2.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/124


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja”

[COM(2017) 291 final]

(2018/C 081/17)

Relatur:

David CROUGHAN

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 5.7.2017

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

5.10.2017

Adottata fil-plenarja

19.10.2017

Sessjoni plenarja Nru

529

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

138/3/8

Preambolu

Din l-opinjoni tagħmel parti minn pakkett usa’ ta’ erba’ opinjonijiet tal-KESE dwar il-futur tal-ekonomija Ewropea (Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-politika ekonomika taż-żona tal-euro, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Futur tal-finanzi tal-UE)  (1) . Il-pakkett jasal fil-kuntest tal-proċess tal-White Paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa mniedi reċentement mill-Kummissjoni Ewropea u jqis id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017 tal-President Juncker. F’konformità mar-riżoluzzjoni tal-KESE dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa  (2) u opinjonijiet preċedenti dwar l-ikkompletar tal-UEM  (3) , dan il-pakkett ta’ opinjonijiet jenfasizza l-ħtieġa għal sens ta’ skop komuni fil-governanza tal-Unjoni, li jmur ferm lil hinn minn approċċi u miżuri tekniċi, u li huwa l-ewwel u qabel kollox kwistjoni ta’ rieda politika u perspettiva komuni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-munita komuni u l-istituzzjonijiet tagħha pprovdew element ta’ stabbilizzazzjoni fil-kriżi finanzjarja globali, u qabel dan, kienu offrew benefiċċji lin-negozji u liċ-ċittadini fil-forma ta’ inflazzjoni u rati tal-imgħax baxxi, u ffaċilitaw il-kummerċ transkonfinali u l-ivvjaġġar.

1.2.

Madankollu, id-dokument ta’ riflessjoni juri b’mod ċar li l-UEM mhix kompluta u l-komponent “Ekonomiku” baqa’ lura meta mqabbel mal-pilastru “Monetarju” fir-rigward tal-integrazzjoni fil-livell tal-UE, li jfixkel l-abbiltà tiegħu li jappoġġja l-politika monetarja u l-politiki ekonomiċi nazzjonali. Ma jistgħux jiġu posposti b’mod indefinit deċiżjonijiet biex jiġu kkoreġuti n-nuqqasijiet istituzzjonali u ta’ governanza, li sa ċertu punt huma parti mir-raġuni għalfejn hemm din il-fraġilità kontinwa taż-żona tal-euro. Hemm bżonn li tissaħħaħ ir-rieda politika sabiex il-parti “Unjoni” tal-UEM tiġi kkonsolidata.

1.3.

It-tendenza lejn protezzjoniżmu u t-tnaqqis eventwali ta’ rati tal-imgħax eċċezzjonalment baxxi u t-tnaqqis kwantitattiv joħolqu flimkien dinja iktar inċerta, bi żmien limitat biex isir progress. Il-KESE jtenni lill-mexxejja politiċi li huwa saħansitra aktar importanti li l-Ewropej jimpenjaw ruħhom għal sens ta’ skop komuni billi jsaħħu l-influwenza u s-setgħa tagħhom permezz ta’ aktar integrazzjoni. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew biex jieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi qabel tmiem dan il-mandat biex imexxu ’l quddiem l-elementi neċessarji ta’ governanza madwar l-UE.

1.4.

Fost l-aktar elementi importanti għall-istabbiltà nsibu l-konverġenza ’l fuq tal-ekonomiji eteroġeni. Dan se jirrikjedi lill-politiċi nazzjonali u lill-imsieħba soċjali jakkomodaw dimensjoni Ewropea fid-deliberazzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar il-politiki ekonomiċi u fiskali. Il-KESE jitlob li jkun hemm aktar “parlamentarizzazzjoni” taż-żona tal-euro, b’kumitat kbir tal-PE li jikkonsisti fil-membri parlamentari kollha taż-żona tal-euro u ta’ dawk il-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fiha, flimkien ma’ koordinazzjoni aktar b’saħħitha tal-membri parlamentari taż-żona tal-euro dwar kwistjonijiet tal-UEM.

1.5.

Għal finijiet ta’ effikaċja, bilanċ u ġustizzja, il-politiki għat-tkabbir ekonomiku u l-benesseri għandhom jitfasslu u jiġu kkoordinati wkoll b’kunsiderazzjoni tal-interess ġenerali taż-żona tal-euro; għal raġunijiet ta’ responsabbiltà u sjieda demokratika, il-proċess tas-Semestru Ewropew għandu jinvolvi lill-Parlament Ewropew, lill-parlamenti nazzjonali, lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili. Id-dimensjoni soċjali għandha tiġi inkluża fuq l-istess livell mad-dimensjoni ekonomika.

1.6.

Il-KESE jirrikonoxxi n-nuqqasijiet fil-governanza tas-settur finanzjarju u jappoġġja bis-sħiħ il-passi biex titlesta l-Unjoni Finanzjarja, inklużi l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

1.7.

