Brussell, 5.10.2017

COM(2017) 563 final

2017/0244(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar Qafas Ewropew għal
Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi

{SWD(2017) 322 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Il-proposta għal Qafas Ewropea għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi tikkontribwixxi għall-prijorità tal-UE dwar l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment. Din issegwi l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 2016 u l-ambizzjoni tagħha li ttejjeb il-kwalità u r-rilevanza tal-formazzjoni tal-ħiliet u l-Komunikazzjoni tal-2016 Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa, filwaqt li tappella li jsir sforz mill-ġdid biex iż-żgħażagħ jingħataw sostenn ħalli jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenzi li ser iħejjuhom għall-ewwel impjieg tagħhom, biex ikollhom karriera professjonali mimlija suċċess u biex ikunu ċittadini attivi.

L-apprendistati huma forma partikolarment effettiva ta’ tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali li tħaffef it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u mit-taħriġ għad-dinja tax-xogħol. Dawn jipprovdu l-ħiliet li jeħtieġu l-impjegaturi, u jsaħħu l-kompetittività u l-produttività tal-kumpanniji u tal-postijiet tax-xogħol. Filwaqt li ħafna mill-apprendisti huma studenti żgħażagħ, l-apprendistati qed jiġu offruti wkoll dejjem iktar lil ħaddiema ikbar fl-età biex dawn jiksbu kwalifika li żżid l-impjegabbiltà u l-opportunitajiet tagħhom għall-iżvilupp tal-karriera.

Minħabba l-effikaċja ppruvata tagħhom fit-tħaffif tal-aċċess tan-nies għas-suq tax-xogħol, u fit-titjib tal-opportunitajiet tal-karriera tagħhom, l-apprendistati huma prijorità politika fl-UE, filwaqt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ (16.9% f’Lulju 2017) fl-UE għadu iktar mid-doppju tar-rata tal-qgħad ġenerali (7.7% f’Lulju 2017).

L-evidenza minn Cedefop u mill-proċess tas-Semestru Ewropew turi li ħafna mill-Istati Membri qed ifittxu riformi sinifikanti fl-apprendistati, u hemm spinta kbira biex tissaħħaħ il-provvista tal-apprendistati.

L-effetti pożittivi tal-apprendistati fuq il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ jiddependu mill-kwalità tagħhom. L-iskemi tal-apprendistati huma mifruxa, iżda organizzati b’modi differenti ħafna, madwar l-UE. L-OECD enfasizzat li hemm bżonn ta’ standards ta’ kwalità għolja biex jiġi evitat li l-apprendistati jkunu mmirati lejn impjiegi b’livell baxx ta’ ħiliet. Anki sehem żgħir ta’ offerti ta’ kwalità baxxa jista’ jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ġenerali tagħhom 1 .

Din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-evidenza l-aktar aġġornata fil-qasam, u tipprovdi orjentazzjoni dwar kif jiġu implimentati skemi ta’ apprendistati li jaħdmu u li jwasslu riżultati kemm għall-apprendisti u kif ukoll għall-impjegaturi.

Barra minn hekk, il-fiduċja reċiproka ġġenerata minn kriterji miftiehma b’mod komuni jista’ jkollha impatt pożittiv fuq il-mobilità tal-apprendisti.

Din ir-rakkomandazzjoni tikkumplimenta l-inizjattivi li qed tieħu l-Unjoni biex tiffaċilità t-tranżizzjoni taż-żagħżagħ għad-dinja tax-xogħol, notevolment ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships.

L-objettiv ġenerali hu li jiżdiedu l-impjegabbiltà u l-iżvilupp personali tal-apprendisti u li jkun hemm kontribut għall-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet għolja u kkwalifikata, risponsiva għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

L-objettiv speċifiku hu li jiġi pprovdut qafas koerenti għall-apprendistati fuq il-bażi ta’ fehim komuni dwar x’jiddefinixxi kwalità u effikaċja, b’kunsiderazzjoni għad-diversità tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali (VET) fl-Istati Membri.

Ser issostni r-riformi fl-apprendistati fl-Istati Membri biex issaħħaħ il-kwalità u l-effikaċja tal-apprendistati.

Kamp ta' applikazzjoni tal-proposta

Ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri japplikaw sett komprensiv u koerenti ta’ kriterji għal apprendistati ta’ kwalità u effettivi. Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, id-definizzjoni ta' apprendistati hija din li ġejja:

Skemi formali ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ vokazzjonali li jikkombinaw tagħlim sostanzjali msejjes fuq ix-xogħol f’kumpanniji u f’postijiet tax-xogħol oħra b’tagħlim f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ, li jwasslu għal kwalifiki rikonoxxuti f’livell nazzjonali. Dawn huma kkaratterizzati b'relazzjoni kuntrattwali bejn l-apprendista, l-impjegatur u/jew l-istituzzjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali filwaqt li l-apprendista jiġi mħallas jew jiġi kkumpensat għal xogħolu.

Din id-definizzjoni hija wiesgħa biżżejjed biex tkopri d-diversi forom ta' skemi ta' appredistati eżistenti madwar l-Istati Membri u ġiet żviluppata u użata fil-kuntest tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati.

Il-kuntest politiku

Id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma 2 tal-25 ta’ Marzu 2017 tinkludi l-wegħda tal-mexxejja Ewropej li jaħdmu favur Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi mal-kontinent kollu. Apprendistati ta’ kwalità u effettivi huma parti essenzjali ta' dan l-impenn peress li jipprovdu liż-żgħażagħ bil-ħiliet li jipprovdu aċċess għas-suq tax-xogħol.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 3 , ippreżentat fis-26 ta’ April 2017, jistabbilixxi 20 prinċipju u dritt ewlenin biex jiġu sostnuti swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jaħdmu tajjeb. Dawn huma strutturati fuq tliet kategoriji, li lkoll huma rilevanti għall-forniment ta’ apprendistati ta’ kwalità u effettivi: 1) opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol; 2) kundizzjonijiet ġusti tax-xogħol; 3) protezzjoni u inklużjoni soċjali. L-ewwel prinċipju hu li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, għal taħriġ u għal tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklussivi sabiex iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettuparteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u mmaniġġjar b’suċċess ta' tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol.

