Brussell, 4.5.2016

COM(2016) 279 final

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit

(it-Turkija)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Fis-16 ta’ Diċembru 2013, l-Unjoni Ewropea (UE) u t-Turkija nedew id-Djalogu għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża (VLD), b’mod parallel mal-iffirmar tal-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija. Il-VLD huwa bbażat fuq il-Pjan Direzzjonali lejn reġim mingħajr viża mat-Turkija ("il-Pjan Direzzjonali"), dokument li jistabbilixxi r-rekwiżiti li t-Turkija jeħtiġilha tissodisfa sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 1 li jippermetti li ċ-ċittadini Torok li jkollhom passaporti bijometriċi konformi mal-istandards tal-UE jivvjaġġaw lejn l-Istati Membri mingħajr viża għal żmien qasir (jiġifieri sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum). It-72 rekwiżit elenkati fil-Pjan Direzzjonali ġew organizzati f'ħames gruppi tematiċi ("blokok"): is-sigurtà tad-dokumenti; il-ġestjoni tal-migrazzjoni; l-ordni pubblika u s-sigurtà; id-drittijiet fundamentali; u r-riammissjoni ta’ migranti irregolari.

L-Ewwel Rapport dwar il-progress tat-Turkija fir-rigward tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tagħha tal-liberalizzazzjoni tal-viża 2 ("l-Ewwel Rapport") ġie adottat mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Ottubru 2014. L-Ewwel Rapport ivvaluta l-issodisfar ta' kull rekwiżit u ħareġ rakkomandazzjonijiet biex isir aktar progress fihom kollha.

Fis-Summit bejn l-UE u t-Turkija fid-29 ta’ Novembru 2015, in-naħa Torka esprimiet l-impenn tagħha biex tħaffef l-issodisfar tal-Pjan Direzzjonali, inkluż billi tantiċipa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija, bl-objettiv li possibbilment tinkiseb il-liberalizzazzjoni tal-viża sa Ottubru 2016 3 . L-impenn intlaqa' tajjeb mill-Unjoni Ewropea.

Fl-4 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni adottat it-Tieni Rapport tagħha dwar il-progress tat-Turkija fl-issodisfar tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tagħha tal-liberalizzazzjoni tal-viża 4 ("it-Tieni Rapport") li jivvaluta l-progress fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-Pjan Direzzjonali mit-Turkija. Hija kkonkludiet li, mis-Summit bejn l-UE u t-Turkija tad-29 ta’ Novembru 2015, l-awtoritajiet Torok kienu żiedu l-isforzi tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali. Hija inkludiet rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar il-miżuri li t-Turkija għandha tieħu biex tagħmel aktar progress lejn l-issodisfar sħiħ tar-rekwiżiti kollha, u ħeġġet lill-awtoritajiet Torok biex iħaffu aktar il-proċess ta’ riforma, billi jindirizzaw il-kwistjonijiet pendenti identifikati fir-rapport bħala kwistjoni ta’ urġenza. Ir-rapport ikkonferma oqsma fejn it-Turkija ssodisfat il-punti ta' riferiment u identifika l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu sabiex ikun żgurat li t-Turkija tissodisfa l-punti ta' riferiment kollha tal-Pjan Direzzjonali.

Fis-7 u t-18 ta’ Marzu 2016, saru l-laqgħat tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE u t-Turkija. Il-laqgħa tal-aħħar għalqet b'Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija 5 li tgħid li "l-issodisfar tal-pjan direzzjonali tal-liberalizzazzjoni tal-viża se jiġi aċċellerat fir-rigward tal-Istati Membri kollha parteċipanti bl-għan li jitneħħew ir-rekwiżiti għall-viżi għaċ-ċittadini Torok mhux aktar tard mill-aħħar ta' Ġunju 2016, sakemm il-punti ta' riferiment kollha jkunu ġew issodisfati. Għal dan l-għan, it-Turkija se tieħu l-passi meħtieġa biex tissodisfa l-bqija tar-rekwiżiti biex il-Kummissjoni, filwaqt li ssegwi l-valutazzjoni ta' konformità meħtieġa mal-punti ta' riferiment, tkun tista' tagħmel proposta sal-aħħar ta' April li fuq il-bażi tagħha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni finali".

