Brussell, 13.7.2016

COM(2016) 468 final

2016/0225(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

L-Unjoni qiegħda taħdem għal politika dwar il-migrazzjoni integrata, sostenibbli u olistika, ibbażata fuq is-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltajiet, li tista' tiffunzjona b'mod effettiv kemm fi żminijiet kalmi kif ukoll fi żmijiet ta' kriżi. L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 1 stabbiliet il-pedament għall-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni fl-indirizzar kemm tal-isfidi immedjati kif ukoll ta' dawk fit-tul tal-ġestjoni effettiva u komprensiva tal-flussi tal-migrazzjoni.

Ir-risistemazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat hija waħda mill-għażliet li jistgħu jiġu offruti lil persuni spostati fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali biex ikunu jistgħu jidħlu fl-Istati Membri b'mod legali u sikur u jirċievu protezzjoni sakemm ikunu jeħtiġuha. Hija wkoll għodda ta' solidarjetà internazzjonali u ta' tqassim tar-responsabbiltà ma' pajjiżi terzi li lejhom jew fihom ġew spostati numru kbir ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali kif ukoll tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-kriżijiet.

Ir-risistemazzjoni hija parti integrali mill-objettiv akbar li jiġi żgurat li l-protezzjoni tista' tiġi offruta lil dawk li jeħtiġuha filwaqt li jitnaqqsu r-rotot irregolari u perikolużi li jintużaw biex tinkiseb din il-protezzjoni, li n-netwerks tad-dħul klandestin ta' migranti ma jitħallewx jibbenefikaw minnha, li tintwera solidarjetà ma' pajjiżi f'reġjuni li lejhom jew fihom ġew spostati numru kbir ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali billi jingħata kontribut għat-tnaqqis tal-pressjoni fuq dawk il-pajjiżi.

Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) jistma li n-numru ta' persuni fil-bżonn ta' risistemazzjoni fl-2017 se jaqbeż il-1,19 miljun madwar id-dinja, filwaqt li madwar 80 000 persuna biss kienu risistemati madwar id-dinja fl-2015. Matul dawn l-aħħar snin il-UNHCR ħeġġeġ lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex iżidu l-impenji biex jirċievu r-rifuġjati permezz ta' programmi ta' risistemazzjoni sostenibbli, fost l-oħrajn, billi japprovaw il-kampanja tal-2012 immexxija mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) u ħames organizzazzjonijiet mhux governattivi attivi fil-qasam tal-protezzjoni tar-rifuġjati, biex jirrisistemaw 20 000 persuna kull sena sal-2020 2 .

Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tagħha tas-6 ta' April 2016 Għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u għat-Tisħiħ ta' Rotot Legali lejn l-Ewropa 3 , il-Kummissjoni għandha l-għan li toħloq qafas aktar strutturat, armonizzat u permanenti għar-risistemazzjoni madwar l-Unjoni, li jibni fuq esperjenzi eżistenti. Dan il-qafas, li jiggwida sforzi futuri ta' risistemazzjoni fl-Unjoni, huwa meħtieġ minħabba li n-nuqqas kurrenti ta' approċċ tal-Unjoni aktar robust u kollettiv għar-risistemazzjoni jfixkel il-kapaċità tal-Unjoni li tilħaq l-objettivi ta' politika tagħha. Għalkemm ir-risistemazzjoni ilha sseħħ għal ħafna snin fl-UE, sa issa l-inizjattivi jew kienu kompilazzjoni ta' programmi nazzjonali jew multilaterali, jew ġew organizzati b'mod ad hoc.

Sar qbil fil-livell tal-Unjoni dwar diversi aspetti tar-risistemazzjoni taħt il-Fond Ewropew għar-Refuġjati (FER) b'segwitu mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) bil-għan li jiġu provduti inċentivi finanzjarji mmirati, b'mod partikolari permezz ta' prijoritaijiet komuni ta' risistemazzjoni. Dan ġie komplementat minn kollaborazzjoni prattika bejn l-Istati Membri, inkluż permezz tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) u n-Netwerk Ewropew għar-Risistemazzjoni.

Filwaqt illi tibni fuq l-inizjattivi eżistenti ta' risistemazzjoni u ammissjoni umanitarja fil-qafas tal-UE kif ukoll fuq l-esperjenza miksuba permezz tal-programmi nazzjonali ta' risistemazzjoni, din il-proposta leġiżlattiva għandha l-għan li tistabbilixxi Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni bl-objettiv li tiġi faċilitata l-politika tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni u jiġi previst approċċ kollettiv u armonizzat bi proċedura unifikata. Dan inaqqas id-diverġenzi fost il-prattiki nazzjonali ta' risistemazzjoni u jpoġġi lill-Unjoni f'pożizzjoni aktar b'saħħitha biex tilħaq l-objettivi ta' politika tagħha anke fuq livell globali. L-Unjoni tenħtieġ li tkun tista' titkellem b'vuċi waħda fil-fora internazzjonali, tagħmel wegħda waħdanija li tikkontribwixxi għal inizjattivi ta' risistemazzjoni globali u għaldaqstant tikseb aktar viżibbiltà għall-isforzi tal-UE sabiex tikkonvinċi l-isħab internazzjonali tagħha biex jassumu s-sehem tagħhom tar-responsabbiltà, filwaqt li żżid b'mod gradwali l-isforzi kollettivi ta' risistemazzjoni tal-Istati Membri.

B'mod partikolari, il-proposta għandha l-għan li: tipprovdi approċċ komuni għall-wasla sikura u legali fl-Unjoni għal ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, u għaldaqstant tipproteġihom ukoll minn sfruttament minn netwerks ta' dħul klandestin ta' migranti, u li jipperikolaw ħajjithom sabiex jippruvaw jaslu l-Ewropa; tgħin biex titnaqqas il-pressjoni ta' wasliet spontanji fuq is-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri; tippermetti t-tqassim tar-responsabbiltà tal-protezzjoni ma' pajjiżi li lejhom jew fihom ġie spostat numru kbir ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali u tgħin biex titnaqqas il-pressjoni fuq dawk il-pajjiżi; tipprovdi kontribuzzjoni komuni tal-Unjoni għall-isforzi ta' risistemazzjoni globali.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta' politika eżistenti fil-qasam ta' politika

Il-proposta hija konsistenti u komplementari mal-inizjattivi ta' risistemazzjoni u ta' ammissjoni umanitarja mwettqa fil-livell tal-UE li ġejjin.

Fl-20 ta' Lulju 2015, Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill adottaw Konklużjonijiet 4 biex jirrisistemaw 22 504 persuna fi bżonn ċar ta' protezzjoni permezz ta' skemi multilaterali u nazzjonali, flimkien mal-Istati Assoċjati, abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Skema Ewropea ta' Risistemazzjoni 5 tal-Kummissjoni biex jiġu risistemati 20 000 persuna. Il-Kummissjoni tirrapporta b'mod regolari dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-Konklużjonijiet, b'mod partikolari permezz tar-Rapporti dwar ir-Rikolazzjoni u r-Risistemazzjoni tagħha 6 .

Fil-15 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni għal Skema Volontarja ta' Ammissjoni Umanitarja mat-Turkija 7 biex jinħolqu s-solidarjetà u t-tqassim tar-responsabbiltà mat-Turkija għall-protezzjoni ta' persuni spostati mill-kunflitt fis-Sirja għat-Turkija, li ħafna mill-elementi tagħha ffurmaw parti mill-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016. Fid-Dikjarazzjoni UE-Turkija sar qbil li, għal kull Sirjan li qed jintbagħat lura lejn it-Turkija minn gżejjer Griegi, Sirjan ieħor jiġi risistemat mit-Turkija lejn l-UE filwaqt li jitqiesu l-Kriterji ta' Vulnerabbiltà tal-NU.

Fil-21 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja 8 . Din il-proposta tippermetti lill-Istati Membri jużaw 54 000 post inizjalment previsti għar-rilokazzjoni disponibbli biex jilqgħu Sirjani mit-Turkija permezz tar-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja jew rotot legali oħra. L-Istati Membri għalhekk se jkunu jistgħu jnaqqsu min-numru ta' applikanti li se jiġu rilokati n-numru ta' Sirjani risistemati fit-territorju tagħhom mit-Turkija. Dawn in-numri jingħaddu flimkien mal-impenji mwettqa skont il-Konklużjonijiet ta' risistemazzjoni tal-20 ta' Lulju 2015.

Ir-Regolament propost huwa parti essenzjali mis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u huwa konsistenti għalkollox mal-ewwel pakkett ta' proposti leġiżlattivi sabiex tiġi rriformata, ippreżentat fl-4 ta' Mejju 2016, inkluża proposta għar-riformulazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III 9 , ir-riformulazzjoni tar-Regolament EURODAC, 10 u proposta għall-istabbiliment ta' Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil 11 kif ukoll mat-tieni pakkett ta' proposti leġiżlattivi, li jinkludi r-riforma tad-Direttivi dwar il-Proċeduri tal-Ażil 12 , il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza 13 u l-Kwalifika 14 .

Il-mekkaniżmu ta' ġustizzja stabbilit fil-proposta għar-riforma tar-Regolament ta' Dublin III se jqis in-numru ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali effettivament risistemati mill-Istati Membri. Bil-għan li jiġi kkalkolat il-mekkaniżmu tal-allokazzjoni korrettiv, in-numru ta' persuni risistemati se jingħadd man-numru ta' applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Dan jirrikonoxxi l-importanza mogħtija lill-isforzi biex jiġu implimentati rotot legali u sikuri lejn l-Ewropa.

Biex tiġi żgurata l-kompatibilità mal-acquis dwar l-ażil, il-persuni magħżula għar-risistemazzjoni jenħtieġ li jingħataw protezzjoni internazzjonali. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet dwar il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali li jinstabu fl-acquis dwar l-ażil jenħtieġ li japplikaw ladarba persuni risistemati jkunu fit-territorju tal-Istati Membri. Barra minn hekk, ikun xieraq li jiġi emendat ir-Regolament xxxx/xx/EU [ir-Regolament EURODAC riformulat ġdid] biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaħżnu d-dejta ta' persuni risistemati fis-sistema EURODAC, fejn jiġu trattati bħala applikanti għal protezzjoni internazzjonali għalkemm dawn ma jkunux ippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri. Dan jippermetti lill-Istati Membri jintraċċaw movimenti sekondarji possibbli ta' persuni risistemati mill-Istat Membru ta' risistemazzjoni lejn Stati Membri oħra.

[L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil] ser ikollha rwol fl-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Risistemazzjoni minħabba li l-Istati Membri se jkunu jistgħu jitolbu l-assistenza tagħha fil-koordinazzjoni ta' kooperazzjoni teknika u l-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tal-infrastruttura, f'konformità mal-proposta għall-istabbiliment ta' Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil.

