Brussell, 21.12.2016

COM(2016) 811 final

2016/0406(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-applikazzjoni temporanja ta’ mekkaniżmu tar-reverse change ġeneralizzat b’rabta mal-provvista ta’ prodotti u servizzi ’l fuq minn ċertu livell limitu

{SWD(2016) 457 final}
{SWD(2016) 458 final}


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Fis-7 ta’ April 2016, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT 1 li jippreżenta l-għanijiet u l-miżuri għall-modernizzar tas-sistema tal-VAT tal-UE. Dan jibni fuq il-ħidma mwettqa sa mill-Komunikazzjoni dwar il-futur tal-VAT 2 li segwiet il-proċess kbir ta’ konsultazzjoni li nbeda mill-Kummissjoni bil-Green Paper tagħha dwar il-futur tal-VAT 3 .

Il-ħolqien ta’ żona tal-VAT Ewropea unika robusta hija waħda mill-azzjonijiet ewlenin imħabbra mill-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha. Dan se jkun jeħtieġ li tiġi stabbilita s-sistema tal-VAT definittiva għall-kummerċ transfruntier minn negozju għal negozju (B2B) fl-UE sabiex tissostitwixxi s-sistema attwali li kienet maħsuba biex tkun transnazzjonali.

Kif maqbul mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, din is-sistema definittiva tal-VAT se tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ tassazzjoni fil-pajjiż tad-destinazzjoni tal-merkanzija (l-hekk imsejjaħ “prinċipju tad-destinazzjoni”) billi s-sistema attwali hija bbażata fuq l-eżenzjoni tal-provvisti ta' oġġetti fl-Istat Membru tat-tluq. Għalhekk, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva fl-2017 għas-sistema definittiva tal-VAT għall-kummerċ transfruntier bbażat fuq din l-opzjoni ta' “tassazzjoni”.

Madankollu, billi l-preparazzjoni, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' bidla ewlenija bħal din x'aktarx li tieħu ftit taż-żmien, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa li taħdem b’mod parallel fuq inizjattivi oħrajn, b’mod partikolari fuq miżuri urġenti biex jindirizzaw il-frodi tal-VAT u, sussegwentement id-diskrepanza fil-VAT, id-differenza bejn id-dħul mistenni mill-VAT u l-VAT li attwalment tinġabar mill-awtoritajiet tat-taxxa. Id-diskrepanza fil-VAT laħqet livell allarmanti ta’ kważi EUR 160 biljun 4 li minnhom il-frodi transfruntiera jammontaw għal telf ta’ madwar EUR 50 biljun fis-sena 5 .

Bħala waħda minn dawn il-miżuri urġenti, il-Kummissjoni kkunsidrat, fuq talba ta’ ċertu Stati Membri, il-possibilità li dawn l-Istati Membri jkunu permessi jimplimentaw mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat temporanju (GRCM, generalised reverse charge mechanism) li jidderoga minn wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-Direttiva dwar il-VAT 6 , li huwa l-pagament frazzjonat. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni qablet li tivvaluta bir-reqqa l-implikazzjonijiet politiċi, legali u ekonomiċi ta’ dan il-GRCM temporanju qabel ma tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha.

Din l-analiżi profonda fil-livell tekniku ta’ GRCM, b’livell limitu tal-fattura ta’ EUR 10 000, twettqet u ġiet ippreżentata matul il-laqgħa tal-ECOFIN tas-17 ta’ Ġunju 2016. Fil-kuntest ta’ ftehim politiku fuq il-politika ġenerali kontra l-frodi fl-UE, il-Kummissjoni għamlet id-dikjarazzjoni li ġejja lill-minuti tal-ECOFIN: “Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tippreżenta, qabel l-aħħar tas-sena, proposta leġiżlattiva li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mis-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud sabiex japplikaw sistema tar-reverse charge ġeneralizzata għall-provvisti domestiċi ’l fuq minn livell limitu definit u jippreżervaw is-Suq Intern.”

