28.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 227/63


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Emendatorju (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq); ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju; ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej; ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) 2015/760 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil; ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u r-Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat”

(COM(2017) 536 final — 2017/0230 (COD))

u

“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II)”

(COM(2017) 537 final — 2017/0231 (COD))

u

“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku”

(COM(2017) 538 final — 2017/0232 (COD))

(2018/C 227/09)

Relatur:

is-Sur MAREELS

Konsultazzjoni

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, COM(2017) 538 final: 23.10.2017, COM(2017) 536 final: 22.11.2017 u COM(2017) 537 final: 29.11.2017

Il-Parlament Ewropew, COM(2017) 538 final: 26.10.2017, COM(2017) 536 final: 16.11.2017 et COM(2017) 537 final: 16.11.2017

Bażi legali

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

29.1.2018

Adottata fil-plenarja

15.2.2018

Sessjoni plenarja Nru

532

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

156/0/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għal aktar superviżjoni fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali (USK) li l-għanijiet tagħha japprovahom bis-sħiħ. Dawn il-proposti mhux biss jimmarkaw fażi ġdida importanti fl-isforzi biex tissaħħaħ l-integrazzjoni u l-konverġenza permezz ta’ aktar superviżjoni integrata fi ħdan l-USK, iżda jikkontribwixxu wkoll għat-twettiq ta’ għanijiet usa’.

1.2.

Fil-fatt, huma jipprovdu l-ewwel nett elementi ġodda għall-bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali fi ħdan l-UE, li huwa ttamat ħafna li titwettaq malajr. Min-naħa tagħha, jenħtieġ li din l-USK tikkontribwixxi għal approfondiment ġdid u għat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), flimkien mal-Unjoni Bankarja. B’mod aktar ġenerali, dan kollu għandu jgħin biex isaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE u tal-Istati Membri f’ambjent globali li qed jinbidel.

1.3.

Il-valur ta’ USK li taħdem tajjeb ma għandux ikun sottovalutat meta din jista’ jkollha rwol importanti fil-kondiviżjoni transkonfinali tar-riskji mas-settur privat. Dan għandu jippermetti lill-Istati Membri jiżviluppaw reżiljenza akbar għall-impatti asimetriċi fiż-żminijiet ta’ kriżi. Il-kisba ta’ għan bħal dan teħtieġ li dawn is-swieq ikunu sikuri, stabbli u reżistenti għall-impatti. Superviżjoni aktar integrata, kemm fil-livell mikroprudenzjali kif ukoll makroprudenzjali, għandha rwol fundamentali f’dan ir-rigward.

1.4.

Għaldaqstant huwa essenzjali u prijoritarju li nkomplu niftħu t-triq għal aktar tranżazzjonijiet transkonfinali fis-suq, li jeħtieġ li jsiru mingħajr ostakli, impedimenti u inugwaljanzi fil-livelli nazzjonali u oħrajn, kif ukoll b’inqas spejjeż. Huwa essenzjali li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali, fejn l-arbitraġġ regolatorju m’għandux post. L-impriżi għandhom ikunu jistgħu jisfruttaw il-possibilitajiet ta’ finanzjament b’mod aktar faċli u effiċjenti billi jibbenefikaw minn tnaqqis fl-ispejjeż u fil-piżijiet amministrattivi li jkollhom jiffaċċjaw.

1.5.

Min-naħa tagħhom, jenħtieġ li l-konsumaturi u l-investituri jkollhom għażla akbar u kwalità aqwa kif ukoll aktar protezzjoni. Għall-Kumitat, dan fl-aħħar mill-aħħar ifisser li l-għan tal-partijiet kollha involuti, inklużi tal-awtoritajiet superviżorji, għandu jkun “fiduċja” akbar fis-swieq. Din il-fiduċja tista’ titrawwem ukoll billi naħdmu għal finanzjament aktar sostenibbli, f’konformità mal-inizjattivi meħuda u mal-ftehimiet internazzjonali konklużi. Approċċ bħal dan għandu jkun rifless ukoll fil-qasam tas-superviżjoni.

1.6.