Risistemazzjoni li tirnexxi jew nuqqas ta' risistemazzjoni jiddependu wkoll fuq integrazzjoni bikrija, effettiva, u li tirnexxi ta' persuni risistemati. Il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi 15 ippreżentat fis-7 ta' Ġunju 2016 se jikkontribwixxi wkoll f'dan ir-rigward. Fost l-azzjonijiet ta' prijorità tiegħu, il-pjan jipprevedi involviment fil-miżuri qabel it-tluq u qabel il-wasla li jkollhom fil-mira kemm lil dawk li jkunu qed jaslu mill-pajjiżi terzi kif ukoll lis-soċjetà riċeventi. Tali miżuri jistgħu jkunu ta' benefiċċju għal individwi jkunu xi jkunu r-raġunijiet tagħhom biex jiċċaqilqu legalment lejn l-UE, iżda jistgħu jkunu partikolarment importanti biex titħejja r-risistemazzjoni ta' persuni fil-bżonn tal-protezzjoni.

Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

L-immobilizzar ta' politiki u għodod differenti biex tiżdied il-kooperazzjoni diplomatika, teknika u finanzjarja tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi fil-ġestjoni tal-migrazzjoni huwa ta' importanza partikolari. Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta' Qafas ta' Sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 16 l-Unjoni se tfittex sħubiji ma' pajjiżi terzi ewlenin ta' oriġini u ta' tranżitu permezz ta' involviment koerenti u mfassal apposta fejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jaġixxu b'mod koordinat. Il-Qafas ta' Sħubija jenħtieġ, fost l-oħrajn, li jtejjeb l-appoġġ għal dawk fil-bżonn tal-protezzjoni fil-pajjiżi ta' oriġini jew ta' tranżitu tagħhom u joħloq prospetti ġenwini ta' risistemazzjoni lejn l-Unjoni biex jiġu skoraġġiti vjaġġi irregolari u perikolużi u jiġu salvati l-ħajjiet. Din il-proposta leġiżlattiva hija dimostrazzjoni diretta tal-impenn tal-Unjoni biex tgħin lill-pajjiżi taħt l-aktar pressjoni migratorja qawwija u biex tiskoraġġixxi lil persuni milli jitiliqu fuq vjaġġi perikolużi billi toffri rotot legali alternattivi.

Il-konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija konsistenti mal-politika komprensiva għal medda twila ta' żmien dwar ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni kif stipulata mill-Kummissjoni fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, li żviluppat il-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker f'sett ta' inizjattivi koerenti u li jsaħħu lil xulxin ibbażati fuq erba' pilastri. Dawn il-pilastri jikkonsistu mit-tnaqqis fl-inċentiv għal migrazzjoni irregolari, fruntieri esterni sikuri u s-salvar tal-ħajjiet, politika dwar l-ażil b'saħħitha u politika ġdida dwar il-migrazzjoni legali.

Din il-proposta, li tkompli timplimenta l-objettiv tat-tisħiħ tal-politika tal-Unjoni dwar l-ażil, jenħtieġ li tidher bħala parti mill-politika usa' fil-livell tal-UE lejn il-bini ta' sistema robusta u effettiva għall-ġestjoni sostenibbli tal-migrazzjoni għall-futur.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta hija parti mill-miżuri li jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Hija tfittex li tikkontribwixxi għall-ġestjoni tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali billi tipprovdi rotot legali għal protezzjoni internazzjonali fi sħubija u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi. Il-proposta għandha l-għan li tistabilixxi Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni bi proċeduri komuni għall-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali minn pajjiż terz magħżul, li ġew spostati fih jew lejh, lejn it-territorju tal-Istati Membri bil-għan li toffrilhom protezzjoni internazzjonali. Il-proposta hija għalhekk ibbażata fuq il-punti (d) (proċeduri komuni), u (g) (sħubija u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi) tal-Artikolu 78(2) TFUE. Din il-bażi ġuridika tikkmanda l-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Ġeometrija varjabbli

F'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 21 anness mat-TFUE dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jiħdux sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE. Ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jinnotifikaw lill-Kunsill, fi żmien tliet xhur wara li tkun ġiet ippreżentata proposta jew inizjattiva, li jixtiequ jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' xi waħda minn dawn il-miżuri proposti, jew li jaċċettaw dik il-miżura fi kwalunkwe ħin wara l-adozzjoni tagħha.

F'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TFUE, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE. Id-Danimarka fi kwalunkwe żmien tista', f'konformità mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha, tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li tixtieq tapplika b'mod sħiħ il-miżuri rilevanti kollha adottati abbażi tat-Titolu V tat-TFUE.

Il-Komunità Ewropea kkonkludiet ftehimiet mal-Iżlanda, man-Norveġja, mal-Iżvizzera u mal-Liechtenstein fejn dawn ġew assoċjati mal-“acquis ta' Dublin/Eurodac”. Din il-proposta ma tikkostitwixxix żvilupp tal-“acquis ta' Dublin/Eurodac”, u għalhekk ma hemm l-ebda obbligu min-naħa tal-Istati Assoċjati li jinnotifikaw lill-Kummissjoni li aċċettaw dan ir-Regolament, ladarba jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-Istati Assoċjati jistgħu madankollu jiddeċiedu li jipparteċipaw b'mod volontarju fil-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni stabbilit b'dan ir-Regolament.

Sussidjarjetà

L-armonizzazzjoni sa ċertu punt tal-prattiki tal-Istati Membri fir-rigward tar-risistemazzjoni tagħmilha aktar probabbli li l-persuni eliġibbli għar-risistemazzjoni ma jirrifjutawx li jiġu risistemati fi Stat Membru wieħed għall-kuntrarju ta' ieħor. Din l-armonizzazzjoni żżid ukoll l-influwenza ġenerali tal-Unjoni fil-konfront ta' pajjiżi terzi fil-politika u d-djalogi politiċi u t-tqassim tar-responsabbiltà ma' pajjiżi terzi li lejhom jew fihom ġie spostat numru kbir ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali. Dawn l-objettivi ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Proporzjonalità

Il-forma ta' Regolament u l-kontenut tiegħu ma jaqbżux dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-proposta, b'mod partikolari li (a) tnaqqas id-diverġenzi fost il-prattiki u l-proċeduri nazzjonali tar-risistemazzjoni, (b) tipprovdi għall-wasla legali u sikura fit-territorji tal-Istati Membri ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, (c) tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskju ta' dħul irregolari fuq skala kbira ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat fit-territorji tal-Istati Membri, biex b'hekk titnaqqas il-pressjoni ta' wasliet spontanji fuq is-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri, (d) tkun espressjoni ta' solidarjatà ma' pajjiżi f'reġjuni li lejhom jew fihom ġew spostati numru kbir ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali billi tgħin biex titnaqqas il-pressjoni fuq dawk il-pajjiżi, (e) tgħin biex jintlaħqu l-objettivi ta' politika barranija tal-Unjoni billi żżid l-influwenza tal-Unjoni fil-konfront ta' pajjiżi terzi, u (f) tikkontribwixxi b'mod effettiv għal inizjattivi globali ta' risistemazzjoni permezz ta' vuċi waħda f'fora internazzjonali u ma' pajjiżi terzi.

Il-kontenut qed jibni fuq l-esperjenza b'inizjattivi eżistenti ta' risistemazzjoni fil-qafas tal-UE u prattiki eżistenti ta' risistemazzjoni tal-Istati Membri, b'mod partikolari l-Proċeduri Operattivi Standard li jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-iskema ta' risistemazzjoni mat-Turkija stabbilita fid-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016.

L-għażla tal-istrument

Regolament jintgħażel b'tali mod li jinkiseb grad ta' konverġenza għall-proċedura ta' risistemazzjoni li jikkorrispondi għall-grad ta' konverġenza għall-proċedura tal-ażil, li għaliha wkoll qed jiġi propost Regolament. Filwaqt li jibni fuq il-prattiki eżistenti ta' risistemazzjoni tal-Istati Membri, b'mod partikolari l-Proċeduri Operattivi Standard li jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-iskema ta' risistemazzjoni mat-Turkija stabbilita fid-Dikjarazzjoni tat-18 ta' Marzu 2016, Regolament jippermetti li jinkiseb grad ogħla ta' konverġenza ta' dawk il-prattiki ta' risistemazzjoni minn Direttiva, li mhijiex applikabbli direttament u tħalli l-għażla tal-forma u l-metodu f'idejn l-Istati Membri. Dan il-grad ogħla ta' konverġenza se jippermetti aktar sinerġiji fl-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni u se jikkontribwixxi biex jiskoraġġixxi lil persuni eliġibbli għar-risistemazzjoni milli jirrifjutaw ir-risistemazzjoni fi Stat Membru partikolari kif ukoll jiskoraġġixxi movimenti sekondarji ta' persuni risistemati. Barra minn hekk, huwa previst li l-pjanijiet annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni u l-iskemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni li huma essenzjali għall-operazzjonalizzazzjoni tal-Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni jiġu adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li għalihom Regolament huwa l-istrument adattat.

3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

Konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u l-Istati Assoċjati kif ukoll mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), u l-EASO twettqu fi ħdan is-sitt Forum dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni tas-6 ta' April 2016. Dawn il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati abbażi ta' dokument ta' diskussjoni li kien intbagħat lilhom qabel il-laqgħa.

Dawn il-partijiet ikkonċernati kollha qablu dwar il-bżonn ta' aktar sforzi fl-offerta ta' rotot sikuri u legali għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni minflok wasliet perikolużi u irregolari. Bosta partijiet ikkonċernati enfasizzaw ir-responsabbiltà tal-Unjoni li tassumi rwol viżibbli fl-isforzi ta' risistemazzjoni globali u l-bżonn ta' aktar koordinazzjoni tal-isforzi ta' risistemazzjoni tal-Istati Membri.

Filwaqt li xi wħud appoġġjaw qafas ġuridikament vinkolanti bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha abbażi ta' impenn uniku ta' risistemazzjoni min-naħa tal-Unjoni u t-tqassim tar-responsabbiltajiet fost l-Istati Membri abbażi ta' gwida għat-tqassim ġusta, oħrajn kienu aktar favur impenji voluntarji mill-Istati Membri.

Kien hemm rikonoxximent komuni li r-risistemazzjoni tista', f'xi ċirkostanzi, tintuża bħala ingranaġġ fil-politika u d-djalogi politiċi ma' pajjiżi terzi possibbilment anke permezz ta' strateġiji mmirati u mfassla.

Numru ta' partijiet ikkonċernati fakkru d-diskussjonijiet dwar Proċeduri Operattivi Standard li jiggwidaw l-iskema ta' risistemazzjoni mat-Turkija, stabbilita fid-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016 u rriflettew dwar il-possibbiltà li diversi elementi tagħha jiġu replikati f'approċċ komuni tal-Unjoni għar-risistemazzjoni. Filwaqt li numru ta' Stati Membri kienu favur il-possibbiltà li jiġu kondiviżi infrastrutturi u jintużaw missjonijiet ta' selezzjoni konġunti biex jitnaqqsu l-ispejjeż, il-parti l-kbira tagħhom kienu kontra arranġamenti kondiviżi anke f'termini ta' kontrolli ta' sigurtà.

Ħafna partijiet ikkonċernati enfasizzaw ir-rwol speċjali tal-UNHCR fil-proċess, b'mod partikolari r-rwol tiegħu fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' persuni li huma eliġibbli għal risistemazzjoni. Il-possibbiltà li atturi oħra, bħall-EASO u l-IOM, ikollhom rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' arranġamenti prattiċi ġiet appoġġjata wkoll.

