Strasburgu, 22.11.2016

COM(2016) 723 final

2016/0359(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar oqfsa ta' risturtturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2016) 357 final}
{SWD(2016) 358 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ir-regoli tal-insolvenza jkopru firxa wiesgħa ta' miżuri minn intervent bikri qabel ma kumpanija tidħol f'diffikultajiet serji, ristrutturar fil-ħin sabiex jiġi żgurat li l-partijiet vijabbli tan-negozju jiġu ppreservati, likwidazzjoni ta' assi li ġejjin minn kumpaniji li ma jistgħux jiġu salvati b'mod ieħor u finalment billi jagħtu t-tieni opportunità lil imprendituri onesti permezz ta' ħelsien mid-dejn.

Qafas ta' insolvenza li jiffunzjona tajjeb li jkopri dawn il-miżuri kollha huwa parti essenzjali ta' ambjent tan-negozju tajjeb peress li jappoġġa l-kummerċ u l-investiment 1 , jgħin biex joħloq u jippreserva l-impjiegi, u jgħin lill-ekonomiji jassorbu iktar faċilment l-iskossi ekonomiċi li jikkawżaw livelli għoljin ta' self improduttiv u qgħad. Dawn huma kollha prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-kwistjonijiet tal-insolvenza għandhom dimensjoni tal-Unjoni b'saħħitha. Suq uniku dejjem iktar interkonness b’dimensjoni diġitali dejjem iktar b’saħħitha jfisser li ftit kumpaniji huma purament nazzjonali jekk l-aspetti rilevanti kollha huma kkunsidrati, bħall-klijentela, il-katina ta’ provvista, il-bażi tal-investituri u kapitali tagħhom (biex insemmu ftit biss). B'mod importanti, il-kwistjonijiet tal-insolvenza jaġixxu wkoll bħala deterrent għall-espansjoni u l-investimenti transfruntiera. Ħafna investituri jsemmu l-inċertezza dwar regoli ta' insolvenza jew ir-riskju ta' proċeduri twal jew kumplessi ta' insolvenza f'pajjiż ieħor bħala raġuni ewlenija għaliex ma jinvestux jew ma jibdewx relazzjoni ta' negozju barra minn pajjiżhom stess. Għaldaqstant, huwa essenzjali li suq uniku li jiffunzjona sew u Unjoni tas-Swieq Kapitali jkollhom livell ogħla ta' armonizzazzjoni fil-qasam tal-liġi dwar l-insolvenza. Minħabba f’hekk, il-kwistjoni ilha tiġbed attenzjoni konsiderevoli fil-livell tal-UE.

Iktar konverġenza tal-proċeduri ta' insolvenza u ta' ristrutturar jiffaċilitaw aktar ċertezza tad-dritt għall-investituri transfruntiera u jħeġġu r-ristrutturar f'waqtu ta' kumpaniji vijabbli f’diffikultajiet finanzjarji. Liġijiet ineffiċjenti u diverġenti ta' insolvenza jagħmluha aktar diffiċli għall-investituri biex jivvalutaw ir-riskju tal-kreditu, b'mod partikolari meta dawn jikkunsidraw li jagħmlu investimenti transfruntiera. Il-kondiviżjoni tar-riskji iktar transfruntiera, swieq kapitali iktar b'saħħithom u iktar likwidi u sorsi diversifikati ta' finanzjament għan-negozji tal-UE se japprofondixxu l-integrazzjoni finanzjarja, inaqqsu l-ispejjeż tal-kisba ta' kreditu u jżidu l-kompetittività tal-UE.

Ristrutturar u insolvenza

Fl-Ewropa, illum il-ġurnata, nofs in-negozji kollha jkampaw inqas minn ħames (5) snin 2 . L-għadd ta' insolvenzi korporattivi żdied minn meta l-kriżi ekonomika laħqet il-quċċata tagħha fl-2009 u għadu għoli għalkemm jidher li issa t-tendenza qed tiġi invertita. F'bosta Stati Membri hemm it-tendenza li l-impriżi vijabbli li jkollhom inkwiet finanzjarju jiġu ggwidati lejn il-likwidazzjoni milli lejn ristrutturar bikri. Huwa stmat li fl-UE, 200 000 ditta jfallu kull sena (jew 600 kuljum), li jirriżulta f'telf ta' impjiegi diretti ta' 1,7 miljun kull sena. Waħda minn kull erbgħa tkun insolvenza transfruntiera, jiġifieri jinvolvu kredituri u debituri f'iktar minn Stat Membru tal-UE 3 . Perċentwali sinifikanti tad-ditti u impjiegi relatati jistgħu jiġu salvati li kieku jkun hemm proċeduri preventivi fl-Istati Membri kollha fejn ikollhom stabbilimenti, assi jew kredituri. Barra minn hekk, id-disponibbiltà tal-proċeduri ta’ ristrutturar preventiv tiżgura li tkun ittieħdet azzjoni qabel ma l-kumpaniji jwettqu inadempjenza fuq is-self tagħhom. Dan jikkontribwixxi għat-tnaqqis fir-riskju li s-self isir self improduttiv fi tnaqqis fir-ritmu ċikliku, u b’hekk jonqos l-impatt negattiv relatat fuq is-settur finanzjarju. Iżda d-dimensjoni transfruntiera u l-ispejjeż tal-oqfsa ta' insolvenza diverġenti huma ħafna usa'. L-ewwel nett, għalkemm il-kredituri jista’ jkollhom fornituri fil-katina tal-provvista tagħhom li jkunu negozji purament domestiċi, fornitur li jsib ruħu f'diffikultajiet finanzjarji u ma jkunx jista' jiġi salvat xorta waħda jkollu impatt negattiv li jista’ jikkawża l-insolvenza tal-kumpanija transfruntiera. L-impatt ta' dawn l-insolvenzi transfruntiera jista' jkun għoli ħafna billi hemm iktar ċans li dawn jikkonċernaw negozji kbar. It-tieni nett, ċerti kredituri transfruntiera tal-kumpaniji (speċjalment SMEs) jistgħu jippreferu li jwaqqgħu talbiet transfruntiera sempliċiment għax ikun għali wisq li jiġu segwiti, pereżempju jekk tkun meħtieġa konsulenza ġuridika. Fl-aħħar nett, l-iżviluppi futuri fis-suq uniku huma mistennija li jikkawżaw li iktar u iktar kumpaniji jinnegozjaw b’mod transfruntier, u għaldaqstant ikun hemm iktar insolvenzi b'impatti transfruntiera. Il-kumpaniji innovattivi b'mod partikolari jeħtieġu suq ikbar biex ikunu jistgħu jirnexxu u jevitaw l-insolvenza fl-ewwel ħames (5) snin.

Il-kwalità tal-oqfsa ta’ ristrutturar u insolvenza tal-Istati Membri taffettwa direttament ir-rati ta' rkupru tal-kredituri. L-indikaturi tal-Bank Dinji jissuġġerixxu li fl-UE r-rati ta' rkupru jvarjaw bejn 30 % fil-Kroazja u r-Rumanija, u 90 % 4 fil-Belġju u l-Finlandja. Ir-rati ta' rkupru huma ogħla fl-ekonomiji fejn ir-ristrutturar huwa l-iktar proċedura komuni tal-insolvenza. Bħala medja, f'dawn l-ekonomiji l-kredituri jistgħu jistennew li jirkupraw 83 % tat-talbiet tagħhom, għall-kuntrarju tal-medja ta' 57 % fil-proċeduri ta' likwidazzjoni 5 . Filwaqt li dawn l-eżiti jirriflettu wkoll fatturi ekonomiċi bħas-saħħa ġenerali tal-ekonomija, dawn jenfasizzaw l-importanza ta’ qafas ta’ insolvenza komprensiv, ankrat fi sfond istituzzjonali u kulturali b’saħħtu, biex jintlaħqu eżiti aħjar għas-soċjetà.

L-elementi tal-proċeduri ta’ risturtturar preventiv li jaffettwaw l-effettività tagħhom u konsegwentement l-għadd ta’ negozji salvati u l-vijabbiltà fit-tul tagħhom ivarjaw b’mod sinifkanti minn Stat Membru għall-ieħor. Pereżempju, qafas effettiv għandu jeħtieġ li negozju f'diffikultà jkollu aċċess bikri kemm jista' jkun għal ristrutturar preventiv. Madankollu, f'diversi Stati Membri d-debituri ma jistgħux jirristrutturaw id-djun mal-kredituri tagħhom qabel ma jkunu attwalment insolventi, jew meta jagħmlu dan, huma jħabbtu wiċċhom ma’ kundizzjonijiet stretti ħafna jew għaljin.

Il-kundizzjonijiet għal waqfa ta' infurzar individwali li jappoġġa n-negozjati ta' ristrutturar huma wkoll differenti ħafna: f’ċerti pajjiżi din il-waqfa mhijiex possibbli, filwaqt li oħrajn għandhom varjetà wiesgħa ta’ durati u eżenzjonijiet. Meta l-pjanijiet jiġu adottati mill-kredituri, hemm tendenza li r-regoli fl-Istati Membri jvarjaw ħafna rigward il-formazzjoni tal-klassijiet, il-possibbiltà li jkun hemm ristrutturar biss ma’ ċerti kredituri filwaqt li d-drittijiet ta’ kredituri mhux involuti jibqgħu mhux affettwati, il-maġġoranzi meħtieġa, u l-kundizzjonijiet għal konferma ta’ awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-pjan ta’ ristrutturar. Il-protezzjoni ta' finanzjament ġdid u finanzjament interim (li hija essenzjali sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-pjanijiet ta' ristrutturar) tvarja wkoll fost l-Istati Membri, minn protezzjoni minima għal azzjonijiet ta' evitar sa forma ta' prijorità fuq dejn eżistenti fi proċeduri ta' insolvenza sussegwenti. Finalment, l-involviment tal-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi u tal-prattikanti maħtura mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jvarja minn involviment minimu sa involviment sħiħ.

Diverġenzi bħal dawn jagħmluha virtwalment impossibbli li jkun hemm pjan ta' ristrutturar għal grupp ta' kumpaniji transfruntiera b'sussidjarji f'iktar minn żewġ Stati Membri 6 .

It-tieni opportunità

F'ħafna Stati Membri l-imprendituri falluti, għalkemm onesti, idumu iktar minn tliet snin biex jeħilsu mid-djun tagħhom u jagħmlu bidu ġdid. Oqfsa ineffiċjenti tat-tieni opportunità jirriżultaw mill-fatt li imprendituri jissakkru f'nases ta' dejn jew jiġu mġiegħla joperaw fl-ekonomija s-sewda, jew ikollhom jirrilokaw f'ġurisdizzjonijiet oħra sabiex jaċċessaw reġimi iktar vantaġġużi. Ir-rilokazzjoni hija għalja għall-kredituri li jridu jikkunsidraw ir-riskju addizzjonali li imprenditur jista' jikseb perjodu iqsar għall-ħelsien mid-dejn f'ġurisdizzjoni differenti. Ir-rilokazzjoni għandha wkoll spejjeż ekonomiċi u umani kbar għall-imprendituri peress li skont ir-Regolament (UE) Nru 2015/848 dwar proċedimenti ta’ insolvenza 7 jista’ jkollhom ikunu ilhom stabbiliti fi Stat Membru għal ċertu perjodu ta’ żmien qabel ma jitħallew japplikaw għal ħelsien mid-dejn f'dik il-ġurisdizzjoni. Barra minn hekk, l-evidenza turi li perjodi iqsar għall-ħelsien mid-dejn għandhom impatt pożittiv kemm fuq il-konsumaturi kif ukoll fuq l-investituri, minħabba li jerġgħu jidħlu iktar malajr fiċ-ċikli tal-konsum u l-investiment. Dan imbagħad isaħħaħ l-imprenditorija.

F’xi Stati Membri, ħelsien mid-dejn biss mhuwiex biżżejjed biex imprenditur ikun jista’ jibda attività kummerċjali, pereżempju meta falliment ikun akkumpanjat minn ordni ta’ skwalifika li ddum għal perjodu ta’ żmien itwal u li tista’ tinħareġ mingħajr ma jitqies jekk l-imprenditur ikunx qed jaġixxi in bona fide. Sabiex l-imprendituri onesti jingħataw it-tieni opportunità li tkun effettiva, jenħtieġ li l-iskwalifiki marbutin mad-dejn eċċessiv ukoll ikunu limitati maż-żmien sabiex jiskadu mhux aktar tard minn meta jintemm il-perjodu ta’ ħelsien mid-dejn. Jinħtieġ li d-dejta personali użata flimkien mad-dejn eċċessiv tad-debitur tkun xierqa, rilevanti u limitata għal dak li huwa xieraq fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom tkun qed tiġi proċessata u tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-dejta għal mhux iktar milli huwa meħtieġ għar-raġunijiet li għalihom tkun ipproċessata d-dejta. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 8 li se jissostitwixxi d-Direttiva 95/46/KR u li se jibda japplika mill-25 ta’ Mejju 2018 jkompli jiċċara l-qafas legali u r-rekwiżiti meta tiġi proċessata d-dejta personali.

Id-dejn eċċessiv tal-persuni naturali huwa problema ekonomika u soċjali importanti. Hemm 11,4 % miċ-ċittadini Ewropej li għandhom arretrati fil-pagamenti b'mod permanenti, ta' spiss għall-kontijiet tas-servizzi 9 . Dan huwa l-aktar minħabba kundizzjonijiet makroekonomiċi mhux favorevoli fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika (pereżempju l-qgħad) flimkien ma' ċirkostanzi personali (pereżempju divorzju, mard).

L-imprendituri mhumiex l-uniċi affettwati. Għalkemm il-konsumaturi fil-parti l-kbira tagħhom għandhom l-istess trattament skont il-liġijiet ta’ insolvenza nazzjonali, dan mhuwiex il-każ fl-Istati Membri kollha. Dan jirriżulta fi spejjeż akbar għall-iskemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri u konsegwenzi ekonomiċi bħal tnaqqis fil-konsum, attività tax-xogħol u opportunitajiet ta’ tkabbir mitlufa.

Effettività ġenerali tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità

Id-durata eċċessiva tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn f'diversi Stati Membri hija fattur importanti li jikkawża rati baxxi ta' rkupru u jiskoraġġixxi lill-investituri milli jagħmlu negozju fil-ġurisdizzjonijiet fejn il-proċedimenti jirriskjaw li jdumu ħafna. F'nofs l-Istati Membri l-insolvenza ddum biex tiġi riżolta minn sentejn (2) sa erba' (4) snin 10 . Bl-eċċezzjoni ta' tliet Stati Membri, id-durata tal-proċedimenti ma marritx għall-aħjar fl-aħħar erba' (4) snin, u f'żewġ Stati Membri d-durata tal-proċedimenti żdiedet fl-istess medda ta' żmien. Aspetti speċifiċi li għandhom rwol importanti fid-durata tal-proċedimenti huma l-livell ta' speċjalizzazzjoni tal-imħallfin u għalhekk il-kapaċità tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet rapidi, il-professjonaliżmu tal-prattikanti fil-qasam tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità, u l-adozzjoni ta' mezzi diġitali ta' komunikazzjoni f'proċedimenti bħal dawn. Prattikanti u mħallfin speċjalizzati fl-insolvenza, u d-disponibbiltà tal-għodod diġitali jistgħu jgħinu ħafna sabiex inaqqsu d-durata tal-proċeuri, ibaxxu l-ispejjeż u jtejbu l-kwalità tal-assistenza jew is-superviżjoni.

Minkejja titjib fil-kundizzjonijiet ċikliċi, il-livell ta’ self improduttiv, li żdied b’mod rapidu f’ħafna mill-Istati Membri wara l-kriżi ekonomika, baqa’ għoli. Livelli għolja ta' self improduttiv għandhom konsegwenza diretta fuq il-kapaċità tal-banek biex jappoġġaw it-tkabbir 11 . F’xi Stati Membri, riformi mmirati kellhom impatt pożittiv. Madankollu, ir-reżiljenza tas-self improduttiv fl-Unjoni Ewropea turi li jeħtieġ li jsir aktar biex jiġi żgurat li ċ-ċirku vizzjuż bejn il-kwalità fqira tal-assi, l-iżviluppi kajmana tal-kreditu u t-tkabbir baxx ma jsirx prevalenti. Miżuri sabiex tiżdied l-effettività tal-oqfsa tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità jikkontribwixxu għall-ġestjoni effiċjenti tas-self inadempjenti u jnaqqsu l-akkumulazzjoni ta' self improduttiv fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek 12 . Jikkontribwixxu wkoll għat-titjib tal-valur residwu li jista’ jkun mistenni mill-kredituri billi jippermettu ristrutturar jew riżoluzzjoni aktar bikrija u rapidi għad-debituri li jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet finanzjarji. Fl-aħħar nett, huma jistgħu jservu wkoll sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni futura ta' self improduttiv peress li s-self li fuqu tieqaf il-prestazzjoni jista' jiġi infurzat b'mod iktar effiċjenti. It-titjib tal-parametri legali tas-sistemi ta' infurzar mhux se jsolvi kompletament il-kwistjoni ta' self improduttiv eżistenti meta l-proċeduri ta’ infurzar ikunu diġà nbdew. Madankollu, ir-rinfurzar tal-parametru ġudizzjarju jista’ jgħin sabiex iħaffef il-passi li jifdal tal-proċeduri. B'dan il-mod, ir-riformi tal-liġijiet tal-insolvenza jistgħu jikkumplimentaw riformi oħra li jkunu għaddejjin fil-livell tal-UE fis-settur bankarju u fir-rigward tas-swieq kapitali.

Objettiv tal-proposta

L-objettiv prinċipali tal-proposta huwa li jitnaqqsu l-ostakli l-aktar sinifikanti għall-fluss ħieles tal-kapital li jirriżultaw mid-differenzi fl-oqfsa tar-ristrutturar u tal-insolvenza fl-Istati Membri. L-għan huwa li l-Istati Membri kollha jkunu poġġew fis-seħħ prinċipji ewlenin dwar l-oqfsa preventivi effettivi ta’ ristrutturar u tat-tieni opportunità, u miżuri li jagħmlu t-tipi kollha ta’ proċeduri ta’ insolvenza aktar effiċjenti billi jnaqqsu d-durata u l-ispejjeż assoċjati u jtejbu l-kwalità tagħhom. B'mod iktar speċifiku, oqfsa bħal dawn għandhom l-għan li jgħinu biex iżidu l-investiment u l-opportunitajiet ta' impjieg fis-suq uniku, inaqqsu l-likwidazzjonijiet mhux meħtieġa ta' kumpaniji vijabbli, jevitaw telf mhux meħtieġ ta’ impjiegi, jipprevjenu ż-żieda fis-self improduttiv, jiffaċilitaw ir-ristrutturar transfruntier, u jnaqqsu l-ispejjeż u jżidu l-opportunitajiet sabiex l-imprendituri onesti jingħataw bidu ġdid.

Flimkien mal-prinċipji ewlenin, jenħtieġu aktar regoli mmirati sabiex jagħmlu l-oqfsa ta’ ristrutturar aktar effiċjenti. Ir-regoli dwar id-dmir ta’ diliġenza tal-maniġers tal-kumpaniji meta joqorbu lejn insolvenza għandhom rwol importanti wkoll fl-iżvilupp ta’ kultura ta’ salvataġġ tan-negozju minflok likwidazzjoni, billi jħeġġu ristrutturar bikri, jipprevjenu mġiba ħażina u telf evitabbli għall-kredituri. Daqstant ieħor importanti huma r-regoli dwar għodod ta’ twissija bikrija.

Il-proposta ma tarmonizzax l-aspetti ewlenin ta’ insolvenza bħar-regoli dwar il-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, definizzjoni komuni ta' insolvenza, klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet u azzjonijiet ta’ evitar b’mod ġenerali. Għalkemm dawn ir-regoli jkunu utli biex ikun hemm ċertezza tad-dritt transfruntiera sħiħa, kif ikkonfermat minn bosta partijiet interessati fil-konsultazzjoni pubblika 13 , id-diversità attwali fis-sistemi legali tal-Istati Membri fir-rigward tal-proċedimenti ta’ insolvenza tidher kbira wisq biex titnaqqas meta wieħed iqis ir-rabtiet numerużi tal-liġi tal-insolvenza ma’ oqsma konnessi tal-liġi nazzjonali, bħal-liġijiet tat-taxxa, tal-impjiegi u tas-sigurtà soċjali. Armonizzazzjoni preskrittiva tista’ tkun teħtieġ bidliet profondi għal-liġi kummerċjali, il-liġi ċivili u d-dritt tal-kumpaniji, filwaqt li d-dispożizzjonijiet flessibbli jirriskjaw li ma jwasslux għall-bidliet mixtieqa. Barra minn hekk, ir-regoli dwar il-preżentazzjoni u l-verifika tal-pretensjonijiet imsemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2012 14 huma ta' rilevanza pjuttost baxxa meta wieħed iqis it-titjib stabbilit mir-Regolament dwar l-Insolvenza 15 .

Minflok, din il-proposta tiffoka fuq l-indirizzar tal-aktar problemi importanti li jistgħu jiġu indirizzati b’mod fattibbli b’armonizzazzjoni. Il-proċeduri ta’ insolvenza jridu jiġu adattati biex id-debituri f’diffikultajiet finanzjarji jkunu jistgħu jirristrutturaw fi stadju bikri. Ir-regoli li jikkontribwixxu għal din il-ħtieġa jinkludu t-tneħħija tal-obbligu li jsir rikors għal falliment meta d-debitur ikun għadu fi proċess formali ta’ ristrutturar billi r-rikors jaf jipprevjeni lir-ristrutturar milli jilħaq l-għanijiet tiegħu; u skema ta’ azzjonijiet revokatorji fi proċeduri ta’ insolvenza biex jiġu protetti t-tranżazzjonijiet konklużi in bona fide bil-ħsieb ta’ ristrutturar preventiv tad-debitur. Il-proposta tkopri wkoll il-miżuri relatati mal-insolvenza li għandhom impatt dirett fuq id-durata tal-proċedimenti, bħall-ispeċjalizzazzjoni tal-imħallfin u l-professjonaliżmu tal-prattikanti, u dawk li għandhom rabta mill-qrib mal-qafas tar-ristrutturar preventiv, bħall-protezzjoni tal-finanzjament ġdid minn azzjonijiet revokatorji.

Sabiex titħeġġeġ l-attività imprenditorjali, jinħtieġ li l-imprendituri u l-maniġers tal-kumpaniji ma jiġux stigmatizzati meta l-impriżi kummerċjali onesti tagħhom ifallu. Jinħtieġ li l-individwi ma jiġux skoraġġiti minn attività imprenditorjali jew miċħuda l-opportunità tat-tieni opportunità. Huwa stmat li offerta reali tat-tieni opportunità lill-imprendituri onesti sabiex jerġgħu jibdew l-attivitajiet tan-negozju toħloq tliet (3) miljun impjieg madwar l-Ewropa 16 .

Fit-tfassil tal-proposta, il-Kummissjoni ppruvat bilanċ xieraq bejn l-interessi tad-debituri u l-kredituri, u tipprevedi salvagwardji kull fejn il-miżuri proposti jkollhom impatt potenzjalment negattiv fuq id-drittijiet tal-partijiet.

Fuq kollox, il-proposta għandha l-għan li ttejjeb il-kultura ta’ salvataġġ fl-UE. Ir-regoli dwar ir-ristrutturar tan-negozju u d-drittijiet tal-azzjonisti se jikkontribwixxu b'mod predominanti għal “prevenzjoni”, ir-regoli dwar l-evitar, prattikanti tal-insolvenza u awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi għal “irkupru tal-valur” u r-regoli dwar it-tieni opportunità għal “ħelsien mid-dejn”. Minbarra l-kisbiet ekonomiċi, se jkun hemm ukoll impatti soċjali pożittivi.

Il-proposta tistabbilixxi objettivi komuni, fil-forma ta’ prinċipji jew, fejn meħtieġ, fil-forma ta' regoli dettaljati mmirati. Filwaqt li timmira li tikseb il-koerenza meħtieġa tal-oqfsa madwar l-UE, il-proposta tagħti ċertu livell ta’ flessibbiltà lill-Istati Membri biex jiksbu l-objettivi billi japplikaw il-prinċipji u r-regoli mmirati b’mod adatt fil-kuntesti nazzjonali tagħhom. Dan huwa partikolarment importanti peress li xi Stati Membri diġà għandhom fis-seħħ elementi ta’ oqfsa li jiffunzjonaw tajjeb. L-objettiv mhuwiex li jkun hemm interferenza f’dak li jaħdem sew, iżda li jiġi stabbilit qafas komuni għall-UE kollha biex jiżgura proċeduri effettivi ta’ ristrutturar, tat-tieni opportunità u proċeduri effiċjenti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak transfruntier.

