Brussell, 10.1.2017

SWD(2016) 442 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jintroduċi e-Card Ewropea tas-servizzi u l-faċilitajiet amministrattivi rrelatati

{COM(2016) 824 final}
{SWD(2016) 439 final}


Sommarju Eżekuttiv

Il-valutazzjoni tal-impatt dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jintroduċi e-Card Ewropea tas-servizzi u l-faċilitajiet amministrattivi rrelatati.

A. Hemm bżonn ta’ azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

Għadd ta’ setturi tas-servizzi qed ikomplu juru nuqqas ta’ integrazzjoni tas-suq intern. Dan huwa l-każ b’mod partikolari għas-servizzi tal-bini u diversi servizzi tan-negozju. L-ewwel nett, teżisti kumplessità amministrattiva meta l-fornituri ta' servizz jmorru lil hinn mill-fruntiera. It-tieni nett, hemm nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni strutturati sew skont id-Direttiva dwar is-Servizzi. It-tielet nett, l-SMEs ta’ spiss jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jiksbu l-kopertura tal-assigurazzjoni meħtieġa għal attivitajiet fi Stati Membri oħra. Fl-aħħar nett, l-ambjent regolatorju fl-Istati Membri għadu ferm diverġenti għal numru ta’ servizzi tan-negozju. Bħala riżultat ta’ dawn l-ostakoli, huma biss ftit il-fornituri ta’ servizzi li jipprovdu servizzi transfruntiera jew li jistabbilixxu stabbilimenti sekondarji. Il-kompetizzjoni f’dawn is-swieq baqgħet limitata, u dan iwassal għal allokazzjoni ineffiċjenti tar-riżorsi, għażla limitata għall-konsumaturi u prezzijiet għoljin. Minħabba effetti sekondarji kbar, prestazzjoni iktar baxxa minn servizzi tan-negozju ġġorr ukoll kost importanti mil-lat ta’ kompetitività tal-ekonomija industrijali tal-UE. Il-progress li sar mill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva dwar is-Servizzi naqas – u f’xi każijiet saħansitra mar lura matul dawn l-aħħar snin mingħajr ebda sinjali ta’ rkupru.

X’inhu mistenni li tikseb din l-inizjattiva?

L-għanijiet ġenerali ta’ din l-inizjattiva huma li ttejjeb l-integrazzjoni tas-suq fis-servizzi tan-negozju u tal-bini u ttejjeb it-tkabbir tal-produttività fiż-żewġ setturi. L-għanijiet speċifiċi ta' din l-inizjattiva huma li:

Jkun aktar faċli u orħos għall-kumpaniji li jipprovdu servizzi fi Stati Membri oħra;

Tispira aktar fiduċja fis-suq minn fornituri ta’ servizzi barranin billi żżid it-trasparenza u l-informazzjoni disponibbli;

Tinjetta żieda fid-dinamika tas-suq u tal-kompetizzjoni li twassal għal aktar għażla u prezzijiet orħos għall-konsumaturi, inklużi dawk li huma klijenti industrijali.

X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE? 

Il-kuntest attwali huwa kkaratterizzat minn nuqqas ta’ fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali komuni u l-interessi qawwijin involuti fil-livell nazzjonali, minħabba li l-Istati Membri qed jibqgħu jimponu r-rekwiżiti nazzjonali tagħhom fuq il-fornituri li jdaħħlu s-servizzi bi ftit li xejn attenzjoni lill-qafas regolatorju li diġà jkun ġie applikat mill-fornituri ta’ servizzi f’pajjiżhom. L-azzjoni tal-UE tiżgura li l-fornituri ta' servizzi jistgħu jibbenefikaw minn approċċ konsistenti u koerenti madwar l-Istati Membri biex jespandu lil hinn mill-fruntieri. L-azzjoni fil-livell tal-UE tista’ ġġib flimkien l-awtoritajiet nazzjonali u tgħin biex tiżdied il-fiduċja bejniethom.

B. Soluzzjonijiet

Liema huma l-għażliet ta’ politika leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi li ġew ikkunsidrati? Teżisti xi għażla preferuta, jew le? Għaliex? 

Fil-valutazzjoni tal-impatt ġew deskritti firxa ta’ għażliet ta’ politika. Barra minn hekk, tqiesu għadd ta’ pakketti bil-kombinazzjoni ta’ dawn l-għażliet ta’ politika:

Il-pakkett numru 1 jippermetti lill-fornitur ta' servizz sabiex jikseb ċertifikat dwar l-istabbiliment legali fl-Istat Membru tad-domiċilju u l-konferma ta’ kopertura tal-assigurazzjoni għal attivitajiet eżistenti fl-Istat Membru tad-domiċilju;

Il-pakkett numru 2 jippermetti lill-fornituri ta' servizz sabiex jużaw proċedura Ewropea sabiex fil-fatt ikunu jistgħu jiksbu aċċess għas-suq ta’ Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, dan jindirizza l-ostakoli prattiċi relatati mal-assigurazzjoni f’sitwazzjonijiet transfruntiera;