L-ambjent il-ġdid ta’ superviżjoni jenħtieġ li jkun ikkaratterizzat mit-tfittxija kostanti għall-akbar ċarezza u ċertezza legali għal kulħadd. L-għan huwa li jinstab il-bilanċ ġust fit-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u Ewropej u, sa fejn ikun possibbli, li jiġu applikati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, b’mod partikolari f’din il-fażi ta’ stabbiliment tal-USK u fl-interess tad-diversità tal-atturi tas-suq, l-aktar tal-iżgħar fosthom. Dan japplika wkoll għall-operazzjonijiet lokali. Fl-istess waqt, jenħtieġ li jingħelbu l-ineżattezzi, ir-ripetizzjonijiet u s-sitwazzjonijiet l-oħrajn fil-qasam tas-superviżjoni li jipprevjenu jew ifixklu serjament il-kisba ta’ din l-unjoni.

1.7.

Jenħtieġ ukoll li nżommu għajnejna fuq il-futur, biex l-iżviluppi ġodda u t-teknoloġiji moderni bħat-teknoloġiji finanzjarji jkunu jistgħu jiġu applikati wkoll b’mod korrett u sigur fl-ambjent finanzjarju, f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali għall-operaturi kollha.

1.8.

Waqt l-implimentazzjoni tas-superviżjoni integrata, jenħtieġ li jkun hemm impenn lejn il-konverġenza u l-armonizzazzjoni u, f’dan il-kuntest, l-effiċjenza u l-effettività għandhom ikunu kunsiderazzjonijiet importanti, f’konformità mal-approċċ REFIT. F’dan ir-rigward, jista’ jkun utli li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej biex iwettqu l-evalwazzjonijiet tal-impatt tagħhom stess. Fl-istess waqt, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata wkoll b’mod ġenerali l-kwistjoni tal-ispejjeż. Meta parti mill-ispejjeż tintrefa’ direttament mis-settur privat, jenħtieġ li tiġi żgurata d-dixxiplina baġitarja u li tiġi evitata t-taxxa doppja. Kwalunkwe tibdil għandu jsir b’mod trasparenti u fi kwalunkwe każ huwa rrakkomandat kontroll adegwat tar-riżorsi globali. Jeħtieġ li s-settur jiġi involut b’mod xieraq.

1.9.

Il-progress futur għandu jkun ibbażat, l-istess bħal-lum, fuq id-djalogu u l-konsultazzjoni mal-korpi u mal-partijiet kollha kkonċernati, kif ukoll fuq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa għall-atturi interessati kollha. Approċċ bħal dan huwa estremament importanti għall-Kumitat peress li jippermetti li jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli bbażati fuq l-aktar ftehim wiesa’ possibbli f’sitwazzjonijiet konkreti.

1.10.

Dawn il-proposti huma pass importanti, iżda mhumiex il-punt aħħari. Għall-KESE, jenħtieġ li tkompli l-ħidma biex jinkiseb l-għan aħħari ta’ awtorità superviżorja komuni, kif imsemmi wkoll fir-“Rapport tal-Ħames Presidenti”. Meta l-proposti attwali jiġu kkonkretizzati, jeħtieġ li tiġi segwita l-ħidma b’mod intelliġenti u kostanti, waqt li jiġu kkunsidrati l-punti deskritti hawn fuq.

1.11.

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-proposta li ċerti setgħat ta’ superviżjoni tal-assigurazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali jiġu ttrasferiti fuq livell Ewropew, u b’hekk ikun hemm aktar konverġenza superviżorja u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali għall-atturi kollha fis-suq.

2.   Sfond (1)

2.1.

Rigward l-istabbiliment ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali, huwa ċar li attwalment l-Ewropa diġà għandha superviżjoni bankarja konsistenti bis-saħħa tal-mekkaniżmu superviżorju uniku fi ħdan l-Unjoni Bankarja, b’19-il Stat Membru parteċipant, filwaqt li s-superviżjoni tas-swieq kapitali fl-Unjoni Ewropea sseħħ fil-livell nazzjonali, b’xi ftit eċċezzjonijiet.

2.2.

Huwa ovvju li din is-sitwazzjoni mhijiex konformi mal-prinċipji li jsejsu din l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja. Barra minn hekk, ma rridux ninsew li l-għan tal-integrazzjoni finanzjarja mhux biss se jkun ta’ benefiċċju għall-UEM iżda wkoll għall-Istati Membri kollha.

2.3.

Dment li t-tlestija tal-USK hija prijorità tal-Kummissjoni Ewropea attwali, l-isforzi għandhom ikunu mmirati l-ewwel nett biex is-superviżjoni ssir aktar konformi mal-prinċipji tagħha u l-integrazzjoni finanzjarja f’ambjent li qed jinbidel. Dan kien diġà tħabbar fir-rieżami reċenti ta’ nofs it-terminu tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (2).

