12.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/1


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Ir-rekwiżiti u l-proċeduri għall-inklużjoni ta’ faċilitajiet li jinsabu f’pajjiżi terzi fil-Lista Ewropea ta’ faċiltajiet ta’ riċiklaġġ tal-basimenti

Nota ta’ gwida teknika skont ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti

(2016/C 128/01)

L-iskop ta’ din “In-nota ta’ gwida teknika dwar ir-rekwiżiti u l-proċedura għall-inklużjoni ta’ faċilitajiet li jinsabu f’pajjiżi terzi fil-Lista Ewropea ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti” hu li jiġu ċċarati ċerti aspetti tar-Regolament tal-UE Nru 1257/2013 (“ir-Regolament”), li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Diċembru 2013. Din in-nota ġiet adottata mill-Kummissjoni Ewropea wara diskussjonijiet mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati.

L-Artikolu 15(4)§3 tar-Regolament jistabbilixxi li l-Kummissjoni Ewropea tista’ “tista’ toħroġ noti ta’ gwida teknika sabiex tiffaċilita din iċ-ċertifikazzjoni” ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jinsabu f’pajjiż terz, bil-għan li huma japplikaw biex jiġu inklużi fil-lista Ewropea ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti (“il-lista Ewropea”). Dan id-dokument jiċċara l-elementi li ġejjin imsemmija jew li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 15(4):

L-għan taċ-ċertifikazzjoni, jiġifieri r-rekwiżiti tad-disinn, tal-kostruzzjoni, tal-operat, tal-immaniġġjar, tal-monitoraġġ u tal-amministrazzjoni li jridu jiġu ssodisfati mill-faċilitajiet;

L-istatus u l-kwalifiki tal-entità li tiċċertifika (“il-verifikatur indipendenti”);

Il-proċedura għall-ispezzjoni tal-faċilitajiet u tal-verifiki li jsiru iktar tard;

Il-modalitajiet tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal-Lista Ewropea lill-Kummissjoni Ewropea.

Dan id-dokument jipprovdi kjarifiki skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong filwaqt li jqis il-linji gwida rilevanti tal-OMI, tal-ILO u tal-Konvenzjoni ta’ Basilea. Madankollu, filwaqt li ħafna mir-rekwiżiti fir-Regolament jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong, uħud mir-rekwiżiti huma ġodda u jeħtieġu kjarifika li mhux neċessarjament tinstab f’linji gwida tal-OMI jew f’linji gwida eżistenti oħrajn.

Din in-nota ta’ gwida teknika tista’ tiġi aġġornata skont il-bżonn fid-dawl tal-esperjenza bl-implimentazzjoni tar-Regolament. Il-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tippubblika aktar noti ta’ gwida teknika fuq is-suġġett, eż. dwar ir-rieżamijiet ta’ konformità ta’ nofs it-terminu previsti fl-Artikolu 15(4)§1 tar-Regolament.

Dan id-dokument jirrifletti l-opinjonijiet tal-Kummisjoni Ewropea u għaldaqstant mhuwiex legalment vinkolanti. L-interpretazzjoni vinkolanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE hi l-kompetenza esklussiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE). L-opinjonijiet espressi f’dan id-dokument ta’ gwida ma jistgħux jippreġudikaw il-pożizzjoni li tista’ tieħu l-Kummissjoni quddiem il-QtĠ-UE.

Abbrevjazzjonijiet

HKC

Konvenzjoni ta’ Ħong Kong

OMI

Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali

ILO

Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol

BC TG

Linji Gwida Tekniċi tal-Konvenzjoni ta’ Basilea

SRFP

Pjan għall-Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti

PPE

Tagħmir ta’ Protezzjoni Personali

WERREJ

1.

Mistoqsijiet ġenerali dwar il-Lista Ewropea tal-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti 3

1.1.

X’inhi l-Lista Ewropea tal-faċilitajiet? 3

1.2.

Min jista’ japplika biex jiġi inkluż fil-Lista Ewropea? 3

1.3.

Kif tapplika biex tiġi inkluż fil-Lista Ewropea? 3

1.4.

X’għandu jiġi inkluż f’fajl tal-applikazzjoni? 4

1.5.

Meta jistgħu jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet? 4

1.6.

Il-Kummissjoni Ewropea, kif se tevalwa l-applikazzjonijiet? 4

1.7.

Kif se tkun stabbilita l-Lista Ewropea? 4

1.8.

Faċilità tista’ titneħħa mil-Lista Ewropea? 4

2.

Rekwiżiti għall-inklużjoni fil-Lista Ewropea 5

2.1.

Rekwiżiti ġenerali 5

2.1.1.

Liema awtorizzazzjonijiet u permessi huma meħtieġa biex ikunu eliġibbli għall-inklużjoni fil-Lista Ewropea? 5

2.1.2.

X’għandu jkopri Pjan għall-Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti? 5

2.1.3.

X’jikkostitwixxi “Pjan ta’ Tħejjija u Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza” konformi? 6

2.1.4.

X’jikkostitwixxi sistemi ta’ ġestjoni u monitoraġġ xierqa? 6

2.2.

Rekwiżiti ambjentali 7

2.2.1.

Xi tfisser “il-prevenzjoni ta’ impatti negattivi fuq l-ambjent” u “l-kontroll ta’ kwalunkwe tnixxija, b’mod partikolari fiż-żoni intermareali”? 8

2.2.2.

Xi tfisser “artijiet impermeabbli” u “sistemi ta’ dranaġġ effettivi”? 8

2.2.3.

Xi jfisser “it-trażżin ta’ materjali perikolużi”? 9

2.2.4.

Xi tfisser “strutturi mibnija”? 10

2.2.5.

X’jikkostitwixxi ġestjoni tal-iskart konformi fil-kuntest tar-Regolament? 12

2.3.

Ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà 14

2.3.1.

X’inhu mfisser bi “prevenzjoni ta’ effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem”? 14

2.3.2.

X’jikkostitwixxi t-Tagħmir xieraq ta’ Protezzjoni Personali? 15

2.3.3.

X’inhuma l-obbligi fir-rigward tat-taħriġ? 15

2.3.4.

X’jikkostitwixxi l-konformità maż-żamma tar-rekords dwar inċidenti, aċċidenti, mard u effetti kroniċi relatati mal-post tax-xogħol? 16

3.

Ċertifikazzjoni u spezzjonijiet 16

3.1.

X’inhuma l-karatteristiċi ewlenin tar-reġim ta’ spezzjonijiet skont ir-Regolament il-ġdid? 16

3.2.

X’inhu r-rwol ta’ Verifikatur Indipendenti? 18

3.3.

Min jista’ jkun Verifikatur Indipendenti? 18

3.4.

Il-Kummissjoni Ewropea se tippubblika lista ta’ Verifikaturi Indipendenti? 18

3.5.

Liema akkreditazzjonijiet u kwalifiki għandu jkollhom il-Verifikaturi Indipendenti? 18

3.6.

Tista’ l-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi li tispezzjona ulterjorment faċilità? 19

1.   Mistoqsijiet ġenerali dwar il-Lista Ewropea tal-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti

1.1.    X’inhi l-Lista Ewropea tal-faċilitajiet?

L-Artikolu 2(1): “Dan ir-Regolament […] għandu japplika għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru

L-Artikolu 6(2)(a): “Is-sidien tal-bastimenti għandhom jiżguraw li l-bastimenti li jkunu ser jiġu rriċiklati jkunu riċiklati biss f’faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li huma inklużi fil-Lista Ewropea.

L-Artikolu 16(1)(b): “Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi Lista Ewropea ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li […] jinsabu f’pajjiż terz u li l-inklużjoni tagħhom hija msejsa fuq valutazzjoni tal-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn li tingħata jew tinġabar skont l-Artikolu 15.

Skont l-Artikolu 16(1)(b) tar-Regolament, il-Kummissjoni Ewropea se tistabbilixxi lista (il-“Lista Ewropea”) ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jilħqu r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Il-lista Ewropea tinkludi kemm faċilitajiet li jinsabu fl-UE kif ukoll barra mill-UE.

F’konformità mar-Regolament (l-Artikoli 2(1) dwar ik-kamp ta’ applikazzjoni u 6(2)(a) dwar ir-rekwiżiti ġenerali għas-sidien tal-bastimenti), is-sidien ta’ bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat Membru tal-UE għandhom jibagħtu l-bastimenti tagħhom għaż-żarmar f’faċilitajiet inklużi fil-lista Ewropea biss.

1.2.    Min jista’ japplika biex jiġi inkluż fil-Lista Ewropea?

L-Artikolu 15(1): “Kumpannija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti li tkun sid ta’ faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li tinsab f’pajjiż terz u li għandha l-intenzjoni li tirriċikla bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru għandha tippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni għall-inklużjoni ta’ dik il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti fil-Lista Ewropea.

Il-proċedura għall-elenkar tal-faċilitajiet tiddependi fuq il-post ġeografiku tal-faċilità. Il-faċilitajiet li jinsabu fl-UE se jiġu elenkati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rispettivi tagħhom, li mbagħad jikkomunikaw il-listi nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea biex jiġu inklużi fil-lista Ewropea. Il-faċilitajiet li jinsabu barra mill-UE se jkollhom jissottomettu applikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea.

Għalkemm il-modalitajiet prattiċi għall-elenkar f’listi nazzjonali huma ddeterminati minn kull Stat Membru, ir-Regolament jirrikjedi li l-faċilitajiet li jinsabu fl-UE u barra mill-UE josservaw l-istess rekwiżiti ta’ prestazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament.

1.3.    Kif tapplika biex tiġi inkluż fil-Lista Ewropea?

L-Artikolu 15(1): “Kumpannija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti li tkun sid ta’ faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li tinsab f’pajjiż terz u li għandha l-intenzjoni li tirriċikla bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru għandha tippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni għall-inklużjoni ta’ dik il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti fil-Lista Ewropea.

Skont ir-Regolament, kumpanija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti li tkun sid ta’ Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti (SRF) li tinsab barra mill-UE u li għandha l-intenzjoni li tirriċikla bastimenti li jtajru bandiera tal-Istati Membri tal-UE għandha tissottometti applikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea għall-inklużjoni ta’ dik is-SRF fil-lista Ewropea.

L-applikazzjoni għandha tintbagħat b’mod elettroniku lil env-ship-recycling@ec.europa.eu u għandhom jintbagħtu żewġ kopji stampati bil-posta (1) lil:

European Commission

Waste Management and Recycling unit

Directorate-General for the Environment

Avenue de Beaulieu 9, BU5/107

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tibgħat konferma tal-irċevuta bil-miktub lill-kumpanija ta’ riċiklaġġ, flimkien ma’ stima ta’ meta se tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea se tibgħat ukoll notifika bil-miktub tad-deċizjoni dwar jekk tinkludix jew le s-SRF li qed tapplika fil-Lista Ewropea.

1.4.    X’għandu jiġi inkluż f’fajl tal-applikazzjoni?

L-Artikolu 15(2): “L-applikazzjoni msemmija fl-[Artikolu 15(1)] għandha tkun akkumpanjata minn evidenza li l-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti kkonċernata hija konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 13 sabiex twettaq riċiklaġġ tal-bastimenti u biex tkun inkluża fil-Lista Ewropea skont l-Artikolu 16.

L-Artikolu 15 tar-Regolament jeħtieġ li l-kumpanija ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti tissottometti fajl ta’ applikazzjoni biex tipprovdi evidenza li l-faċilità hija konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament. Il-fajl għandu jkun fih:

1.