Il-pakketti numri 2 u 3 flimkien għandhom inaqqsu d-differenzi regolatorji f’numru ta’ servizzi kummerċjali permezz tal-armonizzazzjoni tal-ostakli regolatorji għal fornituri ta’ servizzi barranin u domestiċi;

Il-pakkett numru 4 flimkien mal-pakkett numru 3 għandu jintroduċi soluzzjonijiet speċifiċi biex jindirizzaw id-differenzi regolatorji fil-każ ta’ stabbiliment sekondarju (fergħat u aġenziji), u b’hekk jeżentaw fornituri ta’ servizzi barranin minn ċerti rekwiżiti filwaqt li jippermettu lill-Istat Membru ospitanti sabiex idaħħal salvagwardji alternattivi.

Il-pakkett 2 qed jitqies bħala l-għażla ppreferuta.

Min jaqbel ma’ liema għażla? 

Il-Kummissjoni involviet ruħha b’mod estensiv mal-partijiet interessati u l-Istati Membri matul l-aħħar snin. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati mis-settur tas-servizzi tan-negozju, kemm jekk fornituri ta' servizzi, organizzazzjonijiet tan-negozju jew organizzazzjonijiet oħra, esprimew appoġġ għal soluzzjonijiet meħuda fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-ostakli. Xi klijenti industrijali tas-servizzi tan-negozju huma wkoll favur iż-żieda fl-effiċjenza tas-settur. Għadd ta’ partijiet interessati fis-settur tal-bini kellhom aktar riżervi, li jissuġġerixxu li fin-natura tiegħu, il-bini huwa attività essenzjalment lokali.

C. L-impatti tal-għażla ppreferuta

X'inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)? 

B’mod ġenerali, il-pakkett 2 huwa mistenni li jkollu impatt sinifikanti u pożittiv billi jnaqqas l-ostakli amministrattivi b’mod komprensiv għall-fornituri ta' servizzi transfruntiera u jipprovdi informazzjoni addizzjonali u trasparenza għall-konsumaturi. Dan il-pakkett għalhekk huwa mistenni li jwassal għal iffrankar sinifikanti tal-ispejjeż għall-fornituri ta' servizzi transfruntiera. Dan għandu jiġġenera żieda fid-dinamika tas-suq u fil-livelli tal-kompetizzjoni, u b’hekk tiżdied l-għażla u l-valur miżjud għall-konsumaturi.

X'inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)? 

Il-pakkett numru 2 mhuwiex mistenni li joħloq spejjeż addizzjonali għall-fornituri ta' servizzi u tal-konsumaturi. Il-e-Card Ewropea tas-servizzi ma għandhiex tkun obbligatorja għall-fornituri ta' servizzi, iżda pjuttost għodda volontarja disponibbli fl-Istati Membri kollha.

Kif se jiġu affettwati n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

L-inizjattiva hija mmirata speċifikament lejn l-SMEs, peress li huma l-aktar affettwati mill-kumplessità amministrattiva meta jkunu qed jespandu barra minn pajjiżhom. Hija se tipprovdi punt uniku ta’ servizz għall-fornituri fis-setturi tas-servizzi tan-negozju u tal-bini, filwaqt li żżid iċ-ċertezza legali dwar ir-rekwiżiti applikabbli għalihom. Tnaqqis fil-piż amministrattiv jippermetti li jiffrankaw il-ħin u l-ispejjeż meta jmorru lil hinn mill-fruntiera.

Se jkun hemm impatti sinifikanti  fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Il-pakkett numru 2 għandu jiġġenera spejjeż limitati għall-awtoritajiet tal-Istati Membri. Dawn m’għandhomx jaqbżu ż-2 miljun EUR kull sena fl-Istati Membri kollha. Is-Sistema tal-Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) eżistenti — stabbilita, ġestita u ffinanzjata mill-Kummissjoni — se sservi bħala l-back office tal-e-Card Ewropea tas-servizzi.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti oħra? 

Il-pakkett numru 2 għandu jkollu firxa ta’ impatti pożittivi relatati mat-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-fornituri ta' servizzi, mat-titjib tal-funzjonament tas-suq uniku, maż-żieda fil-kompetizzjoni u fil-kompetittività tas-setturi tas-servizzi u mal-ħolqien ta’ iktar għażla għall-konsumaturi. Għandha wkoll tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fi ħdan qafas proċedurali ċar bil-għan li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ rekwiżiti ssodisfati diġà fl-Istat Membru tal-oriġini, meta applikabbli.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-Kummissjoni se ssegwi d-djalogu regolari tagħha mal-Istati Membri u l-partijiet interessati. Fit-terminu qasir sa twil l-Istati Membri se jkunu mistiedna jevalwaw il-funzjonament tal-inizjattiva, li jinvolvi wkoll, meta applikabbli, l-imsieħba soċjali nazzjonali (b’mod partikolari fis-settur tal-bini). Rapport ta’ evalwazzjoni jista’ jinħareġ tliet (3) snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni.