2.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/181


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni (tfassil mill-ġdid)”

[COM(2017) 280 final — 2017/0128 (COD)]

(2018/C 081/25)

Relatur:

Vitas MAČIULIS

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 15.6.2017

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.6.2017

Bażi legali

Artikolu 91 tat-TFUE

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

2.10.2017

Adottata fil-plenarja

18.10.2017

Sessjoni plenarja Nru

529

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

183/1/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tal-31 ta’ Mejju 2017 dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ tat-toroq, li għandha l-għan li ttejjeb id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004. L-użu prattiku ta’ dawn id-dispożizzjonijiet matul dawn l-aħħar snin wera li ħafna minnhom jonqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti moderni.

1.2.

Is-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ tat-toroq ġew introdotti fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali f’20 Stat Membru. Madankollu, l-interoperabbiltà ħażina tas-sistemi fil-livell internazzjonali twassal għal telf konsiderevoli fid-dħul għall-Istati Membri, kif ukoll għal spejjeż addizzjonali għall-utenti diretti tat-triq. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifittxu kooperazzjoni transkonfinali waqt l-iżvilupp ta’ mekkaniżmu ta’ pedaġġ tat-toroq avvanzat. Nuqqas ta’ kooperazzjoni jfisser li l-Istati Membri ma għandhom l-ebda mod biex jidentifikaw trasgressuri speċifiċi jekk il-vetturi tagħhom ikunu rreġistrati barra ’l pajjiż.

1.3.

Il-KESE huwa konvint bis-sħiħ li għandu jsir kull sforz possibbli biex tiġi introdotta sistema elettronika uniformi ta’ pedaġġ tat-toroq madwar l-Ewropa kollha, fuq il-bażi ta’ teknoloġija avvanzata. Il-KESE huwa favur sistema sempliċi, flessibbli u bi prezzijiet baxxi li tista’ tiġi estiża malajr biex tkopri firxa wiesgħa ta’ utenti u netwerks tat-toroq. Sistema ta’ din ix-xorta toħloq bażi favorevoli għall-implimentazzjoni tal-prattiki ta’ pedaġġ nondiskriminatorji stabbiliti bid-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni dwar l-Eurovignette.

1.4.

L-unità abbord (OBU), li hija l-komponent ewlieni f’sistema elettronika ta’ pedaġġ, ma għandhiex għalfejn tkun apparat fiżiku uniku. Tista’ tkun numru ta’ apparati kollegati b’mod fiżiku jew remot, inklużi smart phones u tablets, li flimkien jwettqu l-funzjonijiet ta’ OBU. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tal-IT speċjali għal dawn il-finijiet, li jnaqqsu b’mod konsiderevoli l-ispejjeż għall-utenti tat-triq.

1.5.

Xi Stati Membri diġà qed jużaw teknoloġiji differenti għall-ġbir tal-pedaġġ tat-toroq, u jkun jiswihom ħafna flus biex jaqilbu għal sistema uniformi. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tfittex strumenti finanzjarji, tekniċi u legali flessibbli biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovaw jintegraw id-diversi soluzzjonijiet eżistenti f’sistema waħda interoperabbli. L-inklużjoni ta’ lista ta’ teknoloġiji użati f’sistemi b’OBU fl-anness għad-Direttiva, tiffaċilita wkoll rispons aktar rapidu għall-iżvilupp teknoloġiku u tgħin biex tintlaħaq l-uniformità.

1.6.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummisjsoni Ewropea biex tintroduċi kuntratt uniku mal-Fornitur ta’ Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (EETS) għall-utenti tal-UE kollha. Dan se jgħin biex jimplimenta prattiki aktar trasparenti u faċli għall-utent.

1.7.

Dan jippermetti mod aktar faċli u effettiv biex jinstabu tariffi għall-użu tat-triq mhux imħallsa minn utenti tat-triq diżonesti u qarrieqa, indipendentement mill-pajjiż tar-reġistrazzjoni tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra li testendi t-trattati li jirregolaw l-użu tas-sistema EUCARIS (is-Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan). Din is-sistema diġà tipprovdi infrastruttura u softwer lill-pajjiżi u tippermettilhom li jaqsmu l-informazzjoni ta’ reġistrazzjoni tal-karozza u tal-liċenzja tas-sewqan tagħhom, u b’hekk tgħin fil-ġlieda kontra s-serq tal-karozzi u l-frodi fir-reġistrazzjoni.

