Brussell, 16.6.2017

COM(2017) 321 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2016

{SWD(2017) 233 final}


WERREJ

1.    Introduzzjoni    

2.    Sfond    

2.1.    L-iżviluppi matul dawn l-aħħar snin    

2.2.    It-titjib fil-funzjonament tal-istrument tal-AMF    

3.    Operazzjonijiet ta' assistenza makrofinanzjarja fl-2016    

3.1.    Ħarsa Ġenerali    

3.2.    Operazzjonijiet individwali fil-pajjiżi benefiċjarji fl-2016    

3.2.1.    Il-Georgia    

3.2.2.    Il-Ġordan    

3.2.3.    Ir-Repubblika Kirgiża    

3.2.4.    Il-Moldova    

3.2.5.    It-Tuneżija    

3.2.6.    L-Ukrajna    

4.    L-iżgurar tal-użu xieraq tal-fondi tal-AMF: valutazzjonijiet operazzjonali u evalwazzjonijiet ex post    

4.1.    Valutazzjonijiet operazzjonali    

4.2.    Evalwazzjonijiet ex post    

5.    Talbiet għall-assistenza u proposti futuri tal-Kummissjoni — is-sitwazzjoni baġitarja    

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2016

1.    Introduzzjoni

L-assistenza makrofinanzjarja, jew l-AMF, hija strument finanzjarju tal-UE 1 mfassal biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet finanzjarji esterni eċċezzjonali ta’ pajjiżi li huma ġeografikament, ekonomikament u politikament qrib tal-UE. L-għan tagħhau hu li tiġi restawrata l-istabilità makroekonomika u finanzjarja fil-pajjiżi kandidati u dawk potenzjali u fil-pajjiżi fil-viċinat Ewropew, filwaqt li tinkoraġġixxi l-aġġustament makroekonomiku u r-riformi strutturali.

L-AMF hija strument ta' appoġġ għall-bilanċ tal-pagamenti, li jikkumplementa programm ta' aġġustament u ta' riforma miftiehem mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), u huwa suġġett għall-eżistenza ta' dan. Hija tieħu l-forma jew ta' self, li għalih il-Kummissjoni tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq tal-kapital u mbagħad issellifhom lill-pajjiż benefiċjarju, jew, f'ċerti ċirkostanzi, għotjiet, iffinanzjati mill-baġit tal-UE.

L-AMF tingħata bil-kundizzjoni li jkun hemm ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-mekkaniżmi demokratiċi effettivi fil-pajjiż benefiċjarju. Tiġi rilaxxata fi ħlas parzjali strettament marbut mal-implimentazzjoni b’suċċess ta' miżuri ta' riforma sodi mmirati biex l-ekonomija tal-pajjiż benefiċjarju terġa' lura lejn is-sostenibbiltà fit-tul. B'dan il-mod, l-AMF tikkumplimenta l-assistenza ta' kooperazzjoni regolari tal-UE, u tikkontribwixxi lejn l-għan usa' tal-preservazzjoni tal-istabbiltà u t-tkattir tal-prosperità lil hinn mill-UE.

L-2016 kienet ikkaratterizzata minn progress fl-implimentazzjoni ta’ programmi eżistenti tal-AMF għall-Georgia, ir-Repubblika Kirgiża, it-Tuneżija u l-Ukrajna, għalkemm numru ta’ żborżamenti kellhom jiġu posposti għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-UE. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni politika u ekonomika diffiċli kontinwa f’numru ta’ pajjiżi tal-viċinat ikkawżat l-approvazzjoni ta’ żewġ operazzjonijiet ta’ segwitu fit-Tuneżija u l-Ġordan, u operazzjoni ġdida fil-Moldova, proposta mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Jannar 2017. L-operazzjoni l-ġdida fil-Moldova hija inkluża f’dan ir-rapport minħabba x-xogħol ta’ tħejjija sostanzjali mwettaq fl-2016.

Dan ir-rapport annwali huwa mħejji f'konformità mal-obbligi ta' informazzjoni tal-Kummissjoni kif stipulati f'diversi deċiżjonijiet tal-Kunsill u deċiżjonijiet konġunti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-operazzjonijiet tal-AMF. Huwa akkumpanjat minn dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata u analiżi tal-kuntest makroekonomiku kif ukoll tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-AMF individwali.

2.    Sfond

2.1.    L-iżviluppi matul dawn l-aħħar snin

Matul dawn l-aħħar snin, l-AMF sar strument dejjem iktar prominenti fl-għodod esterni tal-UE. Tabilħaqq, f’kuntest ta’ nuqqas ta’ stabbiltà makroekonomika u politika persistenti fil-viċinat tal-UE, l-AMF kienet rikonoxxuta b’mod mifrux bħala strument effettiv ta’ reazzjoni għall-kriżi, li jippermetti lill-UE tintervjeni b’mod viżibbli u flessibbli u b’ingranaġġ ta’ politika konsiderevoli. Dan huwa kkonfermat mid-domanda dejjem tiżdied għall-AMF matul dawn l-aħħar 8 snin u ż-żieda konsegwenti ta’ volumi ta’ AMF, li żdiedu minn EUR 1,5 biljun f’impenji għall-perjodu 2000-2008 għal EUR 5,1 biljun mill-2009.

Wara żieda inizjali fin-numru u l-volum tal-operazzjonijiet wara l-kriżi globali ekonomika u finanzjarja tal-2008-2009 2 , sar użu ikbar mill-AMF mill-2013 ‘il quddiem. It-taqlib politiku u ekonomiku fil-pajjiżi sħab Għarab Mediterranji wassal biex iżid id-domanda għall-AMF mill-2012, b’talbiet għal appoġġ mill-Eġittu, il-Ġordan u t-Tuneżija. Sadattant, fl-2014, il-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna u d-deterjorament notevoli tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż wasslu għall-appoġġ permezz tal-AMF f’livell bla preċedent. Tabilħaqq, bejn l-2014 u l-2015, sar disponibbli total ta’ EUR 3,4 biljun lill-Ukrajna taħt l-operazzjonijiet tal-AMF, li jirrappreżenta l-ikbar assistenza finanzjarja qatt mogħtija lil pajjiż mhux tal-UE f’perjodu tant qasir ta’ żmien.

