Brussell, 7.12.2016

COM(2016) 940 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

NINVESTU FIŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-EWROPA


NINVESTU FIŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-EWROPA

"Bħalissa fil-fruntieri tal-Unjoni Ewropea qiegħed jiġi ffurmat id-29 Stat. Huwa l-Istat li fih in-nies ma għandhomx xogħol. Huwa Stat li fih iż-żgħażagħ huma bla xogħol; Stat li fih qed naraw l-imwarrbin, lil dawk mitluqa mal-ġenb tat-triq. Kemm nixtieq li kieku dan id-29 Stat Membru jerġa' jsir Stat Membru normali."

Jean-Caude Juncker,

Diskors tal-Ftuħ fis-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew, il-15 ta’ Lulju 2014

"Bħal ma ninvestu sabiex intejbu l-kundizzjonijiet barra mill-Ewropa, jeħtieġ ninvestu wkoll fir-rispons għall-kriżijiet umanitarji hawnhekk stess. Aktar minn kull ħaġa oħra, jeħtieġ ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna. Ma nistax u mhux se naċċetta li l-Ewropa hi u tibqa’ l-kontinent tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Ma nistax u mhux se naċċetta li l-millenials, il-Ġenerazzjoni Y, se jkunu l-ewwel ġenerazzjoni f’70 sena li se jkunu ifqar mill-ġenituri tagħhom. Ovvjament, dan huwa kompitu primarjament tal-gvernijiet nazzjonali. Iżda l-Unjoni Ewropea tista’ tappoġġa l-isforzi tagħhom."

Jean-Caude Juncker,

Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, l-14 ta’ Settembru 2016

Il-proġett Ewropew huwa dwar il-bini ta’ futur aħjar għaċ-ċittadini Ewropej. Dan ifisser ukoll l-investiment fiż-żgħażagħ, billi nipprovdulhom opportunitajiet ġodda u ngħinuhom jaħtfu dawn l-opportunitajiet. Dan ifisser nagħtu liż-żgħażagħ l-aħjar bidu possibbli fil-ħajja billi ninvestu fl-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenzi tagħhom, u ngħinuhom isibu jew jitħarrġu fl-ewwel impjieg tagħhom u nagħtuhom opportunità li jsemmgħu leħinhom. Dan l-investiment fiż-żgħażagħ jistabbilixxi l-pedament għal soċjetà ġusta, miftuħa u demokratika, għall-mobilità u l-inklużjoni soċjali kif ukoll għat-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli.

1. Ħtieġa urġenti li ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa



Tul dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni tjiebet għaż-żgħażagħ f’ħafna aspetti: il-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas minn quċċata ta' 23,9 % fl-2013 għal 18,5 % fl-2016, bi tnaqqis ta’ iktar minn 10 % tul l-aħħar sena biss. Il-proporzjon ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien naqas minn 17 % fl-2002 għal 11 % fl-2015. Fost dawk tal-età ta’ bejn 32 u 34 sena, il-kisba tal-edukazzjoni żdiedet minn 23,6 % fl-2002 għal 38,7 % fl-2015.

Madankollu, il-kriżi laqtet ħażin lill-popolazzjoni żagħżugħa u l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ tibqa’ prijorità. B’aktar minn 4 miljun żgħażagħ fl-UE, l-Ewropej żgħażagħ ħassew il-piż tal-kriżi ekonomika u jistgħu jkomplu jiffaċċjaw sitwazzjoni diffiċli. Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE għadha d-doppju tar-rata ġenerali tal-qgħad, u f’xi Stati Membri, tilħaq aktar minn 40 %. Dawn il-figuri ma jurux l-istampa kollha peress li bosta żgħażagħ mhumiex irreġistrati bħala qiegħda u mhumiex qed ifittxu xogħol minħabba varjetà ta’ fatturi, inklużi responsabbiltajiet tal-familja jew kwistjonijiet tas-saħħa iżda wkoll skoraġġiment u nuqqas ta’ inċentiv biex jirreġistraw bħala qiegħda. B’kollox, madwar 6,6 miljun żgħażagħ la għandhom impjieg, la edukazzjoni u lanqas taħriġ (NEETs), u għal xi wħud is-sitwazzjoni ilha hekk għal bosta snin.

