Brussell, 28.6.2017

COM(2017) 358 final

DOKUMENT TA' RIFLESSJONI

DWAR IL-FUTUR TAL-FINANZI TAL-UE


Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Futur tal-finanzi tal-UE

1.    IL-FINANZJAMENT TAL-INTEGRAZZJONI EWROPEA: L-EVOLUZZJONI TAL-FINANZI TAL-UE

Il-baġit tal-UE jgħin biex jitwettqu l-affarijiet li huma importanti għall-Ewropej. Billi jiġbru flimkien ir-riżorsi fil-livell Ewropew, l-Istati Membri jistgħu jiksbu aktar milli kieku kellhom jaġixxu waħedhom. Flimkien mal-baġits nazzjonali u firxa wiesgħa ta’ strumenti leġiżlattivi u regolatorji, il-baġit tal-UE jappoġġa objettivi komuni u jgħin biex jiġu indirizzati sfidi komuni.

Mill-ewwel politika komuni maġġuri – l-agrikoltura – fis-snin 1960 sa llum, il-baġit tal-UE nbidel progressivament u b’mod parallel mat-tiswir tal-Unjoni Ewropea.

Fis-snin 1980 u fis-snin 1990, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew wessgħu l-ambitu tal-kompetenzi tal-UE permezz ta’ tibdiliet fit-Trattati ta’ fondazzjoni tal-Unjoni. Filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jappoġġaw is-Suq Uniku l-ġdid, huma żiedu r-riżorsi disponibbli taħt il-fondi strutturali biex jappoġġaw il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. B’mod parallel, l-UE saħħet ir-rwol tagħha f’oqsma bħalma huma t-trasport, l-ispazju, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-kultura, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-ambjent, ir-riċerka, il-kooperazzjoni fil-ġustizzja u l-politika barranija.

Oqsma ffinanzjati mill-baġit tal-UE (2014-2020)

F’biljuni ta’ Euro

Nota: Impenji; Aġġustati għall-2018

Sors: il-Kummissjoni Ewropea

Mis-sena 2000, il-baġit tal-UE ssawwar bil-wasla ta’ 13-il Stat Membru ġdid, li għandhom sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi differenti, u bi strateġiji suċċessivi tal-UE biex jiġu appoġġati l-impjiegi u t-tkabbir. Akkumpanja wkoll ir-rwol dejjem jikber tal-Unjoni fix-xena internazzjonali, bħala mexxejja fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u bħala l-akbar donatur ta’ għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp fid-dinja.

Madankollu, il-baġit tal-UE baqa’ parti żgħira min-nefqa pubblika totali fl-UE, u jammonta għal inqas minn 1 % tal-introjtu tal-UE u għal madwar 2 % biss tan-nefqa pubblika tal-UE. Dan is-sehem naqas maż-żmien.

Il-baġit tal-UE meta mqabbel mad-dħul u l-infiq pubbliku totali tal-UE

   

Sors: il-Kummissjoni Ewropea

Id-daqs tal-baġit tal-UE bħala perċentwal tal-introjtu nazzjonali gross

Sors: il-Kummissjoni Ewropea

Dan it-tnaqqis poġġa aktar pressjoni fuq il-baġit tal-UE biex isir aktar effiċjenti, biex jiffoka fuq l-oqsma fejn l-impatt tiegħu huwa l-akbar, u biex jiżgura li regoli u proċeduri ta’ piż ma jostakolawx ir-riżultati.

Maż-żmien, il-kompożizzjoni tal-baġit tal-UE evolviet. Filwaqt li s-sehem tal-infiq agrikolu u dak tal-koeżjoni naqsu maż-żmien, flimkien għadhom ogħla minn 70 % tat-total. L-infiq iffoka dejjem aktar fuq oqsma bħar-riċerka, in-netwerks Trans-Ewropej, u l-azzjoni esterna, u fuq programmi mmaniġġati direttament fil-livell Ewropew.

Evoluzzjoni tal-oqsma ta’ politika ewlenin fil-baġit tal-UE

Sors: il-Kummissjoni Ewropea

Matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-baġit tal-UE ta prova li huwa strument b’saħħtu fl-appoġġ tal-investiment. Waqt li l-baġits nazzjonali f’ħafna Stati Membri huma taħt pressjoni qawwija, il-baġit tal-UE u l-politika ta’ koeżjoni b’mod partikolari stabbilixxew ruħhom mill-2008 bħala sors ewlieni ta’ investiment stabbli li jappoġġa t-tkabbir. F’xi Stati Membri kienu saħansitra l-uniku sors. Il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi kellu wkoll rwol importanti biex jikkatalizza investimenti privati madwar l-Ewropa. Dan wera kif il-baġit tal-UE jista’ jirreaġixxi malajr għal sfidi li jkunu qed jitfaċċaw, u joħloq ingranaġġ sostanzjali



Is-sehem tal-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej fl-investiment pubbliku 2015-2017

F’%

Sors: il-Kummissjoni Ewropea

Il-baġit tal-UE rifed ukoll ir-rispons Ewropew għall-kriżi tar-refuġjati u għat-theddida tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Il-finanzjament iddedikat għas-sigurtà u l-migrazzjoni ġie rduppjat sabiex jappoġġa pereżempju l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta l-ġdida u jgħin lill-Istati Membri li jirċievu influss sinifikanti ta’ refuġjati. Ir-rispons għal dawn il-kriżijiet ittestja l-flessibbiltà tal-baġit sal-limitu.

Meta nħarsu 'l quddiem, l-isfidi għall-Unjoni qed jimmultiplikaw fl-istess ħin li l-pressjoni fuq il-baġits Ewropej u nazzjonali qed tiżdied. Staġnar fil-produttività u fl-investiment, tibdil demografiku u sfidi oħra fuq medda twila ta’ żmien bħalma huma l-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, id-difiża, is-sigurtà ċibernetika u t-terroriżmu, huma kollha oqsma fejn il-baġit tal-UE huwa msejjaħ biex jaqdi rwol prominenti.

Wasal ukoll iż-żmien li nħarsu lejn il-mod kif jiġi ffinanzjat il-baġit tal-UE. Bħalma evolviet in-naħa tal-infiq tal-baġit, hekk ukoll għamel il-mod kif il-baġit tal-UE jiġi ffinanzjat. Għall-kuntrarju tal-baġits nazzjonali, l-Unjoni ma tistax tissellef. Minflok, hi tiddependi fuq finanzjament permezz ta’ “riżorsi proprji”. Hemm tliet tipi ewlenin ta’ riżorsi proprji llum: kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri bbażati fuq il-livell tad-dħul tagħhom imkejjel bl-Introjtu Nazzjonali Gross (ING), kontribuzzjonijiet ibbażati fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) u d-dazji tad-dwana miġbura fil-fruntieri esterni tal-Unjoni.

Madwar 80 % tal-baġit tal-UE huwa ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet nazzjonali bbażati fuq l-ING u l-VAT. Il-kontribuzzjonijiet tal-ING huma ġeneralment ikkunsidrati bħala ġusti, għax huma riflessjoni tajba tal-“kapaċità għall-ħlas” relattiva tal-Istati Membri. Id-dħul doganali huwa kkunsidrat bħala riżorsa proprja awtentika billi huwa derivat mill-politika kummerċjali komuni, li d-dħul tagħha jmur għall-baġit tal-UE.

Is-sorsi ta’ finanzjament tal-baġit tal-UE

Sors: il-Kummissjoni Ewropea

Madankollu, għadd ta’ aġġustamenti u “rifużjonijiet” ġew introdotti matul iż-żmien, peress li xi Stati Membri kkunsidraw li l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġit tal-UE kienu eċċessivi meta mqabbla ma’ dak li jieħdu lura minnu. Dan għamel is-sistema ta’ finanzjament attwali tal-UE dejjem aktar kumplessa u opaka.

Din is-sistema, ibbażata l-aktar fuq il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, saħħet ukoll perċezzjoni żbaljata li l-valur tal-baġit tal-UE għal Stat Membru jista’ jitkejjel mill-bilanċ nett tal-kontribuzzjonijiet magħmula u l-fondi rċevuti. Dan jinjora l-essenza ta’ baġit tal-UE mmodernizzat: il-valur miżjud li jirriżulta mill-ġbir flimkien tar-riżorsi u l-għoti ta’ riżultati li l-infiq nazzjonali mhux koordinat ma jistax jilħaqhom. Dawn il-gwadanji ekonomiċi usa’ huma ta’ spiss wisq injorati, bħalma huwa l-valur usa’ tal-appartenenza fl-akbar żona ekonomika u potenza kummerċjali fid-dinja.

Jekk irridu ntejbu l-effettività tal-baġit tal-UE, jinħtieġ li nistudjaw ukoll kif id-dħul jista’ jikkontribwixxi għall-prijoritajiet tal-UE. Il-ħruġ tar-Renju Unit u l-eliminazzjoni tar-rifużjonijiet assoċjati diġà jneħħu xi ostakli għar-riforma fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE.

Fl-aħħar nett, sabiex jirrispondi għall-bżonnijiet differenti, il-baġit tal-UE ġie kkumplimentat minn għadd ta’ għodod, istituzzjonijiet u strumenti ġodda. Xi wħud minnhom huma barra mill-baġit tal-UE u mhumiex immexxija mill-istess regoli. Qed jingħata finanzjament addizzjonali mill-Bank Ewropew tal-Investiment jew minn korpi oħra bbażati fuq ftehimiet intergovernattivi, bħalma huma l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp marbut mas-sħubija speċjali mal-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku. Aktar reċentement, inħolqu Fondi Fiduċjarji tal-Unjoni Ewropea u faċilitajiet oħra biex jiġbru flimkien fondi mill-baġit tal-UE, l-Istati Membri u donaturi oħra biex jiġu indirizzati kriżijiet esterni. Din l-arkitettura finanzjarja estiża ppermettiet lill-Unjoni biex timmobilizza finanzjament addizzjonali iżda żiedet il-kumplessità tal-finanzi tal-UE. Il-grafika ta’ hawn taħt tagħti stampa wiesgħa tal-elementi kollha ta’ finanzjament tal-UE lil hinn mill-baġit tal-UE nnifsu. Dan juri wkoll liema elementi jaqgħu taħt il-kontroll demokratiku tal-Parlament Ewropew u l-iskrutinju tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Il-finanzi tal-UE L-istampa kollha

illustrativa biss, id-daqs taċ-ċrieki ma jikkorrispondix mal-volumi reali

Sors: il-Kummissjoni Ewropea


Kaxxa 1: Il-baġit tal-UE f’daqqa t’għajn - għall-perjodu 2014-20

·huwa jirrappreżenta madwar 1 % tad-DNG tal-UE, u 2 % tal-infiq pubbliku totali;

·huwa inkwadrat mill-Oqfsa Finanzjarji Pluriennali (QFP) ta’ mill-inqas ħames snin. Il-qafas attwali (2014-2020) jipprovdi EUR 1,087 biljun;

·huwa prinċipalment iffinanzjat permezz tal-kontribuzzjonijiet minn kull Stat Membru abbażi tad-dħul relattiv tagħhom, flimkien ma’ dazji tad-dwana miġbura fil-fruntieri esterni u parti żgħira bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud. Ma hemm l-ebda taxxa tal-UE. Is-sistema tad-dħul hija miftiehma mill-Istati Membri kollha u rratifikata mill-Parlamenti nazzjonali;

·permezz tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE jimmobilizza aktar minn EUR 480 biljun f’investimenti, li għandu jirriżulta, pereżempju, f’li miljun intrapriża jirċievu appoġġ, 42 miljun ċittadin ikollhom aċċess għal servizzi tas-saħħa mtejba, 25 miljun persuna jibbenefikaw mill-prevenzjoni tal-għargħar u tan-nirien, kważi 17-il miljun ċittadin tal-UE addizzjonali jkunu konnessi ma’ faċilitajiet għall-ħażna tal-ilma, 15-il miljun unità domestika addizzjonali jkollhom aċċess għall-broadband, u jinħolqu aktar minn 420,000 impjieg ġdid. Barra minn dan, ħames miljun Ewropew se jibbenefikaw minn programmi ta’ taħriġ u ta’ tagħlim tul il-ħajja, u 6.6 miljun tifel u tifla se jkollhom aċċess għal skejjel ġodda u moderni u għall-kura tat-tfal.

·huwa mistenni li jixpruna investimenti li jkunu jiswew tal-anqas EUR 500 biljun permezz tal-“Pjan Juncker” estiż (il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi);

·jipprovdi aktar minn EUR 74 biljun għall-programm ta’ riċerka u innovazzjoni Orizzont 2020 li wassal – sa issa – għal sitt premijiet Nobel, erba’ Fields Medals u skoperti b’impatt globali (pereżempju, riċerka għal vaċċin għall-Ebola, riċerka rivoluzzjonarja dwar il-kanċer u l-Alzheimer’s; inġenji tal-ajru b’anqas emissjonijiet tas-CO2 u tal-ħoss);

·jipprovdi aktar minn EUR 30 biljun biex jappoġġa n-netwerks trans-Ewropej fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija u l-komunikazzjoni permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

·jappoġġa settur agrikolu dinamiku b’madwar EUR 400 biljun, li jappoġġaw seba’ miljun bidwi; jappoġġa l-immodernizzar ta’ 380,000 azjenda agrikola bi EUR 8,7 biljun; l-iżvilupp rurali jiffinanzja investimenti mmirati għall-bijodiversità, għal titjib fl-effiċjenza enerġetika, għat-twaqqif tal-impriżi u għall-immodernizzar tal-faċilitajiet tal-produzzjoni;

·jiffinanzja s-sistema ta’ navigazzjoni Galileo, li sa issa varat fl-orbita 15-il satellita kompletament operazzjonali tal-UE; u Copernicus, il-programm tal-osservazzjoni tad-dinja;

·immobilizza aktar minn EUR 17-il biljun bejn l-2015 u l-2017 biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;

·jiffinanzja l-programm Erasmus li ppromwova l-mobbiltà ta’ aktar minn disa’ miljun individwu, b’mod partikolari studenti u żgħażagħ bejn il-pajjiżi matul l-aħħar 30 sena;

·jipprovdi aktar minn EUR 8 biljun sabiex jindirizza l-qgħad fost iż-żgħazagħ permezz tal-Inizjattiva tal-Impjieg taż-Żgħażagħ u sa issa appoġġa 1.6 miljun żagħżugħ u żagħżugħa;

·għandu l-għan li jalloka 20 % tan-nefqa totali għal azzjonijiet kontra t-tibdil fil-klima;

·jipprovdi madwar EUR 8 biljun f’għajnuna umanitarja, li jagħmel l-UE donatur ewlieni ta’ għajnuna umanitarja fid-dinja.



