Brussell, 20.9.2017

COM(2017) 534 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE

{SWD(2017) 307 final}


1.ir-reġjuni tal-fruntiera huma importanti fl-Unjoni Ewropea

L-Unjoni Ewropea (UE) u l-ġirien immedjati tagħha tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) jgħoddu 40 fruntiera interna fuq l-art 1 . Matul l-aħħar deċennji, il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea għen lir-reġjuni mal-fruntieri interni biex jittrasformaw ruħhom minn reġjun l-aktar periferali, f’żoni ta’ tkabbir u opportunitajiet. It-tlestija tas-Suq Uniku fl-1992 tat spinta lill-produttività tal-UE u naqqset l-ispejjeż permezz tal-abolizzjoni tal-formalitajiet doganali, l-armonizzazzjoni jew ir-rikonoxximent reċiproku tar-regoli tekniċi u prezzijiet aktar baxxi b’riżultat tal-kompetizzjoni; il-kummerċ intra-UE żdied bi 15 % fuq 10 snin; ġiet iġġenerat tkabbir addizzjonali u inħolqu madwar 2.5 miljun impjieg iktar.

Dawn il-bidliet kellhom kemm effett pożittiv (il-libertà ta’ moviment żiedet l-interazzjoni transfruntiera lokali) u effett negattiv (naqset l-amministrazzjoni doganali u l-impjiegi tas-servizzi relatati) fir-reġjuni tal-fruntieri 2 . B’mod ġenerali, kien hemm aktar opportunitajiet biex jiġu żviluppati servizzi u attivitajiet konġunti lokalment.

Ir-reġjuni tal-fruntieri interni tal-UE...

ØIkopru 40 % tat-territorju tal-UE

ØJammontaw għal 30 % tal-popolazzjoni – 150 miljun ruħ

ØJipproduċu 30 % tal-PDG tal-UE

ØJospitaw kważi 2 miljun ħaddiem transfruntier, li 1,3 miljun minnhom huma ħaddiema transfruntieri li kienu jirrappreżentaw 0,6 % tal-persuni impjegati kollha madwar l-UE (eż. 450,000 fi Franza, 270,000 fil-Ġermanja, 140,000 fil-Polonja u 135,000 fis-Slovakkja)

L-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi l-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-fruntieri u jistipula li l-Unjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lil dawn ir-reġjuni, meta tkun qed tiżviluppa u ssegwi azzjonijiet li jwasslu għat-tisħiħ tal-Unjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

Mill-1990 ’l hawn, il-finanzjament tal-Interreg appoġġja programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera tul ir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE inklużi dawk mal-pajjiżi tal-EFTA. Iffinanzja eluf ta’ proġetti 3 u inizjattivi li għenu biex titjieb l-integrazzjoni Ewropea. Il-kisbiet ewlenin tal-programmi INTERREG jinkludu: fiduċja akbar, konnettività ogħla, ambjent imtejjeb, saħħa aħjar u t-tkabbir ekonomiku 4 . Minn proġetti bejn il-persuni, permezz ta’ investimenti fl-infrastruttura u appoġġ ta’ inizjattivi ta’ kooperazzjoni istituzzjonali, Interreg għamlet differenza ġenwina fir-reġjuni tal-fruntieri u kkontribwiet għat-trasformazzjoni tagħhom.

Din il-ħidma għadha għaddejja sallum, bi ftit anqas minn EUR 6 biljuni mill-baġit tal-UE allokati għal programmi transfruntiera Interreg 2014–2020. Dawn huma implimentati fuq il-fruntieri kollha, u jiżguraw li jkun jista’ jsir aktar progress dwar l-integrazzjoni u li l-potenzjal sħiħ tar-reġjuni tal-fruntiera jista’ jiġi realizzat. L-investimenti biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien se jkunu sinjifikanti: l-azzjonijiet ambjentali konġunti u l-miżuri konġunti biex jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima se jwasslu għal protezzjoni akbar ta’ popolazzjonijiet tal-fruntieri. L-inizjattivi u l-faċilitajiet tar-riċerka konġunta se jkomplu jisfruttaw il-potenzjal ekonomiku u innovattiv tar-reġjuni mal-fruntiera. L-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti se jżidu l-innovazzjoni reġjonali u lokali, inkluż min-naħa għall-oħra tal-fruntieri 5 . Il-pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, imsaħħaħ u estiż fl-2016, se jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp tar-reġjuni tal-fruntiera. It-tielet pilastru tiegħu, li għandu l-għan li jneħħi l-ostakoli għall-investiment, se jipprovdu ambjent aktar favorevoli għal proġetti ta’ investiment transfruntieri 6 .

Ir-reġjuni tal-fruntiera huma postijiet fejn il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea għandu jinħass b’mod aktar pożittiv - l-istudju, it-taħriġ, ix-xogħol, il-kura u n-negozju bejn il-fruntieri kollha huma attivitajiet ta’ kuljum li għandhom ikunu possibbli irrispettivament mill-eżistenza ta’ fruntiera nazzjonali.

Mappa: Ir-reġjuni tal-fruntieri terrestri tul il-fruntieri interni tal-UE28 u dawk tal-EFTA

Madankollu, l-evidenza miġbura mill-Kummissjoni turi li r-reġjuni tal-fruntiera b’mod ġenerali ma jmorrux tajjeb ekonomikament daqs reġjuni oħra fi ħdan Stat Membru. L-aċċess għas-servizzi pubbliċi bħall-isptarijiet u l-universitajiet 7 huwa ġeneralment inferjuri fir-reġjuni tal-fruntiera. In-navigazzjoni bejn sistemi amministrattivi u legali differenti ħafna drabi għadha kumplessa u għalja 8 . L-individwi, in-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jikkondividu mal-Kummissjoni l-esperjenzi tagħhom xi minn daqqiet negattivi ta’ interazzjoni bejn il-fruntieri interni.

Hemm bżonn miżuri li jmorru lil hinn minn finanzjament Ewropew minħabba li dawn id-diffikultajiet kontinwi ma jistgħux jiġu indirizzati permezz ta’ finanzjament u investimenti biss. Din il-Komunikazzjoni tenfasizza l-modi li bihom l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jnaqqsu l-kumplessità, it-tul u l-ispejjeż tal-interazzjoni transfruntieri u jippromwovu l-ġbir komuni tas-servizzi tul il-fruntieri interni. Tħares lejn dak li jeħtieġ li jiġi mtejjeb sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-fruntieri jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet offruti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera. B’hekk, l-UE tista’ tagħti spinta ulterjuri lir-reġjuni tal-fruntiera u tgħin biex jiġu ġġenerati t-tkabbir u l-impjiegi.

Din il-komunikazzjoni għandha l-għan li tressaq lill-UE eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha u biex jiġi żgurat li l-proċess leġiżlattiv Ewropew jaħdem b’mod effettiv għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji. Il-White Paper dwar il-Futur tal-Ewropa 9 u d-dokumenti ta’ riflessjoni sussegwenti nedew dibattitu wiesa’ dwar kif l-Ewropa għandha tevolvi fil-futur sabiex tkun tista’ tissodisfa l-aspirazzjonijiet tal-Ewropej kollha. Il-kooperazzjoni territorjali u dik transfruntiera b’mod partikolari, ġew rikonoxxuti b’mod wiesa’ bħala dawk li jġibu valur miżjud ġenwin lill-Ewropej.

