13.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 345/97


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019”

[COM(2016) 773 final]

(2017/C 345/16)

Relatur:

Cillian LOHAN

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 27.1.2017

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

 

 

Deċiżjoni tal-Bureau

13.12.2016

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

15.6.2017

Adottata fil-plenarja

5.7.2017

Sessjoni plenarja Nru

527

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

130/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019 huwa limitat wisq biex iġib bidla ġenerali fl-imġiba tul il-katini ta’ forniment tal-prodotti u s-servizzi b’ritmu li jirrifletti l-ambizzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari.

1.2.

L-ekodisinn tal-prodotti u s-servizzi jeħtieġ li jmur lil hinn minn sempliċi kunsiderazzjonijiet dwar l-enerġija. Għalkemm dawn huma importanti, hemm bżonn li ssir enfasi fuq iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti, inklużi d-durabbiltà, il-faċilità tal-manutenzjoni u tiswija, il-potenzjal għall-kondiviżjoni u d-diġitalizzazzjoni, l-użu mill-ġdid, l-adattament, ir-riċiklabbiltà u l-assorbiment attwali wara l-użu fil-forma ta’ materjali sekondarji fi prodotti li jidħlu fis-suq.

1.3.

L-ekodisinn jeħtieġ li jinkorpora l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni, l-ekonomija ta’ kondiviżjoni u funzjonali, sabiex ikun hemm konsistenza fost l-istrateġiji varji li huma maħsuba biex jipprovdu mudell ekonomiku ġdid.

1.4.

Il-partijiet komponenti ta’ prodott għandhom ikunu jistgħu jiġu rkuprati faċilment għall-użu mill-ġdid u/jew il-manifattura mill-ġdid u jixprunaw il-ħolqien ta’ suq b’saħħtu tal-materja prima sekondarja.

1.5.

Ir-rekwiżiti tat-tikkettar jistgħu jistimolaw strateġiji ta’ ekodisinn aħjar u jgħinu lill-konsumaturi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, u b’hekk iservu bħala xprun għal bidla fl-imġiba. It-tikkettar għandu jinkludi l-istennija tal-għomor għall-prodott, u/jew tal-komponenti importanti tiegħu.

1.6.

Il-KESE jtenni l-appoġġ tieħu għall-użu tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur bħala għodda biex tippromovi t-tranżizzjoni għal mudelli ta’ negozju tal-ekonomija ċirkolari, u jenfasizza li dan ukoll jista’ jkollu rwol fil-promozzjoni tal-ekodisinn.

2.   Kuntest

2.1.

Il-Pjan ta’ Ħidma tal-Ekodisinn 2016-2019 jikkontribwixxi għall-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari. L-għan ġenerali huwa li tiġi promossa tranżizzjoni lejn mudell tal-ekonomija ċirkolari li jqis iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti u l-materjali.

2.2.

Dan isegwi mill-Pjani ta’ Ħidma tal-Ekodisinn preċedenti għall-perjodi 2009-2011 u 2012-2014. Il-kuntest leġislattiv tiegħu huwa d-Direttiva qafas 2009/125/KE dwar l-Ekodisinn u d-Direttiva qafas 2010/30/KE dwar it-Tikkettar Enerġetiku. Huma previsti Pjani ta’ Ħidma regolari fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn.

2.3.

Qed jiġi previst bħala mezz għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa u l-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku filwaqt li tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi.

2.4.

Kien hemm xi aspettattiva li kwalunkwe rieżami tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn jew aġġornament tal-Pjan ta’ Ħidma jirriżultaw fi twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattivi preċedenti dwar l-Ekodisinn.

3.   Ħarsa ġenerali lejn il-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019

3.1.

Il-qafas leġislattiv tal-Ekodisinn u t-Tikkettar Enerġetiku huwa identifikat bħala wieħed li għandu għan doppju (1). L-ewwel nett, biex ikun żgurat li permezz tal-ekodisinn progressivament jitħallew fis-suq prodotti aktar effiċjenti. It-tieni wieħed jiffoka fuq l-għoti tas-setgħa u l-inkoraġġiment lill-konsumaturi biex jixtru l-aktar prodotti effiċjenti permezz tat-tikkettar enerġetiku.