Soluzzjonijiet immedjati huma meħtieġa sabiex jiġi indirizzat is-self improduttiv, li huwa ta’ xkiel għar-riżorsi finanzjarji u umani tal-banek li jipprovdu finanzjament għall-investimenti u huwa deterrent għall-investituri li jibżgħu li l-qligħ minn investimenti ġodda se jitqiegħed fi ħlas lura ta’ self improduttiv.

1.8.

Il-Kumitat jappoġġja l-ħolqien ta’ qafas ta’ abilitazzjoni sal-2018 għall-introduzzjoni ta’ titoli garantiti b’bonds sovrana (SBBSs – sovereign bond-backed securities) kif propost fid-dokument ta’ riflessjoni. Fil-perjodu medju u twil il-ħolqien ta’ assi sikur Ewropew ikun meħtieġ biex titnaqqas il-volatilità tas-suq finanzjarju u tiġi żgurata l-istabbiltà tal-ekonomiji tal-Istati Membri f’każ ta’ skoss asimmetriku.

1.9.

Huwa meħtieġ baġit tar-riżorsi proprji ikbar mill-1 % tal-PDG fil-QFP biex jiffinanzja l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, li għandu jinbidel f’Fond Monetarju Ewropew kapaċi joffri riżorsi lill-Istati Membri li jinsabu fi kriżi u jkun ukoll garanzija ta’ kontinġenza lis-settur bankarju. Baġit akbar għandu jkun ukoll riżors għaż-żamma ta’ livelli ta’ investiment essenzjali fiż-żona tal-euro f’infrastruttura produttiva ta’ benefiċċju madwar l-Ewropa. L-aċċess għal tali fondi għandu jkun marbuta mal-ksib ta’ progress maqbul fir-rigward tal-istandards ekonomiċi u soċjali.

1.10.

Hemm bżonn ta’ politika fiskali li kapaċi tistimola l-ekonomija taż-żona tal-euro fi żminijiet ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Fil-forma attwali tagħhom, ir-regoli fiskali u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) jaġixxu b’mod proċikliku, u b’hekk ikomplu jxekklu l-ekonomiji dgħajfa. L-MIP (proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku) hijaa parti importanti tal-proċess tas-Semestru, li għandha tkun minn tal-ewwel biex tevita l-iżbilanċ makroekonomiku fuq bażi madwar l-Ewropa. Għandu jkun hemm aktar enfasi fuq l-impatt negattiv taż-żona tal-euro tal-Istati Membri li jiġġeneraw eċċessi kroniċi fil-bilanċ tal-pagamenti.

1.11.

Il-Kumitat jirrakkomanda l-esplorazzjoni ta’ għodod li jtejbu l-governanza ekonomika fl-UEM, pereżempju billi jinħatar Ministru tal-Finanzi tal-Euro permanenti, filwaqt li tiġi żgurata responsabbiltà demokratika sħiħa. Il-ġbir flimkien ta’ kompetenzi jsaħħaħ il-koerenza tal-politiki tal-UEM li attwalment huma frammentati minħabba għadd ta’ istituzzjonijiet differenti.

2.   Sfond

2.1.

Fl-1 ta’ Marzu 2017 il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li kienet segwita minn diversi dokumenti ta’ riflessjoni fl-oqsma differenti tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-Ewropa. Din l-Opinjoni tikkonċerna t-tielet Dokument ta’ Riflessjoni: L-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja .

2.2.

Il-munita komuni u l-istituzzjonijiet tagħha pprovdew element ta’ stabbilizzazzjoni fil-kriżi finanzjarja globali, u qabel dan, kienu offrew benefiċċji lin-negozji u liċ-ċittadini fil-forma ta’ inflazzjoni u rati tal-imgħax baxxi, u ffaċilitaw il-kummerċ transkonfinali u l-ivvjaġġar.

2.3.

Madankollu, id-dokument juri b’mod ċar li l-UEM mhix kompluta u l-komponent “Ekonomiku” baqa’ lura meta mqabbel mal-pilastru “Monetarju” fir-rigward tal-integrazzjoni fil-livell tal-UE, li jfixkel l-abbiltà tiegħu li jappoġġja bis-sħiħ il-politika monetarja u l-politiki ekonomiċi nazzjonali. Id-dokument ma jikkritika bl-ebda mod il-politiki segwiti jew id-deċiżjonijiet meħuda jew imblukkati. Hemm bżonn li tissaħħaħ ir-rieda politika sabiex il-parti “Unjoni” tal-UEM tiġi kkonsolidata.

2.4.

L-Unjoni Ewropea trid tindirizza l-kwistjoni sistemika verament importanti: kif nistgħu noħolqu munita unika u noperaw politika monetarja waħda u nibqgħu nagħmlu l-għażla politika li nħallu l-politika ekonomika u fiskali fil-livell nazzjonali.

2.5.