2.    IL-VALUR MIŻJUD TAL-FINANZI EWROPEJ

L-għan tal-Unjoni Ewropea huwa li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha. Il-baġit tal-UE jappoġġa dan, b’ħidma flimkien mal-baġits nazzjonali u b’mod kumplimentari għal sforzi oħra fil-livell Ewropej u dak nazzjonali.

Kull riflessjoni dwar il-futur tal-baġit tal-UE jinħtieġ li għalhekk tibda bl-iktar kwistjoni fundamentali – għalxiex għandu jservi l-baġit tal-UE? Il-valur miżjud Ewropew għandu jkun fil-qalba ta’ din id-diskussjoni. Minn naħa, il-valur miżjud Ewropew huwa dwar il-kisba tal-għanijiet stabbiliti fit-Trattat; min-naħa l-oħra huwa dwar baġit li jipprovdi beni pubbliċi ta’ dimensjoni Ewropea jew jgħin biex jitħarsu l-libertajiet bażiċi tagħna, is-Suq Uniku jew l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Il-valur miżjud tal-UE u l-finanzjament mill-baġit tal-UE

Sors: il-Kummissjoni Ewropea

Il-valur miżjud tal-UE huwa konsistenti wkoll mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Jinħtieġ li l-UE ma tiħux azzjoni sakemm din ma tkunx aktar effettiva mill-azzjoni meħuda fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. L-azzjoni tal-UE trid tkun addizzjonali jew komplementari għall-isforzi nazzjonali jew reġjonali, imma jinħtieġ li ma timliex lakuni li jitħallew minħabba nuqqasijiet tal-politiki nazzjonali. Il-valur miżjud jista’ jkun ukoll fil-forma ta’ spejjeż iffrankati u benefiċċji indiretti.

It-tħassib u l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej jinħtieġ li jkunu fattur ewlieni fit-tiswir tal-baġit il-ġdid tal-UE. F’dawn l-aħħar snin, kien hemm żieda fl-aspettattivi li l-Unjoni tindirizza sfidi li għalihom la għandha s-setgħat u lanqas ir-riżorsi finanzjarji. Din id-diskrepanza fl-aspettattivi hija ċentrali għal dan id-dibattitu u hija direttament marbuta kemm mad-daqs kif ukoll mal-flessibbiltà tal-baġit il-ġdid.

Il-kontribwenti Ewropej jistennew baġit tal-UE trasparenti, li huwa faċli biex tifhmu u li jikseb il-massimu lura minn kull euro minfuq. Ir-riżultati miksuba għandhom ikunu viżibbli u li jistgħu jitkejlu. Kull politika u programm iffinanzjat mill-baġit tal-UE jinħtieġ li jgħid b’mod ċar x’inhi l-intenzjoni tiegħu li jikseb, kif biħsiebu jagħmel dan u jirrapporta x’kienu fil-fatt ir-riżultati. Dan iżid l-akkontabbiltà u jippermetti diskussjoni pubblika infurmata dwar kif jintuża l-baġit tal-UE. Filwaqt li diġà sar xi progress f’din id-direzzjoni fil-qafas finanzjarju attwali, b’mod partikolari fil-politika ta’ koeżjoni, huma meħtieġa passi ulterjuri madwar l-istrumenti kollha.

Hemm ukoll valur miżjud ċar meta azzjoni fil-livell Ewropew tmur lil hinn minn dak li jistgħu jagħmlu sforzi nazzjonali. Dan jinkludi, pereżempju:

-Programmi transfruntieri ttrasformaw żoni ta’ fruntiera u għenu biex jitneħħew sorsi ta’ kunflitt u jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda.

-B’mod simili, l-infrastruttura tranżnazzjonali, bħall-interkonnetturi tal-enerġija (pereżempju bejn Malta u l-Italja), in-netwerks diġitali, l-infrastruttura tar-riċerka jew mini (pereżempju l-mina tal-ferrovija tal-Bażi ta’ Brenner fl-Alpi bejn l-Awstrija u l-Italja) huma ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u l-kumpaniji madwar l-UE.

-Investiment li jsir fil-politika ta’ koeżjoni f’reġjun jew Stat Membru jikkontribwixxi għall-istabbiltà makroekonomika u jżid il-potenzjal tat-tkabbir tal-Unjoni kollha kemm hi.

-Bl-istess mod, huwa ċar li l-kontroll tal-fruntieri esterni tan-Nofsinhar jew tal-Lvant iservi biex jipproteġi lill-bqija tal-Ewropa. 

-L-għajnuna u l-investiment f'pajjiżi sħab jippermettu l-bini ta' soċjetajiet aktar reżiljenti.

-Il-kompetizzjoni miftuħa fil-livell tal-UE biex tiġi ffinanzjata x-xjenza u l-innovazzjoni żiedu l-eċċellenza meta mqabbla mal-finanzjament nazzjonali (pereżempju pubblikazzjonijiet xjentifiċi b’impatt ogħla, in-numru u l-kwalità tal-privattivi) u ġibdet talent globali.

-Proġetti kbar oħra, bħal Galileo, Copernicus, ITER 1 , jew l-informatika ta’ prestazzjoni għolja jistgħu jiġu ffinanzjati biss billi jinġabru flimkien ir-riżorsi fil-livell tal-UE minħabba l-ħtiġijiet kbar ta’ finanzjament tagħhom.

Fondi Ewropej jistgħu wkoll jipprovdu valur miżjud sinifikanti fil-ħarsien tal-valuri komuni Ewropej, bħad-demokrazija, il-libertà, l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, is-sostenibbiltà u l-paċi. Pereżempju, il-programm Erasmus u l-Korp Ewropew tas-Solidarjetà jippromwovu l-mobbiltà u jippermettu lill-istudenti u lill-ħaddiema sabiex jiskopru l-kulturi Ewropej, jitgħallmu lingwi u ħiliet ġodda u jiksbu esperjenza tax-xogħol barra minn pajjiżhom, u jistabbilixxu kuntatti madwar l-Ewropa. Ir-rwol attiv tal-UE fil-viċinat tagħha u lil hinn u biex tipprovdi perspettiva ta’ sħubija fl-UE appoġġaw il-paċi u proġettaw l-istabbiltà. Il-prezz tan-nuqqas ta’ azzjoni f’dan il-qasam ikun katastrofiku jekk l-instabbiltà u l-gwerer jirritornaw lejn ir-reġjun. Uħud mill-kisbiet huma aktar tanġibbli u materjali minn oħrajn, iżda kollha huma ugwalment importanti.

Fl-aħħar nett, il-valur miżjud tal-baġit tal-UE jiddependi fuq il-koerenza strateġika interna tiegħu. Id-duplikazzjonijiet iridu jitneħħew u l-istrumenti jinħtieġ li jikkumplimentaw lil xulxin u jkunu konsistenti minn perspettiva ta’ politika.

3.    XEJRIET U SFIDI

Il-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u d-dokumenti ta’ riflessjoni riċenti preċedenti wrew li l-UE b’27 membru se tiffaċċa medda wiesgħa ta’ sfidi fil-perjodu li jwassal sal-2025 u lil hinn.

Fosthom hemm xejriet attwali li se jibqgħu rilevanti għall-għexieren ta’ snin li ġejjin, bħal pereżempju r-rivoluzzjoni diġitali u l-globalizzazzjoni, it-tibdil demografiku u l-koeżjoni soċjali, il-konverġenza ekonomika u t-tibdil fil-klima. Fl-istess ħin, iċ-ċittadini Ewropej qegħdin iħarsu lejn l-Unjoni u lejn il-gvernijiet nazzjonali biex jipprovdu l-prosperità, l-istabbiltà u s-sigurtà f’dinja inċerta u li qed tinbidel malajr 2 . F’ambjent globali aktar volatili, sfidi oħra mhux mistennija jistgħu jitfaċċaw fil-futur.

Jekk is-sigurtà, is-saħħa ekonomika, is-sostenibbiltà u s-solidarjetà għandhom ikunu l-punti fokali tal-azzjoni tal-UE fid-dawl ta’ dawn l-isfidi ġodda u tax-xejriet attwali, il-baġit attwali tal-UE huwa mgħammar biex jirrispondi? L-infiq tal-UE kemm jissodisfa dawn il-prijoritajiet? U xi spazju għandna għat-titjib?

3.1.    Sigurtà u sikurezza għaċ-ċittadini tal-Unjoni

L-instabbiltà fil-viċinat tal-Ewropa u forom ġodda ta’ terroriżmu joħolqu sfidi sinifikanti ġewwa u barra l-fruntieri tagħna. Is-sigurtà ta’ Stat Membru wieħed saret is-sigurtà tal-UE kollha. Filwaqt li ħafna mill-għodod li jsaħħu s-sigurtà taċ-ċittadini kollha jinsabu f’idejn l-Istati Membri, l-UE għandha wkoll rwol importanti x’taqdi, billi ttejjeb il-kontroll tal-fruntieri esterni, issaħħaħ netwerks ta’ informazzjoni robusti, issaħħaħ l-appoġġ ipprovdut mill-aġenziji, jew tindirizza ż-żieda fl-instabbiltà fil-viċinat tagħna.

It-theddidiet għas-sigurtà u s-sikurezza jirrigwardaw ukoll oqsma oħra bħal pereżempju l-ħarsien ta’ ktajjen alimentari reżiljenti u mekkaniżmi li jirrispondu għar-riskji għas-saħħa pubblika (pereżempju, il-“mad cow disease” jew id-deni tal-ħnieżer, it-tniġġis tal-ilma u l-kimiċi). Eżempju ieħor huwa l-isforz konġunt fil-ġlieda kontra l-mard globali (bħal pereżempju l-Ebola) li jista’ jkollu effetti devastanti kemm fuq il-pajjiżi terzi kif ukoll fuq iċ-ċittadini Ewropej. Qasam ieħor huwa r-rispons għad-diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem.

Irridu niddeċiedu liema rwol il-baġit tal-UE jista’ jkollu biex jappoġġa l-azzjoni tal-UE fil-bini taż-żona tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja u liema rwol jista’ jkollu fost l-oħrajn fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali 3  u l-iżvilupp ta’ politika tad-difiża komuni sabiex jiġu indirizzati perikli ġodda u eżistenti, kemm fiżiċi kif ukoll fl-ispazju ċibernetiku.

3.2.    Saħħa ekonomika, sostenibbiltà u solidarjetà

Il-baġit tal-UE jinħtieġ li jkompli jagħmel l-ekonomija Ewropea aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti permezz tal-promozzjoni tal-kompetittività fit-tul, is-sostenibbiltà u s-solidarjetà.

L-iżvilupp sostenibbli ilu żmien twil fil-qalba tal-proġett Ewropew. Is-soċjetajiet Ewropej illum jaffaċċjaw bosta sfidi għas-sostenibbiltà, mill-qgħad fost iż-żgħażagħ sat-tixjiħ demografiku, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis, l-enerġija sostenibbli u l-migrazzjoni. L-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) (ara l-grafika hawn taħt) hija ankra tal-politika tal-UE kemm internament kif ukoll esternament.

l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-qalba tal-politika tas-sostenibbiltà tal-UE

Sors: In-Nazzjonijiet Uniti

Id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali fil-qalba tal-SDGs fil-parti l-kbira ġew inkorporati fil-baġit u l-programmi ta’ nfiq tal-UE. Dawn ġew integrati fl-istrateġija Ewropa 2020 biex jibnu madwar l-edukazzjoni u l-innovazzjoni (“intelliġenti”), l-emissjonijiet baxxi tal-karbonju, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni ambjentali (“sostenibbli”) u l-ħolqien ta’ impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar (“inklużiv”). Hemm ukoll impenn politiku li jiġi ddedikat mill-inqas 20 % tal-baġit tal-UE 2014-2020 għal azzjoni klimatika u li jinkiseb 0.7 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) bħala Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp fil-qafas tal-aġenda 2030.

L-inkoraġġiment tal-kompetittività u l-evitar ta’ twessigħ tad-distakk soċjali hija sfida importanti għall-Unjoni u għaż-Żona tal-Euro b’mod partikolari. L-għan irid ikun li jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi u soċjali bejn l-Istati Membri u fihom u li n-nies jingħataw il-possibbiltajiet biex iwettqu r-rwol sħiħ tagħhom fis-soċjetà. L-infiq tal-UE fuq kwistjonijiet soċjali, mis-suq tax-xogħol sat-tnaqqis tal-faqar, mill-inklużjoni soċjali sal-edukazzjoni, fil-preżent jirrappreżenta 0.3 % biss tan-nefqa soċjali pubblika totali fl-UE. Filwaqt li dan il-proporzjon jista’ jiġi vvalutat mill-ġdid fil-futur, ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju li l-appoġġ soċjali se jibqa’ primarjament f’idejn l-Istati Membri. Id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa ddeskriva oqsma fejn il-finanzi tal-UE jistgħu jagħtu kontribut akbar fil-futur, li jiddependi mill-perkors magħżul għall-politika soċjali tal-ġejjieni tal-UE.

