Brussell, 18.4.2017

COM(2017) 172 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati kkonferita fuq il-Kummissjoni skont id-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati kkonferita fuq il-Kummissjoni skont id-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

1. INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku ( 1 ) (id-Direttiva WEEE) tistabbilixxi regoli dwar il-ġestjoni tal-WEEE bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-produzzjoni sostenibbli u l-konsum, bħala prijorità ewlenija, permezz tal-prevenzjoni tal-WEEE u, barra minn hekk, permezz tal-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u forom oħra ta’ rkupru ta’ dan l-iskart sabiex jonqos r-rimi tal-iskart u sabiex tikkontribwixxi għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-irkupru ta’ materja prima sekondarja ta’ valur.

Id-Direttiva WEEE tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, kif imsemmi fl-Artikolu 20 bil-ħsieb li:

tistabbilixxi kull aġġustament tranżitorju, sabiex jiġu indirizzati diffikultajiet li jiffaċċjaw l-Istati Membri biex iżommu mar-rati ta’ ġbir tal-WEEE stabbiliti fid-Direttiva, kif previst fl-Artikolu 7(4);

tkun possibbli l-emenda tal-Anness VII dwar ir-rekwiżiti ta’ trattament selettiv, sabiex tintroduċi teknoloġiji oħra ta’ trattament, kif previst fl-Artikolu 8(4);

tistabbilixxi l-kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għat-trattament tal-WEEE li jsiru barra l-UE, kif previst fl-Artikolu 10(3);

jseħħ l-adattament tal-Artikolu 16(5) u tal-Annessi IV, VII, VIII u IX għall-progress xjentifiku u tekniku, kif previst fl-Artikolu 19 tagħha.

2. BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva WEEE. Skont dan l-artikolu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin mit-13 ta’ Awwissu 2012. Mill-Kummissjoni huwa wkoll mistenni li tħejji rapport dwar is-setgħat delegati sa mhux aktar tard minn disa' (9) xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Skont l-Artikolu 20(2), id-delega tas-setgħa għandha tkun estiża b'mod taċitu għal perjodi ta' tul ta' żmien identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.



3. EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma għamlitx użu mis-setgħat delegati tagħha għar-raġunijiet spjegati hawn taħt.

3.1. Aġġustamenti tranżitorji sabiex jiġu indirizzati diffikultajiet li jiffaċċjaw l-Istati Membri biex iżommu mar-rati ta’ ġbir stabbiliti fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva WEEE jintroduċi rata minima ta’ ġbir annwali ta’ 45 %, li tapplika mill-2016, tal-piż medju tat-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) imqiegħed fis-suq f’kull Stat Membru matul it-tliet snin preċedenti. Bħala t-tieni pass, mill-2019, tapplika rata ta’ ġbir ta’ 65 % tal-piż medju tal-EEE mqiegħed fis-suq f’kull Stat Membru fit-tliet snin preċedenti, jew alternattivament 85 % tal-kwantità tal-WEEE ġenerat bil-piż f’kull Stat Membru kull sena. L-Artikolu 7(3) jistipula dwar il-possibbiltà li xi Stati Membri ( 2 ) jidderogaw minn dan ir-rekwiżit. Ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja għamlu użu minn din id-deroga.

Barra minn hekk, l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva WEEE joħloq il-possibbiltà għal arranġamenti tranżitorji biex jindirizza diffikultajiet li jiffaċċja Stat Membru fl-ilħuq ta’ dawn ir-rati ta’ ġbir. Sabiex tevalwa kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu għall-Istati Membri fl-ilħuq tal-miri tal-ġbir, il-Kummissjoni talbet is-servizzi ta’ konsulenti indipendenti li rrevedew id-dejta statistika rilevanti, il-letteratura u l-informazzjoni teknika u kellha konsultazzjonijiet, inkluż workshop mal-partijiet ikkonċernati ewlenin (l-Istati Membri, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija, is-sistemi tal-konformità dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR), l-NGOs u esperti indipendenti) ( 3 ).

