Strasburgu, 12.4.2016

COM(2016) 198 final

2016/0107(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2016) 117 final}
{SWD(2016) 118 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Suq Uniku b’saħħtu jeħtieġ sistema tat-taxxa ġusta, effiċjenti u li tiffavorixxi t-tkabbir, ibbażata fuq il-prinċipju li l-kumpaniji għandhom iħallsu t-taxxi fil-pajjiż li fih jiġu ġġenerati l-profitti. L-ippjanar aggressiv tat-taxxa jxekkel dan il-prinċipju. Il-maġġoranza tal-kumpaniji ma jinvolvux ruħhom fl-ippjanar aggressiv tat-taxxa u jbatu żvantaġġ kompetittiv fil-konfront ta’ dawk li jagħmlu dan. Il-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju jintlaqtu partikolarment minn dan il-fenomenu.

Il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, kemm fuq il-livell tal-UE u dak globali, hija prijorità politika għall-Kummissjoni Ewropea. Bħala parti minn strateġija aktar wiesgħa għal Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-UE 1 , l-iskrutinju pubbliku jista’ jgħin biex ikun żgurat li l-profitti jkunu fil-fatt intaxxati fejn jiġu ġġenerati. L-iskrutinju pubbliku jista’ jsaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku u jqawwi r-responsabbiltà soċjali korporattiva tal-kumpaniji billi jikkontribwixxi għall-benessri bis-saħħa tal-ħlas tat-taxxi fil-pajjiż li fih ikunu attivi. Barra minn dan, jista’ wkoll jippromwovi dibattitu msejjes fuq informazzjoni aħjar dwar in-nuqqasijiet potenzjali fil-liġijiet tat-taxxa.

F’Marzu 2015, il-Kummissjoni ħabbret lista komprensiva ta’ inizjattivi fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar Sistema tat-Taxxa Korporattiva aktar Ġusta (COM(2015)302) u bħala parti mill-Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa 2 (PKET) sussegwenti pproponiet li timplimenta fl-Unjoni l-Azzjoni 13 tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-OECD approvat mill-G20 sabiex tiġi miġġielda l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt (minn hawn ’il quddiem, BEPS). B’riżultat ta’ dan, l-awtoritajiet tat-taxxa se jirċievu rapport għal kull pajjiż mill-intrapriżi multinazzjonali (MNEs) dwar it-taxxa fuq l-introjtu mħallsa li għandha tippermetti konformità aħjar mal-liġijiet tat-taxxa.

Bi tweġiba għall-istediniet tal-G20 u minn bnadi oħrajn, hija meħtieġa trasparenza akbar min-naħa tal-kumpaniji biex ikun possibbli l-iskrutinju pubbliku fuq jekk it-taxxa titħallasx fejn isiru l-profitti. Din il-proposta tirrikjedi li l-MNEs jiddivulgaw pubblikament, f’rapport speċifiku, it-taxxa fuq l-introjtu li jħallsu flimkien ma’ informazzjoni rilevanti oħra relatata mat-taxxa. L-MNEs, kemm jekk għandhom il-kwartieri ġeneral tagħhom fl-UE kif ukoll jekk lil hinn minnha, b’fatturat ta’ aktar minn EUR 750 miljun se jkun jeħtiġilhom li jikkonformaw ma’ dawn l-obbligi addizzjonali ta’ trasparenza. Għall-ewwel darba, mhux biss in-negozji Ewropej iżda wkoll il-kumpaniji multinazzjonali involuti fin-negozju fl-Ewropa se jkollhom l-istess obbligi ta’ rapportar.

Ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li ma jirrispettawx l-istandards internazzjonali ta’ governanza tajba tat-taxxa joħolqu opportunitajiet partikolari għall-evitar u l-evażjoni tat-taxxa. Jekk l-MNEs ikunu attivi f’tali ġuriżdizzjonijiet, għandhom japplikaw obbligi speċjali ta’ trasparenza.

Din il-proposta tikkonċentra fuq il-gruppi korporattivi b’fatturat nett dinji kkonsolidat ta’ aktar minn EUR 750 miljun, konformement mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattivi globali tal-OECD dwar it-trasparenza tat-taxxa. Il-proposta ma timponi l-ebda obbligu fuq il-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju 3 Hija proporzjonata kemm f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni u informazzjoni li għandhom jiġu ddivulgati sabiex il-kostijiet tal-konformità u kostijiet oħra għall-kumpaniji milquta jiġu llimitati, kif ukoll biex tevita li tikkomprometti l-kompetittività tagħhom jew tesponihom indebitament għal riskji ta’ tassazzjoni doppja. Tmur tajjeb mal-approċċ multilaterali appoġġat mill-G20 u mill-OECD. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem b’mod proattiv mas-sħab internazzjonali kollha rilevanti dwar dawn il-kwistjonijiet.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta tikkumplimenta l-obbligi attwali tal-intrapriżi ta’ rapportar finanzjarju u ma tinterferix ma’ dawn l-obbligi fir-rigward tar-rapporti finanzjarji tagħhom, pereżempju.

Din il-proposta ma timmodifikax ir-regoli diġà fis-seħħ dwar ir-rapportar mhux finanzjarju u s-CBCR settorjali kemm għas-settur bankarju 4 kif ukoll għall-industriji tat-tħaffir u tal-qtugħ tas-siġar għall-injam 5 . Madankollu tintroduċi klawżola ta’ eżenzjoni biex jiġi evitat ir-rapportar doppju għas-settur bankarju, li diġà huwa soġġett għal regoli rigorużi ta’ rapportar pubbliku fil-leġiżlazzjoni bankarja tal-UE.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Fid-dawl tal-approvazzjoni mill-G20 tal-Pjan ta’ Azzjoni mfassal mill-OECD biex ikunu miġġielda l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt, il-PKET li tfassal f’Jannar 2016 jinkludi l-obbligu li MNEs kbar ħafna 6 jirrapportaw l-informazzjoni tas-CBCR lill-awtoritajiet tat-taxxa. L-informazzjoni rrapportata lill-awtoritajiet tat-taxxa mhijiex se tkun iddivulgata lill-pubbliku. L-obbligu tas-CBCR fil-PKET huwa għodda li se tassisti lill-awtoritajiet tat-taxxa fl-orjentament tal-awditjar tat-taxxa tagħhom u fl-iżgurar tal-konformità.

Din il-proposta tikkumplimenta l-proposta għal PKET iżda għandha skop differenti. Se tkun tirrikjedi lill-istess MNEs li jiddivulgaw pubblikament ċerti punti mill-informazzjoni mogħtija lill-awtoritajiet tat-taxxa.