Iż-żieda fl-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa teħtieġ kultura ta’ salvataġġ iktar b’saħħitha li tgħin lin-negozji vijabbli jirristrutturaw u jkomplu jaħdmu filwaqt li tidderieġi lill-impriżi li ma għandhomx ċans ikampaw lejn likwidazzjoni rapida, u li tagħti t-tieni opportunità lill-imprendituri onesti f'diffikultà. Din il-proposta hija pass importanti lejn tali bidla fil-kultura.

Sfond istituzzjonali

Fl-2011, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza 17 li kien fiha rakkomandazzjonijiet għall-armonizzazzjoni tal-aspetti speċifiċi tal-liġi sostantiva tal-insolvenza, inkluż ristrutturar, u l-liġi tal-kumpaniji. F'dik is-sena stess, il-Kunsill talab lill-Istati Membri jnaqqsu l-perjodu ta’ ħelsien u saldu tad-dejn għal imprendituri onesti wara falliment għal massimu ta’ tliet (3) snin mill-2013 18 .

F'dan l-isfond u b'rikonoxximent tad-differenzi sinifikanti bejn l-oqfsa nazzjonali ta’ insolvenza, f’Diċembru tal-2012, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Komunikazzjoni 19 li enfasizzat il-ħtieġa ta’ approċċ gradwali f’ċerti oqsma fejn id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali ta’ insolvenza jistgħu jfixklu l-funzjonament ta’ suq uniku effiċjenti 20 . L-ewwel azzjoni b’dan l-approċċ kienet li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 21 . Dan sar bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/848 dwar proċedimenti ta’ insolvenza 22 . Dan ir-Regolament jiffoka fuq ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni u l-liġijiet fi proċedimenti ta’ insolvenza transfruntiera, u jiżgura r-rikonoxximent ta’ sentenzi relatati mal-insolvenza madwar l-UE. Ma jarmonizzax il-liġijiet sostantivi dwar l-insolvenza tal-Istati Membri.

Bħala pass li jmiss, fl-2014 il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni dwar ir-ristrutturar u t-tieni opportunità 23 . Ir-Rakkomandazzjoni ffukat fuq ir-ristrutturar u t-tieni opportunità, peress li kien ikkunsidrat li l-azzjoni fil-livell tal-UE ġġib l-ikbar valur miżjud f’dawn iż-żewġ oqsma 24 . Ir-Rakkomandazzjoni stiednet lill-Istati Membri biex idaħħlu fis-seħħ (i) proċeduri effettivi ta’ qabel l-insolvenza biex jgħinu lid-debituri vijabbli jirristrutturaw u għalhekk jevitaw l-insolvenza, u (ii) dispożizzjonijiet tat-tieni opportunità għall-imprendituri li jippermettulhom ikollhom ħelsien mhux iktar tard minn tliet (3) snin wara l-insolvenza.

Wara l-adozzjoni, saru żewġ evalwazzjonijiet tal-implimentazzjoni tagħha fl-2015 u fl-2016 25 . Dawn ir-rieżamijiet żvelaw li, filwaqt li r-Rakkomandazzjoni pprovdiet punt fokali utli għal dawk l-Istati Membri li jwettqu riformi fil-qasam tal-insolvenza, din ma wasslitx għall-impatt mixtieq f’termini ta’ bidliet konsistenti fl-Istati Membri kollha li kienu jiffaċilitaw is-salvataġġ tan-negozji f’diffikultà finanzjarja u jagħtu t-tieni opportunità lill-imprendituri. Dan kien dovut għal implimentazzjoni parzjali biss tagħha f’għadd sinifikanti ta’ Stati Membri, inklużi dawk li nedew ċerti riformi.

Għad hemm diversi Stati Membri fejn negozju ma jistax jiġi ristrutturat qabel ma jfalli. Filwaqt li Stati Membri oħra introduċew proċeduri ġodda ta’ ristrutturar preventivi, dawn ir-regoli jvarjaw f’diversi aspetti mir-Rakkomandazzjoni. Rigward it-tieni opportunità, mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni, diversi Stati Membri introduċew għall-ewwel darba skema ta’ ħelsien mid-dejn għall-persuni fiżiċi. Madankollu, għad hemm diskrepanzi importanti rigward id-durata tal-perjodu ta’ ħelsien mid-dejn. Dawn id-differenzi fl-oqfsa legali tal-Istati Membri jfissru inċertezza legali kontinwa, spejjeż addizzjonali għall-investituri fil-valutazzjoni tar-riskji tagħhom, swieq kapitali inqas żviluppati u ostakli persistenti għar-ristrutturar effiċjenti tal-kumpaniji vijabbli fl-UE, inklużi gruppi ta' impriżi transfruntiera.

Ir-“Rapport tal-Ħames Presidenti” tat-22 ta’ Ġunju 2015 dwar “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa” elenka l-qasam tal-liġi tal-insolvenza fost l-iktar ostakli importanti li jipprevjenu l-integrazzjoni tas-swieq kapitali fiż-Żona tal-Euro u lil hinn 26 .

F’dan il-kuntest, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-2015 27 ħabbar inizjattiva leġiżlattiva dwar l-insolvenza tan-negozji, inkluż ir-ristrutturar bikri u t-tieni opportunità. Din l-inizjattiva hija maħsuba sabiex tindirizza l-ostakli ewlenin għall-fluss ħieles tal-kapital u tibni fuq ir-reġimi nazzjonali li jaħdmu tajjeb. Barra minn hekk, l-Istrateġija għal Suq Uniku ddikjarat ukoll li l-Kummissjoni tappoġġa lill-imprendituri onesti u tipproponi leġiżlazzjoni sabiex tiżgura li l-Istati Membri jipprovdu ambjent regolatorju li jkun kapaċi jakkomoda falliment mingħajr ma jiddiswadi lill-imprendituri milli jerġgħu jippruvaw ideat ġodda 28 .

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Lulju 2016 dwar pjan direzzjonali biex titlesta l-Unjoni Bankarja enfasizzaw l-importanza tal-ħidma tal-Kummissjoni fuq proposta leġiżlattiva għal armonizzazzjoni minima dwar il-liġi tal-insolvenza fil-kuntest tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU - Capital Markets Union), filwaqt li nnotaw li dan jista’ jappoġġa wkoll l-isforzi sabiex jitnaqqsu l-livelli futuri ta' self improduttiv 29 .

Aktar riċenti, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-“Unjoni tas-Swieq Kapitali - Naċċelleraw ir-Riforma”, il-Kummissjoni tenniet li l-ineffiċjenzi u d-differenzi fl-oqfsa ta' insolvenza nazzjonali jiġġeneraw inċertezza legali, ostakli għall-irkupru ta' valur mill-kredituri, u ostakli għar-ristrutturar effiċjenti ta' kumpaniji vijabbli fl-UE, inkluż għal gruppi transfruntiera 30 .

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta' politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Regolament dwar proċedimenti ta’ insolvenza transfruntiera

Mis-26 ta’ Ġunju 2017, ir-Regolament (UE) 2015/848 31 se jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) 1346/2000. Ir-Regolament 2015/848 jittratta l-kwistjonijiet tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet ta’ insolvenza, kif ukoll il-koordinazzjoni ta’ proċedimenti ta’ insolvenza transfruntiera. Jindika l-liġi applikabbli, jiġifieri l-proċeduri ta’ ristrutturar u ta’ insolvenza li jeżistu diġà fl-Istati Membri, u jiżgura li dawn jiġu rikonoxxuti fl-UE. Ikopri wkoll ħafna tipi ta’ proċeduri ta’ insolvenza, inklużi proċeduri preventivi / ta’ qabel l-insolvenza u ċerti proċeduri ta’ insolvenza personali sakemm dawn jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet (pereżempju l-proċeduri ta’ qabel l-insolvenza jridu jkunu disponibbli mill-aktar fis possibbli meta jkun hemm probabbiltà ta’ insolvenza, il-proċedimenti jridu jinkludu l-kredituri kollha tad-debituri jew parti sostanzjali minnhom u jridu jkunu pubbliċi).

Madankollu, ir-Regolament 2015/848 ma jobbligax lill-Istati Membri li jintroduċu tipi speċifiċi ta’ proċedimenti jew jiżguraw li l-proċedimenti tagħhom ikunu effettivi fil-promozzjoni ta’ ristrutturar preventiv u tat-tieni opportunità.

Il-proposta għalhekk tikkomplementa r-Regolament 2015/848 billi tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri ta’ ristrutturar preventiv nazzjonali tagħhom ikunu konformi ma’ ċerti prinċipji minimi ta’ effettività.

Rakkomandazzjoni dwar strateġija ġdida għall-falliment tan-negozju u l-insolvenza

Ir-Rakkomandazzjoni, indirizzata lill-Istati Membri, kellha l-għan li tistabbilixxi standards minimi għal: (i) proċeduri ta’ ristrutturar preventiv li jippermettu lil debituri f’ iffikultà finanzjarja jirristrutturaw fi stadju bikri biex jevitaw l-insolvenza, u (ii) ħelsien mid-dejn, f’perjodi preskritti, għall-imprendituri falluti onesti bħala wieħed mill-passi meħtieġa sabiex dawn jingħataw it-tieni opportunità. Il-proposta ssaħħaħ ir-Rakkomandazzjoni tal-2014 u tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha billi tistabbilixxi wkoll regoli mmirati dwar iż-żieda fl-effiċjenza ta’ kull tip ta' proċedura, inklużi proċeduri ta’ stralċ.

Qafas legali dwar is-servizzi finanzjarji

Arranġamenti speċjali japplikaw għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kif definit fil-punti 1 u 4 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE 32 , istituzzjonijiet ta’ kreditu kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 575/2013 33 , ditti ta’ investiment u impriżi ta’ investiment kollettiv kif definit fil-punti 2 u 7 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 575/2013, kontropartijiet ċentrali kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 34 , depożitorju ċentrali tat-titoli kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 909/2014 35 u istituzzjonijiet u entitajiet finanzjarji oħrajn elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE 36 . Għal dawn, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom setgħat ta’ intervent mifruxin allura huwa xieraq li dawn id-debituri jiġu esklużi mill-proċedimenti ta’ ristrutturar preventivi maħsuba f’din il-proposta.

Din il-proposta hija wkoll mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 98/26/KE dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli 37 , id-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali 38 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet 39 . Dan huwa importanti sabiex jiġi evitat trikkib bejn dawn l-istrumenti u l-proposta attwali li jkollu impatt fuq il-kapaċità tal-kredituri b’garanzija li jinforzaw il-garanzija kollaterali finanzjarja tagħhom ipprovduta minn entità korporattiva, inklużi marġni pprovduti lil kontropartijiet ċentrali jew lil banek ċentrali / lill-BĊE minn entità korporattiva jew ta’ arranġamenti kollaterali finanzjarji konklużi minn kumpanija mhux finanzjarja ma' istituzzjoni finanzjarja. Mingħajr konċessjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet mid-dispożizzjonijiet ta’ waqfa, l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tista' tiġi affettwata b'mod negattiv.

Direttivi dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema

Informazzjoni xierqa u f’waqtha u konsultazzjoni tal-ħaddiema jtejbu l-effettività tal-proċessi tar-ristrutturar. Għadd ta' Direttivi jiggarantixxu d-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni qabel ristrutturar u / jew sensji kollettivi. Din il-proposta ma tmissx id-drittijiet iggarantiti mid-Direttivi 98/59/KE 40 , 2001/23/KE 41 , 2002/14/KE 42 , 2008/94/KE 43 u 2009/38/KE 44 u, barra minn hekk, tiggarantixxi lill-ħaddiema affettwati d-dritt li jivvutaw dwar il-pjanijiet ta’ ristrutturar.

Id-Direttiva 2008/94 titlob li l-Istati Membri jistabbilixxu istituzzjonijiet ta’ garanzija biex jiggarantixxu l-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti tal-ħaddiema li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg fil-każ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza formali ta’ min iħaddimhom. L-Istati Membri jistgħu jestendu l-kopertura ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’ garanzija anki għal tipi oħra ta’ proċedimenti u l-proposta attwali tista’ tinċentivizza, iżda ma tobbligax, li l-Istati Membri jestendu l-kopertura għall-proċedimenti ta’ ristrutturar meta dan ikun għadu mhuwiex prevedut. Il-proposta timmira li twaqqaf f’kull Stat Membru proċeduri preventivi biex tgħin lid-debituri jevitaw l-insolvenza. Madankollu, jekk l-isforzi ta’ ristrutturar ma jirnexxux u d-debitur isir insolventi skont il-liġi nazzjonali, id-Direttiva 2008/94 tapplika kif meħtieġ.

Skont il-proposta, jenħtieġ li l-pretensjonijiet pendenti tal-ħaddiema kif definit fid-Direttiva 2008/94/KE jkunu fil-prinċipju eżenti minn waqfa tal-azzjonijiet ta’ infurzar li twassal għal sospensjoni temporanja tal-kapaċità tal-ħaddiema li jinfurzaw dawn il-pretensjonijiet, irrispettivament minn jekk dawn ikunux seħħew qabel jew wara tkun li ngħatat il-waqfa. Jinħtieġ li waqfa fir-rigward ta’ dawn il-pretensjoniet tkun permissibbli biss għall-ammonti u għall-perjodu li l-Istati Membri jiggarantixxu l-pagament ta’ dawn il-pretensjonijiet b’mezzi oħrajn.

Id-Direttiva 2001/23/KE għandha l-għan li tissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi. Skont il-proposta, ir-ristrutturar jista’ jinvolvi t-trasferiment ta’ parti minn impriża jew negozju. F’dawn il-każijiet, id-Direttiva 2001/23/KE u l-livell ta’ protezzjoni għall-ħaddiema li tiggarantixxi japplikaw bis-sħiħ u mhux se jkunu affettwati minn din il-proposta. Meta ristrutturar ikun jeħtieġ trasferiment ta’ parti minn impriża jew negozju, id-drittijiet tal-ħaddiema għandhom ikunu salvagwardjati b’mod konformi mad-Direttiva 2001/23/KE mingħajr preġudizzju għall-possibbiltajiet permessi mill-Artikolu 5(2) ta’ dik id-Direttiva. L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/23/KE jipprovdi li, meta l-proċedimenti jkunu taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti, min ikun qed jagħmel it-trasferiment jista’ jiġi eżonerat minn responsabbiltajiet preċedenti jekk il-ħaddiema jirċievu kumpens mill-inqas ekwivalenti għal dak li jirċievu mill-fond ta’ garanzija għall-ħaddiema. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tax-xogħol jistgħu jinbidlu bi ftehim mal-ħaddiema.

Id-Direttiva 2002/14/KE tistabbilixi dritt għal informazzjoni kostanti u konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-kumpanija, inkluż dwar “deċiżjonijiet li jwasslu għat-tibdil sostanzjali fl-organizzazzjoni tax-xogħol jew fir-relazzjonijiet kontrattwali”. Din il-konsultazzjoni għandha sseħħ bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar dawn id-deċiżjonijiet. Il-proposta mhux se taffettwa d-drittijiet garantiti mid-Direttiva 2002/14/KE. Barra minn hekk, flimkien u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-ħaddiema għal konsultazzjoni u informazzjoni skont id-Direttiva 2002/14, il-proposta se tagħti d-dritt tal-vot dwar pjan ta’ ristrutturar lill-ħaddiema affettwati. Għall-finijiet tal-votazzjoni dwar pjan ta’ ristrutturar, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jpoġġu lill-ħaddiema fi klassi separata minn klassijiet oħrajn ta’ kredituri.

Id-Direttiva 2012/30/UE dwar id-dritt tal-kumpaniji

L-Artikoli 19(1), 29, 34, 35, 40(1)(b), 41(1) u 42 tad-Direttiva 2012/30/UE 45 jipprevedu l-ħtieġa li tissejjaħ laqgħa ġenerali tal-azzjonisti. Jekk il-kapital jiżdied permezz ta' konsiderazzjoni bi flus kontanti, l-Artikolu 33 tad-Direttiva jistabbilixxi dritt ta' prelazzjoni tal-azzjonisti għall-ishma l-ġodda. Kemm ir-rekwiżiti għal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti kif ukoll id-drittijiet ta’ prelazzjoni jistgħu jipperikolaw l-effettività tal-adozzjoni u tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar. Il-proposta teħtieġ li l-Istati Membri jidderogaw minn dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kumpaniji sal-limitu u għall-perjodu meħtieġ biex jiġi żgurat li l-azzjonisti ma jfixklux l-isforzi ta’ ristrutturar billi jabbużaw mid-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva 2012/30/UE. Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx għalfejn jidderogaw minn regoli tad-dritt tal-kumpaniji jekk jistgħu jiżguraw li r-rekwiżiti tad-dritt tal-kumpaniji msemmi hawn fuq ma jistgħux jipperikolaw l-effettività tal-proċess ta’ ristrutturar jew jekk l-Istati Membri jkollhom għodod oħra daqstant ieħor effettivi li jiżguraw li l-azzjonisti ma jipprevjenux mingħajr raġuni l-adozzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar li jerġa’ jikseb il-vijabbiltà tan-negozju.

Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

Il-proposta mhux se taffettwa r-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Il-kredituri tal-Istat ma jagħtux il-pretensjonijiet tagħhom u għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala li jagħtu għajnuna mill-Istat inkompatibbli lid-debituri billi sempliċiment jipparteċipaw fi pjan ta’ ristrutturar sakemm il-miżuri ta’ ristrutturar ma jaffettwawx lill-kredituri tal-Istat bl-istess mod bħall-kredituri privati, u sakemm dawn ma jaġixxux bħala operaturi privati f'ekonomija tas-suq imqiegħda fis-sitwazzjoni l-iktar komparabbli. Din il-proposta hija wkoll mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-irkupru sħiħ tal-għajnuna mill-Istat illegali, kif affermat fil-Kawża C-454/09 New Interline (il-paragrafu 36) u l-Kawża C-610/10 Magefesa (il-paragrafu 104).

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Waħda mill-miżuri mħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali 46 tat-30 ta’ Settembru 2015 kienet li l-Kummissjoni se tipproduċi inizjattiva leġiżlattiva dwar insolvenza kummerċjali, inkluż ristrutturar bikri u t-tieni opportunità, wara l-esperjenza meħuda mir-Rakkomandazzjoni tal-2014. L-inizjattiva tibni fuq sistemi nazzjonali li jaħdmu tajjeb.

Barra minn hekk, l-Istrateġija għal Suq Uniku 47 ħabbret li l-Kummissjoni tappoġġa lil imprendituri bona fide u tipproponi leġiżlazzjoni sabiex tiżgura li l-Istati Membri jipprovdu ambjent regolatorju li jista’ jakkomoda falliment mingħajr ma jiddiswadi lill-imprendituri milli jippruvaw ideat ġodda.

Is-sinifikat ekonomiku ta’ oqfsa ta’ insolvenza li jiffunzjonaw tajjeb huwa partikolarment rilevanti fis-settur finanzjarju meta jindirizza’ livelli għoljin ta’ dejn privat u self improduttiv, li huwa l-każ f’xi Stati Membri. Il-valutazzjoni komprensiva tal-2015 tal-Bank Ċentrali Ewropew identifikat EUR 980 biljun fi skoperturi improduttivi fis-sistema bankarja 48 . Self bħal dan huwa ta’ piż kbir fuq il-kapaċità tal-banek sabiex jiffinanzjaw l-ekonomija reali f’diversi Stati Membri. Il-banek huma s-sors prinċipali ta’ kreditu għan-negozji u d-djar u għalhekk huma partikolarment sensittivi għal ineffiċjenzi f’oqfsa ta' insolvenza. Oqfsa ta' insolvenza tajbin jistgħu jgħinu sabiex jiġu indirizzati l-problemi, iżda ma jistgħux, fihom infushom, jindirizzaw l-isfidi kollha li jħabbtu wiċċhom magħhom il-banek fl-immaniġġar ta’ karti tal-bilanċ indeboliti. It-trattament ta’ problemi ta’ sporġenza debitorja u self improduttiv jirrikjedi politiki addizzjonali u kundizzjonijiet ġenerali. Oqfsa ta’ insolvenza tajbin teoretikament ma jagħtux riżultati sodisfaċenti mingħajr ma jkollhom ukoll infrastruttura ġudizzjarja adegwata jew politiki fiskali biex jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, politiki speċifiċi jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jitnaqqsu l-isporġenzi debitorji. Għall-kredituri, miżuri bħal dawn jirrelataw b’mod partikolari mal-valutazzjoni tal-assi, il-miri ta' riżoluzzjoni stabbiliti mis-superviżur u t-trattament fiskali tat-tħassir. Għad-debituri, id-disponibbiltà ta’ xbieki ta’ sikurezza soċjali tnaqqas l-impatt tal-istrateġiji ta’ riżoluzzjoni u rkupru iktar deċiżivi meqjusa neċessarji mill-kredituri.

Il-proposta se tgħin biex tipprevjeni l-akkumulazzjoni ta’ self improduttiv. F’dan il-kuntest, l-ewwel nett l-elementi kumplimentari kruċjali jħallu lill-kumpaniji jirristrutturaw iktar faċilment u b’hekk jerġgħu lura għall-vijabbiltà finanzjarja iktar malajr u jħallsu d-djun tagħhom u, it-tieni nett, jiżguraw li l-banek ikunu jistgħu jirkupraw assi fejn id-debituri ma jkollhom ebda prospett ta’ ritorn għall-vijabbiltà.

Pjan ta’ ristrutturar ta’ suċċess se jbiddel self improduttiv f’self li kumpanija tista’ attwalment tħallsu lura. F’likwidazzjoni, il-kredituri assigurati għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà ta’ tnaqqis sostanzjali fil-valur tal-pretensjonijiet tagħhom. F’ristrutturar, min-naħa l-oħra, l-insolvenza hija evitata, id-djun tal-kuntratt huma mħallsa b’mod ġenerali, u n-negozjati f'ħafna każijiet jikkonċernaw biss id-dejn finanzjarju. Id-dejta turi li l-ogħla rati ta’ rkupru għall-kredituri jinsabu f’ekonomiji fejn ir-ristrutturar huwa l-iktar proċediment komuni ta’ insolvenza 49 u li 45 % tal-ekonomiji tal-OECD jużaw ir-ristrutturar bħala l-iktar mod komuni biex isalvaw ditti vijabbli. Għandhom ukoll rata ta’ rkupru medja ta’ 83 ċenteżmu fuq id-dollaru, għall-kuntrarju ta’ 57 ċenteżmu fuq id-dollaru fil-pajjiżi fejn il-likwidazzjoni hija r-riżultat prevalenti 50 . Fattur ieħor importanti biex jitjiebu r-rati ta’ rkupru ġenerali, u għaldaqstant il-valur residwu ta’ self improduttiv potenzjali, huwa t-trattar rapidu ta’ każijiet ta’ ristrutturar u ta’ insolvenza 51 .

Il-ħelsien ta’ dejn imprenditorjali, u possibbilment privat, se jgħin ukoll sabiex jitneħħa s-self li xorta ma jistax jitħallas mill-karti tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. L-għadd ta’ każijiet riferiti jista’ jitnaqqas ukoll billi jiġu żviluppati arranġamenti ta’ suċċess biex jiġi ristrutturat id-dejn bejn id-debituri u l-kredituri b’interċessjoni limitata, jew l-ebda interċessjoni, ta’ awtoritajiet amministrattivi jew proċeduri ġudizzjarji.

Madankollu, din il-proposta mhix imfassla biex issolvi u mhux se ssolvi kompletament il-problemi ta’ infurzar tas-self, speċjalment l-effettività tal-infurzar, li tillimita l-finanzjament mill-banek tal-ekonomija reali. Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn it-Tlestija tal-Unjoni Bankarja” tal-24 ta’ Novembru 2015 52 , kemm l-effiċjenza tal-proċedimenti tar-ristrutturar kif ukoll dik tal-proċedimenti ta’ insolvenza għandha titjieb. Il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-oqfsa nazzjonali ta’ insolvenza fil-kuntest tas-Semestru Ewropew - il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-proċedimenti ta’ insolvenza twal, ineffiċjenti u li jiswew ħafna f’xi Stati Membri nstabu li huma fattur li jikkontribwixxi għal diżingranaġġ insuffiċjenti ta’ dejn wara l-kriżi fis-settur privat u żieda fl-isporġenza debitorja. Jinħtieġu amministrazzjoni pubblika effiċjenti u trasparenti u sistemi ġudizzjarji effettivi li jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku u jwasslu servizzi ta’ kwalità għolja lid-ditti u liċ-ċittadini, inkluż fir-rigward tal-oqfsa ta’ insolvenza. B’dan il-ħsieb, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri fil-kuntest tas-Semestru Ewropew biex ittejjeb is-sistemi ġudizzjarji tagħhom.

