Brussell, 10.11.2016

JOIN(2016) 49 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna

{SWD(2016) 352 final}


1.L-oċeani bħala sfida globali u prijorità

Għall-Unjoni Ewropea u għal ħafna nazzjonijiet fid-dinja kollha, l-oċeani huma l-muftieħ għall-futur. Huma joffru potenzjal kbir biex jagħtu spinta lit-tkabbir, lill-impjiegi u lill-innovazzjoni. L-output ta’ ekonomija globali tal-oċeani huwa stmat għal EUR 1.3 triljun u dan jista’ jiżdied b’aktar mid-doppju sal-2030 1 .

L-oċeani jilagħbu rwol importanti fir-regolamentazzjoni tas-sistema klimatika. Huma jipproduċu nofs l-ossiġnu tagħna u assorbew il-biċċa l-kbira tas-sħana żejda tad-dinja u madwar 25 % tal-emissjonijiet 2 tas-CO2. Ħafna gżejjer (fosthom Stati Gżejjer Żgħar li Qed Jiżviluppaw) u pajjiżi kostali huma dipendenti fuq ir-riżorsi tal-baħar u huma vulnerabbli għall-impatti potenzjali tal-attivitajiet tal-bniedem fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli. Kif nittrattaw mal-oċeani huwa kruċjali. Uħud mill-aktar sfidi globali urġenti — inklużi it-tibdil fil-klima, il-faqar, ikel sikur, sustanzjuż u suffiċjenti għal popolazzjoni li mistennija tilħaq id-disa’ biljuni sal-2050 — jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv biss jekk l-oċeani jkunu bla periklu, sikuri, nodfa u ġestiti b’mod sostenibbli.

L-oċeani tagħna huma mhedda minn sfruttament żejjed, mit-tibdil fil-klima, mill-aċidifikazzjoni, mit-tniġġis u mit-tnaqqis tal-bijodiversità. L-ekonomiji tal-baħar u kostali qed jiżviluppaw fid-dinja kollha, iżda s-suċċess tagħhom jiddependi fuq it-titjib tas-sostenibbiltà. Xi kultant, l-aċċess għar-rotot marittimi huwa mxekkel minn imġiba illegali, minn żieda fil-livelli ta’ piraterija, minn serq bl-użu tal-armi u minn forom oħra ta’ delitti marittimi fuq il-baħar. It-tentattivi biex jiġu asseriti pretensjonijiet territorjali jew marittimi barra mill-qafas stabbilit mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), permezz ta’ intimidazzjoni, sfurzar jew forza jistgħu jaffettwaw mhux biss l-istabbiltà reġjonali, iżda wkoll l-ekonomija globali. L-għarfien dwar l-attivitajiet illegali fi ħdan id-dominju marittimu huwa fattur abilitanti kruċjali għal governanza sostenibbli bbażata fuq ir-regoli.

L-informazzjoni preċiża u f’waqtha dwar l-istat tar-riżorsi u l-ekosistemi tal-baħar tibqa’ sfida. L-avvanzi teknoloġiċi meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet tal-baħar jiddependu fuq it-titjib fir-riċerka.

Dawn l-isfidi kollha ġew rikonoxxuti fil-livell globali. Fis-Summit Rio+ 20, il-kapijiet tal-istati u tal-gvernijiet impenjaw ruħhom li jipproteġu u jirrestawraw l-oċeani u l-ekosistemi tal-baħar, u li jiġġestixxu r-riżorsi tal-oċeani b’mod sostenibbli, skont il-liġi internazzjonali, biex jintlaħqu t-tliet dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli. L-UE hija impenjata għal dan l-approċċ integrat.

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU identifikat il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani bħala wieħed mis-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG 14) u bħala parti minn aġenda interkonnessa ħafna. Għall-ewwel darba, il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani huma indirizzati flimkien ma’ sfidi oħra ta’ sostenibbiltà l-aktar urġenti tad-dinja fl-aġenda politika globali prijoritarja u riflessi bħala tali f’diversi SDGs u miri 3 . Il-komunità globali issa trid tibdel dawn l-impenji f’azzjoni. L-UE hija impenjata bis-sħiħ għal dan il-għan u l-implimentazzjoni tiegħu. L-azzjonijiet stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni Konġunta huma parti integrali tar-rispons tal-UE għall-Aġenda 2030. Din hi wkoll prijorità fl-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea 4 .

1.1. Il-ħtieġa ta' governanza aħjar tal-oċeani

L-UNCLOS tirregola l-użu tal-oċeani u tar-riżorsi tagħhom. Din hija appoġġata minn qafas reġjonali u minn istituzzjonijiet u fora internazzjonali responsabbli minn aktar regolamentazzjoni tal-attivitajiet settorjali li jseħħu fuq il-baħar 5 . Dan il-qafas jipprovdi sett wiesa’ ta’ regoli u prinċipji. Madankollu, huwa pjuttost eteroġenju u mhux ikkoordinat. Qed jikber il-kunsens globali li l-ambjent tal-baħar u l-attivitajiet marittimi tal-bniedem, inklużi attivitajiet ibbażati fuq l-art b’impatt fuq l-oċeani, għandhom jiġu ġestiti b’mod aktar effettiv biex jiġu indirizzati l-pressjonijiet dejjem aktar qawwija fuq l-oċeani.

Il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni 6 fl-2015 ikkonfermat li l-qafas attwali ma jiżgurax il-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani:

Il-qafas mhux komplut u jeħtieġ aktar żvilupp. Għad fadal nuqqasijiet legali sinifikanti, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar f’żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali (BBNJ). L-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar (ISA) għadha ma lestietx il-kodiċi tagħha dwar l-estrazzjoni li jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri meħtieġa dwar l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar;

Ir-regoli u l-arranġamenti maqbula ta’ spiss ma jiġux implimentati b’mod effettiv jew infurzati b’mod uniformi. Għadna ’l bogħod milli nilħqu l-għanijiet globali bħalma huma l-ksib tal-Rendiment Massimu Sostenibbli għas-sajd sal-2015 jew il-konservazzjoni ta’ 10 % taż-żoni kostali u tal-baħar, b’mod partikolari permezz ta’ żoni protetti tal-baħar (MPAs) sal-2020 7 . In-nuqqas ta’ ratifika f’waqtha jikkomprometti d-dħul fis-seħħ ta’ konvenzjonijiet marittimi importanti bħalma huma l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

M'hemmx biżżejjed koordinazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali responsabbli mill-oċeani. Għalkemm l-attivitajiet marittimi huma interkonnessi, dawn huma fil-biċċa l-kbira rregolati settur b’settur. Il-koordinazzjoni bejn il-korpi internazzjonali li jkopru s-setturi diversi ta’ spiss tkun ad hoc jew ma teżisti xejn 8 . L-organizzazzjonijiet u l-mekkaniżmi li jistgħu jkollhom rwol kruċjali biex jissaħħaħ il-qafas globali, bħall-UN-Oceans jew il-Kummissjoni Oċeanografika Intergovernattiva (IOC), ħafna drabi jkollhom mandati dgħajfa;

L-attivitajiet illegali u kriminali għandhom impatti sinifikanti fuq l-operaturi ekonomiċi, fuq l-ambjent tal-baħar u fuq in-nies li jaħdmu fis-settur marittimu. L-UE tejbet il-qafas tagħha tas-sigurtà u ppromoviet il-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali fuq is-sigurtà, iżda għad hemm ħafna xi jsir biex jiġu eliminati l-atti illegali fuq il-baħar. In-nuqqas ta’ xogħol sura f’xi attivitajiet marbuta mal-oceani jibqa’ raġuni għat-tħassib. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq bastimenti involuti f’attivitajiet illegali xi kultant ikunu ferm taħt l-istandards internazzjonali jew saħansitra illegali, u jaffettwaw b'mod dirett mhux biss lill-ħaddiema kkonċernati, iżda wkoll lill-ħila tas-settur biex jaġixxi b’mod sostenibbli;

Hemm bżonn ta’ aktar koordinazzjoni bejn il-politiki interni u esterni tal-UE, bħall-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku, l-Unjoni għall-Mediterran, u d-Dimensjoni tat-Tramuntana;

Il-partijiet ikkonċernati (inklużi n-negozji, ir-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) għandhom ikunu involuti iżjed fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju internazzjonali. Dan għandu jirriżulta f’livell ogħla ta’ konformità u jiffaċilita l-ħolqien ta’ arranġamenti ta’ governanza komplimentari, pereżempju, impenji volontarji u l-qsim tal-aqwa prattiki. Il-ġestjoni tal-oċeani għandha tkun ibbażata fuq riċerka xjentifika u għarfien sodi.

