Brussell, 25.5.2016

COM(2016) 287 final

2016/0151(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva fid-dawl tar-realtajiet tas-suq li qed jinbidlu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2016) 168 final}
{SWD(2016) 169 final}
{SWD(2016) 170 final}
{SWD(2016) 171 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u objettivi tagħha

Ix-xena tal-midja awdjoviżiva qiegħda tinbidel b'pass mgħaġġel minħabba l-konverġenza dejjem tiżdied bejn it-televiżjoni u s-servizzi mqassma permezz tal-internet. Il-konsumaturi qegħdin dejjem aktar jaċċessaw kontenut on-demand permezz ta' smart TV jew TV konness u apparat portabbli. Il-konsumaturi żgħażagħ, b'mod partikolari, jaraw il-vidjos, inkluż kontenut maħluq mill-utenti, fuq l-internet. Ix-xandir tradizzjonali fl-UE għadu b'saħħtu f'termini ta' telespettaturi, dħul mir-reklamar, u investiment fil-kontenut (madwar 30 % tad-dħul). Madankollu, qegħdin jitfaċċaw mudelli ġodda ta' negozju. Ix-xandara qegħdin jestendu l-attivitajiet onlajn tagħhom u parteċipanti ġodda li joffru kontenut awdjoviżiv permezz tal-internet (pereżempju fornituri ta' video-on-demand u pjattaformi ta' video-sharing) qegħdin isiru aktar b'saħħithom u qegħdin jikkompetu għall-istess udjenzi. Madankollu, ix-xandir tat-TV, il-video-on-demand u l-kontenut maħluq mill-utenti huma soġġetti għal regoli differenti u livelli li jvarjaw ta' protezzjoni tal-konsumatur.

L-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali (DSM, Digital Single Market) għall-Ewropa 1 titlob l-immodernizzar tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD, Audiovisual Media Services Directive) 2 biex jirrifletti dawn il-bidliet teknoloġiċi, fis-suq u fil-konsum. Din teħtieġ li l-Kummissjoni tiffoka fuq il-kamp ta' applikazzjoni tal-AVMSD u fuq in-natura tar-regoli applikabbli għall-parteċipanti kollha tas-suq 3 (b'mod partikolari dawk għall-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej 4 ), il-protezzjoni tal-minorenni u r-regoli tar-riklamar.

Skont dan l-impenn, u f'konformità mar-rekwiżiti ta' "Regolamentazzjoni Aħjar" 5 , il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post (magħrufa wkoll bħala "REFIT"). Hija vvalutat l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tal-AVMSD, u identifikat oqsma fejn hemm potenzjal għal simplifikazzjoni, mingħajr ma jiġu mhedda l-objettivi tal-AVMSD.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE kif emendata bid-Direttivi 97/36/KE u 2007/65/KE u kkodifikata fid-Direttiva 2010/13/UE (AVMSD), tkopri ż-żewġ regoli għax-"xandir tat-televiżjoni" u għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva on-demand. Din il-proposta tqis bidliet fix-xena awdjoviżiva mill-aħħar reviżjoni sabiex tiżgura li l-AVMSD tipprovdi qafas ġuridiku modernizzat, flessibbli u li jħares 'il quddiem.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Din il-proposta tikkumplimenta liġi tal-UE eżistenti, b'mod partikolari d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku 2000/31/KE, id-Direttiva 2003/33/KE dwar ir-reklamar u l-patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk, id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali u d-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija.

F'Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat proposta għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà 6 , li tistipula rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għal firxa wiesgħa ta' prodotti u servizzi inklużi servizzi tal-midja awdjoviżiva. Għalhekk, ir-reviżjoni tal-AVMSD ma tindirizzax il-kwistjoni tal-aċċessibbiltà.

id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku 2000/31/KE (ECD)

L-AVMSD attwali ma tapplikax għall-kontenut maħluq mill-utenti offrut fuq pjattaformi ta' video-sharing peress li l-fornituri tas-servizzi tal-pjattaformi ta' video-sharing spiss ma jkollhomx ir-responsabbiltà editorjali għall-kontenut maħżun fuq dawk il-pjattformi. F'ħafna każijiet dawn is-servizzi huma soġġetti għad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (ECD), peress li jikkostitwixxu servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

L-ECD ma tirrekjedix li l-intermedjarji jissorveljaw kontenut ospitat minnhom; fil-fatt, hija tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu obbligu ġenerali ta' monitoraġġ jew li jkunu involuti f'tiftix tal-fatti attiv li jindika attività illegali (Artikolu 15). Skont l-ECD, l-intermedjarji – u b'mod aktar speċifiku l-fornituri tal-hekk imsejħa servizzi "ospitanti" – huma eżentati mir-responsabbiltà għal kwalunkwe informazzjoni illegali li jospitaw (Artikolu 14). Il-fornituri jistgħu jikkwalifikaw biss bħala fornituri ta' servizz ospitanti fit-tifsira tal-ECD fejn la għandhom għarfien dwar u lanqas kontroll fuq l-informazzjoni inkwistjoni. Din l-eżenzjoni mir-responsabbiltà hija disponibbli biss jekk il-fornituri jiżguraw li, jekk jiġi identifikat kontenut illegali, huma jieħdu azzjoni rapida biex jiddiżattivaw l-aċċess għalih jew ineħħuh.

Din il-proposta tkun tikkumplimenta l-ECD dwar xi punti, kif spjegat fit-taqsima 5 hawn taħt, filwaqt li d-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq tal-ECD, kif ukoll l-Artikolu 3 tagħha dwar is-suq intern, ma jkunux affettwati.

Id-Direttiva dwar ir-reklamar u l-patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk 2003/33/KE

Id-Direttiva 2003/33/KE tipprojbixxi r-reklamar tas-sigaretti u prodotti oħrajn tat-tabakk fl-istampa u f'pubblikazzjonijiet stampati oħrajn, fuq ir-radju u f'servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Hija tipprojbixxi wkoll l-isponsorizzazzjoni, minn kumpaniji tat-tabakk, ta' programmi tar-radju u ta' avvenimenti transfruntiera. Barra minn hekk, il-premessa 14 tad-Direttiva 2003/33/KE tagħmilha ċara li l-forom kollha ta' komunikazzjonijiet kummerċjali adwjoviżivi għas-sigaretti u prodotti oħrajn tat-tabakk fis-servizzi tax-xandir huma pprojbiti mill-AVMSD. Permezz ta' emendi suċċessivi, dawn ir-restrizzjonijiet ġew estiżi biex ikopru l-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi kollha, inklużi l-isponsorizzazzjoni u l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali f'servizzi tal-midja awdjoviżiva (Artikoli 9(1)(d), 10(2) u 11(4)(a) AVMSD). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 20(5)(e) tad-Direttiva 2014/40/UE dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u tal-prodotti relatati 7 , il-projbizzjonijiet applikabbli għall-komunikazzjonijiet dwar il-prodotti tat-tabakk taħt l-AVMSD japplikaw ukoll għas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta' rikarika. Il-projbizzjoni fuq komunikazzjonijiet kummerċjali fir-rigward tat-tabakk u prodotti relatati hija murija fi premessa tad-Direttiva li qiegħda tiġi proposta.

Id-Direttiva 2005/29/KE dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali (UCPD)

Il-UCPD hija l-korp ewlieni tal-leġiżlazzjoni dwar il-prattiċi kummerċjali bejn in-negozji u l-konsumaturi, bħal reklamar qarrieqi, fl-UE. Din tapplika għall-prattiki kummerċjali kollha bejn in-negozji u l-konsumaturi, qabel, matul u wara li tkun saret tranżazzjoni, kemm onlajn kif ukoll offlajn.

Il-UCPD tipprovdi tliet livelli ta' protezzjoni tal-konsumatur:

(1)Il-lista sewda ta' 31 prattika kummerċjali speċifika li huma pprojbiti fiċ-ċirkostanzi kollha;

(2)Prattiċi qarrieqa u aggressivi – li għandhom jiġu vvalutati fuq bażi ta' każ b'każ;

(3)Projbizzjoni ġenerali ta' prattiċi inġusti bil-kontra ta' diliġenza professjonali – li għandhom jiġu vvalutati fuq bażi ta' każ b'każ.

Id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija 2011/93/UE

Id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija tarmonizza mal-Unjoni kollha r-reati kriminali relatati mal-abbuż sesswali mwettaq kontra t-tfal, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija. Hija tistabbilixxi wkoll sanzjonijiet minimi.

Konsistenza mal-obbligi tal-liġi internazzjonali

21 Stat Membru tal-UE huma partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Transkonfinali 1989 (CETS Nru. 132) li ġiet emendata minn Protokoll tal-1998. L-Unjoni mhijiex parti għall-Konvenzjoni.

Il-Konvenzjoni tippermetti lill-partijiet kontraenti japplikaw regoli aktar stretti jew aktar dettaljati għas-servizzi ta' programmi trażmessi minn xandara taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom.

Sal-punt li xi wħud mir-regoli eżistenti tal-AVMSD huma inqas stretti mir-regoli tal-Konvenzjoni, l-implimentazzjoni tar-regoli tal-AVMSD mill-Istati Membri tal-UE li huma partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni diġà tista' twassal għal xi differenzi bejn l-Istati Membri tal-UE skont jekk humiex partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni fir-rigward tal-obbligi internazzjonali tagħhom. Dan ikun il-każ ukoll għal xi emendi li jinsabu f'din il-proposta, li jintroduċu fl-AVMSD regoli ulterjuri li huma inqas stressi mir-regoli tal-Konvenzjoni.

Għall-kwistjonijiet koperti mill-AVMSD, l-Unjoni kisbet kompetenza esklussiva biex tidħol fi ftehimiet internazzjonali. Kull tibdil fl-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni għalhekk ikun jeħtieġ azzjoni min-naħa tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Il-bażi ġuridika

L-AVMSD hija bbażata fuq is-setgħat tal-UE li tikkoordina l-liġijiet tal-Istati Membri biex tinħoloq il-libertà li jkunu provduti servizzi fis-suq intern (Artikolu 53(1) TFUE flimkien mal-Artikolu 62 TFUE).

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)

Id-dimensjoni li tkopri l-UE kollha tas-suq awdjoviżiv qiegħda dejjem tiżdied, b'mod partikolari minħabba t-tkabbir onlajn u l-fatt li l-kanali tat-TV qegħdin isiru aktar internazzjonali. Fl-aħħar tal-2013, 5 141 kanal tat-TV (esklużi l-kanali u l-windows lokali) ġew stabbiliti fl-UE. Minn dawn, kważi 1989 minnhom immiraw swieq barranin (jew UE jew ekstra-UE). Dan is-sehem kien żdied minn 28 % fl-2009 —is-sena ta' implimentazzjoni— għal 38 % fl-2013. F'dak li għandu x'jaqsam mas-servizzi tal-video-on-demand, bħala medja, madwar 31 % tas-servizzi tal-video-on-demand disponibbli fi Stat Membru huma stabbiliti f'pajjiż ieħor tal-UE (2015). Dan isaħħaħ il-valur miżjud kontinwu tal-intervent tal-UE.

Il-proposta tikkonforma kemm mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif ukoll ma' dak ta' proporzjonalità billi, b'mod ġenerali, tippreżerva approċċ ta' armonizzazzjoni minima u ttejjeb il-mekkaniżmi ta' deroga u ċirkomvenzjoni. Dan sejjer jippermetti lill-Istati Membri biex iqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom. Fil-prattika, l-Istati Membri adottaw regoli aktar stretti, b'mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni tas-servizz tal-midja awdjoviżiva on-demand, l-istabbiliment ta' awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej, il-protezzjoni tal-minorenni u l-komunikazzjonijiet kummerċjali.

Billi l-AVMSD tipprovdi armonizzazzjoni minima, ir-regoli eżistenti jistgħu jiġu ssimplifikati biss fil-livell tal-UE.

Fir-rigward tal-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-AVMSD għall-pjattaformi ta' video-sharing, l-azzjoni tal-UE tiżgura konsistenza mas-servizzi diġà koperti minn dik id-Direttiva. Armonizzazzjoni massima f'dan il-qasam tipprevjeni kwalunkwe frammentazzjoni potenzjali futura li tirriżulta minn intervent nazzjonali.

Proporzjonalità

Kif iddikjarat hawn fuq, billi tippreserva l-approċċ ta' armonizzazzjoni minima u l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni, il-proposta sejra tkun konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Għażla tal-istrument

Id-Direttiva proposta tirrakkomanda l-użu tal-koregolamentazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-minorenni, il-ġlieda kontra diskors ta' mibegħda u l-komunikazzjonijiet kummerċjali. Sistemi bħal dawn jitqiesu ġeneralment aċċettati mill-partijiet ikkonċernati ewlenin u jipprevedu infurzar effettiv.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet/il-kontrolli tal-idoneità ex post tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-konklużjoni ġenerali hija li l-objettivi tal-AVMSD għadhom rilevanti. L-evalwazzjoni sabet li l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini ppermetta l-iżvilupp u ċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva madwar l-UE, b'ċertezza legali u rriżulta fi spejjeż ta' konformità aktar baxxi għall-fornituri u aktar għażla għall-konsumaturi. 

L-evalwazzjoni REFIT ikkonkludiet li hemm skop għal simplifikazzjoni, speċifikament tal-proċeduri li jappoġġjaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-"pajjiż tal-oriġini" (COO) (jiġifieri l-kriterji li jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni fuq il-fornituri u l-proċeduri ta' deroga u ta' kooperazzjoni li jillimitaw il-libertà tar-riċeviment u r-ritrażmissjoni f'każijiet speċifiċi) u ta' xi regoli tal-komunikazzjonijiet kummerċjali. Xi regoli oħrajn ma għadhomx aktar adattati biex jiksbu l-objettivi tal-politika, primarjament minħabba żviluppi fis-suq u bidliet fit-tendenzi ta' kif in-nies jaraw it-televiżjoni. Id-Direttiva qiegħda tiġi ssimplifikata wkoll billi jiġu allinjati r-regoli dwar il-protezzjoni tal-minorenni għax-xandir tat-TV u s-servizzi on-demand.

