Brussell, 26.4.2017

COM(2017) 250 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

{SWD(2017) 200 final}
{SWD(2017) 201 final}
{SWD(2017) 206 final}


Irridu nżidu l-ħidma tagħna favur suq tax-xogħol ġust u tassew pan-Ewropew. Bħala parti minn dawn l-isforzi, se nkun irrid niżviluppa Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jqis il-bidla fir-realtajiet fis-soċjetajiet tal-Ewropa u fid-dinja tax-xogħol. U li jista’ jservi bħala kumpass għall-konverġenza mġedda fiż-żona tal-ewro. Dan il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jikkumplimenta dak li aħna diġà ksibna flimkien rigward il-protezzjoni tal-ħaddiema fl-UE. Nemmen li nagħmlu tajjeb li nibdew b’din l-inizjattiva fiż-żona tal-ewro, filwaqt li nippermettu lill-Istati Membri l-oħra tal-UE jingħaqdu magħha jekk ikunu jridu. 

Il-President Jean-Claude Juncker, id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni,

il-Parlament Ewropew, id-9 ta’ Settembru 2015



1. Introduzzjoni

Il-bini ta’ Unjoni aktar inklussiva u aktar ġusta hi prijorità ewlenija għal din il-Kummissjoni Ewropea 1 . Minn meta l-President Juncker ħabbar l-istabbiliment ta’ Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni impenjat ruħha b’mod attiv mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-livelli kollha. F’Marzu 2016, ippreżentat qafas preliminari tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u nediet konsultazzjoni pubblika wiesgħa biex tiġbor rispons 2 . F’Jannar 2017, biex tiġi konkluża l-konsultazzjoni ġiet organizzata konferenza ta’ livell għoli, li tibni fuq l-avvenimenti u r-rispons tal-partijiet ikkonċernati minn madwar l-Ewropa 3 . 

Illum, il-Kummissjoni qed tippreżenta r-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni pubblika, flimkien mal-proposta finali tagħha għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Pilastru jistabbilixxi għadd ta’ prinċipji u drittijiet ewlenin biex jiġu appoġġati s-swieq tax-xogħol u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jaħdmu tajjeb. Kif enfasizzat fir-Rapport tal-Ħames Presidenti bl-isem Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, 4 dan hu essenzjali wkoll biex jinbnew strutturi ekonomiċi aktar reżiljenti. Din hi r-raġuni għaliex il-Pilastru hu mfassal bħala kumpass għal proċess imġedded ta’ konverġenza lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar fost l-Istati Membri parteċipanti. Hu maħsub primarjament għaż-żona tal-euro iżda huwa miftuħ għall-Istati Membri kollha tal-UE.

It-twettiq ta’ dawn il-prinċipji u d-drittijiet huwa responsabbiltà konġunta. Ħafna mill-għodod meħtieġa biex jitwettaq il-Pilastru huma f’idejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll f’idejn is-sħab soċjali, u s-soċjetà ċivili b’mod ġenerali. L-Unjoni Ewropea – u b’mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea – tista’ tgħin billi tfassal il-qafas, tagħti d-direzzjoni u tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi, b’rispett sħiħ tal-ispeċifiċitajiet taċ-ċirkostanzi nazzjonali u tal-istrutturi istituzzjonali. Għalkemm dan hu essenzjali, jeħtieġ li azzjoni fil-livell tal-UE tiġi appoġġata u segwita fil-livelli kollha ta’ responsabbiltà.

