IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.1.2017
COM(2017) 12 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd - Modernizzazzjoni tal-Politika u tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali
{SWD(2017) 9 final}
{SWD(2017) 10 final}
Introduzzjoni
Matul l-aħħar 25 sena, l-UE kienet minn ta' quddiem fl-issettjar ta' standards għoljin għall-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji għas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol fit-territorju tagħha, u ppromwoviet livelli għoljin ta' protezzjoni f'pajjiżi terzi wkoll. Il-politika dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol qed tikkontribwixxi għall-objettiv li jitjiebu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fl-UE. Skont l-iktar dejta riċenti disponibbli r-rata ta' inċidenza ta' mwiet fuq il-post tax-xogħol naqset bi kważi 25 % meta mqabbel mas-sitwazzjoni fl-2008,madankollu, b'tendenzi differenti fi Stati Membri individwali. Il-perċentwal ta' ħaddiema tal-UE li jirrappurtaw mill-inqas problema waħda tas-saħħa kkawżata mix-xogħol jew li ġiet aggravata minħabba x-xogħol naqas bi kważi 10 %.
L-investiment fis-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol jagħmel ħafna sens. Dan itejjeb il-ħajja tan-nies billi jipprevjeni mard u inċidenti relatati max-xogħol u għandu wkoll effett pożittiv tanġibbli fuq l-ekonomiji tal-UE. Dan iwassal għal titjib fil-produttività u l-prestazzjoni tan-negozju. Fil-livell makroekonomiku, dan jikkontribwixxi għal kompetittività nazzjonali. Studji differenti juru li l-impjegatur se jkollu redditu doppju għal kull euro li jintefaq fuq is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol.
Il-qafas leġiżlattiv tal-UE kellu rwol ċentrali fuq livell nazzjonali u tal-kumpaniji fit-tfassil ta' strateġiji tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. L-evalwazzjoni dettaljata ex post tal-acquis tal-UE, li tivverifika r-rilevanza tiegħu kif ukoll l-effiċjenza, l-effettività, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE, imwettqa mill-Kummissjoni tikkonferma li l-qafas jissodisfa l-ambizzjoni tagħha li tipproteġi lill-ħaddiema b'mod adegwat. Din l-evalwazzjoni REFIT inkludiet id-Direttiva Qafas 89/391/KEE u t-23 Direttiva relatati.
Din ikkonkludiet li l-istruttura ġenerali tal-acquis tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol tal-UE, li jikkonsisti minn Direttiva Qafas immirata lejn l-għanijiet issupplimentata minn Direttivi speċifiċi, hija ġeneralment effettiva u adattata għall-iskop. Madankollu, hija indikat dispożizzjonijiet speċifiċi ta' Direttivi individwali li skadew jew saru obsoleti, u enfasizzat il-bżonn li jinstabu modi effettivi biex jiġu indirizzati riskji ġodda. Il-mod li bih l-Istati Membri ttrasponew id-Direttivi tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol ivarja b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. L-ispejjeż ta' konformità għalhekk ivarjaw u ma jistgħux jiġu faċilment separati mir-rekwiżiti nazzjonali iktar dettaljati. Madankollu, b'mod ġenerali l-evalwazzjoni kkonkludiet b'mod ċar li l-konformità mad-Direttivi dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol hija ta' sfida ikbar għall-SMEs milli għal stabbilimenti kbar, filwaqt li fl-istess ħin ir-rati ta' korrimenti maġġuri u fatali huma iktar għoljin għall-SMEs. Miżuri speċifiċi ta' appoġġ huma għalhekk meħtieġa sabiex jinlaħqu l-SMEs u jingħataw għajnuna sabiex iżidu l-konformità tagħhom b'mod effiċjenti u effettiv.
Abbażi tal-evalwazzjoni dettaljata ex post, huwa ċar li l-UE għandha tkompli tinvesti fis-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol sabiex tibqa' fuq quddiem u tiżgura protezzjoni effettiva tal-ħaddiema wkoll fl-isfond tan-natura li qed tinbidel tax-xogħol u riskji ġodda. Il-miżuri tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għandhom jilħqu l-ikbar numru possibbli ta' nies fuq il-post tax-xogħol, indipendentement mit-tip ta' relazzjoni tax-xogħol li jinsabu fiha, u indipendentement mid-daqs tal-kumpanija li jaħdmu għaliha. Il-konformità mar-regoli tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għandha tkun maniġġabbli għal negozji ta' kull daqs u ssorveljata b'mod effettiv fil-post. Il-miżuri jenħtieġ li jkunu mmirati lejn ir-riżultati, flok ikunu bbażati fuq it-teorija, u għandu jsir użu massimu ta' għodod diġitali ġodda sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni.
Fir-rapport tiegħu tal-2015 dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020, il-Parlament Ewropew ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni wkoll għall-importanza tal-implimentazzjoni, il-konformità u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol kif ukoll għal numru ta' riskji li qed jiżdiedu jew riskji ġodda. Ir-rapport notevolment enfasizza wkoll il-bżonn li jiġu protetti l-ħaddiema kollha irrispettivament mid-daqs tal-impjegatur, it-tip ta' xogħol jew kuntratt.
Filwaqt li jitqiesu dawn l-objettivi komuni u bħala parti mill-istrateġija globali tagħha għal sistemi moderni ta' impjieg u soċjali fl-UE – kif rifless fil-konsultazzjoni wiesgħa tagħha dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali mniedi f'Marzu – l-azzjonijiet ewlenin li ġejjin, ipprovduti f'iktar dettall fl-Anness 1, jagħtu spinta ġdida lill-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020
:
L-Aqwa Tliet Azzjonijiet dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali
1)
L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-kanċer okkupazzjonali permezz ta' proposti leġiżlattivi akkumpanjati minn żieda fil-gwida u s-sensibilizzazzjoni;
2)
L-għajnuna lin-negozji, b'mod partikolari l-mikrointrapriżi u l-SMEs, sabiex jikkonformaw mar-regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali;
3)
Il-kooperazzjoni mal-Istati Membri u s-sħab soċjali sabiex jitneħħew jew jiġu aġġornati r-regoli skaduti u jiġu kkonċentrati mill-ġdid l-isforzi għall-iżgurar ta' protezzjoni, konformità u infurzar fil-post aħjar u iktar wiesgħa.
|
1.Il-ġlieda kontra l-kanċer okkupazzjonali u l-indirizzar tas-sustanzi kimiċi perikolużi
Ġie stmat li fl-UE bejn 91 500 – 150 500 persuna b'esponiment passat għal sustanzi karċinoġeniċi fuq il-post tax-xogħol ġew dijanjostikati bil-kanċer fl-2012. Barra minn hekk, bejn 57 700 – 106 500 mewt bil-kanċer ġew attribwiti għall-esponiment relatat max-xogħol għal sustanzi karċinoġeniċi fl-2012; dan juri li l-kanċer huwa l-kawża ewlenija ta' mwiet relatati max-xogħol fl-UE.
Ma tantx huwa possibbli li l-valur tal-ħajja umana u t-telf tal-
kwalità tal-ħajja jiġu kkwantifikati. L-ispejjeż diretti tal-kanċer relatat max-xogħol f'termini ta' kura tas-saħħa u telf fil-produttività jammontaw mill-inqas għal madwar EUR 4-7 biljuni fis-sena. L-ispejjeż indiretti jistgħu jilħqu sa madwar EUR 334 biljun (242 – 440) kull sena.
Il-miżuri nazzjonali f'dan il-qasam ivarjaw b'mod sinifikanti, u dan iwassal għal livelli differenti fil-protezzjoni tal-ħaddiema madwar l-UE.
Fil-livell tal-UE, l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema mill-esponiment għal sustanzi kimiċi fuq ix-xogħol huma stabbiliti permezz tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u Mutaġeniċi (id-Direttiva 2004/37), id-Direttiva dwar l-Aġenti Kimiċi (id-Direttiva 98/24) u d-Direttiva dwar l-Asbestos (id-Direttiva 2009/148). Dawn jikkumplimentaw azzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi ("REACH") u biċċiet oħra ta' regolamentazzjoni tas-sustanzi kimiċi billi jiffokaw fuq sitwazzjonijiet speċifiċi fuq il-post tax-xogħol.