Din il-proposta tikkontribwixxi għall-politiki tal-UE dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, it-tkabbir u l-impjiegi. Din il-proposta twieġeb għal talbiet mill-Parlament Ewropew biex jiddaħħal CBCR fuq it-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Il-bażi ġuridika

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 50 TFUE ġie ddeterminat li huwa bażi ġuridika xierqa għal din l-inizjattiva, billi jemenda Direttiva eżistenti, li hija bbażata fuq dak l-Artikolu.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

F’ekonomija dejjem aktar integrata u diġitalizzata fuq livell globali, il-korporazzjonijiet u l-katini ta’ valur tal-produzzjoni jirriflettu anqas id-dimensjonijiet nazzjonali u ċertament dawk reġjonali. Kuntrarjament għal dan, il-politiki u l-amministrazzjoni tat-taxxa jibqgħu primarjament responsabbiltà nazzjonali. Minħabba n-natura transfruntiera tal-bosta strutturi tal-ippjanar tat-taxxa u arranġamenti tal-ipprezzar ta’ trasferimenti, l-MNEs jistgħu faċilment iċaqilqu l-bażi tat-taxxa tagħhom minn ġuriżdizzjoni għall-oħra fl-Unjoni jew lil hinn minnha. L-azzjoni tal-UE hija b’hekk ġustifikata abbażi tas-sussidjarjetà sabiex tindirizza d-dimensjoni transfruntiera fejn ikun hemm ippjanar aggressiv tat-taxxa jew arranġamenti tal-ipprezzar tat-trasferimenti.

Proporzjonalità

Din l-inizjattiva hija msejsa l-aktar fuq il-kunsens internazzjonali żviluppat mill-G20 f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni u kontenut. Tiżgura l-bilanċ ġust bejn il-benefiċċji li jinkisbu bis-saħħa tat-trasparenza pubblika u l-ħtieġa għal ekonomija tal-UE b’saħħitha u fis-sod. Din l-inizjattiva twieġeb għat-tħassib li ntwera mill-partijiet ikkonċernati rigward id-distorsjonijiet fis-suq uniku mingħajr ma tikkomprometti l-kompetittività tal-UE. La għandha tikkawża piż amministrattiv indebitu fuq il-kumpaniji, u lanqas tiġġenera kunflitti ulterjuri ta’ taxxa jew toħloq riskju ta’ tassazzjoni doppja. Hija limitata għal dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-objettiv ta’ trasparenza akbar.

Għażla tal-istrument

Wara li ġiet ikkunsidrata l-bażi ġuridika u l-konnessjoni qawwija tal-inizjattiva mar-rapportar korporattiv, inkluż ir-rapportar mhux finanzjarju, hija proposta emenda tad-Direttiva dwar il-Kontabilità.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din il-proposta tintroduċi Rapportar għal Kull Pajjiż li huwa ġdid għal ħafna mis-setturi tal-industrija. Obbligi simili ta’ rapportar iddaħħlu għall-industriji bankarji, tal-qtugħ tas-siġar għall-injam u tat-tħaffir. L-evidenza tas-CBCR ippubblikat mill-banek minn mindu daħal fis-seħħ fl-2015 hija li s-CBCR huwa għodda ta’ siwi biex ikun hemm valutazzjoni ta’ jekk it-taxxi humiex qegħdin jitħallsu fejn jiġu ġġenerati l-profitti.

Konsultazzjonijiet

Is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu konsultazzjoni wiesgħa bejn Ġunju u Diċembru 2015, li ġġenerat il-fehmiet ta’ aktar minn erba’ mija li taw ir-rispons tagħhom, rappreżentanti tan-negozji, tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija, tal-NGOs, taċ-ċittadini u tal-gruppi ta’ riflessjoni (think tanks). Is-sommarju fattwali ta’ din il-konsultazzjoni huwa disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea 7 . Barra minn dan, skambji ad hoc, laqgħat u diskussjonijiet ta’ livell għoli madwar mejda 8 ppermettew lill-Kummissjoni li ssir tifhem ulterjorment l-isfidi li għandha quddiemha, inklużi kemm il-benefiċċji kif ukoll ir-riskji ta’ trasparenza pubblika akbar fil-qasam tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji. L-inputs kollha li ġew riċevuti tul il-konsultazzjoni ġew ikkunsidrati bir-reqqa u meqjusa.

Bosta individwi li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika appellaw biex l-UE tmexxi d-dibattitu u jekk ikun meħtieġ tmur lil hinn mill-inizjattivi attwali fuq livell internazzjonali dwar ir-rapportar għal kull pajjiż. Il-fehma tal-NGOs u tat-trade unions kienet ixxaqleb lejn din il-pożizzjoni wkoll. Min-naħa l-oħra, ħafna negozji ppreferew li ma jsir l-ebda pass lil hinn mill-implimentazzjoni, fil-livell tal-UE, tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-BEPS tal-G20/OECD li jobbliga lill-kumpaniji li jiddivulgaw rapport għal kull pajjiż lill-awtoritajiet tat-taxxa.

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

Is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom laqgħa dwar it-trasparenza tat-taxxa mal-Pjattaforma għal Governanza Tajba tat-Taxxa fl-24 ta’ Settembru 2015 9 . Fost riċerka oħra, is-servizzi tal-Kummissjoni ikkummissjonaw studju minn PwC 10 fl-2014 dwar il-konsegwenzi ekonomiċi potenzjali għall-banek tar-rapportar għal kull pajjiż. Rapport fil-qosor dwar l-attivitajiet kollha ta’ konsultazzjoni li twettqu mill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja din l-inizjattiva jinsab fis-sit web tal-Kummissjoni Ewropea.

Valutazzjoni tal-impatt

B’sostenn għal proposta hemm valutazzjoni tal-impatt li ntlaqgħet b’mod pożittiv mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju. B’segwitu għall-opinjoni tal-Bord, il-valutazzjoni tal-impatt ittejbet b’diversi modi. L-ewwel nett, tiddistingwi aħjar il-miżuri mfassla biex jittrattaw direttament il-problema tal-evitar tat-taxxa tal-kumpaniji mill-benefiċċji indiretti mistennija bis-saħħa taż-żieda fit-trasparenza. It-tieni nett, tidħol aktar fil-kif dwar l-opzjoni ta’ divulgazzjoni volontarja (sistema ta’ mmarkar). It-tielet nett, il-valutazzjoni tal-impatti stmati hija mifruda b’mod aktar evidenti mill-impatt ta’ miżuri oħrajn ta’ evitar tat-taxxa inklużi fix-xenarju ta’ referenza.

Din il-proposta li qiegħda ssir illum hija bbażata fuq l-opzjoni ta’ preferenza identifikata fil-valutazzjoni tal-impatt, li hija CBCR pubbliku dwar l-operazzjonijiet dinjija maqsum skont l-Istati Membri tal-UE u aggregat għall-operazzjonijiet mhux tal-UE. Il-proposta tapplika għall-MNEs kollha kemm tal-UE kif ukoll li mhumiex, li għandhom fatturat ikkonsolidat ta’ mill-anqas EUR 750 miljun, li għandhom attivitajiet fl-UE permezz tal-preżenza almenu ta’ sede. It-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata tinkludi taxxa fuq l-introjtu mħallsa u akkumulata kif ukoll l-informazzjoni kuntestwali neċessarja. Il-proposta tieħu direzzjoni differenti minn dik tal-valutazzjoni tal-impatt f’żewġ oqsma: traqqmet fir-rigward tar-rapportar għal operazzjonijiet mhux tal-UE, li fihom, l-istess livell ta’ valutazzjoni dettaljata li japplika għall-Istati Membri tal-UE se jkun meħtieġ ukoll għal ċerti ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa. Barra minn hekk, qiegħed jiġi propost biex tkun meħtieġa d-divulgazzjoni tal-qligħ akkumulat abbażi ta’ kull pajjiż u biex jintalbu spjegazzjonijiet fil-livell tal-grupp korporattiv meta jkun hemm diskrepanzi materjali bejn it-taxxi akkumulati u t-taxxi li effettivament tħallsu.