Il-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati

Fl-2013, il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper 8  "It-tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva Konverġenti b’Mod Komplet: Tkabbir, ħolqien u valuri" u stiednet lill-partijiet ikkonċernati biex jikkondividu l-opinjonijiet tagħhom dwar ix-xena tal-midja li qiegħda tinbidel u l-internet mingħajr fruntieri, b'mod partikolari dwar il-kundizzjonijiet tas-suq, l-interoperabbiltà u l-infrastruttura, u l-implikazzjonijiet għar-regoli tal-UE. L-eżiti tal-Green Paper huma riflessi fid-dokument tal-feedback u fis-sommarju eżekuttiv tar-risposti ppubblikati mill-Kummissjoni f'Settembru 2014 9 .

Minħabba r-reviżjoni attwali tal-AVMSD, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika 10 magħrufa bħala "L-AVMSD — qafas tal-midja għas-seklu 21" li saret mis-6 ta' Lulju 2015 sat-30 ta' Settembru 2015.

Ir-riżultati ewlenin f'dak li għandu x'jaqsam mal-għażliet tal-politika għall-futur kienu:

il-konverġenza tal-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar il-ħtieġa għal bidliet possibbli tar-regoli dwar il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, għalkemm ma kien hemm l-ebda xejra komuni jew ċarezza fost il-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-ġejjieni;

il-konverġenza tal-opinjonijiet dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali;

l-appoġġ fost il-partijiet ikkonċernati għaż-żamma tal-istatus quo fir-rigward tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini; must-carry/traċċabilità; l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà; ir-regoli dwar avvenimenti ewlenin għas-soċjetà, ir-rapporti tal-aħbarijiet fil-qosor u d-dritt ta' risposta;

l-ebda kunsens ċar fost il-partijiet ikkonċernati dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali, il-protezzjoni tal-minorenni jew il-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej.

It-tendenzi li ġejjin tfaċċaw fost gruppi differenti ta' kontributuri:

Kien hemm sejħa minn sehem ġust ta' rappreżentanti tas-settur tax-xandir biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi jew billi jiġu regolati servizzi ġodda u/jew billi tiġi żgurata aktar flessibbiltà tar-regoli eżistenti.

L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi talbu għal tisħiħ tar-regoli tal-AVMSD immirati lejn il-protezzjoni tat-telespettaturi, b'mod partikolari t-telespettaturi vulnerabbli.

L-industriji tal-internet, tat-telekomunikazzjoni u tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) talbu biex ma jsirux regolamenti ġodda, sabiex tiġi ppreżervata l-innovazzjoni.

L-industrija tal-kontenut talbet biex jissaħħu r-regoli mmirati lejn il-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej, fis-servizzi kollha tal-midja awdjoviżiva.

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni bbażat fuq il-parir espert estern li ġej:

Rakkomandazzjonijiet politiċi minn istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, b'mod partikolari l-Parlament Ewropew 11 , il-Kunsill 12 , il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 13 u l-Kumitat tar-Reġjuni 14 .

Ġbir ta' dejta dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-AVMSD 15 . Il-kwestjonarju ġie abbozzat minn task force ta' regolaturi awdjoviżivi tal-Istati Membri msejħa mill-Kummissjoni Ewropea. Dan ġie sottomess lir-regolaturi tal-Istati Membri fil-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (ERGA 16 , European Regulators Group for Audiovisual Media Services) lis-setturi rilevanti tal-industrija u lill-organizzazjonijiet tal-konsumatur. Il-kwestjonarju ntbagħat f'Mejju/Ġunju 2015. Kien jinkludi mistoqsijiet dwar il-benefiċċji u l-aspetti negattivi ta' ċerti regoli tal-AVMSD u fittex evidenza kwantitattiva fit-termini tad-dħul annwali jew tal-ispejjeż diretti jew indiretti tal-konformità. Kien ikopri wkoll regoli dwar:

1.    Komunikazzjonijiet kummerċjali

2.    Xogħlijiet Ewropej

3.    Il-protezzjoni tal-minorenni

4.    Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini

Il-perjodu referenzjarju għall-mistoqsijiet kwantitattivi kien mill-2010 sal-2014, inklużi.

L-istħarriġ attira 107 risposta: 40 minn xandara kummerċjali (38 %), 20 minn xandara pubbliċi (19 %), 18 minn fornituri ta' video-on-demand (17 %), 12 minn assoċjazzjonijiet nazzjonali li jiffukaw fuq il-protezzjoni tal-minorenni (12 %), 10 minn assoċjazzjonijiet nazzjonali li jirrappreżentaw il-produtturi indipendenti (10 %), u 4 minn assoċjazzjonijiet tal-konsumatur (4 %). Assoċjazzjoni waħda li tirrappreżenta x-xandara u oħra li tirrappreżenta azjendi tal-bejgħ (sales houses) ipparteċipaw ukoll. Il-parteċipanti huma stabbiliti f'19-il Stat Membru.

Studji u opinjonijiet tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (ERGA). Fil-programm ta' ħidma tiegħu tal-2015, ERGA ntrabat li jipprovdi analiżi u rapporti dwar erba' suġġetti ewlenin: l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji awdjoviżivi; il-ġuriżdizzjoni materjali f'dinja awdjoviżiva konverġenti; il-protezzjoni tal-minorenni f'ambjent ta' konverġenza; u l-indirizzar tal-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni territorjali fil-kuntest tal-UE. Kull suġġett ġie indirizzat minn subgruppi li jinkludu l-membri tal-ERGA. L-ewwel tliet rapporti ġew adottati permezz tal-proċedura bil-miktub (f'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regoli ta' Proċedura ERGA) f'Diċembru 2015. Ir-rapport dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali sejjer jiġi adottat matul l-2016.

Studji esterni 17  dwar l-esponiment għal riklamar tal-alkoħol, l-impatt tal-kummerċjalizzazzjoni onlajn fuq it-tfal, l-indipendenza tar-regolaturi awdjoviżivi, l-awtoregolamentazzjoni u l-koregolamentazzjoni u l-istandardizzazzjoni:

Studju dwar l-esponiment għal riklamar tal-alkoħol , biex jivvaluta jekk ir-regoli dwar il-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva għal xorb alkoħoliku tawx lill-minorenni l-livell ta' protezzjoni meħtieġ 18 .

Studju dwar l-impatt tal-kummerċjalizzazzjoni permezz tal-midja soċjali, il-logħob onlajn u l-applikazzjonijet mobbli fuq l-imġiba tat-tfal. Ir-rapport finali sejjer jiġi ppubblikat f'Marzu tal-2016 19 .

Studju dwar l-indipendenza tar-regolaturi awdjoviżivi, li jaġġorna studju preċedenti dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji. Dan l-istudju jirrapporta dwar bidliet u żviluppi riċenti fl-Istati Membri u fil-pajjiżi kandidati fir-rigward tal-indipendenza u l-funzjonament effiċjenti tal-korpi regolatorji tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva. Ir-rapport finali ġie ppublikat 20 fit-8 ta' Diċembru 2015.

Studju dwar l-Awtoregolamentazzjoni li jirrevedi l-approċċi ta' awtoregolamentazzjoni eżistenti f'firxa ta' Stati Membri u għandu l-għan li jipprovdi informazzjoni dwar evidenza rilevanti tal-iskemi eżistenti u l-effettività tagħhom. Ir-rapport finali għandu jinħareġ fit-tieni trimestru tal-2016.

Erba' studji dwar stħarriġ u ġbir ta' dejta sabiex jappoġġjaw il-valutazzjoni tal-impatt ta' proposta leġiżlattiva ġdida possibbli dwar l-AVMSD ikkummissjonati taħt il-Kuntratt Qafas EAC-22-201 21 . Dawn ikopru: il-komunikazzjoni kummerċjali, il-protezzjoni tal-minorenni, id-diversità kulturali u l-libertà tal-midja/interess pubbliku u l-aċċess għal persuni b'diżabbiltà. L-abbozz ta' rapport finali tal-istudju ser jintbagħat lill-Kummissjoni fit-tieni simestru tal-2016.

Żewġ rapporti dwar l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew (EAO) ("Studju dwar id-dejta u l-informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD)" 22  u "Swieq On-demand fl-Unjoni Ewropea — żviluppi tal-2014 u l-2015" 23 ) imwettqa fil-kuntest tal-Kuntratt Qafas PN/2011-27/A6. Dawn iż-żewġ rapporti jiffukaw fuq:

(1)il-kejl tal-udjenzi;

(2)ir-riklamar onlajn fl-UE;

(3)is-suq tas-sottoskrizzjoni tal-video-on-demand tal-UE fl-2014;

(4)il-viżibbiltà tal-films f'servizzi on-demand;

(5)il-proporzjon tax-xogħlijiet fittizji Ewropej fuq kampjun ta' kanali tat-TV;

(6)is-servizzi awdjoviżivi on-demand, inkluż id-dħul u l-investiment fil-programmazzjoni oriġinali;

(7)is-servizzi awdjoviżivi lineari, inkluż id-dħul u l-investiment fil-programmazzjoni oriġinali; 

Valutazzjoni tal-impatt

Is-sommarju eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-impatt u l-opinjoni pożittiva tal-Bord ta' Skrutinju Regolatorju jinsab fuq il-websajt tal-Kummissjoni: XXX

L-għażliet li ġejjin ġew eżaminati (għal kull taqsima, l-għażla preferuta hija indikata speċifikament):

(8)L-għażliet li jindirizzaw il-problema ta' protezzjoni insuffiċjenti tal-minorenni u tal-konsumaturi fi pjattaformi ta' video-sharing

Għażla A tħeġġeġ l-awtoregolamentazzjoni għall-protezzjoni tal-minorenni u tal-konsumaturi fi pjattaformi ta' video-sharing

Għażla B timponi obbligu ta' mezzi fuq pjattaformi ta' video-sharing għall-protezzjoni tal-minorenni u diskors ta' mibegħda, implimentat permezz tal-koregolamentazzjoni.

(9)L-għażliet li jindirizzaw il-problema tan-nuqqas ta' kundizzjonijiet ekwi u l-punti dgħajfa tas-suq intern

(a) Promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej:

Għażla A tagħti aktar flessibbiltà kemm lix-xandir tat-TV kif ukoll lis-servizzi on-demand fil-mod ta' kif jimplimentaw l-obbligi biex jippromwovu x-xogħlijiet Ewropej.

Għażla B iżżomm l-istatus quo għax-xandir tat-TV u ssaħħaħ ir-regoli għall-fornituri tas-servizzi on-demand.

(b) Protezzjoni tal-minorenni fis-servizzi on-demand

Għażla A żżid il-livell ta' protezzjoni tal-minorenni għal servizzi tal-midja awdjoviżiva on-demand, tissimplifika l-kunċett ta' kontenut li jista' jagħmel ħsara u tħeġġeġ il-koregolamentazzjoni tal-UE dwar id-deskritturi tal-kontenut.

(c) Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini

Għażla A tissimplifika u ttejjeb ir-regoli ta' ġuriżdizzjoni u l-proċeduri ta' kooperazzjoni

(d) L-indipendenza tar-regolaturi

Għażla A teħtieġ li l-Istati Membri jkollhom awtorità regolatorja indipendenti u tistabbilixxi għadd ta' rekwiżiti b'appoġġ għall-indipendenza u l-effettività tagħhom. Ir-rwol konsultattiv u ta' koordinazzjoni tal-ERGA huwa msaħħaħ u integrat fl-AVMSD.

(10)L-għażla li tindirizza l-problema tar-regoli dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali li ma għadhomx jilħqu l-iskop tagħhom

Għażla A tirrendi xi regoli dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi aktar flessibbli.

It-taħlita ta' għażliet preferuti titqies li tilħaq l-aqwa bilanċ bejn il-ħtieġa li tiġi introdotta flessibbiltà fir-rigward tal-livell ta' regolamentazzjoni attwali u tiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur.

Fuq naħa waħda, l-industrija sejra tibbenifika minn regoli kwantitattivi aktar flessibbli dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali. Iż-żieda fl-effiċjenza tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini u r-rekwiżiti għall-indipendenza tar-regolaturi jtejbu l-ambjent tan-negozju li fih joperaw il-parteċipanti awdjoviżivi.

Min-naħa l-oħra, il-konsumaturi sejrin jiġu garantiti livell għoli ta' protezzjoni permezz tal-estensjoni limitata tal-AVMSD għall-pjattaformi ta' video-sharing u r-rinfruzar tar-rekwiżiti applikabbli għas-servizzi on-demand fit-termini tal-protezzjoni tal-minorenni. Il-konsumaturi sejrin jibbenefikaw ukoll minn aċċess akbar għal xogħlijiet Ewropej f'servizzi on-demand.

L-għażliet kollha jqisu, fejn xieraq, il-ħtieġa għal flessibbiltà għall-industrija billi titqies implimentazzjoni possibbli permezz tal-awtoregolamentazzjoni u/jew tal-koregolamentazzjoni (il-kamp ta' applikazzjoni, informazzjoni dwar kontenut li jista' jagħmel ħsara).

Ħafna mill-għażliet jikkumplementaw lil xulxin. Pereżempju, l-indipendenza tar-regolaturi sejra tkun ta' importanza kbira jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jafdawhom bl-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar il-pjattaformi ta' video-sharing . Barra minn hekk, iż-żieda potenzjali fid-dħul tal-fornituri ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva li tirriżulta mill-flessibbiltà akbar ta' regoli kwantitattivi dwar ix-xandir sejra tirrilaxxa potenzjal għal kontribuzzjoni akbar għall-produzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej.

