Brussell, 18.10.2017

COM(2017) 612 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta' Azzjoni għall-appoġġ tal-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi


I.    DAĦLA    

L-attakki terroristiċi reċenti wrew b’mod rikorrenti l-immirar ta’ spazji pubbliċi, li jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet intrinsiċi ta’ dawn l-hekk imsejħa “miri faċli” li huma ta’ natura miftuħa u ta’ karattru pubbliku. Dan kien jikkonċerna żoni riżervati għall-mixi, siti turistiċi, ċentri ta’ trasport, ċentri kummerċjali, postijiet ta’ qima, swieq ta’ barra, swali tal-kunċerti u pjazez, kif ġara, pereżempju, f’Barċellona, Berlin, Brussell, Londra, Manchester, Nizza, u Stokkolma. Minbarra attakki iktar kumplessi ta’ “intensità għolja” li jikkombinaw l-isplussivi u l-armi tan-nar, l-Ewropa qiegħda wkoll tintlaqat minn għadd dejjem jikber ta’ attakki ta’ “teknoloġija baxxa” kontra spazji pubbliċi li jitwettqu b’oġġetti ta’ kuljum bħal vettura li tinstaq fuq in-nies jew attakki b’sikkina. Il-miri huma ta’ spiss magħżula bl-intenzjoni li jikkawżaw għadd kbir ta’ vittmi. Il-valutazzjonijiet tat-theddid mill-Europol u ċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (Intelligence and Situation Centre, INTCEN) jikkonfermaw din l-enfasi fl-għażla mmirata, li hija wkoll ċitata b’mod apert fil-pubblikazzjonijiet fuq l-internet mit-terroristi 1 .

Il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi toħloq sfidi partikolari għall-Istati Membri. Dan minħabba l-varjetà wiesgħa ta’ postijiet pubbliċi li ġew jew jistgħu jiġu immirati, il-karatteristiċi differenti li jvarjaw minn spazji miftuħa għal kollox għal oqsma b’xi forma ta’ protezzjoni, il-varjetà ta’ atturi involuti fil-protezzjoni ta’ siti bħal dawn, ir-riskju ta’ diżgrazzji tal-massa u, fuq kollox, li huwa essenzjali li jinstab bilanċ bejn it-titjib tas-sigurtà u li tiġi ppreservata n-natura miftuħa ta’ spazji pubbliċi, biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jkomplu jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

L-Istati Membri huma primarjament responsabbli għall-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi, iżda l-UE tista’ u jinħtieġ li tagħmel aktar biex tappoġġa dawn l-isforzi. Kif imħabbar fl-ittra ta’ intenzjoni 2 lill-Parlament Ewropew u l-Presidenza tal-Kunsill u l-Pjan Direzzjonali li jakkompanjaha għal Unjoni Aktar Magħquda, Aktar b’Saħħita u Aktar Demokratika, dan il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi miżuri biex jipprovdi gwida u appoġġ lill-Istati Membri f’livell nazzjonali, reġjonali u lokali biex jipproteġi l-ispazji pubbliċi. Huwa parti minn pakkett usa’ ta’ miżuri kontra t-terroriżmu li għandhom jitwettqu matul is-sittax-il xahar li ġejjin 3 . Filwaqt li qatt ma jista’ jkun hemm “riskju żero”, dawn il-miżuri operattivi se jappoġġaw lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta’ theddid, inaqqsu l-vulnerabbiltà ta’ spazji pubbliċi u jtaffu l-konsegwenzi ta’ attakki terroristiċi u jtejbu l-koperazzjoni.

L-appoġġ li l-UE tista’ tipprovdi għall-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi huwa f’dawn iż-żewġ forom. L-ewwel nett, tista’ trawwem l-iskambju tal-aħjar prattika bejn il-fruntieri permezz ta’ finanzjament immirat (il-Kapitolu II) kif ukoll netwerks ta’ prattikanti u materjal ta' gwida (il-Kapitolu III). It-tieni, l-UE tista’ tinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati kemm mil-livell lokali kif ukoll mis-settur privat f’dan ix-xogħol (il-Kapitolu IV). Bl-użu ta’ approċċ ta’ netwerk konġunt, dan il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi għadd ta’ fora għal approċċ aktar sistematiku u strutturat tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika biex jiġu protetti l-ispazji pubbliċi. Jekk ikun rilevanti, il-ħidma fuq il-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi se tibni fuq l-azzjonijiet u t-tagħlimiet meħuda f’oqsma bħalma huma l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika jew it-tħejjija għal riskji tas-sigurtà kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari 4 , li jiżguraw sinerġiji bejn dawn l-oqsma relatati.

II.    IL-FINANZJAMENT TAL-UE GĦALL-PROTEZZJONI TA’ SPAZJI PUBBLIĊI

Il-finanzjament tal-UE jipprovdi mod ieħor biex l-Istati Membri jiġu appoġġati fil-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi, billi jibbaża ruħu fuq l-għarfien espert u l-aħjar prattiki fi Stati Membri oħra u t-titjib tal-kooperazzjoni bejn il-fruntieri. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, miżuri biex jippromwovu u jappoġġaw l-iżvilupp ta’ infrastrutturi innovattivi biex jiżguraw spazji pubbliċi mingħajr ma jibdlu n-natura miftuħa tagħhom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qiegħda ssaħħaħ id-disponibbiltà tal-finanzjament tal-UE, kemm fuq medda ta’ żmien qasir kif ukoll medju.

Biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet immedjati għal żmien qasir, flimkien ma’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni llum qed tniedi sejħa għal proposti ta’ proġetti permezz tal-Fond għas-Sigurtà Interna (IInternal Security Fund, SF) tal-Pulizija għal ammont totali ta’ EUR 18,5 miljun. Dan il-finanzjament se jappoġġa proġetti transnazzjonali li jtejbu il-ħarsien ta’ spazji pubbliċi.

Dan il-finanzjament tal-UE jista’ jappoġġa wkoll il-kooperazzjoni operazzjonali fil-post. Biex titjieb il-kooperazzjoni bejn il-gruppi tal-ewwel intervent wara li jseħħu attakki terroristiċi, l-UE se tagħmel finanzjament disponibbli għal din is-sejħa għal proġetti ta’ kooperazzjoni biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tal-protezzjoni ċivili u dawk mediċi, fil-fażi akuta wara attakk.

Dan il-finanzjament għal żmien qasir se jiġi kumplimentat fl-2018 b’finanzjament taħt l-Azzjonijiet Innovattivi Urbani (UIA) bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. L-iżgurar ta’ reżistenza fiżika ta’ bini, il-protezzjoni fiżika ta’ postijiet iffullati u l-promozzjoni tas-sigurtà bid-disinn jistgħu jkunu l-azzjonijiet eliġibbli għall-finanzjament. Dan jista’ jinkludi miżuri biex tiżdied is-sigurtà u tiġi promossa s-sigurtà pubblika permezz tat-tfassil ta’ spazju pubbliku, dawl u kampanji ta’ għarfien pubbliku bħala parti mill-miżuri ta’ riġenerazzjoni urbana. L-interess u l-potenzjal li jiġu esplorati ideat ta’ bliet biex jittestjaw soluzzjonijiet innovattivi għal sfidi ta’ sigurtà fi spazji pubbliċi, il-Kummissjoni nediet talba fil-15 ta’ Settembru 2017 għal espressjonijiet ta’ interess ta’ Azzjonijiet Innovattivi Urbani. Dan se jgħin lill-Kummissjoni tifforma s-sejħiet li se jsiru għal proposti f’dan il-qasam. Fuq il-bażi ta’ dan, f’Ottubru 2018, il-Kummissjoni se tiftaħ sejħa b’baġit totali li jista’ jammonta għal EUR 100 miljun taħt l-Azzjonijiet Innovattivi Urbani fejn is-sigurtà se tkun tema prinċipali.

