Brussell, 21.12.2016

COM(2016) 825 final

2016/0413(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-kontrolli fir-rigward tal-flus deħlin jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005

{SWD(2016) 470 final}
{SWD(2016) 471 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Din il-proposta tallinja r-Regolament dwar il-Kontrolli tal-Flus Kontanti (minn hawn ’il quddiem “CCR” - Cash Control Regulation) man-normi u mal-aħjar prattiki internazzjonali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Tindirizza l-oqsma li fihom evalwazzjoni tas-CCR identifikat lok ta’ titjib, u timplimenta għadd ta’ azzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu 1 .

L-ewwel CCR kien ġie adottat fl-2005 2 . Dan ir-Regolament kien jikkomplementa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus (minn hawn ’il quddiem: “AMLD” - Anti-Money Laundering Directive) 3 billi stabbilixxa sistema ta’ kontrolli li kienu japplikaw għall-persuni fiżiċi li jidħlu fl-Unjoni jew jitilqu minnha u li kienu jġorru l-flus kontanti jew strumenti negozjabbli għall-portatur ta’ valur ta’ EUR 10 000 jew iżjed. B’hekk, ir-Regolament implementa l-istandards internazzjonali tal-qasam kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari Rakkomandazzjoni tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus (minn hawn ’il quddiem “FATF” - Financial Action Task Force on Money Laundering) dwar il-kontrolli fuq il-moviment ta’ flus kontanti.

Fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni ta’ kemm l-ewwel CCR laħaq l-għanijiet tiegħu, fuq l-informazzjoni li waslet mingħand l-Istati Membri, u fuq l-evoluzzjoni tal-istandards internazzjonali għall-kontroll tal-moviment transfruntier tal-flus kontanti, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li filwaqt li r-Regolament kien ħadem tajjeb b’mod ġenerali, kien hemm xi oqsma fejn kien hemm il-problemi u dawn kellhom bżonn jissaħħu biex jittejjeb il-funzjonament tiegħu.

B’mod speċifiku, din il-proposta timmira li tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin:

1.    Il-kopertura imperfetta tal-movimenti transfruntiera tal-flus kontanti 

Ir-Regolament dwar il-Kontrolli tal-Flus Kontanti fis-seħħ bħalissa jeżiġi li l-persuni fiżiċi li jidħlu fl-UE u li jitilqu minnha u jkunu qegħdin iġorru EUR 10 000 jew iżjed, jiddikjarawhom. Madankollu, ma hemm ebda dispożizzjoni dwar il-flus li jintbagħtu bil-posta, jew b’konsenji tal-merkanzija jew permezz ta’ kurrier. L-awtoritajiet pubbliċi taw indikazzjonijiet li l-kriminali bdew jibagħtu u jirċievu l-flus kontanti b’dawn il-mezzi biex jevitaw l-obbligu li jagħmlu dikjarazzjoni skont is-CCR.

2.    Id-diffikultajiet li jsibu l-awtoritajiet biex jaqsmu l-informazzjoni bejniethom

Ir-Regolament dwar il-Kontrolli tal-Flus Kontanti attwali jitlob biss li d-dejta tad-dikjarazzjonijiet “titpoġġa għad-dispożizzjoni” tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (FIU - Financial Intelligence Unit) tal-Istat Membru fejn tkun inġabret. Dan ir-rekwiżit pjuttost passiv jista’ jiġi sodisfat sempliċiment billi l-formoli mimlijin tad-dikjarazzjonijiet jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-FIU biex jeżaminahom. Iżda mhuwiex biżżejjed li l-informazzjoni sempliċiment titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-FIU, għandha tintbagħtilhom, biex dawn ikunu jistgħu janalizzawha. Barra minn hekk, id-dejta tad-dikjarazzjonijiet tista’ tinqasam mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra biss jekk ikun hemm indikazzjonijiet ta’ xi attività illegali, u anki f’dan il-każ, din hija għażla, mhux obbligu. Minħabba f’hekk l-implimentazzjoni mhijiex konsistenti, u ftit hemm qsim ta’ dejta b’mod sistematiku.

3.    Hija impossibbli li l-awtoritajiet kompetenti jżommu l-ammonti li ma jilħqux il-limitu għal żmien temporanju

Is-CCR attwali ma jippermettix li l-awtoritajiet iżommu l-flus kontanti temporanjament meta josservaw movimenti ta’ ammonti taħt il-limitu li jkunu marbutin ma’ xi indikazzjoni ta’ attività illegali.

4.    Id-definizzjoni imperfetta ta’ “flus kontanti” 

Bi qbil mal-istandards internazzjonali, il-flus kontanti huma ddefiniti bħala “munita fiċ-ċirkolazzjoni bħala mezz ta’ kambju, jew strumenti negozjabbli għall-portatur”. Iżda kien hemm każi mmarkati meta l-kriminali ġarrew kwantitajiet sinifikanti ta’ komoditajiet likwidi ħafna, bħad-deheb, biex jittrasferixxu l-valur mingħajr ma jagħmlu dikjarazzjoni dwaru. Id-dikjarazzjoni standard tad-dwana ma tindirizzax tajjeb din il-kwistjoni billi ma titlobx dettalji dwar, pereżempju, l-oriġini ekonomika tal-flus kontanti jew l-iskop li għalih qegħdin jinġarru, u mhux dejjem tkun mitluba. Huwa ta’ importanza kruċjali wkoll li jitqies kif qiegħda l-ħin kollu tinbidel il-kriminalità u ż-żieda fiċ-ċiberkriminalità, fil-frodi online u fis-suq online illeċitu, li saru iżjed faċli minħabba l-iżvilupp tas-suq elettroniku tal-flus u l-prodotti li dan joffri, li għandhom fil-mira b’mod speċjali l-istrumenti tal-pagament imħallsa minn qabel. Jeħtieġ li d-definizzjoni tal-flus kontanti titwessa’ u ssir tinkludi dawn il-metodi ta’ pagament biex tingħalaq lakuna leġiżlattiva mmarkata u sostanzjata mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi 4 .

5.    Penali diversi fl-Istati Membri għan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni

Il-penali għal min jonqos milli jiddikjara l-flus kontanti jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Xi wħud jimponu penali żgħar ħafna, li mhumiex deterrent tajjeb, filwaqt li Stati Membri oħrajn jimponu penali għoljin tant li donnhom juru li jekk dak li jkun ma jiddikjarax il-flus kontanti, hemm assunzjoni awtomatika ta’ reat (li jkun għadu jrid jiġi stabbilit u għandu jkun l-oġġett ta’ investigazzjoni separata). Is-CCR attwali kien jeħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-penali li kien hemm fiż-żmien meta daħal hu fis-seħħ, iżda ma kienx jeżiġi li jinnotifikaw il-bidliet li jsiru wara dan.

6.    Livelli ta’ implimentazzjoni diversi bejn Stat Membru u ieħor

Skont is-CCR attwali, il-maġġoranza tal-Istati Membri jużaw l-istess formola tad-dikjarazzjoni b’mod volontarju, iżda dan mhuwiex obbligu. L-Istati Membri jipprovdu d-dejta statistika lill-Kummissjoni wkoll, iżda la dan ma jista’ jiġi nfurzat u lanqas il-livell ta’ dettal tad-dejta, u b’hekk jista’ jkun hemm il-problemi biex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti u biex tiġi evalwata l-effikaċja.

Teżisti problema oħra fejn jikkonċerna s-sensibilizzazzjoni ta’ dawk li jivvjaġġaw dwar l-obbligi tagħhom. Din is-sensibilizzazzjoni l-aħjar mod li ssir hu mill-Istati Membri stess, meta wieħed iqis il-ħtiġijiet u s-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom. Il-Kummissjoni se tirrifletti dwar x’inhu l-aħjar mod li jintlaħaq dan l-għan u se żżomm komunikazzjoni miftuħa mal-esperti nazzjonali tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni, u hija lesta li tgħin lill-Istati Membri bl-iżvilupp ta’ materjali xierqa.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti f’dan il-qasam ta’ politika

Din il-proposta għandha tinqara fil-kuntest tal-qafas tal-UE u internazzjonali tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Fil-livell internazzjonali, l-FATF, li fih il-Kummissjoni tirrappreżenta lill-Unjoni, jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet lid-diversi ġuriżdizzjonijiet dwar kif għandhom jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet mhumiex strumenti legali applikabbli direttament, iżda huma importanti: l-evalwazzjonijiet tal-konformità reċiproki tal-membri tal-FATF huma skrutinizzati fid-dettall u għandhom impatt kbir fuq ir-reputazzjoni. Ir-rakkomandazzjoni numru 32 tal-FATF tindirizza l-kwistjoni tal-moviment transfruntier tal-flus kontanti.

Fil-livell tal-UE ġew adottati diversi strumenti legali li jiffurmaw qafas effettiv biex jiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; dawn jinkludu:

     ir-Raba’ AMLD 5 , li tkopri l-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet tal-FATF;

     Ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi 6 , li jimplimenta r-Rakkomandazzjoni Speċjali VII tal-FATF dwar it-trasferimenti elettroniċi;

     Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern 7 (id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas), li flimkien mal-AMLD timplimenta r-Rakkomandazzjoni Speċjali VI tal-FATF dwar ir-rimessi alternattivi;

     Ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu 8 , li flimkien mar-Regolament (KE) Nru 881/2002 9 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida

B’mod ġenerali, fil-glieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu:

     l-AMLD tistabbilixxi qafas ta’ regoli rigward il-funzjonament tas-settur finanzjarju formali; u

     s-CCR jistabbilixxi qafas ta’ regoli komplementari li jipproteġu l-Unjoni kontra trasferimenti ta’ kontranti transfruntiera bejn il-fruntieri tal-UE ma’ barra l-UE minn dawk li jaħslu l-flus u li jiffinanzjaw it-terroriżmu li jippruvaw jevitaw il-kontrolli fuq is-sistema finanzjarja formali.

Il-konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta tikkonforma ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni u żżid magħhom, b’mod speċjali:

   l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (European Agenda on Security 10 ), li tenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u l-importanza tal-qsim tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari fost l-FIU (l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja);

   il-Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, li jelenka għadd ta’ inizjattivi ta’ politika u legali (fosthom din il-proposta) li għandhom jingħarfu bħala parti minn approċċ komprensiv f’dan il-qasam; kif ukoll

   il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu 11 , li fiha d-dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet kriminali fuq persuni jew entitajiet li jagħtu appoġġ materjali għat-terroriżmu.