Id-diskussjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa hi parti mid-dibattitu usa’ mniedi dwar il-futur tal-UE27 Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa 5  
bdiet diskussjoni wiesgħa dwar x’futur nixtiequ għalina nfusna, għal uliedna u għall-Ewropa. Id-dokument ta’ riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, 6 ippubblikat flimkien mal-pakkett dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jiffoka fuq it-trasformazzjonijiet profondi li se jgħaddu minnhom is-soċjetajiet Ewropej u d-dinja tax-xogħol fl-għaxar snin li ġejjin, u jistabbilixxi għadd ta’ għażliet dwar kif nistgħu nirrispondu b’mod kollettiv, billi nibnu Ewropa li tipproteġi, tagħti s-setgħa u tiddefendi. Id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma adottata mill-mexxejja tal-UE
fil-25 ta’ Marzu 2017 spjegat l-importanza ta’ Ewropa soċjali. Is-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir, li se jsir f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, se jkun opportunità ulterjuri biex dawn l-ideat jitmexxew ’il quddiem.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tispjega triq ’il quddiem għall-implimentazzjoni tiegħu. Il-Komunikazzjoni hi akkumpanjata minn għadd ta’ inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, mal-informazzjoni għall-ħaddiema, mal-aċċess għall-protezzjoni soċjali u mal-ħin tax-xogħol. Fil-loġika tal-Pilastru, dawn il-proposti, ladarba jiġu adottati, se jaġġornaw u jikkomplementaw l-acquis tal-UE. It-test innifsu tal-Pilastru hu sostnut minn dokument ta’ ħidma tal-persunal li jipprovdi spjegazzjonijiet aktar dettaljati dwar kull wieħed mill-prinċipji u mid-drittijiet 7 . Barra minn hekk, ġiet stabbilita tabella ta’ valutazzjoni soċjali biex timmonitorja l-progress reali 8 . Din se sservi biex issegwi x-xejriet u l-prestazzjonijiet madwar il-pajjiżi u biex tinforma l-gwida tal-politika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Għall-UE inġenerali, it-tabella ta’ valutazzjoni se sservi wkoll għall-valutazzjoni tal-progress lejn il-klassifikazzjoni soċjali tagħha “AAA”.



2. Ir-raġunament wara l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali hu ppreżentat b’kunsiderazzjoni tar-realtajiet tal-lum u ta’ għada. Minkejja t-titjib riċenti fil-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali madwar l-Ewropa, l-effetti tal-kriżi tal-aħħar għaxar snin għadhom estensivi, minn qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ għal riskji ta’ faqar f’ħafna partijiet tal-Ewropa. Fl-istess waqt, kull Stat Membru qed jaffaċċja l-bidliet rapidi li qed iseħħu fis-soċjetajiet tagħna u fid-dinja tax-xogħol. 
Kif imfakkar fid-dokument ta’ riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, hemm sfidi daqs kemm hemm opportunitajiet. L-UE għandha l-aktar sistemi ta’ protezzjoni soċjali avvanzati fid-dinja u l-ġid tal-aqwa prattiki u innovazzjonijiet soċjali, iżda jeħtieġ li tikkonfronta u tadatta għal sfidi tas-soċjetà bla preċedent.

F’dan il-kuntest, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jirrigwarda l-għoti ta’ drittijiet ġodda u aktar effettivi liċ-ċittadini. L-20 prinċipju u dritt stabbiliti fil-Pilastru huma strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Huma jixħtu l-attenzjoni fuq kif titwettaq il-wegħda fit-Trattati ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, li timmira għal-livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali. Għalkemm il-prinċipji u d-drittijiet huma kondiviżi, wieħed ma jistax jassumi li dawn jistgħu jitwettqu b’approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”: il-Pilastru jirrikonoxxi d-diversità tas-sitwazzjonijiet u tal-mezzi differenti disponibbli biex jinkisbu dawn l-għanijiet komuni.

Il-proposta finali tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ppreżentat illum ibbenefikat mill-kontribuzzjonijiet numerużi li nġabru matul il-konsultazzjoni pubblika (ara l-Kaxxa 1). Wara l-konsultazzjoni, ġew irfinati għadd ta’ parametri meta mqabbla mal-qafas preliminari ta’ Marzu 2016.