2.2.    It-titjib fil-funzjonament tal-istrument tal-AMF

Hekk kif l-instabbiltà ġeopolitika u ekonomika tal-viċinat tal-UE tippersisti, il-ħtieġa għal appoġġ makrofinanzjarju tal-UE x’aktarx tibqa’ għolja fis-snin li ġejjin. F’dan l-isfond, bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020, il-Kummissjoni pproponiet strument iktar b’saħħtu ta’ appoġġ makrofinanzjarju 3 . Din il-proposta, ippreżentata mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Settembru 2016, timmira li ttejjeb il-kapaċità ta' self annwali tal-AMF minn attwalment EUR 500 miljun għal EUR 2 000 miljun, billi żżid il-forniment tal-Fond ta’ Garanzija għall-Azzjonijiet Esterni 4 .

Barra minn hekk, l-esperjenza riċenti, b’mod partikolari l-ħtieġa sabiex jitnedew malajr l-operazzjonijiet ġodda ta' AMF fl-Ukrajna fl-2014 u fl-2015, reġgħet enfasizzat il-ħtieġa biex jiġi żgurat li l-AMF, bħala strument ta’ emerġenza, tista' tiġi mobilizzata malajr bħala reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi. It-tħaffif tat-teħid tad-deċiżjonijiet kienet waħda mill-għanijiet prinċipali tal-proposta għal Regolament Qafas li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali għal AMF għal pajjiżi terzi, ippreżentat mill-Kummissjoni fl-2011 5 . Madankollu, il-proposta ma kinitx approvata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill (il-koleġiżlaturi) u b’hekk ġiet irtirata mill-Kummissjoni. Bħala riżultat, deċiżjonijiet dwar l-AMF ikomplu jsiru skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (OLP). Il-koleġiżlaturi għamlu sforzi biex iħaffu t-teħid ta’ deċiżjonijet skont l-OLP. Dan kien partikolarment il-każ fl-aħħar operazzjoni tal-AMF fl-Ukrajna, li kienet adottata fi ftit iktar minn 3 xhur fl-2015. Madankollu, il-marġni biex titħaffef l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-AMF skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jibqa’ limitat.

Fil-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi iktar assistenza makrofinanzjarja għat-Tuneżija tat-12 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni daħħlet seba’ bidliet tekniċi mhux speċifiċi għall-pajjiż fit-test tal-proposti preċedenti tagħha. Il-koleġiżlaturi aċċettaw ħamsa mis-seba’ bidliet tekniċi li jikkonċernaw il-ħames aspetti speċifiċi li ġejjin tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-AMF mill-Kummissjoni:

·il-maturità medja massima tas-self AMF;

·it-twettiq tal-kundizzjonalità tal-AMF;

·ir-rilaxx tal-iżborżamenti tal-AMF;    

·il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE;

·valutazzjonijiet operazzjonali.

Il-bidliet ma jaffettwawx il-karatteristiċi ewlenin tal-istrument tal-AMF, iżda iktar minn hekk jibnu fuq l-esperjenza li ġabret il-Kummissjoni u jimmiraw b’mod mifrux li jqarrbu l-kliem tekniku tad-deċiżjonijiet mal-prattika stabbilita u maqbula tal-ġestjoni tal-operazzjonijiet tal-AMF. Il-bidliet ifittxu wkoll li jiċċaraw id-deskrizzjonijiet tad-dispożizzjonijiet speċifiċi jew iġibuhom f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi mill-Qorti tal-Awdituri. Id-diskussjonijiet mal-Kunsill u l-Parlament wasslu għal ftehim biex jiġu introdotti l-ħames bidliet fid-Deċiżjoni tal-AMF għall-Ġordan tal-14 ta’ Diċembru 2016 6 , li issa tifforma l-bażi għal deċiżjonijiet futuri tal-AMF.

Il-Kummissjoni se tkompli tikkoordina mal-koleġiżlaturi u tesplora modi biex ittejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-proċess attwali tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

3.    Operazzjonijiet ta' assistenza makrofinanzjarja fl-2016

3.1.    Ħarsa Ġenerali

Sa mill-aħħar tal-2016, l-istatus tal-implimentazzjoni għall-programmi tal-AMF kien dan li ġej:

-Il-Georgia: F’Awwissu 2013, l-UE approvat operazzjoni tal-AMF sa massimu ta’ EUR 46 miljun għall-Georgia 7 , li għandhom jiġu żborżati f’żewġ ħlasijiet parzjali ugwali ta’ EUR 23 miljun. L-iżborż tal-ewwel ħlas parzjali seħħ fl-2015: EUR 13-il miljun f’għotjiet f’Jannar u EUR 10 miljun f’self f’April. L-iżborż tat-tieni ħlas parzjali (EUR 10 miljun f’għotjiet u EUR 13-il miljun f’self) ġie pospost minħabba n-nuqqas ta’ progress li sar taħt il-programm maqbul mal-FMI f’Lulju 2014. Bl-approvazzjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-FMI ta’ programm ġdid ta’ Faċilità ta' Fond Estiża ta’ USD 285 miljun fit-12 ta’ April 2017, il-Kummissjoni pproċediet biex tiżborża t-tieni ħlas parzjali tal-AMF f’Mejju 2017.

-Il-Ġordan II: Fl-14 ta’ Diċembru 2016, il-koleġiżlaturi adottaw deċiżjoni 8 biex jipprovdu AMF addizzjonali lill-Ġordan (AMF II) sa massimu ta’ EUR 200 miljun, magħmula kollha minn self, bħala segwitu tal-operazzjoni ta’ EUR 180 miljun imwettqa fl-2015. L-assistenza hija ppjanata li tkun żborżata f’żewġ ħlasijiet parzjali ugwali matul l-2017.

-Ir-Repubblika Kirgiża: Din l-operazzjoni tal-AMF, approvata f’Ottubru 2013 9 , tikkonsisti minn EUR 15-il miljun f'self u EUR 15-il miljun f'għotjiet. L-operazzjoni tlestiet fl-2016 wara l-iżborż tat-tieni ħlas parzjali f’żewġ pagamenti: EUR 5 miljun f’għotjiet fi Frar 2016 u EUR 10 miljun f’self f’April 2016.