3.2.

Il-Pjan ta’ Ħidma attwali jistabbilixxi l-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati, inklużi 28 Regolament dwar l-Ekodisinn, 16-il Regolament Delegat dwar it-Tikkettar rigward l-enerġija, u 3 Ftehimiet Volontarji rikonoxxuti.

3.3.

Oqsma oħrajn ta’ ħidma jinkludu l-miżura tal-ekodisinn, għall-prodotti tat-tisħin tal-arja u għall-prodotti tat-tkessiħ, u li tieħu l-forma ta’ regolament, kif ukoll serje ta’ emendi għar-regolamenti biex itejbu l-ittestjar tal-prodott u jnaqqsu l-ambitu għal qerq permezz tal-ekodisinn u t-tikkettar enerġetiku. Dawn l-inizjattivi huma komplementari għal dan il-pjan ta’ ħidma u huma referenzjati iżda mhux jinsabu fih speċifikament

3.4.

Il-valutazzjoni u l-preżentazzjoni tal-ħidma eżistenti u li għaddejja bħalissa hija ffukata fuq it-tikkettar tal-enerġija u l-kisba ta’ element ta’ ekodisinn biss fil-kuntest ta’ effiċjenza ta’ prestazzjoni.

3.5.

Gruppi ta’ prodotti ġodda ġew miżjuda mal-lista ta’ prodotti li huma fil-qalba tal-leġislazzjoni jew reviżjonijiet eżistenti. Dawn huma:

Il-bini ta’ sistemi ta’ awtomazzjoni u kontroll

Ktieli elettriċi

Tagħmir li jnixxef l-idejn

Liftijiet

Pannelli solari u invertituri

Kontenituri refriġerati

Tagħmir ta’ tindif bi pressa għolja (High-pressure cleaners).

4.   Il-prinċipji tal-ekodisinn

4.1.

L-ekodisinn jista’ jikkontribwixxi għad-diżakkoppjar tat-tkabbir ekonomiku mill-konsum tar-riżorsi permezz ta’ tnaqqis fl-użu ta’ materjali u enerġija, rati ogħla ta’ riċiklaġġ u anqas ġenerazzjoni ta’ skart (2). Il-forza tal-ekonomija ċirkolari hija li l-ħolqien tal-ġid ekonomiku, il-benefiċċji soċjali u l-gwadann ambjentali jimxu id f’id. L-ekodisinn jista’ jkun xprun importanti għas-sostenibbiltà soċjali.

4.2.

Minkejja li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn intużat biex ittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-prodotti, tista’ tintuża wkoll b’mod aktar intensiv biex tħeġġeġ id-disinn ta’ prodotti ċirkolari, pereżempju billi jiġu projbiti strateġiji tad-disinn li jxekklu t-tiswija jew il-bdil ta’ parts difettużi (3).

4.3.

L-ekodisinn jipprovdi sistemi ta’ prodotti-servizzi u prodotti magħmula b’inqas riżorsi, bl-użu ta’ riżorsi riċiklati u rinnovabbli filwaqt li jiġu evitati l-materjali perikolużi, u anke bl-użu ta’ komponenti li jservu aktar fit-tul u aktar faċli ssirilhom manutenzjoni, jissewwew, jiġu aġġornati, u riċiklati. Jistgħu jiġu identifikati żewġ approċċi: disinnjar mill-ġdid tal-prodotti bbażat fuq titjib inkrementali fid-disinn ta’ prodotti eżistenti u dawk ġodda u bl-għan li jiġu żviluppati prodotti ġodda li jkunu effiċjenti fl-użu tar-riżorsi li jistgħu jissewwew, jiġu aġġornati, u rriċiklati (4). Sal-lum l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn kienet tippromovi l-aktar l-ewwel approċċ inkrementali, iżda issa għandha tagħfas fuq l-applikazzjoni tat-tieni approċċ, flimkien mal-iżvilupp ta’ tikkettar rivedut u adatt, u permezz tal-appoġġ mill-ħidma li qed iwettqu bħalissa l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni” f’dawn l-oqsma.

4.4.