1.2. Ir-rwol tal-UE

Hemm bżonn ta’ approċċ internazzjonali koerenti transsettorjali bbażat fuq ir-regoli biex jiġi żgurat li l-ibħra jkunu bla periklu, sikuri, nodfa u ġestiti b’mod sostenibbli. Dan l-approċċ se jikkontribwixxi wkoll għall-kisba ta’ riżultati għaċ-ċittadini tal-UE fuq prijoritajiet bħalma huma l-impjiegi, it-tkabbir, il-kompetittività, is-sostenibbiltà, ir-reżiljenza għall-klima, u l-paċi u s-sigurtà. Il-promozzjoni ta’ governanza tajba tal-baħar ibbażata fuq ir-regoli se tgħin biex jitjiebu d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà u d-demokrazija, u biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozju u jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fid-dinja kolllha. Dan huwa konsistenti mar-rwol tal-UE bħala attur globali b’saħħtu.

L-UE tinsab f’pożizzjoni tajba biex issawwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani abbażi tal-esperjenza tagħha fl-iżvilupp ta’ approċċ sostenibbli għall-ġestjoni tal-oċeani, b’mod partikolari permezz tal-politika ambjentali tagħha (b’mod partikolari fid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina), permezz ta' politika marittima integrata (b’mod partikolari d-Direttiva dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu), ta' politika riformata komuni tas-sajd, tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux regolat u mhux rappurtat (IUU) u permezz tal-politika tagħha dwar it-trasport marittimu.

L-UE diġà żviluppat sensiela ta’ għodod ta’ sigurtà biex jiġu indirizzati r-rabtiet bejn id-dimensjonijiet interni u esterni tas-sigurtà. L-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-UE tikkonferma l-ħtieġa ta’ approċċ “konġunt” - bejn l-aspetti interni u esterni tal-politiki, bejn il-politiki esterni u bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE. Għandhom jiġu żviluppati sinerġiji ma’ politiki oħra (pereżempju, dwar iċ-ċibersigurtà, iċ-ċiberdifiża u l-ekonomija ċirkolari) u strateġiji (pereżempju, l-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea (EUMSS) 9 u strateġiji reġjonali oħrajn b'rabtiet ma' dawn 10 ). B’dan il-mod, il-kontribut tal-UE biex tissaħħaħ il-governanza tal-oċeani se tappoġġa l-għan tat-tkabbir marittimu globali u tas-sigurtà.

L-UE żviluppat l-EUMSS biex tindirizza l-isfidi ta’ sikurezza u sigurtà marittima b’mod effettiv u b’mod komprensiv bl-użu ta’ strumenti rilevanti internazzjonali, tal-UE u nazzjonali. Din għandha tiġi applikata skont din il-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transsettorjali u jissaħħaħ it-tkabbir potenzjali. L-UE għadha kontributur attiv għas-sigurtà marittima globali, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza tagħha fil-ġlieda kontra l-piraterija fl-Oċean Indjan tal-Punent u kontra l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin fil-Mediterran, fil-Baħar l-Iswed u fil-Baħar Baltiku, u filwaqt li tesplora l-possibbiltajiet fil-Golf tal-Guinea, 11 fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina u fl-Istrett ta’ Malacca.

L-UE tikkoopera fuq il-governanza tal-oċeani ma’ sħab bilaterali, reġjonali u multilaterali fid-dinja kollhau l-ixprun legali ewlieni tagħha hija l-UNCLOS. Għandha sħubijiet u ftehimiet strateġiċi ma’ atturi u sħab internazzjonali ewlenin. Hija impenjata b’mod sħiħ ma’ diversi potenzi emerġenti. Hija parti f'ħafna ftehimiet u konvenzjonijiet. Flimkien, l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-ikbar donatur tal-għajnuna fid-dinja.

L-UE għandha tibni fuq l-arranġamenti eżistenti biex ittejjeb il-governanza tal-oċeani u ssaħħaħ il-koordinazzjoni ma’ fora internazzjonali u reġjonali. L-UE ħadmet b’mod attiv biex tiżviluppa l-kooperazzjoni mal-ġirien tagħha fuq il-politika marittima u l-ekonomija tal-oċean, inkluża dik ibbażata fuq il-Politika Ewropea tal-Viċinat, kemm fid-dimensjonijiet tal-Lvant kif ukoll f’dawk tan-Nofsinhar tagħha. Hija tagħti wkoll kontribut ewlieni għall-governanza globali tax-xogħol fit-trasport marittimu u għall-ġlieda globali kontra x-xogħol sfurzat u t-traffikar tal-bnedmin.

Jeħtieġ li jkun hemm aktar għaqda bejn il-politiki esterni u interni fl-azzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha.. Il-piż ikkombinat tagħhom se jżid b’mod sinifikanti l-potenzjal għal bidla pożittiva. L-UE għandha tiżgura azzjoni koerenti bejn il-politiki interni u esterni tagħha b’konformità mal-impenn tagħha biex issaħħaħ il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli. L-UE għandha tippromwovi sinerġiji ma’ politiki oħra tagħha, inklużi l-politika u l-istrateġiji ta’ żvilupp bħall-EUMSS.

Barra minn hekk, l-UE għandha disa’ reġjuni ultraperiferiċi. Dawn ir-reġjuni, minħabba l-kontribut tagħhom tad-dimensjoni marittima tal-UE u l-pożizzjoni tagħhom fl-Oċean Atlantiku u fl-Oċean Indjan, huma atturi importanti li jistgħu jikkontribwixxu b’mod attiv għal governanza tal-oċeani mtejba. 

Sabiex jiġi żgurat li jkollna oċeani sikuri, nodfa u ġestiti b’mod sostenibbli, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli pproponew 14-il sett ta’ azzjonijiet fi tliet oqsma ta’ prijorità:

titjib fil-qafas tal-governanza internazzjonali tal-oċeani;

tnaqqis tal-pressjoni fuq l-oċeani u l-ibħra u l-holqien tal-kundizzjonijiet tajbin għal ekonomija blu sostenibbli kif ukoll

it-tisħiħ tar-riċerka u tad-dejta internazzjonali tal-oċeani.

2. It-titjib tal-qafas tal-governanza internazzjonali tal-oċeani

Filwaqt li jibnu fuq il-kunsens internazzjonali li fil-qafas ta’ governanza tal-oċeani hemm bżonn li jissaħħaħ, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ser isegwu l-azzjonijiet li ġejjin:



Azzjoni 1:    Jimtlew il-lakuni fil-qafas tal-governanza internazzjonali tal-oċeani

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jkomplu jaħdmu mal-Istati Membri u s-sħab internazzjonali biex jippromwovu l-implimentazzjoni ta’ strumenti multilaterali li fuqhom kien hemm qbil iżda li għadhom ma daħlux fis-seħħ. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ser iżidu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-iffirmar, ir-ratifika, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni effettiva ta’ strumenti ewlenin ta’ governanza tal-oċeani globali bħall-UNCLOS u l-ftehimiet ta’ implimentazzjoni eżistenti tagħha.