Kawża oħra ta’ tħassib hija li edukazzjoni ta’ kwalità għadha mhijiex realtà għall-istudenti kollha, u li porporzjon kbir ta’ studenti għandu livell baxx ta’ ħiliet bażiċi. 11 % taż-żgħażagħ telqu mill-iskola qabel iż-żmien u mingħajr kwalifika formali. Dan in-nuqqas ta’ kwalifika formali jillimita ċ-ċansijiet tagħhom li jsibu mpjieg. Madwar 60 % ta’ dawn il-"persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien" huma qiegħda jew inattivi. Bħala medja, iż-żgħażagħ bi sfond ta’ migrazzjoni (li jirrappreżentaw proporzjon dejjem akbar tal-popolazzjoni żagħżugħa fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE 1 ) huma aktar probabbli li jkunu dawk li jħallu l-iskola kmieni u għandhom rati ogħla ta' nuqqas ta' impjieg, edukazzjoni jew taħriġ 2 . Skont l-aħħar data tal-PISA, il-proporzjon ta' studenti li juru ħiliet ferm baxxi fix-xjenza u l-qari qed jiżdied. Fil-qasam tax-xjenza, il-proporzjon ta' dawk b'riżultati baxxi tela' b'erba' punti perċentwali (minn 16,6 % fl-2012 għal 20,6 % fl-2015) u fil-qari tela' bi kważi żewġ punti perċentwali (minn 17,8 % fl-2012 għal 19,7 % fl-2015). Il-proporzjon ta' dawk b'riżultati baxxi baqa' iktar għoli fil-matematika (22,2 % fl-2015, żieda ċkejkna minn 22,1 % fl-2012). Dan huwa rigress kbir li jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jsir rieżami tal-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni Ewropej. Aktar minn 20 % tat-tfal tal-iskola għandhom diffikultajiet biex isolvu kompiti sempliċi fil-matematika. Aktar minn 16 % għandhom problemi fix-xjenza u aktar minn 17 % għandhom diffikultajiet fil-qari 3 . Wieħed biss minn kull erba’ żgħażagħ jirrapporta li kiseb ftit ħiliet diġitali permezz tal-edukazzjoni formali. L-istudenti minn sfond soċjoekonomiku dgħajjef huma rappreżentati ż-żejjed fil-grupp tal-istudenti li juru prestazzjoni baxxa li jwassal għal riskju ta’ trażmissjoni ta’ faqar u esklużjoni soċjali minn ġenerazzjoni għall-oħra 4 .

F’dan l-isfond, ħafna żgħażagħ ma jħarsux b’kunfidenza lejn il-futur tagħhom. 57 % tal-ġenerazzjoni żagħżugħa tħoss li ż-żgħażagħ huma esklużi mill-ħajja ekonomika, soċjali u demokratika 5 . Fl-istess ħin, iż-żgħażagħ huma ħerqana biex jinvolvu ruħhom u jipparteċipaw fis-soċjetà. Is-sitwazzjoni u l-prospetti taż-żgħażagħ mhumiex kompatibbli mal-ekonomija tas-suq soċjali tal-Ewropa u l-prijorità tal-Kummissjoni biex tingħata spinta lill-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment. Kif enfasizzat mill-President Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, hemm riskju li l-millennials - il-Ġenerazzjoni Y - jistgħu jkunu l-ewwel ġenerazzjoni f’70 sena li jkunu ifqar mill-ġenituri tagħhom. Dan għandu x’jaqsam ukoll mal-bidliet usa’ ekonomiċi u demografiċi fis-soċjetajiet Ewropej u mal-mod kif il-ġid u l-opportunitajiet huma mqassma bejn il-ġenerazzjonijiet, bil-kriżi ta’ dawn l-aħħar snin tkompli taggrava xejriet aktar profondi.

Din hija ġlieda li l-Ewropa trid tirbaħ. Perjodu ta’ qgħad kmieni fil-ħajja jġib miegħu tbatija personali u jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-ħajja sħiħa ta’ persuna. Jekk nirbħu l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ ifisser li nġibu aktar żgħażagħ f'impjiegi tajbin. Dan huwa essenzjali biex l-Ewropa tiżgura tkabbir sostenibbli u prosperità. L-indirizzar tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol hija wkoll kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-kredibbiltà tal-mudell soċjali u ekonomiku tal-Ewropa.

Il-Kummissjoni tipproponi sforz imġedded għall-appoġġ liż-żgħażagħ. Wara d-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, il-pjan direzzjonali ta' Bratislava maqbul mill-mexxejja tal-UE tas-27 Stat Membru stabbilixxa l-ħtieġa li jiġu pprovduti opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ permezz ta’ aktar appoġġ mill-UE lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u dwar programmi tal-UE ddedikati għaż-żgħażagħ. Bħala risposta, din il-Komunikazzjoni tipproponi azzjonijiet biex ninvestu b’mod aktar effettiv fiż-żgħażagħ. L-għan hu li ngħinuhom jaħtfu l-opportunitajiet, jintegraw sew fis-soċjetà, isiru ċittadini attivi u jsegwu karriera professjonali ta’ suċċess. Din l-inizjattiva hija dwar kif l-UE u l-Istati Membri jistgħu jżidu l-isforzi tagħhom biex liż-żgħażagħ joffrulhom l-appoġġ, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-opportunitajiet ta’ xogħol li jistħoqqilhom. Il-Komunikazzjoni hija parti minn pakkett akbar ta’ azzjoni biex itejjeb l-opportunitajiet taż-żgħażagħ. Bħala parti minn dan il-pakkett, il-Kummissjoni tniedi l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 6 u tippreżenta Komunikazzjoni dwar it-titjib u l-immodernizzar tal-edukazzjoni 7 .

