Brussell, 23.11.2016

COM(2016) 853 final

2016/0363(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta’ dejn mhux garantiti fil-ġerarkija tal-insolvenza

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2016) 377}
{SWD(2016) 378}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-emendi proposti fid-Direttiva 2014/59/UE (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek jew il-BRRD (Bank Recovery and Resolution Directive)) huma parti minn pakkett leġiżlattiv li jinkludi wkoll emendi fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital jew is-CRR (Capital Requirements Regulation)), fid-Direttiva 2013/36/UE (id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital jew is-CRD (Capital Requirements Directive)) u fir-Regolament (UE) Nru 806/2014 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni jew l-SRMR (Single Resolution Mechanism Regulation)).

Matul dawn l-aħħar snin, l-UE implimentat riforma sostanzjali fil-qafas regolatorju tas-servizzi finanzjarji biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma bbażati fuq l-istandards globali miftiehem mas-sħab internazzjonali tal-UE. B’mod partikolari, il-pakkett ta’ riforma inkluda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital jew is-CRR) u d-Direttiva 2013/36/UE (id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital jew is-CRD), dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet u s-sorveljanza tal-istituzzjonijiet, id-Direttiva 2014/59/UE (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek jew il-BRRD) dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM - Single Resolution Mechanism).

Dawn il-miżuri ttieħdu b’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja li żviluppat fl-2007-2008. In-nuqqas ta’ oqfsa adegwati għall-ġestjoni u għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet ġiegħlu lill-gvernijiet madwar id-dinja biex wara l-kriżi finanzjarja jsalvaw il-banek. L-impatt sussegwenti fuq il-finanzi pubbliċi kif ukoll l-inċentiv mhux mixtieq meta jiġi soċjalizzat il-falliment tal-banek enfasizzaw li huwa meħtieġ approċċ differenti għall-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u sabiex tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja.

Fl-Unjoni, f'konformità mal-passi sinifikanti li ttieħdu f’fora internazzjonali, id-Direttiva 2014/59/UE (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD) 1 u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRMR) 2 stabbilixxew qafas robust ta’ riżoluzzjoni bankarja għall-ġestjoni effettiva tal-kriżijiet bankarji u sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv tagħhom fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-finanzi pubbliċi. "Ir-rikapitalizzazzjoni interna" hija għodda fondamentali f'qafas ta’ riżoluzzjoni b’saħħtu, li tikkonsisti fi tniżżil fil-valur tad-dejn jew fil-qlib ta' pretensjonijiet tad-dejn jew obbligazzjonijiet oħra għal ekwità, skont ġerarkija definita minn qabel. L-għodda tista’ tintuża biex tassorbi t-telf ta' istituzzjoni li qed tfalli jew li probabbilment tfalli, jew biex din tiġi rikapitalizzata internament, b’tali mod li terġa' tkun vijabbli. Għaldaqstant, l-azzjonisti u kredituri oħra se jkollhom iġorru l-piż tal-falliment ta’ istituzzjoni minflok il-kontribwenti.

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-BRRD huwa li jiffaċilita l-assorbiment tat-telf tas-settur privat f’każ ta’ kriżi bankarja. Biex jintlaħaq dan l-għan, il-banek kollha huma obbligati li jissodisfaw ir-Rekwiżit Minimu għall-Fondi Proprji u l-Obbligazzjonijiet Eliġibbli (MREL - Minimum Requirement for Own Funds and Eligible Liabilities) sabiex jiġi żgurat li jkun hemm disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji għat-tniżżil fil-valur jew għall-qlib f’ekwità. Skont il-BRRD, il-MREL ġeneralment ma jimponix is-subordinazzjoni obbligatorja tal-istrumenti eliġibbli għal-MREL. Dan ifisser fil-prattika, li obbligazzjoni eliġibbli għall-MREL tista' tiġi kklassifikata f’insolvenza fl-istess livell (pari passu) ta' ċerti obbligazzjonijiet oħra li mhumiex rikapitalizzabbli internament f'konformità mal-BRRD, bħalma huma l-obligazzjonijiet operattivi bħas-self interbankarju fuq medda qasira ta’ żmien, jew ċerti obbligazzjonijiet oħra li huma rikapitalizzabbli internament li madankollu jistgħu jiġu esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna fuq bażi diskrezzjonali jekk l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tiġġustifika li huwa diffiċli li dawn jiġu rikapitalizzati internament għal raġunijiet ta’ eżekuzzjoni operazzjonali jew minħaba r-riskju ta’ kontaġju sistemiku (pereż. id-derivattivi). Dan jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet fejn id-detenturi ta' bonds li jkunu rikapitalizzati internament jistgħu jsostnu li ġew ittrattati agħar f'każ ta' riżoluzzjoni meta mqabbel ma' insolvenza ipotetika. F’każ bħal dan, ikun jenħtieġ li dawn jiġu kkumpensati b’mezzi finanzjarji mill-fond ta’ riżoluzzjoni. Sabiex jiġi evitat dan ir-riskju, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jistgħu jiddeċiedu li r-rekwiżit tal-MREL irid jintlaħaq bi strumenti li bħala insolvenza jikklassifikaw ruħhom taħt obbligazzjonijiet oħra li bil-liġi mhumiex rikapitalizzabbli internament, jew li huma diffiċli biex jiġu rikapitalizzati internament ("ir-rekwiżit ta' subordinazzjoni").