Huwa importanti li jiżdied l-għarfien tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni, awtoritajiet lokali u l-benefiċjarji responsabbli għall-ġestjoni ta’ dawn il-fondi, tal-vulnerabbiltà ta’ spazji pubbliċi, kif ukoll it-tisħiħ tal-għarfien u t-tixrid ta’ prattiki tajba fil-promozzjoni tas-sigurtà mid-disinn. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, il-bliet u r-reġjuni biex jintegraw aħjar il-ħarsien tal-ispazji pubbliċi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni għal investimenti fl-infrastruttura.

L-ippjanar u t-tfassil urban jistgħu jikkontribwixxu għall-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi. Il-Patt ta’ Amsterdam miftiehem mill-Ministri tal-UE responsabbli għal Kwistjonijiet Urbani fl-2016 stabbilixxa l-Aġenda Urbana għall-UE, approċċ integrat u koordinat li jittratta d-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE u dawk nazzjonali u l-leġiżlazzjoni 5 . Fil-preżent dan għandu 12-il prijorità. F’Ottubru 2017, il-Kummissjoni se tipproponi t-tema ta’ sigurtà fi spazji pubbliċi bħala sħubija ġdida mal-Istati Membri, li tiffoka fuq regolamentazzjoni aħjar u għarfien aħjar u finanzjament aħjar. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex jappoġġaw din l-inizjattiva.

Billi t-theddid għall-ispazji pubbliċi qed jevolvi, għandna bżonn fehim aħjar tat-tendenzi, tar-riskji u miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli. Dan jitlob użu ikbar ta’ opportunitajiet ta’ riċerka relatati. L-UE sa issa ffinanzjat 48 proġett ta’ riċerka fil-qasam tas-sigurtà relatati mal-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi taħt is-Seba’ Programm Kwadru u Orizzont 2020 għal ammont totali ta’ EUR 195 miljun 6 . Ħafna minn dawn il-proġetti issa qed jagħtu r-riżultati li għandhom jiġu disseminati u, fejn xieraq, segwiti minn investimenti li jiġu tradotti f’azzjonijiet konkreti. Biex tappoġġa l-użu tar-riżultati tar-riċerka relatati mal-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi, il-Kummissjoni se tistabbilixxi skambju bejn Forum tal-Prattikanti u n-Netwerk Ewropew għas-Servizzi Teknoloġiċi tal-Infurzar tal-Liġi (European Network of Law Enforcement Technology Services, ENLETS) kif ukoll netwerk tal-prattikanti permezz ta' Orizzont 2020.

Aktar riċerka hija meħtieġa biex titjieb il-kapaċità ta’ individwazzjoni ta’ splussivi, armi tan-nar u armi oħra jew materjali kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (chemical, biological radiological and nuclear, CBRN) li jiddaħħlu f’postijiet pubbliċi. Ir-riċerka jinħtieġ ukoll li teżamina l-effettività ta’ diversi miżuri ta’ mitigazzjoni u tidentifika strateġiji biex titnaqqas il-vulnerabbiltà u tissaħħaħ ir-reżiljenza ta’ bosta miri potenzjali. L-ittestjar għandu rwol partikolari f’dan ir-rigward. Se jsiru sforzi biex jitfasslu proġetti ta’ riċerka permez ta' Orizzont 2020 biex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet.

Objettiv

Azzjoni / Konsenjabbli

Skadenza

Appoġġ tal-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jipproteġu l-ispazji pubbliċi b’finanzjament fuq medda ta’ żmien qasir.

EUR 18,5 miljun disponibbli permezz tal-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF).

Dan se jinkludi finanzjament għal proġetti ta’ kooperazzjoni biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tal-protezzjoni ċivili u s-servizzi mediċi fil-fażi akuta wara attakk.

Sejħa għal proposti li tnediet f’Ottubru 2017.

Li jkun provdut finanzjament strutturali għall-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi.