Il-benefiċċji tal-globalizzazzjoni huma mqassma b’mod inugwali bejn il-popli u wkoll bejn it-territorji, notevolment bejn żoni metropolitani kbar u żoni industrijali u rurali li qed jesperjenzaw deterjorament. Id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Użu tal-Globalizzazzjoni jindika li hija meħtieġa biex takkumpanja t-trasformazzjoni ekonomika kkawżata mill-globalizzazzjoni u l-bidla teknoloġika sabiex kull ċittadin u kull reġjun ikunu jistgħu jikkontribwixxu għas-suq intern u jibbenefikaw minnu u jsiru aktar kompetittivi u aktar reżiljenti.

Il-baġit attwali tal-UE kif qed iwieġeb għal dawn l-isfidi?

It-tliet funzjonijiet bażiċi ta’ kull baġit pubbliku huma l-investiment f’beni pubbliċi, ir-ridistribuzzjoni u l-istabbilizzazzjoni makroekonomika. Il-baġit tal-UE jaqdi dawn il-funzjonijiet, għalkemm fi gradi differenti. Pereżempju, huwa jiffinanzja beni pubbliċi permezz ta’ programmi mmaniġġati direttament fil-livell Ewropew, bħal Orizzont 2020 għar-riċerka jew strumenti bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-investiment fl-infrastruttura, u flimkien mal-Istati Membri u r-reġjuni permezz tal-investiment ikkofinanzjat skont il-politika ta’ koeżjoni.

Huwa jikseb ridistribuzzjoni (flimkien mal-finanzjament u l-provvista ta’ beni pubbliċi) permezz tal-politika ta’ koeżjoni, li tippromwovi l-konverġenza ekonomika kif ukoll il-koeżjoni soċjali u territorjali; u, permezz tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-appoġġ għad-dħul tal-bdiewa skont il-Politika Agrikola Komuni (PAK).

Il-funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni koperta biss indirettament. Il-baġit tal-UE għandu xi effetti stabbilizzanti għal xi Stati Membri, speċjalment minħabba l-istabbiltà tiegħu fuq seba’ snin, li jipprovdi livell kostanti ta’ investiment indipendenti miċ-ċiklu ekonomiku. Fl-istess ħin, il-kontribuzzjonijiet ta’ Stat Membru huma marbuta mal-prestazzjoni ekonomika, sabiex il-kontribuzzjonijiet għall-baġit jonqsu f’riċessjoni. Madankollu, il-baġit tal-UE qatt ma kien maħsub biex jipprovdi għall-assorbiment tax-xokkijiet makroekonomiċi.

Mistoqsija importanti ssuġġerita mid-Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja hija jekk jistax jiġi kkunsidrat u esplorat aktar mill-Kummissjoni t-twaqqif ta’ funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni u mezz għal aktar konverġenza bħal din.

Fl-aħħar nett, l-impatt tal-investiment jiddependi fuq l-ambjent li fih jopera. Huwa għal din ir-raġuni li d-diskussjoni dwar ir-rabta bejn ir-riformi strutturali u l-baġit tal-UE saret daqshekk importanti riċentement. Filwaqt li din ir-rabta diġà ġiet stabbilita għall-politika ta’ koeżjoni, huwa tajjeb li wieħed jirrifletti dwar jekk din hijiex biżżejjed u jekk l-inċentivi jistgħux jitjiebu.

3.2.1    Investiment f’beni pubbliċi ġestiti direttament fil-livell Ewropew

Fil-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, madwar 13 % tal-baġit tal-UE qed jappoġġa l-prijoritajiet ewlenin għat-tkabbir sostenibbli permezz ta’ programmi u proġetti ġestiti direttament jew indirettament fuq livell Ewropew.

L-ikbar wieħed minn dawn il-programmi huwa l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, li ġie stabbilit mill-President Juncker f’Novembru 2014 wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008 u l-2009 u t-tnaqqis sussegwenti fl-investiment. Huwa se jwassal għall-mira maħsuba ta’ EUR 315-il biljun fl-investimenti. Bl-estensjoni proposta dan għandu jwassal għal total ta’ investimenti ta’ mill-anqas EUR 500 biljun.

Orizzont 2020, l-istrument ewlieni għall-finanzjament ta’ riċerka u innovazzjoni tal-ogħla livell fl-Unjoni Ewropea (EUR 74.8 biljun) jattira kollaborazzjoni minn 131 pajjiż madwar id-dinja u mill-2014 iffinanzja 13,000 proġett ta’ kwalità għolja.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (EUR 30.4 biljun) huwa eżempju ieħor ta’ investiment tal-UE f’infrastruttura ewlenija fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u tal-komunikazzjoni fl-Ewropa. Il-proġetti jinkludu pereżempju t-titjib tas-sigurtà tal-linji ferrovjarji ċentrali tal-Polonja, filwaqt li tiżdied il-veloċità sa 200 km/h, għaldaqstant jitjieb it-trasport Ewropew tal-merkanzija u l-passiġġieri tul il-kuridur tat-trasport tal-Baltiku-Adrijatiku ċentrali.

Erasmus + (EUR 14.8 biljun) huwa l-programm Ewropew għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ u l-isport, b’aktar minn żewġ (2) miljun parteċipant sal-2016.

Il-programm COSME 4 (EUR 2.3 biljun) jimmira intrapriżi żgħar u medji billi jiffaċilita l-aċċess għal finanzjament ta’ self u ekwità, kif ukoll l-aċċess għas-suq, li jipprovdi finanzjament għal self ta’ ’l fuq minn EUR 5.5 biljun lil aktar minn 140,000 kumpanija. Huwa jindirizza l-ispeċifiċitajiet tas-suq Ewropew ta’ kapital ta’ riskju billi jinvesti fl-SMEs fl-istadju ta’ espansjoni u ta’ tkabbir tagħhom, u fl-2016 laħaq kważi nofs biljun EUR ta’ investiment ta’ ekwità.

L-UE tiffinanzja wkoll għadd ta’ proġetti u infrastruttura fuq skala kbira li huma kbar wisq biex jitlestew mingħajr l-investiment pubbliku. Eżempju notevoli huwa s-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita - Galileo, li tipprovdi servizzi, bis-saħħa ta’ 15-il satellita kompletament operazzjonali tal-UE, li issa jinsabu fl-orbita u s-sistema għall-osservazzjoni tad-dinja tal-UE, Copernicus, li għandha ssir waħda mill-aktar fornituri tad-dinja ta’ big data.

Ħafna minn dawn il-programmi saru trademark tal-UE, u dan jagħmel lill-UE aktar viżibbli u rikonoxxibbli fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħha. Madankollu, hemm marġini għal titjib biex tissaħħaħ aktar il-prestazzjoni tagħhom u jiżdied l-impatt tagħhom, b’mod partikolari billi tiġi evitata d-duplikazzjoni, jingħaqdu l-istrumenti, u b’hekk jiġi żgurat li jkun hemm komplimentarjetà u simplifikazzjoni. L-allokazzjoni baġitarja għal dawn il-programmi jinħtieġ li tissaħħaħ? Kif nistgħu niżguraw li dawn isaħħu lil xulxin b’mod reċiproku? Kif tista’ tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn il-programmi li jintervjenu fl-istess oqsma, kemm jekk għall-infrastruttura kbira jew għall-appoġġ għall-SMEs? Il-metodi biex jitjieb l-użu ta’ strumenti finanzjarji f’dan il-qasam, jiġu ssimplifikati r-regoli rilevanti u titjieb il-flessibbiltà jissemmew fit-Taqsima 4.2.

3.2.2    Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

Filwaqt li l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni huma mifruxa b’mod wiesa’, l-ispejjeż ta’ spiss huma lokalizzati. Evidenza riċenti tissuġġerixxi li ħafna reġjuni fl-Ewropa għandhom probabbiltà aktar minn oħrajn li jkunu esposti għal xokkijiet mhux mistennija minħabba l-ispeċjalizzazzjoni ekonomika tagħhom, l-ispejjeż tax-xogħol, jew il-livell ta’ edukazzjoni tal-ħaddiema tagħhom. Fl-istess ħin, ir-rati tal-qgħad, b’mod partikolari fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, jibqgħu għoljin wisq; il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol hija baxxa f’ħafna partijiet tal-Ewropa; u n-numru ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar huwa għoli b’mod li mhuwiex aċċettabbli.

Dawn id-differenzi ta’ perspettivi ekonomiċi u soċjali jistgħu joħolqu tensjonijiet soċjopolitiċi u jeħtieġu rispons xieraq tal-UE sabiex l-ebda persuna u l-ebda reġjun ma jitħallew lura.

It-trawwim ta’ konverġenza ekonomika u reżiljenza dejjiema huwa l-objettiv ewlieni tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, li flimkien ma’ kofinanzjament nazzjonali, se jimmobilizzaw aktar minn EUR 480 biljun għall-perjodu 2014-2020.

Il-ġenerazzjoni ta’ programmi attwali inkorporaw riformi importanti. Dawn jiffukaw aktar finanzjament fuq il-prijoritajiet ewlenin Ewropej, bħalma huma l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, il-ħiliet, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-effiċjenza tal-enerġija u r-riżorsi. L-objettivi tal-programm jiġu stabbiliti minn qabel. Il-qafas globali ekonomiku, legali u istituzzjonali għall-investiment ittejjeb. Bl-istess mod, il-politika stabbilixxiet rabta mill-qrib bejn l-investiment kofinanzjat u l-aġenda ta’ governanza ekonomika usa’ u riformi strutturali.

Il-Globalizzazzjoni: l-Ewropa hija ppreparata?

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Il-politika ta’ koeżjoni x’tiffinanzja?

F’biljuni ta’ EUR

Kaxxa 2 – Eżempji tar-riżultati skont il-politika ta’ koeżjoni 2007-13

·Nefqa għal objettivi soċjali: 9.4 miljun ruħ b’impjieg bla xkiel, filwaqt li 8.7 miljun ċittadin kisbu l-kwalifiki

·L-Istati Membri u r-reġjuni żviluppaw strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti biex jindirizzaw aħjar l-isforzi ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom. Is-sostenn wassal għal madwar 95,000 proġett ta’ Riċerka u Innovazzjoni u nħolqu 42,000 pożizzjoni ta’ riċerka ġodda;

·Madwar 400,000 SMEs irċevew appoġġ skont il-politika ta’ koeżjoni u b’riżultat ta’ dan qegħdin jinħolqu aktar minn 1 miljun impjiegi ġodda.

·Parti kbira tan-nefqa tal-UE għat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni ambjentali qed tintefaq permezz tal-politika ta’ koeżjoni. Pereżempju, madwar 12-il miljun persuna kisbu aċċess għal provvista tal-ilma aħjar u 7 miljuni għal trattament aħjar tal-ilma mormi;

·L-Istati Membri bnew jew irrinovaw 2,600 km ta’ linji ferrovjarji u 2,400 km ta’ toroq li jappartjenu għan-Netwerk Trans-Ewropew, minbarra n-netwerks sekondarji li joħolqu konnessjoni bejn iż-żoni remoti u l-bqija tal-Ewropa.

Filwaqt li r-riżultati globali tal-politika ta’ koeżjoni huma inġenerali pożittivi, hemm numru ta’ oqsma li jinħtieġu riforma.

L-ewwel, f’dawn l-aħħar snin, il-politika ta’ koeżjoni kkumpensat b’mod effettiv għat-tnaqqis tal-investimenti nazzjonali u reġjonali li nħoloq minħabba l-kriżi. Dan għen biex ma jkunx hemm tfixkil serju, iżda r-rati ta’ kofinanzjament ogħla li rriżultaw mill-baġit tal-UE naqqset l-isforz globali tal-investiment.

It-tieni, filwaqt li l-politika ta’ koeżjoni rrispondiet għall-kriżi billi żdied il-livell ta’ kofinanzjament u saru emendi tal-programmi tagħha biex jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet soċjoekonomiċi li qed jinbidlu, jenħtieġ ukoll li jsir rieżami ta’ kif il-politika ta’ koeżjoni tkun imħejjija aħjar u tirreaġixxi għal żviluppi mhux mistennija, kriżijiet u tibdil fis-soċjetà.

It-tielet, b’rabta mal-governanza ekonomika u s-Semestru Ewropew tista’ tinħtieġ li tissaħħaħ mill-ġdid sabiex ikun żgurat li s-sistema tkun aktar sempliċi, trasparenti, u tipprovdi inċentivi pożittivi biex jiġu implimentati riformi konkreti biex titrawwem il-konverġenza.

Fl-aħħar, il-politika qed issir dejjem aktar kumplessa biex tiġi ġestita, u dan ifixkel l-implimentazzjoni fil-prattika u joħloq dewmien. Is-saffi ta’ kontrolli u l-kumplessità burokratika jagħmluha diffiċli għall-benefiċjarji biex jaċċessaw dawn il-fondi u jwettqu l-proġetti malajr. Għalhekk, jinħtieġ approċċ aktar radikali għall-ġejjieni, biex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni u jiġu permessi programmi aktar aġli u flessibbli.

3.2.3    Agrikoltura sostenibbli

Il-bdiewa jipprovdu provvista tal-ikel stabbli u ta’ kwalità għolja b’mod sostenibbli bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu għal aktar minn 500 miljun Ewropew filwaqt li jirrispettaw ir-rekwiżiti għas-saħħa u l-benessri tal-annimali, il-protezzjoni tal-ambjent u s-sikurezza tal-ikel.

L-iżgurar ta’ sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tal-agrikoltura u l-komunitajiet rurali huwa l-objettiv ewlieni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Fil-qafas attwali ta’ bejn l-2014 u l-2020, il-PAK se timmobilizza madwar EUR 400 biljun biex tiffinanzja l-miżuri tas-suq u l-pagamenti diretti għal bdiewa u l-programmi ta’ żvilupp rurali u se tippromwovi agrikoltura sostenibbli u ekonomiji rurali b’saħħithom. Minn dan l-ammont il-pagamenti diretti jirrappreżentaw madwar 70 %. Dan l-introjtu jappoġġa parzjalment id-diskrepanza bejn l-introjtu agrikolu u l-introjtu komparabbli għal setturi oħrajn ekonomiċi. L-aktar riforma riċenti ta’ din il-politika introduċiet bidliet ewlenin fis-sistema ta’ pagamenti diretti, immirati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari ta’ bdiewa żgħażagħ u azjendi agrikoli iżgħar, setturi jew reġjuni speċifiċi f’diffikultà, u l-ambjent.