Fil-livell dinji, il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB - Financial Stability Board) ippubblika fid-9 ta’ Novembru 2015, id-Dokument ta' Kundizzjonijiet ("l-Istandard tat-TLAC") dwar il-Kapaċità Totali ta' Assorbiment tat-Telf (TLAC - Total Loss-absorbing Capacity) li ġie adottat ġimgħa wara s-Summit tal-G20 fit-Turkija 3 . L-istandard tat-TLAC jobbliga lill-banek dinjija ta' importanza sistemika (G-SIBs - global systemically important banks), identifikati bħala istituzzjonijiet dinjija ta' importanza sistemika (G-SIIs) fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li dawn ikollhom ammont suffiċjenti minimu ta’ obbligazzjonijiet (ir-rekwiżit minimu tat-TLAC) li għandhom kapaċità għolja li jassorbu t-telf (rikapitalizzabbli internament), sabiex jiġi żgurat l-assorbiment bla xkiel u b'ħeffa tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni li jkunu f’riżoluzzjoni. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-24 ta’ Novembru 2015 4 , il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva sal-aħħar ta’ din is-sena sabiex l-istandard tat-TLAC jista’ jiġi implimentat sal-iskadenza miftiehma tal-2019.

Din il-proposta tagħmel parti mill-isforzi tal-Kummissjoni biex timplimenta l-istandard tat-TLAC fl-Unjoni, flimkien ma’ għadd ieħor ta’ proposti oħra li jemendaw il-qafas eżistenti ta’ rkupru u ta' riżoluzzjoni tal-Unjoni.

Il-proposta tkopri speċifikament l-emendi mmirati għall-BRRD relatati mal-klassifikazzjoni tal-insolvenza għad-detenturi ta’ strumenti ta’ dejn maħruġa minn banek tal-Unjoni bl-għan li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-BRRD u tat-TLAC dwar il-kapaċità ta' assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek. Sabiex tissaħħaħ l-eżekuzzjoni operattiva u r-robustezza tas-setgħat tar-rikapitalizzazzjoni interna, u sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali, l-istandard tat-TLAC jimponi li l-obbligazzjonijiet jistgħu jkunu eliġibbli għat-TLAC jekk ikunu subordinati għal obbligazzjonijiet oħra biss, jiġifieri jekk jassorbu t-telf fl-insolvenza jew f’riżoluzzjoni qabel obbligazzjonijiet "bi preferenza" oħra li huma espliċitament esklużi minn mill-eliġibbiltà għat-TLAC, bħad-derivattivi, id-depożiti koperti jew l-obbligazzjonijiet ta’ taxxa. L-istandard tat-TLAC jipprevedi, għaldaqsatant, ir-rekwiżit ta' subordinazzjoni b'ċerti eżenzjonijiet, iżda mhux preskrittiv dwar il-mod kif dan jintlaħaq.