L-apprendistati fl-aġenda politika

F’Ġunju 2016, l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 4 enfasizzat li s-sħab kummerċjali u soċjali jenħtieġ li jkunu involuti fit-tfassil u fil-forniment ta’ VET u apprendistati msejsa fuq ix-xogħol. Il-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li ssostni l-opportunitajiet għal iktar tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, li tiżviluppa sett ta’ servizzi ta’ sostenn għall-qsim tal-għarfien, għall-bini ta’ netwerks u għall-kooperazzjoni fir-rigward tal-apprendistati, u li ssostni lis-sħab soċjali fl-avvanzar tal-ħidma konġunta tagħhom b’possibbiltà ta' Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati. Dan l-impenn ġie kkonfermat fil-Komunikazzjoni ta’ Diċembru 2016 Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa li tispjega l-intenzjoni li tiġi ppreżentata inizjattiva biex isiru avvanzi fil-kwalità, fil-provvista, fl-attraenza u fl-inklużività tal-apprendistati 5 .

L-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet bniet fuq inizjattivi passati bħall-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati (EAfA) li tnediet fl-2013 bl-għan li ssaħħaħ il-kwalità, il-provvista u l-immaġni tal-apprendistati, u (iktar riċentement) il-mobilità tal-apprendisti. 27 Stat Membru 6 ssieħbu fl-EAfA billi impenjaw rwieħhom fuq livell nazzjonali, u saru iktar minn 200 wegħda minn kumpanniji, minn sħab soċjali, minn fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali u minn partijiet ikkonċernati oħra. Permezz ta’ dawn il-wegħdi ġew mobilizzati iktar minn 700,000 apprendistat, taħriġ prattiku u offerta għall-ewwel impjieg.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ 7 tirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha ta’ età taħt il-25 sena jirċievu offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jispiċċaw bla xogħol jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali. Sa tard fl-2016, ġew offruti madwar 390,000 apprendistat permezz tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri appellat għall-istabbiliment ta’ attributi ta' kwalità biex l-apprendistati jkunu sostnuti mill-baġit tal-Unjoni 8 , u l-Parlament Ewropew 9 appella għal miżuri li jiżguraw li jiġu introdotti standards ta' kwalità għall-apprendistati. Studju riċenti mill-Parlament jindirizza l-ħtieġa li jiġu ċċarati l-kwistjonijiet ta’ kuntratt ta' impjieg u ta’ remunerazzjoni fl-apprendistati 10 .

Fl-2015, il-gvernijiet u s-sħab soċjali Ewropej qablu fuq il-konklużjonijiet ta’ Riga għar-riżultati tanġibbli fuq terminu medju (2015-2020) fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali. Prijorità minnhom hi “L-promozzjoni ta’ tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol fil-forom kollha tiegħu, b’attenzjoni speċjali għall-apprendistati, billi jiġu involuti s-sħab soċjali, il-kumpanniji, il-Kmamar tal-Kummerċ u l-fornituri tal-ETV, kif ukoll bl-ixprunar tal-innovazzjoni u tal-imprenditorija.”

Minn Mejju 2018, l-Istati Membri se jibdew jippubblikaw il-postijiet vakanti għall-apprendistati fuq il-bażi ta’ kuntratt tax-xogħol fil-EURES 11 . Permezz tat-trasparenza mtejba se jkun iktar faċli biex il-kandidati jitqabblu ma’ offerti disponibbli f’pajjiżi oħra. Dan ser iħeġġeġ ukoll il-kooperazzjoni fil-mobilità fl-apprendistati pprovduti minn Erasmus+ u lil hinn minn dan.

Xogħol eżistenti fuq il-kwalità u l-effikaċja

Taħt il-kappa tal-EAfA, saru sforzi important biex tissaħħaħ l-evidenza fuq kwistjonijiet ta' kwalità u ta' effikaċja tal-apprendistati. Fil-15 ta’ Ottubru 2013, l-Istati Membri adottaw Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati. Din spjegat prinċipji gwida komuni għall-effikaċja u għall-attraenza tal-apprendistati, biex jitħeġġu u jiġu segwiti fejn xieraq u skont iċ-ċirkustanzi nazzjonali.

Fi ħdan il-Qafas Strateġiku - Edukazzjoni u Taħriġ (ET2020), Grupp ta’ Ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (2014-2015) li jinkludi fih rappreżentanti mill-Istati Membri, minn sħab soċjali u minn fornituri tal-VET żviluppa 20 prinċipju ta’ gwida għall-apprendistati ta’ prestazzjoni għolja u għal tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, b’enfasi fuq erba’ suġġetti: 1) Governanza nazzjonali u involviment tas-sħab soċjali; 2) Sostenn għall-kumpanniji, b'mod partikolari l-SMEs, li joffru apprendistati; 3) Attraenza tal-apprendistati u gwida għall-karriera mtejba; 4) Garanzija tal-kwalità fit-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol.

Bis-sostenn finanzjarju mill-Kummissjoni, is-sħab soċjali Ewropej transindustrijali ħadmu fuq il-kwalità (ETUC) u l-kosteffettività (immexxija minn BusinessEurope għan-nom tal-organizzazzjonijiet tal-UE tal-impjegaturi transindustijali) tal-apprendistati. F’Ġunju 2016 huma qablu fuq id-dikjarazzjoni konġunta Lejn Viżjoni Komuni tal-Apprendistati.