Bis-saħħa ta’ din il-politika, iċ-ċittadini Ewropej ikollhom aċċess għal ikel sikur, bi prezzijiet raġonevoli u ta’ kwalità għolja. Ir-riformi suċċessivi tal-politika agrikola komuni għamlu s-settur tal-biedja kompetittiv fuq livell dinji, billi jopera qrib il-prezzijiet tas-suq dinjin u juri prestazzjoni tal-esportazzjoni b’saħħitha u mtejba. Madankollu, għad hemm diskrepanzi kbar fl-iżvilupp tas-settur ekonomiku. F’xi żoni rurali ma hemm l-ebda sorsi alternattivi kredibbli ta’ impjiegi u introjtu minbarra l-biedja. Madankollu, xi uħud mill-bdiewa issa għandhom aċċess għal forom oħra ta’ introjtu li mhux ġej mill- biedja, pereżempju l-attivitajiet turistiċi u l-passatempi, l-enerġija tar-riħ, l-bijogass u mill-enerġija solari.

L-agrikoltura tkopri kważi nofs is-superfiċje tal-UE. Dan jagħmel lill-bdiewa atturi ewlenin fil-preservazzjoni tar-riżorsi naturali (l-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-bijodiversità), l-implimentazzjoni tal-azzjoni klimatika u fit-tiswir ta’ pajsaġġi apprezzati. Il-PAK tistabbilixxi r-regoli meħtieġa u l-inċentivi biex jiġi żgurat li l-agrikoltura u l-forestrija jikkontribwixxu biex isolvu l-problemi ambjentali u klimatiċi urġenti globalment u jipprovdu l-prodotti għall-pubbliku li ċ-ċittadini jistennew. Fost dawn l-għodod ewlenin hemm il-miżuri agroambjentali u klimatiċi tal-PAK, li jipprovdu inċentivi lill-bdiewa biex jadottaw u biex jadattaw il-politiki u l-prattiċi għall-ġestjoni u jwettqu azzjonijiet ta’ tisħiħ u preservazzjoni tal-korpi tal-ilma, il-ħamrija, il-bijodiversità u l-kumditajiet fil-pajsaġġ kif ukoll mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima. Madankollu, hemm domanda li qed tikber biex il-Politika Agrikola Komuni tiġi orjentata aktar lejn il-provvista ta’ prodotti pubbliċi marbutin mal-protezzjoni tal-ambjent u l-azzjoni klimatika. Dan ikun jeħtieġ aktar miżuri ta’ sostenn immirati u adattati skont ir-reġjun.

Il-bilanċ tal-kummerċ agrikolu juri settur kompetittiv

F'miljuni ta’ EUR

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Ma hemm l-ebda kunsens dwar il-livell ta’ sostenn għall-introjtu meħtieġ meta tiġi kkunsidrata l-kompetittività fis-settur. F’ċerti każijiet, dawn il-pagamenti ma jikkontribwixxux għall-iżvilupp strutturali tas-settur, iżda għandhom it-tendenza li jżidu l-prezzijiet tal-art li jista’ jtellef id-dħul tal-bdiewa żgħażagħ fis-suq.

Il-parti l-kbira tal-pagamenti diretti għadhom determinati minn drittijiet storiċi u kkonċentrati fuq azjendi agrikoli kbar u sidien tal-art fi Stati Membri aktar sinjuri. Bħala medja, 20 % tal-benefiċjarji jirċievu madwar 80 % tal-pagamenti. Madankollu, din l-istampa ġenerali taħbi d-differenzi kbar bejn Stat Membru u ieħor. Pereżempju, 92 % tal-bdiewa fir-Rumanija u 97 % f’Malta jħaddmu azjendi agrikoli żgħar, filwaqt li l-Ġermanja anqas minn 9 % tal-azjendi agrikoli huma żgħar.

Min se jibbenefika minn sostenn tal-Politika Agrikola Komuni?

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Il-maġġoranza ta’ pagamenti tal-PAK jiġu ffinanzjati kompletament mill-baġit tal-UE u b’hekk tipprovdi rabta diretta bejn il-benefiċjarji u l-Unjoni. Il-politika tilħaq il-bdiewa u ċ-ċittadini anki fiż-żoni l-iktar marġinali tal-Ewropa, u b’hekk tipprovdi effetti indiretti sinifikanti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, biex ma nsemmux ir-reżiljenza f’dawk l-oqsma. Apparti mill-miżuri ta’ żvilupp rurali ffinanzjati skont it-tieni pilastru tal-PAK, dan huwa l-uniku qasam ta’ politika ġestit flimkien mal-Istati Membri mingħajr kofinanzjament nazzjonali.

L-iżviluppi matul dawn l-aħħar snin urew li l-baġit tal-UE kellu jipprovdi sostenn ta’ emerġenza ad hoc b’mod rikorrenti biex jiġu indirizzati żviluppi speċifiċi bħat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib jew tal-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti agrikoli. Għalhekk jinħtieġ li jiġi esplorat l-aħjar bilanċ ta’ strumenti fil-politika agrikola komuni futura bejn il-miżuri ta’ politika u l-pakketti finanzjarji, l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji, l-għodod ta’ ġestjoni tar-riskju u arranġamenti oħra tas-suq li jittrattaw ir-riskji u l-avvenimenti negattivi mhux mistennija fis-settur agrikolu.

Kaxxa 3 – Eżempji tar-riżultati skont il-Politika Agrikola Komuni

·Sebgħin fil-mija (70 %) tal-art agrikola tal-UE hija koperta minn miżuri ekoloġiċi, appoġġati minn EUR 60 biljun.

·Madwar 47 miljun ettaru jew madwar 25 % tal-art agrikola Ewropea kienu b'kuntratt ta’ ġestjoni għal prattiki agroambjentali li jirrispettaw l-ambjent li jimmiraw l-ilma, il-ħamrija u bijodiversità.

·Il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ aktar minn 200,000 negozju rurali (145,000 bidwi żagħżugħ jirċievi appoġġ biex jiftaħ negozju u 62,000 mikrointrapriżi).

·Appoġġ għal aktar minn 25,000 proġett ambjentali ta’ infrastruttura bħal sistema ta’ drenaġġ u ġestjoni tal-iskart imtejba f’żoni remoti u rurali.

·Mal-2,400 Grupp ta’ Azzjoni Lokali rċevew appoġġ biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji ta’ żvilupp għaż-żoni lokali tagħhom.

3.3    Il-Ġestjoni tal-Migrazzjoni

Il-fruntieri esterni tal-UE qed ikun dejjem aktar xeni ta’ traġedji umani, li l-UE flimkien mal-Istati Membri tagħha jinħtieġ li jieħdu azzjoni rigward tagħhom. Fl-istess ħin, il-ġestjoni tal-migrazzjoni jinħtieġ li tkun aħjar fl-aspetti kollha; l-UE jinħtieġ li timmira biex tipprovdi l-għodod lill-Istati Membri biex jagħmlu dan, kemm f’perjodu ta’ żmien medju kif ukoll fit-tul.

Il-ġestjoni tal-migrazzjoni hija responsabbiltà kondiviża, mhux biss fost l-Istati Membri tal-UE, iżda anki fir-rigward ta’ pajjiżi terzi ta’ tranżitu u oriġini tal-migranti. Billi l-politiki interni u esterni jingħaqdu flimkien, l-UE u l-Istati Membri qed jiżviluppaw approċċ komprensiv ibbażat fuq fiduċja reċiproka u solidarjetà fost l-Istati tal-UE u l-istituzzjonijiet.

Fir-rigward tal-ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni, il-baġit tal-UE kurrenti diġà jappoġġa l-Istati Membri biex jiżviluppaw akkoljenza adegwata u oqfsa ta’ protezzjoni, li jindirizzaw il-kawża ewlenija tal-migrazzjoni u jissalvagwardjaw iż-żona Schengen. Matul l-2015-2017, aktar minn EUR 17-il biljun, 3.7 % tal-baġit totali tal-UE ġew allokati għal dawn l-isfidi.

Pereżempju, il-baġit tal-UE ntuża biex jinħolqu “hotspots” fil-Greċja u l-Italja biex tintlaħaq il-kapaċità totali ta’ 'l fuq minn 9,000 post. Fl-2016, ġie pprovdut kenn għal aktar minn 35,000 persuna fil-Greċja, minn tined fl-istadju inizjali għal kontenituri adattati għall-kundizzjonijiet xitwin u 417-il post sikur għall-minuri mhux akkumpanjati. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, li għadha kif ġiet stabbilita, fl-2016 ikkontribwixxiet għas-salvataġġ ta’ 174,500 ruħ fil-Mediterran.

3.4    L-Isfidi Esterni, is-Sigurtà, l-Għajnuna Umanitarja u l-Iżvilupp

F’dawn l-aħħar snin, l-Ewropa ffaċċjat sfidi esterni ġodda marbuta mal-instabbiltà u l-fraġilità fil-viċinat immedjat tal-UE u lil hinn minnha. Iċ-ċittadini tal-UE huma mħassba dwar il-migrazzjoni, it-terroriżmu u t-theddid ta’ sigurtà esterna b’mod ġenerali u jridu li dawn il-kwistjonijiet jiġu ttrattati fil-livell Ewropew, inkluża d-difiża. Huma jistennew li l-Ewropa jkollha rwol ewlieni fid-dinja, biex timmaniġġa l-effetti tal-globalizzazzjoni, tiddefendi l-ordni bbażata fuq ir-regoli, governanza xierqa kif ukoll id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet umani u żvilupp ekonomiku sostenibbli u tipproġetta stabbiltà u sigurtà, b’mod partikolari fil-viċinat immedjat tal-UE. Kważi disgħa (9) minn kull 10 Ewropej jaħsbu li huwa importanti li jingħata sostenn lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Tnejn u tmenin fil-mija (82 %) tal-Ewropej iqisu li jagħtu l-għajnuna lill-oħrajn hija għażla ta’ vantaġġ għal kulħadd u mingħajr dubju dan huwa fl-interess Ewropew. Barra minn hekk, l-Ewropej jaraw il-valur miżjud ċar meta tittieħed azzjoni fuq skala Ewropea f’affarijiet esterni.

Bħalissa, EUR 96.5 biljun jappoġġaw l-azzjoni esterna tal-UE, inkluż il-Ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EUR 30.5 biljun) extrabaġitarju għas-sħab Afrikani, tal-Paċifiku u tal-Karibew. Il-Baġit tal-UE mbagħad jiddedika madwar 6 % tal-QFP attwali għal azzjoni esterna u l-akbar pakketti finanzjarji huma l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (EUR 19.7 biljun), l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (EUR 15.4 biljun) u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (EUR 11.7 biljun). Mat-EUR 8 biljun huma pprogrammati għall-Għajnuna Umanitarja. Dan il-baġit kien kontinwament mobilizzat u msaħħaħ f’dawn l-aħħar snin billi ġew eżawriti l-marġnijiet kollha disponibbli, biex tiġi indirizzata l-multiplikazzjoni ta’ emerġenzi umanitarji u oħrajn fl-Ewropa, iż-żieda fin-numru ta’ persuni spostati, ħtiġijiet umanitarji mingħajr preċedent u l-kumplessità tal-kriżijiet, li jidhru li se jkomplu.

L-azzjoni esterna tal-UE ssir f’pajjiżi sħab barra mill-Unjoni iżda tipproteġi wkoll l-interessi taċ-ċittadini u s-sigurtà. Bħala l-akbar donatur ta’ għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp, inkluż permezz tal-impenn kollettiv tagħha sabiex tiddedika 0.7 % tal-ING għal Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, l-UE u l-Istati Membri tagħha jkollhom rwol ewlieni fl-appoġġ għall-oħrajn madwar id-dinja. L-azzjoni esterna tal-UE tippromwovi l-istabbiltà fil-fruntieri tal-UE u lil hinn minnhom, tappoġġa l-eliminazzjoni tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u trawwem kooperazzjoni fl-oqsma ta’ interess għall-UE. Hija tindirizza wkoll l-għeruq tal-kawżi tal-migrazzjoni irregolari u l-estremiżmu vjolenti. Il-finanzjament tal-UE ġeneralment jipprovdi l-bażi li fuqu jinġabar il-finanzjament għall-iżvilupp mill-Istati Membri biex tiżdied il-massa kritika u l-impatt tal-UE f’pajjiżi sħab permezz ta’ programmazzjoni konġunta kif ukoll implimentazzjoni konġunta.

L-isfidi l-ġodda rigward l-azzjoni esterna tal-UE, kif definit fl-Istrateġija Globali tal-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-UE jindikaw li hemm ħtieġa biex jiġi eżaminat l-allinjament tal-finanzi tal-UE ma’ dawn il-prijoritajiet ġodda u l-effettività tal-istrumenti varji f’dan il-qasam, inklużi d-Delegazzjonijiet tal-UE. Dan huwa partikolarment minnu fir-rigward tad-difiża kif ukoll l-investiment estern tal-UE fejn jista’ jkun hemm il-ħtieġa għall-possibbiltà ta’ ingranaġġ sinifikanti lill-fondi privati u jkun hemm impatt sostanzjali fuq il-paċi, l-istabbiltà u r-rabtiet ekonomiċi b’saħħithom. L-esperjenza f’dawn l-aħħar snin turi li tinħtieġ koordinazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-politiki esterni u interni, inkluża l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDG) tal-Aġenda tal-2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Qafas tas-Sħubija ma’ pajjiżi terzi rigward il-migrazzjoni.



4.    OPZJONIJIET GĦALL-ĠEJJIENI .TAL-FINANZJI TAL-UE

It-tfassil tal-baġit tal-UE tal-ġejjieni għandu jkun sostnut b’viżjoni ċara tal-prijoritajiet tal-Ewropa u determinazzjoni biex ikun hemm investiment f’oqsma li se jiżguraw is-saħħa ekonomika, is-sostenibbiltà, is-solidarjetà u s-sigurtà għall-ġejjieni.

