31.8.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 288/43 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:
(a) “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, li tistabbilixxi l-proċedura ta’ notifika għal skemi ta’ awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti relatati ma’ servizzi, u li temenda d-Direttiva 2006/123/KE u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern”
(COM(2016) 821 final — 2016/0398(COD))
(b) “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet”
(COM(2016) 822 final — 2016/0404(COD))
(c) “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas legali u operattiv tal-e-Card Ewropea tas-servizzi introdotta bir-Regolament (ir-Regolament tal-ESC)”
(COM(2016) 823 final — 2016/0402(COD))
(d) “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta’ e-Card Ewropea tas-servizzi u l-faċilitajiet amministrattivi relatati”
(COM(2016) 824 final — 2016/0403(COD))
(2017/C 288/05)
Relatur: |
Arno METZLER |
Korelatur: |
Stefano PALMIERI |
Konsultazzjoni |
|
||||||||
Bażi ġuridika |
|
||||||||
|
|
||||||||
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
||||||||
Adottata fis-sezzjoni |
4.5.2017 |
||||||||
Adottata fis-sessjoni plenarja |
31.5.2017 |
||||||||
Sessjoni tal-plenarja Nru |
526 |
||||||||
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
152/3/7 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE japprezza u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tisfrutta l-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku fir-rigward tas-settur tas-servizzi. Madankollu, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li — fis-sitwazzjoni politika attwali f'ħafna Stati Membri — kull tip ta’ “intervent” tal-UE relatat mal-mandat strett tal-kompetenzi tal-Istati Membri jista' jwassal għal kontroversji politiċi. Għalhekk anke f'każijiet fejn ikun legalment possibbli li jiġu applikati miżuri ta’ infurzar tal-konformità aktar stretti, dan jista’ ma jkunx sensittiv fil-kriżi politika serja. Il-KESE għaldaqstant jirrakkomanda li jiġi segwit approċċ pożittiv li jinforza l-aħjar prattiki u konsultazzjoni minflok miżuri ta’ infurzar kull fejn possibbli. |
1.2 |
Il-KESE jikkondividi bis-sħiħ l-għan tal-Kummissjoni li jitrawwem djalogu bejn l-UE u l-Istati Membri fi stadju bikri fi kwalunkwe proċess leġiżlattiv sabiex tiġi evitata l-adozzjoni ta’ atti legali fuq livell nazzjonali li jfixklu l-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea. Il-KESE jirrakkomanda t-twessigħ ta' dan id-djalogu u biex ma ssirx enfasi fuq il-konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi biss iżda anke mad-dritt primarju tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sabiex ikun garantit bilanċ ġust bejn id-drittijiet tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-konsumaturi minn naħa u l-libertajiet ekonomiċi min-naħa l-oħra. Jenħtieġ li tiġi speċifikata l-kompożizzjoni tal-korp responsabbli għall-kontroll tal-konformità u jeħtieġ li dan jiġi kompost b’mod li jiżgura l-konformità sħiħa mal-liġijiet u l-prinċipji msemmija hawn fuq. |
1.2.1 |
Il-KESE jissuġġerixxi li jintgħażel approċċ pożittiv u li jiġi stabbilit il-prinċipju li r-riżultat pożittiv biss ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni għandu effett fil-forma tal-għotja ta’ “garanzija ta’ konformità” għall-abbozz tal-miżura. Għal każijiet mingħajr evalwazzjoni tal-konformità pożittiva, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni m’għandhiex tkun vinkolanti u għandhom jiġu applikati l-proċeduri ta’ wara l-adozzjoni diġà disponibbli. |
1.3 |
Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ test tal-proporzjonalità dettaljat u bir-reqqa disponibbli lill-Istati Membri u bbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-KESE jemmen li dan il-kunċett jista’ jtejjeb il-proċeduri nazzjonali ta’ proporzjonalità. Il-KESE jenfasizza li l-kontroll tal-proporzjonalità jirrikjedi kooperazzjoni msaħħa tal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet professjonali tal-Istati Membri. |
1.3.1 |
Il-KESE jemmen li obbligu li jintuża t-test ġdid qabel kwalunkwe regolamentazzjoni professjonali mhuwiex l-aħjar approċċ għall-infurzar ta’ applikazzjoni effettiva u involuta ta’ tali test. Għalhekk jirrakkomanda li jiġi introdott it-test biss bħala offerta ta’ servizzi għar-regolaturi nazzjonali. |
1.4 |
Il-KESE jilqa’ l-isforz li tiġi promossa l-mobilità tal-fornituri ta’ servizzi u jemmen li r-riċerka u l-issodisfar ta’ rekwiżiti nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi fi Stat Membru ieħor jistgħu xorta waħda jkunu diffiċli għall-fornituri ta’ servizzi. Madankollu, l-approċċ li tgħaddi r-responsabilità ewlenija għall-proċedura f’idejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ domiċilju huwa f’kunflitt mal-prinċipju stabbilit fl-Istat Membru ospitanti fejn l-attivitajiet tal-intrapriżi u l-ħaddiema huma regolati mil-liġi tal-pajjiż li fih ikunu mwettqa. |
1.4.1 |
Il-KESE jenfasizza li huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini ma jiġi introdott fl-ebda forma. Huwa għalhekk jenfasizza li l-e-card tas-servizzi tintroduċi diversi elementi abbażi ta’ dan il-prinċipju billi tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi jittrattaw esklużivament mal-Istat Membru tad-domiċilju bħala intermedjarju u jirrikjedu lill-Istati Membri ospitanti jaċċettaw id-deċiżjonijiet tal-Istat Membru tad-domiċilju dwar l-awtentiċità tad-dokumenti, u għaldaqstant jillimitaw il-mekkaniżmi ta’ kontroll u b'hekk jarmonizzaw l-iskambju tad-data abbażi tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini. |
