Brussell, 30.11.2016

COM(2016) 860 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Enerġija Nadifa Għall-Ewropej Kollha


1.Introduzzjoni

L-Unjoni tal-Enerġija hija waħda mill-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker. Bl-għan li timmodernizza l-ekonomija tal-UE, din taħdem id f’id ma’ inizjattivi ewlenin oħra bħalma huma s-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa sabiex jinkisbu riżultati fl-impjiegi, fit-tkabbir u fl-investiment għall-Ewropa.

Dan il-“pakkett” jippreżenta opportunità biex jitħaffu kemm it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa kif ukoll it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Billi jimmobilizza sa EUR 177 biljun addizzjonali f'investiment pubbliku u privat kull sena mill-2021, dan il-pakkett jista' jiġġenera żieda sa 1 % fil-PDG tul id-deċennju li ġej u joħloq 900 000 impjieg ġdid 1 . Dan se jfisser ukoll li fuq medja, l-intensità tal-karbonju tal-ekonomija tal-UE se tkun 43 % inqas fl-2030 milli bħalissa 2 , bl-elettriku rinnovabbli jirrappreżenta madwar nofs it-taħlita ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku tal-UE 3 .

Figura 1: Il-modernizzazzjoni tal-ekonomija — Ir-rwol tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika

   Il-Ftehim ta' Pariġi huwa l-ewwel tat-tip tiegħu u ma kienx ikun possibbli li kieku ma kienx għall-Unjoni Ewropea. Illum issuktajna nuru t-tmexxija tagħna u nagħtu prova li, flimkien, l-Unjoni Ewropea tista' tikseb ir-riżultati.Jean-Claude Juncker, fuq ir-ratifika mill-UE tal-Ftehim ta’ Pariġi, l-4 ta’ Ottubru 2016

Is-settur tal-enerġija huwa settur importanti għall-ekonomija Ewropea: il-prezzijiet tal-enerġija jaffettwaw il-kompetittività tal-ekonomija kollha u jirrappreżentaw medja ta’ 6 % tal-infiq annwali tal-familji 4 . Dan is-settur jimpjega kważi 2,2 miljun ruħ, mifruxa fuq 90 000 impriża madwar l-Ewropa 5 , li jirrappreżentaw 2 % tal-valur miżjud globali 6 . Warajh hemm industrija tal-manifattura ta’ suċċess li twassal it-tagħmir u s-servizzi meħtieġa, mhux biss fl-Ewropa, iżda wkoll madwar id-dinja. L-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u prodotti u servizzi tal-effiċjenza enerġetika wassal għall-ħolqien ta’ negozji ġodda fl-Ewropa kollha li jipprovdu għejun ġodda ta’ impjiegi u tkabbir għall-Ewropej. L-impatti tal-impjiegi tal-Unjoni tal-Enerġija jmorru lil hinn sew mill-industrija tal-provvista tal-enerġija: Pereżempju, aktar minn miljun ħaddiem huma impjegati, direttament jew indirettament, f’setturi relatati mal-enerġija rinnovabbli 7 u madwar miljun f’setturi relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija 8 .

L-Unjoni tal-Enerġija hija l-mutur ewlieni tal-UE u l-akbar kontribut tagħha għal tranżizzjoni globali u komprensiva lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. L-UE nnegozjat il-Ftehim ta’ Pariġi f’Diċembru li għadda u grazzi għar-ratifika rapida tal-UE, dan l-ewwel ftehim globali dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima daħal fis-seħħ lanqas biss sena wara fl-4 ta’ Novembru 2016. Il-Ftehim ta’ Pariġi jagħti direzzjoni ċara u ambizzjuża għall-investiment fl-innovazzjoni b’livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. L-implimentazzjoni tal-impenji ambizzjużi ta’ Pariġi tal-UE dwar it-tibdil fil-klima hija prijorità u tiddependi ħafna fuq it-tranżizzjoni b’suċċess għal sistema enerġetika nadifa billi żewġ terzi tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jirriżultaw mill-produzzjoni u l-użu tal-enerġija.

Huwa daqstant importanti li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni għal sistema tal-enerġija nadifa tkun ta’ benefiċċju għall-Ewropej kollha. Il-konsumaturi kollha anke dawk vulnerabbli u dawk li jinsabu f’faqar enerġetiku għandhom iħossuhom involuti u jaħsdu l-benefiċċji tanġibbli għal aċċess għal enerġija aktar sigura, nadifa u kompetittiva, li huma l-objettivi ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-Kummissjoni diġà ppreżentat l-Istrateġija Qafas tal-Unjoni tal-Enerġija 9 , proposti dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass 10 , is-sistema tal-iskambju tal-emissjonijiet tal-UE 11 u r-regoli relatati dwar il-qsim tal-isforzi 12 u l-użu tal-art u l-forestrija 13 kif ukoll strateġija dwar il-mobilità b'emissjonijiet baxxi 14 .

Kif imħabbar fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 15 , il-Kummissjoni llum qed tippreżenta proposti regolatorji u miżuri ta’ faċilitazzjoni bl-għan li jimmodernizzaw l-ekonomija u jagħtu spinta lill-investimenti fis-setturi relatati mal-enerġija nadifa.

Il-proposti regolatorji u l-miżuri ta’ faċilitazzjoni mressqa fil-pakkett jimmiraw li jħaffu, jittrasformaw u jikkonsolidaw it-tranżizzjoni tal-ekonomija tal-UE lejn enerġija nadifa u b’hekk jinħolqu impjiegi u tkabbir f’setturi ekonomiċi u mudelli ta’ negozju ġodda.

Il-proposti leġiżlattivi jkopru l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, id-disinn tas-suq tal-elettriku, is-sigurtà tal-provvista u r-regoli ta’ governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

Il-pakkett imressaq għandu tliet għanijiet prinċipali:

Tingħata prijorità ewlenija lill-effiċjenza tal-enerġija

Il-kisba tat-tmexxija globali fl-enerġiji rinnovabbli

Jingħata trattament ġust għall-konsumaturi

L-azzjonijiet ta’ faċilitazzjoni jinkludu inizjattivi biex jaċċelleraw l-innovazzjoni tal-enerġija nadifa u biex jirrinnovaw il-bini fl-Ewropa, kif ukoll miżuri biex: jinkoraġġixxu l-investiment pubbliku u privat u jagħmlu l-aħjar użu mill-baġit disponibbli tal-UE; jippromwovu inizjattivi mmexxija mill-industrija għat-trawwim tal-kompetittività; itaffu l-impatt soċjali tat-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa; jinvolvu bosta atturi, fosthom fuq naħa waħda l-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u muniċipali u min-naħa l-oħra n-negozji, l-imsieħba soċjali u l-investituri, u jkabbru t-tmexxija tal-Ewropa fit-teknoloġija u s-servizzi tal-enerġija nadifa biex jgħinu lill-pajjiżi terzi sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ politika tagħhom.

Dan il-pakkett għandu jitqies fil-kuntest tat-tmexxija tal-UE lejn sistema tal-enerġija aktar intelliġenti u aktar nadifa għal kulħadd, biex jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Pariġi, jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku, jiġu xprunati l-investiment u t-tmexxija teknoloġika, jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ impjieg u jitjieb il-benesseri taċ-ċittadini.

Sabiex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar il-klima u l-enerġija tal-2030, madwar EUR 379 biljun ta’ investimenti huma meħtieġa kull sena matul il-perjodu 2020–2030 16 : l-aktar fl-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura. Il-kumpaniji tal-UE għandhom ikunu fuq quddiem nett ta’ dawn l-investimenti. F’dan il-kuntest, kollox jiddependi mill-kapaċità tal-kumpaniji tal-UE li jinnovaw. B’EUR 27 biljun fis-sena ddedikati għar-riċerka pubblika u privata, l-iżvilupp u l-innovazzjoni f’oqsma relatati mal-Unjoni tal-Enerġija 17 , l-UE tinsab f’pożizzjoni tajba biex tibdel din it-transizzjoni f’opportunità ekonomika u industrijali konkreta.

Grazzi għall-politiki li qegħdin jiġu proposti llum mill-Kummissjoni, il-produzzjoni industrijali tista’ tiżdied fis-settur tal-kostruzzjoni b’sa 5 %, fis-setturi tal-inġinerija, il-ħadid u l-azzar b’massimu ta’ 3,8 % u 3.5 % rispettivament, li huma ekwivalenti għal 700 000 impjieg addizzjonali fil-kostruzzjoni, 230 000 fl-inġinerija u 27 000 fis-setturi tal-azzar u tal-ħadid 18 . 

2.Tingħata prijorità ewlenija lill-effiċjenza tal-enerġija

L-effiċjenza enerġetika hija l-aktar sors ta’ enerġija disponibbli b’mod universali. L-effiċjenza enerġetika minn naħa tirrifletti l-fatt li s-sors l-aktar irħis u nadif ta’ enerġija huwa l-enerġija li ma teħtieġx li tiġi prodotta jew użata. Dan ifisser li jiġi żgurat li l-effiċjenza enerġetika titqies fis-sistema kollha tal-enerġija, jiġifieri l-ġestjoni attiva tad-domanda sabiex jiġi ottimizzat il-konsum tal-enerġija, jitnaqqsu l-ispejjeż għall-konsumaturi u d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet, filwaqt li jiġi trattat l-investiment fl-infrastruttura tal-effiċjenza enerġetika bħala triq kosteffikaċi lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u ċirkolari. Dan se jippermetti li l-kapaċità żejda ta’ ġenerazzjoni tiġi rtirata mis-suq, speċjalment il-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-fjuwils fossili.

Il-Kummissjoni rrevediet il-mira tal-UE għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, f’konformità mat-talba mill-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014, u tqis li l-UE għandha tistabbilixxi mira vinkolanti fil-livell tal-UE ta’ 30 % sal-2030. Meta mqabbel mal-mira ta’ mill-inqas 27 % miftiehma fl-2014, din iż-żieda hija mistennija li tissarraf f’massimu ta’ EUR 70 biljun ta’ prodott domestiku gross addizzjonali u 400 000 impjieg ieħor kif ukoll tnaqqis addizzjonali tal-kont tal-UE fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili 19 . Il-mira miżjuda se tgħin biex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u għall-enerġiji rinnovabbli.

Il-Kummissjoni tipproponi li testendi lil hinn mill-2020, l-obbligi tal-iffrankar tal-enerġija stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 20 li jirrikjedu lill-fornituri u d-distributuri tal-enerġija li jiffrankaw 1,5 % tal-enerġija fis-sena. Din il-miżura wriet l-ewwel effetti tagħha billi attirat investiment privat u appoġġat atturi ġodda li tfaċċaw fis-suq, bħall-fornituri tas-servizz tal-enerġija, inklużi l-aggregaturi, u għandha għalhekk tkun qed tixpruna dawn l-iżviluppi anke wara l-2020. Id-disinn ġdid tas-suq tal-elettriku se jkompli joħloq kondizzjonijiet ugwali għall-parteċipazzjoni fis-suq min-naħa tad-domanda.

Il-bini jirrappreżenta 40 % tal-konsum totali tal-enerġija u madwar 75 % minnu huwa ineffiċjenti fl-enerġija 21 . L-effiċjenza enerġetika fil-bini ssofri minn nuqqas ta’ investiment u għadd kbir ta’ ostakli. Billi l-binjiet huma miżmuma jew imtejba fuq bażi regolari, l-investimenti fl-iffrankar tal-enerġija jiġu ta’ sikwit injorati għaliex jiffaċċjaw kompetizzjoni minħabba kapital skars, nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli, nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa jew dubji dwar il-benefiċċji possibbli. Bir-rata ta’ llum ta’ rinnovazzjoni ta’ madwar 1 % tal-bini kull sena, kieku ndumu seklu biex intejbu l-istokk tal-bini għal livelli moderni ta’ użu ta’ enerġija qrib iż-żero 22 . Il-bini b’użu nadif tal-enerġija jfisser iktar minn sempliċi ffrankar tal-enerġija: dan iżid il-kumdità u l-kwalità tal-ħajja, għandu l-potenzjal li jintegra s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-ħżin, it-teknoloġiji diġitali u li jikkollega l-bini mas-sistema tat-trasport. L-investiment fi stokk tal-bini b’enerġija nadifa jista’ jixpruna t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju.