Li jkun provdut finanzjament permezz tal-Azzjonijiet Innovattivi Urbani (Urban Innovative Actions, UIA) bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Sejħa għal proposti li titnieda sa Ottubru 2018.

III.    NETWERKS TA’ PRATTIKANTI U GWIDA TAL-UE BIEX JIPPROTEĠU L-ISPAZJI PUBBLIĊI

L-Istati Membri għandhom approċċi differenti lejn u esperjenza fil-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi. L-UE tista’ tappoġġahom fl-indirizzar tal-isfidi dejjem jikbru għall-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi billi tipprovdi fora għall-iskambju tal-għarfien espert u l-aħjar prattika relatati. Dan jinħtieġ li jseħħ fil-livelli rilevanti kollha - mil-livell politiku, il-livell tal-prattikanti tal-infurzar tal-liġi u l-livell aktar operazzjonali ta’ unitajiet speċjalizzati tal-infurzar tal-liġi li jittrattaw il-protezzjoni taż-żoni pubbliċi. Kif imħabbar fid-Disa’ Rapport dwar il-Progress lejn Unjoni ta’ Sigurtà effettiva u ġenwina 7 , u kif enfasizzat ukoll mill-Valutazzjoni Komprensiva tal-Politika ta’ Sigurtà tal-UE, dan l-iskambju huwa msejjes fuq approċċ ta’ netwerk li jippermetti l-iskambju aktar strutturat tal-aħjar prassi sabiex wieħed jitgħallem mill-attakki tal-passat, jiżviluppa gwida u jiġu kondiviżi soluzzjonijiet innovattivi sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni taż-żoni pubbliċi.

Fil-livell ta’ politika, reċentement il-Kummissjoni waqqfet Grupp ta’ Politika tal-UE għall-protezzjoni ta’ Miri Faċli biex tiżdied il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-grupp se jgħaqqad flimkien dawk li jfasslu l-politika nazzjonali, u se jiġbor, jiskambja u jxerred l-aħjar prattiki u jagħti parir lill-Kummissjoni dwar azzjonijiet ulterjuri dwar il-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi. Il-grupp se jmexxi l-ħidma f’żewġ flussi ta’ ħidma: il-Forum tal-Prattikanti u l-Forum tal-Operaturi (ara l-Kapitolu IV għal dan tal-aħħar).

Il-Forum tal-Prattikanti jlaqqa’ flimkien il-prattikanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u n-netwerks tal-infurzar tal-liġi bħall-AIRPOL 8 , ATLAS 9 , ENLETS 10 u RAILPOL 11 biex jiskambjaw tagħrif espert fir-rigward tal-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi. Dan se jiġi kkumplimentat bin-Netwerk ta’ Sigurtà għal Riskju Għoli li għadu kemm ġie stabbilit li se jlaqqa’ flimkien rappreżentanti ta’ unitajiet speċjalizzati tal-infurzar tal-liġi responsabbli għall-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi ta’ riskju għoli. Billi jipprovdu pjattaforma għal taħriġ komuni u eżerċizzji konġunti, in-netwerk għandu l-għan li jappoġġa lill-Istati Membri biex itejbu l-istat ta’ tħejjija tagħhom kontra attakki u biex isaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu f’każ ta’ attakk.

Billi l-ħarsien tal-ispazji pubbliċi huwa sfida globali, huwa importanti li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki relatati f’fora multilaterali u ma’ pajjiżi msieħba barra l-UE. Il-Forum Globali kontra t-Terroriżmu (Global Counterterrorism Forum, GCTF) indirizza l-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi u żviluppa manwali ta’ prattiki tajba biex jikkondividi t-tagħlimiet meħuda. Hemm bżonn ta’ aktar kooperazzjoni internazzjonali biex din il-ħidma timxi 'l quddiem, b’mod partikolari ma’ sħab ewlenin bħalma huma l-Istati Uniti. Dan jinħtieġ li jinkludi oqsma ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti f’oqsma bħas-sejbien tal-esplożivi.