1.4.2 |
Il-KESE jenfasizza li għandu jkun garantit li l-Istati Membri ospitanti jibqgħu responsabbli bis-sħiħ biex jiddeċiedu liema proċeduri għandhom jiġu segwiti sabiex jiġi rreġistrat l-istabbiliment sekondarju, inklużi aspetti ta’ rikonoxximent professjonali. Il-proċedura kompletament elettronika kkombinata ma’ possibbiltajiet limitati għall-Istati Membri ospitanti biex jivverifikaw l-informazzjoni pprovduta lill-Istat Membru tad-domiċilju permezz tal-e-card tas-servizzi tagħmilha aktar faċli biex jiġu stabbiliti kumpaniji tal-isem (letterbox companies) għal raġunijiet ta' evażjoni tat-taxxa u dumping soċjali. |
1.4.3 |
Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni li tinsab fl-e-card tas-servizzi hija dejjem aġġornata u biex jiġi evitat il-ħolqien ta’ ċimiterju ta’ data, il-KESE jirrakkomanda li jiġi kkunsidrat mill-ġdid il-prinċipju ta’ darba biss u jiġu introdotti limiti ta’ żmien fuq il-validità ta’ e-card tas-servizzi. |
1.4.4 |
Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jitneħħew il-proċeduri ta’ revoka restrittivi, u b’mod partikolari l-ħtieġa għal deċiżjoni finali mill-qrati, sabiex kull Stat Membru jkun jista’ jwettaq kontroll effettiv fuq l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa fit-territorju tiegħu. |
1.4.5 |
Il-proposta tistabbilixxi skadenzi stretti biex tiġi ċċekkjata l-validità tal-informazzjoni pprovduta minn applikant għal e-card tas-servizzi. Din għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid sabiex l-awtoritajiet ikollhom biżżejjed żmien sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet. |
1.4.6 |
Il-proposta leġiżlattiva għandha ssemmi l-ħtieġa li jiġu introdotti sanzjonijiet dissważivi u effettivi, kemm għall-Istat Membru u kif ukoll għall-kumpanija applikanti, għall-abbuż tal-e-card tas-servizzi Ewropea. |
1.4.7 |
Il-KESE jirrakkomanda li jiġi ddikjarat b’mod aktar ċar li d-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali għandha preferenza għal kwalunkwe aspett ta’ rikonoxximent professjonali fir-rigward tal-e-card il-ġdida. Għandu jiġi ċċarat b’mod espliċitu li ma tistax tinħareġ e-card tas-servizzi għal professjonisti li jipprattikaw professjoni li hija regolata fl-Istat Membru tal-oriġini u/jew l-istat membru ospitanti, irrispettivament minn jekk il-professjoni hijiex ipprattikata f’forma ta’ xogħol indipendenti (self-employed) jew ta’ kumpanija. |
1.4.8 |
Sabiex jiġi evitat l-abbuż tal-e-card minn persuni b’impjieg indipendenti fittizju, il-KESE jemmen li l-e-card m’għandhiex tinħareġ għal persuni fiżiċi li ma għandhomx grupp organizzat ta’ persuni u ta’assi li jippermettu l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika. |
1.4.9 |
Il-KESE jixtieq iqajjem dubji dwar jekk is-sistema eżistenti tal-IMI fil-forma attwali tagħha li hija bbażata fuq mistoqsijiet/formoli b’diversi lingwi standardizzati u skambju ta’ data manwali fuq talba tal-Istati Membri u tiddependi fuq kooperazzjoni ottimali bejn l-Istati Membri hijiex aġġornata bi żviluppi attwali fil-kondiviżjoni elettronika tad-data. Għalhekk, il-KESE jemmen li trid tiġi vvalutata s-sistema tal-IMI bil-ħsieb li tkun garantita l-aħjar prestazzjoni possibbli, il-kompatibbiltà u l-komplementarjetà ma’ skemi ta’ skambju tad-data tal-imsieħba soċjali u/jew nazzjonali eżistenti inklużi inizjattivi settorjali bħall-Karti tal-identità soċjali. |
1.4.10 |
Il-proposta tintroduċi sistema Ewropea armonizzata ta’ notifika minn qabel għal ħaddiema stazzjonati abbażi ta’ inklużjoni fakultattiva volontarja mill-Istati Membri li twitti t-triq għal espansjoni obbligatorja f’punt aktar tard, li la hija mixtieqa u lanqas kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/67/UE (1). Għalhekk il-KESE jissuġġerixxi li tiġi kkunsidrata mill-ġdid l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema. |
1.4.11 |
Abbażi tat-tħassib imqajjem u l-fatt li r-rekwiżiti ta’ garanzija msemmija jistgħu ma jinkisbux permezz tal-użu tas-sistema ta’ skambju ta’ data kif inhi bħalissa, il-KESE jemmen li l-applikazzjoni tal-e-card fil-forma attwali tista’ twassal għal effetti negattivi deskritti f’din l-opinjoni li jistgħu ma jkunux proporzjonati u jkunu akbar minn kwalunkwe benefiċċju. Għalhekk il-KESE jissuġġerixxi li tiġi kkonsultata aktar fid-dettall il-konfigurazzjoni ta’ din is-sistema ma’ partijiet interessati involuti u tiġi aġġustata sabiex tiġi garantita l-kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri qabel ma jitkomplu l-proċeduri. Il-KESE jista’ jintalab jibda djalogu bl-għan li tinstab soluzzjoni alternattiva għall-e-card tas-servizzi sabiex jinkludi sistemi ta’ reġistrazzjoni u kwalifikazzjoni diġà eżistenti b’mod aktar effettiv. |
1.5 |
Il-KESE jixtieq jenfasizza li d-differenzi bejn il-kunċetti regolatorji ma jindikawx fihom infushom ħtieġa għal riforma. Jilqa’ l-indikatur il-ġdid ta’ restrizzjoni mfassal mill-Kummissjoni Ewropea peress li jippermetti standard ogħla ta’ analiżi mill-PMR tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Madankollu, jenħtieġ li jkun iċċarat b’mod espliċitu, li l-indikatur ta’ restrizzjoni huwa newtrali mingħajr kwalunkwe dikjarazzjoni tal-valur jew il-ġustifikazzjoni tar-regolamenti. |
1.6 |