Il-kombinazzjoni tal-għażliet tikseb kundizzjonijiet aktar ekwi bejn il-parteċipanti differenti fis-suq tal-midja awdjoviżiva. Dan pereżempju jseħħ billi l-livell ta' ċerti rekwiżiti għal servizzi on-demand u pjattaformi ta' video-sharing jogħla fir-rigward tal--protezzjoni tal-konsumaturi jew il-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej filwaqt li tingħata aktar flessibbiltà lis-servizzi tax-xandir tat-TV dwar ċerti regoli dwar komunikazzjonijiet kummerċjali.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-evalwazzjoni ex post identifikat il-komunikazzjonijiet kummerċjali bħala qasam wieħed fejn tista' tingħata aktar flessibbiltà b'mod partikolari fir-rigward tax-xandara tat-TV.

Is-suq għax-xandir tat-TV evolva u hemm ħtieġa għal aktar flessibbiltà fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi, b'mod partikolari għal regoli kwantitattivi għal servizzi tal-midja awdjoviżiva lineari, l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali u l-isponsorizzazzjoni. Il-ħolqien ta' servizzi ġodda, inkluż mingħajr riklamar, wassal għal għażla akbar għat-telespettaturi, li faċilment jistgħu jaqilbu għal offerti alternattivi. L-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali għandha l-potenzjal li tiġġenera riżorsi addizzjonali sostanzjali għall-fornituri ta' servizzi tal-midja. Il-qafas regolatorju għandu jkun allinjat ma' dan il-kuntest il-ġdid, prinċipalment permezz ta' aktar flessibbiltà fir-rigward tar-regoli għas-servizzi tax-xandir. F'dan l-isfond, il-proposta tippermetti (f'ċerti ċirkostanzi) l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali u tintroduċi aktar flessibbiltà fir-rigward tar-regoli kwantitattivi. Fl-istess ħin, il-proposta tqis l-evidenza 24 miġbura dwar l-effett li l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali jista' jkollha fuq it-tfal billi tibqa' tillimita l-esponiment tagħhom għal tali kontenut.

Fir-rigward tal-iffrankar possibbli għall-fornituri tas-servizz, dan ikun limitat. L-iskedar tar-riklamar huwa komponent ewlieni tal-programmazzjoni tax-xandir u r-regoli kwantitattivi imposti mill-AVMSD huma biss parti żgħira minn numru kbir ta' parametri meqjusa fl-istrateġiji tal-iskedar tat-TV bil-għan li jottimizzaw l-udjenza u l-qligħ. L-ispejjeż assoċjati mal-programmazzjoni tax-xandir, inklużi l-ispejjeż tal-IT, huma "negozju bħas-soltu", jiġifieri l-ispejjeż imġarrba fin-nuqqas tal-AVMSD.

Fir-rigward tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, mhux sejjer ikun hemm spiża amministrattiva inkrimentali għalihom. Bħalissa, il-monitoraġġ u l-attivitajiet ta' infurzar tar-regolaturi fir-rigward tal-limitazzjoni ta' 20 % ta' reklamar kull siegħa fuq it-televiżjoni jammontaw għal EUR 1 miljun 25 . Fir-rigward tal-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali u r-regoli ta' sponsorizzazzjoni, dawn l-ispejjeż jammontaw rispettivament għal EUR 2.2 miljun u EUR 2.1 miljun fis-sena fil-livell tal-UE 26 . Peress li sehem importanti ta' dawn l-ispejjeż ġej mill-applikazzjoni ta' kriterji suġġettivi, bħall-prominenza żejda tal-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali, ir-regolaturi żgur li sejrin inaqqsu l-ispejjeż attwali tagħhom. Madankollu mhuwiex possibbli li dan l-iffrankar tal-ispejjeż jiġi kwantifikat b'mod preċiż.

Fir-rigward tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-mikrointrapriżi, il-proposta tipprevedi eżenzjonijiet possibbli għad-dispożizzjonijiet relatati mal-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej. Tabilħaqq, l-Istati Membri sejrin jitħallew jintroduċu eċċezzjonijiet għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva tematika jew b'udjenza baxxa.

Għad-dispożizzjonijiet li jindirizzaw il-protezzjoni tal-konsumaturi inkluż il-minorenni, il-proposta ma tipprevedi l-ebda eżenzjoni għall-SMEs u l-mikrointrapriżi peress li tindirizza valuri importanti ħafna.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tqis ukoll bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni ta' dejta personali (Artikoli 7 u 8), il-libertà ta' espressjoni u informazzjoni (Artikolu 11), il-libertà tat-twettiq ta' negozju (Artikolu 16) u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni (Artikolu 21), id-drittijiet tat-tfal (Artikolu 24) u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust (Artikolu 47).

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE. 

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet għall-implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni sejjer jibqa' jiġi żgurat mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta':

Rapporti ta' applikazzjoni mill-Kummissjoni, dwar id-Direttiva fl-intier tagħha, sentejn wara l-adozzjoni tad-Direttiva u kull tliet snin minn hemm 'il quddiem;

Rapporti dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej kull sentejn (għax-xandir tat-TV u s-servizzi on-demand);

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar pjattaformi ta' video-sharing fuq bażi ta' studju indipendenti mwettaq wara t-traspożizzjoni;

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni tad-deskritturi tal-kontenut għall-protezzjoni tal-minorenni.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)

Mhux applikabbli

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini għall-fornituri tas-servizzi tal-midja huwa miżmum u msaħħaħ billi jiġu ssimplifikati r-regoli li jiddeterminaw liema pajjiż għandu ġuriżdizzjoni u jitjiebu l-mekkaniżmi ta' deroga f'każijiet ta' eċċezzjonijiet.

Id-Direttiva emendata sejra tkompli tibbaża fuq l-armonizzazzjoni minima. Madankollu, armonizzazzjoni ta' livell ogħla hija mfittxija billi tissaħħaħ l-indipendenza tar-regolaturi awdjoviżivi. Din hija novità importanti, minħabba r-rwol ewlieni tar-regolaturi awdjoviżivi fit-tfassil u fil-preżervazzjoni tas-suq intern. Barra minn hekk, hija rilevanti ħafna sabiex jiġi żgurat il-pluraliżmu tal-midja. Il-proposta ssaħħaħ r-rwol tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (ERGA) billi tagħtih aktar kompiti fil-konsulenza u l-assistenza lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni konsistenti tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha. Bħala konsegwenza, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2014 dwar l-istabbiliment tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva sejra tiġi revokata meta d-Direttiva tidħol fis-seħħ.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva attwali huwa mħassar peress li l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà propost diġà jistabbilixxi rekwiżiti ta' aċċessibbiltà komuni aktar stretti għall-fornituri ta' servizzi tal-midja.

Fir-rigward tal-protezzjoni tal-minorenni, id-Direttiva riveduta tipprevedi l-allinjament tal-istandards tal-protezzjoni għax-xandir tat-TV u s-servizzi on-demand. L-Artikolu 12 jeħtieġ li l-programmi li jistgħu jfixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni jkunu disponibbli biss b'tali mod li jiżguraw li l-minorenni normalment ma jarawhomx jew ma jismgħuhomx. Dan huwa irrispettivament minn jekk programmi bħal dawn humiex imxandra mix-xandara tat-TV jew ipprovduti mill-fornituri ta' servizzi tal-midja on-demand. Minħabba dan l-allinjament, l-Artikolu 27 tad-Direttiva attwali (applikabbli għax-xandir tat-TV biss) jitneħħa.

Id-Direttiva riveduta toħloq kundizzjonijiet aktar ekwi fil-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej billi tobbliga lis-servizzi on-demand jirriżervaw mill-inqas sehem ta' 20 % għal xogħlijiet Ewropej fil-katalgi tagħhom u sabiex jiżguraw prominenza adegwata ta' tali xogħlijiet (Artikolu 13). L-Artikolu 13 sejjer jippermetti wkoll lill-Istati Membri biex jimponu kontribuzzjonijiet finanzjarji (investimenti diretti jew imposti allokati għall-fondi għall-films nazzjonali) lis-servizzi on-demand fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, għal dawk stabbiliti fi Stat Membru differenti iżda li jimmiraw l-udjenzi nazzjonali tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li l-obbligi dwar il-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej ma jdgħajfux l-iżvilupp tas-suq u sabiex jitħalla possibbli d-dħul ta' parteċipanti ġodda fis-suq, il-kumpaniji mingħajr preżenza sinifikanti fis-suq ma għandhomx ikunu soġġetti għal rekwiżiti bħal dawn. Dan huwa l-każ b'mod partikolari għall-kumpaniji li għandhom fatturat baxx.

Din il-proposta tikseb bilanċ bejn il-kompetittività u l-protezzjoni tal-konsumaturi billi, minn naħa waħda, tintroduċi aktar flessibbiltà għas-servizzi kollha tal-midja awdjoviżiva dwar l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali u l-isponsorizzazzjoni u żżid il-flessibbiltà għax-xandir tat-TV. Il-limitu ta' kull siegħa huwa sostitwit minn limitu ta' kuljum ta' 20 % ta' riklamar matul il-perjodu bejn is-07:00 u l-23:00 (Artikolu 23). Il-films li jsiru għat-televiżjoni, ix-xogħlijiet ċinematografiċi u l-aħbarijiet jistgħu jiġu interroti aktar spiss (Artikolu 20) u spots iżolati jkunu amissibbli (Artikolu 19) Min-naħa l-oħra, id-Direttiva futura sejra ssaħħaħ ukoll id-dispożizzjonijiet biex jipproteġu l-minorenni minn komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi mhux xierqa ta' ikel b'ħafna xaħam, melħ/sodju u zokkor u xorb alkoħoliku billi, fejn meħtieġ, jiġu mħeġġa kodiċi ta' kondotta fil-livell tal-UE (Artikolu 9(2) u (4)).

Karatteristika oħra ġdida hija l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha, f'ċerti rigwardi, għal servizzi ta' pjattaforma ta' video-sharing li ma għandhomx responsabbiltà editorjali għall-kontenut li jaħżnu iżda li jorganizzaw dak il-kontenut, permezz ta' mezzi differenti.

Id-Direttiva emendata tkun tintroduċi obbligu fuq l-Istati Membri biex jiżguraw li, fil-qasam tar-responsabbiltà tagħhom, il-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing jistabbilixxu, preferibbilment permezz ta' koregolamentazzjoni, miżuri xierqa biex: i) jipproteġu lill-minorenni minn kontenut ta' ħsara; u ii) iċ-ċittadini kollha jiġu protetti minn inċitament għall-vjolenza jew mibegħda. Il-proposta tistabbilixxi x'jistgħu jinvolvu dawk il-miżuri, kif xieraq f'każ individwali. Is-sistema tkun kompatibbli mal-eżenzjoni tar-responsabbiltà għall-fornituri ospitanti tas-servizzi kif stabbilit fl-Artikolu 14 ECD, safejn dik id-dispożizzjoni tapplika f'każ partikolari, peress li dawn l-obbligi huma relatati mar-responsabbiltajiet tal-fornitur fl-isfera organizzattiva u ma jinvolvux responsabbiltà għal kwalunkwe informazzjoni illegali maħżuna fil-pjattaformi bħala tali.

L-Istati Membri jkomplu jkunu marbuta bir-regoli tal-ECD. Konsegwentement ma jitħallew jimponu l-ebda obbligu ġenerali fuq il-fornituri biex jissorveljaw il-kontenut jew biex ikunu involuti b'mod attiv fit-tiftix tal-fatti, mingħajr ma tkun prekluża l-impożizzjoni ta' rekwiżiti ta' monitoraġġ f'każijiet speċifiċi (Artikolu 15 ECD).

L-Istati Membri ma jitħallewx jirrikjedu li l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom japplikaw miżuri aktar stretti minn dawk previsti fid-Direttiva, kif emendata. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura li l-Istati Membri jistgħu japplikaw f'konformità mad-Direttiva 2000/31/KE fir-rigward ta' kontenut illegali fuq il-pjattaformi.

Barra minn hekk, dan huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/93/UE, li jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri kontra websajts li fihom jew li jxerrdu l-pedopornografija. B'mod partikolari, din tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jibblukkaw l-aċċess għal paġni web li jkun fihom jew li jxerrdu l-pedopornogafija għall-utenti tal-Internet fit-territorju tagħhom, suġġett għal salvagwardji biex ikunu żgurati t-trasparenza, in-neċessità u l-proporzjonalità ta' tali miżuri kif ukoll il-possibbiltà għal rimedju.

Fir-rigward tal-forniment ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovduti minn Stat Membru ieħor, l-ECD tistabbilixxi l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini, soġġett għal numru ta' eċċezzjonijiet possibbli (Artikolu 3). Din is-sistema tkompli tapplika għall-fornituri ta' pjattaformi ta' video-sharing. Il-proposta tipprova tiżgura li l-istess regoli japplikaw ukoll għat-tali fornituri li ma għandhomx stabbiliment fi Stat Membru, iżda li għandhom kumpanija omm, sussidjarja jew entità oħra tal-istess grupp b'tali stabbiliment.

Bl-appoġġ tal-ERGA, il-Kummissjoni sejra tiffaċilita l-koordinazzjoni ta' kodiċi ta' kondotta fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, għandu jiġi previst mekkaniżmu ta' lment u rimedju fil-livell nazzjonali.