Element ewlieni tad-disinn ċirkolari huwa li prodott jista’ jsir servizz b’bidla fl-enfasi minn sjieda għal użu, minn bejgħ ta’ prodott għal kuntrattar ibbażat fuq il-prestazzjoni, eż. Sistema ta’ Prodott-Servizz u Ftehimiet dwar il-Livell ta’ Servizz.

4.5.

Fis-settur agrikolu u fis-settur tal-produzzjoni tal-ikel, għandu jiġi nnutat li s-sistemi sostenibbli tal-produzzjoni tal-ikel, b’mod partikolari dawk organiċi, huma eżempji kemm taċ-ċirkolarità kif ukoll tal-ekodisinn.

4.6.

L-inizjattiva konġunta mnedija riċentement mill-KESE u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-twaqqif ta’ Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati għall-Ekonomija Ċirkolari b’diversi partijiet interessati tista’ tiffaċilita l-immappjar tal-aħjar prattiki f’dan il-qasam, u tidentifika l-politiki li jxekklu t-tranżizzjoni lejn l-ekodisinn.

5.   Lakuni u omissjonijiet

5.1.    Approċċ integrat

5.1.1.

L-ekodisinn tal-prodotti u s-servizzi jeħtieġ li jmur lil hinn minn sempliċi kunsiderazzjonijiet dwar l-enerġija. Għalkemm dawn huma importanti, hemm bżonn li jkun hemm enfasi fuq iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti, inklużi d-durabbiltà, il-faċilità tal-manutenzjoni u tiswija, il-potenzjal għall-kondiviżjoni u d-diġitalizzazzjoni, l-użu mill-ġdid, l-adattament, ir-riċiklabbiltà u l-assorbiment attwali wara l-użu fil-forma ta’ materjali sekondarji fi prodotti li jidħlu fis-suq. L-ekodisinn jeħtieġ ikun parti minn approċċ integrat, fejn kemm l-effiċjenza enerġetika kif ukoll l-prestazzjoni ta’ prodotti jitqiesu b’mod konġunt u fuq bażi ugwali mal-effiċjenza u l-prestazzjoni f’termini tal-użu ta’ riżorsi u materjali.

5.1.2.

Il-Pjan ta’ Ħidma attwali jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet meta l-enfasi ssir primarjament fuq il-prestazzjoni tal-enerġija. Il-ħtieġa għal strateġija aktar komprensiva dwar l-ekodisinn hija ċara kemm għall-konsistenza kif ukoll għaċ-ċarezza. Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn innifisha mhijiex limitata għall-prestazzjoni enerġetika ta’ prodotti relatati mal-enerġija, iżda tindirizza wkoll ambitu usa’ tal-materjal tal-komponenti ta’ dawn il-prodotti, u l-impatt usa’ u l-ispejjeż ta’ nuqqas ta’ effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

5.1.3.

Il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari jirrikjedu prodotti u servizzi li jservu fit-tul, jistgħu jerġgħu jintużaw, jistgħu jissewwew, u riċiklabbli. Il-ħtiġijiet tal-ekodisinn jeħtieġ jinkorporaw dawn il-prinċipji, fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni, l-ekonomija ta’ kondiviżjoni (5) u funzjonali (6), sabiex ikun hemm konsistenza fost l-istrateġiji varji li huma maħsubin biex jipprovdu mudell ekonomiku ġdid (7). Ir-riskji assoċjati mal-inkonsistenza attwali jistgħu jwasslu għal inċertezza għas-settur tan-negozju, li min-naħa tagħha xxekkel l-innovazzjoni jew l-investiment fil-mudelli ta’ negozju li huma bbażati fuq mudell tal-ekonomija ċirkolari aktar komprensiv. Dan għandu jwassal ukoll għal żviluppi li jimmiraw lejn l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi minflok l-użu eċċessiv tal-enerġija u viċi versa. L-għażla ta’ prodotti ta’ bħalissa u fil-futur, li s’issa kienet ibbażata fuq l-ineffiċjenza enerġetika, għandha tiġi estiża bi prodotti u servizzi ta’ livell għoli ta’ effiċjenza fir-riżorsi.

5.1.4.

Suq b’saħħtu tal-materja prima sekondarja huwa essenzjali għall-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari. L-ekodisinn għandu jikkontribwixxi għad-disinn ta’ prodotti u servizzi li jippermetti s-separazzjoni tal-komponenti ta’ prodott. Jiġifieri, il-komponenti ta’ prodott għandhom ikunu jistgħu jiġu rkuprati faċilment għall-użu mill-ġdid u/jew il-manifattura mill-ġdid. Id-disinn għandu jippermetti dan l-irkupru ta’ materja prima sekondarja sabiex jipprovdi materjali nodfa u ta’ kwalità għolja għas-suq.

5.1.5.

L-użu tad-disinn bħala xprun għal suq tal-materja prima sekondarja għandu jseħħ fil-kuntest tal-importanza ta’ durabbiltà u modularità fid-disinn wkoll.

5.2.    Bidla fl-imġiba

5.2.1.

Għandha tintuża firxa ta’ strateġiji biex ibiddlu l-imġiba tal-konsumaturi. It-tikkettar waħdu mhux ser ikun biżżejjed biex isseħħ bidla ġenerali u mifruxa fl-imġiba. Opinjonijiet preċedenti tal-KESE diġà speċifikaw il-ħtieġa għall-użu ta’ strumenti ekonomiċi (8), it-tikkettar tat-tul ta’ ħajja tal-prodott (9) u l-ekonomija komportamentali (10) (b’mod partikolari in-“nudge thinking” (11)) bħala parti minn sett ta’ għodod biex tintlaħaq it-tranżizzjoni.

5.2.2.

Il-ħtieġa ta’ bidla fl-imġiba mhix limitata għall-konsumaturi u l-utenti aħħarin. Is-settur tan-negozju jeħtieġ l-appoġġ permezz ta’ inċentivi u ċ-ċertezza dwar id-direzzjoni tal-politika sabiex titħeġġeġ il-bidla. Dan ser ikun partikolarment kruċjali fis-settur tal-SMEs, fejn it-taħriġ u l-għodod ta’ taħriġ jistgħu jsaħħu l-fehim u l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ekodisinn, u jiżguraw li kwalunkwe tranżizzjoni ġġib magħha r-riallokazzjoni tal-ħaddiema kif xieraq biex jitnaqqas l-ispostament tal-persuni.

5.2.3.

Il-KESE jtenni l-appoġġ tieħu għall-użu tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur bħala għodda biex tippromovi t-tranżizzjoni lejn mudelli ta’ negozju tal-ekonomija ċirkolari, u jenfasizza li dan ukoll jista’ jkollu rwol fil-promozzjoni tal-ekodisinn.

5.2.4.

L-Opinjoni tal-KESE dwar il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari (12) tirreferi għar-rwol ta’ mudelli ta’ sjieda ġodda, li jinkludu servizzi ta’ lokazzjoni tal-prodotti. Dan jista’ wkoll jixpruna l-ekodisinn bħala rekwiżit essenzjali kummerċjali, b’vantaġġi konsiderevoli kemm għall-ambjent kif ukoll għas-soċjetà inġenerali.

5.3.    Klawsoli ta’ reviżjoni

5.3.1.

Il-biċċa l-kbira tal-miżuri implimentattivi dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar Enerġetiku għandhom klawsoli ta’ rieżami li huma mistennija jidħlu fis-seħħ fis-snin li ġejjin. Dawn se jeżaminaw speċifikament l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-faċilità ta’ tiswija, ir-riċiklabbiltà u d-durabbiltà tal-prodotti.

5.3.2.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li dawn il-prinċipji jiġu applikati fl-istudji li għaddejjin bħalissa dwar il-lista ta’ prodotti eżistenti, u mhux biss għall-gruppi ta’ prodotti ġodda li għandhom jiġu inklużi f’dan il-Pjan ta’ Ħidma.

5.3.3.

L-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji m’għandhiex tiġi esternalizzata għall-eżerċizzji ta’ rieżami, iżda issa għandha wkoll tiġi integrata fil-Pjan ta’ Ħidma tal-Ekodisinn.

5.4.    Il-kisba ta’ Pjan ta’ Ħidma tal-Ekodisinn rilevanti għall-preżent

5.4.1.

