Brussell, 6.6.2016

COM(2016) 371 final

2016/0172(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar sistema ta' spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri f'servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE

{SWD(2016) 189 final}
{SWD(2016) 190 final}


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fl-ispirtu tal-aġenda tal-Kummissjoni għal REFIT u għal Regolamentazzjoni Aħjar u bħala segwitu immedjat għall-kontroll tal-idoneità fuq il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri 1 , il-Kummissjoni qed tressaq sett ta' proposti biex tikseb il-potenzjal identifikat ta' simplifikazzjoni.

L-objettivi ta' din ir-reviżjoni huma li jissimplifikaw il-qafas regolatorju eżistenti tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri, sabiex (i) jinżammu r-regoli tal-UE fejn meħtieġ u b'mod proporzjonat; (ii) tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tagħhom; u (iii) tiġi eliminata d-duplikazzjoni potenzjali tal-obbligi u l-inkonsistenzi bejn biċċiet relatati ta' leġiżlazzjoni. L-objettiv globali huwa li jiġi pprovdut qafas legali ċar, sempliċi u aġġornat li jkun aktar faċli biex jiġi implimentat, immonitorjat u infurzat, biex b'hekk jiżdied il-livell globali ta' sikurezza.

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE 2 tipprovdi għal numru ta' tipi ta' spezzjonijiet li jindirizzaw karatteristiċi partikolari tas-sikurezza ta' laneċ ro-ro u ta' bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja (HSC). Dawn jindirizzaw riskji speċifiċi relatati ma' gverti tal-vetturi indiviżi li jagħtu lok għal vulnerabbiltajiet għall-istabbiltà u għan-nirien, attività intensa ħafna, riskji ta' ċaqliq tal-merkanzija, kwistjonijiet dwar is-siġillar mill-ilma, rampi li jitilgħu u tkagħbir bl-użu.

Minkejja l-fatt li r-reġim speċjali tal-ispezzjoni għal dawn il-vapuri jibqa' meħtieġ, ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva m'għadhomx jaqblu mar-realtajiet. Is-sitwazzjoni llum hija differenti b'mod sinifikanti meta mqabbla ma' kważi 20 sena ilu meta ġiet adottata d-Direttiva 1999/35/KE. F'dak iż-żmien, l-UE kellha 15-il Stat Membru u kien hemm numru sinifikanti ta' ro-pax u HSC jinnegozjaw b'mod regolari bejn l-UE u Stati terzi. Barra minn hekk, sa minn dak iż-żmien, ir-reġim tal-kontroll tal-Istat tal-port issaħħaħ, b'mod speċjali wara li daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 3 li tistabbilixxi reġim ta' spezzjoni bbażat fuq ir-riskju u tinkludi numru minimu ta' spezzjonijiet fuq vapuri b'riskju għoli li l-Istati Membri għandhom iwettqu.

Illum, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri jikkombinaw jew jissostitwixxu xi wħud mill-ispezzjonijiet meħtieġa skont id-Direttiva 1999/35/KE bi stħarriġ tal-Istat tal-bandiera jew spezzjonijiet ta' kontroll tal-Istat tal-port. B'din il-prattika l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' din id-Direttiva huma problematiċi, minħabba l-ambitu differenti ta' dawn l-ispezzjonijiet u d-duplikazzjonijiet regolatorji. B'mod partikolari, il-qafas legal jippermetti li spezzjoni ta' kontroll tal-Istat tal-port tiġi ssostitwita bi stħarriġ skont id-Direttiva 1999/35/KE. Madankollu, minħabba li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 1999/35/KE ma jinkludix l-elementi kollha koperti mill-kontroll tal-Istat tal-port, din id-duplikazzjoni fil-fatt toħloq lakuna regolatorja.

Għalhekk qed jiġi propost li jiġu aġġornati, iċċarati u ssimplifikati r-rekwiżiti eżistenti tal-istħarriġ għal-laneċ ro-ro u l-HSC filwaqt li jinżammu l-istess livell ta' sikurezza u l-istess mekkaniżmi ta' twassil ewlenin. Dan huwa kompletament konformi mal-programm REFIT tal-Kummissjoni u għandu l-għan li jinnazzjonalizza aktar l-isforz tal-ispezzjoni tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u li jimmassimizza l-ħin li fih il-vapur ikun jista' jiġi sfruttat kummerċjalment.

F'dan il-kuntest, sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u l-koerenza, il-proposta tħassar id-Direttiva attwali u tissostitwixxiha b'Direttiva ġdida. Tinkludi wkoll tibdil anċillari għad-Direttiva 2009/16/KE.

1.2Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika

Il-proposta hija kompletament konsistenti mal-proposti ta' simplifikazzjoni li jemendaw id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 u d-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE 5 . Tiżgura konsistenza mad-Direttiva 2009/16/KE billi tinkludi tibdil anċillari li jemendaha. Dan it-tibdil anċillari huwa strettament limitat għal dak meħtieġ biex jiżgura koerenza mal-proposta preżenti u bl-ebda mod ma jħalli impatt fuq l-evalwazzjoni li ġejja tad-Direttiva 2009/16/KE. Il-proposta hija kompletament konformi mar-rakkomandazzjonijiet dwar il-kontroll tal-idoneità u l-White Paper tal-2011 dwar il-futur tat-trasport 6 li rrikonoxxew il-ħtieġa li jiġi mmodernizzat il-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri.

1.3Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta twettaq l-aġenda tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar billi tiżgura li l-leġiżlazzjoni eżistenti tkun sempliċi u ċara, ma toħloqx piż bla bżonn u żżomm il-pass mal-iżviluppi politiċi, soċjetali u teknoloġiċi li qed jevolvu. Twettaq ukoll l-għanijiet tal-Istrateġija tat-Trasport Marittimu tal-2018 7 billi tiżgura servizzi bil-laneċ ta' kwalità fit-trasport tal-passiġġieri regolari intra-UE.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

2.1Bażi legali

Billi l-proposta tissostitwixxi d-Direttiva attwali, il-bażi legali tibqa' l-Artikolu 100(2) tat-TFUE (ex Artikolu 80(2) tat-TKE), li jipprovdi għal miżuri fil-qasam tat-trasport bil-baħar.

2.2Sussidjarjetà

Fuq talba tal-Istati Membri 8 , il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri ġiet immudellata u mfassla l-aktar fuq ir-rekwiżiti internazzjonali u b'reazzjoni għal numru ta' inċidenti kbar (eż. l-inċidenti bil-Herald of Free Enterprise, l-Estonja). Ħafna Stati Membri huma kkonċernati bħala Stati tal-bandiera kif ukoll bħala Stati tal-port.

Minkejja li ġew adottati regoli komuni fil-livell tal-UE għall-vapuri tal-passiġġieri, inkluż il-laneċ ro-ro u l-HSC li jbaħħru fuq vjaġġi domestiċi, dan mhuwiex il-każ għal vjaġġi internazzjonali fejn japplikaw konvenzjonijiet internazzjonali. Il-konvenzjonijiet internazzjonali jippermettu possibbiltajiet konsiderevoli ta' deroga u interpretazzjonijiet diverġenti tal-istandards tas-sikurezza. Il-passiġġieri li jivvjaġġaw fl-UE għandhom id-dritt li jistennew l-istess livell ta' sikurezza irrispettivament mit-tip ta' vapuri jew mis-servizz li qed jużaw.

Fin-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' infurzar fil-livell internazzjonali, ir-reġim ta' perizja tal-UE applikabbli kemm għal vapuri tal-passiġġieri domestiċi kif ukoll internazzjonali jibqa' prerekwiżit biex jinżamm standard għoli ta' salvagwardja tal-ħajja għall-vapuri tal-passiġġieri u biex jiġi eliminat it-trasport marittimu ta' livell inferjuri. Jiggarantixxi wkoll li jkun hemm kompetizzjoni fuq l-istess livell fl-ilmijiet tal-UE għall-operaturi kollha irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom jew mill-bandiera li jtajru l-vapuri u l-bċejjeċ tal-baħar tagħhom u mingħajr distinzjoni bejn vjaġġi internazzjonali u domestiċi. Għalhekk, il-kundizzjonijiet armonizzati għall-operazzjoni ta' laneċ ro-ro u HSC lejn u minn portijiet tal-UE u l-livell komuni ta' sikurezza ma setgħux jinkisbu b'azzjoni unilaterali fil-livell tal-Istati Membri.

2.3Proporzjonalità

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi teknoloġiċi u legali, il-proposta biex jiġu ċċarati r-rekwiżiti eżistenti, jitneħħew id-duplikazzjonijiet u l-kunċetti skaduti, hija meqjusa bħala l-unika għażla proporzjonata u koerenti. Tiżgura li l-livell attwali għoli ta' sikurezza ma jiġix kompromess u jippermetti għal użu aħjar tar-riżorsi, immirar aħjar u rekwiżiti tas-sikurezza aktar ċari.

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, id-Direttiva tibqa' meqjusa bħala l-aktar forma xierqa biex jinkisbu l-objettivi identifikati. Din tistabbilixxi prinċipji komuni u livell armonizzat ta' sikurezza, tiżgura l-infurzar tar-regoli, imma tħalli l-għażla tal-proċeduri prattiċi u tekniċi li jiġu applikati f'idejn kull Stat Membru. Permezz ta' dan, tħalli r-responsabbiltà f'idejn kull Stat Membru biex jiddeċiedi dwar l-għodod ta' implimentazzjoni li jixirqu l-aħjar għas-sistema interna tiegħu. Direttiva tiżgura wkoll li l-objettiv tas-simplifikazzjoni ta' din il-proposta jinkiseb sa fejn hu possibbli.