It-tkabbir tal-investiment f’bini pubbliku, bħal sptarijiet, skejjel u uffiċċji, jiddependi wkoll fuq id-disponibbiltà tal-finanzjament privat u l-kumpaniji privati tas-servizzi tal-enerġija li joffru mekkaniżmi innovattivi, bħalma huma l-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija. L-iffrankar tal-enerġija jista’ jkollu wkoll impatt pożittiv fuq il-baġits pubbliċi, billi kull sena jintefqu madwar biljun euro fuq l-enerġija f’bini pubbliku bħal dan. Madankollu, ir-regoli għall-investimenti fis-settur pubbliku u għat-trattament statistiku tar-rinnovazzjoni tal-assi għandhom ikunu trasparenti u ċari sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment fl-effiċjenza enerġetika fl-assi pubbliċi. Il-Kummissjoni qiegħda tanalizza, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-impatt tar-regoli tal-kontabbiltà pubblika fuq is-suq għall-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija u se taġġorna l-gwida tagħha dwar it-trattament statistiku ta’ dawn l-isħubiji qabel tard fir-rebbiegħa 2017.

L-emenda tad-Direttiva dwar il-Prestazzjoni Enerġetika tal-Bini 23 se taċċellera r-rati ta’ rinnovazzjoni tal-bini billi ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet dwar strateġiji għar-rinnovazzjoni tal-bini fuq terminu twil, bil-ħsieb li jiġi dekarbonizzat l-istokk tal-bini sa nofs is-seklu. Il-proposta se ttejjeb ukoll l-informazzjoni għall-investituri u l-promoturi tal-proġetti billi ssaħħaħ iċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija, tagħmel disponibbli informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija operattiva ta’ bini pubbliku u torbot l-intensità tal-appoġġ pubbliku mal-livell miksub tal-iffrankar tal-enerġija. Il-proposta titlob lill-Istati Membri biex jiffukaw ukoll l-investimenti fuq dawk li jinsabu f’faqar enerġetiku, peress li l-effiċjenza enerġetika hija waħda mill-aħjar mezzi biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-faqar enerġetiku.

Biex tappoġġa t-twettiq tal-istrateġija tal-UE tal-mobilità b’emissjonijiet baxxi u l-użu dejjem jiżdied tal-elettriku fit-trasport, id-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini se teħtieġ l-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar tal-elettriku. Għal bini eżistenti, din id-dispożizzjoni se tapplika biss għall-bini kummerċjali b’aktar minn 10 spazji għall-parkeġġ mill-2025. Għal bini ġdid jew bini li qed isirulu rinnovazzjonijiet kbar, id-dispożizzjoni se tapplika għall-bini residenzjali b’aktar minn 10 spazji ta’ parkeġġ f’forma ta’ obbligu li jiġu inklużi spazji minn fejn jingħaddu l-wajers u għall-bini kummerċjali b’aktar minn 10 spazji ta’ parkeġġ f’forma ta’ obbligu li jiġu installati punti tal-iċċarġjar. L-SMEs u l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni, dawn tal-aħħar minħabba l-fatt li huma diġà koperti mid-Direttiva dwar il-Fjuwils Alternattivi, sa fejn il-punti ta’ ċċarġjar tagħhom ikunu pubblikament aċċessibbli. Sabiex tiżdied l-effiċjenza tat-trasport u jiġu promossi soluzzjonijiet ta’ mobilità, dan il-pakkett fih ukoll strateġija tal-UE għall-użu ta’ Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi 24 .

Sabiex ikompli jitħaffef ir-ritmu tar-rinnovazzjoni tal-bini u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni għal stokk ta’ bini b’enerġija nadifa, il-Kummissjoni qed tniedi Inizjattiva Ewropea dwar il-Bini (Anness I) b’komponent ta’ “finanzjament intelliġenti għal bini intelliġenti”. Din l-inizjattiva ġdida, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Istati Membri, tista’ tillibera EUR 10 biljun addizzjonali ta’ fondi pubbliċi u privati sal-2020 għall-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli fil-bini, sabiex jiġi megħjun l-iżvilupp ta’ sensiela ta’ proġetti bankabbli fuq skala kbira u l-istabbiliment ta’ pjattaforma ta’ effiċjenza fl-enerġija f’kull Stat Membru. L-inizjattiva timmira wkoll li tinbena l-fiduċja fis-suq għal bini b’użu ta’ enerġija nadifa, billi jkun magħmul disponibbli għall-investituri u għal partijiet interessati oħra data tal-prestazzjoni finanzjarja dwar ’il fuq minn 7 000 proġett Ewropew industrijali u tal-effiċjenza enerġetika tal-bini, kif ukoll li taħdem mas-settur finanzjarju dwar qafas kunsenswali għas-sottoskrizzjoni ta’ investimenti f’bini b’enerġija nadifa sabiex jippermetti ffinanzjar aktar immirat u standardizzat tas-suq għal dawn il-proġetti. Dan se jġib titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, il-klima u benefiċċji tal-iffrankar tal-enerġija kif ukoll fl-impjiegi u fl-investiment. L-inizjattiva tal-bini Ewropew toffri spinta lill-industrija Ewropea tal-bini, li tħabbat wiċċha ma’ għadd ta’ sfidi ekonomiċi u soċjali. L-effiċjenza enerġetika tal-bini tista’ tkun wieħed mill-ixpruni għall-modernizzazzjoni tas-settur u l-forza tax-xogħol tiegħu.

Industriji b’użu intensiv tal-enerġija (pereż. l-industriji tal-karozzi u l-azzar) se jeħtieġu li jkomplu l-isforzi tagħhom lejn it-titjib fl-effiċjenza enerġetika. Investimenti bħal dawn ġeneralment irendu f'termini ta’ spejjeż imnaqqsa tal-enerġija. Setturi ġodda, bħal dak tad-difiża għandhom potenzjal ulterjuri — li s’issa għadu ma ġiex sfruttat — tal-effiċjenza tal-enerġija, u għalhekk l-iffrankar tal-ispejjeż se jwassal għal impatt pożittiv dirett fuq il-baġits pubbliċi.

L-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija se jkomplu jkollhom rwol importanti fit-twassil tal-iffrankar tal-enerġija u tar-riżorsi għall-konsumaturi u fil-ħolqien ta’ opportunitajiet kummerċjali għall-industrija Ewropea. Wara kunsiderazzjoni bir-reqqa, il-Kummissjoni ddeċidiet li ssaħħaħ il-fokus tal-politika dwar il-prodotti bl-ogħla potenzjal għall-iffrankar f’termini ta’ enerġija u ekonomija ċirkolari.

Il-Kummissjoni qed tadotta pakkett li jikkonsisti minn Pjan ta’ Ħidma tal-Ekodisinn 2016–2019 u numru ta’ miżuri speċifiċi għall-prodott 25 . Il-Pjan ta’ Ħidma tal-Ekodisinn jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-Kummissjoni għat-tliet snin li ġejjin, inklużi reviżjonijiet ta’ miżuri eżistenti speċifiċi għall-prodott biex jinżammu aġġornati ma’ żviluppi teknoloġiċi ġodda, kif ukoll prodotti ġodda li għandhom jiġu studjati bit-tir ta’ regolamentazzjoni possibbli biex jinkiseb potenzjal mhux sfruttat. Meħuda flimkien, il-miżuri kollha identifikati fil-Pjan ta’ Ħidma tal-Ekodisinn għandhom il-potenzjal li jagħtu total ta’ aktar minn 600 TWh ta’ ffrankar annwali ta’ enerġija primarja fl-2030, li huwa komparabbli mal-konsum annwali ta’ enerġija primarja ta’ Stat Membru ta’ daqs medju. Dan se jiżgura li l-Ewropa żżomm it-tmexxija globali tagħha fir-rigward tal-istandards ta’ effiċjenza tal-prodott u tkompli twassal benefiċċji ekonomiċi u ambjentali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji.

3.Niksbu tmexxija globali fl-enerġiji rinnovabbli

Is-settur tal-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa jimpjega iktar minn 1 100 000 persuna 26 , u l-Ewropa għadha l-mexxej ewlieni fid-dinja fil-qasam tal-enerġija mir-riħ. Mat-43 % tat-total ta’ turbini tar-riħ installati fid-dinja huma prodotti minn ftit manifatturi kbar Ewropej. It-tnaqqis fl-ispejjeż fit-teknoloġiji solari u tar-riħ kienu mmexxija mill-politiki ambizzjużi tal-UE. Dan wassal biex l-enerġija rinnovabbli saret irħas u aktar faċilment disponibbli għal kulħadd. Għalkemm l-Ewropa tilfet ir-rwol tagħha ta’ mexxej fil-produzzjoni ta’ moduli ta’ pannelli solari għall-importazzjonijiet, il-biċċa l-kbira tal-valur miżjud tal-installazzjoni ta’ pannell solari (> 85 %) hija ġġenerata fl-Ewropa 27 . 

Fl-Ewropa, l-akbar impjegaturi fis-settur tas-sorsi rinnovabbli huma l-industriji tar-riħ, l-enerġija solari fotovoltajka (PV) u l-bijomassa solida. Madankollu, l-industrija fotovoltajka esperjenzat telf ta’ impjiegi: l-impjieg fis-settur fotovoltajku fl-2014 kien ftit ’il fuq minn terz tal-livell tal-2011 minħabba t-telf tal-kapaċitajiet ta’ manifattura fis-settur 28 . Is-settur tal-enerġija mir-riħ kien responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-impjiegi fl-enerġija rinnovabbli fl-UE. Fil-perjodu bejn l-2005 u l-2013, il-valur tal-bejgħ fis-settur tal-enerġija mir-riħ fl-Ewropa żdied bi tmien darbiet, bid-dħul tiegħu fl-UE stmat għal madwar EUR 48 biljun 29 . Fl-istess perjodu, l-impjieg fl-enerġija mir-riħ fl-UE żdied b’ħames darbiet mill-2005 sal-2013, b’total ta’ madwar 320 000 impjieg assoċjat fl-2014 30 . Il-Kummissjoni se tibda wkoll inizjattivi mmexxija mill-industrija li jimmiraw li jappoġġaw ir-rwol tal-UE ta’ mexxejja globali fl-enerġija rinnovabbli u fit-teknoloġiji nodfa b’mod ġenerali.

Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa mira ta’ mill-inqas 27 % għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata fl-UE fl-2030. Din il-mira minima hija vinkolanti fil-livell tal-UE, iżda mhux se tinbidel f’miri nazzjonali vinkolanti. Minflok, l-Istati Membri se jimpenjaw ruħhom li jagħtu kontribuzzjonijiet permezz ta’ pjanijiet nazzjonali integrati dwar il-klima u l-enerġija 31 li jiffurmaw parti mill-proposta ta’ governanza biex kollettivament tintlaħaq il-mira tal-UE. Il-pressjoni mill-pari pprovduta mill-konsultazzjonijiet reġjonali dwar il-pjanijiet u l-possibbiltà li l-Kummissjoni tagħmel rakkomandazzjonijiet, flimkien mal-qafas globali tal-politika stabbilit minn biċċiet oħra ta’ leġiżlazzjoni f’dan il-pakkett, għandhom jinkoraġġixxu lill-Istati Membri jwiegħdu ħafna, mingħajr ebda lok għall-parassitiżmu. Fil-każ li l-Kummissjoni tiskopri li jista’ jkun hemm xi lakuna, kemm fuq il-livelli ta’ ambizzjoni kif ukoll fuq dawk ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tas-sorsi rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, din tista’ tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi evitata u tingħeleb kull lakuna simili li titfaċċa. Il-livell mira se jiġi rivedut fil-futur, f’konformità mal-impenji internazzjonali tal-UE.

L-iżvilupp fl-enerġija rinnovabbli għandu jkun ibbażat fuq l-aktar teknoloġiji innovattivi li jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fil-gassijiet serra. Il-previżjonijiet tas-suq globali għal soluzzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli skont l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni fit-tul ġew stmati għal madwar EUR 6 800 biljun għall-perjodu 2014–2035 32 , b’potenzjal għoli ta’ tkabbir, speċjalment barra mill-Ewropa. F’dawn l-aħħar snin, l-investimenti f’assi ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli rrappreżentaw aktar minn 85 % tal-investimenti ta’ ġenerazzjoni, il-biċċa l-kbira tagħhom f’livelli iktar baxxi ta’ vultaġġ, b’mod partikolari fil-livell ta’ grids ta’ distribuzzjoni. Il-proposti l-ġodda għandhom l-għan li jikkonsolidaw aktar din it-tendenza, pereżempju billi jneħħu l-ostakli għall-awtoġenerazzjoni.