-It-Tuneżija I u II: F'Diċembru 2013, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex tingħata AMF lit-Tuneżija (AMF I) sa massimu ta' EUR 250 miljun f'self. Ilkoleġiżlaturi madankollu, emendaw il-proposta billi żiedu l-ammont tal-assistenza għal EUR 300 miljun, u adottaw id-deċiżjoni f’Mejju 2014 10 . Wara l-iżborż tal-ewwel żewġ ħlasijiet parzjali b’valur ta’ EUR 100 miljun kull wieħed fl-2015, id-dewmien mill-awtoritajiet Tuneżini fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika maqbula żamm lill-UE mill tiżborża t-tielet u l-aħħar ħlas parzjali tal-programm fl-2016 kif ippjanat fil-bidu. Fis-6 ta’ Lulju 2016, l-UE approvat AMF addizzjonali lit-Tuneżija sa massimu ta’ EUR 500 miljun fl-għamla ta’ self 11 . Wara approvazzjoni mill-Istati Membri, il-memorandum ta' qbil (MtQ) u l-ftehim dwar faċilità ta' self ġew iffirmati fis-27 ta’ April 2017.

-L-Ukrajna III: Din hija t-tielet operazzjoni li ġiet implimentata fl-Ukrajna mill-2014, li tammonta għal EUR 1,8 biljun f’self. Ġiet approvata millkoleġiżlaturi f’April 2015. Flimkien maż-żewġ operazzjonijet implimentati bejn Mejju 2014 u April 2015 12 , it-tielet operazzjoni tal-AMF ġabet it-total tal-AMF mill-UE disponibbli lill-Ukrajna mill-bidu tal-kriżi għal EUR 3,4 biljun. Wara l-iżborż tal-ewwel ħlas parzjali (EUR 600 miljun) f'Lulju 2015, it-tieni ħlas parzjali tal-operazzjoni ta’ EUR 600 miljun kien ilu pendenti minħabba progress insuffiċjenti fuq għadd maqbul ta’ miżuri ta’ riforma. Madankollu, dan ġie żborżat f’April 2017 bi tweġiba għall-miżuri adottati mill-awtoritajiet fl-aħħar tal-2016 u fil-bidu tal-2017 biex jindirizza ċerti kwistjonijiet pendenti u l-implimentazzjoni globalment sodisfaċenti tal-programm tal-AMF mill-Ukrajna. It-tielet ħlas parzjali ta’ EUR 600 miljun huwa mistenni li jsir disponibbli matul l-2017. 

Barra minn hekk, wara talba mir-Repubblika tal-Moldova, fit-13 ta’ Jannar 2017 il-Kummissjoni adottat proposta għal programm tal-AMF sa massimu ta’ EUR 100 miljun biex tappoġġa lill-pajjiż, li kien qed iħabbat wiċċu ma’ kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji dejjem iktar diffiċli. L-AMF tal-UE proposta, li hija mistennija tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill f’nofs l-2017, tikkonsisti minn EUR 40 miljun f’għotjiet u EUR 60 miljun f’self, li għandhom jiġu żborżati fi tliet ħlasijiet parzjali fl-2017-2018. L-iżborż se jkun strettament kundizzjonali għall-progress tajjeb tal-Moldova fil-programm tal-FMI u l-implimentazzjoni ta’ kundizzjonalità ta’ politika speċifika li għandha tiġi maqbula mal-UE f’memorandum ta' qbil. 

3.2.    Operazzjonijiet individwali fil-pajjiżi benefiċjarji fl-2016

3.2.1.    Il-Georgia

F’Awwissu 2013, l-UE adottat programm tal-AMF għall-Georgia sa massimu ta' EUR 46 miljun, nofs f'għotjiet u nofs f'self, li għandha tingħata f’żewġ ħlasijiet parzjali indaqs. Wara l-konklużjoni ta’ Arranġament ta’ Riżerva ta’ USD 154 miljun bejn il-Georgia u l-FMI f’Lulju 2014, l-MtQ, il-ftehim dwar faċilità ta' self u l-ftehim ta’ għotja ġew iffirmati f’Diċembru 2014 u fejn meħtieġ ratifikati mill-Parlament Georgjan.

L-ewwel ħlas parzjali tal-AMF ġie żborżat f'Jannar 2015 (EUR 13-il miljun f'għotjiet) u f’April 2015 (EUR 10 miljuni f'self) abbażi tal-esperjenza pożittiva tal-Georgia fil-programm tal-FMI. L-awtoritajiet Georgjani implimentaw il-miżuri ta’ politika rilevanti kollha deskritti fl-MtQ għat-tieni ħlas parzjali ta’ EUR 10 miljuni f’għotjiet u EUR 13-il miljun f’self, iżda l-iżborż ġie pospost minħabba problemi fuq l-implimentazzjoni tal-programm tal-FMI. Madankollu, fit-12 ta’ April 2017 il-Bord Eżekuttiv tal-FMI approva arranġament ġdid tal-Faċilità ta’ Fond Estiża ta’ USD 285 miljun għall-Georgia. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tmexxi bl-iżborż tat-tieni ħlas parzjali tal-AMF f’Mejju 2017. L-awtoritajiet esprimew ukoll l-interess tagħhom f’operazzjoni tal-AMF possibbli ta’ segwitu biex tikkomplementa l-FMI.

Fl-2016, il-Georgia kompliet tiffaċċja ambjent estern dgħajjef, li permezz ta’ esportazzjonijiet u rimessi mnaqqsa kkontribwixxa għal tkabbir tal-PDG relattivament baxx stmat għal 2,7 %. F’dan il-kuntest, id-defiċit fiskali tal-Georgia kiber, li jirrifletti kemm id-dħul iktar dgħajjef milli mistenni u ż-żidiet fl-infiq qabel l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ottubru 2016. Il-lari ddeprezza drastikament matul l-aħħar sentejn, filwaqt li tilef 50 % tal-valur tiegħu mad-dollaru Amerikan bejn Novembru 2014 u Diċembru 2016. Il-vulnerabbiltajiet esterni żdiedu, filwaqt li d-defiċit fil-kont kurrenti huwa stmat li laħaq it-13,3 % tal-PDG fl-aħħar tal-2016 u d-dejn estern stmat li huwa 108 % tal-PDG. Bi 80 % tad-dejn pubbliku denominat f’munita barranija, id-deprezzament tal-lari rriżulta wkoll f’żieda fil-proporzjon ta’ dejn pubbliku mal-PDG, għalkemm id-dejn pubbliku baqa’ ġeneralment mhux mibdul f’termini tad-dollaru Amerikan. Il-livell ta’ riżervi f’munita barranija kien relattivament stabbli b’USD 2,8 biljun fl-aħħar ta’ Diċembru 2016 (li żdied minn USD 2,7 biljun f’Diċembru 2014), filwaqt li jkopri madwar 4 xhur tal-importazzjonijiet maħsuba għall-2017. Is-sistema finanzjarja tal-Georgia b’mod globali tibqa’ b’saħħitha u kapitalizzata sew, partikolarment grazzi għal superviżjoni u regolamentazzjoni prudenti mill-bank ċentrali.

