Brussell, 26.4.2017

COM(2017) 252 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

INIZJATTIVA TA' APPOĠĠ GĦALL-BILANĊ BEJN IX-XOGĦOL U L-ĦAJJA PRIVATA GĦALL-ĠENITURI U L-PERSUNI LI JINDUKRAW LI JAĦDMU


1. Introduzzjoni

Madwar l-Unjoni Ewropea, in-nisa għadhom mhux irrappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol. It-telf ekonomiku minħabba d-disparità bejn is-sessi fl-impjiegi jammonta għal EUR 370 biljun fis-sena 1 . In-nisa qed isiru dejjem aktar kwalifikati tajjeb u fl-universitajiet fl-Ewropa qed jiggradwaw aktar nisa milli rġiel, iżda ħafna jgħibu mis-suq tax-xogħol minħabba r-responsabbiltajiet tagħhom bħala ġenitur jew bħala persuna li tindokra l-qraba tal-familja. Il-politiki eżistenti ma ħolqux opportunitajiet indaqs li jippermettu lill-missirijiet u lill-ommijiet jaħdmu u jieħdu ħsieb flimkien il-benessri tat-tfal u tas-soċjetà ġenerali.

B’mod parallel, il-forza tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea qed tiċkien, il-popolazzjoni qed tixjieħ u l-kurva demografika tibqa’ sfida. Il-parteċipazzjoni aktar baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol hi marbuta ma’ disparità persistenti bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u ma’ disparità fil-pensjonijiet li dejjem qed tiżdied u li ħafna drabi twassal għall-esklużjoni soċjali u għal riskju akbar ta’ faqar.

It-teħid ta’ azzjoni mhix biss kwistjoni ta’ ġustizzja, ugwaljanza bejn is-sessi u l-aħjar allokazzjoni tal-ħiliet, iżda wkoll kwistjoni ta’ sostenibbiltà fiskali tal-pajjiżi. Dan huwa kemm obbligu soċjali kif ukoll obbligu ekonomiku.

Din l-inizjattiva ġiet żviluppata biex tindirizza din l-isfida. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Kummissjoni tippreżenta sett ambizzjuż ta’ azzjonijiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi biex timmodernizza l-qafas legali u tal-politika eżistenti tal-Unjoni Ewropea biex tappoġġa aħjar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-irġiel u tan-nisa b’responsabbiltajiet ta’ kura u l-użu aktar ugwali tal-liv u ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli. Il-qafas legali attwali tal-UE għal forom ta’ liv relatati mal-familja u għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli ġie stabbilit fis-snin disgħin 2 . Għoxrin sena wara jeħtieġ li nitgħallmu mill-esperjenza miksuba u mill-progress inqas minn dak li kien mistenni li nkiseb fit-trattament indaqs tan-nisa u tal-irġiel fis-suq tax-xogħol, filwaqt li niżguraw li dan il-qafas ikun konformi ma’ mudelli tax-xogħol ġodda u ma’ xejriet futuri.

Filwaqt li tindirizza n-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol u tappoġġa l-progressjoni fil-karriera tagħhom permezz ta’ politika moderna tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, din l-inizjattiva tikkontribwixxi għall-objettivi msejsa fuq it-Trattati tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u tat-trattament indaqs fuq ix-xogħol. Tgħin ukoll lill-impjegaturi jżommu l-ħaddiema, itejbu l-motivazzjoni u l-produttività tal-impjegati, inaqsu l-assenza tagħhom mix-xogħol u jevitaw il-ħela ta’ talenti. Il-kumpaniji għandhom jibbenefikaw minn ġabra usa’ ta’ talenti u minn forza tax-xogħol aktar diversifikata.

Politika moderna dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata se tikkontribwixxi għal titjib fir-rati ta’ impjieg u għal tnaqqis fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali, f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE riflessi fil-miri tal-Ewropa 2020 u mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni ta’ impjiegi u ta’ tkabbir imsemmija fil-linji gwida politiċi tal-President Juncker.

Bħala wieħed mir-riżultati ewlenin tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, din l-inizjattiva ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni 3 . Hi wkoll parti mill-implimentazzjoni tal-Impenn Strateġiku tal-Kummissjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019 u tal-Għan 5 ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Din l-inizjattiva ssegwi l-irtirar fl-2015 tal-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tad-Direttiva 92/85/KEE dwar il-protezzjoni tal-maternità, meta l-Kummissjoni ħadet impenn li tippreżenta inizjattiva ġdida li tieħu perspettiva usa’ biex ittejjeb il-ħajjiet tal-ġenituri u tal-persuni li jindokraw li jaħdmu.

1.1. Kuntest ekonomiku u tas-soċjetà: l-isfidi attwali

Filwaqt li n-nisa madwar l-Unjoni Ewropea qed isiru dejjem iktar kwalifikati sew u għandhom tendenza li jaslu iktar ’il quddiem mill-irġiel f’termini ta’ kisba edukattiva 4 , il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, u b’hekk l-indipendenza ekonomika tagħhom, għadha konsiderevolment inqas minn dik tal-irġiel. Fl-2015, ir-rata medja ta’ impjieg tan-nisa ta’ bejn l-20 u l-64 sena fl-UE kienet ta’ 64.3 %, ikkumparata mal-75.9% għall-irġiel (disparità ta’ 11.6 punti perċentwali); id-disparità tilħaq medja ta’ 18.1 punt perċentwali meta jiġi kkunsidrat l-impjieg full-time, meta titqies il-prevalenza ikbar tax-xogħol part-time fost in-nisa.

Grafika 1: Differenza fir-rata ta’ impjieg (20-64) u r-rata ta' impjieg ekwivalenti għal full time bejn l-irġiel u n-nisa, 2015

Sors: Eurostat, OECD

Wieħed mill-ixprunaturi ewlenin għad-disparità fl-impjiegi hu d-distribuzzjoni inguwali tar-responsabbiltajiet ta’ indokrar bejn in-nisa u l-irġiel. Id-disparità fl-impjiegi bejn is-sessi tikber b’mod sostanzjali ladarba l-familji jkollhom it-tfal, li jirrifletti d-diffikultà għan-nisa biex jirrikonċiljaw ir-responsabbiltajiet ta’ trobbija u ta’ indokrar tat-tfal max-xogħol tagħhom. Fl-2015, ir-rata medja ta’ impjieg tan-nisa b’wild wieħed taħt is-6 snin kienet ta’ 8.8 punti perċentwali inqas minn dik ta’ nisa mingħajr tfal żgħar, u f’diversi Stati Membri din id-differenza hi aktar minn 30 punt perċentwali 5 . Min-naħa l-oħra, il-paternità għandha l-effett oppost fuq ir-rati ta’ impjieg tal-irġiel, li kienu 12-il punt perċentwali ogħla minn dawk li mhumiex missirijiet, u f’ċerti pajjiżi din id-differenza laħqet it-18-il punt perċentwali. Ħafna rġiel jirrappurtaw li jixtiequ jaħdmu inqas mis-sigħat attwali tagħhom u jaħsbu li dan qed jinterferixxi mal-ħajja tal-familja. F’ċerti pajjiżi aktar minn 25% tan-nisa inattivi huma inattivi minħabba responsabbiltajiet ta’ indokrar 6 . Hemm diskrepanzi addizzjonali għan-nisa fil-grupp ta’ età bejn il-55 u l-64 sena 7 .