Il-kooperazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi tista’ wkoll iżżid il-valur permezz tal-iżvilupp ta’ linji gwida komuni, ittestjar ta’ tagħmir, inkoraġġiment ta’ standards ta’ armonizzazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajba. Filwaqt li jibni fuq il-prattika tajba stabbilita fl-Istati Membri, il-materjal ta’ gwida tal-UE jista’ jindirizza firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi, li jvarjaw mill-protezzjoni fiżika ta’ bini u postijiet, gwida mmirata għal avvenimenti speċifiċi (avvenimenti sportivi u kulturali) u postijiet (żoni viċin l-ajruporti) għall-appoġġ għal valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà u kapaċità mtejba ta’ detezzjoni u rispons. Il-materjal ta’ gwida tal-UE jista’ jgħin ukoll lill-Istati Membri biex ikabbru l-għarfien pubbliku. Aktar sensibilizzazzjoni pubblika se tgħin biex jiġi żgurat li mġieba suspettuża tiġi rrapportata malajr kemm jista’ jkun. Xi Stati Membri żviluppaw materjali ta’ sensibilizzazzjoni effettivi , bħal vidjows, fuljetti u kartelluni. Dawn l-aqwa prattiċi jinħtieġ li jiġu kondiviżi ma’ Stati Membri oħra.

Barra minn hekk, jeżistu soluzzjonijiet tekniċi li jistgħu jgħinu biex jagħmlu l-ispazji pubbliċi aktar sikuri filwaqt li tiġi ppreservata n-natura miftuħa u pubblika tagħhom. “Sigurtà mid-disinn” jinħtieġ li ssir prinċipju essenzjali minn stadju bikri ħafna fl-iżvilupp tagħhom. Pereżempju, kunċetti tad-disinn fl-entratura tal-bini jistgħu jgħinu biex jiġu evitati intrużjonijiet mit-terroristi (pereż. aċċess għal żoni ta’ kontroll biex jiġi mmitigat ir-riskju) u tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ perimetri tal-bini minn invażjoni ta’ vetturi. Riċerka prattika, l-ittestjar u l-gwida jeħtieġ li jitkomplew u jiġu żviluppati aktar, biex tiżgura bilanċ adegwat bejn iż-żamma tan-natura miftuħa ta’ żoni pubbliċi u tiġi żgurata protezzjoni effettiva. Miżuri protettivi, bħalma huma l-ostakli jew tagħmir ta’ identifikazzjoni, jinħtieġ li jkunu diskreti kemm jista’ jkun biex jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà u jevitaw li joħolqu vulnerabbiltajiet sekondarji.

Is-settur tat-trasport għal ħafna snin kien fl-mira kemm ta’ atti terroristiċi, kif ukoll ta’ mezz biex bih jiwettqu attakki (pereż. ħtif ta’ ajruplani jew attakki b’vetturi). Il-Kummissjoni qed taħdem fuq sett ta’ gwida tal-aħjar prattiki ta’ sigurtà fis-settur kummerċjali tat-trasport fit-toroq. Dan se jiffoka fuq it-titjib tas-sikurezza għat-trakkijiet biex jittaffa r-riskju ta’ intrużjoni mhux awtorizzata, inkluż ħtif jew serq, ta’ trakk għall-użu f’reat terroristiku. Il-pakkett ta’ għodod se jkun disponibbli qabel tmiem l-2017 u se jipprovdi gwida għas-setturi tat-trasport bit-toroq nazzjonali. Soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda għandhom jiġu esplorati, bħal sistemi li jevitaw il-ħbit, brejkjar ta’ emerġenza awtomatiku jew il-possibilitajiet għal waqfien remot ta’ karozzi mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

L-UE tista’ tipprovdi appoġġ prattiku ħafna sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri biex isaħħu l-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi. B’appoġġ mill-Kummissjoni, ġiet żviluppata għodda ta’ valutazzjoni ta’ siti faċli biex jiġu attakkati u qed tiġi ttestjata għall-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi, li jkopru evalwazzjoni tal-vulnerabbiltà tat-tipi kollha ta’ spazji pubbliċi. Il-Kummissjoni hija lesta li tappoġġa lill-Istati Membri b’mod volontarju għal valutazzjonijiet fuq il-post. Applikazzjoni elettronika se tkun żviluppata biex tiffaċilita tali valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà.