Fit-Tielet rapport dwar il-progress tat-Turkija fl-issodisfar tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tagħha tal-liberalizzazzjoni tal-viża 6 , ippreżentat b’mod parallel ma’ din il-proposta, il-Kummissjoni tinnota li billi bnew fuq livell ġdid ta’ impenn u determinazzjoni muri mit-Turkija fid-29 ta’ Novembru 2015 fis-Samit bejn l-UE u t-Turkija f’dawn l-aħħar xhur, l-awtoritajiet Torok komplew jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jissodisfaw din il-kundizzjoni. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-progress pożittiv li sar mill-awtoritajiet Torok s’issa, u tħeġġiġhom biex iżidu b’mod urġenti l-isforzi tagħhom sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha biex tinkiseb il-liberalizzazzjoni tal-viża sal-aħħar ta’ Ġunju.

Madankollu, kif muri fir-rapport, l-awtoritajiet Torok għadhom ma rnexxilhomx jiksbu dan l-objettiv ambizzjuż minħabba li 7 rekwiżiti minn 72 għadhom ma ġewx issodisfati. Uħud minnhom huma ta’ importanza partikolari.

Tnejn minn dawn is-seba’ rekwiżiti pendenti jeħtieġu skadenza itwal ta’ żmien għall-implimentazzjoni għal raġunijiet prattiċi u proċedurali u dan għamilha impossibbli li jiġu ssodisfati b’mod sħiħ sal-mument tal-preżentazzjoni ta’ din il-proposta. Dan jinkludi dawn iż-żewġ punti ta’ riferiment:

l-aġġornament tal-passaporti bijometriċi eżistenti biex jinkludu karatteristiċi ta’ sigurtà skont l-aħħar standards tal-UE;

l-implimentazzjoni bis-sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija, inklużi dawk relatati mar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Kif indikat fir-Rapport, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Torok qablu dwar modi prattiċi li bihom għandhom jiġu implimentati dawn il-punti ta’ riferiment qabel ma jiġu ssodisfati bis-sħiħ.

Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet Torok biex jieħdu l-miżuri meħtieġa b’mod urġenti, biex jissodisfaw il-punti ta’ riferiment pendenti oħra tal-Pjan Direzzjonali, jiġifieri:

l-adozzjoni ta' miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni prevista mill-Pjan Direzzjonali, jiġifieri li jiġi żgurat segwitu effikaċi għar-rakkomandazzjonijiet ippubblikati mill-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa;

l-allinjament tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali mal-istandards tal-UE, b’mod speċjali biex tiżgura li l-awtorità tal-protezzjoni tad-dejta tkun tista' taġixxi b’mod indipendenti u li l-attivitajiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi;

in-negozjar ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni operazzjonali mal-Europol. Din tiddependi wkoll fuq il-bidliet t'hawn fuq fil-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta;

toffri kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva fi kwistjonijiet kriminali lill-Istati Membri kollha tal-UE;

ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni u l-prattiki dwar it-terroriżmu f’konformità mal-istandards Ewropej, b’mod partikolari b'allinjament aħjar tad-definizzjoni tat-terroriżmu ma’ dik stabbilita fid-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI kif emendata sabiex tirrestrinġi l-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni u billi tintroduċi kriterju ta’ proporzjonalità.

Bil-ftehim li l-awtoritajiet Torok ser jissodisfaw, b'urġenza u kif impenjaw ruħhom li jagħmlu fit-18 ta’ Marzu 2016, il-punti ta’ riferiment pendenti tal-Pjan Direzzjonali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 biex tneħħi r-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini Torok li huma detenturi ta’ passaporti bijometriċi konformi mal-istandards tal-UE.

Biex tassisti l-koleġiżlaturi fid-deliberazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-passi li jieħdu l-awtoritajiet Torok biex jissodisfaw ir-rekwiżiti pendenti tal-Pjan Direzzjonali.

