28.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 227/78


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropea”

[COM(2017) 495 final — 2017/0228 (COD)]

(2018/C 227/12)

Relatur:

Jorge PEGADO LIZ

Konsultazzjonijiet

Parlament Ewropew, 23.10.2017

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 24.10.2017

Bażi legali

L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

5.2.2018

Adottata fil-plenarja

15.2.2018

Sessjoni plenarja Nru

532

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

163/3/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.    Konklużjonijiet

1.1.1.

Il-KESE diġà enfasizza, f’għadd ta’ Opinjonijiet preċedenti, il-bżonn ta’ inizjattiva leġislattiva dwar il-moviment liberu ta’ data mhux personali, bħala pass obbligatorju li huwa essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali u jiġi implimentat is-Suq Uniku Diġitali.

1.1.2.

Il-proposta tal-Kummissjoni inkwistjoni tirrappreżenta, illum il-ġurnata, l-iżjed aspett ġuridiku rilevanti tal-futur tal-politika Ewropea għall-iżvilupp tal-ekonomija tad-data u tal-effetti tagħha fuq il-livell tat-tkabbir ekonomiku, ir-riċerka xjentifika, il-promozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali, il-cloud computing, il-metadata u l-Internet tal-oġġetti (IoT), l-industrija, kif ukoll is-servizzi inġenerali u s-servizzi pubbliċi b’mod partikolari.

1.1.3.

Il-KESE jikkunsidra, madankollu, li din il-proposta waslet pjuttost tard u li, barra minn hekk, l-ambitu wisq ristrett tagħha, l-ambigwità u n-nuqqas ta’ assertività tal-mekkaniżmi mħabbra u, prinċipalment, in-nuqqas ta’ ambizzjoni, ta’ rieda u determinazzjoni politika huma tali li jikkompromettu l-objettivi tagħha.

1.1.4.

Effettivament, fir-rigward tal-ewwel objettiv u l-aktar wieħed importanti, jiġifieri t-titjib tal-mobilità transkonfinali tad-data mhux personali fis-suq uniku, il-KESE jemmen, bil-maqlub tal-Kummissjoni, li mhuwiex biżżejjed, fl-ewwel fażi, li l-Istati Membri jintalbu jinnotifikawlha “kwalunkwe abbozz ta’ att li jintroduċi rekwiżit ġdid jew li [jibdel] rekwiżit eżistenti ta’ lokalizzazzjoni tad-data” 12-il xahar biss wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament – li m’għandux ikun qabel tmiem l-2018, fl-aħjar ipoteżi – u li l-Istati Membri jkunu obbligati li jiżguraw li jitħassar “kwalunkwe rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tad-data li ma jikkonformax” mar-regola li ma jiġix ipprojbit jew ristrett il-moviment liberu ta’ din id-data, sakemm ma jkunx ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika.

1.1.5.

Fir-rigward tat-tieni objettiv imsemmi – jiġifieri li jiġi żgurat li “is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti biex jitolbu u jkollhom aċċess għad-data għall-finijiet ta’ kontroll regolatorju, bħall-pereżempju għall-ispezzjoni u għall-awditjar, jibqgħu mhux affettwati”, il-KESE ma jaċċettax li l-komunikazzjoni tipproponi biss proċedura ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru, billi toħloq netwerk ta’ punti uniċi ta’ kuntatt li jservi bħala koordinazzjoni mal-punti uniċi tal-Istati Membri l-oħrajn u mal-Kummissjoni, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament.

1.1.6.

Finalment, b’rabta mat-tielet objettiv, “Li jsir eħfef għall-utenti professjonali tal-ħżin tad-data jew servizzi oħra tal-ipproċessar li jaqilbu minn fornitur tas-servizzi għal ieħor u li jittrasferixxu d-data tagħhom”, il-KESE ma jaqbilx li l-Kummissjoni tillimita ruħha li “tħeġġeġ u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta awtoregolatorji fil-livell tal-Unjoni”, li hija kwistjoni fejn għandhom jiġu kkunsidrati biss miżuri leġislattivi. Hija lanqas ma tikkunsidra l-abbozzar ta’ “linji gwida” dwar l-iżvilupp tal-kodiċijiet awtoregolatorji msemmijin hawn fuq.

1.1.7.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-KESE ma jistax jagħti l-kunsens tiegħu għad-dokument fil-verżjoni attwali tiegħu. Huwa lest li jħaddan din il-proposta biss jekk tkun emendata skont is-suġġerimenti elenkati f’dan id-dokument u li titqies b’mod ċar bħala l-ogħla denominatur komuni li jkun aċċettabbli, kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-partijiet interessati, iżda fi kwalunkwe każ, għandha titqies bħala l-ewwel pass lejn forom aktar ambizzjużi li jimplimentaw moviment tassew liberu ta’ data mhux personali fis-suq diġitali tal-Unjoni Ewropea.