3.2.2.    Il-Ġordan

Hekk kif l-instabbiltà reġjonali saret iktar profonda, b’riperkussjonijiet negattivi għall-ekonomija, l-awtoritajiet Ġordanjani fit-3 ta’ Marzu 2016 talbu programm tal-AMF ieħor. F’konformità mal-għotja ta’ EUR 2,4 biljun magħmula mill-Kummissjoni fil-konferenza “L-Appoġġ għas-Sirja u r-Reġjun” li seħħet f’Londra fl-4 ta’ Frar 2016, fid-29 ta’ Ġunju 2016 il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar tieni operazzjoni tal-AMF lill-Ġordan għal EUR 200 miljun f’self. L-assistenza hija ppjanata li tkun żborżata f’żewġ ħlasijiet parzjali ugwali fl-2017. Il-programm il-ġdid tal-AMF, li ġie approvat fl-14 ta’ Diċembru 2016, isegwi l-implimentazzjoni b’suċċess tal-ewwel operazzjoni tal-AMF ta’ EUR 180 miljun f’self, li kien żborżat b’mod sħiħ fl-2015. Ġie osservat xi dewmien fl-implimentazzjoni tal-programm tal-FMI ta’ USD 723 miljun ta’ tliet snin taħt l-EFF, li ġie approvat f’Awwissu 2016, bażikament fil-qasam tar-riforma tat-taxxa.

Fl-2016, wara żmien ta’ kunflitti kontinwi fl-Iraq u s-Sirja, it-tkabbir tal-PDG tal-Ġordan naqas għal 2,1 % minn 2,4 % fl-2015, skont l-istimi. Ir-rata tal-qgħad żdiedet għal 15,3 % fl-2016, minn 13,1 % fl-2015. Megħjuna minn tnaqqis qawwi fil-prezzijiet tal-fjuwil u tat-trasport, l-inflazzjoni naqset b’0,8 % fl-2016, filwaqt li kompliet ix-xejra negattiva mill-2015.

Minkejja t-tnaqqis fl-ekonomija, id-defiċit fiskali globali huwa stmat li tjieb għal madwar 3,6 % tal-PDG fl-2016 minn 5,4 % fl-2015. Id-dejn pubbliku tal-Ġordan f’Novembru 2016 żdied għal 95,6 % tal-PDG minn 93,4 % tal-PDG fl-aħħar tal-2015. Id-dinamiċi tad-dejn pubbliku però huma ġġudikati li huma sostenibbli mill-FMI jekk il-pajjiż ikompli jwassal aġġustament fiskali ulterjuri fuq it-terminu medju u jkun appoġġat mill-komunità internazzjonali. Id-defiċit tal-kont kurrenti (esklużi l-għotjiet) huwa stmat li żdied għal 12,6 % tal-PDG fl-2016 meta mqabbel ma' 12 % tal-PDG fl-2015. F'Diċembru 2016, ir-riżervi internazzjonali netti f'munita barranija kienu ta' USD 12,8 biljun, ekwivalenti għal 7,2 xhur tal-importazzjonijiet maħsuba.

Dikjarazzjoni konġunta adottata mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni li tiġi approvata t-tieni operazzjoni tal-AMF, impenjat lill-Kummissjoni tissottometti proposta, jekk ikun xieraq, għal tielet operazzjoni tal-AMF ta’ ammont ikbar wara l-konklużjoni b’suċċess tat-tieni AMF u sakemm jintlaħqu l-prekundizzjonijiet tas-soltu għal din it-tip ta’ assistenza, inkluża valutazzjoni aġġornata mill-Kummissjoni tal-ħtiġijiet finanzjarji esterni tal-Ġordan.

3.2.3.    Ir-Repubblika Kirgiża

Wara l-vjolenza etnika u politika li rriżultat fi tnaqqis qawwi fl-attività ekonomika u nuqqas sostanzjali fil-finanzjament estern, l-UE impenjat ruħha li tappoġġa l-irkupru tar-Repubblika Kirgiża f'konferenza internazzjonali tad-donaturi f'Bishkek f'Lulju 2010. Dan wassal għal proposta mill-Kummissjoni f'Diċembru 2011 biex ir-Repubblika Kirgiża tingħata AMF ta' massimu ta' EUR 30 miljun (EUR 15-il miljun f'self u EUR 15-il miljun f'għotjiet). Id-deċiżjoni ta' AMF ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fit-22 ta' Ottubru 2013. L-MtQ u l-ftehim dwar faċilità ta' self ġew iffirmati fl-2014 u rratifikati mill-Parlament Kirgiż fi Frar 2015.

Din l-operazzjoni ta’ AMF kienet eċċezzjonali peress li r-Repubblika Kirgiża tinsab 'il barra mill-ambitu ġeografiku normali tal-AMF. Madankollu, kienet ġustifikata bis-saħħa tal-momentum ta' riforma politika u ekonomika prodemokratika fil-pajjiż u bl-importanza ekonomika u politika tar-reġjun għall-UE. L-ewwel ħlas parzjali ġie żborżat fl-2015, li kien jikkonsisti minn għotja ta’ EUR 10 miljuni f'Ġunju 2015 u self ta' EUR 5 miljuni f'’Ottubru 2015. Wara li kien hemm tlestija b'suċċess tal-analiżi dwar il-konformità għat-tieni ħlas parzjali , il-Kummissjoni ħallset l-element ta' għotja ta' dan il-ħlas parzjali (EUR 5 miljuni) lill-awtoritajiet Kirgiżi fl-10 ta' Frar 2016. L-element ta' self (EUR 10 miljuni) ġie żborżat fit-13 ta' April 2016.

L-ekonomija Kirgiża kienet qed tkampa relattivament tajjeb mit-tnaqqis reġjonali u b’mod partikolari mir-riċessjoni fir-Russja li bdiet fl-2014. Wara li kiber bi 3,6 % fl-2014 u bi 3,5 % fl-2015, il-PDG Kirgiż żdied bi 3,8 % fl-2016 grazzi għall-prestazzjoni b’saħħitha tas-setturi agrikulturali u tas-servizzi tal-pajjiż. Id-defiċit tal-gvern fl-2016 naqas għal 4,5 % tal-PDG minn 7,9 % tal-PDG fl-2015 minħabba inqas infiq u l-posponiment tat-tlestija ta’ ċerti proġetti ta’ investiment. L-impatt tal-evalwazzjoni tas-som fl-2016 (13 % f’termini ta’ dollaru) fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni u l-effett indirett parzjali tagħha fuq il-prezzijiet domestiċi ssaħħaħ minn qagħda monetarja stretta u l-impatt ta’ flussi tad-dħul tar-rimessi iktar għoljin fuq il-konsum domestiku. Dan kellu effett pożittiv fuq l-inflazzjoni, li naqset għal -0,4 % fl-2016.