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 33 , flimkien ma’ proposti dwar id-Disinn tas-Suq tal-elettriku ġdid 34 , se tistabbilixxi qafas regolatorju li jippermetti kundizzjonijiet ekwi għat-teknoloġiji kollha mingħajr ma jipperikola l-miri tagħna dwar il-klima u l-enerġija. L-elettriku se jkollu rwol ewlieni fit-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija nadifa. Is-sehem tal-elettriku rinnovabbli żdied għal 29 % tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u se jilħaq madwar nofs it-taħlita ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku tal-UE, prinċipalment minn sorsi varjabbli bħar-riħ u x-xemx. Ħafna minn dan se jkun konness b’mod deċentralizzat fil-livell tad-distribuzzjoni. Ir-regoli tas-suq iridu jiġu adattati biex jiġi ffaċilitat dan l-iżvilupp, tiġi ġestita l-varjabbilità u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Il-qafas regolatorju l-ġdid, għalhekk, se jiżgura li s-sorsi rinnovabbli jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-suq tal-elettriku, iżda wkoll li d-dispożizzjonijiet relatati mas-suq ma jiddiskriminawx kontra l-enerġija rinnovabbli.

Sabiex jiġi akkomodat aħjar is-sehem dejjem jikber ta’ enerġija rinnovabbli — fil-biċċa l-kbira varjabbli, is-swieq bl-ingrossa għandhom jiġu żviluppati aktar u b’mod partikolari jipprovdu regoli adegwati li jippermettu kummerċ fuq medda qasira ta’ żmien biex jirriflettu l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjoni varjabbli. Billi jippermettu kummerċ eqreb lejn il-ħin tal-kunsinna, is-swieq tal-elettriku għal żmien qasir integrati sew se jippremjaw il-flessibbiltà fis-suq kemm għall-ġenerazzjoni kif ukoll għad-domanda u l-ħżin. Barra minn hekk, ir-regoli tas-suq għandhom jiġu adattati biex jippermettu lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli jipparteċipaw bis-sħiħ u jaqilgħu dħul fis-segmenti kollha tas-suq, inklużi s-swieq tas-servizzi tas-sistema.

Ir-rilaxx prijoritarju se jibqa’ fis-seħħ għal installazzjonijiet eżistenti u installazzjonijiet rinnovabbli fuq skala żgħira u proġetti ta’ dimostrazzjoni. Installazzjonijiet oħra, indipendenti mit-teknoloġija applikata, se jkunu soġġetti għal regoli ta’ aċċess mhux diskriminatorji għal partijiet terzi. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-enerġija rinnovabbli għandu jinżamm għal minimu strett.

Dawn ir-regoli l-ġodda se jippermettu li l-ġeneraturi tal-elettriku rinnovabbli jiksbu sehem dejjem akbar mid-dħul tagħhom mis-suq. Madankollu, id-dħul mis-suq ma jistax ikopri kompletament in-nefqa kapitali għolja tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari tat-teknoloġiji ġodda li qed jitfaċċaw. L-investituri jeħtieġu l-prevedibbiltà tal-politika. Id-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli tinkludi, għaldaqstant, prinċipji li se japplikaw għall-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli wara l-2020 biex jiġi żgurat li fejn is-sussidji huma meħtieġa dawn ikunu finanzjarjament effikaċi u jimminimizzaw id-distorsjonijiet tas-suq.

L-integrazzjoni tas-sorsi rinnovabbli b’suċċess se tkompli teħtieġ infrastrutturi robusti ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni u netwerk Ewropew interkonness sew. L-Ewropa għandha l-iktar grilja tal-elettriku sigura fid-dinja, iżda se jkunu meħtieġa investimenti sinifikanti sal-2030. Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fil-kuntest reġjonali (il-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku, il-Grupp dwar il-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, l-Ewropa tal-Lbiċ u l-Ibħra tat-Tramuntana) biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ infrastrutturi ewlenin. Waqqfet ukoll grupp ta’ esperti biex jagħtu parir dwar it-tfassil u t-twettiq tal-miri tal-interkonnessjoni għall-2030.

Il-potenzjal ta’ tisħin u tkessiħ bħala kontribut għall-mira kumplessiva tas-sorsi rinnovabbli ma ntużax biżżejjed. L-Istrateġija għat-Tisħin u t-Tkessiħ 35 stipulat l-approċċ ġenerali. Il-proposti attwali se jinkoraġġixxu lill-Istati Membri biex iżidu s-sehem tagħhom ta’ karburanti rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ, lill-operaturi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali sabiex jiftħu n-netwerk tagħhom għall-kompetizzjoni u jinkoraġġixxu l-użu ta’ pereżempju pompi tas-sħana.

Il-bijoenerġija tirrappreżenta proporzjon kbir tat-taħlita tal-enerġija rinnovabbli tagħna, u se tkompli tagħmel dan fil-futur. Din iġġib magħha impjiegi u żvilupp ekonomiku fiż-żoni rurali, tieħu post il-fjuwils fossili u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija.

L-iżvilupp ta’ fjuwils alternattivi avvanzati għat-trasport se jiġi mħeġġeġ permezz ta’ mandat ta’ taħlit lid-distributuri tal-karburanti, filwaqt li l-bijokarburanti bbażati fuq l-ikel se jnaqqsu progressivament il-kontribuzzjoni tagħhom għall-mira tal-enerġija rinnovabbli tal-UE. L-appoġġ tal-elettrifikazzjoni tat-trasport huwa objettiv ewlieni ieħor ġdid tal-qafas tas-suq tal-elettriku u se jissaħħaħ permezz tad-dispożizzjonijiet relatati mas-swieq tal-elettriku fil-livell tal-konsumatur.

Il-bijomassa solida attwalment użata għas-sħana u l-enerġija fl-UE hija prinċipalment lokali u reġjonali u bbażata fuq prodotti sekondarji mill-industrija tal-foresti, u fil-livelli attwali, hija b’mod ġenerali favur il-klima. Madankollu hemm tħassib li jekk il-livell tal-użu jkompli jiżdied, l-effetti fuq il-klima jistgħu jmorru għall-agħar. L-iżgurar ta’ benefiċċji fit-tul għall-klima se jeħtieġ b’mod partikolari li jitpoġġa limitu fuq il-pressjoni addizzjonali fuq il-foresti.

Hemm bżonn ta’ sinerġiji ikbar bejn l-ekonomija ċirkolari u diversi użi tal-bijomassa, b’kont meħud b’mod partikolari tal-fatt li l-injam jista’ jintuża għal firxa ta’ prodotti b’valur miżjud ogħla milli sempliċement għall-enerġija biss. Biex jiġu promossi dawn is-sinerġiji kemm jista’ jkun, il-konverżjoni effiċjenti biss tal-bijomassa f’enerġija għandha tirċievi l-appoġġ pubbliku, kemm jekk fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju kif ukoll fil-forma ta’ aċċess preferenzjali għall-grilja, ħlief f’raġunijiet debitament ġustifikati ta’ sigurtà tal-provvista tal-elettriku.

S’issa, il-biċċa l-kbira tal-bijomassa użata għas-sħana u l-enerġija tiġi mill-foresti. Madwar l-UE u lil hinn minnha, il-foresti u l-prattiki ta’ ġestjoni tagħhom ivarjaw ħafna. L-Istati Membri tal-UE żviluppaw leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u jikkooperaw pereżempju taħt il-proċess tal-Forest Europe. Għadd ta’ Stati Membri li jimportaw kwantitajiet kbar ta’ bijomassa għall-enerġija stabbilixxew ukoll skemi ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa dedikati u se jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu dan taħt il-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli wkoll tappoġġa l-mobilizzazzjoni tal-injam sostenibbli permezz tal-Politika tal-Iżvilupp Rurali tal-UE. Dawn il-livelli ta’ azzjoni huma kumplimentari fl-appoġġ ta’ prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti.

Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li testendi l-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-UE eżistenti biex tkopri t-tipi kollha ta’ bijoenerġija. Approċċ ġdid għall-bijomassa tal-foresti huwa propost, li jibni fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-kontabilità xierqa tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra relatati mal-użu tal-art u s-settur tal-foresti fil-pajjiż tal-oriġini tal-bijomassa. L-iżviluppi fil-produzzjoni u l-użu tal-bijomassa għall-enerġija se jiġu mmonitorjati u riveduti permezz tal-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

4.Nipprovdu trattament ġust għall-konsumaturi

Il-konsumaturi huma fil-qalba tal-Unjoni tal-Enerġija. L-enerġija hija ġid kritiku, assolutament essenzjali għall-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà moderna.

It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa jeħtieġ li tkun ukoll ġusta għal dawk is-setturi, ir-reġjuni jew partijiet vulnerabbli tas-soċjetà affettwati mit-tranżizzjoni tal-enerġija.

Il-Kummissjoni tipproponi riforma tas-suq tal-enerġija biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa u jkollhom aktar kontroll fuq l-għażliet tagħhom fir-rigward tal-enerġija. Għan-negozji, dan ifisser kompetittività akbar. Għaċ-ċittadini, dan ifisser informazzjoni aħjar, possibilitajiet biex isiru aktar attivi fis-suq tal-enerġija u li jkollhom aktar kontroll fuq l-ispejjeż tal-enerġija tagħhom.

L-ewwel pass fid-direzzjoni tat-tqegħid tal-konsumaturi fil-qalba tal-Unjoni tal-Enerġija huwa li jiġu pprovduti b’tagħrif aħjar dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom u l-ispejjeż tagħhom. Il-proposti se jagħtu lill-konsumaturi meters intelliġenti, kontijiet ċari u kundizzjonijiet iffaċilitati biex jibdlu l-fornituri. Bis-saħħa tal-proposti se jkun jiswa anqas biex wieħed jibdel il-fornitur, permezz tal-eliminazzjoni tat-tariffi ta’ terminazzjoni. Għodod ta’ tqabbil iċċertifikati se jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni affidabbli dwar l-offerti disponibbli għalihom. Il-proposti se jipprovdu ċertifikati ta’ prestazzjoni tal-enerġija aktar affidabbli u b’indikatur ta’ “intelliġenza”.

Bħala parti minn dan il-pakkett, il-Kummissjoni qed iżżid it-trasparenza bit-tieni rapport biennali tagħha dwar l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-enerġija 36 . L-ispiża tal-enerġija għandha impatt fuq l-għażla ta’ taħlita ta’ enerġija tagħna, l-infiq tagħna bħala familja, u fuq il-kompetittività tal-Ewropa. B’dipendenza fuq l-importazzjoni ta’ 74 %, l-UE tibqa’ esposta għal prezzijiet tal-fjuwils fossili volatili stabbiliti globalment. F’dawn l-aħħar snin, l-iżviluppi globali naqsu l-“kont tal-importazzjoni tal-enerġija” tal-UE b’35 % u taw spinta lit-tkabbir ekonomiku. Il-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku huma l-aktar baxxi li qatt kienu fi 12-il sena u l-prezzijiet tal-gass naqsu b’50 % mill-2013 u l-prezzijiet taż-żejt bi kważi 60 % mill-2014 ’l hawn. Id-differenzi fil-prezzijiet naqsu meta mqabbla ma’ ekonomiji dinjin oħra.

F’dak li jirrigwarda l-prezzijiet għall-unitajiet domestiċi bħala utenti aħħarin, it-tendenzi huma differenti. It-traħħis fil-prezzijiet tal-enerġija ġie segwit b’żieda fl-ispejjeż tan-netwerks u fit-taxxi u fl-imposti tal-gvernijiet peress li l-enerġija hija bażi tat-taxxa użata ta’ spiss għal dħul statali ferm bżonjuż. Il-prezzijiet tal-elettriku fil-livell tal-konsumatur żdiedu b’madwar 3 % fis-sena mill-2008 u l-prezzijiet tal-gass fil-livell tal-konsumatur bi 2 %. B’konsegwenza ta’ dan, l-ispejjeż tal-enerġija żdiedu bi ftit, sa kważi 6 % tan-nefqa ta’ kull familja.

Il-bidliet regolatorji introdotti mill-pakkett attwali u l-bidla minn ġestjoni ċentralizzata konvenzjonali għal swieq deċentralizzati, intelliġenti u interkonnessi jagħmluha aktar faċli għall-konsumaturi biex jiġġeneraw l-enerġija tagħhom stess, jaħżnuha, jaqsmuha, jikkonsmawha jew ibigħuha fuq is-suq direttament jew bħala kooperattivi tal-enerġija. Il-konsumaturi se jkunu jistgħu joffru rispons għad-domanda, direttament jew permezz ta’ aggregaturi tal-enerġija. Teknoloġiji intelliġenti ġodda se jagħmluha possibbli għall-konsumaturi jekk dawn ikunu jixtiequ li jikkontrollaw u jimmaniġġjaw attivament il-konsum tal-enerġija tagħhom filwaqt li jtejbu l-kumdità tagħhom. Dawn it-tibdiliet jagħmluha aktar faċli għall-unitajiet domestiċi u n-negozji li jsiru aktar involuti fis-sistema tal-enerġija u biex jirreaġixxu għas-sinjali tal-prezzijiet. Dan jeħtieġ ukoll it-tneħħija tal-limiti tal-prezzijiet bl-ingrossa u fil-livell tal-konsumatur, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni sħiħa u adegwata lill-konsumaturi domestiċi vulnerabbli. Il-proposti regolatorji l-ġodda se joħolqu wkoll opportunitajiet għal kumpaniji ġodda u innovattivi li joffru lill-konsumaturi għażla akbar ta’ servizzi aħjar. Dan se jiffaċilita l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, u jgħin lill-kumpaniji Ewropej biex jiksbu aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija u teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju.