-    Il-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti u l-movimenti tal-kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi mingħajr preġudizzju għall-miżuri mhux diskriminatorji ġustifikati abbażi tal-politika pubblika u tas-sigurtà pubblika.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Il-Bażi legali

Il-proposta għandha bażi ġuridika doppja fil-liġi primarja:

     l-Artikolu 114 tat-TFUE (is-suq intern) – minħabba li, sabiex jiġi garantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u biex jiġu protetti ċ-ċittadini u l-intrapriżi tal-Unjoni, iridu jitwettqu miżuri li jwaqqfu lil dawk li jaħslu l-flus u lil dawk li jiffinanzjaw it-terroriżmu milli jipprofittaw ruħhom mill-approċċi nazzjonali diverġenti biex iċaqilqu l-flus. Biex dawn il-miżuri jkunu effettivi, jeħtieġ li jiġu armonizzati; u

     l-Artikolu 33 (il-kooperazzjoni doganali) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) – minħabba li l-kontrolli fuq il-flus għandhom iseħħu fil-fruntiera esterna tal-Unjoni, fejn huma preżenti b’mod mifrux l-amministrazzjonijiet doganali. Barra minn hekk, dawn l-amministrazzjonijiet għandhom għarfien espert sinifikanti fir-rigward ta’ kontrolli fuq it-traffiku tal-passiġġieri u l-moviment transfruntier estern ġenerali tal-konsenji.

Is-Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta hija parti mill-qafas tal-UE ta’ kontra l-ħasil tal-flus / il-finanzjament kontra t-terroriżmu. Hija tistabbilixxi parallelliżmu mal-AMLD fir-rigward tal-movimenti tal-flus kontanti ’l barra mill-fruntiera esterna jew ’il ġewwa.

L-organizzazzjoni ta’ suq intern bil-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital tinvolvi t-twettiq ta’ miżuri armonizzati fl-Istati Membri kollha, fejn meħtieġ fl-interess pubbliku, sabiex jinżamm grad xieraq u ugwali ta’ protezzjoni u kundizzjonijiet ekwi.

Bil-leġiżlazzjoni nazzjonali biss ma jkunx possibbli li jinkiseb il-grad meħtieġ ta’ armonizzazzjoni. Dawk li jaħslu l-flus u dawk li jiffinanzjaw lit-terroristi jistgħu jisfruttaw id-diverġenzi u jippruvaw iċaqilqu flushom ġol-UE jew barra minnha permezz tal-Istati Membri fejn il-miżuri ta’ kontroll huma l-aktar dgħajfa. Minħabba l-ammonti kbar ta’ flus iddikjarati li jidħlu u joħorġu mill-UE kull sena (medja ta’ bejn EUR 60 u 70 biljun li jinġarru minn persuni fiżiċi), dan jista’ jkollu effett distorsiv fuq is-suq intern.

Dan ir-Regolament propost ma jipprevenix lill-Istati Membri milli jattwaw miżuri nazzjonali ta’ kontroll fir-rigward ta’ flus kontanti li jiċċaqilqu bejn il-fruntieri interni , sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-Artikolu 65(1)(b) u l-Artikolu 65(3) tat-TFUE.

Dan ir-Regolament ma jikkonċernax il-miżuri li jieħdu l-UE jew l-Istati Membri li jillimitaw il-movimenti tal-kapital fil-każ ta’ diffikultajiet serji għat-tħaddim tal-unjoni ekonomika jew monetarja (l-Artikolu 66 tat-TFUE) jew fil-każ ta’ kriżi f’daqqa fil-bilanċ ta’ pagamenti (l-Artikoli 143 u 144 tat-TFUE).

Il-Proporzjonalità

Il-Kummissjoni tqis li l-opzjonijiet tal-politika magħżula biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq u jinkisbu l-għanijiet huma kemm xierqa kif ukoll neċessarji.

L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli għall-flus li jintbagħtu bil-posta jew bħala merkanzija u biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jżommu ammonti taħt il-livell limitu fejn ikun hemm indikazzjoni ta’ attività kriminali tiżgura konformità sħiħa u espliċita man-normi u l-istandards internazzjonali tal-aħjar prattika. Barra minn hekk, l-awtoritajiet ikollhom setgħat ta’ kontroll aħjar, filwaqt li l-piż amministrattiv fuq iċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-awtoritajiet ikun limitat, b’mod partikolari permezz ta’ sistema ta’ divulgazzjoni għall-flus li jintbagħtu bil-posta u bħala merkanzija li tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali setgħat sħaħ ta’ kontroll iżda ma timponix piż dikjaratorju sistematiku fuq operaturi leġittimi.

Fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-istabbiliment ta’ obbligu attiv biex id-dejta ssir disponibbli għall-UIF tal-Istat Membru inkwistjoni jiżgura li din l-UIF tirċievi d-dejta kollha neċessarja għall-analiżi. Dan il-grad ta’ armonizzazzjoni huwa meħtieġ biex jiġi evitat li d-dejta “issir disponibbli” u ma tiġix trażmessa b’mod attiv lill-UIF. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti jsir obbligatorju fir-rigward ta’ ksur u moviment ta’ flus fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta’ attività kriminali, sabiex tiżdied il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, filwaqt li tiġi żgurata l-proporzjonalità.

Bl-estensjoni tad-definizzjoni ta’ “flus” biex tinkludi d-deheb u bl-għażla ta’ mekkaniżmu li fih il-komponenti jistgħu jiġu emendati b’mod flessibbli permezz ta’ att delegat fid-dawl ta’ xejriet u teknoloġija li qed jevolvu, il-proposta tqis l-aktar żviluppi riċenti u turi l-impenn tal-UE biex tindirizza rotot possibbli fil-futur li jintużaw biex jiġi ttrasferit il-valur. Il-penali proposti għal nuqqas ta’ dikjarazzjoni jħallu lill-Istati Membri liberi biex iwettqu l-miżuri li jqisu li huma meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet. Il-karatteristiki tal-kards bi ħlas antiċipat joħolqu r-riskju li dawn jintużaw biex il-valur jiġi ttrasferit barra mill-fruntieri esterni għall-finanzjament ta’ attivitajiet illeċiti. Bi qbil mal-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, il-possibbiltà li fil-futur jiġu inklużi ċerti kards bi ħlas antiċipat permezz ta’ att delegat għandha tkun preċeduta minn valutazzjoni tal-evidenza ta’ dan ir-riskju, tal-infurzabbiltà prattika u tal-proporzjonalità, filwaqt li jitqies l-użu leġittmu tal-kards bi ħlas antiċipat.

L-għażla tal-istrument

L-istrument legali xieraq biex jinkiseb l-għan u l-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ huwa Regolament.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT.

L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Evalwazzjoni ex post estensiva tas-CCR oriġinali fl-2015 12 identifikat diversi oqsma li jistgħu jiġu kkunsidrati għal titjib:

l-inklużjoni ta’ movimenti ta’ flus bil-posta jew bħala merkanzija fil-fruntieri esterni tal-UE fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament;

it-twessigħ u l-armonizzazzjoni tal-possibbiltajiet għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri billi:

a.     tiġi inkluża l-informazzjoni kollha dwar il-kontroll tal-flus (inklużi dikjarazzjonijiet volontarji mhux suspettużi); u

b.     jiġu stabbiliti proċeduri ċari u jiġu pprovduti għodod effettivi għall-iskambju tal-informazzjoni;

jiġi permess b’mod espliċitu l-użu tal-informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ flus għall-finijiet ta’ taxxa, inkluża l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa;

jiġu approssimati l-penali tal-kontroll tal-flus applikati mill-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-UE;

jiġi ssimplifikat il-proċess tal-iskambju tad-dikjarazzjonijiet tal-flus rilevanti għall-FIUs;

tiġi emendata d-definizzjoni tal-flus biex tinkludi d-deheb u l-ħaġar prezzjuż; u

jiġi żviluppat mekkaniżmu biex jiġi żgurat livell suffiċjenti u konsistenti ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri.

Dawn l-oqsma ġew analizzati fil-valutazzjoni tal-impatt sussegwenti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Saret konsultazzjoni pubblika mal-partijiet ikkonċernati dwar id-diversi alternattivi ta’ politika possibbli 13 fuq il-pjattaforma tal-Istħarriġ tal-UE. Waslu għadd limitat ta’ risposti, iżda, b’mod ġenerali, l-opzjonijiet li ġew adottati kienu dawk li dehru favorevoli minn dawk li wieġbu, bl-eċċezzjoni tal-espansjoni tad-definizzjoni ta’ “flus”, li ġiet opposta minn maġġoranza żgħira. Madankollu, kien hemm konsultazzjoni mmirata li pproduċiet riżultat ieħor (ara hawn taħt) li l-Kummissjoni ġġudikatu bħala ta’ rilevanza prevalenti. Il-kunsiderazzjonijiet marbuta mas-sussidjarjetà wasslu lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni l-aħjar jitħallew għall-Istati Membri, u f’dan tappoġġahom il-Kummissjoni. Ir-rispondenti kienu favur li jkun possibbli li tiġi skambjata dejta dwar id-dikjarazzjoni tal-flus regolari għal finijiet ta’ taxxa, iżda tqajjem tħassib legali matul il-valutazzjoni tal-impatt u l-opzjoni ma setgħetx tiġi segwita f’din il-proposta.

Twettqet konsultazzjoni aktar immirata fost l-awtoritajiet doganali, tal-pulizija u tal-UIF fl-Istati Membri kollha dwar il-possibilità tal-estensjoni tad-definizzjoni tal-flus lil hinn mill-munita u l-istrumenti negozjabbli għall-portatur. Ir-risposti (72 minn 27 Stat Membru) kienu ġeneralment favorevoli u ssuġġerew li l-approċċ meħud għandu jippermetti li l-lista ta’ dawn il-ħażniet ta’ valur tiġi emendata b’mod faċli. Il-Kummissjoni tipproponi l-inkorporazzjoni ta’ dan il-parir u li d-definizzjoni ta’ “flus” tiġi estiża, filwaqt li tiġi stabbilita lista ta’ kategoriji ewlenin fil-proposta, bil-komponenti elenkati f’anness li jista’ jiġi emendat permezz ta’ att delegat biex jitqies it-tibdil u biex ir-Regolament ikun validu anke fil-futur filwaqt li tiġi permessa sorveljanza mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ilha f’kuntatt regolari ma’ esperti nazzjonali rigward kontrolli ta’ flus minn meta daħal fis-seħħ is-CCR oriġinali. Dawn l-esperti pprovdew kontribut siewi tul is-snin, li ġie kkunsidrat fl-abbozzar ta’ din il-proposta.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Twettqet valutazzjoni tal-impatt 14 u l-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ta opinjoni pożittiva 15 .