Din il-Komunikazzjoni tikkontribwixxi wkoll għal dan il-proċess ta’ riflessjoni billi tipproponi miżuri u toħroġ rakkomandazzjonijiet li jagħmluha eħfef għal reġjuni tal-fruntiera interni fuq l-art biex jikkoperaw, jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-ostakli u jgħinu liċ-ċittadini tal-fruntiera u n-negozji jużaw il-potenzjal sħiħ ta’ dawn ir-reġjuni.

2.diffikultajiet persistenti

Wara konsultazzjoni pubblika online bil-lingwi kollha tal-UE u riċerka u l-iskambji sussegwenti mal-partijiet interessati 10 , il-Kummissjoni żvelat għadd ta’ kwistjonijiet problematiċi li jiffaċċjaw in-negozji u l-individwi tal-fruntieri. Għalkemm mhux dejjem ikunu speċifiċi għar-reġjuni tal-fruntiera, dawn il-kwistjonijiet huma partikolarment gravi f’dawn ir-reġjuni minħabba l-eżistenza ta’ frekwenza u livell ta’ interazzjoni bejn il-fruntieri.

L-istejjer tal-ħajja fuq il-fruntieri

ØTerapista li taħdem part-time bħala impjegat fil-Belġju u part-time bħala free-lancer fi Franza kellha tistenna tmien xhur biex tirċievi informazzjoni affidabbli dwar ir-reġim fiskali applikabbli u għalhekk fuq l-introjtu tagħha;

ØPersuna li sofriet inċident relatat max-xogħol fl-Iżvezja ma setgħetx tirċievi kura ta’ rijabilitazzjoni f’pajjiżha fid-Danimarka minħabba ftehimiet reċiproċi inkompleti tas-sistemi tas-sigurtà soċjali taż-żewġ pajjiżi;

ØStudent ta’ skola teknika li jagħmel l-istudji tiegħu fil-Belġju ma setax iwettaq apprendistat viċin pajjiżu fi Franza minħabba l-istatus inkompatibbli tal-apprendisti fiż-żewġ pajjiżi;

ØPersuni fit-Tramuntana tal-Portugall interessati li jibdew l-impjieg tagħhom eżatt lil hinn mill-fruntiera fi Spanja jista’ jkunu mitluba li jqattgħu ammonti sinjifikanti fuq traduzzjonijiet uffiċjali ta’ dokumenti u jistennew bosta xhur qabel ma l-kwalifiki professjonali tagħhom jiġu rikonoxxuti;

ØPersunal tat-tifi tan-nar jistgħu jinżammu jistennew fil-fruntiera qabel ma jitħallew imorru jgħinu lill-kollegi tagħhom fuq in-naħa l-oħra. F’diversi Stati Membri japplikaw restrizzjonijiet għall-ambulanzi jieħdu pazjenti minn naħa għal oħra tal-fruntieri;

ØKien hemm bżonn jgħaddu 10 snin biex titlesta l-estensjoni tal-linja tat-tramm fi Strasburgu fi Franza minn naħa għal oħra tal-fruntiera lejn il-post ġar ta’ Kehl fil-Ġermanja, pereżempju minħabba standards differenti u kumplessi ta’ prezzijiet u ta’ biljetti;

ØKumpaniji li jagħmlu negozju bejn il-fruntieri jonfqu 60 % aktar minn negozji li joperaw domestikament biex isiru proċeduri ewlenin prinċipalment minħabba l-ispejjeż addizzjonali tat-traduzzjoni u ta’ ċertifikazzjoni 11 .

Dawn l-istejjer juru li ħafna aspetti tal-ħajja tal-fruntieri huma kkumplikati żżejjed u ta’ piż. Fl-istess ħin, il-konsultazzjoni pubblika u studju wieħed enfasizzaw ħafna eżempji pożittivi ta’ integrazzjoni u opportunitajiet Ewropej offruti minn reġjuni tal-fruntiera.

ØPazjenti Belġjani li kellhom jivvjaġġaw 200 kilometru tliet darbiet fil-ġimgħa biex jirċievu kura tad-dijaliżi issa jistgħu jiksbuha 3 km minn pajjiżhom fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera fi Franza wara li ż-żewġ Stati Membri ffirmaw ftehimiet għall-kondiviżjoni tar-riżorsi tal-kura tas-saħħa;

ØXi tfal f’reġjuni fil-fruntiera bejn l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Islovakkja jistgħu jattendu kindergartens b’żewġ lingwi u binazzjonali fejn jitgħallmu jilagħbu b’żewġ lingwi u b’żewġ kulturi;

ØIl-pajjiżi tal-Benelux u n-North-Rhine Westphalia fil-Ġermanja qed jimplimentaw rakkomandazzjonijiet ġodda li ser jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki permezz ta’ kooperazzjoni bbażata fuq il-fiduċja reċiproka fis-sistemi edukattivi ta’ xulxin;

ØL-individwi jistgħu effettivament jorganizzaw lilhom infushom biex jirrappreżentaw l-interessi komuni tagħhom kif muri mill- Groupement Transfrontalier Européen 12 , assoċjazzjoni li tirrappreżenta aktar minn 30,000 minn dawk li jivvjaġġaw bejn l-Iżvizzera u Franza.

Eżempji ta’ ispirazzjoni bħal dawn fejn l-opportunitajiet marbuta mal-preżenza ta’ fruntiera ġew użati għall-benefiċċju ta’ popolazzjonijiet tal-fruntieri huma ftit wisq u wisq ’il bogħod minn xulxin.

Il-Kummissjoni wettqet ħidma analitika li tesplora l-ispiża tal-kumplessitajiet u d-duplikazzjoni tas-servizzi. Studju reċenti 13 dwar l-impatt ekonomiku tal-ostakli fil-fruntieri fuq il-PGD u l-livelli tal-impjiegi fir-reġjuni tal-fruntiera interni fuq l-art jissuġġerixxi li dawn ir-reġjuni jistgħu jkunu potenzjalment medja ta’ 8 % aktar sinjuri jekk l-ostakli attwali kollha jitneħħew u tintuża lingwa komuni minn kulħadd 14 . Dan ix-xenarju la huwa possibbli u lanqas mixtieq, minħabba li l-Ewropa hija mibnija fuq id-diversità u s-sussidjarjetà. Madankollu, jekk jitneħħew 20 % biss tal-ostakli eżistenti, ir-reġjuni tal-fruntiera xorta se jiggwadanjaw 2 % fil-PDG. L-impatt stmat fuq l-impjiegi huwa daqstant ieħor importanti, b’potenzjal ta’ aktar minn 1 miljun impjieg. L-ostakli fil-fruntieri bħalissa qed jillimitaw l-użu tal-assi produttivi jew jagħmluha diffiċli biex jinkisbu l-ekonomiji ta’ skala. Dawn jiġġeneraw ukoll spejjeż għall-individwi u n-negozji. Dan l-impatt ekonomiku negattiv ivarja bejn l-Istati Membri, iżda jidher ċar li hu ogħla f’pajjiżi fejn ir-reġjuni tal-fruntieri jiġġeneraw proporzjon sinifikanti tal-PDG nazzjonali.

L-evidenza turi wkoll li m’hemmx soluzzjonijiet faċli u li l-emerġenza tal-kwistjonijiet dwar il-fruntieri u r-riżoluzzjoni tagħhom huwa proċess kumpless li jinvolvi l-livelli kollha tal-gvern u l-amministrazzjonijiet pubbliċi. Kif irrappurtaw ħafna mill-partijiet interessati, id-diffikultajiet tal-fruntieri jinħassu dejjem lokalment, għalkemm is-soluzzjonijiet rarament jinstabu lokalment. Is-sormontar tal-ostakli jew it-tnaqqis tal-kumplessità jeżiġu li l-livelli kollha tal-gvern u l-amministrazzjoni jaħdmu id f’id.

3.x’jista’ jsir

Dan il-kapitlu jenfasizza l-oqsma identifikati fix-xogħol preparatorju tal-Kummissjoni mal-partijiet interessati (studju, konsultazzjoni u workshops) bħala li għandhom potenzjal kbir biex ineħħu iktar ostakli. Jenfasizza wkoll ir-rwol li l-Kummissjoni biex tieħu passi pożittivi kemm fl-azzjonijiet tagħha stess u b’appoġġ għal atturi ewlenin oħra.

Kull taqsima tiddeskrivi fil-qosor il-kwistjonijiet identifikati u tuża eżempji u/jew prattiki tajbin biex tispjegahom aħjar (dawn huma spjegati f’aktar dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż). Joffri wkoll idea fil-qosor tal-miżuri kontinwi li qed iwettqu l-Kummissjoni jew l-istituzzjonijiet nazzjonali u fl-aħħar nett, fejn possibbli, jipproponi azzjonijiet ġodda mill-Kummissjoni jew jirrakkomanda azzjonijiet għall-Istati Membri u l-partijiet interessati l-oħra.

L-implimentazzjoni ta’ 10 azzjonijiet elenkati hawn taħt ser jiġu ffaċilitati bil-ħolqien ta’ "Punt Fokali tal-Fruntieri" fi ħdan il-Kummissjoni. Il-"Punt Fokali tal-Fruntieri" se jkollu l-funzjonijiet li (1) jiżgura li l-azzjonijiet futuri mill-Kummissjoni jqisu kif xieraq id-dimensjonijiet reġjonali transfruntieri, (2) jipprovdi lill-Istati Membri u atturi ewlenin oħra b’appoġġ legali u amministrattiv biex jiġu indirizzati kwistjonijiet reġjonali, partikolarment dwar it-traspożizzjoni tad-direttivi tal-UE jew ħtiġijiet ta’ koordinazzjoni (3) jiżgura li jkunu jeżistu arranġamenti prattiċi għal azzjonijiet ġodda li joħorġu minn din il-Komunikazzjoni, (4) jikkondividi esperjenzi u prassi tajba b’mod effettiv u wiesa’ ma’ partijiet interessati rilevanti.

3.1.Tissaħħaħ il-kooperazzjoni u l-iskambji

Inizjattivi ġodda mill-Kummissjoni mhux se jkollhom l-impatt pożittiv mixtieq sħiħ fir-reġjuni tal-fruntieri jekk ma jiżdiedux mekkaniżmi effettivi għall-koperazzjoni transfruntiera. Dawn il-mekkaniżmi, kemm jekk ikunux istituzzjonalizzati jew le, jeħtieġu li jirriflettu d-dimensjoni ta’ governanza f’diversi livelli fit-tfassil tal-politika tal-UE. Għadd ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bħal dawn diġà jeżistu.

Il-prassi t-tajba: Il-livell intergovermentali, il-Kunsill Nordiku tal-Ministri u l-Unjoni tal-Benelux stabbilixxew proċessi biex jidentifikaw u jindirizzaw l-ostakli bilaterali fil-fruntieri. Fil-livell reġjonali, l-Upper Rhine Conference jew il-Greater Copenhagen and Skåne Committee żviluppaw mezzi istituzzjonali biex jiġu identifikati l-ostakli lokali u jorganizzaw reazzjoni.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex ikomplu jiżviluppaw djalogi regolari dwar kwistjonijiet tal-fruntieri. Kunċetti tal-integrazzjoni essenzjali Ewropej bħar-rikonoxximent reċiproku jew l-armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċessi għandhom jirċievu aktar attenzjoni mill-Istati Membri u r-reġjuni. L-Istati Membru huma mistiedna jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet eżistenti biex jikkonkludu ftehimiet jew konvenzjonijiet. Pereżempju, l-erba’ strateġiji makroreġjonali 15 jistgħu jipprovdu qafas xieraq għal kooperazzjoni istituzzjonali bejn il-fruntieri. Barra minn hekk, meta l-kooperazzjoni tkun rekwiżit espliċitu tal-leġiżlazzjoni tal-UE, bħalma huwa l-każ pereżempju f’bosta atti legali ambjentali, din għandha ssir kif suppost.

Azzjoni: Sabiex tagħti appoġġ lil dan il-proċess u li tiżgura li jsir skambju ta’ prassi tajba, il-Kummissjoni se tistabbilixxi netwerk professjonali online mal-UE kollha fejn jistgħu jiġu ppreżentati kwistjonijiet tal-fruntiera legali u amministrattivi i jiġu diskussi bejn il-partijiet interessati tal-fruntiera. Dan in-netwerk se juża l-Futurium — pjattaforma online eżistenti diġà maħluqa mill-Kummissjoni - u se tiġi moderata mill-Kummissjoni permezz tal-Punt Fokali tagħha dwar il-Fruntiera.

Azzjoni: Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tniedi sejħa miftuħa għal proġetti pilota qabel tmiem l-2017. Se timmira lejn l-awtoritajiet pubbliċi li jixtiequ jirriżolvu problema jew problemi ġuridiċi jew amministrattivi speċifiċi għall-fruntieri. Il-proġetti jistgħu pereżempju jiġu ffukati fuq it-titjib tal-kompatibilità tas-sistemi amministrattivi, l-iffaċilitar tal-mobbiltà tal-ħaddiema permezz ta’ opportunitajiet aqwa ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki jew l-iżgurar tal-armonizzazzjoni ta’ standards legali. Dawn il-proġetti se jservu bħala bażi biex jiġu esplorati modi innovattivi biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet transfruntieri. Ir-riżultati tagħhom se jinġabru fil-qosor f’kompendju finali li se jitqassam b’mod wiesa’ u użat biex irawwem iktar kuxjenza u l-kapaċità fost l-atturi ewlenin. Is-sejħa se tkun miftuħa għal kull entità pubblika li tkun lesta li timpenja ruħha fl-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet għal kwistjonijiet transfruntieri fi ħdan il-qasam ta’ kompetenza tagħha. Sa 20 proġett pilota se jintgħażlu għall-valur ta’ dimostrazzjoni għoli u l-livell ta’ replikabbiltà tagħhom.

3.2.Titjib fil-proċess leġislattiv

Għal sehem konsiderevoli tad-diffikultajiet identifikati fil-fruntiera, il-kawżi sottostanti ġew attribwiti għall-eżistenza ta’ regolamenti differenti wieħed ħdejn l-ieħor fis-sistemi legali u amministrattivi nazzjonali. Anke fejn hemm qafas legali Ewropew, l-Istati Membri jkollhom grad ta’ flessibbiltà u diskrezzjoni fil-mod kif huma jittrasponu din il-leġiżlazzjoni fis-sistemi nazzjonali tagħhom. Ħafna drabi ċerti livelli ta’ standards stipulati fid-dritt tal-Unjoni huma inkorporati fi gradi varji ta’ strettezza f’diversi Stati Membri. Bħala riżultat, meta żewġ sistemi differenti jiltaqgħu fil-fruntieri interni, dan jista’ joħloq kumplessità - u xi kultant anke inċertezza legali - u jiġġenera spejjeż addizzjonali.