2016/0151 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva fid-dawl tar-realtajiet tas-suq li qed jinbidlu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 53(1) u 62 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-aħħar emenda sostantiva għad-Direttiva 89/552/KEE tal-Kunsill 27 , aktar tard ikkodifikata mid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 , saret fl-2007 bl-adozzjoni tad-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 . Minn dakinhar 'l hawn, is-suq tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva evolva b'mod sinifikanti u mgħaġġel. L-iżviluppi teknoloġiċi jippermettu tipi ġodda ta' servizzi u esperjenzi ġodda għall-utenti. It-tendenzi ta' kif in-nies jaraw it-televiżjoni, b'mod partikolari l-ġenerazzjonjiet aktar żgħażagħ, inbidlu b'mod sinfikanti. Filwaqt li l-iskrin ewlieni tat-TV jibqa' apparat importanti għall-kondiviżjoni ta' esperjenzi awdjoviżivi, bosta telespettaturi mxew għal apparat portabbli ieħor biex jaraw kontenut awdjoviżiv. Il-kontenut tradizzjonali tat-TV għadu jammonta għal sehem kbir tal-ħin medju li fih it-telespettaturi jaraw it-TV kuljum. Madankollu, tipi ġodda ta' kontenut, bħal vidjos qosra jew kontenut maħluq mill-utenti, qed jiksbu importanza dejjem ikbar u parteċipanti ġodda, inklużi fornituri ta' servizzi ta' video-on-demand u ta' pjattaformi ta' video-sharing, issa huma stabbiliti sew.

(2)Fis-6 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" 30 li fiha ħabbret reviżjoni tad-Direttiva 2010/13/UE.

(3)Id-Direttiva 2010/13/UE għandha tibqa' applikabbli biss għal dawk is-servizzi li l-prinċipju ewlieni tagħhom huwa l-forniment ta' programmi sabiex jipprovdu informazzjoni, divertiment jew edukazzjoni. Ir-rekwiżit tal-għan ewlieni għandu jitqies ukoll issodisfat jekk is-servizz ikollu kontenut u forma awdjoviżivi separabbli mill-attività ewlenija tal-fornitur tas-servizz, bħal partijiet stand-alone ta' gazzetti onlajn li juru programmi awdjoviżivi jew vidjos maħluqa mill-utenti fejn dawk il-partijiet jistgħu jitqiesu separabbli mill-attività ewlenija tagħhom. Is-servizzi tal-midja soċjali mhumiex inklużi, ħlief jekk jipprovdu servizz li jaqa' taħt id-definizzjoni tal-pjattaforma ta' video-sharing. Servizz għandu jitqies biss bħala kumpliment mhux separabbli mill-attività ewlenija bħala riżultat tal-links bejn l-offerta awdjoviżiva u l-attività ewlenija. Bħala tali, kanali jew kwalunkwe servizz awdjoviżiv ieħor taħt ir-responsabbiltà editorjali ta' fornitur, fihom infushom jistgħu jikkostitwixxu servizzi tal-midja awdjoviżiva, anke jekk huma offruti fil-qafas ta' pjattaforma ta' video-sharing li hija kkaratterizzata min-nuqqas ta' responsabbiltà editorjali. F'każijiet bħal dawn, ikun f'idejn il-fornituri b'responsabbiltà editorjali li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

(4)Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta' din id-Direttiva, huwa kruċjali għall-Istati Membri li jżommu rekords aġġornati tal-fornituri ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva u tal-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom u b'mod regolari jikkondividu dawk ir-rekords mal-awtoritajiet regolatorji indipendenti kompetenti tagħhom u mal-Kummissjoni. Dawk ir-rekords għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-kriterji li fuqhom hija bbażata l-ġuriżdizzjoni.

(5)L-istabbiliment tal-ġuriżdizzjoni jeħtieġ valutazzjoni tas-sitwazzjonijiet fattwali kontra l-kriterji stabbiliti fid-Direttiva 2010/13/UE. Il-valutazzjoni ta' sitwazzjonijiet fattwali bħal dawn tista' twassal għal riżultati konfliġġenti. Fl-applikazzjoni tal-proċeduri ta' kooperazzjoni previsti fl-Artikolu 3 u 4 tad-Direttiva 2010/13/UE, huwa importanti li l-Kummissjoni tista' tibbaża s-sejbiet tagħha fuq fatti affidabbli. Il-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (ERGA) għandu jkollu għalhekk is-setgħa biex jipprovdi opinjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni fuq it-talba tal-Kummissjoni.

(6)Il-proċeduri u l-kundizzjonjiet għal-limitazzjoni tal-libertà biex jingħataw u jiġu rċevuti servizzi għandhom ikunu l-istess għal servizzi lineari u servizzi mhux lineari.

(7)Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Regolamentazzjoni Aħjar għal Riżultati Aħjar – Aġenda tal-UE 31 , il-Kummissjoni enfasizzat li tqis is-soluzzjonijiet ta' politika, hija sejra tqis kemm mezzi regolatorji kif ukoll dawk mhux regolatorji mfasslin tajjeb, immudellati fuq il-Komunità ta' prattika u l-Prinċipji għal Awtoregolamentazzjoni u Koregolamentazzjoni Aħjar 32 . Għadd ta' kodiċijiet stabbiliti fl-oqsma kkoordinati mid-Direttiva taw prova li huma mfasslin sew, f'konformità mal-Prinċipji għal Awtoregolamentazzjoni u Koregolamentazzjoni Aħjar. L-eżistenza ta' protezzjoni leġiżlattiva tqieset bħala fattur ta' suċċess importanti fil-promozzjoni tal-konformità mal-kodiċi awtoregolatorju - jew koregolatorju. Huwa daqstant importanti li l-kodiċijiet jistabbilixxu miri speċifiċi u objettivi li jippermettu monitoraġġ u evalwazzjoni regolari, trasparenti u indipendenti tal-objettivi mmirati mill-kodiċijiet. Sanzjonijiet gradwati li jżommu element ta' proporzjonalità normalment huma meqjusa bħala approċċ effettiv fl-infurzar ta' skema. Dawn il-prinċipji għandhom ikunu segwiti mill-kodiċijiet awtoregolatorji u koregolatorji adotatti fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva.

(8)Sabiex tiġi żgurata koerenza u tingħata ċertezza lin-negozji u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-kunċett ta' "inċitament għal mibegħda" għandu, sal-limitu xieraq, ikun allinjat mad-definizzjoni fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali li tiddefinixxi diskors ta' mibegħda bħala "inċitament b’mod pubbliku għal vjolenza jew mibegħda". Dan għandu jinkludi l-allinjament tar-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat l-inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda.

(9)Sabiex it-telespettaturi, inklużi l-ġenituri u l-minorenni, jingħataw is-setgħa biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-kontenut li sejjer jiġi segwit, huwa meħtieġ li l-fornituri ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva jipprovdu biżżejjed informazzjoni dwar il-kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni. Dan jista' jsir, pereżempju, permezz ta' sistema ta' deskritturi tal-kontenut li jindikaw in-natura tal-kontenut. Id-deskritturi tal-kontenut għandhom jitwasslu b'mezzi grafiċi, akustiċi jew bil-miktub.

(10)Ċerti linji gwida nutrittivi rikonoxxuti b'mod wiesa' jeżistu fil-livell nazzjonali u dak internazzjonali, bħall-mudell ta' profili nutrizzjonali tal-Uffiċċju Reġjonali tad-WHOgħall-Ewropa, sabiex tinħoloq differenza bejn l-ikel abbażi tal-kompożizzjoni nutrittiva fil-kuntest tal-ikel irriklamat fuq it-televiżjoni għat-tfal. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa biex jiżguraw li l-kodiċijiet ta' kondotta awtoregolatorji u koregolatorji jintużaw biex jillimtaw b'mod effettiv l-esponiment tat-tfal u tal-minorenni għal komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi dwar l-ikel u x-xorb li fihom ħafna melħ, zokkor jew xaħam jew inkella li ma jissodisfawx dawn il-linji gwida nutrittivi nazzjonali jew internazzjonali.

(11)Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa biex jiżguraw li l-kodiċijiet ta' kondotta awtoregolatorji u koregolatorji jintużaw biex jillimitaw b'mod effettiv l-esponiment tat-tfal u tal-minorenni għall-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għax-xorb alkoħoliku. Ċerti sistemi koregolatorji jew awtoregolatorji jeżistu fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni sabiex ix-xorb alkoħoliku jiġi kkumerċjalizzat b'mod responsabbli, inkluż fil-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi. Dawk is-sistemi għandhom jiġu mħeġġa aktar, b'mod partikolari dawk li għandhom l-għan li jiżguraw li messaġġi dwar xorb responsabbli jakkumpanjaw komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għax-xorb alkoħoliku.

(12)Sabiex jitneħħew l-ostakli għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' servizzi transfruntiera fi ħdan l-Unjoni, huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri awtoregolatorji u koregolatorji li, b'mod partikolari, għandhom l-għan li jipproteġu l-konsumaturi jew is-saħħa pubblika. Meta jiġu infurzati u sorveljati sew, il-kodiċijiet ta' kondotta fil-livell tal-Unjoni jistgħu jkunu mezz tajjeb biex ikun żgurat approċċ koerenti u effettiv.

(13)Is-suq għax-xandir tat-TV evolva u hemm ħtieġa għal aktar flessibbiltà fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi, b'mod partikolari għal regoli kwantitattivi għal servizzi tal-midja awdjoviżiva lineari, l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali u l-isponsorizzazzjoni. Il-ħolqien ta' servizzi ġodda, inkluż mingħajr riklamar, wassal għal għażla akbar għat-telespettaturi, li faċilment jistgħu jaqilbu għal offerti alternattivi.

(14)L-isponsorizzazzjoni tirrappreżenta mezz importanti biex jiġu ffinanzjati s-servizzi jew il-programmi tal-midja awdjoviżiva filwaqt li jiġu promossi l-isem, it-trademark, l-immaġni, l-attivitajiet jew il-prodotti ta' persuna fiżika jew ġuridika. Sabiex l-isponsorizzazzjoni tikkostitwixxi forma prezzjuża ta' teknika ta' reklamar għal min jirreklama u għall-fornituri ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva, l-avviżi ta' sponsorizzazzjoni jistgħu jinkludu referenzi promozzjonali għall-oġġetti jew is-servizzi tal-isponsor, filwaqt li ma jħeġġux direttament ix-xiri tal-oġġetti u s-servizzi. L-avviżi ta' sponsorizzazzjoni għandhom ikomplu jinfurmaw b'mod ċar lit-telespettaturi dwar l-eżistenza ta' ftehim ta' sponsorizzazzjoni. Il-kontenut ta' programmi sponsorjati ma għandux ikun influwenzat b'tali mod li jaffettwa l-indipendenza editorjali tal-fornitur ta' servizz tal-midja awdjoviżiva.

(15)Il-liberalizzazzjoni tal-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali ma ġabitx magħha l-użu mistenni ta' din il-forma ta' komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva. B'mod partikolari, il-projbizzjoni ġenerali tal-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali b'xi eċċezzjonijiet ma ħolqitx ċertezza legali għall-fornituri ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva. L-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali għalhekk għandha titħalla fis-servizzi kollha tal-midja awdjoviżiva, soġġetta għal eċċezzjonijiet.

(16)L-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali ma għandhiex tkun ammissibbli fl-aħbarijiet u l-programmi dwar ġrajjiet kurrenti, fil-programmi dwar affarijiet tal-konsumatur, fil-programmi reliġjużi u fil-programmi li għandhom udjenza sinifikanti ta' tfal. B'mod partikolari, l-evidenza turi li l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali u r-riklami integrati jistgħu jaffettwaw l-imġiba tat-tfal peress li t-tfal spiss mhumiex kapaċi jagħrfu l-kontenut kummerċjali. Għalhekk hemm ħtieġa li l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali tibqa' tiġi pprojbita fil-programmi li għandhom udjenza sinifikanti ta' tfal. Il-programmi dwar l-affarijiet tal-konsumaturi huma programmi li joffru pariri lit-telespettaturi, jew li jinkludu kummenti dwar ix-xiri ta' prodotti u servizzi. Jekk l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali tiġi permessa fi programmi bħal dawn, dan inaqqas id-distinzjoni bejn ir-reklamar u l-kontenut editorjali għat-telespettaturi li jistgħu jistennew kumment ġenwin u onest tal-prodotti jew tas-servizzi f'tali programmi.

(17)Ir-regola li prodott ma għandux jingħata prominenza żejda rriżultat diffiċli biex tiġi applikata fil-prattika. Hija tirrestrinġi wkoll l-użu tal-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali li, minnu nnifsu, jinvolvi ċertu livell ta' esponiment prominenti sabiex ikun kapaċi jiġġenera valur. Ir-rekwiżiti għall-programmi li fihom l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali għalhekk għandhom jiffukaw fuq li jinfurmaw lit-telespettaturi b'mod ċar dwar l-eżistenza tal-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali u fuq l-iżgurar li l-indipendenza editorjali tal-fornitur ta' servizz tal-midja awdjoviżiva mhijiex affettwata.

(18)Filwaqt li ż-żieda fin-numru ta' servizzi ġodda wasslet għal għażla akbar għat-telespettaturi, ix-xandara jingħataw aktar flessibbiltà fir-rigward tal-inserzjoni ta' spots ta' reklamar u ta' telebejgħ fejn dan ma jtellifx indebitament l-integrità tal-programm. Madankollu, sabiex il-karattru speċifiku tax-xena televiżiva Ewropea jiġi salvagwardjat, l-interruzjonijiet għal xogħlijiet ċinematografiċi u films magħmulin għat-televiżjoni kif ukoll għal xi kategoriji ta' programmi li għadhom jeħtieġu protezzjoni speċifika għandhom jibqgħu limitati.

(19)Filwaqt li din id-Direttiva ma żżidx l-ammont tal-ħin globali ta' reklamar ammissibbli matul il-perjodu mis-07:00 sal-23:00, huwa importanti li x-xandara jkollhom aktar flessibbiltà u li jkunu kapaċi jiddeċiedu meta jpoġġu r-reklamar sabiex jimmassimizzaw id-domanda ta' dawk li jirreklamaw u l-fluss tat-telespettaturi. Il-limitu ta' kull siegħa għalhekk għandu jitneħħa filwaqt li għandu jiġi introdott limitu ta' kuljum ta' 20 % ta' reklamar fil-perjodu mis-07:00 sal-23:00.