L-Istati Membri enfasizzaw l-importanza tal-finanzjament tal-Unjoni fl-appoġġ ta' sforzi ta' risistemazzjoni.

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt għall-ażil u l-protezzjoni minn refoulement skont l-Artikoli 18 u 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). Il-ħtieġa li jiġu promossi u rrispettati d-drittijiet tat-tfal, id-dritt għall-ħajja tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali kif garantiti, rispettivament, mill-Artikoli 24, 7 u 8 tal-Karta ġew ikkunsidrati b'mod xieraq fit-tfassil tal-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni, u b'mod partikolari fid-definizzjoni tal-kriterji tal-eliġibbiltà għar-risistemazzjoni skont l-Artikolu 5 tal-proposta u l-proċedura ta' risistemazzjoni skont l-Artikoli 10 u 11 tal-proposta.

F'dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni partikolari għad-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-atti delegati adottati fuq il-bażi tiegħu.

Bl-istess mod, fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), jenħtieġ li jiġi adottat approċċ sensittiv għall-ġeneru fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Il-proposta tappoġġja wkoll il-prinċipji ġenerali tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, minħabba li tinkludi projbizzjoni espliċita ta' diskriminazzjoni għall-Istati Membri, inkluż abbażi ta' sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fattizzi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, meta jitqiesu rabtiet soċjali jew kulturali jew karatteristiċi oħra li jistgħu jiffaċilitaw l-integrazzjoni fl-Istat parteċipanti. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn differenza fit-trattament ikun neċessarju għall-applikazzjoni tal-ambitu ta' skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni u tal-kriterji tal-eliġibbiltà skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 5.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Għal kull persuna risistemata skont din il-proposta, l-Istati Membri li jieħdu sehem fir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) se jkunu intitolati għal EUR 10 000 mill-baġit tal-Unjoni. In-numru totali massimu ta' persuni li għandhom jiġu risistemati fl-Unjoni kull sena se jiġi determinat permezz ta' atti ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li jistabbilixxu l-pjanijiet annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni.

Is-sena finanzjarja 2017 għandha titqies bħala sena tranżitorja bejn l-iskema ta' risistemazzjoni mwettqa skont il-Konklużjonijiet tal-20 ta' Lulju 2015 biex permezz ta' skemi multilaterali u nazzjonali, flimkien mal-Istati Assoċjati, jiġu risistemati 22 504 persuna fi bżonn ċar ta' protezzjoni, u d-dħul fis-seħħ ta' din il-proposta. Konsegwentement, l-implikazzjonijiet baġitarji għall-2017 jenħtieġ li jkunu aktar baxxi milli għas-snin sussegwenti.

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta tistabbilixxi Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni għar-risistemazzjoni annwali ta' ċertu numru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat fit-territorju tal-Istati Membri.

Għandha l-għan li tippermetti li l-Unjoni tipprevedi l-wasla legali u sikura ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, tikkontribwixxi għat-tnaqqis fir-riskju ta' dħul irregolari fuq skala kbira ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Istati Membri, u tikkontribwixxi għal inizjattivi internazzjonali ta' risistemazzjoni.

L-element essenzjali tal-Qafas, bħall-istabbiliment ta' regoli komuni tal-Unjoni dwar l-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi permezz tar-risistemazzjoni, inklużi r-regoli dwar il-kriterji tal-eliġibbiltà u r-raġunijiet tal-esklużjoni, il-proċeduri standard li jirregolaw l-istadji kollha tal-proċess ta' risistemazzjoni, l-istatus li għandu jingħata lill-persuni risistemati, il-proċeduri għat-teħid ta' deċiżjonijiet biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Qafas, u l-appoġġ finanzjarju għall-isforzi ta' risistemazzjoni tal-Istati Membri huma stabbiliti f'din il-proposta leġiżlattiva. L-implimentazzjoni tagħhom se tinkludi l-istabbiliment ta' pjanijiet annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni tal-Kunsill u l-adozzjoni ta' skemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

L-elementi ewlenin tal-proposta huma:

Risistemazzjoni

Risistemazzjoni tfisser l-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali li jkunu ġew spostati mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħhom jew fih, bil-għan li jingħataw protezzjoni internazzjonali. L-istess japplika għal persuni mingħajr stat fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali spostati mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta' qabel tagħhom jew fih.

Reġjuni jew pajjiżi terzi minn fejn isseħħ ir-risistemazzjoni

Fl-atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu skemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni u l-pjanijiet annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom, meta jispeċifikaw ir-reġjuni jew il-pajjiżi terzi minn fejn għandha sseħħ ir-risistemazzjoni, iqisu numru ta' fatturi li jindikaw is-sitwazzjoni ta' persuni fil-bżonn tal-protezzjoni, il-pajjiżi li minnhom jenħtieġ li sseħħ ir-risistemazzjoni, u n-numru ta' persuni fil-bżonn tal-protezzjoni internazzjonali spostati lejn ir-reġjuni jew il-pajjiżi terzi speċifiċi jew fihom. Il-kooperazzjoni effettiva tal-pajjiżi terzi mal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil se tkun element importanti li fuqha l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Tali kooperazzjoni għandha tiġi riflessa f'termini tal-isforzi tal-pajjiż terz biex inaqqas in-numru ta' ċittadini tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jaqsmu l-fruntieri tal-Unjoni b'mod irregolari mit-territorju tiegħu, tal-kooperazzjoni mal-Unjoni fir-rigward tar-riammissjoni u r-ritorn ta' ċittadini tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jgħixu irregolarment fit-territorju tal-Istati Membri, u taż-żieda fil-kapaċità tagħhom għall-akkoljenza u l-protezzjoni ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' sistema effettiva tal-ażil.

Persuni li għandhom jiġu risistemati

Din il-proposta leġiżlattiva tistabbilixxi kriterji ta' eliġibbiltà (l-Artikolu 5) u raġunijiet għall-esklużjoni (l-Artikolu 6) għal persuni li jistgħu jiġu kunsidrati għar-risistemazzjoni. Għandhom jiġu rrispettati ż-żewġ dispożizzjonijiet flimkien mar-rekwiżit li l-persuna taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' kull skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni adottata permezz ta' att ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni Din il-proposta ma toħloq l-ebda dritt ta' ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri bil-għan li tingħata protezzjoni internazzjonali.

(a)Eliġibbiltà

Il-possibbiltà għar-risistemazzjoni hija prevista għal dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jkunu ġew spostati mhux biss lejn pajjiżi ieħor iżda wkoll fil-pajjiż tagħhom stess minħabba f'biża' ġustifikata ta' persekuzzjoni jew minħabba li jkun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li huma jiffaċċjaw riskju reali li jsofru dannu serju.

Persuni li jaqgħu f'mill-inqas waħda mill-kategoriji ta' vulnerabbiltà li ġejjin — nisa u bniet f' riskju; tfal u adoloxxenti f'riskju, inklużi tfal mhux akkumpanjati; dawk li jkunu sofrew vjolenza u/jew tortura, inkluż abbażi tal-ġeneru; persuni bi bżonnijiet mediċi jew diżabilitajiet; persuni bi bżonnijiet ta' protezzjoni ġuridika u/jew fiżika; u persuni b'vulnerabbiltà soċjoekonomika — għandhom ikunu eliġibbli għar-risistemazzjoni skont l-iskemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni. Persuni b'rabtiet familjari ma' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat jew ċittadini tal-Unjoni li jgħixu legalment fi Stat Membru jew huma dipendenti fuqhom għandhom ikunu eliġibbli wkoll. L-inklużjoni ta' persuni b'vulnerabbiltà soċjoekonomika u dawk b'rabtiet familjari twessa' l-kategoriji klassiċi ta' risistemazzjoni normalment immexxija permezz tar-riferiment tal-UNHCR u ssegwi l-approċċ maqbul fi ħdan il-Proċeduri Operattivi Standard li jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-iskema ta' risistemazzjoni mat-Turkija stabbilita fid-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016.

(b)Esklużjoni

L-Istati Membri ma għandhomx jirrisistemaw ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li ma jissodisfawx il-kriterji tal-eliġibbiltà jew li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' raġuni obbligatorja għal esklużjoni.

Ir-raġunijiet obbligatorji għal esklużjoni jinkludu: a) ir-raġunijiet għal esklużjoni tar-Regolament dwar il-Kwalifika 17 — dawk li japplikaw għal persuni li altrimenti huma eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja jridu jiġu applikati wkoll għal persuni li jikkwalifikaw bħala rifuġjati; b) ir-raġunijiet għaċ-ċaħda ta' dħul fil-fruntiera 18 , c) ir-raġunijiet biex ma jiġġeddidx jew biex jiġi revokat permess ta' residenza skont ir-Regolament dwar il-Kwalifika.

Persuni li jkunu daħlu b'mod irregolari, għexu b'mod irregolari, jew ipprovaw jidħlu b'mod irregolari fit-territorju tal-Istati Membri matul l-aħħar ħames snin qabel ir-risistemazzjoni għandhom jiġu esklużi wkoll. Persuni li għandhom jiġu esklużi mir-risistemazzjoni jinkludu wkoll dawk diġà risistemati minn Stat Membri ieħor taħt skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni jew fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi eżistenti tar-risistemazzjoni tal-Unjoni. L-esklużjoni tapplika wkoll għal ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat li Stat Membru jkun irrifjuta li jirrisistema matul l-aħħar ħames snin qabel ir-risistemazzjoni.

Ir-raġuni fakultattiva tal-esklużjoni tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw ir-risistemazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li għalihom tapplika prima facie waħda mir-raġunijiet għal esklużjoni msemmija fil-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 6(1).

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti ta' konsultazzjoni minn qabel biex japplikaw ir-raġunijiet għal esklużjoni.

Proċeduri Standard ta' Risistemazzjoni

Din il-proposta tistabbilixxi proċeduri standard komuni li jibnu fuq l-esperjenza u l-istandards eżistenti tar-risistemazzjoni tal-Istati Membri, inklużi l-Proċeduri Operattivi Standard li jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-iskema ta' risistemazzjoni mat-Turkija stabbilita fid-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016. Il-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni għandu jippermetti żewġ tipi ta' proċeduri standard ta' risistemazzjoni: proċedura ta' risistemazzjoni ordinarja jew imħaffa. Kull skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni tiddetermina liema minn dawn ir-regoli proċedurali standard għandhom japplikaw għall-implimentazzjoni tagħha.

(a)Proċedura ordinarja

Il-proċedura ordinarja tirrifletti l-istandards u l-prattiki ta' risistemazzjoni normalment segwiti mill-Istati Membri. Hija bbażata fuq determinazzjoni sħiħa tal-istatus ta' rifuġjat fil-pajjiż terz u fuq li l-Istati Membri jagħtu liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew lil persuni mingħajr stat risistemati, preferibbilment, status ta' rifuġjat jew status ta' protezzjoni sussidjarja. Il-proċedura għandha titwettaq kemm jista' jkun malajr u fi żmien tmien xhur mill-mument meta l-Istati Membri jkunu rreġistraw iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat. Dan iż-żmien stipulat jista' jiġi estiż b'erba' xhur.