F’termini ta’ benefiċċji soċjetali, din l-inizjattiva twieġeb għad-domanda akbar għat-trasparenza rigward kwistjonijiet ta’ taxxa tal-gruppi ta’ MNEs. Billi tipprovdi aktar informazzjoni f’għamla aktar konvenjenti, għandha wkoll tikkontribwixxi għal żieda fil-fiduċja tal-pubbliku f’kemm is-sistemi tat-taxxa huma ġusti.

F’termini ta’ impatt ekonomiku, il-proposta ma timplikax piżijiet amministrattivi addizzjonali sinifikanti billi l-gruppi kbar ħafna ta’ MNEs fi kwalunkwe każ se jkollhom jissottomettu CBCR aktar komprensiv lill-awtoritajiet tat-taxxa meta l-PKET jiġi implimentat. L-MNEs kbar ħafna kollha b’attivitajiet fl-UE se jkollhom l-istess obbligu ta’ divulgazzjoni, kemm jekk għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-UE kif ukoll jekk f’pajjiż terz. Barra minn hekk, dan is-CBCR pubbliku f’dokument uniku jippreżenta informazzjoni li diġà hija fil-biċċa l-kbira aċċessibbli fir-reġistri pubbliċi ta’ kull Stat Membru. Il-kompetittività tal-intrapriża għaldaqstant mhijiex se tintlaqat. Ir-riskju li jiġu ġġenerati aktar kunflitt ta’ taxxa u tassazzjoni doppja se jkun limitat billi l-informazzjoni dwar it-taxxa disponibbli pubblikament se tinqasam biss għal għadd limitat ta’ ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa. Din l-informazzjoni hija ġeneralment aggregata fir-rigward tal-operazzjonijiet f’ġuriżdizzjonijiet oħra.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-ebda obbligi ġodda mhuma imposti fuq intrapriżi mikro u żgħar fl-UE. Fil-mira tal-miżura hemm biss il-kumpaniji multinazzjonali li huma l-aktar mgħammra biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ ppjanar tat-taxxa; jiġifieri kumpaniji li l-fatturat ikkonsolidat tagħhom jaqbeż l-EUR 750 miljun. Huwa stmat li mill-anqas 6 000 kumpanija multinazzjonali se jkollhom ifasslu rapport għal kull pajjiż minħabba li huma attivi fis-swieq tal-UE. Fost dawk, madwar 2 000 kumpanija għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-UE, jiġifieri frazzjoni biss mit-total ta’ 7,5 miljun kumpanija Ewropea. Sabiex ikun hemm kopertura tal-kumpaniji multinazzjonali li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiżi mhux fl-UE, is-sussidjarji ta’ daqs medju u dawk akbar fl-UE – jew inkella, il-fergħat ta’ daqs paragunabbli – se jkunu soġġetti għal obbligi.

Ir-rapporti f’għamla diġitalizzata jiffaċilitaw l-aċċess u l-ipproċessar minn kwalunkwe parti interessata (kemm jekk investitur interessat, kif ukoll jekk membri tas-soċjetà ċivili). Għal din ir-raġuni, hija rikjesta l-pubblikazzjoni fis-sit web tal-intrapriża. Ma huwa impost l-ebda format jew lingwa partikolari.

Drittijiet fundamentali

Kumplessivament, il-kwantità tal-informazzjoni prevista hija proporzjonata mal-objettivi tat-titjib tat-trasparenza pubblika u l-iskrutinju pubbliku. Ir-rapportar huwa msejjes fuq informazzjoni li ġeneralment tkun ippubblikata fir-rapporti finanzjarji ta’ bosta mill-gruppi ta’ MNEs fl-UE.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja tal-inizjattiva.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politika f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Ħames snin wara d-data tat-traspożizzjoni, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva.

L-evalwazzjoni se tifli l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud f’termini ta’ informazzjoni pubblika tal-proposta, inkluż kull impatt sinifikanti fuq l-intrapriżi jew fil-pajjiżi terzi. L-evalwazzjoni se tqis ukoll l-iżviluppi internazzjonali ġodda.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni

Is-CBCR huwa kunċett relattivament ġdid li jirrikjedi implimentazzjoni bla intoppi tekniċi. Sabiex l-objettiv ta’ din il-proposta jkun issodisfat u jiġu evitati lakuni u diskrepanzi potenzjali f’termini ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri f’liġi nazzjonali, dokumenti ta’ spjegazzjoni se jkunu neċessarji sabiex jgħinu fit-traspożizzjoni u jippermettu verifika effettiva.

Dan jiġġustifika l-ħtieġa għall-Istati Membri li jinkludu flimkien man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, dokumenti ta’ spjegazzjoni, fl-għamla ta’ pereż. tabella ta’ korrelazzjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Kamp ta’ applikazzjoni – gruppi ta’ MNEs kbar ħafna

Biex ikun aċċertat bilanċ xieraq tal-piż tar-rapportar, huma biss il-Gruppi tal-MNEs b’total tad-dħul ikkonsolidat tal-grupp li jaqbeż l-EUR 750 miljun li se jkollhom l-obbligu li jħejju CBCR. Dan huwa l-istess limitu bħal dak stabbilit fl-OECD/BEPS u fil-PKET. Fid-dawl tal-objettivi speċifiċi tat-trasparenza pubblika tat-taxxa, u f’ċerti aspetti jsir pass aktar mir-regoli li bħalissa huma applikabbli fis-setturi tal-banek u tal-industrija tat-tħaffir, il-limitu ta’ EUR 750 miljun se jiġi kkalkulat fuq bażi dinjija, u l-gruppi ta’ MNEs għandhom l-obbligu li jissottomettu informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom madwar id-dinja. Skont l-OECD, abbażi ta’ dan il-limitu, huma biss bejn l-10 u l-15 fil-mija tal-MNEs li se jkollhom l-obbligu li jissottomettu CBCR; iżda l-fatturat ta’ dawk l-MNEs se jirrappreżenta madwar 90 fil-mija tal-fatturat tal-MNEs kollha. Il-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju mhumiex milquta mill-proposta 11 .

Għal kull MNE bil-kwartieri ġenerali tagħha f’pajjiż terz, l-obbligu se jaqa’ fuq is-sussidjarji jew il-fergħat tagħha fl-UE, sakemm l-MNE li mhijiex fl-UE ma tagħmilx ir-rapport tal-grupp tas-CBCR aċċessibbli pubblikament u tindika liema sussidjarja jew fergħa fl-UE tkun responsabbli għall-pubblikazzjoni tas-CBCR f’isem il-kumpanija “prinċipali”.

