Brussell, 8.4.2016

COM(2016) 209 final

2013/0091(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jirrevoka d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI


2013/0091 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jirrevoka d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI

1.Sfond

Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(dokument COM(2013) 173 finali – 2013/0091 COD))

27.03.2013

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

mhux applikabbli

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

25.02.2014

Data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata:

mhux applikabbli

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

10.03.2016

2.L-objettiv tal-proposta mill-Kummissjoni

L-objettiv tal-proposta kien li tallinja l-Europol mar-rekwiżiti tat-Trattat ta' Lisbona billi toħloq il-qafas leġiżlattiv tal-Europol f'regolament u billi tintroduċi mekkaniżmu għall-kontroll tal-attivitajiet tal-Europol mill-Parlament Ewropew, flimkien mal-Parlamenti nazzjonali. Il-proposta kellha l-ħsieb ukoll li żżid l-effiċjenza, l-effettività u r-responsabbiltà tal-Europol. Dan kellu jintlaħaq bit-tisħiħ tal-kapaċitajiet analitiċi tal-Europol u l-ixprunar ta' azzjoni operattiva min-naħa tal-Istati Membri filwaqt li fl-istess ħin ikompli jissaħħaħ dejjem aktar ir-reġim tal-aġenzija dwar il-protezzjoni tad-dejta. Sabiex tiżdied l-effiċjenza, u f’konformità mal-Approċċ Komuni dwar l-Aġenziji Deċentralizzati, il-proposta kellha l-ħsieb li tgħaqqad lill-Europol mal-Aġenzija Ewropea għat-Taħriġ dwar l-Infurzar tal-Liġi (CEPOL). Fl-aħħar nett, il-proposta allinjat il-governanza tal-Europol mal-prinċipji stabbiliti fl-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Intlaħaq ftehim politiku bejn il-koleġiżlaturi fil-laqgħa ta' trilogu tas-26 ta’ Novembru 2015, li ġie approvat mill-COREPER fis-27 ta’ Novembru 2015 u mill-Kumitat LIBE fit-30 ta’ Novembru 2015.

Id-differenzi ewlenin bejn il-Pożiżżjoni Komuni u l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni jidhru hawn taħt.

Fużjoni bejn il-Europol u s-CEPOL (Titolu, Artikolu 1)

Minħabba l-oppożizzjoni mifruxa u qawwija espressa kemm fil-formazzjonijiet tal-Kunsill kif ukoll fil-Kumitat LIBE kontra l-fużjoni tas-Cepol mal-Europol, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrinunzja għal dan l-aspett tal-proposta leġiżlattiva tagħha. Sadattant ġie adottat Regolament għar-riforma tas-CEPOL. Għalhekk, ma hemm l-ebda referenza għall-fużjoni fit-test tal-pożizzjoni Komuni.

L-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (Artikolu 4)

Il-pożizzjoni Komuni tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim tal-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet (IRU), li hija waħda mill-miżuri anti-terroristiċi importanti mfassla biex jitnaqqas il-volum u l-aċċessibbiltà tal-propaganda terroristika onlajn. L-IRU kienet element ġdid tar-Regolament li ġie introdott wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi fl-2015, u li kien promoss ħafna mill-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u vitali fil-kuntest attwali ta' sigurtà. It-test jippermetti lill-Europol li tittrasferixxi pubblikament dejta personali disponibbli lil partijiet privati, jekk meħtieġ biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati li jaqgħu taħt il-mandat tal-Europol, mwettqa jew iffaċilitati bl-użu tal-internet.

Id-dispożizzjonijiet ta’ governanza

Id-dispożizzjonijiet dwar il-governanza kif ippreżentati fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni ħarġu mill-Approċċ Komuni dwar l-Aġenziji Deċentralizzati tal-UE. Il-governanza kienet waħda mill-aktar kwistjonijiet kontroversjali diskussi matul in-negozjati. Il-kompromessi li ġejjin ġew miftiehma mill-koleġiżlaturi:

(a)Il-kompożizzjoni tal-Bord ta' Amministrazzjoni (Artikolu 10)

Il-pożizzjoni Komuni tillimita l-għadd ta’ rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Bord ta’ Amministrazzjoni għal wieħed minflok tnejn (kif previst fl-Approċċ Komuni dwar l-Aġenziji Deċentralizzati).