1.1.8.

Kundizzjoni oħra ferm importanti hija li għandhom jitqiesu kif imiss l-aspetti internazzjonali ta’ ekonomija globali li din l-inizjattiva għandha tkun parti minnhom.

1.2.    Rakkomandazzjonijiet

1.2.1.

Il-KESE għalhekk jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-proposta tagħha biex tqarribha b’mod sinifikanti lejn it-termini definiti fl-Għażla 3, li l-KESE jippreferi għas-Subgħażla 2a magħżula.

Barra minn hekk, huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintegra b’mod partikolari fil-proposta tagħha s-suġġerimenti stabbiliti fil-punti 3.4.1 (id-data tad-dħul fis-seħħ), 3.4.2 (in-nuqqas ta’ proċedura obbligatorja f’każ ta’ nonkonformità), 3.6 (l-ineżistenza ta’ linji gwida għall-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta), 3.7 (in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-metadata) u 3.8 (in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tan-natura globali u trans-Ewropea tal-ekonomija diġitali), speċjalment fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi prevista proċedura speċifika għall-każijiet fejn l-Istati Membri ma jkunux konformi.

1.2.2.

Il-KESE jinsisti wkoll li l-Kummissjoni tilqa’ d-diversi proposti ta’ titjib li jissuġġerixxi, b’mod partikolari, dawk relatati għad-diversi artikoli tal-abbozz ta’ Regolament li qed jiġi analizzat hawnhekk.

1.2.3.

Barra minn hekk, iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tintegra fil-proposta tagħha l-emendi proposti fil-pożizzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill ta’ Diċembru, li huwa japprova inkwantu jikkostitwixxi titjib inerenti u ta’ natura li jrendi l-proposta vijabbli.

2.   Sinteżi fil-qosor u kuntest ġenerali

2.1.    Sommarju tal-proposta u tar-raġunijiet tagħha

2.1.1.

Il-Kummissjoni tibbaża l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ din il-Proposta għal Regolament (1) fuq dawn l-argumenti:

“It-titjib tal-mobilità tad-data mhux personali bejn il-fruntieri fis-suq uniku, li bħalissa hija limitata f’ħafna Stati Membri minħabba r-restrizzjonijiet tal-lokalizzazzjoni jew l-inċertezza legali fis-suq”;

“L-iżgurar li s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti biex dawn jitolbu u jingħataw aċċess għad-data għall-finijiet tal-kontroll regolatorju jibqgħu mhux affettwati”; u

“Li jsir eħfef għall-utenti professjonali tal-ħżin tad-data jew servizzi oħra tal-ipproċessar li jaqilbu minn fornitur tas-servizzi għal ieħor u li jittrasferixxu d-data”.

2.1.2.

Il-Kummissjoni temmen li din il-proposta tikkonforma mar-regola tas-sussidjarjetà fis-sens li, filwaqt li tiżgura l-moviment liberu tad-data fl-Unjoni, għandha l-għan li tiżgura “il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għas-servizzi msemmija hawn fuq li mhuwiex limitat għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed”, fid-dawl tal-fatt li “il-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri fuq livell nazzjonali, peress li l-problema ewlenija hi l-mobbiltà transfruntiera tad-data”.

2.1.3.

Madankollu, tikkunsidra wkoll li l-proposta tagħha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità fis-sens li “tfittex bilanċ bejn ir-regolament tal-UE u l-interessi ta’ sigurtà pubblika tal-Istati Membri – kif ukoll bilanċ bejn ir-regolamentazzjoni tal-UE u l-awtoregolamentazzjoni mis-suq”.

2.2.    Politika u kuntest legali

2.2.1.

Mill-perspettiva legali, il-Kummissjoni kkunsidrat 3 għażliet li ħabbret f’forma ta’ sommarju fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, billi ġabret fil-qosor l-istudji ta’ “valutazzjoni tal-impatt” ex ante u l-konsultazzjonijiet mal-“partijiet ikkonċernati” imwettqa matul it-tħejjija tat-test (2) leġislattiv u dawn jiġu deskritti fil-qosor b’dan il-mod:

Għażla 1 kienet tikkonsisti f’linji gwida u/jew awtoregolamentazzjoni biex jiġu indirizzati l-problemi differenti identifikati u kienet tinvolvi t-tisħiħ tal-infurzar vis-à-vis kategoriji differenti ta’ restrizzjonijiet ta’ lokalizzazzjoni tad-data mhux ġustifikati jew sproporzjonati imposti mill-Istati Membri.