2.4L-għażla tal-istrument

Sabiex jiġi żgurat abbozzar legali ċar u konsistenti, l-aktar soluzzjoni adegwata nstabet li tkun il-proposta għal Direttiva ġdida li tissostitwixxi dik eżistenti. L-għażla alternattiva li jiġi propost sett ta' emendi għad-Direttiva attwali twarrbet abbażi tan-numru sinifikanti ta' tibdil u t-tip tiegħu li kellu jsir fid-Direttiva attwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

3.1L-evalwazzjonijiet ex-post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-verifika tal-idoneità wriet li l-objettivi prinċipali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri relatati mas-sikurezza tal-passiġġieri u mas-suq intern qed jiġu ssodisfati b'mod ġenerali u jibqgħu rilevanti ħafna. Il-qafas legali tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri rriżulta f'livell komuni ta' sikurezza għall-vapuri tal-passiġġieri fl-UE u kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi kif ukoll żieda fit-trasferiment ta' vapuri bejn l-Istati Membri. Il-kontroll tal-idoneità wera wkoll li hemm skop għal aktar tisħiħ fil-livell tas-sikurezza kif ukoll fl-effiċjenza u l-proporzjonalità ta' xi wħud mir-rekwiżiti regolatorji. Saru rakkomandazzjonijiet f'numru ta' oqsma biex jiġu ssimplifikati, iċċarati u mħassra numru ta' rekwiżiti ambigwi, skaduti jew idduplikati:

(a)Jiġu evitati duplikazzjonijiet bejn l-istħarriġ speċifiku skont id-Direttiva 1999/35/KE u l-ispezzjonijiet estiżi previsti skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/16/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 428/2010.

(b)Jiġu evitati duplikazzjonijiet bejn l-istħarriġ speċifiku skont id-Direttiva 1999/35/KE u l-istħarriġ annwali tal-Istat tal-bandiera previst fid-Direttiva 2009/21/KE (li tikkonċerna l-vjaġġi internazzjonali) u d-Direttiva 2009/45/KE (li tikkonċerna l-vjaġġi domestiċi).

(c)Jiġi eliminat il-kunċett żejjed tal-istat ospitanti previst skont id-Direttiva 1999/35/KE (filwaqt li tinżamm il-possibbiltà ta' spezzjonijiet konġunti) u t-terminu "stħarriġ" jiġi ssostitwit bi "spezzjoni".

(d)Jiġi ċċarat li l-perjodu ta' żmien bejn iż-żewġ spezzjonijiet annwali ta' vapuri ro-pax fid-Direttiva 1999/35/KE li huma maħsuba biex isiru f'intervalli regolari ta' sitt xhur.

3.2Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba n-natura teknika tal-proposti previsti, intgħażlet il-konsultazzjoni mmirata bħala l-għodda l-aktar adegwata. L-esperti nazzjonali ġew ikkonsultati fil-qafas tal-Grupp ta' Esperti dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri. Ġiet organizzata sessjoni ta' ħidma li għaliha kienu mistiedna jipparteċipaw l-Istati Membri kif ukoll l-industrija u l-assoċjazzjonijiet tal-passiġġieri. Il-miżuri previsti ġew ippreżentati f'diversi okkażjonijiet. Barra minn hekk, il-pjan direzzjonali ppubblikat fis-sit web Europa 9 ippermetta lill-partijiet ikkonċernati kollha jipprovdu l-feedback permezz ta' formola ta' tweġiba online.

Is-sommarju tal-konsultazzjoni kif ukoll il-feedback dettaljat imqajjem matul il-proċess tal-konsultazzjoni jinsabu fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkompanja l-proposta. Il-miżuri ta' simplifikazzjoni previsti ġew appoġġati mill-maġġoranza l-kbira tal-esperti nazzjonali, minkejja li saru numru ta' kummenti fir-rigward tal-kliem eżatt ta' xi wħud mill-proposti. Is-suġġerimenti kollha ġew għalhekk riveduti bir-reqqa u l-proposti emendati kif xieraq. Barra minn hekk, xi esperti qajmu mistoqsijiet li jikkonċernaw l-aspetti prattiċi u tekniċi tal-implimentazzjoni, li ġew indirizzati fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkompanja l-proposta u jinsabu inkorporati fil-Pjan ta' Implimentazzjoni.

Il-partijiet ikkonċernati mill-industrija insistew li l-prinċipji ewlenin tal-qafas legali attwali baqgħu l-istess filwaqt li l-assoċjazzjoni tal-passiġġieri talbet għal titjib fil-livell tas-sikurezza u wissiet kontra d-dilwizzjoni tiegħu. Il-proposta għalhekk tiżgura li l-livell eżistenti ta' sikurezza jinżamm u, sa fejn possibbli fil-qafas ta' simplifikazzjoni, jiżdied (eż. billi jiġi ċċarat li r-regolarità taż-żewġ spezzjonijiet annwali taħt id-Direttiva attwali hija maħsuba li tinżamm f'intervalli spazjati ta' sitt xhur).

3.3Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Din ir-reviżjoni tibni primarjament fuq id-dejta miġbura matul il-proċess tal-kontroll tal-idoneità kif irrapportat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Naġġustaw id-direzzjoni: Verifika tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri fl-UE", adottat fis-16 ta' Ottubru 2015 10 .

Minbarra d-dejta u l-konsultazzjoni mwettqa fil-qafas tal-kontroll tal-idoneità, it-tħejjija ta' din il-proposta ta' simplifikazzjoni ħtieġet il-kontribut ta' esperti tekniċi u legali rigward il-formolazzjoni konkreta ta' definizzjonijiet tekniċi u abbozzar legali ċar. Dan l-għarfien espert inġabar internament, f'kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u l-Grupp ta' Esperti dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri. Dan jinsab irrapportat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkompanja l-proposta.

3.4Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta hija segwitu immedjat għall-kontroll tal-idoneità li identifika l-kwistjonijiet għas-simplifikazzjoni fid-dettall u vvaluta l-potenzjal għas-simplifikazzjoni. Kif enfasizzat fil-pjan direzzjonali, jista' jkun li l-miżuri previsti mhumiex mistennija jiġġeneraw impatti sinifikanti (jiġifieri lil hinn minn dawk li ma jistgħux jitkejlu bħaċ-ċarezza, iċ-ċertezza jew is-sempliċità ġuridika) jew inkella ma ġewx identifikati soluzzjonijiet materjalment differenti. F'konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt sħiħa.

Madankollu, il-proposta ta' simplifikazzjoni hija akkompanjata minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kumissjoni li jfakkar ir-rakkomandazzjonijiet tal-kontroll tal-idoneità u jispjega r-razzjonal tas-soluzzjonijiet proposti mill-perspettiva teknika kif ukoll legali. Dan jinkludi sommarju u feedback dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati mwettqa bħala appoġġ għal din l-inizjattiva. Il-pjan ta' implimentazzjoni jinsab mehmuż ukoll.

3.5Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-objettiv prinċipali ta' din il-proposta huwa li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni eżistenti hija adatta għall-iskop. Il-potenzjal għas-simplifikazzjoni tagħha primarjament jikkonsisti f'impatti li ma jistgħux jitkejlu bħaċ-ċarezza, iċ-ċertezza u s-sempliċità ġuridika. L-element kwantifikat prinċipali jirrelata mat-tneħħija tad-duplikazzjonijiet u l-inkonsistenzi bejn stħarriġiet speċifiċi taħt id-Direttiva attwali, l-ispezzjonijiet estiżi tal-kontroll tal-Istat tal-port u l-istħarriġ annwali tal-Istat tal-bandiera. Is-simplifikazzjoni prevista mhux biss se tneħħi d-diskrepanza regolatorja identifikata imma mistennija tirrazzjonalizza aktar l-isforz tal-ispezzjoni tal-amministrazzjoni nazzjonali u timmassimizza l-ħin li fih il-vapur jiġi sfruttat kummerċjalment.

Il-potenzjal massimu tal-kombinazzjoni ġie stmat għal madwar EUR 900 000 (jiġifieri tnaqqis ta' madwar 670 stħarriġ awtonomu skont din id-Direttiva kull sena għall-UE kollha, li kieku l-istess vapuri tal-lum komplew jaħdmu), li parti minnu diġà ġie realizzat fil-prattika bil-kombinazzjoni ta' diversi tipi ta' spezzjonijiet. Minbarra dawn l-istimi monetarji, hemm piż sinifikanti għall-partijiet ikkonċernati kollha relatat mal-kumplessità ta' dawn ir-reġimi ta' spezzjoni, id-duplikazzjoni tar-rekwiżiti mifruxa fuq biċċiet differenti ta' leġiżlazzjoni, espressi f'termini differenti eċċ. B'hekk l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar huma ta' piż bla bżonn għall-partijiet kollha involuti.

3.6Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

5.1Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta' monitoraġġ, ta' evalwazzjoni u ta' rapportar

Il-proposta hija akkompanjata minn pjan ta' implimentazzjoni li jelenka l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati l-miżuri ta' simplifikazzjoni u jidentifika l-isfidi prinċipali tal-implimentazzjoni tekniċi, legali u marbuta maż-żmien.

Ġew identifikati arranġamenti adegwati għall-monitoraġġ u r-rapportar, mingħajr ma nħolqu obbligi ta' rapportar u piżijiet amministrattivi ġodda. L-informazzjoni ewlenija dwar il-flotta, l-inċidenti u l-konformità se tinġabar bl-għajnuna tal-EMSA, il-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet (THETIS), il-Grupp ta' Esperti dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri u fuq il-bażi tal-bażi tad-dejta tal-Pjattaforma Ewropea tal-Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar (EMCIP). Billi ċ-ċiklu sħiħ taż-żjarat ta' implimentazzjoni previsti tal-EMSA huwa stmat li se jdum 5 snin, iċ-ċiklu ta' evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri għandu jiġi stabbilit f'intervalli ta' seba' snin.

5.2Id-dokumenti ta' spjegazzjoni

Id-dokumenti ta' spjegazzjoni mhumiex meħtieġa għaliex il-miżuri ta' simplifikazzjoni mhumiex ta' natura sostanzjali jew kumplessa.

5.3Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

L-Artikolu 1 jiddelinja l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva bl-esklużjoni ta' dawk il-vapuri suġġetti għall-ispezzjonijiet ta' kontroll tal-Istat tal-port imwettqa skont id-Direttiva 2009/16/KE. B'riżultat, il-kamp ta' applikazzjoni huwa limitat għal vapuri li jipprovdu servizzi regolari ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri bejn portijiet fi Stat Membru jew bejn port fi Stat Membru u port fi Stat terz fejn il-bandiera tal-vapur tkun l-istess bħal dik tal-Istat Membru inkwistjoni.

L-Artikolu 2 inħeħħi numru ta' definizzjonijiet u referenzi bla użu bħal "passiġġier", "stat ospitanti", "vjaġġi internazzjonali", "ċertifikat ta' eżenzjoni". Iħassar ukoll ir-referenza għall-investigazzjoni ta' diżgrazzji tal-baħar li issa hija koperta mid-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 . Id-definizzjonijiet ta' għadd ta' kunċetti oħra huma aġġornati biex iqisu t-tibdil fil-leġiżlazzjoni tal-UE jew fil-livell internazzjonali (IMO) u biex jiżguraw li d-definizzjonijiet ikunu konformi ma' dawk li jinsabu fid-Direttiva 2009/16/KE.

