Brussell, 21.12.2016

COM(2016) 880 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-evalwazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) f’konformità mal-Artikoli 24(5), 43(3) u 50(5) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikoli 59(3) u 66(5) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI

{SWD(2016) 450 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-evalwazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) f’konformità mal-Artikoli 24(5), 43(3) u 50(5) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikoli 59(3) u 66(5) tad-Deċiżjoni 66(5) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI

1.    INTRODUZZJONI

1.1    Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u r-rwol tagħha biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tad-dejta bejn l-Istati Membri

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) hija sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata, fuq skala kbira li tappoġġa l-kontrolli fuq persuni u oġġetti (bħad-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-vetturi) fil-fruntieri esterni ta’ Schengen u li ssaħħaħ l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'29 pajjiż madwar l-Ewropa.

L-SIS twaqqfet fl-1995, fis-sitt Stati Membri firmatarji tal-Ftehim ta’ Schengen, bħala l-miżura ta’ kumpens ewlenija wara li ġew aboliti l-kontrolli fil-fruntieri interni, skont il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen 1 . Fin-nuqqas ta’ tali kontrolli, l-Istati Membri kellhom jindirizzaw il-kwistjonijiet dwar il-kriminalità transfruntiera u l-migrazzjoni irregolari. Biex jinżamm livell għoli ta’ sigurtà, l-Istati Membri kellhom imorru lil hinn mill-kunċett tradizzjonali ta’ ftehimiet bilaterali u tal-assistenza legali, u kellhom jistabbilixxu soluzzjoni mfassla apposta għal lokalizzazzjoni ta':

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jistgħux jidħlu fiż-Żona ta' Schengen.

Persuni li jiġu arrestati għal finijiet ta’ estradizzjoni jew konsenja.

Persuni neqsin, b'mod partikolari t-tfal.

Persuni u ċerti oġġetti għal kontrolli diskreti jew speċifiċi (persuni involuti fil-kriminalità serja li qed jivvjaġġaw u theddid għas-sigurtà nazzjonali).

Persuni biex jassistu fi proċedura ġudizzjarja.

Ċerti kategoriji ta’ oġġetti mitlufin jew misruqin għal qbid jew għal użu bħala prova.

Bħala konsegwenza, ġiet stabbilita l-SIS, li taħżen twissijiet dwar persuni u oġġetti mfittxija. Hemm aċċess dirett għaliha mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti (ara t-Taqsima 1.3) fl-Istati Membri, sabiex iwettqu kontrolli u joħolqu twissijiet. Din tinkludi struzzjonijiet dwar l-azzjoni speċifika li għandha tittieħed meta l-persuna jew l-oġġett jiġu lokalizzati, pereż. biex persuna tiġi arrestata, biex persuna nieqsa vulnerabbli tiġi protetta jew biex jinqabad oġġett, bħal passaport invalidu jew karozza misruqa. L-SIS għaddiet minn evoluzzjonijiet differenti tul is-snin. Dawk prinċipali, jiġifieri SIS 1+ u SISone4all, ippermettew il-konnessjoni ta' pajjiżi ġodda li ngħaqdu fiż-Żona ta' Schengen kif ukoll ippermettew prestazzjoni teknika msaħħa.

1.2    L-SIS tat-tieni ġenerazzjoni

It-tieni ġenerazzjoni tas-sistema (SIS II) bdiet taħdem fid-9 ta’ April 2013 2 . L-operat u l-użu tas-SIS huwa stabbilit f’żewġ strumenti legali prinċipali: Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 3 li jirrigwarda l-użu tal-SIS għall-kontrolli fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ dħul jew ta' permanenza fiż-Żona ta' Schengen u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI 4 li hija marbuta mal-użu tal-SIS għall-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali.

Minbarra l-karatteristiċi oriġinali, l-SIS II issa tipprovdi funzjonijiet u kategoriji ta’ oġġetti ġodda:

Kategoriji ġodda ta’ twissijiet dwar oġġetti: inġenji tal-ajru, dgħajjes, magni tad-dgħajjes, kontejners, tagħmir industrijali, titoli u mezzi ta’ pagament misruqin.

Il-fakultà li jitwettqu tfittxijiet fis-sistema ċentrali, kuntrarjament għall-prattika preċedenti fejn it-tfittxijiet kollha kienu jsiru fuq il-kopja nazzjonali tad-dejta.

Il-possibbiltà li twissijiet dwar persuni u oġġetti jingħaqdu flimkien (pereż. twissija dwar persuna mfittxija u l-vettura misruqa li qed tuża).

Dejta bijometrika (marki tas-swaba’ u ritratti) sabiex tiġi kkonfermata l-identità ta’ persuna.

Kopja tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew marbut direttament ma’ twissijiet dwar persuni mfittxija għal arrest għal konsenja jew estradizzjoni.

Informazzjoni dwar identità użata ħażin li ma tippermettix li l-parti innoċenti tibqa' bi żball ma tiġix identifikata waqt frodi tal-identità.

Minn Mejju 2013, eu-LISA 5 hi responsabbli għall-ġestjoni operattiva tal-SIS II Ċentrali, filwaqt li l-Istati Membri huma responsabbli għall-ġestjoni operattiva tas-sistemi nazzjonali tagħhom.

1.3     Aċċess għat-twissijiet tal-SIS II

L-aċċess għat-twissijiet tal-SIS II huwa limitat għall-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll tal-fruntieri u għal kontrolli oħra tal-pulizija u tad-dwana li jsiru fil-fruntieri esterni taż-Żona ta' Schengen jew fl-Istati Membri rilevanti. L-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u l-awtoritajiet tagħhom ta’ koordinazzjoni jista' jkollhom aċċess ukoll għal din id-dejta.

It-twissijiet tal-SIS II dwar rifjut ta’ dħul jew ta’ permanenza u dwar dokumenti tal-identità vojta jew li nħarġu, jista' jkollhom aċċess għalihom l-awtoritajiet responsabbli mill-ħruġ tal-viżi u li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal viża u dawk responsabbli mill-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza u mill-amministrazzjoni tal-leġiżlazzjoni marbuta mal-acquis tal-UE dwar il-moviment liberu tal-persuni, fir-rigward ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi. B'żieda ma' dan, l-awtoritajiet ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi 6 għandhom aċċess għall-SIS II għal finijiet amministrattivi, u jista’ jkollhom biss aċċess għal twissijiet dwar vetturi misruqa, pjanċi tar-reġistrazzjoni u dokumenti ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi.

L-Istati Membri jridu jiġġustifikaw l-aċċess ta' awtorità għal dejta fl-SIS. Huma ta' kull sena jagħtu lista għall-pubblikazzjoni tal-awtoritajiet u tal-kategoriji ta’ twissijiet li għalihom għandhom aċċess fil-eu-LISA, skont kif stabbilit bl-istrumenti legali. Skont l-istimi, bħalissa hemm madwar żewġ miljun utent aħħarin fl-Istati Membri li qed jaħdmu bl-SIS II.

L-EUROPOL u l-EUROJUST għandhom aċċess għal ċerti kategoriji ta’ twissijiet fl-SIS II, li jirriflettu r-responsabbiltajiet tagħhom.

1.4    Il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-SIS II

Għalkemm l-SIS II attwalment qed titħaddem f’29 pajjiż ta' Schengen, il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tagħha jvarja, billi mhux l-Istati Membri kollha li qed jipparteċipaw fl-SIS japplikaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen (il-ġabra tal-liġijiet ta’ Schengen). Mas-26 pajjiż japplikaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen u jużaw l-SIS II għall-finijiet kollha stipulati fir-Regolament u fid-Deċiżjoni:

22 Stat Membru tal-UE: il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Isvezja;

erba' (4) pajjiżi li mhumiex parti mill-UE li huma membri taż-Żona ta' Schengen: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera.

Il-Bulgarija u r-Rumanija attwalment ma japplikawx kompletament l-acquis ta’ Schengen, iżda jħaddmu l-SIS II għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi. Huma se jibdew jużaw l-SIS għall-kontroll tal-fruntieri esterni hekk kif id-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni tkun daħlet fis-seħħ.

Ċipru u l-Kroazja għadhom ma japplikawx kompletament l-acquis ta' Schengen u għadu ma ġiex ivverifikat jekk intlaħqux il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġu applikati l-partijiet kollha tal-acquis. Bħalissa qed iħejju attivitajiet preparatorji sabiex jintegraw ruħhom fl-SIS.

Minħabba l-parteċipazzjoni parzjali tiegħu fl-acquis ta’ Schengen, ir-Renju Unit jopera l-SIS II fl-ambitu tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi biss. L-Irlanda qed tipprepara biex tintegra ruħha fl-SIS II għall-finijiet ta' kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi.