Imniedi minn ETUC u minn BusinessEurope, il-Kumitat Konsultattiv tripartitiku fuq it-Taħriġ Vokazzjonali (ACVT) - li laqqa' flimkien rappreżentanti governattivi u tas-sħab soċjali mill-Istati Membri kollha - f’Diċembru 2016 adotta Opinjoni dwar Viżjoni Kondiviża għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi u għat-Tagħlim Imsejjes fuq ix-Xogħol li telenka 16-il element li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu stabbiliti skemi ta’ apprendistati.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Peress li l-apprendistati huma msaħħa b'kuntratt tax-xogħol, l-apprendisti bilfors li jridu jkunu kemm studenti tal-VET kif ukoll ħaddiema. Għalhekk, il-bażi ġuridika għal din l-inizjattiva tinsab fl-Artikoli 153, 166 u 292 TFUE.

Skont l-Artikolu 166 tat-TFUE, l-Unjoni għandha timplimenta politika dwar it-taħriġ vokazzjonali li għandha ssostni u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u għall-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali.

Skont l-Artikolu 153 TFUE, fost l-oħrajn, l-Unjoni għandha ssostni u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema (apprendisti b’kuntratt tax-xogħol huma meqjusa ħaddiema), u anki l-integrazzjoni ta’ persuni esklużi mis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

Skont l-Artikolu 292 tat-TFUE, il-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni fl-oqsma ta’ kompetenza tal-UE.

Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Fil-ħidma tagħha għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u għall-implimentazzjoni ta’ politika ta’ taħriġ vokazzjonali, l-UE għandha r-responsabbiltà li tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u li ssostni u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom fejn meħtieġ. F’dan il-kuntest, l-istabbiliment ta’ fehim komuni dwar x’jikkostitwixxi apprendistati ta’ kwalità u effettivi madwar l-Unjoni Ewropea hu kompitu li jista’ jiġi indirizzat fil-livell Ewropew biss.

Qafas Ewropea għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi se jsostni u jissupplimenta l-azzjoni nazzjonali f’dan il-qasam f’konformità mal-Artikoli 166 u 153 tat-TFUE. Din l-inizjattiva tapplika l-prinċipju tas-sussidjarjetà, billi tieħu f’kunsiderazzjoni bis-sħiħ li s-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, kif ukoll il-funzjonament tas-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, huma kompetenza nazzjonali. L-inizjattiva tirrispetta bis-sħiħ id-diversità tas-sistemi nazzjonali tal-apprendistati, filwaqt li tipproponi sett ta’ kriterji komuni li jsaħħu dawk l-iskemi differenti, biex jiġu żgurati benefiċċji kemm għall-istudenti kif ukoll għall-kumpanniji li jipprovdu opportunitajiet ta’ apprendistat.

L-inizjattiva ser ittejjeb it-trasparenza u l-fehim reċiproku tas-sistemi ta’ apprendistat u b’mod partikolari l-kwalità u l-effikaċja tal-apprendistati madwar l-UE. Jista' jkun ukoll li jkollha impatt pożittiv fuq il-mobilità transfruntiera tal-gradwati tal-apprendistati peress li approċċ ikkoordinat fil-livell tal-UE jiżgura sinerġiji u kooperazzjoni, u b'hekk jiġu mmassimizzati l-effetti sekondarji pożittivi.

Barra minn hekk, l-offerta ta’ linji gwida fil-livell tal-UE tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ komprensjoni komuni dwar kif il-kwalità tal-apprendistati tista’ titjieb. Tista’ tgħin ukoll lill-Istati Membri fl-użu tagħhom tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, u meta jimplimentaw l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, jindirizzaw il-qgħad, u b’mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inattività.

Proporzjonalità

L-azzjonijiet proposti bir-Rakkomandazzjoni huma proporzjonali għall-objettivi mfittxija. Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ser issostni l-proċessi ta’ riforma mnedija mill-pajjiżi individwali fuq l-apprendistati, u ser tikkomplimenta l-isforzi tal-Istati Membri f’dan il-qasam fil-kuntest tal-qafas tas-Semestru Ewropew tal-Governanza Ekonomika. L-azzjoni proposta tirrispetta l-prattiki tal-Istati Membri u d-diversità tas-sistemi. Din tipprevedi approċċ differenzjat li jirrifletti s-sitwazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u soċjali differenti tal-Istati Membri, u l-kundizzjonijiet varjati tas-suq tax-xogħol. L-użu tal-mekkaniżmi eżistenti ta’ monitoraġġ taħt is-Semestru Ewropew se jiżgura li ma jinħoloq ebda piż amministrattiv addizzjonali.

L-għażla tal-istrument

L-istrument propost hu proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Din tkompli tibni fuq il-korp eżistenti tad-dritt Ewropew u hija konformi mat-tip ta’ strumenti disponibbli għall-azzjoni Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tal-impjiegi. Bħala strument legali, hi tagħti sinjal tal-impenji tal-Istati Membri għall-miżuri stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni u tipprovdi bażi politika b’saħħitha għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam fil-livell Ewropew, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tal-politiki soċjali.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET “EX POST”, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

·L-evalwazzjonijiet “ex post”/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

·Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ir-Rakkomandazzjoni tirrifletti d-diskussjonijiet u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi s-sħab soċjali, in-negozji, il-korpi intermedji bħall-kmamar tal-industrija, tal-kummerċ u tas-snajja’, l-organizzazzjonijiet professjonali u settorjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, tal-istudenti u tal-ġenituri, kif ukoll l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali.

Sabiex jiġi żgurat involviment iktar approfondit u usa’ tas-sħab soċjali transindustrijali u settorjali Ewropej, u l-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija, is-seduti ġew organizzati fit-30 ta’ Marzu u fis-7 ta’ Ġunju 2017. Il-partijiet ikkonċernati kkonsultati saħqu li l-proposta jenħtieġ li:

·tibni fuq l-Opinjoni tal-ACVT, u b’mod partikolari l-anness tagħha dwar l-Elementi fuq l-apprendistati u l-approċċ tas-sħubija;

·tipprovdi kamp ta’ applikazzjoni ċar, filwaqt li tagħraf il-varjetà tas-sistemi tal-Istati Membri u, għalhekk, id-diffikultà li tiġi pprovduta definizzjoni maqbula b’mod komuni ta’ apprendistati u d-distinzjoni ta’ din minn forom oħra ta’ tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol;

·tirrifletti l-ħtieġa għal kwalità kif ukoll għal effikaċja tal-apprendistati, f’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tas-sħab soċjali Ewropej u mal-Opinjoni tal-ACVT;

·tinkludi l-mobilità bħala element ta’ apprendistati ta’ kwalità u effettivi iżda mhux prerekwiżit għalihom.