(20)Bosta xandara huma parti minn gruppi akbar tal-midja u jagħmlu avviżi mhux biss b'konnessjoni mal-programmi tagħhom stess u prodotti anċillari meħudin direttament minn dawk il-programmi iżda wkoll b'rabta ma' programmi minn entitajiet oħrajn li jappartjenu għall-istess grupp tal-midja. Il-ħin ta' trażmissjoni allokat għal avviżi magħmulin mix-xandar b'konnessjoni mal-programmi minn entitajiet oħrajn li jappartjenu għall-istess grupp tal-midja m'għandux ikun inkluż fl-ammont massimu ta' ħin ta' trażmissjoni ta' kuljum li jista' jkun allokat għar-reklamar u għat-telebejgħ.

(21)Il-fornituri tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva on-demand għandhom jippromwovu l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej billi jiżguraw li l-katalgi tagħhom jinkludu sehem minimu ta' xogħlijiet Ewropej u li dawk jingħataw biżżejjed prominenza.

(22)Sabiex jiġu żgurati livelli adegwati ta' investiment f'xogħlijiet Ewropej, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jimponu obbligi finanzjarji għall-fornituri tas-servizzi on-demand stabbiliti fit-territorju tagħhom. Dawk l-obbligi jistgħu jieħdu forma ta' kontribuzzjonijiet diretti għall-produzzjoni ta' u l-akkwist ta' drittijiet f'xogħlijiet Ewropej. L-Istati Membri jistgħu jimponu wkoll imposti pagabbli lil fond, fuq il-bażi tad-dħul magħmul b'servizzi on-demand li huma pprovduti fi u mmirati lejn it-territorju tagħhom. Din id-Direttiva tiċċara li, minħabba r-rabta diretta bejn l-obbligi finanzjarji u l-politiki kulturali differenti tal-Istati Membri, l-Istati Membri jitħallew ukoll jimponu tali obbligi finanzjarji fuq il-fornituri tas-servizzi on-demand stabbiliti fi Stat Membru ieħor li huma mmirati lejn it-territorju tagħhom. F’dan il-każ l-obbligi finanzjarji għandhom jiġu imposti biss fuq id-dħul iġġenerat mill-udjenza f’dak l-Istat Membru.

(23)Meta Stat Membru jivvaluta każ b'każ jekk servizz tal-midja awdjoviżiva on-demand stabbilit fi Stat Membru ieħor ikunx qiegħed jindirizza udjenzi fit-territorju tiegħu, huwa għandu jirreferi għal indikaturi bħar-reklamar jew promozzjonijiet oħrajn li jimmiraw speċifikament lejn il-konsumaturi fit-territorju tiegħu, il-lingwa ewlenija tas-servizz jew l-eżistenza ta' kontenut jew komunikazzjonijiet kummerċjali li jimmiraw speċifikament lejn l-udjenza fl-Istat Membru li jirċievi.

(24)Meta Stati Membri jimponu kontribuzzjonijiet finanzjarji fuq fornituri ta' servizzi on-demand dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom ifittxu promozzjoni adegwata ta' xogħlijiet Ewropej filwaqt li jevitaw riskji ta' impożizzjoni doppja għall-fornituri tas-servizzi. F’dan il-kuntest, jekk l-Istat Membru li fih huwastabbilit il-fornitur jimponi kontribuzzjoni finanzjarja, dan għandu jqis kwalunkwe kontribuzzjonijiet finanzjarji imposti mill-Istati Membri speċifiċi.

(25)Sabiex jiġi żgurat li l-obbligi dwar il-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej ma jdgħajfux l-iżvilupp tas-suq u sabiex jitħalla possibbli d-dħul ta' parteċipanti ġodda fis-suq, il-kumpaniji mingħajr preżenza sinifikanti fis-suq ma għandhomx ikunu soġġetti għal rekwiżiti bħal dawn. Dan huwa partikolarment il-każ għall-kumpaniji b’fatturat baxx u livell ta’ udjenzi baxx u l-intrapriżi żgħar u mikro, kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE 33 . Jista’ wkoll ma jkunx xieraq li dawn ir-rekwiżiti jiġu imposti f’każijiet fejn – minħabba n-natura jew is-suġġett tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva on-demand – dawn ikunu imprattikabbli jew mhux iġġustifikati.

(26)Hemm sfidi ġodda, b'mod partikolari b'rabta mal-pjattaformi ta' video-sharing, li fuqhom l-utenti - b'mod partikolari dawk minorenni - qegħdin jikkunsmaw dejjem aktar kontenut awdjoviżiv. F'dan il-kuntest, il-kontenut ta' ħsara u d-diskors ta' mibegħda maħżuna fi pjattaformi ta' video-sharing wasslu dejjem iżjed għal tħassib. Sabiex il-minorenni jiġu protetti minn kontenut ta' ħsara u ċ-ċittadini kollha jiġu protetti minn kontenut li fih inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli proporzjonati fuq dawk il-kwistjonijiet.

(27)Fir-rigward ta' komunikazzjonijiet kummerċjali dwar pjattaformi ta' video-sharing, dawn huma diġà regolati mid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tipprojbixxi prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, inklużi prattiċi qarrieqa u aggressivi li jsiru f'servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Fir-rigward ta' komunikazzjonijiet kummerċjali dwar it-tabakk u prodotti relatati fi pjattaformi ta' video-sharing, il-projbizzjonijiet eżistenti previsti fid-Direttiva 2003/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll il-projbizzjonijiet applikabbli għall-komunikazzjonijiet dwar is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta' rikarika skont id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jiżguraw li l-konsumaturi huma protetti biżżejjed. Il-miżuri stabbiliti f'din id-Direttiva għalhekk jikkumplimentaw dawk stabbiliti fid-Direttivi 2005/29/KE, 2003/33/KE u 2014/40/UE.

(28)Sehem importanti tal-kontenut maħżun fuq pjattaformi ta' video-sharing ma jaqax taħt ir-responsabbiltà editorjali tal-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing. Madankollu, dawk il-fornituri tipikament jiddeterminaw l-organizzazzjoni tal-kontenut, jiġifieri programmi jew vidjos maħluqa mill-utenti, inkluż b'mezzi awtomatiċi jew algoritmi. Għalhekk, dawk il-fornituri għandhom ikunu meħtieġa jieħdu miżuri adatti sabiex jipproteġu l-minorenni minn kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tagħhom u jipproteġu liċ-ċittadini kollha mill-inċitament għall-vjolenza jew il-mibegħda kontra grupp ta' persuni jew membru ta' tali grupp definit b'referenza għas-sess, ir-razza, il-kulur, ir-reliġjon, id-dixxendenza jew l-oriġini nazzjonali jew etnika.

(29)Fid-dawl tan-natura tal-involviment tal-fornitur mal-kontenut maħżun fuq pjattaformi ta' video-sharing, dawk il-miżuri xierqa għandhom jirrelataw mal-organizzazzjoni tal-kontenut u mhux mal-kontenut bħala tali. Ir-rekwiżiti f'dan ir-rigward kif stabbiliti f'din id-Direttiva għalhekk għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 , li tipprevedi eżenzjoni mir-responsabbiltà għal informazzjoni illegali maħżuna minn ċerti fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Meta jkunu qed jiġu provduti servizzi koperti mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE, dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw ukoll mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15 ta' dik id-Direttiva, li jipprekludi li jiġu imposti fuq dawk il-fornituri obbligi ġenerali għall-monitoraġġ ta' tali informazzjoni u għal tiftix b'mod attiv ta' fatti jew ta' ċirkostanzi li jindikaw attività illegali, mingħajr madankollu ma jirrigwarda l-monitoraġġ tal-obbligi f'każijiet speċifiċi u, b'mod partikolari, mingħajr ma jaffettwa l-ordnijiet minn awtoritajiet nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

(30)Huwa xieraq li kemm jista' jkun jiġu involuti l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing meta jkunu qegħdin jiġu implimentati l-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu skont din id-Direttiva. Il-koregolamentazzjoni għalhekk għandha tkun imħeġġa.

Bil-għan li jiġi żgurat approċċ ċar u konsistenti f'dan ir-rigward madwar l-Unjoni, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu intitolati li jirrikjedu li l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing jieħdu miżuri aktar stretti, sabiex jipproteġu l-minorenni minn kontenut ta' ħsara u liċ-ċittadini kollha minn kontenut li fih inċitament għall-vjolenza jew il-mibegħda, minn dawk previsti f'din id-Direttiva. Madankollu, għandu jibqa' possibbli li l-Istati Membri jieħdu miżuri aktar stretti bħal dawn fejn dak il-kontenut ikun illegali, diment li jikkonformaw mal-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2000/31/KE, u li jieħdu miżuri fir-rigward tal-kontenut fuq websajts li fihom jew li jxerrdu l-pedopornoografija, kif rikjest minn u permess mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 35 . Għandu jibqa' possibbli wkoll li l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing jieħdu miżuri aktar stretti fuq bażi volontarja.

(31)Meta jittieħdu l-miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-minorenni minn kontenut ta' ħsara u taċ-ċittadini kollha minn kontenut li fih inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda skont din id-Direttiva, id-drittijiet fundamentali applikabbli, kif stabbiliti fil-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu bbilanċjati bir-reqqa. Dan għandu x'jaqsam b'mod partikolari, skont ma jkun il-każ, mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni ta' dejta personali, il-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, il-libertà tat-twettiq ta' negozju, il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni u d-dritt tat-tifel/tifla.

(32)Il-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing kopruti minn din id-Direttiva jipprovdu servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fit-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/31/KE. Dawn il-fornituri huma konsegwentement soġġetti għar-regoli fis-suq intern stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dik id-Direttiva, jekk huma stabbiliti fi Stat Membru. Huwa xieraq li jkun żgurat li l-istess regoli japplikaw għall-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing li mhumiex stabbiliti fi Stat Membru bil-għan li tkun salvagwardjata l-effettività tal-miżuri għall-protezzjoni tal-minorenni u ċ-ċittadini stabbiliti f'din id-Direttiva u li jkunu żgurati, kemm jista' jkun, kundizzjonijiet ekwi, sakemm dawk il-fornituri għandhom jew kumpanija omm jew sussidjarja li hija stabbilita fi Stat Membru jew fejn dawk il-fornituri huma parti minn grupp u entità oħra ta' dak il-grupp hija stabbilita fi Stat Membru. Għal dak il-għan, għandhom isiru arranġamenti biex jiġi determinat f'liema Stat Membru dawk il-fornituri għandhom jitqiesu bħala stabbiliti. Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata dwar il-fornituri taħt il-ġuriżdizzjoni ta' kull Stat Membru b'applikazzjoni tar-regoli dwar l-istabbiliment stipulati f'din id-Direttiva u fid-Direttiva 2000/31/KE.

(33)L-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri jistgħu jiksbu il-livell meħtieġ ta’ indipendenza strutturali biss jekk ikunu stabbiliti bħala entitajiet legali separati. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kemm mill-gvern kif ukoll minn korpi pubbliċi u mill-industrija bil-għan li tiġi żgurata l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu regolaturi b’sorveljanza fuq setturi differenti, bħas-settur awdjoviżiv u tat-telekomunikazzjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom is-setgħat ta’ infurzar u r-riżorsi meħtieġa biex jaqdu l-kompiti tagħhom, f'termini ta' numru ta’ impjegati, għarfien espert, u mezzi finanzjarji. L-attivitajiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali stabbiliti skont din id-Direttiva għandhom jiżguraw ir-rispett lejn l-għanijiet tal-pluraliżmu tal-midja, id-diversità kulturali, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-suq intern u l-promozzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta. 

(34)Kwalunkwe parti li hija soġġetta għal deċiżjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali għandu jkollha d-dritt ta' appell lil korp li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Dan il-korp jista’ jkun qorti. Din il-proċedura ta’ appell hija mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali.

(35)Bl-għan li tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju awdjoviżiv tal-Unjoni madwar l-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni stabbiliet l-ERGA bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2014 36 . L-irwol tal-ERGA huwa li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tad-Direttiva 2010/13/UE fl-Istati Membri kollha u biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, u bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Kummissjoni.

(36)L-ERGA ta kontribuzzjoni pożittiva għall-prattika regolatorja konsistenti u ta’ livell għoli u ta parir lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni. Dan jitlob għar-rikonoxximent formali u t-tisħiħ tar-rwol tiegħu f’din id-Direttiva. Il-Grupp għandu għalhekk jerġa’ jiġi stabbilit permezz ta’ din id-Direttiva.

(37)Il-Kummissjoni għandha tkun libera li tikkonsulta lill-ERGA dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mas-servizzi tal-midja awdjoviżiva u mal-pjattaformi ta' video-sharing. L-ERGA għandu jassisti lill-Kummissjoni billi jipprovdi l-għarfien espert u l-pariri tiegħu u billi jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-ERGA fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni konverġenti tagħha madwar is-Suq Uniku Diġitali. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-ERGA għandu jipprovdi opinjonijiet, inkluż dwar il-ġurisdizzjoni u kodiċijiet ta’ kondotta tal-Unjoni fl-oqsma tal-protezzjoni tal-minorenni u tad-diskors ta’ mibgħeda kif ukoll komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi dwar l-ikel b’ħafna xaħam, melħ/sodju u zokkor.