Il-preżentazzjoni ta’ din il-proposta fil-bidu ta' Mejju tagħti lok li jgħaddi perjodu ta’ tmien ġimgħat bejn meta l-abbozz tal-budget ikun disponibbli għall-Parlamenti nazzjonali u l-adozzjoni tiegħu sal-aħħar ta’ Ġunju, kif imsemmi fid-Dikjarazzjoni bejn l-UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016, u skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 għat-Trattati dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea. Bħala tali, il-proposta tiżgura li jkun jista' jitwassal element essenzjali tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, miftiehma fit-18 ta’ Marzu mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa. Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa applikat mill-Istati Membri kollha – bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u tar-Renju Unit – kif ukoll mill-Iżlanda, mil-Liechtenstein, min-Norveġja u mill-Iżvizzera. Dan ir-Regolament huwa parti mill-politika komuni tal-viża tal-UE għal soġġorni qosra ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

Bħalissa t-Turkija hija elenkata fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, jiġifieri fost dawk il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Istati Membri tal-UE.

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 ġie emendat l-aħħar mir-Regolament (UE) Nru 259/2014 7 meta l-Moldova ġiet trasferita għal-lista ta' mingħajr viża wara li implimentat b'suċċess il-PALV (Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża) tagħha; u mir-Regolament (UE) Nru 509/2014 8 meta ħames pajjiżi tal-Karibew 9 u ħdax-il pajjiż tal-Paċifiku 10 , kif ukoll il-Kolumbja, il-Perù u l-Emirati Għarab Magħquda ġew eżentati mill-ħtieġa tal-viża – soġġetti għall-konklużjoni tal-ftehimiet bilaterali ta' immunità bejn l-UE u l-pajjiżi terzi rispettivi – wara rieżami perjodiku tal-listi tal-viża. Fid-9 ta’ Marzu 2016 u l-20 ta’ April 2016, il-Kummissjoni għamlet proposti biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 539/2001, li jitrasferixxi rispettivament, il-Ġeorġia 11 u l-Ukrajna 12 fil-lista ta’ mingħajr viża wara l-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjanijiet direzzjonali tagħhom tal-PALV.

Il-kriterji li għandhom jitqiesu meta jkunu qed jiġu ddeterminati – abbażi ta' valutazzjoni każ b'każ – il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għall-ħtieġa ta' viża jew eżenti minnha, huma stipulati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 (kif introdott mir-Regolament (UE) Nru 509/2014). Dawn jinkludu "l-immigrazzjoni irregolari, il-politika pubblika u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, partikolarment, konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza u reċiproċità reġjonali" 13 . Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sigurtà ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin mill-pajjiżi terzi kkonċernati.

Fir-rigward tar-reċiproċità, fit-2 ta’ Mejju 2016 il-Gvern Tork adotta digriet li jiddikjara li ċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jidħlu fit-Turkija mingħajr viża mid-data tat-tneħħija tar-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini Torok.

Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Fis-6 ta’ April 2016, il-Kummissjoni pproponiet l-istabbiliment ta’ Sistema ta’ Dħul / Ħruġ tal-UE (Entry/Exit System, EES) biex jissaħħu l-fruntieri esterni taż-żona Schengen 14 . L-objettivi prinċipali ta’ din il-proposta huma li titjieb il-kwalità tal-verifiki fil-fruntieri għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u biex tkun żgurata identifikazzjoni sistematika u affidabbli ta’ persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta. Is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) futura għalhekk se tkun element importanti biex tiżgura użu legali ta' soġġorn mingħajr viża fiż-żona Schengen miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u biex tipprevjeni jew tnaqqas il-migrazzjoni irregolari minn pajjiżi b'sistema ta' vjaġġar mingħajr viża.