Passi dettaljati fil-proċedura jinkludu:

L-Istati Membri jidentifikaw persuni li għalihom għandhom l-intenzjoni li jwettqu l-proċedura ta' risistemazzjoni jew permezz ta' riferiment mill-UNHCR, jew fejn applikabbli, l-[Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil] jew korpi internazzjonali rilevanti, jew minnhom stess, mingħajr dan ir-riferiment. Meta jibbażaw l-identifikazzjoni tagħhom fuq riferiment minn waħda minn dawn l-entitajiet, l-Istati Membri jistgħu jitolbuhom valutazzjoni sħiħa ta' jekk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat jissodisfawx ir-rekwiżiti għal skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni u ta' jekk jaqgħux taħt waħda mill-kategoriji ta' vulnerabbiltà stabbiliti fil-punt (b)(i) tal-Artikolu 5. Fil-każ ta' riferiment mill-UNHCR, l-Istati Membri jistgħu jitolbu wkoll lill-UNHCR jivvaluta b'mod sħiħ jekk il-persuni riferuti lilhom jikkwalifikawx bħala rifuġjati fis-sens tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951.

Wara r-reġistrazzjoni taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat li għalihom għandhom l-intenzjoni li jwettqu l-proċedura ta' risistemazzjoni, l-Istati Membri jivvalutaw jekk dawn il-persuni jissodisfawx il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 5 u jekk mhumiex esklużi skont ir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1).

Fil-każ ta' deċiżjoni pożittiva l-Istati Membri jagħtu lill-persuni li se jiġu risistemati l-istatus ta' rifuġjat jew l-istatus ta' protezzjoni sussidjarja. Id-deċiżjoni li jingħata status ta' rifuġjat jew status ta' protezzjoni sussidjarja għandha l-istess effetti bħal deċiżjoni li jingħata status ta' rifuġjat jew li jingħata status ta' protezzjoni sussidjarja msemmija fl-Artikoli 13 u 19 tar-[Regolament dwar il-Kwalifika], ladarba l-persuna kkonċernata tkun daħlet fit-territorju ta' Stat Membru.

Wara deċiżjoni pożittiva, l-Istati Membri joffru li jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa għat-tluq taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat u, bil-għan li tiġi faċilitata integrazzjoni rapida, mingħajr xkiel u effettiva fis-soċjetà ospitanti, joffru programm ta' orjentazzjoni qabel it-tluq.

Kull dejta personali miġbura għall-finijiet tal-proċedura ta' risistemazzjoni għandha tinħażen għal perjodu massimu ta' ħames snin mid-data tar-risistemazzjoni. Il-perjodu tal-ħżin huwa kkunsidrat neċessarju biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jeskludu mir-risistemazzjoni ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat li jkunu diġà ġew risistemati minn Stat Membru wieħed jew li matul l-aħħar ħames snin ikunu rrifjutaw li jiġu risistemati fi Stat Membru, kif previst minn din il-proposta.

Ladarba l-persuna li fir-rigward tagħha tkun ittieħdet deċiżjoni pożittiva għal risistemazzjoni tidħol fit-territorju tal-Istati Membri, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali inklużi fl-acquis dwar l-ażil, inklużi r-regoli biex jiġi skoraġġit il-moviment sekondarju ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali inklużi fir-Regolamen ta' Dublin 19 u fid-Direttiva dwar ir-Residenza fit-Tul kif emendata mir-Regolament dwar il-Kwalifika 20 .

Ir-risistemazzjoni għandha tkun is-soluzzjoni preferuta għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Istati Membri u ma għandhiex tiġi ddupplikata bi proċedura tal-ażil. Għaldaqstant, applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta' persuni risistemati permezz ta' proċedura ordinarja, li għalihom tkun twettqet valutazzjoni sħiħa tal-kwalifika tagħhom bħala rifuġjat u l-eliġibbiltà tagħhom bħala benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, ma jkunux ammissibbli.

(b)Proċedura mħaffa

Il-proċedura mħaffa tirrifletti l-approċċ maqbul fil-Proċeduri Operattivi Standard li jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-iskema ta' risistemazzjoni mat-Turkija stabbilita fid-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016. Hija prevista fejn ikun hemm raġunijiet umanitarji speċifiċi jew bżonnijiet urġenti ta' protezzjoni ġuridika jew fiżika, li jiġġustifikaw ammissjoni rapida ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat fit-territorju tal-Istati Membri. Din il-proċedura għandha titwettaq kemm jista' jkun malajr u fi żmien erba' xhur mill-mument meta l-Istati Membri jkunu rreġistraw iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat. Dan iż-żmien stipulat jista' jiġi estiż b'xahrejn. Filwaqt li għandu jitwettaq l-istess livell ta' kontrolli ta' sigurtà bħal fil-proċedura ordinarja, il-valutazzjoni tal-bżonnijiet tal-protezzjoni internazzjonali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat għandha tiġi limitata għal valutazzjoni tal-eliġibbiltà tagħhom għal protezzjoni sussidjarja mingħajr ma tiġi vvalutata l-kwalifika tagħhom għal status ta' rifjuġjat.

B'kuntrast għal dak li japplika fil-każ tal-proċedura ordinarja, meta persuni jiġu risistemati permezz ta' proċedura mħaffa, mingħajr ma tkun saret valutazzjoni tal-kwalifika tar-rifuġjat, dawn għandhom mal-ammissjoni fl-Istat Membru tar-risistemazzjoni jkunu ammissibbli li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali. L-Istat Membru fejn tkun ġiet risistemata l-persuna għandu jkun responsabbli għall-eżami ta' din l-applikazzjoni. Ir-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil għandu jipprevedi li l-Istati Membri ma japplikawx il-kunċetti tal-ewwel pajjiż tal-ażil u tal-pajjiż terz bla periklu meta jeżaminaw l-applikazzjoni 21 .

(c)Setgħat delegati biex jiġu emendati l-proċeduri standard

Għandha tingħata ċerta flessibbiltà biex tiġi adattata l-proċedura standard biex jiġu akkomodati ċirkostanzi speċifiċi ta' pajjiż terz minn fejn għandha sseħħ ir-risistemazzjoni skont skema speċifika ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni. Permezz ta' atti delegati, f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11, il-Kummissjoni hija awtorizzata, fejn meħtieġ, li żżid elementi mhux essenzjali mal-proċedura.

Proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet

Din il-proposta tistabbilixxi qafas li għandu l-intenzjoni li jfassal il-mod kif l-Unjoni se timplimenta l-impenji ta' risistemazzjoni. Madankollu, sabiex ikun jista' jirreaġixxi għat-tibdil fil-flussi tal-migrazzjoni u l-evoluzzjoni taċ-ċirkostanzi internazzjonali, il-qafas bħala tali ma jiddeterminax numru ta' elementi varjabbli, b'mod partikolari l-iskala ta' risistemazzjoni u l-pajjiżi terzi jew ir-reġjuni speċifiċi minn fejn għandha sseħħ ir-risistemazzjoni.

(a)Kumitat ta' Risistemazzjoni ta' Livell Għoli

Se jiġi stabbilit Kumitat ta' Risistemazzjoni ta' Livell Għoli presedut mill-Kummissjoni biex jipprovdi gwida politika għall-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni.

Se jieħdu sehem fil-kumitat rappreżentanti mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u l-Istati Membri kif ukoll rappreżentanti mill-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, u l-Iżvizzera jekk dawn l-Istati Assoċjati jkunu indikaw l-intenzjoni tagħhom li jiġu assoċjati mal-implimentazzjoni tal-Qafas annwali ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni. [L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil], il-UNHCR, u l-IOM jistgħu jiġu mistiedna wkoll.

(b)Att ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni

Il-Kunsill huwa awtorizzat li, permezz ta' att ta' implimentazzjoni fuq proposta tal-Kummissjoni, jistabbilixxi pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni għas-sena ta' wara li jiddetermina n-numru totali massimu ta' persuni li għandhom jiġu risistemati u n-numru ta' persuni li kull Stat Membri għandu jirrisistema f'dan it-total. Il-pjan annwali għandu jindika wkoll prijoritajiet ġeografiċi globali għar-risistemazzjoni. Meta jadotta dawn l-atti, il-Kunsill għandu jqis b'mod sħiħ id-diskussjonijiet fil-Kumitat ta' Risistemazzjoni ta' Livell Għoli dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni.

Minħabba r-rabta importanti bejn in-numru ta' persuni risistemati fl-Istati Membri u l-baġit tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-proposta tagħha għall-pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni flimkien mal-proposta tagħha dwar l-abbozz tal-baġit annwali tal-Unjoni filwaqt li jitqiesu l-konsegwenzi finanzjarji. Il-Kunsill jenħtieġ li jkun jista' jirreaġixxi malajr u jadotta att ta' implimentazzjoni fi żmien xahrejn. Filwat li l-ebda dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva ma ġiet annessa ma' din il-proposta leġiżlattiva, l-implikazzjonijiet finanzjarji tar-Regolament jiddependu fuq in-numru totali ta' persuni li għandhom jiġu risistemati kull sena.

(c)Att ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jistabbilixxi skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni

Il-Kummissjoni hija awtorizzata li kull sena tistabbilixxi skema waħda jew aktar ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni. Dan għandu jsir malajr kemm jista' jkun wara l-adozzjoni tal-pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni adottat mill-Kunsill u b'konsistenza miegħu, filwaqt li jitqiesu wkoll id-diskussjonijiet fil-Kumitat ta' Risistemazzjoni ta' Livell Għoli. Il-Kummissjoni tista' tadotta skema waħda jew aktar ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni matul il-perjodu kopert minn pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni.

Għal kull skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tistabbilixxi ġustifikazzjoni dettaljata, in-numru preċiż mill-għadd totali ta' persuni li għandhom jiġu risistemati u l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kif stabbilit fil-pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll deskrizzjoni tal-grupp(i) fil-mira taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li għandhom jiġu risistemati u telenka żona ġeografika speċifika li tkopri pajjiż terz wieħed jew aktar minn fejn isseħħ ir-risistemazzjoni. L-għażla ta' prijoritajiet ġeografiċi speċifiċi għar-risistemazzjoni ssir f'konformità mal-Artikolu 4 tal-proposta leġiżlattiva, filwaqt li jitqies il-pjan annwali ta' risistemazzjoni u bil-ħsieb ta' rwol potenzjali tar-risistemazzjoni f'kooperazzjoni imfassla apposta mal-pajjiżi terzi biex tiġi ġestita aħjar il-migrazzjoni kif previst fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar It-twaqqif ta' Qafas ta' Sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 22 .

Id-data tat-tnedija u t-tul ta' żmien għal kull skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni jiġu speċifikati wkoll flimkien mal-proċedura standard ta' risistemazzjoni. Proċedura ordinarja għandha titqies bħala n-norma, sakemm ma tkunx ġustifikata proċedura mħaffa għal raġunijiet umanitarji jew fil-każ ta' bżonnijiet urġenti ta' protezzjoni ġuridika jew fiżika.