Grafika 2: Impatt fuq l-impjieg tal-ġenituri għal wild wieħed taħt is-6 snin, 2015

Sors: Eurostat

Miżuri inadegwati sabiex ix-xogħol jiġi rikonċiljat mar-responsabbiltajiet ta’ indokrar għandhom tendenza li jkollhom impatt sproporzjonat fuq in-nisa 8 , fejn ħafna rġiel ikunu skoraġġuti milli jieħdu liv relatat mal-familja u arranġamenti tax-xogħol flessibbli u ħafna nisa jkunu mġiegħla jitilqu mis-suq tax-xogħol jew inaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom. Bħala medja, in-nisa fl-UE għandhom ħafna aktar probabbiltà li jaħdmu part-time mill-irġiel (31.3% tan-nisa mqabbla ma’ 8.3% tal-irġiel).

Fl-istess waqt, it-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija qed tfassal mill-ġdid il-mod kif in-nies jaħdmu u jinnegozjaw, toħloq opportunitajiet ġodda għat-telexogħol, għal żieda fl-awtonomija u għal skedi flessibbli li jistgħu jintużaw aħjar biex l-impenji tax-xogħol u tal-familja jiġu rikonċiljati. Il-mudelli tan-negozju qed jinbidlu, u b’hekk qed jinfetħu opportunitajiet u toroq ġodda fix-xogħol. Ħafna setturi qed jgħaddu minn tibdil rapidu u joffru opportunitajiet ġodda, b’aktar possibbiltajiet għal impjieg indipendenti u għal tipi ġodda ta’ attivitajiet 9 , biex b’hekk iħallu warajhom il-mudelli tax-xogħol tradizzjonali.

B’mod parallel, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tal-Ewropa qed tixjieħ u tiċkien. Fil-futur, l-impatt tal-popolazzjoni li qed tixjieħ ser jibda jispikka iktar 10 . Skont il-projezzjonijiet, l-UE se tiċċaqlaq milli jkollha erba’ persuni fl-età tax-xogħol fl-2013 għal żewġ persuni biss fl-età tax-xogħol sal-2060, għal kull persuna fl-età ta’ iktar minn 65 sena 11 . Dan jista’ jkollu impatt sproporzjonat fuq in-nisa li bħalissa huma iktar probabbli li jwettqu r-rwol primarju ta’ persuni li jindokraw b’mod informali biex jieħdu ħsieb qraba morda jew anzjani.

Kumplessivament, inqas qligħ, konċentrazzjoni akbar fix-xogħol part-time u differenzi fil-karrieri marbuta ma’ responsabbiltajiet ta’ indokrar jagħmlu lil ħafna nisa ekonomikament iktar dipendenti fuq l-imsieħba tagħhom jew fuq l-istat u jikkontribwixxu sostanzjalment għad-disparità bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa (medja ta’ 16% fl-UE) u għad-disparità fil-pensjonijiet bejn is-sessi (medja ta’ 40% fl-UE). Dan jirriżulta f’riskju ogħla ta’ esponiment għall-faqar u għall-esklużjoni soċjali tan-nisa, b’impatti negattivi jestendu wkoll fuq it-tfal u l-familji tagħhom.

Din l-evidenza dwar l-isfidi ekonomiċi u tas-soċjetà attwali turi l-bżonn għal politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata mfassla aħjar li jiffaċilitaw il-kondiviżjoni iktar indaqs tar-responsabbiltajiet ta’ indokrar bejn il-koppji u li jneħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u għall-progressjoni fil-karrieri tagħhom.

1.2. Liv, arranġamenti tax-xogħol flessibbli, faċilitajiet għall-indokrar u diżinċentivi ekonomiċi

Diversi fatturi jridu jiġu kkunsidrati sabiex titjieb l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol. Stħarriġijiet globali juru li kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jippreferu li n-nisa jaħdmu f’impjiegi bi ħlas 12 . L-evidenza turi li d-disponibbiltà ta’ arranġamenti adegwati ta’ liv għandhom influwenza qawwija fuq ir-rata ta’ impjieg tan-nisa. Id-disponibbiltà u l-użu ta’ arranġamenti bħal dawn għal missirijiet (tieni ġenituri) ukoll għandhom impatt konsiderevoli fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għaliex itaffu parti mir-responsabbiltajiet ta’ indokrar tal-ommijiet u b’hekk jippermettu għal ritorn iktar faċli tan-nisa lejn is-suq tax-xogħol.

Id-disponibbiltà ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli – bħat-telexogħol, il-ħin flessibbli, sigħat tax-xogħol imnaqqsa jew il-kondiviżjoni tal-impjieg – taqdi rwol importanti wkoll.

L-indokrar tat-tfal u l-kura fit-tul huma għodod importanti biex jitneħħew l-ostakli għall-impjieg, speċjalment għan-nisa 13 . Id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-infrastruttura tal-indokrar huma elementi kruċjali biex il-ġenituri u l-persuni li jindokraw jitbqgħu jew jidħlu fis-suq tax-xogħol.

Diżinċentivi tal-benefiċċju tat-taxxa jistgħu wkoll jaqtgħu qalb it-tieni sors ta’ dħul 14 , l-iktar ta’ spiss nisa, milli jidħlu fis-suq tax-xogħol jew milli jaħdmu iktar sigħat. Rati għoljin tat-taxxa u benefiċċji mnaqqsa għat-tieni sors ta’ dħul f’familja, meta kkombinati flimkien ma’ spejjeż għoljin għall-indokrar tat-tfal u għal servizzi ta’ kura fit-tul, jistgħu jkabbru d-diżinċentivi finanzjarji għan-nisa biex jibqgħu jew jibdew jaħdmu 15 .

1.3. L-approċċ tal-UE

L-UE tindirizza kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol u tippromwovi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata permezz ta’ dispożizzjonijiet legali 16 , is-Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politiki 17 , il-finanzjament mill-UE u gwida dwar il-politika 18 . F’ambjent li qed jinbidel b’rata mgħaġġla, jeħtieġ li jsir aktar xogħol.

Biex jiġi modernizzat il-qafas legali eżistenti, il-Kummissjoni qed tipproponi direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li se tippreserva d-drittijiet eżistenti u tibni fuqhom permezz ta’ drittijiet imtejba u ġodda kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. Il-proposta tirrispetta b’mod sħiħ il-libertà individwali tal-ħaddiema u tal-familji u ma timpedixxix lill-Istati Membri milli jipprovdu għal standards iktar għoljin fejn ikunu mixtieqa. Din l-inizjattiva tipproponi wkoll miżuri ġodda mmirati għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-liv tal-Maternità filwaqt ma tbiddilx id-drittijiet mogħtija skont id-dispożizzjonijiet tagħha.

