Brussell, 7.12.2016

COM(2016) 941 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

IT-TITJIB U L-IMMODERNIZZAR TAL-EDUKAZZJONI


It-titjib u l-immodernizzar tal-edukazzjoni

Edukazzjoni ta’ Kwalità Għolja Għal Kulħadd

1. L-edukazzjoni hija ta’ importanza strateġika għas-soċjetajiet tagħna u għall-iżvilupp ekonomiku

Il-prosperità tal-Ewropa u l-istil ta’ ħajja huma bbażati fuq l-assi l-aktar importanti tagħha: niesha. F’soċjetà li qed tinbidel u l-ambjent kompetittiv globali, edukazzjoni ta’ kwalità hija kruċjali biex l-UE tiżgura l-koeżjoni soċjali, il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli. Biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tal-impjiegi, it-tkabbir, l-investiment u l-kompetittività, u l-ġustizzja soċjali fil-qalba tagħha, huwa importanti ħafna li ninvestu fiż-żgħażagħ. Il-forniment ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd huwa wieħed mill-aqwa investimenti li tista’ tagħmel soċjetà.

Edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd hija l-pedament għall-koeżjoni soċjali u għal soċjetà miftuħa. Edukazzjoni ta’ kwalità hija ħafna iktar minn investiment ekonomiku. Hija essenzjali għall-iżvilupp personali, soċjali u professjonali kif ukoll għall-impjegabbiltà tul il-ħajja. U tista’ tkun wieħed mill-iktar modi effettivi biex ikunu indirizzati l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u tkun promossa l-inklużjoni soċjali. Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, is-sistemi edukattivi jeħtieġ li jkunu aċċessibbli u li jagħtu opportunitajiet indaqs għal kulħadd, irrispettivament mill-isfond tal-persuna, u li jipproduċu eżiti ta’ kwalità għolja.

Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa jagħtu riżultati tajbin... l-Istati Membri huma primarjament responsabbli għas-sistemi tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u kollha kemm huma wettqu riformi u evalwazzjonijiet bejn il-pari sinifikanti matul is-snin. L-Ewropa għamlet progress tajjeb fit-titjib tal-edukazzjoni kumplessivament. Dan pereżempju huwa viżibbli fiss-sehem dejjem akbar ta’ żgħażagħ li jiggradwaw mill-edukazzjoni għolja, filwaqt li tintlaħaq il-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 ta’ 40 %. Bl-istess mod, huwa suċċess ewlieni li s-sehem ta’ dawk li jitilqu mill-iskola kmieni naqas matul il-perjodu 2005–2015 bi 30 %, biex issa jammonta għal medja ta’ 11 % għall-UE.

... iżda m’hemmx lok għall-kompjaċenza. Ir-riżultati reċenti tal-istħarriġ PISA tal-OECD 1 jikkonfermaw li parti kbira tal-istudenti ta’ 15-il sena għandhom ħiliet bażiċi baxxi wisq fil-qari, il-matematika u x-xjenza u, l-aktar ħaġa li toħloq tħassib hi li r-riżultati huma agħar minn tal-2012. Il-paraguni bejn il-pajjiżi juru li xi Stati Membri jeħtieġ li jnaqqsu l-għadd ta’ studenti b’ħiliet bażiċi baxxi ħafna (li jammontaw, f’xi Stati Membri, għal aktar minn 30 %). Fid-dawl tal-impjegabbiltà, aktar progress huwa meħtieġ biex jintlaħaq il-livell ta’ referenza ta’ rata ta’ impjieg ta’ 82 % tal-persuni gradwati żgħażagħ li jrid jintlaħaq sal-2020. Illum, dan is-sehem jammonta għal 77 % biss. Tħassib ewlieni ieħor huwa li ħafna żgħażagħ li jħallu l-iskola qabel iż-żmien mingħajr kwalifika formali, b’mod partikolari, fil-grupp tal-istudenti mwielda barra mill-pajjiż, li għalihom is-sehem ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien jammonta għal 19 %. Din l-evidenza turi li hemm ħtieġa ċara biex jittejbu l-prestazzjoni u r-riżultati tas-sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ. L-influss reċenti ta’ refuġjati jirrikjedi wkoll rispons rapidu u strateġija effettiva għall-integrazzjoni.