L-alternattivi li ntagħżlu biex jiġu indirizzati l-problemi identifikati huma kompatibbli u jtejbu b’mod konsiderevoli l-funzjonament tas-CCR attwali mingħajr ma joħolqu piżijiet amministrattivi bla bżonn. Dan isir permezz ta’:

l-implimentazzjoni korretta tar-rakkomandazzjoni 32 tal-FATF dwar il-kurrieri tal-flus permezz ta’ miżuri bbażati fuq divulgazzjonijiet dwar flus li jintbagħtu f’kunsinni tal-merkanzija jew bil-kurrier li, flimkien ma’ kontrolli u evalwazzjoni adegwati, jipprovdu għarfien u kontroll mingħajr il-piż addizzjonali ta’ dikjarazzjoni sistematika;

is-simplifikar u l-provvista ta’ kjarifiki rigward l-iskambju tad-dejta, l-identifikazzjoni tal-atturi u l-proċedura li trid tiġi applikata;

il-permess espliċitu li ammonti taħt il-livell limitu jinżammu abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, b’livell limitu għoli biżżejjed biex tittieħed azzjoni;

ridefinizzjoni ta’ “flus kontanti” abbażi ta’ elementi oġġettivi, iżda li jkunu validi anke fil-futur permezz tal-possibilità tal-inkorporazzjoni ta’ elementi ġodda permezz ta’ leġiżlazzjoni delegata, taħt is-superviżjoni tal-Kunsill u l-Parlament;

l-għoti tar-responsabbiltà għall-penali lill-Istati Membri, li għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli u bi kwalunkwe tibdil; u

l-formalizzazzjoni ta’ għadd ta’ elementi ta’ appoġġ oħra bħall-provvista ta’ statistika, formola ta’ dikjarazzjoni armonizzata u r-rappurtar dwar emendi għall-penali għal nuqqas ta’ dikjarazzjoni, li sa issa kienu fil-parti l-kbira tagħhom volontarji, u għaldaqstant il-provvista ta’ garanziji għall-kwalità ta’ evalwazzjonijiet fil-futur u aktar ċertezza tad-dritt għall-partijiet ikkonċernati.

Fir-rigward tal-piż amministrattiv u l-ispejjeż, il-miżuri jikkonċernaw ammonti ta’ flus ta’ EUR 10 000 jew aktar li ġew imċaqalqa bejn il-fruntieri esterni tal-UE, jew minn-persuni jew bħala merkanzija/bil-posta, mezz tat-trasport li rari ħafna jintuża mill-intrapriżi. Bħalissa, persuna fiżika li takkumpanja konsenja ta’ flus trid tagħmel dikjarazzjoni. L-esperjenza turi li l-kurrieri professjonali huma konxji ħafna tal-obbligi tagħhom u fil-biċċa l-kbira jikkonformaw magħhom. L-obbligu ta’ divulgazzjoni l-ġdid għall-konsenji ta’ flus bil-posta/bħala merkanzija huwa ddisinjat biex jippermetti lill-awtoritajiet iwettqu kontrolli u, jekk ikun meħtieġ, jitolbu dokumentazzjoni. Ma hemm l-ebda obbligu sistematiku biex tiġi ppreżentata dikjarazzjoni u l-awtoritajiet jistgħu jeżerċitaw id-diskrezzjoni (eż. fil-każijiet ta’ konsenji bejn banek). Huwa mistenni li, minħabba r-rarità relattiva ta’ dan il-mezz ta’ konsenja u l-approċċ propost, kwalunkwe impatt fuq kurrieri professjonali se jkun minimu. Ma huwa mistenni l-ebda impatt speċifiku fuq SMEs jew mikrointrapriżi.

Drittijiet fundamentali

Il-miżuri previsti x’aktarx li jaffettwaw id-drittijiet li ġejjin li huma minquxa fl-Artikoli li ġejjin tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (minn hawn ’il quddiem: is-“CFR” - Charter of Fundamental Rights):

   ir-rispett tal-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7 tas-CFR);

   il-protezzjoni tad-dejta personali (l-Artikolu 8 tas-CFR);

   il-libertà tal-intrapriża (l-Artikolu 16 tas-CFR); u

   id-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17 CFR).

Għadd ta’ miżuri jaffettwaw dawk id-drittijiet: iċ-ċittadini jistgħu jkunu mitluba jippreżentaw dikjarazzjoni u jipprovdu d-dejta personali li tiġi rreġistrata, ipproċessata u trażmessa lil awtoritajiet oħra; se tinġabar aktar informazzjoni milli nġabret taħt is-sistema attwali; f’każijiet ta’ attività kriminali suspettata fir-rigward tas-somom li jinġarru, l-awtoritajiet jistgħu jiddeċiedu li jżommu l-flus b’mod temporanju, u b’hekk jaffettwaw id-dritt għall-proprjetà.

L-Artikolu 52 tas-CFR jispeċifika li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet, tilħaq l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni u tkun proporzjonata.

Il-proposta attwali tistabbilixxi bażi ġuridika u ssegwi l-għanijiet ta’ interess ġenerali. Hija tipprovdi għadd ta’ salvagwardji fir-rigward tal-użu tad-dejta, inkluż l-obbligu biex l-awtoritajiet kompetenti (li jaġixxu bħala kontrolluri) jiżguraw is-sigurtà tad-dejta u biex jittrattawha skont l-obbligu tas-segretezza professjonali, il-limitazzjoni tal-għan u perjodu taż-żamma speċifiku.

Il-miżuri jksbu bilanċ tajjeb bejn id-drittijiet inkwistjoni u l-interessi leġittimi tas-soċjetà billi jadottaw approċċ li huwa effiċjenti (jilħaq l-għan) iżda jaffettwa d-drittijiet bl-inqas mod possibbli.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tar-Regolament u l-applikazzjoni tiegħu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Il-monitoraġġ kontinwu u sistematiku jippermetti li jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament huwiex qed jiġi applikat kif mistenni u huwiex jindirizza l-problemi b’mod f’waqtu. Id-dejta fattwali tinġabar biex jiġu ssorveljati l-indikaturi ssuġġeriti (jiġifieri l-informazzjoni statistika dwar id-dikjarazzjonijiet irreġistrati li tintbagħat lill-Kummissjoni; il-kontrolli fil-każi fejn issir dikjarazzjoni; il-kontrolli meta ma ssirx dikjarazzjoni, u r-riżultati tal-kontrolli; l-informazzjoni statistika dwar il-penali fuq nuqqas ta’ dikjarazzjoni) u tipprovdi basi għall-evalwazzjoni tar-Regolament fil-futur.

Il-proposta tipprevedi l-preżentazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill ħames snin wara li jkun daħal fis-seħħ ir-Regolament u kull ħames snin wara dan. L-evalwazzjoni se tivvaluta l-punt sa fejn ikunu ntlaħqu l-għanijiet tar-Regolament.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jistabbilixxi l-għanijiet tal-proposta u jagħmilha ċara li l-intenzjoni hija li jiġi stabbilit paralleliżmu mal-AMLD f’dak li jirrigwarda l-movimenti transfruntieri esterni ta’ flus kontanti.

   L-Artikolu 2 jistabbilixxi għadd ta’ definizzjonijiet, b’mod partikolari xi tfisser “flus kontanti”. Sabiex jitqies it-tibdil fl-imġiba minn persuni kriminali li jfittxu li jevitaw l-obbligu tad-dikjarazzjoni, jistabbilixxi erba’ kategoriji wiesgħin: il-muniti, l-istrumenti negozjabbli għall-portatur, il-komoditajiet li jintużaw bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur u kards bi ħlas antiċipat. Il-komponenti tat-tieni tat-tielet u tar-raba’ kategoriji huma deskritti f’Anness li jista’ jiġi emendat permezz ta’ att delegat taħt is-sorveljanza tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Ir-raġunament wara dan l-approċċ huwa li l-persuni kriminali li jfittxu li jevitaw id-dikjarazzjoni tal-munita xi drabi jikkonvertuha f’komoditajiet prezzjużi bħal muniti tad-deheb. Jekk, kif propost, muniti tad-deheb u ingotti ta’ livell għoli ta’ purità jiġu kkontrollati, persuni kriminali jistgħu jfittxu mezzi oħra ta’ evażjoni fil-forma ta’ komoditajiet oħra. Huwa importanti ferm li jekk jintwera b’mod ċar il-bżonn ta’ miżuri li jirreaġixxu għal din l-imġiba, dawn ikunu jistgħu jittieħdu malajr. Meta jiġu kkunsidrati l-emendi għall-Anness, il-Kummissjoni se tiżen ukoll l-importanza li l-implimentazzjoni fil-qasam tkun waħda kemm jista’ jkun faċli, fejn l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġ ikollhom il-mezzi tekniċi biex jiddeterminaw malajr in-natura ta’ komodità u l-valur tagħha, u anki l-proporzjonalità tal-miżura mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali.

   Il-punt (i) tal-Artikolu 2 jiddefinixxi t-terminu “attività kriminali” b’referenza għall-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849.  Barra minn hekk, ġiet proposta definizzjoni ta’ “attività kriminali” għall-għan li l-ħasil tal-flus jiġi kkriminalizzat (nota ta’ qiegħ il-paġna tal-proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali COM (2016)826 final tal-21 ta’ Diċembru 2016). Wara li l-koleġiżlaturi jadottaw il-proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali, il-Kummissjoni tivvaluta jkunx hemm bżonn ta’ reviżjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849 bil-għan li d-definizzjoni ta’ “attività kriminali” tiġi allinjata ma’ dik li tinsab fid-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali. 

L-Artikolu 3 jirrikjedi li l-persuni fiżiċi jiddikjaraw is-somom ta’ EUR 10 000 jew aktar u jispeċifika l-mod kif għandha ssir id-dikjarazzjoni (bil-miktub jew b’mod elettroniku, permezz tal-formola stabbilita skont l-Artikolu 15(a)) u d-dejta li jeħtieġ tingħata.

   L-Artikolu 4 jimponi obbligu ta’ divulgazzjoni ta’ flus kontanti li ma jkunux akkumpanjati (bħal flus mibgħuta f’konsenji ta’ merkanzija jew ta’ pakketti) li jippermetti li malli l-awtoritajiet kompetenti jiltaqgħu ma’ konsenja ta’ flus ta’ EUR 10 000 jew aktar, dawn jeżerċitaw id-diskrezzjoni u jitolbu lill-ispeditur, lir-riċevitur intenzjonat jew lir-rappreżentanti tagħhom jagħmlu dikjarazzjoni. Dan l-approċċ jiżgura li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni kompluta mingħajr ma jkollhom jimponu piż dikjarattiv sistematiku, eż. fuq konsenji bejn istituzzjonijiet finanzjarji magħrufin. Bħal fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu 3, qed jiġi propost li d-dikjarazzjonijiet ta’ divulgazzjoni jsiru bil-miktub jew b’mod elettroniku, permezz tal-formola stabbilita skont l-Artikolu 15(a).

L-Artikolu 5 jagħti s-setgħat ta’ kontroll lill-awtoritajiet kompetenti u jispeċifika li, f’każijiet ta’ ksur, fejn ma tkun saret l-ebda dikjarazzjoni, jingħataw is-setgħa li jistabbilixxu dikjarazzjoni ex officio.