Il-Kummissjoni se tkompli tkun attivament involuta fl-iżvilupp ta’ strument legalment vinkolanti fil-qafas tal-UNCLOS dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar f’żoni 'l barra mill-ġurisdizzjoni nazzjonali (BBNJ). Hija ser tkompli tappoġġa l-isforzi internazzjonali biex titħares il-bijodiversità tal-baħar f’fora internazzjonali oħra rilevanti, bħall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) u l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES).

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ser jesploraw mal-Istati Membri u l-partijiet l-oħra kollha, inklużi s-sħab internazzjonali, l-industrija u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, x’passi volontarji u mhux leġiżlattivi komplimentari jistgħu jittieħdu biex isostnu l-governanza tal-oċeani.

-Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jaħdmu mal-Istati Membri u mas-sħab internazzjonali biex tiġi żgurata l-adozzjoni, ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-istrumenti ewlenin ta’ governanza globali tal-oċeani, bħalma huma l-Ftehim Implimentattiv tal-UNCLOS dwar il-BBNJ li hemm ippjanat, u tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-ILO.

-Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jappoġġaw l-isforzi internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar fl-istituzzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha.

-Sal-2018, il-Kummissjoni se tipproduċi gwida dwar l-esplorazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi naturali f’qiegħ il-baħar f’żoni taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali, biex tgħin lill-Istati Membri jirrispettaw l-obbligu tagħhom skont l-UNCLOS li jipproteġu u jippreservaw l-ambjent tal-baħar.

-Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ser ikomplu bl-inizjattivi reġjonali barra mill-UE marbutin mal-iżvilupp sostenibbli fil-baċiri tal-baħar, b’kooperazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha, u strateġiji, bħal dawk għall-Qarn tal-Afrika u l-Golf tal-Guinea, li jirrikonoxxu l-kooperazzjoni tal-baħar u marittima bħala għodda għas-salvagwardja tas-sigurtà u jipprovdu għal żvilupp sostenibbli.

Azzjoni 2:    Il-promozzjoni tal-ġestjoni tas-sajd reġjonali u l-kooperazzjoni f’żoni ewlenin tal-oċean biex jimtlew il-lakuni fil-governanza reġjonali 

L-Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) huma organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin favur il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli ta’ stokkijiet ta’ ħut transżonali u stokkijiet ta’ ħut li jpassi ħafna. It-titjib u r-reviżjoni regolari tal-prestazzjoni tagħhom (pereżempju, dwar ix-xjenza, it-trasparenza tal-konformità u t-teħid tad-deċiżjonijiet) hija ċentrali għall-azzjoni tal-UE f’dawn il-fora.

Il-biċċa l-kbira mill-Oċean Artiku ċentrali, wieħed mill-aktar reġjuni tal-baħar fraġli fid-dinja, mhuwiex kopert minn reġimi internazzjonali ta’ konservazzjoni u ġestjoni. B’konformità mal-Politika tal-Artiku integrata proposta riċentement 12 , l-UE għandha wkoll tfittex li tiżgura l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun u madwaru abbażi tal-kooperazzjoni internazzjonali. B’mod partikolari, din se tappoġġa il-ħolqien ta’ RFMO jew arranġament tal-Artiku u tippromwovi l-protezzjoni tal-bijodiversità permezz tal-istabbiliment tal-MPAs.

Strateġiji reġjonali oħra tal-UE (pereżempju, fil-Golf tal-Guinea u l-Qarn tal-Afrika) għandhom ikunu strumentali biex jittejbu l-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut u biex jipprovdu qafas li jindirizza s-sajd IUU.

-Il-Kummissjoni se taħdem mas-sħab internazzjonali biex jinħolqu RFMOs jew arranġamenti, għall-ispeċijiet u ż-żoni li jkunu għadhom mhumiex koperti. B’mod partikolari, l-UE   se ssostni ftehim multilaterali li jipprjeveni s-sajd mhux regolat fl-ibħra internazzjonali tal-Oċean Artiku Ċentrali sakemm tidħol fis-seħħ RFMO/A.

-Sal-2020, il-Kummissjoni ser tappoġġa t-titjib tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant u tal-Kummissjoni tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Punent. Hija ser tappoġġa wkoll il-korpi tas-sajd reġjonali u l-inizjattivi biex itejbu l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fuq kwistjonijiet bħalma huma s-sajd IUU.

-Il-Kummissjoni se tippromwovi t-titjib fil-funzjonament tal-korpi tas-sajd reġjonali eżistenti, b’mod partikolari bis-sostenn ta' evalwazzjonijiet regolari tal-prestazzjoni.

Azzjoni 3:     Titjib fil-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzonijiet internazzjonali u t-tnedija tas-Sħubiji tal-Oċean għall-ġestjoni tal-oċean

L-UE għandha tikkontribwixxi biex jitjiebu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali b’mandat b’rabta mal-oċeani. Dan jista’ jsir permezz ta’ memoranda ta’ ftehim u ftehimiet ta’ kooperazzjoni sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-korpi li għandhom l-istess għanijiet kumplimentari. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tqajjem mill-ġdid l-hekk imsejjaħ Proċess ta’ Kobe għall-RFMOs tat-tonn u testendih għall-RFMOs kollha. L-UE ser tappoġġa wkoll ir-rwol ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni multilaterali, bħan-NU-Oċeani — b’mod partikolari fil-kuntest tar-reviżjoni tal-mandat tiegħu fl-2017 — l-IOC, l-ISA u organizzazzjonijiet kontinentali u reġjonali li żviluppaw strateġiji biex jipproteġu u jippreġjaw l-ibħra.

Il-Kummissjoni hija impenjata fi djalogi bilaterali dwar l-affarijiet marittimi u s-sajd ma’ atturi ewlenin tal-oċeani, inklużi l-Awstralja, il-Kanada, iċ-Ċina, il-Ġappun, New Zealand u l-Istati Uniti. Għandha l-intenzjoni li b’mod gradwali taġġornahom fi “sħubijiet tal-oċean” fil-ħames snin li ġejjin. Dan se jsaħħaħ il-kooperazzjoni f’oqsma ewlenin ta’ governanza tal-oċeani, bħall-implimentazzjoni tal-SDGs rilevanti għall-oċeani, il-bini tal-kapaċità, il-promozzjoni tal-konservazzjoni u t-“tkabbir blu” sostenibbli, ir-riċerka marittima, il-ġestjoni tas-sajd internazzjonali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, il-ġlieda kontra s-sajd IUU u s-sigurtà marittima.

-Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jappoġġaw kooperazzjoni u koordinazzjoni imtejbin bejn l-organizzazzjonijiet globali u reġjonali b’mandat marbut mal-oċeani, inkluż permezz ta’ oqfsa ġodda jew eżistenti.

-Il-Kummissjoni se tappoġġa l-koordinazzjoni mtejba bejn l-RFMOs u l-konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali (RSCs) u l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet globali 13 .

-Il-Kummissjoni se tappoġġa l-isforzi globali għall-ħarsien tal-bijodiversità tal-baħar fl-istituzzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha bħalma huma l-azzjonijiet ta’ prijorità adottati fit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tas-CBD (il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika) dwar il-bijodiversità tal-baħar u l-kosta 14 u deċiżjonijiet oħra relatati mal-identifikazzjoni ta’ Żoni tal-Baħar Ekoloġikament u Bijoloġikament Sinifikanti (EBSAs). 

-Il-Kummissjoni se tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet meħuda b’riżq il-protezzjoni tal-ispeċijiet tal-baħar fis-16 u s-17-il Konferenza tal-Partijiet tas-CITES 15 .

-Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jappoġġaw il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni multilaterali bħan-NU-Oċeani, fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tal-mandat tagħha u bl-għan li ssaħħaħ ir-rwol tagħha ta’ koordinatriċi.