Spezzjonijiet ta' qabel il-bidu

L-Artikoli 3 u 4 jipprovdu għal sistema ta' spezzjonijiet ibbażati fuq il-vapur (aktar milli fuq il-kumpanija) qabel il-bidu ta' servizz regolari. Il-vapur għandu jgħaddi minn spezzjoni skont l-Anness II u numru ta' kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I għandhom jiġu vverifikati wkoll. L-Artikolu 4 jipprovdi għal sitwazzjonijiet fejn vapur ikun ġie spezzjonat reċentement jew jiġi mċaqlaq minn servizz għal ieħor b'karatteristiċi simili. Il-kelma "spezzjonijiet" aktar milli "stħarriġ" tintuża fit-test kollu għaliex din tirrifletti b'mod aktar preċiż it-tip ta' attività regolata.

Spezzjonijiet regolari, rapporti tal-ispezzjoni, projbizzjonijiet fuq it-tluq, l-appelli u l-ispejjeż

L-Artikolu 5 jistipula li vapuri li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva jiġu spezzjonati darbtejn fis-sena b'ċertu intervall bejn l-ispezzjonijiet u li waħda minn dawn l-ispezzjonijiet għandha tkun spezzjoni fis-servizz matul qsim regolari. Jipprovdi wkoll li Stat Membru jista', jekk jixtieq, jikkombina l-ispezzjoni ma' stħarriġ tal-Istat tal-bandiera li jkollu jitwettaq fir-rigward ta' vapur fuq bażi annwali. Dan għandu jirriżulta f'piż imnaqqas fuq l-amministrazzjoni kif ukoll fuq l-operatur tal-vapur.

Fl-Artikoli 6, 7, 8, 9, 10 u 11, id-dispożizzjonijiet relatati mar-rapporti ta' spezzjoni, mal-projbizzjonijiet fuq it-tluq, mal-appelli, mal-ispejjeż, mal-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet u mal-penali jiġu lkoll konformi ma' dawk previsti fid-Direttiva 2009/16/KE. Filwaqt li d-Direttiva 2009/16/KE ma tipprovdix għal projbizzjoni fuq l-ordni tat-tluq, din hija ispirata mill-ordni ta' detenzjoni fil-kontroll tal-Istat tal-port.

Proċedura ta' emenda

L-Artikoli 12 u 13 jsiru konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward ta' atti ddelegati.

Emenda tad-Direttiva 2009/16/KE

L-Artikolu 14 jipprovdi għal emenda anċillari tad-Direttiva 2009/16/KE biex jiżgura li jinżammu l-kontenut attwali u l-frekwenza tal-ispezzjonijiet tal-laneċ ro-ro u tal-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri.

Tħassir

L-Artikolu 15 jipprovdi li d-Direttiva 1999/35/KE titħassar u jirreferi għat-tabella ta' korrelazzjoni korrispondenti fl-Anness IV.

Dispożizzjonijiet ta' evalwazzjoni

L-Artikolu 16 jispeċifika d-dispożizzjonijiet ta' evalwazzjoni.

2016/0172 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar sistema ta' spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri f'servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 12 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 13 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata ma' sistema ta' stħarriġ obbligatorju għall-operazzjoni bla periklu ta' laneċ ro-ro regolari u servizzi tal-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri (HSC) tmur lura għall-1999. Għandu jitqies il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-reġim tal-kontroll tal-Istat tal-port imdaħħal fis-seħħ mid-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 kif ukoll l-esperjenza miksuba matul l-operazzjoni tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, iffirmat f'Pariġi fis-26 ta' Jannar 1982.

(2)Il-kontroll tal-idoneità tal-Programm dwar l-Idoneità tar-Regolamentazzjoni (REFIT) 15 wera li l-qafas legali tal-Unjoni tas-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri rriżulta f'livell komuni ta' sikurezza għall-vapuri tal-passiġġieri fl-Unjoni. Wera wkoll li hekk kif maż-żmien żviluppat il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-passiġġieri b'reazzjoni għal domandi u sitwazzjonijiet differenti, hemm ċertu livell ta' duplikazzjoni li jista' u għandu jiġi simplifikat biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq is-sidien tal-vapuri kif ukoll biex jiġi razzjonalizzat l-isforz li sar mill-amministrazzjonijiet marittimi tal-Istati Membri.

(3)Ħafna Stati Membri diġà jikkombinaw l-istħarriġ obbligatorju għall-operazzjoni bla periklu ta' laneċ ro-ro regolari ma' tipi oħra ta' stħarriġ u spezzjonijiet fejn possibbli, jiġifieri l-istħarriġ tal-Istat tal-bandiera u l-ispezzjonijiet ta' kontroll tal-Istat tal-port. Biex jitnaqqas iżjed l-isforz tal-ispezzjoni u biex jiġi mmassimizzat il-ħin li fih il-vapur ikun jista' jiġi sfruttat kummerċjalment, il-vapuri suġġetti għall-ispezzjonijiet ta' kontroll tal-Istat tal-port għandhom għalhekk jiġu ttrasferiti għad-Direttiva 2009/16/KE u l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandu jkun limitat għal vapuri li jipprovdu servizzi regolari ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri bejn portijiet fi Stat Membru jew bejn port fi Stat Membru u port fi Stat terz fejn il-bandiera tal-vapur tkun l-istess bħal tal-Istat Membri inkwistjoni.

(4)Il-kunċett tal-"Istat ospitanti" ġie introdott mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE 16 sabiex jiffaċilita l-kooperazzjoni ma' Stati terzi qabel it-tkabbir tal-Unjoni tal-2004. Instab li dan il-kunċett m'għadux rilevanti aktar u għalhekk għandu jitneħħa.

(5)Id-Direttiva 1999/35/KE kienet tipprovdi li f'kull perjodu ta' 12-il xahar għandu jitwettaq stħarriġ speċifiku u stħarriġ waqt is-servizz regolari mill-Istati ospitanti. Minkejja li l-objettiv ta' dan ir-rekwiżit kien li jiżgura li dawn iż-żewġ spezzjonijiet jitwettqu b'ċertu intervall bejniethom, il-kontroll tal-idoneità tar-REFIT wera li dan mhuwiex dejjem il-każ. Biex titneħħa l-ambigwità ta' dak ir-rekwiżit u biex jiġi żgurat livell komuni ta' sikurezza, għandu jiġi ċċarat li ż-żewġ spezzjonijiet annwali għandhom iseħħu f'intervalli regolari, ta' madwar sitt xhur.

(6)Id-Direttiva 1999/35/KE kienet tirreferi għal "stħarriġ" minflok "spezzjonijiet". Il-kelma stħarriġ hija użata f'konvenzjonijiet internazzjonali biex tindika l-obbligu tal-Istati tal-bandiera li jimmonitorjaw il-konformità tal-vapuri mal-istandards internazzjonali u joħorġu jew iġeddu, fejn rilevanti, ċertifikati. Madankollu, ir-reġim speċjali tal-ispezzjoni għal-laneċ ro-ro u l-HSC fuq servizz regolari ma jistax jitqies stħarriġ u l-formoli rilevanti tal-ispezzjoni mhumiex u ma jistgħux jitqiesu bħala ċertifikati tal-istat ta' navigabbiltà. Għalhekk, it-terminu "stħarriġ" għandu jiġi sostitwit bi "spezzjoni" meta ssir referenza għal stħarriġ speċifiku tar-ro-pax kif previst attwalment fid-Direttiva 1999/35/KE.

(7)Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali u l-esperjenza, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-esklużjoni ta' emendi għall-istrumenti internazzjonali mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jekk meħtieġ, u tal-aġġornament tar-rekwiżiti tekniċi. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell espert, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016. Biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti ddelegati, b'mod partikolari, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess waqt bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom sistematikament aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti ddelegati.

(8)Id-Direttiva 2009/16/KE għandha tiġi emendata biex tiżgura li jinżammu l-kontenut u l-frekwenza tal-ispezzjonijiet tal-laneċ ro-ro u tal-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi għal spezzjonijiet u verifiki ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri fuq servizz regolari eliġibbli għall-kontroll tal-Istat tal-port għandhom għalhekk jiġu ttrasferiti għad-Direttiva 2009/16/KE.

(9)Fid-dawl taċ-ċiklu sħiħ ta' monitoraġġ taż-żjarat tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva mhux aktar tard minn [seba' snin wara d-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)] u tirrapporta dwarha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa għal din l-evalwazzjoni.

(10)Biex tiżdied iċ-ċarezza legali u l-konsistenza u fid-dawl tan-numru ta' emendi kkonċernati, id-Direttiva 1999/35/KE għandha titħassar u d-Direttiva 2009/16/KE għandha tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni

1.Din id-Direttiva għandha tapplika għal-laneċ ro-ro u l-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri li joperaw fuq servizz regolari bejn port ta' Stat Membru u port ta' Stat terz fejn il-bandiera tal-vapur tkun l-istess bħal dik tal-Istat Membru inkwistjoni, jew fuq vjaġġi domestiċi fuq servizz regolari f'żoni tal-baħar li fihom il-vapuri tal-Klassi A jistgħu joperaw skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 .

