IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.6.2016
JOIN(2016) 29 final
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.6.2016
JOIN(2016) 29 final
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali
1. KUNTEST
Id-diversità kulturali hija parti integrali mill-valuri tal-Unjoni Ewropea. L-UE hija impenjata sew biex tippromwovi ordni globali bbażata fuq il-paċi, l-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, il-fehim reċiproku u r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, il-promozzjoni tad-diversità permezz ta’ relazzjonijiet kulturali internazzjonali hija parti importanti tar-rwol tal-UE bħala attur globali. Din tinvolvi impenn kemm għall-promozzjoni ta' "relazzjonijiet kulturali internazzjonali", permezz tal-appoġġ u l-assistenza li l-UE tipprovdi lil pajjiżi terzi, u l-appoġġ tal-promozzjoni tal-Unjoni u d-diversi kulturi tal-Istati Membri tal-UE permezz ta' "diplomazija kulturali." Bħala msieħba ewlenija tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-UE tikkopera mill-qrib mal-UNESCO 1 għas-salvagwardja tal-patrimonju kulturali dinji.
L-UE għandha ħafna x’toffri lid-dinja: id-diversità tal-espressjonijiet kulturali, il-ħolqien artistiku ta’ kwalità għolja u industrija kreattiva vibranti. Hija wkoll tista’ tibbenefika bil-kbir minn aktar skambji mal-bqija tad-dinja. Fl-istess ħin, l-esperjenza tal-UE tad-diversità u l-pluraliżmu hija vantaġġ konsiderevoli biex tippromwovi politiki kulturali bħala xprunaturi għall-paċi u l-iżvilupp soċjoekonomiku f'pajjiżi terzi. Din il-Komunikazzjoni Konġunta tispjega l-kontribut li l-Unjoni diġà tagħmel fir-rigward tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali u tipproponi modi biex jiġu żviluppati r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali tal-UE sabiex tavvanza l-objettivi tal-Unjoni biex tippromwovi l-paċi u l-istabbiltà internazzjonali, tissalvagwardja d-diversità, u tistimula l-impjiegi u t-tkabbir.
Fl-2007, il-Kummissjoni pproponiet "Aġenda Ewropea għal Kultura f’dinja li qed tiġi gglobalizzata" (European Agenda for Culture in a globalising world) 2 , li tinkludi l-promozzjoni tal-kultura fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni. Minn dak iż-żmien, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u l-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) joħloq struttura ġdida, li tista’ tkompli ssaħħaħ il-kontribut tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali. F’dawn l-aħħar snin, l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili talbu għal approċċ aktar koordinat tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali 3 . F'Novembru 2015, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex iħejju "approċċ strateġiku għall-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, li juri għal dan l-għan sett ta' prinċipji gwida." 4 Kif xieraq, din il-Komunikazzjoni Konġunta tipproponi prinċipji bħal dawn, kif ukoll approċċ tal-UE aktar strateġiku lejn diplomazija kulturali.
Bħala firmatarja tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali 5 , l-UE hija impenjata lejn il-promozzjoni tad-diversità tal-espressjoni kulturali bħala parti mill-politika tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali. Dan jirrifletti u jippromwovi l-valuri fundamentali tal-UE, bħad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u l-istat tad-dritt, kif ukoll id-diversità kulturali u lingwistika 6 . B’mod partikolari, il-kultura u d-djalogu interkulturali, jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati sfidi globali ewlenin — bħalma huma l-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta’ kunflitti, l-integrazzjoni tar-refuġjati, il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti, u l-ħarsien tal-wirt kulturali. Mal-Komunikazzjoni tal-2014 dwar il-Wirt Kulturali 7 , l-UE affermat mill-ġdid l-impenn tagħha biex tipproteġi l-wirt kulturali, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO. Din il-ħidma tibqa’ urġenti fid-dawl tal-qerda tal-wirt kulturali f’żoni ta’ kunflitt bħall-Iraq, is-Sirja u l-Afganistan.
L-iskambji kulturali jistgħu jġibu wkoll benefiċċji ekonomiċi. Il-kummerċ globali rigward prodotti kreattivi aktar milli rdoppja bejn l-2004 u l-2013 8 , filwaqt li l-kultura hija element ċentrali fl-ekonomija l-ġdida xprunata mill-kreattività, l-innovazzjoni u l-aċċess għall-għarfien. L-industriji tal-kultura u l-kreattività jirrapreżentaw madwar 3% tal-PDG globali u 30 miljun impjieg 9 . Fl-UE biss, dawn l-industriji joħolqu aktar minn seba' (7) miljun impjieg 10 . Bl-istess mod, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, is-setturi kulturali u kreattivi jagħtu kontribut sostanzjali għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir inklużiv. Il-kultura tista’ għalhekk tgħin biex tippromwovi l-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività kemm fl-UE kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha. Dan huwa rikonoxxut fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU 11 , li tisħaq li l-kultura, inklużi tal-wirt kulturali dinji u industriji kreattivi, jista' jkollhom rwol importanti fil-kisba tal-iżvilupp inklużiv u sostenibbli. Il-kultura għaldaqstant hija fost l-iktar setturi importanti promossi bħala parti mill-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE.
Ir-relazzjonijiet kulturali tal-Ewropa ma' pajjiżi oħra diġà huma b'saħħithom. L-Istati Membri diġà għandhom rabtiet kulturali estensivi u persistenti internazzjonali u l-Ewropa tgawdi minn fama tajba mad-dinja kollha għat-tradizzjonijiet kulturali tagħha u l-ħolqien. Skont talbiet mill-Kunsill u l-Parlament 12 , azzjoni kkoordinata tal-UE, fuq il-bażi ta’ "komplementarjetà intelliġenti", tista' tikkontribwixxi biex jissaħħu dawn ir-rabtiet permezz tal-ħolqien ta’ sinerġiji, il-ġbir tar-riżorsi, l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni u l-għoti ta’ aktar viżibilità lil dawn l-iskambji u l-azzjonijiet kulturali 13 .
Din il-Komunikazzjoni Konġunta tipproponi strateġija tal-UE għal Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali li jiffokaw fuq it-tmexxija ‘l quddiem tal-kooperazzjoni kulturali ma’ pajjiżi sħab fuq tliet oqsma ewlenin: l-appoġġ għall-kultura bħala mutur għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli; il-promozzjoni tal-kultura u djalogu interkulturali għal relazzjonijiet interkomunitarji paċifiċi; ir-rinfurzar tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-wirt kulturali. Filwaqt li tfittex li tikseb dawn l-objettivi, ir-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali tal-UE se jikkontribwixxu biex l-UE ssir attur globali aktar b’saħħtu — prijorità ewlenija għal din il-Kummissjoni kif ukoll tar-Rappreżentant Għoli li jmiss tal-Istrateġija Globali.
2. PRINĊIPJI TA’ GWIDA GĦAL AZZJONI TAL-UE
Il-prinċipji li ġejjin għandhom jiggwidaw l-azzjoni tal-UE fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali:
(a) Promozzjoni tad-diversità kulturali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem
L-UE hija impenjata bis-sħiħ biex titrawwem id-diversità kulturali, li tista’ tiġi protetta u promossa biss jekk id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jkunu żgurati. Dawn id-drittijiet fundamentali jikkostitwixxu s-sisien essenzjali għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-paċi, l-istabbiltà, l-iżvilupp inklużiv sostenibbli u l-parteċipazzjoni fl-affarijiet pubbliċi. L-Istati għandhom obbligu li jirrispettaw, jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet għal-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni, inkluża l-espressjoni artistika. F’dan ir-rigward, u b’konformità mal-obbligi tagħha skont il-liġi tal-UE u dik internazzjonali 14 , l-UE hija għalhekk impenjata biex tippromwovi approċċ tolleranti u pluralistiku tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali 15 .