2. Azzjoni tal-UE favur iż-żgħażagħ

Ir-responsabbiltà ewlenija għal politiki u miżuri għaż-żgħażagħ hija f’idejn l-Istati Membri, anke biex jiġu spjegati l-benefiċċji u l-appoġġ għall-azzjoni tal-UE. L-Istati Membri għandhom ir-responsabilità ewlenija għall-politiki tagħhom dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, iżda l-Unjoni Ewropea għandha rwol li tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri u ilha tagħmel dan għal bosta snin. Dan kien partikolarment il-każ ta’ din il-Kummissjoni, bl-enfasi qawwi mogħtija lill-impjieg taż-żgħażagħ, u b’mod partikolari l-enfasi fuq l-introduzzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ permezz tal-forniment minn qabel tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-2015 u aktar reċentement, fl-2016, bl-Aġenda għal Ħiliet Ġodda għall-Ewropa. Madankollu, ta’ spiss, ma jkunx jidher b'mod ovvju lill-benefiċjarji tal-azzjoni tal-UE minn fejn ikun ġie l-appoġġ: politiki u azzjonijiet li nbdew fil-livell tal-UE jew ibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju mill-UE ta’ sikwit jiksbu riżultati notevoli, iżda peress li huma mogħtija minn awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, ħafna nies mhumiex konxji tar-rwol tal-UE f’dawn il-miżuri.

2.1. L-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ

Il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ tibqa’ prijorità ewlenija għall-UE. Il-promozzjoni tal-impjiegi hija kwistjoni ta’ tħassib komuni, kondiviża mill-Istati Membri kollha. L-Unjoni Ewropea tagħti l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri permezz ta’ firxa ta’ politiki u azzjonijiet, u permezz ta’ mezzi finanzjarji speċifiċi.

Taħt il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tas-Semestru Ewropew, l-UE qed toffri konsulenza u gwida politika 8 lill-Istati Membri dwar il-promozzjoni ta’ riformi strutturali li jiffaċilitaw l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol. L-oqsma ta’ prijorità ewlenija fis-Semestru Ewropew tal-2016 kienu politiki attivi tas-suq tax-xogħol, it-tluq bikri mill-iskola, it-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal gruppi vulnerabbli, ir-rilevanza tal-edukazzjoni għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u l-apprendistati u appoġġ immirat liż-żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, l-impjieg u t-taħriġ. L-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE huwa allinjat ma’ din il-gwida politika (ara l-kaxxa).

Eżempji ta’ azzjoni tal-UE għaż-żgħażagħ fil-qasam tal-impjiegi:

- Minn Jannar 2014, aktar minn 14-il miljun żgħażagħ daħlu fi skema nazzjonali ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, li ġie deċiż li titwaqqaf fl-2013. Madwar 9 miljun aċċettaw offerta għal impjieg, tkomplija tal-edukazzjoni, apprendistat jew traineeship minn dak iż-żmien ‘l hawn. L-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, li hija riżorsa prinċipali ta' finanzjament finanzjarju tal-UE biex tappoġġa l-introduzzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, tnediet fl-2013 u ġiet sussidjata b’baġit totali ta’ EUR 6,4 biljun.

- Il-Fond Soċjali Ewropew ilu jinvesti għal 60 sena fil-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ taż-żgħażagħ. Bejn l-2007 u l-2013, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) appoġġa aktar minn 30 miljun żgħażagħ. Bejn l-2014 u l-2020, iktar minn EUR 6 biljun tal-FSE huwa allokat għal miżuri li jtejbu l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u EUR 27 biljun għal miżuri tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

- Għall-istess perjodu, 6,8 miljun żgħażagħ se jkunu jistgħu jużaw faċilitajiet edukattivi ġodda jew mtejba fi 15-il Stat Membru permezz ta’ finanzjament ipprovdut mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

- Se jiġu investiti EUR 2 biljuni taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali fit-taħriġ u s-servizzi konsultattivi matul l-istess perjodu, filwaqt li jiżdiedu wkoll il-ħiliet u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, u EUR 7 biljuni huma allokati biex jappoġġaw negozji ġodda f'żoni rurali, b’enfasi qawwija fuq iż-żgħażagħ. 

- Il-Bank Ewropew tal-Investiment permezz tal-programm "Ħiliet u Impjiegi - Ninvestu għaż-Żgħażagħ" jappoġġa investimenti fil-kapital uman (eż. it-taħriġ vokazzjonali, self għall-studenti, il-programmi ta’ mobilità b’valur ta’ EUR 7 biljun matul il-perjodu 2013–15) u jipprovdi aċċess għall-finanzi marbuta mal-impjieg taż-żgħażagħ fl-SMEs (EUR 26 biljun allokati lil SMEs benefiċjarji 2013–15). 9

F’dawn l-aħħar snin, l-introduzzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ ikkontribwixxiet għat-titjib tas-sitwazzjoni fuq il-post. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ ġiet proposta mill-Kummissjoni u adottata permezz ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 10 mill-Istati Membri fl-2013. Huwa impenn politiku li żgħażagħ taħt l-età ta’ 25 sena jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, it-tkomplija tal-edukazzjoni, apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jieqfu mill-edukazzjoni formali. Minbarra l-istrumenti ewlenin oħra tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew, ġie mniedi strument finanzjarju speċifiku tal-UE - l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ - biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Garanzija taż-Żgħażagħ fit-territorji tal-Ewropa l-aktar milquta mill-qgħad fost iż-żgħażagħ. Sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fuq il-post, fil-bidu tal-2015, il-Kummissjoni għamlet disponibbli bil-quddiem ta’ EUR 1 biljun. Barra minn hekk, f’Settembru 2016, ukoll fid-dawl tal-ewwel riżultati tal-implimentazzjoni, hija pproponiet li ssaħħaħ u testendi l-pakkett finanzjarju disponibbli għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ sal-2020.