Id-diskrepanza tal-finanzi tal-UE li jirriżultaw mill-irtirar tar-Renju Unit u mill-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ prijoritajiet ġodda jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta b’mod ċar. Il-prijoritajiet il-ġodda ġew imfasslin skont il-qafas finanzjarju attwali prinċipalment billi l-flessibbiltajiet eżistenti ġew estiżi sal-limiti tagħhom.

Fil-ġejjieni, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, is-sigurtà interna u esterna, il-kontroll fil-fruntieri esterni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u d-difiża se jkun meħtieġ li jiġu bbaġitjati f’perspettiva aktar fit-tul, flimkien ma’ investiment kontinwu biex jiġu appoġġati l-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab tagħna. Id-daqs, l-istruttura u l-kontenut tal-baġit futur tal-UE jinħtieġ li jkun jaqbel mal-ambizzjoni politika li l-Unjoni Ewropea tistabbilixxi ruħha għall-ġejjieni. L-UE sempliċiment se tkompli l-ħidma tagħha, se taħdem inqas, se taġixxi b’ritmu differenti, se twettaq bidla radikali jew se taħdem ħafna aktar f’kooperazzjoni?

Iridu jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli. B’baġit riċessiv, l-Ewropa tista’ twettaq riżultati fil-qasma tal-politiki eżistenti u l-prijoritajiet il-ġodda? Jekk le, fejn jinħtieġ li jsir tnaqqis, anki fl-ambizzjonijiet? Jew id-diskrepanza jeħtieġ li titnaqqas, jew permezz ta’ żieda fil-kontribuzzjonijiet mingħand is-27 Stat Membru, f’forma ta’ sorsi alternattivi ta’ dħul, inkella taħlita tat-tnejn li huma, biex l-UE 27 jkunu jistgħu jwettqu aktar flimkien? Irrispettivament mill-eżitu, il-livell ta’ ambizzjoni politika jrid ikun allinjat mal-mezzi għal azzjoni.

 Baġit tal-UE li kapaċi jindirizza sfidi domestiċi u globali

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

4.1    Fuq xiex jinħtieġ li l-baġit futur tal-UE jiffoka

4.1.1    L-indirizzar ta’ tendenzi kurrenti u sfidi ġodda

Il-baġit tal-UE jinħtieġ li jkompli jindirizza t-tendenzi kurrenti li se jfasslu l-UE fis-snin li ġejjin. Hemm ukoll għadd ta’ sfidi ġodda li fihom il-baġit tal-UE jinħtieġ li jiffoka fuqhom milli qed isir illum. Dawn jinkludu l-ġestjoni tal-migrazzjoni irregolari u r-refuġjati, inklużi l-integrazzjoni, il-kontroll tal-fruntieri esterni, is-sigurtà, is-sigurtà ċibernetika, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u d-difiża komuni.

L-ewwel nett, it-tnaqqis tad-diverġenzi ekonomiċi u soċjali fl-Istati Membri u bejniethom huwa element essenzjali għal Unjoni li timmira lejn ekonomija tas-suq kompetittiva ħafna u soċjali, bil-għan ta’ livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali. Dan huwa importanti ħafna għaż-Żona tal-Euro, fejn id-diverġenzi jaffettwaw b’mod negattiv l-iżvilupp sostenibbli tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja f’perjodu ta’ żmien medju. Id-Dokumenti ta’ Riflessjoni dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Ewropa u l-Ġestjoni tal-Globalizzazzjoni ppreżentaw għadd ta’ ideat għall-kunsiderazzjoni. Il-prijorità ewlenija se tkun li jkun hemm investiment fin-nies, mill-edukazzjoni u t-taħriġ, għas-saħħa, l-ugwaljanza u l-inklużjoni soċjali. Barra minn hekk, billi jiġi bbażat fuq l-eżempju ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, Garanzija tat-Tfal appoġġata minn fondi tal-UE tista’ tkun alternattiva. Huwa importanti li l-infiq soċjali jilħaq lil dawk li l-aktar għandhom bżonnu, b’mod partikolari f’reġjuni b’livell għoli ta’ inugwaljanzi soċjali. Fil-kuntest ta’ dan l-objettiv, il-kriterji eżistenti għal objettiv bħal dan jistgħu jeħtieġu kunsiderazzjoni mill-ġdid.

It-tieni, filwaqt li l-biċċa l-kbira tar-riżorsi finanzjarji għad-difiża tal-Ewropa se tkompli tiġi mill-baġits nazzjonali, hemm kunsens dwar il-ħtieġa li wieħed jimxi 'l quddiem b’mod konġunt, pereżempju fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, fuq il-kompetittività tal-bażi industrijali tal-Ewropa u l-akkwist fejn il-baġit tal-UE għandu jiffinanzja l-Fond ta’ Difiża Ewropea biex jitjieb il-valur għall-flus. Din għandha wkoll tkun tista’ żżid l-assistenza attwali għall-pajjiżi sħab fil-bini tal-kapaċità kif ukoll il-komponent militari / tad-difiża, fejn tkun meħtieġa aktar solidarjetà fil-finanzjament ta’ attivitajiet operazzjonali, inklużi għall-missjonijiet militari tal-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni.

Kollox ma’ kollox, il-kunsiderazzjoni rigward din l-ambizzjoni l-ġdida fid-difiża se tkun tinvolvi sforz wara l-2020 minn sorsi differenti. Il-EUR 1.5 biljun fis-sena tal-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-Fond Ewropew għad-Difiża, flimkien mal-kontribuzzjoni tal-Istati Membri biex jiġu ffinanzjati proġetti ta’ żvilupp konġunt, il-Fond jista’ jiġġenera investiment totali għar-riċerka fil-qasam tad-difiża u l-iżvilupp tal-kapaċità ta’ EUR 5.5 biljun kull sena wara l-2020.

It-tielet nett, il-Kummissjoni fid-dokument ta’ riflessjoni tagħha dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja enfasizzat l-idea li jiġu pprovduti inċentivi li jappoġġaw ir-riforma strutturali. Dawn l-inċentivi, li jistgħu jkunu f’forma ta’ premjijiet finanzjari jirrikonoxxu ċ-ċirkostanzi ekonomiċi, il-kost finanzjarju jew politiku ta’ riforma strutturali fuq terminu qasir u jgħinu biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tagħhom b’suċċess. Huma jistgħu jkunu msaħħa skont il-politika ta’ koeżjoni jew stabbiliti skont fond ġdid, awtonomu u miftuħ għall-Istati Membri kollha. Huma jinħtieġ li jappoġġaw il-politiki u l-azzjonijiet Ewropej f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fis-Semestru Ewropew. Appoġġ tekniku għal dawn l-isforzi jista’ jiġi ffinanzjat ukoll mill-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni se tivvaluta dawn l-opzjonijiet b’mod xieraq qabel tikkunsidra inizjattivi konkreti.

Li jinżammu l-valuri ewlenin tal-UE meta jiġu żviluppati u implimentati dawn il-politiki tal-UE huwa essenzjali 5 . Fid-dibattitu pubbliku, kien hemm suġġerimenti ġodda li jorbtu l-iżborżament ta’ fondi baġitarji tal-UE mal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa importanti għaċ-ċittadini Ewropej, iżda anki għall-inizjattivi ta' negozju, l-innovazzjoni u l-investiment li jirnexxu l-aktar meta l-qafas legali u istituzzjonali jaderixxi bis-sħiħ mal-valuri komuni tal-Unjoni. Għaldaqstant hemm relazzjoni ċara bejn l-istat tad-dritt u implimentazzjoni effiċjenti tal-investimenti privati u pubbliċi bl-appoġġ tal-baġit tal-UE.

Ir-raba’, kwistjoni importanti hija jekk il-baġit tal-UE li jmiss għandux jinkorpora xi forma ta’ funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni. Fid-dokument ta’ Riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja ġie ssuġġerit l-introduzzjoni ta’ funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. L-objettiv tagħha se tkun il-protezzjoni kontra xokkijiet kbar li jolqtu pajjiżi differenti b’mod differenti (l-hekk imsejħa xokkijiet “asimetriċi”). Dan jista’ jkun abbażi ta’ skema ta’ protezzjoni għall-investimenti, riassigurazzjoni għal skemi nazzjonali tal-qgħad jew fond “rainy day”. Ikun hemm kundizzjonijiet ċari għall-aċċess ta’ funzjoni bħal din.

Tali miżuri jistgħu jiġu ffinanzjati minn strumenti eżistenti jew minn strument ġdid. Huwa ddiskutibbli jekk tali funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni għandhiex tkun marbuta ma’ kapaċità fiskali ġdida li tiffoka esklussivament fuq iż-Żona tal-Euro jew jekk din il-funzjoni tistax issir mill-baġit tal-UE, peress li, anki f’dan il-waqt, iż-Żona tal-Euro diġà tirrappreżenta 85 % tal-PDG tal-UE. Id-dokument ta’ riflessjoni dwar l-approfondiment tal-UEM, jissuġġerixxi, bħala opzjoni waħda, li l-funzjoni tal-istabbilizzazzjoni “jinħtieġ li tiġi żviluppata fil-qafas tal-UE u tista’ tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha”.

L-introduzzjoni ta’ kapaċità ta’ stabbilizzazzjoni fiskali taż-Żona tal-Euro twassal għal xi ħaġa kwalitattivament ġdida fil-finanzi tal-UE. Fuq medda itwal ta’ żmien, id-dokument fetaħ ukoll dibattitu dwar baġit taż-Żona tal-Euro komprensiv b’objettivi ferm aktar wesgħin, riżorsi ogħla b’mod sinifikanti u mezz ta’ riżorsi proprji.

Il-ħames, jeħtieġ li ssir bidla lejn mudelli ġodda u sostenibbli tat-tkabbir, li jgħaqqdu flimkien il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali b’mod olistiku u integrat. Biex it-tranżizzjoni sseħħ b’suċċess, il-ħtiġijiet ta’ investiment huma kbar, u l-ikbar sehem se jkun għall-infrastruttura tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju, kemm għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni. Pereżempju, jeħtieġ li sal-2030 is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku kważi jirdoppja, sabiex l-UE tilħaq il-miri tagħha tal-enerġija u l-klima. Il-baġit tal-UE jista’ jkollu effett ta’ katalist biex jistimula l-investiment privat jew pubbliku addizzjonali meħtieġ.

Is-sitta, l-istrumenti eżistenti kollha se jkollhom bżonn jiġu eżaminati. Għalkemm dan id-dokument iħares b’mod partikolari lejn ir-riforma tal-akbar żewġ politiki ta’ nfiq (l-agrikoltura u l-koeżjoni) l-ebda programm jew strument appoġġat mill-baġit tal-UE ma għandu jkun eżenti mit-test tal-valur miżjud tal-UE. Irridu nqisu jekk l-istrumenti eżistenti kollha humiex indispensabbli jew jekk hemmx lok għal inkorporazzjoni jew l-għeluq tal-programmi. Aktar importanti minn dan hija l-ħtieġa li tiġi żgurata koerenza politika bejn l-istrumenti tal-UE biex jiġi żgurat li dawn kollha jappoġġaw l-objettivi tal-UE u jiffaċilitaw ir-riformi fl-Istati Membri. Pereżempju, fil-qasam tal-finanzjament tal-SME, l-istess benefiċjarji jistgħu jkunu eliġibbli biex jirċievu sostenn permezz ta’ diversi strumenti koperti taħt programmi differenti (COSME, Orizzont 2020 u l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI) jew implimentati mill-Istati Membri permezz tal-politika ta’ koeżjoni. Din l-offerta ta’ prodott dupplikat ikkawża xi konfużjoni għall-intermedjarji finanzjarji rigward liema skema għandha tapplika. Ir-regoli u l-kundizzjonijiet li japplikaw fl-istess qasam ta’ politika għandhom jiġu allinjati.

Hemm ukoll evidenza ta’ kompetizzjoni u effetti ta’ crowding out bejn il-programmi tal-UE, pereżempju fil-każ tal-infrastruttura, fejn anki jekk is-self u l-garanziji pprovduti mill-FEIS huma maħsuba biex jikkumplimentaw l-implimentazzjoni tal-Istrument tad-Dejn tas-CEF, jissuġġerixxi li l-introduzzjoni ta’ FEIS naqqas l-użu tal-istrument tas-CEF u tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni.

Is-seba’, meta jiġi kkunsidrat it-titjib tat-twettiq tar-riżultati, jista’ jkun meħtieġ li għall-politiki esterni, l-għadd ta’ strumenti jitnaqqas, iżda l-flessibbiltà tagħhom tiżdied. Dan jista’ wkoll jiffaċilita r-riallokazzjoni interna bejn il-prijoritajiet reġjonali jew tematiċi f’każ li tkun meħtieġa reazzjoni għal kriżi fuq medda qasira ta’ żmien.

L-inkorporazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) fil-baġit tal-UE u l-QFP ta’ spiss ġiet diskussa wkoll bħala għażla biex tissaħħaħ l-unità tal-baġit u r-responsabbiltà tiegħu. Għażla bħal din jista’ jkollha wkoll xi żvantaġġi, peress li xi attivitajiet preżenti jistgħu ma jkunux appoġġati mill-baġit tal-UE, pereżempju l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika.

Meta l-Istati Membri jittrasferixxu l-infiq mill-baġit nazzjonali għal dak tal-UE, ma għandux jitqies bħala żieda netta fil-livelli ta’ nfiq, iżda pjuttost bħala mezz biex jiġi ttrasferit l-infiq eżistenti minn baġits nazzjonali u l-baġit tal-UE, fejn fil-prinċipju għandhom jirċievu valur miżjud ogħla. Dan ifisser, pereżempju, li jekk il-FEŻ jiġi inkorporat fil-baġit tal-UE u l-QFP, il-volum globali tal-QFP ikollu jiżdied bid-daqs tal-fond.