Il-kriżi wriet b’mod ċar kemm dan mhuwiex plawżibbli. In-nuqqas ta’ ġbir tal-elementi neċessarji ta’ sovranità u n-nuqqas ta’ ħolqien ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri rriżulta f’nuqqas ta’ solidarjetà. L-ekonomiji eteroġeni taż-żona tal-euro tbiegħdu minn xulxin taħt il-koordinazzjoni dgħajfa u totalment inkompleta tal-politiki ekonomiċi u fiskali li jirrikjedu l-introduzzjoni ta’ miżuri kontra l-kriżi permezz tal-proċess intergovernattiv. Għalhekk mhijiex ħaġa sorprendenti li ż-żona tal-euro nqasmet bl-Istati Kredituri jiddettaw it-termini lill-Istati Debituri, u ma tfaċċa l-ebda Ministru tal-finanzi taż-żona tal-euro.

3.   Il-każ għall-Approfondiment tal-UEM

3.1.

Matul dawn l-aħħar numru ta’ snin, il-KESE talab f’diversi opinjonijiet biex jiġi stabbilit l-approfondiment tal-UEM (4). Għalhekk, il-Kumitat jilqa’ u jaqbel mal-każ li l-Kummissjoni tibni għall-ikkompletar tal-unjoni ekonomika u monetarja u jinnota li r-realtajiet ekonomiċi jvarjaw minn stat għal stat filwaqt li jagħtu lok għal perspettivi pjuttost differenti tal-isfidi li taffaċċja ż-żona tal-euro. UEM aktar b’saħħitha tirrikjedi aktar konverġenza.

3.2.

Il-KESE huwa konxju dwar id-diversità tal-opinjonijiet fi ħdan l-Istati Membri fir-rigward tal-Ġejjieni tal-Ewropa, li tirrifletti l-istorja tagħhom u l-eteroġenità tagħhom. Iżda d-deċiżjonijiet biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet istituzzjonali u ta’ governanza, li minn naħa jagħtu lok għall-fraġilità kontinwa taż-żona tal-euro, żbilanċi persistenti u l-eżiti ekonomiċi u soċjali ferm diverġenti għall-Istati Membri, ma jistgħux jitħallew għal wara indefinittivament (5).

3.3.

Ma rnexxilniex niksbu l-konverġenza ’l fuq tal-Istati Membri, li xi wħud ħasbu li se ġġib magħha politika monetarja waħda. In-nuqqas ta’ indirizzar tal-aspetti kollha ta’ kompetittività fl-ekonomija reali, irriżulta f’diverġenza, li wasslet għal politika monetarja waħda mhux xierqa għal bosta Stati Membri, li ta bidu għall-frażi “soluzzjoni waħda li m’hi tajba għal ħadd”. Il-KESE diġà esprima r-riżervi tiegħu li r-Rapport tal-Ħames Presidenti segwit minn White Paper se jwassal għal telf ta’ impetu u urġenza.

3.4.

Bħalissa hemm il-bżonn li nimxu ’l quddiem fl-oqsma kollha, dak ekonomiku u soċjali, finanzjarju, fiskali u politiku, sabiex jinbnew il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex b’hekk jinġabru l-elementi essenzjali ta’ sovranità, mingħajr il-biża’ ta’ periklu morali, u sabiex jiġi żgurat li l-UE taħdem għall-benesseri ta’ kulħadd. Dan se jissostitwixxi l-istrutturi subottimali tal-governanza attwali, u se jippermetti lill-UE, u b’mod partikolari, liż-żona tal-euro, tikseb mill-ġdid il-fiduċja taċ-ċittadini kif ukoll tal-investituri, u taqdi r-rwol tagħha fil-kwistjonijiet globali.

3.5.

Il-Kumitat huwa mħasseb li, wara l-kriżi, ir-Rapport tal-Erba’ Presidenti tal-2012 u r-Rapport tal-Ħames Presidenti tal-2015, ma sarx biżżejjed progress tanġibbli sabiex l-UEM tiġi approfondita tassew. Tħassib kbir huwa n-nuqqas ta’ urġenza fit-tfassil ta’ riformi istituzzjonali ewlenin sabiex tingħata leġittimità demokratika sabiex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet eżekuttivi, u jiġu infurzati l-implimentazzjoni u l-konformità. Dan il-vojt fil-governanza qed iżid it-tendenza lejn il-populiżmu u soluzzjonijiet nazzjonali u protezzjonisti f’ċerti Stati Membri.

3.6.

Id-dinja globali li fiha noperaw hija dejjem iktar inċerta, b’pajjiżi li qed jagħtu daharhom lejn il-kummerċ ħieles u jduru lura għall-protezzjoniżmu; ir-rati tal-imgħax eċċezzjonalment baxxi u t-tnaqqis kwantitattiv li sostnew l-irkupru f’ħafna mid-dinja żviluppata jridu jonqsu dalwaqt b’konsegwenzi mhux prevedibbli u x’aktarx negattivi. Issa hemm biss żmien limitat li joffri l-opportunità li jsir progress.

3.7.