-Il-Kummissjoni se tipproponi li tiżviluppa sħubiji tal-oċeani ma’ atturi ewlenin tal-oċeani.

Azzjoni 4: Bini tal-kapaċità

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ser jużaw il-qafas tal-politika esterna, inkluża l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, biex jippromwovu u jibnu l-kapaċità għat-titjib tal-governanza, tal-konservazzjoni u tar-restawr tal-bijodiversità tal-oċeani, u favur ekonomiji blu sostenibbli mal-pajjiżi sħab tagħha, inkluż ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

L-iżvilupp tal-baħar u tal-kosta jeħtieġ li jkun sostenibbli mil-lat ambjentali u soċjalment inklużiv. L-interazzjonijiet u l-kompromessi bejn is-setturi u l-investimenti jeħtieġ li jkunu ddefiniti u organizzati b’mod ċar.

L-UE għandha firxa wiesa’ ta’ ftehimiet ta' kooperazzjoni bilaterali, ta' sħubija u ta' kummerċ inklużi Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli, li permezz tagħhom tista’ ssaħħaħ il-kooperazzjoni fuq kwsitjonijiet tal-baħar bħalma huma t-tkabbir blu, il-ġestjoni tal-baħar u tal-kosta, id-drittijiet tax-xogħol u l-kwalifiki, 16 l-impatti fuq it-tibdil fil-klima fuq l-oċeani u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali.

It-tisħiħ tal-opportunitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet f’oqsma ta’ prijorità, bħall-pajjiżi tal-Golf tal-Guinea, in-Nofsinhar tal-Atlantiku, ix-Xlokk tal-Asja u Stati Gżejjer Żgħar li Qed Jiżviluppaw se jkunu parti wkoll minn dan l-approċċ.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jimmobilizzaw ir-riżorsi biex jappoġġaw ippjanar aħjar ta’ ekonomija blu sostenibbli b’mod partikolari fil-kuntest tal-Unjoni għall-Mediterran (UfM) u organizzazzjonijiet oħrajn, inklużi l-Konvenzjoni ta’ Barċellona. Huma ser jippromwovu d-djalogu reġjonali permezz tal-forum tal-Unjoni għall-Mediterran dwar “l-Ekonomija Blu”, u ser jappoġġaw azzjonijiet maqbula fi ħdan dan il-qafas, inkluża kooperazzjoni mtejba dwar ir-riċerka tal-baħar u l-innovazzjoni permezz tal-Inizjattiva BlueMed. 

-Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ser jużaw il-qafas ta’ politika esterna, inkluż il-qafas dwar l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni, biex jippromwovu u jibnu l-kapaċità għal governanza mtejba tal-oċeani u l-ekonomiji blu sostenibbli ma’ sħab ewlenin — b’mod partikolari fl-Oċean Paċifiku, fl-Oċean Indjan u fl-Afrika tal-Punent.

-Filwaqt li jibnu fuq il-kooperazzjoni eżistenti ta’ żvilupp tal-UE, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ser jimpenjaw ruħhom fil-bini tal-kapaċità tas-sigurtà marittima ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet reġjonali oħrajn — b’mod partikolari fil-Golf tal-Guinea u fl-Oċean Indjan.

-Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jappoġġaw l-iżvilupp ta’ Qafas ta’ Żvilupp tal-Ekonomija Blu robust u bbażat fuq l-evidenza.

-Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jidentifikaw modi biex tittejjeb il-governanza tal-oċeani permezz tal-implimentazzjoni tal-SDGs. Dan ser jinkludi, pereżempju, it-tisħiħ tal-opportunitajiet għall-bini tal-kapaċità f’oqsma ta’ prijorità, bħall-pajjiżi tal-Golf tal-Guinea u l-Asja tax-Xlokk.

-Il-Kummissjoni ser tinkludi kooperazzjoni teknika f’kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) bl-għan li ssaħħaħ l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-istrumenti tal-IMO.

-Il-Kummissjoni se timmobilizza r-riżorsi biex tappoġġa l-progress tal-bini tal-kapaċità marbuta mal-iżvilupp ta’ ekonomija blu sostenibbli fil-Mediterran, fil-kuntest tal-Unjoni għall-Mediterran u organizzazzjonijiet oħrajn, inklużi l-Konvenzjoni ta’ Barċellona.

Azzjoni 5:    Jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà tal-ibħra u tal-oċeani 

Din l-istrateġija tidentifika l-isfidi tas-sigurtà, bħalma huma l-piraterija, it-traffikar u l-kuntrabandu tal-bnedmin, tal-armi u tad-drogi, u tenfasizza l-ħtieġa li jkunu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ċivili u militari. Fit-tfittxija ta' soluzzjonijiet globali, hemm bżonn ta’ dibattitu internazzjonali usa’ f’fora bħan-NU, il-G7 u l-G20, u ta’ sħubiji mfassla apposta li jinvolvu pajjiżi oħra u korpi reġjonali (pereżempju, l-Unjoni Afrikana u l-ASEAN).

B’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jaħdmu b’mod bilaterali u multilaterali ma’ pajjiżi li mhumiex tal-UE u ma' organizzazzjonijiet reġjonali sabiex jitnaqqsu u jiġu eliminati t-theddid u r-riskji għas-sigurtà marittima, fil-qafas tal-EUMSS u l-istrateġiji reġjonali (pereżmpju, il-Golf tal-Guinea, il-Qarn tal-Afrika), billi tiżdied il-ħidma f’oqsma ta’ prijorità 17 .

Ir-Regolament il-ġdid dwar il-Fruntiera Ewropea u l-Gwardja tal-Kosta 18  u r-regolamenti emendati dwar l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) jipprovdu bażi għal aktar kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-UE li jappoġġaw l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jwettqu l-funzjonijiet ta' gwardji tal-kosta u ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE madwar il-baċiri tal-ibħra Ewropej. Din il-ħidma ser tiffoka wkoll fuq aktar kooperazzjoni bejn il-gwardji kostali nazzjonali biex jagħmlu kampanji bi skopijiet multipli, pereżempju, is-sejba ta’ tnixxijiet illegali skont il-MARPOL 19 . Bħala parti minn din il-kooperazzjoni, il-Frontex, l-EMSA u l-EFCA qed iwettqu operazzjonijiet bi skopijiet multipli, fost l-oħrajn, għas-sajd, u għall-kontroll tal-fruntieri u tal-migrazzjoni fiċ-Ċentru tal-Baħar Mediterran. Biex jiġu kkumplimentati dawn l-attivitajiet, il-forzi militari tal-UE huma wkoll impenjati fil-ġlieda kontra l-attivitajiet ta’ kuntrabandu tal-bnedmin, il-protezzjoni ta’ bastimenti, il-ġlieda kontra l-piraterija, u l-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd permezz tal-operazzjonijiet SOPHIA u ATALANTA, b’kooperazzjoni wkoll man-NATO biex iwettqu d-doveri tagħhom.

-B’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jibnu fuq l-EUMSS biex jaħdmu ma’ pajjiżi oħra sabiex jitnaqqsu u jiġu eliminati t-theddid u r-riskji għas-sigurtà marittima.

-Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ser jaħdmu biex jissaħħaħ l-iskambju tal-informazzjoni dwar is-sorveljanza marittima transsettorjali bejn l-Istati Membri fil-waqt li tiġi involuta wkoll l-EMSA, u fost l-oħrajn tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni (CISE) tal-Kummissjoni u ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE, biex b’hekk jiġi ffaċilitat l-intervent internazzjonali.

-Il-Kummissjoni se tivvaluta kif tiffaċilita l-interoperabbiltà tas-sorveljanza marittima, bħalma hu s-CISE.