Il-valuri ta' limitu għas-sustanzi kimiċi madwar l-UE jippromwovu l-livelli ta' protezzjoni fl-UE, filwaqt li jikkontribwixxu għal titjib fil-kundizzjonijiet ekwi għan-negozji u jgħinu lill-kumpaniji joperaw b'mod transkonfinali u għalhekk jiffrankaw l-ispejjeż ta' konformità peress li jistgħu jużaw l-istess teknoloġija sabiex jipproteġu ħaddiema f'postijiet differenti. Hemm ukoll element importanti ta' ekonomiji ta' skala fil-valutazzjonijiet xjentifiċi kumplessi li huwa bbażat fuqhom l-istabbiliment ta' valuri ta' limitu speċifiċi għal sustanzi kimiċi, li jippermetti lill-Istati Membri jittrasferixxu iktar riżorsi finanzjarji għal miżuri ta' protezzjoni u prevenzjoni. Għalhekk huwa importanti li jiġu riveduti jew adottati valuri ta' limitu ġodda tal-UE għas-sustanzi l-iktar perikolużi.
Wara l-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeniċi u biex jiġu stabbiliti, jew riveduti, il-valuri ta' limitu ta' esponiment okkupazzjonali rigward 13-il aġent kimiku adottata fit-13 ta' Mejju 2016, illum il-Kummissjoni tadotta proposta ġdida li ttejjeb il-protezzjoni ta' 4 miljun ħaddiem fl-UE billi taġixxi fuq iktar aġenti kimiċi karċinoġeniċi. Hija impenjat ruħha li tkompli bl-isforzi għall-prevenzjoni ta' mwiet ikkawżati minn kanċer relatat max-xogħol u problemi oħra tas-saħħa permezz ta' iktar proposti leġiżlattivi.
Leġiżlazzjoni sabiex tittejjeb il-protezzjoni kontra sustanzi perikolużi
u jiġi miġġieled il-kanċer okkupazzjonali
It-tieni emenda tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni
Emendi sussegwenti tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni huma previsti rigward sustanzi bħall-formaldeid, il-berillju, il-kadmju, komposti tal-kromu VI u komposti tan-nikil. Beda x-xogħol sabiex tiġi ppreżentata proposta ġdida tal-Kummissjoni maħsuba għall-bidu tal-2018.
B'mod parallel, se tkompli l-ħidma fuq it-tisħiħ tar-rilevanza u l-effettività tad-Direttiva dwar l-Aġenti Kimiċi billi jiġu riveduti u stabbiliti iktar limiti ta' valur ta' esponiment (indikattivi) okkupazzjonali u limiti ta' valur bijoloġiċi eżistenti fl-2017 u l-2018.
|
Bażi xjentifika soda hija indispensabbli sabiex tirfed kwalunkwe azzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, b'mod partikolari rigward sustanzi kimiċi perikolużi. Il-Kummissjoni se titlob parir mingħand il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol jew mingħand il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi. Il-valutazzjonijiet xjentifiċi minn dawn is-sorsi se jservu bħala l-bażi għal proposti suġġetti għal valutazzjoni tal-impatt u djalogu soċjali kif ukoll konsultazzjoni tripartitika.
Wara r-riżultati tal-istudju "HazChem@Work" ikkuntrattat mill-Kummissjoni, fil-bidu tal-2017 se tiġi stabbilita bażi ta' dejta fuq l-esponiment okkupazzjonali għal xi sustanzi kimiċi perikolużi. Dan se jkun pass importanti lejn disponibbiltà u kondiviżjoni aħjar tad-dejta dwar l-effetti tas-saħħa, il-potenzjal ta' esponiment u l-eżistenza ta' valuri ta' limitu nazzjonali okkupazzjonali rigward sustanzi perikolużi prijoritarji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se żżid l-analiżi tad-dejta miksuba u tkompli tirfinaha permezz ta ' sorsi ewlenin ta' informazzjoni u se taħdem b'mod attiv sabiex tippermetti l-progress tal-ġbir tad-dejta tal-Istatistika tal-Mard Okkupazzjonali Ewropew.
Azzjoni promettenti oħra hija l-Inizjattiva Ewropea tal-Bijomonitoraġġ Uman, li hija inizjattiva konġunta ewlenija ġdida ffinanzjata minn Orizzont 2020 u 26 Stat Membru sabiex tiġġenera evidenza xjentifika ġdida minn dejta armonizzata dwar l-esponimenti għal sustanzi kimiċi u s-saħħa.
Il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-esponimenti għal sustanzi kimiċi perikolużi hija mħarsa mid-Direttivi dwar is-sustanzi kimiċi rigward is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u hija msaħħa b'mod sinifikanti mir-Regolament REACH u atti legali oħra li jirregolaw is-sustanzi kimiċi. Opinjoni riċenti tal-pjattaforma REFIT irrikonoxxiet il-komplementarjetà taż-żewġ sistemi, iżda rrakkomandat li l-Kummissjoni għandha tqajjem kuxjenza u toħroġ gwida dwar l-implimentazzjoni tagħhom sabiex l-interfaċċji bejn ir-Regolament REACH u s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol jiġu stabbiliti b'mod ċar. Konsegwentement, għaddej iktar xogħol kemm fuq livell xjentifiku kif ukoll fuq livell amministrattiv sabiex jitneħħew kwalunkwe inċertezzi u trikkib fid-disinn u l-applikazzjoni prattika ta' dan il-qafas konġunt tal-UE għat-trattament ta' sustanzi kimiċi perikolużi. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippreżenta approċċ komuni fl-2017.
L-azzjoni leġiżlattiva għandha tiġi segwita permezz ta' implimentazzjoni effettiva fil-post tax-xogħol. F'dan il-kuntest, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol se torganizza Kampanja ta' Postijiet tax-Xogħol Ħielsa mill-Periklu dwar sustanzi perikolużi fl-2018-2019 u l-Kumitat ta’ Spetturi Għolja tax-Xogħol se jippubblika gwidi rilevanti, bħal gwida dwar il-prevenzjoni tal-esponimenti għas-silika kristallina respirabbli.
2.Għajnuna lin-negozji sabiex jikkonformaw mar-regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol
2.1.Appoġġ biex il-mikrointrapriżi u l-SMEs ikunu konformi
L-obbligu legali li jiġu vvalutati r-riskji għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fuq bażi ta' każ b'każ, b'kont meħud tal-ispeċifiċitajiet ta' kull post tax-xogħol, huwa fil-qalba tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Bħala tali, dan l-approċċ ta' każ b'każ jipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa sabiex il-valutazzjonijiet tar-riskju, il-miżuri preventivi u t-taħriġ jiġu mfassla apposta għas-settur speċifiku li fih ikun involut in-negozju, l-attivitajiet tal-ħaddiema tiegħu, id-daqs tan-negozju, il-ġeneru u l- kompożizzjoni tal-età tal-forza tax-xogħol, ir-riskji emerġenti ġodda, eċċ. Madankollu, fil-prattika dik il-flessibbiltà mhux dejjem tintuża.
Kif muri mill-evalwazzjoni, il-mikrointrapriżi u l-SMEs ibatu biex iqiegħdu fis-seħħ il-miżuri neċessarji għall-ġestjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Il-mikrointrapriżi jirrappreżentaw kważi 93 % tal-intrapriżi kollha fl-UE.
69 % biss tal-mikrointrapriżi jiddikjaraw li jwettqu valutazzjonijiet tar-riskji għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol regolari (kontra 96 % tal-intrapriżi kbar).
Dan mhuwiex minħabba li huma inqas lesti li jipproteġu l-ħaddiema tagħhom, iżda huwa relatat ma' riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani iktar limitati kif ukoll nuqqas ta' għarfien u kompetenza meta mqabbla ma' stabbilimenti ikbar.
Il-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi fl-ewwel lok l-SMEs infushom, jaqblu li f'dan il-qasam l-għoti ta' eżenzjonijiet għall-SMEs mhuwiex l-aħjar approċċ, minħabba li jibżgħu li dan jista' potenzjalment inaqqas il-livell ta' protezzjoni tal-ħaddiema tal-SMEs. Barra minn hekk, hemm evidenza konsiderevoli li turi riskju ikbar ta' korrimenti serji u mwiet fl-intrapriżi mikro u żgħar milli fl-istabbilimenti kbar. Madankollu, il-konformità għandha ssir iktar sempliċi u orħos u dan jeħtieġ miżuri ta' appoġġ speċifiċi għall-SMEs u l-mikrointrapriżi.