2.L-Istati Membri jistgħu japplikaw din id-Direttiva għal-laneċ ro-ro u għall-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri li joperaw fuq servizz regolari fuq vjaġġi domestiċi f'żoni tal-baħar li fihom il-vapuri ta' klassijiet oħra jistgħu joperaw għajr dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)"lanċa ro-ro" tfisser vapur tal-passiġġieri bil-faċilitajiet li jkunu jippermettu li l-vetturi tat-triq u tal-ferrovija jitilgħu u jinżlu mill-vapur, u li jġorru iżjed minn 12-il passiġġier;

(2)"bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġgieri" tfisser biċċa tal-baħar b'veloċità għolja kif definit fir-Regolament X/1 tal-Konvenzjoni ta' Solas tal-1974, fil-verżjoni aġġornata tiegħu, li jittrasporta iktar minn 12-il passiġġier;

(3)"Il-Konvenzjoni SOLAS tal-1974" tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar tal-1974, flimkien ma' Protokolli u emendi għalihom, fil-verżjoni aġġornata tagħha;

(4)"Il-Kodiċi għall-Bċejjeċ tal-Baħar ta' Veloċità Għolja" tfisser il-"Kodiċi Internazzjonali għas-Sikurezza ta' Bċejjeċ tal-Baħar ta' Veloċità Għolja" li jinsab fir-Riżoluzzjoni MSC 36 (63) tal-Kumitat għas-Sikurezza Marittima tal-IMO tal-20 ta' Mejju 1994 jew il-Kodiċi Internazzjonali għas-Sikurezza ta' Bċejjeċ tal-Baħar ta' Veloċità Għolja, 2000 (Kodiċi HSC tal-2000), li jinsab fir-Riżoluzzjoni MSC.97(73) tal-IMO ta' Diċembru 2000, fil-verżjoni aġġornata tiegħu;

(5)"servizz regolari" jfisser serje ta' laneċ ro-ro jew qsim ta' bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri mħaddma biex jaqdu t-traffiku bejn l-istess żewġ portijiet jew iżjed, jew serje ta' vjaġġi minn u lejn l-istess port mingħajr waqfiet intermedjarji, jew:

(a)skont skeda taż-żmien ippubblikata; jew

(b)bi qsim li tant ikun regolari jew ta' spiss illi jikkostitwixxu serje sistematika li tista' tingħaraf;

(6)"żona tal-baħar" tfisser kwalunkwe żona tal-baħar inkluża f'lista stabbilita skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/45/KE;

(7)"ċertifikati" tfisser:

(a)għal-laneċ ro-ro u għall-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri ingaġġati fuq vjaġġi internazzjonali, iċ-ċertifikati ta' sigurtà maħruġa taħt il-Konvenzjoni SOLAS tal-1974 jew taħt il-Kodiċi għall-Bċejjeċ tal-Baħar ta' Veloċità Għolja rispettivament, flimkien mar-rekords rilevanti tat-tagħmir mehmuża;

(b)għal-laneċ ro-ro u għall-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri ingaġġati fuq vjaġġi domestiċi, iċ-ċertifikati ta' sigurtà maħruġa skont id-Direttiva 2009/45/KE flimkien mar-rekords rilevanti tat-tagħmir mehmuża;

(8)"amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera" tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li l-laneċ ro-ro u l-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċcità għolja għall-passiġġieri huma intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu;

(9)"vjaġġ domestiku" tfisser vjaġġ f'żoni tal-baħar minn port ta' Stat Membru lejn l-istess port jew port ieħor f'dak l-Istat Membru;

(10)"organizzazzjoni rikonoxxuta" tfisser organizzazzjoni rikonoxxuta skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 ;

(11)"kumpanija" tfisser is-sid tal-laneċ ro-ro jew il-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra bħall-maniġer, jew il-kerrej tal-vapur bla ekwipaġġ, li tkun assumiet ir-responsabbiltà għall-operazzjoni tal-laneċ ro-ro jew il-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri mingħand is-sid tagħhom u li, meta tassumi din ir-responsabbiltà, tkun qablet li tieħu fuqha d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kollha imposti mill-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sigurtà (ISM);

(12)"spettur" tfisser ħaddiem tas-settur pubbliku jew persuna oħra, debitament awtorizzata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru biex jagħmlu l-ispezzjonijiet previsti f'din id-Direttiva u responsabbli lejn dik l-awtorità kompetenti u jissodisfa l-kriterji minimi speċifikati fl-Anness XI tad-Direttiva 2009/16/KE.

Artikolu 3
Spezzjonijiet ta' qabel il-bidu 

1.Qabel il-bidu tal-operazzjoni mil-laneċ ro-ro jew il-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri fuq servizz regolari koperti minn din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom iwettqu spezzjoni ta' qabel il-bidu, li tikkonsisti fi:

(a)verifika tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I;

(b)spezzjoni, skont l-Anness II, biex jissodisfaw ruħhom li l-laneċ ro-ro jew il-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri jissodisfaw ir-rekwiiti meħtieġa għall-operazzjoni sikura ta' servizz regolari.

2.L-ispezzjoni ta' qabel il-bidu tista' tinqabeż jekk il-vapur kien, fis-sitt xhur ta' qabel, is-suġġett ta' stħarriġ annwali mill-Istat tal-bandiera jew ta' spezzjoni minn Stat Membru li fihom jiġu segwiti l-proċeduri u l-linji gwida rilevanti għall-istħarriġ kif speċifikati fir-Riżoluzzjoni A 1053(27) Konsolidata tal-IMO (Linji Gwida tal-Istħarriġ taħt is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (HSSC), 2011) jew proċeduri ddisinjati biex jinkiseb l-istess għan.

3.L-ispezzjoni ta' qabel il-bidu għandha titwettaq minn spettur. L-istħarriġ mill-Istat tal-bandiera jew l-ispezzjoni minn Stat Membru msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu minn spettur jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta awtorizzati mill-Istat tal-bandiera biex iwettqu stħarriġ jew spezzjonijiet bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti kollha ta' din id-Direttiva.

4.Meta mitluba minn Stat Membru, il-kumpaniji għandhom jipprovdu evidenza tal-konformità mar-rekwiżiti tal-Anness I minn qabel imma mhux aktar kmieni minn xahar qabel l-ispezzjoni ta' qabel il-bidu.

Artikolu 4
Eċċezzjonijiet għall-obbligu tal-ispezzjoni ta' qabel il-bidu

1.Meta laneċ ro-ro jew bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri jkunu se jiġu ingaġġati fuq servizz regolari ieħor, l-Istat Membru għandu jqis l-ispezzjonijiet u l-istħarriġ li jkunu saru qabel għal dawk il-laneċ ro-ro jew bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri għall-operazzjoni fuq servizz regolari preċedenti li jaqa' taħt din id-Direttiva. Sakemm l-Istat Membru jkun sodisfatt b'dawk l-ispezzjonijiet u stħarriġ preċedenti u li jkunu rilevanti għall-kundizjonijiet il-ġodda ta' operazzjoni, l-ispezzjonijiet u l-istħarriġ previsti fl-Artikolu 3(1) ma għandhomx għalfejn jiġu applikati qabel ma' l-lanċa ro-ro jew il-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri tkun bdiet topera fuq is-servizz regolari l-ġdid.

2.Fuq talba ta' kumpanija, l-Istati Membri jistgħu jikkonfermaw minn qabel il-qbil tagħhom dwar ir-rilevanza tal-ispezzjonijiet u l-istħarriġ preċedenti għall-kundizzjonijiet operazzjonali ġodda.

3.F'każijiet fejn, minħabba ċirkostanzi mhux previsti, lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri ta' sostituzzjoni tkun trid tiġi introdotta malajr sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz, u l-paragrafu 1 ma jkunx applikabbli, l-Istat Membru jista' jippermetti li l-lanċa jew il-biċċa tal-baħar tibda topera sakemm:

(a)spezzjoni bil-għajn u kontroll ta' dokument ma jqajmu ebda tħassib li l-lanċa ro-ro jew li l-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġgieri ma jissodisfawx ir-rekwiżiti meħtieġa għall-operazzjoni bla periklu, u

(b)l-Istat Membru jwettaq l-ispezzjoni ta' qabel il-bidu prevista fl-Artikolu 3(1) fi żmien xahar.

Artikolu 5
Spezzjonijiet regolari

1.L-Istati Membri għandhom darba f'kull perjodu ta' 12-il xahar, iwettqu:

(a)spezzjoni, b'mod konformi mal-Anness II, u

(b)spezzjoni matul is-servizz regolari, mhux qabel ħames xhur imma mhux aktar tard minn seba' xhur wara l-ispezzjoni. Din l-ispezzjoni għandha tkopri l-oġġetti elenkati fl-Anness III u numru suffiċjenti tal-oġġetti elenkati fl-Annessi I u II biex jiżguraw li l-laneċ ro-ro jew il-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa kollha għall-operazzjoni bla periklu.

Spezzjoni ta' qabel il-bidu skont l-Artikolu 3 għandha titqies għall-finijiet ta' dan l-Artikolu.

2.L-ispezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista', fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru, titwettaq fl-istess ħin jew flimkien mal-istħarriġ jew spezzjoni annwali tal-Istat tal-bandiera li fihom jiġu segwiti l-proċeduri u l-linji gwida rilevanti għall-istħarriġ kif speċifikati fir-Riżoluzzjoni A 1053(27) Konsolidata tal-IMO (Linji Gwida tal-Istħarriġ taħt is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (HSSC), 2011) jew proċeduri ddisinjati biex jinkiseb l-istess għan.

3.L-Istati Membri għandhom iwettqu spezzjoni skont l-Anness II kull darba li l-lanċa ro-ro jew il-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri tkun soġġetta għal tiswija, tibdil u modifikazzjonijiet maġġuri, jew meta jkun hemm bidla fit-tmexxija, jew trasferiment ta' klassi. Madankollu, f'każ ta' bidla fit-tmexxija, jew trasferiment ta' klassi, l-Istat Membru jista', wara li jikkunsidra l-ispezzjonijiet imwettqa qabel għal-laneċ ro-ro jew il-bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri, u sakemm l-operazzjoni bla periklu tal-lanċa jew tal-biċċa tal-baħar ma tkunx affettwata minn din il-bidla jew trasferiment, teżenta l-lanċa jew il-biċċa tal-baħar mill-ispezzjoni meħtieġa minn dan il-paragrafu.

Artikolu 6
Notifika u rapport tal-ispezzjoni

1.Meta tintemm kwalunkwe spezzjoni mwettqa skont din id-Direttiva, l-ispettur għandu jfassal rapport skont l-Anness IX tad-Direttiva 2009/16/KE.

2.L-informazzjoni li jkun hemm fir-rapport għandha tiġi kkomunikata lill-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet prevista fl-Artikolu 10. Il-kaptan għandu jingħata wkoll kopja tar-rapport tal-ispezzjoni.

Artikolu 7
Rettifika tan-nuqqasijiet, projbizzjoni tat-tluq u sospensjoni tal-ispezzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe nuqqas ikkonfermat jew żvelat minn spezzjoni mwettqa skont din id-Direttiva jiġi rettifikat.