Fl-aħħar nett, l-implimentazzjoni xierqa tal-politiki tal-UE tiddependi fuq servizz pubbliku Ewropew b’saħħtu u effiċjenti. Sa mill-2013, l-istituzzjonijiet tal-UE qed jissodisfaw l-impenn tagħhom biex jitnaqqas il-livell tal-persunal tagħhom. Dan seħħ minkejja r-responsabbiltajiet addizzjonali l-ġodda tagħha, pereżempju l-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati jew l-indirizzar ta’ theddidiet ta’ sigurtà, jew fid-Delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi oħrajn. Għaldaqstant il-baġit futur tal-UE jinħtieġ li jagħmel provvediment għal servizz pubbliku Ewropew b’saħħtu, attraenti għal żgħażagħ b’talent mill-Unjoni, u jkun kapaċi jwettaq il-prijoritajiet li jirriżultaw minn dan il-proċess ta’ riflessjoni. Id-Deċiżjonijiet rigward il-politiki u strumenti tal-futur jinħtieġ li jikkunsidraw l-impatt fuq ir-riżorsi umani.

Aktar tnaqqis fil-livelli tal-persunal jista’ jipperikola l-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet tal-UE. Bl-istess mod, ir-riformi preċedenti naqqsu s-salarji, u fl-istess waqt żiedu l-ħin tax-xogħol u l-età tal-pensjoni. Huwa ċar li l-interess ta’ żgħażagħ minn Stati Membri bi dħul per capita relattivament għoli biex jingħaqdu mal-istituzzjonijiet tal-UE qed jonqos. Filwaqt li l-kundizzjonijiet tax-xogħol jista’ jkun fattur f’dawn id-deċiżjonijiet, it-tendenza hija ċara.

4.1.2    Riforma tal-politika agrikola komuni

Il-politika agrikola komuni tipprovdi valur miżjud importanti għall-Ewropej u tissodisfa l-objettivi stabbiliti mit-Trattat. Din kienet l-ewwel politika komuni tal-UE u evolviet ħafna matul iż-żmien permezz ta’ għadd ta’ riformi. Fid-dibattitu attwali, l-opzjonijiet differenti għal riforma ulterjuri qed jiġu kkunsidrati sabiex titjieb l-effiċjenza tagħha u s-sens ta’ ġustizzja filwaqt li jintlaħqu l-istess objettivi li jiżguraw ikel sikur u san, settur kompetittiv, standard ġust ta’ għajxien għall-komunità agrikola u l-protezzjoni tar-riżorsi naturali tagħna, tal-pajsaġġi, tal-ambjent u tal-azzjoni klimatika. L-impatt tal-politika jmur lil hinn mill-istabbilizzazzjoni tad-dħul tal-bidwi. Madankollu, ħafna żoni rurali jħossu li tħallew l-art. Hemm talba dejjem tikber biex il-politika tiffoka aktar fuq il-provvediment ta’ beni pubbliċi, bħal ikel sikur u san, il-ġestjoni tan-nutrijenti, reazzjoni għat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-ambjent u l-kontribuzzjoni tagħha għall-ekonomija ċirkolari.

Ix-xogħol fuq il-PAK għadu għaddej f’dak li għandu x’jaqsam mal-modernizzazzjoni u mas-simplifikazzjoni tagħha. Fost l-opzjonijiet diskussi hemm is-suġġeriment li nimmiraw il-pagamenti diretti b’mod aktar effettiv sabiex ikun żgurat introjtu minimu għall-bdiewa kollha fl-UE, b’mod partikolari għal żoni marġinali u l-ifqar azjendi agrikoli. Din l-opzjoni tista’ tnaqqas il-pagamenti diretti għal-azjendi agrikoli kbar.

Opzjoni li għandha tiġi esplorata hija l-introduzzjoni ta’ grad ta’ kofinanzjament nazzjonali għall-pagamenti diretti sabiex isostnu l-livelli kumplessiv ta’ appoġġ kurrenti. L-għodod tal-ġestjoni tar-riskju jistgħu jiġu previsti biex jiġu ttrattati l-kriżijiet. Kwalunkwe bidla tkun teħtieġ li tippreserva waħda mill-assi ewlenin tal-politika: il-protezzjoni ta’ suq intern li jiffunzjona sew biex b’hekk ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-produtturi kollha madwar l-UE.

Komunitajiet rurali vijabbli huma neċessarji biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-maġġoranza l-kbira tat-territorju tal-UE. F’dan il-kuntest, hemm lok għal titjib u għal tisħiħ tas-sinerġiji ma’ fondi oħra. F'dan il-punt, suġġeriment huwa li tiġi rrazzjonalizzata l-azzjoni tad-diversi fondi strutturali fiż-żoni rurali u biex jitneħħa t-trikkib.

Għad hemm lok għal aktar titjib fil-prestazzjoni tal-politika billi ssir aktar enfasi biex il-bdiewa jiġu inċentivizzati ħalli jwasslu prodotti u servizzi pubbliċi ambjentali u klimatiċi. Il-bdiewa jenħtieġ li jinvestu f’teknoloġiji ġodda u fil-ħarsien tal-ambjent fil-politika ta’ żvilupp rurali permezz ta’ inċentivi pożittivi fuq il-bażi ta’ kuntratti. Dan għandu jħaffef il-piż amministrattiv attwali għall-bdiewa kollha.

4.1.3    Ir-riforma tal-politika ta’ koeżjoni

Għadd ta’ għażliet differenti jistgħu jagħmlu l-politika ta’ koeżjoni aktar effettiva u jimmassimizzaw l-impatt tal-investiment tagħha.

L-ewwl ħaġa, il-politika ta’ koeżjoni tista’ ssir aktar flessibbli biex tiffaċċja sfidi ġodda, pereżempju permezz ta’ kapaċità mhux allokata. Similarment, sistema aktar flessibbli ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni li tista’ tkopri firxa usa’ ta’ miżuri ekonomiċi u soċjali tista’ ssir aktar effiċjenti permezz ta’ rabta aktar mill-qrib mal-politika ta’ koeżjoni. Hija tikkontribwixxi wkoll għall-flessibbiltà kumplessiva tal-baġit tal-UE.

It-tieni nett, implimentazzjoni aktar rapida tal-politika ta’ koeżjoni u tranżizzjoni aktar bla intoppi bejn il-perjodi ta’ programmazzjoni huma meħtieġa. Għadd ta’ miżuri jistgħu jiġu kkunsidrati, bħal regoli ta’ diżimpenn aktar stretti, proċeduri iqsar għall-għeluq ta’ programmi kif ukoll proċessi aktar rapidi u aktar flessibbli għall-ħatra tal-awtoritajiet maniġerjali u ta’ programmar.

It-tielet punt, in-nuqqasijiet fil-kapaċità amministrattiva u l-kwalità istituzzjonali fqira huma ta’ xkiel għall-kompetittività, jillimitaw l-effikaċja tal-investimenti u joħolqu ostaklu serju għat-tkabbir. Il-baġit tal-UE jinħtieġ li jsaħħaħ il-bini tal-kapaċità amministrattiva marbuta mal-aktar oqsma importanti ta’ investiment appoġġati mill-fondi tal-UE. Approċċi ġodda għall-bini tal-kapaċitajiet amministrattivi jistgħu jiġu esplorati, pereżempju permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tal-istrumenti disponibbli u involviment aktar mill-qrib tal-Kummissjoni. L-ininzjattivi tar-reġjuni li għadhom lurataħt il-politika ta’ koeżjoni kienet eżerċizzju pilota u l-elementi ta’ suċċess tagħha jistgħu jkunu ulterjorment użati.

Ir-raba, il-livelli ta’ kofinanzjament nazzjonali tal-politika ta’ koeżjoni jinħtieġ li jiżdiedu, sabiex ikunu kalibrati aħjar għal pajjiżi u reġjuni differenti u tiżdid is-sjieda u r-responsabbiltà. Jinħtieġ ukoll li titpoġġa l-mistoqsija dwar jekk il-finanzjament għall-politika ta’ koeżjoni għandux ikun disponibbli għall-pajjiżi u għar-reġjuni aktar żviluppati.

Il-ħames punt, fond ta’ investiment wieħed, jew sett uniku ta’ regoli għal fondi eżistenti, jiżgura aktar investiment koerenti u jissimplifika l-ħajja ta’ benefiċjarji. Il-koerenza tista’ tittejjeb ukoll permezz ta’ ġabra unika ta’ regoli għall-politika ta’ koeżjoni u strumenti oħra ta’ finanzjament ma’ programmi jew proġetti tal-istess tip. Dan għandu jiżgura aktar komplimentarjetà, pereżempju bejn il-politika ta’ koeżjoni u Orizzont 2020, jew il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Is-sitt nett, is-sistema attwali ta’ allokazzjoni ta’ fondi tista’ tkun riveduta. Kriterji ġodda jistgħu jiżdiedu, pereżempju marbutin mal-isfidi li l-Ewropa qed tiffaċċja, mid-demografija għall-qgħad u għall-inklużjoni soċjali u l-migrazzjoni, mill-innovazzjoni għat-tibdil fil-klima.

4.2    Kif jinħtieġ li jaħdem il-baġit futur tal-UE

Wara li ddeċiedew x’għandu jsir mill-baġit, hemm għadd ta’ fatturi li jridu jitqiesu fit-tfassil tiegħu.

Kaxxa 4 — Prinċipji għar-riforma

It-tfassil tal-baġit futur tal-UE jinħtieġ li jkun immexxi minn dawn il-prinċipji ewlenin:

§Valur miżjud tal-UE il-finanzjament għandu jikkonċentra fuq dawk l-oqsma bl-akbar valur miżjud, filwaqt li jitqiesu d-dimensjonijiet differenti indikati fit-Taqsima 2 bħal enfasi fuq ir-riżultati.

§L-obbligu ta’ rendikont: id-dibattitu dwar il-futur tal-baġit tal-UE se jsegwi l-proċess demokratiku u trasparenti. L-użu ta’ aktar strumenti barra mill-baġit tal-UE jinħtieġ li jinżammu f’livell minimu, peress li jċajpru l-fehim tal-baġit u jipperikolaw il-kontroll demokratiku, it-trasparenza u l-ġestjoni tajba.

§Aktar flessibbiltà f’qafas stabbli: L-istruttura pluriennali tal-baġit tal-UE hija ta’ vantaġġ. Iċ-ċertezza u l-prevedibbiltà huma prerekwiżit għall-investiment ta’ terminu twil. Madankollu, l-esperjenza wriet li aktar flessibbiltà hija essenzjali biex nirrispondu għal kriżijiet u avvenimenti mhux previsti. Dan jinħtieġ li jkun rifless fi struttura aktar flessibbli u sehem akbar tal-baġit għandu jitħalla mhux allokat.

§Regoli simplifikati: iċ-ċittadini ma għandhomx jiġu skoraġġuti milli japplikaw għall-fondi tal-UE b’riżultat ta’ burokrazija eċċessiva. L-isforzi biex titnaqqas il-burokrazija u jiġu ssimplifikati r-regoli ta’ implimentazzjoni jinħtieġ li għalhekk jitkomplew. Jekk naslu għal ġabra ta’ regoli waħda jista’ jintlaħaq dan.

4.2.1    L-istabbiltà u l-flessibbiltà

Hemm il-ħtieġa li jinstab il-bilanċ ġust bejn l-istabbiltà u l-flessibbiltà tal-finanzjament.

Fattur wieħed f’dan il-bilanċ huwa t-tul ta’ żmien tal-qafas finanzjarju. QFP preċedenti kważi dejjem estendew fuq seba' snin; illum ħames snin huma l-minimu stabbilit mit-Trattat. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet ikkonċernati għalhekk huma mdorrija joperaw f’dan iċ-ċiklu. It-tnaqqis tad-durata attwali ta’ seba' snin għal ħames snin jista’ jnaqqas il-prevedibbiltà tal-finanzjament. Dan jista’ jkun problema b’mod partikolari għal investimenti li jeħtieġu aktar żmien. Dan jimplika wkoll li t-tħejjija tal-QFP li jmiss jkollha tibda fil-bidu nett ta’ dik ta’ qabilha, biex b’hekk tkompli tnaqqas il-possibbiltà li jittieħdu t-tagħlimiet għall-futur. L-istituzzjonijiet jistgħu jispiċċaw f’negozjati “permanenti”.

Madankollu, mil-lat pożittiv, durata iqsar twassal ukoll għal aktar flessibbiltà u tkun aktar faċli li jsir adattament għal żviluppi mhux previsti. Barra minn hekk, perjodu ta’ żmien ta’ ħames snin jallinja mal-mandati tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni. Dan isaħħaħ id-dibattitu demokratiku fuq il-prijoritajiet tal-infiq tal-UE u jpoġġi l-baġit tal-UE b’mod aktar ċar fiċ-ċentru tal-politika Ewropea.

Opzjoni oħra hija QFP ta’ 5 + 5 snin b’rieżami ta’ nofs it-terminu obbligatorju biex il-qafas ikun aġġustat għal prijoritajiet ġodda. Madankollu, din l-alternattiva tkun teħtieġ l-iffissar tal-limiti massimi tal-QFP u l-bażijiet ġuridiċi gaħd-durata sħiħa ta’ 10 snin l-ewwel. Dan jista’ joħloq diżinċentiv qawwi biex jiftiehmu dwar kwalunkwe bidliet usa’ f’nofs it-terminu meta mqabbel man-negozjati attwali ta’ QFP ġdid.

Hemm mezzi oħra biex tkun indirizzata l-ħtieġa għal flessibbiltà. L-esperjenza f’dawn l-aħħar snin uriet li l-istruttura attwali hija limitata fil-mod kif tista’ tadatta għal ħtiġijiet mhux mistennija. Fattur wieħed huwa li l-infiq isir b’mod strett f’ċerti kategoriji u li t-tqassim mill-ġdid ta’ fondi bejn l-intestaturi tal-baġit mhux faċli. Raġuni oħra hija l-għadd kbir ta’ programmi differenti u l-linji baġitarji li nħolqu matul iż-żmien. Ir-riżultat ta’ dan kien għadd sinifikanti ta’ strumenti differenti, li ħafna drabi jirkbu fuq xulxin.