Fuq il-bażi tas-sejbiet tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni f'kooperazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol se torganizza reviżjoni sabiex l-Istati Membri u s-sħab soċjali jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-modi kif jitnaqqsu l-ispejjeż ta' konformità tal-SMEs u b'hekk tiżdied il-konformità (eż. inċentivi finanzjarji, għodod diġitali, eċċ) filwaqt li jinżammu livelli ta' protezzjoni ugwali għall-ħaddiema irrispettivament mid-daqs tal-kumpanija li jaħdmu għaliha. B'mod ċar, madankollu, huma jeħtieġu għarfien aħjar, iktar appoġġ u proċeduri iktar ċari u effiċjenti biex jintlaħaq livell ogħla ta' konformità.
L-aħjar użu tal-valutazzjonijiet tar-riskju
Sabiex tgħin lin-negozji jagħmlu l-aħjar użu tal-valutazzjonijiet tar-riskju, il-miżuri preventivi u t-taħriġ obbligatorji, il-Kummissjoni tagħmel disponibbli llum dokument ta' gwida prattika.
|
Apparti l-gwida ġenerali ppreżentata fid-dokument anness, fl-2017, il-Kummissjoni se tiffinalizza u tqassam gwidi iktar dettaljati u mmirati dwar il-ġestjoni tar-riskji fl-agrikoltura u s-sajd. Fl-2017 se tiġi ppubblikata gwida elettronika interattiva dwar is-sikurezza tal-vetturi relatata max-xogħol. Il-ġestjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol f'dawn is-setturi b'riskju għoli hija partikolarment ta' sfida u n-numri ta' inċidenti huma fost l-iktar għoljin. Il-gwidi se jgħinu lill-impjegaturi, speċjalment fl-SMEs, itejbu b'mod effettiv il-prevenzjoni ta' inċidenti u mard. Il-Kummissjoni se tinvolvi wkoll lin-Netwerk Enterprise Europew biex tqajjem kuxjenza u tipprovdi appoġġ lill-SMEs f'dan ir-rigward.
Fil-livell nazzjonali wkoll, iktar u iktar Stati Membri jiddedikaw parti importanti tal-ħidma tal-politika tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol tagħhom biex jilħqu u jagħmlu għodod xierqa għal intrapriżi mikro u SMEs. L-Istati Membri huma mistiedna f'dan il-kuntest biex, bl-istess mod, jissottolinjaw l-importanza ta' valutazzjonijiet tar-riskju orjentati lejn ir-riżultati u biex jaqsmu l-aħjar prattiki dwar miżuri preventivi u taħriġ.
Użu ta' għodod ibbażati fuq l-internet
Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jinkorporaw bis-sħiħ l-użu ta' għodod ta' valutazzjoni tar-riskju ibbażati fuq l-internet fis-sistemi legali tagħhom.
|
Finalment, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol tagħti kontribut importanti, permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni tar-riskji tagħha u l-iżvilupp u t-tixrid ta' għodod interattivi online ta' valutazzjoni tar-riskju. Il-Valutazzjoni tar-Riskju Interattiva Online (OiRA)
u għodod simili nazzjonali tagħhom ibbażati fuq l-internet (żviluppati pereżempju fin-Netherlands, l-Irlanda jew il-Polonja) huma partikolarment utli peress li jipprovdu informazzjoni mingħajr ħlas speċifika għas-settur u jiggwidaw lill-impjegaturi fil-passi kollha tal- proċess tal-valutazzjoni tar-riskji, filwaqt li awtomatikament jiġġeneraw rekord dokumentat li jista' jintuża bħala prova ta' konformità u bħala mezz biex tiġi mmonitorjata l-effettività tal-pjan tal-ġestjoni tar-riskju. Tali għodod għandhom jiġu estiżi b'mod sinifikanti u l-użu tagħhom għandu jiġu rikonoxxut u integrat fir-rekwiżiti nazzjonali għal konformità mal-obbligi ta' valutazzjoni tar-riskju.
L-azzjonijiet tal- 'Valutazzjoni tar-Riskju Interattiva Online (OiRA)'
Sa issa, 93 għodod ta' Valutazzjoni tar-Riskju Interattiva Online (OiRA) ġew ippubblikati u 30 qiegħdin jiġu żviluppati. Saru 44,614 valutazzjonijiet tar-riskju bl-għodod sal-ġurnata tal-lum.
Bl-appoġġ finanzjarju u tekniku tal-UE u l-kooperazzjoni attiva tal-imsieħba nazzjonali u l-s-sħab soċjali settorjali, il-miri li ġejjin għandhom jintlaħqu sal-2018, b'attenzjoni fuq setturi ta' prijorità:
o150 għodda ppubblikati tal-Valutazzjoni tar-Riskju Interattiva Online (OiRA), u
o100,000 valutazzjoni tar-riskju imwettqa bl-għodod.
|
2.2.L-għajnuna lin-negozji jkopru riskji għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol li jiżdiedu b'mod mgħaġġel
L-evalwazzjoni ex post identifikat numru ta' tħassib li dejjem jiżdied li l-kumpaniji jeħtieġu iktar appoġġ sabiex jindirizzaw; stress, disturbi muskuloskeletali u d-diversità dejjem tikber tal-forza tax-xogħol, notevolment fir-rigward tat-tixjiħ.
Riskji psikosoċjali
Ir-riskji psikosoċjali u l-istress relatat max-xogħol huma fost l-iktar tħassib ta' sfida – u li dejjem jikber - rigward is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Iktar minn nofs il-ħaddiema tal-UE jirrapportaw li l-istress huwa komuni fuq il-post tax-xogħol tagħhom u 4 minn kull 10 jaħsbu li dan ma jiġix trattat sew. L-istress fuq il-post tax-xogħol għandu impatt serju fuq il-produttività:
Dan jammonta għal madwar nofs il-ġranet tax-
xogħol mitlufin peress li l-assenzi huma relattivament twal;
L-istress jikkawża prestazzjoni mnaqqsa fuq il-post tax-xogħol u jista' jwassal għal ħames darbiet iktar inċidenti;
Madwar każ wieħed minn kull ħamsa ta' tibdil tal-persunal huwa relatat ma' stress fuq il-post tax-xogħol.
Ir-riskji psikosoċjali huma kwistjonijiet kumplessi u multidimensjonali. Il-problemi tas-saħħa jistgħu jkunu kkawżati minn kostellazzjoni ta' fatturi, relatati u/jew mhux relatati mal-post tax-xogħol.
Id-Direttiva Qafas dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol toħloq obbligu legali għall-impjegaturi biex jipproteġu lill-ħaddiema mir-riskji kollha fuq il-post tax-xogħol. Xi direttivi individwali dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol (eż. direttiva dwar l-iskrins tal-wiri) jinkludu dispożizzjonijiet marbutin indirettament mal-prevenzjoni ta' riskji psikosoċjali. Il-ftehim qafas tas-sħab soċjali fil-livell tal-UE dwar l-istress relatat max-xogħol
jissottolinja r-rilevanza tad-Direttiva Qafas. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol twettaq azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u, fil-qafas ta' kampanja pan-Ewropea dwar l-istress u r-riskji psikosoċjali mwettqa fl-2014-2015, għamlet disponibbli gwida prattika elettronika għall-immaniġġjar tar-riskji psikosoċjali
mfassla biex tirrispondi għall-bżonnijiet tal-impjegaturi u tan-nies li jaħdmu f'intrapriżi żgħar.
Hemm approċċi varji madwar l-Istati Membri. Xi wħud ma jsemmux ir-riskji psikosoċjali espliċitament fil-leġiżlazzjoni tagħhom tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li oħrajn jenfasizzaw il-ħtieġa li jikkunsidrawhom bħala parti mis-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Uħud jeħtieġu valutazzjonijiet tar-riskju psikosoċjali u ftit minnhom jiffavorixxu l-involviment ta' espert. Stat Membru wieħed stabbilixxa linji gwida vinkolanti dwar il-prevenzjoni ta' riskji psikoloġiċi. L-Istati Membri jiżviluppaw ukoll approċċi mhux regolatorji (f'korpi tripartitiċi, gwida, sensibilizzazzjoni, standards ta' ġestjoni, eċċ.).
