Brussell, 7.6.2017

COM(2017) 295 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-Tnedija tal-Fond Ewropew għad-Difiża


Introduzzjoni

L-UE qed tħabbat wiċċha ma’ aktar instabbiltà u kunflitti fil-viċinat tagħha u fi żmienna qed jitfaċċaw theddidiet ġodda għas-sigurtà. Din is-sitwazzjoni aktarx ma tinbidilx fil-futur qrib. Kulma jmur, iċ-ċittadini qed iduru dejjem aktar fuq l-Ewropa għal protezzjoni fil-fruntieri tagħha u lil hinn minnhom għax dawn l-isfidi huma tant kbar li l-ebda Stat Membru ma jista’ jirnexxilu jindirizzahom b’suċċess waħdu.

Is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej hi qabelxejn responsabbiltà Ewropea. Filwaqt li jirrikonoxxu dan, l-Istati Membri qed jinvestu mill-ġdid fid-difiża. It-28 Stat Membru qed jonfqu 1.34% tal-PDG fuq id-difiża (jew 1.32% għall-UE27) u hemm bżonn ċar li din in-nefqa tiżdied.

Biex tkun lesta għat-theddidiet tal-ġejjieni u biex tħares liċ-ċittadini tagħha, l-Ewropa għandha bżonn issaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha. B’hekk hemm bżonn li jiġu żviluppati teknoloġiji ewlenin f’oqsma kritiċi u kapaċitajiet strateġiċi biex tkun żgurata tmexxija teknoloġika. L-uniku mod biex jintlaħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE hu permezz ta’ koperazzjoni fil-livelli kollha. L-Unjoni Ewropea għandha tinkoraġġixxi l-koperazzjoni biex b’hekk tkun tista’ tgħin ħalli jiżdiedu r-riżultati u l-kwalità tal-investiment tal-Istati Membri fid-difiża.

Għaldaqstant, fil-linji gwida politiċi tal-President Juncker, il-politika tad-difiża ġiet identifikata bħala wieħed mill-oqsma ta’ ta’ prijorità għal azzjoni. Fl-2016, l-Unjoni Ewropea firxet il-pedamenti għal politika tad-difiża Ewropea aktar b’saħħitha. Bħala parti minn pakkett komprensiv tad-difiża li jsegwi l-Istrateġija Globali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża (l-EDAP) 1 .

Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex tinkiseb iżjed koperazzjoni Ewropea dwar id-difiża u titwieżen il-kompetittività tal-industrija tad-difiża fl-Ewropa. Dan jipproponi li jitwaqqaf Fond Ewropew għad-Difiża. Il-Fond għandu jgħin lill-Istati Membri biex il-koperazzjoni jagħmluha n-norma u b’hekk jiżviluppaw u jakkwistaw il-kapaċitajiet strateġiċi ewlenin tad-difiża. Il-Kunsill Ewropew laqa’ l-inizjattiva u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposti biex fl-ewwel nofs tal-2017 jitwaqqaf Fond Ewropew għad-Difiża 2 .

Dan hu l-mument biex inwettqu dak il-mandat. Iż-żmien qed itir. L-implimentazzjoni ta’ Fond Ewropew għad-Difiża jeħtieġ jitmexxa ’l quddiem bħala prijorità.

Il-ħidma qed tissokta u t-tħejjija tal-Element tar-Riċerka tal-Fond Ewropew għad-Difiża miexja ġmielu. Illum, il-Kummissjoni qed tagħmel proposta leġiżlattiva għal Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża. Il-proposta tirrifletti djalogu intensiv mal-partijiet konċernati kollha, l-aktar mal-Istati Membri. Saret ukoll koperazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli u mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta wkoll għodod addizzjonali biex tippromwovi l-akkwist konġunt tal-kapaċitajiet tad-difiża mill-Istati Membri. Matul il-fażijiet sussegwenti tal-istabbiliment tal-Fond se tittieħed iżjed azzjoni.

Il-Fond Ewropew għad-Difiża għandu jkun faċilitatur ewlieni għall-ġejjieni tad-difiża Ewropea. Dan se jwieżen il-livell ta’ ambizzjoni li l-Unjoni se taqbel dwaru meta tqis ix-xenarji differenti għal Unjoni tas-Sigurtà u tad-Difiża Ewropea, kif stabbilit fid-dokument ta’ riflessjoni dwar il-futur tad-difiża Ewropea 3 .

1.Għalfejn neħtieġu Fond Ewropew għad-Difiża?

Minkejja d-diversi inizjattivi matul l-aħħar snin, l-ambjent tal-industrija Ewropea tad-difiża Ewropea hu kkaratterizzat minn livelli u kwalità insuffiċjenti ta’ investiment fl-iżvilupp u fl-akkwist ta’ kapaċitajiet futuri. L-Istati Membri mhumiex jikkoperaw biżżejjed, b’aktar minn 80% tal-akkwist u aktar minn 90% tar-riċerka u t-teknoloġija mmexxija fuq bażi nazzjonali. Għad jonqos għadd kbir ta’ frammentazzjoni, b’178 sistema differenti tal-armi fl-Ewropa, meta mqabbla ma’ 30 fl-Istati Uniti. Id-dgħufija fil-koordinazzjoni tal-ippjanar tad-difiża twassal biex flus il-poplu ma jintużawx b’mod effiċjenti, issir duplikazzjoni bla bżonn, u l-iskjerament tal-forzi tad-difiża ikun subottimu. Fost l-Istati Membri jeżistu differenzi kbar fil-livell tal-infiq għad-difiża. Hemm bżonn iżjed solidarjetà, fosthom bl-involviment tal-baġit tal-UE, biex jissawru kapaċitajiet tad-difiża komuni.

Fil-livell tal-UE: il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (l-EDA) jistgħu jgħinu ferm lill-Istati Membri biex jippjanaw b’mod ikkoordinat u jiżviluppaw il-kapaċitajiet futuri b’mod konġunt. Dawn il-passi se jkunu sinifikanti:

-Identifikazzjoni sistematika tal-prioritajiet tal-kapaċitajiet tad-difiża Ewropea, abbażi tal-livell il-ġdid ta’ ambizzjoni tal-UE fis-sigurtà u fid-difiża. Dan il-livell ta’ ambizzjoni kien ibbażat fuq l-Istrateġija Globali u approvat mill-Kunsill Ewropew 4 . Il-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet rivedut fl-2018 se jkun ir-referenza ewlenija fil-livell tal-UE. Meta xieraq se jitqiesu wkoll l-inizjattivi ta’ koperazzjoni reġjonali u internazzjonali li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-UE.

-Ippjanar tal-kapaċitajiet nazzjonali b’aktar trasparenza u direzzjoni politika. Ir-Rieżami Koordinat Annwali dwar id-Difiża (CARD) se jrawwem iżjed koordinazzjoni fl-ippjanar tad-difiża nazzjonali u fil-koperazzjoni Ewropea mtejba tad-difiża.

-Il-mekkaniżmi konġunti tal-finanzjament, kif previst fil-Fond Ewropew għad-Difiża, għandhom iwasslu għal bidla strutturali lejn aktar koperazzjoni fid-difiża.

Il-koordinazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-investiment teħtieġ definizzjoni komuni tal-ħtiġijiet u tal-prijoritajiet. Dawn se jibqgħu f’idejn l-Istati Membri. Xi wħud minn dawn il-prijoritajiet diġà ġew identifikati, fosthom is-Sistemi tal-Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod (id-droni), il-kapaċità ta’ riforniment tal-fjuwil fl-arja, il-Komunikazzjoni bis-Satellita u ċ-Ċibernetika 5 . Dawn l-assi ġew ikkonfermati mill-Istrateġija Globali tal-UE, li tidentifika oqsma addizzjonali ta’ prijorità għall-kapaċitajiet fejn l-Ewropa jeħtiġilha tinvesti u tippromwovi l-iżvilupp kollaborattiv, fosthom: ir-rikonjizzjoni tal-intelligence u tas-sorveljanza, l-aċċess awtonomu għall-ispazju, u l-osservazzjoni permanenti tad-dinja kif ukoll is-sigurtà marittima.

Hu kruċjali li tiżdied il-koordinazzjoni tal-investiment fost l-Istati Membri tul iċ-ċiklu industrijali, mir-riċerka u sal-iżvilupp ta’ prototipi għall-akkwist ta’ kapaċitajiet tad-difiża. Din tikkontribwixxi għal aktar effiċjenza fin-nefqa għad-difiża nazzjonali, timmassimizza l-innovazzjoni għax tilħaq skala akbar, tnaqqas ir-riskju ta’ duplikazzjoni, tħeġġeġ l-interoperabbiltà bejn il-forzi armati u tinkoraġġixxi livell ogħla ta’ standardizzazzjoni tat-tagħmir. Din tippermetti wkoll li jinqasmu r-riskji u l-ispejjeż.

Għaldaqstant, il-Fond Ewropew għad-Difiża jimmira li jipprovdi l-inċentivi meħtieġa f’kull stadju taċ-ċiklu industrijali. Għalhekk il-kejl ewlieni tas-suċċess tagħha se jkun iż-żieda sinifikanti fis-sehem tal-proġetti tad-difiża koperattivi fl-infiq globali fuq id-difiża 6 . Il-Fond għandu jgħin biex jinkisbu l-ħiliet teknoloġiċi u jingħataw inċentivi biex jissawru ktajjen tal-provvista transfruntieri li jkunu integrati u kompetittivi. Matul iċ-ċiklu tal-programmazzjoni u tal-implimentazzjoni se jiġu eżaminati xi kumplimentaritajiet possibbli mal-użu ċivili u programmi ta’ appoġġ ċivili Ewropew korrispondenti. Dan se jiżgura l-aktar użu effiċjenti u l-kumplimentarjetà tar-riżorsi Ewropej għall-isforzi ċivili u militari tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-iskjerament. Il-kumplimentarjetà mal-politiki tas-sigurtà l-oħra tal-UE, inkluż ċ-ċibersigurtà, se tingħata importanza partikolari.