Kooperazzjoni

Ir-risistemazzjoni hija attività ta' sħubija u l-kooperazzjoni fost il-partijiet konċernati kollha hija essenzjali, inkluż mal-pajjiżi terzi li minnhom issir ir-risistemazzjoni. Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi oħra li jkunu qed jirrisistemaw mill-istess reġjun bħall-Istati Membri tista' tiġi esplorata sabiex jinħolqu sinerġiji. Minħabba l-kompetenza tal-UNHCR fl-iffaċilitar tal-forom differenti tal-ammissjoni ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali minn pajjiżi terzi, fejn ikunu ġew spostati lejn Stati lesti li jaċċettawhom, il-UNHCR jibqa' jkollu rwol ewlieni fir-risistemazzjoni skont din il-proposta.

Skont ir-[Regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għar-Regolamentazzjoni tal-Ażil il-ġdid] [L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil] tista' tappoġġja lill-Istati Membri billi tikkoordina l-kooperazzjoni teknika bejniethom, tassistihom fl-implimentazzjoni ta' skemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni, u tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-infrastruttura.

Biex jimplimentaw arranġamenti prattiċi, u b'mod partikolari biex iwettqu programmi ta' orjentazzjoni qabel it-tluq, kontrolli mediċi biex ikun żgurat li l-persuna tkun f'kundizzjoni li tivvjaġġa, u arranġamenti tal-ivjaġġjar u arranġementi prattiċi oħra, l-Istati Membri jistgħu jitolbu wkoll lil sħab oħra bħall-IOM jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jassistuhom.

Stati Assoċjati

L-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera huma mistiedna li jkunu assoċjati mal-implimentazzjoni tal-pjanijiet annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni, Fejn ikunu indikaw l-intenzjoni tagħhom li jkunu assoċjati, ir-rappreżentanti tagħhom se jkunu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Kumitat ta' Risistemazzjoni ta' Livell Għoli. L-elementi ewlenin ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dawk relatati mal-proċedura ta' risistemazzjoni u mad-drittijiet u l-obbligi ta' persuni risistemati għandhom jitqiesu kif mistħoqq f'din l-assoċjazzjoni.

Appoġġ finanzjarju

L-Istati Membri li jieħdu sehem fir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) se jkunu intitolati għal somma f'daqqa ta' EUR 10 000 mill-baġit tal-Unjoni għal kull persuna li jirrisistemaw, irrispettivament minn jekk tkunx ġiet segwita proċedura ordinarja jew proċedura mħaffa. L-Istati Membri għandhom jirċievu dawn il-fondi biss meta jirrisistemaw permezz tal-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni. Ir-risistemazzjonijiet taħt skemi nazzjonali ta' risistemazzjoni barra minn dan il-qafas mhumiex se jiġu appoġġjati finanzjarjament mill-baġit tal-Unjoni.

Evalwazzjoni u Rieżami

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien xieraq għar-rieżami ta' dan ir-Regolament. Iż-żmien tar-rieżami ta' din il-proposta leġiżlattiva għandu jiġi allinjat ma' dak tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni minħabba rabtiet mill-qrib bejn iż-żewġ atti.

L-informazzjoni provduta mill-Istati Membri lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil dwar in-numru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi effettivament risistemati fuq bażi ta' kull ġimgħa għandha tiddaħħal fl-evalwazzjoni.

2016/0225 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 78(2)(d) u (g) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 23 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 24 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-10 ta' Ottubru 2014 irrikonoxxew li “filwaqt li jitqiesu l-isforzi mwettqa mill-Istati Membri affettwati mill-flussi migratorji, l-Istati Membri kollha għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom għal [risistemazzjoni] b'mod ġust u bbilanċjat.” 25

(2)Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 26 tat-13 ta' Mejju 2015 il-Kummissjoni stabbiliet il-ħtieġa ta' approċċ komuni għall-għoti ta' protezzjoni lil persuni spostati fil-bżonn ta' protezzjoni permezz tar-risistemazzjoni.

(3)Fit-8 ta' Ġunju 2015 il-Kummissjoni indirizzat Rakkomandazzjoni dwar Skema Ewropea ta' Risistemazzjoni 27 lill-Istati Membri, abbażi ta' gwida għat-tqassim ekwu. Din ġiet segwita mill-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015 dwar ir-risistematizzazzjoni permezz ta' skemi multilaterali u nazzjonali ta' 22 504 persuna fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali 28 . Il-postijiet ta' risistemazzjoni ġew imqassma bejn l-Istati Membri u l-Istati Assoċjati ta' Dublin skont l-impenji stabbiliti fl-Anness għall-Konklużjonijiet.

(4)Fil-15 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni indirizzat Rakkomandazzjoni għal Skema Volontarja ta' Ammissjoni Umanitarja mat-Turkija 29 lill-Istati Membri u l-Istati Assoċjati li tirrakkomanda li l-Istati parteċipanti jammettu persuni spostati mill-kunflitt fis-Sirja li huma fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali. Skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016, Skema Volontarja ta' Ammissjoni Umanitarja tiġi attivata ladarba jintemm il-qsim irregolari bejn it-Turkija u l-UE jew tal-inqas dan ikun tnaqqas b'mod sostanzjali u sostenibbli. L-Istati Membri se jikkontribwixxu fuq bażi volontarja għal din l-iskema.

(5)Skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016, mill-20 ta' Marzu 2016 il-migranti irregolari l-ġodda kollha li jaqsmu mit-Turkija għall-gżejjer Griegi jintbagħtu lura lejn it-Turkija. Għal kull Sirjan li jintbagħat lura lejn it-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor jiġi risistemat mit-Turkija lejn l-Unjoni filwaqt li jitqiesu l-Kriterji tal-Vulnerabbiltà tan-Nazzjonijiet Uniti. F'Mejju 2016, l-Istati Membri u l-Istati Assoċjati ta' Dublin u t-Turkija laħqu fehim komuni dwar Proċeduri Operattivi Standard li jiggwidaw l-implimentazzjoni ta' din l-iskema ta' risistemazzjoni.

(6)Fis-6 ta' April 2016, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni għar-Riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u għat-Tisħiħ ta' Rotot Legali lejn l-Ewropa 30 fejn ħabbret li se tistabbilixxi proposta għal sistema strutturata ta' risistemazzjoni li tinkwadra l-politika tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni u tipprovdi approċċ komuni għal wasla sikura u legali għal persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali.

(7)Fit-12 ta' April 2016, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni 31 fejn enfasizza l-ħtieġa ta' programm permanenti ta' risistemazzjoni madwar l-Unjoni, li jipprovdi risistemazzjoni għal numru sinifikanti ta' rifuġjati, filwaqt illi jitqies in-numru globali ta' rifuġjati li jfittxu l-protezzjoni fl-Unjoni.

(8)Filwaqt illi jibni fuq l-inizjattivi eżistenti, jenħtieġ li jiġi stabbilit Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni stabbli u affidabbli għar-risistemazzjoni ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali li għandu jiġi implimentat skont il-pjanijiet annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni u skemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni li jwettqu b'mod effettiv l-impenji konkreti tal-Istati Membri.

(9)Dan il-qafas huwa parti neċessarja minn politika dwar il-migrazzjoni ġestita sew biex jitnaqqsu d-diverġenzi fost prattiki u proċeduri nazzjonali ta' risistemazzjoni, jipprevedi l-wasla legali u sikura fit-territorju tal-Istati Membri ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, jgħin sabiex jintnaqqas ir-riskju ta' dħul irregolari fuq skala kbira ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat fit-territorju tal-Istati Membri u b'hekk inaqqas il-pressjoni ta' wasliet spontanji fuq is-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri, ikun espressjoni ta' solidarjetà ma' pajjiżi f'reġjuni li lejhom u fihom ġew spustati numru kbir ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali billi jgħin biex titnaqqas il-pressjoni fuq dawk il-pajjiżi, jgħin biex jintlaħqu l-objettivi ta' politika barranija tal-Unjoni billi jżid l-influwenza tal-Unjoni fil-konfront ta' pajjiżi terzi, u jikkontribwixxi effettivament għal inizjattivi ta' risistemazzjoni globali permezz ta' vuċi waħda f'fora internazzjonali u ma' pajjiżi terzi.

(10)Sabiex jgħinu biex jitnaqqas ir-riskju ta' dħul irregolari fuq skala kbira ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat fit-territorju tal-Istati Membri, juru solidarjetà ma' pajjiżi f'reġjuni li lejhom jew fihom ġew spustati numru kbir ta' persuni fil-bżonn tal-protezzjoni internazzjonali billi jgħinu biex titnaqqas il-pressjoni fuq dawk il-pajjiżi, u jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ta' politika barranija tal-Unjoni, ir-reġjuni jew il-pajjiżi terzi minn fejn se sseħħ ir-risistemazzjoni għandhom jintegraw involviment imfassal ma' pajjiżi terzi biex tiġi ġestita aħjar il-migrazzjoni kif previst fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar it-Twaqqif ta' Qafas ta' Sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 32 .

(11)Sabiex jitnaqqsu d-diverġenzi fost il-prattiki u l-proċeduri nazzjonali ta' risistemazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri standard komuni u kriterji komuni ta' eliġibbiltà u raġunijiet għal esklużjoni għas-selezzjoni, kif ukoll status komuni ta' protezzjoni li jingħata lil persuni risistemati.

(12)Il-proċeduri standard komuni jenħtieġ li jibnu fuq l-esperjenza u l-istandards eżistenti ta' risistemazzjoni tal-Istati Membri, b'mod partikolari l-Proċeduri Operattivi Standard li jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-iskema ta' risistemazzjoni mat-Turkija stabbilita fid-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016. Il-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li jippermetti l-użu ta' żewġ tipi ta' proċeduri standard ta' risistemazzjoni.

(13)Iż-żewġ tipi ta' proċedura jikkonsistu mill-istadji li ġejjin: l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni u d-deċiżjoni.

(14)Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ordinarja li tippermetti valutazzjoni sħiħa tal-bżonnijiet ta' protezzjoni internazzjonali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat.

(15)Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura mħaffa bl-istess livell ta' kontrolli ta' sigurtà bħal fil-proċedura ordinarja. Madankollu, fil-proċedura mħaffa, il-valutazzjoni tal-bżonnijiet ta' protezzjoni internazzjonali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat jenħtieġ li tiġi limitata għal valutazzjoni tal-eliġibbiltà tagħhom għal protezzjoni sussidjarja mingħajr ma tiġi valutata l-kwalifika tagħhom għal status ta' rifuġjat.

(16)Il-proċedura ta' risistemazzjoni għandha tiġi konkluża malajr kemm jista' jkun sabiex il-persuni fil-bżonn tal-protezzjoni internazzjonali jiġu skoraġġuti milli jużaw modi irregolari biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea biex ifittxu protezzjoni. Fl-istess waqt, hija għandha tiżgura li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien għal analiżi sħiħa u adegwata ta' kull każ. Il-limiti ta' żmien għandhom jikkorrispondu ma' dak li huwa neċessarju biex isiru t-tipi differenti ta' valutazzjoni previsti għall-proċedura ordinarja u għal dak mgħaġġla.