Eżempju: Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku fiha 19-il każ fejn japplikaw l-istandards minimi, pereżempju dwar l-iffissar ta’ limiti speċifiċi ta’ żmien. Dan joħloq 19-il okkażjoni potenzjali fejn l-akkwist pubbliku transfruntier jista’ jkun partikolarment diffiċli, peress li ċerti Stati Membri japplikaw skadenzi itwal minn oħrajn.

Fil-pakkett tagħha dwar Regolamentazzjoni Aħjar adottat fl-2015 16 , il-Kummissjoni pproponiet miżuri biex jiġi żgurat li l-aspetti territorjali jiġu kkunsidrati għażliet ta’ politika. Dan iseħħ prinċipalment permezz tat-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-impatt robusti ta’ leġiżlazzjoni li jinkludu l-elementi territorjali.

Il-prassi t-tajba: Korp indipendenti (l-Istitut għall-Kooperazzjoni u l-Mobilità Transnazzjonali u Ewroreġjonali Transfruntiera tal-Università ta’ Maastricht) wettaq evalwazzjonijiet tal-impatt transfruntieri, ta’ leġiżlazzjoji nazzjonali u dik tal-UE futuri ibbażati fuq programm ta’ ħidma żviluppat flimkien mal-partijiet interessati tal-fruntiera nazzjonali, reġjonali u lokali tan-Netherlands mal-Ġermanja u l-Belġju rispettivament 17 .

Azzjoni: Il-Kummissjoni se tagħmel aktar sforzi biex tidentifika l-impatti transfruntieri kulmeta jkunu sinjifikanti permezz tal-applikazzjoni tal-metodi u l-għodod eżistenti. Permezz tal-Punt Fokali tagħha dwar il-Fruntiera u tan-netwerks professjonali deskritti hawn fuq, il-Kummissjoni se tfittex involviment akbar minn ħaddiema transfruntieri tal-partijiet interessati f’dan il-proċess.

Azzjoni: Biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi nazzjonali tagħhom ta’ koordinazzjoni meħtieġa matul il-proċess ta’ traspożizzjoni, il-Punt Fokali tal-Fruntieri tal-Kummissjoni sew jorganizza l-għarfien espert u l-pariri dwar l-aspetti reġjonali transfruntieri. Dan se jibni fost l-oħrajn fuq ir-riżultati tal-proġetti pilota msemmija hawn fuq u fuq il-prassi tajba eżistenti.

3.3.It-twittija tat-triq għall-amministrazzjoni pubblika transfruntiera

L-Istati Membri tal-UE għandhom kulturi u sistemi amministrattivi differenti. Din id-diversità tista’ tkun ta’ piż meta jiltaqgħu is-sistemi differenti. Il-biċċa l-kbira tal-proċeduri amministrattivi għandhom it-tendenza li jkunu ta’ natura nazzjonali u l-proċeduri transfruntieri huma inqas komuni. Madankollu, il-partijiet interessati tal-fruntiera għandhom mnejn jirrikjedu proċeduri mhux domestiċi fuq bażi regolari. In-nuqqas ta’ approċċ jew ftehim komuni, u l-eżistenza ta’ dokumenti rikonoxxuti reċiprokament jistgħu jwasslu għal proċeduri twal u għalja, anke għal avvenimenti ewlenin tal-ħajja.

Pereżempju, xi awtoritajiet pubbliċi qed iħaddmu l-gvern elettroniku b’mod aktar rapidu minn oħrajn – dan jista’ jwassal għal diffikultajiet fl-interazzjoni fil-fruntieri speċjalment meta jkun hemm bżonn dokumenti u formoli. Fejn qed jiġu implimentati soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku, dawn japplikaw aktar għall-kuntest domestiku milli perspettiva transfruntiera 18 . L-interoperabbiltà tas-sistemi elettroniċi tal-awtoritajiet pubbliċi għadha
limitata.

Eżempju: L-interazzjoni bejn l-individwi u l-awtoritajiet pubbliċi fid-Danimarka hija diġitalizzata sa ċertu punt. Li wieħed iġib l-identifikazzjoni u d-drittijiet ta’ aċċess jista’ jkun xogħol kumpless għall-ħaddiema transfruntieri bbażati f’pajjiżi ġirien. Pereżempju, skadenzi stretti għall-ħruġ ta’ numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (skattepersonnummer) jistgħu jikkawżaw dewmien fl-arranġament tal-kuntratti tal-impjiegi u l-assigurazzjoni tas-saħħa. It-trattament ta’ ċerti kwistjonijiet barra mis-sistemi diġitali jġib miegħu r-riskju ta’ dewmien u skadenzi li ma jintlaħqux.

Fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-eGovernment 2016–2020 19 tagħha, il-Kummissjoni tistabbilixxi viżjoni fit-tul għal amministrazzjonijiet pubbliċi miftuħin, effiċjenti u inklużivi, li jipprovdu servizzi pubbliċi diġitali mingħajr fruntieri, personalizzati u minn tarf sa tarf. Għalkemm ta’ natura ġenerali, il-pjan jipproponi l-miżuri u l-għodod li se jkunu partikolarment rilevanti għar-reġjuni tal-fruntiera bħall-prinċipju ta’ darba biss (jiġifieri l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-awtoritajiet pubbliċi darba biss ikun xi jkun il-pajjiż tal-oriġini 20 ) u biċċa għodda tat-traduzzjoni awtomatizzata għall-awtoritajiet pubbliċi 21 .

Azzjoni: L-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali/lokali jridu jilqgħu l-isfida tal-gvern elettroniku u jieħdu passi konkreti li se jagħmlu differenza għaċ-ċittadini tal-fruntieri. Il-Kummissjoni se tappoġġja dan il-proċess billi tippromwovi attivament is-soluzzjonijiet elettroniċi eżistenti fost il-partijiet interessati fuq il-fruntiera u fost l-awtoritajiet pubbliċi l-aktar ikkonċernati bl-iskambji tad-dejta transfruntiera. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tħeġġeġ il-proġetti tal-gvern elettroniku tagħha li għaddejjin u dawk futuri biex jinvolvu l-partijiet interessati tal-fruntieri sabiex jitwasslu servizzi pubbliċi transfruntieri li jissodisfaw il-bżonnijiet taċ-ċittadini u n-negozji. Il-proġetti li għaddejjin bħalissa b’suċċess bħalma huma r-rikonoxximent reċiproku tal-eID jew tal-Iskambju Elettroniku tal-Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI) jipprovdu bażi soda għal dan.

3.4.Il-forniment ta’ informazzjoni u assistenza affidabbli u li tinftiehem

Jiġu solvuti l-ostakoli transfruntieri se jieħdu l-ħin u sforz sostnut. Sadanittant, hu vitali l-aċċess għal informazzjoni affidabbli u disponibbli u servizzi għas-soluzzjoni ta’ problemi dwar il-ħajja jew fuq ix-xogħol fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera. Ix-xogħol preparatorju għal din il-Komunikazzjoni enfasizza tħassib ta’ individwi u negozji fuq in-nuqqas ta’ servizzi ta’ informazzjoni affidabbli li jista’ jwassal għal inċertezza legali li xxekkel l-interazzjoni transfruntiera jew ittawwal l-implimentazzjoni ta’ proġetti transfruntieri u tagħmilhom aktar għaljin.

Il-prassi t-tajba: Inizjalment iffinanzjat permezz ta’ Interreg, in-netwerk Infobest 22 ta’ punti uniċi ta’ servizz fir-reġjun tal-fruntiera trilaterali tal-Upper Rhine bejn Franza, il-Ġermanja u l-Iżvizzera bħalissa jipprovdi informazzjoni affidabbli lil individwi dwar l-aspetti kollha tal-ħajja transfruntiera, inkluż l-impjieg u l-edukazzjoni u jappoġġja l-interfaċċja transfruntiera ma’ awtoritajiet pubbliċi differenti.