1.5    Kif l-Istati Membri joperaw l-SIS II

L-Istati Membri, sabiex ifittxu d-dejta, u skont l-implimentazzjoni teknika tagħhom tal-SIS II fil-livell nazzjonali, jistgħu jipproċessaw talbiet kemm fl-SIS ċentrali u kemm fil-kopja nazzjonali tagħhom, jew inkella fit-tnejn. L-SIS II hija ġeneralment disponibbli għall-utenti aħħarin tagħha permezz tas-sistemi nazzjonali tagħhom. Pereżempju l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-kontroll fuq il-fruntieri fi Stat Membru jfittxu għal persuna jew oġġett li jkunu mfittxija fil-bażijiet tad-dejta nazzjonali rilevanti u parallelement fl-SIS II ukoll. F'ħafna mill-Istati Membri, dan iseħħ permezz ta' interfaċċja waħda għat-tiftix. Din l-integrazzjoni fil-ħajja tax-xogħol ta’ kuljum tal-utenti aħħarin tirriżulta f’użu għoli ħafna tal-SIS II 7 . Dan ġab miegħu suċċess operattiv konsiderevoli fit-territorji tal-Istati Membri mqabbdin mal-SIS II 8 , kollox fuq il-bażi sempliċi li l-informazzjoni tkun disponibbli lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.

Id-dejta dwar persuni li tinħażen fl-SIS II hija dak li huwa meħtieġ sabiex tinstab persuna u biex tiġi kkonfermata l-identità tagħha (issa hemm ukoll ir-ritratt u l-marki tas-swaba fejn disponibbli) kif ukoll informazzjoni oħra rilevanti dwar it-twissija (inkluża l-azzjoni li għandha tittieħed). Hekk kif ikun teknikament possibbli, il-marki tas-swaba’ jistgħu jintużaw ukoll biex tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna fuq il-bażi tal-identifikatur bijometriku (fl-ewwel okkażjoni, il-marki tas-swaba’) minflok mill-użu attwali sabiet tiġi sempliċiment ikkonfermata l-identità. Bħalissa għaddej proġett biex jiffaċilita l-introduzzjoni ta' sistema awtomatizzata għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' (AFIS - automated fingerprint identification system) fl-SIS II Ċentrali.

2.    GĦANIJIET TAL-EVALWAZZJONI

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 9 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI 10 , tliet snin wara li l-SIS II bdiet topera fid-9 ta’ April 2013, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ġenerali wiesgħa skont l-għanijiet li ġejjin għal kull qasam.

2.1    L-Artikolu 50(5) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 66(5)    Tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI

Il-miri ta’ evalwazzjoni għall-SIS II Ċentrali; l-iskambju bilaterali u multilaterali ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-Istati Membri; l-analiżi tar-riżultati miksuba meta mqabblin mal-għanijiet; valutazzjoni tal-validità kontinwa tar-raġunijiet sottostanti; evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni/dan ir-Regolament fir-rigward tal-SIS II Ċentrali; is-sigurtà tal-SIS II Ċentrali u l-implikazzjonijiet għal operazzjonijiet futuri.

2.2     L-Artikolu 24(5) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (twissijiet dwar ir-rifjut ta' dħul jew permanenza)

L-evalwazzjoni għandha fil-mira r-rieżami tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu; u se tippreżenta l-proposti meħtieġa biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu sabiex jintlaħaq livell akbar ta’ armonizzazzjoni tal-kriterji għad-dħul tat-twissijiet.

2.3     L-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 59 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (rimedji)

L-evalwazzjoni għandha fil-mira t-tqabbil u r-rieżami tad-dispożizzjonijiet f'kull Stat Membru dwar: (a) il-kapaċità ta' persuna biex tiftaħ kawża quddiem il-qrati jew l-awtorità kompetenti skont il-liġi ta' kwalunkwe Stat Membru sabiex hija jkollha l-aċċess, tkun tista' tikkoreġi, tħassar jew tikseb informazzjoni, jew biex tiġi kkumpensata għal twissija li tkun tirrigwardaha, u (b) l-eżekuzzjoni reċiproka ta' deċiżjonijiet fi Stati Membri oħra.

3.    IL-PROĊESS TAL-EVALWAZZJONI

Id-DĠ HOME għamel l-evalwazzjoni internament permezz ta’ rapporti statistiċi, studji, kwestjonarji, intervisti kif ukoll f’laqgħat apposta u sessjonijiet ta’ ħidma.

Flimkien mal-istatistika meħtieġa għar-rappurtar pubbliku, l-eu-LISA tiġbor statistika dwar l-użu tal-SIS II u l-prestazzjoni tas-sistema nnifisha. L-Istati Membri jiġbru statistika dwar l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari u dwar ir-riżultati pożittivi (hits) għal twissijiet. L-SIS II ġiet imfassla legalment u teknikament mill-bidu nett biex tipprovdi statistika dwar l-użu u l-effikaċja tagħha.

Dwar l-aspetti tekniċi u ta' ġestjoni operattiva tal-SIS II, ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 66(4) tad-Deċiżjoni dwar l-SIS II u pprovdut minn eu-LISA ddaħħal fl-evalwazzjoni globali 11 . Dan ir-rapport jiddeskrivi l-funzjonament tekniku tal-SIS II Ċentrali u tan-netwerk, inkluża s-sigurtà tagħhom, mid-dħul fis-seħħ tal-operat fid-9 ta’ April 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2014. B’ħarsa lejn il-futur, sabiex jiġu identifikati soluzzjonijiet għal għadd ta’ kwistjonijiet tekniċi li tqajmu mill-Istati Membri, il-Kummissjoni nediet studju 12 dwar it-titjib li huwa possibbli fit-tifsila tal-SIS II sabiex tkun kosteffiċjenti, titjieb il-kontinwità tan-negozju, tiġġestixxi ż-żieda fl-użu tas-sistema u d-diversi tipi ta’ tranżazzjonijiet li se jkunu meħtieġa, speċjalment tal-marki tas-swaba’.

Is-sigurtà tal-SIS II Ċentrali ġiet ivvalutata permezz tal-inklużjoni tar-Rapport ue-LISA dwar l-SIS II Ċentrali u tat-taqsimiet rilevanti mill-awditu tal-2014 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta tal-SIS Ċentrali 13 .

L-evalwazzjoni kompliet b'mistoqsijiet miftuħin dwar aspetti tekniċi u operattivi tal-SIS II. Il-misoqsijiet koprew kwistjonijiet operattivi u legali, iżda t-tweġibiet ġew ivvalutati u ppreżentati skont il-ħames kriterji ewlenin ta' evalwazzjoni: l-effikaċja, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE.

Sabiex tinġabar id-dejta li tista' tgħin fl-evalwazzjoni tal-użu tat-twissijiet dwar ir-rifjut ta’ dħul jew permanenza u l-proċeduri ta’ konsultazzjoni, sensiela ta’ mistoqsijiet ġew indirizzati lill-Istati Membri permezz tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, ippresedut mill-Kummissjoni.

It-taqsimiet dwar l-iskambju bilaterali u multilaterali tal-informazzjoni, l-analiżi tar-riżultati u l-implikazzjonijiet għal operazzjonijiet tal-futur u l-valutazzjoni tal-validità kontinwa tar-raġunijiet sottostanti tlestew permezz ta’ analiżi statistika, kwestjonarji lill-partijiet ikkonċernati ewlenin u diskussjonijiet f’laqgħat wiċċ imb wiċċ mal-awtoritajiet tal-pulizija nazzjonali.

It-taqsima dwar ir-rimedji fiha l-punti ewlenin tar-rapport li bagħat il-Grupp tal-Koordinament tas-Superviżjoni tal-SIS II u l-informazzjoni ttieħdet minn kwestjonarju mmirat. Mistoqsijiet iddettaljati dwar oqsma speċifiċi ġew mgħoddija lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali.

L-evidenza ta’ evalwazzjoni estensiva ġiet miġbura fil-qosor f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni. Matulu, dan ir-Rapport fih referenzi għal informazzjoni aktar iddettaljata li tinsab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

4.    IL-KONKLUŻJONIJIET TAL-EVALWAZZJONI

4.1    Introduzzjoni għall-konklużjonijiet ewlenin

L-SIS II hija sistema operattiva li ma tistax tibqa’ statika u kienet suċċess li ħareġ biċ-ċar f’kuntest ta' kwistjonijiet kumplessi u f'evoluzzjoni. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni mhux biss eżaminat il-prestazzjoni eżistenti iżda wkoll ħarset lejn il-futur biex tipproponi żviluppi kbar fit-teknoloġija, fil-ġestjoni tal-ammont ta' xogħol, fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi u fil-kisba ta’ riżultati operazzjonali aħjar.