Is-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti tal-pajjiż madankollu tibqa’ vulnerabbli, li tirrifletti defiċit strutturalment kbir tal-kont kurrenti, li huwa stmat li tjieb biss marġinalment għal 9,6 % tal-PDG fl-2016 minn 10,9 % tal-PDG fl-2015. Ir-riżervi internazzjonali totali kienu ta’ USD 1,97 biljun sal-aħħar tal-2016, jew 3,8 xhur ta’ importazzjonijiet previsti.

3.2.4.    Il-Moldova

Ir-Repubblika tal-Moldova għaddiet minn perjodu diffiċli matul l-aħħar snin kemm fuq il-front ekonomiku kif ukoll dak politiku. F’Novembru 2014 faqqa’ skandlu kbir ta’ frodi bankarja, li espona problemi serji ta’ governanza li kienu akkumpanjati minn instabbiltà politika. Dawn l-iżviluppi wasslu wkoll għal tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku u għas-sospensjoni ta’ appoġġ baġitarju mis-sħab internazzjonali tal-Moldova.

Il-Moldova daħlet f’riċessjoni fl-2015, bil-PDG tagħha jonqos b’0,5 %. Fl-2016, il-PDG kiber b’madwar 2 %, l-iktar minħabba żieda fl-attività agrikulturali. L-inflazzjoni tas-CPI kienet fuq xejra ‘l isfel, filwaqt li laħqet 2,4 % sal-aħħar tal-2016 minn 13,5 % fl-2015.

Il-gvern kien qed jesperjenza pressjonijiet fiskali sostanzjali minħabba dħul baġitarju iktar baxx u l-interruzzjoni tal-appoġġ baġitarju mill-benefatturi. Dawn il-fatturi għenu biex id-defiċit tal-gvern jiżdied għal 3,2 % tal-PDG. Id-dejn tal-gvern żdied għal 45,7 % tal-PDG fl-2016, bħala riżultat tas-self ta’ emerġenza b’garanziji tal-gvern maħruġa mill-bank ċentrali lil tliet banek taħt stralċ fl-2015. Bħala riżultat tal-kriżi fis-settur finanzjarju, ir-riżervi internazzjonali naqsu b’35 % bejn Settembru 2014 u Frar 2015 għal USD 1,7 biljun, jew madwar 4,3 xhur ta’ importazzjonijiet. Minn dak iż-żmien, il-bank ċentrali akkumula USD 2,1 biljun f’riżervi barranin sa Diċembru 2016, li huwa stmat li jirrappreżenta 5,1 xhur ta’ importazzjonijiet previsti, u li jirrifletti l-istabilizzazzjoni u l-irkupru fis-suq tal-muniti barranin.

F’dan il-kuntest, f’Lulju 2016 l-awtoritajiet fl-aħħar waslu għal ftehim mal-FMI fuq programm li għandu jiġi appoġġat minn arranġament ta’ Faċilità ta' Kreditu Estiża u Faċilità ta' Fond Estiża (ECF/EFF) ta’ tliet snin b’valur ta’ USD 179 miljun. Il-ftehim ġie approvat mill-Bord tal-FMI fis-7 ta’ Novembru 2016 u l-ewwel rieżami tal-programm tlesta fit-28 ta’ April 2017.

Wara talba mill-Gvern Moldovan u fil-kuntest tal-iżviluppi politiċi u ekonomiċi msemmija hawn fuq, fit-13 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal deċiżjoni biex tiġi pprovduta AMF lir-Repubblika tal-Moldova sa massimu ta’ EUR 100 miljun, EUR 60 miljun minnhom f’self u EUR 40 miljun minnhom f’għotjiet. L-ammont propost huwa ġġustifikat abbażi ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern tal-pajjiż, id-daqs tal-programm tal-FMI, il-kondiviżjoni tal-piżijiet u l-marġni ta’ manuvra disponibbli fil-baġit tal-UE. L-element ta’ għotja huwa ġustifikat mil-livell baxx ta’ żvilupp ekonomiku tal-Moldova u l-eliġibbiltà għal finanzjament konċessjonarju mill-FMI u l-Bank Dinji.

3.2.5.    It-Tuneżija

F’Mejju 2016, it-Tuneżija u l-FMI daħlu f’arranġament ta’ Faċilità ta' Fond Estiża ta’ USD 2,9 biljun li jiskadi f’Mejju 2020, immirat li jappoġġa l-programm ekonomiku ta’ ħames snin tal-pajjiż (2016-2020). L-EFF isegwi Arranġament ta' Riżerva tal-FMI ta’ 24 xahar li jammonta għal USD 1,75 biljun approvat mill-FMI f’Ġunju 2013 u konkluż f’Diċembru 2015. It-Tuneżija kisbet AMF kumplimentari mill-UE għall-ammont ta’ EUR 300 miljun f’self. Din l-operazzjoni ġiet approvata f’Mejju 2014 u żborżata parzjalment (l-ewwel żewġ ħlasijiet parzjali, b’total ta’ EUR 200 miljun) matul l-2015. L-iżborż tal-aħħar ħlas parzjali (EUR 100 miljun) ta’ din l-operazzjoni ġie pospost, li jirrifletti implimentazzjoni mhux suffiċjenti ta’ ċerti miżuri ta’ politika maqbula u diffikultajiet bil-programm FMI. Bil-ħsieb tad-diffikultajiet ekonomiċi kontinwi, aggravati mill-attakki terroristiċi tal-2015 u l-instabbiltà reġjonali globali, fis-6 ta’ Lulju 2016 ġew approvati mill-koleġiżlaturi AMF addizzjonali għat-Tuneżija sa massimu ta’ EUR 500 miljun f’self. Wara l-konklużjoni tan-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Tuneżini f’Diċembru 2016, l-MtQ u l-ftehim dwar faċilità ta' self ġew iffirmati fis-27 ta’ April 2017.

Ir-rata ta’ tkabbir tal-PDG tat-Tuneżija għall-2016 hija stmata li laħqet 1,1 %, żieda ċkejkna miż-0,8 % irreġistrata fl-2015. Ir-rata tal-qgħad hija ta’ 15,5 %. L-inflazzjoni kellha medja ta’ madwar 3,7 % fl-2016, inqas minn 5 % fl-2015, u hija mistennija tilħaq medja ta’ 3,9 % fl-2017.