L-Artikolu 6 jippermetti lill-awtoritajiet jirreġistraw id-dettalji ta’ movimenti ta’ ammonti ta’ flus kontanti taħt il-livell limitu tad-dikjarazzjoni jew tad-divulgazzjoni. Minħabba l-impatt li dan għandu fuq id-drittijiet fundamentali u b’mod speċjali b’rabta maż-żamma temporanja tal-flus skont l-Artikolu 7, kwalunkwe azzjoni hija soġġetta għal livell limitu għoli biżżejjed u tirrikjedi indikazzjonijiet ta’ attività kriminali. Se tapplika d-definizzjoni tal-AMLD ta’ “attività kriminali” (ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu jew reati prinċipali bħall-kriminalità fiskali).

L-Artikolu 7 jippermetti lill-awtoritajiet iżommu l-flus b’mod temporanju fejn kellha ssir dikjarazzjoni jew dikjarazzjoni ta’ divulgazzjoni, iżda din ma saritx jew – irrispettivament mill-ammont – fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta’ attività kriminali. L-arranġamenti dettaljati għal din iż-żamma jridu jiġu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda huwa importanti li jiġi enfasizzat li din hija miżura amministattiva strettament konservatorja, li l-għan uniku tagħha huwa li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jżommu l-flus bejn il-mument li fih jidentifikaw anomalija u l-mument li fih l-awtoritajiet oħra, bħall-UIF jew l-awtoritajiet ġudizzjarji, jiddeċiedu jekk hemmx raġunijiet biżżejjed biex jipproċedu b’inkjesta u jissekwestrawhom jew jilliberawhom b’mod ġudizzjarju. Kull żamma temporanja bħal din trid tiġi ġġustifikata b’referenza għal ċirkostanzi speċifiċi u għandha tiġi soġġetta għal rimedju effettiv skont il-liġi nazzjonali. F’każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti ma jiddeċidux tul il-perjodu ta’ żamma temporanja tal-flus, jew f’każ li jiddeċiedu li ma hemm l-ebda raġuni biex ikomplu jżommu l-flus, il-flus għandhom isiru immedjatament disponibbli għad-dikjarant.

L-Artikolu 8 jeżiġi li l-awtoritajiet kompetenti jittrażmettu b’mod attiv l-informazzjoni miksuba skont l-Artikoli 3, 4, 5(3) jew 6 lill-FIU; minħabba li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din l-informazzjoni għall-UIF mhuwiex biżżejjed. L-informazzjoni tkun trid tiġi trażmessa skont ir-regoli tekniċi stabbiliti skont l-Artikolu 15(c).

L-Artikolu 9 jipprevedi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, jiġifieri l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħra magħżula mill-Istati Membri bil-għan li r-Regolament jiġi applikat (eż. gwardji tal-fruntiera, awtoritajiet tat-taxxa, eċċ.). Minħabba n-natura transnazzjonali tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-fatt li huwa possibbli li wieħed jidħol jew joħroġ mill-Unjoni permezz ta’ Stat Membru wieħed, u mbagħad li jiċċirkola mingħajr ma jiltaqa’ ma’ kontrolli addizzjonali, huwa ta’ importanza kbira għall-finijiet tal-analiżi u l-prevenzjoni tar-riskju li l-informazzjoni dwar il-ksur (nuqqas ta’ dikjarazzjoni, dikjarazzjonijiet ex officio jew indikazzjonijiet ta’ attività kriminali) issir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll ikunu jistgħu jpoġġu din l-informazzjoni għad-disponibbiltà ta’ awtoritajiet oħra li jkunu inkarigati mill-investigazzjoni ta’ attività kriminali kif iddefinit fil-proposta, iżda li ma jkunux maħturin direttament bħala “awtoritajiet kompetenti”, eż. il-pulizija jew (bil-għan li jiġu skoperti u tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ reati fiskali) l-awtoritajiet fiskali. Il-Kummissjoni għandha tiġi notifikata dwar kull indikazzjoni ta’ attività kriminali li tista’ taffettwa ħażin l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-informazzjoni anonimizzata tal-analiżi tar-riskju u r-riżultati tal-analiżi tar-riskju għandhom jiġu skambjati wkoll bejn awtoritajiet kompetenti fl-istess Stati Membri u Stati Membri oħra fejn jiddeterminaw li t-theddida tippreżenta riskju għoli xi mkien ieħor fl-Unjoni. L-informazzjoni jeħtieġ tiġi skambjata b’konformità mar-regoli tekniċi stabbiliti skont l-Artikolu 15(c) u permezz tal-formola stabbilita skont l-Artikolu 15(d).

L-Artikolu 10 jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE, skont il-ftehim tal-awtoritajiet li jkunu ġabru l-informazzjoni oriġinarjament u skont il-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tal-Unjoni kollha rigward it-trasferiment ta’ dejta personali lil pajjiżi mhux tal-UE.

L-Artikolu 11 jispeċifika li l-awtoritajiet kompetenti li jiksbu d-dejta skont dan ir-Regolament għandhom jaġixxu ta’ kontrolluri tad-dejta personali li tkun inkisbet, u li l-informazzjoni kollha miksuba skont ir-Regolament tkun koperta mis-segretezza professjonali u protetta b’mod adegwat. L-informazzjoni tista’ tiġi divulgata biss fejn jippermettu d-dispożizzjonijiet legali, b’mod partikolari b’rabta ma’ proċedimenti legali li jkunu għadhom għaddejjin.

L-Artikolu 12 jillimita l-ipproċessar tad-dejta personali għall-finijiet tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-attività kriminali. L-Artikolu jistabbilixxi wkoll il-perjodu taż-żamma tad-dejta tad-dikjarazzjoni u jiddetermina li għandu jkun ħames snin.

L-Artikolu 13 jistabbilixxi l-penali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu tad-dikjarazzjoni. Element ġdid huwa l-obbligu li l-Istati Membri jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar kwalunkwe emenda fid-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-penali wara li r-Regolament ikun daħal fis-seħħ. L-Istati Membri huma liberi jiddeterminaw il-penali, iżda kwalunkwe penali li tista’ tingħata tkun tapplika biss f’każ ta’ nuqqas ta’ dikjarazzjoni skont ir-Regolament u għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f’dan ir-rigward. Meta tiġi imposta penali għal nuqqas ta’ dikjarazzjoni, l-awtoritajiet ma għandhomx jassumu jew iqisu n-nuqqas jew il-preżenza ta’ reati prinċipali sottostanti li jkunu twettqu fir-rigward tal-flus mhux iddikjarati. Il-penali ma tneħħix il-ħtieġa ta’ investigazzjoni separata dwar il-possibbiltà ta’ reati kriminali, li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Huma u jiddeterminaw il-penali f’każ ta’ nuqqas ta’ dikjarazzjoni, l-Istati Membri għandhom iqisu l-ġurisprudenza rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

L-Artikolu 14 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati sabiex tkun tista’ temenda l-Anness, li jelenka l-komponenti tad-definizzjoni ta’ “flus kontanti”. Din il-flessibilità hija meħtieġa sabiex ir-Regolament ikun validu anke fil-futur u biex dawk li jfasslu l-politika jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr għal xejriet kriminali ġodda u jqisu standards internazzjonali u l-aħjar prattiki li qed jevolvu. Kwalunkwe emenda se tkun soġġetta għal prova tan-neċessità, approċċ proporzjonat li jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu, fil-prattika, jinfurzaw kwalunkwe żieda, u sorveljanza mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li għandhom l-awtorità joġġezzjonaw wara li jkunu ġew notifikati dwar l-adozzjoni ta’ dan l-att u jistgħu jirrevokaw lill-awtorità delegata fi kwalunkwe ħin. Qabel l-adozzjoni ta’ att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti nazzjonali tal-Istati Membri fil-qasam tal-kontroll tal-flus sabiex tikseb il-kontribut tagħhom.

L-Artikolu 15 jagħti s-setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-miżuri għall-iżgurar tal-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli billi fost oħrajn tistabbilixxi l-mudelli għall-formoli ta’ dikjarazzjoni u ta’ divulgazzjoni; ir-regoli tekniċi għall-iskambju ta’ informazzjoni (li għandhom jinkludu s-sistema elettronika li għandha tintuża) u r-regoli u l-format għall-għoti mill-Istati Membri lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni statistika anonimizzata dwar dikjarazzjonijiet u ksur.

L-Artikolu 16 jistabbilixxi Kumitat għall-Kontroll tal-Flus Kontanti li għalih l-Istati Membri se jagħżlu l-esperti nazzjonali u li se jgħin lill-Kummissjoni fl-istabbiliment ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

L-Artikolu 17 jikkonċerna l-għoti ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni u jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni rigward l-awtoritajiet kompetenti għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti u l-penali stabbiliti għal nuqqas ta’ dikjarazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni aġġornata dwar kwalunkwe modifika sussegwenti. Il-Kummissjoni għandha tingħata wkoll id-dejta statistika anonima bi frekwenza li trid tiġi ddeterminata permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni iżda tal-inqas darba f’sena.

L-Artikolu 18 jikkonċerna l-miżuri ta’ evalwazzjoni u jispeċifika li ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

L-Artikolu 19 iħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005.

L-Artikolu 20 jispeċifika li r-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-adozzjoni tiegħu. Id-dħul fis-seħħ tiegħu għandu jseħħ kif iddeterminat mil-leġiżlatur.

2016/0413 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-kontrolli fir-rigward tal-flus deħlin jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 33 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 16 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 17 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-promozzjoni tal-iżvilupp armonjuż, sostenibbli u inklużiv tas-suq intern bħala żona fejn l-oġġetti, il-persuni, is-servizzi u l-kapital jistgħu jiċċirkolaw b’mod liberu u sikur hija waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni.

(2)L-introduzzjoni mill-ġdid fl-ekonomija ta’ rikavati illeċiti u d-devjazzjoni tal-flus għall-finanzjament ta’ attivitajiet illeċiti joħolqu distorsjonijiet u żvantaġġi kompetittivi inġusti għaċ-ċittadini u l-kumpaniji li josservaw il-liġi, u huma għalhekk theddida għall-funzjonament tas-suq intern. Barra minn hekk, irawmu attivitajiet kriminali u terroristiċi li jipperikolaw is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-Unjoni ħadet azzjoni biex tipproteġi lilha nnifisha.

(3)Wieħed mill-pilastri ewlenin ta’ din l-azzjoni kienet id-Direttiva 91/308/KEE 18 , li stabbiliet sensiela ta’ miżuri u obbligi fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji, fuq il-persuni ġuridiċi u fuq ċerti professjonijiet, fost l-oħrajn fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza, iż-żamma tar-rekords u l-għarfien dwar il-klijent, u l-obbligu li jirrapportaw it-tranżazzjonijiet suspettużi lill-Unitajiet tal-Intelliġenza Finanzjarja nazzjonali stabbiliti bħala ċentri biex jivvalutaw dawk it-tranżazzjonijiet, jinteraġixxu mal-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi oħra u, jekk ikun meħtieġ, jikkuntattjaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji. Minn dak iż-żmien, id-Direttiva ġiet emendata u sostitwita minn miżuri suċċessivi. Bħalissa, id-dispożizzjonijiet għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus huma stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 .