Il-KESE jinnota li l-Pjan ta’ Ħidma tal-Ekodisinn attwali ġie rivedut fid-dawl tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari. Madankollu, il-konsultazzjoni mal-Forum Konsultattiv fir-rigward tal-proposti attwali dwar il-Pjan ta’ Ħidma tal-Ekodisinn, kif mitluba mill-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, saret fl-aħħar ta’ Ottubru 2015. Dan kien qabel it-tnedija tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari.

5.4.2.

Il-Forum Konsultattiv għandu jieħu nota tal-pożizzjoni uffiċjali li ttieħdet mis-soċjetà ċivili organizzata permezz tal-ħidma li twettqet fil-KESE.

5.4.3.

Il-prodotti tal-ICT huma inklużi fil-Pjan ta’ Ħidma biss bħala grupp b’segwitu separat minħabba l-komplikazzjonijiet u d-diffikultajiet assoċjati ma’ prodotti li qed jiżviluppaw b’mod mgħaġġel, u l-inċertezza dwar żviluppi futuri fis-suq. Huwa nnutat li t-tikkettar għal dawn il-prodotti normalment jieħu wisq żmien biex jiżviluppa (medja ta’ 4 snin), u li l-ftehimiet volontarji mhux qed iġibu gwadanji ambjentali, ekonomiċi u soċjali b’rigorożità u ħeffa suffiċjenti.

5.4.4.

It-trattament separat tal-prodotti tal-ICT fi ħdan il-Pjan ta’ Ħidma huwa sinifikanti. Għandhom jingħataw direzzjoni speċifika ċara u ambizzjoni għal dan is-settur sabiex jixpruna l-innovazzjoni fl-ekodisinn ta’ dawn il-prodotti. L-applikazzjoni tal-ekodisinn għat-telefowns ċellulari, pereżempju, tista’ twassal biex it-telefowns ċellulari jsiru l-ambaxxaturi tal-ekodisinn, bl-użu ta’ apparat ta’ komunikazzjoni biex tingħata informazzjoni lil udjenza wiesgħa dwar il-prattikalitajiet tal-ekodisinn u l-konsegwenzi u l-benefiċċji tagħhom.

5.4.5.

Il-Ftehim Energy Star bejn l-UE u l-Istati Uniti se jiskadi fl-2018. Dan jistabbilixxi l-istess rekwiżiti volontarji dwar l-effiċjenza ta’ tagħmir tal-uffiċċju fiż-żewġ ġurisdizzjonijiet. Jista’ jkun hemm riskji marbutin mal-estensjoni ta’ dan il-ftehim minħabba d-dinamika politika ġdida fl-Istati Uniti. Ir-rieżami għandu jikkunsidra l-vantaġġi kompetittivi ta’ appoġġ b’saħħtu għall-ekodisinn għan-negozji fl-Ewropa. L-UE għandha l-opportunità li tkun mexxejja dinjija f’dan il-qasam. L-importanza tar-reċiproċità u l-ftehimiet internazzjonali m’għandhiex tiġi sottovalutata fil-kisba tal-integrazzjoni tal-ekodisinn.

5.4.6.

Ingħataw indikazzjonijiet li fil-Pjan se tiġi żviluppata sezzjoni aktar komprensiva dwar il-kontribut tal-ekodisinn għall-ekonomija ċirkolari. Dan ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li jitwessa’ l-ambitu huwa milqugħ b’sodisfazzjon iżda jeħtieġ ikun akkumpanjat minn termini ta’ implimentazzjoni speċifiċi u qosra.

5.4.7.

L-iżvilupp ta’ sett ta’ għodod tal-ekonomija ċirkolari għall-ekodisinn, bħall-Gwida għal Disinn Ċirkolari li ġiet ippubblikata dan l-aħħar mill-Fondazzjoni Ellen MacArthur, jista’ jiffaċilita l-bidla iżda jeħtieġ jingħata l-appoġġ ta’ leġislazzjoni b’saħħitha, u l-appoġġ mir-riċerka ta’ bażi, il-konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati u appoġġ għall-istandardizzazzjoni. Kemm mill-perspettiva ta’ konsumatur kif ukoll minn dik tan-negozju, il-prezz tal-prodott u l-inċentivi ekonomiċi se jiddeterminaw l-użu ta’ tali għodod. Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jista’ jkun il-bażi tal-aħjar prattika f’dan il-qasam.