Il-kwalità tal-edukazzjoni għandha ssir realtà għall-istudenti kollha. Partikolarment inkwetanti huwa li l-istudenti bi sfond soċjoekonomiku vulnerabbli huma rrappreżentati bil-kbir fost l-istudenti b’livell baxx ta’ kisbiet. Sfida oħra hija li noffru kwalità edukazzjonali ugwali madwar l-UE, inkluż f’żoni remoti. Dan jindika r-riskju li hemm diviżjoni fis-sistema tal-edukazzjoni. L-edukazzjoni toffri opportunità unika biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u stereotipi tas-sessi u biex ikun żgurat li ħadd ma jibqa’ lura. Madankollu, fil-preżent, is-sistemi edukattivi Ewropej mhumiex effettivi biżżejjed fl-użu ta’ dan il-potenzjal.

Is-sistemi edukattivi jeħtieġ li jkunu modernizzati u li l-kwalità tal-edukazzjoni tittejjeb kontinwament. Il-globalizzazzjoni u t-tibdil teknoloġiku joffri possibiltajiet ġodda, għall-edukazzjoni u għax-xogħol. Kwart biss tat-tfal tal-iskola fl-Ewropa jiġu mgħallma minn għalliema diġitalment kunfidenti 2 . It-trasformazzjoni diġitali qiegħda tibdel is-suq tax-xogħol u teħtieġ settijiet ta’ ħiliet ġodda. It-teknoloġiji diġitali joffru wkoll modi ġodda ta’ tagħlim dment li hemm aċċess adegwat għal dawn it-teknoloġiji. Sabiex jaħsdu l-benefiċċji ta’ dawn ix-xejriet, is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ iridu jirrispondu aħjar għal dawn ir-realtajiet li dejjem qed jinbidlu. Edukazzjoni ta’ kwalità għolja hija essenzjali sabiex iż-żgħażagħ jakkwistaw ħiliet, għarfien, attitudnijiet u mentalitajiet li jeħtieġu biex jgħinuhom jaħtfu l-opportunitajiet il-ġodda. Is-sistemi tal-iskola jitħabtu biex jipprovdu biżżejjed kompetenzi ewlenin, bħal ħiliet diġitali u intraprenditorjali jew kompetenzi soċjali u ċiviċi. Din il-kwistjoni jeħtieġ li tkun indirizzata. Il-ħidma biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni hija mira li hija rilevanti għall-Istati Membri kollha. Anke l-pajjiżi li għandhom prestazzjoni tajba ma jistgħux ma jibqgħux fuq ponot subgħajhom. L-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja huwa kompitu li qatt ma jitlesta: jeħtieġ attenzjoni kontinwa, titjib u adattament.

L-effiċjenza teħtieġ li tiġi mtejba: iż-żamma ta’ sistemi ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklużiva ġġib magħha żvantaġġi u tirrikjedi finanzjament xieraq. Bħala tip ta’ nefqa pubblika li ssaħħaħ t-tkabbir, l-infiq fuq l-edukazzjoni għandu l-potenzjal li jippromwovi l-ġustizzja soċjali kif ukoll ekonomija innovattiva u kompetittiva, biex b’hekk joffri prospetti tajba ta’ impjieg. Fl-2014, għall-ewwel darba fi tliet snin, l-infiq pubbliku żdied f’termini reali, u laħaq l-4,9 % tal-PDG 3 . Madankollu, m’hemm l-ebda garanzija li ż-żieda fin-nefqa pubblika tagħti riżultati aħjar b’mod awtomatiku. Fil-fatt, it-tqabbil tar-riżultati ta’ PISA u l-livell tan-nefqa pubblika fuq l-edukazzjoni preprimarja u skolastika juri differenzi kbar fil-mod kif l-Istati Membri jagħmlu użu effiċjenti mir-riżorsi tagħhom. Din l-evidenza turi l-importanza kritika ta’ effiċjenza akbar, jiġifieri li jsir l-aħjar użu possibbli ta’ riżorsi limitati biex ikunu żgurati l-kwalità, l-ekwità u l-prestazzjoni.

