14.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 212/9


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-Europeana għall-aċċess diġitali, il-viżibbiltà u l-użu tal-wirt kulturali Ewropew

(2016/C 212/06)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JFAKKAR LI:

1.

id-diġitalizzazzjoni u l-aċċess fuq l-Internet għall-wirt kulturali u l-konservazzjoni fit-tul tiegħu huma essenzjali biex jagħtu l-aċċess lil kulħadd għall-kultura u l-għarfien, biex jippromwovu r-rikkezza u d-diversità tal-wirt kulturali Ewropew u jingħata kontribut għall-kisba tas-suq uniku diġitali permezz tal-offerta dejjem akbar ta’ prodotti u servizzi ġodda u innovattivi (1);

2.

l-Europeana li tnediet fl-2008 bħala punt ta’ aċċess multilingwi komuni fuq l-Internet għal materjal kulturali diġitali (2) u li minn dakinhar tikkollega kollezzjonijiet diġitali ta’ wirt kulturali mill-Istati Membri, saret proġett kulturali Ewropew komuni biex jiġi aċċessat u jintwera l-wirt kulturali Ewropew;

3.

l-iżvilupp ulterjuri tal-Europeana u l-politiki nazzjonali għall-wirt kulturali diġitali kien appoġġat mill-Kunsill (3), il-Kummissjoni (4) u l-Parlament Ewropew (5);

4.

l-użu mill-ġdid ta’ wirt diġitali kien promoss permezz tal-inklużjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet, ta’ istituzzjonijiet fil-qasam tal-wirt kulturali fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (6) u bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet orfni (7);

JIEĦU NOTA TA’

5.

l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tivvaluta l-opzjonijiet u tikkunsidra inizjattivi leġislattivi sabiex isir aktar faċli li xogħlijiet mhux kummerċjali jiġu diġitalizzati u jsiru disponibbli fuq l-Internet, inkluż fl-UE kollha, bħala parti mill-inizjattiva mħabbra tagħha dwar il-modernizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur (8);

JINNOTA LI

6.

fis-sura attwali tagħha, l-Europeana hija pjattaforma tal-Internet li tippermetti l-aċċess multilingwi għal wirt kulturali diġitali miżmum minn istituzzjonijiet fil-qasam tal-wirt kulturali separati, kif ukoll id-distribuzzjoni tiegħu. Hija wkoll pjattaforma b’diversi aspetti (9) li għandha l-għan li toħloq valur għall-utenti aħħarin, l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-wirt kulturali, ir-riċerka u l-użu mill-ġdid kreattiv.

Għaldaqstant, bħalissal-Europeana:

titħaddem minn konsorzju li l-Fondazzjoni Europeana (10) hija l-koordinatur ċentrali tiegħu u l-benefiċjarju ewlieni tal-finanzjament mill-UE,

hija appoġġata mill-UE mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (11) (CEF) bħala infrastruttura ta’ servizz diġitali (DSI) għall-“aċċess għal riżorsi diġitali tal-wirt Ewropew”,

hija appoġġata mill-Istati Membri li jikkondividu kontenut, metadata u għarfien espert permezz tal-istituzzjonijiet fil-qasam tal-wirt kulturali tagħhom u jagħtu kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji lill-Fondazzjoni Europeana,

hija appoġġata mill-Assoċjazzjoni tan-Netwerk tal-Europeana li tiġbor flimkien il-professjonisti fil-qasam tal-wirt kulturali, tal-kreattività u t-teknoloġija li jappoġġaw l-attivitajiet ta’ kuljum tal-Europeana u jagħtu parir dwar l-istrateġija tagħha;

JAQBEL LI

7.

l-isforzi individwali u kollettivi tal-istituzzjonijiet fil-qasam tal-wirt kulturali, tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni wasslu għal progress fit-triq lejn id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet u konservazzjoni diġitali (fit-tul) tal-wirt kulturali (12);

8.

il-konservazzjoni diġitali tal-wirt kulturali dinji, li jinsab f’kollezzjonijiet Ewropej, hija importanti partikolarment fid-dawl tal-qerda ta’ u t-theddid għal wirt kulturali f’żoni ta’ kunflitt;

9.

il-koordinazzjoni tal-isforzi permezz tal-Europeana għall-aċċessibbiltà fuq l-Internet tal-wirt kulturali għenet biex:

ġie stimulat it-tisħiħ tal-kapaċitajiet permezz tal-ħolqien ta’ netwerk ta’ esperti u istituzzjonijiet fil-qasam tal-wirt kulturali, li jippromwovi l-iżvilupp, l-aċċettazzjoni u l-użu ta’ mudelli, standards u oqfsa għall-kondiviżjoni ta’ kontenut u metadata,

l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-wirt kulturali kkondividew il-kollezzjonijiet tagħhom fost setturi differenti u lil hinn mill-fruntieri nazzjonali permezz ta’ pjattaforma tal-Internet b’diversi aspetti, li sal-lum tagħti aċċess għal ’il fuq minn 50 miljun oġġett minn madwar 3 700 istituzzjoni,

tħeġġet id-disponibbiltà ta’ data ta’ kwalità għolja lesta biex terġa’ tintuża (13), li ttejjeb id-disponibbiltà tal-wirt kulturali fuq pjattaformi miftuħa u l-media soċjali u tippromwovi l-użu mill-ġdid tagħha f’setturi oħra.

10.

il-konnessjoni tal-kollezzjonijiet ta’ wirt diġitali permezz tal-Europeana tikkontribwixxi wkoll għall-objettivi li ġejjin fil-livell tal-UE:

l-għoti ta’ aċċess lil firxa kbira ta’ udjenzi għar-rikkezza u d-diversità tal-kulturi Ewropej, kif ukoll għall-wirt kulturali dinji,

il-faċilitazzjoni tar-riċerka fl-oqsma tal-kultura u tal-istorja multidimensjonali tal-Ewropa, u tal-għarfien tagħna,

il-faċilitazzjoni tal-użu mill-ġdid ta’ servizz transfruntiera ġodda u innovattivi fuq l-Internet, u b’hekk l-għoti ta’ kontribut lis-suq uniku diġitali;

JISSOTTOLINJA LI

11.

l-użu mill-ġdid u l-kondiviżjoni tal-kontenut u l-aċċess għalih għandu jitwettaq f’konformità sħiħa mad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati;

JIRRIKONOXXI LI JIFDAL L-ISFIDI LI ĠEJJIN:

12.

ċerti aspetti teknoloġiċi tal-pjattaforma tal-Internet tal-Europeana, bħall-interoperabbiltà semantika (14), għandhom jiġu mtejba, sabiex l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-wirt kulturali jkunu jistgħu jingħaqdu, u jikkondividu u jaġġornaw il-kontenut u l-metadata tagħhom b’mod flessibbli, faċli u sostenibbli;

13.

bħala wieħed mill-punti ta’ aċċess għall-wirt kulturali, il-punt ta’ aċċess multilingwi tal-Europeana għandu jsir aktar orjentat lejn l-utent, b’mod partikolari billi titjieb il-kwalità tal-kontenut u l-faċilità biex jinstab u billi jiġu żviluppati aktar il-funzjonalitajiet ta’ tiftix semantiku u multilingwi f’konformità mal-aħjar prassi disponibbli;

14.

biex l-utenti aħħarin jintlaħqu u jiġu involuti b’mod aħjar, hemm bżonn li l-kontenut kondiviż permezz tal-Europeana jiġi ppreżentat b’modi attraenti u diversi, b’mod partikolari billi jiġu involuti l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali u partijiet terzi bħala punti ta’ dħul multiplu u ta’ disseminazzjoni, pereżempju permezz ta’ proġetti kulturali trans-Ewropej bħall-proġetti dwar l-Ewwel Gwerra Dinjija (1914-1918) u l-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid u avvenimenti rivoluzzjonarji oħrajn tal-1989;

15.

hemm bżonn li l-governanza tal-Europeana ssir iktar inklużiva, u tinvolvi lill-gvernijiet tal-Istati Membri, in-netwerk usa’ ta’ aggregaturi u istituzzjonijiet ta’ wirt kulturali fl-istabbiliment ta’ prijoritajiet strateġiċi u l-iżvilupp ta’ proġetti kulturali, orjentati lejn l-utent abbażi tal-finanzjament disponibbli; fejn xieraq, il-fehmiet ta’ personalitajiet kulturali ewlenin jistgħu jiġu kkunsidrati;

16.

teżisti ħtieġa kontinwa ta’ kondiviżjoni u aġġornament tal-għarfien u l-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet komuni fin-netwerk tal-professjonisti fil-qasam tal-wirt kulturali, inkluż l-Assoċjazzjoni tan-Netwerk tal-Europeana;

17.