Ir-riċerka wriet li waħda mill-problemi prinċipali li jiffaċċjaw l-Istati Membri hija r-rata għolja ta’ ġbir li ma tidhirx fl-istatistika tal-WEEE, b’mod partikolari jekk il-ġbir iseħħ barra mill-qafas tas-sistemi ta’ konformità tal-EPR jew jekk il-WEEE ma jkunx f’idejn ir-riċiklaturi awtorizzati tal-WEEE. Il-problema tiżdied minħabba l-kapaċitajiet limitati ta’ infurzar u monitoraġġ fl-Istati Membri. Il-grupp kbir u varjat ta’ atturi involuti f’diversi attivitajiet tal-WEEE, sensibilizzazzjoni pubblika limitata u infrastruttura ta’ ġbir inadegwata ġew ukoll identifikati bħala ostakli biex jintlaħqu l-miri.

Fl-analiżi ġie konkluż li filwaqt li l-mira għall-2019 hija ambizzjuża, xorta tibqa’ fattibbli jekk l-Istati Membri jagħmlu sforzi addizzjonali biex gradwalment jiġu indirizzati d-diffikultajiet identifikati. Dan joħroġ ċar mill-progress li sar minn xi Stati Membri li diġà laħqu rati għolja ta’ ġbir.

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni, fil-forma ta’ ċirkustanzi speċifiċi, li kienet tkun teħtieġ l-adozzjoni ta’ att delegat b’aġġustamenti tranżitorji sabiex jiġu indirizzati diffikultajiet li jiffaċċjaw l-Istati Membri biex jaderixxu mar-rati ta’ ġbir stabbiliti fid-Direttiva WEEE.

Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ u gwida għall-Istati Membri biex tgħinhom jindirizzaw diffikultajiet possibbli biex jilħqu l-miri tagħhom permezz ta’ inizjattiva mmirata lejn il-promozzjoni tal-konformità. Dan qed jingħata bidu b’mod parallel ma’ dan ir-rapport, b’enfasi fuq ir-rekwiżiti ewlenin tad-Direttiva WEEE.

3.2. Emenda tal-Artikolu 8(4) tal-Anness VII

L-Anness VII jirreferi għat-trattament selettiv għal materjali u komponenti tal-WEEE.

L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva WEEE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex temenda l-Anness VII sabiex tintroduċi teknoloġiji oħra ta’ trattament li jiżguraw mill-inqas l-istess livell ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni li setgħet issostni l-emendar tal-Anness VII.

Id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kienet l-14 ta’ Frar 2014; madankollu, bosta Stati Membri ttrasponewha b’xi dewmien u, fil-prattika, l-2016 hija l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni f’kull wieħed mit-28 Stat Membru. F’dan il-kuntest, l-emendar tal-Anness VII s’issa għadu ma ġiex meqjus neċessarju, u ma ġew adottati ebda atti delegati relatati.

3.3. Kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għat-trattament tal-WEEE li jsir barra l-UE, l-Artikolu 10(3)

Skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE), il-WEEE esportat mill-UE ser jgħodd biss lejn it-twettiq ta’ obbligi u miri stabbiliti fl-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva jekk, skont ir-Regolamenti (KE) Nru 1013/2006 u (KE) Nru 1418/2007 dwar vjeġġi ta’ skart, l-esportatur ikun jista’ jagħti prova li t-trattament ikun seħħ skont kundizzjonijiet li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. L-Artikolu 10(3) tad-Direttiva jeżiġi li sa mhux aktar tard mill-14 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni tadotta atti delegati li jistipulaw regoli dettaljati li jissupplimentaw dawk tal-Artikolu 10(2), b’mod partikolari dwar kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għat-trattament tal-WEEE barra mill-UE.