(38)Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-abbiltà tal-Istati Membri li jimponu obbligi biex jiġu żgurati l-possibbilità tas-sejbien u l-aċċessibilità ta' kontenut ta’ interess ġenerali definiti rilevanti għal objettivi ta’ interess ġenerali definiti, bħall-pluraliżmu tal-midja, il-libertà tal-kelma u d-diversità kulturali. Dawn l-obbligi għandhom jiġu imposti biss meta jkunu meħtieġa biex jintlaħqu objettivi ta’ interess ġenerali definiti b’mod ċar mill-Istati Membri b’konformità mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw b’mod partikolari l-ħtieġa ta' intervent regolatorju minħabba r-riżultati konsegwenti mill-forzi tas-suq. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jimponu regoli dwar il-possibbilità tas-sejbien, dawn għandhom jimponu biss obbligi proporzjonati fuq l-impriżi, fl-interess ta’ kunsiderazzjonijiet leġittimi ta’ politika pubblika.

(39)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, il-libertà li wieħed ikollu negozju, id-dritt għal reviżjoni ġudizzjarja u li tippromwovi l-applikazzjoni tad-drittijiet tat-tfal minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(40)Id-dritt ta’ aċċess għal programmi tal-aħbarijiet politiċi huwa kruċjali biex tiġi salvagwardjata l-libertà fundamentali li wieħed jirċievi l-informazzjoni u biex jiġi żgurat li l-interessi tat-telespettaturi fl-Unjoni jitħarsu bis-sħiħ u b'mod xieraq. Minħabba l-importanza dejjem akbar tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva għas-soċjetajiet u d-demokrazija, ix-xandiriet ta’ aħbarijiet politiċi għandhom, sa fejn ikun possibbli, u mingħajr preġudizzju għar-regoli tad-drittijiet tal-awtur, ikunu disponibbli b’mod transkonfinali fl-UE.

(41)Din id-Direttiva ma tikkonċernax regoli ta’ dritt internazzjonali privat, b’mod partikolari regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati kif ukoll il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali.

(42)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 37 , l-Istati Membri refgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata.

(43)Għalhekk, id-Direttiva 2010/13/UE għandha tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2010/13/UE hija emendata kif ġej:

(1)    fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-punt (a), il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(i) servizz kif definit mill-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fejn l-għan ewlieni tas-servizz jew taqsima separabbli tiegħu huwa ddedikat għall-forniment ta' programmi, taħt ir-responsabbiltà editorjali ta' fornitur ta' servizz tal-midja, sabiex jipprovdi informazzjoni, divertiment jew edukazzjoni, lill-pubbliku ġenerali permezz ta' netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi fit-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE. Tali servizz tal-midja awdjoviżiva huwa jew xandir televiżiv kif definit fil-punt (e) ta’ dan il-paragrafu jew servizz tal-midja awdjoviżiva on-demand kif definit fil-punt (g) ta’ dan il-paragrafu;”;

(b) jiżdied il-punt (aa) li ġej:

"(aa) "servizz ta' pjattaforma ta' video-sharing" ifisser servizz, kif definit mill-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(i) is-servizz jikkonsisti fil-ħżin ta' ammont kbir ta' programmi jew vidjos maħluqa mill-utenti, li għalihom il-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing ma għandux responsabbiltà editorjali;

(ii) l-organizzazzjoni tal-kontenut maħżun hija determinata mill-fornitur tas-servizz inkluż b'mezzi awtomatiċi jew algoritmi, b'mod partikolari b'akkoljenza, wiri, tagging u sekwenzar;

(iii) l-għan ewlieni tas-servizz jew ta' taqsima separabbli tiegħu huwa għalhekk dedikat għall-forniment ta' programmi u vidjos maħluqa mill-utenti lill-pubbliku ġenerali, sabiex jipprovdi informazzjoni, divertiment jew edukazzjoni;

(iv) is-servizz isir disponibbli permezz ta' netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi fit-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE.";

(c) il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(b) "programm" ifisser sett ta' immaġni li jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxi element individwali fi skeda jew katalgu stabbilit minn fornitur ta' servizz tal-midja, inklużi films prinċipali, vidjos qosra, avvenimenti sportivi, kummiedji sitwazzjonali, dokumentarji, programmi tat-tfal u drama oriġinali;";

(d) jiddaħħal il-punt (ba) li ġej:

"(ba) "vidjo maħluq mill-utenti" ifisser sett ta' immaġni li jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxi element individwali li huwa maħluq u/jew imtella' fuq pjattaforma ta' video-sharing minn utent wieħed jew aktar;" 

(e) jiddaħħal il-punt (da) li ġej:

"(da) "fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing" ifisser il-persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz ta' pjattaforma ta' video-sharing;";

(2)    it-Titolu tal-Kapitolu II huwa sostitwit b’dan li ġej:

"DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI GĦAS-SERVIZZI TAL-MIDJA AWDJOVIŻIVA";

(3)    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(b) jekk fornitur ta’ servizz tal-midja jkollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fi Stat Membru wieħed iżda d-deċiżjonijiet editorjali dwar is-servizz tal-midja awdjoviżiva jittieħdu fi Stat Membru ieħor, dan għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru fejn taħdem il-maġġoranza tal-impjegati involuti fit-twettiq tal-attività tas-servizz tal-midja awdjoviżiva;";

     (b) jiddaħħlu l-paragrafi 5a u 5b li ġejjin:

"5a. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni lista tal-fornituri ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom u l-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 li fuqhom hija bbażata l-ġuriżdizzjoni tagħhom. Sussegwentement huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidliet f'dik il-lista mingħajr dewmien żejjed. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-awtoritajiet regolatorji indipendenti kompetenti jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni.

5b. Meta, fl-applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 4 ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri kkonċernati ma jaqblux dwar liema Stat Membru għandu ġuriżdizzjoni, huma għandhom iressqu l-kwistjoni għall-attenzjoni tal-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (ERGA) biex jipprovdi opinjoni dwar il-kwistjoni fi żmien 15-il jum ta' ħidma mis-sottomissjoni tat-talba tal-Kummissjoni. Jekk il-Kummissjoni titlob opinjoni mill-ERGA, il-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikoli 3(5) u 4(5) għandhom ikunu sospiżi sakemm l-ERGA tkun adottat opinjoni.";

(4)    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

   "Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-libertà tar-riċeviment u ma għandhomx jirrestrinġu t-trażmissjonijiet mill-ġdid fit-territorju tagħhom ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva minn Stati Membri oħrajn għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri jistgħu proviżorjament jidderogaw mill-paragrafu 1 jekk servizz tal-midja awdjoviżiva pprovdut minn fornitur ta' servizz tal-midja taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru ieħor:

(a) b'mod ċar, serju u gravi jikser l-Artikoli 6 jew 12, jew it-tnejn li huma;

(b) jippreġudika jew jippreżenta riskju ta' preġudizzju serju u gravi għas-sigurtà pubblika, inkluża s-salvagwardja tas-sigurtà u d-difiża nazzjonali; jew

(c) jippreġudika jew jippreżenta riskju ta' preġudizzju serju jew gravi għas-saħħa pubblika.

3. L-Istati Membri jistgħu japplikaw biss il-paragrafu 2 meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) matul it-12-il xahar qabel in-notifika msemmija fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu, il-fornitur ta' servizz tal-midja, fl-opinjoni tal-Istat Membru kkonċernat, ikun kiser il-punti (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 2 mill-inqas f'żewġ okkażjonijiet;

(b) l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-fornitur ta' servizz tal-midja, lill-Istat Membru li għandu ġuriżdizzjoni fuq il-fornitur u lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-allegat ksur u dwar il-miżuri li bi ħsiebu jadotta jekk jerġa' jseħħ kwalunkwe ksur allegat bħal dan;

(c) il-konsultazzjonijiet mal-Istat Membru li għandu ġuriżdizzjoni fuq il-fornitur u l-Kummissjoni ma waslux għal ftehim amikevoli fi żmien xahar min-notifika prevista fil-punt (b);

(d) il-fornitur ta' servizzi tal-midja jkun kiser il-punti (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 2 mill-inqas darba wara n-notifika prevista fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu;

(e) l-Istat Membru notifikanti jkun irrispetta d-drittijiet tad-difiża tal-fornitur ta' servizzi tal-midja kkonċernati u, b'mod partikolari, jkun ta lill-fornitur ta' servizzi tal-midja l-opportunità biex jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar l-allegat ksur u l-miżuri li l-Istat Membru bi ħsiebu jieħu. Huwa għandu debitament iqis dawk l-opinjonijiet kif ukoll l-opinjonijiet tal-Istat Membru ta' ġuriżdizzjoni.

Il-punti (a) u (d) tal-paragrafu 3 għandhom japplikaw biss fir-rigward ta' servizzi lineari.

4. Fi żmien tliet xhur wara n-notifika tal-miżuri meħudin mill-Istat Membru b'applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3 u wara li tkun ikkonsultat lill-ERGA, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk dawk il-miżuri humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada tal-irċevuta ta' notifika kompluta. In-notifika għandha titqies kompluta jekk, fi żmien tliet xhur minn meta tasal, jew meta tasal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa, il-Kummissjoni ma titlob l-ebda informazzjoni oħra.

Meta l-Kummissjoni tqis in-notifika bħala mhux kompleta, għandha titlob l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru dwar meta tasal ir-risposta għal dik it-talba.

Meta l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni jew meta jipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni li l-miżuri meħudin mill-Istat Membru skont il-paragrafu 2 huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-miżuri huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru għandu jwaqqaf il-miżuri inkwistjoni b'urġenza.

5. Il-Paragrafi 3 u 4 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' kwalunkwe proċedura, rimdeju jew sanzjoni għall-ksur inkwistjoni fl-Istat Membru li għandu ġuriżdizzjoni fuq il-fornitur ta' servizz tal-midja kkonċernat.

6. L-Istati Membri jistgħu, f’każijiet urġenti, jidderogaw mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 3. Meta dan ikun il-każ, il-miżuri għandhom ikunu notifikati fl-iqsar żmien possibbli lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li għandu ġuriżdizzjoni fuq il-fornitur ta' servizz tal-midja, fejn jiġu indikati r-raġunijiet fir-rigward ta' liema l-Istat Membru jqis li hemm tali urġenza li d-deroga minn dawk il-kundizzjonijiet hija meħtieġa.

7. Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà tal-Istat Membru li jipproċedi bil-miżuri msemmija fil-paragrafu 6, il-Kummissjoni għandha teżamina l-kompatibbiltà tal-miżuri notifikati mad-dritt tal-Unjoni fl-iqsar żmien possibbli. F’każ li tikkonkludi li l-miżuri huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tirrikjedi li l-Istat Membru kkonċernat iżomm lura milli jieħu kwalunkwe miżura maħsuba jew biex iwaqqaf urġentement dawk il-miżuri.

8. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom regolarment jikkondividu l-esperjenzi u l-aħjar prattiċi dwar il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 7 fil-qafas tal-kumitat ta' kuntatt stabbilit skont l-Artikolu 29 u l-ERGA.";

(5)    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jirrikjedu li l-fornituri ta' servizzi tal-midja taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ikunu konformi ma' regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fir-rigward tal-Artikoli 5, 6, 6a, 9, 10, 11, 12, 13, 16, 17, 19 sa 26, 30 u 30a, sakemm tali regoli jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni.";

(b) fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu li ġej jiddaħħal wara l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu:

" L-Istat Membru li jkun ħa passi skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 għandu jissostanzja r-raġunijiet li fuqhom jibbaża l-valutazzjoni tiegħu tal-allegata ċirkomvenzjoni.";

(c) il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

"4. Stat Membru jista’ jieħu miżuri skont il-paragrafu 3 meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati, biss:

(a) huwa jkun innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li fih huwa stabbilit ix-xandar dwar l-intenzjoni tiegħu li jieħu tali miżuri filwaqt li jissostanzja r-raġunijiet li fuqhom jibbaża l-valutazzjoni tiegħu;

(b) huwa jkun irrispetta d-drittijiet tad-difiża tax-xandar ikkonċernat u, b'mod partikolari, ikun ta lix-xandar l-opportunità biex jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar l-allegata ċirkomvenzjoni u l-miżuri li l-Istat Membru notifikanti bi ħsiebu jieħu;

(c) il-Kummissjoni tkun iddeċidiet, wara li tkun ikkonsultat lill-ERGA, li l-miżuri huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari li l-valutazzjonijiet magħmula mill-Istat Membru li qed jieħu dawk il-miżuri skont il-paragrafi 2 u 3 għandhom bażi korretta.

5. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fi żmien 3 xhur wara n-notifika prevista fil-punt (a) tal-paragrafu 4. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada tal-irċevuta ta' notifika kompluta. In-notifika għandha titqies kompluta jekk, fi żmien 3 xhur minn meta tasal, jew meta tasal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa, il-Kummissjoni ma titlob l-ebda informazzjoni oħra.

Meta l-Kummissjoni tqis in-notifika bħala mhux kompleta, għandha titlob l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru dwar meta tasal ir-risposta għal dik it-talba.

Meta l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni jew meta jipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni li l-miżuri meħudin mill-Istat Membru skont il-paragrafu 3 huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-miżuri huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru inkwistjoni ma għandux jieħu l-miżuri maħsuba.";

(d) il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"7. L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-koregolamentazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta adottati fil-livell nazzjonali fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva sal-limitu permess mis-sistemi legali tagħhom. Dawk il-kodiċijiet għandhom ikunu tali li jkunu aċċettati b'mod wiesa' mill-partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri kkonċernati. Il-kodiċijiet ta' kondotta għandhom jistabbilixxu l-objettivi tagħhom b'mod ċar u mingħajr ambigwità. Huma għandhom jipprovdu għal monitoraġġ u evalwazzjoni regolari, trasparenti u indipendenti tal-ksib tal-objettivi mmirati. Huma għandhom jipprovdu għal infurzar effettiv, li jinkludi fejn xieraq sanzjonijiet proporzjonati effettivi.