Għażla 2 tistabbilixxi prinċipji legali li jikkonċernaw il-problemi differenti identifikati u tipprevedi l-ħatra ta’ punti uniċi ta’ kuntatt mill-Istati Membri u l-ħolqien ta’ grupp ta’ esperti, biex jiddiskuti approċċi u prattiki komuni, u jagħti gwida dwar il-prinċipji introdotti bl-għażla.

Għażla 3 kienet tikkonsisti f’inizjattiva leġislattiva dettaljata biex jiġu stabbiliti, inter alia, valutazzjonijiet (armonizzati) iddefiniti minn qabel ta’ x’jikkostitwixxi restrizzjonijiet ta’ lokalizzazzjoni tad-data (mhux) ġustifikati u (s)proporzjonati u dritt ġdid għat-trasferiment tad-data.

2.2.2.

Minħabba d-differenzi mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, li ħareġ żewġ opinjonijiet negattivi dwar il-proposti tal-Kummissjoni u minkejja li l-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jqisu li l-għażla ta’ inizjattiva leġislattiva (Għażla 3) tikkostitwixxi l-iżjed istrument adatt, is-subgħażla li ġejja ġiet imfassla purament għal raġunijiet ta’ strateġija politika:

Subgħażla 2a – “biex tippermetti l-valutazzjoni ta’ taħlita ta’ leġislazzjoni li tistabbilixxi l-qafas tal-moviment liberu tad-data u l-punti uniċi ta’ kuntatt u grupp espert kif ukoll miżuri awtoregolatorji li jindirizzaw it-trasferiment tad-data”.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li din l-għażla “ser tiżgura t-tneħħija effikaċi tar-restrizzjonijiet ta’ lokalizzazzjoni mhux ġustifikati eżistenti u effettivament tipprevjeni oħrajn futuri”, kif ukoll “ser tippromwovi wkoll l-użu transfruntiera u transsettorjali ta’ servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data u l-iżvilupp tas-suq tad-data” u, għaldaqstant, “ser tgħin tittrasforma s-soċjetà u l-ekonomija u ser tiftaħ opportunitajiet ġodda għal ċittadini, negozji u amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej”.

2.2.3.

F’dan ir-rigward, hija ressqet proposta ta’ regolament li tikkunsidra li huwa “kapaċi jiżgura li jkunu applikabbli simultanjament fit-territorju kollu tal-Unjoni regoli uniformi għall-moviment liberu tad-data mhux personali”, jew li jirriżulta li huwa “partikolarment importanti biex jelimina r-restrizzjonijiet attwali u biex tiġi evitata l-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda min-naħa tal-Istati Membri”.

2.2.4.

Il-proposta inkwistjoni toriġina mill-iżviluppi teknoloġiċi diġitali reċenti li jippermettu l-ħżin u l-użu ta’ kwantitajiet kbar ta’ data b’mod dejjem aktar effiċjenti, li joħolqu ekonomiji ta’ skala u huma ta’ benefiċċju għall-utenti tagħhom permezz ta’ aċċess rapidu, konnettività akbar u aktar awtonomija.

2.2.4.1.

Kien b’mod partikolari fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Nibnu Ekonomija Ewropea tad-Data li l-Kummissjoni (3) ilmentat dwar ir-rabta bejn l-ostakli għall-moviment liberu tad-data u d-dewmien fl-iżvilupp tas-suq Ewropew. B’hekk il-Kummissjoni ħasset il-ħtieġa li tressaq proposta ta’ qafas legali li jelimina l-kunċett ta’ “kontroll tal-fruntieri”.

Għandu jiġi nnotat li, min-naħa tal-Istati Membri, madwar nofshom biss iffirmaw id-Dokument informali dwar l-inizjattiva tal-moviment liberu tad-data (4), u fost dawk li ma ħadux sehem insibu, b’mod partikolari, il-Ġermanja, Franza u l-pajjiżi kollha tan-Nofsinhar tal-Ewropa.

2.2.4.2.

Is-suġġett ġie indirizzat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija għas-Suq Uniku Diġitali – Suq Uniku Diġitali konness għal kulħadd (5), fejn il-Kummissjoni ħabbret il-pubblikazzjoni, fl-2017, ta’ żewġ inizjattivi leġislattivi, waħda dwar il-Moviment liberu ta’ data mhux personali transkonfinali – li hija s-suġġett ta’ din l-Opinjoni – u l-oħra dwar l-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid ta’ data pubblika u data miġbura b’finanzjament minn fondi pubbliċi, li wkoll qiegħda titħejja mill-Kummissjoni.

2.2.4.3.