Sabiex tipprepara għal tali atti delegati, il-Kummissjoni wettqet studju( 4 ) bl-għan li tidentifika u tqabbel alternattivi possibbli għall-ivvalutar u d-dokumentar ta’ kundizzjonijiet ta’ trattament ekwivalenti, u li tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar għażla(għażliet) ta’ politika possibbli. Dan l-istudju jinkludi konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

Barra minn hekk, u f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżit tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva dwar trattament xieraq, il-Kummissjoni talbet lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw standards Ewropej għat-trattament tal-WEEE, inkluż l-irkupru, ir-riċiklaġġ u l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, li jirriflettu l-aħħar żviluppi( 5 ) . Dawn l-istandards huma mistennijin jassistu lill-operaturi kkonċernati fl-UE sabiex jikkonformaw mad-Direttiva WEEE u operaturi barra l-UE fl-ippruvar li t-trattament tal-WEEE isir f’kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikati fl-UE. Dawn l-istandards qegħdin jiġu żviluppati mis-CENELEC u huma mistennija li jitlestew sal-aħħar tal-2017.

Abbażi tal-analiżi mwettqa, u b’kont meħud tal-ħidma li għaddejja fuq l-iżvilupp ta’ standards Ewropej għat-trattament tal-WEEE, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet ma’ grupp ta’ esperti għall-atti delegati skont id-Direttiva, u l-Kunsill u l-Parlament ġew innotifikati dwar dan. Bħala riżultat tal-konsultazzjonijiet inħasset il-ħtieġa li wieħed jistenna l-finalizzazzjoni tal-istandards għat-trattament tal-WEEE, minħabba r-rabta bejn l-istandards u d-definizzjoni ta’ kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għat-trattament tal-WEEE esportat mill-UE.

Għalhekk, matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 10(3), għalkemm fil-kuntest tal-ambjent tal-UE, tal-materja prima u tal-politiki tal-ekonomija ċirkolari, din tibqa’ prijorità.

3.4. Adattament tal-Artikolu 16(5) u tal-Annessi IV, VII, VIII u IX għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Artikolu 19

L-Artikolu 16(5) tad-Direttiva WEEE jirreferi għall-obbligu tal-Istati Membri dwar ir-rappurtar. L-Anness IV jirreferi għal lista mhux eżawrjenti ta’ EEE li taqa’ fil-kategoriji ta’ EEE; L-Anness VII jirreferi għat-trattament selettiv għal materjali u komponenti tal-WEEE; L-Anness VIII jispeċifika r-rekwiżiti tekniċi għal siti għall-ħażna u t-trattament ta’ WEEE u l-Anness IX jippreżenta s-simbolu għall-immarkar ta’ EEE.

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, ma ppreżentat ruħha l-ebda opportunità għall-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku tal-Artikolu 16(5) u tal-Annessi msemmijin hawn fuq u l-Kummissjoni ma adottat ebda att delegat rilevanti, għalkemm din tibqa’ possibbiltà.

Bħala parti mill-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari, il-Kummissjoni pproponiet( 6 ) li jiġi emendat l-Artikolu 16(5), sabiex tissimplifika l-obbligi ta’ rappurtar tal-Istati Membri u ttejjeb il-kwalità tad-dejta.

4. KONKLUŻJONI

Matul l-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħat delegati konferiti lilha skont id-Direttiva 2012/19/UE għar-raġunijiet deskritti f’dan ir-rapport. Hija tista’ tagħmel dan fil-futur, għar-raġunijiet mogħtija.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

 ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38.

(2)

 Il-Bulgarija, ir-Republika Ċeka, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Romanija, is-Slovenja u s-Slovakkja.

(3)

 ‘Study on collection rates on WEEE’:  http://ec.europa.eu/environment/waste/weee/events_weee_en.htm .

(4)

 Study on ‘Equivalent conditions for waste electrical and electronic equipment (WEEE) recycling operations taking place outside the European Union’ http://ec.europa.eu/environment/waste/weee/pdf/Final%20report_E%20C%20S.pdf

(5)

Mandat M/518: http://ec.europa.eu/environment/waste/weee/pdf/m518%20EN.pdf

(6)

 Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (COM(2015) 593 final).