Kaxxa 1. Il-Konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Minn Marzu sa Diċembru 2016, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika biex tiġbor rispons dwar qafas preliminari tal-Pilastru. Din kienet ukoll opportunità biex tirrifletti dwar il-futur tax-xogħol u tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, dwar jekk l-“acquis” legali tal-UE kienx għadu adegwat għall-iskop, u dwar ir-rwol possibbli tal-Pilastru fil-governanza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Il-konsultazzjoni ppermettiet diskussjoni wiesgħa mal-Istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, mal-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, mal-esperti u mas-soċjetà ċivili b’mod ġenerali. Is-sħab soċjali kellhom
rwol speċifiku permezz ta’ seduti ta’ smigħ dedikati li jinvolvu l-UE, l-organizzazzjonijiet transindustrijali nazzjonali u l-federazzjonijiet settorjali tal-UE. Saru aktar minn 60 avveniment dedikat madwar l-Ewropa, li involvew aktar minn 2,500 parteċipant. Fuq livell nazzjonali, saru avvenimenti ta’ konsultazzjoni dedikati fis-27 Stat Membru. Ġew irċevuti aktar minn 16,500 risposta għall-kwestjonarju dedikat online. Fit-23 ta’ Jannar 2017 saret konferenza ta’ livell għoli biex tagħlaq il-proċess ta’ konsultazzjoni.

Il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar il-Pilastru fid-19 ta’ Jannar 2017 9 . Fil-11 ta’ Ottubru 2016 il-Kumitat tar-Reġjuni 10 adotta Opinjoni u fil-25 ta’ Jannar 2017 għamel dan il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 11 . Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kontribuzzjonijiet minn 21 gvern nazzjonali 12 u l-ministri ddiskutew il-Pilastru f’diversi sessjonijiet tal-Kunsill.

Il-konsultazzjoni identifikat erba’ xejriet wiesgħa li l-Pilastru għandu jindirizza: (i) il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, inkluż il-faqar u l-esklużjoni li dejjem qed jiżdiedu, l-inugwaljanzi u l-qgħad, it-tkabbir baxx u l-kompetittività; (ii) il-futur tax-xogħol u s-suq tax-xogħol diġitali emerġenti; (iii) l-iżviluppi demografiċi, jiġifieri t-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-Ewropa; u
(iv) id-diverġenza ekonomika madwar l-Istati Membri. Dan it-tħassib iggwida t-tfassil tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ppreżentat illum.

B’mod ġenerali, il-konsultazzjoni wriet appoġġ għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bħala opportunità biex tinkiseb Ewropa aktar soċjali. Fl-istess waqt, ikkonfermat li l-isfidi ekonomiċi u soċjali tal-Ewropa huma marbutin flimkien u jeħtieġu azzjoni konsistenti fil-livelli kollha. B’mod partikolari, ħafna minn dawk li wieġbu ġibdu l-attenzjoni lejn il-fatt li l-iskop tal-Pilastru ma għandux ikun li ssir armonizzazzjoni tal-politika soċjali madwar l-UE.

Sommarju aktar dettaljat tal-konsultazzjoni hu ppreżentat fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal ippubblikat flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni 13 .



Dawn l-isfidi jieħdu tifsira speċifika għat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, kif enfasizzat fir-Rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015 14 . Dan mhuwiex biss bżonn soċjali, iżda wkoll obbligu ekonomiku. Il-kundizzjonijiet soċjali u tal-impjiegi jvarjaw ħafna madwar iż-żona tal-euro, parzjalment bħala riżultat tal-kriżi iżda wkoll bħala riżultat tal-iżbilanċi li nbnew fis-snin ta’ qabel il-kriżi. Kif jindika r-Rapport, swieq tax-xogħol effiċjenti u reżiljenti li jippromwovu livell għoli ta’ impjiegi u li huma kapaċi jassorbu x-xokkijiet mingħajr ma jiġġeneraw qgħad huma essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Maż-żmien, dawn jikkontribwixxu għall-konverġenza tal-prestazzjonijiet bejn l-Istati Membri u għal soċjetajiet aktar inklussivi. Lil hinn mis-swieq tax-xogħol, huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li kull ċittadin ikollu aċċess għal edukazzjoni adegwata u li jkun hemm sistema ta’ protezzjoni soċjali effettiva biex tħares lil dawk l-aktar vulnerabbii fis-soċjetà, inkluż “bażi ta’ protezzjoni soċjali”. Finalment, ir-Rapport jenfasizza l-bżonn li jsir pass ulterjuri u li tingħata spinta għall-integrazzjoni aktar profonda tas-swieq tax-xogħol nazzjonali billi tiġi ffaċilitata l-mobbiltà ġeografika u professjonali. Dan jitlob kundizzjonijiet ekwi ġusti u infurzabbli għall-awtoritajiet pubbliċi, għall-ħaddiema kif ukoll għan-negozji.