Eżempji prattiċi dwar l-impatt konkret tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ/Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ:

- l-iskema Franċiża Emplois d'avenir, li nbdiet fl-2012 u li hija parzjalment iffinanzjata mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, li għandha l-għan li twassal impjiegi ssussidjati għal żgħażagħ bi ftit kwalifiki li jgħixu f’żoni żvantaġġati. Il-kuntratti ta’ impjieg huma twal minn sena sa tliet snin u huma disponibbli kemm f’NGOs u negozji privati. Fl-2016, kienu appoġġati 150 000 żagħżugħ.

- fil-Latvja, il-proġett "Kun af u agħmel", li beda fl-2015 u li huwa appoġġat mill-Fond Soċjali Ewropew, jappoġġa ħidma ta’ sensibilizzazzjonifuq livell muniċipali. Għandu l-għan li jidentifika, iħeġġeġ u jattiva żgħażagħ mhux irreġistrati bejn il-15 u d-29 sena biex jerġgħu lura għall-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ.

- fil-Kroazja, grazzi għall-finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew, issa huma fis-seħħ ħdax-il Ċentru ta’ Gwida Professjonali Tul il-Ħajja. Huma jipprovdu servizzi bla ħlas ta’ gwida professjonali tul il-ħajja - wiċċ imb wiċċ kif ukoll ibbażati fuq l-internet - liċ-ċittadini kollha b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ.

2.2. Ninvestu fil-ħiliet, il-kompetenzi u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol

Il-ħiliet u l-kompetenzi huma investiment ewlieni. Fl-ekonomija bbażata fuq l-għarfien, firxa wiesgħa ta’ ħiliet u kompetenzi hija indispensabbli 11 . L-investiment fihom jgħin jiffaċilita t-tranżizzjoni għax-xogħol, jiġi evitat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jsostni l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-ġustizzja soċjali. Is-sistemi edukattivi jridu jiksbu riżultati aħjar, jiġifieri riżultati tajbin ta' tagħlim għall-istudenti kollha, speċjalment dawk minn sfond żvantaġġat. Trid titpoġġa enfasi partikolari fuq it-titjib tal-prestazzjoni billi tiżdied l-effiċjenza u fuq il-kwalità tat-tagħlim. Tagħlim aħjar hija fattur ewlieni biex jitjiebu kemm il-kwalità kif ukoll l-effiċjenza.

Sistemi edukattivi u ta' taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità għolja jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ lejn is-suq tax-xogħol. B’mod partikolari, matul il-kriżi, is-sistemi vokazzjonali u ta’ apprendistat żviluppati tajjeb urew li huma fost il-modi l-aktar effikaċi biex il-qgħad fost iż-żgħażagħ jinżamm taħt kontroll jew jiġi evitat.. Ir-raġuni għal dan is-suċċess hija li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u l-apprendistati huma partikolarment effettivi biex jipprovdu ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni appoġġat l-involviment attiv tas-sħab soċjali fit-titjib tal-kwalità ta’ offerti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u rawmet l-iżvilupp ta’ sħubijiet bejn id-dinja tal-edukazzjoni u n-negozji. Barra minn hekk, billi tiġi pprovduta evidenza u jiġi promoss it-tagħlim reċiproku fuq il-bażi tal-prijoritajiet komuni, il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri sabiex itejbu s-sistemi tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Eżempji ta’ azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ:

- F’Ġunju 2016, il-Kummissjoni nediet Aġenda Ġdida dwar il-Ħiliet 12 għall-Ewropa. Din tinkludi pakkett ta’ miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu aktar żgħażagħ b’ħiliet aħjar, li jsir użu aħjar tal-ħiliet eżistenti u li jtejbu d-domanda u l-provvista tal-ħiliet.

