Brussell, 15.5.2017

COM(2017) 234 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent


1.    Introduzzjoni

Dan it-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni 1 tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (id-“Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika”, jew "DVAS") 2 jippreżenta l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tad-DVAS bejn l-2007 u l-2014. Ir-rapport huwa bbażat fuq l-Artikolu 12(3) tad-DVAS u jivvaluta l-implimentazzjoni tad-Direttiva f’dan il-perjodu 3 . Is-sejbiet ta’ dan ir-rapport se jiġu inklużi f’evalwazzjoni tad-DVAS li se titwettaq bħala parti mill-programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) 4 . 

Id-DVAS timplimenta l-prinċipju tal-integrazzjoni u tal-protezzjoni ambjentali stabbilit fl-Artikoli 11 u 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Tistipula livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tgħin sabiex il-konsiderazzjonijiet ambjentali jiġu integrati fil-preparazzjoni u fl-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi. Għal dan il-għan, id-Direttiva teħtieġ li ssir valutazzjoni ambjentali tal-pjanijiet u tal-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

Id-DVAS ma tistabbilix standards ambjentali li jistgħu jitkejlu. Hija essenzjalment direttiva ta’ proċess, li tistabbilixxi ċerti passi li l-Istati Membri jridu jsegwu meta jidentifikaw u jivvalutaw l-effetti ambjentali. Il-proċess ta’ valutazzjoni ambjentali strateġika (VAS) għandu l-għan li jgħin lil min ifassal il-politika jieħu deċiżjonijiet infurmati tajjeb, ibbażati fuq informazzjoni oġġettiva u fuq ir-riżultati ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku/mal-partijiet ikkonċernati u mal-awtoritajiet rilevanti. L-applikazzjoni tar-rekwiżiti ewlenin tad-DVAS u r-relazzjoni tagħha ma’ Direttivi oħra huma deskritti fis-Sezzjonijiet 2 u 3 rispettivament.

2.    Status tal-implimentazzjoni

2.1.    Arranġamenti legali u amministrattivi fl-Istati Membri

L-Istati Membri kollha ttrasponew id-DVAS. Il-qafas leġiżlattiv li jittrasponi d-DVAS ivarja bejn l-Istati Membri u jiddependi mill-istruttura u l-arranġamenti amministrattivi tagħhom. Xi Stati Membri ttrasponew id-DVAS permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika, filwaqt li oħrajn integraw ir-rekwiżiti tagħha f’dispożizzjonijiet eżistenti, inklużi dawk li jittrasponu d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (id-“Direttiva dwar il-VIA”) 5 . Mill-2007, aktar minn nofs l-Istati Membri emendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li tittrasponi d-DVAS sabiex jassiguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom jikkonformaw mad-Direttiva u sabiex isolvu każijiet ta’ applikazzjoni mhux korretta.

Il-karatteristiċi amministrattivi speċifiċi ta’ kull Stat Membru influwenzaw l-arranġamenti organizzattivi li huma stabbilew sabiex jittrasponu u jimplimentaw id-Direttiva. Ġeneralment l-awtorità li tiżviluppa u tadotta l-pjanijiet u l-programmi hija responsabbli wkoll biex twettaq il-proċedura tal-VAS. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-Ministeru tal-Ambjent jew aġenzija ambjentali huma kkunsidrati bħala “awtoritajiet li għandhom ikunu kkonsultati li, permezz tar-responsabbiltajiet ambjentali speċifiċi tagħhom, x'aktarx ikunu milquta mill-effetti ambjentali ta' l-implimentazzjoni tal-pjanijiet jew il-programmi” (l-Artikolu 6(3) DVAS). F’xi Stati Membri, l-awtoritajiet ambjentali għandhom aktar responsabbiltajiet u huma responsabbli mit-tmexxija tal-proċedura tal-VAS. Xi Stati Membri ħatru korp sabiex jissorvelja u jikkontrolla l-kwalità tad-dokumentazzjoni u r-riżultati tal-proċedura tal-VAS.

L-Istati Membri jgawdu diskrezzjoni wiesgħa fit-teħid tad-deċiżjonijiet (l-Artikolu 8) u fl-arranġamenti għall-għoti ta’ informazzjoni dwar id-deċiżjoni ladarba titlesta l-proċedura tal-VAS (l-Artikolu 9). F’xi Stati Membri, l-awtoritajiet ambjentali huma intitolati li joħorġu att amministrattiv (bħal deċiżjoni). Id-deċiżjoni tista’ tkun vinkolanti fuq il-kontenut tal-pjanijiet u tal-programmi jew tinħareġ sempliċement bħala att mhux vinkolanti.