(b) Trawwim ta' Rispett Reċiproku u Djalogu Interkulturali
Sabiex jinħoloq bis-sħiħ il-potenzjal tar-rwol ta' tqarrib tal-kultura fir-relazzjonijiet internazzjonali, huwa neċessarju li wieħed imur lil hinn mill-projettar tad-diversità tal-kulturi Ewropej u jimmira li jiġi ġġenerat spirtu ġdid ta’ djalogu, smigħ u tagħlim reċiproku, bini tal-kapaċità u solidarjetà globali reċoproċi 16 tar-relazzjonijiet Kulturali li jikkunsidraw id-differenzi reġjonali u sensittivitajiet lokali, filwaqt li jadattaw l-azzjoni skont il-kuntesti kulturali partikolari u interessi. Peress li persuni ta' spiss huma involuti b'mod transfruntier permezz ta’ għodda diġitali, il-komunikazzjoni bejn in-nies għandha tiġi mħeġġa biex isseħħ taħt kondizzjonijiet tar-rispett u l-ugwaljanza u fi spirtu ta’ sħubija. Ir-reċiproċità, it-tagħlim reċiproku u l-kokreazzjoni għandhom jirfdu r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali tal-UE.
(c) Jiġi żgurat ir-rispett għal Komplementarjetà u Sussidjarjetà
L-istrateġija proposta tal-UE għal Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali tibqa’ fi ħdan ir-rispett sħiħ tal-kompetenzi rispettivi tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fil-qasam tal-kultura l-Unjoni għandu jkollha l-kompetenza li twettaq azzjonijiet biex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri. L-Artikolu 167(3) tat-TFUE jistqarr li l-Unjoni u l-Istati Membri jrawmu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-isfera tal-kultura. Barra minn hekk, f'konformità mal-Artikolu 167(4) TFUE, l-Unjoni tikkunsidra l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha taħt dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattati. Fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkumplimentaw u jirrinforzaw lil xulxin (Artikolu 208 TFUE). B’rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-UE taġixxi sabiex tippromwovi relazzjonijiet kulturali internazzjonali meta din tista’ tkun aktar effikaċi minn azzjoni meħuda fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Il-Konklużjonijiet Riċenti tal-Kunsill dwar il-Kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE nnutaw li hemm "ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar tal-isforzi lejn approċċ Ewropew strateġiku." 17 Għaldaqstant, l-UE tista' taġixxi bħala faċilitatur u tikkontribwixxi billi tħeġġeġ is-sinerġiji u l-kooperazzjoni bejn l-istituti u l-fondazzjonijiet kulturali nazzjonali, kif ukoll bejn l-intrapriżi privati u pubbliċi madwar id-dinja kollha, kif xieraq.
(d) Tħeġġiġ għal approċċ trasversali għall-kultura
Il-kultura mhix biss dwar l-arti u l-letteratura. Il-kultura tinkludi firxa wiesgħa ta' politiki u attivitajiet, mid-djalogu interkulturali għat-turiżmu, mill-edukazzjoni u r-riċerka għall-industriji kreattivi, mill-protezzjoni tal-wirt kulturali għall-promozzjoni ta' industriji kreattivi u teknoloġiji ġodda, u mis-snajja għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp. L-istrateġija proposta b’hekk tħeġġeġ opportunitajiet għall-promozzjoni tal-kultura fi ħdan il-linji ta’ politiki esterni tal-UE. Il-kultura hija wkoll element ewlieni għall-iżvilupp sostenibbli billi s-settur kreattiv jista’ jippromwovi r-rikonċiljazzjoni, it-tkabbir u l-libertà tal-espressjoni li fuqhom jistgħu jinbnew libertajiet fundamentali oħra.
(e) Promozzjoni tal-kultura permezz ta' oqfsa eżistenti għal kooperazzjoni 18
Biex tiġi żgurata l-koerenza tal-politika u tiġi evitata d-duplikazzjoni, l-aktar mod effettiv biex tiġi promossa l-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE hija l-użu ta’ oqfsa ta’ kooperazzjoni eżistenti u strumenti finanzjarji eżistenti. L-UE żviluppat oqfsa mfassla apposta għal kooperazzjoni tematika u ġeografika, kif ukoll strumenti finanzjarji ddedikati:
Programmi tematiċi
Strument ta’ Sħubija (PI) wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li jsaħħaħ "l-għarfien u l-viżibbiltà wiesgħa tal-Unjoni... permezz ta’ diplomazija pubblika, kuntatti bejn il-persuni, kooperazzjoni fi kwistjonijiet edukattivi u akkademiċi, gruppi ta’ riflessjoni u attivitajiet ta’ komunikazzjoni għall-promozzjoni tal-valuri u l-interessi tal-Unjoni." 19
Strument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) dan jipprovdi assistenza għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Wieħed mill-għanijiet ta’ dan l-istrument huwa li jippromwovi l-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni, inklużi l-espressjoni politika, artistika u kulturali 20 .
Il-Programm dwar il-Beni u l-Isfidi Pubbliċi Globali taħt l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) għandu l-għan taħt il-komponent tal-iżvilupp uman tiegħu li jippromwovi d-diversità kulturali u r-rispett għad-dinjità ugwali tal-kulturi kollha. Ser jistimula l-kontribut ta’ industriji kulturali għal tkabbir ekonomiku f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali).
Strument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) dan għandu l-għan li jippromwovi l-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-rispons għall-kriżi, il-konsolidazzjoni tal-paċi sabiex jindirizza theddid globali u transreġjonali: organizzazzjonijiet kulturali huma inklużi fid-definizzjoni ta’ soċjetà ċivili għal finanzjament taħt dan l-istrument 21 .
Programm Ewropa Kreattiva: dan għandu l-għan, inter alia, li “jiġi promoss il-wirt kulturali tal-Ewropa u li jsaħħaħ il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej” u l-programm huwa "miftuħ ukoll għal azzjonijiet ta’ kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali ma’ pajjiżi terzi.” 22
Oqfsa ġeografiċi għal kooperazzjoni
Il-Politika tat-Tkabbir: bħala pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, il-Punent tal-Balkani 23 u t-Turkija għandhom post u importanza speċjali fil-politiki esterni tal-UE. Il-politiki tal-UE fil-qasam tal-kultura huma parti mill-“acquis tal-UE” li l-kandidati jridu jimplimentaw bħala parti min-negozjati tal-Kapitolu 26 dwar l-Edukazzjoni u l-Kultura. F’dan il-kuntest, ir-reġjun jirċievi appoġġ taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA). L-UE ilha tappoġġa proġetti kulturali fil-Punent tal-Balkani biex tippromwovi d-djalogu interkulturali, ir-rikonċiljazzjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiku. Fil-kuntest tal-“Proċess ta’ Ljubljana I u II”, f'azzjoni mwettqa b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa, ġew investiti riżorsi sinifikanti fir-riabilitazzjoni ta’ wirt kulturali fl-Ewropa tax-Xlokk. 24 L-organizzazzjonijiet kulturali fil-pajjiżi tat-Tkabbir ibbenefikaw minn kooperazzjoni tal-politika tal-UE biex bnew il-kapaċitajiet tagħhom kif ukoll ipparteċipaw bis-sħiħ fil-Programmi ta' Kultura u Ewropa Kreattiva 25 . Il-Pajjiżi tat-Tkabbir qed jiffaċċjaw sfidi ġodda, inkluża l-integrazzjoni ta’ migranti li jkunu għadhom kif waslu, fejn id-djalogu interkulturali jista’ jippromwovi r-rikonċiljazzjoni u soċjetajiet inklużivi u demokratiċi, u jgħinu fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni. L-UE għandha tkompli taħdem partikolarment mill-qrib mal-pajjiżi tat-Tkabbir biex jipproteġu l-wirt kulturali tagħhom, jippromwovu l-iżvilupp tal-industriji kulturali u kreattivi, u jrawwmu l-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi kulturali eżistenti tal-UE.