Dan huwa f’konformità mad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva 12 li fiha huwa previst li sussidjarji jew fergħat fl-UE jridu jipprovdu s-CBCR tal-grupp tal-kumpanija prinċipali tagħhom fil-pajjiż terz lill-awtoritajiet tat-taxxa. L-objettiv huwa li l-amministrazzjoni tat-taxxa tingħata ġabra kompluta ta’ informazzjoni meħtieġa sabiex jitqiesu l-prattiki potenzjalment dannużi tat-taxxa minflok li l-pubbliku fuq livell usa’ jingħata ġabra ġenerali ta’ dejta għal kull pajjiż biex tittejjeb it-trasparenza.

Minħabba l-limitu propost biex il-kumpaniji multinazzjonali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-inizjattiva u minħabba l-obbligi ta’ rapportar attwali fl-UE, huwa proporzjonat u effiċjenti li l-obbligu ta’ rapportar ikun impost biss fuq is-sussidjarji ta’ daqs medju jew dawk akbar bis-sede tagħhom fl-UE. Għaldaqstant ma hemm l-ebda obbligu ġdid impost fuq il-kumpaniji ż-żgħar, li jirrappreżentaw aktar minn 95 fil-mija tal-kumpaniji kollha fl-UE.

Gruppi bankarji

Il-gruppi bankarji stabbiliti fl-UE diġà għandhom l-obbligu li jippubblikaw CBCR skont l-Artikolu 89 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Meta dawn ikunu MNEs li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-inizjattiva, dawn se jkunu eżentati mill-obbligu li jirrapportaw rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu, dment li r-rapport iddivulgat skont l-Artikolu 89 tad-Direttiva 2013/36/UE jkun jinkludi l-attivitajiet tal-intrapriża prinċipali apikali fl-UE u tal-intrapriżi kollha affiljati magħha 13 .

Kontenut

Se tiġi ddivulgata biss informazzjoni li hija neċessarja u biżżejjed biex tissodisfa l-objettivi ddikjarati ta’ din l-inizjattiva, jiġifieri: in-natura tal-attivitajiet, l-għadd ta’ persuni impjegati, il-fatturat nett magħmul (inkluż mal-partijiet relatati), il-profitt magħmul qabel it-taxxa, l-ammont ta’ taxxa fuq l-introjtu dovut fil-pajjiż minħabba l-profitt magħmul fis-sena kurrenti, il-pagamenti attwali li saru lit-teżor tal-pajjiż matul dik is-sena, u l-ammont ta’ qligħ akkumulat.

Sabiex ikun żgurat livell ta’ dettall li jippermetti liċ-ċittadini li jivvalutaw aħjar kif l-MNEs jikkontribwixxu għall-benessri f’kull Stat Membru, l-informazzjoni għandha tinqasam skont l-Istat Membru. Apparti minn hekk, minħabba li xi pajjiżi terzi jirrifjutaw li jirrispettaw l-istandards ta’ governanza tajba fit-tassazzjoni u jippreżentaw sfidi speċifiċi fl-ambitu tat-taxxa, l-informazzjoni dwar l-operazzjonijiet tal-MNEs għandha wkoll tintwera b’livell għoli ta’ dettall. L-UE ħadet impenn li tfassal lista komuni ta’ ċerti ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa fuq din il-bażi f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 14 tat-28 ta’ Jannar 2016, li speċifikat l-approċċ propost u l-kriterji biex tali lista titfassal.

Kif stabbilit f’dik il-Komunikazzjoni, il-lista komuni tal-UE se tkun ibbażata fuq kriterji ċari u ġustifikabbli internazzjonalment, abbażi ta’ standards maqbula fuq livell internazzjonali kif stabbilit fid-Direttiva u fuq proċess robust ta’ ffiltrar. Il-lista se tiġi żviluppata mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni tipproponi li deċiżjoni finali dwar il-ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li għandhom ikunu inklużi fil-lista komuni tal-UE tittieħed f’Att Delegat biex kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament ikollhom rwol.

Apparti l-eċċezzjoni li ssemmiet hawn fuq f’rabta ma’ ċerti ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li jippreżentaw sfidi partikolari, l-istess informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-grupp f’ġuriżdizzjonijiet oħra tat-taxxa se tingħata fuq bażi aggregata. Meta aktar minn entità waħda ta’ grupp tkun involuta f’pajjiż partikolari, is-CBCR se tippreżenta l-għadd totali tal-informazzjoni relatata ma’ kull entità f’dak il-pajjiż.

Pubblikazzjoni

Ir-rapport ikkonsolidat dwar it-taxxa fuq l-introjtu se jiġi ppubblikat f’reġistru tan-negozji bl-objettiv li tkun żgurata ċ-ċertezza u d-disponibilità maż-żmien. Apparti minn hekk, billi l-objettiv ta’ din l-inizjattiva huwa li jkun hemm lok għall-iskrutinju pubbliku, dawk ir-rapporti se jsiru aċċessibbli wkoll għall-pubbliku fis-siti web tal-kumpaniji. Sabiex ikun hemm lok għall-paraguni maż-żmien, ir-rapporti se jibqgħu aċċessibbli fis-siti web għal minn tal-anqas ħames snin konsekuttivi.

Infurzar

L-infurzar ta’ din l-inizjattiva se jkun żgurat permezz ta’ taħlita ta’ dispożizzjonijiet. L-Istati Membri għandhom idaħħlu r-responsabbiltà kollettiva tal-korpi ta’ amministrazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ superviżjoni għal dawn ir-rapporti. L-awditur statutorju ta’ kwalunkwe sussidjarja lokali inkarigata se jkollu jivverifika jekk is-CBCR ingħatax u jinsabx aċċessibbli fuq l-Internet. Fil-każ ta’ fergħa ta’ MNE ta’ pajjiż terz, dik ir-responsabbiltà se tintrefa’ minn dawk il-persuni inkarigati mill-formalitajiet tad-divulgazzjoni. Fl-aħħar nett, se japplika l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2013/34/UE, filwaqt li jiġi żgurat li l-ksur ikun issanzjonat permezz ta’ pieni effettivi, proporzjonati u diżważivi għall-MNEs jew għas-sussidjarji jew fergħat tagħhom.

2016/0107 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 15 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)F’dawn l-aħħar snin, l-isfida ppreżentata mill-evitar tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji żdiedet konsiderevolment u saret punt ċentrali ta’ tħassib fl-Unjoni u globalment. Il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2014 għaraf il-ħtieġa urġenti sabiex l-isforzi fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa jimxu ’l quddiem, kemm fil-livell globali kif ukoll f’dak tal-Unjoni. Il-Kummissjoni fil-Komunikazzjonijiet tagħha bit-titlu “Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016 – Mhux il-waqt li kollox jibqa’ l-istess” 16 u “Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2015 – Bidu Ġdid” 17 identifikat bħala prijorità l-ħtieġa li tinqabad it-triq tas-sistema li permezz tagħha l-pajjiż li fih jiġu ġġenerati l-profitti jkun ukoll il-pajjiż tat-tassazzjoni. Il-Kummissjoni identifikat ukoll bħala prijorità l-ħtieġa li titwieġeb is-sejħa tas-soċjetajiet tagħna għall-ġustizzja u għat-trasparenza tat-taxxi.

(2)Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2015 dwar id-dħul tat-trasparenza, tal-koordinazzjoni u tal-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni 18 għaraf li ż-żieda fit-trasparenza fil-qasam tat-tassazzjoni fuq il-kumpaniji tista’ ttejjeb il-ġbir tat-taxxa, tagħmel ħidmet l-awtoritajiet tat-taxxa aktar effiċjenti u tiżgura fiduċja akbar fost il-pubbliku u fiduċja fis-sistemi tat-taxxa u fil-gvernijiet.

