Brussell, 9.6.2017

COM(2017) 312 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Azzjonijiet għas-Simplifikazzjoni tar-Rappurtar Ambjentali

{SWD(2017) 230 final}


1.Introduzzjoni u l-kuntest

Kollha kemm aħna rridu nkunu nafu jekk humiex sani l-arja li nieħdu n-nifs minnha u l-ilma li nixorbu jew jekk humiex nodfa l-bajjiet u l-lagi tagħna. Il-pubbliku Ewropew għandu d-dritt li jkun jaf dwar il-kwalità tal-ambjent naturali lokali u jekk l-azzjonijiet tal-UE jwasslux għat-titjib.

Dan l-għarfien ifisser ġestjoni tal-flussi ta’ informazzjoni. L-informazzjoni fil-livell Ewropew normalment tibda lokalment: monitoraġġ ambjentali tat-tniġġis tal-arja, tal-qagħda tan-natura, tal-kwalità tal-ilma, eċċ, ifisser li niftħu għajnejna u naraw x’qed jiġri fl-ambjent “fil-livell lokali”. Imbagħad estratt minn din l-informazzjoni jiġi rrappurtat lill-pubbliku u fil-livell tal-UE. Fil-livell Ewropew, dan jintuża għal monitoraġġ regolatorju biex jiġi vverifikat jekk ir-regolament effettivament huwiex jilħaq l-objettivi tiegħu.

Ċerti rapporti ambjentali huma popolari ħafna. Ir-rapport annwali dwar l-ilma għall-għawm fl-UE jiġbed l-attenzjoni mill-Ewropa kollha, u l-informazzjoni pprovduta fuq l-internet mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) kienet aċċessjata aktar minn 73 000 darba fl-2016. Xi rapporti oħra ppubblikati mill-Kummissjoni fil-parti l-kbira tagħhom jibqgħu ma jolqtux l-għajn tal-pubbliku f’livell aktar mifrux iżda xorta waħda għandhom għan importanti ta’ monitoraġġ regolatorju tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE.

Ir-rappurtar dwar politiki u l-ambjent jipprovdi fatti u informazzjoni essenzjali sabiex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati. Tabilħaqq, ir-rappurtar huwa essenzjali sabiex iċ-ċiklu kollu ta’ analiżi, djalogu u kollaborazzjoni li jseħħ għar-rieżami tal-implimentazzjoni għall-ambjent 1 .

Iżda fl-istess ħin ir-rappurtar iwassal għal spejjeż għall-Istati Membri u għan-negozji u għalhekk hemm bżonn ta’ ekwilibriju bejn id-domanda għal informazzjoni aħjar u l-ispiża sabiex din tingħata. Huwa għalhekk li l-pakkett ta’ regolamentazzjoni aħjar 2 ta’ Mejju 2015 nieda rieżami fuq firxa wiesa’ tar-rekwiżiti ta’ rappurtar, inkluż għall-ambjent, fil-forma ta’ kontroll tal-idoneità ffokat fuq ir-rappurtar u l-monitoraġġ regolatorju 3 .

Dan ir-Rapport jippreżenta l-pjan ta’ azzjoni li rriżulta biex jiġi żgurat li l-liġi ambjentali tal-UE qed tagħti r-riżultati u l-effetti intenzjonati tagħha fil-livell lokali. L-għan huwa li jgħarraf aħjar lill-pubbliku Ewropew dwar dawn il-kisbiet u fl-istess ħin jissimplifika l-piż tar-rappurtar għall-amministrazzjonijiet u n-negozji nazzjonali.

2.Is-sejbiet tal-Kontroll tal-Idoneità

L-isfida ta’ dan il-kontroll tal-idoneità kienet l-ibbilanċjar ta’ żewġ aspetti. Minn naħa, dan fisser pass lura biex naraw l-istampa kollha u biex nitgħallmu mill-flussi ta’ rappurtar. Min-naħa l-oħra, kien eżerċizzju li jħares lejn id-dettalji ta’ flussi ta’ rappurtar differenti u l-isfidi operazzjonali li dawn joħolqu u li nitgħallmu minnhom. Filwaqt li l-għan kien li l-approċċ ikun kemm jista’ jkun ambizzjuż, kien ukoll kruċjali sabiex isir maniġġabbli. Kwistjonijiet prinċipali fil-qasam tal-kamp ta’ applikazzjoni kienu kif ġej:

·“Obbligi ta’ rappurtar” tfisser dispożizzjonijiet legali li jeħtieġu dejta, informazzjoni jew rapporti li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni jew lill-EEA. Dan ir-rappurtar sar l-aktar sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE fl-Istati Membri. B’hekk, il-kontroll tal-idoneità jkopri dak li huwa msejjaħ “monitoraġġ regolatorju” iżda mhux il-monitoraġġ ambjentali “fil-livell lokali” f’sens wiesa’.

·Minbarra li jħares lejn ir-rappurtar fil-livell tal-UE, il-kontroll tal-idoneità kkunsidra wkoll kif din l-informazzjoni titqassam sussegwentement.

·Mhux l-obbligi kollha ta’ rappurtar eżaminati fil-kontroll tal-idoneità huma koperti direttament f’direttivi jew f’regolamenti. Ħafna huma speċifikati permezz ta’ atti delegati jew atti ta’ implimentazzjoni jew permezz ta’ linji gwida jew ftehimiet informali.

Saru għoxrin mistoqsija ta’ evalwazzjoni, essenzjalment dwar jekk l-informazzjoni tajba hijiex qed issir disponibbli fil-ħin propizju, kif suppost u bi spiża kemm jista’ jkun baxxa. Gruppi interessati ġew ikkonsultati permezz tal-internet u permezz ta’ workshops regolari. Il-politika ambjentali għandha 181 obbligu ta’ rappurtar fi 58 att ta’ leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE. Huma jeħtieġu informazzjoni numerika u ġeospazjali, iżda bosta minnhom huma f’format ta’ test — l-aktar formati diffiċli biex jiġu rrappurtati, strutturati u analizzati. Il-frekwenza tvarja. Madwar nofs isiru kull sentejn jew iktar, u madwar nofs iwasslu għal rapport tal-Kummissjoni lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE. Il-proċessi jvarjaw ukoll iżda jidhru li jaħdmu l-aħjar meta l-EEA tipproċessa d-dejta. Fil-qosor, l-evalwazzjoni sabet li:

·L-effikaċja tjiebet b’mod sinifikanti matul is-snin u hija meqjusa bħala sodisfaċenti b’mod ġenerali. Madankollu, hemm lok għal titjib għal xi kwistjonijiet trasversali (bħas-simplifikazzjoni favur proċess aktar komuni) u għal partijiet speċifiċi tal-leġiżlazzjoni.