(17)Kull dejta personali miġbura għall-finijiet tal-proċedura ta' risistemazzjoni għandha tinħażen għal perjodu massimu ta' ħames snin mid-data tar-risistemazzjoni. Minħabba li ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jkunu diġà ġew risistemati minn Stat Membru wieħed jew li matul l-aħħar ħames snin ikunu rrifjutaw ir-risistemazzjoni fi Stat Membru jenħtieġ li jiġu esklużi mir-risistemazzjoni fi Stat Membru ieħor, dak il-perjodu għandu jiġi kkunsidrat bħala perjodu neċessarju għall-ħżin tad-dettalji personali, inklużi marki tas-swaba' u xbihat tal-wiċċ.

(18)L-għażla tal-proċedura ta' risistemazzjoni għandha ssir għal kull skema ta' risistemazzjoni tal-Unjoni. Proċedura mħaffa tista' tkun ġustifikata għal raġunijiet umanitarji jew fil-każ ta' bżonnijiet ta' protezzjoni urġenti ġuridika jew fiżika.

(19)Ma hemm l-ebda dritt suġġettiv għar-risistemazzjoni.

(20)Sabiex ikunu jistgħu jiġu supplimentati r-regoli li jirregolaw il-proċedura li għandha tiġi applikata fl-iskemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex il-proċedura tiġi adattata għaċ-ċirkostanzi fil-pajjiż terz minn fejn isseħħ ir-risistemazzjoni, bħad-determinazzjoni tar-rwol ta' dak il-pajjiż terz fil-proċedura. Hija ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, anke fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016. 33 . B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(21)Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni, għandhom jingħataw lill-Kunsill setgħat ta' implimentazzjoni biex jistabbilixxi l-pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni, in-numru totali massimu ta' persuni li għandhom jiġu risistemati, id-dettalji dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-pjan u l-kontribuzzjonijiet tagħhom għan-numru totali ta' persuni li jridu jiġu risistemati, kif ukoll il-prijoritajiet ġeografiċi globali.

(22)Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati fuq proposta mill-Kummissjoni dwar in-numru totali massimu ta' persuni li għandhom jiġu risistemati u l-prijoritajiet ġeografiċi globali. Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-proposta tagħha simultanjament mal-proposta tagħha dwar l-abbozz tal-baġit annwali tal-Unjoni. Il-Kunsill għandu jkollu bħala mira li jadotta l-proposta fi żmien xahrejn. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom iqisu d-diskussjonijiet fil-Kumitat ta' Risistemazzjoni ta' Livell Għoli.

(23)Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tistabbilixxi skemi ta' risistemazzjoni tal-Unjoni li jistabbilixxu n-numru preċiż mill-għadd totali ta' persuni li għandhom jiġu risistemati u l-parteċipazzjoni tal-Istat Membru, konsistenti mal-pjan annwali ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni 34 . Għandha tintuża l-proċedura tal-eżami għall-istabbiliment tal-iskemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni, minħabba li dawk l-iskemi għandhom implikazzjonijiet sostanzjali. Il-Kummissjoni għandu jkollha bħala mira li tistabbilixxi malajr kemm jista' jkun skemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni wara l-adozzjoni tal-pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni u kull meta jkun meħtieġ matul il-perjodu koperti mill-pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tqis id-diskussjonijiet fil-Kumitat ta' Risistemazzjoni ta' Livell Għoli.

(24)Kull skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni għandha tiddetermina liema regoli proċedurali standard għandhom japplikaw għall-implimentazzjoni tagħha. Barra minn hekk, għandha tistabbilixxi arranġamenti ta' kooperazzjoni lokali fejn u kif xieraq biex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tagħha.

(25)Persuni risistemati għandhom jingħataw protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet dwar il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali inklużi fl-acquis dwar l-ażil jenħtieġ li japplikaw mill-mument meta l-persuni risistemati jaslu fit-territorju tal-Istati Membri, inklużi r-regoli biex jiġi skoraġġit il-moviment sekondarju ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali.

(26)F'konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat (tfassil mill-ġdid) 35 , sabiex jiġu riflessi b'mod komprensiv l-isforzi ta' kull Stat Membru, in-numru ta' persuni effettivament risistemati fi Stat Membru għandu jingħadd man-numru ta' applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bil-għan li jiġi kalkolat il-mekkaniżmu ta' allokazzjoni korrettiva propost mill-Kummissjoni.

(27)Minħabba fil-kompetenza tal-UNHCR fl-iffaċilitar tal-forom differenti ta' ammissjoni ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali minn pajjiżi terzi, fejn ikunu ġew spostati, lejn Stati Membri lesti li jaċċettawhom, il-UNHCR għandu jkompli jkollu rwol ewlieni fl-isforzi ta' risistemazzjoni mwettqa skont il-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni. Flimkien mal-UNHCR, atturi internazzjonali oħra bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) għandhom jintalbu jassistu lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni.

(28)[L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil] għandha tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni skont il-mandat tagħha.

(29)Għandu jiġi stabbilit Kumitat ta' Risistemazzjoni ta' Livell Għoli li jippermetti konsultazzjonijiet aktar wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati kollha dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni.

(30)Sforzi ta' risistemazzjoni mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament għandhom jiġu appoġġjati minn finanzjament xieraq mill-baġit tal-Unjoni. Biex jiġi permess finanzjament xieraq u sostenibbli tal-iskemi ta' risistemazzjoni huma meħtieġa emendi għar-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 .

(31)Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kapaċità tal-Istati Membri li jadottaw jew jimplimentaw l-iskemi nazzjonali ta' risistemazzjoni, li ma jipperikolawx l-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, pereżempju fejn jikkontribwixxu numru addizzjonali ta' postijiet ta' risistemazzjoni għal skemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni stabbiliti skont dan ir-Regolament li jmorru lil hinn mill-kontribuzzjoni tagħhom għan-numru massimu ta' persuni li għandhom jiġu risistemati skont il-pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni.

(32)Jenħtieġ li tiġi żgurata l-kumplimentarjetà mal-inizjattivi kurrenti ta' risistemazzjoni u ammissjoni umanitarja mwettqa fil-qafas tal-Unjoni.

(33)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ għalhekk li jiġi applikat b'mod konsistenti ma' dawn id-drittijiet u l-prinċipji, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal, ir-rispett għall-ħajja tal-familja u l-prinċipju ġenerali tan-nondiskriminazzjoni.

(34)Kull ipproċessar tad-dejta personali mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-qafas ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li jitwettaq skont ir-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta).

(35)Kull ipproċessar tad-dejta personali mill-[Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil] fil-qafas ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li jitwettaq skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 37 kif ukoll [ir-Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament dwar l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil) 38 ] u jenħtieġ li jirrispetta l-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità.

(36)L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tiġi rieżaminata simultanjament mar-rieżami tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni .

(37)[F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawn l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.]

JEW

(37)[F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll, dawn l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhumiex marbuta bih jew soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu.]

JEW

(37)[F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(37 a)F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat (, permezz tal-ittra li ġġib id-data ta' ...,) ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.]

JEW

(37)[F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika (permezz tal-ittra li ġġib id-data ta' ...) ix-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(37 a)F'konformita mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.]

(38)F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni għall-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat fit-territorju tal-Istati Membri bil-għan li jingħataw protezzjoni internazzjonali.

Artikolu 2
Risistemazzjoni

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament “risistemazzjoni” tfisser l-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali minn pajjiż terz minn fejn jew li fih ġew spostati fit-territorju tal-Istati Membri bil-għan li jingħataw protezzjoni internazzjonali.

Artikolu 3
Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni

Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni huwa hawnhekk stabbilit.

Huwa jistabbilixxi regoli dwar ir-risistemazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat fit-territorju tal-Istati Membri.

Il-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni għandu:

(a)jipprevedi l-wasla legali u sikura ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Istati Membri;

(b)jikkontribwixxi għat-tnaqqis fir-riskju ta' dħul irregolari fuq skala kbira ta' ċittadini ta' pajjiżi tersi u persuni mingħajr stat fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Istati Membri.

(c)jikkontribwixxi għal inizjattivi internazzjonali ta' risistemazzjoni.

Artikolu 4
Reġjuni jew pajjiżi terzi minn fejn isseħħ ir-risistemazzjoni

Fid-determinazzjoni tar-reġjuni jew il-pajjiżi terzi minn fejn għandha sseħħ ir-risistemazzjoni fil-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni, f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 7 u 8, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi li ġejjin:

(a)in-numru ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali spustati lejn pajjiż terz jew fih u kull moviment ulterjuri ta' dawk il-persuni lejn it-territorju tal-Istati Membri;

(b)il-kumplimentarjetà ma' assistenza finanzjarja u teknika provduta lill-pajjiżi terzi li lejhom jew fihom ġew spustati persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali;

(c)ir-relazzjonijiet globali tal-Unjoni mal-pajjiż jew pajjiżi terzi minn fejn isseħħ ir-risistemazzjoni, u ma' pajjiżi terzi inġenerali;

(d)kooperazzjoni effettiva ta' pajjiż terz mal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil, inklużi:

(i) it-tnaqqis fin-numru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat li jaqsmu l-fruntiera b'mod irregolari fit-territorju tal-Istati Membri li jiġu minn dak il-pajjiż terz;

(ii) il-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-kunċetti tal-ewwel pajjiż tal-ażil u ta' pajjiż terz bla periklu għar-ritorn tal-applikanti għall-ażil li jkunu qasmu b'mod irregolari l-fruntiera fit-territorju tal-Istati Membri li jiġu minn jew għandhom konnessjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat;

(iii) iż-żieda fil-kapaċità għall-akkoljenza u l-protezzjoni ta' persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali li jgħixu f'dak il-pajjiż, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' sistema effettiva tal-ażil; jew

(iv) iż-żieda fir-rata tar-riammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat li jgħixu b'mod irregolari fit-territorju tal-Istati Membri bħal permezz tal-konklużjoni u l-implimentazzjoni effettiva ta' ftehimiet ta' riammissjoni;

(e)l-iskala u l-kontenut tal-impenji għar-risistemazzjoni mwettqa minn pajjiżi terzi.

