15.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 467/8


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-promozzjoni ta’ approċċi ġodda fil-ħidma fost iż-żgħażagħ biex jiġi skopert u żviluppat il-potenzjal taż-żgħażagħ

(2016/C 467/03)

IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI

WAQT LI JFAKKRU,

1.

L-isfond politiku għal din il-kwistjoni kif jinsab fl-Anness għal dawn il-konklużjonijiet.

JIRRIKONOXXU LI:

2.

In-nisa u l-irġiel żgħażagħ għandhom potenzjal u talent ġo fihom li jista’ jkun kemm ta’ benefiċċju għalihom kif ukoll għas-soċjetà kollha. Il-potenzjal tan-nisa u l-irġiel żgħażagħ jista’ jitqies f’termini ta’ kompetenzi (għarfien, ħiliet, attitudnijiet), li jibnu fuq il-kreattività u d-diversità tagħhom.

3.

Iż-żgħażagħ qed jistinkaw biex jiżviluppaw il-potenzjal, it-talenti u l-kreattività tagħhom b’rabta maċ-ċittadinanza attiva, l-iżvilupp personali u l-impjegabbiltà. Filwaqt li l-iżvilupp tat-talenti jfisser it-trasformazzjoni ta’ kapaċitajiet straordinarji f’eċċellenza, l-iżvilupp tal-mezzi potenzjali jfisser l-iżvilupp ta’ kwalitajiet jew kompetenzi moħbija li jistgħu jsarrfu f’suċċess jew ikunu utli fil-ġejjieni, meta wieħed iqis is-sitwazzjoni individwali ta’ mara żagħżugħa jew raġel żagħżugħ.

4.

Sabiex jiġu skoperti u żviluppati l-potenzjal u t-talenti taż-żgħażagħ kollha, jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw u jippromwovu l-implimentazzjoni ta’ politika transettorjali effettiva li tista’ tħeġġeġ u tappoġġa liż-żgħażagħ u tgħinhom jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawk f’sitwazzjonijiet diffiċli tal-ħajja.

5.

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ qed tintuża biex jintlaħqu ż-żgħażagħ inklużi dawk li huma emarġinati jew li jinsabu f’riskju li jiġu emarġinati. Madankollu, hekk kif l-istili ta’ ħajja u l-imġiba taż-żgħażagħ jinbidlu fil-kuntest ta’ żviluppi soċjali u teknoloġiċi ġodda, huwa essenzjali li jkomplu jiġu żviluppati metodi u approċċi ġodda fil-ħidma fost iż-żgħażagħ. Sabiex wieħed jifhem u joħloq rabta maż-żgħażagħ, il-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha ttejjeb ukoll l-involviment tagħha fid-dinja diġitali.

JISSOTTOLINJAW LI:

6.

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ issir f’diversi forom u ambjenti, u twieġeb għad-diversi ħtiġijiet, ħolm, aspirazzjonijiet u kundizzjonijiet tal-għajxien taż-żgħażagħ. Il-kapaċità ta’ involviment u ta’ reazzjoni għall-bidliet emerġenti twassal għal bidla kwalitattiva fil-ħajjiet taż-żgħażagħ u fis-soċjetà.

7.

Il-proċessi tat-tagħlim fil-ħidma fost iż-żgħażagħ jgħinu liż-żgħażagħ jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom b’mod olistiku, inkluż l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ ħafna drabi tintuża biex tgħin liż-żgħażagħ jiffaċċjaw sfidi varji tal-ħajja, kemm matul it-tranżizzjonijiet mill-edukazzjoni għax-xogħol, perijodi ta’ qgħad, diversi theddidiet emerġenti inkluż ir-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti jew waqt li jkunu qed ifittxu li jiffurmaw identità pożittiva u sens ta’ appartenenza.

8.