Minħabba n-nuqqas ta’ prattiki miftiehma b’mod komuni ta’ ġbir tad-dejta u komparabbiltà baxxa bejn il-pajjiżi tad-dejta nnifisha mhuwiex possibbli li jkun hemm stampa sħiħa tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri speċjalment fir-rigward tal-impatt fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji. Għalhekk, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-“Unjoni tas-Swieq Kapitali - Naċċelleraw ir-Riforma”, il-Kummissjoni qed tagħmel analiżi ta' valutazzjoni komparattiva ta' sistemi ta' infurzar tas-self (inkluża l-insolvenza) sabiex tistabbilixxi stampa dettaljata u affidabbli tar-riżultati tal-banek jesperjenzaw meta jkunu affaċċjati b’self inadempjenti f’termini ta' dewmien, spejjeż u rkupru tal-valur. L-analiżi se tgħin lill-Istati Membri li jkunu jridu jagħmlu l-iskemi tagħhom aktar effiċjenti u trasparenti. Il-Kummissjoni għalhekk se tkompli tħares lejn kwistjonijiet li mhumiex indirizzati direttament f’din il-proposta.

It-tisħiħ u l-konverġenza fil-funzjonament tal-oqfsa nazzjonali għal ristrutturar tad-dejn, l-infurzar tas-self, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn se jikkontribwixxu wkoll għall-funzjonament tas-suq uniku, u b’mod partikolari l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-konverġenza fil-prinċipji u l-kunfidenza fl-implimentazzjoni effettiva ta' dawk il-prinċipji fl-Istati Membri se jkunu kruċjali fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għall-kredituri sabiex jagħmlu self għad-debituri fi Stati Membri oħra. Il-kredituri se jżommu lura minn self transfruntier jekk ikun hemm nuqqas ta’ fiduċja fil-kapaċità tagħhom li jipproteġu lilhom infushom fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas u li jirkupraw valur jew kollateral kif meħtieġ. Billi tistabbilixxi prinċipji komuni biex tappoġġa l-allinjament tal-oqfsa nazzjonali ta' ristrutturar u ta’ insolvenza, din il-proposta tkompli tikkontribwixxi għar-ristrutturar tad-dejn.

Id-djun personali u tan-negozju tal-imprendituri individwali huma spiss marbutin ma’ xulxin: l-imprendituri jieħdu self personali biex jibdew u jħaddmu n-negozju tagħhom, pereżempju minħabba li jiggarantixxu s-self tan-negozju tagħhom bl-assi personali tagħhom bħal karozza, filwaqt li l-persuni fiżiċi jużaw krediti tal-konsumatur biex jixtru assi għall-attività professjonali tagħhom. Skont il-proposta, iż-żewġ tipi ta’ dejn jistgħu jiġu kkonsolidati, fejn applikabbli, meta jkunu mġarrba minn individwi fl-attività imprenditorjali tagħhom.

Fl-istess ħin, il-proposta tistieden lill-Istati Membri jestendu l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' ħelsien mid-dejn ukoll lill-persuni fiżiċi li mhumiex imprendituri, jiġifieri konsumaturi. Ħafna Stati Membri f’dawn l-aħħar snin adottaw jew irriformaw il-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza tal-konsumaturi filwaqt li rrikonoxxew l-importanza li l-konsumaturi jiġu permessi jeħilsu mid-djun tagħhom u jingħataw it-tieni opportunità. Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha għandhom dawn il-liġijiet u l-perjodi ta’ ħelsien mid-dejn għall-konsumaturi b’dejn eċċessiv għadhom twal ħafna. L-għajnuna biex il-konsumaturi jidħlu lura fiċ-ċiklu ta’ nfiq ekonomiku hija parti importanti għas-swieq li jiffunzjonaw tajjeb u s-servizzi finanzjarji bl-imnut. Il-Kummissjoni se tkompli tħares lejn kif l-Istati Membri rriformaw l-oqfsa nazzjonali tagħhom u tissorvelja kif dawn implimentaw din id-dispożizzjoni speċifika tat-tieni opportunità fil-proposta, sabiex tirrevedi s-sitwazzjoni tad-dejn eċċessiv tal-konsumatur.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 53 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Il-proposta tistabbilixxi sett komprensiv ta’ prinċipji u, fejn meħtieġ, regoli mmirati għal qafas ta’ ristrutturar preventiv effettiv u tat-tieni opportunità. Tipprovdi wkoll miżuri biex tagħmel il-proċeduri aktar effiċjenti, inkluża l-insolvenza formali (proċeduri ta’ likwidazzjoni), bil-għan li jitnaqqas it-tul tagħhom. It-tieni opportunià effettiva timplika wkoll il-limitazzjoni tat-tul tal-ordnijiet ta’ skwalifika maħruġa għal imprendituri onesti b’dejn eċċessiv biex ikunu jistgħu jibdew u jeżerċitaw attività imprenditorjali wara perjodu raġonevoli ta’ żmien.

L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li jitneħħew l-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, bħall-moviment ħieles tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment, li jirriżultaw minn differenzi bejn il-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali dwar ir-ristrutturar ta’ prevenzjoni, l-insolvenza u t-tieni opportunità. B'mod partikolari, il-proposta se tneħħi spejjeż addizzjonali ex ante għall-investituri fl-evalwazzjoni tar-riskji ta' debituri li jidħlu f’diffikultajiet finanzjarji fi Stat Membru wieħed jew aktar u l-ispejjeż ex post ta’ kumpaniji ta’ ristrutturar li għandhom stabbilimenti, kredituri jew assi fi Stati Membri oħra, tipikament meta jiġu ristrutturati gruppi internazzjonali ta' kumpaniji. Il-proposta se tneħħi wkoll l-ispejjeż addizzjonali tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-infurzar transfruntier għall-kredituri ta’ imprendituri b’dejn eċċessiv li jirrilokaw lejn Stat Membru ieħor sabiex jingħataw it-tieni opportunità f’perjodu ta’ żmien ħafna iqsar. Din tneħħi wkoll spejjeż addizzjonali għall-imprendituri nnifishom li jirrilokaw fi Stat Membru ieħor sabiex jiksbu t-tieni opportunità.

Il-problemi tas-suq uniku mhumiex limitati għal sitwazzjonijiet purament transfruntiera. Anki insolvenzi purament nazzjonali jista’ jkollhom effett ta' domino fuq il-funzjonament tas-suq uniku. Il-kumpaniji li joperaw bejn il-fruntieri jkollhom xi fornituri fil-katina tal-provvista tagħhom li jistgħu jkunu negozji purament domestiċi. Meta fornitur ikollu diffikultajiet finanzjarji u ma jistax jiġi salvat, dan jista' jkollu impatti negattivi li jistgħu jikkawżaw l-insolvenza tal-kumpanija transfruntiera.

Strument limitat għal insolvenzi transfruntiera biss mhux se jsolvi l-problemi tas-suq uniku, u lanqas ma jkun fattibbli għall-investituri li jiddeterminaw minn qabel in-natura transfruntiera jew domestika tad-diffikultajiet finanzjarji potenzjali tal-futur tad-debitur. Il-proposta tmur lil hinn minn kwistjonijiet ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tistabbilixxi standards minimi sostantivi. Għal dawn ir-raġunijiet, ma jkunx xieraq li l-Artikolu 81 jintuża bħala bażi ġuridika.

Bosta Stati Membri ħadu azzjoni indipendentement u riċentement ippromulgaw jew bdew ħidma preparatorja biex jadottaw regoli ġodda mmirati lejn it-titjib tal-qafas tar-ristrutturar preventiv u tat-tieni opportunità. Madankollu, dawn ir-regoli nazzjonali jvarjaw ħafna fil-kontenut u, bħala riżultat, jipprovdu livell inkonsistenti ta' trasparenza u protezzjoni għall-investitur. L-investituri jistgħu jiġu ostakolati milli jinvestu bejn il-fruntieri minħabba li l-ispejjeż biex jagħmlu dan huma ħafna ogħla milli jkun meħtieġ. Jekk l-UE ma tiħux azzjoni, huwa mistenni li Stati Membri oħra jirriformaw ir-ristrutturazzjoni eżistenti u l-oqfsa tat-tieni opportunità jew l-introduzzjoni ta’ dawn l-oqfsa għall-ewwel darba ssegwi din ix-xejra diverġenti. Din il-proposta hija maħsuba wkoll sabiex tipprevjeni żviluppi leġiżlattivi diverġenti bħal dawn u ostakli konsegwenti fil-futur.

Sussidjarjetà

Minħabba d-diverġenzi sostanzjali bejn l-oqfsa nazzjonali ta' ristrutturar u tat-tieni opportunità fl-UE u fin-nuqqas ta' tendenzi konverġenti fil-bidliet leġiżlattivi l-iktar reċenti fil-livell nazzjonali, huwa improbabbli ħafna li l-Istati Membri individwalment se jkunu jistgħu jiżguraw il-koerenza ġenerali tal-leġiżlazzjoni tagħhom ma' leġiżlazzjonijiet dwar l-insolvenza tal-Istati Membri.

Rigward it-tieni opportunità, biex tivvaluta l-kwistjoni tas-sussidjarjetà jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn persuni fiżiċi li huma l-imprendituri u dawk li huma konsumaturi. Għall-kuntrarju tal-imprendituri, li jfittxu b'mod kostanti kwalunkwe sors ta' investiment (spiss transfruntier), il-konsumaturi normalment f'dan l-istadju jirċievu finanzjament lokali (self minn banek lokali) 53 . Għalhekk, il-problema tad-dejn eċċessiv tal-konsumaturi, jinħtieġ li tiġi indirizzata l-ewwel fil-livell nazzjonali. Madankollu, riċentement fir-risposti għall-Green Paper dwar is-servizzi finanzjarji bl-imnut 54 , ir-rispondenti industrijali spiss indikaw il-liġijiet nazzjonali diverġenti ta' insolvenza tal-konsumaturi bħala ostaklu għall-bejgħ transfruntier ta' prodotti finanzjarji bl-imnut. Għalhekk l-Istati Membri jistgħu iqisu li japplikaw l-istess prinċipji dwar il-ħelsien mid-dejn lill-persuni fiżiċi kollha inklużi l-konsumaturi.

Suq intern tal-UE li jaħdem tajjeb jirrikjedi qafas koerenti ta' ristrutturar u tat-tieni opportunità, li kapaċi jindirizza d-dimensjoni transfruntiera tad-ditti, peress li l-interazzjoni bejn kumpaniji li jinsabu fi Stati Membri differenti saret dejjem aktar komuni. L-azzjoni tal-UE għalhekk se żżid il-valur billi tiffaċilita investiment transfruntier fl-UE, filwaqt li tiżgura li n-negozji vijabbli f'diffikultà finanzjarja, kull fejn ikunu jinsabu fis-suq intern, jibbenefikaw minn għażla ikbar ta' għodod aċċessibbli biex jevitaw l-insolvenza tagħhom; Fl-istess ħin, l-imprendituri se japprofittaw mill-possibbiltà li jintużaw perjodi raġonevoli ta' ħelsien mid-dejn fl-Istati Membri tagħhom. Dan realistikament ma setax jintlaħaq mill-Istati Membri waħedhom. Barra minn hekk, l-iżgurar li l-kredituri u l-investituri transfruntier involuti fi proċess ta' ristrutturar bħal dan ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom salvagwardji xierqa se jkollu effetti ekonomiċi pożittivi. Ir-regoli proposti se joħolqu ċertezza legali għall-kredituri u l-investituri li jixtiequ jsellfu fi Stati Membri oħra; l-informazzjoni meħtieġa tkun disponibbli sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

Bħala għeluq, il-proposta tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà billi tipproponi azzjoni biss jekk u sa fejn l-Istati Membri ma jistgħux jiksbu l-għanijiet weħedhom.

Proporzjonalità

Il-proposta hija mfassla sabiex tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-mezzi li tuża se jkunu mfassla sabiex jinkiseb l-għan tal-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tas-suq uniku. Jinħtieġ li l-istrument futur tal-UE jistabbilixxi għanijiet komuni u regoli ġenerali, filwaqt li jħalli l-libertà lill-Istati Membri sabiex jiddefinixxu kif għandhom jinkisbu dawk l-għanijiet.

Għażla tal-istrument u l-grad ta' armonizzazzjoni

Jidher li huwa neċessarju strument vinkolanti fil-forma ta' Direttiva li tistabbilixxi qafas armonizzat minimu sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-politika fl-oqsma tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2014 ma rnexxilhiex tiżgura li l-Istati Membri jkollhom rispons koerenti u robust għall-problemi li hija identifikat. Barra minn hekk, ġew enfasizzati wkoll mill-Kummissjoni nuqqasijiet fil-funzjonament tas-suq uniku tal-UE minħabba nuqqas ta' konverġenza tal-oqfsa ta' insolvenza fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Istrateġija Għal Suq Uniku. Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jżommu l-flessibbiltà bħala l-aktar mezz xieraq biex jiġu implimentati fil-kuntest nazzjonali tagħhom prinċipji bħalma huma d-disponibbiltà tal-għodda ta’ twissija bikrija jew id-dmirijiet ta-diretturi fil-viċinanza ta’ insolvenza. Jistgħu jistabbilixxu wkoll regoli mmirati aktar dettaljati meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-proposta, bħall-perjodi massimi ta’ sospensjoni ta’ azzjonijiet jew maġġoranzi għall-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ ristrutturar.

Ir-ristrutturar, l-insolvenza u t-tieni opportunità huma rregolati ħafna fil-livell nazzjonali u huma marbutin ma' oqsma oħra tal-liġi bħal liġi tal-kumpaniji, il-liġi tax-xogħol, il-liġi tat-taxxa u l-liġi tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, ir-ristrutturar, l-insolvenza u t-tieni oppoertunità huma ttrattati b'mod differenti fl-Istati Membri mhux biss minħabba żviluppi storiċi u ekonomiċi differenti, iżda wkoll minħabba approċċi differenti għall-protezzjoni tal-valuri soċjali, bħad-drittijiet tal-impjegati jew id-dritt għall-proprjetà. L-istandards minimi huma għalhekk l-aktar mezz xieraq biex jiġi żgurat qafas koerenti fl-Istati Membri kollha filwaqt li jippermetti lill-Istati Membri jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu finanzjament aktar ġdid u interim fil-proċeduri tar-ristrutturar billi jagħtuh status ta’ superjorità fi proċeduri ta’ likwidazzjoni sussegwenti qabel pretensjonijiet ta’ qabel ir-ristrutturar. L-Istati Membri jistgħu wkoll itejbu l-oqfsa tat-tieni opportunità billi jestendu l-ambitu personali tagħhom biex ikopru l-persuni fiżiċi kollha, inklużi l-konsumaturi. L-Istati Membri jistgħu wkoll itejbu t-trattament tal-ħaddiema meta fl-istadju tal-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ ristrutturar, jitolbu li l-ħaddiema jitpoġġew fi klassi tagħhom stess, b’mod separat minn kredituri oħra.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din il-proposta tibni fuq ir-Rakkomandazzjoni dwar approċċ ġdid għall-falliment tan-negozju u l-insolvenza tal-2014 55 . Evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni kkonkludiet li r-Rakkomandazzjoni ġiet adottata parzjalment biss minn xi Stati Membri, inklużi dawk li kienu indirizzati lilhom rakkomandazzjonijiet relatati mal-insolvenza skont is-Semestru Ewropew. Anki dawk l-Istati Membri li implimentaw ir-Rakkomandazzjoni għamlu dan b'mod selettiv, li jfisser li għad hemm differenzi sinifikanti 56 . Konsegwentement, ir-Rakkomandazzjoni waħedha ma kinitx biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-konverġenza u tat-tnaqqis tal-ineffiċjenzi għal regoli li jippermettu ristrutturar bikri tad-dejn u t-tieni opportunità.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni estensiva tal-partijiet ikkonċernati. Konsultazzjoni pubblika online mit-23 ta’ Marzu 2016 sal-14 ta’ Ġunju 2016 rċeviet aktar minn 260 kontribut minn 27 Stat Membru (b’mod partikolari l-Ġermanja, segwita mir-Renju Unit, il-Belġju u l-Litwanja). Saru laqgħat apposta mal-esperti governattivi tal-Istati Membri. Inħoloq grupp informali magħmul minn partijiet ikkonċernati magħżulin b'interess partikolari fi kwistjonijiet ta' ristrutturar tad-dejn, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità u ltaqa’ tliet darbiet fl-2016 57 . Fl-aħħar nett, ġiet organizzata Konferenza dwar il-konverġenza tal-oqfsa ta' insolvenza fi ħdan l-Unjoni Ewropea taħt il-Presidenza Slovakka fil-11 ta' Lulju 2016.

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri appoġġaw l-objettivi tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-oqfsa ta’ ristrutturar bikri u tat-tieni opportunità, iżda insistiet li jinħtieġ li tinżamm l-armonizzazzjoni l-aktar minħabba prinċipji minħabba rabtiet kumplessi ma’ oqsma legali oħrajn bħall-liġi tal-kumpaniji. Fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati, l-organizzazzjonijiet tan-negozju, assoċjazzjonijiet ta’ professjonisti, istituzzjonijiet finanzjarji, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, Trejdjunjins u l-akkademiċi kienu b’mod ġenerali ta’ appoġġ għar-regoli armonizzati minimi dwar ir-ristrutturar bikri u t-tieni opportunità u laqgħu l-idea ta’ qafas ta’ insolenza tal-UE effiċjenti u kosteffettiv biex jiġu salvati negozji vijabbli. Huma enfasizzaw ukoll li jinħtieġ li jkun previst approċċ bilanċjat li jissalvagwardja l-interessi tal-partijiet ikkonċernati kollha u li jipprekludu l-periklu morali. Is-settur bankarju u xi partijiet ikkonċernati kienu tal-fehma li r-regoli tal-UE dwar il-ħelsien mid-dejn tal-konsumatur, jekk jitqiesu, jinħtieġ li jkunu koperti fi strument separat. Il-Parlament Ewropew appoġġa l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ ristrutturar u jpoġġi l-enfasi fuq l-iżgurar tat-tieni opportunità lill-persuni fiżiċi kollha.

Ġabra u użu tal-kompetenzi

Il-grupp ta’ esperti dwar il-liġi tar-ristrutturar u l-insolvenza għamel sitt laqgħat tal-gruppi tal-esperti bejn Jannar u Lulju 2016 Sar studju legali kumparattiv komprensiv dwar il-liġijiet ta' insolvenza sostantivi fl-Istati Membri kollha bil-għan li jiġu identifikati l-oqsma kollha fejn id-differenzi fil-liġijiet nazzjonali jistgħu joħolqu ostakli għas-suq uniku 58 . Barra minn hekk, sar ukoll studju ekonomiku dwar l-impatt tal-istandards minimi fir-ristrutturar, fl-insolvenza u fit-tieni opportunità 59 .

Valutazzjoni tal-impatt

L-għażliet ta’ livell għoli li ġejjin kienu kkunsidrati:

Għażla 1: Iż-żamma tal-istatus quo (xenarju ta’ referenza)

Għażla 2: L-istabbiliment ta’ proċedura ta’ ristrutturar preventiva armonizzata b’mod sħiħ u qafas tat-tieni oportunità

Għażla 3: L-introduzzjoni ta’ alternattiva, reġim fakultattiv ta’ ristrutturar u tat-tieni opportunità tal-UE

Għażla 4: L-istabbiliment ta’ qafas legali minimu armonizzat fil-qasam tar-ristrutturar u tat-tieni opportunità għall-imprendituri

L-għażla magħżula skont il-valutazzjoni tal-impatt kienet biex tistabbilixxi qafas legali minimu armonizzat għar-ristrutturar u għat-tieni opportunità għall-imprendituri, b’dispożizzjoni mhux vinkolanti dwar it-tieni opportunità għall-konsumaturi u biex tagħmel il-proċeduri aktar effiċjenti. L-għażla l-preferuta toffri l-benefiċċji li jmiss:

(i) il-possibbiltajiet effiċjenti għal ristrutturar bikri;

(ii) it-titjib tal-opportunitajiet ta’ negozjati billi tagħti lid-debitur “nifs” permezz ta’ azzjonijiet ta’ sospensjoni tal-infurzar (moratorju);

(iii) l-iffaċilitar tat-tkomplija tan-negozju tad-debitur waqt ir-ristrutturar;

(iv) il-prevenzjoni li l-kredituri u l-azzjonisti f’minoranza jitħallew ifixklu l-isforz ta’ ristrutturar, filwaqt li jissalvawardjaw l-interessi tagħhom;

(v) iż-żieda tal-probabbilità ta’ suċċess tal-pjanijiet ta’ ristrutturar;

(vi) it-tnaqqis fl-ispejjeż u t-tul ta’ proċeduri ta’ ristrutturar;

(vii) il-ħelsien mid-dejn għal imprendituri b’dejn eċċessiv jitħalla jsir fi żmien raġonevoli (tliet snin);

(viii) iż-żieda tal-effettività tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità.

L-għażla ppreferuta se tgħin biex jitnaqqsu l-ostakli għall-investiment transfruntier. Din tirriżulta f’negozju aktar vijabbli li jiġu salvati milli fil-preżent minħabba li l-kredituri fil-minoranza ma jkunux jistgħu jiddestabbilizzaw il-proċess tan-negozjati bit-tama li jaqilgħu xi vantaġġ kummerċjali pereżempju billi jġiegħlu rkupru bikri tad-dejn tagħhom. Proċeduri preventivi effiċjenti jistgħu jikkontribwixxu biex jillimitaw l-okkorrenza ta’ self improduttiv f’riċessjonijiet ċikliċi filwaqt li jiżguraw rata għolja ta’ rkupru fuq self li l-valur tiegħu huwa indebolit. L-għazla ppreferuta jinħtieġ li twassal għal żidiet fir-rati ta' rkupru li, min-naħa tagħhom, iwasslu għal inqas spejjeż tas-self. L-għażla ppreferuta se tnaqqas l-ispejjeż u żżid l-opportunitajiet għal persuni fiżiċi (imprendituri) biex ikollhom bidu ġdid. L-ispiża għall-valutazzjoni tar-riskji tal-investiment ex ante se tonqos u r-rati ta’ rkupru fi proċedimenti ta’ insolvenza se jitjiebu. Aktar ma jkun għoli l-allinjament tar-reġimi ta’ ristrutturar, aktar tkun baxxa l-ispiża ta’ pariri legali attwalment użata sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ oqfsa multipli ta’ ristrutturar nazzjonali u ta’ insolvenza. L-għażla ppreferuta se żżid ir-rata ta' impjieg indipendenti, peress li t-tnaqqis tal-perjodu ta' ħelsien iżid ir-rata ta' impjieg indipendenti. L-għażla ppreferuta se tiffavorixxi wkoll il-konsum u t-tkabbir.

L-għażla ppreferuta se tkun tfisser xi spejjeż għal ċerti Stati Membri sabiex jimmodifikaw l-oqfsa tar-ristrutturar u tat-tieni opportunità tagħhom. Xi Stati Membri se jkollhom bżonn idaħħlu fis-seħħ proċedura preventiva jew jadattaw proċedura diġà notifikata skont l-Anness A tar-Regolament dwar l-Insolvenza. Xi bidliet fil-liġi tal-kumpaniji jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-pożizzjoni tal-azzjonisti fir-ristrutturar.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-għażla ppreferuta se tnaqqas l-ostakli għall-forniment ta' kreditu transfruntier lill-SMEs: ristrutturar effiċjenti jippermetti lill-SMEs li huma kredituri biex jirkupra aktar milli kieku d-debitur jidħol fl-insolvenza. Dan minħabba li r-rati ta' rkupru tal-kredituri huma ġeneralment ogħla meta l-qafas tal-insolvenza u r-ristrutturar jippermetti ristrutturar bikri u effiċjenti ta' ditti vijabbli u ta' riżoluzzjoni rapida ta' dawk li mhumiex vijabbli. Bħala debituri, l-SMEs se jkollhom aċċess għal għodod ta' twissija bikrija li jinħtieġ li jwasslu għal iktar ristrutturar fi stadju bikri. L-SMEs b'mod partikolari se jibbenefikaw ukoll minn mudelli ta' pjanijiet ta' ristrutturar żviluppati fuq livell nazzjonali li jistgħu jiffaċilitaw l-abbozzar ta' pjanijiet ta' ristrutturar bl-iżvelar xieraq mid-debituri. Permezz tal-promozzjoni ta' qafas ta' ristrutturar iktar flessibbli u kundizzjonijiet aħjar għal bidu mill-ġdid wara falliment, ir-rata tal-mewt tal-kumpaniji tista' titnaqqas kif ukoll l-effetti negattivi indiretti ta' insolvenzi relatati fil-katina tal-provvista. Kundizzjonijiet iktar faċli ta' ħelsien mid-dejn għall-imprendituri jikkontribwixxu wkoll għal rati ta' twelid iktar għoljin għall-kumpaniji.