2.4.

B’mod konkret, fl-20 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni (3) u tliet proposti leġislattivi biex temenda żewġ direttivi u disa’ regolamenti (4). Il-miżuri proposti japplikaw għall-Istati Membri kollha.

2.5.

Dawn il-proposti għandhom l-għan li jsaħħu u japprofondixxu l-integrazzjoni tal-qafas ta’ superviżjoni attwali tal-UE, b’mod partikolari bil-mezzi li ġejjin.

2.5.1.

Koordinazzjoni aħjar tas-sorveljanza:

2.5.1.1.

bit-tisħiħ b’mod immirat tas-superviżjoni makroprudenzjali pprovduta mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, fl-UE kollha,

2.5.1.2.

bil-promozzjoni tal-konverġenza superviżorja, bit-tisħiħ tal-kompetenzi eżistenti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej,

2.5.1.3.

bit-tisħiħ tal-proċeduri segwiti mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fil-ħruġ ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet biex jirriflettu l-importanza ta’ dawn l-istrumenti,

2.5.1.4.

bl-awtorizzazzjoni lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq li tirċievi data tat-tranżazzjonijiet direttament mill-parteċipanti tas-suq, u

2.5.1.5.

bi rwol akbar tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol fil-koordinazzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-mudelli ta’ kejl tar-riskju intern tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni.

2.5.2.

Estensjoni tas-setgħat ta’ superviżjoni diretta tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA):

2.5.2.1.

l-oqsma l-ġodda ta’ superviżjoni tas-swieq kapitali jirrigwardaw b’mod partikolari dawk li fihom is-superviżjoni diretta tista’ tneħħi l-ostakli transkonfinali u tippromovi aktar integrazzjoni fis-suq. Din il-miżura tista’ titqies bħala pass fit-triq lejn awtorità superviżorja waħda.

2.5.3.

Titjib tal-governanza u tal-finanzjament tal-awtoritajiet superviżorji:

2.5.3.1.

f’dak li jirrigwarda l-istruttura tal-governanza, saret distinzjoni bejn is-setgħat tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u dawk tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza Ewropej. Tal-ewwel se jkomplu jistabbilixxu l-linji gwida ġenerali u jiddeċiedu dwar kwistjonijiet regolatorji, filwaqt li tal-aħħar se jieħdu deċiżjonijiet dwar il-koordinazzjoni tal-prattiki superviżorji ffukati fuq l-UE.

2.5.3.2.

Promozzjoni tad-diversifikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-finanzjament. L-għan huwa li minbarra l-awtoritajiet pubbliċi, l-operaturi tal-industrija u l-parteċipanti tas-suq jipprovdu parti mill-fondi.

2.5.4.

Ir-rekwiżit għall-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej li jqisu l-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza, kif ukoll kwistjonijiet relatati mat-teknoloġija finanzjarja, meta jwettqu kompiti fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom:

2.5.4.1.

bħala l-ewwel pass, ir-rwol tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fil-valutazzjoni tar-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza se jkun iċċarat u msaħħaħ sabiex jiġu żgurati l-istabilità fit-tul tas-settur finanzjarju Ewropew u l-benefiċċji għal ekonomija sostenibbli (5).

2.5.4.2.

Fir-rigward tat-teknoloġija finanzjarja, jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji u superviżorji jkunu jistgħu jsiru familjari ma’ dawn it-teknoloġiji u jiżviluppaw regolamenti u metodi ta’ superviżjoni ġodda, inkluż billi jaħdmu mal-impriżi f’dan is-settur (6).

2.6.

Barra minn hekk, ġiet ippubblikata proposta (7) li tipprovdi li ċerti setgħat superviżorji li bħalissa huma f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jgħaddu f’idejn l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Dawn jikkonċernaw l-aktar lis-settur tal-assigurazzjoni.

2.6.1.

Rigward l-ESMA, essenzjalment hija kwistjoni ta’ trasferiment tas-setgħa ta’ approvazzjoni u ta’ superviżjoni tal-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjoni tad-data, kif ukoll il-ħiliet tal-ġbir tad-data f’dan il-qasam.

2.6.2.