Finalment, l-Opinjoni tal-KESE Suq Uniku Diġitali: Reviżjoni ta’ nofs it-terminu (6)“tikkunsidra li l-ekonomija Ewropea tad-data hija wieħed mis-setturi fejn id-differenza bejn l-UE u l-mexxejja tal-innovazzjoni diġitali globali hija l-aktar ċara” u għal dan il-għan “jappoġġja l-proposta li jiġi stabbilit qafas regolatorju, sakemm jiġi applikat b’mod korrett anke fil-kuntest tal-cloud computing, l-intelliġenza artifiċjali u l-Internet tal-oġġetti, u li jqis il-libertà kuntrattwali għat-tneħħija tal-ostakli għall-innovazzjoni u jkun rifless b’mod xieraq fil-finanzjamenti allokati mill-UE”, li tikkorrispondi għal Għażla 3.

2.2.4.4.

Il-proposta tal-Kummissjoni inkwistjoni tirrappreżenta, illum il-ġurnata, l-iżjed aspett ġuridiku importanti tal-futur tal-politika Ewropea għall-iżvilupp tal-ekonomija tad-data u tal-effetti tagħha fuq il-livell tat-tkabbir ekonomiku, ir-riċerka xjentifika, il-promozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali, il-cloud computing, il-metadata u l-Internet tal-oġġetti (IoT), l-industrija, kif ukoll is-servizzi inġenerali u s-servizzi pubbliċi b’mod partikolari (7).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jieħu nota tal-objettiv ta’ din l-inizjattiva, li huwa diġà appoġġja f’diversi Opinjonijiet preċedenti tiegħu, peress li huwa prerekwiżit fundamentali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenda Diġitali u jinkiseb is-suq uniku diġitali.

3.2.

Madankollu, ma jistax joqgħod lura milli jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar l-ambitu wisq ristrett tal-inizjattiva, in-natura bierda tal-proposti tagħha, l-ambigwità u n-nuqqas ta’ assertività tal-mekkaniżmi mħabbra u, prinċipalment, in-nuqqas ta’ ambizzjoni u ta’ rieda u determinazzjoni politiċi.

Ejjew nagħtu ħarsa aktar mill-qrib.

3.3.

Permezz tal-kunċett tal-“moviment liberu” tad-data mhux personali, il-Kummissjoni trid taġixxi kontra l-biċċa l-kbira tal-politiki u l-prattiki fis-seħħ fl-Istati Membri li joħolqu, jimponu jew jawtorizzaw ostakli fir-rigward tal-lokalizzazzjoni tal-ħżin jew l-ipproċessar tad-data, li hija korrettament temmen li m’għandhiex tiġi pprojbita jew ristretta, ħlief jekk dan ikun iġġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika (8), u dan permess tal-istabbiliment ta’ regoli dwar:

(a)

rekwiżiti tal-lokalizzazzjoni tad-data;

(b)

disponibbiltà tad-data għall-awtoritajiet kompetenti;

(c)

it-trasferiment tad-data għal utenti professjonali.

3.4.

Fid-dawl tal-ewwel wieħed mill-punti msemmija qabel – rekwiżiti tal-lokalizzazzjoni tad-data – il-Kummissjoni tikkunsidra bħala suffiċjenti, fl-ewwel fażi, li l-Istati Membri jkunu mitluba li jinnotifikawlha “kwalunkwe abbozz ta’ att li jintroduċi rekwiżit ġdid ta’ lokalizzazzjoni tad-data jew li [jibdel] rekwiżit eżistenti ta’ lokalizzazzjoni tad-data”.

3.4.1.

12-il xahar biss wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament – li m’għandux ikun qabel tmiem l-2018 – l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li jitħassar “kwalunkwe rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tad-data li ma jikkonformax” mar-regola li ma jiġix ipprojbit jew ristrett il-moviment liberu tad-data kkonċernata, ħlief jekk dan jitqies li huwa ġġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. F’dan il-każ, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni filwaqt li jiġġustifika r-raġunijiet għaliex jikkunsidra li l-miżura hija konformi mar-regola msemmija u għaliex għandha, għaldaqstant, tibqa’ fis-seħħ.

3.4.2.

Ma tiġi stabbilita l-ebda proċedura speċifika fil-każ ta’ nonkonformità min-naħa ta’ Stat Membru.

3.5.

Fir-rigward tat-tieni punt dwar id-disponibbiltà tad-data għall-awtoritajiet kompetenti, il-proposta ma timmodifikax is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti biex jitolbu u jirċievu aċċess għal data biex iwettqu d-dmirijiet uffiċjali tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.

Madankollu żżid rekwiżit importanti: “L-aċċess għad-data mill-awtoritajiet kompetenti ma jistax jiġi rrifjutat fuq il-bażi li d-data tinħażen jew inkella tiġi pproċessata fi Stat Membru ieħor.”

3.5.1.

Barra minn hekk, sabiex tiġi ggarantita l-effettività ta’ dan id-dritt, il-proposta tipproponi biss proċedura ta’ kooperazzjoni bejn l-entitajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru, b’mod simili għal oħrajn li diġà jeżistu f’oqsma oħrajn, u għal dan il-għan toħloq netwerk ta’ punti uniċi ta’ kuntatt li jservi bħala koordinazzjoni mal-punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri l-oħrajn u mal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regolament mingħajr ma madankollu ma tiġi evalwata l-effettività ta’ dawn il-punti ta’ kuntatt u s-sostenibbiltà tal-ispejjeż imġarrba.

3.5.2.

Madankollu, l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ infurzar meħtieġa biex jinkiseb aċċess mill-awtorità li ssirilha t-talba għal kwalunkwe faċilità ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluż tagħmir u mezzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor ta’ data, fl-aħħar mill-aħħar dejjem trid issir taħt il-liġi proċedurali ta’ kull Stat Membru.

3.5.3.

Fi kliem ieħor, f’każ ta’ nonkonformità, li hija probabbli ferm, l-uniku rimedju huwa quddiem il-qrati ordinarji tal-Istati Membri, soġġett għad-dewmien magħruf tal-ġustizzja, l-ispejjeż eżorbitanti u l-imprevedibbiltà tar-riżultati.

3.6.

Finalment, fir-rigward tat-tielet punt imsemmi qabel – it-trasferiment tad-data għal utenti professjonali – il-Kummissjoni sempliċement “tħeġġeġ u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta awtoregolatorji fil-livell tal-Unjoni, sabiex tiddefinixxi l-linji gwida dwar l-aqwa prattiki biex jiġi ffaċilitat il-bdil tal-fornituri u biex tiżgura li huma jagħtu informazzjoni biżżejjed dettaljata, ċara u trasparenti lill-utenti professjonali qabel ma jiġi konkluż kuntratt għall-ħżin u l-ipproċessar tad-data”, fir-rigward ta’ serje ta’ aspetti ġenwinament strutturali u essenzjali (9).

3.6.1.

Għalhekk għandu jiġi kkritikat bis-saħħa l-fatt li sempliċement jintużaw mekkaniżmi awtoregolatorji biex jirregolaw aspetti fundamentali li għandhom jiġu ttratati biss permezz ta’ miżuri leġislattivi.

Il-KESE, minkejja li dejjem kien favur il-koregolazzjoni bħala mezz komplementari partikolarment importanti fil-qafas legali tal-Unjoni, ma jaqbilx li regoli u prinċipji essenzjali għall-koerenza u l-armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu soġġetti sempliċement għall-awtoregolazzjoni mingħajr l-ebda parametri jew linji gwida.

Aktar gravi minn hekk, speċifikament fir-rigward tat-trasferiment tad-data, kienet il-limitazzjoni tar-responsabbiltà u l-introduzzjoni ta’ perjodi ta’ lealtà għad-detentur tad-data bil-possibbiltà tat-tneħħija tal-kontenut f’każ ta’ nonkonformità.

3.6.2.

Saħansitra aktar kritikabbli huwa l-fatt li l-Kummissjoni lanqas biss ipproponiet mekkaniżmu ta’ koregolazzjoni, skont il-mudell u l-parametri li l-KESE ddefinixxa b’mod opportun (10).

F’dan ir-rigward, il-KESE jikkunsidra li r-regolament inkwistjoni għandu jistabbilixxi, mill-inqas, ġabra ta’ regoli fundamentali inerenti għar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-fornituri tas-servizzi u l-utenti, kif ukoll lista sewda ta’ klawżoli pprojbiti abbażi tal-limitazzjoni tad-dritt tat-trasferiment tad-data, skont il-parametri mħabbra b’mod partikolari fl-Opinjoni tiegħu dwar l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni.

3.6.3.

Huwa wkoll inaċċettabbli li l-Kummissjoni ma pproponietx il-formulazzjoni ta’ “linji gwida” għall-abbozzar tal-imsemmija kodiċijiet ta’ kondotta, kif għamlet f’oqsma oħrajn, li ntlaqa’ b’mod favorevoli mill-KESE.

Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda t-trasferiment tad-data, ċerti impriżi adottaw aġir li jikser id-drittijiet tal-utenti, b’mod partikolari limitazzjonijiet għas-sjieda tad-data jew għall-proprjetà intellettwali tal-kontenut tas-servizzi fil-cloud, il-kunsens għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data, bl-introduzzjoni ta’ regoli ta’ kunsens preżunt, kif ukoll ħlasijiet moħbija jew id-dritt ta’ sospensjoni tas-servizz abbażi ta’ deċiżjoni unilaterali tal-impriża.

3.6.4.