(b)Il-Bord Eżekuttiv (dak li qabel kien Kapitolu IV)

Il-proposta tal-Kummissjoni pprevediet it-twaqqif fakultattiv ta’ Bord Eżekuttiv, inkarigat milli jagħti appoġġ amministrattiv lill-Bord ta’ Amministrazzjoni u lid-Direttur Eżekuttiv. Minħabba l-oppożizzjoni qawwija min-naħa tal-koleġiżlaturi, il-pożizzjoni Komuni ma tinkludix il-possibbiltà li jitwaqqaf korp bħal dan. Il-Kummissjoni aċċettat it-tneħħija tal-possibbiltà li jitwaqqaf Bord Eżekuttiv. Madankollu, abbażi tal-Artikolu 68 tal-pożizzjoni Komuni, il-Kummissjoni se jkollha l-possibbiltà fil-ġejjieni li tevalwa l-ħtieġa li tistabbilixxi Bord Eżekuttiv. Il-Kummissjoni spjegat ukoll dan f’dikjarazzjoni u impenjat ruħha li tevalwa s-sitwazzjoni fi żmien sentejn. Biex in-negozjati futuri dwar il-proposta tal-Eurojust ma jkunux f'periklu, id-dikjarazzjoni hija kkomplementata minn stqarrija li tenfasizza l-valur tal-Bord Eżekuttiv fil-ġestjoni tal-aġenziji tal-UE.

(c)Il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv (Artikolu 54)

It-test tal-pożizzjoni Komuni jsegwi l-proċedura proposta mill-Kummissjoni, li ġiet allinjata mal-Approċċ Komuni dwar l-Aġenziji Deċentralizzati (pre-selezzjoni ta’ kandidati mill-Kummissjoni u l-ħatra mill-MB).

Il-pożizzjoni Komuni tistabbilixxi proċedura fejn il-ħatra ssir mill-Kunsill abbażi ta’ lista qasira mfassla minn kumitat imħallat, li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u rappreżentanti tal-Istati Membri.

 

Minħabba d-devjazzjonijiet imsemmija hawn fuq mill-Approċċ Komuni dwar l-Aġenziji Deċentralizzati, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel dikjarazzjoni politika li tissottolinja li t-test maqbul mhuwiex allinjat għal kollox mal-prinċipji tal-Approċċ Komuni.

Aċċess mill-Eurojust għall-informazzjoni maħżuna mill-Europol (Artikolu 21)

Wara stedina qawwija mill-Parlament Ewropew, l-aċċess ta’ Eurojust għall-informazzjoni maħżuna mill-Europol kien limitat għal wieħed indirett, abbażi ta’ sistema “hit-no-hit”. Dan huwa konformi mad-dispożizzjoni korrispondenti tar-Regolament tal-Eurojust.

Kooperazzjoni bejn il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta u l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali (Artikoli 44 u 45)

Il-pożizzjoni Komuni ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (KEPD) u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura l-indipendenza u l-effikaċja tal-KEPD. Hemm żewġ modi kif tista' tissaħħaħ il-kooperazzjoni:

(a)A.“Bord ta’ Kooperazzjoni” jiġi introdott bħala pjattaforma għal diskussjoni formali tal-KEPD u l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta biex jiddiskutu regolarment l-istrateġija ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta, ifasslu proposti armonizzati għal soluzzjonijiet konġunti li jeħtieġu involviment nazzjonali, jeżaminaw id-diffikultajiet rigward l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Europol, eċċ. Dan il-Bord ġdid ta' Kooperazzjoni mhuwiex madankollu korp deċiżjonali iżda korp konsultattiv biss.

(b)Kooperazzjoni “ta’ kuljum” imsaħħa bejn il-KEPD u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza (il-KEPD se juża l-kompetenzi u l-esperjenza tal-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali fil-każijiet kollha fejn iwettaq dmirijietu; se jkun hemm spezzjonijiet konġunti tal-KEPD u tal-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali, il-KEPD se jikkonsulta l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali kkonċernati f’każijiet marbutin ma’ dejta li toriġina minn Stat Membru wieħed jew ħafna, eċċ.)

Il-ħolqien ta' Bord ta’ Koperazzjoni li ġie aċċettat mill-Kummissjoni. Madankollu, sabiex tkun żgurata l-effettività u l-konsistenza u tiġi evitata d-duplikazzjoni żejda, il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni li tenfasizza li l-funzjonijiet eżerċitati mill-Bord ta’ Kooperazzjoni stabbilit fir-Regolament tal-Europol jgħaddu mingħajr dewmien għand il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta maħluq fil-kuntest tar-riforma dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (ara d-Dikjarazzjoni nru  2 fit-Taqsima 5).