Biex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema fil-prattika, huwa neċessarju li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-impjegaturi u jingħataw gwidi u għodod ulterjuri. Fid-dokument ta' gwida ppubblikat illum il-Kummissjoni tiċċara li skont id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-livell tal-UE l-impjegaturi huma obbligati jipproteġu l-ħaddiema mir-riskji psikosoċjali u li dawn ir-riskji għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskji. Id-dokument jipprovdi għodod mhux vinkolanti konkreti u riżorsi għall-impjegaturi biex jindirizzaw b'mod effettiv ir-riskji psikosoċjali fil-valutazzjoni tar-riskju. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol u l-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq ix-Xogħol biex tidentifika prattika tajba għall-promozzjoni u t-tixrid u se tordna lill- Kumitat ta’ Spetturi Għolja tax-Xogħol biex jiżviluppa gwida għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-valutazzjonijiet tar-riskji u miżuri għall-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tar-riskji psikosoċjali.
Riskji relatati ma' mard muskuloskeletali
L-esponiment għal fatturi tar-riskju ergonomiċi jirrappreżenta waħda mill-problemi ewlenin tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fl-UE llum. L-esponiment ripetut għal dawn ir-riskji jista' jirriżulta f'mard muskuloskeletali relatat max-xogħol – waħda mill-iktar mardiet serji u mifruxa relatati max-xogħol, li twassal għal piż ta' spiża maġġuri għall-individwi, in-negozji u s-soċjetà b'mod ġenerali. Skont is-sejbiet tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-2013, il-mard muskuloskeletali llum huwa l-iktar tip prevalenti ta' problemi tas-saħħa relatati max-xogħol u l-ewwel kawża ta' assenteiżmu relatat max-xogħol. Dawn jirrappreżentaw madwar 60 % tal-problemi tas-saħħa kollha relatati max-xogħol fl-UE, u jammontaw għal 60 % ta' assenzi relatati ma' mard u każijiet ta' inkapaċità permanenti għax-xogħol.
Ir-riskji ergonomiċi huma kumplessi u multidimensjonali fin-natura tagħhom. Meta jseħħu fuq il-post tax-xogħol, dawn jistgħu direttament jikkawżaw kundizzjoni ta' mard, jew jaggravaw waħda pre-eżistenti. Impjiegi differenti jinvolvi esponimenti differenti ħafna u hemm differenzi konsiderevoli fl-età, l-istili ta' ħajja u bejn is-sessi li għandhom jiġu kkunsidrati.
Din il-kategorija ta' riskji bħalissa hija koperta minn diversi Direttivi tal-UE (2002/44 "vibrazzjoni", 90/269 "tqandil manwali tat-tagħbija", u 90/270 "xogħol b'tagħmir li għandu skrin tal-wiri"), kif ukoll mid-Direttiva Qafas. Direttivi oħra tal-UE għandhom impatt indirett fuq il-prevenzjoni tal-mard muskuloskeletali. L-inizjattivi mhux regolatorji inkludew il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (2000 u 2007) u l-kampanja tal- Kumitat ta’ Spetturi Għolja tax-Xogħol (2007-2008) dwar l-infurzar tad-Direttiva tat-"tqandil manwali tat-tagħbija" fis-setturi tal-kura tas-saħħa, it-trasport, il-kostruzzjoni u l-bejgħ bl-imnut.
Jeżistu differenzi fil-mod kif l-Istati Membri ttrasponew (u implimentaw) l-qafas attwali tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol tal-UE - eż, rigward id-Direttiva 90/269/KEE, f'xi każijiet l-Istati Membri stabbilixxew limiti u solli legalment vinkolanti; f'każijiet oħra dawn il-limiti huma inklużi fil-gwida għal-leġiżlazzjoni, rakkomandazzjonijiet jew indikaturi oħrajn. L-Istati Membri jiżviluppaw ukoll approċċi mhux regolatorji (gwida, sensibilizzazzjoni, standards ta' ġestjoni, eċċ.).
F'dan il-każ ukoll, il-Kummissjoni trid ittejjeb il-protezzjoni fuq il-post billi tiċċara l-obbligu tal-impjegaturi li jiżguraw protezzjoni minn dawn it-tipi ta' riskji u li jikkunsidrawhom fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskji, kif ukoll billi tgħin lill-impjegaturi jikkonformaw mal-obbligi tagħhom. Se jinbeda wkoll xogħol mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol u l-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq ix-Xogħol dwar l-identifikazzjoni ta' prattika tajba għall-promozzjoni u t-tixrid u gwida tal- Kumitat ta’ Spetturi Għolja tax-Xogħol għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-valutazzjonijiet tar-riskji u miżuri għall-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tar-riskji psikosoċjali.
Valutazzjoni tar-riskji sensittiva għad-diversità
Id-Direttiva Qafas tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tal-UE toħloq obbligu legali għall-impjegatur biex jieħu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema kollha. Hija tipprevedi li gruppi tar-riskju partikolarment sensittivi għandhom jiġu protetti kontra l-perikli li jaffettwawhom speċifikament.
Il-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji għalhekk għandhom jagħtu attenzjoni lir-riskji speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa u l-irġiel, il-ħaddiema żgħażagħ, il-ħaddiema anzjani, il-migranti jew il-persuni b'diżabilità; u jeħtieġu t-tfassil ta' miżuri preventivi u protettivi speċifiċi skont ir-rekwiżiti ta' dawk il-gruppi ta' ħaddiema. L-evalwazzjoni enfasizzat b'mod partikolari l-bżonn li tittejjeb il-valutazzjoni tar-riskji sensittiva għall-età iżda l-istess prinċipji japplikaw għall-ħaddiema vulnerabbli kollha.
In-numru ta' persuni li għandhom iktar minn 60 sena fl-UE bħalissa qed jiżdied b'madwar żewġ miljuni kull sena, li huwa darbtejn iktar malajr minn qabel l-2007. Sal-2030, il-ħaddiema kbar fl-età se jiffurmaw kważi kwart tal-forza tax-xogħol totali. Bħalissa ħafna ħaddiema kbar fl-età jitilqu mis-suq tax-xogħol qabel il-waqt, ħafna drabi minħabba problemi tas-saħħa, inklużi dawk relatati ma' kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena.
Il-Qafas Strateġiku tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tal-UE tal-2014-2020 identifika t-tibdil demografiku u l-forza tax-xogħol li qed tixjieħ bħala waħda mill-isfidi ewlenin, u ppropona għadd ta' azzjonijiet li bħalissa qiegħdin jiġu żviluppati. Il-kampanja tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (2016-2017) "Postijiet tax-Xogħol li Jieħdu Ħsieb is-Saħħa f'Kull Età" hija inizjattiva ewlenija dinjija ta' sensibilizzazzjoni dwar din il-kwistjoni fl-UE kollha.
L-Istati Membri tal-UE jvarjaw kemm f'termini tas-sitwazzjoni demografika tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-qafas legali u istituzzjonali tagħhom. Qafas ta' politika integrata huwa fis-seħħ biss f'numru limitat ta' Stati Membri, iżda għal ħafna Stati Membri t-tixjiħ tal-popolazzjoni u tal-forza tax-xogħol huwa prijorità politika li twassal għal sett varjat ta' miżuri (inkluż fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol) sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-persuni kbar fl-età fil-forza tax-xogħol. L-Istati Membri kollha implimentaw riformi fil-pensjonijiet, u dawk b'popolazzjoni kbira fl-età għollew l-età tal-irtirar u llimitaw l-aċċess għal irtirar kmieni, u introduċew ukoll inċentivi ekonomiċi biex jiġu impjegati persuni kbar fl-età.
F'dak li jirrigwarda s-sessi, hemm evidenza li turi li r-riskji relatati max-xogħol għas-saħħa u s-sikurezza tan-nisa ġew sottovalutati u approċċ newtrali fir-rigward tas-sessi kkontribwixxa għal inqas attenzjoni u riżorsi diretti lejn il-prevenzjoni ta' riskji relatati max-xogħol esperjenzati min-nisa.
Sabiex jirrispondi għal dawn l-isfidi li qed jikbru rigward is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, id-dokument ta' gwida jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li l-valutazzjoni tar-riskju tkun sensittiva għad-diversità u li tingħata attenzjoni lill-ispeċifiċitajiet relatati mal-età, is-sess u karatteristiċi demografiċi oħrajn. Huwa jindika, fl-istess ħin, li s-suppożizzjonijiet m'għandhomx isiru biss fuq il-bażi ta' tali karatteristiċi. Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tikkunsidra d-domandi tax-xogħol fir-rigward tal-kapaċitajiet u s-saħħa tal-individwu. Id-dokument jipprovdi wkoll għodod prattiċi għall-impjegaturi biex jirriflettu r-riskji relatati mal-età u relatati mas-sessi fil-valutazzjonijiet tar-riskju.