Saru diskussjonijiet fil-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali fl-20 ta’ April 2017. Minbarra l-punti diġà msemmija, l-ACVT irrakkomanda lill-Kummissjoni biex:

·tipprovdi ċarezza dwar xi tkopri eżattament il-proposta, jiġifieri jekk hux għall-apprendistati f’sens ristrett jew inkella tkoprix ukoll forom oħra ta’ tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol;

·tagħmilha ċara kif il-proposta torbot ma’ pjattaformi u ma’ inizjattivi rilevanti oħra, bħall-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, il-Qafas Ewropew ta' Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) u l-portal Ewropew tal-mobilità okkupazzjonali EURES;

Ċerti membri governattivi tal-ACVT kienu mħassba dwar il-kamp ta’ applikazzjoni potenzjali wiesa’ tal-qafas f'dak li għandu x’jaqsam mal-kriterji tal-kwalità u mal-kwistjonijiet tal-governanza.

Il-Kummissjoni enfasizzat li għalkemm il-proposta kienet se tibni fuq l-Opinjoni tal-ACVT, li magħha diġà qablu r-rappreżentanti tal-gvern u s-sħab soċjali Ewropej, din ma tkunx torbot lill-Istati Membri fil-Kunsill. Hi saħqet ukoll l-intenzjoni tagħha li tipproponi qafas li hu ċar, rilevanti u li jagħmel differenza għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati.

Saru wkoll konsultazzjonijiet mad-Diretturi Ġenerali tat-Taħriġ Vokazzjonali, mal-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-fornituri tal-VET u mal-partijiet ikkonċernati involuti fl-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati.

·Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba l-approċċ kumplimentari tal-attivitajiet proposti għall-inizjattivi tal-Istati Membri, in-natura volontarja tal-attivitajiet proposti u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-impatti mistennija, hemm limitu kemm l-impatti jistgħu jiġu identifikati ex ante b'mod ċar u, għalhekk, ma saritx valutazzjoni tal-impatt. Il-proposta ġiet żviluppata fuq il-bażi tal-evidenza miġbura fl-istudji, permezz ta’ konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin, u l-ħidma ddedikata tas-sħab soċjali Ewropej u l-ACVT.

·Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Huwa diffiċli li jiġu stmati l-implikazzjonijiet għall-baġits nazzjonali minħabba l-varjazzjonijiet kbar fis-sistemi tal-apprendistati u l-flessibilità fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Filwaqt li jista’ jkun hemm spejjeż tal-bidu, kwalità u effikaċja ikbar fl-apprendistati jenħtieġ li fit-tul iwasslu għal gwadanji fil-baġits f’livell nazzjonali u/jew reġjonali, f’livell tal-kumpanniji jew tal-impjegaturi, u għall-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali. Il-baġits pubbliċi jistgħu jibbenefikaw minn impjegabbiltà ikbar u minn inqas infiq fuq il-qgħad, filwaqt li l-kumpanniji jistgħu jibbenefikaw minn produttività u minn kompetittività mtejba.

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-proposta jispjega tliet oqsma li fihom ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill jista’ jkollha implikazzjoni fuq l-ispejjeż:

·Il-konformità

Jista’ jkun hemm spejjeż relatati mal-konformità mar-Rakkomandazzjoni, bħall-ispejjeż relatati mal-paga jew mal-kumpens, ma’ sussidji finanzjarji jew ma’ inċentivi, u mal-forniment ta’ ħarrieġa u ta’ gwidi għall-sostenn pedagoġiku. Skont il-kompożizzjoni, spejjeż ta' dan it-tip se jinqasmu bejn il-baġits pubbliċi u l-impjegaturi li jipprovdu t-taħriġ. Pereżempju, il-finanzjament jista’ jiġi pprovdut fuq baġit nazzjonali jew permezz ta’ imposti, ta’ taxxi jew ta’ kontribuzzjonijiet volontarji speċifiċi.

·L-amministrazzjoni

L-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ kwalità jistgħu jinvolvu spejjeż amministrattivi li huma spejjeż ta’ darba (jew ta' stabbiliment) jew spejjeż kontinwi (repetuti). Għalkemm il-Qafas hu stabbilit fil-livell Ewropew, jista’ jkun hemm spejjeż amministrattivi fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

·L-implimentazzjoni

Aktarx li jkun hemm ċerti spejjeż relatati mal-implimentazzjoni u mas-segwitu tal-kriterji għal apprendistati ta’ kwalità u effettivi. Skont kif jiġu organizzati r-rwoli u r-responsabbiltajiet, spejjeż ta' dan it-tip jistgħu jaqgħu taħt l-awtoritajiet pubbliċi, il-korpi intermedji jew il-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

It-titjib tal-kwalità u tal-effikaċja tal-apprendistati jenħtieġ li jwassal għal livelli ogħla ta’ ħiliet, ta’ impjegabbiltà u ta’ produttività. L-OECD sabet li skemi ta’ apprendistati mfassla sew jistgħu jkunu investiment siewi kemm għall-impjegaturi kif ukoll għall-apprendisti, jistgħu jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-iskola għax-xogħol, u jistgħu isostnu l-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku.

Ir-Rakkomandazzjoni ma teħtieġx riżorsi mill-baġit tal-UE jew persunal addizzjonali għall-Kummissjoni.