Rigward l-l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, din għandha tingħata rwol ikbar sabiex tikkontribwixxi għall-konverġenza superviżorja fil-qasam tal-applikazzjonijiet għall-użu ta’ mudell intern tal-kejl tar-riskji, u tintroduċi tibdil fir-rigward tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar dawn l-applikazzjonijiet, kif ukoll il-possibilità li toħroġ Opinjonijiet dwar din il-kwistjoni u tikkontribwixxi għas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn awtoritajiet superviżorji.

3.   Osservazzjonijiet

3.1.

Il-proposti tal-Kummissjoni kkunsidrati huma kollha parti mill-proġett usa’ ta’ twaqqif ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali, li bla dubju hija importanti u attwali. F’dan ir-rigward, il-KESE “jsostni bil-qawwi din l-unjoni u jieħu pożizzjoni ambizzjuża fir-rigward tal-ħolqien tagħha”. Huwa importanti ħafna li sseħħ malajr kemm jista’ jkun (8). Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew (9) u l-Parlament Ewropew (10) talbu regolarment biex l-USK titlesta.

3.2.

Fil-fehma tal-Kumitat, jenħtieġ li l-USK titqiegħed fil-kuntest usa’ tal-pożizzjonament internazzjonali tal-Ewropa f’kuntest globali li qed jinbidel, tal-approfondiment u t-tlestija tal-UEM u, mhux inqas importanti, tal-insegwiment tal-integrazzjoni finanzjarja bejn l-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

3.3.

Din l-integrazzjoni hija partikolarment importanti minħabba li tiffaċilita u tippromovi l-kondiviżjoni transkonfinali tar-riskji privati. Kif uriet il-kriżi reċenti, dan għandu jippermetti lill-Istati Membri jiżviluppaw reżiljenza akbar għall-impatti asimetriċi fiż-żminijiet ta’ kriżi.

3.4.

Barra minn hekk, “l-unjoni tas-swieq kapitali tista’ tikkontribwixxi b’mod sostanzjali biex isaħħaħ l-irkupru ekonomiku u tkun wieħed mill-fatturi li jwasslu għat-tkabbir, l-investiment u l-impjiegi. Dan għall-benefiċċju kemm tal-Istati Membri kollha individwali kif ukoll għall-UE kollha kemm hi. (…) li min-naħa tagħha tikkontribwixxi biex tiżgura t-tisħiħ mixtieq tal-istabbiltà, tas-sigurtà u tar-reżiljenza tas-sistema kemm ekonomika kif ukoll finanzjarja (11).

3.5.

Il-Kumitat għalhekk jilqa’ l-proposti attwali għat-tisħiħ u l-integrazzjoni tal-Mekkaniżmu Superviżorju Ewropew, u l-fatt li ġew ifformulati mingħajr dewmien. Issa jmiss li jiġu attwati. Ta’ min ifakkar ukoll inizjattivi preċedenti oħra li wkoll jikkontribwixxu għal dawn l-għanijiet u li ntlaqgħu b’mod favorevoli mill-KESE Fosthom insemmu l-proposti għal mekkaniżmu superviżorju aktar integrat għall-kontropartijiet ċentrali (12) u dawk dwar il-PEPP (13), li jipprovdu rwol importanti għall-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol.

3.6.

Kif intqal qabel, “il-Kumitat huwa kuntent li s-superviżjoni ser tkun ċentrali għall-isforzi li għandhom l-għan li tiġi żviluppata l-Unjoni tas-Swieq Kapitali”. Din is-sorveljanza eżerċitata fuq livell Ewropew għandha rwol ewlieni x’taqdi, kemm fir-rigward tas-sigurtà u l-istabbiltà kif ukoll biex tinkiseb l-integrazzjoni tas-swieq kif mixtieq u jiġu eliminati kwalunkwe tip ta’ ostaklu, u l-inugwaljanzi fi ħdan l-Unjoni tas-Swieq Kapitali”  (14). Dawn l-għanijiet għandhom post ċentrali fil-qafas imsemmi hawn fuq u għalhekk għandhom dejjem jipprevalu u jkunu omnipreżenti.

3.7.

Għall-Kumitat huwa essenzjali li r-regoli kkonċernati jikkontribwixxu b’mod konkret u dirett għall-kisba tal-għanijiet u jipproduċu effetti pożittivi għall-partijiet kollha kkonċernati u fl-Istati Membri kollha.

3.8.

F’dan is-sens, il-Kumitat jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Komunikazzjoni f’dan ir-rigward, li tipprovdi li “huwa kruċjali li tissaħħaħ il-ħila tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej biex jiżguraw superviżjoni konsistenti u l-infurzar uniformi tal-ġabra unika tar-regoli. Dan se jappoġġa l-funzjonament tajjeb tas-swieq kapitali billi jitnaqqsu l-ostakli għal investiment transkonfinali, ikun issimplifikat l-ambjent tan-negozju u jitnaqqsu l-kostijiet ta’ konformità għall-kumpaniji li joperaw fuq bażi transkonfinali li jirriżultaw minn implimentazzjoni diverġenti tar-regoli. Minn perspettiva ta’ investitur, superviżjoni konsistenti u infurzar uniformi tar-regoli jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-investitur u għall-bini ta’ fiduċja fis-Swieq Kapitali” (15). Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti standards ta’ superviżjoni simili fl-Istati Membri kollha tal-UE.

3.9.

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti standards ta’ superviżjoni simili fl-Istati Membri kollha tal-UE. Fil-kuntest tal-estensjoni tas-setgħat, huwa importanti wkoll li jsir sforz għall-aqwa ċarezza u ċertezza legali possibbli għal kulħadd, kemm għall-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u Ewropej kif ukoll għall-impriżi soġġetti għal din is-superviżjoni. Il-miżuri ta’ monitoraġġ previsti jridu jkunu adegwati.

3.10.

Jenħtieġ li jinstab bilanċ tajjeb bejn is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u dawk Ewropej. Jenħtieġ li bi prijorità jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għat-tranżazzjonjiet u l-operazzjonijiet transkonfinali u jgħibu l-ostakli li jfixkluhom. F’xi każijiet jeħtieġ li jiġi analizzat jekk il-kontroll jistax jitkompla jsir fil-livell lokali, speċjalment fil-fażi tal-ħolqien tal-Unjoni tas-Swieq Kapital u waqt li tiġi kkunsidrata d-diversità tal-operaturi tas-suq, u b’mod partikolari tal-iżgħar fosthom. Kemm jista’ jkun għandhom jitqiesu l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. L-istess japplika għall-operazzjonijiet lokali, fejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali huma l-eqreb għas-suq. Jenħtieġ li jiġu evitati kemm jista’ jkun l-arbitraġġ regolatorju, il-kontrolli doppji, ir-regoli nazzjonali speċifiċi u r-regolamentazzjoni żejda, speċjalment meta din ixxekkel it-twettiq tal-USK jew tostakolaha serjament.

3.11.

Barra minn hekk, għandu jinstab bilanċ tajjeb bejn, minn naħa, il-possibbiltà li jiġu proposti servizzi jew strumenti finanzjarji transkonfinali, li huwa importanti ħafna (speċjalment fid-dawl tal-kondiviżjoni transkonfinali tar-riskji privati, ara hawn fuq), u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-investituri u tal-konsumaturi. Dan huwa partikolarment importanti peress li dejjem aktar tranżazzjonijiet qegħdin isiru b’mod remot u mhux bil-mod tradizzjonali “wiċċ imb’wiċċ” (16). Eventwalment, il-klijenti (potenzjali) għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess livell ta’ informazzjoni u protezzjoni irrispettivament mill-post fejn ikun stabbilit il-fornitur (tas-servizz jew tal-istrument) jew mit-termini tat-tranżazzjoni.

3.12.

Jenħtieġ ukoll li s-superviżjoni Ewropea tagħti attenzjoni kbira lill-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri. Dawn għandu jkollhom għażla akbar u kwalità aqwa kif ukoll aktar protezzjoni. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu proposti wkoll prodotti bażiċi mingħajr riskju. Jenħtieġ li tiġi żgurata l-konsistenza ma’ inizjattivi (17) oħrajn u li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe regolament ġdid ma tippenalizzax lill-konsumaturi. Għall-Kumitat, dan fl-aħħar mill-aħħar ifisser li l-għan tal-partijiet kollha involuti, inklużi tal-awtoritajiet superviżorji, għandu jkun “fiduċja” akbar fis-swieq. Din il-fiduċja tista’ titrawwem ukoll billi naħdmu għal finanzjament aktar sostenibbli, f’konformità mal-inizjattivi meħuda u mal-ftehimiet internazzjonali konklużi.