1.8.

L-aspetti soċjali tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea huma wkoll ta’ importanza kruċjali. L-SMEs u l-mikrointrapriżi jippredominaw fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq madwar l-UE kollha. Il-pedaġġ elettroniku għall-karozzi privati hija kwistjoni sensittiva ħafna. Għalhekk, is-soluzzjonijiet f’dan il-każ għandhom jiġu evalwati b’attenzjoni kbira.

2.   Kuntest u ħarsa ġenerali lejn l-iskemi ta’ pedaġġ eżistenti

2.1.

Fl-2012, tariffi għall-użu tat-triq kienu imposti fuq vetturi tqal tal-merkanzija f’20 Stat Membru, u fuq karozzi privati fi 12-il Stat Membru. In-netwerk tal-pedaġġ tat-toroq kien twil madwar 72 000 kilometru, 60 % minnhom kienu mgħammra b’sistemi tal-ġbir tal-pedaġġ elettroniku (ETC) li kienu introdotti fuq livell nazzjonali jew lokali mill-bidu tas-snin desgħin u li kienu abbonaw għalihom aktar minn 20 miljun utent tat-triq. Sistemi ta’ komunikazzjonijiet fuq medda qasira dedikati (DSRC) huma l-aktar soluzzjoni adottata b’mod frekwenti għall-ġbir tal-pedaġġ elettroniku. Teknoloġiji ġodda, inklużi dawk ibbażati fuq is-satellita, ġew adottati wkoll matul dawn l-aħħar 10 snin. B’riżultat ta’ dan, fi ħdan l-Unjoni Ewropea jinstabu għadd ta’ teknoloġiji differenti u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, mhux interoperabbli.

2.2.

Id-Direttiva 2004/52/KE kienet adottata biex tirrettifika din il-frammentazzjoni tas-suq billi toħloq Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (EETS). Skont l-imsemmija Direttiva, l-EETS kellu jkun disponibbli għal vetturi tqal tal-merkanzija sa mhux aktar tard minn Ottubru 2012 u kellu jkun offrut għat-tipi l-oħrajn kollha ta’ vetturi sa Ottubru 2014.

2.3.

Sabiex jiġi żgurat li d-diversi sistemi ta’ pedaġġ ikunu teknoloġikament kompatibbli u b’hekk jistgħu jiġu kollegati ma’ dan is-servizz ta’ pedaġġ uniku, id-Direttiva speċifikat tliet teknoloġiji li jistgħu jintużaw biex jinġabru pedaġġi permezz ta’ mezzi elettroniċi: komunikazzjonijiet DSCR bil-majkrowejv, bis-satellita (GNSS) u bil-mowbajl (GSM).

2.4.

Fil-preżent, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/52/KE għandhom ma ġewx implimentanti bis-sħiħ fis-suq Ewropew tal-pedaġġ. L-iskemi ta’ pedaġġ xorta waħda għadhom mhux omoġenji – kull Stat Membru u kollettur tal-pedaġġ għandu l-kuntest leġislattiv, l-objettivi għall-istabbiliment ta’ skema, il-kuntest lokali u l-kundizzjonijiet tat-traffiku tiegħu.

2.5.

Fir-rakkomandazzjonijiet li ressaq f’bosta opinjonijiet preċedenti, il-KESE enfasizza l-importanza kemm ta’ standards komuni u interoperabilità transkonfinali bħala mezz biex jiġi żgurat trasport transkonfinali effiċjenti kif ukoll tal-iżvilupp effettiv tal-EETS (1).

2.6.

L-iskemi ta’ tariffi tat-toroq ewlenin fl-UE huma:

2.6.1.