2.Fil-każ ta' nuqqasijiet li b'mod ċar huma perikolużi għas-sikurezza jew is-saħħa jew li joħolqu periklu immedjat għall-ħajja, għal-lanċa ro-ro jew għall-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri, għall-ekwipaġġ u għall-passiġġieri tagħha, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-lanċa ro-ro jew il-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri tkun suġġetta għal projbizzjoni tal-ordni tat-tluq. Il-kaptan għandu jingħata kopja tal-ordni tal-projbizzjoni tat-tluq.

3.Il-projbizzjoni tat-tluq m'għandhiex titneħħa sakemm ma jkunx tneħħa l-periklu jew sakemm l-Istat Membru ma jkunx stabbilixxa li l-vapur jista', suġġett għal kwalunkwe kundizzjoni meħtieħa, jipproċedi lejn il-baħar jew titkompla l-operazzjoni mingħajr riskju għas-sikurezza u s-saħħa tal-passiġġieri jew l-ekwipaġġ, jew riskju għal-lanċa ro-ro jew il-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri jew vapuri oħra.

4.Jekk dan in-nuqqas ma jkunx jista' jiġi rettifikat faċilment fil-port li fih ikun ġie kkonfermat jew żvelat in-nuqqas, l-Istat Membru jista' jippermetti li l-vapur jipproċedi lejn tarzna xierqa l-eqreb tal-port tad-detenzjoni fejn ikun jista' jiġi rettifikat faċilment.

5.F'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn il-kundizzjoni globali ta' lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri hija ovvjament inferjuri, l-Istat Membru jista' jissospendi l-ispezzjoni ta' dik il-lanċa jew biċċa tal-baħar sakemm il-kumpanija tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li l-lanċa ro-ro jew il-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri m'għadhiex ta' periklu ċar għas-sigurtà jew is-saħħa jew li toħloq periklu immedjat għall-ħajja tal-ekwipaġġ u tal-passiġġieri tagħha jew li tikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti ta' konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli.

6.Meta l-Istat Membru jissospendi l-ispezzjoni skont il-paragrafu 5, il-lanċa ro-ro jew il-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri għandha titqiegħed b'mod awtomatiku taħt projbizzjoni tal-ordni tat-tluq. Il-projbizzjoni tal-ordni tat-tluq għandha titneħħa meta l-ispezzjoni tkun tkompliet u ntemmet b'suċċess u fejn ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 9(2).

7.Sabiex tittaffa l-konġestjoni tal-port, l-Istat Membru jista' jippermetti li lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri suġġetta għal projbizzjoni ta' ordni tat-tluq tiċċaqlaq għal parti oħra tal-port jekk ikun sikur li jsir dan. Madankollu, ir-riskju tal-konġestjoni tal-port m'għandux ikun konsiderazzjoni għad-deċiżjoni dwar il-projbizzjoni tal-ordni tat-tluq jew it-tneħħija ta' projbizzjoni ta' ordni tat-tluq. L-awtoritajiet jew il-korpi tal-port għandhom jiffaċilitaw l-akkomodazzjoni ta' dawn il-vapuri.

Artikolu 8
Dritt ta' appell

1.Il-kumpanija għandu jkollha d-dritt tal-appell kontra projbizzjoni tal-ordni tat-tluq mill-Istat Membru. L-appell m'għandux jissospendi l-projbizzjoni tal-ordni tat-tluq, sakemm ma jingħatawx miżuri interim skont il-liġi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu proċeduri xierqa għal dan l-iskop skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

2.L-awtorità tal-Istati Membri għandha tinforma lill-kaptan tal-lanċa ro-ro jew tal-biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri li tkun suġġetta għal projbizzjoni tal-ordni tat-tluq dwar id-dritt tal-appell u l-proċeduri applikabbli. Meta, b'riżultat ta' appell jew ta' talba magħmula mill-kumpanija, il-projbizzjoni tal-ordni tat-tluq tiġi rrevokata jew emendata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet prevista fl-Artikolu 10 tiġi emendata kif xieraq mingħajr dewmien.

Artikolu 9
Spejj

1.Jekk l-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 5 jikkonfermaw jew jiżvelaw nuqqasijiet li jkun jitolbu projbizzjoni tat-tluq, l-ispejjeż kollha relatati mal-ispezzjonijiet għandhom jiġu koperti mill-kumpanija.

2.Il-projbizzjoni tal-ordni tat-tluq m'għandhiex titneħħa sakemm ma jsirx il-ħlas sħiħ jew tingħata garanzija suffiċjenti għar-rimborż tal-ispejjeż.

Artikolu 10
Bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet

1.Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa, iżżomm u taġġorna bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet li jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-ispezzjoni prevista minn din id-Direttiva jew ittejjeb aktar il-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/16/KE.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni relatata mal-ispezzjonijiet imwettqa skont din id-Direttiva, inkluż dwar nuqqasijiet u projbizzjoni tal-ordnijiet tat-tluq, tiġi ttrasferita għall-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet hekk kif jitlesta r-rapport tal-ispezzjoni jew titneħħa l-projbizzjoni tal-ordni tat-tluq. Fir-rigward tad-dettalji tal-informazzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Anness XIII tad-Direttiva 2009/16/KE għandhom japplikaw mutatis mutandis.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ttrasferita fil-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet tiġi vvalidata fi żmien 72 siegħa għall-finijiet tal-pubblikazzjoni.

4.Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet tagħmilha possibbli li tiġi rkuprata kwalunkwe dejta rilevanti li tikkonċerna l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fyq il-bażi tad-dejta tal-ispezzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

5.L-Istati Membri għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni kollha rreġistrata fil-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet li hija rilevanti għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-ispezzjoni ta' din id-Direttiva u tad-Direttiva 2009/16/KE.

Artikolu 11
Penali

L-Istati Membri għandhom jippreskrivu sistema ta' penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn il-penali jiġu applikati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 12
Proċedura ta' emenda

1.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 13, li jemendaw l-Annessi sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali, b'mod partikolari fl-IMO, u jittejbu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom fid-dawl tal-esperjenza miksuba.

2.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 13, li jemendaw din id-Direttiva sabiex teskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha kwalunkwe emenda għall-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Artikolu 2 biss jekk, fuq il-bażi ta' evalwazzjoni mill-Kummissjoni, ikun hemm riskju ċar li l-emenda internazzjonali se tbaxxi l-istandard tas-sikurezza marittima, tal-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri jew tal-protezzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord il-vapuri stabbilit mil-leġiżlazzjoni marittima tal-Unjoni, jew ikun inkompatibbli ma' dan tal-aħħar.

Artikolu 13
L-eżerċitar tad-delega

1.Is-setgħa li tadotta atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 12 hija konferita fuq il-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa biex jiġu adottati l-atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 12 qiegħda tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mid-[data tad-dħul fis-seħħ].

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016.

5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 12 jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jkun estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

7.Att iddelegat li jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva kwalunkwe emenda għall-istrumenti internazzjonali skont l-Artikolu 12(3) għandu jiġi adottat tal-inqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu stabbilit internazzjonalment għall-aċċettazzjoni taċita tal-emenda kkonċernata jew id-data prevista għad-dħul fis-seħħ ta' din l-emenda. Fil-perjodu ta' qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan l-att iddelegat, l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe inizjattiva maħsuba biex tintegra l-emenda f'leġiżlazzjoni nazzjonali jew biex tapplika l-emenda għall-istrument internazzjonali kkonċernat.

Artikolu 14
Emendi għad-Direttiva 2009/16/KE

Id-Direttiva 2009/16/KE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 2, għandhom jiżdiedu l-punti 25 sa 28 li ġejjin:

"25."lanċa ro-ro" tfisser vapur tal-passiġġieri bil-faċilitajiet li jkunu jippermettu li l-vetturi tat-triq u tal-ferrovija jitilgħu u jinżlu mill-vapur, u li jġorru iżjed minn 12-il passiġġier;

26."bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġgieri" tfisser biċċa tal-baħar b'veloċità għolja kif definit fir-Regolament 1 tal-Kapitlu X tal-Konvenzjoni ta' Solas tal-1974, fil-verżjoni aġġornata tiegħu, li jittrasporta iktar minn 12-il passiġġier;

27."servizz regolari" jfisser serje ta' laneċ ro-ro jew qsim ta' bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri mħaddma biex jaqdu t-traffiku bejn l-istess żewġ portijiet jew iżjed, jew serje ta' vjaġġi minn u lejn l-istess port mingħajr waqfiet intermedjarji, jew:

(i) skont skeda taż-żmien ippubblikata; jew

(ii) bi qsim hekk regolari jew ta' spiss illi jikkostitwixxu serje sistematika li tista' tingħaraf;

28."spezzjoni ta' qabel il-bidu" tfisser spezzjoni fuq lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva qabel il-bidu ta' servizz regolari biex jiġi vverifikat li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 u fl-Annessi I u II għad-Direttiva [XXXX].";

(2)fl-Artikolu 3(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal spezzjonijiet ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri mwettqa barra mill-port jew lil hinn mill-ankraġġ matul servizz regolari skont l-Artikolu 14a.";

(3)jiżdied l-Artikolu 14a li ġej:

"Artikolu 14a
Spezzjoni ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri f'servizz regolari

1.    Qabel tibda l-operazzjoni ta' lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri fuq servizz regolari kopert minn din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom iwettqu spezzjoni ta' qabel il-bidu, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva [XXXX], biex jissodisfaw ruħhom li l-lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri jissodisfaw ir-rekwiżiti neċessarji għall-operazzjoni bla periklu ta' servizz regolari u biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva [XXXX].

2.    Il-laneċ ro-ro u l-biċċiet tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri għandhom f'kull perjodu ta' tnax-il xahar ikunu suġġetti għal żewġ spezzjonijiet ta' kontroll tal-Istat tal-port. Waħda minn dawn l-ispezzjonijiet għandha tkun spezzjoni matul servizz regolari li tista' tieħu waħda minn dawn il-forom li ġejjin, skont l-għażla tal-Istat Membru:

(a)spezzjoni estiża; jew

(b)spezzjoni li tkopri l-oġġetti elenkati fl-Anness III u n-numru suffiċjenti tal-oġġetti elenkati fl-Annessi I u II għad-Direttiva [XXXX] biex jissodisfaw lill-Istat Membru li l-lanċa jew il-biċċa tal-baħar tkompli tissodisfa r-rekwiżiti kollha meħtieġa għall-operazzjoni bla periklu.