Il-KESE jinnota li l-Pakkett dwar is-Servizzi ma joffrix approċċ għal servizzi elettroniċi, iżda jemmen li dan huwa qasam ġdid u emerġenti tan-negozju li jeħtieġ attenzjoni speċjali. Peress li l-potenzjal għall-mobbiltà huwa ferm għoli f’dan is-settur, il-verifika tal-kwalifiki u t-twettiq tar-rekwiżiti legali u r-rekwiżiti minimi ta’ kwalità huwa partikolarment diffiċli biex jiġu stmati għall-konsumaturi u jistgħu jeħtieġu l-użu ta’ għodod speċjali. Inizjattiva li tiffoka fuq is-Suq Intern għal servizzi elettroniċi għalhekk tkun milqugħa tajjeb. Huma meħtieġa elementi ġodda biex fuqhom tinbena fiduċja personali mingħajr ma wieħed ikun jaf lill-fornitur tas-servizz personalment. |
1.7 |
Fir-rigward tal-problema ta’ fiduċja reċiproka li huwa aspett importanti tad-diskussjoni dwar il-Pakkett tas-Servizzi u l-e-card tas-servizzi b’mod partikolari, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu evalwati s-sistemi eżistenti għar-reġistrazzjoni ta’ professjonisti u negozji u l-akkreditazzjoni relatata u l-mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità. Peress li s-Suq Intern għas-servizzi għadu jqajjem tħassib konsiderevoli fi ħdan l-Istati Membri, il-KESE jilqa’ inizjattiva biex tinġabar aktar informazzjoni dwar l-impatti taż-żieda fl-attivitajiet transkonfinali. Din l-inizjattiva tkun tikkunsidra l-effetti ekonomiċi, iżda tkun tiffoka primarjament fuq kwistjonijiet oħra bħalma huma l-impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-konsumatur. Jekk il-problemi jkunu identifikati b’mod oġġettiv, dawn jistgħu jiġu indirizzati sabiex tiżdied il-fiduċja tal-Istati Membri fuq medda twila ta’ żmien. Mingħajr fiduċja reċiproka suffiċjenti, is-Suq Intern għas-servizzi qatt mhu ser jiġi implimentat b’mod effettiv. |
2. Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri proposti
2.1 |
Is-servizzi jirrappreżentaw żewġ terzi tal-ekonomija tal-UE u jammontaw għal 90 % tal-impjiegi ġodda li nħolqu. Pakkett ta’ miżuri li jiffoka fuq kif jista’ jsir aktar faċli għall-kumpaniji u l-professjonisti biex jipprovdu servizzi lil bażi ta’ konsumaturi potenzjali ta’ 500 miljun persuna fl-UE għandu jagħti spinta lis-settur tas-servizzi sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tiegħu. |
2.2 Proċedura ta’ notifika għall-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u rekwiżiti relatati mas-servizzi
2.2.1 |
Rekwiżiti aktar stretti għall-proċedura ta’ notifika għal miżuri relatati mad-Direttiva dwar is-Servizzi għandhom jipprevjenu lill-Istati Membri milli jadottaw skemi ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali jew rekwiżiti relatati mas-servizzi diskriminatorji, mhux ġustifikati u sproporzjonati. |
Il-proċedura twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika skont id-Direttiva dwar is-Servizzi u tiddefinixxih b’mod aktar ċar. Din tistabbilixxi perjodu ta’ konsultazzjoni li jipprevedi djalogu bejn l-Istat Membru tan-notifika, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri l-oħra dwar il-konformità ta’ abbozz ta’ miżura nazzjonali mad-Direttiva dwar is-Servizzi.
2.3 Test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet
2.3.1 |
Ħafna drabi l-Istati Membri jkollhom raġunijiet tajba għar-regolamentazzjoni professjonali, ibbażati fuq il-ħtieġa li jiġu protetti objettivi essenzjali ta’ interess pubbliku. Huwa l-kompitu tal-Istat Membru li jivvaluta fuq bażi ta’ każ b’każ jekk huwiex meħtieġ li jitqiegħdu restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal u t-twettiq ta’ attivitajiet professjonali. |
2.3.2 |
Biex jiġi evitat impatt negattiv fuq il-forniment ta’ servizzi u l-mobilità ta’ professjonisti kkawżat minn valutazzjoni ta’ proporzjonalità mhux uniformi tar-regolamentazzjoni tal-professjonijiet madwar l-UE, jiġi introdott test tal-proporzjonalità, li se jintuża mill-Istati Membri qabel l-adozzjoni jew l-emenda ta’ regolamenti nazzjonali dwar il-professjonijiet. |
2.3.3 |
Id-Direttiva tistabbilixxi l-kriterji ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati għall-valutazzjoni, bħal pereżempju n-natura tar-riskji, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet riżervati, ir-rabta bejn il-kwalifiki u l-attivitajiet, l-impatt ekonomiku ta’ miżura, eċċ. |
2.3.4 |
It-Trattati jispeċifikaw li r-regolamentazzjoni għandha tkun proporzjonata; madankollu, lil hinn minn din l-għażla dwar jekk għandhiex tiġi regolata professjoni u kif għandha tiġi regolata tibqa’ l-kompetenza tal-Istati Membri. |
2.4 E-card Ewropea tas-servizzi
2.4.1 |
L-e-card hija proċedura kompletament elettronika u ġdida għal persuni impjegati għal rashom u l-kumpaniji f’għadd ta’ oqsma bħas-settur tas-servizzi tal-kostruzzjoni, tat-tindif u tan-negozju. Għandha tissostitwixxi formalitajiet amministrattivi f’lingwi differenti, minħabba li l-fornitur ta’ servizzi jsegwi proċedura fil-lingwa tal-pajjiż tad-domiċilju u mal-amministrazzjoni tal-pajjiż tad-domiċilju. |
2.4.2 |
Il-proċedura tal-e-card għandha tiddependi fuq kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti, implimentata permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) eżistenti. M’għandhiex tibdel is-sustanza tar-regoli applikabbli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema skont id-Direttivi 96/71/KE (2) u 2014/67/UE (3). |
2.4.3 |
L-e-card Ewropea tas-servizzi hija simili għall-Karta Professjonali Ewropea (KPE). Iżda, filwaqt li l-KPE tiffaċilita l-forniment ta’ servizzi permezz tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali għal persuni fiżiċi bħala ħaddiema jew fornituri ta’ servizzi impjegati għal rashom, l-e-card tindirizza firxa ħafna aktar wiesgħa ta’ rekwiżiti. |