·Ir-rappurtar huwa fil-biċċa l-kbira effiċjenti u l-piż amministrattiv (spiża stmata ta’ EUR 22 miljun fis-sena) hija moderata, ġustifikata u proporzjonata. Il-benefiċċji, bħalma huma implimentazzjoni mtejba u aktar immirata u informazzjoni pubblika aħjar, jissuperaw l-ispejjeż bil-kbir. Xi żidiet fl-effiċjenza jistgħu jingħataw billi jiġi ssimplifikat il-proċess b’mod aktar orizzontali u strateġiku. Xi aġġustamenti fil-kontenut, fl-iskedar, fil-frekwenza u fil-proċess jistgħu jwasslu wkoll għal kisbiet fl-effiċjenza, iżda xi wħud minn dawn il-bidliet jeħtieġu emenda tal-leġiżlazzjoni konċernata.

·Il-koerenza tinkiseb fil-biċċa l-kbira bejn l-obbligi ta’ rappurtar f’oqsma ta’ politika tal-UE bħall-agrikoltura, il-klima, l-enerġija, il-politika marittima, eċċ. Madankollu, ta’ min wieħed iqis jekk il-koerenza bejn xi wħud minn dawn l-oqsma differenti, kif ukoll mal-obbligi li joħorġu minn impenji internazzjonali jistgħu jiġu mtejba.

·L-obbligi ta’ rappurtar huma rilevanti,, iżda hemm lok għal titjib (eż. soluzzjonijiet tekniċi avvanzati) u approċċi alternattivi (eż. il-ġbir ta’ dejta nazzjonali). B’mod partikolari, il-kontenut ta’ rappurtar ambjentali jista’ jkun iffokat aktar fuq informazzjoni li hija strateġika, kwantitattiva u xprunata mir-regolamentazzjoni aħjar (eż. bl-użu ta’ indikaturi ewlenin). Dan inaqqas l-ammont attwalment mitlub ta’ informazzjoni testwali.

·Hemm valur miżjud tal-UE, minħabba li r-rappurtar attwali jagħti benefiċċji ċari fil-forma ta’ informazzjoni komparabbli u konsistenti li mhix disponibbli fil-livell nazzjonali. Madankollu, approċċi alternattivi bħat-tixrid attiv ta’ informazzjoni ambjentali rilevanti fil-livell nazzjonali jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu r-rappurtar fil-livell tal-UE inqas neċessarju.

Tabella 1: Ħarsa ġenerali lejn is-sejbiet (għal aktar dettalji, ara SWD(2017) 230). Il-perċentwali hija relatata jew ma’ 58 att ta’ leġiżlazzjoni jew ma’ 181 obbligu ta’ rappurtar analizzati, skont id-dejta disponibbli.

Kwistjoni

Perċentwal

Emendar tal-leġiżlazzjoni diġà proposta mill-Kummissjoni li se jissimplifika r-rappurtar (marbut mal-leġiżlazzjoni)

16 %

Kwistjonijiet ta’ rappurtar identifikati li jistgħu jeħtieġu emendi leġiżlattivi (marbuta ma’ leġiżlazzjoni)

12 %

Rappurtar li jinkludi eżempji tal-aħjar prattika

(marbuta ma’ leġiżlazzjoni)

19 %

Rappurtar meqjus bħala utli ferm
(marbuta ma’ obbligi ta’ rappurtar)

39 %

Rappurtar meqjus bħala mhux utli ħafna
(marbuta ma’ obbligi ta’ rappurtar)

9 %

Rappurtar fejn l-użu tal-indikaturi jista’ jittejjeb

(marbuta ma’ leġislazzjoni, abbażi ta’ analiżi ta’ skrinjar)

86 %

Rappurtar li jiddependi prinċipalment fuq informazzjoni testwali

(marbuta ma’ obbligi ta’ rappurtar)

76 %

Rappurtar fejn tista’ tittejjeb il-koerenza esterna

(marbuta ma’ leġislazzjoni, abbażi tar-reazzjonijiet mill-partijiet konċernati)

29 %

Rappurtar fejn id-dewmien huwa sinifikanti

(Marbut ma’ 78 obbligu ta’ rappurtar li huma marbuta ma’ rapporti tal-Kummissjoni)

27 %

Il-provi jwasslu għall-konklużjoni li l-biċċa l-kbira tal-obbligi ta’ rappurtar b’mod ġenerali jaqdu l-iskop tagħhom. Barra minn hekk, sar progress importanti f’dawn l-aħħar snin f’bosta oqsma (ara t-taqsima 3).

Problemi li jridu jiġu indirizzati jinkludu wkoll kif ġej:

·li jiġi żgurat li l-obbligi ta’ rappurtar kollha jinkludu l-indikaturi ewlenin meħtieġa biex tiġi vvalutata l-konformità u biex tinftiehem il-prestazzjoni fil-kisba tal-objettivi;

·li jitnaqqsu r-rekwiżiti ta’ rappurtar testwali u li jiġu promossi prattiki tajba tal-IT bħal standards komuni ta’ sors miftuħ;

·li jiġu promossi prattiki tajba għal tixrid attiv;

·li jitkompla l-allinjamet tal-iskedar u l-frekwenza għall-obbligi ta’ rappurtar li jikkorrispondu mal-ħtiġijiet taċ-ċiklu ta’ politika ewlenija;

·li jiġu armonizzati u ċċentralizzati (xi) aspetti tal-proċessi sabiex dawn isiru aktar effettivi u effiċjenti; kif ukoll

·li jsir użu aħjar ta’ dejta minn sorsi tal-UE (bħal Copernicus 4 ) jew direttament mill-pubbliku (eż. fil-kuntest tax-xjenza taċ-ċittadini 5 ).