Unjoni fiskali u politika kompleta tista’ tkun ideali għal proġetti fuq perjodu medju sa twil iżda hemm miżuri essenzjali f’din id-direzzjoni meħtieġa fi żmien qasir sabiex tissaħħaħ l-UEM u tiġi pprovduta aktar stabbiltà. Il-KESE jtenni lill-mexxejja politiċi li huwa saħansitra aktar importanti li l-Ewropej jimpenjaw ruħhom għal sens ta’ skop komuni billi jsaħħu l-influwenza u s-setgħa tagħhom permezz ta’ aktar integrazzjoni.

3.8.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew biex jieħdu deċiżjonijiet sodi bl-involviment meħtieġ u sħiħ tal-Parlament Ewropew, qabel it-tmiem ta’ dan il-mandat sabiex javvanzaw l-elementi neċessarji għal governanza madwar l-UE. Jekk din il-problema diffiċli ta’ riforma essenzjali f’mandat sussegwenti ddum biex tiġi indirizzata minħabba apatija, jista’ jagħti l-każ li s-swieq u ċ-ċittadini jitilfu l-paċenzja.

4.   Unjoni Finanzjarja: Tnaqqis tar-riskju u kondiviżjoni tar-riskju

4.1.

Il-KESE jirrikonoxxi n-nuqqasijiet fil-governanza tas-settur finanzjarju u jappoġġja bis-sħiħ il-passi biex titlesta l-Unjoni Finanzjarja, inklużi l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

4.2.

L-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja huwa fundamentali għall-approfondiment tal-UEM. Is-suq frammentat u r-regolamenti kienu fatturi sinifikanti li marru kontra riżoluzzjoni tal-kriżi finanzjarja. Il-KESE jirrikonoxxi li sar ħafna xogħol sabiex is-settur jiġi kkoordinat, iżda jistieden lill-atturi kollha biex jipprogressaw, malajr kemm jista’ jkun, bl-ikkompletar tal-unjoni bankarja.

4.3.

B’mod partikolari, huwa importanti li titlesta l-ħidma fuq l-Unjoni Bankarja sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni finanzjarja u l-qsim tar-riskju permezz tas-swieq finanzjarji. Hemm ħtieġa urġenti li sal-2019 tiġi stabbilita garanzija ta’ kontinġenza komuni permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni sabiex tiġi żgurata operazzjoni adegwata, rapida u effiċjenti. Din se tneħħi wkoll il-possibbiltà ta’ preġudizzji politiċi. Il-KESE jappoġġja l-idea li l-MES jieħu wkoll ir-rwol ta’ Fond Monetarju Ewropew u li jkollu aċċess għal faċilità baġitarja ta’ riżorsi proprji, wara li tkun iddaħħlet fil-liġi tal-UE.

4.4.

L-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS), filwaqt li diġà qed jittieħed kont tas-sistemi nazzjonali, għandha tiġi segwita mingħajr dewmien (6) sabiex jiġi żgurat li l-iffrankar fil-kontijiet ta’ depożitu jkollu l-istess protezzjoni aħjar madwar l-Unjoni Ewropea.

4.5.

Sabiex jiġi żgurat progress f’dawn l-oqsma kollha, hemm bżonn li s-self improduttiv (NPL) (7), li żdied ħafna matul il-kriżi, jiġi indirizzat b’mod komprensiv. L-NPL jaġixxi bħala xkiel għar-riżorsi finanzjarji u umani tal-banek li jipprovdu finanzjament għal investimenti ġodda, li huma kruċjali għat-tkabbir. Il-BĊE, il-Kummissjoni u l-gvernijiet għandhom jingħaqdu flimkien biex jindirizzaw din il-kwistjoni ta’ legat, abbażi tal-prinċipju gwida li jibqa’ jingħata servizz għal dejn vijabbli filwaqt li d-dejn mhux vijabbli jiġi solvut malajr. In-nuqqas ta’ proċess tas-soluzzjoni rapidu jiskoraġġixxi lill-investituri milli jagħmlu investimenti ġodda minħabba l-biża’ li d-dħul il-ġdid li jakkumula jintuża sabiex ikopri self preċedenti.

4.6.

Qafas aħjar għar-ristrutturar u l-insolvenza fuq bażi madwar l-Ewropa huwa parti fundamentali tal-irkupru mill-kriżi, li jirrikjedi l-użu ta’ swieq sekondarji b’għarfien espert speċjali. Il-KESE jirrakkomanda t-tagħlim minn eżempji tal-istabbiliment ta’ banek ħżiena. L-UEM teħtieġ soluzzjonijiet intelliġenti u sostenibbli għal NPLs li bħalissa għadhom jagħtu raġuni għal tħassib.

4.7.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tirsisti biex tiġi stabbilita Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), li se tkun sors importanti ta’ finanzjament addizzjonali għal negozji kbar u se jkollha rwol importanti fil-kondiviżjoni tar-riskju. Il-Kumitat jirrikonoxxi li dan mhux se jitqies bħala sors addizzjonali ta’ finanzjament għall-SMEs, b’mod partikolari għan-negozji żgħar u mikro. Għalhekk, is-settur bankarju se jibqa’ jkollu rwol kruċjali billi jitlob lill-banek jiffukaw mill-ġdid fuq l-għoti ta’ servizzi għall-ħtiġijiet tal-ekonomija reali, li jirrikjedi finanzjament bankarju aċċessibbli b’mod ġust u sostenibbli madwar l-Istati Membri kollha (8).

