13.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 345/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-“Applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat sabiex jiġi kkumpensat il-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali

(Deċiżjoni 2012/21/UE u Qafas Komunitarju)”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2017/C 345/07)

Relatur:

Milena ANGELOVA

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

22.9.2016

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

14.6.2017

Adottata fil-plenarja

6.7.2017

Sessjoni plenarja Nru

527

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

116/0/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) japprezza l-implimentazzjoni tal-pakkett tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEIs), li ġġib iċ-ċertezza tad-dritt għall-fornituri tas-servizz pubbliku. Il-pakkett jilħaq bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li jitrawwem u jiġi sostnut l-SGEI u l-objettiv li jiġu evitati distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u lokali, b’mod partikolari l-fornituri ta’ SGEI bi sjieda pubblika (kif muri mill-istudju tal-KESE Review of Member States’ reports on the implementation of the European Commission Decision on the provision of State aid to the provision of services of general economic interest (Reviżjoni tar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-provvediment tal-għajnuna mill-Istat għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali)), qed jesprimu t-tħassib tagħhom dwar kwistjonijiet ewlenin fir-regoli attwali li joħolqu ostakoli bla bżonn jew nuqqas ta’ ċertezza tad-dritt u għalhekk il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex ittejjeb ir-regoli attwali u l-applikazzjon — teżamina l-ħtieġa li jiġi aġġornat u emendat il-pakkett.

1.2.

Waqt ir-reviżjoni tal-ewwel żewġ gruppi ta’ rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-SGEI, il-KESE jinnota bi tħassib li dawn ma jittrattawx il-kwistjoni essenzjali tar-rekwiżiti ta’ kompatibbiltà, kwistjoni trattata fil-fond mill-Qafas.

1.3.

Il-KESE jinnota li, f’ħafna mill-każijiet, in-nuqqas ta’ ċertezza jew l-ispejjeż sostanzjali involuti fis-sodisfazzjon tar-rekwiżiti joħolqu ostakoli li mingħajr raġuni jipprevjenu lill-awtoritajiet milli jimplimentaw bis-sħiħ il-politika tal-SGEI. Dan it-tfixkil jaffettwa b’mod akut lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, għaliex id-djalogu bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar każijiet ta’ għajnuna mill-Istat jitwettaq mill-gvern ċentrali, filwaqt li livelli amministrattivi oħra ma jgawdux aċċess dirett għal dan il-proċess.

1.4.

Il-fatt li jiġu rrappurtati biss ftit SGEI fil-livell reġjonali jew lokali (skont l-istudju msemmi hawn fuq) juri li n-nuqqas ta’ mezzi diretti mal-Kummissjoni jfixkel il-finanzjament xieraq tas-servizzi pubbliċi, li jżomm lill-awtoritajiet xierqa aktar lura milli jagħmlu użu sħiħ mid-Deċiżjoni u li jneħħu d-dubji rigward l-implimentazzjoni tagħha.

1.5.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea teżamina l-possibbiltajiet li ttejjeb id-Deċiżjoni u testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, sabiex tindirizza dawn l-elementi li ġejjin:

1.5.1.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tneħħi l-livell limitu tal-eżenzjoni u tinkludil-SGEI kollha fid-Deċiżjoni, irrispettivament mill-ammont ta’ kumpens annwali. L-istudju bir-reqqa tal-implimentazzjoni attwali tagħha juri li din se tnaqqas l-ispejjeż u l-kumplessitajiet amministrattivi li nkella jħabbtu wiċċhom magħhom l-awtoritajiet, b’mod partikolari fil-livell lokali, mingħajr ma tfixkel il-kompetizzjoni bl-ebda mod.

1.5.2.

Fid-dawl tas-suq tax-xogħol u ta’ spariġġi fil-ħiliet dejjem ta’ sfida, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni, billi tikkunsidra s-servizzi eliġibbli provduti sabiex ittejjeb l-għarfien u l-kwalifiki tan-nies u b’hekk tgħinhom itejbu l-prospetti tax-xogħol tagħhom.

1.5.3.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa u forsi temenda t-testi partikolari tad-Deċiżjoni, prinċipalment relatati ma’: il-limitu taż-żmien għaż-żamma tar-rekords tal-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi ddeterminata l-kompatibbiltà tal-kumpens mogħti; li jiġi ċċarat li l-limitu taż-żmien għall-inkarigi m’għandu jkollu l-ebda effett materjali fuq it-tiġdid jew l-estensjoni tagħhom jew fuq l-eliġibbiltà tal-fornituri ta’ servizz li jkollhom il-mandat; l-istabbiliment ta’ metodu disponibbli faċilment għall-kalkolu ta’ profitt raġonevoli; l-għoti ta’ aktar kjarifika meta jiġi indirizzat ir-rekwiżit tal-kondiviżjoni tat-titjib fl-effiċjenza produttiva bejn l-impriża; li jiġi żgurat approċċ aktar flessibbli għal eċċessi żgħar li ma jaqbżux l-10 % tal-kumpens medju annwali li jeżentahom mill-aġġornament tal-parametri.