2.5 Rakkomandazzjonijiet għal riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali
2.5.1 |
Billi r-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali hija prerogattiva tal-Istati Membri, jeżistu ħafna mudelli regolatorji differenti. Irrispettivament mill-mudell applikabbli f’kull pajjiż jew reġjun, l-għan tal-komunikazzjoni huwa li l-Istati Membri jiġu megħjuna bit-tneħħija ta’ restrizzjonijiet sostantivi mhux ġustifikati u speċifiċi, u li jinħoloq għarfien regolatorju “virtuż” min-naħa tal-Istati Membri. |
2.5.2 |
Ir-rakkomandazzjonijiet tar-riforma jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ rekwiżiti u jipprovdu analiżi dettaljata tar-regolamenti li japplikaw għal periti, inġiniera ċivili, kontabilisti, avukati, aġenti tal-privattivi, aġenti tal-proprjetà immobbli u gwidi turistiċi. Mhux kollha jitqiesu bħala ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Kummissjoni Ewropea. |
2.5.3 |
Il-Kummissjoni Ewropea fasslet indikatur ġdid dwar ir-restrizzjoni tar-regolamentazzjoni okkupazzjonali sabiex tiġi appoġġjata analiżi kwalitattiva tal-ostakoli. Dan ikopri l-aspetti ta’ approċċ regolatorju, ir-rekwiżiti ta’ kwalifika, il-kundizzjonijiet oħra tad-dħul u r-rekwiżiti ta’ eżerċizzju. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Il-KESE japprezza u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tisfrutta l-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku fir-rigward tas-settur tas-servizzi. Il-miżuri relatati ma’ xulxin tal-pakkett dwar is-servizzi bla dubju jipprovdu approċċ solidu lejn dan l-għan. Madankollu, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li — fil-kriżi politika serja f'ħafna Stati Membri — kull tip ta’ “intervent” tal-UE relatat mal-mandat strett tal-kompetenzi tal-Istati Membri jista' jwassal għal kontroversji politiċi. Is-setgħat leġiżlattivi — li jistgħu jidhru li huma affettwati mill-proċedura ta’ notifika l-ġdida u t-test tal-proporzjonalità obbligatorju — u sistemi tradizzjonali li ilhom stabbiliti ta’ regolamentazzjoni professjonali nazzjonali huma ħafna drabi meqjusa bħala pedamenti tas-sistemi nazzjonali u għalhekk iridu jiġu trattati bħala kwistjonijiet sensittivi. Anke fejn ikun legalment possibbli li jiġu applikati miżuri ta’ infurzar tal-konformità aktar stretti, dan jista’ ma jkunx sensittiv fis-sitwazzjoni attwali. Approċċ pożittiv li jinforza l-aħjar prattika jew li jsegwi approċċ ta’ konsulenza jista’ jkun aktar effettiv. |
3.1.1 |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-kwalità u s-sikurezza tas-servizzi mogħtija fl-Unjoni Ewropea. |
3.1.2 |
Barra minn hekk, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għas-sensittività partikolari marbuta mal-oqsma bħas-saħħa u l-protezzjoni tal-pazjent. Jekk l-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni tista’ tkun komplementari għal dik tal-Istati Membri, ir-responsabbiltà sħiħa tagħhom għandha tkun rispettata, kif ukoll il-possibbiltà li jdaħħlu fis-seħħ miżuri iktar stretti għall-protezzjoni tal-pazjenti, kif previst fl-Artikoli 168 tat-TFUE. |
3.2 |
Billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-partijiet interessati prinċipali josservaw ir-regolamenti l-ġodda tal-professjoni tagħhom, sabiex ikun assigurat li r-regolamentazzjoni hija soda u effettiva, il-KESE jipproponi li jiġu kkonsultati l-partijiet interessati bħalma huma l-organizzazzjonijiet professjonali, l-imsieħba soċjali, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar l-applikazzjoni prattika tal-miżuri ppjanati. |
3.3 |
Irridu nkunu konxji li l-introduzzjoni ta’ obbligi u miżuri ta’ infurzar ġodda f’dan il-kuntest tista’ tagħti l-impressjoni li l-Istati Membri ġeneralment jidhru bħala mhux kapaċi biżżejjed li jifhmu r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar is-Servizzi u d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, filwaqt li fil-fatt l-għodda leġiżlattivi bħat-testijiet tal-proporzjonalità huma rekwiżiti bażiċi ta’ kwalunkwe proċedura leġiżlattiva nazzjonali fil-maġġoranza vasta tal-Istati Membri. |
3.4 |
Bosta dispożizzjonijiet fil-Pakkett tas-Servizzi jirriskjaw li jwasslu għal nuqqas ta' ċarezza fid-distinzjoni bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-istabbiliment. Il-KESE għaldaqstant jenfasizza l-importanza li tinżamm din id-distinzjoni — definita b’mod ċar kemm mid-Direttiva dwar is-Servizzi kif ukoll mid-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — fil-valutazzjoni tar-riżultati ta’ test tal-proporzjonalità applikat għal regolamentazzjonijiet nazzjonali ġodda ta’ professjonijiet u meta ssir l-implimentazzjoni tar-regolament u d-direttiva dwar l-e-card Ewropea tas-servizzi. Għalhekk, bl-għan li tiġi garantita l-kompetizzjoni ġusta bejn l-impriżi, għandhom ikunu pprojbiti l-miżuri diskriminatorji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti minn liġijiet u ftehimiet kollettivi fil-pajjiż ospitanti kif ukoll id-drittijiet tal-konsumatur u r-regoli tas-saħħa u s-sigurtà għandhom jiġu rispettati. |
3.5 |
Il-KESE jinnota li t-tkabbir tas-settur tas-servizzi m’għandux jinkludi dumping soċjali u frodi (4). Għalhekk, il-KESE jenfasizza n-nuqqas ta’ salvagwardji suffiċjenti biex iżommu d-drittijiet tal-ħaddiema u l-ħarsien tal-konsumatur f’livell għoli fl-Istati Membri kollha u r-riskju li jkun introdott il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini li jkun jikser ir-regoli fundamentali skont liema l-attivitajiet tal-intrapriżi u tal-ħaddiema huma regolati mil-liġi tal-pajjiż fejn dawn jitwettqu. |