Billi l-organizzazzjonijiet terroristiċi qegħdin kontinwament jippruvaw jinnovaw it-tekniki tagħhom u l-modi operandi, l-UE għandha bżonn ukoll li tkun innovattiva fir-risposta tagħha, u tutilizza teknoloġija u tiġbor flimkien għarfien espert minn madwar l-Unjoni biex tidentifika u ttaffi r-riskji emerġenti. Dan jirrigwarda, pereżempju, theddid possibbli kkawżati minn vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (unmanned aircraft vehicles, UAV) li jistgħu jintużaw minn terroristi. Għaddejja ħidma fuq ir-regoli tal-UE li jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza ta’ operazzjonijiet ċivili ta’ sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (unmanned aircraft systems, UASs) jindirizzaw din it-theddida, inklużi miżuri biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta’ vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ ostili.

Objettiv

Azzjoni / Konsenjabbli

Skadenza

Tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri fuq livell politiku.

It-twaqqif ta’ Grupp ta’ Politika tal-UE dwar il-Protezzjoni ta’ Miri Faċli u Forum tal-Prattikanti permezz ta’ prattikanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u netwerks tal-infurzar tal-liġi (il-laqgħat konsituttivi f’Settembru 2017).

Il-laqgħat li jmiss: l-ewwel tliet xhur tal-2018.

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn unitajiet speċjalizzati tal-pulizija.

Titwaqqaf Netwerk ta’ Sigurtà għal Riskju Għoli bħala netwerk tal-prattikanti tal-infurzar tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi b’riskju għoli, bil-għan li jiġi pprovdut taħriġ komuni u jitwettqu eżerċizzji konġunti u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

Laqgħa kostituttiva f’Novembru 2017.

L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni għandhom jibdew fl-ewwel kwart tal-2018.

Tittejjeb il-protezzjoni fiżika tal-binjiet.

Tiġi provduta gwida dwar it-titjib ta’ reżistenza fiżika tal-bini.

Ir-raba’ trimestru tal-2018.

Tittejjeb il-protezzjoni ta’ postijiet iffullati, avvenimenti sportivi u kulturali.

Jiġi provdut materjal ta’ gwida dwar il-protezzjoni ta’ postijiet iffullati, inklużi avvenimenti sportivi u kulturali, bbażati fuq testijiet ma’ Stati Membri magħżula.

Tiġi żviluppata applikazzjoni elettronika biex tiffaċilita l-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tat-tipi kollha ta’ spazji pubbliċi.

It-tieni u t-tielet trimestru tal-2018.

Tissaħaħ is-sigurtà fl-artijiet madwar l-ajruporti.

Jiġi provdut materjal ta’ gwida dwar il-protezzjoni tal-artijiet madwar l-ajruporti b’enfasi fuq il-flussi tal-passiġġieri.

It-tielet trimestru tal-2018.

It-twaqqif fl-użu ta’ klieb għad-detezzjoni ta’ splussivi.

Jiġi provdut materjal ta’ gwida dwar l-użu tal-klieb għad-detezzjoni tal-isplussivi fil-protezzjoni taż-żoni pubbliċi.

L-ewwel tliet xhur tal-2018.

IV.    INVOLVIMENT TAL-ATTURI LOKALI U S-SETTUR PRIVAT

Varjetà ta’ atturi jistgħu jaqdu rwol fil-protezzjoni taż-żoni pubbliċi. L-UE tista’ trawwem kooperazzjoni ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati li hija kkunsidrata bħala kruċjali sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni taż-żoni pubbliċi.