3.    L-Istati Membri għandhom, meta jippjanaw l-ispezzjonijiet ta' lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri, iqisu kif xieraq l-iskeda operazzjonali u tal-manutenzjoni tal-lanċa jew biċċa tal-baħar. Stat Membru jista' jaqbel li jwettaq spezzjoni ta' lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri fuq talba ta' Stat Membru ieħor.

4.    Meta lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri tkun ġiet suġġetta għal spezzjoni, din l-ispezzjoni għandha tiġi rreġistrata bħala spezzjoni estiża, fil-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet u titqies għall-finijiet tal-Artikoli 10, 11 u 12 u għall-kalkolu tat-twettiq tal-impenn tal-ispezzjoni ta' kull Stat Membru, sal-punt li jkunu koperti l-oġġetti kollha msemmija fl-Anness VII għal din id-Direttiva.";

(4)fl-Artikolu 15, għandu jitħassar il-paragrafu 3;

(5)fl-Artikolu 16, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

"1.Stat Membru għandu jirrifjuta l-aċċess għall-portijiet u l-ankraġġi tiegħu lil kwalunkwe vapur li:

jtajjar il-bandiera ta' Stat li r-rata ta' detenzjoni tiegħu taqa' fil-lista' s-sewda, adottata skont il-MtQ ta' Pariġi fuq il-bażi ta' informazzjoni rreġistrata fil-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet u kif ippubblikata kull sena mill-Kummissjoni, u li jkun inżamm aktar minn darbtejn matul is-36 xahar preċedenti f'port jew ankraġġ ta' Stat Membru jew ta' Stat firmatarju tal-MtQ ta' Pariġi, jew

jtajjar il-bandiera ta' Stat li r-rata ta' detenzjoni tiegħu taqa' fil-lista' l-griża, adottata skont il-MtQ ta' Pariġi fuq il-bażi ta' informazzjoni rreġistrata fil-bażi tad-dejta għall-ispezzjonijiet u kif ippubblikata kull sena mill-Kummissjoni, u li jkun inżamm aktar minn darbtejn matul l-24 xahar preċedenti f'port jew ankraġġ ta' Stat Membru jew ta' Stat firmatarju tal-MtQ ta' Pariġi.

L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika fis-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 21(6).

Iċ-ċaħda għall-aċċess għandha ssir applikabbli malli l-vapur iħalli l-port jew l-ankraġġ fejn ikun ġie soġġett għat-tielet detenzjoni u fejn tkun inħarġet ċaħda ta' ordni ta' aċċess.";

(6)fl-Artikolu 22, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

"2.Meta l-ħila professjonali meħtieġa ma tistax tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-port, l-ispettur ta’ dik l-awtorità kompetenti jista’ jkun assistit minn kull persuna bil-ħila rikjesta.

L-ispettur tal-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port jista', matul l-ispezzjoni ta' lanċa ro-ro jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri, ikun akkumpanjat minn spettur tal-Istat tal-port ta' Stat Membru ieħor, jew jekk mitlub mill-kumpanija minn rappreżentant tal-Istat tal-bandiera tal-vapur.".

Artikolu 15
Tħassir

Id-Direttiva 1999/35/KE hija imħassra.

Referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 16
Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u tissottometti r-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard minn [seba' snin wara d-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)].

Artikolu 17
It-traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 18
Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19
Id-destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Ir-riżultati tagħhom ġew irrapportati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fis-16 ta' Ottubru 2015 (COM(2015)508).
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE tad-29 ta' April 1999 dwar sistema ta' stħarriġ obbligatorju għall-operazzjoni bla perikolu ta' laneċ ro-ro regolari u servizzi tal-inġenji tal-baħar ta' veloċità kbira għall-passiġġieri (ĠU L 138, 1.6.1999, p. 1).
(3) Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).
(4) Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE tat-18 ta' Ġunju 1998 dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (ĠU L 188, 2.7.1998, p. 35).
(6) White Paper "Pjan direzzjonali għal Żona Ewropea Unika tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u b'użu effiċjenti tar-riżorsi" (COM/2011/0144).
(7) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - L-Iskopijiet strateġiċi u rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018 (COM/2009/0008).
(8) Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar is-sikurezza tal-laneċ ro-ro tal-passiġġieri, (94/C 379/05), ĠU Nru C379 tal-31.12.94, p. 8.
(9) http://ec.europa.eu/smart-regulation/roadmaps/index_mt.htm.
(10) DĦP(2015)197.
(11) Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta' inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 114).
(12) ĠU C , , p. .
(13) ĠU C , , p. .
(14) Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).
(15) COM(2015)508.
(16) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE tad-29 ta' April 1999 dwar sistema ta' stħarriġ obbligatorju għall-operazzjoni bla perikolu ta' laneċ ro-ro regolari u servizzi tal-inġenji tal-baħar ta' veloċità kbira għall-passiġġieri (ĠU L 138, 1.6.1999, p. 1).
(17) Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).
(18) Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 47).

Brussell, 6.6.2016

COM(2016) 371 final

ANNESSI

ta' [...]

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar sistema ta' spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta' laneċ ro-ro u bċejjeċ tal-baħar ta' veloċità għolja għall-passiġġieri f'servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE


ANNESS 1
REKWIŻITI SPEĊIFIĊI GĦALL-VAPURI F'SERVIZZ REGOLARI

(kif imsemmijin fl-Artikoli 3 u 5)

Dan li ġej għandu jkun verifikat:

1.li l-kaptan ikun provdut b'informazzjoni xierqa dwar id-disponibilità ta' sistemi ta' tmexxija navigazzjonali bbażati fuq il-kosta u skemi oħrajn ta' informazzjoni li jgħinuh fit-tbaħħir bla perikolu tal-vjaġġi, qabel ma l-lanċa ro-ro jew il-biċċa tal-baħar tal-passiġġieri b'veloċità għolja tibda tbaħħar, u li jagħmel użu minn skemi ta' tmexxija navigazzjonali u ta' informazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri;

2.li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-paragrafi 2 sa 6 taċ-Ċirkolari 699/ MSC tas-17 ta' Lulju 1995 "Linji gwida riveduti għal struzzjonijiet ta' sikurezza tal-passiġġieri" jiġu applikati;

3.li jitpoġġa elenku bl-arranġamenti ta' xogħol abbord il-vapur f'post aċċessibbli b'mod faċli, u li jkun fih:

(a)l-iskeda tas-servizz fuq il-baħar u tas-servizz fil-port, u

(b)is-sigħat massimi ta' xogħol jew is-sigħat minimi ta' serħan meħtieġa għal dawk li joqogħdu għassa;

4.li l-kaptan ma jinżammx milli jieħu kwalunkwe deċiżjoni, li fil-ġudizzju professjonali tal-kaptan tkun meħtieġa għan-navigazzjoni u operazzjoni mingħajr periklu, b'mod partikolari f'maltemp kbir u f'ibħra qawwijin;

5.li l-kaptan iżomm rekord tal-attivitajiet u tal-inċidenti navigazzjonali li huma ta' importanza għas-sikurezza tan-navigazzjoni;

6.li kull ħsara, jew kull liwja permanenti fil-bibien tal-qoxra u tal-pjanċi assoċjati tal-qoxra li jistgħu jaffettwaw l-integrità tal-lanċa jew tal-biċċa tal-baħar, u kull nuqqas fl-arranġamenti tal-imblukkar ta' dawn il-bibien, għandhom jiġu rrapportati minnufih kemm lill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera kif ukoll lill-Istat tal-port u għandhom jissewwew minnufih għas-sodisfazzjon tagħhom;

7.li jkun disponibbli pjan aġġornat tal-vjaġġ qabel it-tluq tal-lanċa ro-ro jew tal-biċċa tal-baħar ta' veloċità kbira għall-passiġġieri fuq il-vjaġġ tagħha. Waqt li jkun qed jitħejja l-pjan tal-vjaġġ, għandhom jiġu kkunsidrati bis-sħiħ il-linji gwida stabbiliti fir-Riżoluzzjoni A.893(21) tal-Assemblea tal-OMI tal-25 ta' Novembru 1999 "Linji gwida għall-ippjanar ta' vjaġġi" ;

8.informazzjoni ġenerali dwar is-servizzi u l-assistenza disponibbli għall-persuni anzjani jew għall-persuni b'diżabbilità abbord tingħata lill-passiġġieri u tkun disponibbli f'format xieraq għal persuni li jbatu biex jaraw.



ANNESS 2
PROĊEDURI GĦALL-ISPEZZJONIJIET

(kif imsemmijin fl-Artikoli 3 u 5)

1.L-ispezzjonijiet għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti statutorji maħruġa minn jew f'isem l-Istat tal-bandiera, b'mod partikolari dawk relatati mal-kostruzzjoni, is-suddiviżjoni u l-istabbilità, il-makkinarju u l-installazzjonijiet elettriċi, it-tagħbija, l-istabbilità, il-protezzjoni kontra n-nirien, in-numru massimu ta' passiġġieri, l-apparat tas-salvataġġ u l-ġarr ta' oġġetti perikolużi, ir-radjukomunikazzjonijiet u n-navigazzjoni huma ssodisfati. L-ispezzjonijiet għandhom jinkludu għal dak il-għan:

l-istartjar tal-ġeneratur ta' emerġenza,

spezzjoni tad-dawl ta' emerġenza,

spezzjoni tas-sors ta' enerġija ta' emerġenza għall-installazzjonijiet tar-radju,

test tas-sistema li biha jiġi indirizzat il-pubbliku,

taħriġ kontra n-nirien, inkluża dimostrazzjoni tal-ħila li jintuża lbies ta' dawk inkarigati mit-tifi tan-nar,

it-tħaddim tal-pompa tan-nar ta' emerġenza b'żewġ manki mqabbdin mal-linja maġġuri tan-nar li tkun qiegħda tiġi mħaddma,

l-ittestjar tal-kontrolli ta' waqfien remot f'każ ta' emerġenza għall-provvista ta' karburanti għall-bojlers, magni ewlenin u awżiljari, u għall-fannijiet tal-ventilazzjoni,

l-ittestjar tal-kontrolli remoti u dawk lokali għall-għeluq ta' regolaturi tal-arja għan-nar,

l-ittestjar ta' sistemi ta' detezzjoni tan-nar u ta' allarm,

l-ittestjar ta' jekk jingħalqux sew il-bibien li jirreżistu n-nar,

it-tħaddim ta' pompi tas-sentina,

l-għeluq ta' bibien tal-paratija li ma jidħolx ilma minnhom; kemm mill-pożizzjoni ta' kontroll lokali kif ukoll remota,

turija li l-membri tal-ekwipaġġ ewlenin jafu dwar il-pjan ta' kontroll ta' ħsara,

it-tniżżil ta' mill-inqas dgħajsa waħda tas-salvataġġ u ta' dgħajsa tas-sopravvivenza fl-ilma, it-tqabbid u l-ittestjar tas-sistema ta' propulsjoni u tal-isteering tagħhom, u l-irkuprar tagħhom mill-ilma għall-pożizzjoni tal-ħżin tagħhom abbord,

il-kontroll li d-dgħajjes tas-sopravvivenza u d-dgħajjes tas-salvataġġ kollha jikkorrispondu għall-inventarju,

l-ittestjar tal-apparat li jidderieġi l-vapur jew il-biċċa tal-baħar kif ukoll l-ittestjar tal-apparat awżiljaru li jidderieġi.