(4)Billi kien hemm riskju li l-applikazzjoni tad-Direttiva 91/308/KEE twassal għal żieda fil-movimenti tal-flus kontanti għal finijiet illeċiti, li jistgħu joħolqu theddida għas-sistema finanzjarja u għas-suq intern, dik id-Direttiva ġiet issupplimentata bir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament u tal-Kunsill 20 . Dan ir-Regolament għandu l-għan li jipprevjeni u jidentifika l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu billi jistabbilixxi sistema ta’ kontrolli applikabbli għall-persuni fiżiċi deħlin jew ħerġin mill-Unjoni filwaqt li jġorru ammonti ta’ flus jew strumenti negozjabbli għall-portatur ta’ EUR 10 000 jew aktar, jew l-ekwivalenti tiegħu f’muniti oħra.

(5)Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 implimenta fil-Komunità standards internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu żviluppati mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF).

(6)Id-Direttiva (UE) 2015/849 tidentifika u tiddeskrivi għadd ta’ attivitajiet kriminali li r-rikavat tagħhom jista’ jkun soġġett għall-ħasil tal-flus jew jintuża biex jiffinanzja t-terroriżmu. Ħafna drabi, biex jinħaselu jew jintuża għall-finanzjament tat-terroriżmu, ir-rikavat ta’ dawk l-attivitajiet kriminali jitwassal għan-naħa l-oħra tal-fruntiera esterna tal-Unjoni. Dan ir-Regolament, dan għandu jqisu u għandu jistabbilixxi sistema ta’ regoli li mhux biss jgħinu fil-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, iżda wkoll jiffaċilitaw id-detezzjoni u l-investigazzjoni tal-attivitajiet kriminali identifikati fid-Direttiva (UE) 2015/849.

(7)Il-FATF, li ġie stabbilit mis-summit tal-G7 f’Pariġi fl-1989, huwa korp intergovernattiv li jistabbilixxi standards u jippromwovi l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri legali, regolatorji u operazzjonali għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u perikli oħra relatati mal-integrità tas-sistema finanzjarja internazzjonali. Diversi Stati Membri huma membri tal-FATF jew huma rrappreżentati fl-FATF permezz ta’ korpi reġjonali. L-Unjoni hija rrappreżentata fl-FATF mill-Kummissjoni u impenjat ruħha li timplimenta b’mod effettiv ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Fil-livell tal-FATF, ir-Rakkomandazzjoni 32 dwar il-kurriera li jwasslu l-flus tispeċifika li għandu jkun hemm ir-regoli fis-seħħ rigward il-kontrolli adegwati fuq movimenti transfruntiera ta’ flus kontanti.

(8)Bħala riżultat tal-għarfien dejjem aktar avvanzat dwar il-mekkaniżmi li jintużaw minn persuni kriminali biex jittrasferixxu l-valur bejn il-fruntieri u b’riżultat tat-tibdiliet li rriżultaw u li ġew implimentati fir-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF, tat-tibdil fil-qafas legali introdott mid-Direttiva (UE) 2015/849 kif ukoll tal-iżvilupp tal-aħjar prattiki ġodda u abbażi tal-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1889/2005 għandhom jirriflettu dawk l-iżviluppi. Minħabba n-natura estensiva tal-emendi meħtieġa, dan ir-Regolament jeħtieġ jitħassar u jiġi sostitwit b’Regolament ġdid.

(9)Dan ir-Regolament ma jikkonċernax il-kapaċità tal-Istati Membri li jipprevedu kontrolli nazzjonali addizzjonali fuq movimenti tal-flus kontanti fl-Unjoni, sakemm dawn il-kontrolli jkunu jikkonformaw mal-Artikoli 63 u 65 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(10)Dan ir-Regolament ma jikkonċernax il-miżuri li jieħdu l-UE jew l-Istati Membri li jillimitaw il-movimenti tal-kapital fil-każ ta’ diffikultajiet serji għat-tħaddim tal-unjoni ekonomika jew monetarja skont l-Artikolu 66 tat-TFUE jew fil-każ ta’ kriżi li tinqala’ f’daqqa fil-bilanċ tal-pagamenti skont l-Artikoli 143 u 144 tal-istess Trattat.

(11)Filwaqt li tiġi kkunsidrata l-preżenza tagħhom fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, l-għarfien espert tagħhom fit-twettiq ta’ kontrolli fuq il-passiġġieri u l-merkanzija li jaqsmu l-fruntiera esterna u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1889/2005, l-awtoritajiet doganali għandhom ikomplu jaġixxu bħala l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jagħżlu awtoritajiet nazzjonali oħra preżenti fil-fruntiera esterna biex jaġixxu bħala awtoritajiet kompetenti.

(12)Wieħed mill-kunċetti ewlenin użati f’dan ir-Regolament huwa dak tal-“flus”, li għandu jiġi ddefinit li jinkludi erba’ kategoriji: il-muniti, l-istrumenti negozjabbli għall-portatur, il-komoditajiet li jintużaw bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur u ċerti tipi ta’ kards bi ħlas antiċipat. Minħabba l-karatteristiki tagħhom, ċerti strumenti negozjabbli għall-portatur, jew komoditajiet li jintużaw bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur, kif ukoll il-kards bi ħlas antiċipat li ma jkunux marbutin ma’ kont bankarju x’aktarx li jintużaw flok munita bħala mezz anonimu ta’ trasferiment ta’ valur minn naħa għal oħra tal-fruntieri esterni li ma jistax jiġi ntraċċat mill-awtoritajiet pubbliċi bis-sistema klassika ta’ sorveljanza. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi l-komponenti essenzjali tad-definizzjoni ta’ “flus” filwaqt li fl-istess ħin jippermetti lill-Kummissjoni temenda l-komponenti mhux essenzjali bħala reazzjoni għall-isforzi tal-persuni kriminali u sħabhom biex jevitaw miżura li tikkontrolla tip wieħed biss ta’ ħażna likwida ħafna ta’ valur billi jġibu tip ieħor ta’ ħażna ta’ valur likwida ħafna min-naħa għal oħra tal-fruntieri esterni. Jekk tiġi identifikata evidenza ta’ din l-imġiba fuq skala apprezzabbli, huwa essenzjali li jittieħdu miżuri malajr biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni.

(13)L-istrumenti negozjabbli għall-portatur huma strumenti finanzjarji li jippermettu li d-detentur fiżiku tagħhom jitlob pagament ta’ ammont finanzjarju mingħajr ma jkun irreġistrat jew imsemmi b’ismu. Dawn jistgħu faċilment jintużaw biex jiġu ttrasferiti ammonti ta’ valur kbar u għandhom ħafna similaritajiet mal-muniti rigward ir-riskji tal-abbuż, tal-likwidità u tal-anonimità.

(14)Il-komoditajiet li jintużaw bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur huma oġġetti li jirrappreżentaw proporzjon kbir bejn il-valur u l-volum u li għalihom jeżisti suq kummerċjali internazzjonali li jista’ jiġi aċċessat faċilment u li jippermettilhom jiġu kkonveriti f’munita filwaqt li jġarrbu biss spejjeż tat-tranżazzjoni żgħar. Dawn il-komoditajiet, fil-parti l-kbira tagħhom, jiġu ippreżentati b’mod standardizzat li jippermetti verifika mgħaġġla tal-valur tagħhom.

(15)Il-kards bi ħlas antiċipat huma kards mhux nominattivi li jaħżnu valur monetarju jew fondi li jistgħu jintużaw f’tranżazzjonijiet ta’ ħlas, fl-akkwist ta’ oġġetti jew servizzi jew għat-tifdija ta’ muniti u li ma għandhomx rabta ma’ kont bankarju. Dawn jintużaw ħafna għal diversi skopijiet leġittmi u xi wħud minn dawn l-istrumenti jippreżentaw ukoll interess soċjali ċar. It-trasferiment ta’ dawn il-kards bi ħlas antiċipat huwa faċli u jistgħu jintużaw faċilment biex jinġarru valuri kbar minn naħa għal oħra tal-fruntieri esterni. Għaldaqstant jeħtieġ li l-kards bi ħlas antiċipat jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ flus kontanti. Dan ikun jippermetti li l-miżuri jiġu estiżi għal ċerti tipi ta’ kards bi ħlas antiċipat jekk ikun hemm ġustifikazzjoni mill-evidenza, filwaqt li jitqiesu l-proporzjonalità u l-infurzabbiltà fil-prattika.

(16)Biex ma jitħalliex isir ħlas ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu, għandu jiġi imponut l-obbligu tad-dikjarazzjoni fuq il-persuni fiżiċi li jidħlu jew joħorġu mill-Unjoni. Biex ma jiġix limitat il-moviment liberu mingħajr raġuni valida u biex iċ-ċittadini u l-awtoritajiet ma jitgħabbewx iż-żejjed bil-formalitajiet amministrattivi, l-obbligu ta’ dikjarazzjoni għandu jiġi soġġett għal-livell limitu ta’ EUR 10 000 jew l-ekwivalenti tiegħu f’komoditajiet li jintużaw bħala ħażna ta’ valur likwida ħafna, fi strumenti negozjabbli għall-portatur jew fil-valur tal-kards bi ħlas antiċipat jew f’muniti oħra. Għandu japplika għal persuni fiżiċi li jġorru dawn l-ammonti fuqhom stess, fil-bagalja tagħhom jew fil-mezz użat biex jaqsmu l-fruntiera esterna. Huma għandhom jintalbu jagħmlu l-flus disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti għall-kontroll.

(17)Fir-rigward tal-movimenti tal-flus li mhumiex akkumpanjati mis-sid, l-ispeditur, ir-riċevitur intenzjonat jew ir-rappreżentant tagħhom, bħal flus deħlin jew ħerġin mill-Unjoni f’pakketti postali, konsenji bil-kurrier, bagalji mhux akkumpanjati jew merkanzija fil-kontejners, l-awtoritajiet kompetenti fil-fruntiera esterna jeħtieġ ikollhom is-setgħa li jitolbu lill-ispeditur jew lir-riċevitur jew lir-rappreżentant tagħhom biex jagħmlu dikjarazzjoni ta’ divulgazzjoni. Din id-divulgazzjoni għandha tkopri għadd ta’ elementi, bħall-oriġini, id-destinazzjoni, il-provenjenza ekonomika u l-użu intenzjonat tal-fondi, li mhumiex koperti mid-dokumentazzjoni tas-soltu ppreżentata lid-dwana, bħal dokumenti tal-konsenja u dikjarazzjonijiet doganali. Dan jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu analiżi tar-riskju u jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq dawk il-konsenji li jqisu li jippreżentaw l-ogħla riskju, filwaqt li ma jimponux formalitajiet addizzjonali sistematiċi. L-obbligu ta’ divulgazzjoni għandu jkun soġġett għal livell limitu identiku għal dak tal-flus li jinġarru minn persuni fiżiċi.