Barra minn hekk, f’Komunikazzjoni 15 , il-Kummissjoni ħabbret li se tivvaluta l-ħtieġa, il-fattibbiltà u l-proporzjonalità tal-istabbiliment ta’ Sistema tal-UE ta’ Informazzjoni dwar l-Ivvjaġġar u ta' Awtorizzazzjoni (ETIAS). Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tesplora saħansitra fl-2016 jekk tali livell addizzjonali ta’ kontroll għal ċittadini mingħajr viża huwiex fattibbli u proporzjonali, u jekk jagħtix kontribut effettiv biex tinżamm u tissaħħaħ is-sigurtà taż-żona ta’ Schengen.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Il-bażi ġuridika

Billi l-proposta se temenda l-politika komuni dwar il-viżi tal-UE, il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Ir-regolament propost se jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

Sussidjarjetà, proporzjonalità u l-għażla tal-istrument

Billi r-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa att legali tal-UE, jista’ jiġi emendat biss permezz ta’ att legali ekwivalenti. L-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu individwalment biex jinkiseb l-objettiv tal-politika. Ma hija disponibbli l-ebda għażla oħra (mhux leġiżlattiva) biex jintlaħaq l-objettiv tal-politika.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET KONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Saru diskussjonijiet regolari mal-Istati Membri fil-Kunsilli Ġustizzja u Affarijiet Interni, mal-COREPER, mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar it-Tkabbir (COELA), laqgħat mal-Kunsilliera għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-Istati Membri u bosta preżentazzjonijiet dwar il-qagħda attwali tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża lill-Parlament Ewropew – f'seduti plenarji u fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE).

   Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

Il-Kummissjoni ġabret dejta komprensiva dwar l-implimentazzjoni mit-Turkija tar-rekwiżiti kollha skont il-Pjan Direzzjonali. Waqt id-djalogu kollu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mat-Turkija, u b’mod partikolari fid-dawl tat-tħejjija tar-rapporti tagħha, ħadu sehem esperti mis-servizzi tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-Istati Membri tal-UE u l-aġenziji rilevanti tal-UE (Frontex, EASO, Europol, Eurojust) u analizzaw il-leġiżlazzjoni Torka fl-oqsma koperti mill-VLD kif ukoll l-implimentazzjoni prattika tagħha. Saru diversi taħditiet tekniċi u żjarat fil-post, u nġabret dokumentazzjoni kbira bl-għajnuna tal-awtoritajiet u l-esperti Torok.

   Valutazzjoni tal-impatt

It-Tieni Rapport tal-Kummissjoni li ħareġ fl-4 ta’ Marzu 2016 kien akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 16 , li jivvaluta – fuq il-bażi ta’ informazzjoni statistika tal-EUROSTAT, inputs mingħand l-Aġenziji rilevanti tal-UE, u tendenzi osservati – l-impatt possibbli tal-liberalizzazzjoni tal-viża għat-Turkija fuq il-qagħda migratorja tal-Unjoni Ewropea.

It-Tielet Rapport, maħruġ b’mod parallel ma’ din il-proposta, huwa akkumpanjat minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 17 li jipprovdi, għal kull rekwiżit, informazzjoni fattwali dwar is-sitwazzjoni attwali tat-twettiq tiegħu. Dan id-dokument jinkludi wkoll valutazzjoni tal-impatt possibbli ta’ liberalizzazzjoni tal-viża għat-Turkija fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea.

Mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt oħra.

   Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi negattivi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea. It-twettiq tal-punti ta’ riferiment tal-Pjan Direzzjonali se jtejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija.

4.    L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

mhux applikabbli

5.    ELEMENTI OĦRA

   Il-pjanijiet ta' implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Ir-Regolament emendat se jkun applikabbli direttament mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u se jiġi implimentat minnufih mill-Istati Membri. L-ebda pjan ta’ implimentazzjoni ma huwa neċessarju.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja b'mod attiv l-implimentazzjoni kontinwa tat-Turkija tal-punti ta' riferiment kollha skont il-ħames blokki tal-Pjan Direzzjonali permezz tal-istrutturi u d-djalogi ta' assoċjazzjoni eżistenti u, jekk ikun meħtieġ, permezz ta' mekkaniżmi ta' segwitu ad hoc.