Il-mudell attwali ta’ finanzjament pubbliku (abbażi ta’ għotjiet) ma jipprovdix bażi stabbli biżżejjed biex isostni l-investiment tal-Europeana sal-lum u tiġi salvagwardjata l-kwalità, id-disponibbiltà u l-affidabbiltà futura tagħha għar-raġunijiet li ġejjin:

il-Fondazzjoni Europeana ġiet stabbilita bħala organizzazzjoni mingħajr riżorsi proprji u fil-futur prevedibbli ma hemmx prospett ta’ dħul sinifikanti mis-servizzi Europeana,

skont il-mudell tal-UE ta’ għotjiet, dejjem hemm spejjeż mhux eliġibbli li jridu jkunu koperti minn sorsi oħra, bħall-kontribuzzjonijiet volontarji diretti mill-Istati Membri, li ilhom jonqsu sa mill-2014 u huma ta’ natura volatili;

U GĦALHEKK

18.

il-valur tal-innovazzjoni kulturali u diġitali tal-Europeana għandu jissaħħaħ billi l-pjattaforma tas-servizzi ewlenin tiġi kkonċepita mill-ġdida taħt is-CEF, b’iffukar fuq:

l-appoġġ għan-netwerks professjonali bħall-Assoċjazzjoni tan-Netwerk tal-Europeana,

il-ksib ta’ avvanz teknoloġiku,

li tiġi sostnuta pjattaforma b’diversi aspetti għall-kondiviżjoni u l-użu (mill-ġdid) ta’ metadata u kontenut, u

li jiġi pprovdut punt ta’ aċċess multilingwi ġenerali għall-kontenut kulturali.

Għandu jissaħħaħ ukoll permezz tar-realizzazzjoni ta’ proġetti kulturali u mmirati lejn l-utent li jibnu fuq l-infrastruttura tal-Europeana, u li għandhom ikunu kofinanzjati skont is-CEF bħala servizzi ġeneriċi bl-involviment ta’ istituzzjonijiet tal-wirt kulturali u partijiet oħra pubbliċi u privati;

JISTIEDEN LILL-OPERATUR TAL-EUROPEANA:

19.

jagħmel passi sinfikanti lejn l-indirizzar tal-isfidi li ġejjin kif identifikati f’dawn il-konklużjonijiet;

20.

jittratta kwistjonijiet pendenti f’organizzazzjonijiet sieħba eżistenti jew tħassib ta’ organizzazzjonijiet sieħba potenzjali b’mod partikolari f’pajjiżi u żoni fejn il-proġett għadu mhux magħruf biżżejjed;

21.

jesplora possibbiltajiet għal kooperazzjoni ma’ inizjattivi Ewropej relatati, inkluż fil-qasam tar-riċerka;

22.

jinvolvi mill-qrib l-Istati Membri fit-tfassil tal-politika u t-teħid ta’ deċiżjonijiet. Għall-Fondazzjoni Europeana, dan jista’ jiġi organizzat b’mod partikolari permezz ta’ parteċipazzjoni fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, l-Istat Membru li kellu l-Presidenza preċedenti u l-Istat Membru li jkollu f’idejh il-Presidenza li tkun tmiss;

23.

ikollu iktar kuntatti sistematiċi ma’ Stati Membri, itejjeb u jipprovdi aċċess permanenti għal statistika għall-utent speċifika għall-pajjiż u l-istituzzjoni u jtejjeb ir-responsabbiltà fuq ir-riżultati tal-proġetti u l-infiq;

24.

ikompli jesplora possibbiltajiet ta’ dħul tiegħu stess;

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI:

25.

sa Ottubru 2017, tippreżenta lill-Kunsill evalwazzjoni indipendenti tal-Europeana u tagħti orjentazzjonijiet ċari għall-iżvilupp fi żmien medju u fit-tul tal-Europeana billi tivvaluta alternattivi fil-livell tal-UE għall-ambitu, finanzjament sostenibbli u governanza tal-Europeana fil-ġejjieni, inkluża l-possibbiltà li Europeana tinbidel jew tiġi integrata f’entità legali Ewropea, filwaqt li titqies in-natura doppja tal-Europeana bħala proġett ta’ innovazzjoni kemm kulturali kif ukoll diġitali;