2.L-ispezzjonijiet għandhom jinkludu l-verifika tas-sistema ta' manutenzjoni ppjanata abbord.

3.L-ispezzjonijiet għandhom jiffokaw fuq il-familjarizzazzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ, u l-effiċjenza tagħhom fil-proċeduri tas-sikurezza, fil-proċeduri tal-emerġenza, fil-manutenzjoni, fil-prattiki tax-xogħol, fis-sikurezza tal-passiġġieri, fil-proċeduri f'każ ta' pontijiet u ta' operazzjonijiet relatati mat-tagħbija u mal-vetturi. Il-ħila tal-baħħara li jifhmu u, fejn xieraq, jagħtu ordnijiet u struzzjonijiet u li jirrapportaw lura fil-lingwa komuni tax-xogħol, kif imniżżla fil-ġurnal ta' abbord għandha tiġi vverifikata. L-evidenza dokumentata li membri tal-ekwipaġġ ikunu segwew taħriġ speċjali għandha tiġi vverifikata, b'mod partikolari fir-rigward ta':

taħriġ dwar il-kontroll ta' folol,

taħriġ ta' familjarizzazzjoni,

taħriġ tas-sikurezza għall-persunal li jipprovdi assistenza diretta ta' sikurezza lil passiġġieri fi spazji tal-passiġġieri, u b'mod partikolari lil persuni anzjani jew b'diżabbilità f'emerġenza, u

taħriġ fil-ġestjoni ta' kriżi u taħriġ fl-imġiba tal-bniedem.

L-ispezzjoni għandha tinkludi evalwazzjoni ta' jekk is-sistema ta' roster hijiex tikkawża għeja mhux raġonevoli b'mod partikolari għal persunal li joqgħod għassa.

4.Iċ-ċertifikati ta' kompetenza tal-membri tal-ekwipaġġ li jaħdmu abbord vapuri li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 .



ANNESS 3
PROĊEDURI BIEX JITWETTQU SPEZZJONIJIET MATUL SERVIZZ REGOLARI

(kif imsemmi fl-Artikolu 5)

1.Informazzjoni dwar il-passiġġieri

Il-mezzi użati sabiex jiġi żgurat li ma jkunx inqabeż in-numru ta' passiġġieri li għalih il-lanċa ro-ro jew il-biċċa tal-baħar ta' veloċità kbira għall-passiġġieri (minn hawn 'il quddiem issir riferenza għaliha bħala "vapur") tkun iċċertifikata. Il-mezzi tar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni tal-passiġġieri jikkonformaw mad-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE 2 . Kif l-informazzjoni dwar in-numru totali ta' passiġġieri tingħadda lill-kaptan u, jekk xieraq, kif il-passiġġieri li jaqsmu darbtejn mingħajr ma jinżlu fuq ix-xatt għandhom jiġu inklużi fit-total għall-vjaġġ ta' ritorn.

2.Informazzjoni dwar tagħbija u stabbilità.

Li, fejn applikabbli, jiġu armati strumenti affidabbli ta' kejl tal-fond u li dawn jintużaw. Li jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li l-vapur ma jkunx mgħobbi żżejjed u li l-linja tat-tagħbija suddiviżorja xierqa ma tkunx taħt l-ilma. Li l-evalwazzjoni tat-tagħbija u tal-istabbilità tiġi mwettqa kif meħtieġ. Li vetturi tal-merkanzija u vetturi oħrajn li jġorru t-tagħbijiet jiġu mwieżna meta dan ikun meħtieġ u li l-figuri jingħaddew lill-vapur għall-użu fl-evalwazzjoni tat-tagħbija u tal-istabbilità. Li pjanijiet dwar kontroll tal-ħsara jkunu esibiti b'mod permanenti u li kotba żgħar li jkun fihom informazzjoni dwar il-kontroll tal-ħsara jiġu pprovduti lill-uffiċjali tal-vapur.

3.Sigurtà għat-tbaħħir

Il-proċedura sabiex jiġi żgurat li l-vapur huwa sigur għat-tbaħħir qabel ma jitlaq mill-irmiġġ, li għandha tinkludi proċedura ta' rapportar pożittiv li l-bibien tal-qoxra kollha li huma protetti kontra l-ilma u kontra t-temp huma magħluqin. Li l-bibien kollha tal-gverta tal-vetturi huma magħluqin qabel ma l-vapur jitlaq mill-irmiġġ jew jibqgħu miftuħin biss ħalli jkun hemm biżżejjed ħin sabiex tkun tista' tingħalaq il-viżiera tal-pruwa, l-arranġamenti ta' għeluq għall-bibien tal-pruwa, tal-poppa u tal-ġenb, u l-provvediment ta' dawl indikatur u sorveljanza televiżiva sabiex jiġi muri l-istatus tagħhom fuq il-pont tan-navigazzjoni. Kull diffikultà bit-tħaddim tad-dwal indikaturi, b'mod partikolari is-sswiċċ tal-bibien, għandha tiġi eżaminata u rapportata.

4.Avviżi tas-sikurezza

Il-forma tal-avviżi tas-sikurezza ta' rutina u l-impustar tal-istruzzjonijiet u tal-linji gwida dwar proċeduri f'każ ta' emerġenza fil-lingwi xierqa. Li l-avviż tas-sikurezza ta' rutina jsir fil-bidu tal-vjaġġ u li jkun jista' jinstema' fl-ispazji pubbliċi kollha, inklużi l-gverti tal-bastiment, li l-passiġġieri għandhom aċċess għalihom.

5.Entrati fil-ġurnal ta' abbord

Eżami tal-ġurnal ta' abbord sabiex jiġi żgurat li jkunu qegħdin isiru l-entrati fir-rigward tal-għeluq tal-bibien tal-pruwa, tal-poppa u ta' bibien oħrajn li ma jidħolx ilma minnhom u li jipproteġu mit-temp, taħriġ dwar bibien tas-suddiviżjoni li ma jidħolx ilma minnhom, ittestjar ta' tagħmir tan-navigazzjoni, eċċ. Anke li qed jiġu rreġistrati l-pixki, il-bordijiet u l-istabbilità kif ukoll il-lingwa komuni ta' ħidma għall-ekwipaġġ.

6.Oġġetti perikolużi

Li kull tagħbija ta' oġġetti perikolużi jew li jniġġsu tinġarr b'mod konformi mar-regolamenti rilevanti u, b'mod partikolari, li tiġi pprovduta dikjarazzjoni dwar oġġetti perikolużi jew li jniġġsu flimkien ma' manifest jew pjan ta' stivar li juri fejn jinsabu abbord, li l-ġarr tat-tagħbija partikolari hija permessa fuq vapuri tal-passiġġieri, u li l-oġġetti perikolużi jew li jniġġsu jkunu immarkati, ittikkettati, stivati, protetti u segregati kif suppost.

Li vetturi li jġorru oġġetti perikolużi jew li jniġġsu jkollhom avviż xieraq u jkunu protetti. Li, meta jinġarru oġġetti perikolużi jew li jniġġsu, tkun disponibbli fuq ix-xatt, kopja tal-manifest jew tal-pjan ta' stivar rilevanti. Li l-kaptan ikun jaf bir-rekwiżiti ta' notifika skont id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 u bl-istruzzjonijiet dwar il-proċeduri ta' emerġenza li jridu jiġu segwiti u bl-għoti tal-ewwel għajnuna jekk jinqala' xi inċident li jinvolvi l-oġġetti perikolużi jew li jniġġsu l-baħar. Li l-mezz ta' kif għandhom jiġu ventilati l-gverti tal-vettura jintuża f'kull ħin, jiġi miżjud meta l-magni tal-vetturi jkunu mqabbdin u li jkun hemm xi forma ta' indikazzjoni fuq il-pont biex juri li l-ventilazzjoni tal-gverta tal-vetturi tkun qiegħda taħdem.

7.Irbit ta' vetturi tat-trasport tal-merkanzija

Kif għandhom jiġu marbutin il-vetturi tat-trasport tal-merkanzija, pereżempju, jekk hux permezz ta' stivar fi blokok jew bi rbit individwali. Jekk ikunux disponibbli biżżejjed postijiet ta' rbit b'saħħithom. L-arranġamenti biex jiġu protetti vetturi tal-merkanzija meta jkun hemm jew ikun mistenni l-maltemp. Il-metodu ta' rbit għal kowċijiet u muturi, jekk ikun hemm. Li l-vapur ikollu manwal għall-protezzjoni tal-merkanzija.

8.Gverti tal-vetturi

Jekk spazji ta' kategoriji speċjali u ro-ro jkunux mgħassa jew sorveljati kontinwament minn sistema ta' kontroll televiżiva sabiex il-moviment ta' vetturi f'maltemp u d-dħul mhux awtorizzat ta' passiġġieri jkun jista' jiġi osservat. Li l-bibien u d-daħliet kontra n-nar jinżammu magħluqa u li jiġu mibgħuta avviżi sabiex il-passiġġieri jinżammu 'l bogħod mill-gverti tal-vetturi waqt li l-vapur ikun fuq il-baħar.