1.6.

Il-KESE jsib li hija meħtieġa aktar kjarifika tal-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà skont il-Qafas, relatati ma’:

l-ispeċifikazzjoni ulterjuri tal-modi alternattivi kif jintlaħaq ir-rekwiżit biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà skont l-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li diġà huma użati b’mod wiesa’ fil-prattika tiegħu;

l-evitar ta’ rekwiżiti obbligatorji li jistgħu jirkbu fuq il-proċeduri nazzjonali tat-tfassil tal-liġijiet, u joħolqu problemi mhux iġġustifikati;

it-teħid b’kont xieraq tar-rekwiżiti legali ġodda fir-rigward tal-akkwist u l-konċessjonijiet;

l-akkoppjar ta’ metodoloġija ex ante mal-użu sħiħ tal-kalkolu tal-ispiża netta ex post, sakemm l-awtorità ma tippreferix li tistabbilixxi l-kumpens bħala somma sħiħa fiż-żmien tal-inkarigu;

l-approvazzjoni taż-żewġ approċċi għall-kalkolu tal-kumpens — Spejjeż Aggregati Netti u Spiża Evitata Netta u tingħata aktar gwida dwarhom fil-Qafas għaliex bħalissa bilkemm fih indikazzjoni ta’ kif se jiġu stabbiliti l-kontrofattwali rilevanti;

li ssir distinzjoni bejn drittijiet speċjali jew esklużivi li jinvolvu vantaġġ li l-profitt tiegħu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-finanzjament tal-obbligi tas-servizz pubbliku u kopertura universali li tinvolvi żvantaġġ għall-fornitur maħtur;

li tingħata aktar kjarifika dwar l-istandards tal-profitabbiltà u li jiġi permess l-użu ta’ standards differenti aktar milli jiġi impost wieħed partikolari fuq l-Istati Membri;

li jiġu ċċarati aktar il-modi alternattivi tal-kalkolu ta’ dawn l-inċentivi, li l-użu tagħhom m’għandux ikun vinkolanti, minħabba l-kumplessità involuta.

1.7.

Il-KESE jinnota li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma promulgawx regolamenti li jistabbilixxu l-prinċipji u l-kundizzjonijiet li jirregolaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, b’mod partikolari fil-qasam ekonomiku u finanzjarju. Għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill jeżaminaw modi kif jiġi sodisfatt dan il-mandat tal-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri u r-regoli tat-Trattat li ssir referenza għalih f’dak l-Artikolu.

2.   Is-suġġett tal-opinjoni fuq inizjattiva proprja

2.1.

Fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu għall-2017, il-KESE enfasizza l-importanza ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali bħala element essenzjali tal-mudell ekonomiku u soċjali Ewropew tagħna, minqux bħala tali fl-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.2.

L-Artikolu 14 jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex fi ħdan is-setgħat rispettivi tagħhom “jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet, b’mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom”. Barra minn hekk, jipprevedi li “Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolamenti skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu dawn il-prinċipji u jistabbilixxu dawn il-kondizzjonijiet mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri skont it-Trattati, li jipprovdu, jikkummissjonaw u jiffinanzjaw dawn is-servizzi”. Dan il-mandat għadu ma ssarrafx f’inizjattivi leġislattivi speċifiċi sa issa. B’kuntrast, il-Kummissjoni Ewropea żviluppat sett ta’ regoli wiesa’ dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għall-SGEIs bħala segwitu għall-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.3.

Il-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà mar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat u mal-Artikolu 106(2) tat-TFUE kienu kontenzjużi, anke minn meta l-Qorti tal-Ewwel Istanza ddeċidiet fl-1997 (1) li l-kumpens mogħti lil kumpaniji li jimplimentaw missjoni ta’ servizz pubbliku għandu jitqies bħala għajnuna mill-Istat. Sa dak iż-żmien il-kunsens kien li l-kumpens għall-ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-obbligi aktar esiġenti assoċjati mal-SGEIs ma kien jagħti l-ebda vantaġġ. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalbet din il-pożizzjoni fl-2001 (2), meta qieset li l-kumpens jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat biss jekk jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali mġarrba mill-fornitur maħtur. Finalment, id-deċiżjoni Altmark fl-2003 (3) stabbiliet il-kriterji li kwalunkwe skema ta’ kumpens għandha tissodisfa biex taqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

2.4.