Politika Ewropea tal-Viċinat: il-PEV tmexxi r-relazzjonijiet tal-UE ma’ 16-il pajjiż tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar. Approċċ bilaterali differenzjat għal kull pajjiż sħab huwa kkumplimentat minn inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali fin-Nofsinhar tal-Mediterran 26 u tas-Sħubija tal-Lvant 27 . Differenzjar politiku, ekonomiku u kulturali u sjieda reċiproka akbar huma elementi ewlenin tal-PEV imġedda 28 . Il-Pjattaforma 4 tas-Sħubija tal-Lvant isservi bħala forum għal kooperazzjoni msaħħa u djalogu politiku f’oqsma bħall-edukazzjoni, iż-żgħażagħ (inklużi l-impjegabbiltà), il-kultura u l-kreattività, ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-soċjetà tal-informazzjoni, il-politika awdjoviżiva, filwaqt li programmi speċifiċi jappoġġaw il-bini ta’ kapaċità. Fin-Nofsinhar tal-Mediterran, l-UE tappoġġa l-kooperazzjoni kulturali permezz ta' programmi reġjonali fil-qasam tal-wirt kulturali u awdjoviżiv, iżda anki permezz ta' attivitajiet bilaterali. Ħafna pajjiżi tal-PEV qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi bħal tensjoni politika, inkwiet ekonomiku, radikalizzazzjoni vjolenti u flussi migratorji. Partikolarment f'dan il-kuntest, il-kooperazzjoni kulturali u l-iskambju fir-rigward tal-politiki kulturali jistgħu jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni. Pereżempju, l-Istrument Ewropew tal-Viċinat qed jipprovdi EUR 17-il miljun bejn l-2014 u l-2017 biex jappoġġa l-midja u l-kultura għall-iżvilupp fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran 29 . Barra minn hekk, il-preservazzjoni tal-kultura u tal-wirt kulturali hija appoġġata b’ħames programmi ta’ koperazzjoni transfruntier (CBC) 30 .
Kooperazzjoni għall-Iżvilupp: L-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) għandu l-għan li jnaqqas il-faqar u jrawwem żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli kif ukoll il-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem 31 . Dan jinkludi tliet komponenti speċifiċi: i) programmi ġeografiċi li jappoġġaw il-kooperazzjoni ma' madwar 47 pajjiż li qed jiżviluppaw fl-Amerika Latina , in-Nofsinhar tal-Asja l-Asja ta' Fuq u tax-Xlokk, l-Asja Ċentrali , l-Afrika Ċentrali tal-Lvant u tan-Nofsinhar; ii) il-Programm Pan-Afrikan għadu kif ġie stabbilit biex jappoġġa s-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Afrika. Diversi taqsimiet tar-Regolament tad-DCI jirrikonoxxu r-rwol tal-kultura.
Il-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou ffirmat f’Ġunju 2000 32 ipprovda qafas ta' għoxrin sena għall-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (il-Pajjiżi AKP). Skont dan il-ftehim, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) jiffinanzja programmi kulturali li huma ġestiti u implimentati mis-Segretarjat tal-Grupp ta’ Stati AKP. Id-disa' (9) proġetti ffinanzjati tal-FEŻ biex jissaħħu l-kapaċitajiet tekniċi, finanzjarji u maniġerjali tal-industriji kreattivi fil-pajjiżi tal-AKP, u b’mod aktar speċifiku biex jiġu żviluppati u strutturati l-industriji taċ-ċinema u awdjoviżivi tal-Istati AKP (EUR 14-il miljun). Minn hemm 'il quddiem, il-Kulturi AKP+ (EUR 30 miljun taħt l-10 FEŻ) kif kontribwit għall-ġlieda kontra l-faqar bit-trawwim ta' industriji kulturali sostenibbli. Il-Programm Intra-AKP attwali jkompli jappoġġa l-industriji kulturali u kreattivi (EUR 40 miljun taħt il-11-il FEŻ fil-perjodu 2014–2020). Il-Kummissjoni bħalissa qed tesplora l-qafas li jirregola r-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-AKP wara l-iskadenza tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou. Preparazzjonijiet għal reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp jinsabu għaddejjin.
3. L-AVVANZAR TAL-KOOPERAZZJONI KULTURALI MA’ PAJJIŻI SĦAB
Bħala parti tal-Istrateġija proposta tal-UE għal Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli pproponew dawn it-tliet linji ta’ ħidma biex javvanzaw ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali ma’ pajjiżi sħab:
l-appoġġ għall-kultura bħala mutur għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku
il-promozzjoni tal-kultura u djalogu interkulturali għal relazzjonijiet interkomunitarji paċifiċi
tisħiħ tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-wirt kulturali
3.1. L-appoġġ għall-kultura bħala mutur għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku
(a) L-appoġġ għall-iżvilupp tal-politiki kulturali
Il-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali 33 tenfasizza "il-ħtieġa li l-kultura tkun inkorporata bħala element strateġiku fil-politiki tal-iżvilupp nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp internazzjonali." Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-libertà ta' espressjoni li huma mrawma mill-kultura jipprovdu appoġġ importanti għal proċessi ta' demokratizzazzjoni u żvilupp soċjoekonomiku. Għaldaqstant, l-UE għandha tgħin lill-pajjiżi sħab biex jintegraw il-kultura fil-politiki nazzjonali. L-UE taħdem biex tavvanza r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 billi ssaħħaħ id-djalogi dwar il-politika ma’ pajjiżi sħab kif ukoll is-sistemi ta’ governanza.
Skambji ta' esperjenzi mal-pajjiżi tat-tkabbir u tal-viċinat: l-UE ser tuża strutturi eżistenti għal djalogu bilaterali jew multilaterali biex taqsam l-esperjenzi u r-riżultati, inklużi inizjattivi bħal pereżempju l-Kapitali Ewropej tal-Kultura. Il-Kummissjoni ser tippromwovi l-użu ta' strumenti bħat-TAIEX 34 u l-ġemellaġġ fil-qasam tal-kultura.
It-tisħiħ tal-politiki kulturali: fil-Viċinat tan-Nofsinhar, il-Med Culture (2014-2018) qed jappoġġa l-pajjiżi sħab fl-iżvilupp tal-politiki u l-prattiċi kulturali, filwaqt li l-MedFilm, programm ġdid ta' tliet snin għall-bini tal-kapaċità jgħin lil produtturi tal-films biex jindirizzaw kwistjonijiet sensittivi fuq livell reġjonali 35 .
(b) It-tisħiħ tal-industriji kulturali u kreattivi
Bħala settur ekonomiku dinamiku, l-industrija kulturali u kreattiva toħloq ħafna impjiegi ta’ kwalità u tippromwovi t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. L-investimenti fi proġetti kulturali jiġġeneraw qligħ kbir u jikkontribwixxu għall-kompetittività, l-attrattività u l-koeżjoni soċjali tal-ibliet u r-reġjuni 36 . Aktar minn 70 reġjun tal-UE għażlu l-industriji tal-kultura u dawk kreattivi bħala prijorità fl-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom, filwaqt li rrikonoxxewhom bħala xprunaturi tat-tkabbir reġjonali u l-impjiegi lokali.
Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-Indikaturi tal-Kultura għall-Iżvilupp (CDIS - Culture for Development Indicators) tal-UNESCO juru li l-kultura tikkontribwixxi bejn 1,5 % u 5,7 % tal-PDG f'pajjiżi bi dħul baxx u medju - u dan jirrifletti differenzi fil-qafas tal-politika u dak istituzzjonali, fil-livell ta' parteċipazzjoni soċjali u edukazzjoni u fil-grad ta' libertà tal-espressjoni. Pereżempju, f'Burkina Faso aktar minn 170 000 individwu (madwar 2% tal-popolazzjoni attiva), għandhom okkupazzjonijiet relatati mal-kultura. Kull pajjiż għandu l-vantaġġi tiegħu: mill-industrija taċ-ċinema fin-Niġerja, għall-mużika fil-Karibew u t-turiżmu kulturali fil-Lvant Nofsani. Biex tappoġġa aktar progress, l-UE tista’ taqsam l-għarfien espert dwar żvilupp ulterjuri ta’ ħiliet rilevanti u qafas regolatorju sod.
Iż-żieda fid-dħul ekonomiku minn industriji kreattivi: Il-11-il programm FEŻ għall-kooperazzjoni Intra-AKP ser jappoġġa l-kontribut tal-industriji kulturali lejn l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiżi tal-AKP (EUR 40 miljun, 2014-2020)
Hubs u ragruppamenti kreattivi: fl-industriji kulturali globali, il-kokreazzjoni hija t-triq 'il quddiem. L-atturi kulturali Ewropej u internazzjonali oħra għandhom isibu modi ġodda biex jikbru u jirbħu udjenzi globali. Hubs u ragruppamenti kreattivi qed jiġu stabbiliti f'reġjuni differenti:
Il-Fondazzjoni Asja-Ewropa 37 hija kofinanzjata mill-UE u tappoġġa l-Hubs Kulturali u Kreattivi Asja-Ewropa taħt il-Programm "Netwerks Kreattivi".
Fin-Nofsinhar tal-Mediterran: l-UE tappoġġa proġett biex jiġu żviluppati raggruppamenti fl-industriji kulturali u kreattivi (2013-17) mal-UNIDO (United Nations Industrial Development Organisation - Organizzazzjoni għall-Iżvilupp Industrijali tan-Nazzjonijiet Uniti).
Fl-2016, l-UE nediet azzjoni taħt il-programm Ewropa Kreattiva biex tiżviluppa Netwerk Ewropew ta' Hubs Kreattivi 38 , li jinkludi l-pajjiżi kollha li jieħdu sehem f'"Ewropa Kreattiva" (inkluża s-Serbja, il-Molodova, it-Turkija, il-Georġia u l-Ukrajna).
Mill-2016, proġett pilota tal-UE qed jappoġġa n-netwerk bejn intraprendituri kreattivi u kulturali żgħażagħ mill-UE u minn pajjiżi terzi. Il-pjattaforma ser tinkludi servizzi bħal assistenza professjonali (coaching), attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari, konferenzi dwar suġġetti speċifiċi, żjarat ta' studju u laqgħat ma' investituri potenzjali mad-dinja kollha 39 .
L-intraprenditorija u l-iżvilupp tal-ħiliet: il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ 40 ser tkompli taħdem fuq l-iżvilupp tal-ħiliet għall-industriji kulturali u kreattivi. Il-programm Kulturi AKP+ għandu l-għan li jibni l-kapaċitajiet tal-professjonisti fil-qasam kulturali fil-pajjiżi AKP 41 . L-UE timmira li trawwem opportunitajiet fis-suq għal prodotti u servizzi kulturali, li tħeġġeġ l-innovazzjoni u professjonijiet ġodda fit-teknoloġiji moderni, filwaqt li tappoġġa t-taħriġ ta’ professjonisti kreattivi.
Appoġġ għal Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs): Pereżempju, bħala parti mill-programmi Gateway imnedija fl-2016, il-Kummissjoni tista’ tappoġġa SMEs kreattivi fil-Korea t’Isfel u l-Asja tax-Xlokk permezz ta’ missjonijiet kummerċjali u servizzi ta’ appoġġ, inkluż coaching u appoġġ loġistiku u finanzjarju.
Oqfsa ta' kooperazzjoni territorjali strutturati: hemm bosta eżempji ta’ kif il-kultura tista’ tgħaqqad reġjuni diversifikati, tikkontribwixxi għal turiżmu sostenibbli u tippreserva u tippromwovi l-kwalità ambjentali u l-effiċjenza enerġetika. 42 L-istrateġiji kollha jindirizzaw il-kultura bħala investiment għat-tkabbir u l-impjiegi u bħala pilastru ta' attività ekonomika taħt l-għan ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea.
(c) Appoġġ għar-rwol tal-awtoritajiet lokali f'pajjiżi sħab
Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura u r-Rapport dwar il-Kultura tal-Bliet Dinjin 2015 43 juru r-ritorn eċċellenti - f'termini ta' tkabbir u koeżjoni soċjali - għall-ibliet u awtoritajiet lokali oħrajn li jinvestu fil-kultura. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni qiegħed ukoll jiżviluppa għodda għall-monitoraġġ ta' inizjattivi kulturali u kreattivi fil-livell tal-ibliet, li ser jappoġġa investimenti aktar immirati u tagħlim mill-aħjar prattiki. L-istudju estern riċenti li jagħti stampa tal-azzjonijiet kulturali kurrenti u prospettivi għal żvilupp 44 ikkonferma li l-attivitajiet kulturali jagħtu spinta lid-dinamiċi tal-iżvilupp lokali, xejn inqas f'żoni rurali fejn il-ħiliet tradizzjonali u l-arti jgħinu biex itaffu l-faqar.
L-approċċ tal-UE għall-iżvilupp urban sostenibbli jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-kultura u jikkunsidra li d-disponibbiltà ta' spazju pubbliku għaċ-ċittadini kollha hija essenzjali. Pereżempju, fil-pajjiżi tal-Amerika Latina, l-UE ppromwoviet id-distribuzzjoni ta' programmi awdjoviżivi bħala mezz biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet soċjali li jirriżultaw minn inugwaljanzi fir-reġjuni urbanizzati. Eżempju ieħor fl-Afrika juri kif l-arti u l-arkitettura jistgħu jagħmlu l-iżvilupp urban inklużiv u sostenibbli 45 .
Sħubijiet innovattivi: iffinanzjati taħt l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), din l-inizjattiva mal-awtoritajiet lokali tiffoka b’mod speċjali fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati fosthom kuntesti demokratiċi fraġli jew pajjiżi fejn id-drittijiet kulturali huma mhedda. Proġett ieħor taħt il-programm indikattiv Pluriennali għall-Amerika Latina għandu l-għan li jiżviluppa r-rwol tal-kultura u l-arti favur il-koeżjoni soċjali f'ibliet tal-Amerika Latina. Il-proġett jiffaċilita l-iskambji u azzjonijiet konġunti bejn l-UE u l-Amerika Latina biex jintegraw aħjar il-politiki u l-inizjattivi kulturali fl-istrateġiji tal-iżvilupp urban, li jibnu fuq proġetti li rnexxew li jappoġġaw il-koeżjoni soċjali.
Appoġġ għal ġemellaġġ tal-ibliet kulturali: Il-Kummissjoni tippromwovi r-rwol tal-ibliet bħala hubs ta' innovazzjoni u l-aħjar prattika permezz tal-ġemellaġġ tal-bliet u s-siti kulturali li jikkondividu problemi soċjali, ekonomiċi u ambjentali simili kif ukoll opportunitajiet għall-iżvilupp. Il-Kummissjoni sejra tniedi programmi reġjonali mal-Amerika Latina (b'mod partikolari mal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew, CELAC) biex tippromwovi l-koeżjoni soċjali permezz tal-kultura u l-arti fi bliet kbar 46 .
Is-Sehem Kapitali tal-Kultura: il-Kummissjoni se taqsam l-esperjenzi ma’ pajjiżi sħab dwar il-Kapitali Ewropej tal-Kultura, li jtejbu l-wirt kulturali u, b’hekk jissaħħaħ l-appoġġ għall-iżvilupp lokali u reġjonali.
Strateġiji urbani f'villaġġi storiċi: iffinanzjati taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI), l-UE tappoġġa muniċipalitajiet fl-iżvilupp ta’ strateġiji għar-rijabilitazzjoni ta’ bliet storiċi.
3.2. Il-promozzjoni tal-kultura u d-djalogu interkulturali għal relazzjonijiet interkomunitarji paċifiċi
Id-djalogu interkulturali, inkluż id-djalogu interreliġjuż, jista' jgħin biex jippromwovi l-bini ta' soċjetajiet ġusti, paċifiċi u inklużivi li jgħożżu d-diversità kulturali u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Billi tiġi stabbilita bażi komuni u ambjent favorevoli għal aktar skambji, djalogi interkulturali jistgħu jtaffu t-tensjonijiet, jipprevjenu kriżijiet milli jeskalaw, jippromwovu r-rikonċiljazzjoni nazzjonali, u jinkoraġġixxu narrattivi ġodda fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni. Din it-taqsima tħares lejn kif l-UE tista' tippromwovi direttament id-djalogu interkulturali permezz ta' proġetti ta' kooperazzjoni kulturali, koħolqien, skambji diretti bejn in-nies, dibattitu soċjali u bini tal-paċi.
(a) Appoġġ għal kooperazzjoni fost l-operaturi kulturali
Il-kooperazzjoni, id-djalogu u l-mobbiltà fost l-operaturi kulturali u l-artisti huma aspetti ċentrali tad-djalogu interkulturali. Iċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet artistiċi u produzzjonijiet kulturali bejn il-pajjiżi xxerred ideat ġodda, tistabbilixxi rabtiet diretti u indiretti, u trawwem l-innovazzjoni. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni kulturali mas-sħab tal-UE jista' jgħin biex l-"ispazju kulturali Ewropew" jinfetaħ għal atturi u udjenzi kulturali ġodda.
Inkoraġġiment għall-parteċipazzjoni f’Ewropa Kreattiva: filwaqt li l-pajjiżi kollha ta' Tkabbir diġà jistgħu jipparteċipaw, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-pajjiżi PEV biex jingħaqdu fil-programm Ewropa Kreattiva (il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina diġà qed jieħdu sehem) 47 . Ewropa Kreattiva tippermetti lill-operaturi kulturali u kreattivi mill-pajjiżi PEV biex jaħdmu flimkien ma' kontropartijiet mill-Ewropa kollha u biex ikollhom aċċess għal finanzjament għal proġetti ta' kooperazzjoni kulturali u biex jingħaqdu ma' netwerks kulturali Ewropej.
Promozzjoni tal-Kultura fis-Sħubija tal-Lvant: Wara s-suċċess tal-Programm I li dam mill-2015-2011, il-Programm Kulturali tas-Sħubija tal-Lvant II (li jinvolvi l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina) se jkompli jiżviluppa ħiliet u kapaċitajiet tal-operaturi kulturali matul perjodu ta’ tliet snin. Dan ser jipprova jappoġġa inizjattivi reġjonali fejn il-kultura tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku, l-inklużjoni soċjali, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt u d-djalogu interkulturali.
Appoġġ għall-Fondazzjoni Anna Lindh: il-Fondazzjoni Anna Lindh u n-netwerk tagħha ta' aktar minn 4,000 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-42 pajjiż tal-Unjoni għall-Mediterran ser tkompli tibbenefika mill-appoġġ politiku u l-għodda tal-UE għall-promozzjoni tal-iskambju kulturali.
(b) Tħaddin ta' bini tal-Paċi permezz ta' Djalogu Interkulturali
Id-djalogu interkulturali huwa għodda ewlenija fil-prevenzjoni tal-kunflitti u l-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni u l-fehim reċiproku f'sitwazzjonijiet ta' wara kunflitt. L-UE tappoġġa kooperazzjoni prammatika u djalogu interkulturali bejn il-kulturi u s-soċjetajiet differenti. Tappoġġa wkoll il-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-popli u l-minoranzi. Eżempji ta’ suċċess huma partikolarment il-progress tal-Bożnija-Ħerzegovina lejn l-integrazzjoni mal-UE u ftehimiet prammatiċi milħuqa fil-qafas tad-Djalogu Belgrad-Pristina.
Strument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) — l-UE se żżid l-appoġġ tagħha għad-djalogu interkulturali f’sitwazzjonijiet ta’ qabel u ta’ wara l-kunflitti.
Id-djalogu interkulturali fost iż-żgħażagħ: L-UE ser tiffaċilita d-djalogu interkulturali fost l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-Ewropa u lil hinn minnha (inkluż permezz ta' programmi bħall-Fellowships tas-Soċjetà Ċivili tal-Viċinat). B'mod partikolari, l-UE ser tappoġġa t-tieni fażi tal-programm Young Arab Voices (li issa twessa' għar-reġjun Ewro-Mediterranju) biex tapprofondixxi d-djalogu bejn mexxejja żgħażagħ u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tiġġieled l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni vjolenti.
It-taħriġ għal osservaturi ta’ Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali u ta’ persunal li jkun ser jiġi skjerat f’missjonijiet ta’ stabbilizzazzjoni ċivili: sabiex jiġi żgurat għarfien sħiħ ta’ sensitivitajiet kulturali lokali prevalenti, se jiġu pprovduti korsijiet ta’ taħriġ.
Promozzjoni tad-drittijiet kulturali: inklużi d-drittijiet ta' identità lokali u indiġeni, kif ukoll ir-rwol tad-difensuri tad-drittijiet kulturali, skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali 48 , inklużi d-drittijiet tal-popli indiġeni, kif definit fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) 49 .
3.3 Infurzar tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-wirt kulturali
Il-wirt kulturali huwa manifestazzjoni importanti ta’ diversità kulturali li jeħtieġ li jiġi protett. Ir-rijabilitazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali jiġbdu t-turiżmu u jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku. Il-kooperazzjoni fuq il-wirt kulturali għandha rwol importanti fir-relazzjonijiet internazzjonali u fil-politiki tal-iżvilupp kif imfassla fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: 'Lejn approċċ integrat għal wirt kulturali għall-Ewropa' ('Towards an integrated approach to cultural heritage for Europe'). 50 Minħabba d-domanda globali li qed tikber għal kompetenzi u minħabba l-fatt li bosta Stati Membri huma lesti li jikkondividu l-għarfien tagħhom, hemm opportunitajiet għal azzjoni konġunta ma' pajjiżi sħab biex jiġu żviluppati strateġiji sostennibbli għall-protezzjoni tal-wirt permezz tat-taħriġ, l-iżvilupp tal-ħiliet u t-trasferiment tal-għarfien.
Il-wirt kulturali huwa fraġli u ta' spiss ikun mhedded minn diżastri naturali, distruzzjoni maħluqa mill-bniedem bħal gwerer, serq u sakkeġġ, intenzjonati li xi drabi jkunu l-frott ta' mibegħda settarjana. Oġġetti tal-arti ssakkeġġati ta' spiss jinbigħu u l-qligħ iġġenerat minn dan il-bejgħ jista' jintuża biex isostni attivitajiet terroristiċi: dan ifaqqar il-wirt kulturali dinji. L-UE adottat miżuri restrittivi fuq is-Sirja u trasponiet is-sanzjonijiet tan-NU kontra d-Daesh/ISIL u l-Al-Qaida, kif ukoll ir-reġim ta’ sanzjonijiet tan-NU għall-Iraq: dawn jinkludu projbizzjoni fuq il-kummerċ illegali ta’ oġġetti tal-arti kulturali u arkeoloġiċi 51 .
Ir-riċerka dwar il-wirt kulturali: Orizzont 2020 isostni r-riċerka u l-innovazzjoni fl-attivitajiet tal-wirt kulturali, permezz ta' proġetti multinazzjonali interdixxiplinari li jinvolvu wkoll lill-awtoritajiet, lin-negozji u lis-soċjetà ċivili lokali u reġjonali, bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet ġodda għall-preżervazzjoni u l-ġestjoni tal-wirt kulturali fl-Ewropa mhedded mit-tibdil fil-klima. Il-parteċipazzjoni mill-pajjiżi mhux tal-UE hija mħeġġa.
Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-wirt kulturali: il-Kummissjoni qed tippjana proposta leġiżlattiva biex tirregola l-importazzjoni fl-UE ta' oġġetti kulturali, abbażi tar-riżultati ta' studju li għadu kif tnieda biex jiġu identifikati lakuni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-Kummissjoni ser tikkunsidra rispons usa' għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu permezz tat-traffikar illeċitu f'oġġetti kulturali - ikun liema jkun il-pajjiż ta' provenjenza. Azzjoni potenzjali tinkludi l-introduzzjoni ta' sistema ta' ċertifikazzjoni għall-importazzjoni ta' oġġetti kulturali fl-UE flimkien ma' gwida għall-partijiet ikkonċernati bħall-mużewijiet u s-suq tal-arti 52 . L-UE beħsiebha tappoġġa t-taħriġ tal-uffiċjali tad-dwana fil-kontrolli tal-fruntiera biex tippromwovi l-kxif bikri ta' oġġetti tal-arti misruqa u tħeġġeġ il-kooperazzjoni tal-professjonisti tas-suq tal-arti fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu. L-UE ser ittejjeb ukoll il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab biex jiġi miġġieled it-traffikar ta' oġġetti kulturali.
Il-protezzjoni tal-wirt kulturali: Il-Kummissjoni ser tikkontribwixxi għall-isforzi internazzjonali, immexxija mill-UNESCO, sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida għall-protezzjoni ta' siti ta' wirt kulturali. Il-Kummissjoni se taqsam wkoll mal-UNESCO, inter alia permezz tas-servizz tal-Immaniġġjar tal-Emerġenzi Copernicus, immaġni tas-satellita tas-siti ta’ wirt kulturali f’riskju sabiex tevalwa l-ħsara possibbli u pjan ta’ rikostruzzjoni. L-UE ser tinkludi ħila esperta biex jiġi vvalutat id-dannu fil-wirt kulturali bħala parti minn miżuri ta' rkupru ta' wara diżastru u ta' wara kunflitt. Il-Fond Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana ser jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-wirt kulturali u l-promozzjoni tad-diversità kulturali.
4. APPROĊĊ STRATEĠIKU TAL-UE GĦAD-DIPLOMAZIJA KULTURALI
Biex titmexxa 'l quddiem il-kooperazzjoni b’suċċess ma’ pajjiżi sħab fit-tliet flussi ta’ ħidma proposti, huwa importanti li l-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-UE jingħaqdu ħalli tkun żgurata l-kumplimentarjetà u s-sinerġiji. Dan jinkludi l-livelli kollha tal-gvern, l-organizzazzjonijiet kulturali u s-soċjetà ċivili lokali, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli (permezz ta' Delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi), l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kulturali tagħhom 53 . Il-Komunikazzjoni tal-2007 dwar Kultura favur il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) fil-qasam tal-kultura, bħala mod ħafif iżda strutturat għall-Istati Membri tal-UE biex jikkooperaw fil-livell Ewropew 54 . Fl-2012, grupp ta' esperti mill-Istati Membri, ko-presedut mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, esplora approċċ strateġiku għall-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE. Ir-rapport tal-grupp ta' esperti enfasizza l-benefiċċju tal-involviment kulturali tal-UE mal-pajjiżi sħab permezz ta' modi strateġiċi ġodda ta' kif jaħdmu mal-Istati Membri 55 . Il-Parlament Ewropew sussegwentement beda l-azzjoni ta’ tħejjija “Il-Kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE”, li saħqet għal “kumplimentarjetà intelliġenti” ibbażata fuq kooperazzjoni bi qbil reċiproku bejn l-Istati Membri, notevolment permezz tal-istituti kulturali tagħhom u attachés barra mill-pajjiż, u mas-soċjetà ċivili 56 . Is-SEAE issa ser jopera 139 Delegazzjoni u Uffiċċju tal-UE madwar id-dinja, li jirrappreżentaw l-UE u ċ-ċittadini tagħha globalment. Il-potenzjal għal kooperazzjoni u koordinazzjoni ta’ qabel għat-tmexxija 'l quddiem tad-diplomazija kulturali huwa konsiderevoli.
(a) Kooperazzjoni msaħħa tal-UE
Approċċ miftiehem flimkien jippermetti lill-atturi Ewropej biex jiġbru flimkien ir-riżorsi u jiksbu ekonomiji ta' skala billi jaħdmu flimkien f'pajjiżi mhux tal-UE. Studju riċenti mill-Parlament Ewropew wera l-bosta benefiċċji tal-kooperazzjoni mill-qrib għad-delegazzjonijiet tal-UE, l-istituti kulturali u r-raggruppamenti EUNIC 57 : proġetti konġunti huma inqas riskjużi, iħallu impatt akbar u huma aktar viżibbli, b'opportunitajiet akbar għat-tagħlim. 58
Pjattaforma ta’ Diplomazija Kulturali: din twaqqfet fi Frar 2016 u ġiet ffinanzjata mill-Istrument ta’ Sħubija (PI). Hija mħaddma permezz ta' konsorzju ta' Istituti Kulturali ta' Stati Membri u msieħba oħrajn 59 . Hija ser tipprovdi pariri dwar il-politika tal-kultura, tiffaċilita n-netwerking, twettaq attivitajiet mal-partijiet kulturali kkonċernati, mal-Istati Membri u mad-delegazzjonijiet tal-UE, tiżviluppa programmi ta' taħriġ għal tmexxija kulturali, u tikkontribwixxi fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali.
Kooperazzjoni msaħħa ma’ Istituti Kulturali: wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, il-Kummissjoni se tipproponi iktar tard din is-sena tip ġdid ta' sħubija bejn l-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni, l-istituti kulturali u l-organizzazzjoni umbrella tagħhom (safejn jippermettu l-mandati tagħhom), li tistabbilixxi l-prinċipji tal-kooperazzjoni pan-Ewropea u l-valuri li jirfduha.
Ir-rwol imsaħħaħ tad-Delegazzjonijiet tal-UE: id-delegazzjonijiet ser jaġixxu bħala pjattaformi lokali għall-istituti kulturali u partijiet ikkonċernati oħrajn fl-iffaċilitar tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni. Id-Delegazzjonijiet tal-UE jistgħu jgħinu biex jidentifikaw il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet lokali, filwaqt li jiżguraw li l-azzjonijiet jaqblu mal-kuntest kulturali lokali filwaqt li fl-istess ħin iservu wkoll l-objettivi strateġiċi tal-UE. Punti fokali kulturali fid-delegazzjonijiet prinċipali tal-UE ixerrdu l-aħjar prattiki u jipprovdu programmi ta' taħriġ dwar id-dimensjoni kulturali tal-iżvilupp u r-relazzjonijiet esterni għall-persunal.
Twaqqif ta' Djar tal-Kultura Ewropea: dawn se jkunu bbażati fuq sħubija bejn l-UE u l-pajjiż sieħeb inkwistjoni u jippermettu lill-istituti kulturali u lill-partijiet ikkonċernati l-oħrajn sabiex jiltaqgħu u jipprovdu servizzi lill-popolazzjoni lokali, jinvolvu ruħhom magħhom fi proġetti konġunti, joffru boroż ta' studju u jorganizzaw skambji kulturali u edukattivi.
Promozzjoni ta' soċjetà ċivili attiva: bosta partijiet ikkonċernati (pereżempju s-soċjetà ċivili, artisti, operaturi kulturali, organizzazzjonijiet lokali) huma involuti f’relazzjonijiet kulturali bejn l-UE u pajjiżi terzi. F’relazzjonijiet bilaterali u programmi tematiċi xierqa, l-UE għalhekk ser tfittex li ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-qasam kulturali f'pajjiżi sħab sabiex jibnu l-kapaċità tagħhom u jiffaċilitaw l-iskambji.
Avvenimenti kulturali konġunti tal-UE: l-appoġġ għal attivitajiet kulturali konġunti Ewropej huwa mod eċċellenti biex titjieb il-viżibbiltà tal-UE f'pajjiżi terzi. Skema ġdida ta’ sentejn b’baġit ta’ EUR 1,5 miljun biex jiġu organizzati festivals tal-films tal-UE b’mod aktar koerenti u strateġiku se titnieda fl-2017 (skont studju ppubblikat fl-2015) taħt il-PI ġdid ta' azzjoni għal Diplomazija Pubblika Globali 60 . Attwalment hemm aktar minn 75 delegazzjoni tal-UE involuti fl-organizzazzjoni ta' festivals tal-films u attivitajiet oħrajn bħall-Jum Ewropew tal-Lingwi, b'livelli differenti ta' kooperazzjoni mal-istituti kulturali nazzjonali.
Fokus fuq is-sħab strateġiċi: bosta mis-sħab strateġiċi tal-UE għandhom strateġiji b'saħħithom ta’ diplomazija kulturali 61 u l-UE għandha kooperazzjoni kulturali qawwija ma’ bosta sħab. Il-Fondazzjoni Kulturali Ewro-Amerikana 62 ġiet stabbilita fl-2013 biex tipprovdi aktar finanzjament strutturat għal programmi kulturali tal-UE u ssaħħaħ rabtiet kulturali bejn l-Istati Uniti u l-UE (inkluż id-Delegazzjoni u l-Istati Membri). Fl-Afrika t'Isfel, l-UE qed tgħin artisti żgħażagħ, produtturi awdjoviżivi, mużiċisti u sportivi. Ir-relazzjonijiet bilaterali maċ-Ċina inkludew id-dimensjoni ta' bejn il-persuni sa mill-2012 63 .
(b) Skambji interkulturali ta’ studenti, riċerkaturi u gradwati
Il-programmi tal-UE ta' mobbiltà u ta' kooperazzjoni interuniversitarji huma strumenti imprezzabbli għat-twaqqif ta' rabtiet akkademiċi u kulturali dejjiema, li simultanjament jippromwovu l-UE f'pajjiżi sħab. Stħarriġ fl-2014 64 imwettaq mill-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) wera li 54 % tal-istudenti u l-persunal li bbenefikaw mill-mobbiltà tal-Erasmus Mundus ikkunsidraw l-esperjenza bħala li kellha l-akbar influwenza fuq il-ħiliet u l-kompetenzi interkulturali tagħhom.
Il-kooperazzjoni internazzjonali tar-riċerka tuża l-lingwa universali tax-xjenza biex iżżomm kanali ta' komunikazzjoni miftuħin u skambju ta' ideat irrispettivament mill-isfondi kulturali, nazzjonali jew reliġjużi tagħhom. Orizzont 2020, l-akbar programm qafas ta’ riċerka u innovazzjoni multilaterali, il-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni dwar ir-relazzjonijiet kulturali, id-diplomazija tax-xjenza u l-wirt kulturali. Orizzont 2020 jgħin wkoll lill-pajjiżi sħab biex jimmassimizzaw il-kontribut tal-edukazzjoni għat-tkabbir, l-istabbiltà soċjali u l-iżvilupp.
Skambji bejn iż-żgħażagħ, is-Servizz Volontarju Ewropew 65 , it-taħriġ għaż-żgħażagħ u għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u n-netwerk bejniethom jinvolvu mobbiltà għaż-żgħażagħ bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk ġirien. Fl-2015, aktar minn 33,000 żagħżugħ/a u persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ kienu involuti f'dawn l-attivitajiet konġunti: madwar 40 % kienu minn pajjiżi ġirien. Il-Kummissjoni qed tesplora wkoll kif il-kooperazzjoni fil-qasam tal-isport tista' tikkontribwixxi għal relazzjonijiet internazzjonali, permezz ta' grupp ta' livell għoli li ser jippreżenta r-rapport tiegħu f'Ġunju 2016.
Promozzjoni tal-mobbiltà tar-riċerkaturi: permezz tal-Azzjonijiet Marie Curie-Sklodowska, l-UE biħsiebha tiffinanzja 65,000 riċerkatur bejn l-2014 u l-2020. Dan jinkludi 25,000 kandidat tad-dottorat u se jippermetti lil 15,000 riċerkatur minn barra l-Ewropa li jibdew jew isegwu l-karrieri tagħhom fl-Ewropa sal-2020.
L-iskambju ta’ studenti u persunal u proġetti konġunti ġodda: l-UE biħsiebha tiffinanzja aktar minn 150,000 borża ta' studju għal studenti u persunal li jinvolvu l-Ewropa u partijiet oħrajn tad-dinja bejn l-2014 u l-2020. Hija ser tiffinanzja madwar 1,000 proġett konġunt li jinvolvu universitajiet u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kemm fl-UE kif ukoll mhux fl-UE bejn l-2014 u l-2020 66 .
Netwerk għal gradwati u studji dwar l-UE: il-Kummissjoni ser tappoġġa l-istabbiliment ta' gruppi ta' gradwati Erasmus+ fil-pajjiżi sħab u l-kooperazzjoni bejn dawn il-gruppi u d-delegazzjoni tal-UE. L-UE ser tgħaqqad l-isforzi tan-netwerk fil-livell nazzjonali u Ewropew biex tappoġġa l-integrazzjoni taċ-Ċentri tal-UE fl-450 Ċentru ta' Eċċellenza Jean Monnet, u tippromwovi n-netwerk ta' bejniethom. Fid-dinja, l-istudji tal-UE ser jilħqu aktar minn 250 000 student fis-sena permezz tat-tagħlim u attivitajiet ta' outreach.
5. KONKLUŻJONIJIET
Ix-xejra kulturali globali nbidlet b'mod rapidu matul dawn l-aħħar ftit deċenni. Id-domanda għal skambji u kooperazzjoni interkulturali żdiedet biex tlaħħaq mar-rivoluzzjoni diġitali. F’dinja li tħabbat wiċċha ma’ bosta sfidi u l-kunflitti, il-kultura għandha potenzjal kbir biex tegħleb id-diviżjonijiet, issaħħaħ soċjetajiet fraġli, u ttejjeb ir-relazzjonijiet internazzjonali. L-Ewropa hija perċepita fid-dinja bħala kontinent rikk fil-wirt kulturali u li għandha forzi kreattivi u vibranti. Il-kultura għandha għalhekk tkun parti integrali mill-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea.
Din il-Komunikazzjoni Konġunta tipproponi tliet pilastri għall-avvanz fil-ħidma lejn Strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali. L-ewwel nett, il-prinċipji gwida proposti għal azzjoni tal-UE għandhom l-għan li jiżguraw li l-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, id-diversità, id-djalogu interkulturali filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-kumplimentarjetà u li żżomm koerenza politika permezz tal-promozzjoni tal-kultura fi ħdan l-oqfsa eżistenti ta’ sħubija. It-tieni pilastru ppropona tliet elmenti ewlenin sabiex ikun provdut punt fokali għall-avvanz tal-kooperazzjoni kulturali ma’ pajjiżi sħab, inkluż: i) l-appoġġ għall-kultura bħala mutur għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli; ii) il-promozzjoni tal-kultura u d-djalogu interkulturali għal relazzjonijiet interkomunitarji paċifiċi; iii) it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-wirt kulturali. It-tielet pilastru jipproponi approċċ strateġiku tal-UE għad-diplomazija kulturali: inkluża kooperazzjoni Ewropea msaħħa (speċjalment bejn l-Istati Membri tal-UE u d-delegazzjonijiet tal-UE) u skambji interkulturali biex jiġu promossi l-kulturi diversi tal-UE.
Id-dipendenza fuq dawn it-tliet pilastri proposti bħala parti minn “strateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali”, ser tgħin biex jiġu żviluppati aktar linji ta’ komunikazzjoni bejn il-popli u s-soċjetajiet. Ser tgħin fil-ħolqien ta' ambjent xieraq biex l-industriji kulturali u kreattivi jkomplu jespandu u joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi. Ser issaħħaħ il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali, tistimula d-djalogu interkulturali u l-bini tal-paċi, tappoġġa l-produzzjoni kulturali u t-turiżmu bħala xprunaturi tal-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku, u tuża l-edukazzjoni, ir-riċerka u x-xjenza bħala aġenti għal djalogu u skambji. Dawn l-azzjonijiet għandhom jikkontribwixxu biex l-Unjoni Ewropea ssir attur aktar influwenti fix-xena dinjija, sieħeb internazzjonali aħjar u kontributur aktar b'saħħtu għat-tkabbir sostenibbli, il-paċi u l-fehim reċiproku.
L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO)
Komunikazzjoni dwar “Aġenda Ewropea għall-Kultura f’dinja li qed tiġi globalizzata” (European Agenda for Culture in a globalising world) COM(2007) 242 final.
Ara: Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni (2008); Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE (2011); 2014 Azzjoni Preparatorja tal-PE “Il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE” http://cultureinexternalrelations.eu/
Eżitu tal-Laqgħa tal-Kunsill 3428: Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, 23-4 ta’ Novembru 2015
http://en.unesco.org/creativity/convention/about/2005-convention-text
Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali
Il-Komunikazzjoni “Lejn approċċ integrat rigward il-wirt kulturali għall-Ewropa” COM (2014) 477 finali.
Il-Globalizzazzjoni tal-Kummerċ Kulturali: Tibdil fil-Konsum Kulturali - Flussi internazzjonali ta' oġġetti u servizzi kulturali 2004-2013 (A Shift in Cultural Consumption - International flows of cultural goods and services 2004-2013), l-Istitut tal-Istatistika tal-UNESCO (UIS), 2016.
Żminijiet Kulturali (Cultural Times), rapport mis-CISAC u l-UNESCO, 2015.
Ibid.
Studji jissuġġerixxu li l-UE għandha tkun involuta f'attivitajiet ta' Diplomazija Kulturali li jagħmlu użu mill-perċezzjonijiet pożittivi ħafna tal-kultura, l-arti u l-istorja Ewropej u tal-Istati Membri. http://ec.europa.eu/dgs/fpi/showcases/eu_perceptions_study_en.htm
L-Artikoli 2, 6, 21, 49 tat-TUE u l-Artikoli 7, 8, 10, 11, 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri tal-UE kollha huma Stati Partiti għall-ICCPR u l-KEDB.
Ara wkoll il-Linji Gwida tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE dwar il-Libertà ta’ Espressjoni Online u Offline (dok. 9647/14).
Kif irrakkomandat mill-Azzjoni Preparatorja dwar “Il-kultura fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE” mibdija mill-Parlament Ewropew u ppubblikat fl-2014: http://cultureinexternalrelations.eu/main-outcomes/ u bi "Strateġija għal relazzjonijiet kulturali UE-Ċina: rapport tal-Grupp ta’ esperti dwar il-kultura u r-relazzjonijiet esterni - iċ-Ċina (Novembru 2012)
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE b’attenzjoni fuq il-kultura fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp 24 ta’ Novembru 2015
Eżempji ta' azzjonijiet u proġetti speċifiċi ma jippreġudikawx l-implimentazzjoni ta' proġetti ġodda f'konformità ma' din l-istrateġija. Min-naħa l-oħra referenzi għal proġetti jew programmi li għaddejjin bħalissa ma jimplikawx il-finanzjament permanenti tagħhom.
Ir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għal Kooperazzjoni ma' Pajjiżi Terzi.
Ir-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Finanzjament għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem Madwar id-Dinja.
Ir-Regolament (EU) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument li Jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi.
Ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020).
L-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo*, il-Montenegro, is-Serbja.
L-azzjonijiet tal-UE f'dan il-qasam fil-Bożnija u fil-Kosovo urew il-potenzjal tal-politiki bbażati fuq il-wirt kulturali għar-rikonċiljazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' wara kunflitt, minn barra l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku.
Kif previst fl-Artikolu 8.3 tar-Regolament 1295/2013 tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva. Lista tal-pajjiżi parteċipanti mhux membri tal-UE: http://eacea.ec.europa.eu/creative-europe/library/eligibility-organisations-non-eu-countries_en
L-Alġerija , l-Eġittu , l-Iżrael , il-Ġordan , il-Libanu , il-Libja , il-Marokk , il-Palestina *, is-Sirja u t-Tuneżija .
L-Armenja , l-Ażerbajġan , il-Belarussja , il-Georgia , il-Moldova u l-Ukrajna .
Il-Komunikazzjoni Konġunta "Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (18 ta' Novembru 2015): JOIN(2015) 50 finali.
Ir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għall-Perjodu 2014-2020.
https://ec.europa.eu/europeaid/where/acp/overview/cotonou-agreement/index_en.htm_en
http://en.unesco.org/creativity/convention/about/2005-convention-text
It-TAIEX hu l-istrument għall-Assistenza Teknika u Skambju ta' Informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. It-TAIEX jappoġġa l-amministrazzjonijiet pubbliċi fir-rigward tal-approssimazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki tal-UE.
http://www.enpi-info.eu/medportal/news/latest/45210/MedFilm:-Call-for-proposals-to-promote-development-of-film-industry-in-Southern-Mediterranean
Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura tipprovdi eżempju tajjeb ħafna: kull euro ta’ flus pubbliċi investiti, pereżempju, f’Lille 2004 (Franza), huwa stmat li ġġeneraw EUR 8 għall-ekonomija lokali.
http://ec.europa.eu/culture/news/2016/0405-european-network-creative-hubs_en.htm
http://ec.europa.eu/culture/calls/general/2015-eac-s11_en.htm
Dan il-Programm ta' Appoġġ Intra-AKP huwa ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ): http://www.acpculturesplus.eu/?lang=uk
Dawn jinkludu: l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR) tal-10 ta' Ġunju 2009, COM(2009) 248; l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju (EUSDR) tat-8 ta' Diċembru 2010, COM(2010) 715; il-Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku, il-Provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, tat-13 ta' Mejju 2013, COM(2013) 279; L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR) tas-17 ta' Ġunju 2014, COM(2014) 357; u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Alpin (EUSALIP) tat-28 ta' Lulju 2015, COM(2015) 366.
http://ec.europa.eu/programmes/creative-europe/actions/capitals-culture_en.htm u http://www.worldcitiescultureforum.com/publications
L-istudju b'mod partikolari jidentifika suġġerimenti għall-"Global Public Goods and Challenges Programme" ("Programm ta' Beni u Sfidi Pubbliċi Globali") (30 miljun).
Il-Proġett UE-Unjoni Afrikana "Visionary Africa" ("Afrika Viżjonarja").
"Il-Kultura u l-Arti jappoġġaw il-koeżjoni soċjali fil-bliet tal-Amerika Latina".
Biex jieħu sehem sħiħ fis-subprogramm MEDIA, pajjiż irid jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva Servizz tal-Midja Awdjoviżiva.
http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/CESCR.aspx
COM(2014)477finali.
L-UE ttrasponiet ir-reġim ta' sanzjonijiet tal-KSNU kontra l-ISIL (Daesh) u Al-Qaida (kif stipulat fil-UNSCR 1267) u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti, inkluża l-UNSCR 2253 (2015). Peress li l-oġġetti tal-arti arkeoloġiċi għandhom jiġu kkunsidrati bħala riżorsi ekonomiċi għall-ISIL/Daesh, ix-xiri ta' dawn l-oġġetti mill-ISIL/Daesh huwa illegali. Il-Kunsill ittraspona r-reġim ta' sanzjonijiet tan-NU kontra l-Iraq (li fih projbizzjoni fuq il-kummerċ f'oġġetti tal-arti arkeoloġiċi meħuda illegalment) u adatta r-reġim awtonomu ta' sanzjonijiet u miżuri restrittivi kontra s-Sirja tal-UE biex jinkludi speċifikament il-projbizzjoni tal-kummerċ f'oġġetti tal-arti arkeoloġiċi meħuda illegalment mis-Sirja.
Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, COM(2016) 50/2.
Eżempju riċenti fit-Tuneżija juri l-kooperazzjoni mill-qrib bejn id-Delegazzjoni tal-UE, l-Istitut kulturali tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali: il-Kummissjoni nediet programm ta’ EUR 10 miljuni biex issaħħaħ is-settur awdjoviżiv/tal-mezzi tax-xandir fit-Tuneżija. Proġett ieħor (ta' EUR 4 miljuni) ġestit mid-Delegazzjoni tal-UE bl-appoġġ tal-British Council ser jitnieda aktar tard din is-sena biex jippromwovi l-involviment kulturali fil-livell lokali.
Mill-2008, gruppi tal-OMC ħadmu fuq kwistjonijiet bħal: Industriji Kulturali u Kreattivi (inklużi mudelli ġodda tan-negozju u l-istrateġiji tal-esportazzjoni); il-mobbiltà tal-artisti u professjonisti oħra tal-kultura; il-mobbiltà ta’ xogħlijiet tal-arti; it-titjib tal-aċċess għall-kultura permezz ta' mezzi diġitali.
Ir-rapport kien ukoll il-bażi għad-dibattitu tal-Ministri tal-Kultura tal-UE fis-17 ta' Mejju 2013 dwar il-kultura bħala opzjoni ta' politika mhux vinkolanti.
EUNIC (Istituti tal-Kultura Nazzjonali tal-Unjoni Ewropea) huwa netwerk umbrella. Fost il-membri tiegħu għandu 34 Istitut Kulturali minn 28 pajjiż u 100 raggruppament imferrxin madwar id-dinja. http://www.eunic-online.eu/
Studju tal-Parlament Ewropew - Istituti Kulturali Ewropej Barra mill-Unjoni Ewropea, Jannar 2016.
L-SEAE u l-Kummissjoni huma parti mill-Kumitat ta' Tmexxija. Ara http://ec.europa.eu/dgs/fpi/announcements/news/20160401_l_en.htm .
Eżempji jinkludu ċ-Ċina, il-Ġappun ("Cool Japan") u l-Korea t'Isfel (mal-mewġa l-ġdida Koreana "Hallyu").
http://ec.europa.eu/education/international-cooperation/china_en.htm
https://europa.eu/youth/EU/voluntary-activities/european-voluntary-service_en
http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/