Finalment, il-Kummissjoni twiegħed, mingħajr ebda alternattiva oħra ta’ natura leġislattiva, li tanalizza “l-iżvilupp u l-implimentazzjoni effikaċi ta’ dawn il-kodiċijiet ta’ kondotta, [kif ukoll] l-għoti effikaċi ta’ informazzjoni mill-fornituri mhux aktar tard minn tletin xahar wara li jibda japplika dan ir-Regolament”. Imbagħad?

3.7.

Barra minn hekk, il-limitazzjoni ta’ din il-proposta għat-tliet sitwazzjonijiet imsemmija ma tqisx it-tħassib li dejjem qiegħed jikber dwar il-metadata, li hija meqjusa bħala data mhux personali, u li ħlief għal xi eċċezzjonijiet, għandha tgawdi mill-istess protezzjoni bħad-data personali, b’mod partikolari mil-lat tal-aċċess, il-korrezzjoni, it-tħassir u d-dritt li ssir oġġezzjoni min-naħa tad-detentur.

3.7.1.

Fil-fatt l-impriżi li jispeċjalizzaw fl-analiżi tal-metadata jagħmlu analiżijiet prospettivi u proattivi, fuq il-bażi ta’ data, biex b’hekk jidentifikaw it-tendenzi jew il-kundizzjonijiet biex l-impriżi jkunu jistgħu jadottaw deċiżjonijiet fil-futur.

3.7.2.

Barra minn hekk, mhuwiex ċar jekk ir-regolament futur japplikax biss għal data miksuba f’forma elettronika, peress li l-Artikolu 3(2) jiddefinixxi l-ħżin bħala kwalunkwe forma ta’ ħżin ta’ data f’format elettroniku, filwaqt li l-Artikolu 2 stess jgħid li r-Regolament japplika għall-“ħżin jew ipproċessar ieħor ta’ data elettronika”. Madankollu jekk nieħdu bħala eżempju stħarriġ anonimu li jsir fil-preżenza fiżika tad-detenturi tad-data u li jinħażen fiżikament, dan jista’ jimplika li mhuwiex serikun kopert minn dan ir-Regolament.

3.7.3.

Min-naħa l-oħra, bl-Internet tal-oġġetti, il-proliferazzjoni ta’ apparat elettroniku, b’mod partikolari apparat domestiku li jiġbor u jqabbel data mhux personali, fil-futur jistgħu jinqalgħu diversi kwistjonijiet mil-lat ta’ sigurtà u privatezza, raġuni għalfejn kien fundamentali li l-Kummissjoni Ewropea kellha tagħti iżjed attenzjoni dwar id-data mhux personali, u b’hekk tħares id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini.

3.7.4.

Fl-aħħar nett, u meta titqies iż-żona griża li teżisti bejn id-data personali u mhux personali – billi ċerta data tista’, faċilment, tgħaddi minn kategorija għal oħra – iż-żamma ta’ arranġamenti kompletament differenti għal din it-tip ta’ data tista’ twassal biex l-atturi jippruvaw jikklassifikaw id-data miġbura bħala mhux personali, sabiex b’hekk jevitaw l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679, tas-27 ta’ April 2016.

3.8.

Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni ma tikkunsidrax kif xieraq in-natura globali u trans-Ewropea tal-ekonomija diġitali, iżda tiffoka biss fuq ir-regolazzjoni tas-suq intern, filwaqt li tinjora l-fatt li s-suq qiegħed jiżviluppa f’livell globali, mingħajr ebda garanzija li f’pajjiżi u kontinenti oħrajn jiġu segwiti l-istess regoli li issa qed tipprova timplimenta u mingħajr is-setgħa li timponihom f’negozjati internazzjonali.

3.9.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-KESE mhuwiex favur is-Subgħażla 2a proposta mill-Kummissjoni mingħajr argument validu jew koerenti għad-detriment tal-Għażla 3, li l-Kumitat jappoġġja.

3.10.

Il-KESE huwa lest li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal din il-proposta biss jekk tinkorpora l-emendi li huwa jissuġġerixxi, kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-pożizzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill kif tidher fid-dikjarazzjoni tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2017, li huwa jappoġġja, u bil-kundizzjoni li l-imsemmija proposta titqies b’mod ċar bħala denominatur akbar komuni aċċettabbli kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-partijiet interessati, u li din tkompli titqies bħala l-ewwel pass, li fil-futur tista tiżviluppa f’forom iktar ambizzjużi, li effettivament jimplementaw moviment liberu ġenwin ta’ data mhux personali fis-Suq Uniku Diġitali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni

4.1.1.

Il-KESE jqajjem domanda dwar in-natura tal-inċiż (a), jiġifieri x’nifhmu b’“jiġu pprovduti bħala servizz lill-utenti”, b’mod partikolari jekk hijiex involuta tranżazzjoni legali b’xejn jew bi ħlas.