L-ambjent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għandu jkun stimulanti, kapaċi jadatta, attraenti u reattiv għal xejriet ġodda fil-ħajja taż-żgħażagħ biex b’hekk jgħinhom jiskopru u jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom, li spiss jaf ikun moħbi u ma jkunx evidenti fil-kuntest tal-edukazzjoni formali jew f’setturi oħra. Dan l-ambjent għandu jkun post fejn jesperimentaw u jippruvaw affarijiet ġodda, fejn il-falliment ikun aċċettat u meqjus bħala parti mill-proċessi tat-tagħlim u tal-integrazzjoni soċjali.

9.

L-attivitajiet żviluppati fil-ħidma fost iż-żgħażagħ urew li huma effettivi fl-iżvilupp pożittiv tal-personalitajiet taż-żgħażagħ u jeħtieġ li dawn jibqgħu jkunu appoġġati u msaħħa. L-inkoraġġiment tal-innovazzjoni fil-ħidma fost iż-żgħażagħ għandu jitqies bħala parti mir-reazzjoni għall-bidla kostanti, li għandu l-għan li jiġbed l-interess taż-żgħażagħ kollha inkluż dawk li għadhom mhux qed jieħdu sehem attiv f’attivitajiet ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ. L-innovazzjonijiet għandhom ikunu parti mill-iżvilupp kontinwu ta’ kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, u li jirreaġixxu għall-ħtiġijiet, l-interessi u l-esperjenzi taż-żgħażagħ kif perċepiti miż-żgħażagħ stess (1),

10.

Sabiex ikunu attraenti għaż-żgħażagħ u jiġi żgurat impatt akbar fuq ħajjithom, fl-iżvilupp ulterjuri tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ min jaħdem fost iż-żgħażagħ għandha ssir riflessjoni dwar, u għandhom jitqiesu, l-ambjenti ġodda fejn iż-żgħażagħ iqattgħu l-ħin tagħhom, bħal infrastruttura moderna tal-ibliet u l-ispazju virtwali, kif ukoll approċċi ġodda li jagħmlu użu minn għodod innovattivi online kif ukoll offline (bħal ludifikazzjoni (2), attivitajiet ibbażati fuq il-GPS (3), badges tat-tagħlim (4) u l-ħsieb proġettwali (5)).

11.

Iż-żgħażagħ stess għandhom jaqdu rwol kruċjali fit-tfassil, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ innovazzjoni tal-ħidma fost iż-żgħażagħ biex l-innovazzjoni tirnexxi.

12.

Il-kapaċitajiet ta’ dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ (bħala voluntiera jew impjegati) jistgħu jissaħħu permezz ta’ edukazzjoni, taħriġ u opportunitajiet ta’ netwerking, gwida, kif ukoll appoġġ finanzjarju, sabiex ifittxu u jimplimentaw approċċi ġodda u innovattivi fil-ħidma fost iż-żgħażagħ bl-għan li jintlaħqu aktar żgħażagħ, speċjalment dawk li diffiċli jintlaħqu, u li jinkiseb impatt akbar fuq ħajjithom.

13.

Il-ħolqien ta’ politika dwar iż-żgħażagħ ibbażata fuq l-evidenza jeħtieġ aġġornamenti regolari, b’data aġġornata u rilevanti miġbura fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak Ewropew. L-informazzjoni dwar l-istili ta’ ħajja u t-tendenzi attwali (6) taż-żgħażagħ għandhom ikunu inklużi wkoll.

14.

Lil hinn mill-iżvilupp tas-settur tal-ħidma fost iż-żgħażagħ innifsu, il-kooperazzjoni transsettorjali hija essenzjali għall-iżvilupp ta’ approċċi ġodda fil-ħidma fost iż-żgħażagħ. Fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ approċċi ġodda fil-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ, il-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw diversi setturi, teħtieġ li tkun iffaċilitata u promossa, sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni effettiva ta’ opportunitajiet ta’ kooperazzjoni (7) u li jingħata kontribut għall-kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ jinqdew aħjar.