2.X’inhu l-Fond Ewropew għad-Difiża?

Il-Fond Ewropew għad-Difiża jikkonsisti f’żewġ elementi legalment distinti iżda komplementari (ara l-Grafika 1). It-tnejn l’huma jiġu skjerati b’mod gradwali. L-elementi se jiġu kkoordinati minn Bord tal-Koordinazzjoni li jlaqqa’ flimkien lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli, lill-Istati Membri, lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, u kif ukoll lill-industrija kif xieraq. L-appoġġ mogħti mill-baġit tal-UE se jitfassal apposta skont il-fażi taċ-ċiklu industrijali kkonċernat.

Il-programmi u l-għodod differenti li jiġu żviluppati permezz tal-elementi tar-riċerka u tal-kapaċità se jkunu inklużivi u miftuħin għall-parteċipazzjoni ta’ benefiċjarji mill-Istati Membri kollha. Hu essenzjali li l-kumpaniji kollha, ikunu xi jkunu d-daqs tagħhom u l-post fejn jinsabu fl-Unjoni, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għodod disponibbli. Għandhom jibbenefikaw ukoll l-SMEs għax dawn jinsabu fil-qalba tal-innovazzjoni fl-Ewropa u huma importanti ferm għall-ktajjen tal-provvista.



Il-grafika 1: il-Fond Ewropew għad-Difiża

L-element tar-riċerka diġà beda jiffinanzja r-riċerka kollaborattiva fi prodotti u teknoloġiji innovattivi tad-difiża fil-livell tal-UE. L-ewwel passi lejn il-programm futur diġà ttieħdu bit-tnedija tal-Proġett Pilota u bit-tnedija tal-Azzjoni Preparatorja, b’baġit totali mistenni ta’ EUR 90 miljun mifrux fuq tliet snin 7 . Il-proġetti li dan jiffinanzja, li jistgħu jinkludu proġetti żviluppati fil-qafas tal-Koperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), iqisu l-prijoritajiet tal-kapaċità tad-difiża miftiehma mill-Istati Membri tal-UE. Din se tiġi ffinanzjata bis-sħiħ mill-baġit tal-UE permezz ta’ programm tal-UE apposta fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (QFP). Il-baġit stmat se jkun madwar EUR 500 miljun fis-sena. Il-proposta għal dan il-programm tar-riċerka dwar id-difiża se ssir matul l-2018 ħalli jibda jaħdem mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-programm futur tar-riċerka dwar id-difiża se jibbenefika minn struttura ta’ governanza mfassla apposta, li tixhed l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża. Din se titfassal fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-Proġett Pilota, mill-Azzjoni Preparatorja u mill-istrutturi ta’ governanza tal-programm Orizzont 2020.

L-element tal-kapaċità, li għandu jkollu l-għan li jikseb ammont ta’ referenza ta’ EUR 5 biljun fis-sena fuq perjodu taż-żmien medju, se jappoġġa l-iżvilupp konġunt u l-akkwist konġunt ta’ kapaċitajiet ewlenin tad-difiża. Dawn se jirrispettaw il-prijoritajiet tal-kapaċitajiet tad-difiża miftiehma mill-Istati Membri tal-UE. Filwaqt li l-kontribuzzjonijiet għall-element tal-kapaċità se jiġu l-aktar mill-Istati Membri, il-baġit tal-UE se jħeġġeġ il-koperazzjoni fil-qasam tad-difiża billi jnaqqas ir-riskju fil-fażijiet bikrin taċ-ċiklu tal-iżvilupp industrijali. Dawn il-kontribuzzjonijiet, mogħtija mill-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża, se jappoġġaw il-kompetittività tal-industrija Ewropea tad-difiża. Dawn se jipprovdu ingranaġġ ta’ finanzjament mill-Istati Membri li jappoġġa lill-industrija Ewropea tad-difiża biex tniedi u twettaq proġetti ta’ koperazzjoni. Ir-rekwiżit ta’ impenn għal finanzjament konġunt għal iżjed żvilupp u akkwist tal-prodott finali jew tat-teknoloġija mill-Istati Membri se jidderieġi l-finanzjament tal-UE u l-investimenti lejn proġetti vijabbli f’oqsma ta’ prijorità. B’Għodod Finanzjarji flessibbli se tingħata firxa ta’ alternattivi li jindirizzaw il-ħtiġijiet differenti tal-Istati Membri meta jiġi biex iniedu programmi tal-iżvilupp kollaborattivi wara l-fażi tal-ħolqien tal-prototipi kif ukoll fid-dawl tal-akkwist konġunt.

Il-grafika 2: Il-governanza tal-Fond Ewropew għad-Difiża sal-2020

3.Lejn l-Element tar-Riċerka tal-Fond: Nappoġġaw ir-riċerka fi prodotti u teknoloġiji tad-difiża

Ir-riċerka fil-qasam tad-difiża hi essenzjali biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet ewlenin tal-futur, inaqqsu d-distakki teknoloġiċi u b’hekk jiġu indirizzati t-theddidiet emerġenti u futuri għas-sigurtà li qed taffaċċja l-Ewropa. Din tgħin fl-iżvilupp tal-għarfien u l-ħiliet teknoloġiċi ewlenin.

Il-Kummissjoni se timmobilizza fondi tal-UE biex tingrana u tikkumplimenta l-programmi nazzjonali tar-riċerka dwar id-difiża. L-enfasi se tinxteħet fuq l-attivitajiet kollaborattivi tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku fil-qasam tad-difiża u biex tiġi stimulata l-koperazzjoni fost l-atturi tar-riċerka u t-teknoloġija madwar l-Ewropa, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet tal-kapaċitajiet tad-difiża miftiehma mill-Istati Membri tal-UE. Se jintuża approċċ b’żewġ stadji: l-Azzjoni Preparatorja fuq ir-riċerka dwar id-Difiża se twassal għal programm tal-UE aktar sostanzjali għar-riċerka dwar id-difiża permezz tal-QFP li jmiss.

a.L-Azzjoni Preparatorja fuq ir-riċerka dwar id-Difiża

Id-Deċiżjoni ta’ Finanzjament li tvara l-Azzjoni Preparatorja fuq ir-riċerka dwar id-Difiża ġiet adottata fil-11 ta’ April 8 . Flimkien mal-Proġett Pilota, din hija l-ewwel darba li l-baġit tal-UE se jsostni azzjonijiet fir-riċerka u t-teknoloġija tad-difiża.

Għall-2017 ġie miftiehem baġit ta’ EUR 25 miljun. Filwaqt li għall-2018, il-Kummissjoni pproponiet baġit ta’ EUR 40 miljun u għall-2019 ipproponiet EUR 25 miljun, jiġifieri EUR 90 miljun b’kollox. L-Azzjoni Preparatorja se timmira lejn l-oqsma tar-riċerka 9 li huma kruċjali biex ikun jista’ jsir progress fl-iżvilupp ta’ sistemi ewlenin tad-difiża. Abbażi tal-prijoritajiet stabbiliti mill-Istati Membri, inkluż permezz tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, dawn huma Proġett ta’ Dimostratur tat-Teknoloġija tar-Riċerka dwar id-Difiża u għadd ta’ azzjonijiet fl-oqsma tat-Teknoloġiji Kritiċi tad-Difiża, it-Teknoloġiji ta’ Tfixkil Emerġenti u Futuri, l-Istandardizzazzjoni u l-Interoperabbiltà. Anki l-Previżjoni Teknoloġika Strateġika se tingħata finanzjament.

L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża qed timmaniġġja l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali tal-Azzjoni Preparatorja f’isem il-Kummissjoni, skont il-Ftehim ta’ Delega ffirmat fil-31 ta’ Mejju. Din għandha għarfien espert u esperjenza kbira fl-organizzazzjoni u fil-ġestjoni ta’ proġetti tar-riċerka fil-qasam tad-difiża. Barra minn hekk, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għenet lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiddefinixxu suġġetti tar-riċerka u se twieżen l-isfruttament tar-riżultati tar-riċerka.

Fl-implimentazzjoni tal-Azzjoni Preparatorja, il-Kummissjoni se tkun megħjuna minn grupp ta’ esperti mill-Istati Membri u minn grupp konsultattiv li jgħaqqad flimkien esperti mill-industrija, mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija, mill-akkademja, mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (is-SEAE).

B’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-industriji tad-difiża ġew żviluppati modalitajiet ta’ implimentazzjoni speċifiċi li jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tal-attivitajiet tar-riċerka dwar id-difiża. L-appoġġ tal-UE se jkun l-aktar permezz ta’ għotjiet. L-ewwel sejħiet għall-proposti ġew ippubblikati llum. Il-proposti se jiġu evalwati abbażi tal-eċċellenza tagħhom, l-impatt tagħhom u l-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni. Dawn se jingħarblu skont l-aspetti etiċi, legali jew soċjetali minn grupp ta’ esperti fi kwistjonijiet etiċi u legali relatati mad-difiża.

L-iffirmar tal-ewwel ftehim ta’ għotja hu previst sa tmiem l-2017. Kull sena, il-Kummissjoni se tirrevedi l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Azzjoni Preparatorja.