Ir-rekwiżit tat-TLAC li jkollu l-istrumenti subordinati kkombinati mal-potenzjal ta' talba diskrezzjonali mill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni tal-Unjoni biex jiġi ssodisfat il-MREL, anki bi strumenti subordinati, wassal lil xi Stati Membri biex jivvalutaw mill-ġdid il-klassifikazzjoni nazzjonali tal-insolvenza tagħhom. Għadd ta’ Stati Membri emendaw (jew qegħdin fil-proċess li jemendaw) il-klassifikazzjoni ta' insolvenza ta’ ċerti kredituri bankarji skont il-liġi nazzjonali tal-insolvenza tagħhom, biex il-possibilità ta' applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna tkun operattiva skont il-BRRD, sabiex jiġi żgurat li l-G-SIIs tagħhom jikkonformaw mar-"rekwiżit" ta’ subordinazzjoni tal-istandard tat-TLAC. Permezz ta' xi approċċi nazzjonali, l-istokk eżistenti ta’ dejn superjuri mhux garantit ġie subordinat b’effett immedjat sabiex il-banek ikunu jistgħu jikkonformaw ma’ kull rekwiżit li jkun qed jirriżulta mill-istandard tal-BRRD jew tat-TLAC. Permezz ta' approċċi oħra, il-banek ikun jeħtiġilhom joħorġu dejn ġdid, li jissodisfa l-kriterju tas-subordinazzjoni. Minħabba li r-regoli nazzjonali adottati sa issa jvarjaw b’mod sinifikanti, hemm qbil ġenerali fost il-partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri li l-approċċi diverġenti rigward il-klassifikazzjoni statutorja tal-insolvenza għall-kredituri bankarji joħolqu inċertezza kemm għall-emittenti kif ukoll għall-investituri, u jagħmlu l-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna iktar diffiċli għal istituzzjonijiet transkonfinali. Din l-inċertezza tista’ twassal ukoll għal distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-sens li d-detenturi ta’ dejn mhux garantit jistgħu jiġu trattati b’mod differenti fi Stati Membri differenti, u l-ispejjeż għall-banek biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-TLAC u tal-MREL jistgħu jkunu differenti minn Stat Membru għall-ieħor. Barra minn hekk, il-kredituri ta’ banek taħt reġimi ta' insolvenza nazzjonali diverġenti bħal dawn se jkunu trattati b’mod differenti ħafna meta jixtru strumenti ta’ dejn maħruġa minn banek li jaqgħu taħt reġimi nazzjonali differenti ta' ġerarkija għall-kredituri.

Minħabba r-raġunijiet ta’ hawn fuq, fir-Rapport tiegħu dwar l-Unjoni Bankarja 5 , il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti sabiex ikomplu jitnaqqsu r-riskji legali ta’ talbiet taħt il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur agħar, u fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2016 6 , l-ECOFIN talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposta dwar approċċ komuni għall-ġerarkija tal-kredituri bankarji.

Proposta speċifika dwar il-ġerarkija tal-kredituri bankarji hija ġġustifikata minħabba n-natura distinta tal-kwistjonijiet ikkonċernati u l-bżonn ta' malajr ta' regoli tal-Unjoni armonizzati, sabiex jiġu evitati aktar distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq intern. .

1.1.Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-qafas eżistenti tal-Unjoni għal riżoluzzjoni bankarja diġà jirrikjedi li l-banek kollha tal-Unjoni jkollhom ammont suffiċjenti ta’ obbligazzjonijiet li għandhom kapaċità għolja li jassorbu t-telf (rikapitalizzabbli internament) li jistgħu jiġu rikapitalizzati internament f’riżoluzzjoni bankarja. Bl-iffaċilitar tal-eżekuzzjoni tal-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna, permezz ta' konformità mar-rekwiżit ta' subordinazzjoni skont l-istandard tal-BRRD u tat-TLAC, il-proposta se ttejjeb l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti u se tgħin biex l-istandard tat-TLAC jiġi implimentat fl-Unjoni. Il-proposta hija għalhekk konsistenti mal-għan ġenerali tal-qafas tal-Unjoni għal riżoluzzjoni bankarja sabiex jitnaqqas l-appoġġ tal-kontribwenti f’riżoluzzjoni bankarja.

1.2.Il-konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija parti minn rieżami usa’ tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni li għandha l-għan li jitnaqqsu r-riskji fis-settur finanzjarju filwaqt li jiġi promoss il-finanzjament sostenibbli tal-attività ekonomika. Din hija kompletament konsistenti mal-għanijiet fundamentali tal-UE, jiġifieri li tiġi promossa l-istabbiltà finanzjarja, li jitnaqqas l-appoġġ tal-kontribwenti fir-risoluzzjoni tal-banek kif ukoll li tkun tikkontribwixxi għall-finanzjament sostenibbli tal-ekonomija.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

2.1.Bażi legali

Id-Direttiva proposta temenda direttiva eżistenti, il-BRRD. Il-bażi legali għal din il-proposta hija l-istess bħall-bażi legali tal-BRRD, li hija l-Artikolu 114 tat-TFUE. Din id-dispożizzjoni tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li bħala l-għan tagħhom għandhom l-istabbiliment u l-operat tas-suq intern.

Il-proposta tarmonizza l-liġijiet nazzjonali dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta' ditti ta’ investiment, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità ta’ assorbiment ta' telf u tar-rikapitalizzazzjoni tagħhom waqt riżoluzzjoni, sal-limitu meħtieġ biex jiġi żgurat li l-Istati Membri u l-banek tal-Unjoni jkollhom l-istess għodod u kapaċità biex jindirizzaw il-fallimenti bankarji skont l-istandards internazzjonali maqbula (l-istandard tat-TLAC).