Għandhom jissaħħu l-isforzi politiċi biex ninvestu b’mod aktar effettiv fiż-żgħażagħ.
Il-fokus ta’ din il-Komunikazzjoni huwa fuq l-enfażi tar-rwol fundamentali tal-edukazzjoni u fuq l-istabbiliment ta’ modijiet biex ikunu appoġġati l-isforzi tal-Istati Membri, kemm f’setturi speċifiċi tal-edukazzjoni (il-Kapitolu 2) kif ukoll b’mod ġenerali (il-Kapitolu 3). Din il-Komunikazzjoni hija parti minn pakkett ikbar ta’ azzjonijiet għall-appoġġ favur iż-żgħażagħ. L-isforzi mġedda biex itejbu u jimmodernizzaw l-edukazzjoni huma marbuta mill-qrib u parzjalment mibnija fuq l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 4 , li tnediet f’Ġunju 2016. L-azzjonijiet stabbiliti taħt dawn l-inizjattivi għandhom jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin.

2. Aktar appoġġ mill-UE lill-Istati Membri fl-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja u dik skolastika

L-UE tista’ tappoġġa l-isforzi ta’ riforma tal-Istati Membri biex jimmodernizzaw edukazzjoni għolja u dik skolastika. Fl-2017, il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattivi speċifiċi li jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja u dik skolastika. Dawn l-inizjattivi se jitħejjew b’rispett sħiħ għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-Istati Membri, bħalma huma l-assoċjazzjonijiet ta’ min jitgħallem, l-għalliema, il-kapijiet tal-iskola u l-ġenituri, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

2.1. L-iskola u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal

Edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal

L-edukazzjoni u kura bikrija ta' kwalità tat-tfal huma kruċjali biex tiġi pprovduta l-bażi għall-iżvilupp personali u tagħlim kontinwu. L-ewwel snin ta’ ħajjithom, huma ta’ importanza kritika biex jiżviluppaw il-ħiliet konjittivi u nonkonjittivi. In-nuqqasijiet fl-istadji bikrija tal-iżvilupp huma diffiċli li jinkisbu fi stadju aktar tard fil-ħajja. Min-naħa l-oħra, edukazzjoni ta’ kwalità għolja, provduta minn età żgħira, hija bażi soda biex jinkisbu ħiliet aktar faċilment matul il-ħajja kollha.

Edukazzjoni ta’ kwalità għolja kmieni fit-tfulija hija mod effettiv u effiċjenti biex nippromwovu l-ġustizzja soċjali. Din tgħin biex jitnaqqsu t-tluq bikri mill-iskola u wkoll ir-riżultati baxxi u għandha rwol sinifikanti biex jingħeleb l-iżvantaġġ edukattiv, billi tfal minn sfond soċjoekonomiku vulnerabbli jinagħtaw ċans li javvanzaw fil-mobbiltà soċjali. Barra minn hekk, il-forniment ta’ edukazzjoni u kura bikrija ta' kwalità tat-tfal jiswa relattivament ftit u huwa wisq aktar effettiv milli azzjoni biex issewwi l-ħsara aktar tard fil-ħajja. Din hija r-raġuni għaliex kull tentativ biex tittejjeb l-edukazzjoni u l-effiċjenza tas-sistemi edukattivi teħtieġ li tibda b’ħarsa lejn dak li jiġri f’età żgħira ħafna.

Il-Kwalità u l-aċċessibilità huma importanti. L-Istati Membri kważi laħqu l-punt ta’ riferiment ta’ 95 % stabbilit fil-qafas tal-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ 2020 biex jipprovdu edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, b’medja ta’ rata ta’ parteċipazzjoni fl-UE ta’ 94,3 % fl-2014 5 . Madankollu, tfal minn sfond żvantaġġat u l-gruppi ta’ minoranza għadhom mhumiex irrappreżentati biżżejjed 6 . Madankollu, il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal jista' jkollhom l-impatt pożittiv tagħhom fuq l-ugwaljanza u l-mobilità soċjali biss, jekk ikunu aċċessibbli għal kulħadd, ikunu ta’ kwalità għolja u jkunu jistgħu jinkisbu bi prezz raġonevoli. L-ilħuq ta’ dawn l-objettivi se jirrikjedi aktar titjib. B’mod partikolari, huwa essenzjali li jsir investiment f’edukaturi kwalifikati u mħarrġa u li jitfasslu curricula li jistimulaw it-tfal u jrawwmu l-proċess ta’ tagħlim tagħhom.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-Istati Membri fl-għoti ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja u żżid l-isforzi biex tgħinhom jitgħallmu minn xulxin u jidentifikaw x’jaħdem l-aħjar. Dan jiżgura tranżizzjoni ottimali għat-tfal mill-edukazzjoni bikrija sal-iskejjel primarji.