3.13.

Bl-istess mod, jenħtieġ ukoll li nżommu għajnejna fuq il-futur, biex l-iżviluppi ġodda u t-teknoloġiji moderni bħat-teknoloġiji finanzjarji jkunu jistgħu jiġu applikati fl-ambjent finanzjarju. Jenħtieġ li l-potenzjal tagħhom jiġi sfruttat, iżda mhux għad-detriment tas-sigurtà. Jenħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali għall-operaturi kollha, irrispettivament mill-mod ta’ intervent tagħhom.

3.14.

Ix-xogħol konsiderevoli li sar mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fir-rigward tat-twaqqif ta’ standards leġislattivi għandu jkun enfasizzat u apprezzat. F’dan ir-rigward, huwa importanti li fil-futur nersqu aktar lejn il-konverġenza u l-armonizzazzjoni, sabiex nagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli. Bl-istess mod jeħtieġ li ma tintilifx l-importanza li l-leġislazzjoni Ewropea tiġi applikata b’mod korrett.

3.15.

Fit-tfassil ta’ dawn il-miżuri u ta’ dawk sussegwenti, jenħtieġ li dan il-qasam jiġi ispirat mill-approċċ REFIT: l-effiċjenza u l-effettività, kif ukoll it-tfittxija għall-orħos mezzi biex jinkisbu r-riżultati mixtieqa, għandhom ikunu kunsiderazzjonijiet importanti. REFIT jiżgura s-sempliċità, ineħħi l-piżijiet bla bżonn u japplika regoli mingħajr preġudizzju għall-kisba tal-għanijiet tal-politika.

3.16.

F’dan il-kuntest, jista’ jiġi previst it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej li jwettqu l-valutazzjonijiet tal-impatt tagħhom stess, peress li dan jippermettilhom jevalwaw l-ispiża tal-implimentazzjoni u l-effettività tal-istandards li jfasslu. F’dan ir-rigward, jeħtieġ, sa kemm huwa possibbli, li jitqies ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità. Diversi gruppi ta’ partijiet interessati jistgħu jintużaw għat-twettiq ta’ dawn il-valutazzjonijiet b’mod aktar wiesa’ u strutturali biex jinġabar l-għarfien u l-esperjenzi tal-impriżi.

3.17.

Sabiex jaqdu dmirhom kif xieraq, jenħtieġ li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ikollhom riżorsi suffiċjenti. Bħalissa, parti minnhom ġejjin mill-baġit Ewropew u l-parti l-oħra mill-kontropartijiet tagħhom fil-livell nazzjonali. Jenħtieġ li kwalunkwe tibdil, maħsub biex jgħaddi parti mill-ispejjeż relatati mas-superviżjoni indiretta direttament lis-settur privat, jikkunsidra d-dixxiplina baġitarja u jevita t-taxxa doppja. Fl-istruttura attwali, l-entitajiet finanzjarji diġà jikkontribwixxu, permezz tal-kontribut tal-awtorità superviżorja nazzjonali tagħhom, għar-riżorsi tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Għalhekk jenħtieġ li l-kontribut tal-entitajiet finanzjarji jerġa’ jitqassam lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u Ewropej, u li tiġi evitata żieda ġenerali ulterjuri tal-ispiża tas-superviżjoni. Kwalunkwe tibdil ieħor jeħtieġ li jkun ibbażat fuq l-akbar trasparenza possibbli u tiġi prevista l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi rigorużi ta’ kontroll. Jeħtieġ ukoll li jiġi stabbilit kontroll adegwat dwar ir-riżorsi globali, liema jrid isir ukoll mis-settur finanzjarju b’mod adegwat.

3.18.

Bla dubju dawn il-proposti huma pass importanti, iżda għad mhumiex il-punt aħħari. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jappoġġja l-għan iddikjarat fid-dokument reċenti ta’ riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (18), jiġifieri li “it-tisħiħ gradwali tal-qafas sorveljatorju għandu finalment iwassal għal sorveljatur uniku tas-swieq kapitali Ewropej”. Dan l-għan finali huwa fformulat ukoll fir-Rapport tal-Ħames Presidenti (19) ta’ nofs l-2015.

3.19.