B’mod partikolari, anki wara l-għoti ta’ reġim ħieles mill-viża lit-Turkija, il-Kummissjoni, permezz tal-organizzazzjoni regolari tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija, se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni min-naħa tat-Turkija tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija. Ir-rispett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet lejn l-Istati Membri kollha tal-UE jirrappreżenta wieħed mir-rekwiżiti fundamentali għar-reġim ħieles mill-viża.

   Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 se jiġi emendat, billi jittrasferixxi lit-Turkija mill-Anness I (lista ta’ pajjiżi li jeħtieġu l-viża) għall-Anness II (lista ta’ pajjiżi mingħajr viża). F’konformità mal-Pjan Direzzjonali, se tiġi miżjuda nota f’qiegħ il-paġna li tispeċifika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża tapplika għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa f’konformità mal-istandards tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004, b’mod partikolari rigward il-kriptaġġ tal-marki tas-swaba’ minn Kontroll ta’ Aċċess Supplimentari (Supplementary Access Control, SAC).

It-Turkija għarrfet lill-Kummissjoni li mhux se twettaq ir-rifromi kollha meħtieġa biex toħroġ passaporti bijometriċi kompletament konformi mal-UE qabel Ottubru 2016. B'mod parallel it-Turkija diġà sa mill-bidu ta' Ġunju, se tiżgura li l-passaporti kollha li għandhom jinħarġu se jinkludu ritratt u l-marki tas-swaba tad-detentur fiċ-ċippa u jkunu kompletament konformi mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (International Civil Aviation Organisation, ICAO). F’dawn il-passaporti, il-marki tas-swaba’ għandhom ikunu protetti minn kriptaġġ ta' Kontroll tal-Aċċess Estiż (Extended Access Control) (EAC). Għalhekk, l-eżenzjoni mill-viża b'eċċezzjoni se tapplika wkoll għad-detenturi tal-passaporti msemmija l-aħħar, sakemm dawn ikunu nħarġu bejn l-1 ta’ Ġunju 2016 u l-31 ta’ Diċembru 2016. Din l-eċċezzjoni se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2017. Qabel ma jibda r-reġim ħieles mill-viża, it-Turkija trid tipprovdi lill-Istati Membri kollha ċ-ċertifikati li jippermettu l-awtentiċità u l-qari tal-informazzjoni maħżuna fiċ-ċipep tal-passaporti Torok.

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

(it-Turkija)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 18 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit. Il-kompożizzjoni tal-listi ta’ pajjiżi terzi fl-Annessi I u II għandha tkun, u għandha tibqa’, konsistenti mal-kriterji stipulati fihom. Ir-referenzi għal pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom inbidlet is-sitwazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma’ dawk il-kriterji, għandhom jiġu trasferiti minn anness għall-ieħor, kif xieraq.

(2)Il-kriterji li għandhom jitqiesu meta jkunu qed jiġu ddeterminati – abbażi ta' valutazzjoni każ b'każ – il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għar-rekwiżit ta' viża jew eżenti minnu, huma stipulati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Jinkludu "l-immigrazzjoni irregolari, il-politika pubblika u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, partikolarment, konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza u reċiproċità reġjonali".

(3)Wara s-summits bejn l-UE u t-Turkija fid-29 ta’ Novembru 2015 u fit-18 ta’ Marzu 2016 kien hemm qbil li t-twettiq tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viżi ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Gvern Tork fis-16 ta’ Diċembru 2013 se jiġi mħaffef vis-à-vis l-Istati Membri kollha parteċipanti bl-għan li jitneħħew ir-rekwiżiti tal-viża għaċ-ċittadini Torok mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Ġunju 2016.

(4)Il-liberalizzazzjoni tal-viża għat-Turkija huwa komponent ewlieni tad-Dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2016 bejn l-UE u t-Turkija. Id-Dikjarazzjoni tistipula li r-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini Torok għandu jitneħħa sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Ġunju 2016. Il-preżentazzjoni tal-proposta dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża fil-bidu ta' Mejju jista’ jippermetti li l-perjodu ta’ tmien ġimgħat mogħti lill-Parlamenti nazzjonali skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 għat-Trattati dwar l-irwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea jgħaddi qabel l-adozzjoni tagħha fl-aħħar ta’ Ġunju.