L-istadji importanti milħuqa:

-    Ftehim mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar il-EUR 25 miljun tal-Azzjoni Preparatorja għall-2017;

-    Adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament li tvara l-Azzjoni Preparatorja;

-    Ftehim dwar il-programm ta’ ħidma u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni (riflessi fis-sejħiet għall-proposti u fil-mudell tal-ftehimiet ta’ għotja);

-    L-iffirmar tal-Ftehimiet ta’ Delega mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża;

-    Il-pubblikazzjoni tal-ewwel sejħiet għall-proposti. Is-sejħiet jiffokaw qabelxejn fuq id-dimostraturi teknoloġiċi għal sistemi mingħajr ekwipaġġ f’ambjent navali u fuq il-protezzjoni tal-forza u s-soldier systems.

Il-passi li jmiss:

-    L-iffirmar tal-ewwel ftehimiet ta’ għotja f’Diċembru 2017;

-    Ikun żgurat il-baġit għas-snin 2018 u 2019 biex matul il-perjodu 2017-2019, b’kollox jinkisbu EUR 90 miljun.

b.Għal programm apposta tal-UE għar-riċerka dwar id-difiża

Filwaqt li hi l-ewwel pass essenzjali, l-Azzjoni Preparatorja se tibqa’ limitata fiż-żmien u fl-ambitu. Din se jkollha l-għan li turi l-valur miżjud tar-riċerka u t-teknoloġija tad-difiża ffinanzjati mill-UE u twitti t-triq lejn programm tal-UE għar-riċerka dwar id-difiża permezz tal-QFP li jmiss (wara l-2020). Matul din it-tranżizzjoni se ssir konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet konċernati kollha, inkluż l-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Kummissjoni se tappoġġa dan id-djalogu, billi tikkonsulta lill-grupp ta’ esperti stabbilit fil-kuntest tal-Azzjoni Preparatorja dwar l-elementi ewlenin tal-programm futur għar-riċerka dwar id-difiża.

Il-programm futur għar-riċerka dwar id-difiża se jiffoka fuq attivitajiet tar-riċerka mmirati li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ prodotti relatati mad-difiża u teknoloġiji innovattivi. Dan għandu jissejjes fuq il-kapaċità u ffukat fuq teknoloġiji kritiċi tad-difiża kif ukoll fuq riċerka esplorattiva u ta’ tfixkil bil-potenzjal li ssaħħaħ it-tmexxija teknoloġika tal-industrija Ewropea tad-difiża. Bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, l-Istati Membri se jidentifikaw il-prijoritajiet tal-kapaċitajiet tad-difiża u l-prijoritajiet tar-riċerka u t-teknoloġija fil-qasam tad-difiża. Dawn, il-Kummissjoni se tikkunsidrahom fil-programm futur għar-riċerka dwar id-difiża. Il-proġetti se jintgħażlu bl-assistenza ta’ esperti skont kriterji definiti fosthom l-eċċellenza u l-impatt, u tipikament ikunu jeħtieġu kollaborazzjoni transnazzjonali. Il-programm futur għandu jattira l-parteċipazzjoni wiesgħa ta’ atturi differenti, inkluż l-SMEs.

Se jkun hemm bżonn tinstab ir-rabta preċiża mas-suċċessur tal-programm Orizzont 2020. Il-finanzjament tal-programm għar-riċerka dwar id-difiża għandu jkun separat mill-programm tar-riċerka ċivili u ma għandux jaffettwah.

Sabiex jintlaħqu l-aspettattivi tal-pubbliku u jinkiseb livell għoli ta’ ambizzjoni, il-programm futur għar-riċerka dwar id-difiża jeħtieġ baġit ambizzjuż. Fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, il-Kummissjoni indikat ammont ta’ referenza ta’ EUR 500 miljun kull sena. Dan jagħmel lill-UE wieħed mill-akbar investituri fir-riċerka u t-teknoloġija fil-qasam tad-difiża fl-Ewropa u l-ewwel investitur fir-riċerka kollaborattiva dwar id-difiża.

L-esperjenza bil-ġestjoni tal-Proġett Pilota u tal-Azzjoni Preparatorja se tipprovdi gwida dwar ir-rwol futur tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-governanza ġenerali tal-programm futur fil-kuntest tal-programm ta’ segwitu. Filwaqt li jitqiesu l-istrutturi eżistenti u l-għarfien espert, se jitqiesu wkoll bosta alternattivi differenti għall-assoċjazzjoni tal-partijiet konċernati mill-industrija waqt it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programm.

Il-passi li jmiss:

-    Djalogu kontinwu mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill, mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, mal-industrija, mal-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija u ma’ partijiet interessati oħra waqt it-tħejjija tal-programm;

-    L-adozzjoni tal-proposta fl-2018, b’valutazzjoni tal-impatt mehmuża, fil-kuntest tal-QFP li jmiss;

4.Lejn l-Element tal-Kapaċità tal-Fond: Il-promozzjoni ta’ żvilupp konġunt u akkwist konġunt tal-kapaċitajiet ewlenin tad-difiża

Il-każ ekonomiku għall-iżvilupp u l-akkwist konġunti hu sod daqskemm huma kbar l-isfidi. Il-programmi koperattivi għall-iżvilupp u l-akkwist jeħtieġu valutazzjoni komuni tat-theddidiet u l-ħtiġijiet, u jeħtieġu wkoll sħubija effettiva bejn l-Istati Membri parteċipanti u l-industrija. L-investimenti konġunti, kemm fl-istadju ta’ żvilupp jew ta’ akkwist, jeħtieġu wkoll livell ta’ sinkronizzazzjoni tal-ippjanar tad-difiża nazzjonali u ċ-ċikli tal-baġit. L-ispejjeż inizjali għaljin u l-perjodi twal taż-żmien tal-proġett jistgħu jiskoraġġixxu deċiżjonijiet ta’ investiment importanti.

Ċertu proġetti tal-iżvilupp tad-difiża li huma kruċjali biex jipprovdu l-kapaċitajiet ewlenin tal-ġejjieni ma mxewx ’il quddiem għalkemm l-istadji inizjali tar-riċerka u t-teknoloġija diġà ġew iffinanzjati. Għaldaqstant hu partikolarment importanti li jixxejjen id-distakk bejn ir-riċerka u l-iżvilupp, jiġifieri li jkun żgurat li r-riżultati tar-riċerka jiġu żviluppati aktar skont il-kapaċitajiet meħtieġa. Fil-fatt, din il-fażi taċ-ċiklu tinvolvi riskji tekniċi u finanzjarji importanti li l-Istati Membri individwali ma jkunux lesti jew jistgħu jieħdu. L-iżvilupp u l-ittestjar ta’ prototipi, b’mod partikolari jkunu jinvolvu spejjeż kbar filwaqt li f’dak l-istadju r-riskji teknoloġiċi jkunu sostanzjali. Fil-programmi kollaborattivi, dawn l-isfidi mhux daqshekk diffiċli biex jingħelbu, u ħafna drabi dan irnexxielu jwassal biex jinħolqu l-kapaċitajiet mill-aktar avvanzi li qed jintużaw bħalissa fil-forzi armati tal-Istati Membri.

Il-kollaborazzjoni Ewropea fil-qasam tat-teknoloġija tal-missili hu eżempju ewlieni: l-investimenti bħall-missili cruise Storm Shadow/SCALP jew il-missili mill-ajru għall-ajru msejħa Meteor u IRIS-T juru li l-programmi kollaborattivi jistgħu jikkontribwixxu ferm biex jinkisbu l-ekonomiji ta’ skala, l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà.

Il-Meteor, li bdiet titħaddem mill-Forza tal-Ajru Żvediża fl-2016, titqies bħala waħda mill-aqwa missili mill-ajru għall-ajru b’kapaċità lil hinn minn medda viżwali. Din ġiet żviluppata biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ sitt Stati Membri (ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Italja, Franza, Spanja u l-Iżvezja) u se tgħammar mill-inqas tliet pjattaformi Ewropej 10 .

Proġetti bħall-Eurofighter Typhoon juru wkoll li l-programmi kollaborattivi Ewropej fil-qasam tad-difiża jistgħu joħolqu benefiċċji ekonomiċi usa’. Studju dwar il-programm Typhoon 11 jistma li dan jappoġġa madwar 100 000 impjieg fl-Istati Membri parteċipanti, bi proporzjon kbir ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin. Dan ħoloq benefiċċji tat-teknoloġija u spin-offs importanti, kif ukoll ħiliet trasferibbli lejn setturi oħrajn, u saħansitra kkontribwixxa biex fl-industrija jiddaħħlu prattiċi moderni tan-negozju.

L-impatt tal-Element tal-Kapaċità fuq il-kompetittività tal-industrija Ewropea tad-difiża:

-    L-identifikazzjoni tal-prijoritajiet tal-kapaċitajiet strateġiċi b’mod partikolari permezz tal-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet flimkien ma’ skema ta’ finanzjament pluriennali għandhom jinkoraġġixxu lill-industrija biex tinvesti fl-innovazzjoni.

-    L-element tal-kapaċità għandu jiffaċilita d-deċiżjonijiet politiċi biex jinbdew programmi koperattivi, iħaffef l-eżekuzzjoni tagħhom u jippromwovi l-innovazzjoni fil-ktajjen tal-provvista Ewropej tad-difiża.

-    L-element tal-kapaċità għandu jinkoraġġixxi l-ġbir flimkien tad-domanda li fl-aħħar mill-aħħar twassal għal impriżi konġunti industrijali u għall-konsolidazzjoni potenzjali tal-ambjent industrijali Ewropew.

-    L-element tal-kapaċità għandu jħeġġeġ ix-xiri konġunt biex l-industrija Ewropea tad-difiża tkun tista’ tikseb ekonomiji ta’ skala u b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività globali tal-industrija Ewropea tad-difiża.

a.Nippromwovu l-iżvilupp konġunt permezz tal-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża

L-element tal-kapaċità se jitmexxa mill-Istati Membri u mill-ħtiġijiet u r-riżorsi tagħhom. Iżda l-UE tista’ tikkumplimenta l-finanzjament nazzjonali u tipprovdi inċentivi biex jitniedu proġetti tal-iżvilupp kollaborattivi. Il-proposta tal-lum għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża hu pass importanti f’dik id-direzzjoni. Il-proposta tipprevedi baġit ta’ EUR 500 miljun mifrux fuq sentejn, EUR 245 miljun għall-2019 u EUR 255 miljun għall-2020.

Il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża se jikkofinanzja parti mill-ispejjeż tal-iżvilupp. Għaldqstant, il-EUR 500 miljun mill-Programm jistgħu jwasslu għal investiment totali sinifikanti ta’ mill-inqas EUR 2.5 biljun matul is-sentejn fil-fażi tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża kollaborattivi.

Il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża se jappoġġa l-industrija fil-fażi tal-iżvilupp, għal investimenti kollettivi fi prodotti u teknoloġija mill-aktar avvanzati. Il-Programm jista’ jappoġġa wkoll l-ispin-in tal-innovazzjoni kummerċjali fi proġetti futuri tad-difiża, l-intelliġenza artifiċjali, il-big data, id-difiża ċibernetika, ir-robotika u s-supercomputing.

Il-proġetti koperattivi żviluppati mill-benefiċjarji tal-Programm iridu jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-prijoritajiet tal-kapaċitajiet miftiehma b’mod komuni mill-Istati Membri fil-livell tal-UE (permezz tal-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet), filwaqt li jqisu wkoll il-koperazzjoni reġjonali jew multilaterali Ewropea li tikkorrispondi għall-prijoritajiet strateġiċi tal-UE. Xprunati bil-għan li tiżdied il-kompetittività tal-industriji tad-difiża tagħna, dawn għandhom jgħinu biex jintlaħaq il-livell ta’ ambizzjoni fis-sigurtà u fid-difiża kif joħroġ mill-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u tas-Sigurtà fejn jidħlu l-ġestjoni tal-kriżijiet u l-protezzjoni tal-Ewropa.

Il-Programm se jikkumplimenta l-element tar-riċerka permezz ta’ azzjonijiet ta’ appoġġ li jiffukaw fuq l-attivitajiet ta’ wara r-riċerka, ibbażati fuq rekwiżiti tekniċi komuni. Dan se jgħin lill-industrija biex tniedi programmi tal-iżvilupp kollaborattivi jew biex taġġorna programmi oħrajn eżistenti permezz ta’ azzjonijiet li jappoġġaw id-definizzjoni ta’ rekwiżiti tekniċi komuni, l-istudji tal-fattibbiltà, l-iżvilupp ta’ prototipi u l-ittestjar. Dan jista’ jintuża wkoll għall-isfidi u l-kompetizzjonijiet industrijali u teknoloġiċi minn madwar l-UE kollha u biex jieħu vantaġġ mid-diversità tal-bażi teknoloġika u industrijali Ewropea. Dan għandu jappoġġa lill-SMEs innovattivi u jiffaċilita l-inklużjoni tagħhom fil-ktajjen tal-provvista Ewropej. Dan għandu jnaqqas il-frammentazzjoni li tista’ xxekkel l-ekonomiji ta’ skala u l-użu transfruntier. L-appoġġ finanzjarju jista’ b’mod partikolari jieħu l-għamla ta’ għotjiet jew strumenti finanzjarji. Il-Programm se jkopri biss parti mill-ispejjeż tal-iżvilupp.

Għall-ewwel, il-Programm se jkopri l-perjodu 2019-2020. Se jkunu eliġibbli biss dawk il-proġetti li jinvolvu mill-anqas tliet kumpaniji minn mill-anqas żewġ Stati Membri. Il-proġetti kollaborattivi jistgħu jitmexxew minn meniġer tal-proġetti magħżul mill-Istati Membri li jikkofinanzjaw il-proġett. Il-Programm se jkopri tipi differenti ta’ proġetti. Minnu għandhom jibbenefikaw il-kumpaniji l-kbar u l-SMEs fis-settur tad-difiża, filwaqt li tkun żgurata l-inklussività mil-lat ta’ impriżi u Stati Membri. Għalhekk dan se jsaħħaħ il-koperazzjoni transfruntiera fost l-industrija u jikkontribwixxi għall-kompetittività tas-settur industrijali kollu tad-difiża. Minħabba f’hekk, dawk l-azzjonijiet li jippermettu l-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs għandhom jibbenefikaw minn proporzjon tal-baġit totali.

Fil-QFP li jmiss, imbagħad, se jitħejja programm aktar sostanzjali li jqis l-esperjenza tal-bidu. Il-programm futur ikun jista’ jkopri firxa usa’ ta’ proġetti milli jkopri l-programm attwali, minħabba l-ambitu u t-tul taż-żmien limitati tiegħu.

Fejn tidħol il-governanza, il-Kummissjoni se tkun responsabbli għall-eżekuzzjoni ġenerali tal-programm. Iżda din tista’ tafda ċertu kompiti lil xi korp tal-implimentazzjoni. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża se taqdi rwol ewlieni fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet tal-kapaċitajiet, kif ukoll fl-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi. Din se tieħu sehem bħala osservatur fil-Kumitat tal-Programmi magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kif ukoll fi grupp konsultattiv magħmul minn rappreżentanti tal-industrija u minn esperti oħra fis-settur tad-difiża. Minbarra dan, is-SEAE se jkun involut fil-programm, inkluż fil-ħidma tal-Kumitat tal-Programm, b’konformità mar-regoli applikabbli. Il-Kumitat tal-Programm se jipprovdi opinjoni lill-Kummissjoni dwar il-programm ta’ ħidma annwali u dwar l-għoti tal-finanzjament għall-azzjonijiet koperattivi magħżula.

Il-Programm jiżgura sinerġiji mal-pilastru tal-kapaċità tal-Koperazzjoni Strutturata Permanenti (il-PESCO). Il-PESCO hu wieħed mill-istrumenti ewlenin fit-Trattat li jgħin biex jintlaħaq il-livell ta’ ambizzjoni tal-UE fis-sigurtà u fid-difiża, biex tissaħħaħ il-ħila operazzjonali tal-UE u biex jappoġġa aktar koperazzjoni u effiċjenza fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża. Il-proġetti żviluppati fil-kuntest tal-PESCO jiżguraw koperazzjoni mtejba bejn l-impriżi fi Stati Membri differenti b’mod kontinwu u jikkontribwixxu b’mod dirett għall-għanijiet tal-Programm, u b’hekk dan jipprevedi rata ta’ finanzjament miżjuda għal proġetti bħal dawn.

Madankollu, billi l-Programm jimmira għal firxa usa’ ta’ proġetti, il-parteċipazzjoni fil-PESCO mhux se tkun prerekwiżit biex ikun jista’ jinkiseb appoġġ mill-programm. Għall-appoġġ jistgħu jitqiesu wkoll proġetti oħra li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet tal-kapaċitajiet tal-iżvilupp miftiehma b’mod komuni, inkluż il-proġetti mmexxija fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża jew ibbażati fuq il-koperazzjoni reġjonali skont l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE.

Il-passi li jmiss:

-    Diskussjonijiet mal-Istati Membri biex tinbeda t-tħejjija ta’ sensiela ta’ proġetti potenzjali li jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ mill-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża;

-    Eżami u adozzjoni bla dewmien mill-koleġiżlaturi. Hemm bżonn appoġġ qawwi mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill biex dawn ikunu jistgħu jsiru. Għaldaqstant, fost il-prijoritajiet leġiżlattivi li għandhom jingħataw trattament ta’ prijorità mit-tliet istituzzjonijiet, il-Kummissjoni se tipproponi Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża. Bi ftehim mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill sa kmieni fl-2018, l-ewwel proġett ikun jista’ jiġi ffinanzjat fl-2019;

-    Jitħejja Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża aktar ambizzjuż fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, b’valutazzjoni tal-impatt mehmuża miegħu u b’ammont ta’ referenza ta’ EUR 1 biljun kull sena bil-għan li jkun jista’ jsir investiment annwali totali ġmielu fil-kapaċitajiet kollaborattivi tad-difiża fl-Ewropa.

b.Inħarsu ’l quddiem: inwittu t-triq għal akkwist konġunt tal-kapaċitajiet

L-iżvilupp u l-akkwist tal-kapaċitajiet tad-difiża huma marbutin flimkien b’mod inerenti, l-aktar fejn jidħol il-finanzjament. Biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża, l-industrija se tkun trid turi li l-Istati Membri impenjaw ruħhom biex flimkien jiffinanzjaw l-iżvilupp ulterjuri tal-azzjoni eliġibbli u biex jakkwistaw il-prodott finali jew it-teknoloġija b’mod ikkoordinat, inkluż permezz ta’ akkwist konġunt meta applikabbli. Dan l-impenn jiżgura li l-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE tingħata biss lil proġetti li minn naħa juru aspettattiva raġonevoli li l-iżvilupp se jwassal għall-akkwist u min-naħa l-oħra, li dan se jagħmluh b’mod koperattiv ħalli jottimizzaw l-investimenti u jiżguraw is-sinerġiji.

Essenzjalment, l-akkwist se jibqa’ f’idejn l-Istati Membri. Għaldaqstant hemm bżonn jiġu esplorati aktar inċentivi li jixprunaw akkwist aktar kollaborattiv tat-tagħmir tad-difiża, bil-vantaġġi tiegħu mil-lat ta’ interoperabbiltà, ekonomiji ta’ skala, appoġġ għal bażi industrijali Ewropea vijabbli, iffrankar fiċ-ċiklu ta’ ħajja fejn jidħlu l-manutenzjoni, l-appoġġ loġistiku u l-faċilitajiet tat-taħriġ, u l-istruttura tal-kmand. Dawn l-inċentivi jistgħu jiffaċilitaw ukoll is-soluzzjonijiet multinazzjonali tat-tagħmir u s-sjieda konġunta, li jistgħu jkunu partikolarment xierqa għall-kapaċitajiet li ma għandhomx użu permanenti (eż. l-assi tat-trasport strateġiku).

L-Għodod Finanzjarji

Filwaqt li r-rwol tal-baġit tal-UE hu neċessarjament limitat fejn jidħol l-akkwist tal-kapaċitajiet tad-difiża, il-Kummissjoni tista’ tappoġġa lill-Istati Membri f’ħafna aspetti, fosthom billi tgħinhom jiskjeraw l-aktar arranġamenti finanzjarji xierqa u li jiffrankaw spejjeż għall-akkwist konġunt tal-kapaċitajiet tad-difiża. Bħalissa, il-proġetti kollaborattivi tal-akkwist ħafna minnhom jiġu negozjati u implimentati fuq bażi ad hoc mill-Istati Membri involuti. L-għarfien u l-aqwa prattiki dwar l-arranġamenti finanzjarji possibbli mhumiex qed jiġu rreġistrati sistematikament, standardizzati u kondiviżi għall-benefiċċju tal-Istati Membri kollha. Minbarra dan, filwaqt li l-Istati Membri għandhom ammont kbir ta’ għarfien u kompetenza nazzjonali dwar kif għandu jitmexxa l-akkwist pubbliku nazzjonali fil-qasam tad-difiża, dawn qed iġarrbu nuqqasijiet fejn jidħlu l-kompetenzi u l-għodod fil-każ tal-proġetti kollaborattivi. Ma jeżistix ċentru uniku għall-informazzjoni u għall-għodod b’rabta mal-aqwa arranġamenti finanzjarji. Kull proġett kollaborattiv tal-iżvilupp u tal-akkwist għandu r-rekwiżiti u l-karatteristiċi uniċi tiegħu, u għalhekk ma jixraqx li jitħaddem approċċ standard għal kollha. Madankollu, bosta sfidi li jkollhom il-proġetti kollaborattivi huma rikorrenti u għalhekk jixraq li jinħolqu għodod lesti biex jintużaw u jinġabar l-għarfien espert biex jagħti pariri dwar l-użu tagħhom fil-kuntest ta’ proġetti speċifiċi, u dawn ikunu disponibbli meta jintalbu. Il-Kummissjoni, id f’id mal-Istati Membri, identifikat uħud mill-aktar sfidi frekwenti u modi possibbli biex dawn jiġu indirizzati.

·L-ewwel sfida hi li jitneħħew is-sinerġiji u ssir sinkronizzazzjoni tan-nefqa tal-baġit: il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ twassal għal sinerġiji u ekonomiji ta’ skala, iżda t-tneħħija ta’ dawn is-sinerġiji ħafna drabi jixxekkel bin-nuqqas ta’ sinkronizzazzjoni fl-ippjanar tal-kontribuzzjonijiet baġitarji, li min-naħa tiegħu jista’ jwassal għal dewmien fid-disponibbiltà tar-riżorsi fiskali għall-proġetti kollaborattivi. Mod wieħed li jista’ jindirizza din l-isfida hu billi jinġabru flimkien ir-riżorsi nazzjonali għall-finanzjament ta’ proġetti kollaborattivi speċifiċi 12 , biex b’hekk ikun jista’ jintlaħaq il-livell meħtieġ ta’ koordinazzjoni u sinkronizzazzjoni tal-baġit fuq perjodi twal taż-żmien, u jkun evitat in-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-fondi f’sena partikolari.

·It-tieni sfida hi l-kondiviżjoni ġusta tar-riskju u tal-ispejjeż: għall-ewwel, l-ispiża għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet jaf tkun “ristretta” għan-numru (potenzjalment) żgħir ta’ Stati Membri parteċipanti, minkejja l-fatt li dan il-proġett pilota sussegwentement jista’ joħloq benefiċċju lil oħrajn (eż. l-akkwist “minn fuq l-ixkaffa”). Jistgħu jiġu żviluppati mekkaniżmi li bihom dawn l-Istati Membri jiġu “kkumpensati” b’mekkaniżmu għall-irkupru tal-ispejjeż tal-iżvilupp, minn Stati Membri oħra li jieħdu sehem fl-akkwist ta’ kapaċità. Dan jinkludi l-possibbiltà li jitwaqqfu vetturi finanzjarji relatati mal-proġetti. Jekk ikun ġustifikat, dawn il-vetturi jistgħu jintużaw ukoll għal ħruġ (relatat mal-proġetti) ta’ strumenti kapitali (dejn jew ekwità) ħalli tkun tista’ tissawwar struttura aktar flessibbli u jiżguraw id-disponibbiltà tar-riżorsi meta jkunu meħtieġa.

·It-tielet sfida hi li jkunu evitati r-restrizzjonijiet finanzjarji fil-katina tal-provvista: l-iżvilupp tal-kapaċitajiet jagħmluh partijiet differenti fil-katina tal-provvista tad-difiża – fornituri kbar tas-sistema li jaġixxu bħala kuntratturi ewlenin iżda anki SMEs u kumpaniji intermedji bħala subkuntratturi. Dawn tal-aħħar jista’ jkollhom diffikultajiet biex jaċċessaw il-finanzjament meħtieġ. Sabiex jingħelbu dawn id-diffikultajiet, jistgħu jintużaw strumenti finanzjarji mmirati sew, bħal garanziji, li jkopru s-self għall-kuntratturi jew is-subkuntratturi tad-difiża.

·Fl-aħħar nett, jekk jiġu esplorati forom alternattivi ta’ strutturi effettivi ta’ sjieda tal-kapaċitajiet (eż. strutturi ta’ sjieda jew kiri konġunti), jistgħu jinkisbu aktar ottimizzazzjoni u valur miżjud tal-koperazzjoni fost l-Istati Membri.

Flimkien, dawn l-istrumenti msemmija hawn fuq se jiffurmaw parti mill-Għodod Finanzjarji tal-Fond Ewropew għad-Difiża. L-Għodod Finanzjarji se jipprovdu t-tipi differenti ta’ arranġamenti li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jegħlbu l-isfidi għall-iżvilupp u l-akkwist kollaborattivi minn perspettiva ta’ finanzjament. L-Għodod Finanzjarji, li l-użu tagħhom ikun volontarju għall-Istati Membri, b’mod partikolari se jipprovdu sett ta’ għodod finanzjarji predefiniti u standardizzati li l-Istati Membri jistgħu jintużawhom b’mod flessibbli biex jiffinanzjaw b’mod konġunt il-proġetti li jibbenefikaw mill-appoġġ tal-baġit tal-UE fil-fażi tal-ħolqien tal-prototipi, iżda mhux limitati għalihom.

Fi żmien qasir, se jitwaqqaf Kumitat ad hoc mal-Istati Membri biex jiżviluppa strumenti standardizzati u lesti biex jintużaw, u li bihom l-istrumenti tal-Għodod Finanzjarji jkunu jistgħu jintużaw malajr fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jużawhom. Fost l-oħrajn, dan jista’ jinkludi elementi bħal mudelli standardizzati, abbozzi ta’ dokumenti dwar il-kondizzjonijiet (term sheets), għodod standard biex jinħolqu vetturi finanzjarji relatati mal-proġetti (SPVs) jew mudelli għall-ftehimiet qafas neċessarji. Dan il-kumitat ad hoc se jkun magħmul minn rappreżentanti mill-Ministeri tad-Difiża u l-Ministeri tal-Finanzi/Ekonomija, minn rappreżentanti tas-SEAE, tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża 13 u minn partijiet konċernati rilevanti oħra. Biex ikunu żgurati l-aqwa prattiċi u evitati d-duplikazzjonijiet, se jintużaw kemm jista’ jkun possibbli l-istrutturi u l-mekkaniżmi eżistenti u l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri mill-proġetti kollaborattivi ta’ finanzjament għad-difiża. Il-Kummissjoni se tappoġġa din il-ħidma, issejjes fuq l-għarfien espert li għandha fl-użu ta’ għodod simili f’oqsma oħra ta’ politika u tgħin biex dawn l-għodod jiġu adattati għall-kuntest tad-difiża.

Minbarra dan, il-Kummissjoni se twaqqaf Taskforce interna biex meta jitolbuha, tkun tista’ tassisti lill-Istati Membri biex japplikaw l-Għodod Finanzjarji fil-każ ta’ proġetti kollaborattivi speċifiċi tal-akkwist. Pereżempju, dan se jagħti pariri dwar il-merti tal-użu ta’ forom differenti ta’ strumenti tal-finanzjament għal vetturi finanzjarji relatati mal-proġetti, inkluż ħlasijiet ta’ ekwità bil-quddiem u finanzjament tranżitorju permezz tal-ħruġ ta’ strumenti tas-suq kapitali. Barra minn hekk, it-Taskforce se tkun disponibbli bħala punt uniku ta’ kuntatt li għandu l-ħila juża l-kompetenza tal-Kummissjoni f’oqsma oħra ta’ rilevanza għall-proġetti kollaborattivi tal-akkwist, bħal pereżempju l-konformità mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u mal-liġi tal-akkwist tad-difiża jew it-trattament statistiku fil-kontijiet fiskali. Bħala tali, meta jitolbuha l-Istati Membri li jixtiequ jwettqu proġetti kollaborattivi tal-akkwist, din it-Taskforce se tkun punt uniku ta’ kuntatt (one-stop-shop) f’oqsma ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, u tipprovdi konsulenza, servizzi amministrattivi u, jekk ikun hemm bżonn, anke servizzi finanzjarji 14 . B’hekk, il-Kummissjoni tista’ taġixxi bħala sieħeb affidabbli għall-Istati Membri biex jagħmlu akkwist konġunt fil-kapaċitajiet tad-difiża.