B’mod ġenerali, il-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni huma possibbli permezz tal-applikazzjoni tal-aħjar prattika b’mod aktar konsistenti bħala parti minn approċċ aktar komuni. Dawn isaħħu l-bażi ta’ evidenza għall-politika ambjentali kif ukoll jagħmlu l-proċess aktar sempliċi u aktar affidabbli.

3.Il-progress

Il-Kummissjoni ilha ħafna taħdem mal-Istati Membri biex tissemplifika r-rappurtar ambjentali 6 . Aktar reċentement, il-Kummissjoni diġà tat bidu għal numru ta’ bidliet, ispirati parzjalment minn dan il-kontroll tal-idoneità. Dawn jinkludu bidliet fil-proposti tal-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart 7 jew ir-revoka tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Standardizzat 8 , li se jirriżultaw f’benefiċċji reali matul is-snin li ġejjin. Fil-fatt, seħħew jew jinsabu għaddejjin bidliet fis-setturi ewlenin kollha tal-politika ambjentali bħalma huma l-arja, l-ilma u n-natura (ara t-tabella 1 ta’ SWD(2017) 230 għal ħarsa ġenerali). Dawn il-bidliet juru l-potenzjal biex jitnaqqsu l-ispejjeż u fl-istess ħin biex titjieb il-kwalità tal-informazzjoni.

L-evalwazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali fil-qafas tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni regolatorja (REFIT) iħarsu lejn kwistjonijiet ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar ambjentali b’mod sistematiku. Dawn l-evalwazzjonijiet huma xprunaturi ewlenin għall-bidla, fejn din tkun meħtieġa. Dan huwa l-każ, pereżempju, għall-evalwazzjoni tad-Direttiva INSPIRE 9 .

Sar progress mhux biss f’dak li jiġi rrappurtat, iżda wkoll fil-mod kif jiġi rrappurtat. It-teknoloġija u l-għodod tal-informazzjoni għamlu l-proċess ta’ rappurtar aktar faċli u aktar rapidu u qed jintużaw fuq firxa aktar wiesgħa. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kienet qed tesplora wkoll ideat u approċċi differenti bħalma huma t-titjib fit-tixrid attiv.

4.Il-pjan direzzjonali għal azzjoni

Filwaqt li bil-kontroll tal-idoneità nstab li r-rappurtar ambjentali huwa fil-biċċa l-kbira adattat għall-iskop, dan identifika wkoll xi kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati (ara t-taqsima 2). Dawn se jiġu indirizzati permezz ta’ azzjoni f’ħames oqsma. Dan ifisser:

1.Il-ksib tal-informazzjoni tajba fil-forma tajba u fil-ħin propizju;

2.Is-simplifikazzjoni tar-rappurtar;

3.Il-promozzjoni tat-tixrid attiv tat-tagħrif ambjentali fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali;

4.L-isfruttar ta’ sorsi oħra ta’ dejta u ta’ approċċi alternattivi li jikkomplementaw ir-rappurtar ambjentali; kif ukoll

5.It-titjib tal-koerenza u tal-kooperazzjoni.

Dawn l-azzjonijiet jirriflettu l-ħtieġa li jkun hemm approċċ komuni għar-rappurtar. Dan ifisser bidla minn sistema fejn ir-rappurtar jiżviluppa b’mod parallel f’diversi oqsma ta’ politika ambjentali għal approċċ iżjed standardizzat fejn l-aħjar prattika hija adottata f’firxa ta’ oqsma ta’ politika.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kapaċità tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) sabiex jassistu fit-twassil ta’ tali approċċ li jibni fuq l-esperjenzi, l-għodod u l-proċessi li huma diġà stabbiliti fl-Aġenzija. Il-Kummissjoni se tittrasferixxi l-baġit mill-Programm LIFE (madwar EUR 3.1 miljun fuq fażi pilota ta’ tliet snin) u b’hekk l-EEA tkun tista’ tmexxi l-implimentazzjoni tal-azzjoni għall-modernizzazzjoni tar-Rappurtar elettroniku (ara l-azzjoni 3 hawn taħt) u tkun megħjuna twassal diversi azzjonijiet oħrajn kif indikat hawn taħt 10 . Dan se jikkomplementa l-appoġġ kontinwu rigward ir-rappurtar u l-kompiti (eż. fir-rigward tal-politika tal-enerġija u l-klima) u t-titjib (eż. fir-rigward ta’ Reportnet 2.0) futuri miftiehma kif imniżżel fil-Programm ta’ Ħidma Pluri-Annwali u Annwali tal-EEA. L-eżitu ta’ din il-fażi pilota mbagħad jiġi kkunsidrat fis-segwitu tal-evalwazzjoni u l-kunsiderazzjonijiet tal-EEA-EIONET mmexxija mill-Kummissjoni favur ir-Regolament tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent 11 .

Ir-riżultat għandu jkun informazzjoni ta’ kwalità aħjar li tingħata aktar faċilment u li tintuża fuq firxa ħafna aktar wiesgħa. Dan se jkun ta’ benefiċċju għal kull min hu involut jew interessat fir-rappurtar ambjentali. L-amministrazzjonijiet se jibbenefikaw minn tnaqqis tal-piż amministrattiv. Għan-negozji l-piż se jonqos fejn dawn ikunu involuti fir-rappurtar u fil-monitoraġġ regolatorju, jekk l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jgħaddu l-kisbiet fl-effiċjenza. Dawk li jfasslu l-politika se jkollhom informazzjoni ta’ kwalità aħjar għall-iżvilupp tal-politika. Fl-aħħar nett iżda mhux inqas importanti, iċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet Ewropej se jkollhom aċċess aħjar għal informazzjoni ambjentali mtejba.