4.8.

Fuq medda qasira ta’ żmien (sal-2018) il-Kumitat jappoġġja l-ħolqien ta’ qafas ta’ abilitanti għall-introduzzjoni ta’ titoli garantiti b’bonds sovrana (SBBSs – sovereign bond-backed securities) kif propost fid-dokument ta’ riflessjoni u l-abbozz tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2018. L-SBBSs għandhom il-potenzjal li jħollu r-rabta bejn il-banek u s-sovrani billi jonqos il-privileġġ tal-bonds sovrani nazzjonali u permezz tad-diversifikazzjoni tal-karti bilanċjali tal-banek, filwaqt li fl-istess ħin tiġi evitata mutwalizzazzjoni tad-dejn. Konsultazzjoni ma’ fornituri finanzjarji hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat trattament regolatorju xieraq u titrawwem il-kondiviżjoni tar-riskju privat.

4.9.

Fil-perjodu medju u twil (sal-2025) il-ħolqien ta’ assi sikur Ewropew, simili għall-Bonds tat-Teżor tal-Istati Uniti, ikun meħtieġ biex titnaqqas il-volatilità tas-suq finanzjarju u tiġi żgurata l-istabbiltà tal-ekonomiji tal-Istati Membri f’każ ta’ skoss sasimmetriku. Il-KESE ilu li rrakkomanda l-użu tal-Bonds tal-Unjoni u tal-Bonds tal-Euro (9). Proposti oħra simili, bħalma huma l-Fond ta’ Tifdija tad-Dejn u l-Fond Eurobill, ġew diskussi wkoll. B’segwitu għall-konklużjonijiet tal-grupp ta’ esperti stabbilit sabiex janalizza l-merti u r-riskji tal-alternattivi differenti ta’ ħruġ ta’ dejn konġunt, il-Kummissjoni issa għandha tfassal proposta konkreta dwar liema strument għandu jintuża u f’liema perjodu ta’ żmien (10). Sabiex jiġi evitat periklu morali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan l-istrument, soġġett għal konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi ta’ pajjiżhom.

5.   Il-ksib ta’ rikonverġenza f’Unjoni Ekonomika u Fiskali aktar integrata

5.1.

Il-Kumitat jilqa’ r-rikonoxximent espliċitu tad-dokument li l-konverġenza ’l fuq lejn strutturi ekonomiċi u soċjali aktar reżiljenti hija element essenzjali għal UEM aktar b’saħħitha. B’rikonoxximent tan-natura eteroġena tal-Istati Membri ma jistax ikun hemm politiki ta’ “soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd” li jirrikjedu armonizzazzjoni kullimkien, madankollu dan jirrikjedi approċċ komuni lejn ċerti riżultati.

5.2.

Id-dgħufija fil-politika ekonomika u fiskali fl-UEM hija fundamentalment minħabba n-nuqqas ta’ rieda politika fl-Ewropa kollha li tippermetti l-involviment tal-UE fil-politiki ekonomiċi u fiskali nazzjonali. Il-KESE diġà saħaq li huwa neċessarju djalogu makroekonomiku aġġornat u msaħħaħ, b’mod speċjali mal-pajjiżi taż-żona tal-euro, li jista’ jgħin biex jirrifletti aktar bil-qawwa d-dimensjoni taż-żona tal-euro fil-livell nazzjonali. Għandu jkun hemm ukoll sistema aktar demokratika ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet eżekuttivi mill-Kunsill tal-Ministri, li l-membri individwali tiegħu huma responsabbli biss għall-parlamenti nazzjonali tagħhom u mhux għaż-żona tal-euro kollha kemm hi.

5.3.

Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex tkompli tirrinforza s-semestru Ewropew. Għal finijiet ta’ effikaċja, bilanċ u ġustizzja, il-politiki għat-tkabbir ekonomiku u l-benesseri għandhom jitfasslu u jiġu kkoordinati wkoll b’kunsiderazzjoni tal-interess ġenerali taż-żona tal-euro; għal raġunijiet ta’ responsabbiltà u sjieda demokratika, il-proċessi tas-Semestru Ewropew, li jinvolvu kemm politiki nazzjonali kif ukioll Ewropej, għandhom jinvolvu lill-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili. B’mod limitat ħafna dan il-proċess beda, iżda jirrikjedi ħafna aktar parteċipazzjoni fil-livell nazzjonali u ftehim bejn il-partijiet kollha involuti. Dan għandu jsaħħaħ l-euro u jekk ikun semplifikat u aktar trasparenti, is-Semestru għandu jinkoraġġixxi implimentazzjoni aħjar tar-riforma li hi tant meħtieġa.

5.4.