Għalhekk, il-Pilastru hu primarjament maħsub għall-Istati Membri taż-żona tal-euro iżda applikabbli għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jkunu parti minnu. 



3. In-natura politika u legali tal-Pilastru

Il-Pilastru ġie ispirat direttament mill-bosta prattiki tajba eżistenti madwar l-Ewropa, u jibni fuq il-korp b’saħħtu ta’ liġijiet li jeżisti fil-livell internazzjonali u tal-UE. Ħafna minn dawn il-valuri diġà kienu stabbiliti fit-Trattati ta’ Ruma fl-1957 u kisbu aktar rikonoxximent globali bil-ħidma ta’ korpi internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti,
l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-Kunsill tal-Ewropa. B’mod partikolari, il-Pilastru huwa bbażat kemm fuq il-Karta Soċjali Ewropea ffirmata f’Turin fit-18 ta’ Ottubru 1961 kif ukoll fuq il-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989, li stabbilew drittijiet soċjali essenzjali. Fl-istess waqt, l-“acquis soċjali” tal-UE żviluppa wkoll matul dawn l-aħħar 30 sena bħala riżultat ta’ dispożizzjonijiet ġodda fit-Trattati tal-UE, tal-adozzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ta’ leġiżlazzjoni ġdida u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar reċentement, l-adozzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU għall-2030 ipprovdiet aġenda ġdida biex jiġu indirizzati l-qerda tal-faqar u d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli b’mod bilanċjat u integrat.

It-test finali wkoll iqis bis-sħiħ il-konsiderazzjonijiet politiċi u l-limitazzjonijiet legali usa’. L-Istati Membri, u għal ħafna dominji s-sħab soċjali, għandhom kompetenzi primarji jew anki esklussivi f’oqsma bħal-liġi tax-xogħol, il-paga minima, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Huma wkoll jerfgħu l-piż tal-finanzjament fl-oqsma koperti mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-prinċipji u d-drittijiet stabbiliti mill-Pilastru jeħtieġ li jiġu implimentati fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri b’rispett sħiħ tal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Dan huwa konformi wkoll mal- prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, li jipprevedu li l-azzjoni fil-livell tal-UE se ssir biss meta l-objettivi jkunu jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni u li din l-azzjoni ma taqbiżx dak li hu neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati. Dawn il-prinċipji jiżguraw li d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib taċ-ċittadini tal-Unjoni u li l-miżuri proposti fil-livell tal-UE jkunu bbażati fuq valur miżjud ippruvat. Dan hu dak li jistennew iċ-ċittadini u huwa l-aktar effettiv u effiċjenti.

Il-Pilastru jtenni d-drittijiet li huma diġà preżenti fl-UE u fl-acquis legali internazzjonali u jikkomplementahom biex jitqiesu r-realtajiet ġodda. Bħala tali, il-Pilastru ma jaffettwax il-prinċipji u d-drittijiet li diġà jinsabu f’dispożizzjonijiet vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni: billi jgħaqqad flimkien id-drittijiet u l-prinċipji li tfasslu fi żminijiet differenti, b’modi differenti u f’forom differenti, hu jfittex li jagħmilhom aktar viżibbli, jinftiehmu aħjar u aktar espliċiti għaċ-ċittadini u għall-atturi fil-livelli kollha.

Billi jagħmel dan, il-Pilastru jistabbilixxi qafas biex tiġi gwidata l-azzjoni futura mill-Istati Membri parteċipanti. Hu għalhekk li l-Pilastru jiġi ppreżentat fil-forma ta’ Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, flimkien ma’ proposta għal proklamazzjoni interistituzzjonali. Ir-Rakkomandazzjoni hi adottata llum mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 292 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Kif kien sar għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-proposta għal proklamazzjoni interistituzzjonali se tiġi diskussa mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