Iż-żieda tal-effiċjenza tal-proċeduri ta' ristrutturar, insolvenza u ħelsien mid-dejn u b'mod partikolari d-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri kollha ta' insolvenza se jikkontribwixxu għat-tnaqqis tat-tul tal-proċeduri u jżidu l-effiċjenza tagħhom, li jwassal għal spejjeż iktar baxxi ta' ristrutturar u rati ta' rkupru ogħla għall-kredituri.

Drittijiet fundamentali

Il-libertà ta' intrapriża u d-dritt li tidħol f'impjieg bi qligħ (l-Artikoli 16 u 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali): dawn id-drittijiet huma garantiti. Id-debituri f’diffikultajiet finanzjarji jistgħu jkomplu joperaw waqt ir-ristrutturar tan-negozjati u jkollhom kontroll sħiħ jew għallanqas parzjali tal-assi u l-affarijiet tagħhom. L-imprendituri b'dejn eċċessiv se jkunu jistgħu jkollhom it-tieni bidu wara ħelsien sħiħ tad-dejn.

Id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (l-Artikolu 17 u 47 tal-Karta): Għalkemm għalkemm ċerti partijiet tal-proċedura jistgħu jaffettwaw dawn id-drittijiet, huma neċessarji u proporzjonati sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni rapida ta’ pjanijiet ta’ ristrutturar li huma kapaċi jroddu lura l-vijabbiltà għad-debituri. Salvagwardji xierqa ġew inklużi f’kull każ sabiex jiżguraw li l-interessi leġittimi tal-partijiet huma protetti kontra l-użu abużiv.

Id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni (l-Artikolu 27 tal-Karta) dawn se jiġu affettwati b’mod pożittiv mill-miżuri proposti billi l-proposta hija mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni f’dan il-qasam u barra minn hekk tipprovdi dritt għall-ħaddiema milquta biex jivvotaw dwar il-pjanijiet ta’ ristrutturar.

Id-dritt ta’ negozjar u azzjoni kollettivi (l-Artikolu 28 tal-Karta): il-proposta hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, biex jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa u f’każijiet ta’ kunflitt ta’ interess, jieħdu azzjoni kollettiva biex jiddefendu l-interessi tagħhom, inkluża azzjoni ta’ strajk skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta mhux se jkollha implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE. L-ispejjeż tal-implimentazzjoni u tat-trasponiment tad-Direttiva se jkunu koperti bis-sħiħ mill-allokazzjoni tal-baġit ivvutata tal-Programm tal-Ġustizzja. L-ispejjeż tat-tħejjija ta’ rapport ta’ implimentazzjoni 5 snin wara d-data ta' applikazzjoni tad-Direttia u kull seba' (7) snin wara se jkunu koperti mill-allokazzjoni tal-baġit tal-istrumenti fil-qasam tal-politika tal-Ġustizzja u l-Konsumaturi għas-snin għas-snin in kwistjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtaġġ

Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-implimentazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri billi:

tipprovdi assistenza ta’ traspożizzjoni;

torganizza żewġ workshops ta’ traspożizzjoni u eżerċizzji ta’ rendikont interim;

torganizza laqgħat bilaterali inkluż wara talba mill-Istati Membri;

tipprovdi lill-Istati Membri b’mudelli ta’ komunikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

L-Istati Membri se jiġu mistiedna wkoll jieħdu ċerti miżuri ta' implimentazzjoni, bħal jindikaw punt ta' kuntatt apposta, jinnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali kollha u jipprovdu sensibilizzazzjoni.

Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tar-regoli, il-proposta se tkun teħtieġ li l-Istati Membri jiġbru dejta bbażata fuq metodoloġija standard, fuq indikaturi bħan-numru ta' applikazzjonijiet għal kull tip ta' proċedura (ristrutturar, insolvenza, it-tieni opportunità), it-tul, ir-riżultat tal-proċeduri, l-ispejjeż amministrattivi tal-proċeduri, ir-rati ta' rkupru, u s-suċċess ta' dawn il-proċeduri. Id-dejta se tinqasam skont id-daqs u t-tip ta' debituri, li tippermetti valutazzjoni oġġettiva tal-effettività tal-proċeduri fl-Istati Membri. L-Istati Membri huma meħtieġa li jibagħtu dejta lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

L-operazzjoni tad-Direttiva se tiġi riveduta 5 snin wara li tidħol fis-seħħ u mbagħad kull seba' (7) snin.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Id-Direttiva tikkonsisti fi tliet partijiet ewlenin differenti: L-oqfsa ta’ ristrutturar preventivi (Titolu II) u tat-tieni opportunità għall-imprendituri (Titolu III) u l-miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità (Titolu IV). Titoli I, IV, V u VI huma orizzontali fil-kamp ta’ applikazzjoni.

Titolu I Dispożizzjonijiet ġenerali: fih dispożizzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, kemm rationae materiae kif ukoll rationae personae, diversi definizzjonijiet kif ukoll dispożizzjoni dwar id-disponibbiltà ta' għodod ta' twissija bikrija għad-debituri, kemm jekk ikunu persuni ġuridiċi jew jekk ikunu persuni fiżiċi li huma involuti f'attività kummerċjali, tan-negozju jew professjonali (imprendituri).

Għalkemm id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III huma limitati għall-imprendituri, jingħad espliċitament li l-Istati Membri jistgħu jestendu dawk id-dispożizzjonijiet għall-persuni fiżiċi kollha sabiex jiżguraw trattament konsistenti tad-dejn personali. Bosta Stati Membri ma jagħmlux distinzjoni bejn id-djun personali li jsiru wara attività ta' negozju u dawk sostnuti barra din l-attività. Ma hemm xejn f'din id-Direttiva li jissuġġerixxi li din id-distinzjoni jinħtieġ li ssir jew hija xierqa. Id-Direttiva tistieden lill-Istati Membri japplikaw l-istess prinċipji tat-tieni opportunità lill-persuni fiżiċi kollha.

Titolu II Oqfsa ta' ristrutturar preventiv: dan it-Titolu jqiegħed fis-seħħ elementi komuni u ċentrali għall-oqfsa ta' ristrutturar preventiv li jimmiraw li jagħtu lid-debituri f'diffikultà finanzjarja, kemm jekk ikunu persuni ġuridiċi jew jekk ikunu persuni fiżiċi, aċċess effettiv għall-proċeduri li jiffaċilitaw in-negozjar bikri, l-adozzjoni mill-kredituri u l-konferma possibbli minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-pjanijiet ta' ristrutturar.

Artikolu 4: oqfsa ta' ristrutturar preventiv jistgħu jikkonsistu fi proċedura jew miżura waħda jew iktar minn waħda, sakemm debitur ikun jista' jgħaqqad l-elementi kollha elenkati hemmhekk sabiex jinnegozja b'mod effettiv u jadotta pjan ta' ristrutturar.

Artikolu 5: id-debitur jinħtieġ li jitħalla fil-pussess tal-assi u l-affarijiet tiegħu. Medjaturi jew superviżuri (prattikanti fil-qasam tal-insolvenza) jista' jkollhom rwol, iżda dawn il-prattikanti ma jinħtiġx li jinħatru minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva f'kull każ.

Artikoli 6 u 7: sabiex jippermetti li jsiru n-negozjati u jimbotta lura l-kredituri inflessibbli, id-debitur jinħtieġ li jkollu aċċess għal waqfa ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali. It-tħassib li l-kredituri jistgħu jiġu affettwati b'mod negattiv mill-waqfa jiġi indirizzat permezz ta' dispożizzjonijiet dwar id-durata tal-waqfa, il-kundizzjonijiet għat-tiġdid tagħha u l-kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-waqfa. Il-pretensjonijiet pendenti tal-impjegati huma eżentati mill-waqfa sal-punt li l-Istati Membri ma jipprovdux għal protezzjoni xierqa permezz ta' mezzi oħra. Id-debitur jinħtieġ ukoll li ma jkunx obbligat jew mhedded biex jiftaħ tipi oħra ta' proċeduri ta' insolvenza, b'mod partikolari proċeduri ta' likwidazzjoni, għall-perjodu tal-waqfa biex b’hekk ikun jista’ jkompli topera n-negozju tiegħu. Jinħtieġ ukoll li jkun kapaċi jiddependi fuq il-prestazzjoni kontinwa ta’ kuntratti ma’ fornituri u kredituri oħra sakemm huwa jissodisfa l-obbligi tiegħu skont dawn il-kuntratti.

Artikolu 8: jipprevedi informazzjoni obbligatorja minima li għandha tiġi inkluża fil-pjanijiet ta' ristrutturar. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu informazzjoni obbligatorja addizzjonali, sakemm din ma tpoġġix piż sproporzjonat fuq id-debituri. Jinħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw mudelli online tal-pjan ta' ristrutturar u informazzjoni prattika dwar kif proponent tal-pjan jista' juża dawn il-mudelli.

Artikolu 9: jipprevedi l-adozzjoni tal-pjanijiet ta' ristrutturar minn kredituri jew klassijiet ta' kredituri affettwati. Jekk ikunu involuti kredituri b’interessi differenti, jinħtieġ ukoll li jiġu ttrattati fi klassijiet separati. Bħala miminu, jinħtieġ li l-kredituri garantiti jiġu ttrattati separatament mill-kredituri mhux garantiti. L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu li l-ħaddiema jiġu trattati fi klassi differenti minn kredituri oħrajn.

Artikolu  10: jelenka l-każijiet fejn tkun meħtieġa konferma ta' pjan ta' ristrutturar minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva sabiex tagħmlu vinkolanti u jipprovdi l-kundizzjonijiet għal konferma bħal din.

Artikolu 11: jistipula l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi żgurat li l-pjan ta' ristrutturar li mhuwiex appoġġat mill-klassijiet kollha tal-kredituri madankollu jkun ikkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva.

Artikolu 12: jipprevedi l-prinċipju li l-azzjonisti u d-detenturi oħra ta' ekwità ma jinħtiġx li jitħallew jostakolaw l-adozzjoni tal-pjanijiet ta' ristrutturar ta' negozju vijabbli, sakemm l-interessi leġittimi tagħhom ikunu protetti.

Artikolu 13: jipprevedi regoli dwar il-valutazzjoni, dwar meta u kif trid tiġi ddeterminata sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġusta tal-partijiet li ma jaqblux.

Artikolu 14: jispjega l-effetti tal-pjanijiet ta' ristrutturar fuq il-partijiet affettwati u dawk mhux affettwati.

Artikolu 15: jistabbilixxi regoli minimi dwar l-appelli bħal salvagwardji għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-partijiet, filwaqt li jiżgura wkoll li dawn is-salvagwardji ma jdewmux il-konferma jew l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' ristrutturar.

Artikoli 16 u 17: jipprevedu protezzjoni minima għall-finanzjament ġdid meħtieġ biex jiġi implimentat pjan ta' ristrutturar, finanzjament interim li sar sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tan-negozju matul negozjati ta' ristrutturar kif ukoll tranżazzjonijiet oħra konklużi b'rabta mill-qrib ma' pjan ta' ristrutturar.

Artikolu 18: jinkludi l-obbligu li l-Istati Membri jimponu dmirijiet speċifiċi fuq id-diretturi viċin l-insolvenza li jagħtihom inċentiv sabiex japplikaw għal ristrutturar bikri meta n-negozju jkun vijabbli.

Titolu III It-tieni opportunità għall-imprendituri: iqiegħed fis-seħħ dispożizzjonijiet minimi dwar il-ħelsien mid-dejn għal imprendituri b'dejn eċċessiv bħala l-kundizzjonijiet bażiċi għall-iżgurar li l-imprendituri jingħataw it-tieni opportunità. L-Istati Membri jistgħu jmorru lil hinn minn din il-protezzjoni minima, billi joffru trattament saħansitra iktar faċli tal-imprendituri, pereżempju permezz ta’ regoli dwar l-aċċess għall-finanzi għal dawk li ngħataw ċans ieħor.

Artikolu 19: jistabbilixxi l-prinċipju li l-imprendituri b'dejn eċċessiv jinħtieġ li jkollhom aċċess effettiv għal ħelsien sħiħ mid-dejn, mingħajr ammont minimu ta' ħlas lura jew perċentwal tad-dejn.

Artikolu 20: l-imprendituri jinħtieġ li jkollhom il-benefiċċju ta' ħelsien sħiħ mid-dejn wara massimu ta' tliet snin, mingħajr il-ħtieġa li jerġgħu japplikaw għand awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva. Il-bidu tal-perjodu ta' tliet snin ivarja, skont jekk l-imprenditur jagħmilx ħlasijiet favur il-kredituri taħt pjan għal ħlas lura jew jekk il-proċedura tikkonsistix biss f'realizzazzjoni tal-assi Limitazzjonijiet għal perjodu qasir ta’ ħelsien mid-dejn huma inklużi fl-Artikolu 22.

Artikolu 21: l-imprendituri skwalifikat għal raġunijiet marbuta ma’ dejn eċċessi jinħtieġ ukoll li jibbenefikaw minn ordnijiet ta’ skwalifika qosra li jagħtuhom it-tieni opportunità li tkun effettiva. Jinħtieġ li japplikaw il-limitazzjonijiet fl-Artikolu 22.

Artikolu 22: jagħti marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fit-twaqqif tal-limitazzjonijiet għad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn u dwar il-perjodi ta' ħelsien mid-dejn, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu speċifikati b'mod ċar u jkunu meħtieġa sabiex jipproteġu interess ġenerali.

Artikolu 23: peress li d-djun personali ta' natura professjonali u mhux professjonali huma spiss marbutin ma' xulxin, jinħtieġ li l-Istati Membri jippruvaw jikkonsolidaw, fejn applikabbli, il-proċeduri separati għall-kisba u aċċess effettiv għat-tieni opportunità għall-imprendituri.

Titolu IV Miżuri sabiex iżidu l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-proċeduri ta' ħelsien mid-dejn: japplika mhux biss għal ristrutturar preventivi u ta’ ħelsien mid-dejn, iżda wkoll għal proċeduri ta’ insolvenza.

Artikolu 24: jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-membri tal-ġudikatura u ta' awtoritajiet kompetenti oħra jkunu kkwalifikati u mħarrġa sew u jkunu speċjalizzati fir-ristrutturar, fl-insolvenza u fit-tieni opportunità.

Artikolu 25: jeħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu t-taħriġ inizjali u ulterjuri kif ukoll l-istabbiliment ta' kodiċi ta' kondotta għall-prattikanti li jittrattaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u t-tieni opportunità.

Artikolu 26: fih standards minimi għall-ħatra, is-superviżjoni u r-rimunerazzjoni tal-prattikanti fil-qasam tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità.

Artikolu 27: jipprevedi l-użu ta' mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni fil-kuntest tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità.

Titolu V Monitoraġġ tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità: dan it-titolu fih regoli minimi dwar il-ġbir tad-dejta mill-Istati Membri u dwar il-komunikazzjoni ta' din id-dejta lill-Kummissjoni fil-forma ta' mudell ta' komunikazzjoni standardizzat tad-dejta;

Titolu VI – Dispożizzjonijiet finali: regoli dwar ir-relazzjoni tad-Direttiva ma' strumenti oħra tal-Unjoni, dwar ir-reviżjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva, dwar l-adozzjoni ta' formoli standard, dwar id-dħul fis-seħħ u d-dħul fl-applikazzjoni.



2016/0359 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar oqfsa ta' risturtturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 60 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 61 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tneħħi l-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, bħall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta' stabbiliment, li jirriżultaw minn differenzi bejn il-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali dwar ir-ristrutturar tal-prevenzjoni, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità. Din id-Direttiva timmira li tneħħi dawn l-ostakli billi tiżgura li l-impriżi vijabbli f'diffikultajiet finanzjarji jkollhom aċċess għal oqfsa nazzjonali effettivi ta' ristrutturar preventiv li jippermettulhom jibqgħu jaħdmu; li l-imprendituri onesti li jkollhom dejn eċċessiv ikollhom it-tieni opporutnità wara ħelsien sħiħ mid-dejn wara perjodu ta' żmien raġonevoli; u li l-effettività tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn tiġi mtejba, b'mod partikolari bil-għan li titnaqqas id-durata tagħhom.

(2)Jinħtieġ li r-ristrutturar jippermetti lill-impriżi f'diffikultajiet finanzjarji jkomplu n-negozju tagħhom kompletament jew parzjalment, billi jbiddlu l-kompożizzjoni, il-kundizzjonijiet jew l-istruttura tal-assi u l-obbligazzjonijiet jew tal-istruttura tal-kapital tagħhom, inkluż permezz ta' bejgħ tal-assi jew partijiet tan-negozju. Jinħtieġ li l-oqfsa ta' ristrutturar preventiv fuq kollox jippermettu lill-impriżi jwettqu ristrutturar fi stadju bikru u jevitaw l-insolvenza tagħhom. Jinħtieġ li sawn l-oqfsa jimmassimizzaw il-valur totali għall-kredituri, is-sidien u l-ekonomija b’mod ġenerali u jinħtieġ li jevitaw telf ta’ impjiegi mingħajr bżonn u telf ta’ għarfien u ħiliet. Jinħtieġ li jevitaw ukoll l-akkumulazzjoni ta’ self improduttiv. Fil-proċess tar-ristrutturar jinħtieġ li jiġu protetti d-drittijiet tal-partijiet kollha involuti. Fl-istess ħin, in-negozji mhux vijabbli bl-ebda prospett ta' sopravivenza jinħtieġ li jiġu llikwidati malajr kemm jista' jkun.

(3)Hemm differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-firxa tal-proċeduri disponibbli għad-debituri li jaffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji sabiex jirristrutturaw in-negozju tagħhom. Xi Stati Membri għandhom firxa limitata ta’ proċeduri li jfisser li n-negozji jistgħu biss jirristrutturaw fi stadju relattivament avvanzat, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza. Fi Stati Membri oħra, ir-ristrutturar huwa possibbli fi stadju iktar bikri iżda l-proċeduri disponibbli mhumiex effettivi daqs kemm jistgħu jkunu jew huma formali ħafna, u b’mod partikolari jillimitaw l-użu ta’ proċessi barra mill-qorti. Bl-istess mod, ir-regoli nazzjonali li jagħtu t-tieni opportunità lill-imprendituri, b’mod partikolari billi dawn jingħataw ħelsien mid-djun li jkunu ġarrbu waqt in-negozju tagħhom, ivarjaw bejn l-Istati Membri fir-rigward tat-tul tal-perjodu ta’ ħelsien mid-dejn u l-kundizzjonijiet li taħthom jista' jingħata dan il-ħelsien.

(4)F'ħafna Stati Membri l-imprendituri falluti, għalkemm onesti, idumu iktar minn tliet snin biex jinħelsu mid-djun tagħhom u jagħmlu bidu ġdid. Oqfsa ineffiċjenti tat-tieni opportunità jwasslu biex l-imprendituri jkollhom jirrilokaw f'ġurisdizzjonijiet oħra sabiex jibbenefikaw minn bidu ġdid f'perjodu ta' żmien raġonevoli, bi spejjeż addizzjonali konsiderevoli kemm għall-kredituri tagħhom kif ukoll għad-debituri nfushom. Ordnijiet ta’ skwalifika fit-tul li spiss jakkumpanjaw proċedura li twassal għall-ħelsien mid-dejn joħolqu ostakli għal-libertà li tibda u teżerċita attività imprenditorjali indipendenti.

(5)It-tul ta' żmien eċċessiv tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn f'diversi Stati Membri huwa fattur importanti li jikkawża rati baxxi ta' rkupru u jiskoraġġixxi lill-investituri milli jagħmlu negozju fil-ġurisdizzjonijiet fejn il-proċedimenti jirriskjaw li jdumu ħafna.

(6)Dawn id-differenzi kollha jwasslu għal spejjeż addizzjonali għall-investituri fl-evalwazzjoni tar-riskji ta' debituri li jidħlu f'diffikultajiet finanzjarji fi Stat Membru wieħed jew aktar u l-ispejjeż ta' kumpaniji ta' ristrutturar li jkollhom stabbilimenti, kredituri jew assi fi Stati Membri oħra, bħalma huwa l-każ ċar fir-ristrutturar ta' gruppi internazzjonali ta' kumpaniji. Ħafna investituri isemmu l-inċertezza dwar regoli ta' insolvenza jew ir-riskju ta' proċeduri twal jew kumplessi ta' insolvenza f'pajjiż ieħor bħala raġuni ewlenija għaliex ma jinvestux jew ma jibdewx relazzjoni ta' negozju ma' kontroparti barra minn pajjiżhom stess.

(7)Dawn id-differenzi jwasslu għal kundizzjonijiet mhux ugwali għall-aċċess għall-kreditu u għal rati ta' rkupru mhux ugwali fl-Istati Membri. Livell ogħla ta' armonizzazzjoni fil-qasam tal-liġijiet dwar ir-ristrutturar, l-insolvenza u t-tieni opportunità għalhekk huwa indispensabbli għal suq uniku li jaħdem tajjeb b'mod ġenerali u għal Unjoni tas-Swieq Kapitali li taħdem b'mod partikolari.

(8)L-ispejjeż addizzjonali tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-infurzar transfruntier għall-kredituri ta' imprendituri b'dejn eċċessiv li jirrilokaw lejn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu t-tieni opportunità f'perjodu ta' żmien ħafna iqsar għandhom jitneħħew ukoll. L-ispejjeż addizzjonali għall-imprendituri li ġejjin mill-ħtieġa li jirrilokaw fi Stat Membru ieħor sabiex jibbenefikaw mit-tieni opportunità se jkollhom jitnaqqsu wkoll. Barra minn hekk, l-ostakli li jirriżultaw minn ordnijiet ta’ skwalifika fit-tul marbuta mad-dejn eċċessiv ta’ imprenditur jrażżnu l-imprenditorija.

(9)L-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali mhumiex limitati biss għal sitwazzjonijiet transfruntieri. Suq Uniku dejjem iktar interkonness - fejn l-oġġetti, is-servizzi, il-kapital u l-ħaddiema jiċċirkolaw b'mod ħieles – b'dimensjoni diġitali dejjem iktar b'saħħitha ifisser li ftit kumpaniji huma purament nazzjonali jekk l-elementi rilevanti kollha huma kkunsidrati, bħall-klijentela, l-ambitu tal-attivitajiet, il-bażi tal-investituri u kapitali tagħhom. Anki insolvenzi purament nazzjonali jista' jkollhom impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern permezz ta' dak imsejjaħ effett domino tal-insolvenzi, fejn insolvenza ta' impriża tista' tikkawża iktar insolvenzi fil-katina tal-provvista.

(10)Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 62 jittratta kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar, il-liġi applikabbli u l-kooperazzjoni fi proċedimenti transfruntiera tal-insolvenza kif ukoll l-interkonnessjoni tar-reġistri tal-insolvenza. L-ambitu tagħha jkopri l-proċeduri preventivi li jippromwovu s-salvataġġ ta’ debitur li jkun ekonomikament vijabbli kif ukoll il-proċeduri li jagħtu t-tieni opportunità lill-imprendituri. Madankollu, ir-Regolament (UE) 2015/848 ma jindirizzax id-diskrepanzi bejn dawk il-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk,strument limitat għal insolvenzi transfruntiera biss mhux se jsolvi l-ostakli kollha għall-moviment ħieles, u lanqas ma jkun fattibbli għall-investituri jiddeterminaw minn qabel in-natura transfruntiera jew domestika tad-diffikultajiet finanzjarji potenzjali tal-futur tad-debitur. Għalhekk hemm bżonn li tmur lil hinn minn kwistjonijiet ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tistabbilixxi standards minimi sostantivi.

(11)Huwa meħtieġ li jitbaxxew l-ispejjeż tar-ristrutturar kemm għad-debituri kif ukoll għall-kredituri. Għalhekk id-differenzi li jfixklu r-ristrutturar bikri tal-impriżi vijabbli f'diffikultajiet finanzjarji u l-possibbiltà tat-tieni opportunità għal imprendituri onesti għandhom jitnaqqsu. Dan jinħtieġ li jġib iktar trasparenza, ċertezza legali u prevedibbiltà fl-Unjoni. Barra minn hekk, jinħtieġ li jimmassimizza l-benefiċċji għat-tipi kollha tal-kredituri u l-investituri u jħeġġeġ l-investiment transfruntier. Jinħtieġ ukoll li koerenza ikbar tiffaċilita r-ristrutturar ta’ gruppi ta’ kumpaniji irrispettivament minn fejn il-membri tal-grupp jinsabu fl-Unjoni.