Formola kompluta dwar “Informazzjoni u dokumentazzjoni relatata mal-applikazzjoni għall-inklużjoni fil-lista Ewropea ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ ta’ bastimenti”, flimkien ma’ dokumenti ta’ prova kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2398 dwar l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni relatata ma’ applikazzjoni għal faċilità li tinsab f’pajjiż terz għall-inklużjoni fil-Lista Ewropea tal-faċilitajiet għar-riċiklaġġ tal-bastimenti (2)

2.

Kopja taċ-ċertifikazzjoni tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti minn Verifikatur Indipendenti (mudell fl-Anness 1 ta’ dan id-dokument)

3.

Kopja tal-Pjan għall-Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti

Kull dokument irid jinkiteb bl-Ingliż jew għandu jkun akkumpanjat bi traduzzjoni għall-Ingliż, għall-Franċiż jew għall-Ġermaniż.

1.5.    Meta jistgħu jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet?

L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi fi kwalunkwe ħin. Ladarba tkun ġiet ippubblikata l-Lista Ewropea, din tiġi aġġornata regolarment biex tinkludi faċilitajiet li ssottomettew applikazzjoni b’suċċess u biex jitneħħew faċilitajiet li ma baqgħux ikunu konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (ara l-mistoqsija u t-tweġiba 1.8 t’hawn taħt).

Biex faċilità tkun elenkata qabel l-aħħar tal-2016, il-fajl ta’ applikazzjoni għandu jiġi sottomess qabel il-Ġimgħa, l-1 ta’ Lulju 2016.

1.6.    Il-Kummissjoni Ewropea, kif se tevalwa l-applikazzjonijiet?

Il-Kummissjoni Ewropea, (id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent) se tevalwa l-applikazzjonijiet riċevuti minn faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jinsabu barra mill-UE skont ir-rekwiżiti tar-Regolament. Se jiġu eżaminati biss il-fajls b’applikazzjoni kompluta. Jekk fajl ta’ applikazzjoni ma jkunx komplut, l-elementi neqsin jintalbu mingħand il-kumpanija.

1.7.    Kif se tkun stabbilita l-Lista Ewropea?

Il-Lista Ewropea għandha tkun stabbilita u aġġornata bl-adozzjoni ta’ Atti ta’ Implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-proposti għall-inklużjoni fil-Lista Ewropea jiġu eżaminati mill-Kumitat tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, li jagħti l-opinjoni tiegħu skont il-proċedura ta’ eżami stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 (3).

L-Artikolu 16(2) tar-Regolament jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-Lista Ewropea sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016. Din għandha tinqasam f’żewġ sottolisti li fihom il-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jinsabu fl-UE u barra mill-UE rispettivament.

Il-Lista Ewropea se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-sit web tal-Kummisjoni Ewropea. Il-Lista Ewropea tiġi aġġornata regolarment biex tinkludi jew tneħħi faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, kif xieraq.

1.8.    Faċilità tista’ titneħħa mil-Lista Ewropea?

L-Artikolu 16(4)(b): “Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex b’mod regolari taġġorna l-Lista Ewropea, sabiex […] titneħħa faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti mil-Lista Ewropea fejn (i) il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti ma tikkonformax aktar mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 13; jew (ii) l-evidenza aġġornata ma tkunx ingħatat mill-inqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ ħames snin kif stipulat fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Iva. Jekk il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi li faċilità mhijiex aktar konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, se titnieda proċedura biex il-faċilità tiġi eskluża mil-Lista Ewropea. Il-kumpanija għar-riċiklaġġ tal-bastimenti fil-mira tal-proċedura se tingħata opportunità biex tippreżenta l-każ tagħha u tagħti tweġibiet għal kull mistoqsija mressqa mill-Kummissjoni Ewropea.

It-tneħħija ta’ faċilità li tkun tinsab f’pajjiż terz mil-Lista Ewropea teħtieġ ukoll l-adozzjoni ta’ Att ta’ Implimentazzjoni, permezz tal-proċedura deskritta fil-mistoqsija u t-tweġiba 1.7.

Filwaqt li d-deċiżjoni biex titneħħa faċilità mil-Lista Ewropea hija finali, xejn ma jwaqqaf kumpanija milli sussegwentement terġa’ tissottometti applikazzjoni għall-inklużjoni tal-faċilità tagħha fil-Lista.

2.   Rekwiżiti għall-inklużjoni fil-Lista Ewropea

Din it-taqsima tindirizza r-rekwiżiti varji pprovduti fir-Regolament għall-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jixtiequ jirriċiklaw bastimenti tal-UE. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, ir-rekwiżiti varji nġabru taħt tliet intestaturi (ġenerali, ambjentali, saħħa u sigurtà). Ċerti rekwiżiti jistgħu jaqgħu taħt aktar minn intestatura waħda minħabba li jistgħu jaqdu diversi għanijiet. Fejn dan ikun il-każ, ir-rekwiżiti huma deskritti skont is-suġġett ewlieni tagħhom.

2.1.    Rekwiżiti ġenerali

2.1.1.   Liema awtorizzazzjonijiet u permessi huma meħtieġa biex ikunu eliġibbli għall-inklużjoni fil-Lista Ewropea?

L-Artikolu 13(1)(a): Il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti għandha tkun “awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti tagħha biex twettaq operazzjonijiet ta’ riċiklaġġ ta’ bastimenti”.

L-ewwel rekwiżit għal facilità biex tkun elenkata fil-Lista Ewropea huwa li tkun ġiet awtorizzata għar-riċiklaġġ tal-bastimenti mill-Awtoritajiet Kompetenti ta’ pajjiżha stess. Il-Kummissjoni Ewropea mhijiex se telenka faċilitajiet li ma jkunux ġew awtorizzati biex jaħdmu mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom stess. Jekk faċilità elenkata titlef l-awtorizzazzjoni nazzjonali tagħha għar-riċiklaġġ tal-bastimenti, din titneħħa mil-Lista Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkuntattja lill-awtoritajiet ikkonċernati direttament biex tivverifika li d-dokument(i) ta’ awtorizzazzjoni pprovduti mal-fajl ta’ applikazzjoni huma ġenwini.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-modalitajiet tal-awtorizzazzjoni koperti mill-Artikolu 13(1)(a) jiddependu fuq il-liġi tal-pajjiż fejn tkun tinstab il-faċilità.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti rispettivi ma joħorġux permess, liċenzja jew awtorizzazzjoni speċifika biex jitwettaq ir-riċiklaġġ tal-bastiment, l-applikant għandu jiddikjara dan b’mod ċar fl-applikazzjoni tiegħu u jippreżenta l-permessi rilevanti, il-liċenzji jew l-awtorizzazzjonijiet l-oħrajn li huma relatati mal-attivitajiet tal-kumpanija.

2.1.2.   X’għandu jkopri Pjan għall-Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti?

Artikolu 13(1)(e): Il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti għandha “tipprepara pjan għall-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti”.

L-SRFP huwa dokument fundamentali introdott mill-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong u huwa rifless f’dan ir-Regolament. L-analiżi tal-kontenut tal-Pjan għall-Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti se tippermetti lill-Kummissjoni biex tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti sostantivi tar-Regolament. Meta tiġi ppreżentata evidenza tal-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament, huwa rrakkomandat li tirreferi għall-partijiet rilevanti tal-Pjan għall-Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti.

Kif indikat fil-linji gwida tal-OMI għar-riċiklaġġ tal-bastimenti sikur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent (4), “l-SRFP għandu jiġi adottat mill-bord jew mill-korp governattiv xieraq tal-kumpannija ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti […] Huwa […] kritiku li l-SRFP għandu jiddeskrivi b’mod sħiħ l-operazzjonijiet u l-proċeduri fis-seħħ fil-Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti sabiex jiżgura konformità mal-Konvenzjoni.” Barra minn hekk, l-SRFP għandu jiddeskrivi b’mod sħiħ l-operazzjonijiet u l-proċeduri li huma fis-seħħ fil-Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti biex jiżgura konformità mar-Regolament fejn dan iżid mar-rekwiżiti tal-HKC (ara b’mod partikolari l-mistoqsijiet taħt 2.2 hawn taħt dwar ir-rekwiżiti speċifiċi).

Il-format rakkomandat għall-SRFP huwa inkluż fl-Appendiċi 1 tal-linji gwida tal-OMI dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti li jkun sikur u li jħares l-ambjent (5).

2.1.3.   X’jikkostitwixxi “Pjan ta’ Tħejjija u Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza” konformi?

L-Artikolu 13(1)(h): Il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti għandha “tistabilixxi u żżomm pjan ta’ tħejjija u reazzjoni f’każ ta’ emerġenza”.

Il-gwida li tingħata fit-taqsima 3.3.5 tal-linji gwida tal-OMI dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti li jkun sikur u li jħares l-ambjent, kif ukoll fit-taqsimiet 4.6 u 16 tal-linji gwida tal-ILO (6) u fit-taqsimiet 4.5 u 6.2 tal-Linji Gwida Tekniċi tal-Konvenzjoni ta’ Basilea għall-Ġestjoni Soda tal-Ambjent taż-Żarmar Sħiħ u Parzjali tal-Bastimenti (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “BC TG”) (7), jiddeskrivu kif għandu jiġi żviluppat Pjan ta’ Tħejjija u Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (EPRP).

Barra minn hekk, EPRP proprju jirrifletti t-tqassim attwali tal-faċilità ta’ riċiklaġġ u jiġi kkomunikat lill-ħaddiema kollha fil-faċilità, inkluż lill-persunal u lill-impjegati tal-kuntrattur impjegati għal perjodu ta’ żmien qasir.

2.1.4.   X’jikkostitwixxi sistemi ta’ ġestjoni u monitoraġġ xierqa?

L-Artikolu 13(1)(d): Il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti għandha “tistabbilixxi sistemi ta’ mmaniġġjar u monitoraġġ, proċeduri u tekniki li jkollhom l-għan li jipprevjenu, inaqqsu, jimminimizzaw u sal-limitu prattikabbli jeliminaw riskji għas-saħħa lill-ħaddiema kkonċernati u lill-popolazzjoni fil-viċinat tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, u impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ikkawżati mir-riċiklaġġ tal-bastimenti”.

Is-sistemi ta’ ġestjoni u monitoraġġ ikopru skart u materjal perikoluż, ħsara ambjentali kkawżata mill-attività tar-riċiklaġġ tal-bastimenti b’mod ġenerali, kif ukoll tħassib dwar is-sigurtà u s-saħħa. Dawn is-sistemi jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ proċeduri u tekniki li għandhom l-għan li jipprevjenu, inaqqsu, jimminimizzaw u sa fejn huwa prattiku jeliminaw ir-riskji għas-saħħa u l-effetti negattivi fuq l-ambjent.

Is-sistemi ta’ ġestjoni u monitoraġġ iservu biex jikkontrollaw l-implimentazzjoni tal-proċessi u l-kundizzjonijiet deskritti fl-SRFP. Dawn japplikaw għall-proċess kollu: mill-aċċettazzjoni ta’ bastiment għar-riċiklaġġ sal-ġestjoni tal-iskart (8) (jekk imwettqa fil-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti). Dan jinkludi – iżda mhuwiex limitat għal – valutazzjoni tal-perikli abbord il-bastiment (inkluż abbażi tal-Inventarju ta’ Materjali Perikolużi u ċ-ċertifikat ta’ bastiment Lest għar-Riċiklaġġ); l-identifikazzjoni u l-konformità ma’ kwalunkwe rekwiżit legali għal bastimenti li jkunu se jiġu riċiklati; it-twettiq tal-proċess ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti b’mod sikur u ambjentalment bla periklu (inkluż il-ħażna u l-ġestjoni ta’ materjali u skart preżenti abbord il-bastiment u ġġenerati mill-proċess ta’ riċiklaġġ tal-bastiment) u li joffru t-taħriġ meħtieġ u t-twettiq ta’ kontrolli tad-dokumentazzjoni għall-proċess kollu.