-Abbażi tal-iżviluppi teknoloġiċi fil-komunikazzjonijiet bis-satellita u fl-analiżi tad-dejta, kif ukoll fis-sistemi eżistenti għall-monitoraġġ tal-attivitajiet marittimi, il-Kummissjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli, se tniedi proġett pilota biex jiġi sorveljat is-sajd illegali fid-dinja kollha fil-waqt li ssir ħidma biex jitwessa’ l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima, u jiġu esplorati l-possibilitajiet biex jitwessa’ l-monitoraġġ għal setturi oħra.

   

3.Tnaqqis tal-pressjoni fuq l-oċeani u l-ibħra u holqien tal-kundizzjonijiet għal ekonomija blu sostenibbli

Biex jiġu żgurati oċeani b’saħħithom bħala sistema ta’ appoġġ għall-ħajja u bħala riżorsa, il-governanza tal-oċeani għandha ssir aktar effettiva. L-azzjoni tal-UE għandha tiffoka fuq it-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu, fuq it-tniġġis u l-ewtrofikazzjoni tal-baħar, fuq il-preservazzjoni, il-konservazzjoni u r-restorazzjoni tal-ekosistemi u tal-bijodiversità tal-baħar u fuq l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar.

Azzjoni 6:    L-implimentazzjoni tal-Ftehim COP21 u l-mitigazzjoni tal-impatt ta’ ħsara tat-tibdil fil-klima fuq l-oċeani, il-kosti u l-ekosistemi

Il-Kummissjoni se taħdem biex tipproteġi r-rwol tal-ekosistemi kostali u tal-baħar, bit-tnaqqis tal-impatti tat-tibdil fil-klima. F’assoċjazzjoni mar-Rappreżentant Għoli, se timmira li tikseb kunsens politiku wiesa’ dwar il-bżonn li tiġi ppreservata l-funzjoni naturali tal-oċeani “il-Karbonju Blu” permezz ta’ ħidma ma’ atturi politiċi tal-UE u internazzjonali, fil-kuntest tan-negozjati dwar it-tibdil fil-klima u konvenzjonijiet internazzjonali ambjentali rilevanti.

Il-Kummissjoni se taħdem biex issaħħaħ l-azzjoni relatata mal-oceani fil-livell tal-UE biex jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, pereżempju, it-tnaqqis fl-emissjonijiet mit-trasport marittimu, l-iżvilupp futur ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. F’assoċjazzjoni mar-Rappreżentant Għoli, se taħdem mal-Istati Membri u mas-sħab internazzjonali biex tippromwovi l-inklużjoni ta’ tali azzjoni b’segwitu nazzjonali tal-impenji skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippromwovi pjan ta’ azzjoni aċċettat internazzjonalment biex jiġu ttrattati l-konsegwenzi, fost oħrajn, tat-tisħin tal-oċean, taż-żieda fil-livell tal-baħar u tal-aċidifikazzjoni. Din il-ħidma ser tibni fuq il-ħames rapport ta' valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima u fuq ir-rapport futur speċjali ta’ dan il-grupp dwar it-tibdil fil-klima u l-oċeani u l-krijosfera.

-Il-Kummissjoni ser tintensifika l-ħidma mas-sħab internazzjonali sabiex jiftehmu dwar azzjoni konġunta biex jipproteġu u jirrestawraw l-ekosistemi tal-baħar u tal-kosti.

-Sal-2020, il-Kummissjoni se tniedi sħubiji pubbliċi-privati internazzjonali mmirati lejn ir-restawr, l-adattament jew l-iżvilupp ta’ “infrastruttura ħadra/blu”.

-F’assoċjazzjoni mar-Rappreżentant Għoli, se taħdem mal-Istati Membri u mas-sħab internazzjonali biex tippromwovi l-inklużjoni tal-azzjoni marbuta mal-oċeani b’segwitu nazzjonali tal-impenji skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Is-sitwazzjoni attwali tista’ tiġi ppreżentata fl-eżerċizzju ta’ rendikont globali kif stabbilit fil-Ftehim ta’ Pariġi.

-Il-Kummissjoni se tipproponi azzjoni internazzjonali biex issegwi l-konsegwenzi, fost oħrajn, tat-tisħin tal-oċean, taż-żieda fil-livell tal-baħar u tal-aċidifikazzjoni. In-Network Diplomatiku Ekoloġiku għandu jintuża biex jaħdem ma’ sħab internazzjonali.

Azzjoni 7:    Il-ġlieda kontra s-sajd illegali u t-tisħiħ b’mod globali tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ikel mill-oċean.

Il-ġlieda kontra s-sajd IUU fid-dinja kollha hi prijorità għall-UE. Mill-inqas 15 % tal-qabdiet tal-ħut fid-dinja kollha, b’valur ta’ EUR 8-19-il biljun fis-sena, huma illegali. L-UE tikkoopera ma’ pajjiżi oħra biex jinbdew riformi strutturali fis-sistemi tagħhom tal-ġestjoni tas-sajd. L-għan huwa li tissaħħaħ din l-azzjoni matul il-ħames snin li ġejjin. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qiegħda tfittex li ssaħħaħ l-azzjoni multilaterali għat-trażżin tas-sajd IUU billi ssaħħaħ l-istrumenti li jippermettu r-rintraċċar u l-identifikazzjoni tal-bastimenti u taċ-ċittadini li huma involuti f'prattiki illegali, u żżid ir-rwol importanti tal-aġenziji internazzjonali bħalma hi l-Interpol.

L-UE ser taħdem ma’ sħab internazzjonali, tipprovdi appoġġ għall-bini tal-kapaċità teknika u amministrattiva li tittratta s-sajd IUU, tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u tivvaluta l-konsegwenzi soċjali negattivi ta’ dawn il-prattiki.

-Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-azzjoni fuq is-sajd IUU billi ttejjeb is-sistemi attwali u tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżguraw kontrolli effiċjenti permezz tal-iżvilupp ta’ għodod elettroniċi.

-F’assoċjazzjoni mar-Rappreżentant Għoli, il-Kummissjoni se tikkoopera ma’ pajjiżi terzi, fost oħrajn fuq il-bini tal-kapaċità u sħubija mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, inkluż l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port.

-Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ser jużaw il-fondi disponibbli tal-UE għall-iżvilupp biex isostnu l-azzjoni li se tikkontribwixxu għall-ġlieda kontra s-sajd IUU.

-Il-Kummissjoni se tikkoopera ma’ pajjiżi li mhumiex membri tal-UE permezz ta’ djalogi bilaterali u proċessi formali (għall-identifikazzjoni minn qabel, l-identifikazzjoni u l-elenkar) skont ir-Regolament dwar l-IUU.

-Fi djalogi bilaterali u reġjonali u f’fora internazzjonali, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ser jindirizzaw l-isfidi marbuta mas-sajd IUU bħax-xogħol furzat u forom oħra ta’ xogħol li jiksru d-drittijiet tal-bniedem.

-L-UE ser tippromwovi azzjonijiet multilaterali, inklużi

il-ħolqien ta’ reġistru globali tal-flotta;

l-allokazzjoni ta’ identifikatur uniku tal-bastiment (numru tal-IMO) għall-bastimenti tas-sajd kummerċjali;

l-adozzjoni ta’ linji gwida biex jiġu żviluppati u implimentati skemi tad-dokumentazzjoni tal-qbid (ċertifikat globali tal-qbid); kif ukoll

it-tisħiħ tar-rwol tal-Interpol fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

-Il-Kummissjoni se ssaħħaħ is-superviżjoni tal-flotta tas-sajd esterna tal-UE kull fejn din topera, b’konformità mar-regolament propost dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-flotot tas-sajd esterni 20 .