2.2.    Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAS

B’mod ġenerali, l-Istati Membri ttrasponew u implimentaw id-DVAS skont l-għanijiet u r-rekwiżiti tagħha, u ma sabux diffikultajiet sabiex jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QtĠ-UE) ipprovdiet ġurisprudenza komprensiva relatata mad-DVAS, u b’hekk iffaċilitat l-applikazzjoni tagħha. Il-QtĠ-UE kkonfermat l-interpretazzjoni wiesgħa tat-termini u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 6 . Pereżempju:

-    “Pjan u programm” soġġett għal VAS (l-Artikolu 2)

Id-DVAS ma tiddefinix it-termini “pjanijiet u programmi” iżda pjuttost tikkwalifikahom. Fl-ewwel sentenza 7 li eżaminat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-DVAS, il-QtĠ-UE kkjarifikat li s-sempliċi fatt li l-pjanijiet u l-programmi jiġu adottati fil-forma ta’ liġi ma jeskludihomx mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 8 . Barra minn hekk, pjanijiet u programmi li jkunu meħtieġa skont dispożizzjonijiet nazzjonali jew regolatorji li jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti u l-proċedura, iżda li l-adozzjoni tagħhom ma tkunx obbligatorja, xorta jistgħu jkunu soġġetti għad-DVAS jekk huma jissodisfaw il-kriterji rilevanti stabbiliti fid-Direttiva 9 . Fejn ikun hemm xi dubju, id-distinzjoni bejn il-pjanijiet u l-programmi u miżuri oħra għandha ssir b’referenza għall-għan speċifiku stabbilit fl-Artikolu 1 tad-DVAS, jiġifieri li pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent huma soġġetti għal valutazzjoni ambjentali 10 .

Rigward id-definizzjoni tal-pjanijiet u l-programmi, kważi nofs l-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 3(2) tad-DVAS kelma b’kelma. Ħafna minnhom aġġustaw it-tip jew l-isem tal-ippjanar settorjali sabiex jikkunsidraw arranġamenti nazzjonali speċifiċi.

-    “Stabbiliment tal-qafas” (l-Artikolu 3(2))

Il-pjanijiet u l-programmi li għalihom tkun meħtieġa VAS għandhom jistabbilixxu l-qafas għall-permessi ta’ żvilupp fil-ġejjieni ta’ proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva dwar il-VIA. Kważi l-Istati Membri kollha ttrasponew it-terminu “stabbiliment tal-qafas” kelma b’kelma, billi ħafna drabi żviluppawh f’att leġiżlattiv jew f’dokumenti ta’ gwida. Il-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE kkonfermat li dan it-terminu jrid jirrifletti l-għan tad-DVAS b’kont meħud tal-effetti ambjentali ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tistabbilixxi rekwiżiti għall-permess ta’ żvilupp fil-ġejjieni ta’ proġetti 11 . Għalhekk jista’ jingħad li l-pjanijiet u l-programmi jistabbilixxu qafas għad-deċiżjonijiet li jinfluwenzaw kwalunkwe permess ta’ żvilupp sussegwenti ta’ proġetti, b’mod partikolari fir-rigward tal-post, in-natura, id-daqs u l-kundizzjonijiet operattivi jew l-allokazzjoni tar-riżorsi.

-    Skrutinju

L-Artikolu 3(4) u (5) tad-DVAS jistabbilixxi l-proċess li bih jiġi determinat jekk hux probabbli li l-pjanijiet u l-programmi jkollhom effetti ambjentali sinifikanti u għalhekk jeħtieġu VAS. L-Istati Membri jridu jqisu l-kriterji tas-sinifikat stabbiliti fl-Anness II tad-DVAS. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew l-Anness II kelma b’kelma u japplikaw approċċ ta’ skrutinju każ b’każ. Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni fl-iskrutinju ta’ ċerti pjanijiet u programmi huwa limitat mill-objettiv ġenerali tad-Direttiva 12 , jiġifieri li tassigura livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali.

2.3.    Definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni (l-Artikolu 5(4))

Il-firxa u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni li għandha tiġi koperta fir-rapport ambjentali tissejjaħ “definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni”. L-Istati Membri jgawdu diskrezzjoni wiesgħa fl-organizzazzjoni tal-fażi tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ VAS, limitata mill-obbligu biss li jikkonsultaw lill-awtoritajiet b’responsabbiltajiet ambjentali speċifiċi.