26.

sa Ottubru 2017, tbiddel il-metodu ta’ finanzjament għad-DSI tal-Europeana skont is-CEF għal taħlita ta’ akkwisti u għotjiet. Skont dan il-mudell, l-akkwisti mill-UE ser ikunu jkopru bis-sħiħ il-pjattaforma tas-servizzi ewlenin biex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-interoperabbiltà, filwaqt li l-għotjiet mill-UE (sa 75 % tal-ispejjeż eliġibbli) ser ikunu disponibbli għal proġetti relatati mmirati lejn l-utent (jiġifieri servizzi ġeneriċi skont is-CEF) li l-Istati Membri jistgħu jikkofinanzjaw fuq bażi volontarja, jew direttament u/inkella permezz ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali parteċipanti;

27.

tistabbilixxi kondizzjonijiet fil-proċedura ta’ akkwist għall-pjattaforma tas-servizzi ewlenin, li jirrikjedu li l-operatur jissalvagwardja il-karattru tiegħu ta’ infrastruttura pubblika u komunità għall-innovazzjoni kulturali u diġitali, b’mod partikolari billi:

ikun possibbli l-involviment kontinwu tal-Istati Membri u istituzzjonijiet fil-qasam tal-wirt kulturali fl-iżvilupp tal-pjattaforma tal-Europeana tas-servizzi ewlenin,

jiġu rispettati l-istituzzjonijiet kulturali nazzjonali bħala d-detenturi tad-dritt tal-metadata u l-kontenuti;

28.

tiżgura li s-servizzi ġeneriċi tal-Europeana li jirċievu għotjiet jiġu mibnija fuq il-pjattaforma tas-servizzi ewlenin u jkunu konnessi magħha;

29.

sa Diċembru 2016:

iġġedded u tirrevedi l-mandat tal-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar id-diġitalizzazzjoni u l-konservazzjoni diġitali (MSEG) sal-2020,

issaħħaħ ir-rwol tiegħu li jirrevedi u jiddiskuti politiki għal wirt kulturali diġitali kif ukoll li joffri gwida dwar il-programmi ta’ ħidma annwali tal-Europeana,

tinvolvi mill-qrib l-MSEG fid-definizzjoni tal-objettivi ġenerali, il-prijoritajiet għal azzjonijiet u l-livell previst ta’ finanzjament li jkunu proposti għall-pjattaforma tal-Europeana tas-servizzi ewlenin u s-servizzi ġeneriċi fil-programmi ta’ ħidma annwali tas-CEF, li huma ppreżentati lill-Kumitat tas-CEF għal opinjoni;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX, F’KONFORMITÀ MAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ:

30.

ikomplu jippromwovu d-diġitalizzazzjoni tal-kollezzjonijiet ta’wirt kulturali, kif ukoll l-aċċess u l-użu mill-ġdid l-aktar wiesa’ possibbli tal-wirt kulturali diġitali;

31.

jistabbilixxu jew isostnu strateġiji u mekkaniżmi operattivi bħal aggregaturi nazzjonali u reġjonali, u jħeġġu l-aċċessibbiltà fuq l-Internet għall-kontenut ta’ wirt kulturali ta’ kwalità għolja u metadata minn kollezzjonijiet nazzjonali u reġjonali;

32.

iħeġġu lil istituzzjonijiet tal-wirt kulturali biex jissieħbu mal-Europeana u jappoġġawha kemm bil-qsim ta’ kontenut u metadata, permezz ta’ parteċipazzjoni fl-Assoċjazzjoni tan-netwerk tal-Europeana, kif ukoll permezz ta’ sforzi ta’ promozzjoni u disseminazzjoni, bl-użu ta’ proġetti finanzjati minn għotjiet tal-UE;

33.

jimpenjaw ruħhom fi ħdan l-MSEG bħala forum biex jiġu diskussi l-politiki dwar il-wirt kulturali diġitali kif ukoll l-istrateġija u l-finanzjament tal-Europeana, u jimmiraw li jiżguraw koordinazzjoni bejn id-delegati għall-MSEG, il-Kumitat tas-CEF u l-korp ta’ tħejjija tal-Kunsill fil-qasam tal-kultura;