4.1.Il-ksib ta’ informazzjoni tajba fil-forma t-tajba u fil-ħin propizju

Il-kontroll tal-idoneità sab li fil-biċċa l-kbira l-proċess ta’ rappurtar eżistenti għall-ambjent iwassal riżultati iżda li hemm lok għal xi titjib speċifiku. Uħud minn dawn l-elementi ta’ titjib, bħal pereżempju l-allinjament ta’ skedar, jistgħu jsiru biss b’emendi leġiżlattivi. Bidliet oħrajn ma jeħtiġux emendi leġiżlattivi iżda jistgħu jkunu ta’ natura dettaljata.

Azzjoni 1: L-emendi leġiżlattivi fl-obbligi ta’ rappurtar definiti f’partijiet magħżula tal-leġiżlazzjoni

L-iskedar: L-iskedar stabbilit għal partijiet differenti tal-leġiżlazzjoni f’konformità mal-ħtieġa li jsiru proposti mill-Kummissjoni

B’żieda mal-azzjonijiet li diġà huma deskritti fil-qosor fit-Taqsima 3, din l-azzjoni se tħares lejn is-sejbiet dwar il-bżonn li jiġu emendati strumenti leġiżlattivi individwali 12 . Fuq il-bażi ta’ analiżi aktar dettaljata ta’ dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni se tipproponi emendi leġiżlattivi li jistgħu jindirizzaw, pereżempju:

l-allinjament tal-iskedar/il-frekwenza tar-rappurtar, fejn rilevanti; kif ukoll

l-eliminazzjoni ta’ obbligi skaduti jew ta’ obbligi oħra ta’ rappurtar li m’għadhomx utli.

Biex jiġi żgurat approċċ sistematiku u komparabbli, il-Kummissjoni se tikkomplementa l-approċċ ggwidat mil-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar u tintroduċi, sa fejn possibbli, dispożizzjonijiet standard għall-obbligi tar-rappurtar ambjentali.

Azzjoni 2: L-evalwazzjoni u l-bdil tal-obbligi ta’ rappurtar f’aktar dettall bħala parti minn programm kontinwu

L-iskedar: Programm ta’ ħidma kontinwu

Biex jiġi żgurat approċċ sistematiku u komparabbli, il-Kummissjoni se timplimenta wkoll l-approċċ għar-rappurtar ambjentali deskritt f’dan ir-Rapport meta tiġi evalwata l-liġi ambjentali eżistenti tal-UE u t-tfassil ta’ proposti leġiżlattivi ġodda (pereżempju billi jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ rappurtar jew billi jittejbu d-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni pubblika).

Dan l-approċċ aktar komuni u xjentifiku, se jiġi introdott permezz ta’ impenn li r-rappurtar jiġi eżaminat f’aktar dettall fl-evalwazzjonijiet u fil-proposti kollha li jmiss 13 . Dan jieħu vantaġġ mir-rieżamijiet u mill-evalwazzjonijiet regolari li jippermettu lill-Kummissjoni, li kull ftit snin f’kooperazzjoni mal-EEA u mal-Istati Membri tal-UE 14 , teżamina l-informazzjoni mitluba bis-saħħa tar-rappurtar. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tkun tista’ tqis kif qed taħdem il-leġiżlazzjoni b’mod aktar ġenerali. F’dan il-kuntest, ir-rieżami se jeżamina sistematikament il-possibbiltajiet li ġejjin:

bl-użu ta’ indikaturi ewlenin b’mod aktar wiesa’ u bl-istrutturar tal-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet l-iżjed importanti marbuta mal-implimentazzjoni b’referenza għall-qafas DPSIR 15 u għal-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar dwar monitoraġġ regolatorju;

bl-allinjament ta’ dawn l-indikaturi ewlenin fejn possibbli mal-ħtiġijiet usa’ ta’ politika tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), tas-7 programm ta’ azzjoni ambjentali (7EAP) u tar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR) biex jiġi żgurat approċċ konġunt;

billi tonqos l-ħtieġa li tingħata informazzjoni testwali u kuntestwali jew billi jintużaw aktar ta’ spiss mistoqsijiet magħluqa li jwasslu għal tweġibiet possibbli, predefiniti, antiċipati fejn xieraq;

bl-użu tal-informazzjoni pubblikament disponibbli fil-livell nazzjonali minflok li tintalab informazzjoni għal darb’oħra mill-Istati Membri jew min-negozji.

Il-programm kontinwu se jħares ukoll lejn l-għan, u l-ħtiġijiet ta’ rappurtar u l-użu tal-informazzjoni rappurtata. Barra minn hekk, l-obbligi ta’ rappurtar rilevanti se jiġu riveduti bl-għan li dawn ikunu f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tad-dejta INSPIRE jew, meta jkun aktar effikaċi, b’tali mod li l-ispeċifikazzjonijiet tad-dejta huma adattati sabiex jiżguraw konsistenza mal-obbligi ta’ rappurtar. L-għan hu li jiġu massimizzati l-benefiċċji mill-interoperabbiltà tad-dejta mingħajr ma jiġu ġġenerati spejjeż mhux meħtieġa.

Il-“Drafting principles for smarter environmental reporting” (Il-prinċipji ta’ abbozzar tar-rapporti ambjentali aktar intelliġenti) żviluppati mill-inizjattiva “Make IT Work” 16 se jiġu meqjusa f’dan il-proċess ta’ rieżami.

4.2.Is-simplifikazzjoni tal-proċess tar-rappurtar

Filwaqt li nibnu fuq l-investiment li sar diġà fil-proċess ta’ rappurtar, jista’ jsir aktar biex nagħmlu użu sħiħ tal-avvanzi kontinwi fl-għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni, inkluża l-istandardizzazzjoni tal-prattiki u l-proċeduri.