Edukazzjoni skolastika

L-Ewropa jeħtieġ li tiżviluppa u tinnova l-edukazzjoni skolastika. Ħafna sistemi edukattivi skolastiċi jitħabtu biex jirreaġixxu għal bidliet profondi u kumplessi li għaddejjin minnhom is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna. Jeħtieġ li l-iskejjel jiġu adattati għall-kuntest li qed jinbidel, li joperaw fih, inkluża l-era diġitali u d-diversità li dejjem qed tiżdied fost l-istudenti. Dawn il-kwistjonijiet kollha jeħtieġu mhux biss l-adattament tal-curricula tal-iskola, iżda wkoll tagħlim aktar divers u tagħlim li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ dawk kollha li qegħdin jitgħallmu. Li wieħed ikun parti mill-istess sistema edukattiva mhux neċessarjament toffri l-istess opportunitajiet għal kulħadd. Hemm differenzi sinifikanti fil-kwalità tal-edukazzjoni fl-istess sistema edukattiva. Dawn l-isfidi jwasslu għal pressjoni dejjem akbar fuq il-governanza tas-sistemi edukattivi tal-iskejjel biex jippromwovu edukazzjoni ta’ kwalità għolja u l-inklużjoni sostenibbli permezz tal-innovazzjoni. L-Ewropa teħtieġ li tiżgura li d-distakk diġitali ma jiggravax u li jkun żgurat aċċess adegwat għar-riżorsi u l-infrastruttura diġitali għal kulħadd.

Rabta mill-qrib bejn l-iskejjel u l-ambjent tagħhom tippermettilhom li jadattaw għal ċirkostanzi lokali speċifiċi. Hija tippermetti lill-iskejjel li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-komunità lokali u li joffru esperjenzi ta’ tagħlim aktar sinifikanti għaż-żgħażagħ lil hinn mill-iskola u mill-istrutturi tat-tagħlim formali. Il-bilanċ it-tajjeb bejn l-awtonomija tal-iskola u rresponsabbiltà jgħin biex jittejbu s-sistemi edukattivi u jiġu prodotti riżultati ta’ kwalità għolja.

Il-kwalità tat-tagħlim u tat-tmexxija tal-iskejjel huma kruċjali. Wieħed mill-elementi ewlenin fit-titjib tal-kwalità, l-eżiti soċjali u l-effiċjenza tal-iskejjel huwa li jingħata appoġġ akbar għal għalliema u mexxejja tal-iskejjel. L-għalliema għandhom rwol ewlieni fit-tixrid tal-għarfien u valuri komuni u fl-għoti ta’ appoġġ lill-istudenti li ġejjin minn sfond soċjoekonomiku vulnerabbli. fBiex l-għalliema jkunu jistgħu jaqdu dawn il-kompiti diffiċli, jeħtieġ investiment strateġiku ta’ tmexxija effettiva fl-iskejjel u professjoni tal-għalliema li hija bbażata fuq edukazzjoni inizjali eċċellenti u fuq l-iżvilupp professjonali tul il-karriera. Il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali għandhom jiġu inklużi kemm fit-taħriġ fuq il-post tax-xogħol kif wkoll fit-taħriġ qabel il-karriera tal-għalliema u għandhom ikunu appoġġati b’mod attiv mill-mexxejja tal-iskejjel.

Il-Kummissjoni se:

- tislet, fuq il-bażi ta’ dejta ta’ PISA 2016 il-ġdid kif ukoll il-kooperazzjoni mal-OECD, konklużjonijiet politiċi u tappoġġa l-iżvilupp tal-politika fuq livell tal-UE u dak nazzjonali biex titjieb l-effikaċja tal-użu tar-riżorsi fl-iskejjel;

- kif imħabbar fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, tirrieżamina il-Qafas tal-2006 ta’ Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja biex taġġorna id-definizzjonijiet attwali tiegħu u tadatta għall-ħtiġijiet ġodda fis-soċjetà u l-ekonomija u tattira attenzjoni mġedda għal riżultati ta’ tagħlim u biex jiġi promoss l-iżvilupp tal-kompetenzi tal-istudenti.