- Mill-2013, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati involviet l-Istati Membri, is-sħab soċjali, in-negozji, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u partijiet ikkonċernati oħra biex tissaħħaħ il-provvista , il-kwalità, l-immaġni u l-mobilità tal-apprendistati. Barra minn hekk, permezz tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, li tnieda fl-2015 flimkien ma’ negozji Ewropej ewlenin biex flimkien jistabbilixxu tal-inqas 100 000 apprendistat, traineeship jew impjieg fil-livell tad-dħul ta' kwalità tajba ġodda, il-Kummissjoni taħdem mal-komunità tan-negozju sabiex in-negozju u l-edukazzjoni tas-sħubija jsiru n-“norma” l-ġdida. Il-Patt għaż-Żgħażagħ u l-Alleanza għall-Apprendistati diġà mmobilizzaw aktar minn 500 000 opportunità ta' taħriġ u impjieg għaż-żgħażagħ, fil-forma ta’ impenji minn kumpaniji u organizzazzjonijiet. Flimkien mal-azzjoni biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità ta' apprendistati u opportunitajiet ta’ taħriġ, il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, is-sħab soċjali u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali biex isaħħu s-sistemi tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

- L-ewwel Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali (5–9 ta’ Diċembru 2016) ser tilħaq iktar minn 500 000 żagħżugħ, ġenitur, professjonist, min iħaddem u sieħeb soċjali madwar l-UE sabiex jippreżentaw l-eċċellenza u l-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

2.3. Noffru opportunitajiet transfruntieri u nżidu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ

It-tagħlim, l-istudju u t-taħriġ f’pajjiż ieħor jipprovdi esperjenza unika u jiftaħ orizzonti ġodda. L-ekonomiji tal-Ewropa huma interkonnessi sew. Jekk iż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jwessgħu l-orizzont tagħhom jiġu megħjuna jsiru aktar awtonomi u kunfidenti fiha nfushom. Huwa mezz biex jiksbu ħiliet u għarfien ġodda, u joffri opportunità unika, peress li jinkludi lezzjonijiet dwar kif għandhom jindirizzaw id-diversità u jkampaw f’ambjent differenti.

Il-programm Erasmus + joffri appoġġ lil firxa wiesgħa ta’ żgħażagħ, inklużi studenti universitarji, studenti u l-apprendisti fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-volontarjat u l-iskambji taż-żgħażagħ. Bejn l-2014 u l-2020, Erasmus + huwa mogħni b’baġit totali ta’ EUR 14,8 biljun. Huwa mistenni li joffri appoġġ lil aktar minn 4 miljun żgħażagħ. Studji reċenti jenfasizzaw l-impatt tanġibbli tal-programm, b’mod partikolari fuq l-impjegabbiltà 13 . Studenti li kienu mobbli għandhom inqas possibbiltà li jesperjenzaw il-qgħad fit-tul wara l-gradwazzjoni meta mqabbla ma’ dawk li ma studjawx jew tħarrġu barra l-pajjiż. Wieħed minn kull tliet studenti li jagħmlu traineeships barra mill-pajjiż appoġġati mill-Erasmus + jirċievi offerta ta’ impjieg fil-kumpanija li kienu ħadmu fiha. Barra minn hekk, it-trainees tal-Erasmus huma wkoll aktar imprenditorjali mill-kontropartijiet tagħhom li baqgħu f'pajjiżhom: wieħed minn kull għaxra bdew il-kumpanija tagħhom u iktar minn tlieta minn erba' qed jippjanaw dan, jew jistgħu jimmaġinaw jibdewha. Fl-aħħar mill-aħħar, l-istudenti tal-Erasmus għandhom iktar ħiliet ta' soluzzjoni tal-problemi, adattabilità, tolleranza u kunfidenza minn dawk li ma marrux barra l-pajjiż. Dawn huma ħiliet apprezzati ferm minn min iħaddem, iżda huma wkoll assi soċjali u ċiviċi essenzjali.

F’soċjetà miftuħa u demokratika, huwa kruċjali li minn età żgħira, in-nies jassumu responsabbiltajiet bħala ċittadini attivi. Dan it-tip ta’ ċittadinanza attiva jeħtieġ li ż-żgħażagħ ikollhom l-opportunità li jipparteċipaw u jsemmgħu leħinhom. Biex isiru attivi fis-soċjetà, iż-żgħażagħ iridu jesperjenzaw li dak li jagħmlu huwa importanti u li jistgħu jinfluwenzaw deċiżjonijiet li huma importanti għalihom. F’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ 14 . Hija għandha żewġ għanijiet ewlenin: li tipprovdi iktar opportunitajiet u opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol, u li tħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà. Parti essenzjali mill-istrateġija hija l-element konsultattiv, parteċipattiv tagħha: bis-saħħa tad- “djalogu strutturat”, 170 000 żagħżugħ minn madwar l-Ewropa ġew mobilizzati biex jgħidu tagħhom lil dawk li jfasslu l-politika dwar il-politiki li huma ta’ importanza għalihom.

Eżempji ta’ azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-mobilità u l-volontarjat:

- Il-programm Erasmus se jiċċelebra t-30 anniversarju tiegħu s-sena d-dieħla, u madwar 5 miljun żgħażagħ ibbenefikaw matul is-snin. Għall-perjodu 2014-2020, grazzi għaż-żieda fil-finanzjament u d-diversifikazzjoni ta' direzzjonijiet,
huma mistennija li jibbenefikaw 4 miljuni.

- Strument biex iż-żgħażagħ jimpenjaw ruħhom kien is-Servizz Volontarju Ewropew, li kien il-mutur ċentrali fir-rigward tal-volontarjat transnazzjonali għal 20 sena. Kull sena, is-Servizz jappoġġa madwar 10 000 voluntiera żgħażagħ li jmorru barra minn pajjiżhom biex jikkontribwixxu għal varjetà ta’ fatturi, bħal pereżempju, attivitajiet taż-żgħażagħ, appoġġ soċjali għal persuni fil-bżonn jew il-protezzjoni tal-ambjent.