3.6 |
Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-partijiet ikkonċernati fis-setturi fil-mira mill-proposta għal e-card Ewropea tas-servizzi u jistaqsi dwar il-valur miżjud tal-inizjattiva leġiżlattiva u l-utilità tagħha. |
3.7 |
Sfortunatament, il-pakkett tas-suq intern propost ma jindirizzax il-kwistjonijiet reali li jħabbtu wiċċhom magħhom uħud mis-setturi fil-mira mill-proposti. Il-KESE jqis li huwa importanti li jitnaqqas il-potenzjal għal frodi u l-abbuż tas-suq intern minn ditti ta’ reputazzjoni ħażina sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u d-diversi partijiet interessati. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Proċedura ta’ notifika għall-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u rekwiżiti relatati mas-servizzi
4.1.1 |
Il-KESE jikkondividi bis-sħiħ l-għan tal-Kummissjoni li jitrawwem djalogu bejnha u l-Istati Membri fi stadju bikri fil-proċess leġiżlattiv sabiex tiġi evitata l-adozzjoni ta’ standards li jfixklu s-Suq Uniku. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll it-twessigħ ta' dan id-djalogu u biex ma ssirx enfasi fuq il-konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi biss iżda anke mad-dritt primarju tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea peress li dan ikun jiggarantixxi l-bilanċ ġust bejn id-drittijiet tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-konsumaturi minn naħa u l-libertajiet ekonomiċi min-naħa l-oħra. Jenħtieġ li tiġi ċċarata l-kompożizzjoni tal-korp responsabbli għall-kontroll tal-konformità u jeħtieġ li dan jiġi kompost b’mod li jiżgura l-konformità sħiħa mal-liġijiet u l-prinċipji msemmija hawn fuq u kif ukoll ir-rappreżentanza u l-indipendenza tagħha. |
4.1.2 |
Madankollu, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jidher li l-impatt dirett tal-proposta fuq il-proċeduri leġiżlattivi nazzjonali huwa konsiderevoli. |
4.1.3 |
Il-proposta twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika regolata mid-Direttiva dwar is-Servizzi u hija wkoll pjuttost kumplessa. Flimkien ma’ perjodu sospensiv, din tfixkel għaldaqstant il-kapaċità tal-leġiżlaturi nazzjonali li jwettqu riformi f’perjodu ta’ żmien qasir, anke f’każijiet ta’ emendi leġiżlattivi żgħar. |
4.1.4 |
Miżuri ta’ infurzar bħall-perjodu sospensiv, il-mekkaniżmu ta’ twissija u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrikjedi lill-Istat Membru li jieqaf milli jadotta l-abbozz ta’ miżura jnaqqsu b’mod konsiderevoli r-ritmu tal-proċessi leġiżlattivi nazzjonali u jsiru restrizzjonijiet konsiderevoli fuq il-libertà tal-leġiżlatur nazzjonali. Sabiex tiġi garantita proċedura leġiżlattiva demokratika, huwa meħtieġ li tiġi preservata bis-sħiħ is-setgħa leġiżlattiva tal-Parlamenti nazzjonali. Il-KESE jesprimi dubji kbar dwar jekk ikunx proporzjonat — jew sensittiv — li wieħed jinterferixxi fi proċeduri leġiżlattivi nazzjonali billi jiġu introdotti miżuri ta’ infurzar aktar stretti anke fi kwistjonijiet koperti mill-prinċipju ta’ sussidjarjetà meta jkunu disponibbli proċeduri ta’ wara l-adozzjoni perfettament adegwati. |
4.1.5 |
Jenħtieġ li d-deċiżjonijiet negattivi marbuta mal-konformità tal-abbozz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali ma jkunux vinkolanti. Il-KESE jissuġġerixxi li r-riżultat pożittiv biss ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni jkollu effett fil-forma tal-għotja ta’ “garanzija ta’ konformità” għall-abbozz ta' miżura. Dan l-approċċ pożittiv iġib benefiċċji konsiderevoli għall-Istati Membri u jservi ta’ motivazzjoni biex dawn jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fil-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista u biex jaċċettaw l-isforzi relatati. Għal każijiet mingħajr evalwazzjoni tal-konformità pożittiva, għandhom jiġu applikati l-proċeduri ta’ wara l-adozzjoni diġà disponibbli. |
4.1.6 |
Il-KESE jenfasizza li, kif stabbilit mid-Direttiva dwar is-Servizzi, il-proċedura ta’ notifika mhix ser taffettwa d-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi u jinforza ftehimiet kollettivi. |
4.2 Test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet
4.2.1 |
Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ test tal-proporzjonalità dettaljat u bir-reqqa disponibbli għall-Istati Membri u bbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Huwa jemmen li dan il-kunċett jista’ jtejjeb il-proċeduri nazzjonali ta’ proporzjonalità. |
4.2.2 |
Il-KESE jenfasizza li l-kontroll tal-proporzjonalità li jiffoka fuq rekwiżiti professjonali ser jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet professjonali b’kompetenzi għall-assigurazzjoni tal-kwalità tal-professjoni regolata inkwistjoni. Dan għandu jipprevedi wkoll id-dritt tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur għandhom jiġu kkonsultati sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa mad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi. L-istrutturi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jibqgħu strettament f’idejn l-Istati Membri. |
4.2.3 |
Madankollu, il-KESE jiddubita jekk direttiva li timplimenta obbligu li jintuża t-test qabel kwalunkwe regolamentazzjoni professjonali ġdida hijiex l-aħjar mod kif jiġi infurzat dan it-test. Għal din ir-raġuni, huwa jippreferi l-introduzzjoni ta’ linji gwida li jippermettu lill-Istati Membri jadattaw it-test biex jaqbel bl-aħjar mod mas-sistemi leġiżlattivi tagħhom. |
4.2.4 |
