20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 263/7


Pubblikazzjoni ta’ talba ta’ reġistrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 263/05)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għat-talba ta’ reġistrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“BURRATA DI ANDRIA”

Nru tal-UE: IT-PGI-0005-01393 – 27.10.2015

DPO ( ) IĠP ( X )

1.   Denominazzjoni

“Burrata di Andria”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew alimentari

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih tapplika d-denominazzjoni fil-punt 1

Il-“Burrata di Andria” IĠP hija prodott tal-ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqra u miksub mill-amalgamazzjoni ta’ krema u ġobon tal-pasta filata. L-involukru huwa kostitwit esklussivament mill-pasta filata u fil-ġewwieni tiegħu hemm taħlita ta’ krema u pasta filata mqattgħa.

Il-karatteristiċi morfoloġiċi, fiżikokimiċi, mikrobijoloġiċi u organolettiċi

Piż: il-piż tal-“Burrata di Andria” IĠP ivarja bejn 100 g u 1 000 g

Dehra: il-“Burrata di Andria” IĠP għandha l-kulur abjad tal-ħalib, bil-ħxuna ta’ involukru daqs jew aktar minn 2 mm bejn wieħed u ieħor

Konsistenza tal-mili: massa mqattgħa, sponżija u mgħaddsa fil-krema

Għamla: tonda, fil-forma ta’ xkora, bl-għeluq apikali karatteristiku

Stracciatella: il-mili jinkiseb bil-pasta filata mqattgħa bir-reqqa bl-idejn u mgħaddsa fil-krema

Kontenut tal-umdità: bejn 60 % u 70 %

ħruġ ta’ krema meta mqattgħa;

ħjut (“sfilacci”) interni ta’ dimensjonijiet varjabbli;

f’termini aromatiċi, riħa pjaċevoli ta’ ħalib frisk jew imsajjar, butir, krema;

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Ħalib tal-baqra. Il-krema li tintuża fil-kompożizzjoni tal-“Burrata di Andria” issir permezz taċ-ċentrifugazzjoni tal-ħalib jew tax-xorrox tal-ħalib frisk, u wara tiġi pasturizzata f’temperatura ta’ 72 °C għal 15-il sekonda, jew bil-krema friska pasturizzata u/jew krema UHT konfezzjonata u/jew taħlitiet tagħhom, f’konformità mar-rekwiżiti mikrobijoloġiċi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

3.4.   Fażijiet speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika delimitata

Il-ħidmiet kollha tal-ipproċessar tal-materja prima sakemm jinkiseb il-prodott lest għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika delimitata.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, il-konfezzjonament, eċċ. tal-prodott li għalih qed tirreferi d-denominazzjoni reġistrata

Il-“Burrata di Andria” għanda tiġi kkonfezzjonata fl-azjenda tal-produzzjoni fiż-żona ġeografika delimitata msemmija fil-punt 4 għax hija prodott frisk li għandu tendenza li jiddeterjora faċilment.

Il-“Burrata di Andria” tista’ tiġi kkonfezzjonata:

f’boroż ta’ materjal plastifikat għall-ikel, u għalhekk tiġi mgeżwra f’karta plastifikata u tintrabat fil-quċċata b’fili ta’ raffja għall-użu alimentari,

imgeżwra b’weraq plastifikati ħodor;

ġo trejs, vażetti jew tazzi u/jew mgħaddsa fil-likwidu preservattiv.

Il-prodott għandu jiġi kkonservat f’temperatura bejn 4 °C u 6 °C. Il-piż ta’ kull konfezzjoni huwa bejn 100 g u 1 000 g.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih tirreferi d-denominazzjoni reġistrata

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Burrata di Andria” għandha tidher fuq it-tikketta b’ittri ċari u indelibbli, distingwibbli b’mod ċar minn kull kitba oħra li tidher fuq it-tikketta; warajha eżatt għandu jkun hemm il-kliem “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” jew l-akronimu “IĠP”.

Ma tista’ tiżdied l-ebda deskrizzjoni li ma tkunx espressament prevista. Madankollu huwa permess l-użu ta’ indikazzjonijiet li jagħmlu referenza għal ismijiet, raġunijiet soċjali jew marki privati u pubbliċi dment li ma jkollhomx għan ta’ tifħir u ma jqarrqux bil-konsumatur.