9.Għeluq ta' bibien li ma jidħolx ilma minnhom

Li l-politika stabbilita fl-istruzzjonijiet operazzjonali tal-vapur għall-bibien suddiviżorji li ma jidħolx ilma minnhom tiġi segwita. Li jsir it-taħriġ meħtieġ. Li l-kontroll tal-pont għall-bibienli ma jidħolx ilma minnhom jinżamm, meta possibbli, fuq kontroll "lokali". Li l-bibien jinżammu magħluqin meta jkun hemm viżibilità ristretta jew f'kull sitwazzjoni perikoluża oħra. Li l-ekwipaġġ jingħata struzzjonijiet fir-rigward ta' kif għandhom jiġu operati l-bibien u li jkun jaf bil-perikli jekk ma jintużawx sew.

10.Għassa għan-nar

Għandu jiġi konfermat li tkun qiegħda tinżamm għassa effiċjenti ħalli jekk ikun hemm xi nar dan jiġi skopert immedjatament,. Din għandha tinkludi spazji ta' kategorija speċjali fejn ma jkunx hemm sistema fissa ta' detezzjoni tan-nar u tal-allarm billi dawn l-ispazji jistgħu jiġu mgħassa kif indikat fil-paragrafu 8.

11.Komunikazzjonijiet f'emerġenza

Li jkun hemm biżżejjed membri tal-ekwipaġġ b'mod konformi mal-lista tal-persunal biex jassistu lill-passiġġieri f'każ ta' emerġenza u li jkunu jistgħu jiġu identifikati malajr u li jkunu kapaċi jikkomunikaw mal-passiġġieri f'każ ta' emerġenza, waqt li tiġi kkunsidrata kombinazzjoni xierqa u adegwata tal-fatturi li ġejjin:

(a)il-lingwa jew lingwi xierqa għan-nazzjonalitajiet prinċipali tal-passiġġieri ttrasportati fuq rotta partikolari;

(b)il-probabbiltà li l-abbiltà li jintuża vokabularju elementari Ingliż għall-istruzzjonijiet bażiċi tista' tipprovdi mezz ta' komunikazzjoni ma' passiġġier li jkollu bżonn ta' għajnuna kemm jekk il-passiġġier u l-membru tal-ekwipaġġ ikollhom lingwa komuni u kemm jekk le;

(c)il-ħtieġa possibbli li ssir komunikazzjoni waqt emerġenza permezz ta' xi mezzi oħrajn (eż. b'dimostrazzjoni, sinjali bl-idejn, jew billi tinġibed l-attenzjoni għal fejn ikunu jinsabu l-istruzzjonijiet, l-istazzjonijiet tal-ġemgħa, it-tagħmir tas-salvataġġ jew ir-rotot ta' evakwazzjoni meta komunikazzjoni verbali ma tkunx prattika);

(d)kemm mill--istruzzjonijiet tas-sikurezza kompluti jkunu ġew provduti lill-passiġġieri fil-lingwa jew lingwi nativi tagħhom;

(e)il-lingwi li fihom jistgħu jixxandru avviżi ta' emerġenza waqt emerġenza jew taħriġ sabiex tingħata gwida kritika lill-passiġġieri u sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-membri tal-ekwipaġġ waqt li dawn jassistu lill-passiġġieri.

12.Lingwa komuni tax-xogħol bejn il-membri tal-ekwipaġġ

Il-verifika li tiġi stabbilita lingwa tax-xogħol sabiex tiġi assigurata mġiba effettiva tal-ekwipaġġ fi kwistjonijiet ta' sikurezza u li din il-lingwa tax-xogħol tiġi rreġistrata fil-ġurnal ta' abbord tal-vapur.

13.Tagħmir ta' sikurezza

Li qed jinżammu strumenti ta' salvataġġ u ta' protezzjoni kontra n-nar, inklużi l-bibien ta' kontra n-nar u oġġetti oħrajn tal-ħarsien strutturali kontra n-nar li jistgħu jiġu spezzjonati malajr. Li jiġu esibiti pjanijiet ta' kontroll tan-nar b'mod permanenti jew li jiġu pprovduti kotba żgħar li jkun fihom l-informazzjoni ekwivalenti għall-informazzjoni tal-uffiċjali tal-vapur. Li l-istivar tal-ġkieget tas-salvataġġ ikun xieraq u li l-istivar ta' ġkieget tas-salvataġġ tat-tfal ikun jista' jiġi identifikat malajr. Li t-tagħbija ta' vetturi ma twaqqafx l-operazzjoni tal-kontrolli tan-nar, tat-tifi f'każ ta' emerġenza, tal-kontrolli għall-valvi tat-tempesti, eċċ, li jistgħu jkunu jinsabu fuq il-gverti tal-vetturi.

14.Apparat tan-navigazzjoni u tar-radju

Li l-apparat tan-navigazzjoni u tal-komunikazzjonijiet bir-radju, inklużi l-istazzjonijiet tar-radju li jindikaw il-pożizzjoni f'każ ta' emerġenza (SRJPE) jkunu jaħdmu.

15.Dawl supplimentari ta' emerġenza

Li jkun hemm dawl supplimentari ta' emerġenza, meta meħtieġ mir-regolamenti, u li jinżamm rekord tan-nuqqasijiet.

16.Mezzi tal-evakwazzjoni

Immarkar, b'mod konformi mal-ħtiġiet applikabbli, u t-tidwil, kemm mill-għajn prinċipali tal-enerġija kif ukoll minn dak tal-emerġenza, tal-mezzi tal-evakwazzjoni. Il-miżuri meħuda sabiex il-vetturi jinżammu 'l bogħod mir-rotot ta' evakwazzjoni meta l-mezzi tal-evakwazzjoni jaqsmu jew jgħaddu mill-gverti tal-vetturi. Li l-ħruġ, b'mod partikolari ħruġ minn ħwienet mingħajr dazju, li jkunu nstabu li kienu mblukkati minħabba eċċess ta' oġġetti, jinżammu liberi.

17.Ktieb ta' operazzjonijiet

Li jiġu pprovduti kopji tal-ktieb ta' operazzjonijiet lill-kaptan u lil kull uffiċjal superjuri u li kopji oħrajn jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-membri l-oħrajn kollha tal-ekwipaġġ. Barra minn hekk li jkun hemm listi ta' kontroll li jkopru l-preparazzjoni għall-operazzjonijiet tal-baħar u operazzjonijiet oħrajn.

18.Indafa fil-kamra tal-magna

Li l-kamra tal-magna tinżamm f'kondizzjoni nadifa fir-rigward tal-proċeduri ta' manutenzjoni.

19.Rimi ta' żibel

Li l-arranġament għall-irfigħ u r-rimi taż-żibel ikunu sodisfaċenti.

20.Manutenzjoni ppjanata

Il-kumpaniji kollha għandu jkollhom ordnijiet regolari speċifiċi, b'sistema ta' manutenzjoni ppjanata, għaż-żoni kollha relatati mas-sikurezza inklużi bibien tal-pruwa u tal-poppa u fetħiet mal-ġnub, flimkien mal-arranġamenti ta' għeluq tagħhom, iżda li jkopru l-manutenzjoni tal-kamra tal-magna u apparat tas-sikurezza. Għandu jkun hemm pjanijiet għall-kontroll perjodiku tal-oġġetti kollha sabiex l-istandards tas-sikurezza jinżammu fl-iktar livell għoli. Għandu jkun hemm proċeduri għall-irrekordjar ta' nuqqasijiet u sabiex jiġi kkonfermat li dawn ikunu ġew rettifikati sew sabiex il-kaptan u l-persuna nnominata fuq ix-xatt fl-istruttura ta' tmexxija tal-kumpanija jkunu jafu bin-nuqqasijiet u li jiġu nnotifikati meta dawn jiġu rettifikati fi żmien speċifikat. Kontroll perjodiku tat-tħaddim tal-arranġamenti dwar l-għeluq tal-bieb ta' barra u ta' ġewwa tal-pruwa għandhom jinkludu l-indikaturi, l-apparat ta' kontroll u kull toqba fl-ispazji bejn il-viżiera tal-pruwa u l-bieb ta' ġewwa u speċjalment il-mekkaniżmi ta' għeluq u s-sistemi idrawliċi relattivi tagħhom.

21.Meta jsir vjaġġ

Meta jsir vjaġġ għandha tittieħed l-opportunità sabiex jiġi kontrollat jekk hemmx iffullar, inkluż id-disponibbiltà ta' siġġijiet u jekk il-passaġġi, it-turġien u l-ħruġ ta' emerġenza humiex imblukkati b'bagalji jew b'passiġġieri li ma jistgħux isibu fejn ipoġġu bilqiegħda. Għandu jiġi kkontrollat ukoll li ma jkunx hemm passiġġieri fuq il-gverta tal-vetturi qabel ma jitlaq il-vapur u li lanqas ma jkollhom aċċess ħlief immedjatament qabel ma jidħol fil-baċir.



Anness 4
TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 1999/35/KE

Direttiva Ġdida

Artikolu 1

--

Artikolu 2(a), (b), (d), (e), (f), (g), (h), (j), (m), (n), (o), (r)

Artikolu 2(1), (2), (3), (4), (5), (6), (7), (8), (9), (10), (11)

Artikolu 2(c), (i), (k), (l), (p), (q), (s)

--

Artikolu 3

Artikolu 1

Artikolu 4

--

Artikolu 5(1)(a)

Artikolu 3

Artikolu 5(1)(b), (2)

--

Artikolu 6

Artikolu 3

Artikolu 7

Artikolu 4

Artikolu 8(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 8(2)

Artikolu 5(3)

Artikolu 8(3)

Artikolu 9(1)

Artikolu 9

Artikolu 6

Artikolu 10(1)(a), (b), (c),

Artikolu 7

Artikolu 10(1)(d)

--

Artikolu 10(2)

Artikolu 7

Artikolu 10(3)

Artikolu 8

Artikolu 10(4)

--

Artikolu 11(1), (2), (3), (4), (5), (7), (8)

--

Artikolu 11(6)

Artikolu 6(1)

Artikolu 13(1), (2),(4), (5)

--

Artikolu 13(3)

Artikolu 6(2) u Artikolu 10

Artikolu 14

--

Artikolu 15

--

Artikolu 16

--

Artikolu 17

Artikolu 12

Artikolu 18

Artikolu 11

Artikolu 19

Artikolu 17

Artikolu 20

Artikolu 16

Artikolu 21

Artikolu 18

Artikolu 22

Artikolu 19

Anness I

Anness I

Anness II

--

Anness III

Anness II

Anness IV

Anness III

Anness V

--

(1) Id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33).
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE tat-18 ta' Ġunju 1998 dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (ĠU L 188, 2.7.1998, p. 35).
(3) Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).