(a)   Sistemi ta’ monitoraġġ u ġestjoni ambjentali

Fil-kuntest tar-Regolament, il-linji gwida BC TG dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni ambjentali (9) huma sors internazzjonali xieraq rilevanti għall-Artikolu 13(1)(d) sa fejn huma kkonċernati l-effetti negattivi fuq l-ambjent.

Għall-finijiet tal-linji gwida tal-OMI (10) dwar il-monitoraġġ ambjentali, programm ta’ monitoraġġ ambjentali jkopri “impatti ambjentali negattivi waqt ir-riċiklaġġ tal-bastimenti [li jistgħu] jinqasmu f’erba’ kategoriji ewlenin: ir-rilaxxi ta’ Materjali Perikolużi fl-art u s-sedimenti; ir-rilaxxi ta’ Materjali Perikolużi fl-ilma; l-emissjonijiet ta’ Materjali Perikolużi fl-arja; kif ukoll ħsejjes/vibrazzjonijiet”. L-esponiment għal temperaturi għoljin huwa impatt negattiv possibbli ieħor li għandu jitqies.

Il-linji gwida tal-OMI dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti li jkun sikur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent jispeċifikaw li “il-programm ta’ monitoraġġ […] għandu jkun speċifiku għall-Faċilità, iqis il-karatteristiċi tal-Faċilità, bħall-użu ta’ baċir, pont tal-imbark/mollijiet u/jew plots ta’ riċiklaġġ fuq l-interfaċċja bejn l-art u l-baħar, u għandu jidentifika bidliet kimiċi, bijoloġiċi u fiżiċi fl-ambjent madwar il-Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti”. “Il-programm ta’ monitoraġġ […] għandu juża standards stabbiliti sew għall-kampjuni u l-analiżijiet ta’ parametri ambjentali rilevanti”.

(b)   Sistemi ta’ monitoraġġ u ġestjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà

Sistemi komprensivi ta’ monitoraġġ u ġestjoni li għandhom l-għan li jipprevjenu, inaqqsu, jimminimizzaw u sa fejn huwa prattiku jeliminaw ir-riskji għas-saħħa tal-ħaddiema u għall-popolazzjoni fil-viċinanza tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti kkawżati mir-riċiklaġġ tal-bastimenti huma mifhuma li jkopru żewġ aspetti essenzjali fis-sens tal-linji gwida tal-ILO:

(a)

il-faċilità stabbilixxiet sistemi ta’ ġestjoni dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (11);

(b)

il-ħaddiema għandhom id-drittijiet imsemmija fil-linji gwida tal-ILO (12) li jippermettulhom jieħdu r-responsabilità u fl-aħħar mill-aħħar itejbu s-sistemi ta’ ġestjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà.

Il-linji gwida tal-ILO (13) jassumu li l-impjegaturi “jagħmlu arranġamenti għall-identifikazzjoni u l-valutazzjoni perjodika tal-perikli u r-riskji għas-sigurtà u s-saħħa minn fatturi tal-ambjent perikolużi f’kull post tax-xogħol permanenti jew temporanju, iġġenerati mill-użu ta’ operazzjonijiet, għodod, magni, tagħmir u sustanzi differenti” u “jimplimentaw miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni xierqa meħtieġa sabiex jipprevjenu dawk il-perikli u r-riskji, jew sabiex inaqqsuhom sal-aktar livell baxx u prattiku b’mod raġonevoli, f’konformità mal-liġijiet u regolamenti nazzjonali”.

Il-linji gwida tal-OMI dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti li jkun sikur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent jelaboraw aktar dwar ir-rwol tal-kumpanija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti, li għandha twettaq “valutazzjonijiet tal-perikli fuq il-post tax-xogħol biex jiġi ddeterminat l-approċċ xieraq sabiex is-sigurtà tal-ħaddiem tiġi massimizzata. Ir-responsabilità għall-valutazzjonijiet tal-perikli fuq il-post tax-xogħol għandha tkun assenjata lil persuna kompetenti għall-perikli speċifiċi ta’ kull xogħol. Huwa rrakkomandat li l-valutazzjonijiet għandhom isiru minn tim ta’ persunal li jkun jinkludi lill-persuna kompetenti, rappreżentant tal-maniġment u l-ħaddiema bil-livell xieraq ta’ għarfien espert.” (14)

Għall-finijiet tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament, “persuna kompetenti tista’ tkun ħaddiem imħarreġ jew ħaddiem maniġerjali li huwa kapaċi jirrikonoxxi u jevalwa perikli fuq il-post tax-xogħol, riskji u l-esponiment tal-ħaddiema għal materjali perikolużi potenzjali jew kundizzjonijiet mhux sikuri f’faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti u li tkun kapaċi tispeċifika l-protezzjoni neċessarja u l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu biex ikunu eliminati jew imnaqqsa dawk il-perikli, riskji jew dik l-espożizzjoni”.

It-tieni fażi tas-sistemi ta’ ġestjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà jikkonċernaw il-bżonn tal-kumpanija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti li tiżgura informazzjoni lill-ħaddiema, il-parteċipazzjoni u r-rispons tagħhom għat-titjib tas-sigurtà. Il-lista tad-drittijiet rilevanti tal-ħaddiema tinsab fil-linji gwida tal-ILO (15). Din tvarja mid-dritt li jitressqu r-riskji tas-sigurtà għall-attenzjoni tal-awtorità kompetenti għad-dritt għall-kura medika adegwata jew id-dritt li jaħtru r-rappreżentanti tagħhom kif speċifikat mil-liġijiet, mir-regolamenti u mill-prattika nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, il-kumpanija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex tiżgura informazzjoni lill-ħaddiema, il-parteċipazzjoni u r-rispons tagħhom dwar kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà.

Il-monitoraġġ tal-parametri dwar is-saħħa u s-sigurtà jistgħu jitqiesu li jkunu ntlaħqu jekk il-kumpanija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti tkun implimentat il-linji gwida rilevanti tal-ILO (16). Il-linji gwida tal-OMI dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti li jkun sikur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent isemmgħu ukoll li l-faċilità għandha “proċeduri li għandhom jintużaw għall-monitoraġġ tal-esponiment u għas-sorveljanza medika” (17).

2.2.    Rekwiżiti ambjentali

Din it-taqsima essenzjalment tibbaża fuq it-taqsima 3 tal-Linji Gwida tal-OMI tal-2012 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti li jkun sikur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Il-gwida tittieħed ukoll mill-materjal li ġej:

il-Parti II tal-linji gwida tal-ILO dwar is-sigurtà u s-saħħa fid-demolizzjoni tal-bastimenti (18) ;

it-taqsima 5 tal-Linji Gwida Tekniċi tal-Konvenzjoni ta’ Basilea għall-Ġestjoni Soda tal-Ambjent taż-Żarmar Sħiħ u Parzjali tal-Bastimenti (19) ;

Il-Gwida tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Basilea għall-Awtoritajiet Kompetenti ta’ Faċilitajiet ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti (‘il-Gwida BCS tal-2013) (20) ;

B’mod partikolari, din it-taqsima tirrikonoxxi li “l-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ ġestjoni li jirrispettaw l-ambjent u l-konformità mar-regolamenti għar-riċiklaġġ ta’ bastimenti se tibbaża, għall-inqas parzjalment, fuq l-iżvilupp ta’ infrastruttura xierqa” (21). Fuq livell operazzjonali, mit-tweġibiet mogħtija fil-mistoqsijiet u t-tweġibiet 2.2.1 sa 2.2.3 isegwi li t-trasferiment ta’ elementi mill-bastiment lill-art impermeabbli tal-faċilità jsir mingħajr ma l-elementi jiġu f’kuntatt mal-baħar, maż-żona intermareali jew ma’ xi wiċċ permeabbli ieħor bħal ramel jew żrar (22).

2.2.1.   Xi tfisser “il-prevenzjoni ta’ impatti negattivi fuq l-ambjent” u “l-kontroll ta’ kwalunkwe tnixxija, b’mod partikolari fiż-żoni intermareali”?

L-Artikolu 13(1)(f): Il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti għandha “tevita impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, inkluż il-wirja tal-kontroll ta’ kwalunkwe tnixxija b’mod partikolari fiż-żoni intermareali”.

Gwida essenzjali dwar il-prevenzjoni ta’ impatti negattivi fuq l-ambjent tinsab fil-linji gwida tal-OMI dwar il-prevenzjoni ta’ impatti negattivi lill-ambjent (23). Il-BC TG fihom ukoll indikaturi dwar x’jikkostitwixxi operazzjonijiet xierqa biex jiġu evitati impatti negattivi (24).

Peress li jirrikjedi li l-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti “tevita impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent”, ir-Regolament jagħmel enfasi fuq il-prevenzjoni. F’faċilità “iddisinjata, mibnija u operata b’mod sikur u li jħares l-ambjent” (25), kemm il-miżuri kif ukoll l-infrastruttura huma fis-seħħ biex jiġu evitati t-tnixxijiet fl-ambjent.

Barra minn hekk il-faċilità hija meħtieġa “turi l-kontroll ta’ kwalunkwe tnixxija”, jiġifieri li turi li hija kapaċi tipprevjeni u – meta l-prevenzjoni tkun falliet minkejja d-disinn, il-bini u l-operat konformi – tirrispondi u ttaffi kwalunkwe tip ta’ tnixxija (it-tixrid, l-emissjonijiet fl-arja, eċċ).

Eżempji ta’ sistemi ta’ kontroll jinkludu - iżda mhumiex limitati għal - dawn li ġejjin: valutazzjoni minn qabel ta’ sustanzi niġġiesa li jkun għad fadal abbord il-bastiment; timijiet ta’ rispons rapidu; booms li jassorbu ż-żejt; booms li jrażżnu ż-żejt (26); kanali tad-drenaġġ u artijiet impermeabbli (aktar dettalji dwar dawn tal-aħħar huma mogħtija fil-mistoqsija u tweġiba li jmiss).

Iż-żona intermareali tinftiehem bħala ż-żona bejn l-inqas u l-ogħla marki mareali. Għalkemm kull żona tal-faċilità jistħoqqilha attenzjoni, b’mod partikolari r-Regolament isemmi ż-żoni intermareali peress li jippreżentaw sfidi speċifiċi fir-rigward tal-kontroll ta’ tnixxijiet, minħabba l-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu li ġejjin mill-marei.

2.2.2.   Xi tfisser “artijiet impermeabbli” u “sistemi ta’ dranaġġ effettivi”?

L-Artikolu 13(1)(g)(i): Il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti “tiżgura ġestjoni sikura u li tħares l-ambjent u ħżin ta’ materjali u skart perikolużi, inklużi […] il-ġestjoni ta’ materjali perikolużi, u ta’ skart iġġenerat matul il-proċess ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, biss fuq artijiet impermeabbli b’sistemi ta’ dranaġġ effettivi”.

Ir-Regolament jesiġi li “materjali perikolużi” kif ukoll “skart iġġenerat matul il-proċess ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti” jiġu mmaniġġjati “biss fuq artijiet impermeabbli b’sistemi ta’ dranaġġ effettivi”.

Immaniġġjar” huwa kunċett wiesa’ ħafna, li jmur lil hinn minn operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart. Jibda bit-tqattigħ/bis-separazzjoni ta’ elementi mill-bastiment u jinkludi l-għażla u t-trasport ta’ materjali perikolużi u ta’ skart iġġenerat matul il-proċess ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti.

L-elementi kollha separati mill-bastiment, inklużi blokok kbar, jikkostitwixxu jew “materjali perikolużi” jew “skart iġġenerat matul il-proċess ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti”.