Il-Kummissjoni qed tipproponi miżuri mhux leġiżlattivi biex tindirizza n-nuqqas ta’ servizzi ta’ indokrar suffiċjenti jew adegwati jew biex tindirizza d-diżinċentivi ekonomiċi biex jaħdmu għat-tieni sors ta’ dħul. Għandha l-għan tassisti lill-Istati Membri fir-riformi nazzjonali tagħhom u tippromwovi bidla fil-mentalità fil-livell organizzattiv u tas-soċjetà.

L-evidenza turi li l-iżviluppi legali dwar il-liv tal-maternità u tal-ġenituri fil-livell nazzjonali fil-parti l-kbira kienu skattati mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Abbażi tal-acquis eżistenti, u biex il-piż fuq in-negozji (u speċjalment fuq l-SMEs) jiġi limitat, rekwiżiti legali minimi ulterjuri dwar l-arranġamenti bejn il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata se jgħinu jipprovdu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji u għall-ħaddiema. Azzjoni fil-livell tal-UE biss se tindirizza d-differenzi bejn dispożizzjonijiet legali nazzjonali eżistenti, tiżgura li l-Istati Membri jimxu fl-istess direzzjoni u trawwem l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol. Il-valur miżjud tal-UE fl-immodernizzar tal-acquis tagħha, hu li jiġi żgurat livell minimu ta’ protezzjoni indaqs għaċ-ċittadini tal-UE, irġiel u nisa, madwar l-UE.

Il-miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi kkombinati jistabbilixxu qafas ta’ politika moderna li jfittex li:

1. iżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jnaqqas id-disparità bejn is-sessi, inklużi differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet;

2. jagħti lill-ħaddiema aktar opportunitajiet u għażla biex jibbilanċaw ir-responsabbiltajiet professjonali u ta’ indokrar tagħhom billi jiġi aġġornat u modernizzat il-qafas legali u ta’ politika attwali, b’attenzjoni partikolari għar-rwol tal-irġiel;

3. jagħti appoġġ lill-politiki moderni tal-Istati Membri dwar il-familja inkluż biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi u tas-soċjetà;

4. jindirizza nuqqasijiet fil-faċilitajiet tas-servizzi għall-indokrar u biex jiġu eliminati d-diżinċentivi ekonomiċi biex jaħdmu għat-tieni sors ta’ dħul.

It-tħejjija tal-inizjattiva ġiet informata permezz ta’ proċess ta’ konsultazzjoni estensiv u permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt ta’ firxa potenzjali ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi. Il-Kummissjoni temmet konsultazzjoni ta’ żewġ stadji mas-sħab soċjali Ewropej fl-2015 u fl-2016 19 . Ma ntlaħaq ebda qbil fost is-sħab soċjali biex jidħlu f’negozjati diretti fuq kwistjonijiet imqajma matul il-konsultazzjonijiet. Saret ukoll konsultazzjoni pubblika miftuħa biex jinstemgħu l-fehmiet taċ-ċittadini u ta’ partijiet ikkonċernati oħra. Il-Kunsill organizza diskussjoni dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata f’Diċembru tal-2015 u l-Parlament Ewropew adotta Rapport dwar Il-Ħolqien ta’ Kundizzjonijiet fis-Suq tax-Xogħol Favorevoli għal Bilanċ bejn il-Ħajja u Dik tax-Xogħol 20  u Riżoluzzjoni dwar Pilastru tad-Drittijiet Soċjali 21 ..

Ir-riżultati ta’ suċċess jiddependu fuq l-impenn ta’ ħafna parteċipanti inklużi gvernijiet nazzjonali, reġjuni, awtoritajiet lokali, sħab soċjali, negozji individwali u impjegati. B’mod partikolari, id-djalogu soċjali se jkollu rwol importanti x’jaqdi biex jiżgura li din l-inizjattiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tiġi żviluppata u implimentata b’suċċess.

2. Oqsma ta’ Prijorità għal azzjoni

Din l-inizjattiva tipproponi pakkett ta’ miżuri li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Minbarra l-benefiċċji għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, il-miżuri legali u ta’ politika flimkien ser ikunu ta’ benefiċċju kbir għall-kumpaniji u għas-soċjetà aktar ġenerali.

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni eżaminat l-ispejjeż u l-benefiċċji stmati tal-miżuri proposti fuq l-individwi, in-negozji – speċjalment il-mikronegozji – u s-soċjetà iktar ġenerali bejn l-2015 u l-2055. L-analiżi wriet li, filwaqt li l-ispejjeż tal-miżuri proposti, dovuti l-iktar għat-telf fil-produzzjoni, għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u għall-kostijiet tas-sostituzzjoni, jirriżultaw fit-terminu qasir sa dak medju, f’perspettiva aktar fit-tul, il-pakkett jirrappreżenta spiża limitata għall-kumpaniji, li m’għandhiex tkun wisq ta’ piż għall-impjegaturi, inklużi dawk tal-mikronegozji 22 . Peress li t-taħlita tal-miżuri proposti għandu jkollha effetti pożittivi fuq il-pożizzjoni fiskali tal-Istati Membri, l-ispejjeż limitati fuq il-kumpaniji jistgħu jiġu kkumpensati f’livell nazzjonali permezz ta’ interventi mmirati li jippromwovu politika moderna ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, filwaqt li jippreservaw bis-sħiħ il-kompetittività tan-negozji. Ir-rati ogħla ta’ impjieg ser jgħinu wkoll biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tixjiħ demografiku u jikkontribwixxu għall-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri.

2.1 Titjib tat-tfassil u tal-użu Bilanċjat bejn is-Sessi ta’ Liv Relatat mal-Familja u ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli

Il-leġiżlazzjoni tal-UE teħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu għal-liv tal-maternità u għal-liv tal-ġenituri. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal miżuri ulterjuri biex jiġi ffaċilitat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, tittejjeb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa u għal kondiviżjoni tal-indokrar aktar ugwali bejn is-sessi. It-tip u l-kontenut tal-miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri jvarjaw b’mod konsiderevoli.

Il-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u tat-trattament fuq ix-xogħol u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ma jappoġġax biżżejjed lill-ġenituri u lill-ħaddiema b’responsabbiltajiet ta’ indokrar u t-tfassil tiegħu ma jħeġġiġx użu bilanċat bejn is-sessi tal-intitolamenti disponibbli 23 .

Id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri 24 tipprovdi għal dritt individwali għal erba’ xhur ta’ liv tal-ġenituri għal kull ġenitur biex jieħdu ħsieb wild sakemm ikollu tmien snin. Xahar wieħed mhuwiex trasferibbli bejn il-ġenituri u d-Direttiva ma tipprovdix għal kumpens finanzjarju obbligatorju. Dan iħeġġeġ l-iktar lit-tieni sors ta’ dħul fil-familja (l-iktar spiss nisa) biex jieħu l-liv tal-ġenituri u ma jipprovdix biżżejjed inċentivi għall-irġiel. L-evidenza turi l-impatt pożittiv ta’ kumpens adegwat għall-użu tal-liv mill-missirijiet (mit-tieni ġenitur) 25 , il-valur tal-użu flessibbli ta’ dan (b’mod ifframmentat jew part-time) u li dan isir mhux trasferibbli bejn il-ġenituri.