(18)Biex l-għan ta’ dan ir-Regolament jintlaħaq hemm bżonn li jiġu rreġistrati għadd ta’ elementi tad-dejta standardizzati rigward il-moviment tal-flus kontanti, bħad-dettalji personali tas-sid, tar-riċevitur, tal-provenjenza ekonomika u tal-użu intenzjonat tal-flus.

(19)Fir-rigward tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni u l-obbligu ta’ divulgazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jwettqu l-kontrolli kollha meħtieġa fuq il-persuna tagħhom, il-bagalja tagħhom, il-mezz tat-trasport użat biex jaqsmu l-fruntiera esterna u kwalunkwe konsenja mhux akkumpanjata jew reċipjent li jaqsam dik il-fruntiera li jista’ jkun fihom flus, jew mezz tat-trasport li jġorrhom. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi, jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu dikjarazzjoni ex officio għall-komunikazzjoni sussegwenti tal-informazzjoni rilevanti lil awtoritajiet oħrajn.

(20)Fejn jidentifikaw ammonti ta’ flus taħt il-livell limitu, iżda jkun hemm indikazzjonijiet li l-flus jistgħu jkunu marbuta ma’ attività kriminali kif iddefinita f’dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jirreġistraw l-informazzjoni essenzjali dwar il-persuni li jġorru l-flus, bħad-dettalji tal-identità u tan-nazzjonalità tagħhom, u dettalji rigward il-mezz tat-trasport użat, bħat-tip ta’ mezz użat biex jaslu minn post għall-ieħor, il-punt tat-tluq u d-destinazzjoni.

(21)Din l-informazzjoni għandha tintbagħat lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat. Dawk l-unitajiet huma maħturin biex ikunu l-elementi ċentrali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jirċievu u jipproċessaw l-informazzjoni minn diversi sorsi, bħalma huma l-istituzzjonijiet finanzjarji, u janalizzawha biex jiddeterminaw jekk hemmx raġunijiet għal aktar investigazzjoni li jistgħu ma jkunux evidenti għall-awtoritajiet kompetenti li jiġbru d-dikjarazzjonijiet tal-kontroll u jwettqu l-kontrolli skont dan ir-Regolament.

(22)Is-sejba ta’ ammont taħt il-livell limitu f’sitwazzjonijiet fejn hemm indikazzjonijiet ta’ attività kriminali hija rilevanti ħafna f’dan il-kuntest. Għaldaqstant, għandu jkun possibbli wkoll li tinqasam l-informazzjoni dwar ammonti taħt il-limitu mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra jekk ikun hemm xi indikazzjonijiet ta’ attività kriminali.

(23)Minħabba li l-movimenti ta’ flus li jiġu soġġetti għal kontrolli skont dan ir-Regolament iseħħu minn naħa għal oħra tal-fruntiera esterna, u minħabba d-diffikultà li tittieħed azzjoni ladarba l-flus jkunu ħallew il-punt tad-dħul jew tal-ħruġ u r-riskju assoċjat jekk anki ammonti żgħar jintużaw b’mod illeċitu, f’ċerti ċirkostanzi l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom il-jedd li jżommu l-flus temporanjament, dejjem skont ċerti kontrokontrolli: l-ewwel, fejn l-obbligu ta’ dikjarazzjoni jew ta’ divulgazzjoni ma jkunx ġie ssodisfat u, it-tieni, fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta’ attività kriminali, irrispettivament mill-ammont jew jekk il-flus jinġarrux minn persuna fiżika jew ikunux akkumpanjati jew le. Minħabba n-natura ta’ dan is-sekwestru u ż-żamma temporanja u l-impatt li jista’ jkollhom fuq il-libertà tal-moviment u fuq id-dritt tal-proprjetà, il-perjodu taż-żamma għandu jiġi limitat għaż-żmien minimu assolut li jkollhom bżonn l-awtoritajiet kompetenti l-oħra, biex jiddeterminaw jekk hemmx raġunijiet għal aktar interventi bħal investigazzjonijiet jew sekwestru tal-flus kontanti abbażi ta’ strumenti legali oħrajn. Deċiżjoni li l-flus jinżammu temporanjament skont dan ir-Regolament għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni tar-raġunijiet u tiddeskrivi tajjeb il-fatturi speċifiċi li jkunu wasslu għal din l-azzjoni. Jekk, fi tmiem il-limitu taż-żmien ma tkun ittieħdet ebda deċiżjoni dwar interventi oħra, jew jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li ma jeżistux raġunijiet biex ikomplu jinżammu l-flus kontanti, dawn jeħtieġ isiru disponibbli immedjatament għad-dikjarant.

(24)Huwa essenzjali li l-awtoritajiet kompetenti li jiġbru l-informazzjoni skont dan ir-Regolament jibagħtuha malajr lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja biex din tkun tista’ tkompli tanalizzaha u tqabbilha ma’ dejta oħra, kif previst fid-Direttiva 2015/849.

(25)Fejn jirreġistraw li ma tkunx saret dikjarazzjoni jew divulgazzjoni jew ikollhom indikazzjonijiet ta’ attività kriminali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jaqsmu l-informazzjoni permezz tal-mezzi xierqa ma’ awtoritajiet kompetenti għall-ġlieda kontra l-attività kriminali inkwistjoni. Dan l-iskambju tad-dejta huwa proporzjonat meta wieħed iqis li t-trasgressuri li jkunu evitaw l-obbligu tad-dikjarazzjoni u li jkunu nqabdu fi Stat Membru wieħed, x’aktarx jagħżlu Stat Membru ieħor biex idaħħlu jew joħorġu l-flus, fejn l-awtoritajiet kompetenti ma jkollhom l-ebda għarfien dwar il-ksur li jkunu wettqu qabel. L-iskambju ta’ din l-informazzjoni għandu jsir obbligatorju sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti fl-Istati Membri kollha. Fejn ikun hemm indikazzjonijiet li l-flus ikunu relatati ma’ attività kriminali li tista’ taffettwa ħażin l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli wkoll għall-Kummissjoni. Sabiex jintlaħqu aħjar l-għanijiet preventivi u dissważivi ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-evażjoni tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni, l-informazzjoni anonimizzata dwar ir-riskju u r-riżultati tal-analiżi tar-riskju għandhom jiġu skambjati wkoll, b’mod obbligatorju, bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

26.Għandu jkun possibbli li tiġi skambjata informazzjoni bejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, dejjem bis-salvagwardji xierqa. Dan l-iskambju għandu jkun permess biss sakemm jitħarsu d-dispożizzjonijiet rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni dwar id-drittijiet fundamentali u t-trasferiment tad-dejta personali, u wara awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet li jkunu kisbu l-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata dwar kull skambju ta’ informazzjoni li jsir ma’ pajjiżi terzi kif previst f’dan ir-Regolament.

(27)Minħabba n-natura tal-informazzjoni li tinġabar u l-aspettattiva leġittima tad-dikjaranti li d-dejta personali tagħhom u l-informazzjoni dwar is-somom ta’ flus li jkunu daħħlu jew ħarġu mill-Unjoni jkunu se jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu biżżejjed salvagwardji fir-rigward tar-rispett tas-segretezza professjonali mill-aġenti li jitolbu aċċess għall-informazzjoni, u jipproteġuha tajjeb kontra l-aċċess, l-użu jew il-komunikazzjoni mhux awtorizzati. Sakemm mhux previst mod ieħor minn dan ir-Regolament jew mil-liġi nazzjonali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedimenti legali, jeħtieġ li l-informazzjoni ma tiġix divulgata mingħajr il-permess tal-awtorità li tkun ġabritha. Kull ġbir, divulgazzjoni, trażmissjoni, komunikazzjoni u pproċessar ieħor tad-dejta personali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 , u tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 .

(28)Għall-finijiet tal-analiżi li titwettaq mill-Unitajiet tal-Intelliġence Finanzjarja u biex l-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra jkunu jistgħu jikkontrollaw u jinfurzaw l-obbligu tad-dikjarazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-dikjaranti li jkunu diġà wettqu ksur kontra dak l-obbligu, jeħtieġ li d-dejta tad-dikjarazzjoni tinħażen għal perjodu twil biżżejjed biex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti effettivament iwettqu l-investigazzjonijiet. L-ipproċessar tad-dejta personali skont dan ir-Regolament għandu l-istess għanijiet bħal tal-ipproċessar tad-dejta personali skont id-Direttiva (UE) 2015/849. Skont din id-Direttiva, l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja jżommu d-dejta li tingħatalhom mill-“entitajiet obbligati” għal ħames snin. Biex l-obbligu tad-dikjarazzjoni jiġi kkontrollat u nfurzat b’mod effettiv, il-perjodu taż-żamma tad-dejta tad-dikjarazzjoni għandu jikkonforma ma’ dak previst fid-Direttiva (UE) 2015/849.

29.Sabiex tiġi inkoraġġita l-konformità u skoraġġita l-evażjoni, l-Istati Membri għandhom jintroduċu penali għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ dikjarazzjoni jew ta’ divulgazzjoni. Il-penali għandhom japplikaw biss għan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni jew ta’ divulgazzjoni skont dan ir-Regolament u ma għandhomx iqisu l-attività kriminali potenzjalment assoċjata mal-flus, li tista’ tkun l-għan ta’ investigazzjoni ulterjuri u miżuri li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tiġi inkoraġġita l-konformità.

(30)Biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-kontrolli u l-ipproċessar, it-trażmissjoni u l-analiżi effettivi tad-dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni biex tadotta l-mudell tal-formoli tad-dikjarazzjoni u tad-divulgazzjoni, biex jiġu ddeterminati l-kriterji ta’ qafas komuni tal-ġestjoni tar-riskju, biex jiġu stabbiliti r-regoli tekniċi u l-modalitajiet u l-mudell tal-formoli li se jintużaw għad-dikjarazzjonijiet u għall-iskambju tal-informazzjoni, u biex jiġu stabbiliti r-regoli u l-format li se jintużaw għall-għoti ta’ informazzjoni statistika lill-Kummissjoni. Dan għandu jinkludi l-istabbiliment ta’ sistemi elettroniċi xierqa. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 .