Abbozzi ta' kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni msemmija fl-Artikoli 6a (3), 9(2) u 9(4) u emendi jew estensjonijiet għal kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni eżistenti għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mill-firmatarji ta' dawn il-kodiċijiet.

Il-Kummissjoni tista' titlob lill-ERGA biex jagħti opinjoni dwar l-abbozzi, l-emendi jew l-estensjonijiet ta' dawk il-kodiċijiet. Il-Kummissjoni tista' tippubblika dawk il-kodiċijiet kif meħtieġ.";

(6)    It-titolu tal-Kapitolu III huwa sostitwit b’dan li ġej:

"DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦAS-SERVIZZI TAL-MIDJA AWDJOVIŻIVA";

(7)    fl-Artikolu 5, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"(d) l-Istat Membru li għandu ġuriżdizzjoni fuq il-fornituri ta' servizzi tal-midja u l-awtoritajiet regolatorji kompetenti jew korpi superviżorji.";

(8)    L-Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-Istati Membri għandhom jiżguraw b'mezzi xierqa li s-servizzi tal-midja awdjoviżiva pprovduti mill-fornituri ta' servizzi tal-midja taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom ma jinkludu l-ebda inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda kontra grupp ta' persuni jew membru ta' tali grupp definit b'referenza għas-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.";

(9)    għandu jiddaħħal l-Artikolu 6a li ġej:

   "Artikolu 6a

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva jipprovdu biżżejjed informazzjoni lit-telespettaturi dwar kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jużaw sistema ta' deskritturi li jindikaw in-natura tal-kontenut ta' servizz tal-midja awdjoviżiva.

2. Għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-koregolamentazzjoni.

3. Il-Kummissjoni u l-ERGA għandhom iħeġġu l-fornituri ta' servizzi tal-midja biex jikkondividu l-aħjar prattiċi dwar is-sistemi koregolatorji madwar l-Unjoni. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni.";

(10)    L-Artikolu 7 jitħassar;

(11)    L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

   (a) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iħeġġu l-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' kondotta awtoregolatorji u koregolatorji dwar komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi mhux xierqa, li jakkumpanjaw jew li huma inklużi fi programmi li għandhom udjenza sinifikanti ta' tfal, ta' ikel u xorb li fihom nutrijenti u sustanzi b'effett nutrittiv jew fiżjoloġiku, li l-konsum eċċessiv tagħhom fid-dieta ġenerali mhuwiex irrakkomandat, b'mod partikolari xaħam, aċidi transxaħmin, melħ jew sodju u zokkor.

Dawk il-kodiċijiet għandhom jintużaw sabiex inaqqsu b'mod effettiv l-esponiment tal-minorenni għal komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ta' ikel u xorb li fihom ħafna melħ, zokkor jew xaħam jew li bi kwalunkwe mod ieħor ma jissodisfawx il-linji gwida nutrittivi nazzjonali jew internazzjonali. Dawk il-kodiċijiet għandhom jipprovdu li l-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ma għandhomx jenfasizzaw il-kwalità pożittiva tal-aspetti nutrittivi ta' tali ikel u xorb.

Il-Kummissjoni u l-ERGA għandhom iħeġġu l-iskambju tal-aħjar prattiċi dwar is-sistemi awtoregolatorji u koregolatorji madwar l-Unjoni. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni.";

(b) jiddaħħlu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

"3. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iħeġġu l-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' kondotta awtoregolatorji u koregolatorji dwar komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi mhux xierqa għax-xorb alkoħoliku. Dawk il-kodiċijiet għandhom jintużaw biex jillimtaw b'mod effettiv l-esponiment tal-minorenni għall-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għax-xorb alkoħoliku.

4. Il-Kummissjoni u l-ERGA għandhom iħeġġu l-iskambju tal-aħjar prattiċi dwar is-sistemi awtoregolatorji u koregolatorji madwar l-Unjoni. Jekk jitqies xieraq, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni.";

(12)    fl-Artikolu 10, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"(b) huma ma għandhomx iħeġġu direttament ix-xiri jew il-kiri ta' oġġetti jew servizzi;";

(13)    L-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 11

1. Il-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom japplikaw biss għal programmi prodotti wara d-19 ta’ Diċembru 2009.

2. L-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali għandha tkun amissibbli fis-servizzi kollha tal-midja awdjoviżiva, ħlief fl-aħbarijiet u fi programmi dwar ġrajjiet kurrenti, fil-programmi dwar affarijiet tal-konsumatur, fil-programmi reliġjużi u fil-programmi b'numru sinifikanti ta' udjenza tat-tfal.

3. Il-programmi li jinkludu l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) il-kontenut tagħhom u, fil-każ ta’ xandir televiżiv, l-iskedar tagħhom fl-ebda ċirkostanza ma għandu jkun influwenzat b’tali mod li jaffettwa r-responsabbiltà u l-indipendenza editorjali tal-fornitur ta' servizz tal-midja;

(b) huma ma għandhomx iħeġġu direttament ix-xiri jew il-kiri ta' oġġetti jew servizzi;

(c) it-telespettaturi għandhom ikunu mgħarrfa b’mod ċar bl-eżistenza tal-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali. Il-programmi li fihom l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali għandhom ikunu identifikati b’mod xieraq fil-bidu u fit-tmiem tal-programm, u meta programm jerġa’ jibda wara waqfa pubbliċitarja, sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni min-naħa tat-telespettatur;

Bħala eċċezzjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jirrinunzjaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (c) diment li l-programm ikkonċernat la jkun ġie prodott u lanqas ikkummissjonat mill-fornitur tas-servizz tal-midja nnifsu jew minn kumpanija affiljata mal-fornitur tas-servizz tal-midja.

4. Fi kwalunkwe każ il-programmi ma għandux ikun fihom inklużjoni ta' prodotti kummerċjali ta’:

(a) prodotti tat-tabakk jew sigaretti jew inklużjoni ta' prodotti kummerċjali minn impriżi li l-attività prinċipali tagħhom hija l-manifattura jew il-bejgħ ta’ sigaretti u ta’ prodotti oħrajn tat-tabakk;

(b) prodotti mediċinali speċifiċi jew trattamenti mediċi disponibbli biss b’riċetta tat-tabib fl-Istat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jinsab il-fornitur ta’ servizz tal-midja.";

(14)    L-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej u trasferit għall-Kapitolu III:

"Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw li l-programmi pprovduti mill-fornituri ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom, li jistgħu jfixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni jkunu disponibbli biss b'tali mod li jiżguraw li l-minorenni normalment ma jarawhomx jew ma jismgħuhomx. Miżuri bħal dawn jistgħu jinkludu l-għażla tal-ħin tax-xandira, l-għodod li jivverifikaw l-età jew miżuri tekniċi oħrajn. Huma għandhom ikunu proporzjonali għall-ħsara potenzjali tal-programm.

L-aktar kontenut ta' ħsara, bħal vjolenza u pornografija gratwiti, għandhom ikunu soġġetti għall-aktar miżuri stretti, bħal kriptaġġ u kontroll effettiv mill-ġenituri.";

(15)    L-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 13

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva on-demand taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom ikollhom mill-inqas sehem ta' 20 % ta' xogħlijiet Ewropej fil-katalgu tagħhom u jiżguraw prominenza ta' dawn ix-xogħlijiet.

2. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-fornituri ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva on-demand taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-produzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej, inkluż permezz ta' investiment dirett fil-kontenut u kontribuzzjonijiet għal fondi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-fornituri ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva on-demand, li jimmiraw udjenzi fit-territorji tagħhom, iżda li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor jagħmlu tali kontribuzzjonijiet finanzjarji. F’dan il-każ, il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkun ibbażata biss fuq dħul miksub fl-Istati Membri speċifiċi. Jekk l-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur jimponi kontribuzzjoni finanzjarja, dan għandu jqis kwalunkwe kontribuzzjonijiet finanzjarji imposti mill-Istati Membri speċifiċi. Kull kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

3. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn [data – mhux aktar minn tliet snin wara l-adozzjoni], u wara, kull sentejn, dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

4. Il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u ta’ studju indipendenti, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, b’kunsiderazzjoni tas-suq u tal-iżviluppi teknoloġiċi u tal-objettiv ta' diversità kulturali.

5. L-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1 u 2 għall-fornituri b'fatturat baxx jew b'udjenza baxxa jew jekk ikunu intrapriżi żgħar u mikrointrapriżi. L-Istati Membri jistgħu wkoll jirrinunzjaw għal dawn ir-rekwiżiti f’każijiet fejn ikunu imprattikabbli jew mhux ġustifikati minħabba n-natura jew is-suġġett tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva on-demand.";

(16)    Fl-Artikolu 20, il-paragrafu 2, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

   "It-trażmissjoni ta’ films magħmula għat-televiżjoni (esklużi sensiliet, serje u dokumentarji), xogħlijiet ċinematografiċi u programmi tal-aħbarijiet jistgħu jiġu interrotti minn reklamar televiżiv u/jew telebejgħ darba waqt kull perjodu skedat ta’ mill-inqas 20 minuta.";

(17)    L-Artikolu 23 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 23

1. Il-proporzjon ta' kuljum ta' spots ta' reklamar fuq it-televiżjoni u spots ta' telebejgħ fil-perjodu bejn is-7:00 u l-23:00 ma għandux jaqbeż l-20 %.

2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal:

(a) avviżi magħmula mix-xandar b'konnessjoni mal-programmi tiegħu stess u prodotti anċillari meħuda direttament minn dawk il-programmi jew ma' programmi minn entitajiet oħrajn li jappartjenu għall-istess grupp tal-midja;

(b) avviżi ta' sponsorizzazzjoni;

(c) inklużjoni ta' prodotti kummerċjali.";

(18)    Il-Kapitolu VIII jitħassar;

(19)    jiddaħħal il-Kapitolu IXa li ġej:

"IL-KAPITOLU IXa"

DISPOŻIZZJONI APPLIKABBLI GĦAS-SERVIZZI TA' PJATTAFORMA TA' VIDEO-SHARING

Artikolu 28a

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2000/31/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing jieħdu l-miżuri xierqa biex:

(a) jipproteġu l-minorenni minn kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tagħhom;

(b) jipproteġu ċ-ċittadini kollha minn kontenut li fih inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda kontra grupp ta' persuni jew membru ta' tali grupp definit b'referenza għas-sess, ir-razza, il-kulur, ir-reliġjon, id-dixxendenza jew l-oriġini nazzjonali jew etnika.

2. Dak li jikkostitwixxi miżura xierqa għall-finijiet tal-paragrafu 1 għandu jiġi determinat fid-dawl tan-natura tal-kontenut inkwistjoni, il-ħsara li jista' jikkawża, il-karatteristiċi tal-kategorija ta' persuni li għandhom jiġu protetti kif ukoll id-drittijiet u l-interessi leġittimi involuti, inklużi dawk tal-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing u l-utenti li ħolqu u/jew tellgħu l-kontenut kif ukoll l-interess pubbliku.

Dawk il-miżuri għandhom jikkonsistu minn, kif xieraq:

(a) id-definizzjoni u l-applikazzjoni fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing tal-kunċetti ta' inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u tal-kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni, skont l-Artikoli 6 u 12 rispettivament;

(b) l-istabbiliment u t-tħaddim ta' mekkaniżmi għall-utenti ta' pjattaformi ta' video-sharing biex jirrappurtaw jew jagħtu sinjal lill-fornitur tal-pjattaforma ta' video-sharing ikkonċernat bil-kontenut imsemmi fil-paragrafu 1 maħżun fil-pjattaforma tiegħu;

(c) l-istabbiliment u t-tħaddim ta' sistemi ta' verifika tal-età għall-utenti ta' pjattaformi ta' video-sharing fir-rigward ta' kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni;

(d) l-istabbiliment u t-tħaddim ta' sistemi li jippermettu lill-utenti ta' pjattaformi ta' video-sharing biex jikklassifikaw il-kontenut imsemmi fil-paragrafu 1;

(e) il-provvediment għal sistemi ta' kontroll mill-ġenituri fir-rigward ta' kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni;

(f) l-istabbiliment u t-tħaddim ta' sistemi li permezz tagħhom il-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing jispjegaw lill-utenti ta' pjattaformi ta' video-sharing x'effett ikun ingħata għar-rappurtar u l-għoti ta' sinjal imsemmija fil-punt (b).

3. Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-koregolamentazzjoni kif previst fl-Artikolu 4(7).

4. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi meħtieġa biex jivvalutaw l-adegwatezza tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 2 u 3 meħudin minn fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing. L-Istati Membri għandhom jafdaw dan il-kompitu lill-awtoritajiet maħtura skont l-Artikolu 30.

5. L-Istati Membri ma għandhomx jimponu fuq il-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing miżuri li huma aktar stretti mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2. L-Istati Membri ma għandhomx jiġu preklużi milli jimponu miżuri aktar stretti fir-rigward tal-kontenut illegali. Meta jadottaw tali miżuri, huma għandhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni applikabbli, bħal pereżempju, fejn ikun xieraq, dawk stabbiliti fl-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2000/31/KE u fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/93/UE.

6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli mekkaniżmi ta' lment u rimedju għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn l-utenti u l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing b'rabta mal-applikazzjoni tal-miżuri xierqa msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

7. Il-Kummissjoni u l-ERGA għandhom iħeġġu lill-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing biex jikkondividu l-aħjar prattiċi dwar sistemi koregolatorji madwar l-Unjoni. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni.

8. Il-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing jew, fejn applikabbli, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil dawk il-fornituri f'dan ir-rigward għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni abbozz ta' kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni u emendi għal kodiċijiet ta' kondotta eżistenti tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-ERGA biex jagħti opinjoni dwar l-abbozzi, l-emendi jew l-estensjonijiet ta' dawk il-kodiċijiet ta' kondotta. Il-Kummissjoni tista' tagħti pubbliċità xierqa lil dawk il-kodiċijiet ta' kondotta.