(3)Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2013, iddaħħlet klawżola ta’ rieżami fid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 li tobbliga lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-possibbiltà li ddaħħal obbligu fuq intrapriżi kbar ta’ setturi industrijali addizzjonali biex jipproduċu, fuq bażi annwali, rapportar għal kull pajjiż li jqis l-iżviluppi fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u r-riżultati tal-inizjattivi Ewropej relatati.

(4)Filwaqt li sejjaħ għal sistema tat-taxxa internazzjonali globalment ġusta u moderna, il-G20, f’Novembru 2015 approva l-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti” (BEPS, Base Erosion and Profit Shifting) tal-OECD li kellu t-tir li jipprovdi lill-gvernijiet b’soluzzjonijiet internazzjonali ċari biex jindirizzaw il-lakuni u d-diskrepanzi fir-regoli eżistenti li jippermettu li l-profitti tal-kumpaniji jkunu trasferiti lejn postijiet li fihom jew ma hemm l-ebda tassazzjoni jew inkella hemm tassazzjoni baxxa, fejn ma jista’ jinħoloq l-ebda valur reali. B’mod partikolari, l-Azzjoni 13 tal-BEPS tintroduċi rapportat għal kull pajjiż minn ċerti intrapriżi multinazzjonali lill-awtoritajiet tat-taxxa fuq bażi kunfidenzjali. Fis-27 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat il-“Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa”. Wieħed mill-objettivi ta’ dak il-pakkett huwa li l-Azzjoni 13 tal-BEPS tiġi trasposta fi dritt tal-Unjoni, billi tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE 20 .

(5)Skrutinju pubbliku mtejjeb tat-taxxi fuq l-introjtu tal-kumpaniji li jitħallsu mill-intrapriżi multinazzjonali li jwettqu attivitajiet fl-Unjoni huwa element essenzjali sabiex ir-responsabbiltà tal-kumpaniji tkun imħeġġa aktar, jingħata kontribut għall-benessri permezz tat-taxxi, tiġi promossa kompetizzjoni aktar ġusta tat-taxxi fl-Unjoni permezz ta’ dibattitu pubbliku msejjes fuq informazzjoni aħjar u titreġġa’ lura l-fiduċja tal-pubbliku f’kemm is-sistemi nazzjonali tat-taxxa huma ġusti. Skrutinju pubbliku bħal dan jista’ jinkiseb permezz ta’ rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu, irrispettivament minn fejn tkun stabbilita l-intrapriża prinċipali apikali tal-grupp multinazzjonali.

(6)Il-pubbliku għandu jkun jista’ jwettaq skrutinju tal-attivitajiet kollha ta’ grupp meta l-grupp ikollu ċerti stabbilimenti fl-Unjoni. Għall-gruppi li jwettqu attivitajiet fl-Unjoni permezz ta’ intrapriżi sussidjarji jew fergħat biss, is-sussidjarji u l-fergħat għandhom jippubblikaw u jagħmlu r-rapport tal-intrapriża prinċipali apikali aċċessibbli. Madankollu għal raġunijiet ta’ proporzjonalità u effettività, l-obbligu tal-pubblikazzjoni u tal-aċċessibbiltà tar-rapport għandu jkun limitat għal sussidjarji ta’ daqs medju jew kbir li jkunu stabbiliti fl-Unjoni, jew fergħat ta’ daqs paragunabbli miftuħa fi Stat Membru. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE għandu għalhekk jiġi estiż skont dan għall-fergħat miftuħa fi Stat Membru minn intrapriża li hija stabbilita barra mill-Unjoni.

(7)Sabiex ikun evitat rapportar doppju għas-settur bankarju, l-intrapriżi prinċipali apikali li huma soġġetti għad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 u li jinkludu fir-rapport tagħhom imħejji f’konformità mal-Artikolu 89 tad-Direttiva 2013/36/UE l-attivitajiet kollha tagħhom u l-attivitajiet kollha tal-intrapriżi affiljati magħhom inklużi fir-rapporti finanzjarji kkonsolidati, inklużi l-attivitajiet li mhumiex soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 tat-Titolu 1 tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 , għandhom ikunu eżentati mill-obbligi ta’ rapportar stabbiliti f’din id-Direttiva.

(8)Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jipprovdi informazzjoni li tikkonċerna l-attivitajiet kollha ta’ intrapriża jew tal-intrapriżi kollha affiljati ma’ grupp ikkontrollati minn intrapriża prinċipali apikali. L-informazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-ispeċifikazzjonijiet tar-rapportar tal-Azzjoni 13 tal-BEPS u għandha tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex jingħata lok għal skrutinju pubbliku effettiv, sabiex ikun żgurat li d-divulgazzjoni ma twassalx għal riskji jew żvantaġġi sproporzjonati. Ir-rapport għandu wkoll jinkludi deskrizzjoni tan-natura tal-attivitajiet. Deskrizzjoni bħal din tista’ tkun ibbażata fuq il-kategorizzazzjoni prevista fit-tabella 2 tal-Anness III tal-Kapitolu V tat-“Transfer Pricing Guidelines on Documentation” (Linji Gwida rigward id-Dokumentazzjoni tal-Ipprezzar ta’ Trasferimenti) tal-OECD. Ir-rapport għandu jinkludi deskrizzjoni narrattiva kumplessiva fejn jingħataw spjegazzjonijiet f’każ ta’ diskrepanzi materjali fil-livell ta’ grupp bejn l-ammonti ta’ taxxi akkumulati u l-ammonti ta’ taxxi mħallsa, filwaqt li jitqiesu l-ammonti korrispondenti li jikkonċernaw is-snin finanzjarji preċedenti.

(9)Sabiex ikun żgurat livell ta’ dettall li jippermetti liċ-ċittadini jivvalutaw aħjar kif l-MNEs jikkontribwixxu għall-benessri f’kull Stat Membru, l-informazzjoni għandha tinqasam skont l-Istat Membru. Barra minn hekk, informazzjoni li tikkonċerna l-operazzjonijiet tal-intrapriżi multinazzjonali għandha wkoll tintwera fid-dettall sew fir-rigward ċerti ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li jippreżentaw sfidi partikolari. Għall-operazzjonijiet l-oħra kollha tal-pajjiż terzi, l-informazzjoni għandha tingħata f’għadd aggregat.

(10)Sabiex isaħħu r-responsabbiltà fil-konfront tal-partijiet terzi u sabiex jiżguraw il-governanza adattata, il-membri tal-korpi ta’ amministrazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ superviżjoni tal-intrapriża prinċipali apikali li hija stabbilita fl-Unjoni u li għandha l-obbligu li tfassal, tippubblika u tagħmel ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu aċċessibbli, għandhom ikunu responsabbli lkoll kemm huma għall-iżgurar tal-konformità ma’ dawn l-obbligi ta’ rapportar. Billi l-membri tal-korpi ta’ amministrazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ superviżjoni tas-sussidjarji li huma stabbiliti fl-Unjoni u li huma kkontrollati minn intrapriża prinċipali apikali stabbilita barra mill-Unjoni jew il-persuna/i inkarigata/i mit-twettiq tal-formalitajiet tad-divulgazzjoni għall-fergħa jista’ jkollhom għarfien limitat tal-kontenut tar-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu mħejji mill-intrapriża prinċipali apikali, ir-responsabbiltà tagħhom li jippubblikaw u jagħmlu r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu aċċessibbli, għandha tkun limitata.