L-iskemi ta’ tariffi tat-toroq ibbażati fuq id-distanza: it-tariffa hija kkalkulata fuq il-bażi tad-distanza li tivvjaġġa l-vettura u mbagħad aġġustata minn parametri oħra li jikkaratterizzaw il-vettura (piż totali, numru ta’ fusien, klassi ta’ emissjonijiet, eċċ.). Din hija l-iktar tip komuni ta’ skema fl-UE u tuża diversi mezzi tekniċi biex timponi ħlas fuq vettura b’mod proporzjonali, abbażi tal-użu attwali tagħha tal-infrastruttura tat-toroq.

2.6.2.

Skemi ta’ tariffi tat-toroq ibbażati fuq iż-żmien jew il-vinjetta: it-tariffa hija kkalkulata abbażi ta’ perjodu ta’ żmien partikolari u hija wkoll aġġustata skont il-karatteristiċi tal-istess vettura kif intqal hawn fuq. Tali skemi jinvolvu x-xiri ta’ vinjetta li tawtorizza l-użu ta’ ċertu netwerk tat-toroq għal ammont speċifiku ta’ żmien (jum, xahar jew sena sħiħa). It-tariffa li trid titħallas hija indipendenti mill-użu attwali tal-infrastruttura tat-toroq.

2.6.3.

Skemi ta’ tariffi tat-toroq ibbażati fuq l-aċċess: it-tariffa hija prinċipalment applikata għal żoni urbani u infrastruttura speċifika, fejn l-utent irid iħallas pedaġġ talli jsuq fiż-żona rilevanti. Tali skemi jagħmluha possibbli li jitnaqqas it-traffiku u t-tniġġis b’mod partikolari partijiet sensittivi tal-belt jew żoni urbani mibnija ħafna.

2.7.

Jeżistu żewġ teknoloġiji ewlenin li jintużaw għat-tranżazzjonijiet tal-pedaġġ elettroniku tal-UE fi skemi “ibbażati fuq id-distanza”: lokalizzazzjoni bis-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) u Komunikazzjonijiet Fuq Medda Qasira Dedikati (DSRC), li hija teknoloġija bil-majkrowejvs 5,8 GHz u li ġiet adottata mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN):

2.7.1.

It-teknoloġija GNSS tuża d-data tal-pożizzjoni tal-vettura minn netwerk ta’ satelliti u tkejjel id-distanza koperta fuq it-triq sabiex tiġi stabbilita t-tariffa. L-unità abbord (OBU) tidentifika l-pożizzjoni tagħha u tiġbor u tipproċessa l-informazzjoni meħtieġa mingħajr l-għajnuna ta’ unitajiet mal-ġenb tat-triq. Din hija s-sistema l-aktar konvenjenti, iżda wkoll l-iktar waħda li tqum flus.

2.7.2.

It-teknoloġija tat-komunikazzjonijiet fuq medda qasira dedikati (DSRC) hija bbażata fuq komunikazzjoni tar-radju bidirezzjonali bejn tagħmir mal-ġenb tat-triq (RSE) fiss u apparat mobbli (OBU) installat f’vettura. Permezz ta’ komunikazzjoni bħal din, utent tat-triq (u l-vettura tiegħu) jiġi identifikat minn infrastruttura mal-ġenb tat-triq sabiex toriġina t-talba għall-pagament.

2.8.

Is-sistema ta’ Rikonoxximent Awtomatiku tal-Pjanċi (ANPR) tintuża fi skemi ta’ tariffi tat-toroq ibbażati fuq l-aċċess. Din it-teknoloġija tuża vidjowkameras biex jinqaraw il-pjanċi tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi. Ma tirrikjedix OBUs u tinvolvi tagħmir mal-ġenb tat-triq li jiswa inqas flus.

2.9.

Ħarsa ġenerali lejn id-diversi sistemi ta’ pedaġġ li qegħdin jintużaw f’pajjiżi differenti tal-UE hija ppreżentata fit-tabelli ta’ hawn taħt:

2.9.1.

Sistemi ta’ pedaġġ ibbażati fuq id-distanza għal vetturi heavy-duty:

Skemi ta’ pedaġġ

Teknoloġija użata

Pajjiż

Fluss liberu

GNSS b’ANPR u/jew DSRC

l-Ungerija, is-Slovakkja, il-Belġju

Fluss liberu

GNSS b’infra-aħmar u/jew DSRC

il-Ġermanja

Fluss liberu

DSRC

l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, il-Portugal, ir-Renju Unit (Dartford Crossing)

Fluss liberu

ANPR

ir-Renju Unit (Dartford Crossing)

Fluss liberu

ANPR u OBU tad-DSRC

il-Portugall (A22, …, A25)

Netwerk bi plazas fejn jitħallsu l-pedaġġi

DSRC

il-Kroazja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, Spanja, ir-Renju Unit

2.9.2.