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet politiċi eżistenti fil-qasam tal-politika

L-iskop tal-proposta leġiżlattiva huwa limitat fl-ambitu u fiż-żmien u huwa mingħajr preġudizzju għall-iżvilupp ta’ sistema tal-VAT definittiva bbażata fuq it-tassazzjoni tal-provvisti transfruntieri.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Id-Direttiva temenda d-Direttiva dwar il-VAT abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Minħabba d-deroga tagħha mill-prinċipju fundamentali tal-pagamenti frazzjonati, il-bażi legali speċifika għal applikazzjoni temporanja bħal din ta' GRCM għal prodotti u servizzi ’l fuq minn ċertu livell limitu, hija l-aqwa pass li jmiss jittieħed u dan huwa konformi mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-VAT.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)

Skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), tista’ tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE biss jekk l-għanijiet maħsuba ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom u għalhekk jistgħu, permezz tal-iskala jew l-effetti tal-azzjonijiet proposti, jintlaħqu aħjar mill-UE.

L-Istati Membri ma setgħux jaġixxu individwalment minħabba li l-applikazzjoni ta' GRCM minn Stati Membri individwali ma tistax titqies bħala “deroga normali” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT peress li din tinvolvi bidla fundamentali għas-sistema tal-VAT. Għalhekk, il-possibilità li l-Istati Membri individwali japplikaw GRCM teħtieġ proposta mill-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva dwar il-VAT sabiex tiġi permessa din is-sistema ta’ deroga. Il-proposta xorta waħda tippermetti grad għoli ta’ sussidjarjetà lill-Istati Membri billi l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu hija volontarja u kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi jekk jitlobx id-deroga jew le, sakemm jiġu ssodisfati l-kriterji.

Proporzjonalità

Minħabba l-karattru fakultattiv u temporanju tagħha, il-miżura hija proporzjonali mal-għan tagħha li tiġġieled kontra l-frodi f’ċertu Stati Membri li ma għandhomx il-kapaċità amministrattiva li jiġġilduha b’mod effettiv jew li jiffaċċjaw żieda qawwija fil-frodi tal-VAT. L-għoti tal-GRCM huwa soġġett għal kriterji definiti minn qabel li għandhom l-għan li jillimitaw l-ambitu tal-miżura għall-Istati Membri li huma partikolarment milquta mill-frodi karusell. F’dan il-kuntest, diskrepanza tal-VAT ta’ iktar minn 5 punti perċentwali ’l fuq mill-medjan tal-UE u livell ta’ frodi karusell fid-diskrepanza tal-VAT totali tal-Istati Membri ta’ aktar minn 25 % huma kkunsidrati bħala kriterji raġjonevoli u rappreżentattivi sabiex jiġu identifikati dawk l-Istati Membri li huma affettwati aktar mill-medja. Barra minn hekk, minħabba l-inċertezza tal-effetti tal-miżura fir-rigward taċ-ċaqliq tal-frodi, Stat Membru li għandu fruntiera komuni ma’ Stat Membru li japplika l-GRCM għandu wkoll ikun awtorizzat japplika l-GRCM skont ċertu kundizzjonijiet.

Madankollu, l-impatt fuq is-suq intern għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib. Għal dak il-għan, fi klawżola ta’ salvagwardja, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tħassar, mingħajr effett retroattiv, derogi fil-każ li l-impatt tas-suq intern ikun wieħed negattiv.

Għażla tal-istrument

Qed tiġi proposta Direttiva fid-dawl tal-emenda tad-Direttiva tal-VAT.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET “EX POST”, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet Interessati

Ma twettqet ebda konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar il-“Green Paper dwar il-futur tal-VAT - Lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, aktar soda u aktar effiċjenti” COM(2010)695), li rriżultat f’madwar 1700 kontribuzzjoni, ipprovdiet lill-Kummissjoni b’fehim ċar tal-problemi u s-soluzzjonijiet possibbli, inklużi l-aspetti tar-reverse change. Aktar dettalji huma stipulati fl-Anness 2 tal-valutazzjoni tal-impatt.

L-amministrazzjonijiet tat-taxxa u r-rappreżentanti kummerċjali ddiskutew il-kwistjoni matul laqgħa tal-Grupp dwar il-Futur tal-VAT (GFV) u l-Grupp ta’ Esperti dwar il-VAT (VEG) fi Frar 2016 li pprovdiet lill-Kummissjoni b’deskrizzjoni komprensiva tal-opinjonjiet dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni possibbli ta’ din is-sistema.