Bit-twaqqif ta’ regoli armonizzati fis-suq intern dwar it-trattament ta’ ċerti kredituri bankarji waqt riżoluzzjoni, il-proposta tnaqqas b’mod konsiderevoli d-diverġenzi fir-regoli nazzjonali dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek, li jistgħu joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni tas-suq intern. Il-proposta għalhekk għandha bħala għan l-istabbiliment u l-operat tas-suq intern.

L-Artikolu 114 tat-TFUE huwa għalhekk il-bażi ġuridika xierqa.

2.2.Is-sussidjarjetà

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5.3 tat-TFUE, fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni.

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma impenjati li jimplimentaw il-qafas ta’ rkupru u ta' riżoluzzjoni tal-Unjoni, f’konformità mal-istandards internazzjonali. Fin-nuqqas ta’ xi azzjoni mill-Unjoni, l-Istati Membri jkun jeħtiġilhom jadottaw huma stess ir-regoli dwar it-trattament tal-kredituri bankarji waqt riżoluzzjoni, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna skont il-BRRD, kif ukoll biex jiġi implimentat l-istandard tat-TLAC miftiehem internazzjonalment. Minħabba regoli nazzjonali ferm diverġenti, il-banek u l-kredituri tagħhom (l-investituri) iridu jħabbtu wiċċhom mal-inċertezza tad-dritt u ma' spejjeż differenti u potenzjalment ogħla meta mqabbel ma’ x’kienet tkun is-sitwazzjoni li kieku kellha tittieħed azzjoni mill-Unjoni. L-azzjoni tal-Unjoni hija għaldaqstant mixtieqa biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna b’mod armonizzat f'konformità mal-istandard tat-TLAC dinji, sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-ispejjeż ta’ konformità tal-banek u tal-kredituri tagħhom filwaqt li tiġi żgurata riżoluzzjoni effikaċi f’każ li banek ifallu.

2.3.Proporzjonalità

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, b'konsistenza mal-għanijiet ġenerali tat-Trattati. Il-proposta ma taffettwax materjalment il-piż tal-banek biex jikkonformaw mar-regoli eżistenti rigward il-kapaċità ta' assorbiment ta’ telf u r-rikapitalizzazzjoni, u biex inaqqsu għall-minimu l-ispejjeż tagħhom ħalli jikkonformaw mal-istandard TLAC. Barra minn hekk, id-drittijiet tal-kredituri bankarji u tal-investituri fir-rigward tal-istokks eżistenti ta' dejn bankarju mhux se jiġu affettwati. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta huma għaldaqstant proporzjonali għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu.

3.IR-RIŻULTATI TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

3.1.Il-valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta, li hija parti minn pakkett ta' rieżamijiet usa’ tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni li għandha l-għan li tnaqqas ir-riskji fis-settur finanzjarju, kienet suġġetta għal valutazzjoni tal-impatt estensiva. L-abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt ġie ppreżentat fis-7 ta’ Settembru 2016 lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni 7 . Il-Bord l-ewwel ta' opinjoni negattiva. Wara ssaħħet il-bażi evidenzjata tal-elementi tal-pakkett ta’ rieżami, il-Bord ta' opinjoni pożittiva fis-27 ta’ Settembru 2016.

F’konformità mal-politika tagħha dwar "Regolamentazzjoni Aħjar", il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt ta' diversi alternattivi ta' politiki. L-għażliet ta' politika ġew ivvalutati fl-isfond tal-għanijiet ewlenin sabiex jissaħħu l-kapaċità tal-assorbiment ta’ telf u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek waqt riżoluzzjoni kif ukoll iċ-ċertezza legali u l-koerenza tal-qafas ta’ riżoluzzjoni. Il-valutazzjoni twettqet billi ttieħdu inkonsiderazzjoni l-effikaċja għall-ilħuq tal-għanijiet msemmijin hawn fuq u l-kosteffiċjenza għall-implimentazzjoni tal-għażliet politiċi differenti.