5.4.8.

L-isfidi ffaċċjati f’termini ta’ sorveljanza tas-suq u l-kooperazzjoni internazzjonali m’għandhomx jiġu sottovalutati. Il-KESE jinnota li fil-livell tal-Istati Membri hemm ħtieġa akbar għal implimentazzjoni u rappurtar permezz tas-sorveljanza tas-suq, u li jekk dan ma jsirx, jista’ jkun hemm il-bżonn li jiġu implimentati mekkaniżmi ta’ sorveljanza aktar rigoruża fil-livell nazzjonali, ikkoordinati indirettament jew direttament permezz ta’ sorveljanza fil-livell tal-UE. Jista’ jkun hemm bżonn jitqies ukoll l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ sorveljanza jew ta’ spezzjoni differenti minn dawk li jintużaw normalment bħalissa fit-tikkettar tal-ekodisinn u t-tikkettar enerġetiku, sabiex tiġi mminimizzata l-preżenza ta’ manifatturi u importaturi opportunisti fis-suq tal-UE, u biex jiġu protetti u ppremjati l-investimenti li jsiru minn kumpaniji li qed isegwu prattiki tajba u trasparenti fl-ekodisinn, it-tikkettar u l-forniment ta’ informazzjoni dwar il-prodott u dikjarazzjonijiet.

5.4.9.

It-tikkettar huwa kruċjali fir-rigward tal-konsumaturi u t-trasparenza. Madankollu, it-tikkettar mhuwiex soluzzjoni għall-problemi kollha, u jista’ b’mod speċjali ma jkunx l-aktar għodda adattata għall-prodotti/servizzi minn negozju għal negozju. It-tikkettar, fejn xieraq, għandu jirrifletti l-istennija tal-għomor, u mhux jiffoka biss fuq il-prestazzjoni tal-enerġija. Pereżempju, binja jista’ jkollha klassifikazzjoni għolja minħabba r-rendiment tagħha fl-użu tal-enerġija, iżda tista’ tkun tirrikjedi wkoll rikonoxximent akbar għall-materjali użati fil-kostruzzjoni tagħha. Jew inkella prodott kbir u kumpless (eż. sistema ta’ prodotti ta’ tisħin, tkessiħ jew ventilazzjoni) jista’ jkun jixraqlu aktar rikonoxximent għall-materjali wżati u għall-kapaċità ta’ tiswija, sostituzzjoni, durabilità u riċiklabbiltà tiegħu.

Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.

Georges DASSIS

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 82, 3.3.2016, p. 6

(2)  Ellen MacArthur Foundation, Towards the circular economy: Opportunities for the consumer goods sector, 2013. Dokument disponibbli minn: https://www.ellenmacarthurfoundation.org/assets/downloads/publications/TCE_Report-2013.pdf.

(3)  European Environment Agency, Environmental indicator report 2014: Environmental impacts of production-consumption systems in Europe, 2014. Dokument disponibbli minn: https://www.eea.europa.eu/publications/environmental-indicator-report-2014

(4)  United Nations Environment Programme and Delft University of Technology, Design for sustainability – A step-by-step approach, 2009. Dokument disponibbli minn:

http://wedocs.unep.org/bitstream/handle/20.500.11822/8742/DesignforSustainability.pdf?sequence=3&isAllowed=y.

(5)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 36.

(6)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 1.

(7)  European Environment Agency, Circular by design – Products in the circular economy, rapport Nru. 6-2017, Ġunju 2017. Dokument disponibbli minn: https://www.eea.europa.eu/publications/circular-by-design. Il-KESE bħalissa qed jeżamina l-potenzjal ġenerali ta’ mudelli ekonomiċi sostenibbli ġodda f’opinjoni speċifika (SC/048) li mistennija tiġi adottata fit-tieni nofs tal-2017.

(8)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1.

(9)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 23.

(10)  European Environment Agency, Circular by design – Products in the circular economy, op. cit., p. 31.

(11)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 28.

(12)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98.