It-tnaqqis fl-iżbilanċi makroekonomiċi huwa kruċjali għall-istabbilizzazzjoni Ewropea. Preċedentement, tali żbilanċi ngħataw għajnuna temporanja permezz ta’ żvalutar tal-munita. Issa mingħajr din l-għodda, qegħdin isiru żvalutazzjonijiet interni b’effetti negattivi li qegħdin jikkawżaw diffikultajiet kbar permezz ta’ qgħad għoli u tkabbir negattiv. Għall-istabbiltà taż-żona tal-euro u l-evitar ta’ tali aġġustamenti kbar, għandha tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi.

5.5.

Għalhekk, id-djalogu makroekonomiku fil-livell nazzjonali għandu jqis din id-dimensjoni Ewropea. Id-detezzjoni bikrija u l-evitar ta’ żbilanċi makroekonomiċi, li jirriflettu livelli differenti ta’ kompetittività, definiti b’mod wiesa’ (ara 5.6), huma element ewlieni tal-proċess tas-Semestru. Il-politika nazzjonali għandha tkun infurmata sew dwar l-impatt li l-politiki proposti se jkollhom fuq il-kompetittività tagħhom fiż-żona tal-euro, u għandhom iqisu wkoll l-iżviluppi fiż-żona tal-euro li jistgħu jirrikjedu rispons kompetittiv. L-input tal-uffiċjali lokali tas-semestru tal-euro tal-Kummissjoni u l-Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività indipendenti, marbuta ma’ netwerk taż-żona tal-euro, jistgħu jgħinu billi jaġixxu bħala mera għall-politika ekonomika u soċjali (11).

5.6.

Element importanti f’dawn id-diskussjonijiet huwa d-dimensjoni soċjali, li s’issa ġie traskurat fil-proċess tas-Semestru, u jżid id-defiċit soċjali fl-UE billi jaffettwa b’mod negattiv il-ħajja ta’ miljuni ta’ ċittadini tal-UE. Dan iħeġġeġ ukoll ix-xejra lejn il-populiżmu kontra l-UE u ġeneralment nuqqas ta’ sodisfazzjon bl-UE. Definizzjoni riveduta ta’ kompetittività (“kompetittività 2.0”) (12) li għandha tinkludi “il-kapaċità ta’ pajjiż li jilħaq” għanijiet “Lil hinn mill-PDG” u mkejla fuq il-bażi ta’ tliet pilastri: l-introjtu, il-fatturi soċjali; u s-sostenibbiltà, tista’ tirriżulta fi proċess tas-Semestru aktar komprensiv.

5.7.

Il-KESE jaqbel li l-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali, fejn il-kompetenzi jibqgħu fil-livell nazzjonali, tista’ tiġi kkoordinata permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew (13).

5.8.

Il-Kumitat jappoġġja li l-aċċess għall-fondi tal-UE u l-possibbiltà ta’ strument ta’ stabbilizzazzjoni jintrabtu mal-kisba tal-progress miftiehem dwar standards ekonomiċi u soċjali, kif ukoll it-tranżizzjonijiet neċessarji minħabba d-diġitalizzazzjoni, kollha mmirati lejn il-ġid taċ-ċittadini. Dan għandu jkun immonitorjat permezz tas-Semestru Ewropew (14). Ekonomiji li waqgħu lura serjament, li qegħdin jagħmlu l-almu tagħhom biex jissodisfaw is-CSRs tagħhom, għandhom ikunu eliġibbli għal assistenza mill-Fond ta’ Koeżjoni għal investiment produttiv, li għandu jgħin biex tintlaħaq jew tingħata infrastruttura essenzjali ta’ benefiċċju ġenerali Ewropew.

5.9.

Il-KESE jaqbel li l-baġit attwali tal-UE ta’ 1 % biss tal-PDG huwa żgħir wisq u mhuwiex maħsub li jopera funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni u se jkun bil-wisq aktar inadegwat wara l-Brexit. Il-Kumitat jappoġġja l-idea li ż-żona tal-euro tibbenefika b’mod sinifikanti minn kapaċità ta’ stabbilizzazzjoni b’saħħitha fil-każ ta’ skossi asimmetriċi severi (15). Il-Kumitat jirrikonoxxi li din il-funzjoni ma għandhiex twassal għal trasferimenti permanenti u lanqas għal periklu morali.

5.10.

Il-KESE jappoġġja l-proposta li jesplora l-possibbiltajiet li jibni kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro, li l-għan tagħha huwa li żżomm livelli ta’ investiment essenzjali fiż-żona tal-euro f’infrastruttura produttiva bħat-trasport, it-tiġdid urban, l-edukazzjoni, ir-riċerka, u t-trasformazzjoni ekoloġika (16). Din il-kapaċità fiskali tista’ tkun ukoll sors ta’ finanzjament għall-MES, li biż-żmien għandu jinbidel f’Fond Monetarju Ewropew (EMF) biex jiffinanzja fondi għall-immaniġġjar tal-kriżi.

5.11.