Servizzi u għodod fl-Ewropa kollha bħal Your Europe, is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u n-netwerk SOLVIT huma utli f’dan il-kuntest.

Azzjoni: Il-Kummissjoni reċentement ipproponiet l-abbozz tar-regolament tal-"Portal Diġitali Uniku" (SDG) 23 li ladarba jiġi adottat, se jippermetti lill-individwi u lill-kumpaniji biex jiksbu aċċess aħjar, permezz ta’ punt ta’ dħul uniku diġitali, għal informazzjoni ta’ kwalità għolja, proċeduri amministrattivi online u servizzi ta’ assistenza. L-SDG jipprevedi l-ewwel applikazzjoni tal-prinċipju "darba biss" fil-livell tal-UE billi jippermetti l-iskambju ta’ evidenza direttament bejn l-awtoritajiet kompetenti minn Stati Membri differenti għal sensiela ta’ proċeduri ewlenin. Se jinkoraġġixxi wkoll segwitu mill-utenti tiegħu biex jibqa’ jevolvi sabiex ikun jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom u biex jiġbor informazzjoni dwar l-ostakli għas-suq uniku.

Azzjoni: Fil-komunikazzjoni tagħha addottata reċentement "Pjan ta’ Azzjoni dwar SOLVIT: li jwassal il-benefiċċji tas-Suq Uniku għaċ-ċittadini u n-negozji" 24 , il-Kummissjoni timpenja ruħha li ssaħħaħ ulterjorment SOLVIT mal-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet transfruntieri ta’ aktar individwi u negozji.

3.5.L-appoġġ tal-impjiegi transfruntieri

Il-ħidma preparatorja identifikat il-mobilità tax-xogħol bħala l-aktar qasam importanti affettwat b’mod dirett mill-ostakoli transfruntieri. Dan jikkonċerna b’mod partikolari ħaddiema transfruntieri li jgħixu fuq naħa waħda tal-fruntiera u li jivvjaġġaw biex jaħdmu fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera fuq bażi ta’ kuljum jew ta’ kull ġimgħa 25 .

Numru ta’ għodod u mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni li jeżistu fil-livell Ewropew biex jiffaċilitaw il-ħidma transfruntiera bħalma hu n-netwerk Ewropew ta’ servizzi tal-impjiegi (EURES), ir-regoli għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki li jappoġġja l-fehim u t-tqabbil tal-kwalifiki, il-Qafas Europass, li jippermetti lill-individwi biex jgħaddu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom, il-klassifikazzjoni Ewropea ta’ ħiliet, kompetenzi, kwalifiki u okkupazzjonijiet u l-Karta Professjonali Ewropea, il-proċedura diġitali fl-UE kollha għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali. F’termini ta’ finanzjament, kemm il-programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-Fond Soċjali Ewropew jipprovdu appoġġ għall-mobilità tal-forza tax-xogħol fir-reġjuni tal-fruntiera. L-assi EURES tal-Programm EaSI jappoġġja s-sħubija transfruntiera li tipprovdi lill-ħaddiema transfruntieri u lil min iħaddimhom b’informazzjoni u servizzi ta’ sejbien ta’ impjieg.

Il-prassi t-tajba: Is-Sigurtà Soċjali u l-Ispezzjoni tax-Xogħol ta’ Galicia u dak tal-Portugall ta’ Fuq ħolqu netwerk appoġġjat mill-isħubija transfruntiera tal-EURES lokali, li jippermetti riżoluzzjoni aktar malajr ta’ ostakoli għal mobbiltà transfruntiera ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema. Huma żviluppaw pontijiet ta’ kollaborazzjoni effettiva bejn l-organiżmi tas-Sigurtà Soċjali u l-Ispezzjoni tax-Xogħol fir-reġjun transfruntier.

Madankollu, l-effetti pożittivi ta’ dawn il-miżuri/għodod ma laħqux il-potenzjal sħiħ tagħhom f’reġjuni tal-fruntiera. Għad hemm lok għal titjib fi proċessi bħal: It-tlestija tal-apprendistat, ir-rikonoxximent sħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-individwu, l-aċċess għall-postijiet tax-xogħol battala, l-identifikazzjoni tal-ħaddiema, il-kisba taċ-ċertezza legali dwar kwistjonijiet fiskali, l-iżgurar ta’ kopertura sħiħa tas-sigurtà soċjali, il-kisba ta’ assigurazzjoni professjonali għall-persunal mediku, il-proċeduri kkumplikati għall-akkwist taċ-ċertifikati professjonali. Il-forniment tal-informazzjoni, inkluż lill-individwi u lil min iħaddem, kif ukoll il-ġbir tad-dejta għat-teħid tad-deċiżjonijiet huma oqsma oħra li għandhom jiġu mtejba.

Azzjoni: L-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali huma mħeġġa biex jirrinfurzaw il-kooperazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fir-reġjuni tal-fruntieri inklużi s-servizzi konġunti tal-impjiegi transfruntieri biex itejbu l-aċċess għall-informazzjoni u għall-impjiegi fis-suq tax-xogħol transfruntier. Il-prattiki eżistenti se jkunu disponibbli b’mod aktar wiesa’ bl-użu tan-netwerk professjonali propost imsemmi hawn fuq.

3.6.Il-promozzjoni tal-multilingwiżmu fil-fruntieri

Ir-rikkezza tal-kulturi u t-tradizzjonijiet madwar l-Ewropa hija vantaġġ kbir. Il-multilingwiżmu huwa għan tal-integrazzjoni Ewropea. L-abbiltà li wieħed jitkellem b’lingwi barranin huwa wkoll ta’ importanza dejjem tikber biex tingħata spinta għall-impjegabilità, il-mobilità u l-kompetittività, li hija ta’ rilevanza partikolari f’reġjuni tal-fruntieri.

Il-prassi t-tajba: L-istrateġija ta’ Franza (“France-strategy”), li ġiet adottata mir-reġjun Ġermaniż ta’ Saarland 26 fl-2014, tippromwovi approċċ b’żewġ lingwi fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni. Għandha l-appoġġ ta’ kurrikulu li jinkludi l-Franċiż obbligatorjum, li jibda mill-iskola preprimarja. B’riżultat ta’ dan, aktar minn nofs il-kindergartens kollha fiż-żona huma bilingwi.

Minkejja dan, il-lingwa ġiet enfasizzata bħala sors ta’ diffikultà minn ħafna matul il-konsultazzjoni pubblika għal din il-Komunikazzjoni. L-esperjenza tal-partijiet interessati tal-fruntiera ta’ spiss tindika każijiet fejn l-użu inflessibbli ta’ lingwi differenti fuq iż-żewġ naħat ta’ fruntiera jżid il-piż amministrattiv kif ukoll ifixkel l-iskambji siewja bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-individwi.

Il-Kummissjoni qed issegwi strateġija approvata mill-Kunsill u bbażata fuq l-objettiv definit mill-Kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-UE li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom l-opportunità li jitgħallmu żewġ ilsna barranin minn età bikrija 27 . F’reġjuni tal-fruntieri, waħda minn dawn il-lingwi idealment tista’ tkun il-lingwa tal-ġirien. It-tagħlim tal-lingwi huwa wkoll prijorità f’livell għoli tal-programm ta’ finanzjament Ewropew għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport: Erasmus+. Il-programm jista’ jappoġġja t-tagħlim tal-lingwi fir-reġjuni tal-fruntiera b’ħafna modi.