Fuq il-finanzi pubbliċi, id-defiċit tal-gvern huwa stmat li laħaq 6 % tal-PDG fl-2016 (kontra l-4,6 % taħt il-programm FMI). Dan huwa dovut għal varjetà ta’ fatturi, inklużi ġbir tat-taxxi inqas milli mistenni, kostijiet tal-pagamenti tas-servizzi iktar għoljin (parzjalment ikkawżati mid-deprezzament tad-dinar Tuneżin) u kont tal-pagi pubbliċi. Id-dejn tal-gvern ċentrali kompla jiżdied, filwaqt li laħaq 63 % tal-PDG fl-2016, iktar minn 55 % tal-PDG fl-2015. Barra minn hekk, it-Tuneżija hija skedata li tħallas lura ammont sostanzjalment ikbar mid-dejn tal-gvern tagħha fis-sentejn li jmiss.

Minkejja t-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt, attività ekonomika domestika iktar dgħajfa u titjib fil-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet, l-effetti negattivi fuq it-turiżmu tal-attakki terroristiċi għenu biex iżommu l-kont kurrenti f'livell għoli u mhux sostenibbli ta’ 9 % tal-PDG fl-2016. Ir-riżervi huma stmati li huma qrib ta’ USD 6,1 biljun, jew madwar 4,3 xhur ta’ importazzjonijiet.

3.2.6.    L-Ukrajna

B'reazzjoni għas-sitwazzjoni ekonomika tal-Ukrajna li qiegħda tiddeterjora bilħeffa kif ukoll għal pożizzjoni ta' bilanċ talpagament dgħajjef, il-Kummissjoni f'Jannar 2015 ipproponiet operazzjoni ġdida tal-AMF sa massimu ta' EUR 1.8 biljun f'self, li jitqassmu fi tliet ħlasijiet parzjali ugwali ta' EUR 600 miljun. L-ewwel ħlas parzjali taħt l-operazzjoni l-ġdida ("AMF III") ġie żborżat f'Lulju 2015 13 . Il-Kummissjoni ma żborżat l-ebda ħlas parzjali taħt l-operazzjoni ta’ AMF il-ġdida tagħha fl-2016, li jirrifletti implimentazzjoni mhux suffiċjenti mill-awtoritajiet Ukranjani ta’ ċerti riformi ta’ politika speċifikati fil-MtQ. Madankollu, f’April 2017 il-Kummissjoni żborżat it-tieni ħlas parzjali ta’ EUR 600 miljun bi tweġiba għall-miżuri adottati mill-awtoritajiet fl-aħħar tal-2016 u fil-bidu tal-2017 biex jindirizzaw ċerti kwistjonijiet pendenti u l-implimentazzjoni globalment sodisfaċenti tal-programm tal-AMF mill-pajjiż. Fil-prinċipju l-Ukrajna xorta tista’ taċċessa EUR 600 miljun oħra mill-AMF III. Din l-assistenza hija kundizzjonali fuq l-implimentazzjoni b’suċċess mill-Ukrajna tal-miżuri ta’ politika fl-MtQ u progress kontinwu tal-programm tal-FMI tagħha, EFF ta’ erba’ snin ta’ madwar USD 17,5 biljun li ġie approvat f’Marzu 2015. L-iktar rilaxx riċenti ta’ ħlas parzjali (USD 1 biljun) taħt il-programm tal-FMI seħħ f’April 2017, li ġab it-total tal-iżborżi għal USD 8,5 biljun mill-2015.

Fl-2016 l-ekonomija tal-Ukrajna ġiet stabbli. Dan inkiseb minn rispons ta’ politika qawwi mfassal biex jindirizza żbilanċi fuq terminu twil u permezz ta’ appoġġ finanzjarju u tekniku internazzjonali li għenu titrażżan il-kriżi fil-kunfidenza. Bħala riżultat, l-ekonomija kibret f’termini reali għall-ewwel darba f’erba’ snin. It-tkabbir tal-PDG ammonta għal 2,3 %, filwaqt li bbenefika minn domanda domestika li qed tiżdied u minn rikorrenza fl-attività tal-investiment.

L-istabbilizzazzjoni ekonomika ġiet riflessa wkoll fi tnaqqis konsiderevoli tal-inflazzjoni (12,4 % fl-aħħar tal-2016, inqas minn 43,4 % fl-aħħar tal-2015) u volatilità mnaqqsa fuq is-suq tal-muniti barranin. Bħala riżultat tal-politika fiskali prudenti, id-defiċit tal-gvern ġenerali konsolidat kien 2,3 % tal-PDG fl-2016, inqas sew mill-mira inizjali ta’ 3,7 %. Il-konsolidament fiskali, flimkien mat-tneħħija tad-defiċit operazzjonali tal-kumpanija Naftogaz, kellhom parti importanti fiż-żamma tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG, li kien 81,0 % fl-aħħar tal-2016, ftit iktar minn 79,1 % sena qabel. Dan inkiseb minkejja l-kostijiet marbuta man-nazzjonalizzazzjoni ta’ PrivatBank, l-ikbar mutwant kummerċjali.

Iż-żieda fl-attività tal-investiment fl-2016 għenet għal twessigħ tad-defiċit fil-kont kurrenti għal 4,1 % tal-PDG. Fattur ieħor kienet il-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet dgħajfa minħabba prezzijiet tal-prodotti bażiċi baxxi u impedimenti addizzjonali lill-kummerċ imposti mir-Russja fil-forma ta’ projbizzjoni fuq esportazzjonijiet ta’ tranżitu lejn l-Asja Ċentrali. Id-differenza fil-kont kurrenti madankollu, baqgħet taħt il-massimu tagħha ta’ 8,7 % tal-PDG fl-2013 u kienet kollha koperta minn flussi kapitali. Filwaqt li fl-2016 l-assistenza finanzjarja internazzjonali kienet inqas milli mistenni, hija kompliet tappoġġa r-riżervi internazzjonali, li telgħu għal USD 15,5 biljun fl-aħħar tal-2016, jew 3,5 xhur tal-importazzjonijiet previsti tas-sena d-dieħla.