3. Sforz imġedded biex ninvestu fiż-żgħażagħ

Filwaqt li qed ikomplu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, m’hemmx lok għal kompjaċenza. Il-konsegwenzi tal-kriżi kienu vasti u l-isfida ppreżentata minn snin ta’ qgħad kbir hija diffiċli f’ħafna partijiet tal-Ewropa. L-UE għandha sensiela ta’ riżultati li jagħtu bidu u jippromwovu politiki u azzjonijiet li jappoġġaw liż-żgħażagħ. It-triq għas-suċċess hija l-azzjoni konġunta, li tinvolvi atturi fil-livelli kollha u b’mod partikolari fil-livelli tal-gvern responsabbli u s-sħab soċjali. Il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li jsir progress fuq dawn it-tliet linji ta’ azzjoni li ġejjin:

3.1. Opportunitajiet aħjar sabiex ikun hemm aċċess għall-impjieg

Is-Semestru Ewropew iwassal għal riformi fil-livell nazzjonali u nħarġet gwida preċiża lil diversi Stati Membri. Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir riċenti, li jagħti bidu għas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li tingħata prijorità lill-investiment fil-kapital uman, li jimplika titjib tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u investiment fil-ħiliet u l-edukazzjoni tagħhom.

Għandha tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa u sostenibbli tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fuq il-post fl-Istati Membri kollha. L-impenn politiku u l-appoġġ finanzjarju kontinwi lill-Garanzija għaż-Żgħażagħ qed jagħmlu differenza, u huma essenzjali biex jitgawdew il-benefiċċji tax-xogħol li sar s’issa. Implimentazzjoni ta’ skala sħiħa għadha riċenti f’numru ta’ Stati Membri, minħabba li ħafna miżuri kellhom bżonn riformi sostanzjali u sħubijiet wiesgħa, li minnhom infushom huma modi ġodda u promettenti għall-għoti tal-appoġġ. 15 Peress li s-sitwazzjoni qed titjieb f’bosta partijiet tal-Ewropa, prijorità ewlenija f’bosta Stati Membri se tkun li jiġi żgurat li anke żgħażagħ bi ftit kwalifiki jirċievu appoġġ adegwat. Dan jitlob li jkun hemm aċċessibbiltà aħjar għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ u kuntatt iktar effettiv lejn iż-żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, l-imġjieg jew it-taħriġ u li mhumiex irreġistrati mas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. Dan jeħtieġ ukoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u mal-partijiet ikkonċernati u t-titjib tal-kapaċità tas-sħab, b’mod partikolari s-servizzi pubbliċi tal-impjieg, biex titwassal il-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Jenħtieġ li jiġu introdotti mekkaniżmi aħjar biex ikun żgurat li ż-żgħażagħ jirċievu offerti ta’ kwalità għolja billi jiġu stabbiliti standards għal kriterji ta’ kwalità. Jenħtieġ li jissaħħaħ il-forniment ta’ apprendistati taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, minħabba li jirrappreżenta biss 4,1 % tal-opportunitajiet meħuda s’issa.

Biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fir-reġjuni li jeħtiġuha l-aktar, ir-riżorsi disponibbli għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għandhom jiżdiedu. Fil-qafas tal-analiżi ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-Kummissjoni pproponiet li tissupplimenta l-allokazzjoni oriġinali tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ b'EUR 1 biljun għall-perjodu 2017–2020. Fondi mqabbla ta’ EUR 1 biljun se jiġu pprovduti mill-Fond Soċjali Ewropew. Jekk jintlaħaq qbil, dan il-finanzjament addizzjonali huwa mistenni li jippermetti madwar
miljun żgħażagħ iktar jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ.

3.2. Opportunitajiet aħjar permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ

Il-Kummissjoni hija determinata li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tappoġġa l-isforzi tagħhom biex jirriformaw is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ.
Il-Kummissjoni se ttejjeb l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri u fl-2017 se tippreżenta azzjonijiet speċifiċi biex timmodernizza l-iskola u l-edukazzjoni għolja, inkluża aġenda aġġornata għall-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja,
inizjattiva speċifika dwar l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati, aġenda għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-iskejjel u l-għalliema, u rieżami tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Kompetenzi Prinċipali għat-Tagħlim tul il-Ħajja, kif ukoll miżuri ta' akkumpanjament oħrajn biex jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali fl-edukazzjoni u aċċess imtejjeb għall-ħiliet u t-tagħlim diġitali.

Biex tavvanza l-kwalità, il-forniment, l-attrattività u l-inklużjoni tal-apprendistati u tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-Kummissjoni se tipproponi Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati 16 , li jistipula prinċipji ewlenin għat-tfassil u t-twettiq ta’ apprendistati fil-livelli kollha, bi flessibbiltà biżżejjed biex jiġu applikati sistemi differenti ħafna tal-Istati Membri. Il-Qafas ta’ Kwalità jista’ jirfed il-kwalità tal-apprendistati appoġġati permezz ta’ programmi tal-UE (il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, Erasmus+ u l-Fond Soċjali Ewropew).