Il-ġbir u l-użu tal-ħila esperta

Il-VEG, li jassisti u jagħti konsulenza lill-Kummissjoni Ewropea dwar kwistjonijiet tal-VAT fid-dawl tal-preparazzjoni tal-atti leġiżlattivi u inizjattivi ta’ politika oħrajn ġie kkonsultat, kif imsemmi, fi Frar 2016.

Fl-opinjoni tagħha tat-28 ta’ Ġunju 2016, il-Pjattaforma REFIT talbet reġim tal-VAT aktar sempliċi u bażiku fl-UE, u indikat b’mod partikolari l-ostakoli għas-suq intern u l-piż regolatorju li nħoloq 7 .

Ingħata kas ta' opinjonijiet adottati mill-federazzjonijiet kummerċjali u mill-pubblikazzjonijiet xjentifiċi.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet ippreżentata lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju għall-ewwel darba fis-27 ta’ Settembru 2016 u l-laqgħa saret fis-26 ta’ Ottubru 2016. Abbażi tal-opinjoni tal-Bord, ġie ppreżentat abbozz ġdid lill-Bord li ta opinjoni pożittiva fit-28 ta’ Novembru 2016 b’rakkomandazzjonijiet, b'mod partikolari biex jiġu inklużi l-aħjar u l-agħar xenarji possibbli 8 (ara wkoll l-Anness 1 tal-valutazzjoni tal-impatt li qed takkumpanja din il-proposta).

Il-valutazzjoni tal-impatt, bħala l-opzjoni ppreferuta, identifikat deroga biex jiġi applikat il-GRCM minn ċertu Stati Membri li jissodisfaw kriterji ddefiniti minn qabel, fuq bażi voluntarja u għall-prodotti u s-servizzi kollha b’livell limitu tal-fatturat ta’ aktar minn EUR 10 000. Din l-opzjoni toffri soluzzjoni fuq żmien qasir lill-Istati Membri li huma partikolarment affettwati mill-frodi karusell. Din tnaqqas għall-minimu l-impatti negattivi fuq is-suq intern billi tillimita ċ-ċaqliq tal-frodi bejn l-Istati Membri. Hija prevista klawżola ta’ salvagwardja fil-każ ta’ impatti negattivi fuq is-suq intern.

4.ELEMENTI OĦRAJN

Din il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni.

2016/0406 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-applikazzjoni temporanja ta’ mekkaniżmu tar-reverse change ġeneralizzat b’rabta mal-provvista ta’ prodotti u servizzi ’l fuq minn ċertu livell limitu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar il-VAT 9 , il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjonijiet tagħha li tressaq proposta għal reġim definittiv ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-kummerċ transfruntier minn negozju għal negozju bejn l-Istati Membri fuq il-bażi tat-tassazzjoni tal-fornitura transfruntiera ta’ prodotti u servizzi.

(2)Minħabba l-livell attwali ta’ frodi tal-VAT u l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha huma affettwati indaqs minn dan it-tip ta' frodi, u minħabba l-fatt li se jgħaddu bosta snin sabiex jiġi implimentat reġim tal-VAT definittiv, jistgħu jkunu meħtieġa xi miżuri urġenti u speċifiċi.

(3)F’dan il-kuntest, ċertu Stati Membri talbu li jitħallew jimplimentaw mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat u temporanju (minn hawn ’il quddiem: “GRCM”) b’ċertu livell limitu għal kull fattura li jidderoga minn wieħed mill-prinċipji ġenerali tas-sistema tal-VAT attwali, fir-rigward tas-sistema tal-pagament frazzjonat, sabiex tiġi indirizzata l-frodi karusell enedemika. Il-frodi karusell għandha l-għeruq tagħha, prinċipalment, fl-eżenzjoni attwali fuq il-provvisti intra-komunitarji li tippermetti li l-prodotti jinkisbu mingħajr VAT. Numru ta’ negozjanti mbagħad jinvolvu ruħhom fil-frodi tal-VAT billi ma jħallsux il-VAT li jirċievu mill-klijenti tagħhom lill-awtoritajiet tat-taxxa. Dawk il-klijenti, madankollu, peress li jkollhom fatturi validi, jibqgħu intitolati għal tnaqqis mit-taxxa. L-istess oġġetti jistgħu jiġu fornuti bosta drabi billi jerġgħu jiġu inklużi l-provvisti intra-Komunitarji eżentati. Jista' jkun hemm każijiet ta' frodi karusell simili meta jiġu fornuti s-servizzi. Billi l-persuna taxxabbli li lilha jkunu se jiġu pprovduti l-oġġetti jew servizzi ssir ukoll il-persuna responsabbli għall-VAT, id-deroga telimina l-possibbiltà lili wieħed jiffroda t-taxxa b'dak il-mod.