(12)It-tneħħija tal-ostakli għal ristrutturar effettiv ta’ impriżi vijabbli f’diffikultajiet finanzjarji tikkontribwixxi biex tnaqqas it-telf ta’ impjiegi għall-kredituri fil-katina tal-provvista, iżżomm l-għarfien u l-ħiliet u għalhekk tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija usa’. L-iffaċilitar tat-tieni opportunità għall-imprendituri jevita l-esklużjoni tagħhom mis-suq tax-xogħol u jippermettilhom jibdew mill-ġdid l-attivitajiet imprenditorjali, b’tagħlimiet meħuda mill-esperjenza tal-passat. Finalment, it-tnaqqis fit-tul tal-proċeduri ta’ ristrutturar jirriżulta f’rati ogħla ta’ rkupru għall-kredituri minħabba li ż-żmien normalment jirriżulta biss f’aktar telf ta’ valu għall-impriża. Barra minn hekk, l-oqfsa ta’ insolvenza effiċjenti se jipprovdu valutazzjoni aħjar tar-riskji involuti f’deċiżjonijiet ta’ għoti u teħid b’self u aġġustament bla problemi għal ditti fi stat ta’ dejn eċċessiv, b’minimizzazzjoni tal-ispejjeż ekonomiċi u soċjali involuti fil-proċess ta’ diżingranaġġ tagħhom.

(13)B'mod partikolari, jinħtieġ li l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju jibbenefikaw minn approċċ iktar koerenti fil-livell tal-Unjoni, billi dawn ma jkollhomx ir-riżorsi meħtieġa biex ilaħħqu ma’ spejjeż għoljin tar-ristrutturar u jieħdu vantaġġ minn proċeduri ta’ ristrutturar aktar effiċjenti f’xi Stati Membri. L-impriżi żgħar u medji, speċjalment meta jaffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji, spiss ma jkollhomx ir-riżorsi sabiex jiksbu parir professjonali, għalhekk jinħtieġ li l-għodod ta' twissija bikrija jitqiegħdu fis-seħħ sabiex iwissu lid-debituri dwar l-urġenza li tittieħed azzjoni. Sabiex impriżi bħal dawn ikollhom għajnuna biex jirristrutturaw bi spejjeż baxxi, jinħtieġ li mudelli tal-pjanijiet ta' ristrutturar jiġu żviluppati wkoll fuq livell nazzjonali u magħmula disponibbli online. Jinħtieġ li d-debituri jkunu jistgħu jużawhom u jadattahom għall-ħtiġijiet tagħhom stess u għall-ispeċifiċitajiet tan-negozju tagħhom.

(14)Huwa xierqa li d-debituri li huma impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kif definit fil-punti 1 u 4 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 63 , l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 64 , ditti tal-investiment u impriżi tal-investiment kollettivi kif definiti fil-punti 2 u 7 tal- Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 575/2013, kontropartijiet ċentrali kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 65 , depożitorji ċentrali tat-titoli kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 66 u istituzzjonijiet u entitajiet finanzjarji oħra elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva 67 . Dawn huma suġġetti għal arranġamenti speċjali u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom poteri vasti ta’ intervent.

(15)Id-dejn eċċessiv tal-konsumaturi huwa kwistjoni ta' tħassib ekonomiku u soċjali kbira u huwa relatat mill-qrib mat-tnaqqis tal-isporġenza debitorja. Barra minn hekk, spiss ma jkunx possibbli li ssir distinzjoni ċara bejn id-djun tal-konsumatur u d-djun tan-negozju ta' imprenditur. Is-sistema tat-tieni opportunità għall-imprendituri ma tkunx effettiva jekk l-imprenditur ikollu jgħaddi minn proċeduri separati, b'kundizzjonijiet ta' aċċess u perjodi ta' ħelsien mid-dejn differenti, sabiex jeħles mid-djun personali tan-negozju tiegħu u mid-djun personali tiegħu mhux tan-negozju. Għal dawn ir-raġunijiet, għalkemm din id-Direttiva ma tinkludix regoli vinkolanti dwar id-dejn eċċessiv ta' konsumatur, jinħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' ħelsien mid-dejn lill-konsumaturi wkoll.

(16)Iktar ma debitur ikun jista' jsib id-diffikultajiet finanzjarji tiegħu u jieħu azzjoni xierqa kmieni, iktar ikun hemm probabbiltà għolja li tiġi evitata insolvenza imminenti jew, f'każ ta' negozju li l-vijabbiltà tiegħu tkun imxekkla b'mod permanenti, iktar ikun ordnat u effiċjenti l-proċess tal-istralċ. Għalhekk jinħtieġ li jkun hemm informazzjoni ċara dwar il-proċeduri ta' ristrutturar preventiv disponibbli kif ukoll jitqiegħdu fis-seħħ mekkaniżmi ta' twissija bikrija sabiex jinċentivaw lid-debituri li jibdew jesperjenzaw problemi finanzjarji biex jieħdu azzjoni bikrija. Jinħtieġ li mekkaniżmi ta' twissija bikrija possibbli jinkludu dmirijiet ta' kontabbiltà u ta' monitoraġġ għad-debitur jew il-ġestjoni tad-debitur kif ukoll dmirijiet ta' rappurtaġġ taħt ftehim ta' self. Barra minn hekk, terzi persuni b'informazzjoni rilevanti bħal kontabilisti, awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali jistgħu jiġu inċentivati jew obbligati skont il-liġi nazzjonali sabiex jimmarkaw żvilupp negattiv.

(17)Jinħtieġ li qafas ta’ ristrutturar ikun disponibbli għad-debituri sabiex jippermettilhom jindirizzaw id-diffikultajiet finanzjarji tagħhom fi stadju bikri, jekk ikun jidher probabbli li l-insolvenza tagħhom tista’ tiġi evitata u t-tkomplija tan-negozju tagħhom tkun assigurata. Jinħtieġ li qafas ta’ ristrutturar ikun disponibbli qabel ma debitur isir insolventi skont il-liġi nazzjonali, jiġifieri qabel ma d-debitur jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jidħol fi proċedura ta' insolvenza kollettiva li normalment tinvolvi ċessjoni totali tad-debitur kif ukoll il-ħatra ta’ stralċjarju. Test ta' vijabbiltà għalhekk jinħtieġ li ma jsirx prekondizzjoni għad-dħul fin-negozjati u għall-għoti ta' waqfa minn azzjonijiet ta' infurzar. Pjuttost, jinħtieġ li l-vijabbiltà ta' impriża ħafna drabi tkun valutazzjoni li trid issir mill-kredituri affettwati li fil-maġġoranza tagħhom jaqblu għal xi aġġustamenti tal-pretensjonijiet tagħhom. Madankollu, sabiex jiġi evitat li l-proċeduri jintużaw ħażin, jinħtieġ li d-diffikultajiet finanzjarji tad-debitur jirriflettu probabbiltà ta' insolvenza u l-pjan ta’ ristrutturar jinħtieġ li jkun kapaċi li jipprevjeni l-insolvenza tad-debitur u li jiżgura l-vijabbiltà tan-negozju.

(18)Sabiex jippromwovu l-effiċjenza u jnaqqsu d-dewmien u l-ispejjeż, jinħtieġ li l-oqfsa nazzjonali ta' ristrutturar preventiv jinkludu proċeduri flessibbli li jillimitaw l-involviment tal-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi għal fejn ikun meħtieġ u proporzjonali sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi tal-kredituri u ta' partijiet interessati oħra li huma probabbli li jkunu affettwati. Biex jiġu evitati spejjeż żejda u jirriflettu n-natura bikrija tal-proċedura, jinħtieġ li d-debituri fil-prinċipju jitħallew jikkontrollaw l-assi tagħhom u l-operazzjoni ta' kuljum tan-negozju tagħhom. Il-ħatra ta' prattikant tar-ristrutturar, kemm jekk medjatur li jappoġġja n-negozjati ta' pjan ta' ristrutturar jew prattikant tal-insolvenza li jissorvelja l-azzjonijiet tad-debitur, jinħtieġ li ma tkunx obbligatorja f'kull każ, iżda ssir fuq il-bażi ta' każ b'każ skont iċ-ċirkostanzi tal-każ jew il-bżonnijiet speċifiċi tad-debitur. Barra minn hekk, jinħtieġ li neċessarjament ma jkunx hemm ordni tal-qorti għall-ftuħ tal-proċess ta' ristrutturar li jista' jkun informali sakemm id-drittijiet tat-terzi persuni ma jiġux affettwati. Madankollu, jinħtieġ li jiġi żgurat grad ta' superviżjoni jekk dan ikun meħtieġ sabiex jitħarsu l-interessi leġittimi ta’ kreditur wieħed jew iktar, jew ta' parti oħra interessata. Dan jista' jkun il-każ, b'mod partikolari, jekk tingħata waqfa ġenerali ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, jew jekk jidher neċessarju li jiġi impost pjan ta' ristrutturar fuq klassijiet ta' kredituri li ma jaqblux.

(19)Jinħtieġ li debitur ikun jista’ jitlob lill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva għal waqfa temporanja ta' azzjonijiet ta’ infurzar individwali li jinħtieġ ukoll li jissospendu l-obbligu ta' applikazzjoni għall-ftuħ ta' proċeduri ta' insolvenza jekk azzjonijiet bħal dawn jistgħu jaffettwaw ħażin in-negozjati u jxekklu l-prospetti ta’ ristrutturar tan-negozju tad-debitur. Il-waqfa minn infurzar tista' tkun ġenerali, jiġifieri li taffettwa l-kredituri kollha, jew inkella tkun immirata lejn kredituri individwali. Sabiex tipprovdi għal bilanċ ġust bejn id-drittijiet tad-debitur u tal-kredituri, jinħtieġ li l-waqfa tingħata għal perjodu ta’ mhux iktar minn erba’ xhur. Ir-ristrutturar kumpless, madanakollu, jista' jeħtieġ iktar żmien. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li f'każijiet bħal dawn, estensjonijiet ta' dan il-perjodu jistgħu jingħataw mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, sakemm ikun hemm evidenza li n-negozjati fuq il-pjan ta' ristrutturar ikunu qed jagħmlu progress u li l-kredituri ma jkollhomx preġudizzju inġust. Jekk jingħataw estensjonijiet ulterjuri, jinħtieġ li l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tkun sodisfatta li hemm probabbiltà kbira li se jiġi adottat pjan ta’ ristrutturar. Jinħtieġ li L-Istati Membri jiżguraw li kull talba biex jiġi estiż it-tul ta’ żmien inizjali tal-waqfa ssir fi żmien skadenza raġonevoli li tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi li jagħtu deċiżjoni fi żmien xieraq. Jekk awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ma tiħux deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-waqfa ta' infurzar qabel ma tiskadi, jinħtieġ li l-waqfa tieqaf milli jkollha effett fil-ġurnata li fiha jiskadi l-perjodu tal-waqfa. Fl-interess taċ-ċertezza legali, jinħtieġ li l-perjodu totali tal-waqfa xorta jkun limitat għal 12-il xahar.

(20)Biex ikun żgurat li l-kredituri ma jbatux detriment, jinħtieġ li l-waqfa ma tingħatax jew, jekk tingħata, jinħtieġ li ma tkunx estiża jew jinħtieġ li titneħħa jekk il-kredituri jkunu preġudikati inġustament mill-waqfa ta' infurzar. Meta jistabbilixxu jekk hemmx preġudizzju inġust lill-kredituri, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jistgħu jikkunsidraw jekk il-waqfa tippreservax il-valur totali tal-patrimonju, jekk id-debitur jaġixxix in mala fede jew bl-intenzjoni li jikkawża preġudizzju jew b'mod ġenerali jaġixxi kontra l-aspettattivi ġenerali tal-korp ġenerali tal-kredituri. Kreditur wieħed jew klassi ta' kredituri jkunu preġudikati inġustament mill-waqfa jekk pereżempju l-pretensjonijiet tagħhom isiru agħar sostanzjalment bħala riżultat tal-waqfa milli kieku l-waqfa ma tkunx ingħatat, jew jekk il-kreditur ikun tqiegħed fi żvantaġġ iktar minn kredituri oħra f'pożizzjoni simili.

(21)Il-kredituri li għalihom tapplika l-waqfa, barra minn hekk, jinħtieġ li ma jitħallewx jissospendu l-prestazzjoni, itemmu, jaċċelleraw jew jimmodifikaw b'xi mod ieħor kuntratti eżekutorji matul il-perjodu tal-waqfa, sakemm id-debitur jibqa' jikkonforma mal-obbligi eżistenti tiegħu taħt dawn il-kuntratti. It-terminazzjoni bikrija tipperikola l-abbiltà tan-negozju biex ikompli jopera matul negozjati ta' ristrutturar, speċjalment jekk dan jikkonċerna kuntratti għal provvisti essenzjali bħal gass, elettriku, ilma, telekomunikazzjoni u s-servizzi ta' ħlas bil-kard. Madankollu, sabiex jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-kredituri u sabiex jiġi żgurat l-inqas tfixkil fl-operazzjoni tal-kredituri fil-katina tal-provvista, jinħtieġ li l-waqfa tapplika biss fir-rigward tal-pretensjonijiet li tqajmu qabel tkun ingħatat il-waqfa. Sabiex jinkiseb ristrutturar ta' suċċess, jinħtieġ li d-debitur iħallas, fil-kors ordinarju tan-negozju, pretensjonijiet ta' u dovuti lill-kredituri mhux milquta mill-waqfa u l-pretensjonijiet tal-kredituri affettwati mill-waqfa li jitqajmu wara li tingħata l-waqfa.

(22)Jekk debitur jidħol fi proċedura ta' insolvenza, xi fornituri jista' jkollhom drittijiet kuntrattwali li jintitolawhom itemmu l-kuntratt ta' provvista unikament minħabba l-insolvenza (magħrufin bħala klawżoli ipso facto). L-istess jista' jkun jekk debitur japplika għal miżuri ta' ristrutturar preventiv. Jekk klawżoli bħal dawn ikunu invokati jekk id-debitur ikun sempliċement qed jinnegozja pjan ta' ristrutturar jew jitlob waqfa ta' infurzar jew b'konnessjoni ma' kwalunkwe avveniment relatat mal-waqfa, it-terminazzjoni bikrija jista' jkollha impatt negattiv fuq in-negozju tad-debitur u s-suċċess tas-salvataġġ tan-negozju. Għalhekk, jekk il-waqfa tingħata minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, huwa neċessarju li l-kredituri li tapplika għalihom il-waqfa ma jitħallewx jinvokaw klawżoli ipso facto li jirreferu għal negozjati dwar pjan ta' ristrutturar jew waqfa jew kwalunkwe avveniment simili marbut mal-waqfa.

(23)Jinħtieġ li l-kredituri jkollhom id-dritt li jikkontestaw il-waqfa ladarba tkun ingħatat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva. Jekk il-waqfa ma tkunx għadha meħtieġa bil-għan li tiffaċilita l-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar, pereżempju minħabba li jkun ċar li hemm nuqqas ta' appoġġ għar-ristrutturar minn maġġoranza tal-kredituri kif mitlub mil-liġi nazzjonali, jinħtieġ li l-kredituri wkoll ikunu jistgħu jitolbu li dik il-waqfa titneħħa.

(24)Kull kreditur affettwat mill-pjan ta' ristrutturar u, fejn applikabbli skont id-dritt nazzjonali, jinħtieġ li titolari ta' ekwità jkollu dritt li jivvota dwar l-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar. Il-partijiet mhux affettwati mill-pjan ta' ristrutturar jinħtieġ li ma jkollhom ebda dritt għal vot fir-rigward tal-pjan, u lanqas jinħtieġli l-appoġġ tagħhom ma jkunx meħtieġ għall-approvazzjoni ta' kwalunkwe pjan. Il-vot jista' jieħu l-forma ta' proċess ta' votazzjoni formali jew ta' konsultazzjoni u ftehim mal-maġġoranza meħtieġa tal-partijiet affettwati. Madankollu, jekk il-vot jieħu l-forma ta' konsultazzjoni u ftehim, jinħtieġ madankollu li l-partijiet affettwati li l-ftehim magħhom ma kienx neċessarju jiġu offruti l-possibbiltà li jissieħbu fil-pjan ta' ristrutturar.

(25)Biex ikun żgurat li d-drittijiet li huma sostanzjalment simili jiġu ttrattati b'mod ekwu u li l-pjanijiet ta' ristrutturar ikunu jistgħu jiġu adottati mingħajr ma jippreġudikaw inġustament id-drittijiet tal-partijiet affettwati, jinħtieġ li l-partijiet affettwati jiġu ttrattati fi klassijiet separati li jirriflettu l-kriterji ta' formazzjoni tal-klassijiet skont il-liġi nazzjonali. Bħala minimu, jinħtieġ li l-kredituri garantiti u dawk mhux garantiti dejjem jiġu trattati fi klassijiet separati. Il-liġi nazzjonali tista' tipprovdi li l-pretensjonijiet iggarantiti jistgħu jinqasmu f'pretensjonijiet iggarantiti u mhux iggarantiti fuq il-bażi ta' valutazzjoni kollaterali. Il-liġi nazzjonali tista' wkoll tistipula regoli speċifiċi li jappoġġaw il-formazzjoni tal-klassijiet jekk kredituri mhux diversifikati jew inkella speċjalment vulnerabbli, bħalma huma impjegati jew fornituri żgħar, jistgħu jibbenefikaw minn din il-formazzjoni tal-klassijiet. Jinħtieġ li l-liġijiet nazzjonali, f'kull każ, jiżguraw li jingħata t-trattament xieraq lil kwistjonijiet ta' importanza partikolari għal skopijiet ta' formazzjoni tal-klassijiet, bħal pretensjonijiet minn partijiet konnessi, u jinħtieġ li jinkludu regoli li jittrattaw pretensjonijiet kontinġenti u pretensjonijiet ikkontestati. Jinħtieġ li l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva teżamina l-formazzjoni tal-klassijiet jekk pjan ta' ristrutturar jintbagħat għal konferma, iżda l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li dawn l-awtoritajiet jistgħu jeżaminaw ukoll il-formazzjoni tal-klassijiet fi stadju iktar bikri jekk il-proponent tal-pjan ikollu jfittex validazzjoni jew gwida minn qabel.

(26)Jinħtieġ li l-maġġoranzi meħtieġa jiġu stabbiliti bil-liġi nazzjonali sabiex jiġi żgurat li minoranza ta' partijiet affettwati f'kull klassi ma tkunx tista' tostakola l-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar li ma jippreġudikax inġustament id-drittijiet u l-interessi tagħhom. Mingħajr regola ta' maġġoranza li torbot lill-kredituri garantiti li ma jaqblux, ir-ristrutturar bikri ma jkunx possibbli f'ħafna każijiet, pereżempju fejn ikun hemm bżonn ta' ristrutturar finanzjarju iżda n-negozju jkun vijabbli altrimenti. Sabiex jiġi żgurat li l-partijiet ikollhom vuċi fl-adozzjoni ta' pjanijiet ta' ristrutturar proporzjonali mal-ishma li jkollhom fin-negozju, jinħtieġ li l-maġġoranza meħtieġa tkun ibbażata fuq l-ammont tat-pretensjonijiet tal-kredituri jew l-interessi tat-titolari ta' ekwità f'xi klassi partikolari.

(27)It-test ta' "l-aħjar interess tal-kredituri" jgħin sabiex jiggarantixxi li l-ebda kreditur li ma jaqbilx ma jkun f'sitwazzjoni agħar taħt il-pjan ta' ristrutturar milli kif ikun fil-każ ta' likwidazzjoni, kemm jekk dan ifisser likwidazzjoni biċċa biċċa jew il-bejgħ tan-negozju bħala negozju avvjat. Jinħtieġ li dan it-test jiġi applikat f'kull każ jekk pjan ikollu jiġi kkonfermat sabiex ikun vinkolanti fuq kredituri li ma jaqblux jew, skont kif ikun il-każ, klassijiet ta' kredituri li ma jaqblux.

(28)Għalkemm jinħtieġ li pjan ta' ristrutturar dejjem jitqies bħala adottat jekk il-maġġoranza meħtieġa f'kull klassi affettwata tappoġġa l-pjan, pjan ta' ristrutturar li mhuwiex appoġġjat mill-maġġoranza meħtieġa f'kull klassi affettwata xorta jista' jiġi kkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva sakemm ikun appoġġjat minn mill-inqas klassi waħda ta' kredituri affettwati u li l-klassijiet ta' dawk li ma jaqblux ma jiġux ippreġudikati inġustament taħt il-pjan propost (il-mekkaniżmu ta’ applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti). B'mod partikolari, jinħtieġ li l-pjan josserva r-regola ta' prijorità assoluta li tiżgura li klassi ta' kredituri li ma jaqblux għandha titħallas kompletament qabel klassi iktar riċenti tirċievi xi distribuzzjoni jew iżżomm xi interessi taħt il-pjan ta' ristrutturar. Ir-regola ta' prijorità assoluta sservi bħala bażi għall-valur li għandu jiġi allokat fost il-kredituri fir-ristrutturar. Bħala korollarju għar-regola ta' prijorità assoluta, l-ebda klassi ta' kredituri ma tista' tirċievi jew iżżomm taħt il-pjan ta' ristrutturar valuri ekonomiċi jew benefiċċji li jaqbżu l-ammont sħiħ tal-pretensjonijiet jew l-interessi ta' dik il-klassi. Ir-regola ta' prijorità assoluta tippermetti li jiġi ddeterminat, jekk imqabbel mal-istruttura tal-kapital tal-impriża taħt ristrutturar, l-allokazzjoni tal-valur li l-partijiet għandhom jirċievu skont il-pjan ta' ristrutturar fuq il-bażi tal-valur tal-impriża bħala negozju avvjat.

(29)Filwaqt li jinħtieġ li l-interessi leġittimi tal-azzjonisti jew tad-detenturi tal-ekwità oħrajn ikunu protetti, jinħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-azzjonisti ma jistgħux jimblukkaw b’mod mhux raġonevoli l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ ristrutturar li jġibu lid-debitur lura għall-vijabbiltà. Pereżempju, jinħtieġ li l-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar ma tkunx tiddependi fuq il-ftehim tat-titolari ta' ekwità sfavorevoli, jiġifieri titolari ta' ekwità li, fuq valutazzjoni tal-intrapriża, ma jirċievu ebda ħlas jew kumpens ieħor jekk il-gradazzjoni normali tal-prijoritajiet ta' likwidazzjoni jkunu ġew applikati. L-Istati Membri jistgħu jużaw mezzi differenti biex jilħqu dan l-għan, pereżempju billi ma jagħtux lit-titolari ta' ekwità id-dritt li jivvotaw fuq pjan ta' ristrutturar. Madankollu, jekk it-titolari ta’ ekwità jkollhom id-dritt li jivvutaw fuq pjan ta’ ristrutturar, jinħtieġ li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tkun tista’ tikkonferma l-pjan minkejja n-nuqqas ta’ qbil ta’ klassi waħda jew aktar ta’ titolari tal-ekwità, permezz ta’ mekkaniżmuta' applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti. Jistgħu jkunu meħtieġa iktar klassijiet ta' titolari ta' ekwità jekk ikunu jeżistu klassijiet differenti ta' ishma bi drittijiet differenti. It-titolari ta' ekwità ta' intrapriżi żgħar u medji li mhumiex sempliċi investituri iżda li huma s-sidien tad-ditta u jikkontribwixxu għad-ditta b'modi oħra bħall-għarfien espert maniġerjali jista' ma jkollhomx inċentiv biex jirristrutturaw taħt kundizzjonijiet bħal dawn. Għal din ir-raġuni, jinħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti bejn il-klassijiet jibqa' fakultattiv għall-proponent tal-pjan.

(30)Il-konferma ta’ pjan ta’ ristrutturar minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva hija meħtieġa biex tiżgura li t-tnaqqis tad-drittijiet tal-kredituri jew l-interessi tat-titolari ta' ekwità hija proporzjonali mal-benefiċċji ta’ ristrutturar u li l-kredituri jkollhom aċċess għal rimedju effettiv. Jinħtieġ għalhekk li l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tirrifjuta pjan jekk ikun ġie stabbilit li t-tentattiv ta’ ristrutturar inaqqas id-drittijiet tal-kredituri li ma jaqblux jew it-titolari ta' ekwità taħt dak li jistgħu raġonevolment jistennew li jirċievu fil-każ ta' likwidazzjoni tan-negozju tad-detentur, kemm jekk permezz ta' likwidazzjoni maqsuma f'partijiet jew inkella minn bejgħ bħala negozju avvjat, skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta' kull debitur. Madankollu, jekk il-pjan ikun ikkonfermat permezz ta' mekkaniżmu ta’ applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti bejn il-klassijiet, jinħtieġ li r-regola ta' prijorità assoluta tiġi applikata b'referenza għall-valutazzjoni tal-intrapriża li, għall-kuntrarju tal-valutazzjoni tal-likwidazzjoni tan-negozju avvjat tal-intrapriża, tħares lejn il-valur tan-negozju tad-debitur fit-tul. Il-valutazzjoni tal-intrapriża, bħala regola, hija ogħla mill-valur ta' likwidazzjoni tan-negozju avvjat għaliex taqbad il-fatt li n-negozju jkompli bl-attività tiegħu u jikkuntratta bi tfixkil minimu, għandu l-fiduċja tal-kredituri finanzjarji, l-azzjonisti u l-klijenti, ikompli jiġġenera dħul u jillimita l-impatt fuq il-ħaddiema.