Minkejja s-suċċess konsiderevoli u l-valur miżjud tal-UE miksubin permezz tal-użu tal-SIS II, u r-rilevanza kontinwa tagħha għal-isfidi serji relatati mas-sigurtà u l-migrazzjoni li qed tiffaċċja l-Ewropa, il-Kummissjoni identifikat ċerti punti li għandhom jiġu indirizzati. L-għadd konsiderevoli ta’ punti jvarja minn kwistjonijiet ta' dettall tekniku għal bidliet potenzjali fl-istrumenti legali, u għalhekk dan id-dokument se jipprovdi ħarsa ġenerali wiesgħa.

4.2    Irnexxielha l-SIS II tilħaq l-għanijiet tagħha biex iġġib il-valur miżjud tal-UE?

4.2.1    Ir-riżultati li jirrigwardaw l-użu tal-SIS II

Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati li ntlaħqu permezz tal-użu mill-Istati Membri tal-SIS II u l-kooperazzjoni sussegwenti permezz tal-Uffiċċji SIRENE sa mill-bidu tal-operat. Dan il-volum kbir ta’ eżiti pożittivi ma setax jiġi previst permezz tal-kooperazzjoni bilaterali. L-awtoritajiet kompetenti qabblu persuni u oġġetti ma’ dejta miżmuma fl-SIS II fi kważi 2,9 biljun okkażjoni fl-2015 biss. Attwalment, is-sistema fiha aktar minn 69 miljun twissija. Sabiex it-twissijiet dwar persuni jew oġġetti jinħolqu, jiġu aġġornati jew jitħassru, jew sabiex tiġi mġedda t-twissija, seħħew 20,7 miljun tranżazzjoni oħra fl-2015.

"Riżultat pożittiv" fl-SIS II jfisser li persuna jew oġġett nsabu fi Stat Membru ieħor, u li qed tintalab azzjoni oħra li hija speċifikata fit-twissija. Bejn il-bidu tal-operazzjonijiet tal-SIS II fid-9 ta' April 2013 u tmiemhom fl-2015, intlaħqu aktar minn 371 000 riżultat pożittiv (medja ta’ aktar minn 370 riżultat pożittiv kuljum).

Dan ifisser li:

Aktar minn 25 000 persuna ġew arrestati sabiex jittellgħu quddiem il-ġustizzja fi Stat Membru ieħor.

Aktar minn 79 000 persuna ġew irrifjutati d-dħul jew il-permanenza fiż-Żona ta' Schengen (li diġà kienu s-suġġett ta’ Deċiżjoni marbuta ma' rifjut ta’ dħul jew permanenza).

Instab li aktar minn 12 000 persuna nieqsa kienu qasmu l-fruntiera għal Stat Membru ieħor.

Ġew intraċċati aktar minn 83 000 persuna biex jassistu fi proċedura ġudizzjarja kriminali. Meta t-twissija tkun ġiet maħluqa mill-pulizija f’isem l-awtoritajiet ġudizzjarji, wara riżultat pożittiv, hemm il-kwistjoni attwali ta’ twissija li ma titħassarx f’waqtha.

Instabu aktar minn 72 000 persuna involuta fil-kriminalità serja li qed jivvjaġġaw u persuni oħra li huma theddida għas-sigurtà.

Ġew solvuti aktar minn 97 000 każ li jirrigwardaw vetturi bil-mutur misruqa, l-użu ħażin ta’ dokumenti tal-identità jew dokumenti tal-ivvjaġġar, armi tan-nar misruqin, pjanċi tar-reġistrazzjoni misruqin u proprjetà oħra mitlufa jew misruqa. Madankollu, ġie nnuttat livell baxx ta’ suċċess fil-kategoriji tal-karti tal-flus, tat-titoli u tal-mezzi ta’ pagament, minkejja l-għadd kbir ta’ twissijiet.

Barra minn hekk, il-kategoriji kollha ta’ twissijiet deskritti hawn fuq raw żidiet kostanti fir-riżultati pożittivi. F’sena waħda, fl-2014-15, l-utenti aħħarin tal-SIS laħqu:

żieda ta' 27 % ta' arresti għal finijiet ta’ estradizzjoni jew konsenja.

żieda ta' 18 % ta' persuni li jinstabu biex jiġu rrifjutat lilhom id-dħul jew il-permanenza fiż-Żona ta' Schengen.

żieda ta' 44 % fis-sejbiet ta' persuni neqsin.

żieda ta' 10 % fl-intraċċar ta' persuni biex jassistu fi proċedura ġudizzjarja kriminali.

żieda ta' 43 % ta' persuni involuti fil-kriminalità serja u ta' persuni li jkunu ta' theddida għas-sigurtà li jinstabu jivvjaġġaw.

żieda ta' 18 % ta' każijiet li ġew solvuti li jirrigwardaw vetturi bil-mutur misruqa, l-użu ħażin ta’ dokumenti tal-identità jew dokumenti tal-ivvjaġġar, armi tan-nar misruqin, pjanċi tar-reġistrazzjoni misruqin u proprjetà oħra mitlufa jew misruqa 14 .

4.2.2    L-Uffiċċji SIRENE

Fost il-forom kollha ta’ kooperazzjoni Ewropea għall-infurzar tal-liġi, il-komunikazzjoni relatata mat-twissijiet tal-SIS II hija bil-bosta l-akbar waħda. L-SIS II taħżen dejta suffiċjenti biex l-uffiċjali "tal-ewwel art" ikunu jistgħu jidentifikaw persuna jew oġġett meta huma jkollhom riżultat pożittiv dwar twissija. Madankollu l-Istati Membri għandhom ħtieġa oħra, li jikkonsultaw lil xulxin dwar iċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku, u din il-komunikazzjoni titwettaq mill-Uffiċċji SIRENE 15 . Kull pajjiż li jopera l-SIS II għadu Uffiċċju SIRENE, stabbilit bħala punt wieħed ta’ kuntatt nazzjonali għall-komunikazzjoni dwar it-twissijiet tal-SIS II. Dawn l-Uffiċċji SIRENE jipprovdu kull informazzjoni supplimentari meħtieġa dwar it-twissijiet u jikkoordinaw attivitajiet dwar it-twissijiet; ġeneralment permezz tal-użu ta’ "formoli" elettroniċi strutturati, bl-użu ta’ proċeduri strettament regolati u b'netwerk apposta tal-kompjuters sigur.

Fl-2015, ftit aktar minn 1,8 miljun formola ntbagħtu jew waslu għand l-Uffiċċji SIRENE 16 , żieda ta’ 27 % mill-2014. L-Uffiċċji SIRENE huma wkoll responsabbli mill-kwalità tad-dejta u l-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet transfruntiera.

L-uffiċċji SIRENE huma fil-qalba tal-operazzjoni tal-SIS u jaqdu rwol essenzjali fl-iskambju effettiv tal-informazzjoni. L-effettività tagħhom hija msaħħa permezz ta’ programmi kontinwi ta’ taħriġ f'livelli nazzjonali u Ewropej. L-operat tal-uffiċċji SIRENE jservi bħala mudell għal mezzi oħra ta’ komunikazzjoni għall-infurzar tal-liġi.

Livelli adegwati ta’ persunal u appoġġ tekniku suffiċjenti huma meħtieġa biex l-Uffiċċji SIRENE jwettqu b'mod effikaċi l-iskambju bilaterali u multilaterali ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-Istati Membri, biex jikkomunikaw dwar riżultati pożittivi u biex jiġġestixxu l-proċeduri neċessarji fil-limitu ta' żmien legali meħtieġ (normalment 12-il siegħa iżda fil-każ ta’ twissijiet ta’ kontroll diskreti u speċifiċi, li jirrikjedu rappurtar immedjat, dan irid iseħħ minnufih). L-evalwazzjoni stabbiliet żieda sinifikanti fl-iskambju ta’ formoli, minħabba żieda fir-riżultati pożittivi u fl-użu estensiv ta’ twissijiet ta’ kontroll diskreti u speċifiċi, b’mod speċjali fir-rigward ta’ attivitajiet relatati mat-terroriżmu. Filwaqt li l-għadd ta’ formoli skambjati żdiedu b'mod sostanzjali fl-2015, l-għadd tal-persunal tal-Uffiċċji SIRENE baqa’ ma nbidilx. Dan ġiegħel lil ċerti Stati Membri biex jipprijoritizzaw il-ħidma tagħhom u jinjoraw il-ħin tar-rispons obbligatorju ta’ 12-il siegħa, li wassal biex diversi Uffiċċji SIRENE jaħdmu fil-limitu ta' ħidma effiċjenti 17 .