Il-faqar enerġetiku huwa sfida kbira madwar l-UE, u għandu l-bażi tiegħu fi djar b’introjtu baxx u b’użu ineffiċjenti tal-enerġija. Fl-2014, il-familji li għandhom l-iktar dħul baxx fl-UE nefqu kważi 9 % tan-nefqa totali tagħhom fuq l-enerġija 37 . Din hija żieda ta’ 50 % meta mqabbla mal-10 snin ta’ qabel, ħafna iktar milli għal familja medja. Dan il-pakkett jistabbilixxi approċċ ġdid biex jiġu protetti l-konsumaturi vulnerabbli, li jinkludi wkoll l-għajnuna lill-Istati Membri biex inaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija għall-konsumaturi billi jiġu appoġġati investimenti fl-effiċjenza enerġetika. Il-proposti tal-Kummissjoni għall-effiċjenza tal-enerġija jitolbu lill-Istati Membri biex jieħdu kont tal-faqar enerġetiku, billi jeżiġu li proporzjon tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija jiġu implimentati bħala prijorità fi djar affettwati mill-faqar enerġetiku jew fl-akkomodazzjoni soċjali. L-istrateġiji fit-tul ta’ rinnovazzjoni tal-bini tagħhom għandhom ukoll jagħtu kontribut sabiex jittaffa l-faqar enerġetiku. Barra minn hekk, bħala parti mill-proċess ta’ Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jirrappurtaw dwar il-faqar enerġetiku, filwaqt li l-Kummissjoni se tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki. Barra minn hekk, f’konformità mal-isforzi tagħha biex tagħti s-setgħa u tipproteġi lill-konsumaturi, il-Kummissjoni tipproponi ċerti salvagwardji proċedurali qabel ma konsumatur jista’ jiġi skonnettjat. Il-Kummissjoni qiegħda twaqqaf Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku biex tkun provduta data aħjar dwar il-problema u s-soluzzjonijiet tagħha kif ukoll biex tgħin lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-faqar enerġetiku.

5.Miżuri ta’ faċilitazzjoni

L-UE diġà qed taħdem ħafna biex tappoġġa t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u t-twettiq tat-tliet prijoritajiet ewlenin: l-ewwel l-effiċjenza enerġetika, it-tmexxija globali fl-enerġiji rinnovabbli min-naħa tal-UE u t-trattament ġust għall-konsumaturi. Iżda jeħtieġ li ssir aktar ħidma.

Parzjalment, dan ifisser li l-qafas regolatorju tal-UE għandu jiġi stabbilit għal wara l-2020 — għalhekk il-proposti dwar it-tfassil tas-suq, l-effiċjenza fl-enerġija, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-governanza, li jikkomplementaw l-inizjattivi li l-Kummissjoni diġà ppreżentat dwar l-azzjoni klimatika u l-mobilità b’emissjonijiet baxxi 38 .

Jeħtieġ ukoll li l-UE tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa permezz ta’ strumenti oħra tagħha. Dawn jinkludu l-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ politiki tal-UE: l-infurzar effettiv tar-regolamentazzjoni tal-UE, l-applikazzjoni tal-finanzjament tal-UE b’mod effettiv, koerenti u l-inkoraġġiment ta’ sħubiji mal-partijiet interessati.

It-transizzjoni lejn enerġija nadifa mhux se sseħħ mingħajr azzjoni mill-bosta partijiet ikkonċernati mis-soċjetà ċivili u fil-livell reġjonali u lokali. Il-bliet, ir-reġjuni, l-intrapriżi, l-imsieħba soċjali u l-partijiet ikkonċernati oħra għandhom jiġu involuti b’mod attiv fid-diskussjonijiet dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Pjanijiet Integrati dwar l-Enerġija u l-Klima sabiex dawn iwieġbu b’mod adegwat għall-ħtiġijiet tat-territorji differenti.

L-azzjonijiet meħtieġa se jevolvu maż-żmien. Fil-qafas tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija annwali, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet biex tissaħħaħ it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa ppreżentata flimkien ma’ dan il-pakkett u żżid azzjonijiet ġodda kif meħtieġ.

Biex tagħti spinta lill-kompetittività tal-Ewropa u lill-użu ta’ teknoloġiji tal-enerġija nadifa, il-Kummissjoni qed tippreżenta, bħala parti minn dan il-pakkett, inizjattiva biex taċċellera l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa 39 . Din l-inizjattiva tistabbilixxi għadd ta’ miżuri speċifiċi biex jitjieb l-ambjent regolatorju, ekonomiku u ta’ investiment għall-innovazzjoni f’teknoloġiji u sistemi ta’ enerġija nadifa. Filwaqt li tibni fuq il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET) u l-ħidma li għaddejja dwar l-Aġenda Strateġika għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fit-Trasport (STRIA), din tinkludi wkoll għadd limitat ta’ prijoritajiet integrati ggwidati mir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi ta’ dan il-pakkett. Din il-prijoritizzazzjoni msaħħa se tikkontribwixxi għall-iffukar mill-ġdid ta’ sehem sinifikanti tar-riżorsi mill-Orizzont 2020 (mill-inqas EUR 2 biljun) u tiggwida l-appoġġ pubbliku u l-investimenti privati fl-UE kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tittestja approċċ ġdid ta’ finanzjament biex tappoġġa l-innovazzjoni b’riskju għoli u b’impatt qawwi fil-qasam tal-enerġija nadifa u ssaħħaħ l-attivitajiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, u b’mod partikolari, tal-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (KICs) rilevanti sabiex tiġi promossa l-intraprenditorija u l-adozzjoni mis-suq ta’ soluzzjonijiet innovattivi, b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi, l-industrija tal-UE trid tkun fuq quddiem fit-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa. Il-Kummissjoni se tappoġġja inizjattivi mmexxija mill-industrija biex tippromwovi tmexxija globali min-naħa tal-UE fl-enerġija nadifa u f’soluzzjonijiet teknoloġiċi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Dawn l-inizjattivi għandu jkollhom l-għan li jsaħħu r-rabtiet industrijali fil-katina tal-valur kollha kemm hi u jintegraw lill-atturi mhux ekonomiċi bħall-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni se tiddiskuti wkoll mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar il-ħtieġa li jitwaqqaf “forum industrijali dwar l-enerġija nadifa” li jista’ jlaqqa’ flimkien diversi fergħat (enerġija-trasport-manifattura-diġitali, eċċ.) u ssir diskussjoni kollettiva dwar kif jistgħu jiġu ottimizzati l-benefiċċji ta’ tranżizzjoni tal-enerġija nadifa għall-industrija tal-UE, u kif għandha tiġi promossa l-kompetittività globali tagħna u l-kollaborazzjoni internazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jindirizzaw ukoll l-impatt soċjali, fuq il-ħiliet u industrijali tat-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa u jirriflettu dan l-impatt fil-Pjanijiet Nazzjonali tal-Enerġija u tal-Klima tagħhom. Il-Kummissjoni se teżamina kif l-aħjar tappoġġa t-tranżizzjoni f’reġjuni b’livell għoli ta’ faħam u karbonju. Għal dan l-għan, se taħdem bi sħubija mal-atturi kollha ta’ dawn ir-reġjuni, tipprovdi gwida, b’mod partikolari għall-aċċess għall-fondi u l-programmi disponibbli u għall-użu tagħhom, u tħeġġeġ l-iskambju ta’ prattiki tajbin, inklużi diskussjonijiet dwar pjanijiet direzzjonali u l-iżviluppar mill-ġdid tal-ħiliet meħtieġa, permezz ta’ pjattaformi mmirati.

B’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni se tipprovdi pjattaformi għas-setturi u l-ħaddiema biex jadattaw il-ħiliet għall-ħtiġijiet ta’ tranżizzjoni tal-enerġija nadifa. Abbażi tal-esperjenza bl-ewwel proġetti pilota skont l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 40 għas-setturi tal-karozzi u tat-teknoloġija marittima, fl-2017 il-Kummissjoni se tintroduċi Skemi Ġodda ta’ Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u għas-settur tal-kostruzzjoni b’enfasi fuq teknoloġiji b’użu baxx ta’ karbonju.

Dan il-pakkett qed iżid ukoll l-azzjoni tal-UE biex jitneħħew is-sussidji fuq il-fjuwils fossili ineffiċjenti f’konformità mal-impenji internazzjonali taħt il-G7 u l-G20 u fil-Ftehim ta’ Pariġi. L-appoġġ pubbliku li għad fadal iżda li huwa xorta waħda sinifikanti għaż-żejt, il-faħam u l-fjuwils b’livell għoli ta’ karbonju jkompli jgħawweġ is-suq tal-enerġija, joħloq ineffiċjenza ekonomika u jtellef l-investiment fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u l-innovazzjoni. Ir-riforma fuq it-tfassil tas-suq qed tneħħi d-dispaċċ prijoritarju għall-faħam, il-gass u l-pit u se tillimita l-ħtieġa għal mekkaniżmi ta’ kapaċità li ta’ spiss kienu jiddependu fuq il-faħam. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll monitoraġġ regolari ta’ sussidji għall-fjuwils fossili fl-UE u tistenna li l-Istati Membri jagħmlu użu mill-pjanijiet dwar l-enerġija u l-klima biex jissorveljaw it-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili. Il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni REFIT tal-qafas tal-UE dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija sabiex tiddefinixxi l-passi possibbli li jmiss tagħha anke fil-kuntest ta’ sforzi biex jitneħħew is-sussidji għall-fjuwils fossili.

Il-politiki ta’ kooperazzjoni esterna u għall-iżvilupp tal-UE huma għodod importanti biex jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa globalment u jgħinu lis-sħab tagħna f’pajjiżi ġirien u f’pajjiżi li qed jiżviluppaw f’dan il-proċess 41 .

L-UE qed issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, it-Turkija u l-ġirien tan-Nofsinhar u dawk tal-Lvant dwar l-effiċjenza fl-enerġija. Tnedew l-ewwel erba’ proġetti pilota biex jiżdiedu l-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija fis-settur tal-bini u possibbilment fl-2017 se jiġu estiżi għal firxa usa’ ta’ pajjiżi sħab. L-UE se ssaħħaħ ukoll il-finanzjament għall-effiċjenza enerġetika fil-bini fl-istrumenti ta’ finanzjament rilevanti ta’ Qabel l-Adeżjoni u tal-Viċinat.

L-Afrika hija sieħeb privileġġat tal-UE u s-Sħubija għall-Enerġija bejn l-Afrika u l-UE tipprovdi l-qafas ta’ kooperazzjoni konġunta tal-enerġija. L-UE qiegħda wkoll tappoġġa l-Inizjattiva għall-Enerġija Rinnovabbli fl-Afrika.

In-negozji Ewropej jistgħu jużaw dawn l-opportunitajiet biex joffru l-eċċellenza tagħhom fl-esportar jew fl-investiment fl-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli fi swieq kompetittivi globali. L-UE għandha l-għan li tilħaq ftehim ambizzjuż dwar il-prodotti ambjentali fl-ambitu tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u tfittex li jiġu liberalizzati l-prodotti u s-servizzi ambjentali u l-iffaċilitar tal-kummerċ u l-investiment fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali tagħha.

L-Anness II “Tissaħħaħ it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa” jenfasizza ċerti oqsma li fihom azzjoni konkreta tista’ tissaħħaħ f’qasir żmien, tiġi ffokata mill-ġdid jew is-sinerġiji jiġu mtejba biex jiġu appoġġati l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment fl-Ewropa. Dan għandu jgħin ukoll lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-impenji tagħhom dwar l-enerġija u l-klima għall-2020 u jippermettilhom li jkunu ambizzjużi fil-wegħdiet tagħhom meta jistabbilixxu l-miri tagħhom għall-2030 b’mod kost-effettiv, u fl-istess waqt jinkoraġġixxu l-partijiet ikkonċernati oħra tas-settur pubbliku u dak privat sabiex jinvolvu ruħhom aktar bis-sħiħ f’din it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.