(4)Sabiex jiġi limitat ir-riskju taċ-ċaqliq tal-frodi bejn l-Istati Membri, l-Istati Membri kollha li jissodisfaw ċertu kriterji fir-rigward tal-livell tal-frodi tagħhom, b’mod partikolari b'rabta mal-frodi karusell, u li jistgħu jistabbilixxu liema miżuri oħrajn ta’ kontroll mhumiex suffiċjenti biex jiġi miġġieled dak il-frodi, għandhom jitħallew jintużaw GRCM.

(5)Barra minn hekk, l-Istati Membri konfinanti li jiffaċċjaw riskju serju ta’ ċaqliq tal-frodi fit-territorju tagħhom, minħabba l-awtorizzazzjoni ta’ dak il-mekkaniżmu fi Stat Membru ieħor, għandhom jitħallew jużaw il-GRCM, fejn miżuri oħrajn ta’ kontroll ma jkunux suffiċjenti biex jiġi miġġieled dak ir-riskju ta’ frodi.

(6)Jekk l-Istati Membri jagħżlu li japplikaw il-GRCM, għandhom japplikawha għall-provvisti kollha ta’ oġġetti u servizzi ’l fuq minn livell limitu definit għal kull fattura. Il-GRCM m’għandhiex tiġi ristretta għal kwalunkwe settur speċifiku.

(7)L-Istati Membri li jagħżlu li japplikaw il-GRCM għandhom jintroduċu obbligi speċifiċi ta’ rappurtar elettroniku fuq il-persuni taxxabbli sabiex jiżguraw il-funzjonament u l-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni tal-GRCM. Dan għandu jidentifika u jipprevjeni l-forom kollha ġodda ta’ frodi tat-taxxa.

(8)Sabiex jiġi vvalutat l-effett tal-applikazzjoni tal-GRCM fuq l-attivitajiet frodulenti b’mod trasparenti, il-kriterji ta’ evalwazzjoni ddefiniti minn qabel għandhom jiġu stabbiliti minn dawk l-Istati Membri sabiex tiġi permessa valutazzjoni tal-livell ta' frodi qabel u wara l-applikazzjoni tal-GRCM.

(9)Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-għoti tal-awtorizzazzjoni lill-Istat Membru rikjedenti sabiex jiġi introdott il-GRCM.

(10)L-Istati Membri li jagħżlu li japplikaw il-GRCM għandhom jitolbu lill-Kummissjoni tawtorizza l-applikazzjoni tal-GRCM u jipprovdu l-informazzjoni rilevanti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta dik it-talba. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ titlob informazzjoni addizzjonali.

(11)Minħabba l-effetti mhux mistennija li jista’ jkollu dan il-GRCM fuq il-funzjonament tas-suq intern minħabba ċ-ċaqliq possibbli tal-frodi lejn Stati Membri oħrajn li ma japplikawhx, il-Kummissjoni għandha tkun tista’, bħala miżura ta’ salvagwardja, tirrevoka d-deċiżjonijiet implimentattivi kollha li japprovaw l-applikazzjoni tal-GRCM.

(12)Fid-dawl tal-effetti inċerti li jista’ jkollu dan il-mekkaniżmu, għandu jkun limitat fiż-żmien.

(13)Sabiex jiġi mmonitorjat mill-qrib l-impatt fuq is-suq intern, l-Istati Membri kollha għandhom, fil-każ li l-GRCM jintuża f’tal-inqas Stat Membru wieħed, jippreżentaw rapporti lill-Kummissjoni sabiex tiġi permessa l-valutazzjoni tal-impatt fuq il-frodi, il-kostijiet tal-konformità għan-negozji u ċ-ċaqliq fl-attivitajiet frodulenti minħabba l-applikazzjoni tal-GRCM.