(31)Is-suċċess ta' pjan ta' ristrutturar jista' spiss jiddependi fuq jekk ikunx hemm riżorsi finanzjarji fis-seħħ sabiex jappoġġjaw l-ewwel l-operat tan-negozju waqt in-negozjati ta' ristrutturar u t-tieni l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar wara l-konferma tiegħu. Jinħtieġ għalhekk li finanzjament ġdid jew finanzjament interim ikun eżenti minn azzjonijiet revokatorji li jfittxu li jiddikjaraw finanzjament bħal dan null u bla effett, annullabbli jew mhux enforzabbli bħala att ta' detriment għall-korp ġenerali ta' kredituri fil-kuntest ta' proċeduri ta' insolvenza sussegwenti. Il-liġijiet nazzjonali ta' insolvenza li jistipulaw azzjonijiet revokatorji jekk u meta d-debitur isir eventwalment insolventi jew li jistipulaw li s-selliefa ġodda jistgħu jeħlu sanzjonijiet ċivili, amministrattivi jew kriminali talli jestendu kreditu lil debituri f'diffikultajiet finanzjarji qed jipperikolaw id-disponibbiltà tal-finanzjament meħtieġ għan-negozjar u l-implimentazzjoni ta' suċċess ta' pjan ta' ristrutturazzjoni. Għall-kuntrarju ta' finanzjament ġdid li jinħtieġ li jiġi kkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva bħala parti minn pjan ta' ristrutturar, meta l-finanzjament interim jiġi estiż il-partijiet ma jafux jekk il-pjan huwiex se jiġi eventwalment ikkonfermat jew le. Il-limitazzjoni tal-protezzjoni ta' finanzjament interim għal każijiet jekk il-pjan jiġi adottat mill-kredituri jew ikkonfermet minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tiskoraġġixxi l-għoti ta' finanzjament interim. Biex jiġu evitati abbużi potenzjali, jinħtieġ li jiġi protett biss dak il-finanzjament li huwa raġonevolment u immedjatament neċessarju għall-operazzjoni kontinwa jew is-sopravivenza tan-negozju tad-debitur jew il-preservazzjoni jew it-titjib ta' dak il-valur ta' dak in-negozju sakemm jiġi kkonfermat dak il-pjan. Il-protezzjoni minn azzjonijiet revokatorji u l-protezzjoni minn responsabbiltà personali huma garanziji minimi mogħtija lill-finanzjament interim u finanzjament ġdid. Madankollu, it-tħeġġiġ ta' selliefa ġodda biex jieħdu r-riskju mtejjeb ta' investiment f'debitur vijabbli jistgħu jkunu meħtieġa inċentivi addizzjonali bħal pereżempju li dan il-finanzjament jingħata prijorità mill-inqas fuq pretensjonijiet mhux garantiti fi proċeduri sussegwenti ta' insolvenza.

(32)Jinħtieġ li l-partijiet milquta interessati jkollhom il-possibbiltà li jappellaw deċiżjoni dwar il-konferma ta’ pjan ta’ ristrutturar. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-pjan, sabiex titnaqqas l-inċertezza u jiġi evitat dewmien mhux ġustifikabbli, jinħtieġ li l-appelli ma jkollhomx effetti sospensivi fuq l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar. Jekk jiġi stabbilit li l-kredituri tal-minoranzi jkunu sofrew dannu mhux iġġustifikat skont il-pjan, jinħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw, bħala alternattiva għall-annullament tal-pjan, l-għoti ta' kumpens monetarju lill-kredituri rispettivi li ma jaqblux pagabbli lid-debitur jew lill-kredituri li vvutaw favur il-pjan.

(33)Sabiex tiġi promossa kultura ta' rimedju kmieni għal ristrutturar preventiv, huwa mixtieq li t-tranżazzjonijiet mwettqa bona fide u marbutin mill-qrib mal-adozzjoni jew l-implimentazzjoni ta' pjan ta' ristrutturar jingħataw ukoll protezzjoni mill-azzjonijiet revokatorji fi proċeduri sussegwenti ta' insolvenza. It-tranżazzjonijiet ikkontemplati u marbutin mill-qrib ma' negozjati għal pjan ta' ristrutturar jistgħu jkunu, pereżempju, il-bejgħ ta' kumpanija sussidjarja sabiex jinkisbu flus kontanti li l-intrapriża f'diffikultajiet finanzjarji teħtieġ sabiex tkompli topera n-negozju waqt negozjati ta' ristrutturar. It-tranżazzjonijiet fi tkomplija jew marbuta mill-qrib mat-termini tal-pjan ta' ristrutturar jistgħu jseħħu jekk id-debitur iwiegħed l-ishma f'kumpanija sussidjarja sabiex jiżgura self ġdid inkluż fil-pjan jew meta jwettaq skambju ta' dejn ma' ekwità previst fil-pjan. Jinħtieġ li protezzjoni bħal din issaħħaħ iċ-ċertezza fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ma' negozji li huma magħrufin li huma f'diffikultajiet u tneħħi l-biża' tal-kredituri u l-investituri li t-tranżazzjonijiet kollha bħal dawn jistgħu jkunu ddikjarati nulli f'każ li r-ristrutturar ma jirnexxix.

(34)Matul il-proċeduri ta' ristrutturar preventiv, jinħtieġ li l-ħaddiema jgawdu protezzjoni sħiħa tal-liġi tax-xogħol. B'mod partikolari, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-ħaddiema garantiti mid-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE 68 , id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE 69 , id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 70 , id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 71 u d-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 72 . L-obbligi rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema skont il-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttivi msemmija hawn fuq jibqgħu kompletament intatti. Dan jinkludi obbligi li jiġu informati u kkonsultati r-rappreżentanti tal-ħaddiema rigward id-deċiżjoni li jkun hemm azzjoni għal qafas ta’ ristrutturar preventiv skont id-Direttiva 2002/14/KE. Minħabba l-ħtieġa li jkun żgurat livell xieraq ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, jinħtieġ li l-Istati Membri, bħala prinċipju, jeżentaw il-pretensjonijiet pendenti tal-ħaddiema kif definiti fid-Direttiva 2008/94/KE, minn kull waqfa tal-infurzar indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn il-pretensjonijiet jitfaċċaw qabel jew wara li tkun ingħatat il-waqfa. Jinħtieġ li waqfa bħal din tkun permissibbli biss għall-ammonti u għall-perjodu li l-ħlas ta’ pretensjonijiet bħal dawn hija garantita b’mod effettiv b’mezzi oħra skont il-liġi nazzjonali. Jekk l-Istati Membri jestendu l-kopertura tal-garanzija tal-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti tal-ħaddiema stabbilita mid-Direttiva 2008/94/KE għal proċeduri ta’ ristrutturar preventiv stabbiliti minn din id-Direttiva, l-eżenzjoni tal-pretensjonijiet tal-ħaddiema mill-waqfa tal-infurzar ma għadhiex ġustifikata sa fejn ikun kopert minn dik il-garanzija. Jekk skont il-liġi nazzjonali jkun hemm limitazzjonijiet għar-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija, kemm fir-rigward tat-tul tal-garanzija jew l-ammont imħallas lill-ħaddiema, jinħtieġ li l-ħaddiema jkunu jistgħu jinfurzaw il-pretensjonijiet tagħhom għal kwalunkwe nuqqas fil-konfront ta’ min iħaddem anki matul il-waqfa tal-perjodu tal-infurzar.

(35)Jekk pjan ta' ristrutturar jinvolvi trasferiment ta' parti minn intrapriża jew negozju, id-drittijiet tal-ħaddiema li jirriżultaw minn kuntratt ta' impjieg jew minn relazzjoni tax-xogħol, b'mod partikolari inkluż id-dritt għall-paga, jinħtieġ li jiġu salvagwardjati b'mod konformi mal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23/KE, mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi li japplikaw f'każ ta' proċeduri ta' insolvenza skont l-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva u b'mod partikolari l-possibilitajiet permessi mill-Artikolu 5(2) ta' dik id-Direttiva. Barra minn hekk, flimkien u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ informazzjoni u konsultazzjoni, inkluż dwar deċiżjonijiet li kapaċi jwasslu għal tibdil sostanzjali fl-organizzazzjoni tax-xogħol jew fir-relazzjonijiet kuntrattwali bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar deċiżjonijiet bħal dawn, li huma garantiti mid-Direttiva 2002/14/KE, skont din id-Direttiva, jinħtieġ li l-ħaddiema li huma affettwati mill-pjan ta’ ristrutturar ikollhom dritt ta’ vot dwar dan il-pjan. Għall-finijiet tal-vot dwar il-pjan ta’ ristrutturar, l-Istat Membru jistgħu jiddeċiedu li jqiegħdu l-ħaddiema fi klassi differenti minn kategoriji oħra ta’ kredituri.

(36)Sabiex ikompli jiġi promoss ristrutturar preventiv, huwa imporanti li jiġi żgurat li d-diretturi ma jiġux dissważi milli jeżerċitaw ġudizzju tan-negozju raġonevoli jew jieħdu riskji kummerċjali raġonevoli, partikolarment meta jekk jagħmlu hekk se jtejbu ċ-ċansijiet għar-ristrutturazzjoni ta' impriżi potenzjalment vijabbli. Jekk l-intrapriża tesperjenza diffikultajiet finanzjarji, jinħtieġ li d-diretturi jieħdu passi bħat-tfittxija ta' parir professjonali, inkluż dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza, pereżempju billi jagħmlu użu minn għodod ta' twissija bikrija fejn applikabbli; il-protezzjoni tal-assi tal-kumpanija sabiex jiġi mmassimizzat il-valur u jiġi evitat it-telf ta' assi ewlenin; il-konsiderazzjoni tal-istruttura u l-funzjonijiet tan-negozju sabiex tiġi eżaminata l-vijabbiltà u jitnaqqas l-infiq; in-nuqqas ta' impenn tal-kumpanija għal tipi ta' tranżazzjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għal evitar sakemm ma jkunx hemm ġustifikazzjoni xierqa tan-negozju; it-tkomplija tal-kummerċ f'ċirkostanzi jekk ikun xieraq li jsir hekk sabiex jiġi mmassimizzat il-valur tan-negozju avvjat; it-twettiq ta' negozjati ma' kredituri u d-dħul fi proċeduri ta' ristrutturar preventiv. Jekk id-debitur ikun viċin l-insolvenza, huwa importanti wkoll li jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-kredituri minn deċiżjonijiet ta' ġestjoni li jista' jkollhom impatt fuq il-kostituzzjoni tal-patrimonju tad-debitur, b'mod partikolari jekk dawn id-deċiżjonijiet jista' jkollhom l-effett li jkomplu jnaqqsu l-valur tal-patrimonju disponibbli għal sforzi ta' ristrutturar jew għal distribuzzjoni lill-kredituri. Huwa għalhekk meħtieġ li f'dawn iċ-ċirkostanzi d-diretturi jevitaw kwalunkwe azzjonijiet intenzjonati jew negliġenti ħafna li jirriżultaw fi gwadann personali għad-detriment tal-partijiet interessati, filwaqt li jaqbel għal tranżazzjonijiet taħt il-valur, jew jieħdu azzjonijiet li jwasslu għal preferenza inġusta ta' parti interessata jew aktar fuq oħrajn. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva jinħtieġ li d-diretturi jkunu persuni responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-kumpanija.

(37)Il-possibilitajiet differenti tat-tieni opportunità fl-Istati Membri jistgħu jinċentivaw lill-imprendituri b'dejn eċċessiv biex jirrilokaw lejn Stati Membri sabiex jibbenefikaw minn perjodi iqsar ta' ħelsien mid-dejn jew kundizzjonijiet iktar attraenti għall-ħelsien mid-dejn, li jwasslu għal inċertezza legali addizzjonali u spejjeż għall-kredituri meta jirkupraw il-pretensjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, l-effetti ta’ falliment, b’mod partikolari l-istigma soċjali, il-konsegwenzi legali bħall-iskwalifika tal-imprendituri milli jibdew u jfittxu attività imprenditorjali u l-inkapaċità kontinwa li jitħallsu lura d-djun jikkostitwixxu diżinċentivi importanti għall-imprendituri li jixtiequ jibdew negozju jew jingħataw it-tieni opportunità, anki jekk l-evidenza turi li l-imprendituri li fallew għandhom aktar ċans li jirnexxu t-tieni darba. Jinħtieġ għalhekk li jittieħdu passi biex jitnaqqsu l-effetti negattivi tad-djun eċċessivi u tal-falliment fuq l-imprendituri, b'mod partikolari billi jiġi permess ħelsien sħiħ mid-djun wara ċertu perjodu ta’ żmien u billi jiġi limitat it-tul tal-ordnijiet ta' skwalifika maħruġa b'konnessjoni mad-djun eċċessivi tad-debitur.

(38)Ħelsien sħiħ mid-dejn jew fl-aħħar tal-iskwalifika jew wara perjodu ta' żmien qasir mhuwiex xieraq fiċ-ċirkostanzi kollha, pereżempju fil-każijiet fejn id-debitur ikun diżonest jew ikun aġixxa in mala fede. Jinħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu gwida ċara lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi dwar kif għandhom jivvalutaw l-onestà tal-imprenditur. Pereżempju, fl-istabbiliment dwar jekk id-debitur kienx diżonest, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jistgħu jikkunsidraw ċirkostanzi bħalma huma n-natura u l-firxa tad-djun, il-ħin meta dawn saru, l-isforzi tal-debitur sabiex iħallas id-djun u jikkonforma mal-obbligi legali inklużi r-rekwiżiti tal-liċenzjar pubbliku u ż-żamma tal-kotba kif suppost, u azzjonijiet min-naħa tiegħu sabiex jisfratta r-rikors mill-kredituri. Ordnijiet ta’ skwalifika jistgħu jdumu iktar jew b’mod indefinit f’sitwazzjonijiet fejn l-imprenditur jeżerċita ċerti professjonijiet li huma meqjusa bħala sensittivi fl-Istati Membri jew jekk huwa kien ħati ta’ attivitajiet kriminali. F’każijiet bħal dawn jista' jkun possibbli għall-imprendituri li jibbenefikaw minn ħelsien mid-dejn, iżda xorta waħda jiġu skwalifikati għal perjodu ta’ żmien itwal jew b’mod indefinit milli jeżerċitaw professjoni partikolari.

(39)Huwa meħtieġ li tinżamm u tittejjeb it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-proċeduri fl-għoti ta' eżiti li huma favorevoli għall-preservazzjoni ta' negozji u għall-għoti tat-tieni opportunità lill-imprendituri jew li jippermettu l-likwidazzjoni effiċjenti ta' intrapriżi mhux vijabbli. Huwa meħtieġ ukoll li jitnaqqas it-tul eċċessiv tal-proċeduri ta' insolvenza f'ħafna Stati Membri, li jirriżulta f'inċertezza legali għall-kredituri u l-investituri u rati ta' rkupru baxxi. Fl-aħħar nett, minħabba l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni msaħħa bejn il-qrati u l-prattikanti f'każijiet transfruntieri stabbiliti bir-Regolament (UE) 2015/848, il-professjonaliżmu tal-atturi involuti kollha għandu jittella' f'livelli għoljin b'mod komparabbli fl-Unjoni kollha. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jinħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-membri tal-korpi ġudizzjarji u amministrattivi jiġu mħarrġa b’mod xieraq u jkollhom għarfien speċjalizzat u esperjenza fi kwistjonijiet ta’ insolvenza. Jinħtieġ li speċjalizzazzjoni bħal din tal-membri tal-ġudikatura tippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet b'impatti ekonomiċi u soċjali potenzjalment sinifikanti f’perjodu ta’ żmien qasir u jinħtieġ li ma tfissirx li l-membri tal-ġudikatura jridu jittrattaw esklussivament il-kwistjonijiet tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità. Pereżempju, il-ħolqien ta’ qrati jew kmamar speċjalizzati f’konformità mal-liġi nazzjonali li jirregolaw l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja jista’ jkun mezz effiċjenti sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(40)Jinħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll li l-prattikanti fil-qasam tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità li huma maħtura minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jkunu mħarrġin sew u ssorveljati fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, li jkunu maħtura b'mod trasparenti bil-konsiderazzjoni dovuta għall-ħtieġa li jiġu żgurati proċeduri effiċjenti u li jwettqu l-kompiti tagħhom b'integrità. Jinħtieġ li l-prattikanti wkoll jikkonformaw ma’ kodiċijiet ta’ kondotta volontarji mmirati lejn l-iżgurar ta’ livell xieraq ta’ kwalifikazzjoni u taħriġ, trasparenza tal-funzjonijiet ta’ dawn il-professjonisti u r-regoli li jiddeterminaw ir-rimunerazzjoni tagħhom, it-teħid ta' kopertura tal-assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ sorveljanza u regolatorji li jinkludu sistema xierqa u effettiva biex tissanzjona lil dawk li naqsu mid-dmirijiet tagħhom. Dawn l-istandards jistgħu jintlaħqu mingħajr il-ħtieġa fil-prinċipju li jinħolqu professjonijiet jew kwalifiki ġodda.

(41)Sabiex ikomplu jnaqqsu t-tul tal-proċeduri u fl-istess ħin jiżguraw parteċipazzjoni aħjar tal-kredituri fi proċeduri ta' ristrutturar, insolvenza u ħelsien mid-dejn u biex jiżguraw kundizzjonijiet simili għall-kredituri irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu fl-Unjoni, jinħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod fil-proċeduri tal-qorti. Għalhekk, jinħtieġ li jkun possibbli li l-passi proċedurali bħall-preżentazzjoni ta' pretensjonijiet mill-kredituri, in-notifiki mibgħuta mid-debitur jew mill-prattikanti fil-qasam tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità, il-votazzjoni fuq pjan ta' ristrutturar jew il-preżentazzjoni ta' appelli jseħħu elettronikament. Jinħtieġ li r-rikonoxximent transfruntier ta' dawn il-komunikazzjonijiet ikun konformi mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 73 .

(42)Huwa importanti li tinġabar dejta affidabbli dwar il-prestazzjoni tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn sabiex jiġu sorveljati l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Għalhekk jinħtieġ li l-Istati Membri jiġbru u jaggregaw id-dejta li tkun granulari biżżejjed biex tkun tista’ ssir valutazzjoni preċiża ta’ kif id-Direttiva tiffunzjona fil-prattika.

(43)L-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tiddependi ħafna fuq arranġamenti kollaterali finanzjarji, b’mod partikolari, jekk tiġi pprovduta sigurtà kollaterali b'konnessjoni mal-parteċipazzjoni f’sistemi deżinjati jew f’operazzjonijiet tal-bank ċentrali u jekk il-marġnijiet jiġu pprovduti lil kontropartijiet ċentrali (CCPs). Billi l-valur tal-istrumenti finanzjarji mogħtija bħala garanzija jista’ jkun volatili ħafna, huwa kruċjali li jinkiseb il-valur tagħhom malajr qabel jonqos. Għalhekk, jinħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 74 , id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 75 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 76 .

(44)Jinħtieġ li l-effettività tal-proċess tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar ma jiġux pperikolati mir-regoli tal-liġi tal-kumpaniji. Għalhekk, jinħtieġ li l-Istati Membri jidderogaw mir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 77 li jikkonċernaw l-obbligi biex tissejjaħ laqgħa ġenerali u biex jiġu offruti fuq bażi ta’ prelazzjoni l-ishma lill-azzjonisti eżistenti, sal-limitu u għall-perjodu neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-azzjonisti ma jfixklux l-isforzi ta' ristrutturazzjoni billi jabbużaw id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva 2012/30/UE. Jinħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati li jidderogaw minn regoli tad-dritt tal-kumpaniji, kompletament jew għal perjodu ta’ żmien limitat, sakemm jiżguraw li d-dritt tal-kumpaniji ma jkunx kapaċi jipperikola l-effettività tal-proċess ta’ ristrutturar jew Stati Membri jkollhom strumenti oħra daqstantieħor effettivi li jiżguraw li l-azzjonisti ma jipprevjenux mingħajr raġuni l-adozzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar li jerġa' jikseb il-vijabbiltà tan-negozju. F'dan il-kuntest, jinħtieġ li l-Istati Membri jagħtu importanza partikolari lill-effettività tad-dispożizzjonijiet relatati mal-waqfa ta' azzjonijiet ta' infurzar u l-konferma tal-pjan ta' ristrutturar li jinħtieġ li ma jkunux imxekkla mis-sejħiet għal jew ir-riżultati tal-laqgħat ġenerali tal-azzjonisti. Għalhekk jinħtieġ li d-Direttiva 2012/30/UE tiġi emendata kif xieraq.

(45)Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti spjegatorji 78 , l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Rigward din id-Direttiva, il-leġiżlatur jidhirlu li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġustifikata.

(46)Fir-rigward tal-istabbiliment u l-bidliet sussegwenti fil-forma ta’ komunikazzjoni tad-dejta, jinħtieġ li s-setgħat ta’ implimentazzjoni jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni. Jinħtieġ li teżerċita dawn is-setgħat b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 79 .

(47)Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu waħedhom minħabba li d-differenzi bejn l-oqfsa ta’ insolvenza u ta’ ristrutturar nazzjonali jkomplu joħolqu ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment, iżda jistgħu pjuttost jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar:

(a)il-proċeduri ta' ristrutturar preventiv disponibbli għad-debituri f'diffikultà finanzjarja meta jkun hemm probabbiltà ta' insolvenza;

(b)il-proċeduri li jwasslu għal ħelsien tad-dejn sostnut minn imprendituri b'dejn eċċessiv u jippermettulhom li jibdew attività ġdida;

(c)il-miżuri li jżidu l-effiċjenza tal-proċeduri msemmija fil-punt (a) u (b) kif ukoll ta' proċeduri oħra ta' insolvenza.

2.Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu li jikkonċernaw debituri li huma:

(a)impriżi tal-assigurazzjoni u impriżi tar-riassigurazzjoni kif definit fil-punti 1 u 4 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(b)istituzzjonijiet ta' kreditu kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 575/2013;

(c)impriżi ta' investiment u impriżi ta' investiment kollettiv kif definit fil-punti 2 u 7 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 575/2013;

(d)partijiet kontroparti ċentrali kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(e)depożitorji ċentrali tat-titoli kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 909/2014;

(f)istituzzjonijiet finanzjarji u entitajiet oħra elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(g)persuni fiżiċi li mhumiex imprendituri.

3.L-Istati Membri jistgħu jestendu l-applikazzjoni tal-proċeduri msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 lil persuni fiżiċi bid-dejn li mhumiex imprendituri.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1)"proċedura ta’ insolvenza" tfisser proċedura kollettiva li tinvolvi ċessjoni parzjali jew totali tad-debitur u l-ħatra ta’ likwidatur;

(2)"ristrutturar" tfisser tibdil fil-kompożizzjoni, il-kundizzjonijiet, jew l-istruttura tal-assi u l-obbligazzjonijiet tad-debitur jew kwalunkwe parti oħra tal-istruttura tal-kapital tad-debitur, inkluż il-kapital azzjonarju, jew kombinament ta’ dawn l-elementi, inkluż il-bejgħ ta' assi jew partijiet tan-negozju, bil-għan li l-intrapriża tkun tista' tkompli kompletament jew parzjalment;

(3)"partijiet affettwati" tfisser kredituri jew klassijiet ta' kredituri u, jekk applikabbli skont il-liġi nazzjonali, titolari ta' ekwità li l-pretensjonijiet jew l-interessi tagħhom huma affettwati taħt pjan ta' ristrutturar;

(4)"waqfa ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali" tfisser sospensjoni temporanja tad-dritt li tiġi infurzata pretensjoni minn kreditur kontra debitur ordnata minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva;

(5)"kuntratti eżekutorji" tfisser kuntratti bejn id-debitur u kreditur wieħed jew iktar taħt liema ż-żewġ naħat għad għandhom obbligi ta' prestazzjoni fil-mument li tiġi ordnata l-waqfa tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali;

(6)"formazzjoni tal-klassi" tfisser gruppi ta' kredituri u titolari ta' ekwità affettwati fi pjan ta' ristrutturar b'tali mod li jirrifletti d-drittijiet u l-anzjanità tal-pretensjonijiet u l-interessi affettwati, filwaqt li jitqiesu intitolamenti possibbli li kienu jeżistu qabel, ipoteki u ftehimiet bejn il-kredituri, u t-trattament tagħhom taħt il-pjan ta' ristrutturar;

(7)“applikazzjoni furzatata' kredituri li ma jaqblux” tfisser il-konferma minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta' pjan ta' ristrutturar li għandu l-appoġġ ta' maġġoranza fil-valur ta' kredituri jew maġġoranza fil-valur f'kull klassi ta' kredituri fuq in-nuqqas ta' qbil ta' minoranza ta' kredituri jew in-nuqqas ta' qbil ta' minoranza ta' kredituri fi ħdan kull klassi;

(8)“applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti” tfisser il-konferma minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta' pjan ta' ristrutturar fuq in-nuqqas ta' qbil ta' klassi affettwata ta' kredituri waħda jew iktar;

(9)"test tal-aħjar interess tal-kredituri" tfisser ebda kreditur li ma jaqbilx ma jkunx f'sitwazzjoni agħar skont il-pjan ta' ristrutturar milli dak il-kreditur ikun fil-każ ta' likwidazzjoni, kemm jekk dan ifisser likwidazzjoni biċċa biċċa jew il-bejgħ tan-negozju bħala negozju avvjat.