4.2.3    Konklużjoni

Il-konklużjoni ġenerali tal-Kummissjoni, suġġetta għal aktar ħidma ddettaljata mal-Istati Membri biex jiġi rfinat l-użu ta' xi twissijiet dwar oġġetti fejn hemm ftit użu jew ftit li xejn suċċess, jew meta t-tħassir ta' twissija ma jitwettaqx fil-ħin, hija li l-prinċipju sottostanti tal-SIS għadu validu. Hemm xhieda qawwija ħafna li turi li qed jinkisbu riżultati pożittivi (hits) għall-għanijiet msemmija (it-twissijiet).

L-SIS II tikkostitwixxi valur miżjud tal-UE sinifikanti, peress li kooperazzjoni transfruntiera għall-infurzar tal-liġi b’dawn il-volumi kbar ma setgħetx isseħħ mingħajr din il-bażi tad-dejta. L-ebda sistema ta’ kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi ma tiġġenera daqshekk eżiti pożittivi jew ma tista' timmaniġġa daqshekk fluss ta’ informazzjoni f’ħin reali b’tali mod li, sena wara sena, f’kull kategorija ta’ twissija, ir-riżultati pożittivi żdiedu.

4.3    L-SIS II laħqet l-għanijiet tagħha b'mod effettiv, u tista' taffronta    sfidi ġodda?

Il-prinċipju sottostanti tal-SIS II huwa li l-informazzjoni tkun disponibbli għall-utenti aħħarin, b’istruzzjonijiet ċari dwar x’għandek tagħmel u fejn għandek tmur għal appoġġ kontinwu (Uffiċċji SIRENE). Il-fehma tal-Kummissjoni hija li l-kunċett huwa effettiv ħafna.

Sabiex jinżamm dan il-livell ta’ effikaċja l-Kummissjoni identifikat sejbiet kemm strateġiċi kif ukoll iddettaljati li jeħtieġu attenzjoni u titjib f’oqsma tekniċi, organizzattivi u operattivi. Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport u tal-konċiżjoni, dawn is-sejbiet huma miġburin fil-qosor taħt it-temi ġeneriċi.

4.3.1     L-SIS II trid tibqa' sistema flessibbli, li tkun kapaċi tindirizza b'ħeffa fenomeni    operattivi ġodda

L-istrumenti legali tal-SIS II stabbilixxew ir-rekwiżiti għall-qafas tal-SIS II u l-prinċipji tal-operat tiegħu; il-proċeduri dettaljati, madankollu, huma stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni 18 . Dan jipprovdi qafas flessibbli li diġà ppermetta interventi legali effettivi u tekniċi effettivi sabiex jitjieb l-iskambju tal-informazzjoni, b’mod partikolari suspetti dwar terroristi li jkunu qed jivvjaġġaw u awturi ta’ reati sesswali. Madankollu jirriżultaw kumplessitajiet fil-proċess tal-ġestjoni ta' tibdil, ġaladarba t-tibdil tekniku jrid ikun ħafna drabi integrat ukoll fis-sistemi nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jew tal-immigrazzjoni.

Bħala konklużjoni, għalkemm l-implimentazzjoni b'ħeffa kbira tal-bidliet relatati mat-terroriżmu kellha suċċess konsiderevoli, huwa ċar li, għal tibdil futur, riżorsi tekniċi, finanzjarji u kuntrattwali jridu jkunu disponibbli fil-livelli ċentrali u nazzjonali sabiex ikun jista' jiġi ġestit il-proċess b’aktar ħeffa u b'mod effettiv 19 .

4.3.2    Il-kontinwità tal-operat trid tkompli tittejjeb

It-tifsila teknika tal-SIS II tagħti l-flessibbiltà lill-Istati Membri biex ikollhom il-kopja nazzjonali tagħhom stess jew biex jużaw l-SIS II 20 Ċentrali għat-tiftix. Ħames Stati Membri, li ma għandhomx kopji nazzjonali, qed jiffaċċjaw ir-riskju serju li jekk il-konnessjoni tan-netwerk taqa' jew jekk l-SIS II Ċentrali ma tibqax disponibbli, ma jkollhomx għażla fuq xiex jaqgħu, u b’hekk l-aċċess għat-twissijiet tal-SIS II jkun kompletament interrott. L-Istati Membri b’kopja nazzjonali għandhom ukoll jiżguraw soluzzjonijiet adegwati għall-kontinwità tal-operat, kemm billi jkollhom sistema ta’ appoġġ kif ukoll billi jippermettu lill-utenti aħħarin tagħhom jfittxu direttament fl-SIS II Ċentrali.

Bħala konklużjoni, trid tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat f'livell ċentrali u l-perjodi ta' qtugħ tal-SIS II Ċentrali għandhom jiġu evitati. Se jiġu esplorati soluzzjonijiet tekniċi sabiex jitnaqqas il-ħin ta' tranżizzjoni bejn is-SIS II Ċentrali u s-sit ta’ appoġġ tagħha minħabba li l-possibilitajiet u l-proċeduri tekniċi attwali mhumiex ikkunsidrati li jissodisfaw l-istandards mistennija dwar id-disponibbiltà tas-sistema 21 .

4.3.3     L-SIS II mhux dejjem tiġi kkonsultata b'mod awtomatiku meta s-sistema nazzjonali tiġi kkonsultata    iżda hija meħtieġa tranżazzjoni addizzjonali mill-utent aħħari

Għalkemm fl-2015 l-SIS II kien hemm aċċess għaliha mill-awtoritajiet kompetenti għal 2,9 biljun darba, biljun darba akbar mill-2014, l-użu mhuwiex uniformi. L-istatistiċi annwali juru li ċerti Stati Membri u l-awtoritajiet tal-Istati Membri ma jikkonsultawx l-SIS II sistematikament meta huma jikkonsultaw il-bażijiet tad-dejta nazzjonali tagħhom tal-pulizija u tal-immigrazzjoni, li jfisser li dawn ikollhom ifittxu fl-SIS separatament bi tranżazzjoni addizzjonali, li mhux dejjem iseħħ.

Bħala konklużjoni, meta jitqies li r-reati kriminali sar għandhom dimensjoni aktar Ewropea, l-Istati Membri jridu jiżguraw li kull darba li jivverifikaw l-bażijiet tad-dejta nazzjonali tagħhom, irid isir wkoll kontroll parallel fl-SIS II 22 . Il-Kummissjoni se tiżgura li l-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta’ Schengen jiffoka fuq din il-kwistjoni.

4.3.4    L-iċċekkjar tal-SIS II fil-fruntieri esterni

Il-Kodiċi ta’ Schengen dwar il-Fruntieri 23 , jimponi l-obbligu, b’mod partikolari meta tiġi kkonsultata l-SIS II, li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fiż-Żona ta' Schengen jiġu vverifikati li "ma jkunux se jipperikolaw il-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi wieħed mill-Istati Membri" 24 . F’xi Stati Membri l-gwardji tal-fruntiera ma jikkontrollawx id-dokumenti tal-ivvjaġġar taċ-ċittadini kollha minn pajjiżi terzi billi jqabbluhom mal-bażijiet ta’ dejta tal-ajruporti. F’xi Stati Membri ġie osservat li l-gwardji tal-fruntiera ma kkontrollawx liċ-ċittadini kollha minn pajjiżi terzi b'mod sistematiku iżda wettqu valutazzjonijiet tar-riskju. Il-kontrolli mas-SIS II taċ-ċittadini tal-UE li jidħlu fl-UE biss għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju 25 .  26   27 . F’każijiet oħra, in-nuqqasijiet tekniċi tal-applikazzjonijiet użati mill-gwardji tal-fruntiera jistgħu jwasslu għal kontrolli mhux sodisfaċenti fl-SIS II.

Bħala konklużjoni, l-Istati Membri jridu jikkontrollaw b’mod suffiċjenti mas-SIS II fil-fruntieri esterni skont l-aspettattivi legali. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta’ Schengen jiffoka fuq din il-kwistjoni.