(11)Sabiex ikun żgurat li każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità jkunu ddivulgati lill-pubbliku, l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar għandhom jivverifikaw jekk ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu ġiex sottomess u ppreżentat f’konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u jekk jinsabx aċċessibbli fis-sit web tal-intrapriża rilevanti jew fis-sit web ta’ intrapriża affiljata.

(12)Din id-Direttiva għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza rigward it-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji u l-iskrutinju pubbliku tagħha billi tadatta l-qafas ġuridiku eżistenti rigward l-obbligi imposti fuq il-kumpaniji u d-ditti fir-rigward tal-pubblikazzjoni tar-rapporti, sabiex jiġu protetti l-interessi tal-membri kif ukoll ta’ terzi, fis-sens tal-Artikolu 50(2)(g) TFUE. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-Kawża C-97/96 Verband deutscher Daihatsu-Händler 23 , l-Artikolu 50(2)(g) TFUE jirreferi għall-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi ta’ “terzi” f’sens ġenerali, mingħajr ma jagħmel distinzjoni jew jeskludi xi kategorija li taqa’ fl-ambitu ta’ dak it-terminu. Barra minn hekk, l-objettiv tal-kisba tal-libertà tal-istabiliment, li huwa assenjat f’termini wesgħin ferm lill-istituzzjonijiet permezz tal-Artikolu 50(1) TFUE, ma jistax jiġi ċirkoskritt mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50(2) TFUE. Billi din id-Direttiva ma tikkonċernax l-armonizzazzjoni tat-taxxi iżda tikkonċerna biss l-obbligi ta’ ppubblikar ta’ rapporti dwar l-informazzjoni rigward it-taxxa fuq id-dħul, l-Artikolu 50(1) TFUE jikkostitwixxi l-bażi ġuridika xierqa.

(13)Sabiex jiġu ddeterminati ċerti ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li għalihom irid jintwera livell għoli ta’ dettall, is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tat-tfassil ta’ lista komuni tal-Unjoni ta’ dawn il-ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa. Din il-lista għandha titfassal abbażi ta’ ċerti kriterji, identifikati abbażi tal-Anness 1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Strateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva, (COM (2016) 24 final). Hija ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fuq livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet kif approvat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni u sakemm titqiegħed il-firma formali. Biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, b’mod partikolari, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess waqt bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom sistematikament aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(14)Billi l-objettiv ta’ din id-Direttiva ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda jista’ minflok, minħabba l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq dan l-objettiv.

(15)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(16)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 24 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tagħhom ta’ traspożizzjoni b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġustifikata.

(17)Għalhekk, id-Direttiva 2013/34/UE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2013/34/UE

Id-Direttiva 2013/34/UE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 1, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. Il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti mill-Artikoli 2, minn 48a sa 48g u 51 japplikaw ukoll għal-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri f’rabta mal-fergħat miftuħa fi Stat Membru minn intrapriża li mhijiex irregolata mil-liġi ta’ Stat Membru iżda li hija ta’ forma ġuridika paragunabbli mat-tipi ta’ intrapriżi elenkati fl-Anness I.”;

(2) jiddaħħal il-Kapitolu 10 a li ġej:

“Kapitolu 10a

Rapport rigward l-informazzjoni dwar it-Taxxa fuq l-introjtu

Artikolu 48a

Definizzjonijiet relatati mar-rapportar rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“intrapriża prinċipali apikali” tfisser intrapriża li tfassal ir-rapporti finanzjarji kkonsolidati tal-akbar korp ta’ intrapriżi;

(2)“rapporti finanzjarji kkonsolidati” tfisser ir-rapporti finanzjarji mħejjija minn intrapriża prinċipali ta’ grupp li fihom l-assi, l-obbligazzjonijiet, l-ekwità, l-introjtu u l-ispejjeż huma ppreżentati bħala dawk ta’ entità ekonomika unika;

(3)“ġuriżdizzjoni tat-taxxa” tfisser ġuriżdizzjoni ta’ Stat kif ukoll mhux ta’ Stat li għandha awtonomija fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji.

Artikolu 48b

Intrapriżi u fergħat li għandhom l-obbligu li jirrapportaw rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu

1.L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-intrapriżi prinċipali apikali rregolati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom u li għandhom fatturat nett li jaqbeż l-EUR 750 000 000 kif ukoll lill-intrapriżi rregolati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom li mhumiex intrapriżi affiljati u li għandhom fatturat nett li jaqbeż l-EUR 750 000 000 biex ifasslu u jippubblikaw rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu fuq bażi annwali.

Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jsir aċċessibbli għall-pubbliku fis-sit web tal-intrapriża fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu.

2.L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw ir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-intrapriżi prinċipali apikali meta tali intrapriżi jew l-intrapriżi affiljati magħhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 89 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* u jinkludu, f’rapport għal kull pajjiż, informazzjoni dwar l-attivitajiet kollha tal-intrapriżi kollha affiljati inklużi fir-rapport finanzjarju kkonsolidat ta’ dawk l-intrapriżi prinċipali apikali.

3.L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-intrapriżi sussidjarji ta’ daqs medju u kbir imsemmija fl-Artikolu 3(3) u (4) li huma rregolati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom u kkontrollati minn intrapriża prinċipali apikali li għandha fatturat nett ikkonsolidat li jaqbeż l-EUR 750 000 000 u li mhijiex irregolata mil-liġi ta’ Stat Membru, biex jippubblikaw ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu ta’ dik l-intrapriża prinċipali apikali fuq bażi annwali.

Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jsir aċċessibbli għall-pubbliku fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fis-sit web tal-intrapriża sussidjarja jew fis-sit web ta’ intrapriża affiljata.

4.L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-fergħat li huma miftuħa fit-territorji tagħhom minn intrapriża li mhijiex irregolata mil-liġi ta’ Stat Membru biex jippubblikaw fuq bażi annwali r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu tal-intrapriża prinċipali apikali msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jsir aċċessibbli għall-pubbliku fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fis-sit web tal-fergħa jew fis-sit web ta’ intrapriża affiljata.

L-Istati Membri għandhom japplikaw l-ewwel sottoparagrafu ta’ dan il-paragrafu għall-fergħat biss li għandhom fatturat nett li jaqbeż il-limitu ta’ fatturat nett iddefinit mil-liġi ta’ kull Stat Membru skont l-Artikolu 3(2).

5.L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 4 biss għal fergħa li fir-rigward tagħha jkunu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:

(a)l-intrapriża li fetħet il-fergħa tkun jew intrapriża affiljata ma’ grupp li huwa kkontrollat minn intrapriża prinċipali apikali li mhijiex irregolata mil-liġi ta’ Stat Membru u li għandha fatturat nett ikkonsolidat li jaqbeż l-EUR 750 000 000 jew intrapriża li mhijiex affiljata u li għandha fatturat nett li jaqbeż l-EUR 750 000 000;

(b)l-intrapriża prinċipali apikali msemmija fil-punt (a) ma jkollhiex intrapriża sussidjarja ta’ daqs medju jew kbir kif imsemmi fil-paragrafu 3.