- tappoġġa l-mentalità u l-ħiliet intraprenditorjali (it-trawwim ta’ sens ta’ inizjattiva, kreattività, innovazzjoni u responsabbiltà) u edukazzjoni intraprenditorjali permezz ta’ azzjoni dedikata li tistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu esperjenza ta’ intraprenditorija għal kulħadd qabel ma titlesta l-edukazzjoni inizjali;

- kif imħabbar fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, tintensifika l-ħidma mal-Istati Membri, ma’ gruppi ta’ interess u ma’ industriji ta’ Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, inkluż il-Grupp ta’ Ħidma ET2020 dwar ħiliet diġitali biex jiġu identifikati l-isfidi u timplimenta l-aħjar prattiki għall-edukazzjoni diġitali.

- tipproponi qafas ta’ politika u abbozz ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u valuri komuni permezz tal-edukazzjoni u t-tagħlim mhux formali sabiex jipprovdu appoġġ u gwida lill-Istati Membri.

-tappoġġa b’mod attiv l-edukazzjoni tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu fit-trażmissjoni effikaċi tal-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-Unjoni;

- tippromwovi edukazzjoni inklużiva permezz tal-iżvilupp ulterjuri ta’ Għodod Ewropej għall-Iskejjel kif ukoll l-użu tal-fondi ta’ Erasmus + u ta’ Orizzont 2020, inkluż l-appoġġ għal netwerk ta’ skejjel għall-inklużjoni biex jippromwovu prattika tajba fil-qasam ta’ tagħlim inklużiv (eż. l-integrazzjoni tal-istudenti migranti u t-tagħlim ta’ valuri komuni);

- toffri attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari mmirat u innovattiv biex jistimolaw it-tagħlim tal-politika dwar il-governanza tas-sistemi skolastiċi (assigurazzjoni ta’ kwalità, l-ottimizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi, it-tranżizzjoni ta’ dawk li jitgħallmu permezz tal-edukazzjoni);

L-użu netwerks transnazzjonali tal-Fond Soċjali Ewropew biex isir skambju tal-aħjar prattiki, b’mod partikolari, in-Netwerk tat-Tagħlim u tal-Ħiliet. In-netwerk jipprovdi lok għal tagħlim reċiproku bejn il-fruntieri biex jgħin lill-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati oħra jtejbu l-politiki u l-prattiki tagħhom fil-ġestjoni tal-investiment tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fit-tagħlim u l-ħiliet;

- tippromwovi l-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ u biex ikun żgurat aċċess aħjar għal edukazzjoni ta’ kwalità tajba u jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola;

- tiżviluppa ulterjorment l-eTwinning u l-iSchool Education Gateway biex tappoġġa skambji kostruttivi bejn l-għalliema u prattikanti oħra dwar x’jaħdem fl-edukazzjoni skolastika.

2.2. Edukazzjoni għolja

L-Ewropa jeħtieġ li tkompli b’mod attiv l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja.
It-twessigħ tal-aċċess għall-edukazzjoni għolja f’dawn l-aħħar snin ċertament kien wieħed mill-istejjer ewlenin Ewropej ta’ suċċess. Madankollu, ir-reazzjoni għad-domanda għal ħiliet ta’ livell għoli fis-soċjetà u fl-ekonomija għadha sfida kbira għall-universitajiet u l-kulleġġi tal-Ewropa. Minkejja l-ħafna eżempji ta’ eċċellenza u l-impenn tal-persunal, tal-istudenti u tal-partijiet ikkonċernati, konsultazzjoni pubblika reċenti tal-Kummissjoni
7 żvelat tħassib dwar in-nuqqas ta’ qbil bejn dak li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja qed jipprovdu bħalissa u l-ħiliet li l-gradwati għandhom bżonn biex jirnexxu.