Azzjoni 3: L-immodernizzar tar-Rappurtar elettroniku inkluż permezz ta’ Reportnet aktar avvanzat u billi jsir l-aħjar użu tal-infrastruttura eżistenti

L-iskedar: Fl-2019, it-tnedija tar-Reportnet 2.0 li se jestendi l-kapaċitajiet u l-prestazzjoni tiegħu gradwalment ladarba jiġi mniedi

Sabiex jiġi promoss u mmodernizzat ir-rappurtar elettroniku bl-aħħar soluzzjonijiet tal-IT, l-EEA bdiet proġett imsejjaħ “Reportnet 2.0”. Reportnet hija infrastruttura tal-EEA għas-sostenn u t-titjib fil-flussi tad-dejta, u jintuża wkoll minn xi dipartimenti tal-Kummissjoni għal proċessi ta’ rappurtar tagħhom. Kien maħsub għal ġenerazzjoni aktar bikrija tal-politika ambjentali tal-UE u bħalissa jinsab taħt pressjoni kbira minħabba l-volum tad-dejta li qed tiġi rrappurtata issa.

Il-Kummissjoni se tappoġġa r-rijabilitazzjoni totali ta’ din l-infrastruttura ta’ rappurtar biex tistabbilixxiha bħala l-għodda ċentrali u semplifikata tal-UE għar-rappurtar ambjentali (u possibbilment rappurtar ieħor) lil hinn mil-livell ta’ ambizzjoni attwali tar-Reportnet 2.0 (li huwa prinċipalment maħsub għat-titjib tal-kapaċità u tas-sigurtà). Reportnet se jkollu wkoll iwieġeb għal livelli ta’ ambizzjoni tal-UE deskritti fl-aġenda tas-Suq Uniku Diġitali, b’mod partikolari dawk stabbiliti fil-pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku 17 u l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà 18 . Il-Kummissjoni se tesplora wkoll il-potenzjal tar-Reportnet fl-użu tas-servizzi cloud u se tara jekk hemmx sinerġiji fl-implimentazzjoni tar-Regolament propost dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija 19 . Il-Kummissjoni se tqis it-tagħlimiet meħuda mill-inizjattiva tas-Sistemi Komuni ta’ Informazzjoni Ambjentali (SEIS) 20 , u se tibni fuq ir-riżultati u l-esperjenzi miksuba tas-sistemi ta’ informazzjoni settorjali bħas-Sistemi ta’ Informazzjoni dwar l-Ilma jew dwar il-Bijodiversità għall-Ewropa.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tippromwovi l-applikazzjoni konsistenti u realistika tar-regoli tad-Direttiva INSPIRE. L-evalwazzjoni REFIT ta’ INSPIRE 21 wriet li l-implimentazzjoni attwali tad-Direttiva mhix allinjata bis-sħiħ mal-ħtiġijiet ta’ rappurtar skont il-liġi ambjentali tal-UE. Il-Kummissjoni diġà qiegħda tieħu passi biex tiżgura li fl-implimentazzjoni ta’ INSPIRE qed tingħata “prijorità lil settijiet ta’ dejta ġeografika ambjentali, b’mod partikolari dawk marbuta mal-monitoraġġ u r-rapportar 22 .

Azzjoni 4: L-iżvilupp u l-għodod tal-ittestjar għall-ġbir tad-dejta fil-livell tal-UE

L-iskedar: Fl-2018, il-preżentazzjoni tar-riżultati tat-test

Il-ġbir tad-dejta huwa mod biex l-istituzzjonijiet tal-UE jkollhom aċċess għad-dejta fil-livell nazzjonali jew lokali mingħajr ma jirrapurtawha fiżikament. Fil-prinċipju, dan jippermetti li fil-livell tal-UE jkun hemm aċċess aħjar u aktar flessibbli tad-dejta filwaqt li jimminimizza l-inkonvenjenza għall-oħrajn.

S’issa, ma kienx possibbli li tiġi żviluppata applikazzjoni fil-livell tal-UE għall-ġbir u l-użu effettiv tad-dejta disponibbli pubblikament. Ftit teżisti esperjenza, iżda se jkunu meħtieġa aktar żvilupp u ttestjar ta’ għodod bħal dawn qabel ma jkunu jistgħu jsiru operattivi. Il-Kummissjoni, flimkien mal-EEA, se tinvesti fl-iżvilupp ta’ għodod bħal dawn u se tittestja l-ewwel ideat qabel tmiem l-2018. Dan se jinkludi titjib aktar tal-Geoportal tal-UE u tar-rabta tiegħu mal-proġett Reportnet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa gwida prattika dwar kif fil-ġejjieni l-ġbir tad-dejta jista’ jintuża b’mod aktar effettiv fil-politika ambjentali sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati fil-kontroll tal-idoneità (eż. dwar iċ-ċertezza legali).

4.3.Il-promozzjoni tat-tixrid attiv tat-tagħrif ambjentali fil-livell Ewropew u nazzjonali

Ir-rappurtar ma għandux ikun għall-użu tal-istituzzjonijiet tal-UE biss. Jenħtieġ ukoll, pereżempju, li jippermetti lill-pubbliku jifhem aħjar il-qagħda tal-ambjent li jgħixu fih.

Azzjoni 5: L-iżvilupp ta’ gwida u l-promozzjoni tal-aqwa prattiki għal sistemi ta’ informazzjoni ambjentali Ewropej u nazzjonali, inkluż l-aċċess aħjar għad-dejta f’modi faċli li huma faċli biex jinftiehmu

L-iskedar: Fl-2018, il-pubblikazzjoni ta’ gwida u tal-eżempji tal-aqwa prattika

Il-Kummissjoni se tippromwovi t-tixrid attiv bis-saħħa tal-gwida u l-qsim tal-aqwa prattika fil-livelli Ewropew u nazzjonali, b’implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva INSPIRE (ara wkoll l-azzjoni 6). Din il-gwida se tiġi żviluppata f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma’ gruppi interessati oħrajn. Din se tibni fuq l-esperjenzi tal-ħidma settorjali u tal-proġetti pilota, b’mod partikolari dawk imwettqa fil-kuntest tal-Qafas Strutturat ta’ Implimentazzjoni u ta’ Informazzjoni u (SIIF) 23 . Dan l-eżerċizzju se jingħaqad mal-proċessi internazzjonali tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus billi jħeġġeġ l-użu aktar mifrux ta’ għodod elettroniċi għat-tixrid tal-informazzjoni b’mod attiv għall-pubbliku, b’mod aċċessibbli u faċli biex jintuża.

Huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-fruntieri amministrattivi tal-Istati Membri ma jkunux ostaklu għall-fluss tad-dejta u għall-ġestjoni tad-dejta. Għandu jkun hemm fluss bla problemi tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u lill-pubbliku. Huwa importanti fl-implimentazzjoni ta’ din l-azzjoni li dan għandu jkun il-każ ukoll f’kuntest transfruntier, u irrispettivament mill-Istat Membru mnejn toriġina l-informazzjoni.

Fl-aħħar nett, id-dejta dwar l-ambjent għandha tkun disponibbli permezz ta’ aċċess miftuħ, u għandha tkun faċli biex tiġi rkuprata u biex terġa tintuża, b’mod partikolari permezz tar-riċerkaturi u tax-xjenzati.

Azzjoni 6: Il-promozzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva INSPIRE, billi tingħata prijorità lis-settijiet ta’ dejta l-aktar rilevanti għall-implimentazzjoni u r-rappurtar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE

L-iskedar: Sal-2018 l-Istati Membri għandhom jippubblikaw lista ta’ settijiet ta’ dejta prijoritarji f’konformità ma’ INSPIRE u fl-2019 għandhom jeżaminaw il-progress fuq il-bażi ta’ rapporti tal-Istati Membri

Bħala segwitu għall-evalwazzjoni ta’ INSPIRE, il-Kummissjoni qiegħda fi proċess biex tidentifika s-settijiet tad-dejta ġeografika (li jaqgħu fil-qafas tad-Direttiva INSPIRE) marbuta mal-obbligi ta’ rappurtar ambjentali 24 . Skont id-Direttiva INSPIRE, l-Istati Membri għandhom joħolqu l-metadejta rilevanti għal dawn is-settijiet ta’ dejta u jagħmluhom disponibbli (permezz ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni, tniżżil u sejbien) fil-livell nazzjonali. Ftit Stati Membri fil-fatt għamluh dan. Ladarba l-Kummissjoni tkun fasslet lista ta’ dan it-tip, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri 25 , hi se timmonitorja l-applikazzjoni tal-obbligi ta’ INSPIRE permezz tal-mekkaniżmu stabbilit f’dik id-Direttiva.

4.4.L-esplorazzjoni tal-potenzjal ta’ sorsi oħra ta’ dejta u approċċi biex jikkomplementaw ir-rappurtar ambjentali

Il-potenzjal li jintużaw sorsi oħra ta’ dejta bħal Copernicus jew tax-xjenza taċ-ċittadini bħala għodda li tikkomplementa r-rappurtar jew, f’xi każijiet bħala alternattiva, hija promettenti. Madankollu, l-esperjenza turi li dan jista’ ma jkunx faċli, u hemm għadd ta’ kwistjonijiet li għandhom jiġu solvuti.

Azzjoni 7: L-użu aħjar mid-dejta ġġenerata permezz tal-programm Copernicus

L-iskedar: Fl-2017, l-istabbiliment ta’ azzjonijiet f’oqsma magħżula

Il-programm tal-UE għall-osservazzjoni tad-dinja, Copernicus, jikkonsisti minn kostellazzjoni ta’ satelliti tal-UE li jiġbru volum mingħajr preċedent ta’ dejta dwar l-osservazzjoni tad-dinja. L-informazzjoni tematika miksuba permezz ta’ Copernicus tista’ taqdi rwol importanti fil-proċess tal-iżgurar tal-konformità ambjentali billi, pereżempju, iżżid l-għarfien, tipprovdi indikazzjonijiet tan-nuqqas ta’ konformità, u tmexxi l-ispezzjonijiet. Iżda din l-informazzjoni tista’ wkoll tkun importanti għall-monitoraġġ u r-rappurtar ambjentali. Diġà jeżistu eżempji bħall-użu ta’ immaġni satellitari biex jiġu identifikati bidliet fil-wiċċ ta’artijiet ta’ bur f’sit tan-Natura 2000. Biex jitħeġġu dawn l-iżviluppi, l-azzjonijiet ta’ segwitu se jesploraw kif id-dejta Copernicus tista’ tintuża biex tikkomplementa jew b’mod aktar ġenerali ttejjeb il-kwalità tal-informazzjoni użata għal proċeduri ta’ rappurtar u b’mod aktar wiesa’ t-tfassil tal-politika ambjentali tal-UE. Dawn l-azzjonijiet se jibnu fuq l-esperjenzi tal-EEA u se jkollhom l-għan li jiżviluppaw aktar il-ħtiġijiet tal-utenti għan-natura, l-ilma u, b’mod partikolari, il-politika tal-baħar. Barra minn hekk, għandhom jinstabu sinerġiji mal-faċilitaturi tal-Inizjattiva Aċċellerata (Global Earth Observation System of Systems - GEOSS), iżda wkoll li Copernicus għall-osservazzjoni tad-dinja pan-Ewropej u internazzjonali oħrajn netwerks huma parti, jistgħu jiġu esplorati wkoll.



Azzjoni 8: Il-promozzjoni tal-użu aktar wiesa’ tax-xjenza taċ-ċittadini biex jikkomplementa r-rappurtar ambjentali

L-iskedar: Fl-2019, azzjonijiet fi stadji li jwasslu għall-iżvilupp ta’ linji gwida

Sors ieħor promettenti ta’ informazzjoni komplementari u ta’ dejta dwar kwistjonijiet ambjentali huwa dak tax-xjenza taċ-ċittadini 26 . Dan joffri mezz ieħor biex tinġabar dejta ambjentali li jkun kosteffettiv u li huwa utli għaliex jipprovdi twissijiet bikrija dwar ix-xejriet ambjentali u problemi speċifiċi. Fl-istess ħin, iżid l-għarfien u jagħti s-setgħa lin-nies. Madankollu, minkejja ammont dejjem akbar ta’ dejta u attivitajiet tax-xjenza taċ-ċittadini, fil-prattika d-dejta tax-xjenza taċ-ċittadini, (għadhom) ma jintużawx b’mod wiesa’ għal monitoraġġ ambjentali uffiċjali (l-aktar minħabba li f’xi oqsma d-dejta mhix fuq l-istess livell ta’ tagħmir ta’ monitoraġġ xjentifikament aktar elaborat) u għar-rappurtar 27 . Madankollu, dan jista’ jixpruna rappurtar u azzjoni, uffiċjali pereżempju jekk iċ-ċittadini jirrappurtaw problemi dwar miżbla, lokali u jikkomplementawha.

Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi attivitajiet tax-xjenza taċ-ċittadini permezz tal-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jippermettu liċ-ċittadini jikkontribwixxu (eż. biex jissorveljaw il-kwalità tal-arja), li jippromwovu koordinazzjoni bejn azzjonijiet eżistenti fil-livell reġjonali, Ewropew u internazzjonali u jinkoraġġixxu kif ukoll ixerrdu l-aqwa prattiki.

4.5.It-titjib tal-koerenza u l-kooperazzjoni

Azzjoni 9: It-titjib tal-kooperazzjoni fil-kondiviżjoni u l-użu ta’ dejta miġbura f’oqsma oħra għall-benefiċċju tal-ambjent

L-iskedar: Fl-2017 l-identifikazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ kooperazzjoni għal titjib

Hemm rabtiet bejn ir-rappurtar ambjentali u r-rappurtar f’oqsma oħra ta’ politika tal-UE, b’mod partikolari l-agrikoltura, il-klima, il-konsumaturi u s-saħħa, l-enerġija, il-politika marittima u tas-sajd, kif ukoll l-istatistika. Xi oqsma għal titjib fil-kooperazzjoni dwar l-użu ta’ dejta eżistenti fil-livell tal-UE se jiġu kkunsidrati. L-informazzjoni mogħtija lil dipartimenti oħra tal-Kummissjoni jistgħu jintużaw aħjar f’xi oqsma biex jinfurmaw il-politika ambjentali. Hemm eżempji tajbin f’dan ir-rigward pereżempju f’żoni agriambjentali. Se jenħtieġ ukoll it-teħid ta’ azzjonijiet oħra, inkluża valutazzjoni tal-punt sa fejn ir-Regolament dwar l-Istatistika tal-Iskart, huwa konsistenti mal-obbligi tar-rappurtar skont il-leġiżlazzjoni riveduta tal-UE dwar l-iskart, ladarba tiġi adottata.

Il-Kontroll tal-Idoneità tal-Kummissjoni dwar l-obbligi skont il-leġiżlazzjoni tal-UE 28 dwar l-enerġija għall-ippjanar, ir-rappurtar u l-monitoraġġ ħares ukoll lejn kwistjonijiet relatati. Hemm potenzjal għall-ġbir ta’ riżorsi u għall-ħolqien ta’ konnessjonijiet (eż. għall-indikaturi jew għar-rappurtar elettroniku) fil-proċess ta’ implimentazzjoni taż-żewġ eżerċizzji ta’ simplifikazzjoni.

Is-segwitu se jiġi implimentat b’mod li joħloq sinerġiji pożittivi għal oqsma ta’ politika kkonċernati.

Azzjoni 10: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti sabiex jiġu ssimplifikati r-rappurtar u l-ġestjoni tal-informazzjoni bejn il-livell tal-UE u dak internazzjonali

L-iskedar: Fl-2017, l-identifikazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ kooperazzjoni għal titjib

Diġà hemm fis-seħħ għadd ta’ inizjattivi u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-UE u internazzjonali għas-semplifikazzjoni tar-rappurtar ambjentali. Billi tibni fuq din il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se tagħmel sforzi addizzjonali biex tpoġġi l-kwistjoni b’mod sistematiku fuq l-aġenda tal-ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent, fejn dan mhuwiex diġà l-każ.

5.Konklużjoni u prospetti

Il-kontroll tal-idoneità tar-rappurtar ambjentali u l-monitoraġġ regolatorju wassal għal bażi ta’ evidenza komprensiva tal-vantaġġi u d-dgħufijiet tas-sitwazzjoni attwali. B’mod ġenerali, l-approċċ fil-konfront tal-politika dwar l-ambjent huwa matur u proporzjonat. L-investiment attwali mill-Istati Membri u l-korpi tal-UE jirriżulta f’benefiċċji sinifikanti. Huwa juri li l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE toffri benefiċċji tanġibbli u li l-pubbliku Ewropew qed jiġi infurmat dwar dawn. Minkejja din is-sitwazzjoni ġeneralment pożittiva, twettqu ħafna attivitajiet ta’ simplifikazzjoni jew waslu biex jintemmu. Il-kontroll tal-idoneità identifika wkoll għadd ta’ oqsma speċifiċi u traversali fejn jista’ jsir titjib jew fejn modi ġodda jistgħu jiġu esplorati, pereżempju fid-dawl tal-possibbiltajiet offruti mit-teknoloġiji l-ġodda biex jipprovdi reazzjoni rapida u evidenza ġeografikament speċifika.

Dawn l-azzjonijiet addizzjonali se jpoġġu r-rappurtar ambjentali fit-triq lejn aktar trasparenza, u lejn rappurtar aktar iffokat u monitoraġġ regolatorju aktar effettiv. Dawn se jissimplifikaw l-obbligi aktar, biex b’hekk jitnaqqas il-piż amministrattiv filwaqt li tissaħħaħ il-bażi tal-evidenza tagħna. Dan se jkun ta’ benefiċċju għall-amministrazzjonijiet, għan-negozji u għaċ-ċittadini Ewropej. It-tnaqqis tal-piż amministrattiv se jinkiseb filwaqt li jinżammu jew jitjiebu l-benefiċċji, prinċipalment permezz ta’ gwadanni fl-effiċjenza u ta’ aktar trasparenza (jiġifieri disseminazzjoni pubblika tal-informazzjoni fuq firxa aktar wiesgħa).

Il-Kummissjoni se tissorvelja l-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet u fl-2019 se tieħu kont tas-sitwazzjoni.