Il-flessibbiltà tal-finanzi tal-UE hija wkoll limitata minħabba l-fatt li madwar 80 % tal-QFP huwa allokat minn qabel għal oqsma ta’ politika, Stati Membri jew pakketti ta’ nfiq għal pajjiżi terzi speċifiċi. Il-mekkaniżmi eżistenti biex finanzjament ikun ittrasferit malajr għall-prijoritajiet ġodda jew bejn is-snin taw lok għal xi adattabbiltà. Madankollu, il-flessibbiltà eżistenti ma jkunux biżżejjed biex jiġu indirizzati l-isfidi magħrufa u l-iżviluppi futuri mhux mistennija ta’ ordni ta’ kobor simili f’ambjent volatili. Opzjoni waħda tista’ tkun li jitwarrab sehem, spiss imsejjaħ riżerva mhux programmata, f’kull programm ta’ nfiq li għadu ma ġiex allokat u riżervat għal żviluppi mhux mistennija.

Barra minn hekk, Riżerva ta’ Kriżi iffinanzjata minn fondi mhux użati mis-snin ta’ qabel tista’ tipprovdi munizjon addizzjonali għal ċirkostanzi eċċezzjonali u Fond ġdid għall-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni mtejjeb jista’ wkoll itejjeb ukoll il-flessibbiltà. Dan jista’ jippermetti li l-Unjoni ssaħħaħ l-appoġġ għall-bidla strutturali ta’ żoni milquta mill-impatt tal-globalizzazzjoni u tal-bidla teknoloġika.

4.2.2    Strumenti finanzjarji u l-arkitettura finanzjarja tal-UE estiża

Sors importanti ta’ flessibbiltà tal-finanzi tal-UE ġej minn istituzzjonijiet u strumenti li jikkumplimentaw il-baġit tal-UE, bħall-Bank Ewropew għall-Investiment, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-Fondi Fiduċjarji tal-Unjoni Ewropea u faċilitajiet oħra.

Strumenti finanzjarji bħal garanziji, self u ekwità jista’ jkollha rwol importanti biex jippermettu lill-UE biex “tagħmel aktar b’inqas” u jingranaw il-baġit tal-UE, b’mod partikolari fi żmien ta’ restrizzjonijiet baġitarji. Eżempju riċenti u importanti huwa l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

L-użu b’suċċess tagħhom jiddependi fuq strateġija ċara u fuq sett ta’ kriterji li jiddeterminaw liema għodod huma l-aktar adattati għal bżonnijiet tas-suq, għall-benefiċjarji u għall-objettivi mixtieqa. L-istrumenti finanzjarji huma xierqa biss għal proġetti li jiġġeneraw dħul. L-għotjiet u s-sussidji għalhekk se jkomplu jkunu meħtieġa għal proġetti li ma jiġġenerawx dħul, pereżempju għal riċerka bażika jew għal xi tipi ta’ programmi ta’ infrastruttura jew għal investimenti ibbażati fuq il-persuni bħal ma huma Erasmus jew l-għotjiet Marie-Curie.

L-għadd ta’ strumenti finanzjarji fil-livell tal-UE u r-regoli li japplikaw għalihom huwa ostaklu għall-użu effiċjenti tagħhom. Opzjoni possibbli biex ikun indirizzat dan tista’ tkun l-integrazzjoni tagħhom f’Fond uniku li jipprovdi self, garanziji u strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju— li isiru flimkien ma’ għotjiet tal-UE fejn ikun adattat —skont il-proġett u l-perjodi ta’ żmien għal politiki differenti (bħar-riċerka, l-innovazzjoni, l-ambjent, l-appoġġ għall-SMEs, l-infrastruttura, inkluż għall-effiċjenza enerġetika) sabiex jagħmel tajjeb għal objettivi differenti.

L-Ewropa tista’ tagħmel aktar sabiex tipprovdi kundizzjonijiet ħalli l-kumpaniji javvanzaw. Il-finanzjament għal kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u SMEs lil hinn mill-fażi tal-bidu għadu diffiċli u ħafna intraprendituri jitilqu mill-Ewropa fi tfittxija għal investiment kapitali xieraq. Għal dan il-għan, Fond ta' Fondi Pan-Ewropew ta' kapital ta' riskju ta’ EUR 1.6 biljun tnieda mill-Kummissjoni fl-2016 u se jibda jaħdem matul l-2017. Dan l-approċċ jista’ jitwessa’ biex jipprovdi finanzjament stabbli fi stadju ta’ żvilupp avvanzat tal-proġetti jew tal-impriżi.

Dawn l-istrumenti finanzjarji ġodda fil-livell tal-UE u l-istrumenti ta’ self, garanzija, u ekwità ġestiti mill-Istati Membri permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni jinħtieġ li jkunu komplementari. Din il-komplementarjetà bejn strumenti differenti jinħtieġ li tkun żgurata, permezz ta’ koordinazzjoni upstream, l-istess regoli u demarkazzjoni aktar ċara tal-interventi.

4.2.3    Simplifikazzjoni, iffukar fuq il-prestazzjoni u l-ġestjoni effiċjenti tal-baġit tal-UE

Regoli mfassla tajjeb huma essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE jintefqu kif suppost u l-flus tal-kontribwenti jkunu protetti. Il-burokrazija eċċessiva tista’ xxekkel ir-riżultati u tiskoraġġixxi liċ-ċittadini u lill-kumpaniji milli jieħdu vantaġġ sħiħ tal-baġit tal-UE.

Diġà ttieħdu passi importanti biex il-baġit tal-UE jkun simplifikat iżda hemm lok sinifikanti li nagħmlu aktar billi titnaqqas il-kumplessità tar-regoli. Dan huwa mixtieq f’ħafna oqsma ta’ nfiq, b’mod partikolari meta d-diffikultà biex tinkiseb konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar u monitoraġġ twassal għal dewmien sinifikanti fl-eżekuzzjoni tal-proġett. Il-kumplessità tar-regoli twassal għal aktar żbalji u kostijet għar-riċevituri finali u żżid ir-riskji ta’ nuqqas ta’ konformità. Hemm ħtieġa ċara li l-programmi li għandhom objettivi simili jingħaqdu, pereżempju fl-oqsma tal-effiċjenza tal-enerġija jew taċ-ċittadinanza. Bl-istess mod, fil-qasam tal-politiki esterni, jista’ jkun xieraq li jitnaqqas l-għadd ta’ strumenti u fl-istess ħin tiżdied il-flessibbiltà tagħhom, biex b’hekk jitneħħew l-ostakli artifiċjali bejn il-prijoritajiet reġjonali jew tematiċi.

Mod 'il quddiem jista’ jkun “ġabra unika tar-regoli” li jirregolaw il-proċessi u l-istrumenti kollha jew l-applikazzjoni tal-istess regoli u kundizzjonijiet għall-istess tip ta’ proġett. Dan jista’ jgħin biex tiġi żgurata simplifikazzjoni radikali u qtugħ ta’ burokrazija b’viżibbiltà ogħla u l-promozzjoni ta’ koerenza aħjar fost l-investimenti differenti tal-UE. Dan jista’ jnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji – huma jaf ma jkollhomx għalfejn jikkonformaw ma’ regoli differenti għall-istess tipi ta’ investimenti skont is-sors ta’ finanzjament. Dak li verament jgħodd għal dawk li qed jiġu appoġġati hija s-sempliċità fir-regoli u mhux is-sors ta’ finanzjament.

Skont din il-linja, l-implimentazzjoni tal-baġit jinħtieġ li tiffoka fuq li timassimizza l-prestazzjoni ta’ kull euro li jintefaq f’termini ta’ tkabbir ekonomiku u ta’ valur miżjud. Waqt li sar progress sinifikanti f’dan ir-rigward, il-prestazzjoni attwali fil-qafas mibni minn għadd kbir ta’ testi legali differenti huwa kkumplikat, u jagħmilha aktar diffiċli biex ikunu ivvalutati u kkomunikati l-progress u l-kisbiet.

Barra minn hekk, hemm il-ħtieġa li terġa’ tinkiseb il-fiduċja bejn istituzzjonijiet differenti, biex immorru lejn kontrolli proporzjonati li jiddependu fuq il-volumi iżda wkoll fuq l-affidabbiltà u l-effiċjenza tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll. Ċaqliqa ċara f’din id-direzzjoni tippermetti wkoll li l-Istati Membri (u l-Kummissjoni) jirrazzjonalizzaw is-sistemi tal-immaniġġar u arranġamenti istituzzjonali korrispondenti - l-multiplikazzjoni ta’ sistemi istituzzjonali speċifiċi għal kull fond hija lussu li jaf ma jkunx vijabbli. Fl-Istati Membri, b’mod partikolari, jistgħu jinkisbu titjib fl-effiċjenza istituzzjonali sostanzjali u tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi għall-ġestjoni tal-programm. L-użu sħiħ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista’ jikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni u għall-effiċjenza tal-protezzjoni tal-baġit tal-UE.

4.3    Dħul b’appoġġ għall-politiki tal-UE

Hemm rabta mill-qrib bejn id-deċiżjonijiet dwar dak li l-baġit tal-UE jintuża għalih u l-għażliet dwar kif il-baġit tal-UE huwa ffinanzjat.

Ir-riflessjoni dwar ir-riforma fil-parti tan-nefqa tal-Baġit tal-UE jinħtieġ li tiġi għaldaqstant akkumpanjata minn valutazzjoni kritika ta’ kif il-baġit huwa ffinanzjat—is-sistema tar-riżorsi proprji—u kif is-sistema tista’ tiġi rriformata biex tkun aktar effiċjenti u tipprovdi appoġġ aktar b’saħħtu għall-politiki. L-approċċ attwali għal finanzjament huwa wisq kumplesa, opak u mimli b’mekkaniżmi ta’ korrezzjoni kumplessi. Fil-futur, is-sistema jinħtieġ li tkun sempliċi, ġusta u trasparenti.

Id-dibattitu li ilu għaddej dwar id-dħul li jiffinanzja l-baġit tal-UE ffoka fuq li jorbot ir-riżorsi proprji b’mod aktar viżibbli mal-politiki ewlenin tal-UE, b’mod partikolari s-Suq Uniku u t-tkabbir sostenibbli, u fuq is-simplifikazzjoni tas-sistema. F’dinja ideali, ir-riżorsi proprji tal-UE, fl-istess waqt, jirriżultaw minn politika ewlenija tal-UE b’valur miżjud viżibbli tal-Unjoni Ewropea, ikunu jidher li huma ekwitabbli u jiffinanzjaw sehem stabbli u sinifikanti mill-baġit tal-UE. Riżorsi proprji tradizzjonali ta’ dazji doganali jistgħu jitqies u bħala eżempju tajjeb.

Hemm ħafna sorsi possibbli ta’ dħul li jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw il-baġit tal-UE (il-Grafika 15 telenka dawk l-aktar ta’ spiss msemmija), għalkemm l-ebda minnhom ma jista’ waħdu jissodisfa l-kriterji kollha identifikati bħala neċessarji għal riżorsa proprja: Xi wħud jistgħu jġibu dħul sinifikanti u stabbli, u jwasslu biex il-parti tad-dħul verament tingħata sura mill-ġdid. Oħrajn iġibu aktar dħul modest, iżda jistgħu jkunu aktar politikament rilevanti jew aċċettabbli, b’mod partikolari meta jakkumpanjaw objettivi ta’ politika prijoritarji bħad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, l-approfondiment tas-suq uniku u tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, jew il-finanzjament ta’ prijoritajiet ġodda.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-aħjar għażla tiddependi fuq l-objettivi ewlenin tar-riforma futura, u jekk ikun hemm volum immirat tal-baġit tal-UE li għandu jiġi ffinanzjat minn riżorsi proprji ġodda.

Sorsi ta’ dħul — firxa ta’ opzjonijiet

Għall-kuntrarju ta’ dak li spiss jintqal, riżorsi proprji ġodda mhux neċessarjament iżidu d-daqs tal-baġit tal-UE. Deċiżjonijiet relatati man-nefqa huma magħmula fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali, u d-deċiżjoni dwar jekk jiżdidux jew le l-livelli ta’ nfiq attwali se jkollha tittieħed skont l-eżitu ta’ dan il-proċess ta’ riflessjoni. Fuq l-istess livelli ta’ nfiq, ir-riżorsi proprji l-ġodda awtomatikament inqasu s-sehem tar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING, li jaġixxi bħala residwu u jpatti għal kwalunkwe distakk biex ikopri n-nefqa tal-UE, skont l-evoluzzjoni ta’ riżorsi proprji oħra. Ir-rapport riċenti mill-grupp ta’ livell għoli dwar ir-riżorsi proprji stabbilit b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni u ppresedut minn Mario Monti 6 pprovda analiżi komprensiva ta’ dawn il-kwistjonijiet u vvaluta għadd ta’ sorsi possibbli ta’ dħul fir-rigward mal-aktar kriterji rilevanti (pereżempju: l-ekwità, l-effiċjenza, l-istabbiltà, it-trasparenza, l-enfasi fuq il-valur miżjud Ewropew, kif ukoll ir-responsabbiltà demokratika). Progress fil-koordinazzjoni tat-taxxa, b’mod partikolari fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva u tat-tassazzjoni fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji jiffaċilita xi forom ta’ riżorsi proprji. Abbażi tad-dibattitu li għaddej, jistgħu jkunu kkunsidrati għadd ta’ possibbiltajiet ta’ riforma tas-sistema attwali.

Kaxxa 5 — Alternattivi għal sistema ta’ “riżorsi proprji”

Ir-riżorsi proprji relatati mal-VAT jistgħu jiġu rriformati u ssimplifikati. Opzjoni estrema tkun li tiġi abolita għall-kollox.