Ħafna mill-kriterji ta’ proporzjonalità proposti li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati huma pjuttost wiesgħa u miftuħa, u jippermettu diversi risposti skont l-approċċ tal-ittestjar magħżul, il-persuni/korpi li jwettqu t-testijiet eċċ. Bħala tali, jistgħu jintużaw bħala linji gwida ta’ appoġġ, iżda fuq livell aktar baxx, bħala proċedura obbligatorja b’impatt konsiderevoli fuq il-proċess leġiżlattiv kollu. Barra minn hekk, sabiex tiġi evitata l-impressjoni li l-kriterji msemmija jitqiesu b’mod ġenerali bħala ostakoli, jenħtieġ li jiġi garantit li l-lista hija newtrali mingħajr kwalunkwe dikjarazzjoni tal-valur jew il-ġustifikazzjoni tar-regolamenti. Fi kwalunkwe każ, kull fejn possibbli, il-kriterji jenħtieġ li jkunu kemm jista’ jkun konkreti u oġġettivi sabiex jiffunzjonaw bħala punti ta’ riferiment. |
4.2.5 |
It-testijiet tal-proporzjonalità huma diġà rekwiżiti bażiċi fi kwalunkwe proċedura leġiżlattiva nazzjonali fil-maġġoranza vasta tal-Istati Membri. L-armonizzazzjoni ta’ kriterji ta’ proporzjonalità tkun tinterferixxi fil-kompetenzi leġiżlattivi nazzjonali u tista’ twassal għall-ħolqien ta’ obbligi sproporzjonati f’xi Stati Membri u aktar distorsjonijiet fis-suq. |
4.2.6 |
Id-Direttiva tindirizza biss regolamentazzjoni ex ante (bħall-protezzjoni tat-titoli, ir-reġistrazzjoni obbligatorja, ir-rekwiżiti ta’ kwalifika, eċċ), għalkemm regolamentazzjoni ex post (bħal skemi ta’ ċertifikazzjoni professjonali, regolamenti lokali jew permessi tal-bini) tista’ timponi restrizzjonijiet sinifikanti fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi. Għal din ir-raġuni, it-tqabbil oġġettiv ta’ sistemi regolatorji jidher diffiċli. |
4.2.7 |
L-obbligu li jiġu pprovduti rapporti ta’ proporzjonalità abbażi tas-sistema tat-test pjuttost kumplessa — u anke parzjalment xjentifika — jista’ jnaqqas b’mod konsiderevoli r-ritmu ta' kwalunkwe riforma fir-rigward tar-regolamentazzjoni professjonali jew saħansitra jfixkilha. |
4.2.8 |
Għalkemm il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li l-għażla fir-rigward ta’ jekk u kif jiġu rregolati l-professjonijiet tibqa’ f'idejn l-Istati Membri, din il-libertà hija teoretika ħafna. Jekk it-test obbligatorju jkun negattiv, xorta waħda bilkemm ikun possibbli li l-leġiżlatur jargumenta l-konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi. Barra minn hekk, il-proposta trid tidher f’konnessjoni ma’ dik għal proċedura ta’ notifika ġdida skont id-Direttiva dwar is-Servizzi minħabba li fejn ikunu kkonċernati r-regolamenti professjonali, il-miżuri jaqgħu spiss fil-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ direttivi. Il-marġni ta’ flessibbiltà tal-leġiżlatur huwa prattikament żero, ladarba l-obbligu tan-notifika jirrikjedi wkoll l-għoti ta’ informazzjoni li turi l-konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi, li jkun ifisser, għal miżuri duplikati bħal dawn, ir-riżultati tat-test tal-proporzjonalità. |
4.2.8.1 |
Il-KESE għalhekk jiddubita li l-impatti negattivi tal-implimentazzjoni ta’ obbligu li jiġi armonizzat test tal-proporzjonalità f’termini tar-restrizzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali — b’mod speċjali fil-qafas tal-proċedura ta’ notifika aktar stretta — jistgħu jiġu ġġustifikati mill-benefiċċji tagħha. Huwa jemmen li linji gwida mhux obbligatorji jew offerta ta’ konsultazzjoni jistgħu jwasslu għal effetti simili mingħajr l-impatti negattivi. |
4.3 E-card Ewropea tas-servizzi
4.3.1 |
Il-KESE jilqa’ l-isforz li tiġi promossa l-mobilità tal-fornituri ta’ servizzi u jemmen li r-riċerka u l-issodisfar ta’ rekwiżiti nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi fi Stat Membru ieħor jistgħu xorta waħda jkunu diffiċli għall-fornituri ta’ servizzi. |
4.3.2 |
Madankollu, l-approċċ tat-trasferiment tar-responsabbiltà ewlenija għall-proċedura lill-awtoritajiet tal-Istat Membri tad-domiċilju huwa f’kunflitt mal-prinċipju stabbilit tal-Istat Membru ospitanti. L-e-card tas-servizzi ma għandhiex tipprevjeni jew tipperikola l-kontrolli li l-Istat Membru ospitanti jrid iwettaq fuq l-attivitajiet ekonomiċi li jsiru fuq it-territorju tiegħu. Għalhekk, l-e-card tas-servizzi proposta ma għandhiex tinkludi elementi tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini. Madankollu, il-KESE jesprimi l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi biex tiżdied il-fiduċja bejn l-Istati Membri, fost affarijiet oħra permezz ta’ involviment ċar f’sistemi ta’ kontroll u ta’ skambju ta’ data adegwati u korretti. |
4.3.3 |
Hemm raġuni biex wieħed jemmen li xi karatteristiċi tal-e-card tas-servizzi bħal pereżempju l-prinċipju “ta’ darba biss” għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni, il-perjodu ta’ validità indefinit tagħha, l-obbligu għall-Istati Membri biex jużaw l-informazzjoni li tinsab fl-e-card tas-servizzi mingħajr il-possibbiltà li tintalab prova tal-validità tal-informazzjoni pprovduta fi stadju aktar tard, u kif ukoll peress li proċeduri għal revoka restrittivi li jistgħu jirrikjedu deċiżjoni finali mill-qrati jistgħu jipperikolaw b’mod sinifikanti l-kontroll tal-konformità mal-liġijiet nazzjonali u l-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet tal-konsumaturi. |
4.3.4 |
Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li jiġi żgurat li l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) ma jbiddilx is-sustanza tar-regoli applikabbli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema skont id-Direttiva 2014/67/UE u li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, li attwalment qed tiġi eżaminata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tiddikjara b’mod ċar il-prinċipju ta’ “paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post”, b’rispett għall-kondizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti minn liġijiet u ftehimiet kollettivi fl-Istat Membru ospitanti, is-saħħa u s-sigurtà u l-ħarsien ambjentali u tal-konsumatur. |
4.3.5 |
Mhuwiex ċar xi jkun l-impatt tal-proposta għal e-card Ewropea tas-servizzi fuq il-karti tal-identità soċjali settorjali eżistenti li huma inizjati mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-imsieħba soċjali, u kif kieku jinteraġixxu mal-miżura mal-estensjoni proposta tas-sistema tal-IMI. Barra minn hekk, hemm evidenza, inkluż Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li tissuġġerixxi li s-sistema attwali tal-IMI għandha xi nuqqasijiet li jeħtieġu li jiġu indirizzati, pereżempju minħabba l-volum ta’ xogħol assoċjat u n-nuqqas ta’ ċarezza tat-tweġibiet għat-talbiet (5). Il-KESE għalhekk jemmen li s-sistema tal-IMI teħtieġ evalwazzjoni mill-ġdid u attwalment mhijiex lesta tiggarantixxi kooperazzjoni ottimali bejn l-Istati Membri. It-titjib għas-sistema tal-IMI għandu jsir bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati kontrolli aħjar fil-pajjiż fejn tiġi eżerċitata l-attività ekonomika u l-komplementarjetà ma’ sistemi eżistenti, u filwaqt li jitqiesu l-possibbiltajiet ta’ kondiviżjoni ta’ data fil-ħin reali (aċċess dirett għad-data banks) flimkien mal-iskambju manwali ta’ data li attwalment huwa possibbli taħt is-sistema tal-IMI. |
4.3.6 |
Il-KESE huwa kkonċernat li l-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini jista’ jiġi introdott b’mod indirett. L-e-card tas-servizzi tintroduċi diversi elementi abbażi ta’ dan il-prinċipju billi tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi jittrattaw esklużivament mal-Istat Membru tad-domiċilju bħala intermedjarju u jirrikjedu lill-Istati Membri ospitanti jaċċettaw id-deċiżjonijiet tal-Istat Membru tad-domiċilju dwar l-validità tad-dokumenti u l-veraċità tal-kontenut tagħhom, u għaldaqstant jillimitaw il-mekkaniżmi ta’ kontroll u b'hekk jarmonizzaw l-iskambju tad-data abbażi tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini. |
4.3.7 |
Il-fatt li, kif inhu propost, awtorità ta’ koordinazzjoni trid tiċċekkja r-rekwiżiti nazzjonali fl-iqsar żmien possibbli jidher partikolarment problematiku. Dawn il-limiti ta’ żmien għandhom jerġgħu jiġu kkunsidrati peress li l-awtorità kompetenti responsabbli mill-e-card tas-servizzi għandha tikkoordina kull każ mal-awtoritajiet kompetenti relevanti l-oħra fir-rigward tal-aspetti differenti tar-rekwiżiti legali. Jenħtieġ li jiġi ddikjarat ukoll, b’mod aktar ċar, li d-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali għandha preċedenza għal kwalunkwe aspett ta’ rikonoxximent professjonali fir-rigward tal-e-card il-ġdida. |
4.3.8 |
Il-proċedura kompletament elettronika kkombinata ma’ possibbiltajiet limitati għall-Istati Membri ospitanti biex jivverifikaw l-informazzjoni pprovduta lill-Istat Membru tad-domiċilju permezz tal-e-card tas-servizzi tagħmilha aktar faċli biex jiġu stabbiliti kumpaniji tal-isem (letterbox companies) għal skopijiet ta' evażjoni tat-taxxa u dumping soċjali. Il-KESE għalhekk jemmen li l-proċedura teħtieġ aktar aġġustamenti sabiex jiġi garantit li dawn l-iżviluppi jistgħu jiġu evitati. |
4.3.8.1 |
Barra minn hekk, il-proposta ma tiċċarax liema elementi għandhom jiġu vvalutati mill-Istat ta’ domiċilju biex jiġi ddikjarat li fornitur ta’ servizz huwa stabbilit legalment fl-Istat. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda referenza għall-elementi fattwali elenkati fid-Direttiva 2014/67/UE sabiex ikun determinat jekk impriża twettaqx ġenwinament attivitajiet sostanzjali fl-Istat Membru. |
4.3.9 |
Il-verifika tal-identitajiet u l-eżami dettaljat tad-dokumenti oriġinali huma kruċjali biex jiġi evitat id-dħul ta’ impriżi b’reputazzjoni ħażina u kriminali (diskussjoni simili bblukkat id-Direttiva dwar l-SUP (6)). Għalhekk, l-Istat Membru ospitanti għandu jkun kompletament responsabbli mill-proċedura għall-ħruġ ta' e-card Ewropea tas-servizzi. |
4.3.9.1 |
L-Istati Membri ospitanti għandhom ikunu responsabbli biex jiddeċiedu liema proċeduri jridu jiġu segwiti sabiex jiġu rreġistrati stabbilimenti sekondarji, inklużi aspetti ta’ rikonoxximent professjonali. Li jiġu involuti l-Istati Membri tad-domiċilju bħala intermedjarji fi proċedura biex tiġi stabbilita fergħa ser iżid piż amministrattiv addizzjonali fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti u jista’ jevita kontrolli dettaljati fil-pajjiż fejn abbużi, pereżempju tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi, jitfaċċaw. |
4.3.10 |
Għalkemm ir-regolament propost jiddikjara li s-sistemi ta’ notifika minn qabel għal ħaddiema stazzjonati huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, il-proposta tintroduċi sistema Ewropea, armonizzata ta’ notifika minn qabel għal ħaddiema stazzjonati bbażata fuq inklużjoni fakultattiva volontarja mill-Istati Membri. Dan iwitti t-triq għal espansjoni obbligatorja f’punt aktar tard, li la hija mixtieqa u lanqas kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/67/UE. Matul id-diskussjonijiet politiċi dwar id-Direttiva dwar l-Infurzar 2014/67/UE kien miftiehem b’mod ċar li l-Istat Membru ospitanti kien l-awtorità nazzjonali kompetenti biex jistabbilixxi għodod ta’ infurzar (l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/67/UE). |