F’xi Stati Membri, il-preparazzjoni tar-rapport tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni hija obbligatorja. Il-kontenut u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni ppreżentata fir-rapport tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri, u xi wħud jistipulaw il-kontenut tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

L-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri differenti għandhom rwol differenti fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni. L-awtoritajiet ambjentali għandhom, bħala rekwiżit minimu, jiġu kkonsultati fl-istadju tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni. Madankollu, f’xi Stati Membri huma japprovaw ukoll id-dokumentazzjoni tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni.

2.4.    Rapport ambjentali (l-Artikolu 5 u l-Anness I)

L-Anness I tad-DVAS jipprovdi l-kontenut minimu tar-rapport ambjentali. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dan ir-rapport ikun ta’ kwalità suffiċjenti. Kważi nofs l-Istati Membri estendew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Pereżempju, xi Stati Membri jirrikjedu li r-rapport ambjentali jinkludi valutazzjoni ta’ ċerti fatturi ekonomiċi u soċjali li jistgħu jkunu rilevanti fl-implimentazzjoni tal-pjan. Stati Membri oħra jirrikjedu espliċitament li r-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi jiġu inklużi fir-rapport ambjentali. Rigward il-kontenut tas-sommarju mhux tekniku tar-rapport, kważi l-Istati Membri kollha ttrasponew id-dispożizzjoni rilevanti tad-Direttiva kelma b’kelma.

L-Istati Membri sabu żewġ tipi ta’ sfidi fil-preparazzjoni tar-rapport ambjentali:

   i.    id-disponibbiltà u l-kwalità tad-dejta;

   ii.    l-għarfien u l-esperjenza teknika tal-esperti li ppreparaw ir-rapport u tal-awtoritajiet responsabbli mill-eżami tal-kwalità tiegħu.

-    Informazzjoni bażi

Xi Stati Membri ttrasponew ir-rekwiżiti tal-Anness I(b) kelma b’kelma; oħrajn żviluppaw dokumenti ta’ gwida sabiex jiffaċilitaw il-ġbir tal-informazzjoni bażi. Kważi żewġ terzi tal-Istati Membri rrappurtaw li r-rilevanza, id-disponibbiltà u l-livell ta’ dettall tad-dejta li trid tinġabar jippreżentaw diffikultà meta tinġabar l-informazzjoni bażi, pereżempju dik relatata mal-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima 13 . L-esperjenza turi li l-kwalità tal-informazzjoni bażi hija aħjar għal pjanijiet u programmi fuq skala żgħira minħabba l-karattru tagħhom speċifiku għall-post.

-    Alternattivi raġonevoli (l-Artikolu 5(1))

Id-DVAS ma tiddefinix it-terminu “alternattivi raġonevoli”, u lanqas it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri ma tagħmel hekk. Bosta Stati Membri ppreparaw dokumenti ta’ gwida nazzjonali sabiex jagħmluha aktar faċli li jiġu identifikati u magħżula l-alternattivi raġonevoli fil-proċedura tal-VAS. Ma hemm l-ebda approċċ komuni għad-definizzjoni tat-tipi u n-numru ta’ alternattivi li għandhom jiġu valutati. Dan jiddependi mill-objettivi, il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku u l-kontenut ta’ kull sett ta’ pjanijiet u programmi. Madankollu, l-aktar tliet kategoriji komuni ta’ alternattivi għall-Istati Membri huma:

   i.    alternattivi tal-post;

   ii.    alternattivi kwalitattivi u kwantitattivi (bidla fl-iskala jew fid-daqs tal-intervent fl-ambjent);

   iii.    alternattivi tekniċi (relatati mad-disinn tal-proġetti futuri li għandhom jiġu żviluppati fuq sit magħżul).

L-Istati Membri dejjem jikkunsidraw l-“alternattiva żero” 14 fir-rapport ambjentali, iżda l-approċċ għall-implimentazzjoni jvarja. Xi Stati Membri, din iqisuhabħala waħda mill-“alternattivi raġonevoli”, filwaqt li oħrajn iqisuha bħala parti awtonoma tar-rapport ambjentali, u mhux neċessarjament marbuta mal-alternattivi raġonevoli, iżda pjuttost mal-informazzjoni bażi.

Sabiex tiġi assigurata l-konformità fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-DVAS, l-alternattivi li jiġu valutati jridu jkunu raġonevoli meta jitqiesu l-għanijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-pjanijiet u l-programmi qabel ma jiġi stabbilit il-kontenut finali tagħhom. Kif innotaw ukoll l-Istati Membri, minħabba l-ispeċifiċitajiet fil-preparazzjoni tal-pjanijiet u l-programmi, l-identifikazzjoni tal-alternattivi raġonevoli tista’ tkun ta’ sfida. Pereżempju, hija ta’ sfida biex jiġu identifikati u valutati l-alternattivi raġonevoli fl-istadju tal-ippjanar jew minħabba li l-pjanijiet u l-programmi jindirizzaw b’mod strateġiku kwistjoni partikolari, jew minħabba l-kontenut ġenerali tal-pjanijiet u l-programmi.