Il-valutazzjoni tal-impatt twarrab l-għażla li ma ssir l-ebda bidla fil-politika fir-rigward tal-ġerarkija tal-kredituri għall-insolvenza bankarja fl-Unjoni, peress li din l-għażla toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern għad-dejn superjuri mhux garantit tal-banek, peress li l-istatus differenti ta’ detenturi tad-dejn tal-banek fl-Istati Membri kollha jista’ jkollu impatt mhux uniformi fuq l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-banek. F’termini ta’ armonizzazzjoni, diversi għażliet sekondarji ġew ikkunsidrati 8 u l-valutazzjoni tal-impatt tikkonkludi li l-ħolqien ta’ klassi superjuri "mhux bi preferenza" speċifika għad-dejn mhux garantit huwa l-aktar mod kosteffikaċi biex isseħħ konformità mar-rekwiżit ta' subordinazzjoni tal-istandard tat-TLAC għall-G-SIIs, u bl-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li skont x'ikun il-każ, jitolbu konformità mal-MREL permezz tad-dejn subordinat. Għall-kuntrarju tal-istrumenti tal-fondi proprji, strumenti ta’ dejn bħal dawn stegħu jiġu rikapitalizzati biss internament waqt riżoluzzjoni ta' bank, wara li kull strument tal-fondi proprji jitniżżel fil-valur jew jiġi kkonvertit, u qabel ir-rikapitalizzazzjoni interna ta' obbligazzjonijiet superjuri oħra. Il-vantaġġ ewlieni ta’ din l-għażla huwa li l-banek jistgħu jkomplu joħorġu (b'inqas spejjeż) dejn superjuri għal raġunijiet ta’ finanzjament jew operazzjonali, filwaqt li l-klassi l-ġdida ta’ dejn tista' tintuża prinċipalment għall-konformità mar-regoli dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni.

3.2.Drittijiet fundamentali

Din il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-drittijiet għall-proprjetà u l-libertà ta' intrapriża, u trid tiġi applikata f’konformità ma’ dawn id-drittijiet u l-prinċipji. B’mod partikolari, din id-Direttiva tiżgura li l-interferenza mad-drittijiet għall-proprjetà tal-kredituri bankarji ma tkunx sproporzjonata. Dan se jiżgura li l-kredituri affettwati ma jġarrbux iktar telf minn dak li kienu jsofru kieku l-istituzzjoni ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

5.1.Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta' monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar

Il-proposta tesiġi li l-Istati Membri jittrasponu l-emendi tal-BRRD fil-liġijiet nazzjonali tagħhom sa (Ġunju 2017) u tesiġi li l-banek jikkonformaw mar-regoli emendati, sa (Lulju 2017).

5.2.Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta temenda l-Artikolu 108 tal-BRRD billi parzjalment tarmonizzata l-ġerarkija tal-kredituri għall-insolvenza bankarja fir-rigward tal-klassifikazzjoni prijoritarja tad-detenturi ta’ dejn superjuri mhux garantit tal-banek eliġibbli biex jissodisfa r-regoli tal-BRRD u l-istandard tat-TLAC għall-assorbiment ta’ telf u għall-kapaċità ta' rikapitalizzazzjoni għall-banek, b’mod partikolari r-rekwiżit ta' "subordinazzjoni".

Id-dispożizzjoni l-ġdida żżomm il-kategorija eżistenti ta’ dejn superjuri filwaqt li toħloq klassi ġdida ta’ assi ta’ dejn superjuri "mhux bi preferenza" li għandu jiġi rikapitalizzat internament waqt riżoluzzjoni wara strumenti kapitali oħra biss, iżda qabel obbligazzjonijiet superjuri. L-istituzzjonijiet għandhom jibqgħu liberi li joħorġu d-dejn fiż-żewġ klassijiet filwaqt li l-klassi superjuri "mhux bi preferenza" biss tkun eliġibbli għar-rekwiżit minimu tat-TLAC jew għal kwalunkwe rekwiżit ta’ subordinazzjoni li jista’ jiġi impost mill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni skont x'ikun il-każ.

Id-Direttiva proposta ma għandhiex taffettwa l-istokks eżistenti tad-dejn tal-banek u l-klassifikazzjoni statutorja tagħhom f’każ ta’ insolvenza, u se tiġi applikata għal kull ħruġ tad-dejn bankarju wara d-data tal-applikazzjoni tagħha. Fir-rigward ta’ strumenti ta’ dejn maħruġa qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva msemmija fl-Artikolu 2(1) (Lulju 2017), il-klassifikazzjoni ta’ insolvenza tagħhom għandha tiġi rregolata mil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri kif ġew adottati fil-(31 ta’ Diċembru 2016).

Id-Direttiva proposta tobbliga lill-Istat Membri li jittrasponuha sa (Ġunju 2017), u d-data ta' applikazzjoni tagħha hija ffissata għal (Lulju 2017).