L-implimentazzjoni tal-Pilastru se sseħħ f’sitwazzjonijiet diversi u f’ambjenti soċjoekonomiċi li qed jinbidlu. Filwaqt li jistabbilixxi qafas ta’ referenza, il-Pilastru jitqies bħala strument dinamiku li jagħti spazju biex l-atturi jimmanuvraw fil-livelli kollha biex jaġixxu skont il-kompetenzi tagħhom u biex jaġġornaw l-istrumenti tagħhom fid-dawl tas-sitwazzjonijiet speċifiċi. B’mod partikolari, għandhom jitħeġġu l-esperimentazzjoni tal-politika u l-innovazzjonijiet soċjali sabiex jiġu affaċċjati sfidi ġodda, li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għal kuħadd. Kif indikat aktar ’l isfel, se jittieħdu numru ta’ azzjonijiet u se jissaħħu fil-livell tal-UE sabiex jiġi segwit il-progress.

Il-prinċipji u d-drittijiet stabbiliti fil-Pilastru huma ta’ interess għaċ-ċittadini, għall-awtoritajiet pubbliċi u għas-sħab soċjali fil-livelli kollha. Minħabba n-natura legali tal-Pilastru, dawn il-prinċipji u d-drittijiet mhumiex direttament infurzabbli: jeħtieġu traduzzjoni f’azzjoni dedikata u/jew f’leġiżlazzjoni separata, fil-livell xieraq. Dan jiġi spjegat f’aktar dettall fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja l-Pilastru 15 .

F’ħafna każijiet, il-kwistjoni ewlenija mhijiex ir-rikonoxximent tad-drittijiet iżda pjuttost l-adozzjoni attwali tagħhom. Hemm każijiet fejn iċ-ċittadini ma jistgħux igawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom minħabba nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni, implimentazzjoni jew infurzar ta’ leġiżlazzjoni diġà eżistenti. Din hi r-raġuni għaliex se jkun hemm enfasi importanti tal-istrateġija ta’ segwitu fuq it-tisħiħ tal-infurzar tad-drittijiet eżistenti. Eżempju ta’ din l-azzjoni hu l-valutazzjoni riċenti tal-acquis fil-qasam tas-saħħa u tas-sikurezza okkupazzjonali: intużat konsultazzjoni wiesgħa sabiex tiġi vvalutata l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza u l-koerenza ta’ biċċiet eżistenti ta’ leġiżlazzjoni u biex titfassal strateġija biex tiġi żgurata protezzjoni aktar effettiva tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema, li tqis il-piżijiet amministrattivi tal-bżonnijiet speċifiċi tal-SMEs 16 .

4. Segwitu fil-livell tal-UE

Meta jitqiesu l-konsiderazzjonijiet politiċi u legali spjegati hawn fuq,
l-implimentazzjoni tal-Pilastru se tkun primarjament ir-responsabbiltà tal-gvernijiet nazzjonali, tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-sħab soċjali fil-livelli kollha. Jekk l-Unjoni għandhiex il-kompetenza legali biex taġixxi qed jiġi spjegat aktar fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament 17 . 
Il-bqija ta’ din it-taqsima tiffoka fuq is-segwitu fil-livell tal-UE.

Fil-livell Ewropew, se jiġu mobilizzati l-istrumenti differenti kollha disponibbli: id-dritt tal-UE, b’enfasi fuq l-infurzar tal-acquis rikk li diġà jeżisti, li se jiġi aġġornat u komplementat fejn meħtieġ; id-djalogu soċjali, biex ikun hemm involviment fil-ħidma tas-sħab soċjali tal-UE u biex din tiġi appoġġata; il-gwida u r-rakkomandazzjonijiet tal-politika, permezz tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika; u l-appoġġ finanzjarju, permezz ta’ diversità ta’ fondi tal-UE. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-Pilastru se tkun sostnuta b’tabella ta’ valutazzjoni soċjali ġdida li tippermetti l-monitoraġġ tal-progress f’termini ta’ prestazzjoni.