Id-Direttiva proposta tippreserva l-elementi fundamentali tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri u żżomm id-drittijiet eżistenti, inkluż it-tul tal-liv u l-intitolament individwali għal kull ġenitur. Din tintroduċi pagament fil-livell ta’ ħlas għall-mard u aktar flessibbiltà biex jittieħed il-liv tal-ġenituri, inkluż bl-estensjoni tal-età tal-wild minn tmien snin għal tnax-il sena fejn ġenitur jista’ jieħu l-liv tal-ġenituri. Erba’ xhur mhux ser ikunu trasferibbli bejn il-ġenituri. Bħalissa m’hemm ebda dispożizzjoni speċifika fil-livell tal-UE dwar l-intitolament għal-liv tal-paternità 26 . L-introduzzjoni ta’ intitolament bħal dan jista’ jkollha impatt imdaqqas fuq il-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet ta’ indokrar bejn in-nisa u l-irġiel. L-involviment tal-missirijiet fl-indokrar tat-tfal jagħti sodisfazzjon ikbar fil-ħajja, saħħa fiżika u mentali aħjar tal-missirijiet li jindokraw u eżiti konjittivi u tal-imġiba aħjar għat-tfal 27 . Missirijiet li jieħdu l-liv tal-paternità wara t-twelid tal-wild għandhom aktar probabbiltà li jikkontribwixxu għat-trobbija tal-wild tagħhom u sussegwentement jużaw l-intitolamenti tal-liv tal-ġenituri tagħhom. Id-Direttiva proposta dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tintroduċi 10 ijiem ta’ liv tal-paternità mħallas fil-livell ta’ mard.

In-nuqqas ta’ liv adegwat għall-indokrar ta’ qraba dipendenti oħra jkompli jaggrava l-kondiviżjoni inugwali tar-responsabbiltajiet ta’ indokrar 28 . Ma jeżisti ebda standard minimu fil-livell tal-UE għal ħaddiema bi qraba dipendenti, ħlief għal dritt limitat skont id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri biex wieħed jieħu ħin liberu minħabba force majeure għal raġunijiet familjari urġenti u mhux mistennija 29 . Id-direttiva proposta tintroduċi dan l-intitolament individwali għal 5 ijiem fis-sena mħallsa fil-livell ta’ ħlas għall-mard biex tikkontribwixxi għal rikonċiljazzjoni aħjar tar-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-indokrar u biex ittejjeb iż-żamma tat-talenti, b’mod partikolari tan-nisa, fis-suq tax-xogħol.

Il-protezzjoni kontra s-sensja u t-trattament sfavorevoli hi pprovduta mid-dritt tal-Unjoni permezz tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità 30 , id-Direttiva dwar ix-Xogħol Part-Time 31 , id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 32 , id-Direttiva dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività f’kapaċità ta’ impjieg indipendenti 33 u d-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri. Il-protezzjoni ssaħħet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. It-trattament sfavorevoli tan-nisa meta jinqabdu tqal u għal nisa u għal irġiel li jkunu ser jieħdu l-liv għadu jiġi rrapportat f’ħafna Stati Membri 34 . Għalhekk hu neċessarju li l-ħaddiema jiġu informati aħjar u jiġu appoġġati fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jinfurzawhom b’mod iktar effettiv fil-livell nazzjonali 35 .

Id-disponibbiltà ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli tista’ tipprevjeni lill-ħaddiema milli jieħdu impjiegi f’livell inqas minn dak tal-potenzjal u l-ħiliet professjonali sħiħ tagħhom jew milli joħorġu mis-suq tax-xogħol meta jieħdu responsabbiltajiet ta’ indokrar 36 . Minkejja t-tendenzi ġodda tax-xogħol u l-iżviluppi teknoloġiċi, il-maġġoranza tal-impjegati fl-Ewropa għad għandhom skedi tax-xogħol fissi u ma jħaddnux bis-sħiħ arranġamenti tax-xogħol flessibbli bħat-telexogħol, skedi tax-xogħol flessibbli, u sigħat tax-xogħol imnaqqsa (xogħol part-time). Id-Direttiva proposta tikkumplimenta l-acquis attwali tal-UE fid-Direttivi tal-Liv tal-ġenituri u tax-Xogħol part-time billi tintroduċi dritt għal talba ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli għal ħaddiema bi tfal jew bi qraba dipendenti oħra. Dan jista’ jgħin itejjeb b’mod sinifikanti l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiema b’impatt pożittiv fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol 37 .

Il-Kummissjoni se tieħu:

Azzjoni leġiżlattiva

Tipproponi Direttiva li ttejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ġenituri u tal-persuni li jindokraw li tippreserva u tibni fuq id-drittijiet eżistenti skont id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri. Id-drittijiet ġodda li ġejjin huma proposti:

il-possibbiltà għall-użu flessibbli (b’mod ifframentat jew part-time) tal-intitolament ta’4 xhur għal liv tal-ġenituri mħallas fil-livell ta’ ħlas għall-mard; l-intitolament ta’ 4 xhur jista’ jintuża sakemm il-wild jilħaq l-età ta’ 12-il sena u ma jistax jiġi trasferit bejn il-ġenituri;

intitolament għal 10 jiem ta’ xogħol għal liv tal-ġenituri meta jitwieled wild, imħallas fil-livell ta’ ħlas għall-mard;

intitolament għal 5 ijiem liv imħallas fil-livell ta’ ħlas għall-mard fis-sena għal kull ħaddiem biex jieħu ħsieb qraba serjament morda jew dipendenti;

dritt li jintalbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli għal ġenituri ta’ tfal ta’ inqas minn 12-il sena u għal ħaddiema b’responsabbiltajiet ta’ indokrar.

Azzjonijiet mhux leġiżlattivi

1. Tkompli l-monitoraġġ tat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u ssegwi u tniedi proċeduri ta’ ksur meta jkun hemm bżonn. Tiżgura l-implimentazzjoni mtejba tal-leġiżlazzjoni u tippromwovi l-konformità, b’mod partikolari permezz ta’:

- appoġġ finanzjarju, fil-Programm dwar id-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza għal proġetti (trans)nazzjonali li jimmiraw għall-infurzar aħjar tad-dritt tal-Unjoni dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inklużi kampanji ta’ informazzjoni.