(31) Sabiex ikunu jistgħu jitqiesu f’qasir żmien il-modifiki fl-istandards internazzjonali li jsiru fil-futur, stabbiliti mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja, jew biex tiġi evitata l-evażjoni ta’ dan ir-Regolament billi wieħed jistrieħ fuq il-ħażniet likwidi ta’ valur li mhumiex koperti mid-definizzjoni ta’ “flus”, b’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ tiġi delegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex din tadotta atti fir-rigward ta’ modifiki għal dik id-definizzjoni. Hija ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 24 . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat ta’ gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(32)Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda, minħabba fl-iskala transnazzjonali tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u l-ispeċifiċitajiet tas-suq intern u l-libertajiet fundamentali tiegħu – li jistgħu jiġu implimentati għalkollox biss billi jiġi żgurat li ma jiġi impost l-ebda trattament eċċessivament differenti abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar flus li jaqsmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni – jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

33.Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u jikkonforma mal-prinċipji mħaddna fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fit-Titolu II tiegħu,

34.Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ġie kkonsultat b’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta l-opinjoni tiegħu fi 25 ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Is-Suġġett

Dan ir-Regolament jipprevedi sistema ta’ kontrolli fir-rigward tal-flus deħlin jew ħerġin mill-Unjoni biex jikkomplementa l-qafas legali għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu stabbilit fid-Direttiva (EU) 2015/849.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

1.    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)     ‘flus kontanti’ tfisser:

munita;

l-istrumenti negozjabbli għall-portatur imsemmija fl-Anness I;

il-komoditajiet li jintużaw bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur imsemmija fl-Anness I;

il-kards bi ħlas antiċipat imsemmija fl-Anness I;

(b)     “deħlin jew ħerġin mill-Unjoni” tfisser ġejjin minn territorju li huwa barra t-territorju kopert mill-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea lejn it-territorju li huwa kopert mill-Artikolu 355 ta’ dak it-Trattat, jew ħerġin minn territorju li huwa kopert mill-Artikolu 355 ta’ dak it-Trattat lejn territorju li huwa barra mit-territorju kopert mill-Artikolu 355 ta’ dak it-Trattat;

(c)    “munita” tfisser karti tal-flus u muniti li huma fiċ-ċirkolazzjoni bħala mezz ta’ skambju, jew li kienu fiċ-ċirkolazzjoni bħala mezz ta’ skambju u li għadu possibbli li jiġu skambjati għal karti tal-flus u muniti li huma fiċ-ċirkolazzjoni bħala mezz ta’ skambju, permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji jew banek ċentrali;

(d)    “strument negozjabbli għall-portatur” tfisser strument li mhuwiex munita li jagħti d-dritt lill-portatur jitlob ammont finanzjarju meta jippreżenta l-istrument, mingħajr ma jkollu bżonn jagħti prova tal-identità tiegħu jew jagħti prova li huwa intitolat għal dak l-ammont;

(e)    “komoditajiet li jintużaw bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur” tfisser oġġetti li għandhom proporzjon kbir bejn il-valur u l-volum tagħhom u li jistgħu jinbidlu f’muniti faċilment permezz tas-swieq tan-negozjar aċċessibbli filwaqt li jiġġarrbu biss spejjeż tat-tranżazzjoni żgħar;

(f)    “kards bi ħlas antiċipat” huma kards mhux nominattivi li jaħżnu valur monetarju jew fondi li jistgħu jintużaw f’tranżazzjonijiet ta’ ħlas, fl-akkwist ta’ oġġetti jew servizzi jew għat-tifdija ta’ muniti u li ma għandhomx rabta ma’ kont bankarju;

(g)     ‘awtoritajiet kompetenti’ tfisser l-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri, jew kull awtorità oħra, li tingħata s-setgħa li tapplika dan ir-Regolament mill-Istati Membri;

(h)     “flus mhux akkumpanjati” tfisser flus li jagħmlu parti minn konsenja f’każ li s-sid, l-ispeditur jew ir-riċevitur intenzjonat tal-flus ma jivvjaġġax mal-konsenja;

(i)     “attività kriminali” tfisser kwalunkwe attività elenkata fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(j)     “Unità tal-Intelliġence Finanzjarja” tfisser l-entità stabbilita fl-Istat Membru għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

2.    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati skont l-Artikolu 14 biex jiġi emendat l-Anness I biex jitqiesu x-xejriet ġodda tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif inhu ddefinit fil-paragrafi 3, 4, u 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2015/849, jew l-aħjar prattiki għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jew biex jiġi prevenut l-użu minn persuni kriminali ta’ strumenti negozjabbli għall-portatur, jew ta’ komoditajiet li jintużaw bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur, jew ta’ kards bi ħlas antiċipat, biex jiġu evitati l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4.

Artikolu 3
L-obbligu tad-dikjarazzjoni

1.    Kull persuna fiżika li tidħol jew toħroġ mill-Unjoni u li ġġorr flus ta’ valur ta’ EUR 10 000 jew aktar fuqha, fil-bagalji tagħha jew fil-mezz tat-trasport tagħha għandha tiddikjara dawk il-flus lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li tkun għaddejja minnu biex tidħol jew toħroġ mill-Unjoni u tgħaddihom għall-kontroll. L-obbligu tad-dikjarazzjoni ma għandux jitqies li jkun issodisfat jekk l-informazzjoni li tingħata ma tkunx korretta jew sħiħa jew jekk il-flus ma jingħaddewx għall-kontroll.

2.    Id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tagħti d-dettalji dwar:

(a)     id-dikjarant, inklużi l-isem sħiħ, id-data u l-post tat-twelid u n-nazzjonalità;

(b)     id-dikjarant, inklużi l-isem sħiħ, id-data u l-post tat-twelid u n-nazzjonalità;

(c)     id-dikjarant, inklużi l-isem sħiħ, id-data u l-post tat-twelid u n-nazzjonalità;

(d)     l-ammont u n-natura tal-flus kontanti;

(e)     il-provenjenza u l-użu intenzjonat tal-flus kontanti;

(f)     ir-rotta tat-trasport;

(g)     il-mezz tat-trasport.

3.    L-informazzjoni għandha tingħata bil-miktub jew b’mod elettroniku permezz tal-formola stabbilita skont l-Artikolu 15(a). Meta tintalab, għandha tintbagħat kopja approvata lid-dikjarant.

Artikolu 4
L-obbligu tad-divulgazzjoni

1.    Meta flus kontanti ta’ valur ta’ EUR 10 000 jew aktar ikunu deħlin jew ħerġin mill-Unjoni mhux akkumpanjati, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membri li minnu jkunu deħlin jew ħerġin il-flus jistgħu, wara analiżi tar-riskju, jeżiġu li l-ispeditur jew ir-riċevitur jew ir-rappreżentanti tagħhom jagħmlu dikjarazzjoni ta’ divulgazzjoni. L-obbligu tad-dikjarazzjoni ma għandux jitqies li jkun issodisfat jekk l-informazzjoni li tingħata ma tkunx korretta jew sħiħa jew jekk il-flus ma jingħaddewx għall-kontroll.

2.    Id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkontjeni dettalji dwar:

(a)     id-dikjarant, inklużi l-isem sħiħ, id-data u l-post tat-twelid u n-nazzjonalità;

(b)     id-dikjarant, inklużi l-isem sħiħ, id-data u l-post tat-twelid u n-nazzjonalità;

(c)     id-dikjarant, inklużi l-isem sħiħ, id-data u l-post tat-twelid u n-nazzjonalità;

(d)     id-dikjarant, inklużi l-isem sħiħ, id-data u l-post tat-twelid u n-nazzjonalità;

(e)     l-ammont u n-natura tal-flus kontanti;

(f)     il-provenjenza u l-użu intenzjonat tal-flus kontanti;

3.    L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub jew b’mod elettroniku permezz tal-formola stabbilita skont l-Artikolu 15(a). Meta tintalab, għandha tintbagħat kopja approvata lid-dikjarant.

Artikolu 5
Setgħat addizzjonali tal-awtoritajiet kompetenti

1.    Sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-obbligu tad-dikjarazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3, l-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħa, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jikkontrollaw il-persuni fiżiċi, il-bagalji tagħhom u l-mezzi tat-trasport tagħhom.

2.    Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ divulgazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa, b’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jwettqu kontrolli fuq kwalunkwe konsenja, reċipjent jew mezz tat-trasport li jista’ jkun fih flus mhux akkumpanjati.

3.     Jekk ma jkunx ġie ssodisfat l-obbligu skont l-Artikolu 3 jew l-obbligu tad-divulgazzjoni skont l-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu bil-miktub jew f’forma elettronika, dikjarazzjoni ex officio li għandha tinkludi kemm jista’ jkun mid-dettalji elenkati fl-Artikolu 3(2) jew l-Artikolu 4(2), skont il-każ.

4.    Il-kontrolli għandhom ikunu bbażati primarjament fuq analiżi tar-riskju, bil-għan li jiġu identifikati u evalwati r-riskji u li jiġu żviluppati l-kontromiżuri meħtieġa, u għandhom jitwettqu fil-qafas komuni tal-ġestjoni tar-riskju b’konformità mal-kriterji stabbiliti skont l-Artikolu 15(b).

Artikolu 6
Ammonti taħt il-livell limitu

1.    Meta l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw li persuna fiżika tkun dieħla fl-Unjoni jew ħierġa mill-Unjoni b’ammont ta’ flus kontanti taħt il-livell limitu msemmi fl-Artikolu 3, u li wara analiżi tar-riskju jkun hemm indikazzjonijiet li l-flus huma marbutin ma’ attività kriminali, dawn għandhom jirreġistraw dik l-informazzjoni, l-isem sħiħ, l-indirizz, id-data u l-post tat-twelid, u n-nazzjonalità ta’ dik il-persuna, u l-informazzjoni dwar il-mezz tat-trasport użat.

2.    Meta l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw li konsenja ta’ flus mhux akkumpanjati ta’ ammont taħt il-livell limitu msemmi fl-Artikolu 4 tkun dieħla fl-Unjoni jew ħierġa mill-Unjoni u li wara analiżi tar-riskju jkun hemm indikazzjonijiet li l-flus huma marbutin ma’ attività kriminali, dawn għandhom jirreġistraw dik l-informazzjoni, l-isem sħiħ, l-indirizz, id-data u l-post tat-twelid, u n-nazzjonalità tal-ispeditur, tar-riċevitur intenzjonat jew tar-rappreżentant tagħhom, u l-informazzjoni dwar il-mezz ta’ konsenja użat.

Artikolu 7
Iż-żamma temporanja ta’ flus kontanti mill-awtoritajiet kompetenti

1.    L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jissekwestraw u jżommu l-flus temporanjament permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali meta:

(a)     l-obbligu fl-Artikolu 3 u 4 ma jiġix imħares; jew

(b)     ikun hemm indikazzjonijiet li l-flus jkunu marbutin ma’ attività kriminali, irrispettivament minn jekk jinġarrux minn persuna fiżika jew ikunux flus mhux akkumpanjati.

2.    Id-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni ta’ raġunijiet, li trid tiġi kkomunikata lill-persuna affettwata fil-ħin li tinħareġ, u għandha tkun soġġetta għal rimedju effettiv b’konformità mal-proċeduri previsti fil-liġi nazzjonali.

3.    Il-perjodu taż-żamma temporanja għandu jkun limitat strettament għal dak meħtieġ biex l-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw jekk iċ-ċirkostanzi tal-każ jiġġustifikawx żamma itwal. Il-perjodu massimu taż-żamma temporanja għandu jkun stabbilit permezz tal-liġi nazzjonali; ma jistax ikun itwal minn 30 jum. Jekk ma ssirx determinazzjoni dwar żamma itwal tal-flus f’dak il-perjodu, jew jekk issir determinazzjoni li ċ-ċirkostanzi tal-każ ma jiġġustifikawx żamma itwal, il-flus għandhom jingħataw minnufih lid-dikjarant.