Fil-fatt, huwa importanti li wieħed jinnota li attwalment hemm diversi servizzi pprovduti b’xejn, b’mod partikolari Google Analytics. Madankollu, il-fatt li dawn l-impriżi ma jaqgħux taħt ir-rekwiżit ta’ servizz bi ħlas ippermettielhom li jintroduċu klawżoli abbużivi fil-kuntratti tagħhom ta’ forniment ta’ servizzi, billi jevitaw ir-responsabbiltà għat-telf, l-għajbien jew il-qerda ta’ data jew, ukoll, billi jassumu d-dritt li jħassru d-data mingħajr il-kunsens tad-detentur.

4.1.2.

Min-naħa l-oħra, il-KESE jikkunsidra li huwa neċessarju, b’mod simili għar-Regolament (UE) 2016/679, li dan ir-Regolament japplika wkoll għal pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea fejn tkun applikata l-liġi ta’ Stat Membru bis-saħħa tad-dritt internazzjonali privat.

4.2.    Artikolu 3 – Definizzjonijiet

4.2.1.   Il-kunċett ta’ “data mhux personali”

4.2.1.1.

Fil-proposta ma nsibux definizzjoni tat-tip Aristotiljan ta’ x’inhi data mhux personali, u jista’ jingħad biss li din hija, prima facie, każ ta’ data li mhijiex data personali, jiġifieri sempliċiment definizzjoni f’forma negattiva, kif jidher li huwa implikat fil-premessa 7 tal-preambolu u fl-Artikolu 1 tal-proposta.

4.2.1.2.

Madankollu, minn analiżi aktar profonda, jista’ jiġi stabbilit li minn dan il-kunċett huma esklużi biss id-data personali soġġetta għal protezzjoni legali speċifika, jiġifieri għall-protezzjoni mogħtija attwalment fl-UE mir-Regolament (UE) 2016/679, tas-27 ta’ April 2016, mid-Direttiva (UE) 2016/680, tal-istess data, u mid-Direttiva 2002/58/KE, tat-12 ta’ Lulju 2002 (11), u mil-leġislazzjoni nazzjonali li ttrasponietha.

4.2.1.3.

B’hekk din il-proposta tidher li tkopri mhux biss data relattiva għal persuni legali (u li, b’kuntrast mal-fehma espressa ripetutament minn dan il-Kumitat, ma tgawdix l-istess protezzjoni bħal dik mogħtija lil persuni naturali, filwaqt li tagħmel dan f’diversi sistemi legali nazzjonali), iżda wkoll data personali “anonima”, li tinsab referenza waħda biss għaliha, fil-premessa 26 tar-Regolament Ġenerali tal-Protezzjoni tad-Data.

4.2.1.4.

Minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tat-test, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li d-definizzjoni ta’ data mhux personali tkun stabbilita espressament f’dan ir-Regolament u mhux bħala definizzjoni sussidjarja u ġenerika għal dik li teżisti fir-Regolament (UE) 2016/679, peress li ħafna qrati taw interpretazzjonijiet differenti ta’ xi jfissru data personali u mhux personali, sabiex b’hekk jiġu ggarantiti l-koerenza, il-korrelazzjoni u ċ-ċarezza ġuridika tal-atti tal-UE.

4.3.    Artikolu 4 – Moviment liberu ta’ data fl-Unjoni

4.3.1.

Għall-finijiet ta’ ċertezza u sigurtà ġuridika, il-KESE jikkunsidra li għandhom jiġu konkretizzati l-perjodi sa meta l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-miżuri li jinvolvu ż-żamma jew il-ħolqien ta’ regoli li, għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, imorru kontra dan ir-regolament.

4.3.2.

Jitqies li huwa wkoll importanti li l-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-kumplament tal-Istati Membri fis-sens li jiġi vverifikat jekk dawn il-miżuri għandhomx, jew le, impatt dirett jew indirett fuq il-moviment liberu tad-data mhux personali fl-istess Stati Membri.

4.4.    Artikolu 9 – Analiżi

4.4.1.

Il-Kummissjoni tassumi l-obbligu li tirrevedi dan ir-Regolament u tippreżenta rapport bil-konklużjonijiet prinċipali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fi żmien 5 snin biss mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

4.4.2.

Peress li, fl-aqwa każ, dan mhux mistenni jseħħ qabel tmiem l-2018, jitqies li jkun aktar xieraq li r-reviżjoni ssir fi żmien tliet snin, minħabba l-fraġilità biċ-ċar ta’ dan l-istrument ġuridiku u s-suġġetti li jkopri, li huma ta’ natura li tinbidel ferm malajr.

4.5.    Il-pożizzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill

4.5.1.