(14)Għalhekk, id-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 199c li ġej għandu jiżdied fid-Direttiva 2006/112/KE:

“Artikolu 199c

1.Sat-30 ta’ Ġunju 2022 Stat Membru jista’, bħala Mekkaniżmu tar-Reverse Charge Ġeneralizzat (GRCM), jipprevedi li l-persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li lilha jsiru l-fornimenti tal-oġġetti u s-servizzi ’l fuq minn livell limitu ta’ EUR 10 000 għal kull fattura, b’deroga mill-Artikolu 193.

Stat Membru li jixtieq li jintroduċi l-GRCM għandu jikkonforma mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)ikollu diskrepanza tal-VAT, espressa bħala perċentwal tar-Responsabbiltà tat-Taxxa Totali tal-VAT, ta' mill-inqas 5 punti perċentwali ’l fuq mid-diskrepanza tal-VAT medjana tal-Komunità;

(b)ikollu livell ta’ frodi karuselll fi ħdan id-diskrepanza tal-VAT totali tiegħu ta’ aktar minn 25 %;

(c)jistabblixxi li l-miżuri l-oħrajn ta’ kontroll mhumiex suffiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi karuselll fit-territorju tiegħu.

L-Istat Membru għandu jehmeż mat-talba msemmija fil-paragrafu 4, il-kalkolu tad-diskrepanza tal-VAT skont il-metodu u l-figuri disponibbli fl-aktar rapport reċenti dwar id-diskrepanza tal-VAT ippubblikat mill-Kummissjoni.

2.Sat-30 ta’ Ġunju 2022, Stat Membru jista’ jipprovdi li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li lilha jsiru l-fornimenti tal-oġġetti u s-servizzi ’l fuq minn livell limitu ta’ EUR 10 000 għal kull fattura fejn dan l-Istat Membru:

(a)għandu fruntiera komuni ma’ Stat Membru li huwa awtorizzat japplika l-GRCM;

(b)jistabbilixxi li jeżisti riskju serju ta’ ċaqliq tal-frodi lejn it-territorju tiegħu minħabba l-awtorizzazzjoni tal-GRCM lil dak l-Istat Membru;

(c)jistabblixxi li l-miżuri l-oħrajn ta’ kontroll mhumiex suffiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi fit-territorju tiegħu.

3.L-Istati Membri li japplikaw il-GRCM għandhom jistabbilixxu obbligi ta’ rappurtar elettroniku xierqa u effettivi fuq il-persuni taxxabbli kollha u, b’mod partikolari, fuq il-persuni taxxabbli li jipprovdu jew li jirċievu l-prodotti jew is-servizzi li japplika għalihom dan il-mekkaniżmu.

4.L-Istati Membri li jixtiequ japplikaw il-GRCM għandhom jippreżentaw talba lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)ġustifikazzjoni dettaljata li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jew 2 ġew issodisfati;

(b)id-data ta' meta jkun se jibda jiġi applikat il-GRCM u l-perjodu kopert minnu;

(c)l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex il-persuni taxxabbli jiġu infurmati li se jkun se jibda jiġi applikat il-GRCM;

(d)deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri ta’ akkumpanjament imsemmija fil-paragrafu 3.

Jekk il-Kummissjoni tqis li m’għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa, għandha teħtieġ informazzjoni addizzjonali fi żmien xahar mill-irċevuta tat-talba. L-Istat Membru li qed jagħmel it-talba għandu jippreżenta l-informazzjoni rikjesta fi żmien xahar mill-irċevuta tan-notifika.

5.Il-Kummissjoni għandha, mhux iktar tard minn tliet xhur wara li tkun irċeviet l-informazzjoni kollha, tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tikkonferma li t-talba tikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 4 u tawtorizza lill-Istat Membru li qed jagħmel it-talba sabiex japplika l-GRCM. Fil-każ fejn dawn ir-rekwiżiti ma jiġux issodisfati, għandha tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tirrifjuta t-talba.