- it-tnedija ta’ studju speċifiku dwar l-infurzar tal-protezzjoni kontra s-sensja u mit-trattament sfavorevoli min-netwerk Ewropew ta’ esperti legali fl-ugwaljanza bejn is-sessi biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni fl-Istati Membri;

- seminar, f’kooperazzjoni man-Netwerk Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza (EQUINET), dwar attivitajiet għall-bini ta' kapaċità għal korpi tal-ugwaljanza u korpi superviżorji rispettivi oħra fis-suq tax-xogħol (Netwerk ta’ Spettorati tax-Xogħol SLIC) fl-Istati Membri, b’attenzjoni partikolari fuq il-protezzjoni kontra s-sensja.

2. Tkompli l-monitoraġġ tat-tfassil u tal-użu tal-bilanċ bejn is-sessi ta’ liv relatat mal-familja u ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli bħala parti mis-Semestru Ewropew u fir-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi.

3. Ittejjeb il-ġbir ta’ dejta fil-livell tal-UE mill-Eurostat dwar l-użu ta’ liv relatat mal-familja u ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli min-nisa u mill-irġiel, f’kooperazzjoni mal-kumitati għall-politika tal-impjiegi (SPS, EMCO) u f’koordinazzjoni mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE).

4. Tipprovdi finanzjament:

- Skont il-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) biex tiffinanzja proġetti pilota ġodda indirizzati lejn l-impjegaturi għall-iżvilupp ta’ arranġamenti tax-xogħol innovattivi bħal-liv tal-familja u arranġamenti tax-xogħol flessibbli (permezz ta’ riżorsi eżistenti).

- Tiżgura, flimkien mal-Istati Membri, li l-Fond Soċjali Ewropew u Fondi strutturali u ta’ Investiment oħrajn qed jappoġġaw b’mod adegwat miżuri għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

5. Tikkondividi l-aħjar prattiki mas-sħab soċjali u mal-Istati Membri permezz ta’ seminars skont il-programm ta' Tagħlim Reċiproku dwar:

l-użu bilanċjat bejn is-sessi tal-liv tal-familja u ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli,

inizjattivi bħal tikketti u ċertifikazzjonijiet għal impjegaturi b’politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tajbin,

tranżizzjoni bla xkiel bejn il-liv u l-impjieg (eż. provvediment ta’ faċilitajiet ta’ treddigħ fuq il-post tax-xogħol),

l-għoti ta’ kreditu għall-perjodi ta’ liv relatat mal-familja fis-sistema tal-pensjoni.

2.2 Titjib tal-Kwalità, tal-Affordabbiltà u tal-Aċċess għall-Indokrar tat-Tfal u għall-Kura fit-Tul

F’25 Stat Membru, id-domanda għal postijiet ta’ indokrar tat-tfal hi ogħla mill-provvista disponibbli, speċjalment għal tfal ta’ inqas minn 3 snin 38 . In-nuqqas ta’ servizzi tal-kura formali għat-tfal u għal dipendenti oħra jista’ jwassal sabiex ħaddiema b’dipendenti, speċjalment in-nisa, inaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom jew jitilqu mis-suq tax-xogħol. Minkejja li fl-2002 l-UE stabbiliet il-miri ta’ Barċellona biex ittejjeb il-forniment tal-arranġamenti ta’ indokrar formali tat-tfal sal-2010 39 , il-maġġoranza tal-Istati Membri għadha ma laħqithomx. Il-medja tal-UE hi 3 punti perċentwali inqas mill-mira ta’ 33% għal tfal ta’ bejn iż-0 u t-3 snin u 7 punti perċentwali inqas mill-mira ta’ 90% għal tfal ta’ bejn it-3 snin u l-età tal-iskola 40 .

F’ħafna każijiet, l-intitolament għall-edukazzjoni u għall-indokrar bikrin tat-tfal hu limitat għal post part-time. Is-sigħat tal-iskola u l-vaganzi tal-iskola spiss ma jkunux kompatibbli mal-impjieg full-time tal-ġenituri 41 .

Iż-żieda fid-disponibbiltà tal-edukazzjoni u tal-indokrar bikrin tat-tfal, tal-indokrar barra mill-iskola u tal-forniment ta’ servizzi tal-kura fit-tul (inklużi servizzi bbażati d-dar) għal persuni dipendenti ser toħloq aktar possibbiltajiet biex in-nisa jidħlu jew jibqgħu fl-impjieg, se jkollha impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tat-tfal u se tnaqqas ir-riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali għat-tfal 42 . L-investiment fl-edukazzjoni bikrija u fl-indokrar ta’ kwalità tajba tat-tfal hu rikonoxxut bħala investiment soċjali effettiv biex jiġu indirizzati l-inugwaljanza u l-isfidi li jaffaċċaw tfal żvantaġġati 43 . L-investiment fis-settur tal-indokrar għandu wkoll potenzjal importanti fil-ħolqien tax-xogħol 44 . B’mod simili, minbarra l-effetti tagħha fuq l-impjiegi, l-espansjoni tas-servizzi tal-kura fit-tul jista’ jkollha impatt pożittiv fuq il-benessri u fuq is-saħħa tal-persuni li jindokraw u ta’ dawk dipendenti fuqhom u tista’ tnaqqas il-piżijiet fiżiċi u psikoloġiċi tal-indokrar tal-anzjani li qed isiru iktar prevalenti f’popolazzjoni li qed tixjieħ 45 . 

Biex il-ġenituri jitħallew jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, iridu jiġu kkunsidrati l-għadd ta’ postijiet disponibbli kif ukoll il-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tas-servizzi (kapaċità mhux suffiċjenti, varjazzjoni reġjonali, distanza, sigħat tal-ftuħ, kriterji ta' eliġibbiltà). L-indokrar tat-tfal għandu jkun integrat ma’ servizzi soċjali oħrajn 46 , bħal servizzi għas-saħħa u għall-impjieg, sabiex jilħaq aħjar familji u tfal żvantaġġati 47 .

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, inkluża r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol ma’ dik tal-familja u l-aċċess imtejjeb għas-servizzi soċjali ta’ kwalità diġà hi prijorità ta’ investiment tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) 48 . L-FSE, flimkien mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) 49 u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) 50 jipprovdi opportunitajiet lill-Istati Membri biex itejbu l-infrastrutturi soċjali u tal-indokrar tat-tfal tagħhom u jindirizza livelli varjabbli ta’ dispożizzjonijiet. Dawn il-fondi għandhom jiġu sfruttati biex jappoġġaw il-forniment ta’ servizzi għall-indokrar formali aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità. Barra minn hekk, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) 51 u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) 52 jippermettu l-aċċess għal servizzi bażiċi u jistgħu jiġu utilizzati aktar.

Is-Semestru Ewropew hu strument essenzjali għall-UE biex tindirizza l-isfidi ekonomiċi li l-Ewropa qed taffaċċa, inklużi servizzi ta’ indokrar favorevoli għall-impjieg u aċċessibbli għal ġenituri jew nies oħra li jixtiequ jieħdu ħsieb qraba dipendenti. Dan id-djalogu ta’ politika fih innifsu hu importanti iżda jipprovdi wkoll il-bażi tal-evidenza li ntużat biex jiggwida l-finanzjament mill-UE.