4.3.11 |
Il-proċeduri biex tiġi kkanċellata l-e-card tas-servizzi jistgħu jirrikjedu li tidħol fis-seħħ deċiżjoni finali tal-qorti u l-fornituri tas-servizzi jiġu pprovduti b’diversi mekkaniżmi biex sadanittant ikomplu bis-servizzi tagħhom. Dan jevita kontrolli ex post effettivi mill-Istat Membru ospitanti, li jxekklu l-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-leġiżlazzjoni eżistenti. Barra minn hekk, il-proposti leġiżlattivi ma jinkludu l-ebda penali dissważiva, kemm għall-Istat Membru kif ukoll għall-kumpanija applikanti, għall-abbuż tal-e-card Ewropea tas-servizzi. |
4.3.12 |
Ir-regolament jagħti dritt lill-persuni fiżiċi japplikaw għal e-card tas-servizzi. F’xi setturi, jeżisti riskju sinifikanti li jkun hemm abbuż mill-kard, u għaldaqstant jiġi faċilitat l-impjieg indipendenti fittizju. |
4.3.13 |
Peress li jekk persuna tikkwalifikax bħala impjegata għal rasha jew impjegata jiddependi mill-mod li bih titwettaq l-attività, l-awtorità emittenti tal-Istat Membru tad-domiċilju ma tistax toħroġ e-card li tiddikjara li persuna topera bħala li taħdem għal rasha skont ir-regoli tal-Istat Membru ospitanti. |
4.3.14 |
F’uħud mill-każijiet, il-kanċellazzjoni tal-e-card tas-servizzi għal dawk impjegati għal rashom tirrikjedi deċiżjoni finali minn qorti. Din tipprevjeni kanċellazzjoni rapida f’każijiet ta’ abbuż u tista’ tippermetti lill-persuni b'impjieg indipendenti fittizju jkomplu l-attivitajiet tagħhom sakemm tittieħed deċiżjoni finali mill-qorti. Dan joħloq lakuna ewlenija li twaqqaf l-isforzi biex jiġi miġġieled xogħol mhux iddikjarat bħall-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-Xogħol mhux Iddikjarat. |
4.3.15 |
Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-livell tal-UE proċedura simili biex jinħarġu l-formoli tad-Dokument Portabbli A1 marbuta mal-istazzjonar tal-ħaddiema diġà indikat ostakoli potenzjali involuti meta jkun hemm dipendenza esklużiva fuq l-Istat Membru tad-domiċilju biex tiġi validata d-data dwar il-fornituri tas-servizzi minn barra l-pajjiż, speċjalment fil-każ ta’ impjieg indipendenti falz. Hawnhekk, il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema tissuġġerixxi li: “Il-preċiżjoni tal-informazzjoni inkluża fid-dokumenti PD A1 ma tistax tiġi garantita minħabba fin-nuqqas ta’ kontrolli formali mill-awtoritajiet fil-pajjiżi li jibgħatu, fost affarijiet oħra.” (7) |
4.3.16 |
Il-proposta tintroduċi għodda armonizzata għall-għoti ta’ informazzjoni dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni. Madankollu, ladarba din ser tkun marbuta mal-e-card tas-servizzi, l-informazzjoni trid tiġi pprovduta darba biss, u dan jagħmel l-ispezzjonijiet u l-kontrolli fl-Istat Membri ospitanti potenzjalment anqas effettivi. |
4.3.16.1 |
Barra minn hekk, l-assiguraturi jkunu mġiegħla jikkalkolaw primjums abbażi tar-rekord fl-Istat Membru tad-domiċilju, u dan ikun jinterferixxi mad-dritt u r-responsabbiltà tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni biex jevalwaw ir-riskji. |
4.3.17 |
Il-Kummissjoni tirriżerva firxa wiesgħa ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni li jfasslu l-kontenut u l-parametri tekniċi tal-e-card tas-servizzi. Madankollu, l-armonizzazzjoni f’dan il-qasam tista’ tillimita l-kapaċità tal-Istati Membri biex iwettqu kontrolli effiċjenti ta’ fornituri tas-servizzi li jiġu minn barra l-pajjiż fuq id-drittijiet tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. |
4.4 Rakkomandazzjonijiet għal riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali
4.4.1 |
Il-KESE jixtieq jenfasizza li d-differenzi bejn kunċetti regolatorji ma jindikawx fihom infushom ħtieġa għal riforma. Ħafna regolamenti huma bbażati fuq it-tradizzjonijiet u l-esperjenza. Dawn huma importanti għall-protezzjoni tal-konsumatur u jridu jiġu ppreservati. Il-prinċipju ta’ “ekwivalenza” huwa bbażat fuq il-fatt li jeżistu dawn is-sistemi differenti. Il-KESE jqis il-fatt li s-sistemi professjonali nazzjonali huma bbażati fuq tradizzjonijiet fit-tul. Il-proġett ta’ riċerka juri riżultati pjuttost differenti fir-rigward tal-benefiċċji ta’ miżuri ta’ deregolamentazzjoni. |
4.4.2 |
Il-KESE jilqa’ l-indikatur il-ġdid ta’ restrizzjoni billi jippermetti standard ogħla ta’ analiżi mill-PMR tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Għad hemm xi dettalji li jkun tajjeb li jiġu kkunsidrati mill-ġdid (eż. l-elenkar tal-Iżvilupp Professjonali Kontinwu bħala restrizzjoni negattiva jidher li mhuwiex xieraq). Il-KESE jixtieq jenfasizza li sabiex tiġi pprovduta opinjoni mhux diskriminatorja tas-sistemi regolatorji differenti jkun meħtieġ li tiġi inkluża mhux biss regolamentazzjoni ex ante (eż. protezzjoni tat-titoli, rekwiżiti ta’ kwalifika) iżda anke regolamentazzjoni ex post (eż. rekwiżiti fil-kodiċi tal-bini u l-ippjanar tal-permessi). Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun iċċarat b’mod espliċitu, li l-indikatur ta’ restrizzjoni huwa newtrali mingħajr kwalunkwe dikjarazzjoni tal-valur jew il-ġustifikazzjoni tar-regolamenti. |
Brussell, il-31 ta’ Mejju 2017.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.
(3) ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.
(5) Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, rapport speċjali tal-2016, Il-Kummissjoni żgurat l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar is-Servizzi?, p. 25.
(6) COM(2014) 212 final u ĠU C 458, 19.12.2014, p. 19.
(7) SWD (2016) 52 p. 8.