6.Konklużjonijiet

Il-proposti leġiżlattivi kollha relatati mal-Unjoni tal-Enerġija ppreżentati mill-Kummissjoni fl-2015 u l-2016 jinħtieġu jiġu indirizzati bħala prijorità mill-Parlament u l-Kunsill. Dan kien ukoll enfasizzat mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2016 u appoġġat mill-Parlament Ewropew. Il-progress se jiġi eżaminat fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2017.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom iżommu l-koerenza ġenerali ta’ dan il-pakkett u l-proposti preċedenti tal-Kummissjoni dwar, pereżempju, is-sistema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, il-kondiviżjoni tal-isforzi, l-użu tal-art u l-mobilità b’emissjonijiet baxxi.

(1)

Il-Valutazzjoni tal-Impatt għall-emenda tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, SWD(2016) 405.

(2)

Ir-riżultati sottostanti tal-Valutazzjoni tal-Impatt għall-emenda tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, SWD(2016) 405.

(3)

Il-Valutazzjoni tal-Impatt għar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, SWD(2016) 418.

(4)

COM(2016) 769.

(5)

L-enerġija tal-UE f’ċifri, Fuljett Statistiku 2016.

(6)

Eurostat - kontijiet nazzjonali.

(7)

  Eurobserv’ER, L-Istat tal-Enerġiji Rinnovabbli fl-Ewropa, il-15-il edizzjoni, 2015 (ċifri tal-2014).

(8)

Studju dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Soċjali u fuq l-Impjiegi tal-Effiċjenza Enerġetika.

(9)

COM (2015) 80

(10)

COM (2016) 52

(11)

COM (2015) 337

(12)

COM (2016) 482

(13)

COM (2016) 479

(14)

COM(2016) 501

(15)

COM (2016) 710

(16)

Il-Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-emenda tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, SWD(2016) 405 (iċ-ċifri tal-investiment minbarra s-settur tat-trasport).

(17)

JRC-SETIS, li jmiss.

(18)

Sors: Il-Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-emenda tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, SWD(2016) 405 (riżultati dettaljati bbażati fuq l-analiżi makroekonomika).

(19)

Il-Valutazzjoni tal-Impatt għall-emenda tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, SWD(2016) 405.

(20)

COM(2016) 761.

(21)

Il-Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-emenda tad-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini, SWD(2016) 414.

(22)

Il-Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-emenda tad-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini, SWD(2016) 414.

(23)

COM(2016) 765.

(24)

COM(2016) 766.

(25)

COM(2016) 773; C(2016) 7764, 7765, 7767, 7769, 7770 u 7772.

(26)

  L-EurObserv'ER, il-15-il edizzjoni, 2015 .

(27)

Il-Valutazzjoni tal-Impatt għar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, SWD(2016) 418. Ara wkoll l-istudju li ġej: http://gramwzielone.pl/uploads/files/Solar_Photovoltaics_Jobs___Value_Added_in_Europe.pdf .

(28)

L-Eurobserv’ ER, il-15 edizzjoni, 2015.

(29)

L-Eurobserv’ ER, il-15 edizzjoni, 2015.

(30)

L-Eurobserv’ ER, il-15 edizzjoni, 2015.

(31)

Dan se jiġi indirizzat fir-Regolament il-ġdid dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, COM(2016) 759.

(32)

L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, World Energy Investment Outlook Special Report 2014.

(33)

COM(2016) 767.

(34)

L-inizjattiva tat-tfassil tas-suq tikkonsisti f’riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Elettriku (COM(2016) 864), riformulazzjoni tar-Regolament dwar l-Elettriku (COM(2016) 861), riformulazzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi l-ACER (COM(2016) 863), u Regolament ġdid dwar il-preparazzjoni għar-riskji fis-settur tal-elettriku (COM(2016) 862).

(35)

COM(2016)51.

(36)

COM(2016) 769.

(37)

Ara d-Dokument ta’ Ħidma dwar il-Faqar Enerġetiku (nota 4 f’qiegħ il-paġna).

(38)

Ara l-Komunikazzjoni “L-aċċellerazzjoni tat-transizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju” (COM(2016) 500) u l-Komunikazzjoni dwar Strateġija Ewropea għal mobilità b’emissjonijiet baxxi (COM(2016) 501).

(39)

COM(2016) 763.

(40)

Ara l-Komunikazzjoni "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività (COM(2016) 381).

(41)

Ara l-Komunikazzjoni dwar Proposta għal Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp — id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Ġejjieni tagħna, COM(2016) 740; u l-Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew stabbilit.


Brussell, 30.11.2016

COM(2016) 860 final

ANNESS

L-aċċelerazzjoni tal-enerġija nadifa fil-bini

għall-

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

Enerġija Nadifa Għall-Ewropej Kollha


L-inizjattiva mnedija llum mill-Kummissjoni tittratta l-bini bħala parti essenzjali mit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa fl-Ewropa.

B’enfasi fuq l-inħawi fejn ngħixu u naħdmu, l-għan huwa li jiġi żviluppat approċċ komprensiv u integrat li jpoġġi l-effiċjenza fl-enerġija fl-ewwel post, jikkontribwixxi għat-tmexxija globali tal-UE fl-enerġiji rinnovabbli u jagħti trattament ġust lill-konsumaturi b’mod li jgħin lill-Istati Membri jagħmlu sforz biex jilħqu l-miri tagħhom dwar l-enerġija u l-klima għall-2020 u l-2030.

Il-benefiċċji ta’ approċċ integrat bħal dan huma ċari:

-il-mobilizzazzjoni tal-investimenti, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u l-ixprunar tat-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li jiġu promossi l-innovazzjoni u l-ħiliet;

-l-iffrankar tal-enerġija, li jwassal għal kostijiet orħos ta’ ġestjoni, ambjent tal-għajxien u tax-xogħol aħjar għaċ-ċittadini;

-jittaffa l-faqar enerġetiku, b’attenzjoni speċjali għall-indirizzar tal-akkomodazzjoni soċjali u l-bini pubbliku li mhumiex effiċjenti fl-enerġija;

-id-deċentralizzazzjoni progressiva tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa permezz tal-użu ta’ enerġija sostenibbli fil-bini;

-il-konnessjoni tal-bini ma’ sistema tal-enerġija, tal-ħżin, tat-trasport u diġitali li se tikkontribwixxi għall-istrateġija ta’ mobilità b’livell baxx ta’ emissjonijiet fl-Ewropa;

-l-għoti tas-setgħa lill-familji, in-negozji u l-komunitajiet tal-enerġija; kif ukoll

-il-kontribuzzjoni għall-ekonomija ċirkolari.

L-industrija tal-bini waħedha tipprovdi 18-il miljun impjieg dirett fl-Ewropa u toħloq 9 % tal-PDG 1 . 

L-industrija Ewropea tal-bini għandha l-potenzjal li tirreaġixxi għal numru ta’ sfidi ekonomiċi u soċjali bħalma huma l-impjiegi u t-tkabbir, aktar urbanizzazzjoni, komunikazzjoni diġitali u tan-netwerks soċjali, tibdil demografiku u ktajjen ta’ valur globalizzati, pressjonijiet ambjentali u, fl-istess ħin, sfidi tal-enerġija u tal-bidla fil-klima. Il-bini jista’ jkun wieħed mill-ixpruni għall-modernizzazzjoni tas-settur u l-forza tax-xogħol tiegħu.

L-UE diġà hija minn ta’ quddiem fid-dinja fis-sistemi ta’ innovazzjoni għall-bini. L-integrazzjoni tal-effiċjenza tal-enerġija, tal-enerġija rinnovabbli, tal-ħżin u tal-konnessjoni ma’ sistemi diġitali u tat-trasport permezz tal-bini tippermetti l-espansjoni ulterjuri ta’ din it-tmexxija u l-isfruttar ta’ qafas regolatorju favorevoli.

Fil-preżent, il-bini hu responsabbli għal 40 % tal-konsum tal-enerġija totali fl-Ewropa. Madwar 75 % tal-istokk tal-bini huwa ineffiċjenti fl-enerġija. Bir-rata attwali ta’ rinnovazzjoni annwali ta’ 1 %, ikun jeħtieġ madwar seklu biex jiġi dekarbonizzat l-istokk tal-bini għal livelli moderni baxxi ta’ karbonju 2 .

Sabiex jintlaħaq il-potenzjal għall-enerġija sostenibbli fil-bini, għadd ta’ ostakli soċjali, finanzjarji, tekniċi jew amministrattivi jeħtieġ li jingħelbu. Pereżempju, filwaqt li l-binjiet isirulhom manutenzjoni jew titjib fuq bażi regolari, l-investimenti fl-enerġija sostenibbli huma ta’ spiss injorati għaliex jiffaċċjaw kompetizzjoni minħabba kapital skars, nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli, nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa jew dubji dwar il-benefiċċji possibbli.

Barra minn hekk, bosta żviluppaturi ta’ proġetti għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli biex jiġbru l-ispejjeż bil-quddiem meħtieġa għall-proġetti tagħhom u m’għandhomx aċċess għal prodotti ta’ finanzjament attraenti u adegwati mis-suq. Dan in-nuqqas tas-suq huwa prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ konoxxenza tar-riskji, tal-benefiċċji multipli u tal-argumenti tan-negozju rigward investimenti f’enerġija sostenibbli, speċjalment l-effiċjenza tal-enerġija, mill-finanziera u l-investituri. Barra minn hekk, id-daqs żgħir tal-investimenti u n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet turnkey iżidu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni; u n-nuqqas ta’ kapaċità u ħiliet li jistrutturaw proġetti bankabbli jżommu d-domanda għall-finanzi baxxa.

Huwa r-rwol tal-politika dwar l-enerġija sostenibbli li tgħin lill-konsumaturi jagħmlu dawn l-investimenti aktar faċilment u toħloq kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-investiment. Meta jkunu qed jirrinnovaw id-djar tagħhom, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti billi jiddependu fuq regoli trasparenti, ċari u f’waqthom dwar il-konsum u l-ispejjeż relatati. Meta ssir rinnovazzjoni ta’ binjiet pubbliċi bħal sptarijiet, skejjel, akkomodazzjoni soċjali jew uffiċċji, l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkollhom il-possibilità ta’ aċċess għal soluzzjonijiet ta’ finanzjament attraenti u jibbenefikaw minn servizzi innovattivi tal-enerġija fil-forma ta’ pereżempju kkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija.

Flimkien mal-istabbiliment ta’ qafas regolatorju tajjeb, b’mod partikolari mar-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u d-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Bini Ewropew, hemm bżonn li l-azzjonijiet kumplimentari jappoġġaw il-bidliet mgħaġġla fl-ekonomija reali u li l-kwistjoni tal-iffinanzjar tiġi indirizzata issa.

1.    Finanzjament intelliġenti għal bini intelliġenti

Ir-rinnovazzjoni tal-enerġija sostenibbli fil-binjiet hija qasam fejn il-ġabra ta’ proġetti u garanziji pubbliċi tista’ tagħmel differenza kbira. Bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) 2.0 3 huwa importanti ħafna biex jiżblokka l-finanzjament privat għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli fil-bini fuq skala ikbar.

Diġà bħalissa, l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli huma prominenti fil-proġetti tal-FEIS. Pereżempju, il-biċċa l-kbira tal-proġetti tal-enerġija approvati għall-finanzjament s’issa (li jammontaw għal 22 % ta’ EUR 154 biljun f’investiment globali) jikkonċernaw l-effiċjenza fl-enerġija u s-settur tal-enerġija rinnovabbli. Filwaqt li tibni fuq is-suċċess tal-FEIS, il-Kummissjoni pproponiet li testendi t-tul ta’ żmien tiegħu sal-aħħar tal-2020 u li titlob li tal-anqas 40 % tal-proġetti fil-FEIS fl-infrastruttura u l-innovazzjoni għandhom jikkontribwixxu għall-azzjoni dwar il-klima, l-enerġija u l-ambjent skont l-għanijiet tal-COP21. Din hija opportunità importanti u kontribut konkret biex jinġabru flus pubbliċi u privati sabiex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. L-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jista’ jikkomplementa, jew jiġi kkombinat mal-appoġġ, fil-forma ta’ għotjiet jew ta’ prodotti finanzjarji, minn fondi oħra tal-UE, inklużi l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

Matul il-perjodu 2014–2020, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni se jinvestu EUR 17-il biljun fl-effiċjenza enerġetika f’bini residenzjali u pubbliku u f’intrapriżi, b’enfasi partikolari fuq l-SMEs 4 . Dan huwa tliet darbiet aktar milli fil-perjodu preċedenti, u jikkonferma l-impenn u l-importanza li l-Istati Membri u r-reġjuni jagħtu lill-effiċjenza tal-enerġija. Dan għandu l-potenzjal li jimmobilizza ammont ħafna akbar ta’ kofinanzjament pubbliku u privat, li jlaħħaq it-total stmat ta’ madwar EUR 27 biljun 5 . Wieħed mill-għanijiet tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa huwa li mill-inqas jirdoppja l-użu tal-istrumenti finanzjarji taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex jimmobilizza aktar finanzjament privat u jgħin biex jiġu stabbiliti swieq vijabbli. L-Istati Membri u r-reġjuni diġà qed jippjanaw li jinvestu kważi EUR 6.4 biljun 6 permezz ta’ strumenti finanzjarji għal objettivi b’livell baxx ta’ karbonju, prinċipalment għall-effiċjenza tal-enerġija; Din hija żieda ta’ aktar minn tmien darbiet meta mqabbel mal-perjodu 2007-2013 7 .