2.5.    Konsultazzjoni (l-Artikolu 6)

L-Istati Membri għandhom diskrezzjoni konsiderevoli kif jorganizzaw il-proċess ta’ informazzjoni u konsultazzjoni mal-pubbliku u l-awtoritajiet rilevanti fl-istadji differenti tal-proċedura tal-VAS. Huma għandhom jassiguraw li sseħħ proċedura bikrija u effettiva ta’ konsultazzjoni u li din tkun konformi wkoll mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus 15 .

-    Perjodi taż-żmien

Id-DVAS ma tispeċifikax il-perjodi taż-żmien għall-proċedura ta’ konsultazzjoni, iżda pjuttost titlob li l-konsultazzjoni ssir f’“limitu ta’ żmien li jkun xieraq” (l-Artikolu 6(2)). Ġeneralment il-perjodi taż-żmien għall-konsultazzjoni mal-awtoritajiet ambjentali jkunu l-istess bħal dawk għall-konsultazzjoni mal-pubbliku. Il-QtĠ-UE 16 kkonfermat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tippreskrivi limiti ta’ żmien, bil-kundizzjoni li dawn ma jipprekludux l-opportunitajiet effettivi tal-pubbliku u tal-awtoritajiet sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom.

-    L-informazzjoni dwar l-iskrutinju/dwar id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tkun disponibbli għall-pubbliku

L-Istati Membri kollha jinfurmaw lill-pubbliku dwar ir-riżultati tal-proċedura ta’ skrutinju. Din l-informazzjoni ġeneralment titħabbar fuq is-sit elettroniku ddedikat għall-pjanijiet u l-programmi speċifiċi, jew is-sit elettroniku tal-awtoritajiet ambjentali, speċjalment jekk dawn jieħdu d-deċiżjoni finali. Id-deċiżjoni tal-iskrutinju tiġi ppubblikata wkoll f’gazzetti, ġurnali uffiċjali, eċċ.

F’xi Stati Membri l-pubbliku jiġi involut fl-istadju tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni, billi jirċievi informazzjoni, u billi jkollu l-opportunità li jipprovdi kummenti bil-miktub jew jipparteċipa fil-konsultazzjonijiet dwar id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni.

-    Konsultazzjoni mal-awtoritajiet ikkonċernati (l-Artikolu 6(3))

L-Istati Membri kollha jikkonsultaw lill-awtoritajiet dwar ir-rapport ambjentali u l-abbozz tal-pjanijiet u l-programmi. F’xi Stati Membri, l-awtorità ambjentali għandha r-rwol ta’ intermedjarju bejn l-awtorità li tiżviluppa l-pjanijiet u l-programmi u l-awtoritajiet l-oħra kollha li jridu jiġu kkonsultati fil-proċedura tal-VAS. L-awtorità ambjentali tassigura wkoll il-kwalità tar-rapport ambjentali.

Il-QtĠ-UE 17 kkjarifikat li huwa neċessarju li tiġi assigurata separazzjoni tal-funzjonijiet fi ħdan l-awtorità responsabbli għall-konsultazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali. Dan sabiex ikun assigurat li entità amministrattiva interna għall-awtorità jkollha l-awtonomija reali meħtieġa biex tagħti opinjoni oġġettiva dwar il-pjan u l-programm soġġett għall-proċedura tal-VAS.

-    Konsultazzjoni mal-pubbliku dwar ir-rapport ambjentali

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ir-rapport ambjentali jsir pubbliku fl-istess ħin mal-abbozz tal-pjanijiet u l-programmi. Dan jagħti lill-pubbliku żmien suffiċjenti sabiex jesprimi opinjoni u jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-rapport ambjentali qabel ma l-pjanijiet u l-programmi jiġu adottati b’mod formali. L-Istati Membri ġeneralment jippubblikaw avviż dwar il-konsultazzjoni pubblika fuq l-internet. L-avviż jinnota t-titolu tal-pjan u l-programm, l-awtoritajiet responsabbli, u l-post fejn id-dokumenti kollha relatati mal-abbozz tal-pjanijiet u l-programmi, inkluż ir-rapport ambjentali u s-sommarju mhux tekniku tiegħu, ikunu disponibbli għall-konsultazzjoni pubblika. F’xi Stati Membri, ir-rekwiżiti tal-konsultazzjoni huma aktar stretti mid-Direttiva u jinkludu l-organizzazzjoni ta’ laqgħa jew seduta ta’ smigħ għall-konsultazzjoni mal-pubbliku.