5.    ELEMENTI OĦRAJN

·Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, għall-evalwazzjoni u għar-rapportar

Fil-livell nazzjonali, il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-involviment attiv tas-sħab soċjali fit-tfassil, fil-governanza u fl-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ apprendistati, f’konformità mas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali u mal-prattiki nazzjonali tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jinkludu l-miżuri rilevanti fil-Programmi Nazzjonali tagħhom ta’ Riforma skont is-Semestru Ewropew, u jieħdu dan il-Qafas f’kunsiderazzjoni meta jużaw il-finanzjament u l-istrumenti tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni hi mistiedna tissorvelja l-applikazzjoni tal-qafas bis-sostenn tal-ACVT, filwaqt li tibni fuq arranġamenti ta’ rapportar eżistenti fi ħdan is-Semestru Ewropew, u tirrapporta lura lill-Kunsill fi żmien tliet snin.

·Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

·Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri

B’kunsiderazzjoni tad-diversità tal-istrutturi u tas-sistemi nazzjonali, il-qafas se joffri sett ta’ kriterji li jakkomodaw apprendistati ta’ kwalità u effettivi, filwaqt li jippermetti li tingħata prijorità lill-elementi differenti ta’ dawn il-kriterji f’kull Stat Membru skont l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet differenti tal-iskemi nazzjonali tal-apprendistati. Din il-flessibbiltà hi essenzjali, fid-dawl tal-varjazzjonijiet kbar fis-sistemi nazzjonali u tad-diversi soluzzjonijiet potenzjali tal-politika li jistgħu jiġu applikati fil-livell nazzjonali.

Ir-Rakkomandazzjoni tagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ settijiet ta’ kriterji; wieħed fuq il-kundizzjonijiet neċessarji ta’ tagħlim u tax-xogħol fl-iskemi ta’ apprendistati, u wieħed fuq il-kundizzjonijiet ta' qafas għall-apprendistati fil-livell tas-sistema.

Il-kriterji għall-kundizzjonijiet tat-tagħlim u tax-xogħol

Biex jiġu żgurati l-kwalità u l-effikaċja tal-iskemi ta’ apprendistati, ir-Rakkomandazzjoni tkopri s-seba’ kriterji li ġejjin għall-kundizzjonijiet tat-tagħlim u tax-xogħol:

(1) Kuntratt miktub; (2) Eżiti tat-tagħlim; (3) Sostenn pedagoġiku; (4) Komponent tal-post tax-xogħol; (5) Paga u/jew kumpens; (6) Protezzjoni soċjali; (7) Kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sikurezza.

Il-kriterji għall-kundizzjonijiet ta' qafas

Ir-Rakkomandazzjoni tkopri wkoll is-seba’ kriterji li ġejjin għall-kundizzjonijiet ta' qafas li jridu jiġu implimentati biex isostnu t-twaqqif u l-funzjonament ta’ apprendistati ta’ kwalità u effettivi:

(8) Qafas regolatorju; (9) Involviment tas-sħab soċjali; (10) Sostenn għall-kumpanniji; (11) Perkorsi u mobilità flessibbli; (12) Gwida għall-karrieri u sensibilizzazzjoni; (13) Transparenza; (14) Garanzija tal-kwalità u traċċar tal-gradwati.

Aktar spjegazzjonijiet dwar kull wieħed minn dawn il-kriterji huma pprovduti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta' akkumpanjament.

Segwitu fil-livell tal-UE

Ir-Rakkomandazzjoni tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp ta’ sett ta’ servizzi ta’ sostenn għall-qsim tal-għarfien, għall-bini ta’ netwerks u għat-tagħlim reċiproku biex jassistu lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ skemi tal-apprendistati f’konformità ma’ dan il-Qafas. Hija s-segwitu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa" li ħabbret l-istabbiliment ta' servizz ta' sostenn għall-appredistati skont id-domanda, filwaqt li jibni fuq is-suċċess tal-mudell ta’ tagħlim komparattiv tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u jappoġġa l-pajjiżi biex jintroduċu jew jirriformaw is-sistemi tal-apprendistat tagħhom.

Tipproponi wkoll iktar ħidma ta’ sensibilizzazzjoni u sostenn għall-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas permezz tal-finanzjament rilevanti mill-UE.

2017/0244 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar Qafas Ewropew għal
Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari

L-Artikoli 153, 166 u 292 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea

Billi:

(1)Apprendistati ta’ kwalità u effettivi li jwasslu għal taħlita ta' ħiliet relatati max-xogħol, esperjenza u tagħlim imsejsa fuq ix-xogħol u kompetenzi ewlenin jiffaċilitaw id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, kif ukoll il-progressjoni tal-karrieri tal-adulti u t-tranżizzjoni fl-impjiegi.

(2)Skemi ta’ apprendistati mfassla sew huma ta’ benefiċċju kemm għall-impjegaturi kif ukoll għall-istudenti. Standards ta’ kwalità għolja jevitaw li l-apprendistati jkunu mmirati lejn impjiegi b’ħiliet baxxi u taħriġ inadegwat li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tagħhom. Apprendistati ta’ kwalità tajba jikkontribwixxu wkoll għall-inklużjoni soċjali billi jintegraw lil studenti żvantaġġati u persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

(3)Apprendistati ta’ kwalità u effettivi huma stabbiliti permezz ta’ sħubijiet strutturati li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, b’mod partikolari lis-sħab soċjali, lin-negozji, lil korpi intermedji bħall-kmamar tal-industrija, tal-kummerċ u tas-snajja’, lil organizzazzjonijiet professjonali u settorjali, lil fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, lil organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u prinċipali, kif ukoll lil awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali. Mill-2013 'l hawn, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, ppromwoviet il-provvista, il-kwalità u l-immaġni tal-apprendistati permezz tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, li s’issa mmobilizzat iktar minn 700 000 offerta għal apprendistati, għal taħriġiet prattiċi jew offerti għall-ewwel xogħol. Inizjattivi mmexxija min-negozji bħall-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ immobilizzaw iktar offerti u għenu biex jippromwovu s-sħubijiet bejn in-negozji u l-edukazzjoni madwar l-Unjoni.

(4)Is-sħab soċjali transindustrijali Ewropej ġabru evidenza li tibni fuq il-kwalità u l-kosteffettività tal-apprendistati permezz tal-ħidma parallela tagħhom u permezz tad-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom Favur Viżjoni Komuni tal-Apprendistati minn Ġunju 2016 li kienet il-bażi għall-opinjoni dwar Viżjoni Komuni għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi u għal Tagħlim Imsejjes fuq ix-Xogħol adottata fit-2 ta’ Diċembru 2016 mill-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali (ACVT).

(5)Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) li ġie stabbilit għall-ewwel darba fl-2008 u ġie rivedut fl-2017 12 , itejjeb it-trasparenza, il-komparabilità u l-portabilità tal-kwalifiki taċ-ċittadini, inklużi l-apprendisti.

(6)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) 13 stabbilixxiet strument ta’ referenza li jgħin lill-Istati Membri jippromwovu u jissorveljaw it-titjib kontinwu fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali tagħhom.

(7)Permezz tal-Karta Ewropea tal-Kwalità tal-2012 dwar l-Internships u l-Apprendistati, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ ħeġġeġ lill-pajjiżi Ewropej, lill-istituzzjonijiet Ewropej u lis-sħab soċjali jistabbilixxu jew isaħħu oqfsa legali ta’ kwalità għall-apprendistati.

(8)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ 14 tirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha ta’ età taħt il-25 sena jirċievu offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jispiċċaw bla xogħol jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali.

(9)Is-sħab soċjali Ewropej, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħadmu biex jikkontribwixxu għall-provvista, għall-kwalità u għall-attraenza tal-apprendistati f’Dikjarazzjoni Konġunta li tistabbilixxi l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati fit-2 ta’ Lulju 2013.

(10)Id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati mill-15 ta’ Ottubru 2013 innotat li l-effikaċja u l-attraenza tal-apprendistati jenħtieġ li titħeġġeġ bl-aderenza ta’ dawn għal diversi prinċipji ta’ gwida komuni.

(11)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships 15 adottata fl-10 ta’ Marzu 2014 stabbilixxiet numru ta’ prinċipji biex titjieb il-kwalità tat-taħriġijiet prattiċi barra mill-edukazzjoni u mit-taħriġ formali.

(12)Tnejn mill-ħames prijoritajiet Ewropej għall-perjodu 2015-2020 fil-Konklużjonijiet ta’ Riga tat-22 ta’ Ġunju 2015, approvati mill-Ministri inkarigati mill-edukazzjoni u mit-taħriġ vokazzjonali, huma t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol fil-forom kollha tiegħu, b’attenzjoni speċjali għall-apprendistati, u l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ garanzija tal-kwalità. .

(13)Il-Grupp ta’ Ħidma tal-2020 tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali żviluppa 20 prinċipju ta’ gwida dwar apprendistati u tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol b’rendiment għoli matul il-mandat tiegħu tal-2014-2015.

(14)Fir-rapport tiegħu dwar Erasmus+ u għodod oħra għat-trawwim tal-mobilità fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali – approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja tal-4 ta’ Marzu 2016, il-Parlament Ewropew sejjaħ għal miżuri li jiżguraw standards ta’ kwalità għall-apprendistati.

(15)Ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 jistipula li minn Mejju 2018 l-apprendistati bbażati fuq kuntratt ta' impjieg jistgħu jiġu rreklamati fuq il-EURES - Il-portal Ewropew dwar il-mobilità fix-xogħol.

(16)Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2016 dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, il-Kummissjoni tenniet is-sostenn tagħha għas-sħab soċjali biex javvanzaw ir-riżultati tal-proġetti konġunti tagħhom, pereżempju billi jistabbilixxu qafas tal-kwalità għall-apprendistati.

(17)Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa mis-7 ta’ Diċembru 2016 17 sejħet għal sforz imġedded biex iż-żgħażagħ jiġu sostnuti biex jiksbu l-aħjar bidu possibbli fil-ħajja billi jsir investiment fl-għarfien, fil-ħiliet u fl-esperjenzi tagħhom, biex jiġu megħjuna jsibu l-ewwel impjieg tagħhom jew jitħarrġu għalih. L-għan kien li ż-żgħażagħ jingħataw għajnuna biex jaħtfu opportunitajiet, jintegraw sew fis-soċjetà, isiru ċittadini attivi u jkollhom karriera professjonali ta’ suċċess, inkluż permezz ta’ qafas tal-kwalità li jispjega l-prinċipji ewlenin għall-iskemi tal-apprendistati.

(18)Id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 2017 tinkludi l-wegħda ta’ ħidma favur Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi mal-kontinent kollu.

(19)Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali mis-26 ta’ April 2017 jistabbilixxi numru ta’ prinċipji għas-sostenn ta’ swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jaħdmu tajjeb, inkluż id-dritt għal edukazzjoni u għal taħriġ ta’ kwalità u inklużivi, biex jiġu żgurati ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol u għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà. Dan jistabbilixxi l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li se tiddefinixxi l-elementi ewlenin li jenħtieġ li jkunu fis-seħħ biex in-nies ikunu jistgħu jiksbu l-ħiliet u l-kwalifiki rilevanti permezz ta’ programmi ta’ apprendistati ta’ kwalità għolja.

(20)Il-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-traċċar tal-gradwati adottata fit-30 ta’ Mejju 2017 għandha l-għan li ttejjeb id-disponibbiltà ta’ informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar x’jagħmlu l-gradwati, inklużi l-apprendisti, wara li jlestu l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom.

(21)Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (2014-2020), jiġifieri l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), kif ukoll Erasmus+, il-programm tal-Unjoni għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u Medji (COSME), il-Programm tal-Unjoni għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), jipprovdu sostenn għall-apprendistati.