L-approvazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Il-Kummissjoni tipproponi li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiġi proklamat solennement b’mod konġunt mill-Istituzzjonijiet tal-UE. Flimkien mal-Parlament Ewropew u mal-Presidenza tal-Kunsill, il-Kummissjoni se tiffaċilita d-diskussjoni fuq il-bażi tal-abbozz tal-proklamazzjoni ppreżentat illum. Is-Summit Soċjali, li se jsir fl-Iżvezja fis-17 ta’ Novembru ta’ din is-sena, se jkun mument ewlieni biex ix-xogħol jitmexxa ’l quddiem, f’konformità mad-diskussjoni usa’ dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa. Sadanittant, ir-Rakkomandazzjoni adottata llum se sservi bħala referenza, u din il-Komunikazzjoni se tippreżenta l-qafas għal azzjonijiet futuri mill-Kummissjoni. Ir-Rakkomandazzjoni adottata llum se tiġi emendata fid-dawl tal-Proklamazzjoni konġunta finali mill-Istituzzjonijiet tal-UE.

L-aġġornament u l-ikkomplementar tad-dritt tal-UE fejn meħtieġ

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tibqa’ essenzjali biex tiżgura d-drittijiet taċ-ċittadini kif stabbiliti fit-Trattati. Għal għadd ta’ prinċipji u drittijiet inklużi fil-Pilastru, se jkunu meħtieġa xi inizjattivi leġiżlattivi ulterjuri sabiex dawn ikunu effettivi. It-tħassib ewlieni u kostanti tal-Kummissjoni hu li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun aġġornata u adegwata għall-iskop. Dan hu rifless f’għadd ta’ inizjattivi riċenti, bħall-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, il-kollokament tal-ħaddiema, ir-reviżjoni tal-Qafas tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fuq ix-xogħol, u tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà biex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern għal prodotti u servizzi aċċessibbli, għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà u persuni anzjani. Il-Pilastru joffri mod ġdid kif jiġi vvalutat jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE tkunx imfassla u rregolata b’mod li jkun adegwat għall-iskop u li tindirizza sfidi ġodda. It-tnedija tal-Pilastru hi akkompanjata bl-ewwel sett ta’ inizjattivi leġiżlattivi relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, mal-aċċess għall-protezzjoni soċjali u mal-informazzjoni għall-ħaddiema. Inizjattivi ulterjuri, f’oqsma koperti mill-prinċipji u d-drittijiet inklużi fil-Pilastru, se jsegwu fil-futur bħala parti mill-proċess ta’ preparazzjoni u diskussjoni tal-Programm ta’ Ħidma annwali tal-Kummissjoni.

L-infurzar aħjar tad-dritt tal-UE

Minbarra l-inizjattivi leġiżlattivi l-ġodda, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiffoka fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti. It-tnedija tal-Pilastru tipprovdi l-opportunità li l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-acquis eżistenti jissaħħu, inkluż permezz ta’ miżuri mhux leġiżlattivi. Din l-implimentazzjoni msaħħa se tinkludi appoġġ għal
aktar sensibilizzazzjoni tad-drittijiet, tal-mekkaniżmi tal-infurzar jew tal-gwida interpretattiva mtejba fejn meħtieġa. L-Aġenda Ewropea riċenti għall-ekonomija kollaborattiva 18 u l-Komunikazzjoni interpretattiva dwar id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol ippubblikati llum huma żewġ eżempji attwali tal-forma li din il-gwida tista’ tieħu 19 . Prinċipalment abbażi tar-rispons mis-sħab soċjali, il-Kummissjoni se tirrevedi wkoll il-lakuni fl-implimentazzjoni u tiddeċiedi dwar l-azzjoni meħtieġa.

L-appoġġ għad-djalogu soċjali fl-UE

Il-Kummissjoni appoġġat it-tnedija mill-ġdid tad-djalogu soċjali fil-livell tal-UE mill-bidu tal-mandat tagħha, billi tagħti impetus ġdid għall-involviment tas-sħab soċjali fil-politika u fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE u għall-promozzjoni tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha. Id-dikjarazzjoni konġunta dwar “Bidu ġdid għad-djalogu soċjali” iffirmata f’Ġunju 2016 mis-sħab soċjali tal-UE, mill-Presidenza tal-Kunsill u mill-Kummissjoni kkonfermat l-impenn konġunt għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-qafas, għall-effettività u għall-kwalità tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha. Il-kooperazzjoni bilaterali bejn l-impjegaturi u t-trade unions hi ewlenija għal djalogu soċjali li jaħdem tajjeb. Il-Ftehim Qafas dwar it-tixjiħ attiv u approċċ interġenerazzjonali ffirmat mis-sħab soċjali fil-livell tal-UE f’Marzu 2017 hu eżempju ta’ kif is-sħab soċjali jistgħu jikkontribwixxu għal governanza aħjar u għal riformi soċjali u ekonomiċi aktar effettivi.