4.3.5 Kategoriji ġodda ta' twissija jew il-funzjonalitajiet ġodda (il-marki tas-swaba', ir-ritratti, il-mandat ta' arrest Ewropew, il-konnessjoni, l-estensjoni ta’ identità użata ħażin) ma jkunux implimentati bi sħiħ u ma jkunux jidhru għall-utenti aħħarija, għall-kuntrarju tal-istrumenti legali tal-SIS II 28

Dan il-limitu jnaqqas l-effettività tas-sistema peress li l-utenti aħħarin ma jkunux jistgħu jistabbilixxu ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u tista’ wkoll taħarbilhom informazzjoni essenzjali. L-uffiċjali jitilfu l-ħin għax ikollhom jikkuntattjaw l-Uffiċċju SIRENE għall-informazzjoni nieqsa. F’ħafna każijiet, dawn ma jkollhomx id-dritt li jżommu f'detenzjoni lill-persuna li tkun suġġetta għat-twissija avolja ma jkunux jistgħu jidentifikawha adegwatament. Xi Stati Membri ma jistgħux iżidu ritratti u marki tas-swaba’ mat-twissijiet tagħhom 29 .

Barra minn hekk, minħabba ż-żieda fl-użu ta’ identitajiet foloz, sabiex ikun hemm progress mis-sitwazzjoni attwali fejn il-marki tas-swaba’ jintużaw biss biex jikkonfermaw l-identità ta’ persuna, għal sitwazzjoni fejn l-identità ta’ persuna tista’ tiġi żvelata biss mis-swaba’ tiegħu, il-funzjonalità awtomatizzata ta’ identifikazzjoni mill-marki tas-swaba’ li hemm ippjanata għandha tiżdied malajr kemm jista' jkun mal-SIS II 30 .

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tressaq proposta sabiex tiżgura li l-funzjonalitajiet kollha adegwati jkunu disponibbli għall-utenti finali.

4.3.6    Il-kwalità baxxa tad-dejta hija kwistjoni ewlenija għall-użu tal-SIS II

Meta jinħolqu t-twissijiet, l-Istati Membri xi kultant jdaħħlu dejta żbaljata jew mhux sħiħa (pereżempju, l-isem mhux sħiħ jew isem minflok in-numru tad-dokument). Il-konsegwenza li tiddaħħal dejta ta’ kwalità baxxa hija li bid-domandi li jsiru fis-sistema ma jkunux jistgħu jinstabu l-persuna jew oġġett, jew il-persuna ma tkunx tista’ tiġi identifikata sew fuq il-bażi ta’ din id-dejta. Skont l-istrumenti legali tal-SIS II, l-Istati Membri huma responsabbli għall-kwalità tad-dejta 31 . Għaldaqstant, l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu mekkaniżmu effettiv fil-livell nazzjonali għall-kontrolli tal-kwalità tad-dejta, iżda mhux kollha għadhom għamlu hekk.

Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li tifformalizza r-rwol ta’ eu-LISA sabiex tkun tista' tindika l-problemi komuni rigward il-kwalità tad-dejta.

4.3.7     Ħafna Stati Membri ma implimentawx il-kombinazzjonijiet kollha ta' tiftix li    l-SIS II Ċentrali tipprovdi

Bosta Stati Membri jużaw tfittxijiet li jkollhom "qbil eżatt" (bl-esklużjoni tat-tfittxijiet fuzzy jew parzjali). Xi drabi, dan huwa dovut għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta li tobbliga lill-Istati Membri biex dejjem idaħħlu l-ewwel l-isem, il-kunjom u d-data tat-twelid sabiex tkun tista' titwettaq tiftixa fuq persuna. (Dan huwa l-każ f’żewġ Stati Membri). Għaldaqstant, xi Stati Membri ma jkunux jistgħu jsibu twissijiet fejn l-isem u d-data tat-twelid ikunu neqsin jew mhux kompluti. Problema simili tapplika għal xi tfittxijiet fuq oġġetti. Fi Stat Membru wieħed, l-utenti finali jistgħu jagħmlu tiftix biss dwar oġġetti b’parametri preċiżi. Dan ifisser li dawn se jaħarbulhom it-twissijiet meta n-numru ta' identifikazzjoni ta' oġġett irkuprat ma jkunx ċar jew meta jkunu saru tentattivi sabiex dan jitħassar 32 .

Il-Kummissjoni se tressaq ukoll proposta sabiex tiżgura li l-kapaċità kollha tal-għodda ta’ tiftix tal-SIS II Ċentrali tiġi replikata fil-livell nazzjonali.

4.3.8    F’ċerti Stati Membri l-utenti aħħarin ma jistgħux jużaw il-kapaċità kollha tal-SIS II

Din is-sitwazzjoni tista’ sseħħ meta wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin ikunu neqsin:

struzzjonijiet ċari għall-utenti aħħarin fuq l-iskrin tagħhom dwar l-azzjoni li għandha tittieħed;

proċeduri ta' wara r-riżultati pożittivi obbligatorji, inkluż ir-rappurtar tar-riżultati pożittivi, u

taħriġ suffiċjenti dwar l-użu tas-sistema 33 .

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni se tiżgura li l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen jiffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ struzzjonijiet, proċeduri u taħriġ adegwati.

4.3.9    Limitazzjonijiet għall-effettività tal-SIS II fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali

Twissjiet ta' rifjut ta’ dħul jew permanenza jinħarġu għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jistgħux jidħlu jew jibqgħu fiż-Żona ta' Schengen wara deċiżjoni ta' qorti jew ta' awtorità nazzjonali kompetenti. L-evalwazzjoni wriet li hemm sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jagħti lil persuna d-dritt li tidħol jew li toqgħod fit-territorju tiegħu minkejja l-eżistenza ta' twissija ta' rifjut ta' dħul maħruġa minn Stat Membru ieħor, u anki meta l-ebda eċċezzjoni legali ma tapplika. B’konsegwenza ta’ dan, ma jintlaħaqx b'mod sistematiku l-effett ta’ dawn it-twissijiet mal-UE kollha. Barra minn hekk, l-Istati Membri rrappurtaw nuqqasijiet fil-proċeduri u fil-kwalità tal-iskambju tal-informazzjoni marbutin ma' dawn it-twissijiet, speċjalment fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni relatata 34 .

Huwa ċar li kemm in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-konsultazzjoni kif ukoll rispons tard jikkawżaw lill-persunal operattiv u lill-individwu kkonċernat problemi konsiderevoli.

L-evalwazzjoni enfasizzat li taħt din il-kategorija ta’ twissijiet, l-għadd globali ta’ każijiet meta l-azzjoni mitluba ma tkunx tista’ tittieħed, jiġifieri biex jiġi rrifjutat id-dħul jew il-permanenza, huwa l-ogħla fost il-kategoriji kollha ta’ twissijiet fl-SIS II 35 . L-SIS II qiegħda effettivament "tidentifika u ssib" is-suġġetti tat-twissijiet, iżda l-interpretazzjoni differenti u ta' sikwit mħawda tad-dispożizzjonijiet legali dwar il-projbizzjonijiet ta’ dħul u tal-permessi ta’ residenza qiegħda xxekkel l-effiċjenza u l-effikaċja tagħha fil-livell tal-UE, u dan jirriżulta f’nuqqas ta’ koerenza.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni se tressaq proposti dwar l-armonizzazzjoni ta’ proċeduri relatati ma’ twissijiet ta’ rifjut ta’ dħul jew ta' permanenza.

4.3.10    Ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-bażi ġuridika jinħtieġ li jiġu rieżaminati biex ikunu jirriflettu r-riforma reċenti dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-UE 36

Fil-livell ta' implimentazzjoni, l-evalwazzjoni turi li hemm fis-seħħ mekkaniżmi effettivi fl-Istati Membri għas-suġġetti tad-dejta biex jaċċessaw, jikkoreġu u jħassru d-dejta personali tagħhom fl-SIS II jew biex jiksbu kumpens b’rabta ma’ dejta mhux preċiża. Madankollu, hemm nuqqas ta’ informazzjoni standardizzata dwar ir-rimedji fil-livell nazzjonali. Għalkemm il-proċeduri sabiex jinkisbu r-rimedji jistgħu jinkludu l-attivitajiet tal-kontrollur tad-dejta u tal-awtorità superviżorja, dawn jappartjenu b'mod speċjali għall-qrati, fejn huwa diffiċli li tinkiseb informazzjoni dwar l-għadd ta’ talbiet għal azzjoni ta' rivalsa.

Oqsma oħra li għandhom jitjiebu jinkludu l-proċeduri u d-dokumentazzjoni relatata mas-sigurtà tad-dejta - f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-awditu mwettaq mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta - u l-kwalità tad-dejta, inkluż il-miżuri fil-livell tal-SIS II Ċentrali u l-armonizzazzjoni tal-prattiki nazzjonali 37 .