Spazji pubbliċi bħal ċentri tax-xiri jew jew swali tal-kunċerti spiss ikunu proprjetà jew ikunu operati minn entitajiet privati. Dan ifisser li huwa neċessarju li jiġu involuti fil-ħidma tat-tisħiħ tal-protezzjoni taż-żoni pubbliċi. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi Forum tal-Operaturi biex tinteraġġixxi ma’ dawn l-operaturi privati u partijiet interessati rilevanti oħra mis-settur privat bħal kumpaniji tal-kiri ta’ karozzi, eċċ. Dan se jiffaċilita l-għarfien komuni tal-isfidi attwali għas-sigurtà u jinkoraġġixxi sħubiji dwar is-sigurtà bejn il-pubbliku u l-privat biex titjieb il-protezzjoni.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma wkoll atturi importanti għall-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-involviment ta’ dawn il-partijiet interessati u tibda djalogu kemm mal-awtoritajiet reġjonali kif ukoll dawk lokali, bħalma huma sindki ta’ bliet kbar, biex jaqsmu l-informazzjoni u l-aħjar prattika fil-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi. Bħala segwitu għad-Dikjarazzjoni ta’ Nizza 12 tad-29 ta’ Settembru 2017, kmieni s-sena d-dieħla, il-Kummissjoni se torganizza flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni, laqgħa ta’ livell għoli ma’ sindki li ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Nizza u minn rappreżentanti interessati oħra fil-livelli lokali u reġjonali biex ikomplu l-iskambju tal-aħjar prattika dwar il-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi.

Objettiv

Azzjoni / Konsenjabbli

Skadenza

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat dwar il-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi.

Jitwaqqaf Forum tal-Operaturi ma’ partijiet interessati privati rilevanti, rappreżentati permezz tal-assoċjazzjonijiet Ewropej tagħhom, biex tinġabar gwida disponibbli, jiġu żviluppati rakkomandazzjonijiet u jiġu skambjati l-aħjar prassi. Il-grupp se jkun maqsum f’diversi oqsma tematiċi ta’ ħidma u se jservi bħala mezz ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-operaturi ta’ spazji pubbliċi differenti.

Laqgħa kostituttiva fir-raba’ trimestru tal-2017.

Titrawwem kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali dwar il-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi.

Jiġi stabbilit djalogu mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, inklużi sindki ta’ bliet Ewropej, biex jiġu esplorati modi ta’ sforzi tal-komunità biex tissaħħaħ il-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi, bl-għan li jiskambjaw l-aħjar prattiki, jinvolvu l-għarfien xjentifiku u l-għarfien espert ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka u s-settur privat, u jiffaċilitaw l-opportunitajiet ta’ finanzjament.

L-ewwel laqgħa apposta ma’ sindki ta’ bliet u awtoritajiet reġjonali u lokali oħrajn se ssir fl-ewwel kwart tal-2018.

V.    KONKLUŻJONIJIET

Fid-dawl ta’ theddidiet li qed jevolvu, l-Ewropa teħtieġ li tingħaqad u tgħaqqad l-isforzi biex tiżviluppa soluzzjonijiet innovattivi, sostenibbli u effettivi li jtejbu l-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi. Filwaqt li qatt ma jista’ jkun hemm “riskju żero”, il-miżuri operattivi, azzjonijiet koordinati u l-gwida stipulati f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni, jistgħu jgħinu lill-Istati Membri biex jindirizzaw nuqqasijiet sinifikanti esposti mill-attakki terroristiċi reċenti u jagħmlu differenza kbira sabiex jipproteġu spazji pubbliċi.

Il-miżuri stipulati f’din il-Komunikazzjoni għandhom l-għan li jwittu t-triq għal kooperazzjoni effettiva tal-UE għall-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jisfruttaw il-possibilitajiet varji stabbiliti f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni, inklużi l-fondi tal-UE disponibbli. Hija tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw dan il-Pjan ta' Azzjoni u biex jimpenjaw ruħhom b’mod attiv fl-implimentazzjoni tiegħu, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-progress dwar dan il-Pjan ta’ Azzjoni qabel it-tmiem tal-2018.