Artikolu 28b

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing li mhumiex stabbiliti fit-territorju tagħhom, iżda li għandhom jew kumpanija omm jew sussidjarja li hija stabbilita fit-territorju tagħhom jew li huma parti minn grupp u entità oħra ta' dak il-grupp hija stabbilita fit-territorju tagħhom, jitqiesu li kienu stabbiliti fit-territorju tagħhom għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/31/KEE.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu, meta l-kumpanija omm, is-sussidjarja jew l-entità l-oħra tal-grupp huma kollha stabbiliti fi Stati Membri differenti, il-fornitur għandu jitqies li jkun ġie stabbilit fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-kumpanija omm tiegħu jew, fin-nuqqas ta' tali stabbiliment fi Stat Membru, fejn hija stabbilita s-sussidjarja tagħha jew, fin-nuqqas ta' tali stabbiliment fi Stat Membru, fejn hija stabbilita l-entità l-oħra tal-grupp.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu, fejn hemm diversi sussidjarji li kull waħda minnhom hija stabbilita fi Stati Membri differenti, jew fejn hemm diversi entitajiet oħrajn tal-grupp li kull waħda minnhom hija stabbilita fi Stat Membru differenti, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li l-fornitur jiddikjara f'liema mill-Istati Membri għandu jitqies li kien stabbilit.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni lista tal-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing stabbiliti fit-territorju tagħhom u l-kriterji, stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/31/KE u fil-paragrafu 1, li fuqhom hija bbażata l-ġuriżdizzjoni tagħhom. Huma għandhom jaġġornaw il-lista b'mod regolari. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-awtoritajiet regolatorji indipendenti kompetenti jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni.";

(20)    it-titolu tal-Kapitolu XI huwa sostitwit b’dan li ġej:

"AWTORITAJIET REGOLATORJI TAL-ISTATI MEMBRI";

(21)    L-Artikolu 30 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 30

1. Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità regolatorja nazzjonali independenti waħda jew aktar. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma legalment distinti u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu awtoritajiet regolatorji li jissorveljaw setturi differenti.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b'mod imparzjali u trasparenti u skont l-objettivi ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari l-pluraliżmu tal-midja, id-diversità kulturali, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-suq intern u l-promozzjoni ta' kompetizzjoni ġusta.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ma għandhomx ifittxu jew jieħdu istruzzjonijiet minn kwalunkwe korp ieħor b'rabta mal-eżerċizzju tal-kompiti assenjati lilhom taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni. Dan ma għandux ifixkel is-superviżjoni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali.

3. Il-kompetenzi u s-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji indipendenti, kif ukoll il-modi ta' kif jagħmluhom responsabbli għandhom jiġu definiti b'mod ċar fil-liġi.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom setgħat ta' infurzar adegwati biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'mod effettiv.

5. Il-Kap ta' awtorità regolatorja nazzjonali jew il-membri tal-korp kolleġġjali li jissodisfaw dik il-funzjoni fi ħdan awtorità regolatorja nazzjonali, jistgħu jitkeċċew biss jekk ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom li huma stipulati minn qabel fil-liġi nazzjonali. Id-deċiżjoni ta' tkeċċija għandha ssir pubblika u għandha tkun disponibbli dikjarazzjoni tar-raġunijiet.

6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtoritajiet regolatorji nazzjonali indipendenti jkollhom baġits annwali separati. Il-baġits għandhom ikunu pubbliċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompitu assenjat lilhom u biex jipparteċipaw b'mod attiv fi u jikkontribwixxu għall-ERGA.

7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi effettivi fil-livell nazzjonali taħt liema kwalunkwe utent jew fornitur ta' servizzi tal-midja jew fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing li huma affettwati minn deċiżjoni ta' awtorità regolatorja nazzjonali jkollhom id-dritt ta' appell kontra d-deċiżjoni quddiem korp ta' appell. Il-korp ta' appell għandu jkun indipendenti mill-partijiet involuti fl-appell.

Dak il-korp ta' appell, li għandu jkun qorti, għandu jkollu l-ħila esperta adatta biex ikun jista' jwettaq il-funzjonijiet tiegħu b'mod effettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħed kont debitu tal-merti tal-każ u li jkun hemm mekkaniżmu ta' appell effettiv.

Sakemm ikun magħruf l-eżitu tal-appell, id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tibqa' valida, diment li l-miżuri interim jingħataw skont il-liġi nazzjonali.";

(22) jiddaħħal l-Artikolu 30a li ġej:

"Artikolu 30a

1. Il-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (ERGA) huwa b'dan stabbilit.

2. Huwa għandu jkun magħmul minn awtoritajiet regolatorji indipendenti nazzjonali fil-qasam tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva. Għandhom ikunu rappreżentati mill-kapijiet jew minn rappreżentanti ta' livell ogħli nominati tal-awtorità regolatorja nazzjonali bir-responsabbiltà primarja għas-sorveljanza tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva, jew f'każijiet fejn mhemmx awtorità regolatorja nazzjonali, minn rappreżentanti oħrajn kif magħżul permezz tal-proċeduri tagħhom. Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-grupp.

3. ERGA għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a) li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni konsistenti fl-Istati Membri kollha tal-qafas regolatorju għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva;

(b) li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mas-servizzi tal-midja awdjoviżiva fil-kompetenza tal-Kummissjoni. Jekk ikun iġġustifikat sabiex jagħti pariri lill-Kummisjoni dwar ċerti kwistjonijiet, il-grupp jista' jikkonsulta mal-parteċipanti tas-suq, mal-konsumaturi u mal-utenti aħħarin sabiex jiġbor l-informazzjoni meħtieġa;

(c) li jipprovdi skambju ta' esperjenza u prattika tajba fir-rigward tal-applikazzjoni tal-qafas regolatorju għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva;

(d) li jikkoopera u jipprovdi lill-membri tiegħu bl-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 3 u 4 tagħha;

(e) li jagħti opinjonijiet, meta mitlub mill-Kummissjoni, dwar il-kwistjonijiet previsti fl-Artikoli 2(5b), 6a(3), 9(2), 9(4) u dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mas-servizzi tal-midja awdjoviżiva, b'mod partikolari dwar il-protezzjoni tal-minorenni u l-inċitament għall-mibegħda.";

4. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, ir-regoli ta' proċedura għall-ERGA.";

(23)    L-Artikolu 33 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 33

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri, inkluża l-applikazzjoni tagħha tal-koregolamentazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni permezz ta' kodiċijiet adottati fil-livell nazzjonali.

Mhux aktar tard minn [data – mhux aktar tard minn erba' snin wara l-adozzjoni] u kull tliet snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Mhux aktar tard minn [data - mhux aktar tard minn 10 snin wara l-adozzjoni] il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill evalwazzjoni ex post, akkumpanjata fejn xieraq minn proposti għar-reviżjoni tagħha, sabiex jitkejjel l-impatt tad-Direttiva u l-valur miżjud tagħha."

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [data – mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ]. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir it-tali referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)

   Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa", 6 ta' Mejju 2015, COM(2015) 192 finali, http://ec.europa.eu/priorities/digital-single-market/docs/dsm-communication_en.pdf

(2) Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)
(3) B'mod aktar speċifiku, l-istrateġija DSM issemmi li "Il-Kummissjoni se teżamina jekk is-sistema attwali ta’ regoli li japplikaw għax-xandir u għal servizzi on-demand għandhiex tiġi adattata. Hija se tikkunsidra wkoll jekk l-ambitu attwali jew ir-regoli għandhomx jitwessgħu biex jinkludu servizzi u atturi ġodda li attwalment mhumiex meqjusa bħala servizzi tal-medja awdjoviżiva taħt id-Direttiva u / jew fornituri li jaqgħu barra l-ambitu ġeografiku tagħha."
(4) L-istrateġija DSM issemmi wkoll li "Il-Kummissjoni se taħdem ukoll fuq miżuri li jippromwovu katalogi ta’ xogħlijiet Ewropej fuq pjattaformi ta’ Video-on-Demand."
(5) L-evalwazzjoni AVMSD REFIT titħabbar fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "REFIT: Initial results of the mapping of the acquis" (SWD(2013) 401 final) u hija parti mill-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015 (Anness 3 (COM2014) 910 final tas-16.12.2014).
(6) COM(2015) 615 ( http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=COM%3A2015%3A615%3AFIN )
(7) Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1).
(8) http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/consultation-green-paper-preparing-fully-converged-audiovisual-world-growth-creation-and-values
(9) https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/publication-summaries-green-paper-replies  
(10) http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/public-consultation-directive-201013eu-audiovisual-media-services-avmsd-media-framework-21st  
(11) Tliet rapporti fuq inizjattiva proprja adottati mill-Parlament Ewropew. A) "Lejn Att ta' Suq Uniku Diġitali" (2015/2147(INI)) ta' Jannar 2015 (għad irid jiġi adottat); B) ir-rapport ta' Lulju 2013, "TV Konnessa" (Rapporteur MEP Petra Kammerevert (S&D, DE)) li jappella lill-Kummissjoni biex tevalwa l-limitu safejn huwa meħtieġ biex jiġi rivedut l-AVMSD, ttp://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P7-TA-2013-0329&language=EN&ring=A7-2013-0212 C). Ir-rapport ta' Marzu 2014, "It-tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva Konverġenti b'Mod Komplet" (Rapporteur MEP Sabine Verheyen (EPP, DE)) li jappella għal reviżjoni tal-AVMSD, http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P7-TA-2014-0232&language=EN&ring=A7-2014-0057 .
(12) Aktar reċenti, il-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati taħt il-Presidenza Taljana tal-UE fl-2014 li jistiednu lill-Kummissjoni biex "Tlesti l-eżerċizzju tar-reviżjoni tal-AVMSD b'urġenza fid-dawl tal-bidliet tas-suq teknoloġiċi mgħaġġlin li jirriżultaw mill-bidla diġitali, u fuq il-bażi tar-riżultat ta' din ir-reviżjoni jissottometti proposta xierqa għar-reviżjoni ta' din id-Direttiva malajr kemm jista' jkun, fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà." http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/educ/145950.pdf  
(13) Opinjoni adottata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew f'Settembru 2013 dwar il-Green Paper "It-tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva Konverġenti b’Mod Komplet: Tkabbir, Ħolqien u Valuri, http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.ten-opinions.28469  
(14) Fis-Sessjoni Plenarja tiegħu bejn it-12 u l-14 ta' Ottubru 2015, il-Kumitat tar-Reġjuni adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar ir-"Reviżjoni tad-Direttiva tas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva" - il-link għadu jrid jiġi ppubblikat
(15) Peress li l-biċċa l-kbira tal-informazzjoni pprovduta hija kunfidenzjali, din ġiet użata fil-Valutazzjoni tal-Impatt u r-REFIT f’format aggregat u b’mod anonimu. Għal din ir-raġuni t-tweġibiet mhumiex ippubblikati.
(16) http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/commission-decision-establishing-european-regulators-group-audiovisual-media-services
(17) http://ted.europa.eu/udl?uri=TED:NOTICE:212396-2015:TEXT:EN:HTML&ticket=ST-1292379-SKem8OGQ1reJn1IxAZqVGszP2zjXhYuZOoStsF8rBu0ZCOZKgO05NbMy9k6hQrTzIimWUTdcKGfvm49lhwu7y5m-Jj71zxYb8yr5J3R6eCTiGK-TqeqixAzhASPjqjbmnf8X5hXPzlpiWbUx9btUwoJzMau  
(18) https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/study-exposure-minors-alcohol-advertising-tv-and-online-services
(19) http://ec.europa.eu/consumers/consumer_evidence/behavioural_research/impact_media_marketing_study/index_en.htm
(20) http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/study-audiovisual-media-services  
(21) http://ted.europa.eu/udl?uri=TED:NOTICE:279501-2014:TEXT:EN:HTML  
(22) https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/study-data-and-information-costs-and-benefits-audiovisual-media-service-directive-avmsd
(23) https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/demand-audiovisual-markets-european-union-smart-20120028
(24) Studju dwar l-impatt tal-kummerċjalizzazzjoni permezz tal-midja soċjali, il-logħob onlajn u l-applikazzjonijet mobbli fuq l-imġiba tat-tfal: http://ec.europa.eu/consumers/consumer_evidence/behavioural_research/impact_media_marketing_study/index_en.htm
(25) Studju dwar id-definizzjoni ta' qafas għall-monitoraġġ tar-regoli tar-reklamar skont l-AVMSD: ibbażat fuq il-valur medju attwali għall-monitoraġġ ta' fornitur lineari wieħed stabbilit fl-UE (aġġustat PPP) li ġej minn kampjun tal-ispejjeż regolatorji f'7 SM li jista' jitqies bħala kampjun rappreżentattiv ta' approċċi differenti biex jiġu ssodisfati r-responsabbiltajiet regolatorji fir-rigward tal-monitoraġġ u l-infurzar tar-regoli kwantitattivi. Huwa preżunt ukoll li r-regolaturi jiffukaw l-attivitajiet regolatorji tagħhom fuq servizzi lineari li għandhom aktar minn 0.5 % tas-sehem tal-udjenza.
(26) Studju dwar id-definizzjoni ta' qafas għall-monitoraġġ tar-regoli tar-reklamar skont l-AVMSD
(27) Id-Direttiva 89/552/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23).
(28) Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).
(29) Id-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27).
(30) COM(2015) 192 finali.
(31) COM(2015) 215 finali
(32) https://ec.europa.eu/digital-single-market/communities/better-self-and-co-regulation
(33) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(34) Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU L 178, 17.07.2000, p. 1).
(35) Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).
(36) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014)462 tat-3 ta' Frar 2014 dwar it-twaqqif tal-Grupp Ewropew ta' Regolaturi għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva.
(37) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.