(10)"regola ta' prijorità assoluta" tfisser li tiżgura li klassi ta' kredituri li ma jaqblux trid titħallas kompletament qabel klassi iktar riċenti tirċievi xi distribuzzjoni jew iżżomm xi interessi taħt il-pjan ta' ristrutturar;

(11)"finanzjament ġdid" tfisser kwalunkwe fondi ġodda, kemm jekk ingħataw minn kreditur eżistenti jew wieħed ġdid, li huma neċessarji biex jimplimentaw pjan ta’ ristrutturar li huma miftiehma f’dak il-pjan ta’ ristrutturar u kkonfermati sussegwentement minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva;

(12)"finanzjament interim" tfisser kwalunkwe fondi, kemm jekk ipprovduti minn kreditur eżistenti jew ġdid, li huma raġonevolment u immedjatament neċessarji sabiex in-negozju tad-debitur ikompli jopera jew jibqa' ħaj, jew sabiex jippreservaw jew isaħħaħu l-valur ta' dak in-negozju sakemm jiġi kkonfermat pjan ta' ristrutturar;

(13)"imprenditur b'dejn eċċessiv" tfisser persuna fiżika li teżerċita kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni, li, għajr minn temporanjament, ma tkunx tista' tħallas id-djun meta jsiru dovuti;

(14)"ħelsien sħiħ mid-dejn" tfisser kanċellazzjoni ta' dejn pendenti wara proċedura li tinkludi realizzazzjoni tal-assi u / jew pjan ta' ħlas lura/saldu;

(15)"prattikant fil-qasam tar-ristrutturar" tfisser kull persuna jew entità appuntata minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva li twettaq waħda jew iktar mill-kompiti li ġejjin:

(a)li tassisti lid-debitur jew lill-kredituri fl-abbozzar jew fin-negozjar ta' pjan ta' ristrutturar;

(b)li tissorvelja l-attività tad-debitur waqt in-negozjati fuq pjan ta' ristrutturar u tirrapporta lil awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva;

(c)li tieħu kontroll parzjali fuq l-assi jew l-affarijiet tad-debitur matul in-negozjati.

Artikolu 3

Twissija bikrija

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri u l-imprendituri jkollhom aċċess għal għodod ta' twissija bikrija li jistgħu jindividwaw żvilupp tan-negozju li jkun qed jiddeterjora u jissenjalaw lid-debitur jew lill-imprenditur il-ħtieġa li tittieħed azzjoni bħala kwistjoni ta' urġenza.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri u l-imprendituri jkollhom aċċess għal informazzjoni rilevanti, aġġornata, ċara, konċiża u faċli għall-utent dwar id-disponibbiltà ta' għodod ta' twissija bikrija u kull mezz disponibbli għalihom sabiex jirristrutturaw fi stadju bikri jew biex jiksbu ħelsien minn dejn personali.

3.L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-aċċess previst fil-paragrafi 1 u 2 lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jew għall-imprendituri

TITOLU II

Oqfsa ta' ristrutturar preventiv

Kapitolu 1

Disponibbiltà tal-oqfsa ta' ristrutturar preventiv

Artikolu 4

Disponibbiltà tal-oqfsa ta' ristrutturar preventiv

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk ikun hemm probabbiltà ta' insolvenza, id-debituri f'diffikultà finanzjarja jkollhom aċċess effettiv għal qafas ta' ristrutturar preventiv li jippermettilhom jirristrutturaw id-djun jew in-negozju tagħhom, jirkupraw il-vijabbiltà tagħhom u jevitaw l-insolvenza.

2.Oqfsa ta’ ristrutturar preventivi jistgħu jikkonsistu f’waħda jew aktar mill-proċeduri jew miżuri li ġejjin.

3.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jillimitaw l-involviment ta' awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva għal fejn ikun meħtieġ u proporzjonat sabiex id-drittijiet ta' kwalunkwe parti milquta jiġu ssalvagwardjati.

4.Oqfsa ta' ristrutturar preventiv għandhom ikunu disponibbli fuq l-applikazzjoni mid-debituri, jew mill-kredituri bi qbil mad-debituri.

Kapitolu 2

Faċilitazzjoni tan-negozjati dwar pjanijiet ta’ ristrutturar preventiv

Artikolu 5

Debitur fil-pussess

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri li jaċċessaw proċeduri ta' ristrutturar preventiv jibqgħu totalment jew mill-inqas parzjalment fil-kontroll tal-assi u l-operat ta' kuljum tan-negozju tagħhom.

2.Il-ħatra minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta' prattikant fil-qasam tar-ristrutturar ma għandhiex tkun obbligatorja fil-każijiet kollha.

3.L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu l-ħatra ta’ prattikant fil-qasam tar-ristrutturar fil-każijiet li ġejjin:

(a)jekk id-debitur jingħata waqfa ġenerali ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali skont l-Artikolu 6;

(b)jekk il-pjan ta' ristrutturar jeħtieġ li jiġi kkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva permezz ta’ applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti, skont l-Artikolu 11.

Artikolu 6

Waqfa ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li debituri li jkunu qed jinnegozjaw pjan ta' ristrutturar mal-kredituri tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn waqfa ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali jekk u sa fejn tkun meħtieġa waqfa bħal din sabiex jiġu appoġġati n-negozjati ta' pjan ta' ristrutturar.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li waqfa ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali tkun tista' tiġi ordnata rigward kull tip ta' kreditur, inklużi kredituri garantiti u preferenzjali. Il-waqfa tista' tkun ġenerali, jiġifieri tkopri l-kredituri kollha, jew limitata, jiġifieri tkopri kreditur individwali wieħed jew iktar, skont il-liġi nazzjonali.

3.Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għat-talbiet pendenti tal-impjegati ħlief jekk u sal-punt li l-Istati Membri jiżguraw b'mezzi oħra, li l-ħlas ta' dawn il-pretensjonijiet jiġi ggarantit f'livell ta' protezzjoni mill-inqas ekwivalenti għal dak previst taħt il-liġi nazzjonali rilevanti li tittrasponi d-Direttiva 2008/94/KE.

4.L-Istati Membri għandhom jillimitaw id-durata tal-waqfa ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali  għal perjodu massimu ta' mhux iktar minn erba' xhur.

5.L-Istati Membri jistgħu madankollu jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi biex jestendu il-waqfa ta' infurzar individwali jew jagħtu waqfa ġdida tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali, fuq talba tad-debitur jew tal-kredituri. Estensjoni bħal din jew perjodu ġdid ta’ waqfa tal-azzjonijiet ta’ infurzar individwali għandhom jingħataw biss jekk ikun hemm evidenza li:

(a)ikun sar progress rilevanti fin-negozjati dwar il-pjan ta' ristrutturar; u

(b)il-kontinwazzjoni tal-waqfa tal-azzjonaijiet ta' infurzar individwali ma tippreġudikax b'mod inġust id-drittijiet jew l-interessi ta' kull parti affettwata.

6.Kull estensjoni oħra għandha tingħata biss jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 5 huma ssodisfati u ċ-ċirkustanzi tal-każ juru probabbiltà kbira li se jiġi adottat pjan ta’ ristrutturar.

7.It-tul totali ta' żmien tal-waqfa tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali, inklużi l-estensjonijiet u t-tiġdid, ma għandux ikun ta’ aktar minn 12-il xahar.

8.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jistgħu jneħħu l-waqfa tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali, kollha kemm huma jew parti minnhom:

(a)jekk isir ċar li proporzjon mill-kredituri li skont il-liġi nazzjonali jistgħu jimblokkaw l-adozzjoni ta' pjan għar-ristrutturar ma jappoġġax il-kontinwazzjoni tan-negozjati; jew

(b)bit-talba tad-debitur jew tal-prattikant fil-qasam tar-ristrutturar.

9.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk kreditur individwali jew kategorija unika ta' kredituri huma jew jistgħu jkunu ppreġudikati b’mod inġust minn waqfa ta’ azzjonijiet ta' infurzar individwali, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ tiddeċiedi li ma tagħtix il-waqfa tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali jew tista' tneħħi waqfa ta’ azzjonijiet ta' infurzar individwali diġà mogħtija fir-rigward ta’ dak il-kreditur jew kategorija ta’ kredituri, b'talba tal-kredituri kkonċernati.

Artikolu 7

Konsegwenzi tal-waqfa ta’ azzjonijiet ta' infurzar individwali

1.Jekk jinqala' l-obbligu tad-debitur li japplika għall-insolvenza skont il-liġi nazzjonali matul il-perjodu tal-waqfa tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali, dak l-obbligu għandu jiġi sospiż għad-durata tal-waqfa.

2.Waqfa ġenerali li tkopri l-kredituri kollha għandha tipprevjeni l-ftuħ ta' proċeduri ta' insolvenza bit-talba ta' kreditur wieħed jew iktar.

3.L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1 jekk id-debitur isir illikwidu u b'hekk ma jkunx kapaċi jħallas id-djun tiegħu meta jsiru dovuti matul il-perjodu ta' waqfa. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ ristrutturar ma jintemmux awtomatikament u li, meta jeżaminaw il-prospetti biex jintlaħaq ftehim dwar pjan ta’ ristrutturar b’suċċess fil-perjodu tal-waqfa, awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ tiddeċiedi li tipposponi l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza u li żżomm il-benefiċċju tal-waqfa tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, matul il-perjodu ta' waqfa, il-kredituri li għalihom tapplika l-waqfa ma jkunux jistgħu jissospendu l-prestazzjoni jew itemmu, jaċċelleraw jew jimmodifikaw b'xi mod ieħor kuntratti eżekutorji għad-detriment tad-debitur għal djun li kienu jeżistu qabel il-waqfa. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni għal kuntratti essenzjali li huma neċessarji għat-tkomplija tal-operat ta' kuljum tan-negozju.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri ma jkunux jistgħu jissospendu l-prestazzjoni jew itemmu, jaċċelleraw jew jimmodifikaw b'xi mod ieħor kuntratti eżekutorji għad-detriment tad-debitur permezz ta' klawżola kuntrattwali li tistipula miżuri bħal dawn, unikament minħabba d-dħul tad-debitur f'negozjati ta' ristrutturar, it-talba għal waqfa ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali, l-ordni tal-waqfa bħala tali jew kull avveniment simili konness mal-waqfa.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li xejn ma jimpedixxi lid-debitur milli jħallas, fil-perkors normali tan-negozju, pretensjonijiet ta' jew dovuti lil kredituri mhux affettwati u l-pretensjonijiet tal-kredituri affettwati li jinqalgħu wara li tingħata l-waqfa u li jkomplu jinqalgħu matul il-perjodu tal-waqfa.

7.L-Istati Membri ma għandhomx jeħtieġu lid-debituri japplikaw għall-proċeduri ta’ insolvenza jekk il-perjodu tal-waqfa jiskadi mingħajr ma jintlaħaq ftehim dwar pjan ta’ ristrutturar, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet l-oħrajn għall-preżentata stipulati mil-liġi nazzjonali.

Kapitolu 3

Pjanijiet ta’ ristrutturar

Artikolu 8

Kontenut tal-pjanijiet ta’ ristrutturar

1.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-pjanijiet ta’ ristrutturar ippreżentati għall-konferma minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)l-identità tad-debitur jew tan-negozju tad-debitur li jkun qed jiġi propost għalih il-pjan ta' ristrutturar;

(b)valwazzjoni tal-valur preżenti tad-debitur jew tan-negozju tad-debitur kif ukoll dikjarazzjoni raġunata dwar il-kawżi u d-daqs tad-diffikultajiet finanzjarji tad-debitur.

(c)l-identità tal-partijiet affettwati, kemm jekk b'isem individwali jew jekk deskritti b'referenza għal kategorija ta' dejn waħda jew iktar, kif ukoll il-pretensjonijiet jew l-interessi tagħhom koperti mill-pjan ta' ristrutturar;

(d)il-klassijiet li fihom ġew raggruppati l-partijiet affettwati għall-finijiet tal-adozzjoni tal-pjan, flimkien ma' ġustifikazzjoni għal dan u informazzjoni dwar il-valuri rispettivi tal-kredituri u l-membri f'kull klassi;

(e)l-identità tal-partijiet mhux affettwati, kemm jekk b'isem individwali jew deskritti b'referenza għal kategorija ta' dejn waħda jew iktar, flimkien ma' dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex mhuwiex propost li jaffettwahom;

(f)it-termini tal-pjan, li jinkludu, imma mhux limitati għal:

(i)it-tul ta' żmien propost tiegħu;

(ii)kwalunkwe proposta li permezz tagħha d-djun huma skedati mill-ġdid jew rinunzjati jew mibdula f'forom ta' obbligi oħra;

(iii)kull finanzjament ġdid antiċipat bħala parti mill-pjan ta’ ristrutturar;

(g)opinjoni jew dikjarazzjoni raġunata mill-persuna responsabbli li tipproponi l-pjan ta’ ristrutturar li tispjega għala n-negozju huwa vijabbli, kif l-implimentazzjoni tal-pjan aktarx twassal biex id-debitur jevita l-insolvenza u jġib lura l-vijabbiltà fuq terminu twil tiegħu, u li tiddikjara kull prekondizzjoni antiċipata biex dan jirnexxi.

2.L-Istati Membri għandhom jagħmlu mudell għall-pjanijiet ta’ ristrutturar disponibbli online. Dak il-mudell għandu jkun fih tal-anqas l-informazzjoni meħtieġa skont il-liġi nazzjonali u għandha tipprovdi informazzjoni ġenerali iżda prattika ta’ kif il-mudell għandu jintuża. Il-mudell għandu jkun disponibbli fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jippruvaw jagħmlu l-mudell disponibbli f'lingwi oħra, b'mod partikolari fil-lingwi użati fin-negozju internazzjonali. Dan għandu jitfassal b'tali mod li jista' jiġi adattat għall-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi ta' kull każ.

3.Il-partijiet jistgħu jagħżlu jużawx il-mudell ta’ pjan ta’ ristrutturar jew le.

Artikolu 9

L-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ ristrutturar

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe kreditur affettwat ikollu dritt li jivvota fuq l-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu tali drittijiet tal-vot lil titolari ta' ekwità, konformi mal-Artikolu 12(2)

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet affettwati jiġu ttrattati fi klassijiet separati li jirriflettu l-kriterji tal-formazzjoni tal-klassijiet. Il-klassijiet għandhom jiġu ffurmati b'tali mod li kull klassi tkun magħmula minn pretensjonijiet jew interessi bi drittijiet li huma simili biżżejjed sabiex jiġġustifikaw li l-membri tal-klassi jiġu kkunsidrati bħala grupp omoġenju b'komunalità ta' interessi. Bħala minimu, il-pretensjonijiet garantiti u dawk mhux garantiti għandhom jiġu ttrattati fi klassijiet separati għall-finijiet tal-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll li l-ħaddiema jiġu ttrattati fi klassi għalihom.

3.Il-formazzjoni tal-klassi għandha tiġi eżaminata mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva meta tiġi ppreżentata talba għall-konferma tal-pjan ta' ristrutturar.

4.Pjan ta’ ristrutturar għandu jitqies li ġie adottat minn partijiet affettwati, bil-kundizzjoni li tinkiseb maġġoranza fl-ammont ta' pretensjonijiet jew interessi tagħhom f'kull klassi. L-Istati Membri għandhom jistipulaw il-maġġoranzi meħtieġa għall-adozzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar, li f’kull każ ma għandux ikun ogħla minn 75 % tal-ammont ta’ pretensjonijiet jew interessi f’kull klassi.

5.L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-vot dwar l-adozzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar jieħu l-għamla ta’ konsultazzjoni u qbil ta’ maġġoranza meħtieġa tal-partijiet affettwati f’kull klassi.

6.Meta l-maġġoranza meħtieġa ma tintlaħaqx fi klassi waħda ta’ vvutar fejn ikun hemm dissens, il-pjan xorta jista’ jiġi kkonfermat jekk ikun konformi mar-rekwiżiti tal-applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti stabbiliti fl-Artikolu 11.

Artikolu 10

Konferma tal-pjanijiet ta’ ristrutturar

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet ta’ ristrutturar li ġejjin jistgħu jsiru vinkolanti fuq il-partijiet biss jekk jiġu kkonfermati minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva:

(a)pjanijiet ta' ristrutturar li jaffettwaw l-interessi tal-partijiet affettwati li ma jaqblux;

(b)pjanijiet ta' ristrutturar li jipprevedu finanzjament ġdid.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet li taħthom pjan ta’ ristrutturar jista' jiġi kkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva jiġu speċifikati b’mod ċar fil-liġijiet tal-Istati Membri u jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)il-pjan ta’ ristrutturar ikun ġie adottat skont l-Artikolu 9 u jkun ġie nnotifikat lill-kredituri magħrufin kollha li x’aktarx jiġu affettwati minnu;;

(b)il-pjan ta' ristrutturar ikun konformi mat-test tal-aħjar interess tal-kredituri;

(c)kwalunkwe finanzjament ġdid ikun neċessarju biex jiġi implimentat il-pjan ta' ristrutturar u ma jippreġudikax b’mod inġust l-interessi tal-kredituri.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jistgħu jirrifjutaw li jikkonfermaw pjan ta’ ristrutturar meta dak il-pjan ma jkollux prospettiva raġonevoli li jipprevjeni l-insolvenza tad-debitur u li jiżgura l-vijabbiltà tan-negozju.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tkun meħtieġa tikkonferma pjan ta’ ristrutturar biex dan isir vinkolanti, tittieħed deċiżjoni mingħajr dewmien indebitu wara li tkun ġiet ippreżentata t-talba għall-konferma u f’kull każ mhux iktar tard minn 30 jum wara li tkun ġiet ippreżentata t-talba.

Artikolu 11

Applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li pjan ta' ristrutturar li ma jkunx approvat minn kull klassi ta' partijiet affettwati jista' jiġi kkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva fuq il-proposta ta' debitur jew ta' kreditur bi qbil mad-debitur u jsir vinkolanti fuq klassi waħda jew iktar li ma taqbilx meta l-pjan ta' ristrutturar:

(a)jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(2);

(b)ikun ġie approvat minn tal-anqas klassi waħda ta’ kredituri affettwati li ma tkunx klassi ta’ titolari tal-ekwità u kull klassi oħra li, fuq valutazzjoni tal-intrapriża, ma tirċievi l-ebda pagament jew konsiderazzjoni oħra jekk il-klassifikazzjoni normali tal-prijoritajiet tal-likwidazzjoni kellha tiġi applikata;

(c)ikun konformi mar-regola ta' prijorità assoluta.

2.L-Istati Membri jistgħu jvarjaw l-għadd minimu ta’ klassijiet affettwati meħtieġa biex jiġi approvat il-pjan spjegat fil-punt (b) tal-paragrafu (1).

Artikolu 12

Titolari ta' ekwità

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun hemm probabbiltà ta’ insolvenza, l-azzjonisti u t-titolari ta' ekwità l-oħrajn b’interessi f’debitur ma jkunux jistgħu, irraġonevolment, iwaqqfu milli jiġi adottat jew implimentat pjan ta’ ristrutturar li jerġa’ jagħmel in-negozju vijabbli.

2.Biex jinkiseb l-għan tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddisponu li t-titolari ta' ekwità għandhom jiffurmaw klassi distinta waħda jew iktar għal rashom u jingħataw id-dritt li jivvutaw fuq l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ ristrutturar. F'dan il-każ, l-adozzjoni u l-konferma ta' pjanijiet ta' ristrutturar għandhom ikunu suġġetti għall-mekkaniżmu tal-applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti previst fl-Artikolu 11.

Artikolu 13

Valwazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva

1.Il-valur ta’ likwidazzjoni għandu jiġi determinat mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva meta l-pjan ta’ ristrutturar jiġi kkontestat abbażi ta’ ksur allegat tat-test tal-aħjar interess tal-kredituri.

2.Il-valur tal-intrapriża għandu jiġi determinat mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva abbażi tal-valur tal-intrapriża bħala negozju avvjat fil-każijiet li ġejjin:

(a)meta l-applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti tkun neċessarja għall-adozzjoni tal-pjan ta' ristrutturar;

(b)meta pjan ta’ ristrutturar jiġi kkontestat abbażi ta’ ksur allegat tar-regola ta’ prijorità assoluta.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinħatru esperti kwalifikati kif xieraq biex jassistu lill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, fejn meħtieġ u xieraq, għall-finijiet tal-valwazzjoni, inkluż meta kreditur jikkontesta l-valur tal-kollateral.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontestazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 jistgħu jsiru mal-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva mitluba li tikkonferma l-pjan ta’ ristrutturar jew fil-kuntest ta’ appell kontra deċiżjoni dwar il-konferma ta’ pjan ta’ ristrutturar.

Artikolu 14

Effetti tal-pjanijiet ta’ ristrutturar

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet ta’ ristrutturar li huma kkonfermati minn awtorita ġudizzjarja jew amministrattiva jorbtu lil kull parti identifikata fil-pjan.

2.Il-kredituri li mhumiex involuti fl-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar ma għandhomx ikunu affettwati mill-pjan.

Artikolu 15

Appelli

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni dwar il-konferma ta' pjan ta' ristrutturar meħuda minn awtorità ġudizzjarja tista' tiġi appellata quddiem awtorità ġudizzjarja ogħla u li deċiżjoni dwar il-konferma ta' pjan ta' ristrutturar meħuda minn awtorità amministrattiva tista' tiġi appellata quddiem awtorità ġudizzjarja.

2.L-appelli għandhom jiġu solvuti bil-ħeffa.

3.Appell kontra deċiżjoni li tikkonferma pjan ta' ristrutturar ma għandu jkollu l-ebda effett sospensiv fuq l-eżekuzzjoni ta' dak il-pjan.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta appell skont il-paragrafu 3 jiġi kkonfermat, l-awtorità ġudizzjarja tista’ jew:

(a)tannulla l-pjan ta' ristrutturar; jew

(b)tikkonferma l-pjan u tagħti kumpens monetarju lill-kredituri li ma jaqblux, pagabbli mid-debitur jew mill-kredituri li vvutaw favur il-pjan.

Kapitolu 4

Protezzjoni għal finanzjament ġdid, finanzjament interim u tranżazzjonijiet oħra relatati mar-ristrutturar

Artikolu 16

Protezzjoni għal finanzjament ġdid u finanzjament interim

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li finanzjament ġdid u finanzjament interim jiġu inkoraġġuti u protetti kif xieraq. B’mod partikolari, il-finanzjament ġdid jew interim ma għandux jiġi ddikjarat null u bla effett, annullabbli jew ineżigwibbli bħala att detrimentali għall-grupp ġenerali tal-kredituri fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza sussegwenti, sakemm tali tranżazzjonijiet ma jkunux saru b’mod frodulenti jew b’mala fede.

2.L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-konċedenti ta’ finanzjament ġdid jew interim id-dritt li jirċievu ħlas bi prijorità fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ likwidazzjoni sussegwenti b’rabta ta’ kredituri oħrajn li mod ieħor kien ikollhom pretensjonijiet superjuri jew ugwali għall-flus jew assi. F'każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw finanzjament ġdid u finanzjament interim mill-inqas iktar privileġġjat meta mqabbel mal-pretensjonijiet ta' kredituri mhux garantiti ordinarji.

3.Il-konċedenti ta' finanzjament ġdid u finanzjament interim fi proċess ta' ristrutturar għandhom ikunu eżentati mir-responsabbiltà ċivili, amministrattiva u kriminali fil-kuntest ta' insolvenza sussegwenti tad-debitur, sakemm dan il-finanzjament ma jkunx ingħata b'mod frodulenti jew b’mala fede.

 

Article 17

Protezzjoni għal tranżazzjonijiet oħra relatati mar-ristrutturar

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tranżazzjonijiet li jsiru biex jiġi avvanzat in-negozjar ta’ pjan ta’ ristrutturar ikkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, jew li jkunu marbutin mill-qrib ma’ tali negozjati, ma jiġux iddikjarati nulli u bla effett, annullabbli jew ineżegwibbli bħala att detrimentali għall-grupp ġenerali tal-kredituri fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza sussegwenti, sakemm tali tranżazzjonijiet ma jkunux saru b’mod frodulenti jew b’mala fede.