4.    L-iżgurar tal-użu xieraq tal-fondi tal-AMF: valutazzjonijiet operazzjonali u evalwazzjonijiet ex post

4.1.    Valutazzjonijiet operazzjonali

F'konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju tal-UE, il-Kummissjoni, bil-għajnuna ta' konsulenti esterni, twettaq valutazzjonijiet operazzjonali bil-għan li tikseb assigurazzjonijiet raġonevoli marbuta mal-funzjonament tal-proċeduri amministrattivi u taċ-ċirkwiti finanzjarji fil-pajjiżi benefiċjarji.

Il-valutazzjonijiet operazzjonali jiffokaw fuq is-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari fuq il-proċeduri u l-organizzazzjoni tal-ministeri tal-finanzi u tal-banek ċentrali u, b'mod aktar speċifiku, fuq il-ġestjoni tal-kontijiet li jirċievu l-fondi tal-UE. Minbarra dan, tingħata attenzjoni speċjali għall-mod kif jiffunzjonaw l-istituzzjonijiet tal-awditjar estern, l-indipendenza tagħhom, il-programmi ta' ħidma tagħhom u l-effettività tal-kontrolli tagħhom. Jiġu eżaminati wkoll il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fil-livell ċentrali.

Fl-2016, il-Kummissjoni wettqet valutazzjonijiet operazzjonali fuq il-Moldova u l-Ġordan bi tħejjija għall-operazzjonijiet il-ġodda ta' AMF f’dawn il-pajjiżi. Il-valutazzjonijiet tlestew fi Frar u Settembru 2016 rispettivament. It-tnejn li huma kkonkludew li l-proċeduri fiż-żewġ pajjiżi pprovdew biżżejjed garanziji biex jimxu ‘l quddiem bl-operazzjonijiet maħsuba tal-AMF.

4.2.    Evalwazzjonijiet ex post

F'konformità mar-Regolament Finanzjarju tal-UE, il-Kummissjoni twettaq evalwazzjonijiet ex post 14 wara t-tlestija tal-programmi tal-AMF sabiex tivvaluta l-impatt tagħhom. L-objettivi prinċipali huma:

I.biex janalizzaw l-impatt fuq l-ekonomija tal-pajjiż benefiċjarju u b’mod partikolari fuq is-sostenibilità tal-pożizzjoni esterna tiegħu;

II.biex jivvalutaw il-valur miżjud tal-intervent tal-UE.

L-evalwazzjonijiet ex post għall-operazzjonijiet AMF I u AMF II għall-Ukrajna u l-operazzjoni AMF I għall-Ġordan tnedew fl-aħħar tal-2016 u huma mistennija li jitlestew fl-2017.

5.    Talbiet għall-assistenza u proposti futuri tal-Kummissjoni — is-sitwazzjoni baġitarja

Il-programm tal-operazzjonijiet tal-AMF għall-2017 huwa kif ġej:

I.l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet ta' AMF li għadhom għaddejjin, kif deskritt hawn fuq. Dawn jinkludu l-iżborż tal-aħħar ħlas parzjali għall-Georgia u t-Tuneżija I, l-aħħar żewġ ħlasijiet parzjali għat-tielet operazzjoni għall-Ukrajna u l-ħlasijiet parzjali kollha għall-operazzjonijiet ta’ segwitu għat-Tuneżija u l-Ġordan;

II.l-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tal-operazzjoni tal-Moldova, bl-iżborż mistenni tal-ewwel żewġ ħlasijiet parzjali tal-assistenza;

III.l-approvazzjoni ta’ programmi ġodda possibbli, abbażi ta’ talbiet riċevuti sal-lum mill-Armenja, il-Georgia u l-Eġittu, u l-operazzjoni ta’ segwitu possibbli fil-Ġordan.

Il-programm ta’ hawn fuq tal-operazzjonijiet tal-AMF għall-2017 se jagħmel l-iżborżi tal-AMF annwali ekwivalenti għal EUR 1,9 biljun. Filwaqt li dan jirrifletti ż-żieda fil-piż u r-rilevanza tal-istrument tal-AMF, huwa wkoll parzjalment dovut għall-posponiment ta’ għadd ta’ żborżi oriġinarjament skedati għall-2016. Din il-bidla tal-iżborżi hija dovuta għal raġunijiet differenti, li bażikament għandhom x’jaqsmu mad-dewmien mill-awtoritajiet nazzjonali biex iwettqu miżuri ta’ politika miftiehma, dewmien fin-negozjati tal-memorandum ta' qbil, jew diffikultajiet bil-programm tal-FMI rilevanti.

It-tabella ta' hawn taħt tagħti deskrizzjoni ġenerali tal-impenji u l-pagamenti tal-għotjiet tal-AMF għall-2013, l-2016 u l-2017 (b'mod provviżorju). Il-previżjoni għall-2017 hija preliminari u tinkludi biss dawk l-operazzjonijiet ta' AMF li għalihom ġiet approvata deċiżjoni mill-koleġiżlaturi jew proposta mill-Kummissjoni.

Apparti l-operazzjonijiet tal-AMF li jinsabu għaddejjin jew li jinsabu taħt tħejjija, sal-lum ġew riċevuti wkoll talbiet għall-appoġġ makrofinanzjarju tal-UE mill-Armenja, il-Georgia u l-Eġittu:

·Fi Frar 2014, il-Kummissjoni rċeviet talba għall-appoġġ permezz ta' AMF mill-Armenja. Madankollu, is-sitwazzjoni għall-bilanċ tal-pagamenti tal-pajjiż ma kinitx meqjusa biżżejjed kritika sabiex tiggarantixxi proposta mill-Kummissjoni għal AMF, minkejja l-approvazzjoni ta’ arranġament ta’ finanzjament mal-FMI. Minkejja dan, il-Kummissjoni tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja fl-Armenja. Peress li l-programm tal-FMI EFF se jiskadi fl-2017, kwalunkwe kunsiderazzjoni mill-ġdid se tiddependi wkoll fuq it-tnedija ta’ pjan ġdid tal-FMI.

·Fi Frar 2017, l-awtoritajiet Georgjani esprimew interess f’operazzjoni ta’ suċċessjoni tal-AMF. Hekk kif il-programm tal-FMI l-ġdid ġie approvat kif dovut mill-Bord Eżekuttiv, il-Kummissjoni hija lesta li tikkunsidra operazzjoni ta’ suċċessjoni tal-AMF għall-Georgia abbażi tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament esterni tal-pajjiż.