Minn perspettiva aktar fit-tul, se jiġu esplorati wkoll il-benefiċċji fit-twaqqif ta’ struttura finanzjarja permanenti lil hinn mill-kuntest tal-proġett speċifiku. Skont it-tfassil u l-profil finanzjarju tagħha, din l-istruttura permanenti tista’ tipprovdi inċentivi finanzjarji addizzjonali għall-iżvilupp u l-akkwist kollaborattivi tal-kapaċità fost l-Istati Membri, inkluż it-trattament tagħha fil-qafas fiskali ġenerali 15 . Se titqies ukoll il-possibbiltà li jinġabru flimkien l-aspetti ewlenin tal-Għodod Finanzjarji skont mal-qafas tal-PESCO, iżda dan hu soġġett għall-għamla aħħarija tal-Koperazzjoni Strutturata Permanenti possibbli fil-futur, u filwaqt li jiġi kkunsidrat il-karattru inklużiv tagħha.

Il-passi li jmiss:

-    Jinħoloq Kumitat ad hoc magħmul mill-Istati Membri u mill-partijiet konċernati rilevanti ħalli jiġi żviluppat sett inizjali ta’ strumenti inizjali standardizzati li jistgħu jiffurmaw parti mill-Għodod Finanzjarji;

-    Tissawwar Taskforce interna tal-Kummissjoni li taġixxi bħala punt uniku ta’ servizz li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri dwar proġetti kollaborattivi speċifiċi tal-akkwist, inkluż l-implimentazzjoni tal-Għodod Finanzjarji u ta’ servizzi amministrattivi, finanzjarji u ta’ konsulenza oħrajn;

-    Eżami ulterjuri tal-istabbiliment possibbli ta’ struttura finanzjarja permanenti lil hinn mill-kuntest tal-proġett biex tipprovdi inċentivi finanzjarji addizzjonali għall-iżvilupp kollaborattiv tal-kapaċità.

5.Nappoġġaw ktajjen tal-provvista Ewropej integrati u SMEs kompetittivi

Filwaqt li normalment, l-iżvilupp tal-kapaċità jiġi ffinanzjat għalkollox mill-fondi pubbliċi, l-industrija spiss ikollha ġġorr parti importanti mir-riskju. Dan hu sfida partikolari għall-fornituri iżgħar li ħafna drabi jkollhom jadattaw u jimmodernizzaw regolarment il-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom skont id-diversi interessi, filwaqt li jżommu posthom fuq nett fl-innovazzjoni. Dawn l-atturi huma parti kruċjali fil-katina tal-provvista tad-difiża u l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom jistgħu jaffettwaw is-suċċess tal-programmi tal-iżvilupp. Barra minn hekk, dawn l-isfidi jistgħu jinqalgħu waqt l-istadju tal-iżvilupp iżda anki waqt akkwist sussegwenti.

L-iżvilupp tal-kapaċitajiet ma jagħmluhx biss il-fornituri l-kbar tas-sistema li jaġixxu bħala kuntratturi ewlenin iżda anki l-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja li ħafna drabi jaġixxu bħala subkuntratturi. Għalhekk, ħafna drabi fil-proċess se jinvolvu ruħhom katina sħiħa ta’ intrapriżi kontribwenti interkonnessi. Jekk xi ħolqa fil-katina ssib restrizzjonijiet ta’ finanzjament individwali biex tagħmel l-investimenti korporattivi meħtieġa jew biex tikseb biżżejjed kapital operatorju, allura dan jaf iżid ferm l-ispejjeż ġenerali tal-iżvilupp u/jew l-ispiża marġinali tal-produzzjoni. Barra minn hekk, dan jaf iwassal għal dewmien fl-iżvilupp jew fl-akkwist tal-kapaċità.

Fl-istess ħin, minħabba l-isfidi teknoloġiċi l-ġodda fis-settur (minn intelliġenza artifiċjali sar-robotizzazzjoni), ħafna drabi l-innovazzjoni fit-teknoloġiji tad-difiża joħorġu biha n-negozji l-ġodda li f’xi każijiet, primarjament ma jkunux iffukati fuq id-difiża. Strumenti ta’ finanzjament adegwati, bħall-kapital tar-riskju jew l-ekwità, jaf jgħinu biex jiġu żviluppati teknoloġiji Ewropej kompetittivi li huma tant importanti għas-sigurtà u l-awtonomija strateġika tal-Ewropa.

Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-SMEs u ta’ subkuntratturi iżgħar, se jiġu mobilizzati l-istrumenti kollha tal-Fond Ewropew għad-Difiża, kemm fl-element tar-riċerka u anki fl-element tal-kapaċità. Kemm l-Azzjoni Preparatorja u kif ukoll il-programm futur tal-UE għar-riċerka dwar id-difiża se jattiraw parteċipazzjoni wiesgħa ta’ atturi, inkluż SMEs. Il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża se jiżgura li l-azzjonijiet li jippermettu l-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs, jibbenefikaw minn proporzjon tal-baġit totali. B’dan il-mod, il-Programm se jappoġġa l-inklużjoni tal-SMEs fil-ktajjen tal-provvista Ewropej.

Għalkemm sar ħafna xogħol biex jitwieżen l-aċċess tal-SMEs u tas-subkuntratturi għas-suq transfruntier, u biex teħfief l-integrazzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-provvista eżistenti jew ġodda, għad hemm ħafna xi jsir kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali. Hemm bżonn firxa ta’ azzjonijiet li jappoġġaw l-aċċess għas-suq transfruntier, inkluż miżuri li:

·Inaqqsu l-frammentazzjoni u jtejbu l-funzjonament tas-Suq Uniku fid-difiża;

·Jappoġġaw il-programmi tal-UE mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jew il-programmi tal-UE mmexxija ċentralment;

·Ikompli jeħfief l-aċċess għall-finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment u atturi oħra, inkluż banek promozzjonali nazzjonali, li jsegwu l-politika tas-self tiegħu b’enfasi partikolari fuq l-innovazzjoni permezz ta’ strumenti bħall-ekwità u l-kapital tar-riskju; u li

·Jitwieżen l-iżvilupp ta’ raggruppamenti reġjonali permezz tan-Netwerk Ewropew tar-Reġjuni Relatati mad-Difiża 16 .

L-istrumenti finanzjarji li jappoġġaw lill-SMEs u lill-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja

Il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża li qed tipproponi l-Kummissjoni jipprevedi l-possibbiltà ta’ strumenti finanzjarji b’appoġġ għall-SMEs u għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (midcaps) biex jixxejjen id-distakk bejn ir-riċerka u l-iżvilupp. Dawn l-istrumenti finanzjarji jistgħu jiġu implimentati flimkien mal-grupp tal-BEI (inkluż il-FEI għall-SMEs innovattivi u għan-negozji ġodda) jew sħab rilevanti oħrajn.

Sabiex jgħin fl-isfruttament ta’ opportunitajiet ġodda għal partijiet differenti tal-katina tal-provvista u skont il-limitazzjonijiet interni tiegħu, il-grupp tal-BEI diġà qed jappoġġa l-investimenti fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża, b’mod partikolari fi tliet oqsma: i) ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għat-teknoloġiji b’użu doppju, inkluż iċ-ċibersigurtà u t-tilqim, sa fejn dawn l-investimenti jkunu jistgħu jiġu motivati mill-kummerċjalizzazzjoni tagħhom f’applikazzjonijiet ċivili; ii) il-protezzjoni tal-infrastrutturi fiżiċi, bħas-sorveljanza, u l-kontroll tal-ammissjoni fis-setturi tal-enerġija, tat-trasport u urbani; u iii) l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u tal-informazzjoni, inkluż in-netwerks broadband (fissi, mobbli u bis-satellita), iċ-ċentri tad-dejta u s-sistemi tal-kompjuter. Dan l-aħħar, il-Fond Ewropew tal-Investiment ħoloq ftehimiet fil-qasam tal-Kapital tar-Riskju biex jappoġġa negozji ġodda fl-oqsma tas-sigurtà u tad-difiża. Il-BEI se jkompli jintensifika l-kontribuzzjoni tiegħu għall-aġenda tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE. Bħala l-ewwel pass, dan ifisser żieda fl-appoġġ għat-teknoloġiji b’użu doppju, żieda fil-finanzjament ta’ miżuri tal-protezzjoni ċivili, bħat-tisħiħ tal-infrastruttura fiżika, taċ-ċibernetika u tal-bijodifiża, kif ukoll l-estensjoni tal-appoġġ għal investimenti anċillari għall-attivitajiet tas-sigurtà u tad-difiża. Bħala t-tieni pass, fid-dawl tal-bidliet meħtieġa fil-politiki ġenerali tiegħu, il-Bank se jiżviluppa sistema soda ta’ diliġenza dovuta biex jappoġġa l-investimenti fis-settur tas-sigurtà fl-Unjoni.

Meta l-aċċess għall-finanzjament jaf ikun għadu limitat għal ċertu attivitajiet relatati mad-difiża fid-dawl tar-restrizzjonijiet tas-self, se jkompli jiġi mistħarreġ ir-rwol li jistgħu jaqdu l-Banek Promozzjonali Nazzjonali jew Reġjonali biex jiskjeraw strumenti finanzjarji rilevanti u b’dan il-mod itejbu l-aċċess tal-SMEs fil-ktajjen tal-provvista biex jiksbu l-finanzjament meħtieġ. Uħud minn dawn il-Banek Promozzjonali diġà jistgħu jappoġġaw il-proġetti fil-kuntest tad-difiża nazzjonali, u fil-fatt diġà jagħmlu dan b’mod attiv. L-eżempji tal-proġetti appoġġati jvarjaw minn strutturi ta’ sħubija pubblika privata sa servizzi militari u sa kapaċitajiet militari bħall-vetturi blindati. Il-Kummissjoni se teżamina l-aqwa modi biex fil-QFP li jmiss, tiskjera strumenti finanzjarji rilevanti.