Fl-2017 se jiġi stabbilit servizz ta' appoġġ għall-apprendistati skont id-domanda, filwaqt li jibni fuq is-suċċess tal-mudell ta’ tagħlim komparattiv tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u jappoġġa l-pajjiżi biex jintroduċu jew jirriformaw is-sistemi tal-apprendistat tagħhom. Dan is-servizz ta' appoġġ se jtejjeb ukoll il-kondiviżjoni tal-għarfien, il-kooperazzjoni u t-tagħlim bejn il-pari dwar l-apprendistati permezz tal-identifikazzjoni ta’ prattiki tajbin, u t-tisħiħ tat-tagħlim reċiproku. Se jkun hemm enfasi partikolari fuq atturi ta' mobilizzazzjoni għal azzjonijiet konkreti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

Il-mobbiltà tat-tagħlim fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ġġib benefiċċji kemm lill-parteċipanti kif ukoll lil min iħaddem. L-istudji 17 juru li soġġorni itwal minn sitt (6) xhur jipprovdu l-ogħla valur miżjud f’termini ta’ titjib tal-ħiliet professjonali, personali u soċjali. Madankollu, illum, il-maġġoranza tal-kollokamenti tal-apprendistati fi Stat Membru ieħor huma għal żmien qasir (72 % għal inqas minn xahar (1) u 21 % bejn xahar (1) u tliet (3) xhur). B’reazzjoni għat-talbiet tal-Parlament Ewropew biex tiżdied il-kwalità u l-attrattività tal-mobbiltà tal-apprendisti, il-Kummissjoni se tipproponi attività ta' mobbiltà ta' durata twila iddedikata (minn sitta (6) sa 12-il xahar) bl-isem ta' "ErasmusPro", fil-programm eżistenti Erasmus+ biex jappoġġa l-kollokamenti tax-xogħol barra l-pajjiż. Qafas ta’ appoġġ qawwi, li se jinkludi tħejjija bir-reqqa, implimentazzjoni strutturata u segwitu xieraq, se jiżgura l-impatt u l-kwalità tal-esperjenza ta’ mobbiltà. Kooperazzjoni mill-qrib ma’ min iħaddem u partijiet ikkonċernati oħra fl-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u tal-Patt għaż-Żgħażagħ 18 , u sħubiji b’saħħithom ma’ dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali, korpi intermedjarji u s-servizzi pubbliċi tal-impjieg biex jintlaħqu l-impjegaturi lokali, se tiżgura ġabra usa’ ta’ kumpaniji li huma lesti li jilqgħu studenti mobbli tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, b’mod partikolari l-apprendistati.

3.3. Opportunitajiet aħjar għas-solidarjetà, il-mobbiltà għat-tagħlim u l-parteċipazzjoni

Fil-kuntest tal-analiżi ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali,
il-Kummissjoni pproponiet li tagħti spinta ulterjuri għall-mobbiltà għat-tagħtlim permezz ta'
żieda sinifikanti ta' EUR 200 miljun fil-baġit għall-Erasmus+ sal-2020.

Il-Kummissjoni qed tistabbilixxi Korp Ewropew ta’ Solidarjetà li se jsaħħaħ il-pedamenti għal ħidma ta' solidarjetà fl-Ewropa. Dan se jgħaqqad żgħażagħ entużjasti u impenjati li qed jaħdmu fuq proġett ta’ solidarjetà komuni. Huwa se joffri esperjenza li tispira u li tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ li jixtiequ jgħinu, jitgħallmu u jiżviluppaw, filwaqt li jiksbu esperjenza siewja. Huwa se jipprovdi bażi estiża ta’ appoġġ għal organizzazzjonijiet madwar l-Ewropa li jipprovdu opportunitajiet ta' solidarjetà għaż-żgħażagħ. Dan se jservi l-ħtiġijiet ta’ komunitajiet vulnerabbli, ta’ strutturi pubbliċi nazzjonali u lokali fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma bħall-provvista tal-ikel u l-alloġġ għal persuni bla dar, it-tindif tal-foresti, l-appoġġ lil reġjuni milquta mid-diżastri jew l-għajnuna fl-integrazzjoni tar-refuġjati.

Sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni ċivika taż-żgħażagħ, il-Kummissjoni se tħejji reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea taż-Żgħażagħ għall-perjodu ta’ wara l-2018. Se jsiru konsultazzjonijiet wiesgħa taż-żgħażagħ u l-partijiet ikkonċernati ewlenin matul is-sena 2017 biex jiddiskutu dak li l-istrateġija għandha tiffoka fuqu fil-ġejjieni. Kwistjoni ewlenija hija kif jistgħu jiġu pprovduti aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar biex iż-żgħażagħ jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja politika u l-proċessi demokratiċi. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa u ssaħħaħ l-istrumenti tagħha għal djalogu u skambju bejn iż-żgħażagħ (eż. l-inizjattiva One Million, il-proġett ta' Narrattiva Ġdida għall-Ewropa u d-djalogu strutturat).