Il-Kummissjoni se tieħu:

Azzjonijiet mhux leġiżlattivi

6. Gwida u monitoraġġ:

- Tkompli tiggwida lill-Istati Membri dwar is-servizzi tal-indokrar favorevoli għall-impjieg u aċċessibbli u timmonitorja l-forniment tagħhom fis-Semestru Ewropew u fir-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi.

- Tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fil-forniment bikri ta’ edukazzjoni u kura ta’ kwalità għolja lit-tfal u żżid l-isforzi biex tgħinhom jitgħallmu minn xulxin u jidentifikaw x’jaħdem l-aħjar.

7. Miri u ġbir ta’ dejta:

- Tirrevedi l-mira eżistenti tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 dwar l-edukazzjoni u l-indokrar bikrin tat-tfal

- Ittejjeb il-ġbir ta’ dejta fil-livell tal-UE fuq id-disponibbiltà, l-affordabbiltà u l-kwalità ta’ servizzi ta’ indokrar, b’mod partikolari fuq servizzi ta’ indokrar formali fuq perjodu twil u ’l barra mill-iskola, bl-għan li tesplora l-possibbiltajiet li jiġu żviluppati parametri referenzjarji fil-livell tal-UE.

8. Tipprovdi finanzjament:

- Tiżviluppa approċċ imfassal mal-Istati Membri biex tħeġġeġ l-użu tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) għall-finanzjament tal-infrastruttura soċjali, b’mod partikolari s-servizzi għall-indokrar tat-tfal u għall-kura fit-tul. inkluż permezz ta’ Sħubiji Pubbliċi-Privati

- Tkompli tiżviluppa l-forniment ta’ servizzi għall-indokrar tat-tfal, ’il barra mill-iskola u ta’ kura fit-tul aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità, inkluż billi tuża appoġġ mill-FSE u mill-FEŻR; Fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u f’każ ta’ finanzjament insuffiċjenti allokat biex jiġu indirizzati l-isfidi rilevanti identifikati fis-Semestru Ewropew, titlob lill-Istati Membri jirrevedu l-ipprogrammar tal-fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) 53 ; 

- Tesplora l-potenzjal li tindirizza dan it-tħassib fit-tħejjija tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE ta’ wara l-2020, b’mod partikolari billi jittieħdu t-tagħlimiet mill-azzjonijiet preparatorji f’dan il-qasam

2.3 Indirizzar tad-Diżinċentivi Ekonomiċi għall-Ġenituri u għall-Persuni li Jindokraw biex Jaħdmu

Is-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji tal-Istati Membri jvarjaw f’termini tal-inċentivi jew tad-diżinċentivi finanzjarji għat-tieni sors ta’ dħul biex jidħlu fl-impjieg jew jaħdmu aktar sigħat, pereżempju permezz ta’ sistemi ta’ tassazzjoni konġunti, krediti ta’ taxxa trasferibbli jew tnaqqis għal familji b’persuna waħda li taqla’ l-flus għall-għajxien. Madwar l-UE, in-nisa huma l-maġġoranza kbira tat-tieni sors ta’ dħul (jew dawk li jaqilgħu l-inqas fil-koppja). Minoranza biss ta’ pajjiżi jippermettu tnaqqis sinifikanti tal-ispejjeż imġarrba għall-indokrar tat-tfal permezz ta’ krediti tat-taxxa jew f’forom oħra 54 . Fost it-tieni sors ta’ dħul, in-nisa bi tfal żgħar jinsabu fl-ikbar riskju għall-esklużjoni mis-suq tax-xogħol 55 .

Din l-inizjattiva għandha l-għan li tgħin lill-Istati Membri jneħħu d-diżinċentivi ekonomiċi li jxekklu l-parteċipazzjoni u l-eżiti tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

Il-Kummissjoni se tieħu:

Azzjonijiet mhux leġiżlattivi

9. Gwida u monitoraġġ:

- Tkompli tidentifika ostakli speċifiċi għall-pajjiż li jirriżultaw mis-sistemi ta’ benefiċċju tat-taxxa u timmonitorja l-progress fl-indirizzar tagħhom b’mod partikolari permezz tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE fis-Semestru Ewropew u tipprovdi gwida tal-Kummissjoni fil-forma li tixraq.

- Taqsam l-aħjar prattiki mas-sħab soċjali u mal-Istati Membri permezz ta’ seminar skont il-Programm ta’ Tagħlim Reċiproku dwar l-indirizzar tad-diżinċentivi/tal-inċentivi ekonomiċi li jiskoraġġixxu lit-tieni sors ta’ dħul milli jaħdmu (aktar).

10. Ittejjeb il-ġbir ta’ dejta fil-livell tal-UE dwar id-diżinċentivi ekonomiċi għat-tieni sors ta’ dħul. tiżviluppa u tuża parametri referenzjarji fil-livell tal-UE dwar id-diżinċentivi għax-xogħol għat-tieni sors ta’ dħul maħluqa minn sistemi tal-benefiċċji tat-taxxa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

3. Konklużjoni – it-triq ’il quddiem

L-istil ta’ ħajja Ewropew tas-Seklu 21 għandu jippermetti għal bilanċ tajjeb bejn l-impenji familjari u professjonali u jipprovdi opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol u d-dar. Il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE u nazzjonali għandhom jgħinu lill-impjegati jirrikonċiljaw ix-xogħol u l-familja, jgħinu lill-kumpaniji jżommu t-talent, jippromwovu l-flessibbiltà ta’ kemm l-impjegaturi kif ukoll tal-impjegati, jippromwovu opportunitajiet indaqs, jiġġeneraw tkabbir ekonomiku u jibbenefikaw lis-soċjetà sħiħa, inklużi t-tfal u dawk dipendenti fuq l-indokrar tal-familja.

B’sett wiesa’ ta’ azzjonijiet leġiżlattivi u politiċi komplementari, dan il-pakkett ambizzjuż ifittex li jimmodernizza l-mod li bih jitfasslu l-miżuri għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jwassal miżuri li jtejbu l-ħajja ta’ kuljum ta’ ħafna ġenituri u persuni li jindokraw.

Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ din l-inizjattiva hu li ssaħħaħ l-iskema eżistenti tal-liv tal-ġenituri, billi tiffaċilita l-użu, min-nisa u mill-irġiel permezz ta’ modalitajiet ġodda dwar il-ħlas, il-flessibilità u n-nontrasferibbiltà. Barra minn hekk, l-introduzzjoni tal-liv ta’ persuni li jindokraw u l-liv tal-ġenituri ser tgħin lill-ħaddiema jibbilanċjaw il-ħajjiet personali u professjonali tagħhom. L-użu ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli hu promoss ukoll u lmiżuri nonleġiżlattivi jipprovdu għal aktar faċilitajiet għall-indokrar u aħjar, bħala waħda mill-partijiet essenzjali tal-inizjattiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Biex dawn l-azzjonijiet jiġu appoġġati, ser jiġu mobilizzati strumenti finanzjarji fejn ikun xieraq, riżorsi eżistenti għall-baġit tal-UE ser jiġu orjentati mill-ġdid lejn investimenti ta’ prijorità li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva.