Il-konsultazzjoni pubblika hija pass fundamentali fil-proċedura u għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza, l-effiċjenza u l-effettività tal-proċess tal-ippjanar. B’dan il-mod hija tiffaċilita u ttejjeb il-perċezzjoni ġenerali u l-aċċettazzjoni soċjali tal-pjan u l-programm, qabel ma dan jiġi adottat u implimentat.

-    Konsultazzjonijiet transfruntiera (l-Artikolu 7)

L-Istati Membri kollha ħlief tnejn innotaw esperjenza fit-twettiq ta’ konsultazzjonijiet transfruntiera dwar il-VAS, jew bħala parti affettwata, jew bħala parti tal-oriġini, jew it-tnejn li huma. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-awtoritajiet ambjentali huma responsabbli sabiex jorganizzaw dawn il-konsultazzjonijiet.

L-Istati Membri rrappurtaw li l-ostakoli ewlenin fil-konsultazzjoni transfruntiera dwar il-VAS huma l-ispejjeż għat-traduzzjoni tad-dokumenti, il-kwalità tad-dokumentazzjoni tradotta u l-limiti taż-żmien ħafna drabi qosra.

2.6.    Monitoraġġ tal-effetti ambjentali sinifikanti (l-Artikolu 10)

Il-monitoraġġ jippermetti li r-riżultati tal-valutazzjoni ambjentali jiġu mqabbla mar-riżultati mill-implimentazzjoni tal-pjanijiet u l-programmi, b’mod partikolari l-effetti ambjentali sinifikanti. Id-DVAS ma tippreskrivix l-arranġamenti eżatti għall-monitoraġġ tal-effetti ambjentali sinifikanti, il-frekwenza tal-monitoraġġ, il-metodoloġija tiegħu jew il-korpi responsabbli mill-monitoraġġ.

L-Istati Membri nnotaw li l-monitoraġġ jiddependi mill-pjanijiet u l-programmi, u li hemm ċerti tipi ta’ pjanijiet u programmi li għalihom jiġu ppreparati b’mod regolari rapporti tal-monitoraġġ. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma kinux kapaċi jipprovdu informazzjoni dwar il-frekwenza tal-monitoraġġ. Il-monitoraġġ jista’ jkun ibbażat fuq indikaturi standard tal-monitoraġġ, xi drabi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew ikun fuq bażi ta’ każ b’każ. Għad-DVAS, u fejn applikabbli, l-Istati Membri ħafna drabi jużaw l-istrumenti ta’ monitoraġġ ambjentali stabbiliti f’Direttivi oħra, bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, 18 id-Direttiva dwar il-Ħabitats, 19 u d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali 20 . 

3.    Relazzjoni ma’ leġiżlazzjoni u oqsma ta’ politika oħra tal-UE

Id-DVAS għandha rabtiet espliċiti mad-Direttiva dwar il-VIA u d-Direttiva dwar il-Ħabitats. Hija marbuta mill-qrib ukoll ma’ Direttivi oħra li jippreskrivu l-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-DVAS (bħad-Direttivi dwar in-Nitrati, l-Iskart, l-Istorbju, u r-Riskju ta’ Għargħar) 21 . Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, l-Artikolu 11 tad-DVAS jistipula li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri kkoordinati u/jew konġunti meta jkun hemm obbligu kemm skont id-DVAS kif ukoll skont leġiżlazzjoni oħra tal-UE sabiex jiġu valutati l-effetti fuq l-ambjent.

3.1.    Id-Direttiva dwar il-VIA

L-Artikolu 11(2) jistipula li l-proċedura tal-valutazzjoni ambjentali strateġika trid titwettaq mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit skont id-Direttiva dwar il-VIA, jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra tal-UE. Il-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE 22 rrikonoxxiet li l-valutazzjoni ambjentali mwettqa skont id-Direttiva dwar il-VIA hija mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti speċifiċi tad-DVAS u għalhekk ma tistax teħles mill-obbligu li titwettaq valutazzjoni skont id-DVAS jekk din tkun meħtieġa sabiex jiġu mħarsa l-aspetti ambjentali speċifiċi għal dik id-Direttiva. Barra minn hekk, il-QtĠ-UE kkonfermat li l-proċeduri tal-VIA u tal-VAS huma differenti minn xulxin għal numru ta’ raġunijiet. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu mħarsa r-rekwiżiti taż-żewġ Direttivi fl-istess ħin 23 . 