·F'Novembru 2012, l-Eġittu ġedded talba għal AMF li tammonta għal EUR 500 miljun; il-Kummissjoni kkunsidrat li tippreżenta proposta, possibbilment li tkun tikkonsisti minn self ta’ EUR 450 miljun flimkien ma’ għotja ta’ EUR 50 miljun. Madankollu, il-proposta għal AMF ġiet sospiża sakemm tintlaħaq konklużjoni dwar programm tal-FMI għall-Eġittu u bħala tweġiba għall-iżviluppi politiċi fil-pajjiż minn Lulju tal-2013 'il quddiem. F’Novembru 2016, il-Bord Eżekuttiv tal-FMI approva programm ta’ tliet snin taħt l-EFF għal madwar USD 12-il biljun. Għall-ewwel sena tal-programm, id-differenza fil-finanzjament ingħalqet b’kontribuzzjonijiet mill-FMI u benefatturi multilaterali u bilaterali oħrajn. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li jekk hemm ħtiġijiet finanzjarji residwi, l-UE se tkun mitluba tqis operazzjoni tal-AMF għall-Eġittu.



Impenji u pagamenti għal għotjiet tal-AMF, żborżi ta’ self tal-AMF 2015-2017 (EUR)

 

 

2015

2016

2017 (provviżorju)

Approprjazzjonijiet ta' impenn għal għotjiet fil-baġit

77 995 000

79 669 000

45 828 000

 

Valutazzjonijiet operazzjonali, studji PEFA, evalwazzjonijiet ex post

62 900

331 822

400 000

 

AMF għar-Repubblika Kirgiża (deċiżjoni adottata)

 

 

 

 

AMF għall-Georgia (deċiżjoni adottata)

 

 

 

 

AMF għall-Moldova (proposta adottata)*

 

 

40 000 000

 

Operazzjonijiet tal-AMF oħra possibbli

 

 

Għad irid jiġi deċiż

Impenji, totali

62 900

331 822

40 400 000

 

 

 

 

 

Allokazzjonijiet tal-baġit mhux impenjati

77 932 100

79 337 178

5 428 000

 

 

 

 

 

Approprjazzjonijiet ta' pagament għal għotjiet fil-baġit

74 218 061

79 669 000

45 828 000

 

 

 

 

 

 

Valutazzjonijiet operazzjonali, studji PEFA, evalwazzjonijiet ex post

29 806

131 195

260 736

 

AMF għar-Repubblika Kirgiża (deċiżjoni adottata)

10 000 000

5 000 000

 

 

AMF għall-Georgia (deċiżjoni adottata)

13 000 000

 

10 000 000

 

AMF għall-Moldova (proposta adottata)*

 

 

20 000 000

 

Operazzjonijiet tal-AMF oħra possibbli

 

 

Għad irid jiġi deċiż

Pagamenti, totali

23 029 806

5 131 195

30 260 736

Allokazzjonijiet mhux użati għal pagamenti ta’ għotjiet

51 188 255

74 537 805

15 567 264

Żborżi ta’ self tal-AMF

 

 

 

 

 

 

 

 

 

AMF għall-Ukrajna (deċiżjoni adottata)

250 000 000

 

 

 

AMF għall-Ukrajna II (deċiżjoni adottata)

 

 

 

 

AMF għall-Georgia (deċiżjoni adottata)

10 000 000

 

13 000 000

 

AMF għall-Ġordan I (deċiżjoni adottata)

180 000 000

 

 

 

AMF għat-Tuneżija I (deċiżjoni adottata)

200 000 000

 

100 000 000

 

AMF għar-Repubblika Kirgiża (deċiżjoni adottata)

5 000 000

10 000 000

 

 

AMF għall-Ukrajna III (deċiżjoni adottata)

600 000 000

 

1200 000 000

 

AMF għat-Tuneżija II (deċiżjoni adottata)

 

 

350 000 000

 

AMF għall-Ġordan II (deċiżjoni adottata)

 

 

200 000 000

 

AMF għall-Moldova (proposta adottata)*

 

 

40 000 000

 

Operazzjonijiet tal-AMF oħra possibbli

 

 

Għad irid jiġi deċiż

Żborżi ta’ self tal-AMF, total

1245 000 000

10 000 000

1903 000 000

* Din l-operazzjoni hija mistennija tiġi approvata matul l-2017. Tnejn minn tliet ħlasijiet parzjali biss huma mistennija jiġu żborżati fl-2017. Żborż tal-aħħar ħlas parzjali huwa ppjanat għall-2018.

(1)

Il-bażi ġuridika għall-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi li qed jiżviluppaw hija l-Artikolu 212 tat-TFUE.

(2)

Dan irriżulta f’sitt operazzjonijiet ġodda tal-AMF b’appoġġ għall-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, il-Moldova, is-Serbja u l-Ukrajna, li jammontaw għal total ta’ EUR 1,3 biljun.

(3)

SWD(2016) 299 finali.

(4)

Il-Fond ta’ Garanzija għall-Azzjoni Esterna għandu l-iskopertura għar-riskju ġenerali tal-UE fuq nuqqas ta’ ħlas lura minn pajjiżi li jibbenefikaw mill-AMF kif ukoll mill-operazzjonijiet ta’ self estern tal-BEI u l-Euratom. Huwa mogħti b’rata ta’ 9 % tar-responsabbiltajiet pendenti kollha taħt il-garanzija tal-baġit tal-UE fl-aħħar ta’ kull sena, sentejn b’lura. Biex tintlaħaq il-kapaċità ta' self ta’ EUR 2 000 miljun kull sena, se jkun meħtieġ forniment addizzjonali ta’ EUR 135 miljun kull sena.

(5)

 COM(2011) 396 finali, 4.7.2011.

(6)

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 18).

(7)

Id-Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 li tipprovdi assistenza makro-finanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 15).

(8)

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 18).

(9)

Id-Deċiżjoni Nru 1025/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika Kirgiża (ĠU L 283, 14.8.2013, p. 1).

(10)

Id-Deċiżjoni Nru 534/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika tat-Tuneżija (ĠU L 151, 21.5.2014, p. 9).

(11)

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/1112 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lit-Tuneżija (ĠU L 186, 9.7.2016, p. 1).

(12)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' April 2015 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lill-Ukraina (ĠU L 100, 15.4.2015, p. 1).

(13)

Din il-proposta ġiet wara żewġ programmi tal-AMF ("AMF I" u "AMF II") b'valur kombinat ta' EUR 1,61 biljun li ġew implimentati fl-2014 u kmieni fl-2015.

(14)

L-evalwazzjonijiet ex post kollha jinsabu fuq is-sit web tad-DĠ ECFIN: http://ec.europa.eu/dgs/economy_finance/evaluation/completed/index_en.htm .