Pjan ta’ investiment effettiv li jiġġenera l-qligħ permezz tat-tkabbir, il-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà huwa meħtieġ għall-integrazzjoni ekonomika u l-prosperità tal-Ewropa kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ disparitajiet soċjali li qed jiżdiedu. Il-KESE appoġġja l-fatt li tkun permessa Regola tad-Deheb sħiħa għal investimenti pubbliċi produttivi, li għandhom jiġu inkorporati fit-tibdil tar-regoli fiskali.

5.12.

L-approċċ ibbażat fuq ir-regoli fiskali, għandu jittejjeb u jiġi żviluppat qabel il-mandat li jmiss sabiex jiġu evitati politiki proċikliċi. Il-kundizzjonijiet lokali prevalenti għandhom jitqiesu. Il-bilanċ strutturali wera li huwa varjabbli, mhux osservabbli u mhux affidabbli biex fuqu jiġi bbażat it-tibdil fil-politika infurzabbli permezz tal-proċess tas-CSR.

5.13.

Xi drabi titpoġġa wisq enfasi fuq it-tnaqqis tad-dejn permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali kontroproduttiva minflok il-miżura aktar siewja li jiżdied it-tkabbir tal-PDG. Fil-proċess tas-Semestru, it-tnaqqis tad-defiċit annwali tal-gvern jingħata ħafna aktar importanza bħala rimedju għall-proporzjon ta’ dejn għoli/PDG minn miżuri aktar siewja li jiżdied it-tkabbir fil-PDG (17).

5.14.

Il-KESE jemmen li sal-2019 għandhom isiru bidliet biex titranġa l-“qagħda fiskali attwali [li] qiegħda taħbi ripartizzjoni bla dubju subottimali tal-aġġustament fiskali bejn il-pajjiżi f’dan il-mument partikolari” (18).

5.15.

L-MIP (proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku) hijaa parti importanti tal-proċess tas-Semestru, li għandha tkun minn tal-ewwel biex tevita l-iżbilanċ makroekonomiku fuq bażi madwar l-Ewropa. Hemm bżonn li titneħħa l-asimmetrija inerenti fejn l-iżbilanċi pożittivi persistenti jitqiesu mingħajr ċensura u l-iżbilanċi negattivi jkunu soġġetti għal penali (19). Penali finanzjarja mhux biss taggrava sitwazzjoni ħażina, iżda l-eċċessi kroniċi f’xi Stati Membri jistgħu jagħmlu l-pożizzjoni tad-defiċit agħar fi stat ġar.

6.   It-tisħiħ tal-Arkitettura tal-UEM u l-ankraġġ tar-Responsabbiltà Demokratika

6.1.

L-UEM mhijiex għan fiha nfisha. Hija mezz biex jiġu ottimizzati l-possibilitajiet li jinkiseb: tkabbir sostenibbli, impjiegi tajbin, konverġenza ’l fuq ekonomika u soċjali; stabbiltà u prosperità għall-Istati Membri kollha billi joperaw flimkien; responsabbiltà ekonomika li timxi id f’id mas-solidarjetà; u tnaqqis tar-riskju li jimxi id f’id mal-kondiviżjoni tar-riskju. Filwaqt li ż-żona tal-euro għandha tagħmel dawn l-avvanzi meħtieġa, hija għandha tkun ukoll miftuħa għal Stati Membri oħrajn. Il-KESE jaqbel li aktar trasparenza, komunikazzjoni tajba u aktar involviment tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili huma meħtieġa u – flimkien ma’ rwol imsaħħaħ tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet – għandhom jgħinu r-responsabbiltà demokratika.

6.2.

Il-KESE jitlob li jkun hemm aktar “parlamentarizzazzjoni” taż-żona tal-euro, b’kumitat kbir tal-PE li jikkonsisti fil-membri parlamentari kollha taż-żona tal-euro u ta’ dawk il-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fiha, flimkien ma’ koordinazzjoni aktar b’saħħitha tal-membri parlamentari taż-żona tal-euro dwar kwistjonijiet tal-UEM (COSAC +) (20). Kif imsemmi fil-punti 5.2 u 5.3, b’mod partikolari, il-Parlament Ewropew, kif ukoll il-parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili ġenerali, għandu jkollhom rwol ewlieni fid-demokratizzazzjoni tal-proċess tas-Semestru.

6.3.

Il-Kumitat jirrakkomanda l-esplorazzjoni ta’ għodod li jtejbu l-governanza ekonomika fl-UEM, pereżempju billi jinħatar Ministru tal-Finanzi tal-Euro permanenti, filwaqt li tiġi żgurata responsabbiltà demokratika sħiħa. Il-ġbir flimkien ta’ kompetenzi jsaħħaħ il-koerenza tal-politiki tal-UEM li attwalment huma frammentati minħabba għadd ta’ istituzzjonijiet differenti. Mill-bidu għandha tiġi stabbilita pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro, bil-Ministru tal-Finanzi jiddefinixxi kif din għandha tinkiseb. Il-pożizzjoni fiskali attwali hija s-somma tal-bilanċi baġitarji kollha tal-Istati Membri u d-direzzjoni tal-pożizzjoni fiskali għaż-żona tal-euro hija aċċidentali.