Il-prattika turi li l-limiti bejn iż-żewġ proċeduri mhux dejjem huma ċari u għandhom tendenza li jidħlu f’xulxin, b’mod partikolari fir-rigward ta’ pjanijiet, programmi jew proġetti relatati mal-użu tal-art u/jew l-ippjanar spazjali. Dan minħabba li dawn it-tipi ta’ pjanijiet, programmi jew proġetti jistgħu juru l-karatteristiċi kemm ta’ pjanijiet u programmi kif ukoll ta’ proġett. Sadanittant, l-użu tal-art u/jew il-pjanijiet spazjali huma l-aktar pjanijiet u programmi frekwenti soġġetti għall-proċedura tal-VAS. Fi proċeduri ta’ valutazzjoni bħal dawn, huwa importanti li tiġi assigurata l-konformità kemm mad-DVAS kif ukoll mad-Direttiva dwar il-VIA, speċjalment meta l-Istati Membri jkunu għażlu proċeduri koordinati.

Il-proċeduri kkoordinati jew konġunti huma soġġetti għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri 24 u 10 Stati Membri biss għażlu proċeduri konġunti jew koordinati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

3.2.    Direttiva dwar il-Ħabitats

Bosta Stati Membri jqisu li ma hemmx riskji li jidduplikaw il-valutazzjoni xierqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats mal-VAS. Dan minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni differenti u r-relazzjoni bejn iż-żewġ proċeduri. Il-QtĠ-UE kkjarifikat li d-DVAS tapplika fuq il-merti proprji tagħha jekk il-prekundizzjonijiet li jitolbu valutazzjoni skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats jiġu ssodisfati fir-rigward tal-pjanijiet u l-programmi 25 .

4.    Pjanijiet u programmi kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (2014-2020)

L-Artikolu 3(9) tad-DVAS jipprovdi li l-pjanijiet u l-programmi kofinanzjati mill-UE jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 26 u r-Regolamenti speċifiċi għall-fondi jirregolaw il-ħames Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 27 (FSIE) rilevanti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Id-DVAS ġiet applikata għall-biċċa l-kbira tal-programmi kofinanzjati mill-FSIE għall-perjodu 2014-2020, billi dawn jistabbilixxu qafas għall-permess fil-ġejjieni ta’ proġetti.

Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni tejjeb l-applikazzjoni tad-DVAS b’żewġ modi. L-ewwel nett, skont l-Artikolu 55(4) tar-Regolament “fejn xieraq, l-evalwazzjoni għandha tinkludi r-rekwiżiti għall-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika”. Il-Kummissjoni ppreparat dokumenti ta’ gwida 28 sabiex tiffaċilita l-evalwazzjoni ex ante. Id-dokumenti ta’ gwida jipprovdu li l-VAS trid titwettaq kmieni fil-preparazzjoni tal-pjanijiet u l-programmi u trid titlesta qabel ma dawn jiġu adottati.

It-tieni nett, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni introduċa l-kondizzjonalitajiet ex ante bħala element ġdid tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. L-għan tal-kondizzjonalitajiet ex ante huwa li jassiguraw li jkun hemm fis-seħħ il-prerekwiżiti neċessarji għall-użu effettiv u effiċjenti tal-konfinanzjament tal-UE u li jassiguraw l-applikazzjoni effettiva tad-Direttivi dwar il-VIA u dwar il-VAS. Il-kondizzjonalitajiet ex ante ġenerali jinkludu arranġamenti li jassiguraw l-applikazzjoni effettiva tad-DVAS. Ftit Stati Membri kellhom jemendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. B’riżultat ta’ dan, ġie kkjarifikat il-qafas regolatorju relatat mal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali u ġew imsaħħa l-għarfien u l-ħiliet tal-awtoritajiet li japplikaw id-DVAS. Ir-Regolament introduċa wkoll kondizzjonalità ex ante tematika għas-settur tat-trasport, li titlob master plans komprensivi u programmi għall-investiment fit-trasport, li jikkonformaw mar-rekwiżit legali tad-DVAS.