Barra minn hekk, il-formulazzjonijiet tal-istrumenti legali se jiġu rieżaminati sabiex ikunu jirriflettu l-qafas leġiżlattiv il-ġdid tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta 38 . Il-Kummissjoni se tipproponi emendi fl-istrument legali biex jiġi impost l-iżvilupp ta’ pakkett standardizzat dwar l-istatistiki annwali. Dan se jippermetti rappurtar konsistenti dwar l-attivitajiet li jirrigwardaw rimedji fil-livell nazzjonali, inkluż l-attivitajiet tal-kontrollur tad-dejta, tal-awtorità ta’ sorveljanza u tal-qrati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se teżamina r-rispons ta' eu-LISA għall-awditu ta' sigurtà tagħha.

4.3.11     Is-sigurtà tas-SIS II Ċentrali hija pprovduta b’mod effettiv 39

Il-Kummissjoni talbet lil eu-LISA biex tipprovdi rendikont ddettaljat tal-inċidenti l-aktar kritiċi tan-netwerk li jaffettwaw id-disponibbiltà tal-SIS II minn mindu daħlet fis-seħħ. Ġie stabbilit li ma kien hemm l-ebda inċident fejn id-dejta fil-livell ċentrali kienet fir-riskju li tiġi kompromessa.

Bħala konklużjoni, suġġett għal konklużjonijiet proċedurali ddettaljati fl-awditu ta’ sigurtà, il-konklużjoni ġenerali dwar is-sigurtà tal-SIS II Ċentrali hija li din hija ferm effikaċi.

4.4    L-SIS II hija koerenti ma' liġijiet oħra relevanti tal-UE?

L-SIS II tista’ tkun effettiva biss jekk taħdem f’sinerġija mal-istrumenti kolha li jappoġġaw l-eżekuzzjoni tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. F’dan il-qasam feġġew tliet kwistjonijiet ewlenin:

4.4.1    Id-Deċiżjoni Qafas għall-Mandat ta’ Arrest Ewropew (EAW - European Arrest Warrant) 40

Meta l-inħawi ta' persuna mfittxija għal estradizzjoni jkunu magħrufa, id-Deċiżjoni Qafas għall-Mandat ta’ Arrest Ewropew (EAW) tippermetti t-trażmissjoni diretta tal-mandat bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji relevanti. Madankollu, xi awtoritajiet ġudizzjali jinsistu dwar il-ħolqien ta’ twissija fl-SIS II, bil-proċessi ta' verifika u ta’ validazzjoni li għandhom jitwettqu mill-Uffiċċji SIRENE kollha; dan għandu jitqies bħala xogħol bla bżonn u ineffiċjenti.

L-Uffiċċji SIRENE huma wkoll involuti wkoll fil-proċedura ta’ konsenja jew ta’ estradizzjoni. Matul il-proċedura, il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-Uffiċċju SIRENE hija meħtieġa sabiex jiġu allinjati l-aspetti legali u dawk operattivi tal-ħruġ u tal-eżekuzzjoni ta’ EAW. Ir-raġunijiet obbligatorji u fakultattivi sabiex ma jiġix rikonoxxut EAW u l-proċedura ta' mmarkar marbuta mat-twissijiet għandhom jiġu armonizzati aktar 41 .

Bħala konklużjoni, flimkien ma’ kwistjonijiet oħra relatati mal-EAW, il-Kummissjoni se tqajjem mal-Istati Membri:

il-problema biex jinħolqu twissijiet tal-SIS II meta l-inħawi tas-suġġett tat-twissija jkunu diġà magħrufa u kkonfermati; kif ukoll

il-problemi relatati mat-trasferimenti, bl-għan li jinstabu – mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi – oqsma fejn tista' tiġi stabbilita prattika komuni u jiġu armonizzati l-proċeduri.

4.4.2    Id-Direttiva dwar ir-Ritorn 42

L-evalwazzjoni indikat li hemm rabtiet iżda wkoll inkonsistenzi bejn id-dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjonijiet ta' dħul kif stabbiliti fid-Direttiva dwar ir-Ritorn u t-twissijiet għar-rifjut ta' dħul jew permanenza kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006, anki rigward id-data ta' skadenza tal-projbizzjonijiet ta' dħul fl-SIS II. Dan ma jwassalx biss għal limitazzjoni fl-effett mixtieq tal-projbizzjonijiet ta' dħul fl-UE kollha, iżda għal nuqqas ta' armonizzazzjoni fil-kriterji biex jinħarġu t-twissijiet. Aktar armonizzazzjoni tista’ sseħħ billi l-inseriment fis-SIS tal-projbizzjonijiet kollha ta’ dħul isir obbligatorju mill-mument li jkunu infurzabbli, iżda l-effikaċja tal-bidliet previsti fis-SIS II tista’ tiżdied b’livell minimu ta’ armonizzazzjoni fl-Istati Membri meta jiġu ttrattati persuni li huma suġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn jew għal projbizzjoni ta’ dħul maħruġa minn Stat Membru ieħor 43 .

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni se tressaq firxa ta’ proposti dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċessi.

4.4.3    Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen

L-SIS II tipprovdi valur miżjud sinifikanti jekk tiġi kkontrollata b’mod aktar intensiv. L-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa biex japplikaw b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li jipprevedu l-obbligu li jiġi kkonsultat direttament l-SIS II bħala parti mill-kontrolli tal-fruntiera fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-Istati Membri għandhom sistematikament jikkonsultaw l-SIS II, jiġifieri jwettqu kontroll ta’ 100 %.

Din il-konklużjoni hija riflessa ukoll fit-Taqsima 4.3.4.

4.5    Kienet relevanti l-SIS II biex jintlaħqu l-objettivi tagħha?

L-SIS II llum hija l-iktar strument importanti u użat b’mod mifrux fl-Ewropa għall-qsim tal-informazzjoni, kif enfasizzat fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 44 . Fl-2015 biss l-Istati Membri skambjaw 1,8 miljun formola mill-Uffiċċji SIRENE inkluż l-informazzjoni relatata mal-SIS II 45 , li juri biċ-ċar il-volum kbir tal-iskambju ta’ informazzjoni mwettaq fuq il-bażi tat-twissijiet tal-SIS II li tagħmel lill-SIS II l-aktar pjattaforma ta’ sigurtà rilevanti fl-Ewropa.

Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni ripetutament enfasizzaw ir-rilevanza għolja tal-SIS II għall-iskambju tad-dejta dwar dawk issuspettati b'terroriżmu u dwar il-ġellieda terroristiċi barranin u biex dawn jiġu intraċċati, u stipulaw li l-possibbiltajiet kollha tal-SIS fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom jiġu sfruttati.

Effettivament, f’Ġunju 2014, il-Kunsill appella lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-SIS II għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Fit-30 ta’ Jannar 2015, wara l-attakk terroristiku kontra l-gazzetta Franċiża Charlie Hebdo f’Pariġi, il-Ministri tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni qalu ukoll li l-potenzjal tal-SIS II għandu jintuża aħjar 46 . Il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2015, wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi, ġibed l-attenzjoni lejn l-importanza ta’ konsultazzjoni sistematika tal-SIS II meta jitwettqu kontrolli għas-sigurtà dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu illegalment fiż-Żona ta' Schengen u meta jitwettqu kontrolli fil-fruntieri fuq ċittadini tal-UE. Ġie enfasizzat ir-rwol tal-SIS II bħala sors ta’ intelligence u investigazzjoni mill-Europol.

Il-Kunsill għal diversi drabi għamel ukoll enfasi dwar l-SIS II bħala strument li jsaħħaħ il-politika Ewropea dwar ir-ritorn. Il-Kunsill Ewropew iqis 47 li l-kamp ta' applikazzjoni tal-SIS II għandu jiġi żviluppat biex jinkludi wkoll deċiżjonijiet ta’ ritorn 48 . Il-Kunsill, fl-14 ta’ Settembru 2015, adotta konklużjonijiet dwar użu aktar effiċjenti tal-SIS II għar-rifjut ta' dħul u ta' permanenza għall-migranti irregolari. Fit-8 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill iddikjara li kien qed jistenna bil-ħerqa proposti mill-Kummissjoni, ibbażati fuq studju ta’ fattibilità, sabiex ikun obbligatorju li jiddaħħlu l-projbizzjonijiet ta’ dħul u d-deċiżjonijiet ta’ ritorn kollha fl-SIS II, b’mod partikolari biex ikun possibbli r-rikonoxximent u l-infurzar reċiproku tagħhom, malajr kemm jista’ jkun. Barra minn hekk il-Parlament Ewropew ikkunsidra wkoll lill-SIS II bħala strument ewlieni fl-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-radikalizzazzjoni terroristika u l-prevenzjoni ta’ tluq kif ukoll l-antiċipazzjoni tar-ritorn fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta’ ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi 49 .