Artikolu 5
Kriterji ta' eliġibbiltà

Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal skemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni stabbilti skont l-Artikolu 8:

(a)(i) ċittadini ta' pajjiżi terzi, li, minħabba biża' ġustifikata ta' persekuzzjoni abbażi ta' razza, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija fi grupp soċjali partikolari, huma barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità jew il-parti ta' dak il-pajjiż li fih għexu abitwalment qabel, u ma jistgħux jew, minħabba din il-biża', ma jixtiqux jibbenefikaw mill-protezzjoni ta' dak il-pajjiż, jew persuni mingħajr stat, li, billi huma barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta' qabel jew il-parti ta' dak il-pajjiż li fiha għexu abitwalment qabel, għall-istess raġunijiet imsemmija hawn fuq, ma jistgħux jew, minħabba din il-biża', ma jixtiqux jirritornaw fih jew jgħixu fih, jew, fl-assenza ta' dan,

(ii) ċittadini ta' pajjiżi terzi, li huma barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità jew il-parti ta' dak il pajjiż li fiha għexu abitwalment qabel, jew persuni mingħajr stat li huma barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta' qabel jew il-parti ta' dak il-pajjiż li fiha għexu abitwalment qabel, u fir-rigward ta' liema ntwerew raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li, jekk jintbagħtu lura jew jibqgħu jgħixu fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew ir-residenza abitwali ta' qabel tagħhom, jiffaċċjaw riskju reali li jsofru dannu serju, u ma jistgħux, jew, minħabba dan ir-riskju, ma jixtiqux jibbenefikaw mill-protezzjoni ta' dak il-pajjiż;

(b)ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat li jaqgħu tal-inqas f'waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(i) persuni vulnerabbli

nisa u bniet f'riskju;

tfal u adoloxxenti f'riskju, inklużi tfal mhux akkumpanjati;

dawk li jkunu sofrew vjolenza u/jew tortura, inkluż abbażi tal-ġeneru;

persuni bi bżonnijiet legali u/jew ta' protezzjoni fiżika;

persuni bi bżonnijiet mediċi jew diżabilitajiet; jew

persuni b'vulnerabbiltà soċjoekonomika;

(ii) membri tal-familja ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat jew ċittadini tal-Unjoni li jgħixu legalment fi Stat Membru:

il-konjuġi jew is-sieħeb mhux miżżewweġ f'relazzjoni stabbli, fejn il-liġi jew il-prattika tal-Istat Membru kkonċernat tittratta lill-koppji mhux miżżewġa b'mod paragunabbli għal koppji miżżewġa skont il-liġi tiegħu li tirrigwardja ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat;

it-tfal minorenni ta' koppji li jirreferi għalihom l-ewwel inċiż jew ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li għandhom jiġu risistemati, fuq il-kundizzjoni li mhumiex miżżewġin u irrispettivament minn jekk twildux ġewwa jew barra ż-żwieġ jew humiex adottati kif iddefinit fil-liġi nazzjonali;

il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-minorenni mhux miżżewweġ li se jiġi risistemat, kemm skont il-liġi kif ukoll skont il-prattika tal-Istat Membru fejn l-adult huwa preżenti;

ħut iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li għandhom jiġu risistemati;

ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li għandhom jiġu risistemati li huma dipendenti fuq it-tifel jew it-tifla jew ġenitur tagħhom għal assistenza bħala riżultat ta' tqala, tarbija ġdida, mard serju, diżabilità serja jew anzjanità, sakemm ir-rabtiet tal-familja jkunu eżistew fil-pajjiżi ta' oriġini, dak it-tifel jew tifla jew il-ġenitur huma kapaċi jieħdu ħsieb il-persuni dipendenti u l-persuni kkonċernati esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub;

(c)ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951, li jirrigwardja l-protezzjoni jew l-assistenza minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti oħra għajr il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (“UNHCR”);

(d)ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li ma ġewx rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż li fih huma preżenti jew fejn qed jgħixu bħala li għandhom id-drittijiet u l-obbligi li huma marbuta mal-pussess tan-nazzjonalità ta' dak il-pajjiż, jew drittijiet u obbligi ekwivalenti għal dawk.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tkun tista' tinżamm bejn persuni msemmija fil-punt (b)(ii).

Artikolu 6
Raġunijiet għall-esklużjoni

1.Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat għandhom jiġu esklużi minn skemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni skont l-Artikolu 8;

(a)persuni li għalihom hemm raġunijiet raġonevoli biex jiġi kkunsidrat li:

(i) huma jkunu kkommettew delitt kontra l-paċi, delitt ta' gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

(ii) huma jkunu kkommettew delitt serju;

(iii) huma jkunu nstabu ħatja ta' atti kontra l-finijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif dikjarat fil-Preamblu u fl-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

(b)persuni li għalihom hemm raġunijiet raġonevoli biex jiġi kunsidrat li huma periklu għall-komunità, il-politika pubblika, is-sigurtà, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istat Membru li qed jeżamina l-fajl ta' risistemazzjoni, inkluż fejn Stat Membru ieħor ikun talab lill-Istat Membru li qed jeżamina l-fajl ta' risistemazzjoni biex jikkonsulta lil dak it-tieni Stat Membru matul l-eżami fir-rigward ta' ċittadini speċifiċi ta' pajjiż terzi jew persuni mingħajr stat jew kategoriji speċifiċi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, fejn dak it-tieni Stat Membru jkun oġġezzjona għar-risistemazzjoni tagħhom għal dawn ir-raġunijiet;

(c)persuni li għalihom tkun inħarġet twissija fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen jew f'bażi tad-dejta nazzjonali ta' Stat Membru għall-finijiet li jiġi rifjutat id-dħul;

(d)persuni li jkunu għexu b'mod irregolari, daħlu b'mod irregolari, jew ipprovaw jidħlu b'mod irregolari fit-territorju tal-Istati Membri matul il-ħames snin qabel ir-risistemazzjoni;

(e)persuni li jkunu diġà ġew risistemati minn Stat Membru ieħor fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill 11097/15 tal-20 ta' Lulju 2015, id-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9490 tal-15 ta' Diċembru 2015, jew skema nazzjonali ta' ristemazzjoni; u

(f)persuni li l-Istati Membri jkunu rrifjutaw li jirrisistemaw matul l-aħħar ħames snin qabel ir-risistemazzjoni skont dan il-paragrafu.

Il-punt (a) ta' dan il-paragrafu japplika għal persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq tad-delitti jew atti msemmija fih.

2.Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat jistgħu jiġu esklużi mill-iskemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni stabbiliti skont l-Artikolu 8, meta waħda mir-raġunijiet għall-esklużjoni msemmija fil-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1 tkun tapplika prima facie.

Artikolu 7
Pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni

1.Abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jadotta pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni fis-sena ta' qabel dik li fiha għandu jiġi implimentat.

2.Il-pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni għandu jinkludi:

(a)in-numru totali massimu ta' persuni li għandhom jiġu risistemati;

(b)dettalji dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni u l-kontribuzzjonijiet tagħhom għan-numru totali ta' persuni li għandhom jiġu risistemati.

(c)prijoritajiet ġeografiċi globali.

Artikolu 8
Skemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni

1.Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu skemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni konsistenti mal-pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni adottat skont l-Artikolu 7. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu15(2).

2.Skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni għandha tinkludi tal-inqas:

(a)ġustifikazzjoni dettaljata għall-iskema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni;

(b)in-numru preċiż ta' persuni li għandhom jiġu risistemati min-numru totali massimu kif stabbilit fil-pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni previst fi-punt (a) tal-Artikolu 7(2) u dettalji dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fl-iskema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni;

(c)l-ispeċifikazzjoni tar-reġjuni jew il-pajjiżi terzi minn fejn se sseħħ ir-risistemazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4;

(d)fejn meħtieġ, arranġamenti ta' koordinazzjoni lokali u kooperazzjoni prattika fost l-Istati Membri, appoġġjati minn [l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil] skont l-Artikolu 12(3), u ma' pajjiżi terzi, u l-UNHCR jew imsieħba oħra;

(e)deskrizzjoni tal-grupp jew gruppi speċifiċi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li għalihom għandha tapplika l-iskema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni;

(f)jekk il-proċedura ordinarja stabbilita fl-Artikolu 10 jew il-proċedura mħaffa stabbilita fl-Artikolu 11 għandhomx jiġu applikati filwaqt li jiġi speċifikat fejn meħtieġ kif l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat għandhom jitwettqu u l-perjodu ta' żmien għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar ir-risistemazzjoni;

(g)id-data li fiha għandha tidħol fis-seħħ l-iskema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni u t-tul ta' żmien tagħha.

Artikolu 9
Kunsens

Il-proċeduri ta' risistemazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 għandhom japplikaw għal ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jkunu taw il-kunsens tagħhom biex jiġu risistemati u ma jkunux irtiraw sussegwentement il-kunsens tagħhom, inkluż ir-rifjut ta' risistemazzjoni fi Stat Membru partikolari.

Artikolu 10
Proċedura ordinarja

1.Fl-implimentazzjoni ta' skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat u jivvalutaw jekk dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu preferenza inter alia lil ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat permezz ta':

(a)rabtiet familjari ma' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat jew ċittadini tal-Unjoni li qed jgħixu legalment fi Stat Membru;

(b)rabtiet soċjali jew kulturali, jew karatteristiċi oħra li jistgħu jiffaċilitaw l-integrazzjoni fl-Istat Membru parteċipanti, sakemm dan ikun mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, sħubija f'minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, mingħajr preġudizzju għal differenzi fit-trattament meħtieġa għall-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu;

(c)bżonnijiet ta' protezzjoni jew vulnerabbiltajiet partikolari .

2.Wara l-identifikazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja għal dawk li għalihom għandhom l-intenzjoni li jwettqu l-proċedura ta' risistemazzjoni:

(a)l-isem, id-data tat-twelid, il-ġeneru, in-nazzjonalità u dettalji personali oħra

(b)il-marki tas-swaba' tas-swaba' kollha u x-xbieha tal-wiċċ ta' kull ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li jkollhom mill-inqas sitt snin.

(c)it-tip u n-numru ta' kwalunkwe dokument tal-identità jew tal-ivjaġġjar taċ-ċittadin tal-pajjiż terz; u

(d)id-data tar-reġistrazzjoni, il-post fejn issir ir-reġistrazzjoni u l-awtorità li tagħmel ir-reġistrazzjoni.

Dejta addizzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 3 u 4 tista' tinġabar ukoll fil-ħin tar-reġistrazzjoni.

3.L-Istati Membri għandhom jivvalutaw jekk iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat imsemmija fil-paragrafu 2 jissodisfawx il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 5 u jekk humiex esklużi skont l-Artikolu 6(1).

L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik il-valutazzjoni abbażi ta' evidenza dokumentarja, inkluż, fejn applikabbli, informazzjoni mill-UNHCR dwar jekk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat jikkwalifikawx bħala rifuġjati jew abbażi ta' intervista personali jew kombinazzjoni tat-tnejn.

4.L-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni dwar ir-risistemazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard minn tmien xhur mir-reġistrazzjoni tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jestendu dak il-limitu ta' żmien ta' tmien xhur b'perjodu ta' mhux aktar minn erba' xhur, fejn huma involuti kwistjonijiet kumplessi ta' fatt jew liġi.

5.L-Istati Membri għandhom jaħżnu d-dejta msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 għal ħames snin mid-data tar-risistemazzjoni.

Mal-iskadenza ta' dak il-perjodu, l-Istati Membri għandhom iħassru d-dejta. L-Istati Membri għandhom iħassru dejta relatata ma' persuna li tkun kisbet ċittadinanza ta' kwalunkwe Stat Membru qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu malli l-Istat Membru jsir konxju li l-persuna kkonċernata tkun akkwistat dik iċ-ċittadinanza.

6.Fejn tittieħed deċiżjoni negattiva, ma għandha sseħħ l-ebda risistemazzjoni tal-persuna kkonċernata.