Anness: Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet proposti

Nru

Azzjoni

Skedar

1

L-emendi leġiżlattivi tal-obbligi ta’ rappurtar definiti f’partijiet magħżula tal-leġiżlazzjoni.

L-iskedar stabbilit għal partijiet differenti tal-leġiżlazzjoni f’konformità mal-ħtieġa li ssir (isiru) proposta(i) tal-Kummissjoni.

2

Il-valutazzjoni u l-bdil tal-obbligi ta’ rappurtar f’aktar dettall bħala parti minn programm kontinwu.

Programm ta’ ħidma kontinwu.

3

L-immodernizzar tar-rappurtar elettroniku, inkluż permezz ta’ Reportnet aktar avvanzat u li jsir l-aħjar użu mill-infrastruttura eżistenti.

Fl-2019, it-tnedija tar-Reportnet 2.0 li se jestendi l-kapaċitajiet u l-prestazzjoni tiegħu gradwalment minn hemm ’il quddiem.

4

L-iżvilupp u l-ittestjar tal-għodod tal-ġbir tad-dejta fil-livell tal-UE.

Fl-2018, il-preżentazzjoni tar-riżultati tat-test.

5

L-iżvilupp ta’ gwida u l-promozzjoni tal-aqwa prattiki għas-sistemi ta’ informazzjoni ambjentali Ewropej u nazzjonali, inkluż l-aċċess aħjar għad-dejta f’modi faċli li jkunu biex jinftiehmu.

Fl-2018, il-pubblikazzjoni ta’ gwida u tal-eżempji tal-aqwa prattika.

6

Il-promozzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva INSPIRE bi prijorità għas-settijiet ta’ dejta l-aktar rilevanti għall-implimentazzjoni u r-rappurtar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE.

Sal-2018 il-pubblikazzjoni mill-Istati Membri ta’ lista ta’ settijiet tad-dejta ta’ prijorità f’konformità mad-Direttiva INSPIRE u fl-2019 r-rieżami tal-progress fuq il-bażi tar-rapporti mill-Istati Membri.

7

L-użu aħjar ta’ dejta ġġenerata permezz tal-programm Copernicus.

Fl-2017, l-istabbiliment ta’ azzjonijiet f’oqsma magħżula.

8

Il-promozzjoni tal-użu aktar mifrux tax-xjenza taċ-ċittadini biex tikkomplementa r-rappurtar ambjentali.

Fl-2019, azzjonijiet fi stadji li jwasslu għall-iżvilupp ta’ linji gwida.

9

It-titjib fil-kondiviżjoni u fl-użu ta’ dejta miġbura f’oqsma oħra, għall-benefiċċju tal-ambjent.

Fl-2017, l-identifikazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ kooperazzjoni għal titjib

10

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bil-ħsieb li jiġu ssimplifikati r-rappurtar u l-ġestjoni tal-informazzjoni bejn il-livell tal-UE u dak internazzjonali.

Fl-2017, l-identifikazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ kooperazzjoni għal titjib

(1)  COM(2017) 63
(2)  Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar — Aġenda tal-UE, (COM(2015) 215)
(3)  Dan ir-rieżami ma jinkludix rappurtar fil-qasam tat-tibdil fil-klima. Tabilħaqq, fil-politika dwar il-klima u l-enerġija, il-Kummissjoni diġà pproponiet simplifikazzjoni tal-obbligi ta’ ppjanar, ta’ rappurtar u ta’ monitoraġġ: ara “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija” COM(2016) 759 finali. B’mod aktar ġenerali, ir-rabtiet bejn ir-rappurtar ambjentali u r-rappurtar f’oqsma oħra (l-enerġija, il-klima, l-agrikoltura, l-affarijiet marittimi, eċċ.) huma kkunsidrati skont il-koerenza li ġejja.
(4)   www.copernicus.eu  
(5)  Ix-Xjenza taċ-Ċittadini huwa fenomenu dinji li qed jikber li jiddeskrivi l-kontribut taċ-ċittadini biex jiġġeneraw informazzjoni xjentifika u għarfien (ara “ Environmental Citizen Science ”, 2013).
(6)  SWD(2016) 188
(7)  COM(2016) 789 u COM(2016) 793
(8)  COM(2015) 593 - 596
(9)  Id-Direttiva INSPIRE toħloq infrastruttura ta’ dejta ġeografika tal-UE għal skopijiet ta’ politika ambjentali u politiki relatati oħra b’impatt fuq l-ambjent (COM(2016) 478 u SWD (2016)273).
(10)  Ara l-Azzjonijiet 2, 5, 7, 8, 9, u 10
(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
(12)  L-Anness 8 tal-evalwazzjoni tal-kontroll tal-idoneità (SWD (2017) 230) jiddeskrivi indikazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati għal kull parti tal-leġiżlazzjoni dwar l-użu ta’ informazzjoni testwali, l-indikaturi, l-utilità, id-dewmien, il-koerenza u l-format.
(13)  Idem.
(14)  Jeżistu gruppi ta’ esperti dwar ir-rappurtar f’parti kbira tal-oqsma leġiżlattivi identifikati u/jew tal-qafas EEA EIONET li se jintużaw għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm ta’ ħidma kontinwu.
(15)  D: xprunaturi, P: pressjonijiet, S: l-Istat, I: impatt, R: reazzjoni.
(16)   http://www.ieep.eu/work-areas/environmental-governance/better-regulation/make-it-work/subjects/2015/08/monitoring-and-reporting
(17)  COM(2016) 179
(18)  COM(2017) 134
(19)   Ara  n-nota 3 f’qiegħ il-paġna 
(20)  COM(2008) 46 u SWD(2013) 18
(21)  COM(2016) 478 u SWD(2016) 273
(22)   http://inspire.ec.europa.eu/document-tags/mig-workprogramme  
(23)  Għal eżempju ta’ tali proġett pilota, ara http://uwwtd.oieau.fr/
(24)  COM(2016) 478 u SEC(2016) 273
(25)   Lista preliminari issa tinsab disponibbli online .
(26)  SWD(2016) 188
(27)  http://eurobirdportal.org/
(28)  SWD(2016) 396 u 397