Filwaqt li tibni fuq il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-Kummissjoni se tniedi inizjattiva biex tkompli tagħti spinta lill-investimenti minn entitajiet tas-settur pubbliku, kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija, SMEs/kumpaniji żgħar b’kapital medju u unitajiet domestiċi fl-effiċjenza tal-enerġija u l-bini intelliġenti. Din l-inizjattiva l-ġdida, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Istati Membri, tista’ tirriżulta f’żieda ta’ EUR 10 biljun ta’ fondi pubbliċi u privati 8 sal-2020 għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli. Dan għandu jsir permezz ta’ intermedjarji finanzjarji jew pjattaformi ta’ investiment nazzjonali fl-effiċjenza enerġetika biex jiġu aggregati l-proġetti, jitnaqqas ir-riskju tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u jiġi ottimizzat l-użu tal-fondi pubbliċi, inkluż, b’mod partikolari, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej flimkien ma’ finanzjament permezz tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi. Kombinazzjonijiet bħal dawn, li diġà huma possibbli llum, se jkomplu jiġu ffaċilitati permezz tal-emendi proposti għar-Regolament Finanzjarju u r-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni 9 . L-Istati Membri, speċjalment dawk b’intensità tal-enerġija u dipendenza fuq l-enerġija esterna ogħla, huma mħeġġa biex jipparteċipaw u jikkontribwixxu għal din l-inizjattiva. Il-kondiviżjoni tar-riskji bejn l-UE u l-fondi pubbliċi nazzjonali u privati se jagħmlu disponibbli għażliet ta’ finanzjament aktar attraenti għall-benefiċjarji finali. Barra minn hekk, diversi vantaġġi regolatorji u amministrattivi se jkunu konnessi mal-użu ta’ soluzzjoni tal-UE, pereżempju rigward l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist pubbliku, l-obbligi ta’ kofinanzjament, kif ukoll ir-rappurtar u l-valutazzjonijiet ex ante. B’mod importanti, fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-finanzi pubbliċi skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-Kummissjoni se tieħu pożizzjoni favorevoli dwar il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għal kontribuzzjonijiet ta’ darba fi pjattaformi ta’ investiment tematiċi jew multinazzjonali fil-qafas tal-FEIS 10 .

Parti sinifikanti minn dawn il-fondi se jkunu implimentati fil-bliet u r-reġjuni: l-atturi lokali u reġjonali għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ ta’ bini b’użu ta’ enerġija nadifa, permezz ta’ deċiżjonijiet f’oqsma bħall-kodiċi tal-bini u l-ippjanar urban. Permezz ta’ inizjattivi bħall-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija 11 , il-bliet u r-reġjuni huma mħeġġa jimplimentaw azzjonijiet favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, iż-żieda fir-reżiljenza, u l-iżgurar ta’ aċċess għal enerġija nadifa u affordabbli għal kulħadd.

Pilastru I: Użu aktar effettiv tal-fondi pubbliċi

L-għan huwa li jiġi massimizzat l-użu tal-fondi pubbliċi disponibbli permezz ta’ strumenti finanzjarji li jindirizzaw nuqqasijiet tas-suq identifikati u billi jiġu mmirati aħjar l-għotjiet lejn il-konsumaturi vulnerabbli. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se:

a.Tiżviluppa mudelli ta’ finanzjament għall-enerġija sostenibbli bbażati fuq pjattaformi ta’ investiment nazzjonali (b’possibbiltà ta’ dimensjoni reġjonali) biex tattira finanzjament privat addizzjonali għar-rinnovazzjoni tal-bini, imfassla kif previst fir-Regolament dwar il-FEIS u f’konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

Fl-UE, aktar milli f’ekonomiji żviluppati oħra, il-banek għandhom rwol ċentrali fil-finanzjament tal-investimenti tal-konsumaturi u tal-intrapriżi. Filwaqt li qed isiru dejjem aktar attivi fis-swieq tal-enerġija ġodda, b’mod speċjali s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala kbira, il-banek kważi qatt ma jqisu l-effiċjenza tal-enerġija bħala segment distint tas-suq. Dan jirriżulta f’nuqqas ta’ prodotti ta’ finanzjament kummerċjali adegwati u affordabbli għall-investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew fl-enerġiji rinnovabbli fil-binjiet 12 . Sabiex jiġi indirizzat dan in-nuqqas, il-Kummissjoni żviluppat sistema ta’ finanzjament innovattiv, il-faċilità ta’ Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE), iffinanzjata mill-programm LIFE u ġestita mill-BEI. Is-suċċess ta’ dan il-proġett pilota, kif muri permezz ta’ ingranaġġ ikbar minn dak li kien ippjanat oriġinarjament, juri l-potenzjal tal-ixprunar ta’ investimenti fl-effiċjenza permezz tal-kondiviżjoni tar-riskji, assistenza teknika u linji ta’ kreditu mill-BEI għall-istituzzjonijiet finanzjarji parteċipanti. It-tagħlimiet miksuba mill-Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE) se jgħinu biex iqawwu dejjem aktar il-kombinazzjoni tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u sorsi oħra ta’ finanzjament pubbliku, inklużi l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, fejn xieraq, permezz ta’ pjattaformi ta’ investiment 13 .

Filwaqt li tkompli tibni fuq din l-esperjenza, il-Kummissjoni se tappoġġja l-iżvilupp ta’ pjattaformi flessibbli ta’ effiċjenza tal-enerġija u ta’ finanzjament rinnovabbli fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Dawn il-pjattaformi jistgħu joffru soluzzjoni sħiħa tas-servizz u jippermettu lill-banek, l-intermedjarji finanzjarji, il-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija jew entitajiet oħra lokali li jikkondividu l-investimenti biex jintużaw prodotti ta’ finanzjament tal-enerġija sostenibbli attraenti għal għadd kbir ta’ riċevituri finali fil-qasam kopert mill-pjattaforma 14 . B’mod partikolari, tliet elementi reċiprokament rinfurzanti jistgħu jitwasslu għand l-entitajiet li jkunu lesti li jiffinanzjaw portafolli ta’ investimenti fl-enerġija sostenibbli:

-Il-finanzjament tad-dejn miżjud tal-BEI permezz tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi biex tiżdied il-kapaċità ta’ finanzjament tiegħu (u b’hekk isir kontribut għal enfasi aktar qawwija fuq il-bini b’enerġija sostenibbli taħt il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi 2.0);

-Mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tar-riskji biex jittaffa r-riskju tal-portafolli ta’ investimenti f’bini b’enerġija sostenibbli u sabiex il-kundizzjonijiet ta’ self lir-riċevituri finali jkunu aktar attraenti. Din il-karatteristika tista’ tintuża flimkien ma’ fondi disponibbli lokalment, inklużi l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej;

-Il-kompetenza teknika u l-assistenza għall-implimentazzjoni gradwali ta’ programmi ta’ self żviluppati f’kooperazzjoni maċ-Ċentru ta’ Konsulenza Ewropew għall-Investiment — inkluż permezz tal-faċilitajiet bħal ELENA, JASPERS, fi-compass 15 — u sorsi oħra ta’ finanzjament nazzjonali jew reġjonali.

Biex jiġi appoġġjat l-użu ta’ dan il-mudell u strumenti assoċjati oħra ta’ enerġija sostenibbli, il-Kummissjoni se tinvestiga opportunitajiet li jiġu riallokati fondi eżistenti tal-UE, pereżempju għall-għajnuna teknika.

b.Kuntrattar dwar il-Prestazzjoni fl-Użu tal-Enerġija: Ir-rwol tal-kuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija biex jixpruna l-effiċjenza tal-binjiet pubbliċi jrid jiżdied billi joffri approċċ olistiku lejn ir-rinnovazzjonijiet, inkluż il-finanzjament, it-twettiq tax-xogħlijiet u l-ġestjoni tal-enerġija. Dan jista’ wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, jippermetti l-investiment fl-effiċjenza mingħajr ma jiżdied id-dejn pubbliku, li huwa ta’ importanza fundamentali għall-gvernijiet kif ukoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li jiffaċċjaw restrizzjonijiet baġitarji, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-akkomodazzjoni soċjali, sptarijiet u skejjel. Ir-regoli dwar l-investimenti fis-settur pubbliku u għat-trattament statistiku tar-rinnovazzjoni tal-assi għandhom ikunu trasparenti u ċari sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment fl-effiċjenza enerġetika fl-assi pubbliċi. Barra minn hekk, il-Eurostat se tesplora kif għandu jiġi indirizzat l-impatt tal-investimenti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija fuq id-dejn u d-defiċit tal-gvernijiet. Il-Kummissjoni qiegħda tanalizza, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-impatt tar-regoli tal-kontabbiltà pubblika fuq is-suq għall-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija u se taġġorna, kif xieraq, il-gwida tagħha dwar it-trattament statistiku ta’ dawn l-isħubiji qabel tard fir-rebbiegħa 2017.  

c.Tingħata assistenza lill-maniġers tal-fondi pubbliċi bl-istrutturar u l-iskjerar ta’ strumenti finanzjarji: minbarra l-appoġġ mogħti miċ-Ċentru ta’ Konsulenza Ewropew għall-Investiment, fi-compass jew in-netwerk tal-Enerġija u l-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni, il-Kummissjoni se torganizza sensiela ta’ avvenimenti ta’ bini ta’ kapaċità reġjonali li jinvolvu lil min jieħu d-deċiżjonijiet u lill-partijiet ikkonċernati prinċipali. L-ewwel workshop sar f’Novembru ta’ din is-sena f’Riga u kopra r-reġjun tal-Baltiku.

d.Barra minn hekk, il-Kummissjoni żviluppat mudell biex jiżdied is-sehem tal-istrumenti finanzjarji taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, liema mudell huwa faċilment disponibbli: l-istrument kummerċjalment disponibbli għall-effiċjenza tal-enerġija. L-Istati Membri kienu attivi fl-istabbiliment ta’ strumenti finanzjarji għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, b’mod speċjali sabiex tintlaħaq il-mira li 20 % tal-FSIE jkunu ddirezzjonati lejn investimenti għall-ekonomija b’karbonju baxx permezz ta’ strumenti finanzjarji. Madanakollu, xi Stati Membri qed jiffaċċjaw dewmien f’dan ir-rigward u aktar użu ta’ strumenti mhux kummerċjali jista’ jgħin biex jiġi indirizzat dan in-nuqqas.

B’mod parallel, il-proposta leġiżlattiva dwar id-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija fil-Bini tinkludi miżuri li jorbtu l-inċentivi finanzjarji pprovduti mill-fondi pubbliċi mal-iffrankar tal-enerġija li jkun sar.