2016/0363 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta’ dejn mhux garantiti fil-ġerarkija tal-insolvenza

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 9

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 10 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) ippubblika d-Dokument ta' Kundizzjonijiet ("l-Istandard tat-TLAC") tal-Kapaċità Totali ta' Assorbiment tat-Telf (TLAC) fid-9 ta’ Novembru 2015, li ġie approvat mill-G-20 f’Novembru 2015. L-istandard tat-TLAC jobbliga lill-banek dinjija ta' importanza sistemika (G-SIBs), identifikati bħala istituzzjonijiet dinjija ta' importanza sistemika (G-SIIs) fil-qafas tal-Unjoni, li jkollhom ammont suffiċjenti minimu ta’ obbligazzjonijiet li għandhom kapaċità għolja li jassorbu t-telf (rikapitalizzabbli internament), sabiex jiġu żgurati l-assorbiment bla xkiel u b'ħeffa tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni li jkunu f’riżoluzzjoni. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-24 ta’ Novembru 2015 11 , il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva sal-aħħar tal-2016 li tippermetti li l-istandard tat-TLAC jiġi implimentat sal-iskadenza miftiehma internazzjonalment tal-2019.

(2)L-implimentazzjoni tal-istandard tat-TLAC fl-Unjoni trid tieħu inkonsiderazzjoni tar-rekwiżit minimu eżistenti għall-fondi proprji u l-obligazzjonijiet eleġibbli ("MREL"), speċifiku għal istituzzjoni, u applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment kollha tal-Unjoni kif stabbilit fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 . Peress li t-TLAC u l-MREL għandhom l-istess għan li jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment tal-Unjoni jkollhom kapaċità suffiċjenti għall-assorbiment tat-telf, iż-żewġ rekwiżiti għandhom ikunu elementi kumplimentari f'qafas komuni. Mil-lat operazzjonali, il-livell minimu armonizzat tal-istandard tat-TLAC għall-G-SIIs (ir-rekwiżiti minimu tat-TLAC") għandu jiġi introdott fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni permezz ta’ emendi fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 , filwaqt li żieda għall-G-SIIs speċifika għall-istituzzjoni u r-rekwiżit għan-non-G-SIIs speċifiku għall-istituzzjoni għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ emendi mmirati għad-Direttiva 2014/59/UE u għar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 . Id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ din id-Direttiva rigward il-klassifikazzjoni ta’ strumenti ta' dejn mhux garantit f’ġerarkija ta’ insolvenza huma kumplementari ma' partijiet tal-leġiżlazzjoni msemmija aktar 'il fuq u fid-Direttiva 2013/36/UE 15  

(3)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment ikollhom biżżejjed kapaċità għall-assorbiment tat-telf u għar-rikapitalizzazzjoni biex ikun żgurat l-assorbiment bla xkiel u malajr tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni waqt riżoluzzjoni, bl-inqas impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-kontribwenti. Dan għandu jintlaħaq permezz ta’ konformità kostanti mal-istituzzjonijiet tal-kreditu u mad-ditti ta’ investiment b'rekwiżit tat-TLAC minimu kif previst fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, u rekwiżit ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet permissibbli kif previst fid-Direttiva 2014/59/UE.

(4)L-istandard tat-TLAC, kif implimentat fid-dritt tal-Unjoni bir-Regolament (UE) Nru 575/2013, jistipula li l-G-SIIs jilħqu r-rekwiżit tat-TLAC minimu, b’ċerti eċċezzjonijiet, b'obbligazzjonijiet subordinati li jirriżultaw minn strumenti tad-dejn li f’insolvenza jikklassifikaw ruħhom taħt obbligazzjonijiet superjuri oħra ("ir-rekwiżit ta' subordinazzjoni"). Id-Direttiva 2014/59/UE tippermetti lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jitolbu, skont x'ikun il-każ, li l-G-SIIs u istituzzjonijiet oħra jissodisfaw ir-rekwiżit speċifiku għall-kumpanija tagħhom b'obbligazzjonijiet subordinati biex jittaffa r-riskju ta' proċeduri legali mill-kredituri abbażi tal-fatt li t-telf tagħhom waqt riżoluzzjoni jkun ogħla mit-telf li kienu jġarrbu fi proċeduri normali ta’ insolvenza.

(5)Għadd ta’ Stati Membri emendaw jew qegħdin fil-proċess li jemendaw il-klassifikazzjoni ta’ insolvenza ta’ dejn superjuri mhux garantit skont il-liġi nazzjonali ta' insolvenza tagħhom sabiex jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment tagħhom biex jikkonformaw mar-rekwiżit ta' subordinazzjoni kif previst fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2014/59/UE.