Azzjoni: L-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet huma mħeġġa li jużaw l-opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja sabiex isaħħu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-bilingwiżmu fir-reġjuni tal-fruntiera. Il-prassi tajba eżistenti għandha tkun sors ta’ ispirazzjoni u se tiġi promossa aktar mill-Kummissjoni. L-istrumenti ta’ finanzjament eżistenti bħall-Erasmus + u l-programmi ta’ kooperazzjoni transfuntieri Interreg, se jintużaw biex jappoġġaw dan fejn ikun xieraq.

3.7.L-iffaċilitar tal-aċċessibbiltà transfruntriera

It-trasport huwa fattur prinċipali li jippermetti l-iskambji bejn ir-reġjuni li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. B’mod partikolari s-servizzi tat-trasport pubbliku mhux biss jgħinu l-proċessi ta’ integrazzjoni iżda wkoll itejbu s-sostenibbiltà ta’ konnettività transfuntiera. Servizzi tat-trasport pubbliku nieqsa, insuffiċjenti jew ta’ kwalità ħażina għadhom realtà għal ħafna ċittadini fir-reġjuni tal-fruntieri. Dan jikkonċerna tliet livelli: 1) il-konnessjonijiet tal-infrastruttura, 2) il-forniment tas-servizz u 3) il-kwalità tas-servizzi. L-infrastruttura tal-ferroviji fuq skala iżgħar speċjalment hija nieqsa jew ma taħdimx f’għadd ta’ każijiet tul il-fruntieri interni tal-UE; minħabba firxa ta’ problemi (eż. prijoritajiet diverġenti, approċċi differenti legali/proċedurali/organizzattivi, limiti baġitarji).

Il-prassi t-tajba: L-Interreg jiffinanzja proġetti ta’ transmobilità, li l-biċċa l-kbira tagħhom jistgħu jinsabu fid-database KEEP 28 . Pereżempju fiż-żona tal-frunitera trilaterali bejn il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Belġju, il-fornituri pubbliċi tat-trasport żviluppaw pjattaforma komuni (http://mobility-euregio.com), bi skedi kombinati, prezzijiet u konġunti u sistema moderna tal-biljetti . Fuq il-fruniera Ġermaniża-Żvizzera, ġiet stabbilita linja ġdida tax-xarabank bejn Grenzach-Wyhlen (DE) u Basel (CH) biex takkomoda 1,900 vjaġġatur lokali (minn popolazzjoni totali ta’ 14,000 ruħ).

Fil-livell tal-UE aktar armonizzazzjoni u koordinazzjoni ta’ standards tekniċi u legali, kif ukoll il-kisba tal-interoperabbiltà fis-settur tat-trasport huma ta’ prijorità għolja. Il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni ġew milħuqa b’suċċess fil-qasam tat-TEN-T li tista’ sservi ta’ eżempju għal oqsma oħra ta’ politika apparti t-trasport. Pereżempju, fejn jidħol il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni ta’ vjaġġar b’diversi modi madwar l-UE, il-leġislazzjoni tal-UE li jmiss se tipprovdi kundizzjonijiet ta’ qafas xierqa li jippermettu lill-partijiet interessati rilevanti kollha tul il-katina tal-informazzjoni dwar l-ivjaġġar, sabiex jikkooperaw 29 .

Azzjoni: Fl-2018 se jkun disponibbli Studju ta’ linji ferrovjarji nieqsa tal-Kummissjoni tul il-fruntieri interni. Se jiġi kondiviż mal-partijiet interessati permezz tal-Punt Fokali tal-Fruntiera.

Azzjoni: L-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ servizzi transfruntieri tat-trasport pubbliku hija kompetenza li tinsab fil-livell nazzjonali, dak reġjonali u dak lokali. L-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet huma għaldaqstant imħeġġa biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu lill-individwi b’servizzi ta’ trasport pubbliku ta’ kwalità aħjar u aktar integrati. Il-Punt Fokali tal-Fruntiera se jagħmel il-prassi tajba disponibbli u jipprovdi parir espert, fejn dan ikun possibbli.

3.8.Il-promozzjoni tal-ġbir flimkien tal-faċilitajiet għall-kura tas-saħħa

Hija prijorità għall-UE li tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex titjieb il-komplimentarjetà tas-servizzi tas-saħħa tagħhom fir-reġjuni tal-fruntieri 30 . L-istrutturi u l-prinċipji differenti jeżistu għar-rimborż tal-kura tas-saħħa transfruntiera li jirriżultaw pereżempju fi proċeduri differenti u kumplessi għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa u pagamenti/rifużjonijiet; il-piż amministrattiv għal pazjenti li għandhom x’jaqsmu ma’ konsultazzjonijiet transfruntieri ma’ speċjalisti; l-inkompatibbiltajiet fl-użu tat-teknoloġija u l-kondiviżjoni ta’ dejta tal-pazjenti; in-nuqqas ta’ informazzjoni aċċessibbli b’mod unifikat, li tinkludi wkoll nuqqas ta’ informazzjoni bil-lingwa tal-pazjenti. Aċċessibbiltà limitata miż-żewġ naħat tal-fruntiera u li għaldaqstant ifixkel l-użu sħiħ tal-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa. Is-servizzi ta’ emerġenza u ta’ salvataġġ huma wkoll xi kultant imxekkla milli jwettqu interventi transfruntieri.

Il-prassi t-tajba: Il-ftehim istituzzjonalizzat li jistabbilixxi seba’ żoni tal-kura tas-saħħa transfruntieri fuq il-fruntiera Franco-Belġjana 31 ġie użat minn iktar minn 20,000 pazjent li rċevew kura tas-saħħa aktar viċin ir-residenza tagħhom fil-pajjiż ġar.

Azzjoni: Tfassil komprensiv ta’ kooperazzjoni transfruntiera għas-saħħa madwar l-UE mill-Kummissjoni se jidentifika prattiki tajbin u janalizza l-isfidi futuri. Se jkun disponibbli fl-2018 u se jiġi kondiviż mal-partijiet interessati permezz tal-Punt Fokali tal-Fruntiera. Matul l-2018, il-Kummissjoni se torganizza wkoll avveniment strateġiku sabiex tenfasizza l-prattiki tajbin ta’ kooperazzjoni transfruntiera għas-saħħa u tesplora modi kif dan jista’ jiġi żviluppat aktar fl-Unjoni kollha.

3.9.Il-kunsiderazzjoni tal-qafas legali u finanzjarju għal kooperazzjoni transfruntiera

L-UE introduċiet numru ta’ għodod legali u finanzjarji biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri Ewropej. Pereżempju, ir-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali 32 tippermetti lill-entitajiet minn żewġ Stati Membri jew aktar li jaħdmu flimkien taħt struttura komuni b’personalità ġuridika. Dan jiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera f’ħafna każijiet u tagħti lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jikkooperaw mingħajr il-ħtieġa ta’ ftehim irratifikat fuq livell ta’ Stat Membru. Madankollu, minħabba n-natura istituzzjonali sħiħa tagħhom, mhux dejjem ikun xieraq biex jiġu riżolti l-ostakoli legali u amministrattivi.

Il-prassi t-tajba: L-EGTC Lille-Tournai-Kortrijk Eurometropolis 33 hija l-akbar metropoli transfruntiera fl-Ewropa. Din tlaqqa’ flimkien 14-il istituzzjoni minn Franza u l-Belġju (awtoritajiet nazzjonali, awtoritajiet lokali u reġjonali, aġenziji għall-iżvilupp) li jaħdmu flimkien biex jikkanċellaw l-"effett tal-fruntiera" u jagħmlu l-ħajja ta’ kuljum aktar faċli għaż-2,1 miljuni abitant.

Azzjoni: Għadd ta’ Stati Membri qed jikkunsidraw il-merti ta’ strument ġdid li jippermetti, fuq bażi volontarja u miftiehma bejn l-awtoritajiet kompetenti inkarigati, li r-regoli ta’ Stat Membru wieħed japplikaw fl-Istat Membru ġar għal proġett speċifiku jew azzjoni limitata fiż-żmien, li tkun f’reġjun ġar u mibdija mill-awtoritajiet pubbliċi lokali u/jew reġjonali. Is-servizzi tal-Kummissjoni jsegwu mill-qrib din il-ħidma. Filwaqt li tqis l-evidenza pprovduta mill-proġetti pilota imsemmija hawn fuq fit-taqsima 3.1, il-Kummissjoni se tikkunsidra għażliet biex jieħdu dan l-istrument ’il quddiem.

Azzjoni: L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jimpenjaw ruħhom kmieni fi djalogu biex jiġi esplorat kif il-programmi ta’ finanzjament futuri jistgħu jagħtu kontribut aktar strateġiku għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-ostakli fil-fruntieri u l-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi transfruntieri.

3.10.Il-bini ta’ evidenza ta’ interazzjoni transfruntiera biex jalimenta t-teħid tad-deċiżjonijiet

Il-ġbir tad-dejta u l-evidenza dwar l-ostakoli tal-fruntieri huwa l-ewwel pass meħtieġ biex jiġu riżolti, iżda huma investiti biss riżorsi limitati fil-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni dwar id-diffikultajiet u l-kumplessitajiet tal-fruntieri. Eżempji eċċellenti ta’ ġbir u analiżi ta’ informazzjoni jinsabu fi Franza 34 u fl-Ungerija 35 .

Bl-istess mod, id-disponibilità limitata ta’ dejta statistika u dik ġeospazjali fuq il-flussi transfruntieri tnaqqas l-ambitu għal żvilupp ġenwin ta’ politika transfruntiera u teħid ta’ deċiżjonijiet. Ftit saru sforzi reġjonali li reġjuni oħra jistgħu jibnu fuqhom.

Il-prassi t-tajba: Il-portal tad-dejta għar-Reġjun il-Kbir 36 fil-Lussemburgu u madwaru jiġbor dejta minn ħames uffiċċji tal-istatistika nazzjonali u reġjonali biex jipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika b’evidenza ta’ flussi transfruntieri u xejriet territorjali f’żona kkaratterizzata minn livell għoli ta’ interazzjoni (e.g. 200,000 ħaddiema transfruntieri).

Dejta statistika u ġeospazjali li tiddeskrivi l-flussi u fenomeni transfruntieri mhux dejjem tkun disponibbli b’mod suffiċjenti jew standardizzat sabiex tippermetti lil dawk li jfasslu l-politika biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati. L-Istati Membri, taħt il-koordinazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika għandha tesplora metodoloġiji innovattivi ta’ ġbir (eż. ġeoreferenzjar jew ġeokodifikar) lesti għal analiżi transfruntiera bħal dejta msejsa fuq il-grid.

Azzjoni: Il-Kummissjoni qed tiffinanzja proġett pilota ta’ sena b’uffiċċji tal-istatistika biex jittestja l-użu potenzjali ta’ dejta ta’ stħarriġ dwar il-forza lavorattiva, dejta amministrattiva u taċ-ċensiment, u dejta tat-telefowns ċellulari. Din il-ħidma kollaborattiva mal-Istati Membri għandha tiġi segwita u msaħħa fuq il-bażi tal-eżitu tal-proġett pilota disponibbli fl-2018.

Azzjoni: Il-Kummissjoni qed taħdem mal-programm ta’ kooperazzjoni territorjali tal-Netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni tal-Iżvilupp u l-Koeżjoni Territorjali (ESPON) biex tiġi promossa aktar ir-riċerka territorjali fir-reġjuni tal-fruntiera. Il-Kummissjoni qiegħda tibni wkoll l-attivitajiet ta’ riċerka territorjali li rnexxew iffinanzjati mis-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, Orizzont 2020 kif ukoll permezz taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka. Din il-ħidma ser tintuża mill-Punt Fokali tal-Fruntieri biex jippromwovi t-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati b’reazzjoni għall-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-komunitajiet tal-fruntieri.

4.konklużjonijiet

Ir-reġjuni mal-fruntieri interni tal-UE jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-ġid soċjoekonomiku tal-Ewropa. Dawn huma żoni ġeografiċi fejn il-proċessi ta’ integrazzjoni Ewropej huma esperjenzati fil-ħajja ta’ kuljum minn individwi, negozji u awtoritajiet pubbliċi.

L-evidenza turi li jista’ jinkiseb ħafna billi jitnaqqas l-impatt negattiv tad-diskontinwazzjonijiet territorjali, legali u amministrattivi li għadhom jippersistu f’reġjuni tal-fruntiera.

Azzjoni fuq il-livell tal-UE, b’koperazzjoni mal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet interessati l-oħra hija meħtieġa biex jintuża aħjar il-potenzjal tar-reġjuni mal-fruntiera. Il-Kummissjoni għandha rwol ċentrali x’taqdi f’dan ir-rigward. Tista’ tieħu azzjoni diretta fl-oqsma ta’ kompetenza tagħha meta tipproponi leġiżlazzjoni jew mekkaniżmi ta’ finanzjament. Bl-istess importanza, tista’ wkoll tappoġġja l-Istati Membri u r-reġjuni biex jifhmu aħjar l-isfidi u tiżviluppa arranġamenti operattivi, b’mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-witi ta’ prassi li kellhom suċċess.

Il-baġit tal-UE kkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tar-reġjuni tal-fruntiera matul dawn l-aħħar 25 sena. Il-programmi futuri ta’ finanzjament għandhom jibqgħu jagħmlu dan bl-aktar manjiera effettiva u effiċjenti, billi jiffokaw fuq oqsma ta’ valur miżjud għoli fl-UE. Jista’ jiġi kkunsidrat pereżempju li jiġi żgurat li r-riżoluzzjoni tad-diffikultajiet tal-fruntieri tkun fil-qalba tal-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera. Bl-istess mod, lakuni u nuqqasijiet f’oqsma differenti ta’ politika, inkluż it-trasport, għandhom ikunu parti ċentrali ta’ dawk il-programmi. Fl-aħħar nett, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll il-ġbir flimkien tas-servizzi pubbliċi konġunti f’reġjuni ġirien fuq il-fruntieri u l-ħtiġjiet għall-bini tal-istituzzjonijiet.

L-Istati Membri u r-reġjuni wkoll għandhom rwol ċentrali ħafna x’jaqdu f’dan il-proċess – jeħtieġu li jaġixxu f’oqsma fejn huma kompetenti sabiex jiġu mwaqqfa ostakli emerġenti, u biex jiġu riżolti dawk li diġà jeżistu. Huma għandhom jagħtu konsiderazzjoni serja lil koordinazzjoni akbar (eż. meta jittrasponu l-liġi tal-UE), aktar għarfien reċiproku u allinjament aktar mill-qrib ma’ kull pajjiż ġar.