Sistemi ta’ pedaġġ ibbażati fuq id-distanza għal vetturi ħfief:

Skemi ta’ pedaġġ

Teknoloġija użata

Pajjiż

Fluss liberu

DSCR/ANPR

il-Portugall

Sezzjonijiet individwali bi plazas fejn jitħallsu l-pedaġġi

DSCR/ANPR

l-Awstrija (A9, A10 Tauern, A11 Karawanken, A13, Brenner and S16 Arlberg)

Netwerk bi plazas fejn jitħallsu l-pedaġġi

DSCR

il-Kroazja, id-Danimarka, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, Spanja

2.9.3.

Sistemi ta’ pedaġġ ibbażati fuq iż-żmien għal vetturi heavy-duty:

Skemi ta’ pedaġġ

Teknoloġija użata

Pajjiż

Vinjetta

Eurovignette elettronika

id-Danimarka, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Iżvezja

Vinjetta

Vinjetta elettronika

ir-Renju Unit, il-Latvja

Vinjetta

Stiker

il-Bulgarija, il-Litwanja, ir-Rumanija

2.9.4.

Sistemi ta’ pedaġġ ibbażati fuq iż-żmien għal vetturi ħfief:

Skemi ta’ pedaġġ

Teknoloġija użata

Pajjiż

Vinjetta

Stiker

l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija (vinjetta elettronika), ir-Rumanija (vinjetta stampata), is-Slovenja, is-Slovakkja

Pedaġġ b’ostaklu fiżiku, jew bi fluss liberu

DSRC, ANPR – tvarja skont l-iskema

ir-Renju Unit

2.9.5.

Sistemi ta’ pedaġġ ibbażati fuq l-aċċess għall-vetturi kollha (2):

Skemi ta’ pedaġġ

Teknoloġija użata

Pajjiż

Tariffa għall-aċċess (tariffa fuq iż-żona delimitata)

ANPR

l-Iżvezja (Stokkolma)

Tariffa għall-aċċess (vinjetta)

ANPR

ir-Renju Unit (Tariffa fuq il-Konġestjoni f’Londra), Milan (Tariffa fuq iż-Zona C)

3.   Deskrizzjoni tal-problemi ewlenin

3.1.

Fil-komunikazzjoni tagħha ta’ Awwissu 2012 dwar l-implimentazzjoni tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (COM(2012) 474 final), il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat b’mod ċar li “in-nuqqas li l-EETS tiġi implimentata u ssir fi żmien l-iskeda prevista mhuwiex dovut għal raġunijiet tekniċi”, iżda pjuttost minħabba li l-implimentazzjoni kienet “(i)mfixkla minn nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn il-gruppi ta’ partijiet interessati differenti” u l-isforzi limitati tal-Istati Membri. Fir-rapport tagħha ta’ April 2013 dwar strateġija għal servizz ta’ pedaġġ elettroniku u sistema ta’ vinjetti għall-vetturi ħfief privati fl-Ewropa (A7-0142/2013), il-Parlament Ewropew adotta l-istess pożizzjoni u “qabel mal-Kummissjoni li t-teknoloġija għal sistemi interoperabbli diġà teżisti”.

3.2.

Il-biċċa l-kbira tas-sistemi ta’ pedaġġ jirrikjedu lill-utenti tat-triq jinstallaw OBUs fil-vetturi tagħhom. Filwaqt li xi wħud joffru l-interoperabbiltà transkonfinali, ħafna minnhom dan ma jagħmluhx. Dan iwassal għal spejjeż u piżijiet għall-utenti tat-triq, li jkollhom jarmaw il-vetturi tagħhom b’diversi OBUs sabiex ikunu jistgħu jsuqu mingħajr xkiel f’pajjiżi differenti. L-ispejjeż huma stmati għal EUR 334 miljun fis-sena bħalissa u mistennija li jonqsu għal ftit anqas minn EUR 300 miljun fis-sena sal-2025.