Il-Kummissjoni Ewropea tiddetermina l-kompatibbiltà tal-SGEIs mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u ssegwi mill-qrib it-tliet kriterji introduttorji ta’ Altmark. Dan jirrikjedi:

id-definizzjoni ċara tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u inkarigu speċifiku lill-fornitur maħtur permezz ta’ att pubbliku;

l-istabbiliment ex ante tal-parametri għall-kalkolu tal-kumpens b’mod oġġettiv u trasparenti;

li l-kumpens ma jaqbiżx l-ispejjeż imġarrba fl-implimentazzjoni tas-servizz pubbliku, meta jitqies id-dħul korrispondenti u profitt raġonevoli;

l-għażla tal-fornitur maħtur jew:

permezz ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku;

jew id-determinazzjoni tal-livell ta’ kumpens fuq il-bażi tal-ispejjeż li intrapriża medja, immexxija tajjeb u mgħammra b’mod adegwat, iġġarrab biex tagħti s-servizz, meta mqabbel mad-dħul korrispondenti, flimkien ma’ profitt raġonevoli.

2.5.

Fl-2005 il-Kummissjoni adottat il-“pakkett Monti-Kroes”, aġġornat fl-2011 (il-“pakkett Almunia”), b’regoli ewlenin għall-finanzjament tal-SGEI: il-pakkett jinkludi Komunikazzjoni mill-Kummissjoni (4) (minn hawn ’il quddiem il-“Qafas”) li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà għall-SGEI u Deċiżjoni tal-Kummissjoni (5) li teżenta min-notifika l-iskemi li għandhom anqas probabbiltà li jfixklu l-kompetizzjoni minħabba l-finanzjament limitat tagħhom (l-Artikolu 2(1)(1) tad-Deċiżjoni jistabbilixxi l-limitu annwali għal EUR 15-il miljun) jew li għandhom fil-mira tagħhom attivitajiet li jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali (jiġifieri l-isptarijiet; is-saħħa u l-kura fit-tul; l-indukrar tat-tfal; l-aċċess u l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; l-akkomodazzjoni soċjali; il-kura u l-inklużjoni soċjali ta’ gruppi vulnerabbli; u r-rabtiet marittimi mal-gżejjer, l-ajruporti u l-portijiet b’volum baxx ta’ passiġġieri). Il-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li twettaq reviżjoni ta’ dan is-sett ta’ regoli ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħhom.

2.6.

Bħala parti mill-Programm tiegħu għall-Ewropa, l-objettiv tal-KESE b’din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li jikkontribwixxi għar-reviżjoni li jmiss mill-Kummissjoni billi jagħti ħarsa dettaljata lejn l-esperjenza fl-implimentazzjoni tal-pakkett tal-SGEIs. Għal dan il-għan, il-KESE kkummissjona studju dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-SGEI fir-rigward tal-kumpens pubbliku (“Review of Member States' reports on the implementation of the European Commission Decision on the provision of State aid to the provision of services of general economic interest (Reviżjoni tar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-provvediment tal-għajnuna mill-Istat għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali)”).

2.7.

Il-kumpens għall-SGEIs rari jaffettwa l-kompetizzjoni, sakemm ikopri l-ispejjeż żejda mġarrba mill-fornituri maħtura fit-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku. Għalhekk, l-impożizzjoni fuqhom tal-piż assoċjat man-notifika tal-għajnuna mill-Istat tidher pass żelanti żżejjed iġġustifikat biss f’każijiet fejn parteċipanti oħra jistgħu jsofru ħsara li ma tistax tiġi miċħuda. B’kuntrast, kondotta li timmina b’mod sever il-kundizzjonijiet tas-suq bħal bejgħ b’dumping minn pajjiżi terzi jew prezzijiet iffissati f’livelli aktar baxxi milli ġġustifikat huma akkumpanjati b’mod inugwali mill-azzjoni Komunitarja. Għalhekk, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni biex teżenta l-SGEIs min-notifika, flimkien ma’ ċertezza tad-dritt imsaħħa u aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni tar-regoli, jidhru essenzjali biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jrawmu dawn is-servizzi essenzjali jintlaħqu b’mod xieraq.

3.   Titjib tad-Deċiżjoni u estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha

3.1.

Il-KESE jemmen li d-Deċiżjoni tilħaq bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li jitrawmu u jiġu sostnuti l-SGEIs u l-objettiv li jiġu evitati distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni. L-eżenzjoni min-notifika tnaqqas l-ispejjeż u l-kumplessitajiet amministrattivi li l-awtoritajiet inkella jkollhom jiffaċċjaw, b’mod partikolari fil-livell lokali. Billi l-SGEIs li mhumiex eliġibbli skont id-Deċiżjoni jiffaċċjaw regoli aktar stretti, huma biss każijiet li jqajmu tħassib partikolari għall-kompetizzjoni li għandhom jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, skont l-għan li r-riżorsi fil-livell tal-UE jkunu kkonċentrati fuq l-iskrutinju tal-għajnuna mill-Istat. L-esperjenza wriet li l-Kummissjoni tapprova l-maġġoranza kbira tal-iskemi tal-SGEIs li teżamina. Huma biss tliet każijiet ta’ SGEI li wasslu għal proċedura ta’ investigazzjoni fil-fond skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE sa minn meta ġew ippromulgati d-Deċiżjoni u l-Qafas tal-2012. Żewġ każijiet kienu jinvolvu s-servizzi postali (Għajnuna mill-Istat SA.35608 dwar Hellenic Post (ELTA), u Għajnuna mill-Istat SA.37977 dwar l-Uffiċċju Postali Spanjol) u l-każ l-ieħor skema ta’ sptar (Għajnuna mill-Istat SA.19864 dwar il-finanzjament tal-isptarijiet IRIS fir-Reġjun ta’ Brussell) wara deċiżjoni tal-Qorti li tannulla deċiżjoni ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni għaliex il-kumplessità kienet tfisser li kienet meħtieġa investigazzjoni formali. Fil-każijiet kollha eżaminati mill-Kummissjoni, it-talbiet mill-kompetituri għandhom rwol ewlieni, biex b’hekk jiżguraw dixxiplina sħiħa mingħajr ma jirrikjedu n-notifika sistematika tal-iskemi tal-SGEI. Barra minn hekk, il-każistika u l-prattika tal-Kummissjoni jipprovdu biżżejjed gwida lill-partijiet ikkonċernati biex ikejlu jekk jistgħux b’mod sikur japplikaw id-Deċiżjoni mingħajr il-ħtieġa li jinnotifikaw l-iskemi tal-SGEIs biex jiżguraw iċ-ċertezza sħiħa. Il-KESE għalhekk jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tneħħi l-livell limitu tal-eżenzjoni u tinkludi l-SGEI kollha fid-Deċiżjoni irrispettivament mill-ammont ta’ kumpens annwali, billi timxi fuq l-eżempju tal-iskemi ta’ kumpens għat-trasport tal-passiġġieri (6).

3.2.

L-istabbiliment ta’ livell limitu skont il-volum tal-għajnuna involuta li b’hekk jiskatta n-notifika jista’ jkollu rilevanza għall-iskrutinju fil-livell tal-UE, b’mod partikolari f’każijiet fejn l-għoti tal-għajnuna jinvolvi modalitajiet mhux trasparenti, bħal tnaqqis jew eżonerazzjonijiet fiskali, self aġevolat jew garanziji pubbliċi. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tipprovdi li attivitajiet speċifiċi jistgħu jirrikjedu skrutinju minħabba tħassib dwar il-kompetizzjoni, u b’hekk tista’ timponi notifika obbligatorja sabiex tindirizza dawn il-każijiet. Fi kwalunkwe każ, iż-żamma tal-livell limitu attwali stabbilit fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni f’dawn il-livelli estremament baxxi, timponi piż mhux dovut fuq l-awtoritajiet, mingħajr l-ebda vantaġġ viżibbli għall-infurzar tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tillimita r-rekwiżit ta’ notifika għal forom ta’ għajnuna jew attivitajiet partikolari fejn id-distorsjonijiet potenzjali jistgħu jiġġustifikaw ħarsa aktar mill-qrib biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

3.3.

Il-KESE jistieden lill-KE teżamina l-possibbiltà li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni sabiex tagħmel servizzi eliġibbli relatati mat-titjib fl-għarfien u fil-kwalifiki tan-nies u b’hekk jitjiebu l-opportunitajiet tax-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, hemm il-ħtieġa li tingħata kjarifika f’oqsma ta’ ambigwità li jinvolvu l-involviment privat, fejn tkun milqugħa aktar gwida.

3.4.

Id-Deċiżjoni għandha tiżgura kompatibbiltà sħiħa mal-liġi Komunitarja ta’ livell ogħla u tevita piż żejjed għall-awtoritajiet reġjonali u lokali. B’mod partikolari, l-Artikolu 8 jeħtieġ li l-Istati Membri jżommu disponibbli, matul il-perjodu ta’ inkarigu u għal mill-anqas għaxar snin mit-tmiem ta’ dak il-perjodu, l-informazzjoni kollha neċessarja biex tiġi determinata l-kompatibbiltà tal-kumpens mogħti. Din ir-regola tmur kontra l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, li jipprovdi li meta jiskadi l-perjodu ta’ 10 snin, kwalunkwe għajnuna mogħtija ma tistax tiġi rkuprata u għalhekk il-Kummissjoni żżomm lura milli tressaqha għat-test ta’ kompatibbiltà kif turi l-prattika tas-soltu tagħha. Il-preservazzjoni tal-informazzjoni għal aktar minn 10 snin li m’għandha l-ebda għan għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat tirrappreżenta piż żejjed għall-awtoritajiet u tikser il-prinċipji tal-proporzjonalità u tal-amministrazzjoni xierqa minquxa fit-Trattat.

3.5.

L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni japplika għal inkarigi mogħtija għal massimu ta’ 10 snin, ħlief għal dawk l-SGEIs li jeħtieġu investiment sinifikanti li jiġġustifika perjodu itwal. Filwaqt li l-prattika tal-Kummissjoni skont il-Qafas tinterpreta din ir-regola b’mod ġenerali li tipprevjeni l-inkarigi li jaqbżu dak il-limitu ta’ żmien, it-test tad-Deċiżjoni jista’ jimplika li l-impriżi li jħaddmu servizz pubbliku għal perjodu itwal jistgħu jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Il-KESE għalhekk jitlob li l-Kummissjoni tiċċara li l-limitu ta’ żmien tal-inkarigi m’għandu jkollu l-ebda effett materjali fuq it-tiġdid jew l-estensjoni tagħhom jew fuq l-eliġibbiltà tal-fornituri ta’ servizz li jkollhom il-mandat. Din il-kwistjoni hija partikolarment sensittiva fil-każ ta’ fornituri bi sjieda pubblika fdati mill-awtoritajiet tagħhom, għaliex l-għan waħdieni tagħhom huwa li jipprovdu s-servizz pubbliku inkwistjoni.

3.6.

L-Artikoli 5(5), (7) u (8), li jikkonċernaw profitt raġonevoli, għandhom jistabbilixxu metodu disponibbli faċilment għall-kalkolu tiegħu. L-approċċ attwali, b’mod simili għal dak fil-Qafas, jinkludi metodi bħar-Rata ta’ Redditu Interna li huma wisq kumplessi għall-SGEI lokali u għalhekk jiskoraġġixxu l-użu tagħhom għall-kalkolu tal-kumpens. L-istabbiliment ta’ valuri referenzjarji għall-profitabbiltà jinvolvi servizzi ta’ konsulenza li jiswew il-flus u li ma jintlaħqux mill-biċċa l-kbira tal-SGEIs. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiċċara din il-kwistjoni, għaliex il-prattika tal-Kummissjoni tapprova l-paragun dirett mal-profitabbiltà ta’ setturi relatati fuq il-bażi ta’ sorsi tad-data uffiċjali jew privati disponibbli li huma rikonoxxuti b’mod wiesa’ bħala kompletament rappreżentattivi.

3.7.

L-inċentivi għall-effiċjenza, filwaqt li huma nieqsa minn kwalunkwe definizzjoni, huma meqjusa fl-Artikolu 5(6) u għalhekk jeħtieġu aktar kjarifika, b’mod partikolari meta jindirizzaw ir-rekwiżit tal-kondiviżjoni tat-titjib fl-effiċjenza produttiva bejn l-impriża, l-Istat Membru u/jew l-utenti. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tneħħi kwalunkwe dubju dwar kif għandu jiġi interpretat dan ir-rekwiżit.

3.8.

L-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni jipprevedi li kwalunkwe kumpens żejjed għandu jiskatta aġġornament tal-parametri għall-futur. Il-kumpens li ma jaqbiżx l-10 % tal-ammont annwali medju jista’ madankollu jiġi ttrasferit għall-perjodu li jkun imiss. Il-konsistenza sħiħa targumenta li ma jsir l-ebda aġġornament tal-parametri fil-każ tal-aħħar, biex tiġi evitata rivalutazzjoni li tkun tinvolvi inċertezza legali għal fornituri maħtura f’każijiet li ma jaffettwawx il-kompetizzjoni. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżgura approċċ aktar flessibbli għal eċċessi żgħar li ma jaqbżux l-10 % tal-kumpens medju annwali li jeżentahom mill-aġġornament tal-parametri.

3.9.

Kwalunkwe trattament diskriminatorju tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u għalhekk tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali pprovduti f’dawn il-livelli, għandu jiġi evitat. Bħalissa, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jippreżentaw it-talbiet, it-tweġibiet u d-dubji tagħhom permezz tal-mezz uffiċjali tal-Istat Membru tagħhom, għaliex dan tal-aħħar biss jista’ jidħol fi djalogu formali dwar id-dispożizzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat mal-Kummissjoni. Għalhekk, l-informazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-attenzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi kkunsidrata mill-Istat Membru rispettiv. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi djalogu aktar strutturat mal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-proċeduri u l-kwistjonijiet tal-għajnuna mill-Istat. Ir-regoli u r-rekwiżiti dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu adattati wkoll għall-ħtiġijiet speċjali u l-mezzi disponibbli għall-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex b’hekk jiżguraw trattament ġust u ugwali fil-prattika.

4.   Jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà skont il-Qafas

4.1.