B’KONT MEĦUD TAL-PRINĊIPJU TA’ SUSSIDJARJETÀ, JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

15.

Jippromwovu, jappoġġaw u jevalwaw l-użu, id-disinn, l-iżvilupp, l-ittestjar u t-tixrid ta’ għodod u approċċi ġodda li għandhom jintużaw fil-ħidma fost iż-żgħażagħ permezz ta’ kooperazzjoni transsettorjali, sabiex dawn iwieġbu b’mod adegwat għall-ħtiġijiet attwali u l-isfidi futuri, l-interessi u l-aspettattivi taż-żgħażagħ u s-soċjetà. Sabiex tkun żgurata l-kwalità, iż-żgħażagħ, ir-riċerkaturi fil-qasam taż-żgħażagħ, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem attiv fl-istadji kollha tal-proċess.

16.

Isaħħu l-kapaċitajiet ta’ dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ (volontarja jew impjegati) għall-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-potenzjal u t-talenti taż-żgħażagħ billi jipprovdu opportunitajiet edukattivi u ta’ taħriġ li jiffokaw b’mod partikolari fuq:

(a)

l-użu u l-adozzjoni ta’ approċċi innovattivi fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ;

(b)

l-inkorporazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-aħħar xejriet tal-ħajja taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni u fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ;

(c)

l-użu ta’ kooperazzjoni transettorjali fit-tfassil ta’ għodod u approċċi ġodda u innovattivi għall-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ;

(d)

il-metodi biex b’mod partikolari jiġu skoperti u mbagħad żviluppati l-potenzjal u t-talenti taż-żgħażagħ, li b’hekk jibnulhom l-awtostima u l-kunfidenza fihom infushom;

(e)

l-involviment taż-żgħażagħ bħala sors ta’ informazzjoni u kompetenza esperta ta’ valur, pereżempju fl-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali;

(f)

li jintlaħqu ż-żgħażagħ li jinsabu f’riskju ta’ marġinalizzazzjoni, bl-użu ta’ approċċi innovattivi u b’enfasi fuq l-iżvilupp tal-potenzjal u t-talent tagħhom.

17.

Iħeġġu, fejn rilevanti, l-appoġġ sostenibbli, inkluż appoġġ finanzjarju, ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu maż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ, b’mod partikolari fuq proġetti kollettivi u skont il-prinċipji (8) tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, sabiex jibnu l-kapaċitajiet tagħhom għall-innovazzjoni.

18.

Jaħdmu mill-qrib mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kunsilli taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, iż-żgħażagħ u atturi oħra fil-qasam taż-żgħażagħ sabiex il-messaġġi inklużi f’dawn il-konklużjonijiet ikunu ġeneralment inkorporati fil-prattika fil-livell reġjonali u lokali.

19.

Jippromwovu u jappoġġaw spazji u opportunitajiet fi sħubija mal-awtoritajiet lokali, fejn xieraq, sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiltaqgħu wiċċ imb’wiċċ u jiżviluppaw inizjattivi komuni.

20.

Jikkunsidraw il-ħolqien ta’ spazji u opportunitajiet flessibbli għall-esperimentazzjoni, fażijiet ta’ prova, fejn persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jitgħallmu jirreaġixxu għall-kundizzjonijiet u l-istili ta’ ħajja li jinbidlu b’rata mgħaġġla, u jitgħallmu kif għandhom jittrattaw il-kumplessità.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX, FIL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U B’RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TA’ SUSSIDJARJETÀ:

21.

Jikkunsidraw il-ġbir u l-analiżi regolari ta’ informazzjoni dwar ix-xejriet tal-ħajja taż-żgħażagħ u jappoġġaw it-tixrid tas-sejbiet lill-partijiet ikkonċernati, inkluż lil dawk li jfasslu l-politika fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, voluntiera li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-mexxejja taż-żgħażagħ u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ.

22.

Ifittxu approċċi innovattivi implimentati fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, inkluż oqsma rilevanti oħra, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ, l-isports u l-kultura, is-servizzi soċjali, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, eċċ. u joħolqu opportunitajiet biex jadattaw l-approċċi innovattivi użati f’oqsma ta’ politika oħrajn għall-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, kif ukoll biex jiskambjaw eżempji ta’ prattika tajba.

23.

Fejn hu xieraq, jidentifikaw il-kompetenzi l-ġodda li jeħtieġu l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u jiżviluppaw moduli tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jiffaċilitaw il-kisba ta’ kompetenzi ġodda, inkluż kompetenzi diġitali għal dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ.

24.

Permezz tal-ħolqien, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki taż-żgħażagħ, l-istrateġiji għaż-żgħażagħ u l-inizjattivi taż-żgħażagħ fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, jidentifikaw approċċi ġodda fil-ħidma fost iż-żgħażagħ li jgħinu biex jiġu skoperti u żviluppati l-potenzjal u t-talent taż-żgħażagħ kollha.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

25.

Tagħmel analiżi regolari u ddaħħal taqsima fir-Rapport dwar iż-Żgħażagħ li tipprovdi informazzjoni aġġornata u preċiża dwar l-aħħar xejriet u stili ta’ ħajja taż-żgħażagħ.

26.

Tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ix-xejriet u l-istili ta’ ħajja taż-żgħażagħ, kif ukoll eżempji ta’ prattika tajba u approċċi innovattivi implimentati fil-ħidma maż-żgħażagħ fil-livell tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll barra l-UE. Torganizza laqgħat ta’ esperti, konferenzi u attivitajiet oħra ta’ tagħlim reċiproku u tikkunsidra l-użu ta’ pjattaformi bħall-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ sabiex tippromwovi metodi innovattivi fil-ħidma fost iż-żgħażagħ.

27.

Tagħmel l-aħjar użu mill-programmi eżistenti tal-UE bħal Erasmus+ biex tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ approċċi innovattivi fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.


(1)  Ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ – qafas komuni għall-iżviluppi futuri tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. Rapport mill-Grupp ta’ Esperti dwar Sistemi ta’ Kwalità għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ fl-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea, 2015. [Mhux disponibbli bil-Malti]

(2)  Ludifikazzjoni tfisser l-applikazzjoni tal-mekkanika tal-logħob f’attivitajiet lil hinn mill-qasam tal-logħob biex titbiddel l-imġiba tal-persuni. Hemm eżempji ta’ applikazzjonijiet li jikkalkulaw kemm il-pass persuna tagħmel kuljum, jippremjawha u jippermettulha tqabbel ma’ persuni oħrajn. Diversi elementi tad-dinamiki u l-mekkaniżmi tal-logħob jistgħu jiġu implimentati u applikati wkoll fil-ħidma fost iż-żgħażagħ. (Ludifikazzjoni 101: An Introduction to the Use of Game Dynamics to Influence Behaviour, Bunchball, 2010).

(3)  Attivitajiet ibbażati fuq il-GPS jużaw apparat elettroniku b’ippożizzjonar tal-GPS (l-aktar l-ismartphones) għal attivitajiet differenti biex jappoġġaw il-moviment fiżiku, jorjentaw f’ambjent ġdid, iwettqu kompiti differenti jew jitgħallmu aktar dwar postijiet interessanti.

(4)  Badges tat-tagħlim huma badges virtwali fl-ispazju online li jirratifikaw il-kisbiet tal-istudenti. Xi kumpaniji jappoġġaw din l-idea, inkluż Mozilla, li ħolqot pjattaforma online msejħa Open badges. Din tmur tajjeb ħafna ma’ inizjattivi dwar ir-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali fil-ħidma fost iż-żgħażagħ.

(5)  Il-ħsieb proġettwali huwa approċċ ffukat fuq il-bniedem, kollaborattiv, ottimist u sperimentali. Dan jattira liż-żgħażagħ billi huma jsiru parti integrali mill-bidla, u fl-istess waqt ifasslu soluzzjoni ġdida wkoll. Dan jista’ jintuża biex (jerġgħu) jitfasslu diversi programmi, għodod u spazji għaż-żgħażagħ. (Design Thinking for Educators Toolkit, 2012).

(6)  L-informazzjoni dwar l-istili ta’ ħajja, xejriet tal-ħajja taż-żgħażagħ tinkludi dettalji speċifiċi dwar iż-żgħażagħ minn perspettiva soċjoloġika, psikoloġika u pedagoġika. Tali informazzjoni għandha twieġeb mistoqsijiet bħal: X’inhuma l-interessi taż-żgħażagħ? X’inhuma l-biżgħat tagħhom? Kif jitgħallmu? Kif iqattgħuh il-ħin liberu tagħhom? Kif jinteraġixxu fuq netwerks soċjali? Kif jamministrawhom il-finanzi tagħhom?

(7)  Sessjoni ta’ ħidma kreattiva bl-għan li tinħoloq applikazzjoni ġdida għall-apparati mobbli, li għaliha attendew persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, iż-żgħażagħ u l-ispeċjalisti tal-ICT tista’ sservi bħala eżempju f’dan ir-rigward.

(8)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.


ANNESS

Fl-adozzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill ifakkar b’mod partikolari f’dan li ġej:

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Ewropa 2020’ (1) kif approvata mill-Kunsill Ewropew u l-inizjattivi ewlenin ‘Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi’ (2), ‘Unjoni tal-Innovazzjoni’ (3), u ‘Aġenda Diġitali għall-Ewropea’ (4).

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2016 dwar ir-rwol tas-settur taż-żgħażagħ f’approċċ integrat u transsettorjali biex tiġi evitata u miġġielda r-radikalizzazzjoni vjolenti taż-żgħażagħ (5).

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2015, dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2016-2018 (6).

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Mejju 2015 dwar it-tisħiħ tal-politika ta’ kooperazzjoni transettorjali biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi soċjoekonomiċi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ (7).

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2014 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ (8).

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar it-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali ta’ żgħażagħ barra mill-impjieg, edukazzjoni, jew taħriġ (9).

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2013 dwar il-kontribut ta’ ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ għall-iżvilupp, il-benesseri u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ (10).

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (11).

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2012 dwar it-tisħiħ tal-potenzjal kreattiv u innovattiv taż-żgħażagħ (12).

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2010, dwar il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ (13).

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2010, dwar l-inklużjoni attiva taż-żgħażagħ: ġlieda kontra l-qgħad u l-faqar (14).

Studji u Dikjarazzjonijiet:

Ir-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (mill-2010 sal-2018) (15).

Ir-Rapport mill-Grupp ta’ Esperti dwar Sistemi ta’ Kwalità għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ fl-Istati Membri tal-UE (2015).

Id-Dikjarazzjoni tat-Tieni Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (2015) (16).


(1)  7110/10

(2)  17066/10

(3)  14035/10

(4)  9981/10/REV 1

(5)  9640/16

(6)  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 1.

(7)  ĠU C 172, 27.5.2015, p. 3.

(8)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 18.

(9)  ĠU C 30, 1.2.2014, p. 5.

(10)  ĠU C 168, 14.6.2013, p. 5.

(11)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(12)  ĠU C 169, 15.6.2012, p. 1.

(13)  ĠU C 327, 4.12.2010, p. 1.

(14)  ĠU C 137, 27.5.2010, p. 1.

(15)  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 17.

(16)  http://pjp-eu.coe.int/documents/1017981/8529155/The+2nd+European+Youth+Work+Declaration_FINAL.pdf/cc602b1d-6efc-46d9-80ec-5ca57c35eb85