Il-mobbiltà taż-żgħażagħ hija essenzjali biex jiżdiedu l-kuxjenza u l-identità Ewropea. F’konformità mas-suġġeriment tal-Parlament Ewropew u fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Erasmus fl-2017, il-Kummissjoni se tappoġġa mobbiltà multimodali għaż-żgħażagħ impenjati fi proġett edukattiv. Dan joffri opportunitajiet ġodda biex ġenerazzjonijiet żgħażagħ jiskopru l-Ewropa u jagħmlu esperjenzi tagħhom stess.

4. Konklużjoni

Din il-Komunikazzjoni "Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa" tressaq azzjonijiet konkreti tal-UE biex jgħinu liż-żgħażagħ isibu l-impjieg, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta’ taħriġ li jistħoqqilhom. L-isfidi huma kbar. Huma komuni għall-Istati Membri kollha.

Huma biss sħubija wiesgħa u impenn konġunt bejn l-UE u l-Istati Membri li jistgħu jagħtu l-bidla fil-pass li s-sitwazzjoni attwali teħtieġ. Dan huwa wkoll l-ispirtu tas-sejħa stabbilita id-Dikjarazzjoni ta’ Bratislava maqbula mill-mexxejja tal-UE tas-27 Stat Membru.

Filwaqt li tibni fuq dak li nkiseb f’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni hija impenjata li taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill sabiex iżżid l-appoġġ għall-investiment fiż-żgħażagħ madwar l-Ewropa. Hija se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha biex jgħinu fl-isforzi tagħhom. Hija tistenna bil-ħerqa wkoll l-impetu u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tal15–16 ta’ Diċembru 2016 jaqblu dwar sett ta’ inizjattivi ambizzjużi tul it-tliet linji ta’ azzjoni deskritti hawn fuq.

(1)

Iż-żgħażagħ imwielda barra u dawk nattivi b'ġenitur imwieled barra fl-2014 kienu jirrappreżentaw 20 % ta’ dawk b’età bejn 15 u 29 sena fl-UE, Eurostat, 2014. Aktar minn erbgħa minn kull ħamsa (83 %) mill-applikanti għall-ażil għall-ewwel darba fl-UE-28 fl-2015 kellhom inqas minn 35 sena.

(2)

Kważi kwart taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi tal-età bejn 18 u 24 sena jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien meta mqabbla ma’ madwar 10 % fost żgħażagħ li jgħixu fil-pajjiż ta’ ċittadinanza tagħhom. Ir-rata ta' żgħażagħ li mhumiex fl-impjieg, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ hija ogħla fost ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ età bejn l-20 u l-34 sena (32,7 %) meta mqabbla ma’ ċittadini (18,0 %) u s-sitwazzjoni hija serja l-aktar għan-nisa (43,0 %).

(3)

L-istħarriġ PISA tal-OECD qiegħed regolarment ikejjel il-ħiliet bażiċi ta’ studenti ta' 15-il sena.

(4)

Għal dettalji dwar ir-rabta bejn il-kisbiet edukattivi baxxi u l-istatus soċjoekonomiku: Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2015.

(5)

Stħarriġ tal-Ewrobarometru “European Youth in 2016”, ara: http://www.europarl.europa.eu/atyourservice/mt/20160504PVL00110/European-youth-in-2016

(6)

COM(2016) 942 final.

(7)

COM(2016) 941 final.

(8)

Din il-gwida hija mogħtija fil-forma ta’ Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż. Dawn jinħarġu fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-politika fil-livell tal-UE fl-oqsma tal-politiki fiskali, ekonomiċi u tal-impjiegi, is-"Semestru Ewropew".

(9)

http://www.eib.org/projects/priorities/investing-for-youth/index.htm

(10)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (2013/C 120/01).

(11)

Dan japplika għal ħiliet bażiċi (bħall-qari jew il-matematika), il-kompetenzi ewlenin (bħall-ħiliet diġitali u intraprenditorjali u lingwi barranin) u l-ħiliet nonkonjittivi (bħax-xogħol f’tim u l-ħsieb kritiku).

(12)

COM(2016) 381 final.

(13)

L-aspett tal-impjegabbiltà ġie indirizzat f’diversi studji, pereżempju:

http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/repository/education/library/study/2014/erasmus-impact_en.pdf

https://www.agence-erasmus.fr/docs/2431_observatoire-n2.pdf

https://www.agence-erasmus.fr/docs/20140425_rapport-final_etude-impact-de-web.pdf

(14)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) (2009/C 311/01).

(15)

COM(2016) 646 final.

(16)

Li għandu jinbena fuq l-Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali dwar "Viżjoni Komuni għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi u Tagħlim Ibbażat fuq ix-Xogħol" adottata fit-2 ta’ Diċembru 2016

(17)

http://www.pedz.uni-mannheim.de/daten/edz-b/gdbk/07/analysis_leonardo_study_en.pdf

(18)

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=2387