Il-Qafas jistabbilixxi fid-dettall ir-rekwiżiti differenti biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE u l-każistika li tinterpretah. Filwaqt li jipprovdi spjegazzjoni tajba tal-kriterji applikati mill-Kummissjoni, spiss jadotta pożizzjoni kawta żżejjed li toħloq problemi bla bżonn u tipproduċi grad ta’ inċertezza. Il-prattika tal-Kummissjoni turi li f’ħafna oqsma dawn id-diffikultajiet ġew megħluba bl-applikazzjoni ta’ interpretazzjoni prammatika tal-Qafas. Ir-referenzi speċifiċi li jsiru għal dawn is-soluzzjonijiet iżidu ċ-ċertezza tad-dritt u jirrinfurzaw b’mod effettiv trattament indaqs filwaqt li jippreservaw il-prinċipju li kull każ għandu jiġi eżaminat fuq il-merti tiegħu. Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni tispeċifika aktar il-modi alternattivi kif jista’ jintlaħaq ir-rekwiżit li diġà huma użati b’mod wiesa’ fil-prattika tagħha. Din il-kjarifika tneħħi ħafna mid-dubji li bħalissa jiffaċċjaw l-awtoritajiet u l-fornituri.

4.2.

Skont it-Trattat, l-għoti u d-definizzjoni ta’ mandat tas-servizz pubbliku jaqgħu taħt il-kompetenza fundamentali tal-Istati Membri. Għalhekk ir-referenzi fil-punt 13 tal-Qafas għall-kundizzjonijiet li l-SGIs/is-servizzi pubbliċi għandhom jissodisfaw jistgħu jservu biss bħala gwida siewja. Madankollu, l-inklużjoni ta’ dawn ir-referenzi tista’ tqajjem tħassib leġittimu dwar limitazzjoni potenzjali tas-setgħat tal-Istati Membri. Għaliex, huwa f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu, fl-interess pubbliku, dwar l-istandards ta’ “kwalità, sikurezza, affordabilità, trattament indaqs, promozzjoni ta’ aċċess universali u ta’ drittijiet tal-utent” li kull servizz essenzjali għandu jissodisfa, irrispettivament mill-kopertura tiegħu mis-suq jew minn mandat. L-Istati Membri għandhom ukoll is-setgħa li jiddeċiedu kif xieraq jekk l-iżgurar ta’ dawk l-istandards jeħtieġx SGEI/servizz pubbliku. Il-kundizzjonijiet tas-suq, filwaqt li huma rilevanti ħafna, ma jistgħux iħassru jew irażżnu l-kapaċità tal-awtoritajiet li jiddefendu l-interess pubbliku. Il-KESE għalhekk jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tillimita l-azzjoni tagħha hawnhekk għal referenza għall-Komunikazzjoni ta’ gwida tagħha li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-valutazzjoni tagħha għall-kontroll tal-eżistenza potenzjali ta’ żball evidenti, kwistjoni li finalment taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja.

4.3.

Il-punt 14 tal-Qafas mingħajr raġuni jqiegħed kundizzjonijiet fuq is-setgħat tal-Istati Membri biex jagħtu mandat billi jirrikjedi li dawn tal-aħħar iwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi biex iqisu l-interessi tal-utenti u tal-fornituri, u b’hekk jaffettwa l-kompetenzi nazzjonali li jaqgħu barra mill-kompetenza tal-Kummissjoni. Filwaqt li l-awtoritajiet dejjem jagħtu attenzjoni xierqa lill-interessi tal-partijiet ikkonċernati, li jiġu mġiegħla jiġġustifikaw il-ħtieġa għal mandat u li jwettqu l-konsultazzjonijiet pubbliċi, jew jintroduċu strumenti alternattivi, ftit li xejn jaqbel mad-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tat-Trattat. Il-prattika tal-Kummissjoni turi li tagħti attenzjoni limitata għal din ir-regola, b’mod speċjali jekk l-Istati Membri jiffaċċjaw ostakoli fl-infurzar tagħha. Il-KESE għalhekk jipproponi li l-Kummissjoni tabbozza mill-ġdid dan il-punt sabiex tevita rekwiżiti obbligatorji li jistgħu jaffettwaw il-proċeduri nazzjonali tat-tfassil tal-liġijiet, u joħolqu problemi mhux iġġustifikati.

4.4.

Ir-rekwiżit skont il-punt 19 tal-Qafas li l-inkarigi jikkonformaw mar-regoli tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni jonqos milli jqis li l-liġi sekondarja f’dan il-qasam esperjenzat reviżjoni profonda wara l-pakkett dwar l-akkwist tal-2014. Id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku tapplika biss, skont l-Artikolu 1(2) tagħha, għal akkwiżizzjonijiet minn awtoritajiet kontraenti u ma tistax timponi reġim vinkolanti fuq l-SGEIs għaliex jirreferu għal kompiti mwettqa minn impriża f’isem l-awtorità. Għalhekk, kwalunkwe rekwiżit skont il-liġi dwar l-akkwist ikun qed imur kontra d-Direttiva li tirregolah. Il-pakkett dwar l-akkwist tal-2014 jirregola wkoll il-konċessjonijiet għall-ewwel darba. Imma jkun qed jiġi żgwidat bil-kbir jekk xi ħadd jiddeduċi li l-SGEIs jistgħu jaqgħu taħt dan ir-reġim: il-konċessjonijiet jimplikaw li l-impriżi jassumu r-riskju kollu meta l-għotja tkun ingħatat, f’kuntrast qawwi mal-SGEIs, fejn l-awtoritajiet ikopru l-ispejjeż żejda involuti fit-tħaddim tas-servizz, biex b’hekk jiġi mminimizzat ir-riskju. Huwa biss fejn l-awtorità tagħżel li tapplika t-trattament konċessjonali għal SGEI li dan ir-reġim japplika, imma f’dawn il-każijiet ma jkunx hemm element ta’ għajnuna, għaliex il-fornitur maħtur iġorr ir-riskju kollu. Għalhekk, la r-regoli tal-akkwist u lanqas ir-regoli konċessjonali ma japplikaw għall-SGEIs. Legalment, il-Qafas jista’ jistieden biss lill-Istati Membri jimplimentaw, fejn applikabbli, il-prinċipji tat-trasparenza u t-trattament indaqs fl-għażla tal-fornituri, b’mod partikolari dawk privati, mingħajr l-ebda obbligu vinkolanti marbut ma’ din it-talba. Il-KESE għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-Punt 19 tal-Qafas biex tqis kif xieraq ir-rekwiżiti legali ġodda fir-rigward tal-akkwist u l-konċessjonijiet.

4.5.

Minkejja li l-Punt 22 tal-Qafas jipprovdi li l-kumpens jista’ jkun ibbażat fuq l-ispejjeż u d-dħul mistennija jew attwalment imġarrba, spiss ħafna l-prattika tal-Kummissjoni tirrikjedi l-istabbiliment ta’ ammonti kumpensatorji ex ante. Dan il-metodu tal-kalkolu, li jipprevjeni lill-awtoritajiet milli jikkumpensaw ex post skont il-kost nett effettiv, jidher li huwa interferenza żejda li tista’ twassal għal problemi li ma jissolvewx, għaliex jekk l-ammonti ex ante jonqsu milli jkopru l-ispiża netta, il-fornitur jiffaċċja nuqqas ta’ finanzjament sistematiku. Barra minn hekk, jekk l-awtorità tipprovdi appoġġ addizzjonali biex tagħlaq dan id-distakk, fil-prinċipju tkun qed tiffaċċja penali potenzjali għal ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Il-prattika tal-Kummissjoni b’mod ġenerali injorat din l-inkonsistenza ħlief f’każijiet fejn il-pretendent ikun qajjem il-kwistjoni. Filwaqt li jidher xieraq li tiġi stabbilita ex ante l-metodoloġija għall-kalkolu tal-kumpens, l-ammonti tentattivi li jsegwu m’għandu jkollhom l-ebda karattru vinkolanti. Huwa biss meta r-riżultati annwali jkunu disponibbli li l-kalkolu tal-ispiża netta u l-kumpens korrispondenti jkunu jistgħu jsiru. Il-KESE għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiżgura konsistenza u konformità sħaħ mat-tieni kriterju Altmark billi takkoppja l-metodoloġija ex ante mal-użu sħiħ tal-kalkolu ex post tal-ispiża netta, sakemm l-awtorità ma tippreferix tistabbilixxi l-kumpens fiż-żmien tal-inkarigu.

4.6.

Il-metodu tal-Ispiża Evitata Netta għall-kalkolu tal-kumpens huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li fin-nuqqas ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku l-fornitur maħtur jista’ jnaqqas l-attivitajiet tiegħu u jimmira li jimmassimizza d-dħul. Il-metodu konvenzjonali tal-Ispiża Evitata Netta jkun ifisser li l-fornitur ma jkomplix l-attivitajiet kollha li jagħmlu telf. Id-differenza bejn dan ix-xenarju kontrofattwali u r-riżultati attwali tal-fornitur ta’ servizz tiddetermina l-ammont tal-kumpens. Il-Kummissjoni reċentement irrakkomandat l-approċċ tal-Ispiża tal-Profitabbiltà (PC), fejn il-kontrofattwali jkun it-twaqqif tal-attivitajiet li jipprevjenu lill-impriża milli timmassimizza r-riżultati tagħha. Il-kumpens għalhekk ikopri mhux biss l-ispejjeż addizzjonali tal-SGEI imma wkoll l-attivitajiet anqas effiċjenti, anke jekk profitabbli. Biex jitnaqqsu l-ħlasijiet kumpensatorji, il-Kummissjoni teħtieġ li l-vantaġġi tas-suq u mhux materjali li jgawdi l-fornitur jitnaqqsu mill-kumpens. Il-preferenza għall-approċċ tal-PC twassal għal diverġenzi de facto fl-implimentazzjoni ta’ prinċipju uniku, li għalhekk jikkomprometti ċ-ċertezza tad-dritt. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tapprova ż-żewġ approċċi u tipprovdi aktar gwida dwarhom fil-Qafas, li bħalissa bilkemm fih indikazzjoni ta’ kif se jiġu stabbiliti l-kontrofattwali rilevanti.