3.3.

Inkiseb ċertu livell ta’ interoperabbiltà transkonfinali, iżda fil-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja u r-Renju Unit, għadu l-każ li OBUs nazzjonali biss jistgħu jintużaw biex jitħallsu l-pedaġġi. Wieħed mill-għanijiet tal-leġislazzjoni dwar l-EETS kien li tippermetti l-integrazzjoni tal-OBUs ma’ apparati oħra ġewwa l-vetturi, speċjalment takografi diġitali. L-integrazzjoni mat-takografi ma tantx irriżultat promettenti.

3.4.

In-nuqqas ta’ interoperabbiltà transkonfinali jfisser ukoll spejjeż għall-awtoritajiet, li jkollhom jakkwistaw u jmantnu l-OBUs mingħajr użu li jaħdmu fuq livell nazzjonali iżda ma jistgħux jintużaw barra mill-pajjiż. F’sistema nazzjonali waħda biss, fejn il-pożizzjonijiet tal-vetturi huma stabbiliti permezz ta’ lokalizzazzjoni satellitari, il-kost ta’ darba għall-akkwist tal-OBUs jammonta għal EUR 120 miljun u l-ispejjeż tal-manutenzjoni għal EUR 14,5 miljun fis-sena (3).

3.5.

Għad m’hemm l-ebda EETS fuq skala sħiħa, u sar progress żgħir ħafna lejn l-interoperabbiltà. Il-fornituri jiffaċċjaw ostakli għad-dħul konsiderevoli, bħal trattament diskriminatorju mill-awtoritajiet, proċeduri ta’ aċċettazzjoni twal u li jinbidlu, u speċifiċitajiet tekniċi fis-sistemi lokali li ma jikkonformawx mal-istandards stabbiliti. Ġew iffirmati biss ftit ftehimiet limitati li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed tal-UE. Ir-raġunijiet ewlenin huma:

3.5.1.

L-operatur attwali tas-sistema ta’ pedaġġ għandu pożizzjoni privileġġjata f’xi swieq nazzjonali. Dan joħloq ostakli għall-implimentazzjoni ta’ prattiki ta’ pedaġġ armonizzati u mingħajr diskriminazzjoni fl-UE.

3.5.2.

Il-leġislazzjoni dwar l-EETS timponi ostakli: b’mod partikolari, jeżisti rekwiżit li l-fornituri EETS għandhom ikunu jistgħu joffru servizzi madwar l-Ewropa kollha fi żmien 24 xahar;

3.5.3.

L-iskemi ta’ pedaġġ nazzjonali japplikaw it-tliet teknoloġiji permessi skont il-leġislazzjoni dwar l-EETS b’mod konsiderevolment differenti, u dan jagħmilha diffiċli u jqum il-flus biex tintlaħaq interoperabbiltà transkonfinali.

3.6.

Il-leġislazzjoni dwar l-EETS hija nieqsa minn dispożizzjonijiet effettivi dwar l-infurzar ta’ pedaġġi fuq vetturi rreġistrati f’pajjiż tal-UE ieħor. F’xi postijiet, it-traffiku internazzjonali jirrappreżanta sehem sinifikanti mid-dħul totali mis-sistema tal-pedaġġi, b’hekk il-limitazzjoni tal-evitar tal-ħlas tal-pedaġġ mill-utenti barranin hija sfida sinifikanti. Stat Membru li jikxef reat ta’ ħlasijiet ta’ pedaġġ permezz ta’ tagħmir awtomatiku tal-infurzar ma jistax jidentifika min wettaq ir-reat abbażi tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni meta l-vettura tkun irreġistrata barra mill-pajjiż. M’hemm l-ebda bażi legali fil-livell tal-UE għall-iskambju ta’ data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi bejn l-Istati Membri għall-finijiet tal-infurzar tal-pedaġġi. Id-dħul li jispiċċa jintilef minħabba f’dan, mill-iskemi nazzjonali, reġjonali u lokali tal-pedaġġi jammonta għal madwar EUR 300 miljun fis-sena (4).