Il-kwalità tat-tagħlim hija fattur ewlieni biex titjieb il-kwalità fl-edukazzjoni għolja. Huma meħtieġa sforzi akbar biex ninvestu f’taħriġ pedagoġiku tal-persunal akkademiku, li huwa qasam li tradizzjonalment ingħata inqas importanza mill-output tar-riċerka. B’mod partikolari, l-istatus u l-kwalità tat-tagħlim fl-edukazzjoni għolja jeħtieġu li jitjiebu. Dan jeħtieġ progress fl-iżvilupp, ir-rikonoxximent u l-kumpens tat-tagħlim ta’ kwalità għolja. Barra minn hekk, id-diversità dejjem tiżdied tal-popolazzjoni tal-istudenti tagħmel it-tagħlim professjonali iktar urġenti minn qatt qabel. Jeħtieġ li l-għalliema jkunu ppreparati u mħarrġa tajjeb biex ikunu jistgħu jilqgħu studenti bi sfond, aspettattivi u ħtiġijiet differenti.

Fl-2017, il-Kummissjoni se tippreżenta pakkett ta’ inizjattivi fil-qasam tal-edukazzjoni għolja. L-aġenda tal-modernizzazzjoni fl-edukazzjoni għolja tappoġġa lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet edukattivi, lill-persunal u lill-istudenti biex itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ madwar l-UE. Biex tipprovdi bażi solida għall-ħidma futura, il-Kummissjoni se tippreżenta aġenda aġġornata 8 u mġedda għall-edukazzjoni għolja fl-2017, li tibni fuq ir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-prijoritajiet għall-kooperazzjoni tal-UE li ġew konklużi fil-bidu tal-2016.

Il-Kummissjoni se:

- tgħin lill-edukazzjoni għolja biex tarma aħjar liż-żgħażagħ bil-ħiliet u l-kompetenzi li jeħtieġu għas-soċjetà tal-lum, billi tappoġġa kooperazzjoni aktar b’saħħitha għat-tfassil effikaċi tal-programm u ta’ politika tajba. Kif imħabbar fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, u bħala parti mill-isforzi tagħha biex ittejjeb il-bażi ta’ evidenza għall-politika u l-prattika fl-edukazzjoni għolja, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex itejbu d-disponibbiltà ta’ dejta dwar l-impjiegi u l-eżiti soċjali tal-gradwati ("stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati") li tkopri wkoll l-edukazzjoni u t-taħiġ vokazzjonali;

- Iżżid il-kontribut tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja għall-innovazzjoni reġjonali billi tibni aktar rabtiet u li jkunu aktar b’saħħithom bejn universitajiet, negozji u organizzazzjonijiet oħra - biex b’hekk tgħaqqad flimkien ukoll mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u jinfetħu bibien ġodda bejn l-edukazzjoni għolja u l-post tax-xogħol;

- ittejjeb l-interazzjoni bejn ir-riċerka u t-tagħlim sabiex jiġi żgurat li t-tagħlim ikun ibbażat fuq għarfien tal-ogħla livell u rikonoxxut b’mod adegwat u li l-gradwati jkollom ħiliet għas-soluzzjoni tal-problemi u ħiliet analitiċi b’saħħithom;

- biex tippromwovi investiment adegwat u effettiv fl-edukazzjoni għolja u tappoġġa lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tiffoka fuq tliet oqsma ta’ attività fl-2017:

   Rieżami tan-nefqa effettiva fl-edukazzjoni għolja mill-esperti esterni u kkordinata mal-ħidma li hemm għaddejja mill-OECD, li jirrapporta kmieni fl-2018;

    Programm imtejjeb ta’ pariri tal-pari dwar it-tfassil ta’ sistema ta’ finanzjament,li jibni fuq proġetti pilota ta’ suċċess fir-Repubblika Ċeka u eżerċizzju li għadu kemm beda fis-Slovenja.

   Riċerka ta’ azzjoni biex ittejjeb il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej b’appoġġ għall-edukazzjoni għolja. Immexxi miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u ffinanzjati permezz ta’ Erasmus +, dan ix-xogħol jinvolvi l-analiżi ta’ kif l-edukazzjoni għolja qed tiġi involuta fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u kif qed tipprovdi parir konkret lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-partijiet ikkonċernati dwar kif jistgħu jiġu ottimizzati l-attivitajiet biex jinkiseb l-impatt massimu. Filwaqt li dan ix-xogħol beda f’żewġ reġjuni pilota, il-ħsieb huwa li l-ħidma tkun estiża aktar, abbażi tar-riżultati tal-ħidma attwali.