- Bil-ħruġ tar-Renju Unit, ir-rifużjoni li ġiet introdotta bħala konċessjoni għal dak il-pajjiż fil-passat mhux se ssir obsoleta. L-istess jista’ jingħad fuq ir-rifużjonijiet fuq ir-rifużjoni tar-Renju Unit. Ir-refużjonijiet l-oħra se jiskadu fi tmiem l-2020. It-tneħħija tar-rifuzzjonijiet tiftaħ il-bieb għal simplifikazzjoni sostanzjali tas-sistema tad-dħul. Idealment, riforma profonda tal-politiki tal-UE li tiffoka fuq l-ogħla valur miżjud jinħtieġ li tneħħi n-neċessità ta’ kwalunkwe rifużjoni.

- Kull riżorsa proprja ġdida għandha tkun maħsuba mhux biss biex tiffinanzja parti mill-baġit tal-UE, iżda wkoll biex takkumpanja l-politiki ewlenin tagħha. Bħala eżempju, taxxi ambjentali jew fuq l-enerġija komuni jistgħu jiġu applikati sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji, u sabiex jikkontribwixxu għall-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima.

- B’mod simili, perċentwali tal-bażi komuni tat-taxxa korporattiva jew tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji jista’ jiġi mfassal biex jissaħħaħ is-suq uniku, biex jirrifletti l-benefiċċji tas-suq intern għall-ikbar kumpaniji u isaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa.

- Bl-approfondiment futur tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, id-dħul minn sinjoraġġ – id-dħul li jiġi mill-ħruġ ta’ munita – jista’ fuq terminu ta’ żmien twil isir l-bażi tar-riżorsi proprji tal-UE.

- Flus iġġenerati direttament minn politiki u kompetenzi tal-UE jistgħu jitqiesu bħala dħul għall-baġit tal-UE, bħal pereżempju, fuq terminu ta' żmien twil, is-Sistema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet, minn primjums tal-emissjonijiet għall-karozzi, u fuq terminu ta’ żmien twil ukoll is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar futura li għandha titħallas minn persuni li jidħlu mill-fruntieri tal-UE, jew xi tariffi simili oħra.

-    Fl-introduzzjoni tar-riżorsi proprji, jenħtieġ li tingħata attenzjoni għat-trasparenza, is-sempliċità u l-istabbiltà tagħhom, għall-konsistenza tagħhom mal-objettivi tal-politiki tal-Unjoni, għall-impatt tagħhom fuq il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli, kif ukoll għat-tqassim ekwu fost l-Istati Membri.

Sors: il-Kummissjoni Ewropea

4.4    It-triq 'il quddiem

L-opzjonijiet għall-futur tal-finanzji tal-UE li ġew stabbiliti f’din it-taqsima huma kemm varjati u ta’ natura differenti. Huma jikkonċernaw dak li għalih għandu jintuża l-baġit tal-UE; kif għandu jiġi ffinanzjat il-baġit; kif xi politika ewlenin għandhom ikunu riformati; u kif il-baġit innifsu għandu jkun strutturat u organizzat.

Dawn la-spetti kollha jidħlu f’xulxin u li jitqiesu flimkien meta wieħed iħares lejn xenarji possibbli għall-baġit futur tal-UE. Dan huwa sspjegat fit-taqsima li jmiss.



5.    XENARJI POSSIBBLI GĦALL-UE 27

Il-White Paper tippreżenta ħames xenarji illustrattivi b’implikazzjonijiet differenti għall-finanzi tal-UE fir-rigward tad-daqs, struttura u grad ta’ bidla / modernizzazzjoni tal-baġit. Hemm diversi kumbinamenti possibbli u elementi differenti ta’ tfassil huma kompatibbli, peress li l-għażliet u x-xenarji la huma kompletament distinti u lanqas ma jeskludu wieħed lill-ieħor.

Xi kwistjonijiet orizzontali huma validi għal kull xenarju:

L-ewwel waħda hija li jiġi żgurat li l-flus tal-UE jintefqu bl-aktar mod effiċjenti: In-nefqa għandha tiffoka fuq programmi b’valur miżjud tal-UE ppruvati imfassla biex iwasslu għal riżultati bi spejjeż minimi. Il-prestazzjoni għandha tkun fil-qalba tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi.

It-tieni nett, sabiex twieġeb għas-sejħa unanima mill-Istati Membri u mill-benefiċjarji tal-iffinanzjament tal-UE, is-simplifikazzjoni hija li l-element komuni l-ieħor li jixpruna l-immodernizzar tal-baġit tal-UE fix-xenarji kollha. Il-koerenza u l-komplementarjetà ġenerali bejn il-programmi u l-istrumenti differenti għandhom ikunu żgurati u t-trikkib għandu jkun prevenut mill-istadju tat-tfassil. Biex tkun issimplifikata l-implimentazzjoni, l-istess regoli għandhom japplikaw għall-istess tip ta’ interventi sa fejn hu possibbli bil-ħsieb li nimxu lejn ġabra unika ta’ regoli.

Il-proċessi li għaddejjin biex jiġu mmodernizzati l-programmi u l-politiki eżistenti se jissoktaw, pereżempju, għall-politika agrikola komuni, għall-politika ta’ koeżjoni, għall-programm ta’ riċerka u oħrajn. Programmi bi prestazzjoni dgħajfa jistgħu jitwaqqfu jew ikunu integrati x’imkien ieħor.

Fit-tielet lok, ix-xenarji kollha jeħtieġu flessibbiltà biex jitqiesu l-iżviluppi kbar li ma kinux mistennija u bżonnijiet mhux previsti. Strumenti speċjali fil-baġit tal-UE kienu kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni u tas-sigurtà fil-QFP attwali. Huma jistgħu jeħtieġu li jiġu razzjonalizzati u msaħħa biex jipprovdu aktar flessibbiltà intrinsika fil-programmi ta’ nfiq.

Fl-aħħar nett, ir-rifużjonijiet fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jenħtieġ li jkunu aboliti fix-xenarji kollha. Bl-istess mod rapportar dwar il-bilanċi netti jitneħħa jew il-metodoloġija mtejba b’mod sinifikanti biex tirrifletti aħjar ir-realtà u t-trattament nazzjonali tal-kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-UE jkun allinjat.

F’din il-loġika, hemm ħames alternattivi bażiċi għall-futur tal-finanzi tal-UE:

ØNkomplu kif aħna: l-UE27 tkompli fuq il-kisba ta' riżultati fl-aġenda pożittiva ta’ riforma tagħha

ØNagħmlu anqas flimkien: l-UE27 qed tagħmel anqas flimkien fl-oqsma kollha ta’ politika;

ØUħud jagħmlu iżjed: l-UE27 tippermetti lil gruppi ta’ Stati Membri biex jagħmlu aktar sforzi f’oqsma speċifiċi;

ØTfassil radikali mill-ġdid: l-UE27 jagħmlu aktar f’ċerti oqsma, filwaqt li jagħmlu anqas f’oħrajn.

ØFlimkien isir ferm aktar: l-UE 27 jiddeċiedu li jagħmlu aktar flimkine fl-oqsma politiki kollha.

1Inkomplu kif aħna

Xenarju

 

2Isir inqas flimkien

Xenarju

 



3Uħud jagħmlu aktar

Xenarju

 

4Tfassil radikali mill-ġdid

Xenarju

 

5Isir ħafna iktar flimkien

Xenarju

 

6.    KONKLUŻJONIJIET IL-FINANZJAMENT TAL-ĠEJJIENI TAL-UE

Il-baġit tal-UE, u saħansitra l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, se jinbidlu wara l-2020. Dan huwa ċert - l-istatus quo mhux opzjoni għall-Unjoni tagħna. Il-baġit tal-UE jeħtieġ li jkun aktar sempliċi, aktar flessibbli u aktar razzjonalizzat u għandu jippermetti li jkun hemm infiq aktar effiċjenti.

Kif jinbidel il-baġit - u dak li huwa użat għalih - jiddependi fuq x’inhu l-ġejjieni li rridu għall-Unjoni tagħna u fuq il-livell ta’ ambizzjoni li għażilna biex naħdmu flimkien biex insawru dan il-futur.

Din id-dokument ta’ riflessjoni stabbilixxa għadd ta’ opzjonijiet u xenarji dwar id-direzzjoni futura tal-baġit u kif din tista’ tintuża. Huwa maħsub biex jistimula aktar dibattitu dwar fejn sejra l-Unjoni u x’irridu niksbu flimkien.

Dan huwa l-aħħar minn ħames dokumenti ta’ riflessjoni wara l-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Meħuda flimkien, is-sitt dokumenti stabbilxxew għadd ta’ ideat, kunċetti u possibbiltajiet għall-futur tal-UE27.

Il-profondità u l-firxa tad-dibattitu u tad-diskussjoni li l-White Paper u d-dokumenti ta’ riflessjoni stimulaw s’issa juru kemm huma importanti dawn il-kwistjonijiet. Din id-diskussjoni għandha tkompli fit-tieni nofs tal-2017 b’dibattitu wiesgħa kemm jista’ jkun biex jiżgura li l-Ewropa kollha kemm hi tirrifletti bir-reqqa dwar il-futur tagħha. Il-President Juncker se jmexxi dawn l-ideat ’il quddiem u jagħti l-opinjonijiet personali tiegħu fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru.

Meta niġu għall-ġejjieni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-Kummissjoni se teżamina r-reazzjonijiet u r-risposti kollha għall-White Paper u għad-dokumenti ta’ riflessjoni. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għal madwar nofs l-2018.

(1)

Galileo hija s-sistema tan-navigazzjoni globali bis-satellita Ewropea, u tipprovdi firxa ta’ servizzi ta’ pożizzjonar, navigazzjoni u ħin lil utenti madwar id-dinja. Copernicus huwa l-programm tal-UE għall-osservazzjoni u l-monitoraġġ tad-dinja pereżempju għall-finijiet tal-agrikoltura, l-analiżi tal-klima, il-protezzjoni ċivili u l-immaniġġar tal-emerġenzi. Ir-Reattur Termonukleari Internazzjonali (ITER) huwa l-akbar sħubija xjentifika tad-dinja li għandha l-għan li turi li l-fużjoni hija sors vijabbli u sostenibbli ta’ enerġija, u l-UE hija l-akbar kontributur fi sħubija wkoll mal-Ġappun, iċ-Ċina, l-Indja, il-Korea t’Isfel, ir-Russja u l-Istati Uniti.

(2)

Ara l-Ewrobarometru Speċjali 461, Infasslu l-Futur tal-Ewropa, ippubblikat fit-28 ta’ Ġunju 2017.

(3)

     L-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-UE, ippreżentata mir-Rappreżentant Għoli u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Federica Mogherini lill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2016.

(4)

     Il-Programm tal-UE għall-Kompetittività tal-intrapriżi u tal-intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju.

(5)

It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE timmonitorja għadd ta’ fatturi marbutin mal-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza ta’ sistemi nazzjonali ta’ ġustizzja, bħall-indipendenza tal-imħallfin.

(6)

      http://ec.europa.eu/budget/mff/hlgor/library/reports-communication/hlgor-report_20170104.pdf


Brussell, 28.6.2017

COM(2017) 358 final

ANNESS

tad-

DOKUMENT TA' RIFLESSJONI

DWAR IL-FUTUR TAL-FINANZI TAL-UE


Anness: Implikazzjonijiet għall-oqsma kbar ta’ nfiq tal-UE skont il-ħames xenarji

Xenarju 1:

Inkomplu kif aħna

Xenarju 2:

Isir inqas flimkien

Xenarju 3:

Uħud jagħmlu aktar

Xenarju 4:

Tfassil radikali mill-ġdid

Xenarju 5:

Flimkien isir

ferm aktar

Prijoritajiet ta' politika

Nieħdu ’l quddiem l-aġenda ta’ riforma attwali

Prinċipalment il-finanzjament tal-funzjonijiet meħtieġa għas-suq uniku

Bħal fix-Xenarju 1; jitqiegħdu għad-disponibbiltà baġits addizzjonali min-naħa ta’ xi Stati Membri għall-oqsma li fihom dawn jiddeċiedu li jagħmlu aktar

Il-finanzjament ta’ prijoritajiet b’valur miżjud tal-UE għoli ħafna

Isir ħafna aktar fl-oqsma kollha ta’ politika

Volum

Ġeneralment stabbli

Ferm inqas

Ftit aktar

Inqas

Ħafna aktar

Kompetittività

Sehem ftit akbar

L-istess bħal fix-xenarju 1, iżda ammont ħafna inqas

L-istess bħal fix-xenarju 1

Sehem akbar

Sehem akbar

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

Sehem iżgħar

Ammont inqas

L-istess bħal fix-xenarju 1

Sehem iżgħar

Ammont aktar

L-agrikultura

Sehem iżgħar

Ammont inqas

L-istess bħal fix-xenarju 1

Sehem iżgħar

Ammont aktar

Sigurtà, difiża, migrazzjoni

Sehem akbar

Ebda finanzjament

Sehem akbar

parzjalment kopert minn Stati Membri li lesti jieħdu sehem

Sehem ħafna akbar

Sehem ħafna akbar

Azzjoni esterna

Sehem akbar

Ammont inqas

Sehem akbar

parzjalment kopert minn Stati Membri li lesti jieħdu sehem

Sehem ħafna akbar

Sehem ħafna akbar

Il-kapaċità Fiskali Ekonomika u Monetarja tal-Unjoni

Funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika għall-Istati Membri taż-żona tal-euro

Funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika u Fond Monetarju Ewropew

Dħul

Is-sistema attwali mingħajr rifużjonijiet; sorsi oħra ta’ dħul jew tariffi jiffinanzjaw il-baġit tal-UE

Is-sistema attwali mingħajr rifużjonijiet

L-istess bħal fix-xenarju 1; flimkien ma’ oqsma ta’ politika ġodda ffinanzjati biss minn Stati Membri parteċipanti

Xenarju 1 issimplifikat aktar; riżorsi proprji ġodda

Riforma mill-qiegħ lil hinn mix-xenarju 4; ir-riżorsi proprji l-ġodda jiffinanzjaw sehem kbir mill-baġit tal-UE