(5)[It-Turkija ssodisfat ir-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viżi tagħha. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni u filwaqt li jitqiesu l-kriterji kollha elenkati fl-Aritkolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, huwa xieraq li ċ-ċittadini Torok jiġu eżentati mir-rekwiżit tal-viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Istati Membri.]

(6)Għaldaqstant it-Turkija tiġi trasferita mill-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 għall-Anness II tiegħu.

(7)L-eżenzjoni ta’ viża tiddependi fuq it-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża u tad-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016. Il-Kummissjoni se timmonitorja b’mod attiv l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti u tad-Dikjarazzjoni. L-eżenzjoni tal-viża tista’ tiġi sospiża mill-UE skont il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni stabbilita bl-Artikolu 1a tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, kif emendat permezz tar-Regolament XXX, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fiha jiġu sodisfatti.

(8)Din l-eżenzjoni tal-viża għandha tapplika biss għal dawk id-detenturi tal-passaporti bijometriċi maħruġa f’konformità mal-istandards tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 19 . B’eċċezzjoni, l-eżenzjoni għandha tapplika wkoll għal detenturi ta’ passaporti bijometriċi li jinkludu l-marki tas-swaba’ tad-detentur ta’ passaport, maħruġ f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), u sakemm tali passaporti huma maħruġa bejn l-1 ta’ Ġunju 2016 u l-31 ta’ Diċembru 2016. Din l-eċċezzjoni se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2017.

(9)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE 20 . Għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(10)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 21 . Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(11)Fir-rigward tal-Iżlanda u tan-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u tar-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fit-taqsima msemmija fil-punt B tal-Artikolu 1, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 22 .

(12)Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqgħu fit-taqsima msemmija fil-punt B tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqraw flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE 23 .

(13)Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fit-taqsima msemmija fil-punt B tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqraw flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE 24 ,

1.ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa emendat kif ġej:

   (a)    fl-Anness I, il-Parti 1 ("STATI"), ir-referenza għat-Turkija titħassar.

   (b)    fl-Anness II, il-Parti 1 ("STATI"), tiddaħħal ir-referenza li ġejja:

"it-Turkija"*

______________

*    L-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża tapplika biss għad-detenturi ta' passaporti bijometriċi maħruġa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u għall-bijometriċi f'passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri, ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1. B’eċċezzjoni, l-eżenzjoni tapplika wkoll għal detenturi ta’ passaporti bijometriċi li jinkludu l-marki tas-swaba’, tad-detenturi ta' passaport maħruġ f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), u sakemm tali passaporti jkunu nħarġu qabel il-31 ta’ Diċembru 2016. Din l-eċċezzjoni se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2017.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

1.Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1.
(2) COM(2014) 646 finali.
(3) Id-dikjarazzjoni adottata fil-Laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE mat-Turkija: http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2015/11/29-eu-turkey-meeting-statement/
(4) COM(2016) 140 finali.
(5) Id-dikjarazzjoni adottata fil-Laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE mat-Turkija: http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/03/18-eu-turkey-statement/.
(6) COM/(2016)278 final.
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 259/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 105, 8.4.2014, p. 9.
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67.
(9) Dominica, Grenada, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, Trinidad u Tobago.
(10) Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, Palau, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Tuvalu, Vanuatu.
(11) COM(2016) 142 finali.
(12) COM(2016) 236 finali.
(13) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa.
(14) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tirreġistra d-dejta ta' dħul u ħruġ u d-dejta ta' rifjut ta' dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u biex jiġu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-aċċess fl-EES għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, COM(2016) 194 finali.
(15) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, "Sistemi aktar Solidi u Intelliġenti ta' Informazzjoni għall-Fruntieri u s-Sigurtà", COM(2016) 205 finali.
(16) SWD (2016) 97 final.
(17) SWD (2016) 161 final.
(18) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1.
(19) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat-1taDiċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u għall-bijometriċi f'passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri, ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1.
(20) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43
(21) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 taFrar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f’xi disposizzjonijiet tal-acquis taSchengen, ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20
(22) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31
(23) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1
(24) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni, ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19