Pilastru II: L-aggregazzjoni u l-għajnuna għall-iżvilupp tal-proġetti

Id-disponibilità ta’ sensiela fuq skala kbira ta’ proġetti profittabbli biex jalimentaw il-pjattaformi ta’ investiment u l-istrumenti finanzjarji hija essenzjali għas-suċċess ta’ din l-inizjattiva. Madankollu, ħafna promoturi ta’ proġetti — l-awtoritajiet pubbliċi, individwi jew negozji — għandhom nuqqas ta’ kompetenzi u kapaċità li jistabbilixxu, jimplimentaw u jiffinanzjaw proġetti ambizzjużi għal bini b’enerġija nadifa. Għalhekk il-Kummissjoni se:

a.Issaħħaħ il-faċilitajiet ta’ Assistenza għall-Iżvilupp ta’ Proġetti 16  fil-livell tal-UE bħal ELENA bil-kooperazzjoni taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investiment. L-għan huwa li tiżdied is-sensiela ta’ investimenti, jingħata appoġġ għall-użu ta’ strumenti finanzjarji, ikun hemm tqarrib lejn il-promoturi tal-proġetti, speċjalment fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, ikunu involuti aktar il-bliet u l-atturi lokali u tkun stimulata l-aggregazzjoni u l-adozzjoni mis-suq ta’ soluzzjonijiet promettenti, inklużi teknoloġiji innovattivi, strateġiji ta’ finanzjament u ta’ organizzazzjoni. Il-Kummissjoni se żżid il-baġit tal-Proġett tal-UE ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp minn EUR 23 miljun fl-2015 għal EUR 38 miljun kull sena mill-2017. Il-baġit tal-Proġett tal-UE ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp għall-2016–2017 huwa mistenni li jwassal għal EUR 3 biljun 17 ta’ investimenti fl-enerġija sostenibbli fil-bini.

b.Tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw punti uniċi ta’ servizz lokali jew reġjonali ddedikati għall-iżviluppaturi tal-proġetti, li jkopru l-vjaġġ kollu tal-klijenti mill-informazzjoni, l-assistenza teknika, l-istrutturar u l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju, għall-monitoraġġ tal-iffrankar. Dawn il-faċilitajiet għandhom iwasslu għal sensieli ta’ proġetti aktar żviluppati lokalment u sħubiji b’saħħithom u affidabbli mal-atturi lokali (pereżempju l-SMEs, l-istituzzjonijiet finanzjarji, u l-aġenziji tal-enerġija), li huma kruċjali biex il-forniment tal-finanzi jkun konness mad-domanda għalih. L-iżvilupp u r-replikazzjoni ta’ dawn il-punti uniċi ta’ servizz għandhom ikunu appoġġati fil-livell tal-UE minn skambju ta’ prattiki tajbin permezz ta’ Manag'Energy 18 , finanzjament permezz tal-Orizzont 2020 19 , mill-faċilitajiet tal-Proġett tal-UE ta’ Assistenza għall-Iżvilupp, jew mill-finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej meta rilevanti.

B’mod parallel, il-kontinwazzjoni proposta tal-obbligi tal-iffrankar tal-enerġija għall-Istati Membri fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika se tagħti spinta ulterjuri għar-raggruppament ta’ proġetti fuq skala żgħira.

Pilastru III: Tnaqqis ta’ riskju

Kif mitlub mill-istituzzjonijiet finanzjarji 20 , l-investituri u l-finanzjaturi jridu jifhmu aħjar ir-riskji u l-benefiċċji reali tal-investimenti għall-enerġija sostenibbli fil-bini abbażi ta’ evidenza fis-suq u l-prestazzjoni fl-imgħoddi. Il-prinċipji fundamentali bħalma huma inqas probabbiltà ta’ inadempjenza fil-każ ta’ self għall-iffrankar tal-enerġija jew żieda fil-valur tal-assi minħabba prestazzjoni tal-enerġija ogħla jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti b’mod progressiv minn banek u riflessi fil-prezzijiet tal-prodotti ta’ finanzjament tagħhom. L-iżvilupp ta’ prodotti finanzjarji ddedikati għall-enerġija sostenibbli fil-bini huwa importanti wkoll biex jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ suq sekondarju (finanzjament mill-ġdid) u tiżdied il-parteċipazzjoni ta’ kapital privat. Biex tissaħħaħ din it-trasformazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni:

a.Tniedi l-Pjattaforma ta’ Tneħħija ta’ Riskju għall-Effiċjenza Enerġetika li tiżvela l-prestazzjoni teknika u finanzjarja ta’ aktar minn 5 000 proġett għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija industrijali u tal-bini Ewropej. L-iżviluppaturi tal-proġetti, il-finanzjaturi u l-investituri huma mistiedna biex ifornu aktar informazzjoni f’din il-bażi tad-dejta b’sors miftuħ u jibbenefikaw mill-valutazzjoni komparattiva u t-tagħlim bejn il-pari tagħha.

b.Se taħdem mill-qrib mal-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati, ir-rappreżentanti tal-industrija u l-esperti tas-settur fuq qafas konsenswali għas-sottoskrizzjoni ta’ investimenti tal-enerġija sostenibbli fil-bini. Koprodotta mill-Grupp ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji għall-Effiċjenza Enerġetika11 skedata għall-2017, din l-inizjattiva se tgħin lill-istituzzjonijiet finanzjarji jinkorporaw il-benefiċċji ewlenin tal-enerġija fil-prattika kummerċjali tagħhom filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u jżidu l-fiduċja tal-investituri. Din l-azzjoni se tgħin ukoll biex jiġi sfruttat il-potenzjal tas-suq ipotekarju ekoloġiku.

B’mod parallel, il-proposta leġiżlattiva dwar id-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija fil-Bini tinkludi miżuri li jipprovdu lill-investituri fis-settur privat b’aċċess għal aktar informazzjoni u ta’ kwalità aħjar, inklużi Ċertifikati tal-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-bini aktar affidabbli, il-ġbir ta’ data dwar il-konsum reali tal-enerġija ta’ bini pubbliku u l-iżvilupp addizzjonali ta’ pjanijiet direzzjonali tar-rinnovazzjoni fuq terminu twil biex jiggwidaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment.

Il-Kummissjoni se tniedi wkoll l-Osservatorju dwar l-Istokk tal-Bini tal-UE biex tiġbor ċentralment l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-bini tal-UE u r-rinnovazzjoni tal-enerġija. Dan se jippermetti appoġġ għat-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ politiki u strumenti finanzjarji relatati.

2.    Settur tal-kostruzzjoni

Il-Kummissjoni se tistieden lill-partijiet ikkonċernati fis-settur tal-kostruzzjoni sabiex jiddiskutu l-isfidi u l-opportunitajiet li l-investimenti fl-enerġija sostenibbli fil-bini jirrappreżentaw għas-settur, u kif din tista’ tiġi promossa aktar. Dan jikkumplimenta l-ħidma tal-Forum Tripartitiku ta’ Livell Għoli għall-Bini Sostenibbli tal-Istrateġija tal-Kostruzzjoni 2020.

Skont l-Aġenda dwar il-Ħiliet tagħha għall-Ewropa 21 , il-Kummissjoni nediet sforz biex tgħin fl-indirizzar tal-isfidi tal-ħiliet. Abbażi tal-esperjenza tal-proġetti pilota mnedija din is-sena, fl-2017 il-Kummissjoni se tniedi settijiet ġodda tal-hekk imsejħa “Skemi ta’ Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet” u waħda minnhom se tikkonċerna wkoll is-settur tal-kostruzzjoni b’enfasi fuq l-effiċjenza enerġetika u l-ħiliet diġitali. F’dan il-kuntest, se jkunu żviluppati sinerġiji mal-inizjattiva tal-Kummissjoni “BUILD UP Skills”, li timmira lejn it-titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema tas-settur tal-kostruzzjoni fir-rigward tal-effiċjenza tal-enerġija u t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, l-installazzjoni u l-ġestjoni tagħhom 22 . 

Il-kostruzzjoni ta’ bini ġdid jew l-immodifikar tal-bini biex isir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija huma opportunità biex jiġu fformulati mill-ġdid il-prattiki tal-bini u tat-twaqqigħ sabiex iqisu aspetti usa’ dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi. Skont il-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari, il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta s-sena d-dieħla qafas tal-UE biex tevalwa l-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-bini. Dan il-qafas għandu jintuża sabiex tiġi promossa l-ekonomija ċirkolari fl-ambjent mibni, inkluż billi jiġi użat bħala referenza fi proġetti ta’ applikazzjoni fuq skala kbira, fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u fil-politika u l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea qed tesplora għażliet biex tappoġġa inizjattivi biex jitrawmu investimenti ġodda u/jew innovattivi fl-infrastruttura tar-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni fir-reġjuni li għadhom lura fir-rigward tal-mira ta’ 70 % ta’ użu mill-ġdid, irkupru u riċiklaġġ li għandha tintlaħaq sal-2020 skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Investimenti bħal dawn jistgħu jiġu appoġġati mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi. Pjattaforma speċifika għall-proġetti tal-ekonomija ċirkolari qiegħda fil-proċess li tiġi stabbilita. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħejjiet Protokoll ta’ Mmaniġġjar tal-Iskart tal-Kostruzzjoni u d-Demolizzjoni, biex tgħin lill-partijiet ikkonċernati biex jittrattaw l-iskart b’mod ambjentalment korrett u jżidu l-potenzjal tiegħu għar-riċiklaġġ. B’ħarsa ’l quddiem, il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem ukoll fuq prinċipji u regoli għad-disinn sostenibbli tal-bini sabiex jiġi ġġenerat anqas skart mill-kostruzzjoni u d-demolizzjoni u jiġi ffaċilitat ir-riċiklaġġ tal-materjali. Dawn l-inizjattivi kollha se jgħinu biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u l-kostijiet relatati mal-materjali ta’ kostruzzjoni.

Il-potenzjal tal-impjiegi u tat-tkabbir tas-settur tal-kostruzzjoni għandu jiġi sfruttat billi jitjieb il-funzjonament tas-swieq. Ir-riżultati tal-kontroll tal-idoneità fuq il-kostruzzjoni se jintużaw biex tiġi żgurata koerenza akbar tal-leġiżlazzjoni relatata dwar is-suq intern u l-effiċjenza tal-enerġija. Pereżempju, ir-rekwiżiti li ġejjin minn regolamenti dwar l-Ekodisinn għandhom ikunu inkorporati, fejn rilevanti, fi standards armonizzati taħt ir-Regolament tal-Prodotti ta’ Kostruzzjoni applikabbli għall-istess prodotti biex il-manifatturi jkollhom qafas uniku wieħed għall-ittestjar tal-prodotti. Peress li s-suq intern għall-prodotti tal-kostruzzjoni għadu frammentat, għadu għaddej proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati 23 , li jista’ possibbilment iwassal għal reviżjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti tal-Kostruzzjoni matul il-mandat ta’ din il-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli tappoġġja l-innovazzjoni billi tistimula l-iżvilupp ta’ prodotti u proċessi teknoloġiċi avvanzati fil-qafas tal-isħubija pubblika-privata kuntrattwali (cPPP) – Bini b’użu effiċjenti tal-enerġija (EeB). Din is-sħubija pubblika-privata hija mistennija li twassal it-teknoloġiji meħtieġa biex iżżid is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-kostruzzjoni 24 .

Din l-inizjattiva tista’ tiġi appoġġjata minn approċċ intelliġenti għall-akkwist pubbliku li jippromwovi soluzzjonijiet innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju permezz ta’ inizjattivi ta’ standardizzazzjoni mmexxija mill-industrija, bħal SustSteel 25 . Meta dawn l-istandards ikunu ġew iffinalizzati, dawn jistgħu jintużaw mis-settur tal-kostruzzjoni biex jissodisfaw l-objettivi ta’ sostenibbiltà tagħhom. Dan l-approċċ jista’ potenzjalment jiġi replikat għal prodotti oħra ta’ kostruzzjoni u jagħti s-setgħa lis-settur biex jivvalorizzaw l-isforzi tagħhom u biex jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom b’mod aktar effiċjenti.

Id-direttivi l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku (fis-seħħ sa mir-rebbiegħa 2016) jikkonsolidaw u jtejbu l-istrumenti eżistenti kollha ta’ innovazzjoni: il-kriterji funzjonali, il-varjanti, il-kunsiderazzjonijiet tal-kwalità fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u fil-kriterji tal-għoti. L-UE tikkontribwixxi wkoll għall-akkwist innovattiv permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-programm Orizzont 2020. Dan wassal għal sensiela ta’ proġetti innovattivi. Eżempju interessanti huwa l-proġett transfruntier PAPIRUS (li jkopri l-Ġermanja, Spanja, l-Italja u n-Norveġja) li għandu l-għan li jippromwovi, jimplimenta u jivvalida soluzzjonijiet innovattivi għal bini sostenibbli permezz tal-akkwist pubbliku, filwaqt li jiffoka fuq Bini b’Konsum ta’ Enerġija Kważi Żero. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat kriterji ta’ Akkwist Pubbliku Ekoloġiku volontarji għad-Disinn, il-Kostruzzjoni u l-Immaniġġjar tal-Bini ta’ Uffiċċji li jinkludu sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif jista’ jinkiseb bini għall-uffiċċji ekoloġiku u effiċjenti fl-użu tal-enerġija 26 .