6.L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu meta rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu mfassal f’konformità mal-Artikolu 48c ikun sar aċċessibbli għall-pubbliku fis-sit web tal-intrapriża prinċipali apikali li mhijiex irregolata mil-liġi ta’ Stat Membru fi żmien raġonevoli, li ma għandux jaqbeż it-12-il xahar wara d-data tal-karta tal-bilanċ u meta r-rapport jidentifika l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-intrapriża sussidjarja unika jew il-fergħa unika rregolata mil-liġi ta’ Stat Membru li tkun ippubblikat ir-rapport f’konformità mal-Artikolu 48d(1).

7.L-Istati Membri għandhom jobbligaw lis-sussidjarji jew lill-fergħat li mhumiex soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4 biex jippubblikaw u jagħmlu r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu aċċessibbli meta tali sussidjarji jew fergħat ikunu ġew stabbiliti għall-fini li jevitaw l-obbligi tar-rapportar stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

Artikolu 48c

Kontenut tar-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu

1.Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jinkludi l-informazzjoni relatata mal-attivitajiet kollha tal-intrapriża u tal-intrapriża prinċipali apikali, inklużi l-attivitajiet tal-intrapriżi affiljati kkonsolidati fir-rapport finanzjarju fir-rigward tas-sena finanzjarja rilevanti.

2.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkopri dan li ġej:

(a)deskrizzjoni fil-qosor tan-natura tal-attivitajiet;

(b)l-għadd ta’ impjegati;

(c)l-ammont tal-fatturat nett, li jinkludi l-fatturat li sar mal-partijiet relatati;

(d)l-ammont ta’ profitt jew telf qabel it-taxxa fuq l-introjtu;

(e)l-ammont ta’ taxxa fuq l-introjtu akkumulat (is-sena kurrenti) li huwa l-ispiża tat-taxxa kurrenti rikonoxxuta fuq profitti jew telf taxxabbli tas-sena finanzjarja minn intrapriżi u minn fergħat residenti għall-finijiet tat-taxxa fil-ġuriżdizzjoni rilevanti tat-taxxa;

(f)l-ammont ta’ taxxa fuq l-introjtu mħallas li huwa l-ammont ta’ taxxa fuq l-introjtu mħallas matul is-sena finanzjarja rilevanti minn intrapriżi u minn fergħat residenti għall-finijiet tat-taxxa fil-ġuriżdizzjoni rilevanti tat-taxxa; u

(g)l-ammont ta’ qligħ akkumulat.

Għall-finijiet tal-punt (e) tal-ewwel sottoparagrafu, l-ispiża tat-taxxa kurrenti tkun relatata biss mal-attivitajiet ta’ intrapriża fis-sena finanzjarja kurrenti u ma tinkludix taxxi differiti jew dispożizzjonijiet għal obbligazzjonijiet tat-taxxa inċerti.

3.Ir-rapport jippreżenta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 b’mod separat għal kull Stat Membru. Meta Stat Membru jinkludi bosta ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa, l-informazzjoni għandha tinġabar flimkien fuq livell ta’ Stat Membru.

Ir-rapport jippreżenta wkoll l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu b’mod separat għal kull ġuriżdizzjoni tat-taxxa li, fi tmiem is-sena finanzjarja preċedenti, tkun elenkata fil-lista komuni tal-Unjoni ta’ ċerti ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa, imfassla skont l-Artikolu 48g, sakemm ir-rapport ma jkunx espliċitament jikkonferma, soġġett għar-responsabbiltà msemmija fl-Artikolu 48e aktar ’l isfel, li l-intrapriżi affiljati ta’ grupp irregolati mil-liġijiet ta’ tali ġuriżdizzjoni ma jinvolvux ruħhom direttament fi tranżazzjonijiet ma’ kwalunkwe intrapriża affiljata tal-istess grupp irregolata mil-liġijiet ta’ kwalunkwe Stat Membru.

Ir-rapport għandu jippreżenta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 fuq bażi aggregata għall-ġuriżdizzjonijiet oħra tat-taxxa.

L-informazzjoni għandha tiġi attribwita għal kull ġuriżdizzjoni rilevanti tat-taxxa abbażi tal-eżistenza ta’ post fiss ta’ negozju jew ta’ attività permanenti ta’ negozju li, meta jfeġġu mill-attivitajiet tal-grupp, jistgħu jagħtu lok għal obbligazzjoni ta’ taxxa f’dik il-ġuriżdizzjoni tat-taxxa.

Meta l-attivitajiet ta’ bosta intrapriżi affiljati jistgħu jagħtu lok għal obbligazzjoni ta’ taxxa f’ġuriżdizzjoni unika tat-taxxa, l-informazzjoni attribwita għal dik il-ġuriżdizzjoni tat-taxxa tkun tirrappreżenta l-għadd totali tal-informazzjoni relatata ma’ tali attivitajiet ta’ kull intrapriża affiljata u l-fergħat tagħha f’dik il-ġuriżdizzjoni tat-taxxa.

L-informazzjoni dwar kwalunkwe attività partikolari ma għandhiex tkun attribwita fl-istess ħin għal aktar minn ġuriżdizzjoni waħda tat-taxxa.

4.Ir-rapport jinkludi fil-livell ta’ grupp, deskrizzjoni narrattiva kumplessiva li tipprovdi spjegazzjonijiet dwar id-diskrepanzi materjali bejn l-ammonti ddivulgati skont il-punti (e) u (f) tal-paragrafu 2, jekk preżenti, filwaqt li jitqiesu, jekk xieraq, l-ammonti korrispondenti li jikkonċernaw is-snin finanzjarji preċedenti.

5.Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jkun ippubblikat u jsir aċċessibbli fuq is-sit web f’minn tal-anqas lingwa waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

6.Il-munita li tintuża fir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu tkun il-munita li biha r-rapporti finanzjarji kkonsolidati huma ppreżentati. L-Istati Membri ma għandhomx jimponu l-obbligu li dan ir-rapport ikun ippubblikat f’munita differenti minn dik li tintuża fir-rapporti finanzjarji.

7.Meta l-Istati Membri ma jkunux adottaw l-euro, il-limitu msemmi fl-Artikolu 48b(1) għandu jiġi kkonvertit fil-munita nazzjonali billi tiġi applikata r-rata tal-kambju ta’ [Publications Office- set the date = the date of the entry in force of this Directive] ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u billi tiġi miżjuda jew imnaqqsa b’mhux aktar minn 5 fil-mija sabiex ir-riżultat ikun ta’ somma għad-dritt fil-muniti nazzjonali.

Il-limiti msemmija fl-Artikolu 48b(3) u (4) għandhom jiġu kkonvertiti f’ammont ekwivalenti fil-munita nazzjonali ta’ kull pajjiż terz rilevanti billi tiġi applikata r-rata tal-kambju ta’ [Publications Office - set the date = the date of the entry in force of this Directive], maqtugħa għad-dritt sal-eqreb elf.