4.7.

Il-metodu tal-allokazzjoni tal-ispiża jidher l-aktar wieħed xieraq għall-biċċa l-kbira tal-SGEIs, għaliex il-kalkolu tiegħu huwa bbażat fuq id-differenza bejn l-ispejjeż biex jiġi ssodisfat l-obbligu ta’ servizz pubbliku u d-dħul korrispondenti. Minkejja dan, l-Istati Membri li jridu jużaw dan il-metodu jridu jiġġustifikaw ir-raġunijiet biex jitwarrab l-approċċ tal-Ispiża Evitata Netta li mill-bqija huwa meqjus obbligatorju. Billi l-Ispiża Evitata Netta tinvolvi analiżi kumplessa u għalja, u spiss ikunu meħtieġa servizzi ta’ konsulenza esterna, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tirrikonoxxi dan il-metodu bħala wieħed kompletament validu, fuq l-istess livell bħall-Ispiża Evitata Netta ħlief għal attivitajiet speċifiċi bħas-servizzi postali fejn din il-metodoloġija tibqa’ dik vinkolanti, skont it-Tielet Direttiva Postali.

4.8.

Il-Punt 32 tal-Qafas, dwar id-dħul, bir-raġun jinkludi l-profitti eċċessivi ġġenerati minn drittijiet speċjali jew esklużivi. Madankollu fil-prattika reċenti dan kien jinkludi profitti mill-provvista universali anke jekk ma jkunux ġejjin minn dawn id-drittijiet, biex b’hekk iwassal għal valutazzjonijiet qarrieqa. Għandu jiġi enfasizzat li l-kopertura universali timplika żvantaġġ għaliex il-fornitur maħtur huwa marbut li jservi territorju partikolari irrispettivament mill-ispejjeż imġarrba. Għalhekk, jekk il-fornitur iwettaq dan is-servizz fuq bażi profitabbli, il-prinċipji tat-Trattat jinkisru jekk dan l-eċċess kellu jiffinanzja fuq bażi obbligatorja obbligi ta’ servizz pubbliku oħrajn li jkunu qed jagħmlu telf. Il-KESE għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tiċċara dan il-punt u tagħmel distinzjoni bejn drittijiet speċjali jew esklużivi li jinvolvu vantaġġ li l-profitt tiegħu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-finanzjament tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u kopertura universali li tinvolvi żvantaġġ għall-fornitur maħtur.

4.9.

Il-profitt raġonevoli kif previst fil-Qafas iqajjem xi kwistjonijiet li jeħtieġu aktar kjarifika. Filwaqt li l-Qafas jippromovi l-użu tar-Rati ta’ Redditu Interni, jirrikonoxxi d-diffikultà inerenti biex jiġi applikat dan il-metodu. Għalhekk, fil-prattika l-Kummissjoni tqabbel kumpaniji mill-istess settur jew minn settur relatat bl-użu ta’ kriterji ta’ profitabbiltà standard bħall-ROE jew l-ROS. Madankollu n-nuqqas ta’ ċertezza dwar il-kwistjoni spiss iwassal għal riżultati diverġenti. Il-KESE għalhekk jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-kriterji kollha tal-profitabbiltà standard u stabbiliti sewwa aktar milli tagħmel xi wieħed minnhom obbligatorju. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi aktar kjarifika dwar l-istandards tal-profitabbiltà u li jiġi permess l-użu ta’ standards differenti aktar milli jiġi impost wieħed partikolari fuq l-Istati Membri.

4.10.

Ir-rekwiżit obbligatorju tal-effiċjenza skont il-punti 39 sa 46 tal-Qafas qed juri li huwa ostakolu kbir kemm għall-partijiet ikkonċernati kif ukoll għall-awtoritajiet. Billi l-Qafas ma jipprovdi l-ebda ħjiel dwar kif jiġu kkalkulati l-inċentivi għall-effiċjenza, il-prattika tal-Kummissjoni tippermetti valutazzjonijiet ferm diverġenti, biex b’hekk tikkomprometti l-prinċipji taċ-ċertezza tad-dritt u tat-trattament indaqs. Il-KESE għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tiċċara aktar il-modi alternattivi tal-kalkolu ta’ dawn l-inċentivi, li l-użu tagħhom m’għandux ikun vinkolanti minħabba l-kumplessità involuta.

Brussell, is-6 ta’ Lulju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Kawża T-106/95.

(2)  Kawża C-53/00.

(3)  Kawża C-280/00.

(4)  ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15.

(5)  ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3

(6)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.