Il-Kummissjoni se tieħu azzjoni fl-2017 u fis-snin li ġejjin kif deskritt hawn fuq. Il-Punt Fokali tal-Fruntiera dalwaqt ser jsir operattiv b’tali mod li l-azzjonijiet proposti jkunu jistgħu jiġu implimentati bla dewmien.

L-objettiv huwa li jintwera li reġjuni tal-fruntieri jistgħu jżidu l-kontribut tagħhom għall-benessri soċjo-ekonomiku taċ-ċittadini tal-UE filwaqt li jsiru wkoll laboratorji ħajjin tal-integrazzjoni Ewropea għall-benefiċċju tat-territorji Ewropej u l-abitanti tagħhom.

(1) L-EFTA: In-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein. L-Iżlanda għandha fruntieri marittimi biss mal-UE. Ara l-mappa mogħtija fuq p. 3.
(2) Għal raġunijiet statistiċi, id-dejta u l-informazzjoni huma bbażati fuq reġjuni NUTS3 skont in-Nomenklatura Ewropea tal-unitajiet territorjali għall-istatistika: http://ec.europa.eu/eurostat/web/nuts .
(3) Il-proġetti huma elenkati fil-bażi tad-data KEEP, li hija ffinanzjata permezz ta’ Interreg: www.keep.eu .
(4) L-aqwa ħames kisbiet ġew issottolinjati fl-2015 waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-25in anniversarju ta’ Interreg.
(5) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea "It-Tisħiħ tal-Innovazzjoni fir-reġjuni Ewropej: strateġiji reżiljenti, sostenibbli u inklużivi", COM(2017) 376 finali, it-18 ta’ Lulju 2017: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/?uri=CELEX:52017DC0376 .
(6) Pjan ta’ investiment: https://ec.europa.eu/commission/priorities/jobs-growth-and-investment/investment-plan_mt .
(7)

   “It-territorji b’karatteristiki ġeografiċi speċifiċi”, Kummissjoni Ewropea, DĠ REGIO (2009), Dokument ta’ Ħidma Nru: 02/2009:  http://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/publications/working-papers/2009/territories-with-specific-geographical-features  .

(8) Ostaklu tal-fruntiera fi ħdan il-kuntest ta’ din il-Komunikazzjoni mhijiex biss restrizzjoni għall-moviment liberu kif stabbilit mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, iżda liġi, regola jew prattika amministrattiva li xxekkel il-potenzjal inerenti ta’ reġjun tal-fruntiera meta jkun hemm interazzjoni minn naħa għal oħra tal-fruntieri.
(9) Kummissjoni Ewropea, “White Paper dwar il-Futur tal-Ewropa”, COM(2017) 2025 tal-1 ta’ Marzu 2017.
(10) 'Cross-Border Review':
http://ec.europa.eu/regional_policy/en/policy/cooperation/european-territorial/cross-border/review/ .
(11) Ecorys Netherlands f’assoċjazzjoni ma’ Mazars, "Studju dwar il-formalitajiet amministrattivi ta’ proċeduri importanti u l-piżijiet amministrattivi għan-negozji", Kummissjoni Ewropea, April 2017: http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=9134&lang=mt.com , and Staff Working Document SWD(2017) 213 of 2 May 2017: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1503565263778&uri=CELEX%3A52017SC0213 .
(12) Le Groupement Transfrontalier Européen: http://www.frontalier.org/ .
(13)

   Il-Kwantifikazzjoni tal-Politecnico di Milano (2017) tal-effetti tal-ostakli legali u amministrattivi tal-fruntiera f’reġjuni tal-fruntiera fuq l-art.

(14) Dan il-kalkolu ma jinkludix l-ispejjeż tat-tneħħija tax-xkiel, għal aktar informazzjoni ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.
(15) L-istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku u L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi.
(16) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar - Aġenda tal-UE, COM(2015) 215 final tad-19 ta’ Mejju 2015.
(17) Istitut għall-Kooperazzjoni u Mobilità Transfruntiera Transnazzjonali u Ewreġjonali tal-Università ta’ Maastricht:  https://www.maastrichtuniversity.nl/research/institute-transnational-and-euregional-cross-border-cooperation-and-mobility-item .
(18) "Ir-Rapport tal-eGovernment tal-UE tal-2016" tal-Kummissjoni Ewropea juri li s-servizzi pubbliċi onlajn tjiebu b’mod irregolari, is-Suq Uniku Diġitali, News, Digibytes, 3 ta’ Ottubru 2016: https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/eu-egovernment-report-2016-shows-online-public-services-improved-unevenly .
(19) "Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016–2020 Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika" tal-Kummissjoni Ewropea COM(2016) 179 of 19 April 2016: https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/communication-eu-egovernment-action-plan-2016-2020-accelerating-digital-transformation http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1503566265012&uri=CELEX:52016DC0179 .
(20) Il-Kummissjoni Ewropea,"The "Once Only" Principle (TOOP) Project launched in January 2017"[Il-Prinċipju ‘Ta’ darba biss’ (TOOP) il-Proġett li tnieda f’Jannar 2017] Digital Single Market, Project News and Results, 26 ta’ Jannar 2017: https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/once-only-principle-toop-project-launched-january-2017 .
(21) Traduzzjoni awtomatika għal amministrazzjonijiet pubbliċi - MT@EC: https://ec.europa.eu/info/resources-partners/machine-translation-public-administrations-mtec_en .
(22) Infobest: https://www.infobest.eu/ .
(23) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ portal diġitali uniku li jipprovdi informazzjoni, proċeduri, u servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52017PC0256 .
(24) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea "Pjan ta’ Azzjoni dwar ir-rinfurzar ta' SOLVIT: li jwassal il-benefiċċji tas-Suq Uniku għaċ-ċittadini u n-negozji, COM(2017) 255 finali tat-2 ta’ Mejju 2017: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52017DC0255 .
(25) Il-ħaddiema transfruntieri (ħaddiema tal-fruntieri) huma definiti bħala ċittadini tal-UE/EFTA li jgħixu f’xi pajjiż tal-UE jew tal-EFTA u jaħdmu f’ieħor, jaqsmu l-fruntieri b’mod regolari fuq bażi ta’ kuljum jew tal-inqas kull ġimgħa, irrispettivament miċ-ċittadinanza preċiża tagħhom (sakemm dawn ikunu ċittadini tal-EU-28/EFTA).
(26) L-Istrateġija ta’ France Saarland, Ottubru 2016: https://www.saarland.de/dokumente/ressort_finanzen/MFE_Frankreich_Startegie_LangDIn4S_UK_Lay2.pdf .
(27) L-Unjoni Ewropea - Il-Kunsill tal-UE "Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-multilingwiżmu u l-iżvilupp ta' kompetenzi lingwistiċi", Mejju 2014: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52014XG0614(06) .
(28) www.keep.eu .
(29) Se tiġi implimentata permezz tar-Regolament Delegat li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE.
(30) Minbarra d-dispożizzjonijiet imsemmija fit-Trattat innifsu, wieħed jista’ jenfasizza d-Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transfruntiera (2011/24/UE) u r-Regolament tal-EU dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (883/2004).
(31) Espaces Transfrontaliers, La Communauté de santé transfrontalière: http://www.espaces-transfrontaliers.org/ressources/themes/sante/sante-4/ .
(32) Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19), kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303).
(33) Eurometropolis: http://www.eurometropolis.eu/ .
(34) Mission Opérationnelle Transfrontalière: www.espaces-transfrontaliers.org .
(35) Servizz Ċentrali Ewropew għall-Inizjattivi transfruntieri: www.cesci-net.eu .
(36) Grand Région: http://www.grande-region.lu/portal/ .