Artikolu 48d

Pubblikazzjoni u Aċċessibbiltà

1.Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jkun ippubblikat kif stipulat mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru f’konformità mal-Kapitolu 2 tad-Direttiva 2009/101/KE, flimkien mad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 30(1) ta’ din id-Direttiva u meta rilevanti, mad-dokumenti ta’ kontabilità msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE**.

2.Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 48b(1), (3), (4) u (6) jibqa’ aċċessibbli fis-sit web għal minn tal-anqas ħames snin konsekuttivi.

Artikolu 48e

Responsabbiltà għat-tfassil u għall-ippubblikar tar-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu u sabiex dan ikun aċċessibbli

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-korpi ta’ amministrazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ superviżjoni tal-intrapriża prinċipali apikali msemmija fl-Artikolu 48b(1), li jaġixxu fil-qafas tal-kompetenzi assenjati lilhom skont il-liġi nazzjonali, ikollhom responsabbiltà kollettiva biex jiżguraw li r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jiġi mfassal, ippubblikat u jsir aċċessibbli f’konformità mal-Artikoli 48b, 48c u 48d.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-korpi ta’ amministrazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ superviżjoni tal-intrapriżi sussidjarji msemmija fl-Artikolu 48b(3) ta’ din id-Direttiva u l-persuna/i nnominata/i biex iwettqu l-formalitajiet tad-divulgazzjoni previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 89/666/KEE għall-fergħa msemmija fl-Artikolu 48b(4) ta’ din id-Direttiva, li jaġixxu fil-qafas tal-kompetenzi assenjati lilhom mil-liġi nazzjonali, ikollhom responsabbiltà kollettiva biex jiżguraw li, fl-aħjar għarfien u kapaċità tagħhom, ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jitfassal, jiġi ppubblikat u jsir aċċessibbli f’konformità mal-Artikoli 48b, 48c u 48d.

Artikolu 48f

Verifika indipendenti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta r-rapporti finanzjarji ta’ intrapriża affiljata jiġu awditjati minn awditur statutorju wieħed jew aktar jew minn ditta tal-awditjar waħda jew aktar skont l-Artikolu 34(1), l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar jivverifikaw ukoll jekk ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu ngħatax u sarx aċċessibbli f’konformità mal-Artikoli 48b, 48c u 48d. L-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar għandhom jindikaw fir-rapport tal-awditjar jekk ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu ma jkunx ingħata jew ma jkunx sar aċċessibbli f’konformità ma’ dawk l-Artikoli.

Artikolu 48g

Lista komuni tal-Unjoni ta’ ċerti ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 fir-rigward tat-tfassil ta’ lista komuni tal-Unjoni ta’ ċerti ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa. Dik il-lista tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni tal-ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa, li ma jikkonformawx mal-kriterji li ġejjin:

(1)It-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż skambju ta’ informazzjoni meta ssir rikjesta u Skambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji;

(2)Il-kompetizzjoni ġusta tat-taxxi;

(3)Standards stabbiliti mill-G20 u/jew mill-OECD;

(4)Standards rilevanti oħra, inklużi standards internazzjonali stabbiliti mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja.

Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-lista fuq bażi regolari u, meta xieraq, temendaha sabiex jitqiesu ċirkostanzi ġodda.

Artikolu 48h

Id-data ta’ bidu għar-rapportar rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jittrasponu l-Artikoli minn 48a sa 48f japplikaw, l-aktar tard, mid-data ta’ bidu tal-ewwel sena finanzjarja li tibda fi [Publications Office- set the date = one year after the transposition deadline] jew wara.

Artikolu 48i

Rapport

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-konformità mal-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikoli minn 48a sa 48f u dwar l-impatt tagħhom. Ir-rapport għandu jinkludi evalwazzjoni dwar jekk ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jissarrafx f’riżultati xierqa u proporzjonati, filwaqt li jitqies il-bżonn biex ikun żgurat livell biżżejjed ta’ trasparenza u l-bżonn ta’ ambjent kompetittiv għall-intrapriżi.

Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa [Publications Office- set the date = five years after the transposition date of this Directive].”

(3)L-Artikolu 49 huwa emendat kif ġej:

(a)Il-Paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej

“2. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 1(2), l-Artikolu 3(13), l-Artikolu 46(2) u l-Artikolu 48g għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-data msemmija fl-Artikolu 54.

3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 1(2), l-Artikolu 3(13), l-Artikolu 46(2) u l-Artikolu 48g tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din issir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fid-deċiżjoni. Din ma taffettwax il-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.”

(b)Jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ta’ [date].”

(c)Il-Paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 3(13), l-Artikolu 46(2) jew l-Artikolu 48g jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa mill-Parlament Ewropew jew inkella mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jkun estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

______________________

* Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

** Il-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-ħtiġiet tal-iżvelar rigward il-friegħi [fergħat] miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpaniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor (ĠU L 395, 30.12.1989, p. 36).”

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [Publications Office - set the date = one year after entry into force]. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Ara l-Kummissjoni Ewropea, Action Plan on Corporate Taxation (Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Tassazzjoni Korporattiva), Ġunju 2015. Ara wkoll il-Kummissjoni Ewropea, Anti Tax Avoidance Package (Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa), Jannar 2016
(2) Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni.
(3) Bl-eċċezzjoni tas-sussidjarji u tal-fergħat ta’ daqs medju tal-gruppi ta’ MNEs mhux fl-UE b’fatturat ikkonsolidat li jaqbeż l-EUR 750 miljun li se jkunu soġġetti għall-obbligi ta’ rapportar.
(4) Id-Direttiva 2013/36/UE dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment (l-Artikolu 89)
(5) Id-Direttiva 2013/34/UE (il-Kapitolu 10)
(6) Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni.
(7) Il-Kummissjoni Ewropea, Factual Summary of the responses to the public consultation on assessing the potential for further transparency on corporate income taxes  (Sommarju Fattwali tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-valutazzjoni tal-potenzjal għal aktar trasparenza dwar it-taxxi fuq l-introjtu tal-kumpaniji), Jannar 2016
(8) Diskussjonijiet madwar mejda li fihom il-Kummissarji Dombrovskis, Hill u Moscovici ltaqgħu ma’ sensiela ta’ partijiet ikkonċernati (l-1 ta’ Ottubru 2015)
(9) Kummissjoni Ewropea, Pjattaforma għal Governanza Tajba tat-Taxxa
(10) Studju “ General assessment of potential economic consequences of country-by-country reporting under CRD IV ” (Valutazzjoni ġenerali tal-konsegwenzi ekonomiċi potenzjali minħabba r-rapportar għal kull pajjiż skont CRD IV), PWC, 2014
(11) Ibid 3
(12) Id-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni
(13) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(14) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Strateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva, COM (2016) 24 final.
(15) ĠU C , , p. .
(16) COM(2015) 610 final tas-27 ta’ Ottubru 2015.
(17) COM(2014) 910 final tas-16 ta’ Diċembru 2014.
(18) 2015/2010(INL)
(19) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(20) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).
(21) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(22) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(23) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Diċembru 1997, C-97/96 Verband deutscher Daihatsu-Händler ECLI:EU:C:1997:581
(24) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.