3.7.

Hemm bżonn kbir li jiġi promoss l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-evitar tal-ħlas tal-pedaġġ fil-livell tal-UE u li jingħataw aktar setgħat lid-diversi awtoritajiet tal-pedaġġ biex jiġi identifikat min jikser il-liġi u jitnedew proċeduri ta’ infurzar. F’termini ta’ infurzar, l-Istati Membri għandhom responsabbiltà biex juru li l-utenti tat-triq qegħdin jiġu trattati b’mod ugwali u biex tiġi ggarantita l-applikazzjoni xierqa tal-penali.

3.8.

Ir-rekwiżit obbligatorju għall-fornituri EETS kollha biex ikopru t-tipi ta’ vetturi kollha u kull qasam ta’ pedaġġ fl-Ewropa huwa kkunsidrat eċċessiv. Ikun iktar effiċjenti kieku l-fornituri EETS kellhom il-libertà li jirrispondu għar-rekwiżiti tal-klijenti tagħhom, minflok li jiġi impost fuqhom servizz sħiħ iżda li jiswa l-flus.

3.9.

Il-bidliet għad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà u d-Deċiżjoni dwar l-EETS proposti mill-Kummissjoni se jġibu magħhom iffrankar għall-utenti tat-triq li jammonta għal EUR 370 miljun (valur preżenti nett – VPN, 2016-2025). Il-biċċa l-kbira ta’ dan l-ffrankar se tibbenefika minnu l-industrija tat-trakkijiet, li hija magħmula prinċipalment minn SMEs. Il-maniġers tan-netwerks tat-toroq se jibbenefikaw minn iffrankar mill-fatt li ma jakkwistawx OBUs bla użu (VPN ta’ EUR 48 miljun) u dħul addizzjonali mill-pedaġġi li jirriżulta minn regoli aħjar dwar l-infurzar transkonfinali (EUR 150 miljun fis-sena). Il-fornituri EETS se jesperjenzaw tnaqqis fil-piż regolatorju marbut mad-dħul fis-swieq nazzjonali (VPN ta’ EUR 10 miljuni, għal grupp mistenni ta’ 12-il fornitur EETS). Barra minn hekk, se jaraw is-suq tagħhom jespandi bi dħul addizzjonali ta’ EUR 700 miljun fis-sena (5).

4.   Elementi ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni dwar Direttiva 2004/52/KE riformulata

4.1.

Infurzar transkonfinali xieraq ikun implimentat kif ġej:

4.1.1.

Irid jiġi introdott mekkaniżmu awtomatiku sempliċi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. Ser jiġu implimentati mekkaniżmi u ftehimiet legali ġodda biex jindirizzaw il-problema ta’ infurzar transkonfinali tal-evitar tal-pedaġġ. Din l-informazzjoni tippermetti lill-Istati Membri jsegwu każijiet fejn ma jitħallsux il-pedaġġi minn sewwieqa mhux residenti.

4.1.2.

Is-sistema tinkludi t-tipi kollha ta’ vetturi u t-tipi kollha ta’ sistemi ta’ pedaġġ elettroniku, inklużi s-sistemi ta’ pedaġġ bil-vidjow.

4.2.

Il-proposti ewlenin f’termini ta’ teknoloġiji użati u t-trattament tal-vetturi ħfief huma kif ġejjin:

4.2.1.

Il-lista ta’ teknoloġiji ġiet trasferita fl-Anness tad-Direttiva. Din se tagħmilha possibbli li jkun hemm rispons għall-progress teknoloġiku b’mod aktar rapidu u effettiv;

4.2.2.

Il-lista ta’ teknoloġiji tibqa’ l-istess u tista’ tiġi emendata biss fil-futur wara ttestjar bir-reqqa, xogħol ta’ standardizzazzjoni, eċċ.;

4.2.3.

Il-Kummissjoni tipproponi s-separazzjoni tal-EETS għall-Vetturi Heavy-Duty (HDV) u l-Vetturi Ħfief (LV), b’tali mod li wieħed jista’ jiġi pprovdut indipendentement mill-ieħor;

4.2.4.

Se jkun hemm eżenzjoni li tippermetti lill-fornituri EETS għall-vetturi ħfief jipprovdu lill-klijenti b’OBUs tad-DSRC.

4.3.

Id-definizzjonijiet tal-EETS se jkunu unifikati, u huma proposti ċerti klassifikazzjonijiet:

4.3.1.

Huwa ċċarat li l-EETS għandu jiġi pprovdut minn fornituri EETS, mhux mill-kolletturi tal-pedaġġ. Il-fornituri tal-EETS se jiġu ggarantiti aċċess ugwali għas-suq fuq l-istess livell ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ pedaġġ nazzjonali. Dan se jżid l-għażla tal-konsumatur ta’ fornituri ta’ servizz ta’ pedaġġ. L-Istati Membri mhux se jkunu obbligati li jiżguraw l-użu ta’ EETS sa ċertu żmien;

4.3.2.

L-unitajiet abbord (OBU) ma jridux ikunu apparat fiżiku uniku, u jistgħu jinkludu diversi gadgets kollegati b’mod fiżiku jew remot, inkluż tagħmir diġà installat fi-vettura bil-mutur bħal sistemi ta’ navigazzjoni, li jipprovdu l-funzjonijiet OBU kollha. L-istess OBU għandha tkun applikabbli għas-sistemi ta’ pedaġġ tat-toroq kollha, u apparat portabbli bħal smart phones jista’ jintuża flimkien ma’ OBUs fissi.

5.   Ostakli possibbli għall-implimentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni

5.1.

Biex tintlaħaq interoperabbiltà transkonfinali jistgħu jkunu meħtieġa sforzi amministrattivi konsiderevoli bi spejjeż sinifikanti minħabba differenzi legali, tekniċi u operazzjonali fl-iskemi ta’ pedaġġ nazzjonali individwali, minħabba l-użu ta’ teknoloġiji differenti.

5.2.

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-possibbiltà li toħloq mekkaniżmu ta’ finanzjament biex tegħleb dawn id-diffikultajiet. L-allokazzjoni ta’ fondi neċessarji tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu s-sistemi nazzjonali tagħhom interoperabbli fil-livell tal-UE.

5.3.

Huwa importanti li s-servizzi EETS ikunu jistgħu jiġi żviluppati b’mod parallel ma’ dawk nazzjonali, iżda huwa possibbli li l-fornituri tal-EETS jiffaċċjaw xi forma ta’ trattament diskriminatorju mill-awtoritajiet lokali fl-Istati Membri.

5.4.

L-aspetti soċjali ta’ din il-proposta huma wkoll ta’ importanza kruċjali. L-SMEs u l-mikrointrapriżi jippredominaw fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq madwar l-UE kollha u l-impatt fuqhom huwa mistenni li jkun pożittiv. L-estensjoni tal-applikazzjoni b’tali mod li proporzjon ikbar tan-netwerk tat-toroq ikun soġġett għal pedaġġ elettroniku għall-karozzi privati tista’ ma tintlaqax tajjeb mill-pubbliku ġenerali, u għalhekk is-soluzzjonijiet f’dan il-każ iridu jiġu bbilanċjati b’attenzjoni kbira.

5.5.

L-ispejjeż għall-utenti jistgħu jitnaqqsu billi tiżdied ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi u tal-informatika f’sistemi ta’ pedaġġ elettroniku. It-trawwim tal-innovazzjoni f’dan il-qasam huwa fattur kruċjali li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiffoka fuqu.

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 32, 5.2.2004, p. 36 (mhux disponibbli bil-Malti).

ĠU C 277, 17.11.2009, p. 85.

ĠU C 291, 4.9.2015, p. 14.

ĠU C 173, 31.5.2017, p. 55.

ĠU C 288, 31.8.2017, p. 85.

(2)  Studju dwar “State of the Art of Electronic Road Tolling” [L-Ogħla Livell ta’ Żvilupp Tekniku tas-Sistema ta’ Pedaġġ Elettroniku] MOVE/D3/2014-259.

(3)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni(tfassil mill-ġdid) COM(2017) 0280 final.

(4)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni (tfassil mill-ġdid) COM(2017) 0280 final.

(5)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Sommarju eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt (SWD(2017) 191 final).