(22)Dan l-aħħar, il-Parlament Ewropew u l-partijiet ikkonċernati talbu lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-mobilità fit-tul tal-apprendisti madwar l-UE, biex iż-żgħażagħ jiġu pprovduti bl-opportunità li jiżviluppaw kemm ħiliet speċifiċi għall-impjiegi kif ukoll kompetenzi importanti. Il-Kummissjoni wieġbet billi fil-programm Erasmus+ introduċiet attività ġdida msejħa Erasmus Pro li b’mod speċifiku ssostni internships itwal barra mill-pajjiż.

(23)Fir-rapporti tagħha dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ mill-2015 u mill-2017, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa kriterji ta' kwalità għall-apprendistati u offerti oħra sostnuti permezz ta’ din l-inizjattiva.

(24)Fehim komuni fost l-Istati Membri dwar apprendistati ta’ kwalità u effettivi jsostni l-isforzi tagħhom għar-riforma u għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ apprendistati li jipprovdu tagħlim eċċellenti u perkors tal-karriera. Fehim komuni jikkontribwixxi għal fiduċja reċiproka ikbar u b’hekk jiffaċilita l-mobilità transfruntiera tal-apprendisti.

(25)L-objettiv ġenerali ta’ din ir-Rakkomandazzjoni hu li tiżdied l-impjegabbiltà u l-iżvilupp personali tal-apprendisti u li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet għolja u kkwalifikata, risponsiva għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

(26)L-objettiv speċifiku hu li jiġi pprovdut qafas koerenti għall-apprendistati fuq il-bażi ta’ fehim komuni ta’ x’jiddefinixxi kwalità u effikaċja, b’kunsiderazzjoni tad-diversità tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali (VET) fl-Istati Membri.

(27)Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, huwa mifhum li l-apprendistati huma skemi formali ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ vokazzjonali li jikkombinaw tagħlim sostanzjali msejjes fuq ix-xogħol f’kumpanniji u f’postijiet tax-xogħol oħra b’tagħlim f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ, li jwasslu għal kwalifiki rikonoxxuti f’livell nazzjonali. Dawn huma kkaratterizzati b'relazzjoni kuntrattwali bejn l-apprendista, l-impjegatur u/jew l-istituzzjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali filwaqt li l-apprendista jiġi mħallas jew jiġi kkumpensat għal xogħolu.

(28)Din ir-Rakkomandazzjoni ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu dispożizzjonijiet iktar avvanzati għal apprendistati minn dawk irrakkomandati hawnhekk.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI,

Jenħtieġ li f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, l-Istati Membri jiżguraw li l-iskemi tal-apprendistati jkunu risponsivi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jipprovdu benefiċċji kemm għall-istudenti kif ukoll għall-impjegaturi, billi jibnu fuq il-kriterji għal apprendistati ta’ kwalità u effettivi stabbiliti hawn taħt.

Il-kriterji għall-kundizzjonijiet tat-tagħlim u tax-xogħol

Kuntratt miktub

1.Qabel ma jibda l-apprendistat, jenħtieġ li jiġi konkluż kuntratt miktub bejn l-impjegatur, l-apprendista u l-istituzzjoni tat-taħriġ vokazzjonali, li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi ta’ kull parti relatati mat-taħriġ u max-xogħol.

Eżiti tat-tagħlim

2.Jenħtieġ li jiġi ddefinit sett ta’ eżiti tat-tagħlim komprensivi mill-impjegaturi u mill-istituzzjonijiet tat-taħriġ vokazzjonali li jiżguraw bilanċ bejn ħiliet speċifiċi relatati mal-impjiegi u kompetenzi ewlenin li jsostnu kemm l-iżvilupp personali kif ukoll l-opportunitajiet tal-karriera tul il-ħajja tal-apprendisti bil-għan li wieħed jadatta ruħu għax-xejriet tal-karrieri li dejjem jinbidlu.

Sostenn pedagoġiku

3.Jenħtieġ li jintgħażlu ħarrieġa fi ħdan il-kumpaniji u li dawn jingħataw il-kompitu li jikkooperaw mill-qrib mal-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali u għalliema li jipprovdu gwida lill-apprendisti biex jiżguraw feedback reċiproku u regolari. Jenħtieġ li l-għalliema, il-ħarrieġa u l-gwidi jirċievu sostenn biex jaġġornaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom bl-għan li jħarrġu lill-apprendisti skont il-metodi ta’ tagħlim u taħriġ l-aktar aġġornati u skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Komponent tal-post tax-xogħol

4.Parti sostanzjali tal-esperjenza tat-tagħlim, li tal-inqas tfisser nofs id-durata tal-apprendistat, jenħtieġ li titwettaq f’post tax-xogħol. Dan jenħtieġ li jinkludi opportunitajiet biex titwettaq parti minn dawn il-kollokamenti barra mill-pajjiż.

Paga u/jew kumpens

5.Jenħtieġ li l-apprendisti jirċievu paga u/jew kumpens, f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali jew settorjali jew mal-ftehimiet kollettivi fejn dawn ikunu jeżistu, u b’kunsiderazzjoni tal-arranġamenti ta’ qsim tal-ispejjeż bejn l-impjegaturi, l-apprendisti u l-awtoritajiet pubbliċi.

Protezzjoni soċjali

6.Jenħtieġ li l-apprendisti jkunu intitolati għal protezzjoni soċjali, inkluża l-assigurazzjoni neċessarja f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sikurezza

7.Jenħtieġ li l-post tax-xogħol ospitanti jikkonforma mar-regoli u mar-regolamenti rilevanti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza.

Il-kriterji għall-kundizzjonijiet ta' qafas

Qafas regolatorju

8.Jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ qafas regolatorju ċar u konsistenti bbażat fuq approċċ ta’ sħubija ġust u ekwitabbli, inkluż djalogu strutturat u trasparenti bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Dan jista’ jinkludi proċeduri ta’ akkreditament għal kumpanniji u għal postijiet tax-xogħol li joffru apprendistati.