Bħala konklużjoni, fid-dawl ta’ kwistjonijiet dwar is-sigurtà u l-migrazzjoni li qed jiġu ffaċċjati, u ż-żieda konsegwenti u l-firxa tal-użu tal-SIS II b’riżultati sinifikanti, l-opinjoni tal-Kummissjoni hija li r-raġunijiet sottostanti tal-SIS II jibqgħu validi. Kif enfasizzat fit-Taqsima 4.3.1, sabiex dan jintlaħaq, l-SIS għandha tibqa’ sistema flessibbli li kapaċi tindirizza b'ħeffa fenomeni operattivi ġodda.

4.6    L-SIS kisbet l-għanijiet tagħha b’mod effiċjenti? – Il-prezz tan-nuqqas    ta' Schengen 50

Minkejja d-diversi konklużjonijiet li jtejbu l-effiċjenza ta’ operazzjonijiet tekniċi u ta' prattiki tax-xogħol, l-SIS II hija primarjament sistema operattiva u għaldaqstant kull evalwazzjoni tiffoka fil-biċċa l-kbira fuq konklużjonijiet fl-oqsma tal-effikaċja, tar-rilevanza, tal-valur miżjud tal-UE u tal-koerenza ma’ inizjattivi oħra tal-UE. Madankollu, f’tali ambjent, l-effiċjenza trid tiġi studjata wkoll fil-livell strateġiku. Bħala l-miżura ta' kumpens ewlenija għat-tneħħija tal-fruntieri interni fiż-Żona ta' Schengen, il-mistoqsija, "Nistgħu inkomplu mingħajr l-SIS?" trid tiġi indirizzata.

L-iżvilupp u l-ispejjeż operattivi mġarrba mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri fir-rigward tas-SIS II għandhom jiġu kkalkulati billi tittieħed inkonsiderazzjoni t-tifsila teknika tas-sistema, l-iktar il-fatt li din tikkonsisti minn tliet komponenti ewlenin: is-sistema ċentrali, is-sistemi nazzjonali u infrastruttura tal-komunikazzjoni.

L-ammont totali minfuq mill-baġit tal-UE għall-bini ta' SIS II Ċentrali matul il-perjodu mill-2002 sal-2013 kien ta’ EUR 152 961 319 , għalkemm inizjalment kien ġie allokat ammont għola, ta’ aktar minn EUR 175 352 417.

Barra minn hekk, is-SIS II Ċentrali teħtieġ spejjeż annwali ta' manutenzjoni li fl-2014 ammontaw għal EUR 7 794 732,35 u fl-2015 ammontaw għal EUR 5 631 826,58.

Peress li l-Istati Membri huma responsabbli għat-twaqqif, l-operat u l-manutenzjoni tas-sistemi nazzjonali tagħhom, huma wkoll obbligati jkopru l-ispejjeż ta’ darba f’termini ta' iżvilupp tal-N.SIS II 51 tagħhom u ta' spejjeż ta' manutenzjoni annwali. Skont il-mudell tal-ispejjeż żviluppat fi studju dwar it-titjib possibbli fit-tifsila tal-SIS II, l-ispiża totali medja għall-pussess nazzjonali u l-implimentazzjoni tat-tieni ġenerazzjoni tal-SIS II, inkluż l-ispejjeż ta’ darba u rikorrenti, f’kampjun rappreżentattiv ta’ għaxar Stati Membri studjati, kien ta’ EUR 16,628 miljun għal kull Stat Membru 52 .

Madankollu, l-ispejjeż għandhom jiġu analizzati filwaqt li jittieħed inkonsiderazzjoni l-prinċipju li l-SIS II hija l-miżura kumpensatorja ewlenija għat-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni fiż-Żona ta' Schengen. Mingħajr l-SIS II, żona mingħajr fruntieri interni ftit li xejn tista' ssir. Il-Kummissjoni ddikjarat fil-Komunikazzjoni tagħha "Lura lejn Schengen — Pjan ta’ direzzjoni" 53 , li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni fuq bażi kontinwa fl-UE mhux biss ixxekkel il-moviment liberu tal-persuni, iżda timponi wkoll spejjeż ekonomiċi sinifikanti.

Il-Kummissjoni stmat li:

it-twaqqif mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri fiż-Żona ta' Schengen se jwasslu għal spejjeż diretti immedjati ta’ bejn EUR 5 biljun u EUR 18-il biljun fis-sena.

Stati Membri bħall-Polonja, in-Netherlands jew il-Ġermanja se jħabbtu wiċċhom ma' iktar minn EUR 500 miljun fi spejjeż addizzjonali għat-trasport bit-triq tal-prodotti ta' kummerċ, filwaqt li oħrajn, bħal Spanja jew ir-Repubblika Ċeka jispiċċaw bin-negozji tagħhom iħallsu iktar minn EUR 200 miljun fi spejjeż żejda.

il-kontrolli fil-fruntieri jiġu jiswew bejn EUR 1,3 biljun u EUR 5,2 biljun f’termini ta’ ħin mitluf għall-ħaddiema transfruntiera (1,7 miljun ħaddiem fl-UE) u għal vjaġġaturi oħra.

minn tal-anqas 13-il miljun lejl f’termini ta’ turiżmu jistgħu jintilfu, b’impatt totali ta’ EUR 1,2 biljun fuq is-settur turistiku.

bejn EUR 0,6 biljun u EUR 5,8 biljun fi spejjeż amministrattivi jkollhom jitħallsu mill-gvernijiet minħabba li jkun jinħtieġ aktar persunal għall-kontrolli fil-fruntieri.

Fuq terminu ta' żmien medju, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri tal-UE tkun tinvolvi spejjeż indiretti li jistgħu jkunu konsiderevolment ogħla minħabba l-impatt mingħajr preċedent fuq il-kummerċ, l-investiment u l-mobilità intrakomunitarji.

Bħala konklużjoni, l-ispejjeż imġarrba għall-iżvilupp u għaż-żamma tal-SIS II, u għalhekk l-ispejjeż biex tinżamm żona li tiffunzjona tajjeb mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, huma ferm akbar mill-ispejjeż li li jkollhom jiġu sostnuti li kieku l-SIS II ma tkunx fis-seħħ u l-kontrolli fuq il-fruntieri jiġu introdotti mill-ġdid.

5.     Konklużjoni u l-passi li jmiss

L-SIS II topera f’kuntest ta' tħassib mill-aktar serju dwar is-sigurtà, il-kriminalità transfruntiera u l-migrazzjoni irregolari – xi wħud mill-akbar sfidi tad-dinja. L-evalwazzjoni globali tikkonferma s-suċċess inkredibbli operattiv u tekniku tas-sistema. Jidher biċ-ċar li l-ebda sistema operattiva u lanqas il-bażi legali tagħha mhija se tkun perfetta, u f’dan l-ispirtu ta’ titjib kontinwu, il-Kummissjoni, bis-saħħa tal-osservazzjonijiet u l-appoġġ tal-Istati Membri u ta' eu-LISA, identifikat l-opportunitajiet biex ssaħħaħ aktar l-effikaċja, l-effiċjenza, ir-relevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE fl-SIS II, kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f’xi Stati Membri fejn l-implimentazzjoni teknika u operattiva jistgħu jittejbu. Dawn jinkludu aktar żvilupp tal-qafas legali sabiex jiġu riflessi aħjar l-isfidi operattivi fil-qasam tas-sigurtà, l-armonizzazzjoni aħjar tar-regoli fl-użu tas-sistema sabiex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari, kif ukoll monitoraġġ aħjar tal-konformità mal-protezzjoni tad-dejta permezz tar-rappurtar statistiku.

L-SIS II tikseb riżultati operattivi effikaċi li jistgħu jintlaħqu biss permezz tal-kooperazzjoni Ewropea kemm fil-livell strateġiku kif ukoll fil-livell operattiv. Bl-użu tal-għodod kollha disponibbli fit-Trattati u l-istrumenti legali rilevanti, il-Kummissjoni tieħu approċċ fuq żewġ binarji rigward l-Istati Membri: tappoġġa bi sħiħ il-kapaċità tal-Istati Membri biex itejbu l-użu tal-SIS II. Il-motivazzjoni u l-kooperazzjoni prattika murija bejn il-partijiet ikkonċernati kollha wasslu għal aktar użu u għal aktar użu armonizzat tas-sistema. F’każijiet ta’ nuqqasijiet gravi fl-implimentazzjoni tal-SIS II, il-Kummissjoni qed issegwi wkoll il-ksur tad-dritt tal-UE, permezz tal-proċedura "EU-Pilot", bl-opzjonijiet sussegwenti għal kontra l-ksur.