Il-Kummissjoni ser iżżid ukoll is-sensibilizzazzjoni politika dwar l-importanza kritika tal-politika dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għax-xogħlijiet u l-prospetti ta’ tkabbir tal-Ewropa u ser tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tfassal l-aqwa politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-kuntest nazzjonali. Ser ikun hemm monitoraġġ mill-qrib mill-Kummissjoni tal-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fl-Istati Membri. Reviżjoni regolari ta’ sett ta’ indikaturi tal-politika dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata ser tipprovdi kummenti u tinforma l-preparazzjonijiet tas-Semestru Ewropew u tal-politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli tal-UE u nazzjonali.

Is-suċċess ta’ din l-inizjattiva ser jeħtieġ impenn komuni. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni biex japprovaw din il-Komunikazzjoni u jappoġġaw b’mod attiv l-implimentazzjoni tagħha, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali. Il-koleġiżlaturi huma mħeġġa jilħqu ftehim veloċi dwar il-miżuri leġiżlattivi proposti fil-pakkett. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, lis-Sħab Soċjali u lil kull attur rilevanti biex iżiedu l-isforzi tagħhom fil-forniment ta’ politiki aħjar dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jippermettu l-benessri mtejjeb tas-soċjetà Ewropea tagħna.

(1) Eurofound (2016) “Id-Disparità fl-Impjiegi bejn is-Sessi: Sfidi u Soluzzjonijiet”.
(2)  Id-Direttiva 92/85 dwar il-liv tal-maternità ġiet adottata fl-1992 u għadha ma nbidlitx minn dak iż-żmien. Id-Direttiva dwar il-liv tal-ġenituri ġiet adottata inizjalment fl-1996 u ġiet imtejba u emendata b’mod parzjali fil-kontenut fl-2010.
(3)   https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/gender-equality-work-life-balance_en.pdf  
(4)  Fl-2015, 43.4% tan-nisa (ta’ bejn it-30 – 34 sena) kellhom edukazzjoni terzjarja jew iktar imqabbla ma’ 34% tal-irġiel. Sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, l-istatistika tkun ġejja mill-Eurostat.
(5)  F’għadd ta’ pajjiżi, l-impatt tal-ġenituri hu partikolarment għoli u r-rata ta’ impjieg tan-nisa bi tfal taħt l-età ta’ 6 snin hi iktar minn 20 punt perċentwali inqas mir-rata ta’ impjieg tan-nisa bla tfal (l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Estonja u l-Finlandja).
(6)  ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, is-Slovakkja, l-Irlanda, l-Ungerija
(7)  Din id-disparità bejn is-sessi fir-rata ta' impjieg għall-grupp tal-età bejn il-55 u l-64 sena taqbeż il-35% f’Malta, fil-Greċja, fis-Slovenja, fil-Kroazja, fir-Rumanija u fil-Lussemburgu.
(8)  In-nisa li jaħdmu fuq medja jqattgħu 22 siegħa fil-ġimgħa f’xogħol mhux bi ħlas, filwaqt li l-irġiel iqattgħu inqas minn 10 sigħat. Eurofound (2015).
(9)  Fl-istess waqt, jistgħu wkoll iżidu x-xogħol part-time prekarju, xogħol każwali u jnaqsu d-distinzjoni bejn il-ħin tax-xogħol u l-ħajja personali. Ara pereżempju: Eurofound & ILO (2017) Xogħol fi kwalunkwe ħin, fi kwalunkwe post: L-effetti tax-xogħol fuq id-dinja. https://www.eurofound.europa.eu/publications/report/2017/working-anytime-anywhere-the-effects-on-the-world-of-work
(10)  White paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa Kummissjoni Ewropea COM(2017)2025.
(11)  Il-Kummissjoni Ewropea (2015), Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2015: Projezzjonijiet ekonomiċi u baġitarji għat-28 Stat Membru tal-UE (2013-2060).
(12)  Globalment, total ta’ 70 fil-mija tan-nisa u perċentwal simili ta’ 66 fil-mija tal-irġiel jippreferu li n-nisa jaħdmu f’impjiegi bi ħlas (li tikkombina flimkien dawk li jippreferu li n-nisa jaħdmu biss f’impjiegi bi ħlas u dawk li jippreferuhom li jkunu jistgħu jaħdmu f’impjiegi bi ħlas u jieħdu ħsieb id-djar u l-familji tagħhom). Kull waħda minn dawn iċ-ċifri hi aktar mid-doppju tal-perċentwali ta’ dawk li jippreferu li n-nisa jibqgħu d-dar biss. ILO (2017) Towards a better future for women and work: Voices of women and men. World Gallup Poll. http://ilo.org/global/publications/books/WCMS_546256/lang--en/index.htm
(13)  Brilli, Y., Del Boca, D. & Pronzato, C.D. (2016) Does childcare availability play a role in maternal employment and children's development? Evidenza mill-Italja. Review of Economics of the Household 14: 27-51. FP 7 Project Families and Societies.
(14)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni: L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ" (2013) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:32013H0112
(15)  Il-Kummissjoni Ewropea (2015) It-tieni sors ta' dħul u l-politiki fiskali fl-Ewropa.
(16)  Ara d-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn Business Europe, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, 18.3.2010); Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (riformulazzjoni) (ĠU L 204, 26.7.2006), id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992), id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU L 14 ta’ 20.01.1998) u lill-proposta tal-2008 tal-Kummissjoni għal reviżjoni tad-Direttiva 92/85/KEE dwar il-protezzjoni tal-maternità (ikkwotata iktar ’il fuq).
(17)  Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara https://ec.europa.eu/info/strategy/european-semester_mt  
(18)  Diġà fl-1992, il-Kunsill kien ta Rakkomandazzjoni dwar l-indokrar tat-tfal (92/241/KEE, ĠU L 123, 08/05/1992).
(19) Bejn Novembru tal-2015 u Jannar tal-2016, is-sħab soċjali l-ewwel ġew mistiedna jikkondividu l-fehmiet tagħhom dwar id-direzzjoni possibbli tal-azzjoni tal-UE. Konsultazzjoni tat-tieni stadju saret minn Lulju sa Settembru tal-2016, li fiha s-sħab soċjali pprovdew il-fehmiet tagħhom fuq firxa ta’ miżuri possibbli fil-livell tal-UE.
(20)  2016/2017 (INI) http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+REPORT+A8-2016-0253+0+DOC+XML+V0//MT  
(21)   http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2017-0010+0+DOC+XML+V0//MT  
(22) Valutazzjoni tal-impatt tal-SWD tal-Kummissjoni li takkumpanja d-dokument “Bidu ġdid għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindokraw”.
(23) http://dx.doi.org/10.1787/9789264263420-de Ara pereżempju: OECD (2016) Dare to Share – Deutschlands Weg zur Partnerschaftlichkeit in Familie und Beruf. ; "The role of men in gender Equality – European strategies and insights (studju tad-DĠ JUST ta’ Diċ. 2012)"
(24)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE.