Sadanittant, waqt it-tħejjija ta’ dan l-abbozz ta’ opinjoni, fid-19 ta’ Diċembru, il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ippreżentat test emendat li jemenda b’mod sostanzjali (12) l-proposta tal-Kummissjoni b’konformità sħiħa mar-rakkomandazzjonijiet attwali tal-KESE.

4.5.2.

Fil-qosor, dan jinvolvi:

(a)

l-Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni – u fil-premessi 7a u 8a, il-kjarifika tal-elementi li jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament,

(b)

l-Artikolu 3 – definizzjonijiet: jiddaħħal paragrafu 2a ġdid li jispeċifika t-tifsira ta’ “ipproċessar”;

(c)

fl-istess Artikolu 3(5): l-aċċenn espliċitu tal-prattiki amministrattivi fid-definizzjoni ta’ lokalizzazzjoni tad-data u l-emenda konsegwenti tal-Artikolu 4(1);

(d)

fl-Artikolu 5(2a): l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu vinkolanti biex ikun hemm l-obbligu li tiġi pprovduta d-data u, fl-Artikolu 5(3a), dispożizzjoni li tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjonijiet fuq l-utenti fil-każ ta’ frodi relatati mal-provvista tad-data kif irrakkomandat f’din l-Opinjoni;

(e)

fl-Artikolu 6: l-istabbiliment ta’ linji gwida għall-iżvilupp ta’ kodiċijiet tal-kondotta;

(f)

fl-Artikolu 7: id-definizzjoni tar-rwol tal-“punti uniċi ta’ kuntatt” u t-tħaffif tal-pass b’rabta mal-proċess ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet;

(g)

it-tneħħija tal-Artikolu 8 u, b’hekk, tal-Kumitat dwar il-Moviment Liberu tad-Data;

(h)

F’diversi artikoli, armonizzazzjoni aħjar mad-Direttiva dwar it-Trasparenza (13);

(i)

fil-premessi 10 u 10a: il-kjarifika importanti li saret għall-kwistjoni tad-data mħallta u d-data anonima, kif titlob din l-Opinjoni;

(j)

fil-premessa 12a: il-kunċett ta’ sigurtà pubblika msemmi fl-Artikolu 4, li jiġi ċċarat abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif inhu rrakkomandat f’din l-Opinjoni.

4.5.3.

Il-KESE jappoġġja bil-qawwa dawn is-suġġerimenti tal-Presidenza u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri jqisuhom kif dovut.

Brussell, il-15 ta’ Frar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2017) 495 final,13.9.2017.

(2)  Ara d-dokument SWD(2017) 304 final.

(3)  Ara COM(2017) 9 final, 10.1.2017, u d-dokument ta’ ħidma li jakkumpanjah SWD (2017) 2 final, tal-istess data, li dwaru l-KESE adotta l-Opinjoni tiegħu Il-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Data, ĠU C 345, 13.10.2017, p. 130.

(4)  http://www.brukselaue.msz.gov.pl/resource/76f021fe-0e02-4746-8767-5f6a01475099:JCR,

(5)  COM(2017) 228 final tal-10 ta’ Mejju 2017 u d-dokument ta’ ħidma anness, SWD (2017) 155 final.

(6)  Suq Uniku Diġitali: Reviżjoni ta’ nofs it-terminu (għadu mhux ippubblikat fil-ĠU).

(7)  COM(2017) 495 final, Memorandum ta’ Spjegazzjoni, p. 4.

(8)  Dan il-kunċett huwa stabbilit fl-Artikolu 4(2) tat-TUE bħala r-responsabbiltà unika tal-Istati Membri, iżda d-definizzjoni għandha tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod ġenerali, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2016 fil-Kawżi Konġunti C-203/15 u C-698/15 Tele2 Sverige AB contre Post-och telestyrelsen u Secretary of State for the Home Department v Tom Watson e.a., hawnhekk http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1513080243312&uri=CELEX:62015CJ0203(paragrafi 11 u 88–89) u kif ukoll tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(9)  Ara l-Artikolu 6(1)(a) u (b).

(10)  Ara r-rapport ta’ informazzjoni INT/204 tal-25.1.2005 dwar L-istat attwali tal-koregolazzjoni u l-awtoregolazzjoni fis-Suq Uniku u l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja L-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni ĠU C 291, 4.9.2015, p. 29.

(11)  Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201 31.7.2002, p. 37), li diġà ġie riformulat mill-proposta tal-Kummissjoni dwar Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi [COM(2016) 590 final, 12.10.2016], Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, code(ĠU C 125 21.4.2017, p. 56), u mill-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali f’komunikazzjoni elettronika u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE (Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika) [COM(2017) 10 final – 2017/0003 (COD)].

(12)  Dossier interistituzzjonali: 2017/0228 (COD) 15724/1/17REV 1 tad-19 ta’ Diċembru 2017.

(13)  ĠU L 294, 6.11.2013, p. 13.