Artijiet” huma superfiċji kontinwi, livellati u ta’ sostenn. “Artijiet impermeabbli” huma artijiet li ma jippermettux li l-fluwidi jgħaddu minnhom. Dan jirrifletti l-ħtieġa li mhux biss jinżammu likwidi perikolużi, iżda wkoll li tiġi evitata l-possibbiltà li materjali perikolużi jinġarru fl-ambjent. Fil-kuntest tar-Regolament, l-azzar tal-bastiment innifsu jista’ jitqies bħala art impermeabbli jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet (ara hawn taħt) jew fil-każ ta’ baċiri galleġġanti.

Fil-kuntest tar-Regolament, “sistemi ta’ dranaġġ effettivi” jinftiehmu bħala drenaġġ konness ma’ impjant tat-trattament tal-ilma (kemm jekk fil-post jew kondiviż/muniċipali) jew, kif definit fil-linji gwida tal-BCS tal-2013, “infrastruttura sempliċi (eż. bażi tal-konkrit) li taġixxi bħala barriera għall-ħruġ ta’ materjali niġġiesa. Għandu jkun hemm drenaġġ għall-kontaminanti u l-kapaċità għat-tindif perjodiku tal-kanali tad-drenaġġ, pereżempju bl-installazzjoni ta’ xbieki li jistgħu jitneħħew fuq il-kanali tad-drenaġġ” (27). Il-volum tas-sistemi tad-drenaġġ għandu jiġi definit abbażi ta’ dejta meteoroloġika (eż. l-ammont ta’ xita), il-volumi possibbli ta’ tixrid, it-tipi ta’ tixrid, id-daqs tal-art impermeabbli u d-dħul ta’ ilmijiet esterni.

Peress li l-immaniġġjar ta’ materjali perikolużi, u ta’ skart iġġenerat matul il-proċess ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, għandu jitwettaq “biss” fuq artijiet impermeabbli, kull meta element jiġi separat mill-bastiment, ma għandux jidħol f’kuntatt ma’ artijiet mhux impermeabbli bħar-ramel. Madankollu jista’ jintrefa’ (eż. permezz ta’ krejn) fuq art impermeabbli.

L-intern tal-bastiment jista’ jitqies bħala art impermeabbli fil-kuntest tar-Regolament jekk:

(a)

il-buq ikun issiġillat, l-integrità tal-qiegħ tal-buq tkun ġiet analizzata u ma tkunx ġiet kompromessa;

(b)

sustanzi perikolużi li jaqgħu mill-bastiment matul l-operazzjonijiet ta’ qtugħ ikunu kkontrollati skont il-mistoqsija u t-tweġiba 2.2.1, eż. jinġabru u jiġu ġestiti b’mod li jirrispetta l-ambjent;

(c)

booms li jrażżnu ż-żejt jiġu skjerati mill-buq tal-bastiment sal-kosta/moll qabel kwalunkwe attività li hija ta’ theddida għall-ambjent u jkun hemm xkumaturi taż-żejt faċilment disponibbli;

(d)

il-blokok jintrefgħu b’mod sikur lejn żoni tal-qtugħ b’art impermeabbli;

(e)

ir-rilaxx ta’ laqx taż-żebgħa u ta’ kisi tossiku fil-baħar/wiċċ permeabbli ikun ikkontrollat skont il-mistoqsija u tweġiba 2.2.1;

(f)

malajr kemm jista’ jkun, it-trasferiment tal-bqija tal-qiegħ tal-bastiment innifsu lejn żoni ta’ art impermeabbli għandu jsir b’mod sikur u li jirrispetta l-ambjent, eż. permezz tal-użu ta’ krejnijiet, slitti jew travi flimkien ma’ winċijiet, sabiex il-qiegħ ikun jista’ jinqata’ fuq art impermeabbli b’sistema effettiva tad-drenaġġ, inkluż fuq struttura galleġġanti bħal tarzna galleġġanti, barkun b’wiċċ ċatt jew ekwivalenti, b’sistema effettiva tad-drenaġġ.

2.2.3.   Xi jfisser “it-trażżin ta’ materjali perikolużi”?

L-Artikolu 13(1)(g)(i): Il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti “tiżgura ġestjoni sikura u li tħares l-ambjent u ħżin ta’ materjali u skart perikolużi, inkluż it-trażżin tal-materjali perikolużi kollha preżenti abbord matul il-proċess kollu ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti b’mod li jkun evitat kwalunkwe rilaxx ta’ dawk il-materjali perikolużi fl-ambjent”.

Ir-Regolament jesiġi “it-trażżin tal-materjali perikolużi kollha”, f’kull ħin (“matul il-proċess ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti”(28), bil-għan li jiġi evitat “kwalunkwe rilaxx […] fl-ambjent”. Dan ifisser li l-materjali perikolużi kollha jitneħħew minn fuq il-bastiment u jinġabru, jinħażnu, jiġu trasportati u jintremew mingħajr ma jiġu f’kuntatt dirett mal-ambjent jew mal-ħaddiema (eż. kuntatt bl-idejn mingħajr ebda protezzjoni, kuntatt dirett mas-sistema respiratorja, eċċ). Din il-mistoqsija u tweġiba tiffoka fuq it-tneħħija, il-ġbir u l-ħżin ta’ materjali perikolużi, filwaqt li l-mistoqsija u tweġiba 2.2.5 tiffoka fuq aspetti tal-ġestjoni tal-iskart.

Il-linji gwida tal-OMI għal riċiklaġġ tal-bastimenti sikur u li jħares l-ambjent, kif ukoll is-taqsimiet 4.2 (L-identifikazzjoni ta’ kontaminanti potenzjali u l-prevenzjoni tar-rilaxxi), 5.3 (Disinn u kostruzzjoni) u 5.4 (Operat) tal-BC TG, jindikaw il-miżuri rilevanti għall-ġestjoni ta’ materjali speċifiċi, b’mod partikolari dawn li ġejjin:

Attivitajiet għat-tneħħija tal-asbestos li jseħħu abbord il-bastiment (29);

Attivitajiet għat-tneħħija tal-asbestos li jseħħu barra mill-bastiment innifsu (30);

Żebgħa u kisi li jkun jinsab fuq il-buq tal-bastiment (31) (l-użu ta’ tagħmir respiratorju speċjali rrakkomandat fil-BC TG huwa attwalment kopert taħt l-Artikolu 13(1)(i) tar-Regolament);

Skart likwidu (32).

Elementi oħra li għandhom jitqiesu f’dan il-kuntest jinkludu:

(a)

Miżuri li jipprovdu livelli ekwivalenti ta’ protezzjoni għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 2009/148/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol (33) japplikaw għal attivitajiet li fihom il-ħaddiema jneħħu l-asbestos. Tiddeskrivi miżuri li għandhom jittieħdu minn min iħaddem meta jkun hemm il-possibilità li l-valur limitu massimu uniku għall-konċentrazzjoni ta’ asbestos fl-arja jaqbeż iż-0,1 fibri f’kull cm3 bħala medja ppeżata skont il-ħin ta’ tmien sigħat (TWA);

(b)

Huwa rrakkomandat li jintużaw tankijiet elevati għall-ħżin ta’ residwi żejtnija peress li dan jiffaċilita l-kompitu tal-Verifikatur Indipendenti meta jiċċekkja li t-trażżin ma jkunx ċeda minn taħt.

2.2.4.   Xi tfisser “strutturi mibnija”?

L-Artikolu 13(1)(c): Il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti “topera minn strutturi mibnija”.

Ir-Regolament jesiġi li l-faċilitajiet joperaw minn strutturi mibnija. L-għan ta’ strutturi mibnija huwa li jippermettu operazzjonijiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti sikuri u li jħarsu l-ambjent, tiġi żgurata s-sigurtà tal-ħaddiema, il-kontroll ta’ tnixxijiet, it-trażżin ta’ materjali perikolużi u l-appoġġ impermeabbli għal materjali perikolużi u għall-iskart iġġenerat matul il-proċess ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti.

Ir-rekwiżit ta’ operat minn strutturi mibnija mhux neċessarjament ifisser li faċilità tkun mibnija għalkollox, sakemm tintlaħaq konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament. Strutturi mibnija jistgħu pereżempju jiġu kkumplimentati permezz ta’ “makkinarju b’roti biċ-ċineg jew tajers bi pressjoni baxxa mal-art” (34), tankijiet mobbli ta’ ġbir ta’ sediment u krejnijiet galleġġanti fejn l-installazzjoni ta’ krejnijiet fissi ma tkunx possibbli. B’mod partikolari dan japplika għal installazzjonijiet temporanji, fejn pereżempju delimitazzjoni temporanja tista’ titqies bħala ekwivalenti għal ħitan diment li tikseb livell simili ta’ protezzjoni. Ir-Regolament ma jeskludix installazzjonijiet temporanji għar-riċiklaġġ ta’ bastimenti fejn tagħmir addizzjonali jitwaħħal ma’ faċilità ta’ bażi (eż. ma’ port, moll jew pont tal-imbark), sakemm il-faċilità ta’ bażi nnifisha tkun tikkonforma mar-rekwiżiti tad-disinn u tal-kostruzzjoni tar-Regolament.

Fil-kuntest tar-Regolament, eżempji ta’ strutturi mibnija fiż-żoni ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti fejn iseħħ il-qtugħ primarju jistgħu jinkludu - iżda mhumiex limitati għal - dawn li ġejjin:

Puntuni;

Skali u rampi ta’ aċċess;

Mollijiet;

Baċiri;

Tarzni;

Liftijiet tal-bastimenti;

Strutturi simili għal pontijiet (kavalletti);

Kanali;

Koperturi;

Bibien li jdaħħlu jew jarmu l-ilma ‘l barra (floodgates).

Eżempji ta’ strutturi mibnija li jipprovdu sostenn għal “impjanti fissi” kif definit fil-linji gwida tal-BCS tal-2013 (35) jinkludu - iżda mhumiex limitati għal - dawn li ġejjin:

Krejnijiet fissi u apparat ieħor ta’ rfigħ […] użat fil-limitu tad-disinn tagħhom (eż. b’attenzjoni biex ma jinqabiżx il-piż gross li krejn jista’ jerfa’)”;

Tagħmir u kejbils ta’ rkaptu għall-ġbid sikur ta’ bastiment ‘il barra mill-kosta waqt li jkun qed jiżżarma”;

“Pompi għat-trasferiment ta’ likwidi [għall-]ippumpjar ta’ likwidi minn fosos tad-dranaġġ”;

Ġeneraturi li jipprovdu enerġija elettrika għad-dawl [biex] ikun jista’ jsir xogħol aktar sikur f’kundizzjonijiet ta’ dawl baxx”;

Eżempji ta’ strutturi mibnija f’żoni tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastiment iddedikati għall-qtugħ sekondarju jissemmew fil-Linji Gwida rilevanti ta’ Basilea u jinkludu – iżda mhumiex biss limitati għal – dawn li ġejjin:

“Stazzjonijiet tax-xogħol għaż-żarmar sekondarju u t-tqassim sekwenzjali f’elementi ta’ komponenti” u “stazzjonijiet tax-xogħol mgħammra b’mod speċjali għat-tneħħija ta’ skart perikoluż u tossiku” (36);

“Ħitan u tankijiet” (37) doppji;

“Ħitan […](tal-injam, tal-konkrit, tal-azzar)[…] magħmulin b’aċċess minn naħa waħda biex ikun jista’ jinħażen u jitgħabba l-materjal” (38);

“Żoni ta’ ħażna temporanji għal materjal u xogħol tal-azzar mhux perikoluż” (39);

“Żoni ta’ ħażna għal tagħmir u materjal ipproċessat għalkollox u lesti għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ jew għar-rimi” (40);

Eżempji ta’ strutturi mibnija applikati għar-rekwiżiti relatati mas-saħħa u s-sigurtà tar-Regolament jinkludu – iżda mhumiex biss limitati għal – dawn li ġejjin:

“Toroq sodi, livellati (bażi ta’ triq sempliċi tista’ inizjalment tinbena bil-konkrit imfarrka, pereżempju)” jew “bażi ta’ triq kompatta” li tagħmilha possibbli għal ambulanza u vettura tat-tifi tan-nar li tilħaq il-bastiment u l-istazzjon viċin tagħha (41) jew, f’każ ta’ baċir xott, tilħaq ir-rotta ta’ ħruġ (eż. lift);

Krejnijiet fissi u apparat ieħor ta’ rfigħ […] użati skont il-limiti tad-disinn tagħhom (eż. billi wieħed joqgħod attent li ma jaqbiżx il-piż gross li krejn jista’ jerfa’)” (ara hawn fuq);

Passarelli ta’ ħruġ stabbli;

Elementi addizzjonali msemmija fil-Linji Gwida tal-ILO (42), fosthom provvista ta’ ilma tax-xorb, il-post u l-kundizzjonijiet tal-operazzjoni ta’ faċilitajiet sanitarji u tal-ħasil u tojlits kif ukoll postijiet għall-kenn u faċilitajiet għall-ikel u x-xorb;

Elementi addizzjonali msemmija fil-Linji Gwida tal-OMI għar-riċiklaġġ tal-bastimenti sikur u ambjentalment korrett (43): “faċilitajiet tal-ħasil, doċċi, żoni tal-ikel u ta’ rikreazzjoni, faċilitajiet ta’ tojlits u kmamar fejn wieħed ibiddel ħwejġu […] għall-kontroll tal-espożizzjoni u l-evitar tat-tixrid ta’ Materjal Perikoluż”; “Faċilitajiet sanitarji u tal-ħasil li jkunu faċilment aċċessibbli u f’post fejn ma jkunx hemm riskju ta’ kontaminazzjoni mill-post tax-xogħol”; “Kmamar tat-tibdil separati u adattati u faċilitajiet sanitarji u tal-ħasil ipprovduti għall-użu esklussiv tal-ħaddiema li jimmaniġġjaw l-asbestos”; “Żoni separati u mhux ikkontaminati għall-ħaddiema fejn ikunu jistgħu jieklu, jixorbu u jieħdu pawżi oħrajn”.

2.2.5.   X’jikkostitwixxi ġestjoni tal-iskart konformi fil-kuntest tar-Regolament?

L-Artikolu 13(1)(g)(ii): Il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti għandha tiżgura “li l-iskart kollu ġġenerat mill-attività ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, u l-kwantitajiet tiegħu ikunu dokumentati u huwa trasferit biss f’faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart, inkluż f’faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-iskart, awtorizzati li jagħmlu t-trattament mingħajr ma jipperikolaw is-saħħa tal-bniedem u b’mod li jħares l-ambjent”.

L-Artikolu 15(5): “Għall-finijiet tal-Artikolu 13, fir-rigward tal-operazzjoni ta’ rkupru jew rimi tal-iskart ikkonċernat, jista’ jiġi assunt li hemm ġestjoni li tħares l-ambjent biss kemm-il darba l-kumpannija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti tista’ turi li l-faċilità tal-ġestjoni tal-iskart li tirċievi l-iskart ser topera skont l-istandards ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent li huma ġeneralment ekwivalenti għall-istandards rilevanti internazzjonali u tal-Unjoni”.

Ir-Regolament jinkludi diversi rekwiżiti dwar il-ġestjoni ta’ skart perikoluż u skart ieħor iġġenerat waqt il-proċess ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti.

Skont il-faċilità, l-irkupru jew ir-rimi kollu, jew parti minnu jistgħu jseħħu fuq il-post u tista’ wkoll ma ssir ebda parti minnu fuq il-post. Pereżempju, ċerti faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti huma mgħammra b’inċineraturi; ċerti faċilitajiet ikunu jistgħu jittrattaw ċerti flussi ta’ skart iżda mhux oħrajn, filwaqt li għadd ta’ faċilitajiet jistgħu jiddeċiedu li jissottokuntrattaw l-irkupru jew ir-rimi kollu tal-iskart lil faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart esterni. Ir-Regolament ma jimponi l-ebda arranġament partikolari. Madankollu, jeżiġi li l-kumpanija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti tkun tista’ turi li d-diversi flussi ta’ skart huma ttrattati skont ċerti standards, irrispettivament minn fejn isir l-irkupru jew ir-rimi tal-iskart. Għaldaqstant huwa rrakkomandat li l-faċilità tagħmilha ċara fil-formola tal-applikazzjoni tagħha liema flussi ta’ skart hija kapaċi u awtorizzata tirriċikla/tarmi hija stess, u liema flussi ta’ skart se tittrasferixxi lil faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart esterni downstream.

(a)   Dokumentazzjoni u trasferiment ta’ skart

Konformità mal-parti tal-Artikolu 13(1)(g)(ii) dwar id-dokumentazzjoni u t-trasferiment tal-iskart tista’ tkun preżunta jekk, skont il-Linji Gwida tal-OMI għar-riċiklaġġ ta’ bastimenti sikur u ambjentalment korrett (44), il-faċilità tistabbilixxi “proċeduri għall-intraċċar ta’ Materjal Perikoluż u skart kif ikunu qegħdin jiġu trasportati mill-Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti għad-destinazzjoni aħħarija tagħhom, u għall-ġestjoni u l-ħażna tad-dokumentazzjoni, inkluża dik tas-sottokuntratturi.

(b)   L-awtorizzazzjoni ta’ faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart downstream

Ir-Regolament jeżiġi li l-kumpanija ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti tiżgura li l-faċilità għall-immaniġġjar tal-iskart ġiet awtorizzata li topera mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Dan ir-rekwiżit jirrifletti l-Linji Gwida tal-OMI għar-riċiklaġġ ta’ bastimenti sikur u ambjentalment korrett (45).

Il-faċilità għall-immaniġġjar tal-iskart koperta minn dan ir-rekwiżit hija:

jew parti mill-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti stess, jekk il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti tirkupra jew tarmi l-iskart hija stess;

jew faċilità għall-immaniġġjar tal-iskart esterna, jekk il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti tkun issottokuntrattat din il-parti tal-operazzjonijiet;

it-tnejn, jekk il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti timmaniġġja ċerti flussi ta’ skart hija stess u tissottokuntratta l-ġestjoni tal-bqija.

L-awtorizzazzjoni msemmija fir-rekwiżit hija l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Awtorità/Awtoritajiet Kompetenti rilevanti fil-pajjiż fejn tinsab il-faċilità għall-immaniġġjar tal-iskart. Din tinkludi dokumentazzjoni relatata mal-importazzjoni/esportazzjoni tal-iskart u – fejn japplika – dokumentazzjoni relatata mal-kunsens infurmat minn qabel (PIC), f’każ li l-faċilità għall-immaniġġjar tal-iskart tinsab f’pajjiż differenti minn dak tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti. Kopja tal-awtorizzazzjonijiet rilevanti għandha tkun inkluża fil-formola tal-applikazzjoni, stipulata fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2398.

(c)   L-immaniġġjar tal-iskart fil-faċilità għall-immaniġġjar tal-iskart

Il-faċilitajiet li mhumiex fl-UE li japplikaw għall-elenkar fil-Lista Ewropea huma mitluba juru li l-faċilitajiet isegwu standards ġeneralment ekwivalenti għal standards internazzjonali u għal standards tal-UE.

Ir-rekwiżit ma jimplikax konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-UE li jirriżultaw minn atti legali minbarra r-Regolament u standards internazzjonali oħrajn, iżda pjuttost il-ħtieġa li jiġi żgurat li r-rekwiżiti/l-istandards applikati fil-faċilità għall-immaniġġjar tal-iskart jiżguraw livell simili ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

Il-kumpaniji li japplikaw għandhom jiffirmaw id-dokumenti kif mitlub fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2398 u jehmżu kopja ta’ kwalunkwe dokument rilevanti għall-iskop tagħha.

L-ekwivalenza ġenerali ma’ standards internazzjonali u ma’ standards tal-UE titqies li tkun stabbilita jekk dawn il-prinċipji ewlenin li ġejjin meħudin mill-istandards internazzjonali u minn Direttivi tal-UE jiġu applikati fil-faċilità għall-immaniġġjar tal-iskart:

—   Standards internazzjonali:

Il-lista ta’ linji gwida rilevanti żviluppati fil-livell internazzjonali tinsab fl-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta’ skart, inklużi l-Linji Gwida Tekniċi dwar il-Ġestjoni Soda tal-Ambjent taż-Żarmar Sħiħ u Parzjali tal-Bastimenti fejn tirrigwarda l-immaniġġjar tal-iskart downstream. L-aġġornamenti ta’ linji gwida tekniċi żviluppati taħt il-Konvenzjoni ta’ Basilea jinsabu fuq is-sit web tal-Konvenzjoni (46).

Barra minn hekk, il-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea adottaw Qafas għall-Ġestjoni Ambjentalment Korretta (environmentally sound management - ESM) ta’ skart perikoluż u ta’ skart ieħor (47). Dan il-qafas jistabbilixxi fehim komuni ta’ x’tiġbor fiha l-ESM u jirreferi għal, pereżempju, għadd ta’ prinċipji gwida u azzjonijiet għall-faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart biex tiġi żgurata l-ESM.

—   Standards tal-Unjoni:

L-istandards tal-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent rilevanti għall-faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart jinsabu fid-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Iskart u f’leġiżlazzjoni speċifika għall-flussi tal-iskart.

Ir-rekwiżiti ewlenin tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (48) (magħrufa wkoll bħala d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart) ikopru dan li ġej:

Il-ġerarkija tal-iskart (l-Artikolu 4): il-ġerarkija tal-iskart li ġejja għandha tapplika bħala ordni ta’ prijorità: (a) prevenzjoni; (b) preparazzjoni għal użu mill-ġdid; (c) riċiklaġġ; (d) irkupru ieħor, eż. irkupru ta’ enerġija; u (e) rimi;

Protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent (l-Artikolu 13): il-ġestjoni tal-iskart titwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari: (a) mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija, il-pjanti jew l-annimali; (b) mingħajr ma jinħoloq fastidju permezz ta’ ħsejjes jew irwejjaħ; u (c) mingħajr effetti negattivi fuq il-kampanja jew postijiet ta’ interess speċjali;

Skart perikoluż (l-Artikoli 17, 18, 19): L-iskart perikoluż għandu jinħażen u jiġi ttrattat f’kundizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent. Ma għandu, fl-ebda każ, jitħallat ma’ skart perikoluż ieħor u għandu jiġi ppakkjat u ttikkettat.

Minbarra l-prinċipji ewlenin tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, il-leġiżlazzjonijiet tal-UE li ġejjin ikopru l-istandards tal-operat tal-ġestjoni tal-iskart rilevanti għall-Artikolu 15(5) tar-Regolament:

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (49);

Id-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2000 dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart u l-atti emendatorji (50);

Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (51);

Finalment, l-istandards tal-operazzjonijiet tat-trattament tal-iskart speċifiċi għall-fluss rilevanti għall-Artikolu 15(5) tar-Regolament huma inklużi fil-partijiet li ġejjin tal-leġiżlazzjoni tal-UE:

Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 96/59/KE tas-16 ta’ Settembru 1996 dwar ir-rimi ta’ polychlorinated biphenyls u polychlorinated terphenyls (52);

Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (53);

Ir-rimi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku jsegwi l-prinċipji tal-operazzjoni ewlenin tad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (54).

2.3.    Ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà

2.3.1.   X’inhu mfisser bi “prevenzjoni ta’ effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem”?

L-Artikolu 13(1)(f): Il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenmti “tevita impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem”.

Lil hinn mill-arranġamenti fiżiċi (ara l-mistoqsija u tweġiba 2.2.4 fuq l-istrutturi mibnija), il-linji gwida tal-ILO jirreferu għal firxa wiesgħa ta’ arranġamenti operazzjonali, mill-prevenzjoni tal-agħar forom tat-tħaddim tat-tfal jew l-iżgurar ta’ akkomodazzjoni xierqa, diment li l-akkomodazzjoni tkun tinsab fuq il-faċilità jew inkella taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija għar-riċiklaġġ tal-bastimenti u l-protezzjoni tas-smigħ. Dawn l-elementi fiżiċi u operazzjonali varji meta jitqiesu flimkien jikkostitwixxu l-“operazzjonijiet sikuri”, is-“sigurtà tal-ħaddiema” u “proċeduri u tekniki li għandhom l-għan li jipprevjenu, inaqqsu, jiminimizzaw u sa fejn huwa prattikabbli jeliminaw r-riskji għas-saħħa” imsemmijin fir-Regolament (55).

Tista titqies konformità mar-rekwiżiti relatati mas-sigurtà jekk il-faċilità tkun implimentat l-arranġamenti operazzjonali msemmijin hawn fuq u, skont il-linji gwida tal-OMI (56), “għandha pjanijiet u proċeduri għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema” u tista’ “turi għarfien u fehim tas-sigurtà applikabbli għall-ħaddiem u proċessi, proċeduri, liġijiet, regolamenti u gwida għas-saħħa okkupazzjonali.” Il-faċilità għandha wkoll tistabbilixxi u żżomm “pjan ta’ evakwazzjoni effettiv biex il-persunal kollu jkun evakwat malajr u b’mod sikur” (57).

Barra minn hekk, il-faċilità tħaddem “persunal ewlieni wieħed jew aktar bil-livell ta’ taħriġ u bl-esperjenza meħtieġa biex jiżgura b’mod effettiv li matul l-operazzjonijiet fil-Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti jinżammu l-kundizzjonijiet sikuri, inkluż persuna Kompetenti waħda jew aktar sabiex tagħmel ix-xogħol speċifiku. Skont id-daqs tal-Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti u n-numru tal-ħaddiema, il-[faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti tista’ tħaddem] ġerarkija tas-sigurtà u tal-ġestjoni tas-saħħa tal-persunal, inkluż maniġer ġenerali, persunal ta’ superviżjoni u ħaddiema ġenerali” (58). Ir-Regolament jiddefinixxi persuni kompetenti bħala “persuna li għandha kwalifiki u taħriġ adegwati u għarfien, esperjenza u ħila suffiċjenti, sabiex tagħmel ix-xogħol speċifiku” (59). Din il-persuna “tista’ tkun ħaddiem imħarreġ jew ħaddiem maniġerjali li huwa kapaċi jirrikonoxxi u jevalwa perikli fuq il-post tax-xogħol, riskji u l-esponiment tal-ħaddiema għal materjali perikolużi potenzjali jew kundizzjonijiet mhux sikuri f’faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti u li tkun kapaċi tispeċifika l-protezzjoni neċessarja u l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu biex ikunu eliminati jew imnaqqsa dawk il-perikli, riskji jew dik l-esposizzjoni” (60).

Finalment, il-linji gwida tal-OMI jirreferu b’mod espliċitu għall-konvenzjonijiet internazzjonali ta’ rilevanza għar-riċiklaġġ tal-bastimenti, inkluż il-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal tal-1999 u l-Konvenzjoni dwar l-Età Minima tal-1973. Ċerti pajjiżi li fihom iseħħ ir-riċiklaġġ tal-bastimenti, jista’ jkun li jkunu għadhom ma rratifikawx dawn il-konvenzjonijiet kollha. Madankollu, għall-finijiet ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament, kumpaniji ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti huma mistennija li huma stess jimplimentaw fil-livell tagħhom stess, id-dispożizzjonijiet varji ta’ rilevanza għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jinsabu fil-Konvenzjonijiet internazzjonali li hemm referenza għalihom fl-Appendiċi 4 tal-linji gwida OMI.

2.3.2.   X’jikkostitwixxi t-Tagħmir xieraq ta’ Protezzjoni Personali?

L-Artikolu 13(1)(i): Il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti “tipprovdi s-sikurezza tal-ħaddiema […], inkluż li tiżgura l-użu ta’ tagħmir protettiv personali għall-operazzjonijiet li jirrikjedu dan l-użu”.

Tagħmir ta’ protezzjoni personali (PPE) tfisser kwalunkwe tagħmir jew apparat maħsub biex jintlibes jew jinżamm minn individwu għall-protezzjoni kontra wieħed jew aktar mill-perikli tas-saħħa u s-sigurtà (61). PPE fis-sens tar-Regolament huwa ddettaljat b’mod sħiħ fil-linji gwida tal-OMI għar-riċiklaġġ tal-bastimenti li jkun sikur u ambjentalment bla periklu (62) u fil-linji gwida tal-ILO (63).

2.3.3.   X’inhuma l-obbligi fir-rigward tat-taħriġ?

L-Artikolu 13(1)(i): Il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti “tipprovdi […] t-taħriġ tal-ħaddiema […]”.

Il-konformità mar-rekwiżiti relatati mat-taħriġ hija preżunta jekk il-faċilità tkun implimentat il-linji gwida tal-ILO rilevanti (64) u għandha, skont il-linji gwida tal-OMI għar-riċiklaġġ tal-bastimenti li jkun sikur u ambjentalment bla periklu (65), “proċeduri ta’ taħriġ sabiex tiżgura l-livell xieraq tas-sigurtà tal-ħaddiem u l-protezzjoni ambjentali. Il-programmi ta’ taħriġ għandhom ikopru lill-ħaddiema u lill-membri kollha tal-faċilità ta’ riċikilaġġ tal-bastimenti, inkluż il-persunal tal-kuntrattur u l-impjegati,[…] u għandhom jidentifikaw it-tip u l-frekwenza tat-taħriġ.

Rigward il-protezzjoni u l-prevenzjoni kontra n-nar, tingħata kunsiderazzjoni speċifika għal-linji gwida tal-OMI (66) li jiddikjaraw li l-faċilità għandha “proċeduri li jipprovdu taħriġ, struzzjonijiet u informazzjoni xierqa lis-superviżuri u lill-ħaddiema kollha […] dwar il-perikli tan-nirien, il-prekawzjonijiet adegwati li għandhom jittieħdu u l-użu ta’ tagħmir għat-tifi tan-nar, sabiex persunal imħarreġ b’mod adegwat ikun faċilment disponibbli matul il-perjodi kollha tax-xogħol.” L-aħjar mod ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti huwa billi jiġu segwiti l-linji gwida tal-OMI rilevanti (“Rekords tat-taħriġ u drills/eżerċizzji inkluż l-informazzjoni bħat-tip ta’ taħriġ/drill, l-irwol tal-persuna mħarrġa, it-tagħmir użat, it-tul ta’ żmien, il-post, id-data u l-ħin”).

2.3.4.   X’jikkostitwixxi l-konformità maż-żamma tar-rekords dwar inċidenti, aċċidenti, mard u effetti kroniċi relatati mal-post tax-xogħol?

L-Artikolu 13(1)(j): Il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti “tistabbilixxi rekords dwar inċidenti, aċċidenti, mard jew effetti kroniċi relatati mal-post tax-xogħol u, jekk mitlub mill-awtoritajiet kompetenti, tirrapporta kwalunkwe inċident, aċċident, mard jew effetti kroniċi relatati mal-post tax-xogħol li jikkawżaw jew li għandhom potenzjal li jikkawżaw riskji għas-sikurezza tal-ħaddiema, għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent”.

Rekords dwar mard u effetti kroniċi relatati mal-post tax-xogħol jinkisbu permezz ta’ spezzjonijiet mediċi annwali inkluż, mill-inqas kampjuni tad-demm u tal-awrina, kif ukoll tax-xagħar, jekk possibbli. Informazzjoni dwar l-oriġini tal-mard u l-effetti kroniċi tinkiseb bl-aħjar mod permezz tal-kampjuni tal-ħamrija, tal-arja u tat-trab.

L-iżgurar li r-rekords ikunu sħaħ, jibda mill-fatt li wieħed ikun jaf min jaħdem fil-faċilità. Il-faċilità tirreġistra l-identità tal-ħaddiema kollha, inkluż tal-persunal ta’ kuntratturi u tal-impjegati mħaddmin għal perjodu qasir ta’ żmien, u tiżgura li l-lista tal-ħaddiema kollha tkun disponibbli dejjem u fi kwalunkwe ġurnata.

Il-konformità mal-Artikolu 13(1)(i) u (j) tar-Regolament tippresupponi wkoll li l-faċilità ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-linji gwida tal-OMI għar-riċiklaġġ tal-bastimenti li jkun sikur u ambjentalment bla periklu (67) u l-linji gwida tal-ILO (68).

Barra minn hekk, kif indikat fil-linji gwida tal-ILO, l-għan tar-rekords huwa li attwalment “jintużaw għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema”. Ir-riżultati huma “spjegati b’mod ċar mill-persunal tas-saħħa professjonali lill-ħaddiema kkonċernati jew lill-persuni tal-għażla tagħhom”, mhumiex “użati għal diskriminazzjoni mhux iġġustifikata”, ikunu “disponibbli, meta mitluba mill-awtorità kompetenti, jew minn kwalunkwe parti oħra li jkun sar qbil fuqha kemm mill-impjegaturi kif ukoll mill-ħaddiema, għat-tħejjija ta’ statistika xierqa dwar is-saħħa u studji epidemjoloġiċi, diment li tinżamm l-anonimità”. Il-linji gwida tal-OMI għar-riċiklaġġ tal-bastimenti li jkun sikur u mingħajr ħsara għall-ambjent jiddikjaraw li “jekk ir-rekwiżiti nazzjonali ma jispeċifikawx perjodu ta’ żmien, huwa rrakkomandat li r-rekords jinżammu għal ħames snin”.

3.   Ċertifikazzjoni u spezzjonijiet

3.1.    X’inhuma l-karatteristiċi ewlenin tar-reġim ta’ spezzjonijiet skont ir-Regolament il-ġdid?

L-Artikolu 15(4) tar-Regolament jintroduċi reġim ta’ spezzjoni u verifika f’żewġ stadji għall-faċilitajiet li jinsabu f’pajjiżi terzi li huma lesti biex jirriċiklaw il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-UE.

L-Artikolu 15(4)§1: Sabiex ikunu inklużi fil-Lista Ewropea, il-konformità tal-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jinsabu f’pajjiżi terzi mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 13 għandha tiġi ċċertifikata wara spezzjoni fuq is-sit minn verifikatur indipendenti bil-kwalifiki xierqa. Iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni mill-kumpanija għar-riċiklaġġ tal-bastimenti meta tkun qiegħda tapplika għall-inklużjoni fil-Lista Ewropea u, kull ħames snin, wara t-tiġdid tal-inklużjoni fil-Lista Ewropea. L-inklużjoni inizjali fuq il-lista u t-tiġdid tagħha għand jiġu ssupplimentati minn rieażami ta’ nofs it-terminu biex tiġi kkonfermata l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13.

L-Artikolu 15(4)§2: Billi ssir applikazzjoni għall-inklużjoni fil-Lista Ewropea, il-kumpaniji tar-riċiklaġġ tal-bastimenti jaċċettaw il-possibbiltà li l-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti kkonċernata tkun suġġetta għal spezzjonijiet fuq is-sit mill-Kummissjoni jew aġenti li jaġixxu f’isimha qabel jew wara l-inklużjoni tagħhom fil-Lista Ewropea sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 13. Il-verifikatur indipendenti, il-Kummissjoni jew l-aġenti li jkunu qed jaġixxu f’isimha għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz fejn il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti tkun tinsab sabiex iwettqu dawk l-ispezzjonijiet fuq is-sit.

L-ewwel pass (l-Artikolu 15(4)§1) iseħħ qabel il-faċilità tapplika għall-inklużjoni fil-Lista Ewropea. Dan jikkonsisti fi spezzjoni fuq is-sit tal-faċilità permezz ta’ Verifikatur Indipendenti (“IV”) biex tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament.

Fi stadju aktar tard (l-Artikolu 15(4)§2), il-Kummissjoni Ewropea tista’ tiddeċiedi li tivverifika l-konformità tal-faċilità permezz ta’ spezzjonijiet fuq is-sit. Dawn il-verifiki jistgħu jseħħu qabel jew wara li tittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni tal-faċilità fil-Lista Ewropea.

Grafika

Il-passi ewlenin tal-proċess ta’ spezzjoni u verifika għall-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jinsabu barra mill-UE

Image

3.2.    X’inhu r-rwol ta’ Verifikatur Indipendenti?

Il-Verifikaturi Indipendenti għandhom il-kompitu li jiċċertifikaw il-faċilità skont ir-rekwiżiti tar-Regolament. Huma għandhom iwettqu xogħolhom b’mod indipendenti; għal dan l-iskop, il-kuntratt bejn is-sid tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti u l-Verifikatur Indipendenti jintitola lil dan tal-aħħar biex iwettaq l-attivitajiet kollha meħtieġa biex jiċċekkja u jirrapporta dwar il-konformità tal-faċilità mar-rekwiżiti tar-Regolament. L-obbligi kuntrattwali tal-Verifikaturi Indipendenti ma jipprevjenu jew ma jillimitaw bl-ebda mod l-attivitajiet ta’ dan tal-aħħar.

Il-Kummissjoni Ewropea hija lesta biex fuq talba, tagħti parir lill-Verifikaturi Indipendenti.

3.3.    Min jista’ jkun Verifikatur Indipendenti?

It-terminu Verifikatur Indipendenti ma għandux jiġi interpretat bħala persuna fiżika waħda. Il-prestazzjoni effettiva tal-kompiti tal-Verifikatur Indipendenti normalment teħtieġ l-involviment ta’ tim b’firxa wiesgħa ta’ kwalifiki. Il-Verifikaturi Indipendenti jridu jkunu midħla sew tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-pajjiż li huma joperaw fih; huma negozji awtorizzati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fejn applikabbli.

3.4.    Il-Kummissjoni Ewropea se tippubblika lista ta’ Verifikaturi Indipendenti?

Le. Il-Kummissjoni mhijiex se tipprovdi lista ta’ Verifikaturi Indipendenti, peress li din mhijiex ipprovduta fir-Regolament. Kumpanija li hija sid jew li topera Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti għandha timpjega b’kuntratt Verifikatur Indipendenti u għandha tiżgura li dan huwa indipendenti u għandu l-kwalifiki meħtieġa.

3.5.    Liema akkreditazzjonijiet u kwalifiki għandu jkollhom il-Verifikaturi Indipendenti?

Ir-Regolament jeħtieġ li l-verifikaturi li jiċċertifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 13 huma “indipendenti” u għandhom “kwalifiki xierqa”. Minkejja li r-Regolament ma jimponix l-akkreditazzjoni ta’ Vertifikaturi Indipendenti, l-aktar mod effettiv biex tintwera l-indipendenza u l-kwalifiki meħtieġa tagħhom hija akkreditazzjoni skont standard mill-korpi ta’ akkreditazzjoni tal-UE jew mill-korpi firmatarji tal-ILAC/MRA. Aktar dettalji huma spjegati hawn isfel.

L-UE żviluppat sistema ta’ akkreditazzjoni, li skontha tista’ tinkiseb akkreditazzjoni skont standard speċifiku minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni maħtur minn Stat Membru tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 (69). L-akkreditazzjoni miksuba minn korp bħal dan hija awtomatikament rikonoxxuta madwar l-UE. L-akkreditazzjoni tista’ tinkiseb ukoll minn korp ta’ akkreditazzjoni barra mill-UE li huwa firmatarju għall-iskop rilevanti (fil-każ preżenti: ISO/IEC 17020 (70)) tal-ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku (MRA) tal-Kooperazzjoni Internazzjonali ta’ Akkreditazzjoni tal-Laboratorji (ILAC, International Laboratory Accreditation Cooperation) (71) (72).

Fil-kuntest tar-Regolament, l-indipendenza u l-kapaċità jintwerew bl-aħjar mod permezz ta’ konformità mar-rekwiżiti għall-korpi ta’ spezzjoni ta’ parti tezi (“Tip A”) li jinsabu fl-istandard ISO/IEC 17020, li jiddeskrivi r-rekwiżiti għall-operat ta’ korpi varji li jwettqu l-ispezzjonijiet.

ISO/IEC 17020:2012(E)

Dan l-istandard internazzjonali tfassal bil-għan li jippromwovi l-fiduċja fil-korpi li jwettqu l-ispezzjonijiet. Il-korpi tal-ispezzjonijiet iwettqu valutazzjonijiet f’isem il-klijenti privati, l-organizzazzjonijiet omm tagħhom jew l-awtoritajiet, bl-għan li jipprovdu informazzjoni dwar il-konformità ta’ oġġetti spezzjonati mar-regolamenti, l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet, l-iskemi ta’ spezzjoni jew il-kuntratti.

ISO/IEC 17020 għandu rekwiżiti dettaljati għall-korpi ta’ spezzjoni. B’mod partikolari, korpi ta’ spezzjoni vvalutati skont l-ISO/IEC 17020 għandhom jipprovdu evidenza tal-imparzjalità u tal-indipendenza tagħhom (ara l-Anness A tal-istandard), għandhom jipprovdu dettall dwar il-forma legali tagħhom, dwar l-istrutturi organizzattivi u maniġerjali tagħhom, dwar il-metodi ta’ spezzjoni u l-proċeduri tagħhom, kif ukoll għandhom iħaddmu għadd biżżejjed ta’ persunal ikkwalifikat (direttament jew permezz tas-sottokuntrattar), għandhom iżommu rekords varji, għandhom joħorġu rapporti u ċertifikati ta’ spezzjoni, u għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri ta’ ilmenti u ta’ appell u sistemi ta’ ġestjoni. Dawn ir-rekwiżiti dettaljati jintużaw bħala lista ta’ kontroll għall-akkreditazzjoni li tafferma l-kompetenza biex jitwettqu kompiti speċifiċi ta’ spezzjoni – f’dan il-każ, il-verifika tal-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013. Ir-rekwiżiti huma dejjem immirati lejn attività speċifika u ma jitqiesu qatt waħedhom.

Huwa rrakomandat li l-kumpaniji tar-riċiklaġġ tal-bastimenti jeħtieġu kuntrattwalment lill-Verifikatur Indipendenti li huma jistiednu biex huwa jevalwa l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tar-Regolament sabiex ikollu kwalifiki fl-oqsma li ġejjin:

Perit navali jew kwalifiki ekwivalenti fil-bini tal-vapuri u/jew żmantellar ta’ strutturi kbar tal-azzar;

Sistemi ambjentali u tas-saħħa okkupazzjonali u ta’ ġestjoni tas-sigurtà;

Il-ġestjoni ta’ materjali perikolużi u l-ġestjoni tal-iskart, inkluż il-ġestjoni ta’ skart perikoluż;

Huwa rrakkomandat ukoll li l-kap ta’ tim tal-Verifikatur Indipendenti jkollu minimu ta’ ħames snin esperjenza f’minn tal-anqas tnejn mill-oqsma t’hawn fuq u li l-membri l-oħrajn tat-tim ikollhom minimu ta’ tliet snin esperjenza f’minn tal-inqas tnejn mill-oqsma t’hawn fuq.

Il-Kummissjoni Ewropea tista’ torganizza attivitajiet ta’ taħriġ u sessjonijiet ta’ ħidma mmirati direttament lejn il-Verifikaturi Indipendenti sabiex tarmonizza l-prattiki ta’ ċertifikazzjoni.

3.6.    Tista’ l-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi li tispezzjona ulterjorment faċilità?

Billi ssir applikazzjoni għall-inklużjoni fil-Lista Ewropea, il-kumpaniji tar-riċiklaġġ tal-bastimenti jaċċettaw il-possibbiltà li l-faċilità kkonċernata tkun soġġetta għal spezzjonijiet fuq is-sit — inklużi dawk għall-għarrieda — mill-Kummissjoni Ewropea jew minn aġenti li jaġixxu f’isimha. Dawn l-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ fejn tinsab il-faċilità. L-ispejjeż għall-ispezzjonijiet mhumiex sejrin jitħallsu mill-kumpanija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti.

Id-deċiżjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea għat-twettiq ta’ spezzjonijiet ta’ faċilitajiet iċċertifikati se isegwu prijoritizzazzjoni bbażata fuq ir-riskju. Il-faċilitajiet iċċertifikati kollha li jinsabu f’pajjiż terz jistgħu jiġu spezzjonati mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-aġenti li jaġixxu f’isimha. Id-deċiżjoni għall-ispezzjoni ta’ faċilità partikolari se tittieħed fid-dawl tal-kwalità u tal-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta fil-fajl ta’ applikazzjoni.

Aspetti addizzjonali li jżidu ċ-ċans ta’ aktar spezzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-aġenti li jaġixxu f’isimha jinkludu —iżda mhumiex limitati għal — ilmenti u tħassib imressqin lill-Kummissjoni Ewropea rigward il-funzjonament tal-faċilità.


(1)  Dokumenti voluminużi bħal pereżempju l-Pjan għall-Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti jistgħu jintbagħatu biss b’email.

(2)  ĠU L 332, 18.12.2015, p. 145.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  OMI, Riżoluzzjoni MEPC.210(63) adotatta fit-2 ta’ Marzu 2012, Linji Gwida dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti li Jkun Sikur u li Jħares l-Ambjent tal-2012, pp. 7-36.

(5)  IMO MEPC.210(63) Appendiċi 1, p. 37.

(6)  ILO, Is-sigurtà u s-saħħa fid-demolizzjoni tal-bastimenti: Linji Gwida għall-pajjiżi Asjatiċi u għat-Turkija, 2004 (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ILO SHG”), taqsima 4.6, p. 32 u taqsima 16, pp. 128-133.

(7)  Konvenzjoni ta’ Basilea, Linji Gwida Tekniċi dwar il-Ġestjoni Li Tirrispetta l-Ambjent taż-Żarmar Sħiħ u Parzjali tal-Bastimenti (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “BC TG”), taqsima 4.5, pp.63-64 u taqsima 6.2, pp.84-88.

(8)  Ara l-mistoqsija u tweġiba 2.2.5 għal aktar dettalji dwar ir-rekwiżiti tal-ġestjoni tal-iskart skont ir-Regolament.

(9)  BC TG, taqsima 6.2, pp.85-87.

(10)  IMO MEPC.210(63) taqsima 3.4.1, p. 24.

(11)  ILO SHG, pp.28-33.

(12)  ILO SHG, pp.21-23.

(13)  ILO SHG, taqsima 3.4.2, p. 19 u l-Anness III, pp.155-172.

(14)  IMO MEPC.210(63), taqsima 3.3.3.

(15)  ILO SHG, taqsima 3.6, pp.21-23.

(16)  ILO SHG, L-Anness I (Sorveljanza dwar is-saħħa tal-ħaddiema), taqsimiet 2 u 3, pp.147-150, u l-Anness II (Sorveljanza tal-ambjent tax-xogħol), pp.152-154.

(17)  IMO MEPC.210(63), taqsima 3.3.4.11, p. 21.

(18)  l-ILO SHG, il-Parti II, pp.47-140 (bl-eċċezzjoni tat-taqsimiet 14 u 16, li ssir referenza għalihom fil-kapitolu li jmiss ta’ dawn il-Linji Gwida).

(19)  BC TG, taqsima 5, pp.66-83.

(20)  Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, Gwida għall-awtoritajiet kompetenti ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, 4.8.2013.

(21)  Il-Gwida tal-BCS tal-2013, paġna 13.

(22)  Peress li blokok ma jikkostitwixxux biss “skart iġġenerat matul il-proċess ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti”, iżda normalment jippreżentaw ukoll riskju għoli li jiġu koperti b’residwi żejtnija u/jew żebgħa u frak tal-kisi ġġenerati matul il-qtugħ, ma jistgħux jintefgħu u/jew jinbarxu fuq iż-żona intermareali jew fuq xi wiċċ permeabbli ieħor bħal ramel jew żrar, peress li dik il-proċedura tinvolvi ksur fil-kontroll ta’ tnixxijiet (l-Artikolu 13(1)(f)), ta’ trażżin (l-Artikolu 13(1)(g)(i)) u ta’ ġestjoni fuq artijiet impermeabbli (l-Artikolu 13(1)(g)(ii)).

(23)  IMO MEPC.(210)63, taqsima 3.4.4, pp.33-36.

(24)  BC TG, pp.81-83.

(25)  L-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament.

(26)  It-tip ta’ booms li jrażżnu ż-żejt li għandu jintuża jvarja skont il-post u l-kundizzjonijiet tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti. Jista’ jkun hemm il-ħtieġa ta’ żewġ livelli ta’ trażżin, speċjalment f’faċilitajiet fejn il-bastimenti jitniżżlu l-art bil-qawwa tagħhom stess, u dan potenzjalment jista’ jikkawża l-iskular ta’ ilma maħmuġ fil-baħar: l-ewwel saff ta’ booms sorbenti li jrażżnu ż-żejt li jiġi skjerat madwar il-bastiment li jkun qed jiġi żarmat u t-tieni saff iktar permanenti ta’ booms kostali jew oċeaniċi mhux sorbenti.

(27)  Gwida tal-BC tal-2013, p. 14.

(28)  “it-trażżin tal-materjali perikolużi kollha”, “matul il-proċess kollu ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti” (l-Artikolu 13(1)(g)(i)).

(29)  IMO MEPC.(210)63, taqsima 3.4.3.1, p. 29 u BC TG, p. 82.

(30)  IMO MEPC.(210)63, taqsima 3.4.3.1, p. 30 u BC TG, p. 80.

(31)  IMO MEPC.(210)63, taqsima 3.4.3.4.1, p. 32 u BC TG, pp.82-83.

(32)  IMO MEPC.(210)63, taqsima 3.4.3.5 Likwidi perikolużi, residwi u sedimenti (bħal żejt, sentina u ilma tas-saborra), p. 32 u BC TG, p. 81.

(33)  ĠU L 330, 16.12.2009, p.28.

(34)  Il-Gwida tal-BCS tal-2013, p. 17.

(35)  Il-Gwida tal-BCS tal-2013, p. 15.

(36)  BC TG, p. 68.

(37)  Il-Gwida tal-BCS tal-2013, p. 16.

(38)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 37.

(39)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 36.

(40)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 36.

(41)  Skont l-Artikolu 13(1)(h) tar-Regolament (il-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti tiżgura aċċess rapidu għal tagħmir ta’ reazzjoni f’każ ta’ emerġenza, bħal tagħmir u vetturi tat-tifi tan-nar, ambulanzi u cranes, għall-bastimenti u fiż-żoni kollha tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti), faċilitajiet fejn il-vetturi ta’ emerġenza ma jistgħux jipparkjaw maġenb il-bastiment innifsu (“il-bastiment”) jew maġenb il-passarella tal-ħruġ, pereżempju minħabba art imxarrba, instabbli u mhux adegwata għall-mogħdija ta’ vetturi, mhumiex konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament.

(42)  ILO SHG, pp.138-140.

(43)  OMI MEPC.(210)63, taqsima 3.3.4.9, p. 20.

(44)  OMI MEPC.(210)63, taqsima 3.4.2.6§3.

(45)  OMI MEPC.(210)63, taqsima 3.2.6: “Fejn materjal jew skart jitneħħa mill-Faċilità tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti għal aktar ipproċessar u/jew rimi, l-SRFP għandha tipprovdi dettalji dwar il-proċeduri li jkunu sejrin jintużaw biex jiġi żgurat li jkunu trasferiti biss lejn faċilità li hija awtorizzata tittrattahom u/jew tarmihom b’mod ambjentalment korrett.

(46)  Għal aktar tagħrif, ara: http://www.basel.int/Implementation/TechnicalMatters/DevelopmentofTechnicalGuidelines/AdoptedTechnicalGuidelines/tabid/2376/Default.aspx.

(47)  Għal aktar tagħrif, ara: http://www.basel.int/Implementation/CountryLedInitiative/EnvironmentallySoundManagement/ESMFramework/tabid/3616/Default.aspx

(48)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(49)  ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.

(50)  ĠU L 332, 28.12.2000, p. 91.

(51)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

(52)  ĠU L 243, 24.9.1996, p. 31.

(53)  ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1.

(54)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24.

(55)  Ara l-Artikolu 13(1)(b), l-Artikolu 13(1)(d)(i) u l-Artikolu 13(1)(i).

(56)  IMO MEPC.(210)63, taqsima 3.3.1, p. 11.

(57)  IMO MEPC.(210)63, taqsima 3.3.6§6, p. 23.

(58)  IMO MEPC.210(63), taqsima 3.3.2.

(59)  L-Artikolu 3(1)13 tar-Regolament.

(60)  L-Artikolu 3(3) tar-Regolament.

(61)  Definizzjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18).

(62)  OMI MEPC.(210)63, taqsima 3.3.4.10, p. 21.

(63)  ILO SHG, taqsima 15, p. 122.

(64)  ILO SHG, taqsima 14, pp.117-121.

(65)  IMO MEPC.(210)63, taqsima 3.1.2, p. 8.

(66)  IMO MEPC.(210)63, taqsima 3.3.6§7, p. 23.

(67)  IMO MEPC.(210)63, taqsima 3.1.4, p. 9.

(68)  ILO SHG, taqsima 5, pp.34-40 u l-Anness I (Is-sorveljanza tas-saħħa tal-ħaddiema) taqsima 4, pp.150-151.

(69)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(70)  ISO/IEC 17020:2012, Rekwiżiti ġenerali għat-tħaddim ta’ diversi tipi ta’ korpi li jwettqu l-ispezzjoni

(71)  Lista’ ta’ korpi bħal dawn tinsab fuq http://www.european-accreditation.org/mla-and-bla-signatories#6 u https://www.ilac.org/documents/mra_signatories.pdf

(72)  L-Art. 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jipprevedi li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jirrikonoxxu l-ekwivalenza tas-servizzi mwasslin minn dawk il-korpi ta’ akkreditazzjoni li jkunu temmew b’suċċess evalwazzjoni bejn il-pari, u b’hekk jaċċettaw iċ-ċertifikati ta’ akkreditazzjoni ta’ dawk il-korpi u l-attestazzjonijiet maħruġin mill-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità akkreditati lilhom.


ANNESS 1

Kopja taċ-ċertifikazzjoni minn Verifikatur Indipendenti

Image

Test ta 'immaġni

ISEM IL-VERIFIKATUR (LOGO)

Indirizz

ĊERTIFIKAT TA’ KONFORMITÀ

Nru

___(Isem il-Verifikatur)___, akkreditat li jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ ISO/IEC 17020___ minn___(Isem il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni) (1), jiċċertifika li:

(Isem il-Faċilità ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti)

(Indirizz tal-Faċilità)

tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE u għaldaqstant jinħareġ iċ-ċertifikat.

Minn___(jj/xx/ssss)___ sa ___(jj/xx/ssss) twettqet verifika fuq il-post li matulha ġiet ivverifikata l-konformità mar-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 13. Ir-riżultati ta’ din il-verifika u l-eżami tad-dokumentazzjoni u tar-reġistri rilevanti tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti kienu sodisfaċenti.

___(Isem il-Verifikatur)___ jiddikjara li huwa indipendenti mill-kumpanija għar-riċiklaġġ tal-bastimenti proprjetarja tal-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti jew mill-faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti ddikjarata aktar ‘il fuq, u li wettaq l-attivitajiet meħtieġa skont ir-Regolament fl-interess pubbliku. (Isem il-Verifikatur) u kull parti tal-entità ġuridika tiegħu jiddikjaraw ukoll li la huma kumpanija għar-riċiklaġġ tal-bastimenti u lanqas is-sid ta’ faċilità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti, u li ma għandhomx relazzjoni mal-kumpanija ddikjarata aktar ‘il fuq li tista’ taffettwa l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom.

Iċ-ċertifikat maħruġ fi: _________________

Data tal-ħruġ: ___(jj/xx/ssss)___

Data tal-iskadenza (2): ___(jj/xx/ssss)___

Firma: ______________________________

(1) Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni irid ikun firmatarju tal-Arranġament ta’ Rikonoxximent Reċiproku tal-ILAC għall-ispezzjoni jew irid ikun maħtur minn Stat Membru tal-UE f’konformità mal-prinċipji ġenerali li jinsabu fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008

(2) Iċ-ċertifikat għandu joħroġ għal perjodu li ma jkunx aktar minn ħames snin


ANNESS 2

Sorsi u referenzi esterni

OMI, “Il-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Ħong Kong għar-riċiklaġġ tal-bastimenti sikur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, 2009”

http://ec.europa.eu/environment/waste/ships/pdf/Convention.pdf

OMI, ir-Riżoluzzjoni MEPC.211(63) adottata fit-2 ta’ Marzu 2012, “Linji Gwida għall-awtorizzazzjoni tal-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti tal-2012”

http://www.imo.org/OurWork/Environment/ShipRecycling/Documents/211(63).pdf

OMI, ir-Riżoluzzjoni MEPC.211(63) adottata fit-2 ta’ Marzu 2012, “Linji Gwida dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti li Jkun Sikur u li Jħares l-Ambjent tal-2012”.

http://www.imo.org/OurWork/Environment/ShipRecycling/Documents/210(63).pdf

ILO, “Is-sigurtà u s-saħħa fid-demolizzjoni tal-bastimenti: Linji Gwida għall-pajjiżi Asjatiċi u għat-Turkija”, 2004

http://ilo.org/safework/info/standards-and-instruments/codes/WCMS_107689/lang--en/index.htm

(Dan id-dokument huwa disponibbli wkoll bil-Franċiż, bl-Ispanjol, biċ-Ċiniż, bil-Bengali u bil-Ħindi)

Il-Konvenzjoni ta’ Basilea, “Linji Gwida Tekniċi għall-Ġestjoni Soda tal-Ambjent taż-Żarmar Sħiħ u Parzjali tal-Bastimenti”

http://www.basel.int/Portals/4/Basel%20Convention/docs/meetings/sbc/workdoc/techgships-e.pdf

Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, “Gwida għall-awtoritajiet kompetenti ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti”, tal-4 ta’ Awwissu 2013

http://www.basel.int/Portals/4/download.aspx?d=UNEP-CHW-SHIPS-GUID-CompetentAuthorities.English.pdf.