Hemm modi oħra li bihom il-Kummissjoni taħdem flimkien mal-Istati Membri dwar l-użu korrett tal-SIS:

Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen huwa opportunità kbira biex jiġu vverifikati l-funzjonament u l-użu reali tas-sistema fuq il-post, li jgħin ukoll biex titjieb is-sitwazzjoni fl-Istati Membri evalwati. Bħala għodda disponibbli hemm l-evalwazzjoni fuq il-post mill-ġdid meta jiġu identifikati nuqqasijiet konsiderveoli fl-Istat Membru evalwat.

Laqgħat regolari tal-Kumitat tal-SISVIS (seba’ darbiet fis-sena). Id-delegazzjonijiet jinkludu espert tekniku u operattiv għal kull Stat Membru. Dan il-Kumitat jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-istrumenti legali tal-SIS u jipprovdi l-aħjar opportunità biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha ta’ tħassib. Il-laqgħat jipprovdu trasparenza u ċerta pressjoni fuq l-Istati Membri biex isolvu kull nuqqas.

L-involviment attiv tal-Kummissjoni f’kull kors ta’ taħriġ u konferenza organizzata dwar l-SIS II (mill-inqas ħames darbiet fis-sena).

L-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Katalgu ta’ Rakkomandazzjonijiet u tal-Aħjar Prattiki dwar l-użu tal-SIS II 54 fis-16 ta’ Diċembru 2015, li jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-proċeduri u jintuża bħala dokument ta’ referenza ewlieni mill-partijiet ikkonċernati kollha.

Barra minn hekk, sabiex jiġu indirizzati dawk il-kwistjonijiet, enfasizzati fl-evalwazzjoni, li jeħtieġu bidla leġiżlattiva, il-Kummissjoni, bl-użu tad-dritt ta’ inizjattiva tagħha skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandha l-ħsieb li tippreżenta proposta biex temenda l-bażi legali għall-SIS sal-aħħar ta’ Diċembru 2016. Il-Kummissjoni se tieħu wkoll inkonsiderazzjoni r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli stabbilit mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Sistemi ta’ Informazzjoni aktar b’Saħħithom u aktar Intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà 55 , li jista' jirriżulta fit-tieni proposta ta' Ġunju 2017.

(1)

     Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom - id-19 ta' Ġunju 1990.

(2)

   Fl-2001 il-Kunsill iddeċieda dwar it-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen li bdiet titħaddem biss sa mid-9 ta' April 2013 għal raġunijiet kif stabbiliti fir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri tad-19 ta' Mejju 2014 dwar tagħlimiet mill-iżvilupp imwettaq mill-Kummissjoni Ewropea tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) ( http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR14_03/SR14_03_MT.pdf

(3)

     Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4).

(4)

     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta' Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63).

(5)

     L-Aġenzija Ewropea għall-ġestjoni operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja (eu-LISA).

(6)

     Ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-aċċess għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' reġistrazzjoni tal-vetturi (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 1).

(7)

     It-Taqsima 7.2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(8)

     It-Taqsima 7.3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(9)

     Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II).

(10)

     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II).

(11)

     Ir-rapport tekniku ta' eu-LISA dwar il-funzjonament tal-SIS II Ċentrali http://www.eulisa.europa.eu/Publications/Reports/SIS%20II%20Technical%20Report%202015.pdf

(12)

     Ir-Rapport Finali tal-Kummissjoni Ewropea — il-Valutazzjoni tal-impatt tal-ICT dwar it-titjib possibbli fit-tifsila tal-SIS II għall-2016.

(13)

     Rapport dwar l-ispezzjoni skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II (SIS II) ġestita mill-Aġenzija tal-UE għal sistemi tal-IT fuq skala kbira (eu-LISA), ir-referenza tal-każ: 2014-0953.

(14)

     It-Taqsima 7 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(15)

     SIRENE (Supplementary Information Request at the National Entry) tfisser Talba għal Informazzjoni Supplimentari fid-Dħul Nazzjonali.

(16)

     L-informazzjoni tista’ tintbagħat bilateralment jew multilateralment. Billi kull formola SIRENE tirrappreżenta inkarigu għal min jibgħatha kif ukoll għal min jirċeviha, meta jitkejjel l-ammont ta’ xogħol jingħaddu ż-żewġ formoli, kemm dik li tintbagħat kif ukoll dik li tasal lura.

(17)

     It-Taqsimiet 12.2; 17.4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(18)

   Bħalma hija d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1209 tat-12 ta’ Lulju 2016 li tissostitwixxi l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/115/UE dwar il-Manwal SIRENE u miżuri implimentattivi oħra għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (notifikata bid-dokument C(2016) 4283) (ĠU L 201, 28.07.2016, p. 35) u f'dokumentazzjoni teknika (Speċifikazzjonijiet Tekniċi Ddettaljati u d-Dokument ta' Kontroll tal-Interfaċċja).

(19)

     Taqsima 6.2.1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(20)

     L-CS-SIS hija funzjoni ta’ appoġġ tekniku li fiha l-bażi tad-dejta tal-SIS II Ċentrali.

(21)

     It-Taqsima 6.2.1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(22)

     It-Taqsima 6.2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(23)

     Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(24)

     L-Artikolu 8(3) (a) (vi) tar-Regolament (UE) Nru 2016/399.

(25)

     Skont id-dispożizzjonijiet applikabbli bħalissa tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (l-Artikolu 8(2)).

(26)

   Madankollu, il-Kummissjoni adottat fil-15 ta’ Diċembru 2015 proposta dwar it-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-bażi ta’ bażijiet tad-dejta rilevanti fuq il-fruntieri esterni. Din il-proposta tipprovdi b’mod partikolari għal kontroll sistematiku ta’ individwi li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu skont l-SIS II (COM(2015) 670 final).

(27)

     It-Taqsima 15.1 u16.1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(28)

     L-Artikoli paralleli 3 (a) u (c) moqrija flimkien mal-Artikolu 20(3) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI .

(29)

     It-Taqsima 16.1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(30)

     It-Taqsima 6.1; 6.2.1; 6.2.2; 13.1; 14.1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(31)

     L-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 49(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI.

(32)

     It-Taqsima 16 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(33)

     It-Taqsima 17.3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(34)

     Skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, meta jkun hemm riżultat pożittiv għal rifjut ta’ dħul jew ta’ permanenza għal ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa benefiċjarju tad-dritt għall-moviment liberu, l-Istat Membru li jeżegwixxi t-twissija għandu jikkonsulta immedjatament mal-Istat Membru li jkun ħariġha permezz tal-Uffiċċju SIRENE tiegħu sabiex jiddeċiedi dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.

(35)

     It-Taqsima 7.2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(36)

     (Ir-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016).

(37)

     L-Anness 1 in-Numru 108 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(38)

     Ir-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1) u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(39)

     It-Taqsima 6.3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(40)

   Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 (2002/584/JHA) fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1-20.

(41)

     It-Taqsima 9.1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(42)

   Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98-107.

(43)

   It-Taqsima 8 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(44)

   COM(2015) 185.

(45)

   It-Taqsima 16.4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(46)

   Id-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Riga wara l-laqgħa informali tal-Ministri tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni f’Riga fid-29 u fit-30 ta’ Jannar.

(47)

   Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u tas-26 ta’ Ġunju 2015 (ST 22 2015 INIT).

(48)

   Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar twissijiet fl-SIS II bl-għan li jiġu rrifjutati d-dħul u l-permanenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolament SIS II meta tittieħed deċiżjoni ta' ritorn (ST11648/15).

(49)

   Ir-Riżoluzzjoni tal-25 ta’ Novembru 2015 (2015/2063(P8_TA(2015)0410).

(50)

   Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill Lura lejn Schengen — Pjan ta' Direzzjoni Brussell, 4.3.2016 COM(2016) 120 final.

(51)

   L-N.SIS II huwa t-terminu tekniku u legali għall-implimentazzjoni teknika tal-SIS nazzjonali.

(52)

   L-istudju mwettaq għall-Kummissjoni Ewropea: Il-Valutazzjoni tal-impatt tal-ICT dwar it-Titjib Possibbli fit-Tifsila tal-SIS II.

(53)

   COM(2016) 120 final.

(54)

   Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi katalgu ta’ rakkomandazzjonijiet u tal-aħjar prattiki għall-applikazzjoni korretta tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II), u għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jimplimentaw u jużaw l-SIS II (C(2015) 9169/1).

(55)

COM(2016) 205 final.