3. Appoġġ aħjar għall-Istati Membri biex jixprunaw ir-riformi għal sistemi edukattivi aħjar

Inpoġġu l-edukazzjoni 'l fuq fl-aġenda politika. L-isforzi biex tkun xprunata aġenda għal titjib fil-kwalità u fill-prestazzjoni fl-edukazzjoni jeħtieġ li jibdew billi isir sensibilizzazzjoni dwar l-urġenza li tittieħed azzjoni. Peress li ħafna benefiċċji ta’ edukazzjoni tajba jakkumulaw f’oqsma politiċi oħra - bħall-politika soċjali, taċ-ċittadinanza, tal-impjiegi, ekonomika jew tas-sigurtà, huwa neċessarju li wieħed jara r-riformi edukattivi f’kuntest wiesa’. Dibattitu fl-ogħla livell politiku jista’ jgħin biex jiskatta l-momentum politiku neċessarju biex tingħata aktar attenzjoni u tittieħed azzjoni biex tittejjeb il-kwalità tas-sistemi edukattivi.

It-twettiq ta’ riformi fl-edukazzjoni fis-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Diġà llum, il-linji gwida dwar l-impjiegi 9 għandhom mandat biex jixprunaw riformi u kwistjonijiet edukattivi marbuta mal-edukazzjoni bħala parti mill-ħidma skont is-Semestru Ewropew. Il-bażi ta’ evidenza dwar l-edukazzjoni fis-Semestru Ewropew tista’ tissaħħaħ aktar billi jsir użu aħjar mir-rapport analitiku “Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ”. Barra minn hekk, jista’ wkoll jiġi esplorat kif id-dejta tal-OECD dwar il-ħiliet tista’ tkun sfruttata aħjar bħala indikatur jew punt ta’ riferiment biex ikun immonitorjat il-progress fit-titjib tal-kwalità tal-eżiti edukattivi. 

Nappoġġaw l-isforzi ta’ riforma tal-Istati Membri. Id-deċiżjoni dwar kif għandhom jiġu żviluppati s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ hija responsabbiltà tal-Istati Membri. L-immodernizzar u t-titjib tal-edukazzjoni jeħtieġu riformi li huma bbażati fuq għarfien sod dwar x’jaħdem sew fl-edukazzjoni. L-UE tista’ tgħin biex tinforma l-għażliet ta’ politika ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Istati Membri billi tipprovdi dejta komparattiva, issaħħaħ il-bażi ta’ evidenza, twettaq analiżi u tistabbilixxi punti ta’ riferiment, tippromwovi tagħlim reċiproku, taqsam l-għarfien dwar prattika tajba u billi toffri appoġġ immirat, li jibni fuq kooperazzjoni eżistenti ma’ bosta fornituri ta’ dejta interna u esterna, inkluża l-OECD.

It-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-oqsma tal-politika. Minħabba l-interkonnessjonijiet bejn l-edukazzjoni u oqsma oħra ta’ politika, il-kooperazzjoni fost il-politiki tista’ tissaħħaħ. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ diskussjonijiet konġunti dwar il-politika, li jorbtu l-edukazzjoni mal-ekonomija, mal-finanzi, mal-impjiegi, mal-protezzjoni soċjali, ma’ politiki tas-saħħa u tal-inklużjoni, inkluż dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-edukazzjoni għandha rwol importanti wkoll fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti 10 . Kooperazzjoni bħal din tkun ukoll strumentali fit-titjib tal-bażi ta’ evidenza dwar x’jaħdem sew fl-edukazzjoni.

Fokus akbar fuq l-effiċjenza. Sforzi politiċi biex tiżdied l-effiċjenza tal-edukazzjoni jibbenefikaw mill-kombinazzjoni tal-għarfien espert tal-atturi fil-qasam tal-edukazzjoni u oqsma oħra ta’ politika, b’mod partikolari, l-inklużjoni soċjali, l-impjieg, il-politika ekonomika u l-finanzi pubbliċi. L-għan għandu jkun li jinkisbu riżultati aħjar. Element innovattiv għandu jkun li naħdmu flimkien, pereżempju, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika, il-Kumitat tal-Impjiegi jew il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali. Filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza pożittiva fil-qasam tas-saħħa u l-kura fit-tul, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jippreparaw b’mod konġunt mal-Kumitat tal-Politika Ekonomika (u korpi rilevanti oħra) analiżi dwar politiki u sistemi tal-edukazzjoni u l-effiċjenza u l-prestazzjoni tagħhom. Dan ix-xogħol jista’ jikkontribwixxi wkoll għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-formazzjonijiet tal-Kunsill, pereżempju bejn il-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, il-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumaturi u l-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.