Artikolu 8
Għoti ta’ informazzjoni lill-Unità tal-Intelliġence Finanzjarja

1.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirreġistraw l-informazzjoni miksuba skont l-Artikoli 3, 4, 5(3) jew 6 u jittrażmettuha lill-Unità tal-Intelliġence Finanzjarja tal-Istat Membru fejn tkun inkisbet, b’konformità mar-regoli tekniċi stabbiliti skont l-Artikolu 15(c).

2.    L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkomunikata malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta’ meta tkun inġabret.

Artikolu 9
L-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u mal-Kummissjoni

1.    L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha tikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra permezz ta’ mezzi elettroniċi:

(a)     id-dikjarazzjonijiet ex officio stabbiliti skont l-Artikolu 5(3);

(b)     l-informazzjoni li tinġabar skont l-Artikolu 6;

(c)     id-dikjarazzjonijiet li jinkisbu skont l-Artikolu 3 jew 4, jew fejn ikun hemm indikazzjonijiet li l-flus ikunu marbutin ma’ xi attività kriminali;

(d)     l-informazzjoni anonima dwar riskji li jistgħu jinqalgħu u r-riżultati tal-analiżi tar-riskju.

2.    Meta jkun hemm indikazzjonijiet li l-flus ikunu marbutin ma’ attività kriminali li tista’ taffettwa ħażin l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, dik l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi trażmessa wkoll lill-Kummissjoni.

3.    L-awtorità kompetenti għandha tikkomunika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 b’konformità mar-regoli tekniċi stabbiliti skont l-Artikolu 15(c) u permezz tal-formola stabbilita skont l-Artikolu 15(d).

4.    L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi kkomunikata malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta’ meta tkun inġabret.

Artikolu 10
L-iskambju tal-informazzjoni ma’ pajjiżi terzi

1.    Fil-qafas tal-għajnuna amministrattiva reċiproka, l-Istati Membri jew il-Kummissjoni jistgħu jikkomunikaw l-informazzjoni li ġejja lil pajjiż terz, soġġett għall-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti li tkun kisbet l-informazzjoni mingħand id-dikjarant jew mingħand ir-rappreżentant tiegħu u sakemm din il-komunikazzjoni tikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni dwar it-trasferiment ta’ dejta personali lil pajjiżi terzi:

(a)     id-dikjarazzjonijiet ex officio stabbiliti skont l-Artikolu 5(3);

(b)     l-informazzjoni li tinġabar skont l-Artikolu 6;

(c)     id-dikjarazzjonijiet li jinkisbu skont l-Artikolu 3 jew 4, meta jkun hemm indikazzjonijiet li l-flus jkunu marbutin mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu.

2.    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe komunikazzjoni ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1.

Artikolu 11
Is-segretezza professjonali u l-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-dejta

1.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw is-sigurtà tad-dejta li jkunu kisbu skont l-Artikoli 3, 4, u 6.

2.    L-informazzjoni kollha rreġistrata mill-awtoritajiet kompetenti għandha tkun koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

 

Artikolu 12

Il-protezzjoni u l-perjodi taż-Żamma tad-dejta personali

1.    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmluha ta’ kontrolluri tad-dejta li jkunu kisbu skont l-Artikoli 3, 4, u 6.

2.    L-ipproċessar tad-dejta personali abbażi ta’ dan ir-Regolament għandu jsir biss għal skopijiet ta’ prevenzjoni tal-attivitajiet kriminali u biex dawn jiġu miġġielda. .

3.    Id-dejta personali li tinkiseb skont l-Artikoli 3, 4, u 6 għandha tiġi aċċessata biss mill-persunal tal-awtoritajiet kompetenti, awtorizzat kif xieraq, u għandha tkun protetta b’mod adegwat kontra l-aċċess mhux awtorizzat jew il-komunikazzjoni mhux awtorizzata. Sakemm mhuwiex previst mod ieħor fl-Artikoli 8, 9, u 10, ma tistax tiġi divulgata jew ikkomunikata mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tal-awtorità kompetenti li tkun kisbet l-informazzjoni oriġinarjament. Madankollu, dik l-awtorizzazzjoni ma għandhiex tkun meħtieġa meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu mitluba jiddivulgaw jew jikkomunikaw dik l-informazzjoni skont id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ fl-Istat Membru inkwistjoni, b’mod partikolari b’rabta ma’ proċedimenti legali.

4.    Id-dejta personali li tinkiseb skont l-Artikoli 3, 4, u 6 għandha tinħażen mill-awtoritajiet kompetenti u mill-Unità tal-Intelliġence Finanzjarja għal perjodu ta’ ħames snin wara d-data li tkun inġabret fiha. Meta dan il-perjodu jiskadi, għandha titħassar jew issir anonima.

Artikolu 13
Il-penali għal nuqqas ta’ konformità

Kull Stat Membru għandu jintroduċi l-penali li għandhom japplikaw fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu tad-dikjarazzjoni stabbilit fl-Artikoli 3 u 4. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 14
L-eżerċitu tad-delega

1.    Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti delegati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2    Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat li jibda minn …. 26*

3.    Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 2(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat diġà fis-seħħ.

4.     Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti maħturin minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.    Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.    Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(2) jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jkun estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

Artikolu 15
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għandha tadotta miżuri biex tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ kontrolli minn awtoritajiet kompetenti, inkluż:

(a)il-mudell tal-formoli ta’ dikjarazzjoni u ta’ divulgazzjoni msemmi fl-Artikoli 3(3) u 4(3);

(b)il-kriterji tal-qafas komuni tal-ġestjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 5(4);

(c)    ir-regoli tekniċi għall-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikoli 8 u 9, inkluż l-istabbiliment ta’ sistema elettronika xierqa;

(d)    il-mudell tal-formola għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(3);

(e)    ir-regoli u l-format li għandhom jintużaw mill-Istati Membri biex jipprovdu l-informazzjoni statistika anonima dwar id-dikjarazzjonijiet u l-ksur lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 16
Proċedura tal-Kumitat

1.    Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Koordinazzjoni tal-FNE. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.    Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 17
Komunikazzjoni ta’ informazzjoni rigward l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament

1.    Mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni:

(a)    il-lista tal-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 2(1);

(b)     id-dettalji tal-penali introdotti skont l-Artikolu 13;

(c)    l-informazzjoni statistika anonimizzata rigward dikjarazzjonijiet, kontrolli u ksur, permezz tal-format stabbilit skont l-Artikolu 15(e).

2.    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil sussegwenti għall-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 mhux aktar tard minn xahar wara li dan it-tibdil ikun daħal fis-seħħ.

L-informazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandha tingħata lill-Kummissjoni tal-inqas kull sitt xhur.

3.    Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-Istati Membri l-oħra kollha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) u kwalunkwe tibdil sussegwenti għal dik l-informazzjoni skont il-paragrafu 2.

Artikolu 18
Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u kull ħames snin wara dan, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 19
Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005

Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 huwa rrevokat.

Ir-referenzi li jsiru għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu li jkunu qed isiru għar-Regolament preżenti, u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrispondenza li tingħata fl-Anness III.

Artikolu 20
Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn …. 27*

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) COM(2016) 50 final
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 9)
(3) Insert reference
(4) Ara r-rapport tal-Europol “Why cash is still king”, disponibbli permezz ta’ dan il-link: https://www.europol.europa.eu/newsroom/news/cash-still-king-criminals-prefer-cash-for-money-laundering
(5) ĠU L 141, 05.06.2015, p. 73
(6) ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1
(7) ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.
(8) ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70
(9) ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9
(10) C (2015) 185 final
(11) COM (2015) 625 final
(12) Link to evaluation to be inserted
(13) Għar-rapport tas-sommarju tal-konsultazzjoni, ara: Link to be inserted
(14) Għas-sommarju, ara: Insert link; għal verżjoni sħiħa, ara: Insert link
(15) Insert link
(16) ĠU C […], […], p. […].
(17) ĠU C […], […], p. […].
(18) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE tal-10 ta’ Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għal l-iskop tal-ħasil tal-flus (ĠU L 166, 28.6.1991, p. 77).
(19) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
(20) Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 9).
(21) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
(22) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.).
(23) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(24) Ref. to OJ [L 123/1]
(25) ĠU C […], […], p. […].
(26) *Date of entry into force of the basic legislative act or any other date set by the legislator.
(27) *Two years after the entry into force of the basic legislative act or any other date set by the legislator.

Brussell, 21.12.2016

COM(2016) 825 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-kontrolli fir-rigward tal-flus deħlin u ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005

{SWD(2016) 470 final}
{SWD(2016) 471 final}


ANNESSI

tal-

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-kontrolli fir-rigward tal-flus deħlin u ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005

ANNESS I

Strumenti negozjabbli għall-portatur, komoditajiet użati bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur u kards imħallsin minn qabel li huma kkunsidrati flus skont il-punti (ii), (iii) u (iv) tal-Artikolu 2(1)(a)

1.    L-istrumenti negozjabbli għall-portatur li ġejjin għandhom jitqiesu bħala flus skont l-Artikolu 2(1)(a)(ii)::

(a)    traveller’s cheques;

(b)    ċekkijiet, promissory notes u money orders li jew huma f'forma għall-portatur, iffirmati imma mingħajr isem min se jirċievi l-flus, iffirmati mingħajr restrizzjoni, indirizzati lil prenditur fittizju, jew inkella tali li t-titoli tagħhom jiġu ttrasferiti mal-għoti tagħhom.

2.    Il-komoditajiet li ġejjin użati bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur għandhom jitqiesu flus skont l-Artikolu 2(1)(a)(iii):

(a)    muniti b’kontenut tad-deheb ta’ mill-inqas 90 %;

(b)    muniti metalliċi bħal staneg, biċċiet tal-metall u mases b’kontenut tad-deheb ta’ mill-inqas 99,5 %.

3.    Il-kards imħallsin minn qabel li ġejjin għandhom jitqiesu bħala flus skont l-Artikolu 2(1)(a)(iv):



ANNESS II

Tabella ta' korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu. 1

Artikolu 2

Artikolu. 2

Artikolu 3

Artikolu. 3

-

Artikolu. 4

Artikolu 4(1)

Artikolu. 5

Artikolu 5(2)

Artikolu. 6

Artikolu 4(2)

Artikolu. 7

Artikolu 5(1)

Artikolu. 8

Artikolu 6

Artikolu. 9

Artikolu 7

Artikolu. 10

Artikolu 8

Artikolu. 11

-

Artikolu. 12

Artikolu 12

Artikolu. 13

-

Artikolu. 14

-

Artikolu. 15

-

Artikolu. 16

-

Artikolu. 17

Artikolu 10

Artikolu. 18

-

Artikolu. 19

Artikolu 11

Artikolu. 20

-

Anness I

-

Anness II