Il-proposti kkunsidrati huma bbażati fuq approċċ fi stadji. Dan jidher partikolarment adatt, l-aktar fil-preżent, fil-fażi ta’ implimentazzjoni tal-USK (20) u waqt li jitqiesu, minn naħa waħda, is-sitwazzjoni u l-aspirazzjonijiet differenti fl-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, il-ħafna sfidi u bidliet ekonomiċi, teknoloġiċi u politiċi li se jseħħu fid-dinja.

3.20.

Il-Kumitat huwa kuntent ukoll bil-fatt li l-proposti huma bbażati fuq l-esperjenza operattiva tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, ix-xogħol tal-Kummissjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kif ukoll fuq djalogu mill-qrib mal-partijiet kollha involuti u fuq konsultazzjoni pubblika wiesgħa mal-partijiet interessati kollha. Il-KESE jemmen li dan l-approċċ huwa ġust u xieraq. Dan jippermetti li jintlaħqu l-aħjar riżultati possibbli, ibbażati fuq l-iktar ftehim wiesa’ possibbli, peress li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi konkreti. Għaldaqstant il-Kumitat jipproponi b’mod espliċitu li jkompli jintuża dan l-approċċ fil-futur, kemm fil-kuntest tal-valutazzjoni regolari tar-regolamenti kif ukoll dak tal-adozzjoni ta’ miżuri ġodda għall-kisba tal-għan finali (ara aktar ’il fuq).

3.21.

F’kull ħin, jenħtieġ li l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali fis-swieq finanzjarji tal-UE, kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll għall-Istati Membri l-oħrajn, ikun fil-qalba tal-proċess. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu ddefiniti wkoll kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali għall-fornituri minn pajjiżi mhux membri tal-UE. Dan ikun possibbli biss jekk ir-regolamenti u s-superviżjoni fis-seħħ f’dawn il-pajjiżi terzi jkollhom l-istess għanijiet ta’ dawk tal-UE.

3.22.

Il-proposta li ċerti setgħat ta’ superviżjoni tal-assigurazzjoni tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jiġu ttrasferiti lejn il-livell Ewropew hija parti mill-isforz biex titwessa’ s-superviżjoni tas-swieq finanzjarji mill-UE u b’hekk tikkontribwixxi għall-kisba tal-USK. Din se tikkontribwixxi għal aktar konverġenza superviżorja u għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali għall-atturi kollha fis-suq.

Brussell, il-15 ta’ Frar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Dan it-test huwa bbażat fuq bosta pubblikazzjonijiet uffiċjali, b’mod partikolari dawk tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Ara, fost l-oħrajn, http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13447-2017-INIT/mt/pdf u http://europa.eu/rapid/press-release_IP-17-3308_en.htm

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, COM(2017) 292 final

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Dwar it-tisħiħ tas-superviżjoni integrata biex tissaħħaħ l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-integrazzjoni finanzjarja f’ambjent li qed jinbidel, COM(2017) 542 final

(4)  Ara https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/banking-and-finance/financial-supervision-and-risk-management/european-system-financial-supervision_fr#reviewoftheesfs

(5)  Fl-2018, se jiġi ppubblikat Pjan ta’ azzjoni li jinkludi miżuri regolatorji.

(6)  Anki f’dan il-qasam tħabbar pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni għall-2018.

(7)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), COM(2017) 537 final.

(8)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 117, punt 1.1.

(9)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 22-23 ta' Ġunju 2017.

(10)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2015 dwar il-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali. Ara http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2015-0268+0+DOC+XML+V0//MT

(11)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 117, punt 1.3.

(12)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 63.

(13)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 139.

(14)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 117, punt 1.12.

(15)  Komunikazzjoni COM(2017) 542 final, p. 5.

(16)  Pereżempju, permezz tal-Internet.

(17)  F’dan ir-rigward, jiġina f’moħħna l-“Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur: Prodotti aħjar u aktar għażla għall-konsumaturi Ewropej” reċenti, ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. Ara l-Opinjoni INT/822 tal-KESE dwar “Is-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi” (ĠU C 434, 15.12.2017, p. 51).

(18)  Dokument tal-31 ta’ Mejju 2017, p. 21. Ara https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/reflection-paper-emu_mt.pdf

(19)  Dokument ta’ Ġunju 2015, punt 3.2., p. 14. Ara https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/5-presidents-report_mt.pdf

(20)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (bid-data tas-7 ta’ Ġunju 2017) għadha ssemmi 38 komponent tal-USK li jridu jiġu stabbiliti sal-2019, COM(2017) 292 final