Il-Kummissjoni se:

- toħloq aċċess faċli onlajn għall-prattiki tajba dwar “x’jaħdem fl-edukazzjoni”, li jaġixxi bħala punt uniku ta' kuntatt faċli għall-utent, li jibni fuq l-għodod eżistenti onlajn u jikkumplementahom;

- tappoġġa l-isforzi kontinwi tal-Istati Membri biex ilaħħqu mat-trasformazzjoni diġitali fl-edukazzjoni;

- toffri appoġġ imsaħħaħ u miżjud maħdum skont l-esiġenzi tal-Istati Membri permezz ta’ pariri tal-pari, billi tgħaqqad pari professjonali mill-amministrazzjonijiet nazzjonali biex jipprovdu parir estern għal pajjiż li jitlob l-appoġġ dwar ir-riforma tal-edukazzjoni;

- issaħħaħ il-bażi ta’ evidenza (b’mod partikolari permezz tal-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ), u t-titjib tal-kwalità tal-analiżi (pereżempju billi tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-oqsma tal-politika u l-parteċipazzjoni ta’ korpi bħall-Kumitat tal-Politika Ekonomika) sabiex jitnaqqsu l-lakuni fl-għarfien dwar fatturi ewlenin li jirfdu d-sistemi bi prestazzjoni tajba.

4. Konklużjoni

L-immodernizzar u t-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni jeħtieġ riformi. Id-deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi hija f’idejn l-Istati Membri. Fl-istess waqt, l-Istati Membri kollha għandhom interess komuni li dawn ir-riformi jagħmlu progress u jipproduċu riżultati, li minnhom tibbenefika l-Ewropa kollha kemm hi, pereżempju fil-forma koeżjoni soċjali, ekwità, aktar tkabbir, impjiegi, innovazzjoni u kompetittività.

L-UE tista’ tassisti l-isforzi tal-Istati Membri. Din il-Komunikazzjoni tqiegħed it-titjib u l-immodernizzar tal-edukazzjoni bħala prijorità ewlenija fuq l-aġenda tal-UE. Hija tistabbilixxi azzjoni mmirata fil-livell tal-UE li tista’ tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi ta’ riforma tagħhom u tgħin biex tinbena aġenda kondiviża biex l-edukazzjoni ta’ kwalità għolja ssir realtà għal kulħadd.

(1)

http://www.oecd.org/pisa/

(2)

Survey of Schools: ICT in Education Benchmarking Access, Use and Attitudes to Technology in Europe’s Schools (https://ec.europa.eu/digital-single-market/sites/digital-agenda/files/KK-31-13-401-EN-N.pdf)

(3)

Din il-medja tal-UE taħbi differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri. L-infiq fuq l-edukazzjoni bħala perċentwali tal-PDG għal Stati Membri speċifiċi jvarja minn 3 % għal 7,2 %.

(4)

COM (2016) 381 Final – " Aġenda Ġdida tal-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività”. L-aġenda tiffoka fuq li aktar persuni jiksbu ħiliet aħjar, l-użu aħjar tal-kapaċitajiet eżistenti u t-titjib tal-għarfien u l-informazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' ħiliet.

(5)

Il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2016 (ec.europa.eu/education/monitor)

(6)

J. Bennet, 2012, Early childhood education and care (ECEC) for children from disadvantaged backgrounds: Findings from a European literature review and two case studies

(7)

SWD(2016) 195 final

(8)

Fl-20 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar “Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi - aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa” (COM(2011) 567 final).

(9)

L-Artikolu 146 tat-TFUE jistipula li l-Istati Membri għandhom iqisu l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta’ interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f’dan ir-rigward fil-Kunsill. B’konformità mal-Artikolu 148 tat-TFUE, il-Kunsill ifassal linji gwida li l-Istati Membri għandhom iqisu fil-politika tagħhom dwar l-impjiegi.

(10)

Ara r-rwol tal-edukazzjoni fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni "L-appoġġ favur il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti" (COM(2016)379)"