Il-logo tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Burrata di Andria” huwa magħmul mit-totalità tal-grafika tas-simboli u tal-kliem kif tidher hawn taħt:

Image

Il-logo “Burrata di Andria I.G.P.” għandu jiġi riprodott fuq it-tikketta, fuq il-konfezzjonijiet u fuq ir-rappreżentazzjonijiet grafiċi inġenerali għall-prodotti kollha kkonfezzjonati, bil-preskrizzjoni li d-dimensjoni tiegħu - ikkalkulata billi jsir paragun mas-superfiċji ta’ rettangolu li jikkorrispdoni għall-għoli u għat-tul kumplessivi tal-marka - ma tkunx inqas minn 10 % jew aktar minn 25 % tas-superfiċji totali tar-rappreżentazzjoni grafika.

Fuq il-konfezzjonijiet għandu jkun hemm is-simbolu Ewropew IĠP.

4.   Delimitazzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni, u tal-konfezzjonament tal-“Burrata di Andria” IĠP hija rrappreżentata mit-territorju sħiħ tar-Reġjun tal-Puglia.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-“Burrata di Andria” hija ġobon tipiku tal-Puglia li jiddifferenzja ruħu mill-oħrajn minħabba t-teknika partikolari tal-ipproċessar tiegħu u l-karatteristiċi organolettiċi tiegħu. Dan kollu jagħmlu wieħed mill-aktar prodotti tal-ġobon partikolari u ta’ valur fil-Puglia u fin-Nofsinhar tal-Italja.

Skont it-tradizzjoni orali, is-Sur Lorenzo Bianchino ivvinta l-Burrata di Andria f’razzett antik fl-ewwel deċennji tas-seklu l-ieħor. Jingħad li minħabba ħalba silġ qawwija ma setax iwassal il-ħalib fil-belt u allura bilfors kellu jittrasformah u juża l-krema li ffurmat b’mod naturali fil-wiċċ permezz tal-kunċett tal-produzzjoni tal-mantèche (qoxriet tal-pasta filata maturata li fihom jinħażen il-butir) u pprova joħloq prodott frisk bl-istess prinċipju. Ma’ dan tiżdied il-konnotazzjoni tipika tal-kultura tar-raħħala jiġifieri r-ribelljoni kontra l-ħela u d-drawwa li kull fdal tal-produzzjoni jiġi użat mill-ġdid. Tant hu hekk, li s-Sur Bianchino ħaseb biex iħallat flimkien ir-residwi tal-ipproċessar tal-pasta filata mal-krema u jgeżwer kollox f’involukru magħmul ukoll mill-pasta filata.

Il-Burrata di Andria tippreżenta lilha nnifisha bħala borża tal-pasta filata li tingħata l-għamla bl-idejn u li fiha ħjut tal-istess pasta filata u krema. It-taħlita tal-krema u l-ħjut tal-pasta filata hija magħrufa bħala “stracciatella”. It-terminu “stracciatella” ġej sewwasew mill-mod kif jitħejja l-kontenut. Il-pasta filata fil-fatt titqatta’ bl-idejn biex jiġu fformati strixxi (“lucini”) irregolari.

Waħda mill-ewwel referenzi tmur lura għall-1931 fil-“Guida del Touring Club” u minnufih is-suċċess tal-Burrata di Andria kien enormi, mhux biss fl-Italja imma wkoll barra, tant li fix-Xaħ tal-Persja hemm wieħed mill-aktar ammiraturi leali. It-togħma sempliċi u tal-butir ta’ dan il-prodott tipiku tal-Puglia tikseb is-sodisfazzjon ta’ dawk kollha li meta jersqu lejn il-kċina Meditteranja jfittxu prodotti sempliċi, ġenwini u li mhumiex elaborati żżejjed.

Il-Burrata di Andria kisbet preżenza notevoli fil-menujiet ta’ għadd kbir ta’ ristoranti madwar id-dinja u l-valur ta’ dan il-prodott jintwera meta tiġi speċifikata l-provenjenza tiegħu mill-Andria fl-Italja. Il-prodott Burrata di Andria, mhux biss żamm stabbli r-rabta bejn it-tradizzjoni produttiva u t-territorju, iżda laħaq fama ħafna aktar sinfikattiva meta wieħed iqis d-durata limitata tal-prodott li tirrestrinġi l-kummerċjalizzazzjoni. Fil-fatt billi l-prodott jiġi kkonsmat frisk, jidher li l-Burrata hija minsija mill-aktar operaturi kummerċjali importanti u hija kkummerċjalizzata f’suq niċċa. Madanakollu, il-prodott jippreżenta domanda konsolidata evidentement marbuta mal-fatt li kiseb reputazzjoni tajba ħafna mal-konsumaturi.

