13.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 345/67


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/40/UE fir-rigward tal-perjodu għall-adozzjoni ta’ atti delegati”

(COM(2017) 136 final — 2017/0060(COD))

(2017/C 345/10)

Relatur:

Jorge PEGADO LIZ

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 3.4.2017

Kunsill, 31.3.2017

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

7.6.2017

Adottata fil-plenarja

5.7.2017

Sessjoni plenarja Nru

527

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

124/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni.

1.2.

Il-Kumitat jaqbel fil-prinċipju ma’ din il-proposta u jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-estensjoni tad-delega għal perjodu speċifiku u li jista’ jiġġedded sakemm ma joġġezzjonawx il-Kunsill u l-Parlament, hija waħda adatta. Dan kif dejjem xtaq il-Kumitat.

2.   L-għan tal-proposta

2.1.

Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 (1) dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (2) tipprevedi l-adozzjoni, permezz ta’ atti delegati, ta’ speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet li jridu jsiru f’erba’ oqsma ta’ prijorità.

2.2.

Id-Direttiva tat lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti bħal dawn għal perjodu limitat, jiġifieri sas-27 ta’ Awwissu 2017. Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva ġew adottati erba’ atti delegati; il-ħames att delegat jirrigwarda l-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-Unjoni kollha.

2.3.

Fil-kuntest tal-istrateġija Ewropea dwar is-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti Kooperattivi (3) (C-ITS), il-Kummissjoni bħalissa qed taħdem mal-esperti tal-Istati Membri biex tistabbilixxi qafas legali u tekniku biex jiġi appoġġja l-iskjerament ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti (ITS) kooperattivi. Minbarra din il-ħidma, diversi azzjonijiet oħra previsti fl-erba’ oqsma ta’ prijorità (4) tad-Direttiva għad iridu jiġu indirizzati, bħal pereżempju, l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards għall-kontinwità u l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku u tal-merkanzija (qasam ta’ prijorità II), l-ispeċifikazzjonijiet għal azzjonijiet oħrajn li għandhom x’jaqsmu ma’ sistemi ITS għas-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq (qasam ta’ prijorità III), u d-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġu integrati l-applikazzjonijiet differenti tas-sistemi ITS fi pjattaforma miftuħa abbord fil-vetturi (qasam ta’ prijorità IV).

2.4.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tadotta speċifikazzjonijiet ġodda permezz ta’ atti delegati, hija tqis essenzjali li d-delega tas-setgħa tiġi estiża. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet li diġà ġew adottati jistgħu jeħtieġu li jiġu aġġornati biex jirriflettu l-progress teknoloġiku jew it-tagħlimiet mill-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri.

2.5.

Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi li d-delega tas-setgħa tiġi estiża b’ħames snin mis-27 ta’ Awwissu 2017 u b’mod taċitu minn hemm ’il quddiem għal perjodi oħrajn ta’ ħames snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni. L-uniku għan tal-proposta eżaminata huwa għalhekk li d-delega lill-Kummissjoni biex tkun tista’ tadotta atti delegati tiġi estiża għal perjodu ieħor ta’ ħames snin estiż b’mod taċitu b’perjodi oħrajn ta’ ħames snin, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx, mingħajr ma tbiddel l-għanijiet strateġiċi jew il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-ITS.

3.   Kuntest

3.1.

Din il-proposta tal-Kummissjoni tagħmel parti mill-kuntest usa’ tal-Proposta tagħha għal Regolament [COM(2016) 799 final] li jadatta għadd ta’ atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju (PRAC) mal-Artikolu 290 u 291 tat-TFUE, u li dwarha l-KESE diġà esprima l-opinjoni tiegħu (5). Fil-fatt, malli jiskadu l-perjodi previsti għall-adozzjoni tal-atti delegati fid-diversi strumenti leġislattivi fis-seħħ, għandha tiġi evalwata l-ħtieġa ta’ estensjoni tal-iskadenzi inizjali.

3.2.

Il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-istudji li hija għamlet sabiex tenfasizza l-ħtieġa li tiġi estiża (minn Awwissu 2017) id-delega ta’ setgħa li tippermettilha tadotta atti delegati fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tal-ITS, fosthom:

(a)

rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ITS, f’Ottubru 2014 (6);

(b)

konsultazzjonijiet immirati li saru dan l-aħħar ma’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari l-Kumitat Ewropew tas-Sistemi ITS u l-membri tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-Sistemi ITS.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar ir-rapporti ta’ informazzjoni u l-Opinjonijiet tiegħu dwar l-atti delegati (7) li ġew miġbura fil-qosor fl-Opinjoni reċenti tiegħu dwar il-PRAC (8), u jfakkar l-elementi essenzjali tal-pożizzjoni tiegħu.

4.2.

Il-KESE jqis li d-delegi tas-setgħa għandhom ikunu delimitati fit-totalità tagħhom, jiġifieri:

(a)

objettivi identifikati;

(b)

kontenut speċifiku;

(c)

kamp ta’ applikazzjoni ċar;

(d)

perjodu strett u fiss.

4.3.

F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-perjodu ta’ żmien, il-KESE dejjem esprima ruħu favur il-prinċipju ta’ perjodu ta’ żmien speċifiku, li possibbilment jista’ jiġġedded għal perjodu identiku, ħlief f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati.

4.4.

Il-KESE jsib li f’din il-proposta, il-Kummissjoni stabbiliet b’mod preċiż perjodu supplementari ta’ ħames snin mis-27 ta’ Awwissu 2017, perjodu li mbagħad jista’ jiġi estiż b’mod taċitu għal perjodi identiċi, sakemm ma joġġezzjonawx il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill.

4.5.

Il-KESE jqis li din il-Proposta tinkludi ċ-ċertezza legali u l-flessibbiltà li jippermettu li jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi u jiġu adottati fil-ħin opportun speċifikazzjonijiet tekniċi, funzjonali u organizzattivi meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-sistemi ITS fil-qasam tat-trasport bit-triq, u għalhekk jistħoqqilha l-kunsens tiegħu.

4.6.

Il-KESE jqis ukoll li l-estensjoni tad-delega tas-setgħa lill-Kummissjoni hija essenzjali għall-iskjerament integrat u koordinat tal-ITS interoperabbli fit-trasport bit-triq u l-interkonnessjonijiet tagħhom mal-modi l-oħrajn tat-trasport fl-Unjoni Ewropea, fuq kollox bħala segwitu għall-Komunikazzjoni COM(2016) 766 final (9).

4.7.

Madankollu jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet twettaqhom skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom għandu jkollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1; ĠU C 277, 17.11.2009, p. 85.

(2)  ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.

(3)  Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata (COM(2016) 766 final).

(4)  Ara l-Anness I ta’ din id-Direttiva.

(5)  INT/813 (Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.)

(6)  http://ec.europa.eu/transport/themes/its/road/action_plan/its_reports_en.htm

(7)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 145; ĠU C 67, 6.3.2014, p. 104; INT/656 (rapport ta’ informazzjoni).

(8)  INT/813 (Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.)

(9)  Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata, 30.11.2016. L-Opinjoni tal-KESE TEN/621, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.