(6)Ir-regoli nazzjonali adottati sa issa jvarjaw b’mod sinifikanti. In-nuqqas ta’ regoli armonizzati tal-Unjoni joħloq inċertezza għall-istituzzjonijiet ta' ħruġ ta’ kreditu, għad-ditti tal-investiment u bl-istess mod għall-investituri, u jagħmel l-applikazzjoni tal-għodda għar-rikapitalizzazzjoni interna aktar diffiċli għall-istituzzjonijiet transkonfinali. Dan jirriżulta wkoll f’distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq intern minħabba li l-ispejjeż għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti ta’ investiment sabiex jikkonformaw mar-rekwiżit ta' subordinazzjoni stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2014/59/UE, kif ukoll l-ispejjeż imġarrba mill-investituri meta jixtru strumenti ta’ dejn maħruġin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment, jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli fl-Unjoni.

(7)Fir-Rapport tiegħu dwar l-Unjoni Bankarja, il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti sabiex ikomplu jitnaqqsu r-riskji legali ta’ talbiet taħt il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur agħar, u fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2016 16 , il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta dwar approċċ komuni għall-ġerarkija tal-kredituri bankarji sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt f'każ ta' riżoluzzjoni.

(8)Għaldaqstant huwa meħtieġ li jitneħħew l-ostakli kbar fil-funzjonament tas-suq intern u li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ regoli armonizzati tal-Unjoni dwar il-ġerarkija tal-kredituri bankarji, u li jiġi impedut li fil-futur jinħolqu ostakoli u distorsjonijiet bħal dawn. Konsegwentement, il-bażi legali xierqa għal din id-Direttiva għandha tkun l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif interpretat f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(9)Sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun possibbli l-ispejjeż ta' konformità għar-rekwiżit ta' subordinazzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti ta’ investiment, kif ukoll kull impatt negattiv fuq l-ispejjeż għall-finanzjament tagħhom, din id-Direttiva għandha tippermettilhom lill-Istati Membri li jżommu l-klassi eżistenti ta’ dejn superjuri mhux garantit, li jkollu l-ogħla klassifikazzjoni ta' insolvenza fost l-istrumenti ta’ dejn u jkun jiswa inqas minn kull obbligu subordinat ieħor biex l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment joħorġuh. Madankollu għandha tobbliga lill-Istati Membri biex joħolqu klassi ġdida ta' assi ta’ dejn superjuri "mhux bi preferenza" li għandu jiġi rikapitalizzat internament waqt riżoluzzjoni wara strumenti kapitali oħra biss, iżda qabel obbligazzjonijiet oħra superjuri. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment għandhom jibqgħu liberi li joħorġu d-dejn fiż-żewġ klassijiet filwaqt li l-klassi superjuri "mhux bi preferenza" biss għandha tkun eliġibbli biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta' subordinazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u tad-Direttiva 2014/59/UE. Dan għandu jippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lid-ditti ta’ investiment biex jużaw l-orħos dejn superjuri għall-finanzjament tagħhom jew għal kull raġuni operattiva oħra, filwaqt li għall-konformità mar-rekwiżit ta' subordinazzjoni joħorġu l-klassi superjuri "mhux bi preferenza" l-ġdida.

(10)Biex jiġi żgurat li l-klassi superjuri "mhux bi preferenza" l-ġdida tal-istrumenti tad-dejn tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u tad-Direttiva 2014/59/UE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maturità kuntrattwali inizjali tagħhom iddum għal sena, li ma għandhom l-ebda karatteristika tad-derivatttivi, u li d-dokumentazzjoni kuntrattwali rilevanti li tirrigwarda l-ħruġ tagħhom tirreferi b’mod espliċitu għal-klassifikazzjoni tagħhom skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

(11)Biex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-investituri, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istrumenti standard tad-dejn superjuri jkollhom klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla fil-liġijiet ta’ insolvenza nazzjonali tagħhom mill-istrumenti ta' dejn fil-klassi superjuri l-ġdida "mhux bi preferenza" taħt proċeduri normali ta’ insolvenza. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-klassi superjuri "mhux bi preferenza" l-ġdida tal-istrumenti jkollha klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla mill-klassifikazzjoni ta' prijorità tal-istrumenti tal-fondi proprji jew ta' xi obbligazzjoni subordinata oħra u li, għall-kuntrarju ta' strumenti jew obbligazzjonijiet bħal dawn, il-klassi superjuri "mhux bi preferenza" tal-istrumenti ta’ dejn jistgħu biss jiġu rikapitalizzati internament meta l-istituzzjoni emittenti titqiegħed taħt riżoluzzjoni.