34.

jikkunsidraw li jappoġġaw l-attivitajiet tal-Europeana permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji lill-Fondazzjoni Europeana, filwaqt li jitqies li tali kontribuzzjonijiet huma neċessarji, sakemm l-iskema ġdida bbażata fuq l-akkwist tiġi stabbilita u jikkunsidraw suċċessivament kofinanzjament volontarju tal-proġetti tal-Europeana finanzjati minn għotjiet tal-UE;

JISTIEDEN LILL-OPERATUR TAL-EUROPEANA, LILL-KUMMISSJONI U LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

35.

jippromwovu l-valur tal-Europeana bħala proġett kulturali Ewropew li jservi l-interess pubbliku u bħala netwerk professjonali fost il-partijiet interessati kollha, billi jiġu involuti wkoll is-setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, it-turiżmu u s-setturi kreattivi.


(1)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2012 dwar id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta’ materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali (ĠU C 169, 15.6.2012, p. 5).

(2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar il-bibljoteka diġitali Ewropea EUROPEANA (ĠU C 319, 13.12.2008, p. 18).

(3)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2012 dwar id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta’ materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali (ĠU C 169, 15.6.2012, p. 5), Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2014 dwar il-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika għal Ewropa sostenibbli (ĠU C 183, 14.6.2014, p. 36) u Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-governanza partiċipatorja tal-patrimonju kulturali (ĠU C 463, 23.12.2014, p. 1).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta’ materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali (ĠU L 283, 29.10.2011, p. 39).

(5)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar “Europeana – il-passi li jmiss” 2009/2158(INI).

(6)  Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1).

(7)  Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet orfni (ĠU L 299, 27.10.2012, p. 5).

(8)  Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2015“Għal qafas aktar modern u Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur” (15264/15).

(9)  Pjattaforma b’diversi aspetti hija waħda mill-mudelli prevalenti tal-ekonomija tal-Internet. Pjattaformi b’diversi aspetti joħolqu l-valur billi jiffaċilitaw l-interazzjoni bejn żewġ jew aktar gruppi distinti iżda indipendenti. B’hekk il-pjattaforma hija ta’ valur għal grupp wieħed ta’ utenti biss jekk il-gruppi l-oħra tal-utenti jkunu preżenti wkoll. (Ibbażata fuq http://divergence.academy/business-models/what-is-a-multi-sided-platform/)

(10)  Il-Fondazzjoni Europeana hija fondazzjoni privata stabbilita taħt il-liġi Netherlandiża.

(11)  Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129), flimkien mar-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar linji gwida għal networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 14).

(12)  Huwa stmat li 10 % tal-wirt kulturali (madwar 300 miljun oġġett) fl-Istati Membri issa ġie diġitalizzat, li bejn wieħed u ieħor terz minn dan huwa disponibbli fuq l-Internet.

http://www.enumerate.eu/fileadmin/ENUMERATE/documents/ENUMERATE-Digitisation-Survey-2014.pdf

(13)  Data ta’ kwalità għolja lesta biex terġa’ tintuża tfisser immaġni f’riżoluzzjoni għolja; formati li jinqraw minn magna, miftuħin u interoperabbli; deskrizzjonijiet fil-fond u metadata, adatti għat-tfittxija awtomatika; informazzjoni dwar ġeolokazzjoni u d-drittijiet tal-awtur.

(14)  L-operabbiltà semantika tiżgura li l-programmi jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni, jgħaqqduha ma’ riżorsi oħra ta’ informazzjoni u sussegwentement jipproċessawha b’mod sinifikanti (Qafas Ewropew ta’ Interoperabbiltà għal servizzi elettroniċi tal-Gvern pan-Ewropej: http://ec.europa.eu/idabc/servlets/Docd552.pdf?id=19529).

Fil-każ ta’ Europeana, din tista’ tikkonsisti fl-iżvilupp ta’ għodod u teknoloġiji biex tittejjeb l-inġestjoni u l-interpretazzjoni awtomatika tal-metadata pprovduta mill-istituzzjonijiet kulturali, pereżempju, bl-immappjar tal-ismijiet tal-artisti sabiex artist magħruf taħt diversi ismijiet ikun rikonoxxut bħala l-istess persuna.