6.4.

Il-KESE jilqa’ t-tisħiħ propost tal-MES biex jiżviluppah fi strument kompletament funzjonali għall-immaniġġjar tal-kriżi. Meta jiġi żviluppat f’Fond Monetarju Ewropew (EMF) fi ħdan it-trattati Ewropej, bi rwol b’saħħtu għall-Parlament Ewropew, il-leġittimità demokratika se tittejjeb u se jitħaffef it-teħid ta’ deċiżjonijet.

6.5.

L-użu ta’ intergovernanza bħala metodu ta’ governanza għall-Unjoni Ewropea għandu jiġi abbandunat u r-regoli fiskali għandhom jiġu riveduti qabel ma jiġu integrati fid-dritt tal-Unjoni.

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Il-pakkett jinkludi l-opinjonijiet tal-KESE “Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2017” (opinjoni addizzjonali) (EESC-2017-02837-00-00-AC-TRA-EN) (ara paġna 216 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali), “Unjoni tas-Swieq Kapitali: rieżami ta’ nofs it-terminu” (EESC-2017-03251-00-00-AC-TRA) (ara paġna 117 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali), “L-approfondiment tal-UEM sal-2025” u “Il-Finanzi tal-UE sal-2025” (EESC-2017-03447-00-00-AC-TRA-EN) (ara paġna 131 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Riżoluzzjoni tal-KESE dwar “Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u lil hinn”, 6 ta’ Lulju 2017.

(3)  Ara pereżempju l-Opinjonijiet tal-KESE dwar “L-ikkompletar tal-UEM – il-leġislatura Ewropea li jmiss”, ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10 u “L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru politiku”, ĠU C 332, 8.10.2015 p. 8.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar L-ikkompletar tal-UEM – Il-leġiżlatura Ewropea li jmiss, ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10; Opinjoni tal-KESE dwar Il-Metodu Komunitarju għal UEM demokratika u soċjali, ĠU C 13, 15.1.2016, p. 33; Opinjoni tal-KESE dwar L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru politiku, ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8; Opinjoni tal-KESE dwar Passi lejn l-ikkompletar tal-UEM ĠU C 177, 18.5.2016, p. 28.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru politiku, ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8.

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti, ĠU C 177, 18.5.2016, p. 21, b’mod partikolari l-punti 1.1 sa 1.3.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17, b’mod partikolari l-punt 3.3.1.

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar “Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali”, ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17, u l-opinjoni tal-KESE dwar “L-Unjoni tas-Swieq Kapitali: rieżami ta’ nofs it-terminu”, (EESC-2017-03251-00-00-AC-TRA) (ara paġna 117 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar X’direzzjoni għall-euro?, ĠU C 271, 19.9.2013, p. 8; Opinjoni tal-KESE dwar It-tkabbir u d-dejn sovran fl-UE: żewġ approċċi innovattivi, ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10.

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar L-ikkompletar tal-UEM – il-leġislatura Ewropea li jmiss, ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10.

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar L-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-Żona tal-Euro, ĠU C 177, 18.5.2016, p. 35.

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar L-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-Żona tal-Euro, ĠU C 177, 18.5.2016, p. 35.

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar L-ikkompletar tal-UEM – Il-leġiżlatura Ewropea li jmiss, ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10; Opinjoni tal-KESE dwar Il-Metodu Komunitarju għal UEM demokratika u soċjali, ĠU C 13, 15.1.2016, p. 33; Opinjoni tal-KESE dwar Passi lejn l-ikkompletar tal-UEM, ĠU C 177, 18.5.2016, p. 28; Opinjoni tal-KESE dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10.

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar Rieżami tal-Governanza Ekonomika, ĠU C 268, 14.8.2015, p. 33; Opinjoni tal-KESE dwar L-ikkompletar tal-UEM – Ir-rwol tal-politika tat-tassazzjoni, ĠU C 230, 14.7.2015, p. 24.

(15)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Il-finanzi tal-UE sal-2025”, (EESC-2017-03447-00-00-PA-TRA) (ara paġna 131 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(16)  Opinjoni tal-KESE dwar Rieżami tal-Governanza Ekonomika, ĠU C 268, 14.8.2015, p. 33; Opinjoni tal-KESE dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, ĠU C 177, 18.5.2016, p. 41; Opinjoni tal-KESE dwar Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali, ĠU C 177, 18.5.2016, p. 47; Opinjoni tal-KESE dwar reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, ĠU C 75, 10.3.2017, p. 63.

(17)  Opinjoni tal-KESE dwar Rieżami tal-Governanza Ekonomika, ĠU C 268, 14.8.2015, p. 33.

(18)  COM(2016) 727 final.

(19)  Opinjoni tal-KESE dwar Rieżami tal-Governanza Ekonomika, ĠU C 268, 14.8.2015, p. 33.

(20)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Metodu Komunitarju għal UEM demokratika u soċjali, ĠU C 13, 15.1.2016, p. 33.