(1) Europol, Changes in Modus Operandi of IS revisited (2.12.2016): https://www.europol.europa.eu/ newsroom/news/islamic-state-changing-terror-tactics-to-maintain-threat-in-europe u Terrorism Situation and Trend report 2017 (15.6.2017): https://www.europol.europa.eu/tesat/2017/index.html .
(2) https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/letter-of-intent-2017_en.pdf .
(3) Ara l-Ħdax-il Rapport ta' Progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2017) 608 final, tat-18.10.2017).
(4) Ara l-Pjan ta’ Azzjoni biex jitjieb l-istat ta’ tħejjija għal riskji tas-sigurtà kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (COM (2017) 610 final tat-18.10.2017).
(5) Aġenda Urbana għall-UE - il-Patt ta’ Amsterdam: http://ec.europa.eu/regional_policy/en/policy/themes/urban-development/portal/ .
(6) Xi eżempji huma: SECUR-ED (Trasportazzjoni Urbana Sigura) - proġett ta’ dimostrazzjoni ta’ kważi EUR 40 miljun li jlaqqa’ flimkien operaturi kbar tat-trasport, l-industrija u l-akkademja biex jiżviluppaw pakkett koerenti u interoperabbli ta’ teknoloġiji u proċessi vvalidati permezz ta’ dimostrazzjonijiet għat-titjib tas-sigurtà tat-trasport tal-massa; DESURBS (Tfassil ta’ spazji urbani aktar siguri) ta’ EUR 3,2 miljun għall-proġett fuq sentejn li rriżultaw f’metodoloġiji ġodda, databases u għodod ta’ softwer bħal portal għal sistema tal-appoġġ għad-deċiżjoni li jgħin pjanifikaturi urbani, disinjaturi u inġiniera li jindividwaw u jikkoreġu dgħufijiet fis-sigurtà fit-tfassil urban; u SURVEIRON (Sistema ta’ sorveljanza avvanzata għall-protezzjoni ta’ miri faċli urbani u infrastruttura kritika urbana) li huwa proġett ta’ SME ta’ EUR 2,5 miljun, li jipprovdi soluzzjoni innovattiva għall-protezzjoni ta’ dawn l-ispazji u li jipprovdi lil dawk responsabbli għas-sigurtà pubblika u privata b’sorveljanza intelliġenti u t-teħid ta’ deċiżjonijiet f’sitwazzjonijiet kritiċi. Lista sħiħa ta’ proġetti ta’ riċerka dwar is-sigurtà tal-FP7 u l-Orizzont 2020 tinsab fuq: http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/industry -for-security/index_en.htm.
(7) COM(2017) 407 final (26.7.2017).
(8) In-netwerk AIRPOL li huwa ffinanzjat mill-UE, huwa korp ta’ koordinazzjoni ta’ unitajiet tal-infurzar tal-liġi fl-ajruporti Ewropej.
(9) In-netwerk ATLAS li huwa ffinanzjat mill-UE, jiġbor flimkien l-unitajiet ta’ intervent speċjali tal-Istati Membri.
(10) In-Netwerk Ewropew għas-Servizzi Teknoloġiċi tal-Infurzar tal-Liġi (ara wkoll il-Kapitolu V).
(11) In-netwerk Ewropew iffinanzjat mill-UE tal-forzi tal-pulizija ferrovjarji jindirizza s-sigurtà fil-qasam tat-trasport ferrovjarju fil-kuntest taż-żieda tal-internazzjonalizzazzjoni tat-trasport ferrovjarju fl-Ewropa.
(12) Id-dikjarazzjoni ta’ Nizza, ġiet adottata waqt konferenza tas-sindki tar-reġjun Ewro-Mediterranju f’Nizza fid-29 ta’ Settembru 2017, organizzata bl-inizjattiva tas-Sindku ta’ Nizza, u bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni, għall-iskambjar tal-aħjar prattiki fost il-bliet, il-livelli lokali u reġjonali dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ħarsien ta’ spazji pubbliċi.