Kważi l-Istati Membri kollha ssodisfaw il-kondizzjonalitajiet ex ante ġenerali fir-rigward tad-DVAS. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri nnotaw li n-natura ġenerali u multisettorjali tal-programmi tal-FSIE kkumplikat il-proċedura tal-VAS, li sikwit kellha tiġi aċċellerata. L-Istati Membri rrimarkaw li l-informazzjoni disponibbli dwar l-effetti sinifikanti probabbli tal-pjanijiet u l-programmi hija pjuttost ġenerali fiż-żmien tal-preparazzjoni u l-adozzjoni tal-pjanijiet u l-programmi tagħhom. Dan kien ostakolu partikolari fil-valutazzjoni tal-impatti tal-programmi transfruntiera. Ftit Stati Membri żviluppaw dokumenti ta’ gwida speċifiċi għat-twettiq tal-VAS għall-pjanijiet u l-programmi tal-FSIE. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri bbażaw fuq il-gwida pprovduta mill-Kummissjoni.

5.    Effettività tad-Direttiva dwar il-VAS

L-effettività tal-implimentazzjoni tad-DVAS tista’ tiġi valutata bħala funzjoni tal-potenzjal tagħha li tinfluwenza kemm il-proċess tal-ippjanar kif ukoll il-kontenut finali tal-pjanijiet u l-programmi. L-Istati Membri kollha rrikonoxxew li l-proċedura tal-VAS influwenzat il-proċess tal-ippjanar tal-anqas sa ċertu livell, u li tejbet il-kwalità tal-pjanijiet u l-programmi. Hemm ukoll fehim komuni u kondiviż fost l-Istati Membri u l-operaturi li l-proċedura tkun aktar effettiva jekk ikun hemm ir-rieda politika sabiex il-proċess tal-ippjanar jiġi influwenzat b’mod effettiv. Dan jassigura li l-konsiderazzjonijiet ambjentali jiġu integrati b’mod sħiħ fi ħdan il-proċess tal-ippjanar u tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Bosta Stati Membri nnotaw li huwa aktar probabbli li l-proċedura tal-VAS tinfluwenza pjanijiet u programmi fuq skala żgħira u reġjonali (eż. l-użu tal-art) pjuttost milli pjanijiet u programmi nazzjonali li d-deċiżjonijiet strateġiċi għalihom ħafna drabi jittieħdu fuq livell politiku u ftit hemm marġni biex dawn jiġu rieżaminati wara l-proċedura tal-VAS. Pereżempju, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrikonoxxew li l-konsiderazzjoni xierqa tal-alternattivi tista’ tinfluwenza l-kontenut tal-pjanijiet u l-programmi, iżda fil-prattika l-alternattivi jiffukaw prinċipalment fuq it-tnaqqis jew il-mitigazzjoni tal-impatti negattivi. Madankollu, miżuri bħal dawn jistgħu effettivament jassiguraw ukoll il-protezzjoni tal-ambjent.

Bosta Stati Membri rrikonoxxew ir-rwol tal-konsultazzjoni pubblika sabiex tiżdied it-trasparenza u l-kredibbiltà tal-valutazzjoni. Dan huwa importanti minħabba li r-riżultati tal-valutazzjoni jridu jiġu kkunsidrati fid-deċiżjoni finali meta jiġu adottati l-pjanijiet u l-programmi. Madankollu, wara 10 snin ta’ implimentazzjoni tad-DVAS, l-Istati Membri nnotaw li l-grad sa fejn ir-riżultati tal-proċedura tal-VAS jiġu kkunsidrati fid-deċiżjoni finali tal-pjanijiet u l-programmi ħafna drabi jiddependi mill-ispeċifiċitajiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u jista’ jvarja minn riflessjoni impenjata tar-riżultati tal-valutazzjoni għal sempliċi rekwiżit proċedurali ta’ mmarkar tal-kaxxi.

6.    Konklużjonijiet

Fil-perjodu 2007-2014, l-Istati Membri ma qajmux tħassib sinifikanti dwar l-implimentazzjoni. Il-QtĠ-UE pprovdiet ġurisprudenza li tikkjarifika r-rekwiżiti tad-DVAS. L-Istati Membri saħħew l-implimentazzjoni tad-Direttiva u kisbu aktar esperjenza fl-applikazzjoni tagħha. Fejn kien meħtieġ, l-Istati Membri emendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom sabiex jassiguraw il-konformità mad-Direttiva.

Il-grad sa fejn id-DVAS hija implimentata fl-Istati Membri jiddependi mill-arranġamenti amministrattivi u legali differenti li jappoġġaw l-applikazzjoni tagħha. Xi wħud mill-isfidi għall-applikazzjoni jirrigwardaw elementi differenti tal-proċedura tal-VAS (bħall-kwalità u d-disponibbiltà tal-informazzjoni użata fir-rapport ambjentali). Dan huwa partikolarment rilevanti għal pjanijiet u programmi li jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet (eż. nazzjonali jew settorjali). Għad hemm inċertezzi dwar xi kunċetti ewlenin bħall-“alternattivi raġonevoli”. Filwaqt li xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ dokumenti ta’ gwida, ir-relazzjoni bejn il-proċeduri tal-VIA u tal-VAS tidher li hija ta’ sfida, partikolarment għall-pjanijiet u l-programmi li għandhom il-karatteristiċi ta’ proġett.