(25)  Ara pereżempju: Castro-Garcia, C. & Pazos-Moran, M. (2016) Parental leave policy and gender equality in Europe. Feminist Economics, 22 (3); Duvander, A-Z & Johansson, M. (2012) What are the effects of reforms promoting fathers’ parental leave use? Journal of European Social Policy, 22 (3).
(26)  Ħlief għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/54/KE dwar il-protezzjoni kontra s-sensja f’każ li tali liv ikun jeżisti fl-Istati Membri.
(27)  Huerta, M et al. (2013) “Fathers' Leave, Fathers' Involvement and Child Development: Are they Related? Evidence from Four OECD Countries, OECD Social, Employment and Migration Working Papers, No. 140; OECD (2016) Parental Leave: Where are the Fathers? Policy Brief 3/2016.
(28)  Hu diffiċli għall-persuni li jindokraw fl-età tax-xogħol li jikkombinaw x-xogħol imħallas mad-dmirijiet ta’ indokrar, u għalhekk il-persuni li jindokraw jistgħu jagħżlu li jnaqqsu s-sigħat tax-xogħol jew jitilqu mix-xogħol imħallas. L-indokrar jista’ jikkawża wkoll sfiniment u stress. OECD (2011) Help Wanted? Providing and Paying for Long-Term Care OECD Health Policy Studies.
(29)  Il-Kawżola 7 tad-Direttiva 2010/18/UE li tistipula r-regoli dwar il-ħin liberu mix-xogħol minħabba force majeure.
(30) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE.
(31) Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE.
(32) Id-Direttiva 2006/54/KE.
(33) Id-Direttiva 2010/41/UE.
(34) Equinet (2016) Responses from Gender Equality Working Group on Gender-Related Discrimination; European Network of Legal Experts in the Field of Gender Equality (2012) Fighting Discrimination on the Grounds of Pregnancy, Maternity and Parenthood; UK Equality and Human Rights Commission (2016) Pregnancy and Maternity-Related Discrimination and Disadvantage.
(35) Il-Kummissjoni ser tappoġġa b’mod partikolari l-infurzar tad-Direttiva eżistenti 92/85/KEE (id-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità).
(36)  Plantenga, J., Remery, C. and EU expert Group on Gender and Employment (2010) Flexible working time arrangements and gender equality. A comparative review of 30 European countries.
(37) https://www.eurofound.europa.eu/observatories/eurwork/articles/working-conditions-industrial-relations/policies-to-improve-work-life-balance-0 Sabiex jiġi promoss il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, hu importanti li l-flessibbiltà tkun favorevoli għall-impjegat, jiġifieri li l-impjegati jżommu l-kontroll fuq ċerti dimensjonijiet tal-impjieg bħas-sigħat tax-xogħol. Ara pereżempju: Eurofound (2015) Policies to improve work-life balance.
(38)  Eurydice (2014) Policy Brief Early Childhood Education and Care.
(39)  Konklużjonijiet tal-Presidenza, Kunsill Ewropew ta’ Barċellona, Marzu 2002. http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/71025.pdf
(40)  Ma jeżisti l-ebda parametru referenzjarju fil-livell tal-UE fl-oqsma tas-servizzi għall-indokrar barra mill-iskola u tal-kura fit-tul.
(41)  Dan juri l-importanza ta’ servizzi barra mill-iskola. Dawn is-servizzi jipprovdu firxa ta’ attivitajiet lil tfal fl-iskejjel ta’ qabel il-primarji u fl-iskejjel primarji qabel, bejn (l-ikla ta’ nofsinhar) u wara s-sigħat tal-iskola, kif ukoll matul il-vaganzi tal-iskola. It-tfassil tal-forniment ta’ servizzi barra mill-iskola hu eżerċizzju kumplikat, madankollu jidher li l-varjazzjoni fis-servizzi barra mill-iskola hi pjuttost kbira - parzjalment bħala riżultat tad-differenzi fis-sistema ta’ edukazzjoni. L-iżvilupp ta’ dejta armonizzata aktar dettaljata dwar servizzi barra mill-iskola jista’ jkun ferm utli biex jiġi mmonitorjat u vvalutat il-forniment ta’ dawn is-servizzi. http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/documents/130910_egge_out_of_school_en.pdf
(42)  Stima ta’ 26.9% tat-tfal fl-UE-28 kienu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali fl-2015. Eurostat (2017) http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Children_at_risk_of_poverty_or_social_exclusion  
(43)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni: L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ" (2013) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:32013H0112  
(44)  International Trade Union Confederation (2016) Investing in the Care Economy. https://www.ituc-csi.org/investing-in-the-care-economy-a  
(45)  European Social Policy Network (2016) Work-life balance measures for persons of working age with dependent relatives in Europe – Synthesis report.
(46)  OECD (2016) Who uses childcare? Background brief on inequalities in the use of formal early childhood education and care (ECEC) among very young children. http://www.oecd.org/els/family/Who_uses_childcare-Backgrounder_inequalities_formal_ECEC.pdf  
(47)  Hemm bżonn ukoll li tingħata informazzjoni lill-ġenituri dwar il-benefiċċji tal-edukazzjoni u l-indokrar bikrin tat-tfal għall-iżvilupp ġenerali tat-tfal, ta’ ħiliet konjittivi u ta’ saħħa ta’ kwalità tajba.
(48)  Ġew allokati EUR 1.5 biljun għall-prijorità ta’ investiment “ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel” li hi usa’ mill-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
(49)  FEŻR jappoġġa l-investimenti fl-infrastruttura tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal permezz ta’ EUR 1.3 biljun fil-perjodu ta’ pprogrammar ta’ bejn l-2014 u l-2020.
(50)  Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) qed jgħin fil-finanzjament ta’ proġetti ta’ infrastruttura u ta’ innovazzjoni kif ukoll lill-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Is-servizzi privati għall-indokrar jistgħu jiksbu finanzjament minn din l-aħħar kategorija, “it-tieqa tal-SMEs”.
(51)  Il-FAEŻR jista’ jappoġġa l-investiment fis-servizzi bażiċi inklużi l-faċilitajiet għall-indokrar tat-tfal u l-faċilitajiet għall-indokrar tal-anzjani.
(52)  Is-servizzi għall-indokrar jistgħu jkunu appoġġati wkoll mill-FEMS permezz ta’ miżuri ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-komunità (Gruppi ta’ Azzjoni Lokali tas-Sajd).
(53) FSIE jinkludu FSE, FEŻR, EARDF, FEMS u l-Fond ta’ Koeżjoni
(54)  Bettio, F., Verashchagina, A. and EU Expert Group on Gender and Employment (2009) Fiscal system and female employment in Europe. http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=5545&langId=en
(55)  Il-Kummissjoni Ewropea (2015) It-tieni sors ta' dħul u l-politiki fiskali fl-Ewropa. http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/documents/150511_secondary_earners_en.pdf