Il-monitoraġġ tal-progress fi ħdan is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika

Il-konsiderazzjonijiet soċjali ġew integrati u msaħħa fis-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika mill-bidu tal-mandat ta’ din il-Kummissjoni. L-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet se jirriflettu u jippromwovu l-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru billi jivvalutaw, jimmonitorjaw u jikkumparaw il-progress li sar lejn l-implimentazzjoni tagħhom. Il-valutazzjoni komparattiva u l-iskambjar tal-aqwa prattiki se jitwettqu għal għadd ta’ oqsma, bħal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi, il-benefiċċji tal-qgħad, il-pagi minimi, id-dħul minimu u l-ħiliet 20 . Il-monitoraġġ tal-progress se jkun appoġġat mit-tabella ta’ valutazzjoni soċjali ġdida li tikkonsisti f’għadd limitat ta’ indikaturi eżistenti ta’ importanza biex jiġu vvalutati l-impjiegi u x-xejriet soċjali 21 . It-tabella ta’ valutazzjoni se tiġi diskussa mal-kumitati rilevanti tal-Kunsill, bil-ħsieb li tiġi inkorporata fir-Rapport Konġunt annwali dwar l-Impjiegi ppubblikat kull ħarifa fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Tista’ ssir ukoll punt ta’ referenza għall-isforzi li jsiru fid-dimensjoni soċjali taż-żona tal-euro u tal-Ewropa b’mod aktar ġenerali.

It-tislit ta’ konklużjonijiet għat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali hu parti mill-isforzi biex jiġi mniedi proċess ġdid ta’ konverġenza fi ħdan il-UEM (l-Unjoni Ekonomika u Monetarja). Dan jibbaża fuq l-idea li l-konverġenza lejn riżultati soċjoekonomiċi, lejn reżiljenza soċjali u lejn ġustizzja aħjar hi l-pedament neċessarju għal Ewropa aktar integrata u stabbli u li din hi urġenti għas-sostenibbiltà tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. B’ħarsa ’l quddiem, is-suċċess futur taż-żona tal-euro jiddependi, fil-parti l-kbira tiegħu, fuq l-effettività tas-swieq tax-xogħol u tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali nazzjonali u fuq il-kapaċità tal-ekonomija li tassorbi u tadatta malajr għax-xokkijiet u li tindirizza b’mod effettiv l-implikazzjonijiet soċjali tagħhom. Dan jiddependi wkoll fuq il-kapaċità tal-ekonomiji nazzjonali li jtejbu l-istandards tal-għajxien u l-potenzjal tat-tkabbir. Dan jeħtieġ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja u swieq tax-xogħol li jaħdmu tajjeb, li jippermettu l-allokazzjoni bla xkiel tar-riżorsi, iżda anki li jkun hemm fis-seħħ sistemi ta’ protezzjoni soċjali mfassla tajjeb sabiex jipprovdu stabbilizzazzjoni awtomatika effettiva, jipprevjenu u jnaqqsu l-faqar, u jappoġġaw l-integrazzjoni mill-ġdid tas-swieq tax-xogħol. F’konformità mar-Rapport tal-Ħames Presidenti, uħud mill-prinċipji u mid-drittijiet stabbiliti mill-Pilastru jistgħu jservu l-għan ta’ standards aktar vinkolanti f’konformità mal-proċess ta’ approfondiment tal-UEM.

L-appoġġ finanzjarju tal-UE

Il-fondi tal-UE, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, se jkomplu jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. B’mod partikolari, il-programmi operattivi tal-2014-2020 fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, kif ukoll programmi finanzjarji ewlenin oħra, bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, Erasmus+, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn se jkollhom rwol ewlieni biex jappoġġaw ħafna prinċipji tal-Pilastru. Il-Pilastru se jkun ukoll referenza għat-tfassil tal-perjodu ta’ programmar finanzjarju tal-UE ta’ wara l-2020. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, mal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex tiżgura li l-finanzjament futur mill-UE jkun immirat għall-prijoritajiet identifikati u li l-Istati Membri jistabbilixxu l-istrutturi neċessarji sabiex jiżguraw li dawn il-fondi jkunu jistgħu jintużaw b’mod sħiħ meta jkunu l-aktar meħtieġa.