7.Fejn tittieħed deċiżjoni pożittiva, l-Istat Membru għandu:

(a)jagħti status ta' rifuġjat fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jew il-persuna mingħajr stat ikkonċernati jikkwalifikaw bħala rifuġjat jew għal status ta' protezzjoni sussidjara fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jew il-persuna mingħajr stat ikkonċernati jkunu eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. L-Istat Membru għandu jinnotifika liċ-ċittadin ta' pajjiż terz jew il-persuna mingħajr stat ikkonċernata dwar dik id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni li jingħata status ta' rifuġjat jew status ta' protezzjoni sussidjarja għandu jkollha l-istess effett bħal deċiżjoni li jingħata status ta' rifuġjat jew li jingħata status ta' protezzjoni sussidjarja msemmija fl-Artikoli 13 u 19 tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXX [ir-Regolament dwar il-Kwalifika], ladarba l-persuna kkonċernata tkun daħlet fit-territorju ta' Stat Membru;

(b)joffri li jagħmel l-arranġamenti għall-vjaġġ, inklużi kontrolli mediċi biex ikun żgurat li l-persuna tkun f'kundizzjoni li tivvjaġġa, u jipprovdi trasferiment lejn it-territorju tagħhom mingħajr ħlas, u dik l-offerta għandha tinkludi, fejn meħtieġ, l-iffaċilitar ta' proċeduri ta' ħruġ fil-pajjiż terz minn fejn ikun ġie ammess iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jew il-persuna mingħajr stat;

(c)joffri programm ta' orjentazzjoni qabel it-tluq liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, li jista' jinkludi informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, klassijiet tal-lingwa, u informazzjoni dwar l-ambjent soċjali, kulturali u politiku tal-Istat Membru.

8.Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-proċedura ordinarja, qabel ma jiġu identifikati ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-UNHCR, jew fejn applikabbli, [l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil] jew korpi internazzjonali rilevanti biex jirreferulhom ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li fir-rigward tagħhom dawk l-entitajiet ikunu vvalutaw b'mod sħiħ:

(a)jekk jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-iskema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni; u

(b)jekk jaqgħux f'xi waħda mill-kategoriji ta' vulnerabbiltà stabbiliti fil-punt (b)(i) tal-Artikolu 5.

L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-UNHCR jivvaluta b'mod sħiħ jekk ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat riferuti lilhom mill-UNHCR jikkwalifikawx bħala rifuġjati fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951.

L-Istati Membri jistgħu jitolbu wkoll li jitqiesu, fost l-oħrajn, il-kriterji stabbiliti fil-punti (a) sa (c) tal-paragrafu 1.

9.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 biex jiġu supplimentati l-elementi msemmija fil-paragrafi 1 sa 4, sabiex il-proċedura ta' risistemazzjoni tiġi adattata għaċ-ċirkostanzi fil-pajjiż terz minn fejn isseħħ ir-risistemazzjoni fejn ikun meħtieġ.

Artikolu 11
Proċedura mħaffa

Fejn l-att ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jadotta skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni jipprevedi proċedura mħaffa, u bħala deroga mill-Artikolu 10, l-Istati Membri:

(1)ma għandhomx jivvalutaw jekk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmija fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 5;

(2)ma għandhomx jitolbu lill-UNHCR jivvaluta jekk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat jikkwalifikawx bħala rifuġjati fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951;

(3)għandhom jieħdu deċiżjoni dwar ir-risistemazzjoni malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn erba' xhur wara r-reġistrazzjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz imsemmija fl-Artikolu 10(2); l-Istati Membri jistgħu jestendu dak il-limitu ta' żmien ta' erba' xhur b'perjodu ta' mhux aktar minn xahrejn, fejn ikunu involuti kwistjonijiet kumplessi ta' fatt jew liġi.

(4)għandhom jagħtu liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew lill-persuni mingħajr stat ikkonċernati l-istatus ta' protezzjoni sussidjarja.

L-istatus ta' protezzjoni sussidjarja mogħti abbażi tal-punt (4) għandu jiġi kkunsidrat bħala terminat meta tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula mill-benefiċjarju ta' dak l-istatus.

Artikolu 12
Kooperazzjoni operazzjonali

1.Biex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tal-iskemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jaħtru punti ta' kuntatt nazzjonali u jistgħu jiddeċiedu li jaħtru uffiċjali ta' kollegament f'pajjiżi terzi.

2.[L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil] tista' tappoġġja lill-Istati Membri, inkluż permezz tal-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni teknika bejniethom, filwaqt li tassistihom fl-implimentazzjoni ta' skemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni u tiffaċilita l-kondiviżjoni ta' infrastruttura skont [ir-Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament dwar l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil) 39 ].

3.Biex jiġu implimentati skemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni, u b'mod partikolari biex jitwettqu programmi ta' orjentazzjoni qabel it-tluq, kontrolli mediċi biex ikun żgurat li l-persuna tkun f'kundizzjoni li tivvjaġġa, arranġamenti tal-ivjaġġjar u arranġamenti prattiċi oħra, l-Istati Membri jistgħu jiġu assistiti minn sħab skont l-arranġamenti ta' koordinazzjoni lokali u kooperazzjoni prattika għal skemi ta' risistemazzjoni mmirati tal-Unjoni stabbiliti skont il-punt (d) tal-Artikolu 8(2).

Artikolu 13
Kumitat ta' Risistemazzjoni ta' Livell Għoli

1.Għandu jiġi stabbilit Kumitat ta' Risistemazzjoni ta' Livell Għoli, kompost minn rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u l-Istati Membri. [L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil,] il-UNHCR, u l-IOM jistgħu jiġu mistiedna. Rappreżentanti tal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, u l-Iżvizzera għandhom jiġu mistiedna biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat ta' Risistemazzjoni ta' Livell Għoli fejn ikunu indikaw l-intenzjoni tagħhom li jiġu assoċjati mal-implimentazzjoni tal-pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni.

2.Il-Kumitat ta' Risistemazzjoni ta' Livell Għoli għandu jiġi presedut mill-Kummissjoni. Għandu jiltaqa' kull meta jkun meħtieġ fuq l-istedina tal-Kummissjoni jew fuq talba ta' Stat Membru u għandu jiltaqa' tal-inqas darba fis-sena.

3.Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Kumitat ta' Risistemazzjoni ta' Livell Għoli dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni.

Artikolu 14
Eżerċizzju tad-delega

1.Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 10(9) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 10(9) tista' tiġi revokata f'kull mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016. 40 .

5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 10(9) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma jkunux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 15
Proċedura ta' kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 16
Assoċjazzjoni mal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera

L-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera għandhom ikunu mistiedna li jkunu assoċjati mal-implimentazzjoni tal-pjan annwali ta' risistemazzjoni tal-Unjoni. L-elementi ewlenin ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dawk relatati mal-proċedura ta' risistemazzjoni u mad-drittijiet u l-obbligi ta' persuni risistemati, għandhom jitqiesu kif mistħoqq f'dik l-assoċjazzjoni.

Artikolu 17
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 516/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)fl-Artikolu 1, jitħassar il-punt (d) tal-paragrafu 2.

(2)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a) “risistemazzjoni” tfisser l-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali minn pajjiż terz li ġew spostati lejh jew fih, fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri bil-ħsieb li jingħataw protezzjoni internazzjonali”;

(b)jiddaħħlu dawn il-punti (aa) u (ab):

"(aa) “Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni” tfisser il-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni stabbilit skont [ir-Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament dwar il-Qafas ta' Risistemazzjoni)];

(ab) “skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni” tfisser skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni stabbilita skont l-Artikolu 15(2) tar-[Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament dwar il-Qafas ta' Risistemazzjoni)]”.

(3)L-Artikolu 17 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 17

Riżorsi għall-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni

1.Flimkien mal-allokazzjoni tagħhom ikkalkolata skont il-punt (a) tal-Artikolu 15(1), l-Istati Membri għandhom jirċievu, għal kull persuna risistemata skont skema ta' risistemazzjoni mmirata tal-Unjoni, somma f'daqqa ta' EUR 10 000.

2.L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi allokat lill-Istati Membri fid-deċiżjonijiet ta' finanzjament individwali li japprovaw il-programm nazzjonali rivedut tagħhom f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 514/2014.

3.Kull Stat Membru li lilu jkun ġie allokat ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi fil-kontijiet annwali previsti fl-Artikolu 39 in-numru ta' persuni li jikkwalifikaw għall-ammont. Trasferimenti ta' dan l-ammont lil azzjonijiet oħra skont il-programm nazzjonali ma għandhomx ikunu possibbli sakemm ma jkunux approvati b'mod espliċitu mill-Kummissjoni permezz ta' reviżjoni tal-programm nazzjonali.

4.L-Istati Membri għandhom iżommu l-informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista' ssir l-identifikazzjoni xierqa tal-persuni risistemati u tad-data tar-risistemazzjoni tagħhom.

5.Allokazzjonijiet li jsiru qabel [id-data tad-dħul fis-seħħ tar-[Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament dwar il-Qafas ta' Risistemazzjoni)] ma għandhomx jiġu affettwati.”

(4)it-terminu “Programm ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni” huwa sostitwit bit-terminu “Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni”.

(5)L-Anness III jitħassar.

Artikolu 18
Evalwazzjoni u Rieżami

1.Sal-31 ta' Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-Istati Membri.

2.L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-[Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil] bl-informazzjoni neċessarja għat-tfassil tar-rapport tagħha għall-finijiet tal-paragrafu 1 flimkien mal-informazzjoni provduta lill-[Aġenzija Ewropea għall-Ażil] dwar in-numru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat risistemati effettivament fuq bażi ta' kull ġimgħa kif stabbilit fl-Artikolu 22(3) tar-[Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament ta' Dublin)].

3.Abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, filwaqt illi jqisu r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, jeżaminaw dan ir-Regolament sat-30 ta' Ġunju 2020.

Artikolu 19
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-[…] jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) COM(2015) 240 final.
(2) Amnesty International, CCME, ECRE, ICMC, u Save me.
(3) COM(2016) 197 final.
(4) 11097/15.
(5) C(2015) 3560 final.
(6) Referenza għar-rapport li se jiġi adottat fit-13 ta' Lulju.
(7) C(2015) 9490.
(8) COM(2016) 171 final.
(9) COM(2016) 270 final.
(10) COM(2016) 272 final.
(11) COM(2016) 271 final.
(12) COM(2016) xxx final.
(13) COM(2016) xxx final.
(14) COM(2016) xxx final.
(15) COM(2016) 377 final.
(16) COM(2016) 385 final.
(17) Ir-Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament dwar il-Kwalifika).
(18) Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen).
(19) L-Artikolu 34(3) tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament ta' Dublin).
(20) L-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament dwar il-Kwalifika).
(21) L-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXX (Ir-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil).
(22) COM(2016) 385 final.
(23) ĠU C , , p. .
(24) ĠU C , , p. .
(25) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “It-Teħid ta' Azzjoni għal Ġestjoni Aħjar ta' Flussi Migratorji”, il-laqgħa tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, tal-10 ta' Ottubru 2014.
(26) COM(2015) 240 final.
(27) C(2015) 3560 final.
(28) 11097/15.
(29) C(2015) 9490.
(30) COM(2016) 197 final. 
(31) 2015/2095(INI).
(32) COM(2016) 377 final.
(33) ĠU L123, 12.05.2016, p. 1.
(34) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(35) COM(2016) 270 final.
(36) Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.05.2014, p. 168).
(37) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta ( ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(38) ĠU L […], […], p. […].
(39) ĠU L […], […], p. […].
(40) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.