6.Fil-każ ta’ impatt negattiv konsiderevoli fuq is-suq intern, il-Kummissjoni għandha tirrevoka d-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 5, għallinqas sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-ewwel deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tawtorizza Stat Membru japplika l-GRCM.

L-impatt negattiv konsiderevoli għandu jiġi kkunsidrat stabbilit meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew issodisfati:

(a)aktar minn Stat Membru wieħed, li ma japplikax il-GRCM imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jinforma lill-Kummissjoni biż-żieda fil-frodi tal-VAT fuq it-territorju tiegħu minħabba l-GRCM;

(b)il-Kummissjoni tistabblixxi, inkluż fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri msemmija fil-punt (a), li din iż-żieda hija marbuta direttament mal-applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu fi Stat Membru wieħed jew aktar.

7.L-Istati Membri li japplikaw il-GRCM għandhom jippreżentaw rapport interim lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sentejn wara l-bidu tal-applikazzjoni tal-GRCM. Dan ir-rapport għandu jipprovdi valutazzjoni dettaljata tal-effettività tal-GRCM.

Tliet xhur wara t-tmiem tal-applikazzjoni tal-GRCM, l-Istati Membri li japplikaw il-mekkaniżmu għandhom jissottomettu rapport finali fuq l-impatt ġenerali tiegħu.

8.L-Istati Membri li ma japplikawx il-mekkaniżmu għandhom jippreżentaw rapport interim lill-Kummissjoni fir-rigward tal-impatt fuq it-territorju tagħhom mill-Istati Membri l-oħrajn li japplikaw il-GRCM mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2019, diment li l-GRCM ikun ġie applikat għal tal-inqas sena fi Stat Membru wieħed sa dik id-data.

Jekk tal-inqas Stat Membru wieħed japplika l-GRCM, l-Istati Membri li ma japplikawx il-mekkaniżmu għandhom jippreżentaw rapport finali lill-Kummissjoni fir-rigward tal-impatt fit-territorju tagħhom minn Stati Membri oħrajn li jkunu applikaw il-GRCM mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2022.

9.Fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 7, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-impatt tal-applikazzjoni tal-GRCM abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni li ġejjin:

(a)l-evoluzzjoni tad-diskrepanza tal-VAT;

(b)l-evoluzzjoni tal-frodi tal-VAT, b'mod partikolari l-frodi karusell u l-frodi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut;

(c)l-evoluzzjoni tal-piżijiet amministrattivi fuq il-persuni taxxabbli;

(d)l-evoluzzjoni tal-ispejjeż amministrattivi għall-amministrazzjoni tat-taxxa.

10.Fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 8, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-impatt tal-applikazzjoni tal-GRCM abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni li ġejjin:

(a)l-evoluzzjoni tad-diskrepanza tal-VAT;

(b)l-evoluzzjoni tal-frodi tal-VAT, b'mod partikolari l-frodi karusell u l-frodi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut;

(c)iċ-ċaqliq tal-frodi mill-Istati Membri li japplikaw jew li kienu applikaw il-GRCM.”.

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika sat-30 ta’ Settembru 2022.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT - Lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Iż-żmien biex niddeċiedu (COM(2016)148 finali tas-7.4.2016).
(2) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-futur tal-VAT - Lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, robusta u effiċjenti mfassla għas-suq uniku (COM(2011) 851 finali tas-6.12.2011).
(3) Il-Green Paper dwar il-futur tal-VAT - Lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, aktar soda u aktar effiċjenti (COM(2010) 695 tal-1.12.2010).
(4) CASE, Study and Reports on the VAT Gap in the EU-28 Member States:2016 Final Report
(5) Ernst & Young, Implementing the ‘destination principle’ to intra-EU B2B supplies of goods: Rapport Finali 2015.
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p.1)
(7) http://ec.europa.eu/smart-regulation/refit/refit-platform/docs/recommendations/opinion_taxation_1a.pdf
(8) Il-folja tas-sommarju eżekuttiv hija disponibbli fuq il-link li ġej:
http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/ia_carried_out/cia_2016_en.htm
(9) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT – Lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Iż-żmien biex niddeċiedu (COM(2016)148 final tas-7.4.2016).