L-użu tal-fondi strutturali u tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti

Il-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, jistgħu jaqdu rwol importanti wkoll fil-promozzjoni ta’ ktajjen tal-provvista integrati. Bħalma jistabbilixxi l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, il-Kummissjoni qed taħdem biex tippromwovi l-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mill-Fondi Strutturali li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri fis-settur tad-difiża diment li dawn ikunu jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-fond ikkonċernat biex:

(i) Jiġi pprovdut kofinanzjament għal proġetti ta’ investiment produttiv, u

(ii) Tiġi appoġġata l-modernizzazzjoni għall-ktajjen tal-provvista tad-difiża.

L-industriji tad-difiża jistgħu jikkontribwixxu għall-miri u għall-għanijiet stabbiliti fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, bħal ngħidu aħna l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-ekonomiji reġjonali, li jirrappreżentaw effett muliplikatur qawwi ta’ investiment fuq il-ħiliet, l-impjiegi, u l-iżvilupp teknoloġiku u ekonomiku.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (il-FEŻR) jista’ jappoġġa investimenti għal SMEs attivi fis-settur tad-difiża jew relatati miegħu, diment li dawn isegwu l-għan prevalenti li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni, jikkonformaw mal-ambitu tal-għajnuna mill-FEŻR u jikkontribwixxu għall-għanijiet tematiċi eżistenti 17 .

Pereżempju, l-investimenti f’attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni relatati mad-difiża għall-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda huma eliġibbli għal finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (il-FEŻR), b’mod partikolari meta dawn ikunu marbuta mal-implimentazzjoni ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, jekk l-għan prevalenti tal-investiment ikun li dan jikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni.

Aktar azzjonijiet biex jiġu appoġġati l-SMEs fis-settur tad-difiża

Il-Kummissjoni se ssegwi r-rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Aċċess Transfruntier għall-SMEs għal kuntratti tad-difiża u tas-sigurtà li ġie ppubblikat fit-30 ta’ Novembru 2016. Il-Kummissjoni se tadotta rakkomandazzjonijiet, indirizzati lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kontraenti tagħhom, biex tappoġġa lill-SMEs u lis-subfornituri f’bosta oqsma fosthom:

·Azzjonijiet konkreti dwar kif l-awtoritajiet tal-akkwist pubbliku jistgħu jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni transfruntiera u l-parteċipazzjoni tal-SMEs u tal-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-għoti bikri tal-informazzjoni dwar il-pjanijiet u l-prijoritajiet fit-tul, bl-użu ta’ reklamar ta’ qabel l-akkwist, dwar it-tfassil tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku biex jeħfiefu l-parteċipazzjoni transfruntiera u l-parteċipazzjoni tal-SMEs, dwar it-taħriġ għall-fornituri, eċċ.

·Il-miżuri tal-politika industrijali bħal pereżempju li jiġu żviluppati skemi ta’ finanzjament li jqisu l-ħtiġijiet ta’ SMEs fil-qasam tad-difiża, li tingħata informazzjoni dwar l-SMEs u l-kapaċitajiet tagħhom, li jitwieżen l-iżvilupp ta’ raggruppamenti tad-difiża, li jissawru l-ħiliet, u li jiġu appoġġati u jitwettqu proġetti tar-riċerka u t-teknoloġija b’appoġġ ħalli jinvolvu l-SMEs.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma mistennija jiġu adottati sa tmiem l-2017 u d-diskussjonijiet mal-Istati Membri diġà bdew. Wara r-rakkomandazzjonijiet ikun imiss l-involviment tal-industrija biex jinħoloq sett ta’ prattiki tajbin mifruxa mal-ktajjen tal-provvista li jridu jiġu segwiti biex ikollna negozji kompetittivi u l-aqwa prodotti possibbli, filwaqt li jinfetħu l-opportunitajiet għas-subfornituri madwar l-Ewropa kollha, irrispettivament fejn jinsabu. Il-Kummissjoni sserraħ fuq l-involviment attiv tal-industrija, speċjalment tal-kuntratturi ewlenin f’dan il-proċess.

Il-passi li jmiss:

-    Jiġi allokat proporzjon mill-baġit tal-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża għal proġetti li jippermettu l-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs;

-    Fil-kuntest tat-tħejjija tal-proposti għall-QFP li jmiss jiġu kkunsidrati l-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs u strumenti finanzjarji apposta;

-    Fiż-żmien qasir, il-grupp tal-BEI se jintensifika l-appoġġ tiegħu għat-teknoloġiji b’użu doppju, iżid il-finanzjament tal-miżuri tal-protezzjoni ċivili, u jwessa’ l-appoġġ għal investimenti anċillari għall-attivitajiet tas-sigurtà u tad-difiża. Bħala t-tieni pass, fid-dawl tal-bidliet meħtieġa fil-politiki ġenerali tiegħu, il-Bank se jiżviluppa sistema soda ta’ diliġenza dovuta biex jappoġġa l-investimenti fis-settur tas-sigurtà fl-Unjoni.

-    Meta l-aċċess għall-finanzjament jaf ikun għadu limitat għal ċertu attivitajiet relatati mad-difiża fid-dawl tar-restrizzjonijiet tas-self, fil-kuntest tal-QFP li jmiss, se jkompli jiġi mistħarreġ ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali jew Reġjonali biex jiskjeraw strumenti finanzjarji rilevanti u b’dan il-mod itejbu l-aċċess tal-SMEs fil-ktajjen tal-provvista.

-    Iżid sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet eżistenti li jagħtu l-programmi ta’ finanzjament tal-UE, kif ukoll il-Banek Promozzjonali Nazzjonali jew Reġjonali;

-    Mal-industrija jinħoloq sett tal-aqwa prattiċi għall-ktajjen tal-provvista.

Konklużjoni

Il-Fond Ewopew għad-Difiża diġà beda jagħti l-frott.

L-Azzjoni Preparatorja fuq ir-riċerka dwar id-difiża qed tiffunzjona u tipprovdi ammont stmat ta’ EUR 90 miljun mifrux fuq perjodu ta’ tliet snin għall-element tar-riċerka. Il-proposta tal-lum għal Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża se żżid EUR 500 miljun sal-2020 għall-element tal-kapaċità, bil-potenzjal li mill-2019 jinħolqu investimenti ġenerali ta’ mill-inqas EUR 2.5 biljun.

Minbarra dan, il-Kummissjoni se tniedi għadd ta’ għodod finanzjarji li malajr għandhom iwasslu għal proġetti kollaborattivi bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni lesta tappoġġa lill-Istati Membri fi proġetti kollaborattivi speċifiċi tal-akkwist.

Il-Kummissjoni qed tagħmel il-parti tagħha. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw il-proposta bħala prijorità. Għall-2018, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jħejju sensiela ta’ proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati bħala prijorità.

Dawn il-proposti u l-azzjonijiet huma parti minn bidla lejn koperazzjoni eqreb fil-qasam tad-difiża fl-Ewropa li se tiġi kkonsolidata fil-QFP li jmiss wara l-2020, fejn il-Fond Ewropew għad-Difiża se jirrappreżenta nofs il-proġetti kollaborattivi tad-difiża fl-Ewropa.

Meta tagħmel dawn il-proposti, il-Kummissjoni qed tgħin biex tinħoloq Unjoni Ewropea li tipproteġi u li tiddefendi. Il-Fond Ewropew għad-Difiża tant ambizzjuż se jappoġġa l-kompetittività tal-industrija Ewropea tad-difiża. Dan se jkun il-mutur li jixpruna l-iżvilupp ta’ Unjoni Ewropea tas-Sigurtà u tad-Difiża.



ANNESS

Nappoġġaw il-koperazzjoni tad-difiża permezz tal-Għodod Finanzjarji

Fejn jidħlu l-Għodod Finanzjarji, il-Kummissjoni se taqdi rwol attiv. Din se tistabbilixxi kumitat ad hoc magħmul mill-Istati Membri u minn partijiet konċernati rilevanti ħalli jiġu standardizzati l-Għodod Finanzjarji, sa fejn hu possibbli, biex ikun jistgħu jiġu skjerati kemm jista’ jkun malajr fil-kuntest ta’ kull proġett speċifiku. Minbarra dan, il-Kummissjoni se twaqqaf Taskforce biex meta jitolbuha, tkun tista’ tassisti lill-Istati Membri biex japplikaw l-Għodod Finanzjarji fil-każ ta’ proġetti kollaborattivi speċifiċi tal-akkwist. B’hekk, il-Kummissjoni se tipprovdi kontribut konkret li jwieżen lill-Istati Membri waqt li jkunu qed iwettqu l-proġetti kollaborattivi tal-akkwist.

L-istandardizzazzjoni tal-Għodod Finanzjarji:

Il-ħidma li trid issir biex jiġu standardizzati l-Għodod Finanzjarji tqis prattiki eżistenti, kunċetti u eżempji minn kuntesti nazzjonali, multinazzjonali u internazzjonali. L-istrutturi u l-mekkaniżmi eżistenti għandhom jevitaw id-duplikazzjoni billi jintrabtu mal-Għodod Finanzjarji bl-aħjar mod possibbli, u fl-istess ħin jibqgħu miftuħa għal alternattivi differenti tal-qafas li jrid jintuża.