2.Tranżazzjonijiet li jgawdu mill-protezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

(a)il-ħlas ta’ tariffi u kostijiet raġonevoli tan-negozjar, l-adozzjoni, il-konferma jew l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar;

(b)il-ħlas ta' miżati raġonevoli u kostijiet sabiex jintalab parir professjonali b'rabta ma' kwalunkwe aspett ta' pjan ta' ristrutturar;

(c)il-ħlas tal-pagi ta’ ħaddiema għal xogħol li diġà sar;

(d)kwalunkwe pagament u żborż meħtieġ u raġonevoli ieħor magħmul fil-kors ordinarju tan-negozju;

(e)tranżazzjonijiet bħal kreditu ġdid, kontribuzzjonijiet finanzjarji jew trasferimenti ta' assi parzjali barra mill-kors ordinarju tan-negozju magħmula fil-kontemplazzjoni ta' u b'rabta mill-qrib ma' negozjati għal pjan ta' ristrutturar.

3.L-Istati Membri jistgħu jirrekjedu li t-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 2 jiġu approvati minn prattikant fil-qasam tar-ristrutturar jew minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva sabiex igawdu mill-protezzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull tranżazzjoni, pagament, konverżjoni ta' dejn f'ekwità, garanzija jew titolu li jseħħu biex tiġi avvanzata l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar ikkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, jew li jkunu marbutin mill-qrib ma’ tali implimentazzjoni, ma tiġix iddikjarata nulli u bla effett, annullabbli jew ineżegwibbli bħala att detrimentali għall-grupp ġenerali tal-kredituri fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza sussegwenti, sakemm tali tranżazzjonijiet ma jkunux saru b’mod frodulenti jew b’mala fede, irrispettivament minn jekk tali tranżazzjonijiet ġewx meqjusa li huma fil-perkors normali tan-negozju.

Kapitolu 5

Dmirijiet tad-diretturi b’rabta man-negozjati dwar pjan ta’ ristrutturar preventiv

Artikolu 18

Dmirjiet tad- diretturi

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli biex jiżguraw li, meta jkun probabbli li jkun hemm insolvenza, id-diretturi jkollhom l-obbligi li ġejjin:

(a)li jieħdu passi immedjati biex inaqqsu t-telf għall-kredituri, il-ħaddiema, l-azzjonisti u partijiet ikkonċernati oħrajn;

(b)li jkollhom ir-rispett dovut għall-interessi tal-kredituri u partijiet ikkonċernati oħrajn;

(c)li jieħdu passi raġonevoli biex jevitaw l-insolvenza;

(d)li jevitaw għemil deliberat jew gravament negliġenti li jhedded il-vijabbiltà tan-negozju.

TITOLU III

IT-TIENI OPPORTUNITÀ GHALL-IMPRENDITURI

Artikolu 19

Aċċess għall-ħelsien mid-dejn

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imprendituri b'dejn eċċessiv jistgħu jingħataw ħelsien komplut mid-djun tagħhom skont din id-Direttiva.

2.L-Istati Membri li fihom il-ħelsien sħiħ mid-dejn ikun soġġett għall-kundizzjoni li d-dejn jitħallas parzjalment mill-imprenditur għandhom jiżguraw li l-obbligu ta’ ħlas lura relatat ikun ibbażat fuq is-sitwazzjoni individwali tal-imprenditur u li jkun notevolment proporzjonat għall-introjtu nett tiegħu tul il-perjodu ta’ ħelsien mid-dejn.

Artikolu 20

Perjodu ta' ħelsien mid-dejn

1.Il-perjodu ta' żmien li warajh l-imprendituri b'dejn eċċessiv jistgħu jinħelsu kompletament mid-djun tagħhom ma għandux ikun itwal minn tliet snin li jibdew minn:

(a)    id-data li fiha l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ddeċidiet dwar l-applikazzjoni biex tinfetaħ din il-proċedura, fil-każ ta' proċedura li tispiċċa bil-likwidazzjoni tal-assi ta' imprenditur b'dejn eċċessiv; jew

(b)id-data li fiha bdiet l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ħlas lura, fil-każ ta' proċedura li tinkludi pjan ta' ħlas lura.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ladarba jiskadi l-perjodu tal-ħelsien mid-dejn, l-imprendituri b’dejn eċċessiv jinħelsu minn djunhom mingħajr il-ħtieġa li japplikaw mill-ġdid għand awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva.

Artikolu 21

Perjodu ta’ skwalifika

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta imprenditur b'dejn eċċessiv jinħeles mid-djun konformi ma’ din id-direttiva, kull skwalifika milli jibda jew iwettaq kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni b’rabta mad-dejn eċċessiv tal-imprenditur ma għandhiex tibqa’ fis-seħħ, u dan mhux wara tmiem il-perjodu ta’ ħelsien mid-dejn, mingħajr il-ħtieġa li terġa’ ssir applikazzjoni għand awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva.

Artikolu 22

Limitazzjonijiet

1.Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 19, 20 u 21, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn jew li jistabbilixxu perjodi itwal għall-kisba ta’ ħelsien sħiħ mid-dejn jew perjodi ta’ skwalifika itwal f’ċerti ċirkostanzi definiti sew u fejn tali limitazzjonijiet ikunu ġustifikati minn interess ġenerali, b’mod partikolari meta:

(a)l-imprenditur b'dejn eċċessiv ikun aġixxa b'mod diżonest jew in mala fede lejn il-kredituri meta ddejjen jew waqt il-ġabra tad-djun;

(b)l-imprenditur b'dejn eċċessiv ma jimxix ma' pjan ta’ ħlas lura jew ma' xi obbligu legali ieħor li għandu l-għan li jissalvagwardja l-interessi tal-kredituri;

(c)f’każ ta’ aċċess abbużiv għall-proċeduri ta’ ħelsien mid-dejn;

(d)fil-każ ta’ aċċess ripetut għall-proċeduri ta’ ħelsien mid-dejn f'ċertu perjodu ta’ żmien.

2.L-Istati Membri jistgħu jiddisponu dwar perjodi itwal ta’ ħelsien mid-dejn f’każijiet jekk ir-residenza ewlenija ta’ imprenditur b’dejn eċċessiv tkun eżentata mill-possibiltà tar-realizzazzjoni tal-assi, sabiex jiġi salvagwardjat l-għajxien tal-imprenditur b’dejn eċċessiv u familtu.

3.L-Istati Membri jistgħu jeskludi ċerti kategoriji ta’ dejn, bħal dejn garantit jew dejn li jirriżulta minn pieni kriminali jew responsabbiltà għad-danni, mill-ħelsien mid-dejn jew jistabbilixxu perjodu itwal ta’ ħelsien mid-dejn jekk tali esklużjonijiet jew perjodi itwal ikunu ġġustifikati minn interess ġenerali.

4.Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 21, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodi ta’ skwalifika itwal jew indefiniti meta l-imprenditur b’dejn eċċessiv ikun membru ta’ professjoni li fiha japplikaw regoli etiċi speċifiċi jew jekk l-iskwalifiki jkunu ġew ordnati minn qorti fi proċedimenti kriminali.

Artikolu 23

Konsolidazzjoni tal-proċedimenti rigward djun professjonali u personali

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta imprenditur b’dejn eċċessiv ikolli djun professjonali li jkun ġarrab fit-twettiq tal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni, kif ukoll djun personali mġarrbin barra minn dawk l-attivitajiet, id-djun kollha jiġu ttrattati fi proċedura unika għall-finijiet tal-kisba tal-ħelsien mid-dejn.

2.L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1 u jistipulaw li d-djun professjonali u personali jiġu ttrattati fi proċeduri separati, bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jkunu jistgħu jiġu kkoordinati għall-finijiet tal-kisba ta’ ħelsien mid-dejn skont din id-Direttiva.

TITOLU IV

Miżuri għaż-żieda tal-effiċjenza tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità

Artikolu 24

Awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi li jittrattaw kwistjonijiet ta' ristrutturar, ta' insolvenza u tat-tieni opportunità jirċievu taħriġ inizjali u ulterjuri sa livell li jixraq ir-responsabbiltajiet tagħhom.

2.Mingħajr preġudizzjoni għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikaturi fl-Unjoni, meta kwistjonijiet ta’ ristrutturar, ta' insolvenza u tat-tieni opportunità jiġu ttrattati minn awtoritajiet ġudizzjarji, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-kwistjonijiet jiġu ttrattati b’mod effiċjenti li jiżgura li l-proċeduri jiġu ttrattati bil-ħeffa u li l-membri tal-ġudikatura inkarigati jkollhom l-għarfien espert u l-ispeċjalizzazzjoni neċessarji.

Artikolu 25

Prattikanti fil-qasam tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-medjaturi, il-prattikanti fl-insolvenza u prattikanti oħrajn maħtura fi kwistjonijiet tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità jingħatalhom it-taħriġ inizjali u ulterjuri meħtieġ biex jiġi żgurat li s-servizzi tagħhom jingħataw b’mod effettiv, imparzjali, indipendenti u kompetenti b’relazzjoni mal-partijiet.

2.L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu, b’kull mezz li jqisu xieraq, l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta volontarji mill-prattikanti fil-qasam tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità, u l-adeżjoni ma' dawn il-kodiċijiet, kif ukoll mekkaniżmi ta’ sorveljanza effettivi oħrajn marbutin mal-għoti ta’ tali servizzi.

Artikolu 26

Ħatra ta’ prattikanti fil-qasam tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċess għall-ħatra, it-tneħħija u r-riżenja tal-prattikanti fil-qasam tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità jkun ċar, prevedibbli u ġust, u li jissodisfa, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet u r-raġunijiet li abbażi tagħhom prattikant fl-insolvenza jista’ jkun ineliġibbli għall-ħatra jkunu ċari u trasparenti.

3.Meta l-prattikanti fil-qasam tar-ristrutturar, l-insolvenza u t-tieni opportunità jinħatru mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji li jikkonċernaw il-mod li bih l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tagħżel talli prattikant ikunu ċari u trasparenti. Meta jintgħażel prattikant fil-qasam tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità għal każ partikolari, għandha tingħata l-konsiderazzjoni debita lill-esperjenza u l-għarfien espert tal-prattikant. Fejn xieraq, id-debituri u l-kredituri għandhom jiġu kkonsultati fl-għażla tal-prattikant.

4.Fi proċeduri ta’ ristrutturar u insolvenza b’elementi transfruntieri, għandha tingħata l-konsiderazzjoni debita lill-kapaċità tal-prattikant li jikkomunika u jikkoopera ma’ prattikanti fl-insolvenza u awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi barranin u lir-riżorsi umani u amministrattivi tagħhom.

Artikolu 27

Superviżjoni u remunerazzjoni ta’ prattikanti fil-qasam tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ strutturi ta’ sorveljanza u regolatorji xierqa sabiex jiżguraw li x-xogħol tal-prattikanti fil-qasam tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità jiġi ssorveljat b'mod xieraq. Is-sorveljanza u r-regolamentazzjoni għandhom jinkludu wkoll sistema xierqa u effettiva għas-sanzjonar tal-prattikanti li naqsu fi dmirijiethom.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffi miżmuma mill-prattikanti fil-qasam tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tat-tieni opportunità jkunu rregolati minn regoli li jinċentivaw riżoluzzjoni f'waqtha u effiċjenti ta' proċeduri bir-rispett dovut għall-kumplessità tal-każ. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri xierqa bis-salvagwardji integrati jkunu disponibbli biex jiġi żgurat li kull tilwima dwar ir-remunerazzjoni tista’ tiġi solvuta f’waqtha.

Artikolu 28

Użu ta' mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jitwettqu b'mod elettroniku, inkluż f'sitwazzjonijiet transfruntieri:

(a)l-ippreżentar tal-pretensjonijiet;

(b)il-preżentazzjoni ta' pjanijiet ta' ristrutturar jew ta' ħlas lura ma' awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi kompetenti;

(c)in-notifiki lill-kredituri;

(d)ivvutar dwar il-pjanijiet ta’ ristrutturar;

(e)it-tressiq ta' appelli.

TITOLU V

Monitoraġġ tal-proċeduri ta’ ristrutturar, insolvenza u ħelsien mid-dejn

Artikolu 29

Ġbir tad-dejta

1.Bil-għan li jaslu għal statistiċi annwali affidabbli, l-Istati Membri għandhom jiġbru u jaggregaw id-dejta fil-livell tal-Istati Membri dwar:

(a)l-għadd ta’ proċeduri li nbdew, li huma pendenti, u li ġew solvuti, diżaggregati skont:

(i)proċeduri ta' ristrutturar preventiv,

(ii)proċeduri ta’ insolvenza, bħal proċeduri ta’ likwidazzjoni,

(iii)proċeduri li jwasslu għall-ħelsien sħiħ mid-dejn għal persuni fiżiċi;

(b)it-tul tal-proċedura mill-bidu sal-iżborż, separata skont it-tip ta’ proċedura (proċedura ta’ ristrutturar preventiv, proċedura ta’ insolvenza, proċedura ta’ ħelsien mid-dejn);

(c)is-sehem ta’ kull tip ta’ eżitu f’kull proċedura ta’ ristrutturar jew insolvenza, inkluż l-għadd ta’ proċeduri li għalihom saru applikazzjonijiet iżda li ma nbdewx minħabba nuqqas ta’ fondi disponibbli fil-patrimonju tad-debitur;

(d)il-kostijiet medji tal-proċeduri kollha mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, f'eur;

(e)ir-rati ta’ rkupru għal kredituri garantiti u mhux garantiti separatament, kif ukoll l-għadd ta’ proċeduri b'rata ta’ rkupru ta’ żero jew mhux iktar minn tnejn fil-mija fir-rigward ta’ kull tip ta’ proċedura msemmija fil-punt (a);

(f)l-għadd ta’ debituri soġġetti għall-proċeduri msemmija fil-punt (a)(i) li fi żmien tliet snin mill-konklużjoni ta’ tali proċeduri huma soġġetti għal waħda mill-proċeduri msemmija fil-punti (a)(i) u (a)(ii);

(g)l-għadd ta’ debituri li, wara li jkunu għaddew mill-proċedura msemmija fil-punt (a)(iii) ta’ dan il-paragrafu, ikunu soġġetti għal proċedura oħra bħal din jew proċedura oħra msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu.

Għall-finijiet tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu, ir-rati ta’ rkupru għandhom ikunu wara l-kostijiet, u entrati anonimizzati għandhom juru kemm ir-rata ta’ rkupru kif ukoll ir-rata ta’ rkupru allinjata maż-żmien sal-irkupru.

2.L-Istati Membri għandhom jaqsmu l-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 skont:

(a)id-daqs tad-debituri involuti, skont l-għadd ta’ ħaddiema;

(b)jekk id-debituri humiex persuni fiżiċi jew ġuridiċi;

(c)fir-rigward tal-ħelsien mid-dejn u meta din id-distinzjoni ssir skont il-liġi nazzjonali,    jekk il-proċeduri jikkonċernawx imprendituri biss jew persuni fiżiċi kollha.

3.L-Istati Membri għandhom isenslu statistiċi mid-dejta aggregata msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għal snin kalendarji sħaħ li jispiċċaw fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, li jibdew bid-dejta miġbura għall-ewwel sena kalendarja wara [id-data tal-bidu tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta' implimentazzjoni]. Dawn l-istatistiċi għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni annwalment abbażi ta’ formola ta’ komunikazzjoni tad-dejta standard, sal-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja wara s-sena li tkun inġabret id-dejta għaliha.

4.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-formola ta’ komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 30(2).

Artikolu 30

Il-kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

TITOLU VI

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 31

Relazzjoni ma’ atti oħrajn

1.Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju lejn l-atti li ġejjin:

(a)Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli 80 ;

(b)Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali 81 ; u

(c)Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet 82 .

2.Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-ħaddiema ggarantiti permezz tad-Direttivi 98/59/KE, 2001/23/KE, 2002/14/KE, 2008/94/KE u 2009/38/KE.

Artikolu 32

Emenda tad-Direttiva 2012/30/UE

Fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2012/30/UE, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

"4. L-Istati Membri għandhom jidderogaw mill-Artikolu 19(1), l-Artikolu 29, l-Artikolu 33, l-Artikolu 34, l-Artikolu 35, l-Artikolu 40(1)(b), l-Artikolu 41(1) u l-Artikolu 42 sal-punt li u għaż-żmien li tali derogi jkunu meħtieġa għall-istabbilment tal-qafas ta’ ristrutturar preventiv previst fid-Direttiva ..... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar l-oqfsa ta’ ristrutturar preventiv u t-tieni opportunità]*.

* Id-Direttiva (...) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-oqfsa tar-ristrutturar preventiv u tat-tieni opportunità (ĠU ...).”.

Artikolu 33

Klawżola ta' reviżjoni

Mhux iktar tard minn [5 snin mid-data tal-bidu tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni] u kull seba’ (7) snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluż dwar jekk għandhomx jiġu kkunsidrati miżuri addizzjonali biex jiġi kkonsolidat u msaħħaħ il-qafas legali dwar ir-ristrutturar, l-insolvenza u t-tieni opportunità.

Artikolu 34

Implimentazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [sentejn (2) mid-data tad-dħul fis-seħħ], il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f’konformità ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [sentejn (2) mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw it-Titolu IV li għandhom japplikaw minn [tliet (3) snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan id-Direttiva].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 35

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 36

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 tal-Kummissjoni (COM(2015) 690 final, 26.11.2015) rrikonoxxa espliċitament l-importanza ta' "oqfsa tal-insolvenza li jaħdmu sew" bħala kruċjali għal deċiżjonijiet ta' investiment
(2) Skont l-Ewrobarometru Flash 354 (2012), li wera wkoll li 43 % tal-Ewropej ma jibdewx negozju minħabba li jibżgħu li jfallu (p. 72).
(3) Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija Ġdida dwar il-Falliment u l-Insolvenza tan-Negozji, SWD(2014) 61 final, 12.3.2014, p. 2.
(4) L-Indiċi Doing Business 2016 tal-Bank Dinji
(5) L-Indiċi Doing Business 2016 tal-Bank Dinji
(6) Robert van Galen, Stephan Madaus, Corporate Rescue, 2013, p. 52.
(7) Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta' insolvenza, ĠU L 141/19, 5.6.2015.
(8) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE, ĠU L 119/1, 4.5.2016.
(9) http://ec.europa.eu/consumers/financial_services/reference_studies_documents/docs/part_1_synthesis_
of_findings_en.pdf.
(10) It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2016.
(11) Skont ir-reviżjoni tal-FMI taħt l-Artikolu IV taż-Żona tal-Euro, “livelli għoljin ta' self improduttiv u dejn żammew lura s-self u l-investiment mill-banek, u llimitaw il-pass-through ta' kundizzjonijiet finanzjarji iktar faċli;  IMF: Euro Area Policies – Selected Issues, IMF Country Report No. 15/205, July 2015, Euro Area Policies, IMF Country Report No. 15/2014, July 2015, p. 61.
(12) “Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja”, Il-Kummissjoni Ewropea, COM(2015) 587 final, 24 ta’ Novembru 2015.
(13) http://ec.europa.eu/justice/newsroom/civil/opinion/160321_en.htm
(14) Il-Kummissjoni Ewropea: il-Komunikazzjoni "Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza" (COM(2012) 742).
(15) ĠU L 141/19.
(16) Annual Report of European SMEs 2015/2016, p. 54.
(17) Ir-Rapport b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-proċedimenti ta' insolvenza fil-kuntest tad-dritt tal-kumpaniji tal-UE, 2011/2006(INI), is-17 ta’ Ottubru 2011.
(18) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-reviżjoni tas-"Small Business Act” għall-Ewropa, adottati fit-30 ta’ Mejju 2011, 10975/2011, jinsab fuq is-sit http://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=MT&f=ST%2010975%202011%20INIT.
(19) Il-Kummissjoni Ewropea: “Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza” COM(2012) 742, it-12 ta’ Diċembru 2012.
(20) It-tieni opportunità għall-imprendituri, perjodi ta' ħelsien mid-dejn, ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza u ristrutturar, applikazzjoni għal pretensjonijiet u l-verifika tagħhom, promozzjoni ta' pjanijiet ta' ristrutturar.
(21) ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1.
(22) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19.
(23) C(2014) 1500 final, it-12 ta’ Marzu 2014.
(24) Impact Assessment accompanying the Commission Recommendation on a New Approach to Business Failure and Insolvency, SWD(2014) 61 final, it-12 ta’ Marzu 2014.
(25) Evaluation of the implementation of the Commission Recommendation of 12.3.2014 on a new approach to business failure and insolvency, 30.9.2015, (tinsab hawn: http://ec.europa.eu/justice/civil/commercial/insolvency/index_en.htm )
(26) “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”, Rapport minn Jean-Claude Juncker f'kooperazzjoni mill-qrib ma’ Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schulz (l-hekk imsejħa “Ħames Presidenti”), it-22 ta’ Ġunju 2015, p. 10.
(27) Action Plan on Building a Capital Markets Union, COM(2015) 468 final, p. 25.
(28) Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji, il-Kummissjoni Ewropea, COM (2015)550 final, p. 6.
(29) Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2016 http://www.consilium.europa.eu/press-releases-pdf/2016/6/47244642837_mt.pdf  
(30) COM(2016) 601 final http://ec.europa.eu/finance/capital-markets-union/docs/20160913-cmu-accelerating-reform_en.pdf  
(31) Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta' insolvenza, ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19-72.
(32) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(33) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżit prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(34) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p.1).
(35) Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar it-titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257 28.8.2014, p. 1).
(36) Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(37) Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli, ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.
(38) Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2012 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43.
(39) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartiiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet, ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(40) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16.
(41)

   Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati
Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, ĠU L 82, 22.03.2001, p. 16.

(42)

   Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea, ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.

(43)

   Id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta' min iħaddimhom, ĠU L 283, 28.10.2008, p. 36).

(44)

   Id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati, ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28.

(45) Id-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta' kumpanniji pubbliċi ta' responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti, ĠU L 315/74, 14.11.2012.
(46) Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali, COM(2015) 468 final, 30.9.2015.
(47) COM(2015) 550 final, 28.10.2015
(48) Il-Bank Ċentrali Ewropew, Statistika, it-23 ta’ Ġunju 2016, https://www.bankingsupervision.europa.eu/banking/statistics/html/index.en.html
(49) Resolving Insolvency, il-Bank Dinji, http://www.doingbusiness.org/reports/globalreports/~/media/GIAWB/Doing%20Business/Documents/Annual-Reports/English/DB14-Chapters/DB14-Resolving-insolvency.pdf
(50) Doing Business Project Encourages Economies to Reform Insolvency Frameworks, il-Bank Dinji, Jannar 2013.
(51) Resolving Insolvency, il-Bank Dinji.
(52) COM(2015) 587 final, 24.11.2015.
(53) Is-self transfruntier lill-unitajiet domestiċi, li issa huwa fil-livell ta' madwar 5 % tat-total ta' self lill-unitajiet domestiċi.
(54) http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/retail-financial-services/docs/green-paper_en.pdf
(55) C(2014) 1500 final, 12.3.2014.
(56) Għal iktar dettalji ara l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija ġdida għall-falliment tan-negozju u l-insolvenza, it-30 ta' Settembru 2015: http://ec.europa.eu/justice/civil/files/evaluation_recommendation_final.pdf .
(57) Il-parteċipanti ewlenin kienu BusinessEurope, AFME, FFE, ACCA, UEAPME, ESBA, Independent Retail Europe, EuroChambers, KETU, EFIN, FEE, INSOL Europe, FDC, Il-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati, l-Istitut Ewropew tal-Liġi.
(58) Offerta Nru JUST/2014/JCOO/PR/CIVI/0075, tinsab fuq http://ec.europa.eu/justice/civil/files/insolvency/insolvency_study_2016_final_en.pdf.
(59) Offerta Nru JUST /2015/JCOO/FWCIVI0103, għadha ma ħarġitx.
(60) ĠU C , , p. .
(61) ĠU C , , p. .
(62) Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar proċedimenti ta' insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19).
(63) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(64) Ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(65) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
(66) Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).
(67) Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(68) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, ĠU L 225, 12.08.1998, p. 16.
(69)

   Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, ĠU L 82, 22.03.2001, p. 16.

(70)

   Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea, ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.

(71)

   Id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta' min iħaddimhom (ĠU L 283, 28.10.2008, p. 36).

(72)    Id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati, ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28.
(73) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).
(74) Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli (ĠU L 166/45, 11.6.1998).
(75) Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2012 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU L 168/43, 27.6.2002).
(76) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201/1, 27.7.2012, p. 1).
(77) Id-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta' kumpaniji pubbliċi ta' responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 74).
(78) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(79) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(80) Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli, ĠU L 166/45, 11.6.1998.
(81) Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2012 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, ĠU L 168/43, 27.6.2002.
(82) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, ĠU L 201/1, 27.7.2012