Azzjoni 8:    Il-projbizzjoni ta’ sussidji tas-sajd li jagħmlu l-ħsara

Is-sussidji tas-sajd li jikkontribwixxu għas-sajd eċċessiv, il-kapaċità żejda u s-sajd IUU ilhom kawża ta’ tħassib internazzjonali. Is-Summits Dinjin dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2002 u tal-2012 riedu li dawn jintemmu. L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli issa ffissat data ta’ skadenza (2020) biex jintemmu dawn is-sussidji.

L-isforzi internazzjonali se jiġu promossi sabiex jitrażżnu l-kapaċità żejda u s-sajd żejjed, mill-flotot tas-sajd dinjin u biex jiġu pprojbiti s-sussidji li jagħmlu ħsara. Dan ser jappoġġa n-negozjati tad-WTO li tipprojbixxi sussidji li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda u għas-sajd eċċessiv u s-sajd IUU.

-L-UE ser timpenja ruħha b’mod attiv fin-negozjati multilaterali fid-WTO biex sal-2020 jiġu pprojbiti s-sussidji li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda, għas-sajd żejjed u għas-sajd IUU.

Azzjoni 9:    Il-ġlieda kontra l-iskart fil-baħar u l-”baħar tal-plastik”

L-iskart fil-baħar huwa theddida kbira għall-oċeani tagħna. Il-Kummissjoni diġà ħadet azzjoni biex tiġi indirizzata f’ras il-għajn u ser issaħħaħ din l-azzjoni b’mod sinifikanti.

Il-Kummissjoni se tipproponi miżuri biex jiġi minimizzat il-ħolqien ta’ skart fiċ-ċiklu tal-prodotti, mill-għażla tal-materjali, għad-disinn tal-prodotti, għall-produzzjoni, għall-konsum u għar-riċiklaġġ sar-rimi.

Skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari, sal-2017, l-UE se tipproponi strateġija dwar il-plastik billi tindirizza kwistjonijiet bħar-riċiklabbiltà, il-bijodegradabbiltà, il-preżenza tas-sustanzi perikolużi f’xi plastik, u l-iskart fil-baħar, b’komponent internazzjonali ċar kontra t-tnixxija tal-plastik fl-ambjent. Dan se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-iskart li jinsab fuq il-bajjiet u l-irkaptu tas-sajd mitluf b’tal-anqas 30 % sal-2020. Se jikkontribwixxi wkoll biex jitnaqqas il-volum tal-mikroplastiks introdotti fl-ambjent tal-baħar, inkluż fejn meħtieġ, billi jiġi ristrett l-użu tagħhom fil-prodotti.

Min-naħa tiegħu, dan se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030. L-Istrateġija għandha wkoll tirrikonoxxi n-natura globali tal-problema u l-ħtieġa ta' azzjoni kollettiva, inkluż fil-kuntest tal-ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent. Hija se tqis il-possibiltajiet biex tiġi razzjonalizzata l-ġlieda kontra l-iskart fil-baħar fl-azzjoni esterna tal-UE u fl-għajnuna għall-iżvilupp, b’tali mod li jitwaqqaf il-fluss tal-iskart tal-plastik fl-oċeani tad-dinja, u fejn hu ġġustifikat mill-perspettiva tal-ambjent u teknikament fattibbli, jipparteċipaw f’azzjonijiet ta’ tneħħija koordinata tajjeb.

-Bħala parti mill-istrateġija tagħha għal ekonomija ċirkolari, fl-2017 il-Kummissjoni se tipproponi strateġija għall-plastik li tindirizza l-iskart fil-baħar, barra kwistjonijiet bħar-riċiklaġġ u l-bijodegradibbiltà.

-Il-Kummissjoni se tindirizza s-sorsi bbażati fil-baħar tat-tniġġis tal-baħar, inkluż minn attivitajiet tat-tbaħħir u tas-sajd, permezz tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Faċilitajiet ta’ Akkoljenza fil-Portijiet 21 u, jekk ikun hemm bżonn, azzjoni addizzjonali relatata mal-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura.

-Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-effettività tal-istrateġiji ta’ governanza internazzjonali, reġjonali u subreġjonali u approċċi li jikkumbattu l-iskart tal-plastik u l-mikroplastiks fil-baħar, kif mitlub mill-Assemblea tan-NU għall-Ambjent.

-Il-Kummissjoni se tipprovdi sostenn finanzjarju, b’mod partikolari mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, sabiex tittejjeb il-kapaċità għall-ġbir tal-iskart fil-baħar u d-disponibbiltà tad-dejta dwar konċentrazzjonijiet ta’ skart fl-ibħra madwar l-UE.

-Il-Kummissjoni se tipproponi li ssaħħaħ il-qafas istituzzjonali biex tindirizza l-iskart fil-baħar, pereżempju, permezz ta’ aktar koordinazzjoni tal-isforzi internazzjonali, il-pjan tal-G7 li jiġġieled l-iskart fil-baħar, u s-sħubija globali dwar l-iskart fil-baħar.

-Il-Kummissjoni se ssegwi l-impenji globali u reġjonali billi tippromwovi l-pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-iskart fil-baħar li jiffokaw fuq l-RSCs madwar l-Ewropa.

Azzjoni 10:    Il-promozzjoni tal-Ippjanar Spazjali Marittimu (ISM) fil-livell globali

L-użu sostenibbli tal-oċeani u tal-bijodiversità tagħhom, inkluża l-kisba tal-SDGs rilevanti, jiddependu fuq l-ippjanar u l-ġestjoni xierqa tal-użi mill-bniedem, kemm f’żoni ta’ ġuriżdizzjoni nazzjonali kif ukoll lil hinn minnhom. L-ISM tista’ tiżgura l-organizzazzjoni effettiva tal-użi tal-baħar f’żona marittima, inkluża d-deżinjazzjoni, il-ġestjoni u ż-żamma ta’ netwerk tal-MPAs 22 . L-użu tal-ISM qed jiżdied fid-dinja kollha u nkisbet esperjenza vasta filwaqt li ġiet żviluppata l-aħjar prattika matul l-aħħar deċennju.

Fl-2017, il-Kummissjoni se tibda taħdem mal-atturi rilevanti kollha biex jiġu żviluppati proposti għal linji gwida aċċettati internazzjonalment sabiex jiġi promoss l-użu tal-ISM u l-proċessi relatati minn pajjiżi sħab u f’livell internazzjonali, b’mod partikolari fin-NU.

-Fl-2017, il-Kummissjoni se tniedi x-xogħol b’riżq il-proposti għal-linji gwida internazzjonali dwar l-ISM.

Azzjoni 11: Il-kisba tal-mira globali ta’ 10 % għall-konservazzjoni ta’ żoni tal-baħar u tal-kosta u li tiġi promossa l-ġestjoni effettiva tal-MPAs

Il-bijodiversità tal-baħar bħalissa tinsab f’qagħda allarmanti. Is-sikek tropikali tilfu aktar minn nofs il-qroll li jibnihom matul l-aħħar 30 snin. Attwalment, 3.4 % biss tal-ibħra u l-oċeani huma koperti minn żoni protetti tal-baħar (MPAs), li huwa ferm taħt l-10 % tal-konservazzjoni miftiehma globalment sal-2020. Ir-restawr u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar se jirriżultaw kemm f’benefiċċji ambjentali kif ukoll f’benefiċċji ekonomiċi. Iż-żieda tal-kopertura tal-MPAs għal 30 % tista’ tiġġenera sa USD 920 biljun bejn l-2015 u l-2050 23 .

Diversi organizzazzjonijiet u fora qed jaħdmu fuq tipi differenti ta’ strumenti ta’ ġestjoni bbażati fuq iż-żona, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom 24 . Madankollu, l-MPAs huma effettivi biss jekk ikunu ġestiti sew u jagħmlu parti minn netwerk ekoloġikament koerenti. Il-ġestjoni tagħhom tirrikjedi ppjanar adegwat, kif ukoll ir-riżorsi umani u finanzjarji.

Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għall-effettività tal-MPAs fid-dinja kollha, billi tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki u billi tappoġġa l-isforzi lejn netwerks koerenti. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi wkoll il-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali biex tiżviluppa mekkaniżmi ta’ finanzjament sostenibbli fit-tul għall-MPAs 25 . 

Ftehim ġdid ta’ implimentazzjoni taħt l-UNCLOS dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-BBNJ jista’ jgħin biex tintlaħaq il-mira globali ta’ 10 % ta’ konservazzjoni u biex tiżdied b’mod sinifikanti l-kopertura ta’ żoni protetti tal-baħar fl-ibħra miftuħa.

-Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għall-effettività u l-espansjoni tal-MPAs fid-dinja kollha, billi tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki u billi tappoġġa l-isforzi lejn netwerks koerenti.

-Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi wkoll il-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali biex tiżviluppa mekkaniżmi ta’ finanzjament sostenibbli fit-tul għall-MPAs.

-Il-Kummissjoni se tlesti proġett ta’ ġemellaġġ ta’ MPAs li jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-bini ta’ kapaċità f’MPAs fl-Atlantiku, mill-Ewropa, mill-Afrika, u mill-Amerka ta’ Fuq u t’Isfel.

-Il-Kummissjoni se tipprovdi l-opportunitajiet ta’ finanzjament taħt l-Orizzont 2020 u l-programmi LIFE għar-riċerka dwar il-baħar li huma essenzjali għat-twaqqif ta’ żoni protetti tal-baħar u se tikkolabora ma’ sħab internazzjonali.

4.    It-tisħiħ tar-riċerka u tad-dejta internazzjonali dwar l-oċeani.

L-għarfien xjentifiku sod tal-oċeani huwa kruċjali sabiex jiġu indirizzati l-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet ta’ hawn fuq b’suċċess u sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi jintużaw b’mod sostenibbli. Dan jeħtieġ investiment konsiderevoli f’assi u f'tagħmir. Dan jipprovdi benefiċċju massimu għas-soċjetà jekk l-informazzjoni u d-dejta jiġu kondiviżi.

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom rekord b’saħħtu fil-finanzjament tar-riċerka tal-baħar u dik marittima u fit-titjib tad-disponibbiltà u l-interoperabbiltà tad-dejta. Il-kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali, inkluż il-qsim tar-riżorsi, hija l-pass li jmiss biex tiġi żgurata l-bażi ta’ għarfien meħtieġa għall-ġestjoni effettiva tal-oċeani.

Azzjoni 12:    Strateġija koerenti tal-UE dwar l-osservazzjoni tal-oċeani, id-dejta u l-kontabilità tal-baħar

In-Netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni u Dejta Marittima (EMODNET) jippermetti li r-riċerkaturi, l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji u s-soċjetà ċivili jfittxu, jaraw, iniżżlu u jużaw dejta u prodotti tad-dejta minn aktar minn 100 korp tar-riċerka tal-baħar dwar il-batimetrija, il-ġeoloġija, il-ħabitats, il-fiżika, il-kimika u l-ħajja tal-baħar fl-ibħra Ewropej.

L-allinjament tal-ħidma tal-UE mas-sħab internazzjonali tagħha se jsaħħaħ konsiderevolment l-għarfien li jirfed il-governanza tal-oċeani, inkluż billi jsaħħaħ b’mod sinifikanti s-sistema integrata ta’ kontabilità tal-kapital naturali u s-servizzi tal-ekosistema li qiegħda tiġi żviluppata b’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ma’ sħab internazzjonali.

-Il-Kummissjoni se tibni fuq l-EMODnet biex tipproponi strateġija koerenti ta’ osservazzjoni tal-oċeani fl-2018 b’konformità mat-Tsukuba Communiqué tal-G7 26 . Hija se tivvaluta jekk in-netwerks tal-osservazzjoni tal-oċeani humiex xierqa għall-iskop tagħhom u tanalizza l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali marbutin mat-tisħiħ tagħhom.

-Fil-kuntest ta’ dan ir-rapport skedat għall-2018, il-Kummissjoni se tipproponi kif l-EMODNet tista’ tiġi allinjata ma’ sforzi oħra nazzjonali jew reġjonali ta’ ġbir tad-dejta tal-baħar, sabiex jinħoloq netwerk internazzjonali ta’ dejta tal-baħar u jiġi żgurat l-aċċess miftuħ għal tali dejta.

Azzjoni 13:    It-tisħiħ tal-investiment fix-xjenza u l-innovazzjoni “blu”

L-UE u l-Istati Membri tagħha jonfqu madwar EUR 2 biljun fis-sena fuq ir-riċerka dwar il-baħar. ’Il fuq minn EUR 260 miljun jiġu mill-programm tar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020. Hu importanti li jinżamm dan il-livell ta’ ambizzjoni. Żona prijoritajra speċifika ta’ “tkabbir blu” hija mmirata lejn ir-riċerka tal-baħar u marittima trasversali u ssostni l-politiki relatati mal-oċeani, inkluż is-sajd, l-enerġija lil hinn mix-xtut u t-trasport marittimu.

L-Istati Membri qegħdin dejjem aktar jikkoordinaw jew jintegraw il-programmi ta’ riċerka tagħhom biex jiġu indirizzati l-problemi komuni fil-livell tal-UE (pereżempju, permezz tal-inizjattiva Ibħra u Oċeani b’Saħħithom u Produttivi għall-ipprogrammar konġunt, il-proġetti tal-Orizzont tal-Baħar l-Iswed u EMBLAS) u fil-livell tal-baċiri tal-baħar, (pereżempju, permezz tal-inizjattivi BONUS għall-Baħar Baltiku u BLUEMED għall-Baħar Mediterran).

-Fil-qafas tal-Inizjattiva tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza, 27 il-Kummissjoni ser twaqqaf “Cloud pilota tax-Xjenza Blu ” u tkompli tinvesti fir-riċerka tal-baħar u l-innovazzjoni.

-Il-Kummissjoni se taħdem mas-sħab tal-G7 biex javvanzaw il-G7 il-ġdid, l-inizjattiva“II-futur tal-oċeani” biex jittejbu r-riċerka u l-osservazzjoni tal-oċeani u l-ibħra.

Azzjoni 14:    Sħubiji internazzjonali ta’ riċerka, innovazzjoni u xjenza dwar l-oċeani

Ir-riċerka u x-xjenza tal-oċeani bbażati fl-UE jistgħu jibbenefikaw bil-kbir minn kooperazzjoni ma’ istituti barra l-UE. Id-Dikjarazzjoni ta’ Galway tal-2013 bejn l-UE, l-Istati Uniti u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni fir-riċerka tal-Oċean Atlantiku kienet pass deċiżiv ’il quddiem. Il-Kummissjoni se tkompli timplimenta l-Pjan tad-Dikjarazzjoni ta’ Galway

Għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet meħtieġa għall-innovazzjoni u l-kompetittività, il-Kummissjoni se tkompli ssostni s-sħubija mmexxija mill-industrija għat-teknoloġija marittima fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet.

Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-OECD biex titrawwem aktar kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u t-teknoloġija marittimi, se tesplora wkoll il-possibbiltajiet għat-twaqqif ta’ netwerks internazzjonali biex jiskambjaw l-esperjenzi fil-promozzjoni ta’ teknoloġiji marittimi innovattivi li jikkumplimentaw l-għodod eżistenti.

-Il-Kummissjoni se tiżviluppa sħubijiet ta’ riċerka u xjenza tal-baħar ma’ sħab ewlenin taħt ftehimiet eżistenti dwar ix-xjenza u t-teknoloġija, inklużi sħubijiet tal-oċeani fejn xieraq u alleanzi globali fejn l-Unjoni hija membru bħal pereżempju l-Forum ta’ Belmont jew il-Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja.

-Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-ħidma tagħha fuq l-Alleanza għar-Riċerka dwar l-Oċean Atlantiku Kollu billi trawwem oqfsa ta’ kooperazzjoni msaħħa ma’ atturi ewlenin tal-baħar fin-Nofsinhar tal-Atlantiku.

-Il-Kummissjoni ser tmexxi ’l quddiem il-ħidma biex tinkludi lill-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran fl-inizjattiva BLUEMED. Barra minn hekk se ssaħħaħ l-involviment tagħha fix-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-Baħar l-Iswed taħt is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed.

5.Konklużjoni

L-UE għandha responsabbiltà importanti lejn l-oċeani u l-ibħra. Hija għandha rwol importanti bħala promotur tal-iżvilupp sostenibbli, attur globali fil-qafas tal-governanza tal-oċeani u hija utent tar-riżorsi tal-oċeani. L-UE għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex jiġi żgurat li l-oċeani jkunu bla periklu, siguri, nodfa u ġestiti b’mod sostenibbli, għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli huma impenjati li jtejbu l-governanza tal-oċeani li tiffoka fuq l-oqsma ta’ prijorità deskritti hawn fuq. B’hekk, huma ser jippromwovu s-sinerġiji bejn il-politiki tal-UE u l-istrateġiji li jistgħu jgħinu fit-titjib tal-governanza tal-oċeani, pereżempju, billi tittejjeb is-sigurtà marittima u li jitwieżen l-iżvilupp sostenibbli.

Dawn se jaħdmu mal-Istati Membri, ma' organizzazzjonijiet u sħab internazzjonali, ma' organizzazzjonijiet reġjonali u mal-partijiet ikkonċernati biex javvanzaw l-azzjonijiet proposti u jiġu esplorati aktar modi u mezzi sabiex tissaħħaħ il-governanza internazzjonali tal-oċeani. F’assoċjazzjoni mar-Rappreżentant Għoli, il-Kummissjoni se twaqqaf Forum tal-partijiet ikkonċernati tal-UE ddedikat għall-oċeani u l-ibħra tad-dinja kollha. Hija se tappoġġa s-segwitu ta’ din l-inizjattiva u tiżviluppa djalogu regolari dwar l-isforzi tal-UE biex tittejjeb il-governanza internazzjonali tal-oċeani. L-ewwel laqgħa tal-Forum ser issir fl-2017.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ser jirrapportaw dwar il-progress fuq l-azzjonijiet imsemmija hawn fuq f’intervalli regolari u għall-ewwel darba fi żmien sentejn mill-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni.

(1)  The ocean economy in 2030, OECD Publishing, Paris (2016)
(2)  Climate change 2014 – Impacts, adaptation and vulnerability, IPCC Fifth Assessment Report WGII, il-Kapitlu 6
(3)  L-oċeani u l-kosti huma marbuta ma’ għadd ta’ SDGs, minbarra l-SDG 14 (l-oċeani), dawn jinkludu l-qerda tal-faqar (SDG 1), is-sigurtà tal-ikel u l-agrikoltura sostenibbli (SDG 2), is-saħħa (SDG 3), l-ilma nadif u s-sanità (SDG 6), l-enerġija moderna (SDG 7), it-tkabbir u l-impjiegi (SDG 8), il-klima (SDG 13), l-ekosistemi u l-bijodiversità (SDG 15) u s-sħubiji (SDG 17).
(4)  Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union’s Foreign and Security Policy (it-28 ta’ Ġunju 2016))
(5)  Dawn jinkludu l-OMI għat-tbaħħir, l-ISA għal-estrazzjoni ta’ minerali minn qiegħ il-baħar, il-FAO u l-RFMOs għas-sajd, l-UNEP u l-ftehimiet ambjentali multilaterali, l-RSCs u miżuri oħra ta’ konservazzjoni u użu sostenibbli tal-ambjent tal-baħar u tal-IOC tal-UNESCO għar-riċerka xjentifika tal-baħar. Il-konvenzjoni UNCLOS tipprevedi wkoll mekkaniżmu ġurisdizzjonali għas- soluzzjoni obbligatorja paċifika ta’ kull tilwim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tagħha: It-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar.
(6)  http://ec.europa.eu/dgs/maritimeaffairs_fisheries/consultations/ocean-governance/doc/ocean-governance-summary_en.pdf
(7)  The UN 2030 Agenda for Sustainable Development, il-mira tal-SDG 14.5 u The Strategic Plan 2011-2020, il-Mira tal-Bijodiversità Aichi 11.
(8)  Pereżempju, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika/l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura u l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd /il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu/ il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.
(9)

     European Union Maritime Security Strategy, 11205/14, adottata mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-24 ta’ Ġunju 2014.

(10)  European Union Strategy on the Gulf of Guinea, adottata mill-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta’ Marzu 2014; European Union Strategy on the Gulf of Guinea, adottata mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-14 ta’ Marzu 2014;
(11)  Fil-Golf tal-Guinea (mis-Senegal għall-Angola), l-UE żviluppat Strateġija fl-2014 u Pjan ta’ Azzjoni fl-2015, li jsegwu l-“approċċ komprensiv” biex jappoġġa l-inizjattiva, immexxija mill-Afrika, tal-proċess ta’ Yaoundé, deċiż mill-Kapijiet tal-Istati tal-Afrika tal-Punent u tal-Afrika Ċentrali f’Ġunju 2013.
(12) Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Politika integrata tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku (JOIN(2016) 21 final).
(13) Pereżempju, l-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar; Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu, il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
(14)

     CBD COP XII/23;

https://www.cbd.int/decision/cop/default.shtml?id=13386

(15)  https://cites.org/eng/res/index.php
(16) Fost oħrajn, permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Persunal tal-Bastimenti tas-Sajd tal-IMO, 1995 (STCW-F)
(17) Din tinkludi: Ħidma fuq approċċ ikkoordinat fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà marittima f’fora internazzjonali (pereżempju, in-NU, il-G7 u l-G20) u peremzz ta’ djalogi ta’ livell għoli; it-tisħiħ u l-appoġġ tar-reazzjonijiet reġjonali tal-UE fil-qasam marittimu (pereżempju, l-operazzjoni ta’ Atalanta kontra l-piraterija fl-Oċean Indjan u l-operazzjoni EUNAVFOR MED Sophia fil-Mediterran biex jiġu miġġielda n-netwerks ta’ kuntrabandu u traffikar); u l-bini ta’ kapaċità tas-sigurtà marittima ma’ pajjiżi mhux membri tal-UE u organizzazzjonijiet reġjonali.
(18)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE.
(19) Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri. MARPOL 73/78
(20) COM(2015) 636 final
(21) Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija
(22)  Id-Direttiva dwar l-ISM tal-UE tal-2014, il-Komunikazzjoni tal-2008 dwar l-approċċ tal-UE lejn l-ISM u l-linji gwida tal-UNESCO dwar l-ISM stabbilixxew għadd ta’ elementi li jappoġġaw l-iżvilupp tal-MSP.
(23) OECD.  (2016), The Ocean Economy in 2030, OECD Publishing, Paris.
(24) RFMOs, RSCs (Il-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar tal-Grigal tal-Atlantiku - il-Konvenzjoni OSPAR) dwar l-MPAs, l-OMI dwar żona ta’ baħar partikolarment sensittiva (Particularly Sensitive Sea Area (PSSA)); Id-diskussjonijiet dwar l-MPAs fl-ABNJs huma parti min-negozjati tal-BBNJ.
(25) L-inklużjoni permezz tal-proġetti ffinanzjati mill-UE, bħall-programm pilota tal-PE dwar il-kooperazzjoni transatlantika dwar l-MPAs. 
(26) http://www.japan.go.jp/g7/_userdata/common/data/20160517communique.pdf   
(27) Il-Komunikazzjoni dwar Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa (COM(2015) 192, 6.5.2015).