Azzjonijiet fuq riskji għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol li jżidu b'mod mgħaġġel
Pubblikazzjoni dwar l-aħjar prattiki fil-ġestjoni tar-riskji psikosoċjali u r-riskji ergonomiċi
L-iżvilupp ta' prinċipji rilevanti għall-ispetturi tax-xogħol fir-rigward ta' valutazzjoni tar-riskju sensittiva għall-età.
|
Fatturi tar-riskju relatati mal-istil tal-ħajja – bħal dieti ħżiena għas-saħħa, nuqqas ta' attività fiżika, tipjip u l-użu dannuż tal-alkoħol – qed jikkontribwixxu għall-piż kbir tal-mard kroniku madwar l-Ewropa. Dan iġorr miegħu theddida diretta għas-saħħa tal-ħaddiema u għandu impatt ukoll fuq il-produttività tal-ħaddiema u dik tal-kumpaniji, u l-ekonomija, kif ukoll fuq is-sostenibbiltà ta' sistemi tas-saħħa effettivi aċċessibbli u reżiljenti. Inizjattivi relatati mal-post tax-xogħol fuq determinanti tas-saħħa huma importanti għall-promozzjoni tal-benesseri tal-ħaddiema.
3.L-aġġornament u t-tneħħija ta' regoli skaduti, l-iffukar mill-ġdid tal-isforzi fuq l-iffaċilitar tal-konformità, kopertura usa' tan-nies u infurzar u monitoraġġ aħjar
3.1.Aġġornament tal-leġiżlazzjoni tal-UE u t-tneħħija ta' dispożizzjonijiet obsoleti
Filwaqt li l-evalwazzjoni ex post dettaljata kkonfermat li l-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol tal-UE, li tikkonsisti mid-Direttiva Qafas u d-direttivi speċifiċi relatati hija ġeneralment effettiva u adattata għall-iskop, hija identifikat ukoll skop għat-tneħħija jew l-aġġornament ta' numru ta' dispożizzjonijiet skaduti.
Biex tindirizza dan, bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni se tniedi u tikkonkludi, fi żmien sentejn, programm għat-tneħħija jew l-aġġornament ta' dispożizzjonijiet skaduti fid-Direttivi. Il-programm se jipprova jkollu regoli iktar ċari, iktar koerenti u iktar rilevanti, filwaqt li jissimplifika u jnaqqas il-piż amministrattiv, fejn possibbli, għan-negozji u l-aġenziji ta' infurzar, iżda biss fejn jippermetti li tinżamm jew tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema. Filwaqt li tibni fuq it-tradizzjoni qawwija ta' djalogu tripartitiku dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fil-livell nazzjonali u tal-UE, il-proposta leġiżlattiva għall-emenda tad-Direttivi, fejn meħtieġ, se titħejja f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol fejn is-sħab soċjali u l-esperti tal-gvernijiet ikunu madwar il-mejda.
Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni ex post, il-Kummissjoni identifikat is-sitt Direttivi li ġejjin bħala prijoritajiet:
Postijiet tax-xogħol (89/654)
Teknoloġiji moderni tal-IT u forom ġodda ta' xogħol bħal xogħol fuq pjattaforma jfissru li numru dejjem jikber ta' ħaddiema kultant jew regolarment jaħdmu barra mill-bini tal-impjegatur. F'dan il-kuntest, is-sejbiet tal-eżerċizzju ta' evalwazzjoni jindikaw li jidher li hemm bżonn ta' bidla lejn kunċett iktar dinamiku ta' "post tax-xogħol".
Kjarifika tal-kunċett ta' "post tax-xogħol" u l-aġġornament/simplifikazzjoni/tneħħija tal-annessi tad-direttiva se jiġu kkunsidrati sabiex jirriflettu l-bidliet fil-modi ta' kif isir ix-xogħol.
Tagħmir bi skrin tal-wiri (90/270)
It-teknoloġija inbidlet drammatikament minn meta d-Direttiva dwar it-tagħmir bi skrin tal-wiri ġiet adottata fil-bidu tas-snin disgħin. Xi teknoloġija msemmija fid-Direttiva m'għadhiex tintuża u d-dispożizzjonijiet korrispondenti possibbilment jistgħu jitneħħew. Kwistjonijiet oħra li għandhom jiġu kkunsidrati se jkunu aġġornamenti tekniċi ta' xi wħud mid-definizzjonijiet użati fid-Direttiva, bħad-definizzjoni ta' "stazzjon tax-xogħol", kif ukoll xi eżenzjonijiet li jistgħu jkunu skaduti.
Sinjali OSH (92/58)
L-Anness II tad-Direttiva 92/58/KEE jipprovdi għal lista ta' rekwiżiti fir-rigward ta' tabelli ta' sikurezza inklużi pittogrammi li għandhom jintużaw. Huwa jistipula wkoll fl-Anness II taqsima 1.3 li "Il-pittogramma użata tista' tkun kemm kemm differenti jew aktar dettaljata minn dawk li jidhru fit-taqsima 3, sakemm jagħtu l-istess tifsira u ebda differenza jew adattament ma jgħatti t-tifsira". L-evalwazzjoni indikat xi inċertezzi rigward sa liema punt l-EN ISO 7010 standard tas-sinjali jista' jitqies bħala konformi mad-Direttiva 92/58/KEE (b'mod partikolari fir-rigward tal-pittogrammi użati). Xi Stati Membri kienu favur l-allinjament tad-Direttiva mal-istandard EN ISO 7010 sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni ikbar tas-sinjali tas-sikurezza madwar l-UE.
Sabiex jiġu ssimplifikati u ċċarati l-obbligi eżistenti, se jiġi kkunsidrat l-adattament tal-Annessi sabiex jitqies l-EN ISO 7010 jew referenza għal dawk l-istandards fid-Direttiva.
Aġenti bijoloġiċi (2000/54)
L-evalwazzjoni ippreżentat domandi dwar il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, b'mod iktar importanti fuq il-bżonn li tiġi aġġornata l-lista ta' aġenti bijoloġiċi fl-Anness III. Għalhekk se jitqies aġġornament tal-Anness III.
Assistenza medika abbord (92/29)
L-evalwazzjoni indikat bżonn possibbli li tiġi riveduta u aġġornata l-lista obbligatorja ta' provvisti mediċi stipulati fid-Direttiva.
Hija ppreżentat ukoll il-kwistjoni ta' konformità mal-istandards internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) – il-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ (LSA) 4.15.1.8; ISO 3864-1:2011 "Simboli grafiċi – Kuluri ta' sikurezza u sinjali ta' sikurezza"; il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu u l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal-2006). Barra minn hekk, l-użu ta' tagħmir teknoloġiku ġdid sabiex jittejjeb it-trattament u d-dijanjosi tal-mard u/jew il-prevenzjoni ta' inċidenti jidher bħala opzjoni possibbli għall-bastimenti kbar.
Tagħmir ta' protezzjoni personali (89/656)
Aġġornament tekniku tad-Direttiva se jitqies b'referenza għad-definizzjoni ta' Tagħmir ta' Protezzjoni Personali, b'mod partikolari rigward l-esklużjonijiet kurrenti ta' tagħmir użat minn servizzi ta' emerġenza u ta' salvataġġ bħal dawk li jaħdmu fit-tifi tan-nar.
Aġġornamenti ulterjuri
Direttivi oħra jistgħu jkunu suġġetti għal aġġornamenti tekniċi simili (eż. id-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni 2004/37 u d-Direttiva dwar l-Aġenti Kimiċi 98/24) u se tingħata attenzjoni partikolari għall-annessi għad-Direttivi varji, bil-għan li jiġi vvalutat kif dawn jistgħu jsiru iktar validi għall-futur.