5. Konklużjoni

Il-konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali enfassizzat il-firxa tal-kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi li qed jaffaċċjaw l-Ewropa u ż-żona tal-euro b’mod partikolari, iżda kkonfermat ukoll l-isfidi komuni u l-bżonn kondiviż li tittieħed azzjoni, flimkien u b’mod urġenti, biex l-Ewropa terġa’ lura fit-triq lejn tkabbir ekonomiku aktar inklussiv u aktar koeżjoni soċjali. Dawn l-isforzi huma parti integrali tal-aġenda politika u ekonomika aktar wiesgħa mibdija fil-livell Ewopew biex tiġi indirizzata u tingħeleb il-kriżi tal-aħħar għaxar snin.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jressaq prinċipji u drittijiet konkreti, li għandhom jiġu konkretizzati fil-livell tal-UE u nazzjonali. Dan ipoġġi liċ-ċittadini l-ewwel, u jistabbilixxi direzzjoni ’l quddiem kondiviża għal opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u għal protezzjoni u inklużjoni soċjali. Dawn il-prinċipji u d-drittijiet huma wkoll essenzjali għad-dibattitu usa’ dwar il-futur tal-UE27.

L-Istati Membri, l-awtoritajiet pubbliċi tagħhom, is-sħab soċjali fil-livelli kollha u l-Istituzzjonijiet tal-UE jaqsmu responsabbiltà komuni biex jaħdmu għal Ewropa aktar prosperuża u aktar ġusta, fejn l-iżviluppi ekonomiċi u soċjali jmorru id f’id. Il-Pilastru jistabbilixi indikaturi għal azzjonijiet futuri, b’sensiela ta’ inizjattivi tal-UE ppreżentati llum bħala parti minn dan il-pakkett. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib ħafna mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex tiffaċilita l-proklamazzjoni tal-Pilastru, u ma’ partijiet ikkonċernati biex jiġi segwit fil-livelli kollha.

(1)

Ara l-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss, “Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku”, il-15 ta’ Lulju 2014.

(2)

 Ara COM(2016) 127 final tat-8 ta' Marzu 2016.

(3)

 Ara r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika fid-dokument ta’ akkumpanjament SWD(2017) 206 tas-26 ta’ April 2017.

(4)

 Ara r-Rapport tal-Ħames Presidenti bl-isem Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa tat-22 ta’ Ġunju 2015.

(5)

Ara COM(2017) 2025 tal-1 ta’ Marzu 2017.

(6)

Ara COM(2017) 206 tas-26 ta’ April 2017.

(7)

 Ara SWD(2017) 201 tas-26 ta’ April 2017.

(8)

Ara SWD(2017) 200 tas-26 ta’ April 2017.

(9)

2016/2095(INI).

(10)

CDR 2868/2016.

(11)

SOC/542-01902-00-01-ac.

(12)

L-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

(13)

Ara SWD(2017) 206 tas-26 ta’ April 2017.

(14)

Ara “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”, Rapport ta’ Jean-Claude Juncker, b’kooperazzjoni ma’ Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schulz, Ġunju 2015.

(15)

Ara SWD(2017) 201 tas-26 ta’ April 2017. Il-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jikkonċernaw iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza legali.

(16)

Ara COM (2017) 12 tal-10 ta’ Jannar 2017.

(17)

 Ara SWD(2017) 201 tas-26 ta’ April 2017.

(18)

COM(2016) 356 tat-2 ta’ Ġunju 2016.

(19)

C(2017) 2601 tas-26 ta’ April 2017.

(20)

Diġà għaddejja l-ħidma mal-kumitati tal-Kunsill dwar dawn l-oqsma partikolari.

(21)

 Ara SWD(2017) 200 tas-26 ta’ April 2017.