Il-ġbir flimkien tar-riżorsi tal-baġit

Il-ġbir flimkien, fl-aktar forma sempliċi tiegħu, jeżiġi li l-Istati Membri jridu jiddeċiedu li jikkoperaw fuq proġett tad-difiża biex dan jikkontribwixxi ammont ta’ fondi f’kompartament nazzjonali (eż. kont bankarju) tal-mekkaniżmu tal-ġbir flimkien magħżul. Imbagħad dawn il-fondi jistgħu jintużaw għal finanzjament kollettiv ta’ proġetti kollaborattivi speċifiċi ma’ Stati Membri oħra. Diġà jeżistu xi eżempji ta’ ġbir flimkien fis-seħħ jew li qed jiġu żviluppati fil-qasam tad-difiża u jistgħu jagħtu idea tal-possibbiltajiet potenzjali. B’mod partikolari, l-Organisation Conjointe de Coopération en matière d'Armement's (OCCAR), għandha fis-seħħ mekkaniżmu sempliċi ta’ ġbir flimkien, filwaqt li bħalissa l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (l-EDA) qed tistabbilixxi Mekkaniżmu Finanzjarju Koperattivi 18 (CFM), għamla ta’ mekkaniżmu ta’ ġbir flimkien li fost l-oħrajn jippermetti wkoll il-possibbiltà ta’ skambju ta’ “avvanzi rimborsabbli” fost l-Istati Membri. Il-Kummissjoni se twettaq aktar ħidma, b’mod partikolari biex tesplora u tivvaluta kemm il-mekkaniżmi attwali se jiġu kkombinati ma’ strumenti tal-Għodod Finanzjarji aktar sofistikati.

Il-mekkaniżmu ta’ rkupru tal-ispejjeż permezz ta’ vettura finanzjarja (SPV)

L-irkupru tal-ispejjeż iwassal għal forma ta’ “kważi dħul” li jerġa’ lura lejn l-ewwel investiment (jiġifieri lura għand l-Istati Membri li jkunu investew fl-iżvilupp ta’ kapaċità). Jekk dawn jinġabru flimkien f’entità bi skop speċjali (SPV), l-istruttura tal-fluss tal-flus tkun simili għal dik fil-kuntest tal-finanzjament tal-proġetti. Għal dan it-tip ta’ SPV jistgħu jitqiesu żewġ strutturi differenti ta’ finanzjament: i) il-finanzjament tal-ekwità, fejn kull Stat Membru li qed jipparteċipa fl-iżvilupp iħallas l-istess ammont f’daqqa lill-SPV biex ikopri l-ispejjeż tal-iżvilupp, u dan ikun jikkorrispondi għal parteċipazzjoni ta’ ekwità fl-SPV; jew ii) finanzjament tranżitorju, fejn l-Istati Membri jipparteċipaw fl-iżvilupp jistgħu wkoll jiddeċiedu li jiffinanzjaw parti mill-ispiża tal-iżvilupp billi joħorġu strumenti tas-suq kapitali (eż. bonds tal-proġetti), u b’hekk inaqqsu l-parteċipazzjoni tal-ekwità tagħhom bil-quddiem fl-SPV. Il-Kummissjoni se twettaq aktar ħidma fuq id-diversi aspetti istituzzjonali, finanzjarji u legali li hemm bżonn biex jitwettqu dawn l-istrutturi, inkluż li toħloq vetturi ta’ finanzjament relatati mal-proġetti. L-għan ikun li jeħfief l-użu tagħhom bi standardizzazzjoni, u li jsir skambju tal-esperjenza u tal-aqwa prattiki.

Il-garanzija fuq il-finanzjament tal-fornituri relatat mal-proġetti

Il-garanziji jistgħu jintużaw biex ikopru s-self lill-kuntratturi jew lis-subkuntratturi tad-difiża. Mod kif jistgħu jingħataw il-garanziji hu billi l-Istati Membri li jieħdu sehem fl-akkwist jintalbu joħolqu vettura ta’ finanzjament (eż. SPV) u jiġbru flimkien il-kontribuzzjonijiet biex jissawwar fond ta’ garanzija. Alternattiva għall-fond ta’ garanzija mħallas bil-quddiem, l-Istati Membri li jieħdu sehem jistgħu jintalbu jipprovdu garanziji żejda biex jiżguraw livell biżżejjed tal-kreditu. Il-Kummissjoni se tagħmel aktar xogħol, b’mod partikolari biex tesplora alternattivi fejn tidħol aktar koperazzjoni istituzzjonali mal-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi, bħalma huma l-banek promozzjonali, b’rabta mal-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji bħall-garanziji.

Għodod oħra possibbli

Eżempji ta’ sjieda konġunta fis-settur tad-difiża diġà jeżistu, b’mod partikolari fil-kuntest tan-NATO (eż. l-hekk imsejħa “Multinational Multi-role Tanker Transport Fleet and Strategic Airlift Capability”). L-esperjenzi miksuba sal-lum jistgħu jiffurmaw bażi utli għal aktar żvilupp tal-għodod, biex jiddaħħlu fl-Għodod Finanzjarji, u jkunu jistgħu jappoġġaw lill-Istati Membri biex iwettqu sjieda konġunta. Barra minn hekk, żieda potenzjalment utli għall-Għodod Finanzjarji hija l-ftehimiet tal-kiri. Wieħed mill-modi kif jista’ jsir il-kiri jinkludi b’mod partikolari l-kiri lill-Istati Membri mingħand is-settur privat u/jew mingħand intrapriża miżmuma kollettivament. Il-kiri mingħand Stat Membru ieħor jew mingħand pajjiż terz jista’ jiġi previst ukoll, b’mod partikolari meta dawn il-pajjiżi jkunu speċjalizzati f’ċertu kapaċità tad-difiża u/jew ikollhom kapaċità żejda. Possibbiltà oħra tista’ tkun li l-UE (eż. il-Kummissjoni jew l-Aġenzija) tikri (meta jippermetti t-Trattat) il-kapaċitajiet (eż. oġġetti b’użu doppju) mingħand is-settur privat.

Appoġġ speċifiku għall-proġetti biex jitħaddmu l-Għodod Finanzjarji:

Il-Kummissjoni se twaqqaf Taskforce interna li se tkun lesta tassisti lill-Istati Membri biex japplikaw l-Għodod Finanzjarji. It-Taskforce se tkun kapaċi tipprovdi assistenza konkreta u tagħti kontribut speċifiku għall-proġetti. Dawn huma xi eżempji fil-qosor tat-tipi ta’ appoġġ li jista’ jkun previst li se tipprovdi t-Taskforce interna.

(1)

     COM(2016)950.

(2)

     Ara l-paragrafu 12 tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2016.

(3)

     Ara d-dokument ta’ riflessjoni dwar il-futur tad-difiża Ewropea, COM(2017)315.

(4)

     Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2016 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża.

(5)

     Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Diċembru 2013.

(6)

     Is-sehem attwali tal-akkwist tat-tagħmir Ewropew tad-difiża ddedikat għall-proġetti kollaborattivi hu madwar 22.1%. Minn fost dawn il-proġetti kollaborattivi, 90% huma Ewropej, jiġifieri investiment ta’ EUR 5.1 biljun.

(7)

     C(2017)2262.

(8)

     C(2017)2262.

(9)

     Dawn l-azzjonijiet se jiġu identifikati fir-raggruppamenti teknoloġiċi tal-pjattaformi awtonomi tas-C4ISR (Kmand, Kontroll, Komunikazzjoni, Kontroll, Intelligence, Sorveljanza u Rikonjizzjoni), l-Effetti, il-Protezzjoni tal-Forza u s-Soldier Systems.

(10)

     Eurofighter Typhoon, Dassault Rafale u Saab Gripen. L-integrazzjoni tagħha hi prevista wkoll fuq il-Lockheed F-35 Lightning II.

(11)

     Hartley, The industrial and economic benefits of Eurofighter Typhoon, University of York, York, 2008.

(12)

     Eżempju wieħed ta’ mekkaniżmu ta’ ġbir flimkien hu l-Mekkaniżmu Finanzjarju Koperattiv tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, li t-twaqqif tiegħu approvah il-Bord Ministerjali tat-Tmexxija tal-EDA fit-18 ta’ Mejju 2017. Issa dalwaqt se jibdew in-negozjati mal-Istati Membri dwar l-Arranġament tal-Programm.

(13)

     B’mod partikolari se titħaddem bis-sħiħ il-kompetenza tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża bit-twaqqif tal-Mekkaniżmu Finanzjarju Koperattiv.

(14)

     Ta’ min wieħed jinnota li l-forniment ta’ ċertu servizzi min-naħa tal-Kummissjoni, pereżempju s-servizzi finanzjarji, ikunu jeħtieġu mandat b’konformità mal-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(15)

     Kif jissemma fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża: “Il-kontribuzzjonijiet kapitali nazzjonali għall-‘element tal-kapaċità’ se jiġu ttrattati bħala ‘miżuri ta’ darba’ skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, jiġifieri dawn se jitnaqqsu mill-isforz fiskali strutturali li mistennija jwettqu l-Istati Membri. L-istess trattament se japplika għall-garanziji sakemm dawn iħallu impatt fuq id-defiċit u/jew id-dejn.”

(16)

      https://www.endr.eu/  

(17)

     Kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1301/2013.

(18)

     Fit-18 ta’ Mejju 2017, il-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża adotta Mekkaniżmu Finanzjarju Koperattiv bħala programm ad hoc tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tal-Kategorija A. In-negozjati mal-Istati Membri għal Arranġament ta’ Programm se jibdew dalwaqt u mistennija jingħalqu fix-xhur li ġejjin.