L-Istati Membri kollha għandhom isegwu l-isforzi ta’ implimentazzjoni tagħhom sabiex jassiguraw il-konformità mad-DVAS. Fejn ikun meħtieġ, huma għandhom jieħdu wkoll inizjattivi proattivi, bħal dokumenti ta’ gwida, taħriġ, qsim tal-informazzjoni, u jistabbilixxu databases ta’ informazzjoni ambjentali. Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport, fl-evalwazzjoni li jmiss il-Kummissjoni se tikkunsidra kif jistgħu jiżdiedu l-impatti pożittivi tad-DVAS u jintwerew aħjar il-valur miżjud tal-UE, l-effettività u l-effiċjenza tagħha.

(1)

L-ewwel rapport ġie ppreżentat fl-14.9.2009 (COM(2009) 469).

(2)

ĠU L 197/30, 21.7.2001, p. 30. Il-kelma “strateġika” ma tidhirx fid-DVAS iżda din hija l-aktar referenza komuni u stabbilita għal din id-Direttiva.

(3)

 Aktar informazzjoni tista’ tinstab fl-istudju ta’ sostenn [ http://ec.europa.eu/environment/eia/pdf/study_SEA_directive.pdf ]

(4)

  Http://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/overview-law-making-process/evaluating-and-improving-existing-laws/reducing-burdens-and-simplifying-law/refit-making-eu-law-simpler-and-less-costly_mt. .

(5)

 ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1.

(6)

C-567/10, ECLI:EU:C:2012:159, p. 37, u C-473/14, ECLI:EU:C:2015:582, p. 50.

(7)

C-105/09 u C-110/09, ECLI:EU:C:2010:355.

(8)

Idem, p. 41.

(9)

C-567/10, p. 31.

(10)

C-41/11, ECLI:EU:C:2012:103, p. 40 u C-567/10, p. 30.

(11)

 C-105/09 u C-110/09, ECLI:EU:C:2010:120, p. 60

(12)

C-295/10, ECLI:EU:C:2011:608, p. 47.

(13)

 Is-servizzi tal-Kummissjoni żviluppaw gwida dwar l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-bijodiversità f’Valutazzjoni Ambjentali Strateġika [ http://ec.europa.eu/environment/eia/pdf/SEA%20Guidance.pdf ].

(14)

 L-Anness I(b) tad-DVAS jgħid li r-rapport ambjentali jrid jinkludi informazzjoni dwar l-evoluzzjoni probabbli tal-istat tal-ambjent mingħajr l-implimentazzjoni tal-pjan jew il-programm. Din sikwit tissejjaħ l-“alternattiva żero”.

(15)

 Il-Konvenzjoni tan-NU/KEE dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali.

(16)

C-474/10, ECLI:EU:C:2011:681, p. 50.

(17)

C-474/10, ECLI:EU:C:2011:681, p. 42.

(18)

ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(19)

ĠU L 206, 22.7.92, p. 7.

(20)

ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

(21)

ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1; ĠU L 312, 22.11.2008; ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12; ĠU L 288, 6.11.2007, p. 27.

(22)

C-295/10, p. 58-63.

(23)

Idem, il-paragrafu 61-63.

(24)

Idem, il-paragrafu 65.

(25)

C-177/11, EU:C:2012:378, p. 19-24.

(26)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(27)

Il-fondi SIE jinkludu l-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FSE, il-FAEŻR, u l-FEMS.

(28)

Dokument ta’ gwida dwar l-evalwazzjoni ex ante (FEŻR, Fond ta’ Koeżjoni, FSE)[ http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docoffic/2014/working/ex_ante_en.pdf ]; Linji gwida għall-evalwazzjoni ex ante tal-PO tal-FEMS 2014-2020 [ http://ec.europa.eu/fisheries/sites/fisheries/files/guidelines-ex-ante-evaluation-2014-2020-emff-ops_en.pdf ]; Sinteżi tal-evalwazzjonijiet ex ante tal-PŻR 2014-2020 [ http://ec.europa.eu/agriculture/sites/agriculture/files/evaluation/rural-development-reports/2015/ex_ante_rdp_synthesis_2014_2020/fulltext_en.pdf ].