3.2.Inkoraġġiment lill-Istati Membri biex jirrevedu l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol
Fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, l-UE tistabbilixxi rekwiżiti minimi li l-Istati Membri jistgħu jmorru lil hinn minnhom biex jadottaw dispożizzjonijiet iktar iddettaljati li jġibu protezzjoni addizzjonali għall-ħaddiema. Meta tagħmel dan, huwa essenzjali li l-attenzjoni tkun fuq il-protezzjoni miżjuda u li ma jiżdied ebda piż amministrattiv żejjed fuq il-kumpaniji. Id-Direttiva Qafas tagħti flessibbiltà lill-Istati Membri rigward dispożizzjonijiet bħad-dokumentazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju sabiex tippermetti l-addattament tal-miżuri, pereżempju, għad-daqs tal-impriżi, in-natura tal-attivitajiet tagħhom u n-natura u l-estent tar-riskji.
Eżempji ta' Interazzjoni fil-livell tal-UE/Nazzjonali
Rekwiżit ta' ċertifikazzjoni esterna minn konsulent għall-valutazzjonijiet riskji mħejjija mill-impjegaturi. Ma jeżisti ebda obbligu bħal dan fid-Direttiva qafas iżda dan huwa introdott f'xi dispożizzjonijiet nazzjonali u joħloq spejjeż diretti għall-kumpaniji;
Obbligi li jkun hemm dokumenti ffirmati u rekwiżiti oħra ta' dokumentazzjoni għal ħatriet ta' diversi atturi tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol meta r-regoli tal-UE (eż. id-Direttiva dwar il-Postijiet tal-Kostruzzjoni 92/57/KEE) jeħtieġu biss il-ħatra.
|
L-aħħar ftit snin uriet tendenza milqugħa ħafna fost l-Istati Membri li jeżaminaw l-oqfsa leġiżlattivi tagħhom sabiex jissimplifikaw filwaqt li jżommu jew jtejbu l-protezzjoni. Jirriżultaw ħafna vantaġġi minn dan. Filfatt, il-perċezzjoni tan-negozju tar-regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol bħala kumpless tvarja bejn 14 % u 67 % madwar l-Istati Membri. Dan jissuġġerixxi li proporzjon sinifikanti tal-piż amministrattiv fuq in-negozji joriġina mid-differenzi nazzjonali pjuttost milli mir-rekwiżiti minimi tal-UE, filwaqt li ma hemm ebda indikazzjoni korrispondenti li se jkun hemm iktar inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard okkupazzjonali fis-sistemi b'piż iżgħar perċepit.
Il-Kummissjoni jista' jkollha rwol importanti ta' appoġġ f'dan il-proċess sabiex tiżgura li l-Istati Membri jużaw l-opportunità li jitgħallmu mill-prattika tajba ta' xulxin u jkollhom il-kompetenza meħtieġa.
Tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi
Il-Kummissjoni se tagħti bidu għal proċess ta' reviżjoni bejn il-pari bl-għan speċifiku li tnaqqas il-piż amministrattiv fil-leġiżlazzjoni nazzjonali filwaqt li tinżamm il-protezzjoni tal-ħaddiema.
|
B'reazzjoni għall-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tal-2014-2020, 17-il Stat Membru adottaw strateġiji nazzjonali tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol li huma l-istrument ewlieni sabiex jiġu adattati politiki nazzjonali għall-ħtiġijiet u prijoritajiet ġodda. L-iktar oqfsa effettivi, eż. l-istrateġiji Ġermaniżi jew Slovakki, jissettjaw miżuri speċifiċi u jiddefinixxu indikaturi li jippermettu monitoraġġ u s-segwitu. Huwa mħeġġeġ bil-qawwa li l-Istati Membri jadottaw urġentement strateġiji nazzjonali inkluż assi prijoritarju fuq ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, bil-għan speċifiku li jneħħu dispożizzjonijiet superfluwi u jtaffu l-piż amministrattiv fejn ikun possibbli, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u mikro.
Fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku attwali fl-2018, il-Kummissjoni se tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet f'din il-komunikazzjoni inkluż inventarju u rakkomandazzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq il-bażi tal-evalwazzjoni bejn il-pari.
Fil-livell tal-UE, it-traspożizzjoni tal-acquis tal-UE se tkun appoġġjata permezz ta' kooperazzjoni msaħħa, mal-Istati Membri, is-sħab soċjali u spettorati tax-xogħol. Il-Kummissjoni se tagħti prijorità lil każijiet fejn il-ksur huwa partikolarment importanti u r-rimedju x'aktarx se jkollu impatt sinifikanti. L-infurzar f'każijiet individwali huwa r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Istati Membri.
3.3.Inkoraġġiment lill-Istati Membri biex jiżguraw kopertura wiesgħa tal-politiki dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol
Ħaddiema għal rashom
Il-bażi legali għal leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol tal-EU, l-Artikolu 153 tat-TFUE, jipprevedi li l-UE tista' tilleġiżla biex ittejjeb l-ambjent tax-xogħol sabiex tipproteġi s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema.
F'dan il-kuntest huwa importanti li wieħed jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddeċidiet li l-klassifikazzjoni ta' "persuna li taħdem għal rasha" skont il-liġi nazzjonali ma twaqqafx lil persuna milli tiġi kklassifikata bħala impjegat jew ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-UE jekk l-indipendenza tiegħu tkun nozzjonali biss, u għalhekk tkun taħbi relazzjoni ta' impjieg (Allonby, C256/01).
Il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom jammontaw għal 16.4 % tal-impjiegi totali tal-UE. Proporzjonijiet partikolarment kbar jaħdmu bl-ingrossa u bl-imnut, iżda wkoll f'setturi b'riskju għoli bħalma huma l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd u l-kostruzzjoni. Minħabba l-istatus partikolari tal-ħaddiema għal rashom li jaħdmu taħt is-superviżjoni tagħhom stess, jista' jkun kumpless u ta' piż li tiġi applikata valutazzjoni tar-riskju, taħriġ, konsultazzjoni eċċ. għas-sitwazzjoni tagħhom peress li dawn il-prinċipji jibnu fuq relazzjoni bejn ħaddiem/impjegatur.
Madankollu, f'każijiet fejn il-ħaddiema għal rashom jaħdmu flimkien ma' ħaddiema din id-distinzjoni hija inqas evidenti. Barra minn hekk l-azzjonijiet/nuqqasijiet ta' ħaddiem għal rasu f'dan il-kuntest jista' jkollhom impatt fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiem. Żewġ Direttivi speċifiċi dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, fejn tali riskju jkun iktar prevalenti huma d-Direttiva dwar il-Postijiet tal-Kostruzzjoni 92/57/KEE u d-Direttiva dwar il-Bastimenti tas-Sajd 93/103/KE, li l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom ikopri l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom flimkien mal-ħaddiema li huma impjegati.
B'kunsiderazzjoni tal-fatt li ħafna mill-ħaddiema għal rashom jaħdmu f'setturi b'riskju għoli, Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħaddiema għal rashom tħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu s-saħħa u s-sikurezza tagħhom u jinkluduhom fil-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Hija tipprevedi wkoll li: "ħaddiema li jaħdmu għal rashom, irrispettivament minn jekk dawn jaħdmux waħedhom jew ma' impjegati, jistgħu jkunu suġġetti għal riskji għas-saħħa u s-sikurezza simili għal dawk esperjenzati mill-impjegati".
Qabel l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, kienu ftit l-Istati Membri li inkludew lill-ħaddiema għal rashom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Sa mill-adozzjoni tagħha, madwar nofs l-Istati Membri inkludewhom fil-leġiżlazzjoni tagħhom b'xi varjazzjoni fid-definizzjoni ta' ħaddiem għal rasu, il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u l-estent tal-obbligi tagħhom. L-Istati Membri huma hawnhekk mitluba biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni bis-sħiħ.
Fis-suq tax-xogħol li qed jinbidel b'rata mgħaġġla bil-ħolqien ta' forom ġodda ta' xogħol u ż-żieda fl-inċertezza dwar l-istatus tal-ħaddiema u tal-ħaddiema għal rashom, il-kwistjoni tal-applikazzjoni tar-regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza għal kulħadd issir iktar importanti biex jiġu evitati inċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol.
Tindif ta' twieqi u tindif fi djar privati.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol ma tobbligax lill-Istati Membri jinkludu persuni impjegati għal xogħol tad-dar fi djar privati taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli nazzjonali tagħhom dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u mhux il-partijiet kollha tal-acquis tal-UE f'dan il-qasam jistgħu jkunu adattati għalihom, bħal rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Post tax-Xogħol fir-rigward ta' rotot ta' emerġenza u ħruġ u s-sinjalizzazzjoni tagħhom.