Skrutinju parlamentari (Kapitolu VIII)

Permezz ta’ dispożizzjoni ġenerali, il-proposta tal-Kummissjoni żgurat li l-attivitajiet tal-Europol kienu soġġetti għal skrutinju parlamentari, kif meħtieġ bl-Artikolu 88 TFUE.

Matul in-negozjati, il-Parlament Ewropew saħaq fuq il-ħtieġa li jiġi spjegat iktar fid-dettall il-mod li bih jitwettaq l-iskrutinju parlamentari.

B'konsegwenza ta' dan, il-ħolqien ta’ Grupp ta’ Skrutinju Parlamentari Konġunt (JPSG) kien inkluż fit-test tal-pożizzjoni Komuni. Il-JPSG jkun korp speċjalizzat stabbilit flimkien mill-parlamenti nazzjonali u l-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew, responsabbli għall-monitoraġġ politiku tal-attivitajiet tal-Europol. Dan il-monitoraġġ se jinkludi, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar dokumenti tal-ippjanar u r-rappurtar, il-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali dwar il-programm ta’ ħidma pluriennali tal-Europol 1 , filwaqt li jistieden lid-Direttur Eżekuttiv u lill-President tal-Bord ta' Amministrazzjoni biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-Europol.

4.Konklużjoni

Minkejja l-bidliet li din il-pożizzjoni Komuni introduċiet, it-test tal-pożizzjoni Komuni jikkonstitwixxi l-aħjar eżitu possibbli li l-Kummissjoni setgħet tilħaq fis-sentejn ta' negozjati mal-Parlament u mal-Kunsill fir-rigward ta' test kumpless ħafna. 

L-għanijiet tal-Kummissjoni għar-riforma tal-Europol inkisbu permezz tal-allinjament tar-rekwiżiti tal-Europol mat-Trattat ta’ Lisbona u bit-titjib fl-effiċjenza, l-effikaċja u r-responsabbiltà.

L-allinjament tal-governanza tal-Europol mal-prinċipji stabbiliti fl-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE ma nkisibx kollu, minħabba r-reżistenza qawwija tal-koleġiżlaturi. Il-Kummissjoni se jkollha rwol fil-ġestjoni tal-aġenzija, jiġifieri se jkollha rappreżentant bi dritt għal vot fil-Bord ta’ Amministrazzjoni u se tipparteċipa fil-preselezzjoni tad-Direttur Eżekuttiv.

5.    Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni

1. Dwar l-Approċċ Komuni lill-Aġenziji Deċentralizzati tal-UE

"Il-Kummissjoni tfakkar li t-test maqbul mhux allinjat għalkollox mal-prinċipji tal-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE. Għalhekk, il-ftehim li ntlaħaq bejn il-PE u l-Kunsill dwar il-governanza tal-aġenzija huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe test leġislattiv futur. Il-Kummissjoni tibqa’ konvinta mill-benefiċċji li jitwaqqaf Bord Eżekuttiv bħala parti mill-istruttura ta’ governanza tal-Europol u ta' aġenziji oħrajn. Il-Kummissjoni se tirrieżamina s-sitwazzjoni rigward il-governanza tal-Europol fis-sentejn li ġejjin, b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx ġustifikat li jsiru aktar proposti dwar dan il-punt."

2. Dwar il-Bord ta’ Kooperazzjoni

"Il-Kummissjoni Ewropea tqis li, wara l-adozzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-ipproċessar tad-dejta fis-settur tal-pulizija u tal-ġustizzja, u fid-dawl tar-rieżami mħabbar tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, biex jiġu żgurati l-effettività u l-konsistenza u jiġi evitat xogħol doppju, il-funzjonijiet eżerċitati mill-Bord ta’ Kooperazzjoni stabbilit f’dan ir-Regolament jiġu eżerċitati mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta li għadu kif ġie stabbilit."

(1) Il-JPSG se jintuża wkoll bħala l-korp li permezz tiegħu tiġi diretta l-konsultazzjoni mal-parlamenti nazzjonali dwar il-programmazzjoni pluriennali. Dan għandu jnaqqas ir-responsabbiltà għall-Europol li jikkonsulta 28 Parlamenti Nazzjonali u l-Parlament Ewropew fil-Programmazzjoni pluriennali tiegħu (kif previst fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni.)