(12)Ġaladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli uniformi għall-ġerarkija tal-kredituri bankarji tal-Unjoni li jirrigwardaw il-qafas tal-Unjoni għall-irkupru u r-riżoluzzjoni, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(13)Huwa xieraq li l-emendi tad-Direttiva 2014/59/UE, previsti f’din id-Direttiva, japplikaw għall-obbligazzjonijiet li jinħarġu fid-data ta' meta tibda tapplika din id-Direttiva jew dawk li jinħarġu warajha, u għall-obbligazzjonijiet li jkunu għadhom pendenti f’din id-data. Madankollu, għal skopijiet ta’ ċertezza legali u sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ tranżizzjoni kemm jista’ jkun, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trattament tal-obbligazzjonijet pendenti kollha li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment ikunu ħarġu qabel din id-data jkunu rregolati mil-liġijiet tal-Istati Membri kif ġew adottati fil-(31 ta' Diċembru 2016). L-obbligazzjonijiet pendenti għandhom ikomplu jkunu soġġetti għar-rekwiżiti regolatorji stabbiliti fid-Direttiva 2014/59/UE u fil-liġi nazzjonali rilevanti fil-verżjoni li kienet adottata fil-(31 ta’ Diċembru 2016).

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2014/59/UE

1.Il-kliem "ta' depożiti" jitħassru mit-titolu tal-Artikolu 108 u l-kliem "mhux preferuti" jitħassru mill-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108.

2.Il-paragrafi li ġejjin jiżdiedu fit-tarf tal-Artikolu 108:

"2.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-entitajiet imsemmijin fil-punti (a), (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1), pretensjonijiet mhux garantiti ordinarji li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn bl-ogħla klassifikazzjoni ta' prijorità fost l-istrumenti tad-dejn fil-liġi nazzjonali li tirregola l-proċedimenti ta’ insolvenza normali jkollhom klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla minn dik ta’ pretensjonijiet mhux garantiti li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-maturità kuntrattwali inizjali ta’ strumenti ta’ dejn iddum għal sena;

(b)ma jkollhom l-ebda karatteristika tad-derivattivi;

(c)id-dokumentazzjoni kuntrattwali rilevanti relatata mal-ħruġ tirreferi b’mod espliċitu għall-klassifikazzjoni ta' dan is-subparagrafu.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pretensjonijiet mhux garantiti ordinarji li jirriżultaw mill-istrumenti ta’ dejn imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jkollhom klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla fil-liġi nazzjonali li tirregola l-proċedimenti ta’ insolvenza normali minn dawk il-pretensjonijiet fil-klassifikazzjoni ta’ prijorità li jirriżultaw mill-istrumenti msemmija fil-punti minn (a) sa (d) tal-Artikolu 48(1).

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet nazzjonali tagħhom li jirregolaw il-proċedimenti ta’ insolvenza normali, kif ġew adottati fil-(31 ta' Diċembru 2016), japplikaw għall-pretensjonijiet mhux garantiti ordinarji li jirriżultaw minn strumenti ta’ dejn maħruġa mill-entitajiet imsemmijin fil-punti (a), (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) qabel (id-data ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva – Lulju 2017)."

Artikolu 2
Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa (Ġunju 2017) il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw it-test ta' dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn il-miżuri minn (Lulju 2017).

2.Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

3.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Bankarja Ewropea t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3
Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4
Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta' investiment, ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.
(3) FSB, Principles on Loss-absorbing and Recapitalisation Capacity of Globally Systemically Important Banks (G-SIBs) in Resolution, Total Loss-absorbing Capacity (TLAC) Term sheet, 9.11.2015.
(4) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja" 24.11.2015, COM(2015) 587 final.
(5) Rapport dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali tal-2015 (2015/2221(INI)).
(6) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2016 dwar pjan direzzjonali sabiex titlesta l-Unjoni Bankarja: http://www.consilium.europa.eu/press-releases-pdf/2016/6/47244642837_en.pdf .
(7) Link għall-Valutazzjoni tal-Impatt u s-Sommarju tagħha.
(8) It-tliet għażliet sekondarji huma: (i) subordinazzjoni statutorja tad-dejn kollu mhux garantit b'effett retroattiv; (ii) il-ħolqien ta' kategorija ta' dejn superjuri mhux bi preferenza; (iii) preferenza statutorja għad-depożiti kollha vis-à-vis d-dejn superjuri.
(9) ĠU C , , p. .
(10) ĠU C , , p. .
(11) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja", 24.11.2015, COM(2015) 587 final
(12) Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190
(13) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1
(14) Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ta' ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u ta' Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1
(15) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338
(16) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2016 dwar pjan direzzjonali sabiex titlesta l-Unjoni Bankarja: http://www.consilium.europa.eu/press-releases-pdf/2016/6/47244642837_en.pdf