Madankollu, il-konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-ħaddiema domestiċi tiddikjara li kull ħaddiem domestiku għandu d-dritt għal ambjent tax-xogħol sikur u san u li dan il-prinċipju għandu jiġi implimentat b'attenzjoni xierqa għall-karatteristiċi speċifiċi tax-xogħol domestiku. Sal-ġurnata tal-lum sitt Stati Membri rratifikaw il-konvenzjoni: il-Belġju, il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Irlanda, l-Italja u l-Portugall.
Madwar nofs l-Istati Membri għandhom regoli fis-seħħ dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol li jkopru persuni impjegati għal xogħol domestiku fi djar privati. L-esperjenza tagħhom tista' tgħin biex twassal madwar l-Istati Membri għal standards komparattivament għoljin fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol tal-istima ta' 2.5 miljun tali persuni fl-UE. Hija tista' wkoll tgħin lill-Istati Membri li jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol imsemmija hawn fuq jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tagħhom.
Fil-bidu tal-2018 il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, se tistieden lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili għal konferenza biex jingħata rendikont tal-progress u tiġi inkoraġġuta r-ratifika u l-implimentazzjoni pragmatika fuq il-bażi tal-aħjar prattika.
3.4.It-titjib tal-infurzar u kultura ta' prevenzjoni
Minħabba l-importanza tal-infurzar fl-implimentazzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol huwa vitali li l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligu li jiżguraw monitoraġġ u infurzar fil-post u li jiżguraw ir-riżorsi neċessarji biex jagħmlu hekk.
Ir-rwol tal-Kummissjoni, bħala l-"gwardjana tat-Trattati", huwa li taċċerta li l-liġi tal-UE tiġi infurzata b'mod xieraq, jekk ikun hemm bżonn permezz ta' proċeduri ta' ksur. Il-Kummissjoni se ssegwi dan ir-rwol b'mod konformi mal-Komunikazzjoni "Riżultati Aħjar Permezz ta' Applikazzjoni Aħjar" (C(2016)8600) adottata fit-13 ta' Diċembru 2016.
L-evalwazzjoni ex post indikat li r-rekwiżiti legali flimkien mal-ispezzjoni huma raġunijiet ewlenin li jispjegaw għaliex l-istabbilimenti jiżviluppaw politiki dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u jieħdu azzjoni rilevanti. L-ispezzjonijiet jistgħu tabilħaqq jikkontribwixxu għal kultura ta' prevenzjoni reali. L-istudji juru impatti tanġibbli tal-ispezzjonijiet fuq il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fil-kumpaniji f'termini ta' tnaqqis fir-rati ta' korrimenti wara spezzjoni. Ġie nnutat tnaqqis ta' 22 % fir-rati ta' korriment matul it-3 snin sussegwenti f'impjanti individwali konkreti li ġew spezzjonati u ppenalizzati. Studji riċenti jikkonfermaw li l-ispezzjonijiet iwasslu għal tnaqqis fil-korrimenti fuq il-post tax-xogħol. Punteġġi iktar għoljin ta' spezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, iwasslu għal tnaqqis fir-rata ta' korrimenti gravi.
U madankollu, il-frekwenza tal-ispezzjonijiet tvarja b'mod sinifikanti madwar l-Istati Membri u b'mod ġenerali, mill-inqas 50 % tal-mikrointrapriżi u SMEs u 25 % tal-intrapriżi kbar għadha ma saritilhomx spezzjoni waħda fl-aħħar tliet snin.
Il-mod li bih isiru l-ispezzjonijiet ivarja ħafna wkoll bejn l-Istati Membri u xi kultant ġewwa l-Istati Membri. F'xi każijiet l-ispezzjonijiet jiffukaw fuq il-kontroll tal-konformità u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet biss. F'każijiet oħra, imorru oltre, u jgħinu lill-kumpaniji jidentifikaw modi aħjar kif jiksbu konformità.
Il-kooperazzjoni bejn is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet kummerċjali u l-ispettorati hija essenzjali għall-prevenzjoni ta' inċidenti u mard, speċjalment fil-mikrointrapriżi u l-SMEs. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll l-appoġġ tagħha għal standards u gwida aħjar, b'mod partikolari permezz tal- Kumitat ta’ Spetturi Għolja tax-Xogħol. L-evalwazzjoni tirrikonoxxi r-rwol ewlieni ta' dan il-Kumitat fil-proċess ta' identifikazzjoni tal-aħjar prattiki rigward l-infurzar u l-ispezzjoni mill-Istati Membri u l-kontribuzzjoni tiegħu għall-bini tal-kompetenza u gwida lill-ispettorati. Il- Kumitat ta’ Spetturi Għolja tax-Xogħol se jaħdem biex itejjeb it-taħriġ rilevanti u mmirat għall-ispetturi tax-xogħol fil-livell tal-UE.
Sabiex jilħqu lill-mikrointrapriżi u SMEs fil-kuntest tar-riżorsi limitati, l-ispettorati tax-xogħol għandhom jingħaqdu ma' aġenziji oħra tal-infurzar biex jużaw kull opportunità għas-sensibilizzazzjoni dwar obbligi eżistenti u miżuri preventivi u jnaqqsu l-piż fuq il-kumpaniji ta' trikkib tal-ispezzjonijiet. Il-Pjattaforma biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat hija eżempju tajjeb ħafna ta' kif tali kooperazzjoni bejn l-aġenziji tista' tiġi stabbilita u tikkontribwixxi għal sensibilizzazzjoni, fehim reċiproku, inizjattivi konkreti u azzjonijiet konġunti fil-livell tal-UE.
Fil-kuntest tad-dinja l-ġdida tax-xogħol, huwa importanti ħafna li l-individwi diġà jkollhom għarfien dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol meta jidħlu fis-suq tax-xogħol. Dan jeħtieġ mhux biss tagħlim tul il-ħajja għall-professjonisti tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol iżda wkoll integrazzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fis-setturi kollha tal-edukazzjoni. L-ispettorati tax-xogħol u l-aġenziji nazzjonali għandhom rwol deċiżiv f'dan ir-rigward. Dan se jkun element importanti ieħor ta' kooperazzjoni tal- Kumitat ta’ Spetturi Għolja tax-Xogħol, l-evalwazzjoni bejn il-pari u l-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku.
3.5.L-iżvilupp ta' għodda ta' monitoraġġ
Politiki bbażati fuq l-evidenza għandhom bżonn dejta ta' kwalità għolja, paragunabbli u f'waqtha. Għal din ir-raġuni, fid-dawl tal-informazzjoni lill-iżvilupp ta' politika futura, ix-xogħol ser ikompli, fi ħdan il-Kummissjoni u f'kollaborazzjoni ma' atturi oħra bħall-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol u l-Eurofound dwar l-iżvilupp tal-ġbir tad- dejta fil-livell tal-UE. Dan se jinkludi, pereżempju, għodod biex jimmonitorjaw il-prestazzjoni tal-qafas legali tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u jkomplu jsegwu l-impatti, ix-xogħol metodoloġiku dwar il-kwistjonijiet ta' nuqqas ta' kopertura u nuqqas ta' rappurtar rigward il-ġbir tad-dejta tal-Istatistika Ewropea dwar l-Aċċidenti fuq ix-Xogħol u x-xogħol fuq il-ġbir tad-dejta pilota dwar l-Istatistika Ewropea dwar il-Mard Okkupazzjonali. Dan se jinkludi wkoll l-esplorazzjoni tal-possibbiltà li tiġi żgurata dejta aġġornata fil-livell tal-UE dwar ir-rata ta' inċidenza ta' inċidenti fuq ix-xogħol imqassma skont id-daqs tal-intrapriża. Edizzjonijiet ġodda ta' stħarriġ eżistenti multiannwali tal-UE se jitwettqu wkoll sal-orizzont tal-2020. Sforzi importanti se jkunu ddedikati wkoll biex tiġi żviluppata dejta ta' esponiment aħjar. L-użu ta' soluzzjonijiet ġodda tal-ICT sabiex tittejjeb il-bażi ta' informazzjoni se jiġi esplorat.
