanzjati prijoritajiet emerġenti ġodda), u proġetti integrati u ta’ bini ta' kapaċità attiraw interess qawwi mill-partijiet ikkonċernati, kif muri mid-domanda għolja tal-applikazzjonijiet ippreżentati. Barra minn dan, ir-riżorsi finanzjarji komplimentari mmobilizzati mill-proġetti integrati huma estremament għoljin, u huma evidenza li l-programm qed jaqdi sew ir-rwol katalitiku tiegħu.

­hu magħruf għar-rilevanza u għall-kwalità tal-attivitajiet tiegħu, li jwieġbu għall-ħtiġijiet lokali u huma viżibbli u apprezzati madwar l-UE mill-partijiet ikkonċernati u mill-pubbliku ġenerali;

­hu mistenni jipprovdi valur għall-flus u s’issa jista’ juri impatt dirett u miżurabbli, pereżemoju fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet u tal-konsum tal-enerġija jew fuq il-protezzjoni tal-bijodiversità billi jtejjeb l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet;

­hu ferm apprezzat għall-valur miżjud tal-UE tiegħu għaliex jiżgura li l-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE dwar l-ambjent u l-klima jiġu applikati b’mod konsistenti madwar l-UE. Hu meqjus ukoll li jwieġeb għall-isfidi transkonfinali u transnazzjonali li x’aktarx ma jiġux indirizzati minn Stat Membru waħdu. Ippermetta l-kondiviżjoni aħjar tar-responsabbiltà u ppromwova s-solidarjetà għall-ġestjoni/konservazzjoni tal-assi ambjentali tal-UE. Jirrappreżenta pjattaforma fil-livell tal-UE għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattika u għall-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni;

­jinsab f’pożizzjoni tajba biex jipprovdi kontribuzzjoni lill-ekonomija billi:

­jinċentiva lill-industrija tal-UE biex tkompli tiżviluppa l-kapaċitajiet tat-teknoloġija ekoloġika, li jifformaw wieħed mill-vantaġġi kompetittivi tal-UE;

­jipprovdi benefiċjarji eqreb għas-suq milli għal fondi oħra; juri soluzzjonijiet għan-natura li jistgħu jiġu espanduti fis-suq jew permezz ta’ fondi oħra, u b’hekk isaħħaħ l-impjiegi ekoloġiċi; u

­jappoġġa l-vijabbiltà u l-istabbiltà ekonomiċi fit-tul billi jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli.

Uħud mill-iżviluppi politiċi riċenti mnedija b’mod parallel mal-programm: bħall-pakkett tal-ekonomija ċirkolari, il-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030; l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u r-rieżami possibbli tal-istrateġija ta’ adattament tal-UE, se jsawru l-ekonomija tal-UE fid-deċennji li ġejjin;

­hu ġestit sew kif muri mir-rata ta’ żball baxxa ħafna tiegħu. Dan ifisser li l-fondi jintużaw skont ir-regoli finanzjarji filwaqt li jiġu pprovduti riżultati li jistgħu jitkejlu b’impatt sostanzjali fil-prattika. Dan hu żgurat mis-sistema ta’ monitoraġġ, li tippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet ta’ ġestjoni f’waqthom.


7.
   Rakkomandazzjonijiet

L-evalwazzjoni tixħet dawl ukoll fuq uħud mir-rakkomandazzjonijiet għat-titjib:

­il-ħtieġa li jkun hemm enfasi fuq prijoritajiet eżistenti u ġodda: l-ekonomija ċirkolari, it-twettiq tal-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 speċjalment billi titħeġġeġ l-innovazzjoni, l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, ir-rieżami possibbli tal-istrateġija ta’ adattament tal-UE, il-kisba tal-objettivi tad-Direttivi dwar in-Natura, l-implimentazzjoni tal-Aġenda tal-2030 u tal-SDGs, bir-riżorsi finanzjarji disponibbli. Dawn il-prijoritajiet se jiġu indirizzati bl-irfinar tal-finanzjament għal kull qasam ta’ prijorità.

­peress li mhux il-miżuri kollha ta’ simplifikazzjoni oriġinarjament previsti ġew introdotti fir-Regolament attwali, il-kamp ta’ applikazzjoni u d-domanda għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ LIFE għall-għotjiet għadhom hemm, b’mod partikolari għas-sottomissjoni ta’ proposti u għar-rapportar.

­l-istrateġija ta’ komunikazzjoni teħtieġ approċċ iktar attiv u reattiv biex tkun immirata aħjar lejn l-udjenzi u tipprovdi messaġġi importanti li huma speċifiċi għall-objettivi u speċifiċi għall-miri. Din l-istrateġija jkollha tiżgura koordinazzjoni iktar strutturata bejn l-atturi.

­jenħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li jiżdiedu r-replikabbiltà u t-trasferibbiltà tal-proġetti billi jiġu mmirati l-ostakli li jipprevjenu lill-attivitajiet milli jkomplu wara li jintemm il-proġett (bħan-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u ta’ kapaċità/riżorsi umani għall-ippjanar ta’ investiment) u b’hekk tiġi żviluppata sensiela ta’ proġetti għall-investiment minn sorsi oħra tal-Unjoni u tas-settur privat;

­il-punti ta’ kuntatt nazzjonali jeħtieġu rwol iktar b'saħħtu biex jiżguraw livell minimu ta’ servizz fost l-Istati Membri u approċċ iktar proattiv.

Dawn is-sejbiet tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ LIFE se jiggwidaw il-preparazzjoni tal-MAWP 2018-2020 li jmiss u l-qafas finanzjarju pluriennali ta’ wara l-2020.

(1)

   SWD(2015) 111 final, Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, “Better Regulation Guidelines” (Linji Gwida dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar).

(2)

     Benefiċjarji tal-proġetti, esperti mit-tim ta’ monitoraġġ, applikanti mhux aċċettati, punti ta’ kuntatt nazzjonali (NCPs) u punti fokali nazzjonali (PFN), uffiċjali tal-Kummissjoni, tal-EASME u tal-BEI.

(3)

     Dawn huma proġetti li jimplimentaw strateġiji ambjentali jew klimatiċi meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fuq skala territorjali kbira.

(4)

     Jannar 2017

(5)

     SWD(2017)XXX.

(6)

   L-evidenza miġbura fl-evalwazzjoni li tlestiet riċentement tad-Direttivi dwar l-Għasfar u l-Ħabitats (kontroll tal-idoneità) ikkonfermat ir-rilevanza kbira tad-Direttivi u r-rwol strateġiku li jaqdi l-programm LIFE fl-appoġġ tal-implimentazzjoni tagħhom kif ukoll il-bżonn li titjieb b’mod sostanzjali l-implimentazzjoni tagħhom.

(7)

   Ara COM(2016)739 final.

(8)

   Iffinanzjati taħt il-FAEŻR, dawn il-pagamenti huma mfassla biex jikkumpensaw lill-bdiewa għall-iżvantaġġi u għar-restrizzjonijiet imposti fiż-żoni ddeżinjati ta’ Natura 2000. Ara r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005.

(9)

   Skont il-benefiċjarji tal-proġetti ta’ LIFE, ser ikun hemm: inqas proġetti pilota innovattivi jew proġetti tekniċi ta’ dimostrazzjoni, inqas attivitajiet ta’ innovazzjoni rilevanti għall-ambjent b’mod partikolari mill-SMEs u ser jgħib l-appoġġ biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet għall-pretestijiet/prekummerċjalizzazzjoni (kondiviżjoni tar-riskju) ta’ soluzzjonijiet ambjentali innovattivi.

(10)

   Rapport dwar il-kontribuzzjoni tal-imgħoddi, attwali u futura ta’ LIFE għall-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku: “LIFE effectiveness and replicability” NEEMO 2016.

(11)

   Is-sostenibbiltà titqis bħala l-ħila li jitkomplew jew li jingħata segwitu għall-attivitajiet imwettqa matul il-ħajja tal-proġett; jiġifieri l-vijabbiltà tal-proġett wara tmiem il-finanzjament ta’ LIFE - il-kontinwazzjoni jew is-segwitu huma żgurati mill-benefiċjarju nnifsu, mis-sieħeb jew mis-suċċessur tiegħu.

(12)

    Ara COM(2016)942 final. LIFE qed jikkontribwixxi biex jipprovdi opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ volontarjat fil-qasam tal-azzjoni ambjentali u klimatika bħall-protezzjoni tal-bijodiversità f’siti ta’ Natura 2000, il-prevenzjoni tad-deforestazzjoni u tan-nirien fil-foresti, eċċ.