Involviment tas-sħab soċjali

9.Is-sħab soċjali, inkluż fil-livell settorjali, jenħtieġ li jkunu involuti fit-tfassil, fil-governanza u fl-implimentazzjoni tal-iskemi tal-apprendistati, f’konformità mas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali u mal-prattiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

Sostenn għall-kumpanniji

10.Jenħtieġ li jiġi pprovdut sostenn finanzjarju u/jew mhux finanzjarju, b’mod partikolari għal kumpanniji żgħar, medji u mikro, fuq il-bażi ta’ arranġamenti ta’ qsim tal-ispejjeż bejn l-impjegaturi, l-apprendisti u l-awtoritajiet pubbliċi, li jippermettu apprendistati kosteffikaċi għall-kumpanniji.

Perkorsi u mobilità flessibbli

11.Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet għad-dħul għall-apprendistati jieħdu f’kunsiderazzjoni t-tagħlim informali u mhux formali rilevanti. Jenħtieġ li l-apprendistati jwasslu għal kwalifika rikonoxxuta f’livell nazzjonali b’referenza skont il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki 18 , u jenħtieġ li jagħtu aċċess għal opportunitajiet oħrajn ta’ tagħlim, inkluż f’livelli tal-edukazzjoni għolja u ta’ taħriġ, u għal perkorsi tal-karriera. Jenħtieġ li l-mobilità transnazzjonali tal-apprendisti tkun komponent tal-kwalifiki tal-apprendistati.

Gwida għall-karrieri u sensibilizzazzjoni

12.Jenħtieġ li matul l-apprendistat jiġu pprovduti gwida fil-karriera, mentoring u sostenn għall-istudenti biex jiġu żgurati eżiti ta’ suċċess u jonqos it-tluq bikri. Jenħtieġ li l-apprendistati jiġu promossi permezz ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni.

Trasparenza

13.It-trasparenza tal-offerti ta’ apprendistati u l-aċċess għal dawn fi ħdan u bejn l-Istati Membri jenħtieġ li jiġu żgurati bis-sostenn ta’ servizzi għall-impjiegi pubbliċi u privati, u billi jintużaw għodod tal-Unjoni bħall-EURES, fejn xieraq.

Garanzija tal-kwalità u traċċar tal-gradwati

14.Jenħtieġ li jkun hemm approċċi ta’ garanzija tal-kwalità fis-seħħ f’koerenza mal-Qafas Ewropew ta' Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) 19 , inkluża valutazzjoni valida u affidabbli tal-eżiti tat-tagħlim. Jenħtieġ li jiġi żgurat it-traċċar tal-impjiegi u tal-progressjoni fil-karriera tal-apprendisti.

L-implimentazzjoni f'livell nazzjonali

Biex jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri:

15.Jippromwovu l-involviment attiv tas-sħab soċjali fit-tfassil, fil-governanza u fl-implimentazzjoni tal-iskemi tal-apprendistati, f’konformità mas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali u mal-prattiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ;

16.Jinkludu l-miżuri ta' implimentazzjoni rilevanti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma taħt is-Semestru Ewropew;

17.Jieħdu f’kunsiderazzjoni dan il-qafas meta jużaw fondi u strumenti tal-Unjoni Ewropea li jsostnu lill-apprendistati.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi s-sostenn neċessarju, inkluż bl-azzjonijiet li ġejjin,

Servizzi ta’ sostenn

18.L-iżvilupp ta’ sett ta’ servizzi ta’ sostenn għall-qsim tal-għarfien, għall-bini ta’ netwerks u għat-tagħlim reċiproku biex jassistu lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ skemi tal-apprendistati f’konformità ma’ dan il-Qafas;

Sensibilazzazzjoni

19.Il-promozzjoni tal-eċċellenza u tal-attraenza tal-apprendistati permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni bħall-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali;

Finanzjament

20.L-għoti ta’ sostenn għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni permezz tal-finanzjament rilevanti tal-Unjoni, f’konformità mal-bażi ġuridika rilevanti;

Segwitu

21.Monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni bis-sostenn tal-Kumitat Konsultattiv tripartitiku dwar it-Taħriġ Vokazzjonali, billi jibnu fuq l-arranġamenti ta’ rapportar fi ħdan is-Semestru Ewropew;

22.Rapportar lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Qafas fi żmien tliet snin mid-data tal-adozzjoni tiegħu.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) OECD (2017), Striking the right balance - Costs and benefits of apprenticeship
(2) http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/03/25-rome-declaration/  
(3) COM (2017) 250 final u C (2017) 2600 final
(4) COM (2016) 381 final
(5) COM(2016) 940 final
(6) L-Istati Membri kollha tal-UE minbarra r-Renju Unit. Anki l-5 Pajjiżi kandidati kollha kemm huma u t-3 pajjiżi tal-EFTA (l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera) impenji rwieħhom fuq livell nazzjonali.
(7) ĠU, 2013/C 120/01
(8) Rapport speċjali nru 3/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE: ittieħdu l-ewwel passi iżda hemm riskji fil-ġejjieni għall-implimentazzjoni
(9) Il-Parlament Ewropew, Rapport dwar il-programm Erasmus+ u strumenti oħra sabiex titrawwem il-mobilità fl-ETV – approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja, (2015/2257(INI))
(10) Il-Parlament Ewropew, Skills development and employment: Apprenticeships, internships and volunteering, Studju għal-Kumitat tal-Impjiegi u tal-Affarijiet Soċjali, 2017
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 2016/589
(12) ĠU C 189/15
(13) ĠU C 155, 8.7.2009, p.1
(14) ĠU C 120, 26.4.2013, p 1
(15) ĠU C 88, 27.3.2014, p.1
(16) ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1
(17) COM(2016) 940 final
(18) ĠU C 189/15
(19) ĠU C 155, 8.7.2009, p.1