Ir-riċerka dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, barra minn hekk, se tkun appoġġjata b'mod effettiv permezz tal-inklużjoni tal-intestaturi rilevanti taħt id-9 Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u se jinbeda djalogu mal-kontropartijiet globali ewlenin bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina sabiex tinkiseb stampa iktar kompluta tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fl-UE fil-kuntest globali.
Konklużjoni
L-esperjenza ta' 25 sena fil-politika tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fil-livell tal-UE u l-valutazzjoni dettaljata ex post tal-acquis tal-UE jippermettulna nitgħallmu għall-futur. Il-politika moderna tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għandha tikkonsisti f'regoli ċari u aġġornati fil-livell tal-UE u nazzjonali. In-negozji għandhom jingħataw għajnuna biex jikkonformaw mar-regoli u biex jieħdu benefiċċji massimi mill-isforzi tagħhom tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fil-forma ta' forzi tax-xogħol iktar b'saħħithom, iktar kuntenti u iktar produttivi. Dan huwa partikolarment veru għall-intrapriżi mikro u żgħar, fejn l-impatt pożittiv potenzjali tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol aħjar huwa l-ikbar, iżda li fl-istess ħin jiffaċċjaw restrizzjonijiet fil-fehim u l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti.
Għalkemm ir-regoli vinkolanti infurzati fil-post huma kruċjali, kultura ta' konformità f'negozji ta' kull daqs u fost il-ħaddiema huwa dak li verament jagħmel id-differenza fuq il-post. Tali kultura ta' konformità għandha tiġi ffurmata mill-ġranet tal-bidu tal-edukazzjoni 'il quddiem, kemm jekk fl-edukazzjoni professjonali jew f'taħriġ ta' ġestjoni. Din għandha tiġi msaħħa permezz ta' sforzi permanenti ta' sensibilizzazzjoni u skambji tal-aħjar prattiki, u tinżamm fuq allert permezz ta' spezzjonijiet li idealment imorru lil hinn minn sempliċi verifika u s-sanzjonar u jgħinu jidentifikaw modi aħjar ta' konformità. Id-djalogu soċjali għamel kontribut kbir għat-titjib tas-saħħa u s-sikurezza, fuq livell tal-UE, nazzjonali, settorjali u tal-kumpaniji. Dan ma tilef ebda rilevanza fil-kuntest tal-lum. Għall-kuntrarju, id-djalogu soċjali se jkun kruċjali fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li jinsabu f'din il-Komunikazzjoni.
Il-politika moderna tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol aħjar tiddependi minn ħafna atturi li jaħdmu flimkien b'sens komun u konvinzjoni komuni li standards għoljin ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tan-nies fuq il-post tax-xogħol huma rilevanti għal kulħadd.
Anness 1
Lista tal-azzjonijiet dwar is-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol
Azzjoni
|
Atturi
|
Sa meta
|
Il-ġlieda kontra l-kanċer okkupazzjonali u t-trattament ta' sustanzi kimiċi perikolużi
|
1
|
It-tieni emenda tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Fil-bidu tal-2017
|
2
|
It-tielet emenda tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Fil-bidu tal-2018
|
3
|
Ir-raba' lista ta' valuri ta' limitu indikattivi fid-direttiva dwar l-Aġenti Kimiċi
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Fil-bidu tal-2017
|
4
|
Bażi ta' dejta dwar l-esponiment okkupazzjonali għal xi kimiċi perikolużi
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Fil-bidu tal-2017
|
5
|
Kampanja dwar Postijiet tax-Xogħol Ħielsa mill-Periklu dwar sustanzi perikolużi
|
EU-OSHA
|
2018-2019
|
Għajnuna lin-negozji sabiex jikkonformaw mar-regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol
|
1
|
Jintlaħqu l-SMEs sabiex jiġu promossi l-OiRA u għodod nazzjonali simili
|
L-Istati Membri u s-sħab soċjali, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol
|
2017
|
2
|
Jiġi inkorporat bis-sħiħ l-użu ta' għodod ta' valutazzjoni tar-riskju ibbażati fuq l-internet fis-sistemi legali nazzjonali. Tiġi rikonoxxuta l-OiRA u għodod simili bħala konformità mal-obbligu ta' valutazzjoni tar-riskju.
|
L-Istati Membri
|
Nofs l-2018
|
3
|
Jintlaħqu l-miri kwantifikabbli;
- 150 għodda tal-OiRA ppubblikati, u
- 100,000 valutazzjoni tar-riskju imwettqa bl-OiRA.
|
EU-OSHA
|
Nofs l-2018
|
5
|
Gwida għall-prevenzjoni tar-riskju f'bastimenti tas-sajd żgħar.
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Fil-bidu tal-2017
|
6
|
Gwida għall-aħjar prattika biex tittejjeb l-applikazzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fl-agrikoltura, it-trobbija tal-bhejjem, l-ortikultura u l-forestrija.
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Fil-bidu tal-2017
|
7
|
Pubblikazzjoni dwar l-aħjar prattiki fil-ġestjoni tar-riskji psikosoċjali u r-riskji ergonomiċi
|
EU-OSHA
|
Fil-bidu tal-2018
|
It-tneħħija jew aġġornati ta' regoli skaduti u jiġu żgurati protezzjoni, konformità u infurzar aħjar u iktar wiesgħa fil-post.
|
1
|
Aġġornament tad-Direttiva dwar it-tagħmir bi skrin tal-wiri (90/270)
|
Il-Kummissjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fix-Xogħol u s-Sħab Soċjali
|
Għaddejja 2017-2018, għandha tiġi ffinalizzata fi tmiem l-2018
|
2
|
Aġġornament tad-Direttiva dwar is-sinjali OSH (92/58)
|
|
|
3
|
Aġġornament tad-Direttiva dwar l-aġenti bijoloġiċi (2000/54)
|
|
|
4
|
Aġġornament tad-Direttiva dwar l-assistenza medika abbord (92/29)
|
|
|
5
|
Aġġornament tad-Direttiva dwar il-postijiet tax-xogħol (89/654)
|
|
|
6
|
Aġġornament tad-Direttiva dwar it-tagħmir ta' protezzjoni personali (89/656)
|
|
|
7
|
L-implimentazzjoni sħiħa tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħaddiema għal rashom
|
L-Istati Membri
|
Tmiem l-2018
|
8
|
Konferenza ta' livell għoli dwar il-persuni impjegati għal xogħol tad-dar fi djar privati.
|
Il-Kummissjoni Ewropea (mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol)
|
Fil-bidu tal-2018
|
9
|
Ratifika tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Ħaddiema Domestiċi.
|
L-Istati Membri
|
Nofs l-2018
|
10
|
L-Istati Membri jiġu mistiedna għal proċess ta' evalwazzjoni bejn il-pari bl-ghan speċifiku li jitnaqqas il-piż amministrattiv fil-leġiżlazzjoni nazzjonali filwaqt li tinżamm il-protezzjoni tal-ħaddiema.
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Kontinwa 2017-2018
|
11
|
L-ewwel rapport dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Tmiem l-2017
|
12
|
Aġġornament tal-istrateġiji nazzjonali tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol li jirriflettu l-prijoritajiet ta' din il-Kommunikazzjoni u jinkludu l-ewwel riżultati tal-evalwazzjoni bejn il-pari
|
L-Istati Membri
|
Tmiem l-2017
|
13
|
Aġġornament tal-Prinċipji Komuni tal-Ispezzjoni tax-Xogħol fil-qasam tas-Saħħa u s-Sigurtà
|
Il- Kumitat ta’ Spetturi Għolja tax-Xogħol
|
2017
|
14
|
Gwida għal prattika tajba biex tittejjeb l-applikazzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol billi jitnaqqas ir-riskju tal-vetturi relatati max-xogħol
|
Il-Kummissjoni Ewropea/l-Agenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol
|
2017
|
15
|
Standards Komuni għal programmi ta' taħriġ tal-ispetturi
|
Il- Kumitat ta’ Spetturi Għolja tax-Xogħol
|
2018
|
16
|
Manwal elettroniku dwar l-infurzar transkonfinali
|
Il- Kumitat ta’ Spetturi Għolja tax-Xogħol
|
2018
|
17
|
L-iżvilupp ta' prinċipji rilevanti għall-ispetturi tax-xogħol fir-rigward ta' valutazzjoni tar-riskju sensittiva għall-età.
|
L-Istati Membri u l- Kumitat ta’ Spetturi Għolja tax-Xogħol
|
Fil-bidu tal-2018
|