Huma ħafna l-artikli dwar dan il-ġobon kemm fl-istampa nazzjonali kif ukoll dik barranija. Il-“Corriere della Sera” f’rapport tas-26 ta’ Awwissu 1977 jitkellem dwar il-“Burrata di Andria” bħala eżempju ta’ eċċellenza fil-produzzjoni tal-ġobon fil-Puglia u fin-Nofsinhar kollu tal-Italja.

Artiklu tar-Repubblica tas-16 ta’ Diċembru 1999 jikkwota speċifikament lill-“Burrata di Andria” bħala wieħed mill-prodotti li għandhom jiġu ssalvagwardjati.

Barra minn hekk, f’artiklu ta’ Allan Bay fuq www.vivimilano.it/atavola dan il-prodott jiġi definit bħala ġobon fantastiku u uniku.

Artiklu f’IL SOLE 24 ORE tat-30 ta’ Lulju 1999 ’ jitkellem dwar il-Burrata bħala eżemju ta’ eċċellenza tal-Puglia.

F’artiklu ta’ La Stampa, miktub minn Vanna Pescatori u bit-titlu “La Mondanità”, dan il-ġobon prezzjuż huwa msemmi fl-ikla ta’ Gala organizzata mill-Ferrari, il-manifattur awtomobilistiku prestiġjuż ta’ Maranello.

F’artiklu bit-titlu “Giacimenti gustosi da salvaguardare” fis-suppliment tal-Ħadd Tempo Liberato f’IL SOLE 24 ORE, Davide Paolini jassoċja il-“Burrata di Andria” ma’ ikel delizzjuż ieħor fil-kultura kulinarja Taljana bħall-Mozzarella di Bufala Campana, il-Coppa Piacentina, il-Caciocavallo Silano, eċċ li għandu jiġi protett u ssalvagwardjat.

Fit-18 ta’ Awwissu tal-1990 Nicola Dante Basile, artiklu bit-titlu “Formaggi, il pecorino guida l’export” fis-suppliment tal-biedja ta’ IL SOLE 24 ORE, jiddeskrivi l-Burrata di Andria bħala “impenjattiva”, u bla dubju qed jirreferi għall-attenzjoni u kważi l-qima li għandha tingħata lit-tali ġobon.

Fl-2000, wara l-istabbiliment tar-reġistru tal-prodotti tradizzjonali mill-Ministeru tal-Agrikoltura (bid-Digriet Ministerjali Nru 350/1999), il-Burrata di Andria iddaħħlet minnufih mir-Reġjun tal-Puglia fl-ewwel elenku tiegħu.

Fid-9 ta’ Ottubru 2000 ġiet definita wkoll minn Alberto Pejrano bħala “Ġojjell tal-ħalib” fir-rubrika “tmiem il-ġimgħa ta’ ‘Slow Food’ - ir-riħa tfuħ tal-Puglia ta’ Federico II”. Fis-sit web www.stayinitaly.com fit-taqsima dwar ir-Reġjun tal-Puglia, il-“Burrata di Andria” tiġi ddikjarata fost ġobon ieħor bħala prodott tipiku tal-Puglia. Xi oħrajn fis-sit web www.agipzone.com jiddefinixxu l-“Burrata di Andria” bħala mirquma ħafna.

Minkejja d-durata qasira tagħha, il-“Burrata di Andria” hija apprezzata ħafna barra mill-Italja, anki f’pajjiżi bħall-Istati Uniti fejn kull ġimgħa l-prodott jintbagħat minn xi azjendi assoċjati. Xhieda ta’ dan huwa l-menù ta’ katina magħrufa ta’ ristoranti “Il Fornaio” li ta’ spiss torganizza kampanji tematiċi li matulhom tippromwovi speċjalitajiet u ikel delizzjuż partikolari.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

It-test ikkonsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jista’ jiġi kkonsultat fuq is-sit web: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/MT/IDPagina/3335

jew

direttament mill-paġna web ewlenija tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (www.politicheagricole.it), minn “Qualità e sicurezza” (fil-parti ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin) u fl-aħħar nett minn “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.