It-teknoloġiji diġitali għandhom il-potenzjal li jżidu l-effiċjenza tal-proċessi għall-bini u l-operat tal-bini, u b’hekk jagħtu sehem biex jintlaħqu l-objettivi tal-iffrankar tal-enerġija. Il-Kummissjoni għalhekk tappoġġa d-definizzjoni ta’ prinċipji u regoli komuni fl-akkwist pubbliku li jiddiġitalizzaw il-karatteristiċi tal-bini, inkluż il-prestazzjoni tal-enerġija tagħhom (Immudellar tal-Informazzjoni tal-Bini). Flimkien mal-iżvilupp ta’ qafas komuni għal logbook diġitali tal-bini u azzjonijiet speċifiċi mmirati lejn l-SMEs, dan jagħmilha ħafna aktar faċli biex ikun hemm skambju ta’ informazzjoni u appoġġ għat-teħid tad-deċiżjonijiet qabel, matul u wara l-proġetti ta’ kostruzzjoni, biex tkun evitata l-frammentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali f’kompetizzjoni u biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-SMEs. Barra minn hekk, skont il-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO u fil-kuntest ta’ ftehimiet bilaterali, l-UE tiżgura li l-akkwist pubbliku jitwettaq b’mod trasparenti u kompetittiv li ma jiddiskriminax kontra l-prodotti, is-servizzi jew il-fornituri tal-UE.

(1)

     Il-Kummissjoni Ewropea, Is-settur tal-bini Ewropew — Attur dinji, 2016.

(2)

     Il-Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-emenda tad-Direttiva dwar il-Prestazzjoni Enerġetika tal-Bini, SWD(2016) 414. Ara wkoll ir-rapport tal-JRC "Energy Renovation: The Trump Card for the New Start for Europe", disponibbli fuq http://iet.jrc.ec.europa.eu/energyefficiency/publication/energy-renovation-trump-card-new-start-europe

(3)

     Il-Komunikazzjoni “L-Ewropa tinvesti mill-ġdid — Rendikont tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss”, COM(2016) 359.

(4)

   Nota: Barra minn hekk, hemm allokazzjonijiet ta’ EUR 870 miljun u EUR 113-il miljun rispettivament mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS), parti wkoll mill-FSIE.

(5)

   Stima bbażata fuq it-tabelli finanzjarji tal-programmi operazzjonali 2014–2020 għall-objettiv tematiku “l-appoġġ tal-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju” b’mod ġenerali.

(6)

     Inkluż il-kofinanzjament nazzjonali.

(7)

     L-ewwel taqsira annwali tal-progress tal-SF tal-FSIE fl-2014–2020 se ssir sal-aħħar ta’ Novembru 2016.

(8)

     Il-BEI pprovda EUR 10,5 biljun lis-settur tal-effiċjenza tal-enerġija matul l-aħħar 5 snin.

(9)

     COM(2016) 605 tal-14 ta' Settembru 2016.

(10)

     Ara d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tagħha tal-kontribuzzjonijiet ta' darba fil-kuntest tal-inizjattiva tal-FEIS sabiex ikun implimentat il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, ĠU L 169, 1.7.2015, p. 38 kif ukoll Ara l-Komunikazzjoni “L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir”, COM (2015) 12.

(11)

  http://www.patttassindki.eu/index_mt.html  

(12)

     B’mod partikolari s-soluzzjonijiet ta’ tisħin u tkessiħ, il-pannelli solari fuq il-bjut, u l-pompi tas-sħana.

(13)

Fir-“Regolament Omnibus”, il-proposta tagħha adottata dan l-aħħar (COM (2016) 605), il-Kummissjoni tipproponi regoli simplifikati applikabbli biex jiġi kkombinat l-FSIE mal-FEIS li jista’ jippermetti l-iżvilupp ta’ mudelli u formoli aktar faċli biex jintużaw.

(14)

     Dawn il-pjattaformi se jipprovdu wkoll viżibbiltà aħjar għall-proġetti ffinanzjati hemm għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-vantaġġi regolatorji u amministrattivi rilevanti pprovduti mill-FEIS.

(15)

fi-compass hija pjattaforma għas-servizzi ta’ konsulenza dwar strumenti finanzjarji fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), iddisinjata biex tappoġġa l-awtoritajiet ta’ mmaniġġjar tal-FSIE u partijiet ikkonċernati oħra, billi tipprovdi kompetenzi prattiċi u għodod ta’ tagħlim dwar strumenti finanzjarji. https://www.fi-compass.eu/

(16)

   Il-Faċilità ELENA u l-PDA jaqgħu taħt il-Programm Orizzont 2020.

(17)

   Abbażi tal-proporzjon ta’ ingranaġġ miksub fil-passat fil-faċilitajiet ELENA u PDA EASME.

(18)

   Manag'Energy se tkun il-punt fokali għall-bini ta’ kapaċità ta’ 400+ aġenzija tal-enerġija lokali u reġjonali fl-Ewropa biex tiżdied il-kapaċità tagħhom ta’ finanzjament tal-użu effiċjenti tal-enerġija u tingħata s-setgħa lill-aġenziji biex jiżviluppaw strutturi bl-għan li jkun hemm approċċi lokali/reġjonali integrati u olistiċi.

(19)

   H2020, EE-23–2017, dwar skemi innovattivi ta’ finanzjament, jiġifieri skemi bbażati fuq aggregaturi ta’ proġetti jew kmamar tal-ikklerjar fil-livell reġjonali jew nazzjonali.

(20)

    www.eefig.com

(21)

   Komunikazzjoni "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività”, COM(2016) 381.

(22)

Inizjattiva ffinanzjata taħt il-programmi: Enerġija intelliġenti – Ewropa u l-Programm Orizzont 2020, l-Isfida għas-Soċjetà 3.

(23)

     Kif previst fir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti tal-Kostruzzjoni (żid ir-referenza)

(24)

     http://ec.europa.eu/research/industrial_technologies/energy-efficient-buildings_en.html

(25)

   L-industrija tal-azzar qed taħdem fuq standards Ewropej rigward l-azzar sostenibbli (SustSteel), li jippermettu lill-kumpaniji jiċċertifikaw li l-prodotti tal-azzar tagħhom għas-settur tal-kostruzzjoni huma konformi mar-rekwiżiti definiti għall-aspetti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tas-sostenibbiltà.

(26)

SWD(2016) 180 final Kriterji tal-UE għall-APE għad-Disinn, il-Kostruzzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Bini ta’ Uffiċċji


Brussell, 30.11.2016

COM(2016) 860 final

ANNESS

Azzjoni biex tixpruna t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa

għall-

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

Enerġija Nadifa Għall-Ewropej Kollha


Il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet ta’ dan id-dokument huma dawk li se jkollhom impatt fuq medda ta’ żmien qasir u medju. Fil-qafas tal-Istat annwali tal-Unjoni tal-Enerġija, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet u twitti t-triq għal azzjonijiet ġodda kif meħtieġ.

1. Tranżizzjoni soċjalment ġusta u ħiliet ġodda

L-enerġija hija bene u servizz kritiku, assolutament essenzjali għall-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà moderna. Diġà jeżistu għadd ta’ strumenti u jeħtieġ li jintużaw biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa tkun ġusta u tqis l-impatt trasformattiv tagħha fuq is-setturi, ir-reġjuni jew il-persuni vulnerabbli affettwati b’mod negattiv mit-tranżizzjoni.

L-għodod ewlenin f’dan ir-rigward huma l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew, li jappoġġaw lill-aġġustament f’setturi u reġjuni milquta u t-tranżizzjoni għal mudelli kummerċjali u profili tal-impjiegi ġodda. Mill-inqas EUR 1,1 biljun mill-Fond Soċjali Ewropew se jkunu ddedikati fil-perjodu 2014–2020, għat-titjib tal-edukazzjoni u s-sistemi tat-taħriġ meħtieġa għall-adattament tal-ħiliet u l-kwalifiki, u għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’setturi relatati mal-enerġija u l-ambjent. Il-Fond Soċjali Ewropew jintuża wkoll minn xi Stati Membri biex itaffu l-faqar fl-enerġija, bħala żieda mal-EUR 5,2 biljun allokati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni għal investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija fid-djar. F’dawn l-allokazzjonijiet, għadd ta’ Stati Membri għażlu li jimmiraw l-akkomodazzjoni soċjali u l-familji fil-bżonn, u b’hekk jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet fit-tul li jindirizzaw il-faqar fl-aċċess għall-enerġija għal kważi miljun familja. It-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini huwa wieħed mill-għodod importanti biex l-enerġija ssir aktar affordabbli u għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku. Flimkien mal-miżuri proposti fil-leġiżlazzjoni 1 , il-Kummissjoni se twaqqaf ukoll Osservatorju tal-Faqar tal-Enerġija biex tipproduċi statistika affidabbli dwar l-għadd ta’ familji foqra fl-enerġija f’kull Stat Membru, u tikkontribwixxi għat-tixrid ta’ prattiki tajbin.

Azzjonijiet speċifiċi f’termini ta’ trasferiment tal-għarfien, akkwist ta’ ħiliet u promozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi rigward l-użu u l-produzzjoni effiċjenti tal-enerġija huma ffinanzjati taħt il-politika ta’ Żvilupp Rurali. Pereżempju, 99 000 benefiċjarju (l-aktar il-bdiewa u detenturi forestali) huma mistennija li se jkunu mħarrġa fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-enerġija fil-perjodu 2014–2020.

Speċifikament biex tappoġġa s-solidarjetà fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, il-Kummissjoni pproponiet, bħala parti mir-reviżjoni tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet 2 li talloka riżorsi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet addizzjonali ta’ investiment partikolarment għoljin fi Stati Membri bi dħul aktar baxx. Il-Fond ta’ Modernizzazzjoni l-ġdid għandu l-għan li jiffaċilita l-investimenti fl-immodernizzar tas-sistemi tal-enerġija u jtejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Barra minn hekk, huwa propost ukoll li l-10 % tal-kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri se jkomplu jkunu distribwiti għall-benefiċċju ta’ ċerti Stati Membri bi dħul aktar baxx. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jużaw ukoll id-dħul mill-iskambju ta’ emissjonijiet għall-promozzjoni tal-formazzjoni tal-ħiliet u r-riallokazzjoni tal-ħaddiema affettwati mit-tranżizzjoni tal-impjiegi f’ekonomija ta’ dekarbonizzazzjoni, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali.

Dan għandu jiġi kkumplimentat b’inizjattiva dedikata li se tipprovdi aktar appoġġ imfassal apposta għat-tranżizzjoni fir-reġjuni industrijali b’livell għoli ta’ faħam u ta’ karbonju. L-għan huwa li tingħata spinta u/jew ikompli jitjieb il-proċess ta’ ppjanar tar-reġjun għall-bidliet strutturali marbuta mat-tranżizzjoni tal-enerġija u l-iskambju ma’ reġjuni oħra li jippreżentaw sitwazzjonijiet simili. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni se tqarreb lil dawn ir-reġjuni biex flimkien jiddiskutu l-proċessi possibbli tal-ippjanar, jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki, u jeżaminaw liema strumenti ta’ appoġġ huma disponibbli.

L-approċċ ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-qafas tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE, b’mod partikolari l-pjattaformi dedikati 3 , jista’ jipprovdi għajnuna rilevanti lir-reġjuni. Bħala proċess minn isfel għal fuq li jinvolvi b’mod partikolari l-industrija, il-komunità tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni u l-awtoritajiet pubbliċi, dan jista’ jippermetti lir-reġjuni jiżviluppaw u jimplimentaw l-istrateġija tagħhom ta’ tranżizzjoni tal-enerġija.

It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa toffri opportunitajiet ta’ ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli. Madankollu, it-tranżizzjoni b’suċċess teħtieġ taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, ippjanar aħjar u antiċipazzjoni tat-tibdil u l-ħiliet u tqabbil aħjar tal-ħiliet. Il-Fond Soċjali Ewropew jista’ jappoġġa dawn l-isforzi fl-istadji kollha tal-ħajja mis-sensibilizzazzjoni tat-tfal fl-iskejjel għall-appoġġ tat-taħriġ tal-ħiliet rilevanti u l-intraprenditorija relatata mal-enerġija nadifa kif ukoll l-inklużjonijiet soċjali permezz tal-karrieri rilevanti. Taħt l-Aġenda dwar il-Ħiliet għall-Ewropa 4 tagħha, il-Kummissjoni nediet sforz biex tgħin tindirizza dawn l-isfidi tal-ħiliet u tindirizza n-nuqqasijiet ta’ ħiliet f’setturi ekonomiċi speċifiċi (l-hekk imsejħa “Skemi ta’ Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet”). Abbażi tal-esperjenza tal-Iskemi pilota mnedija din is-sena (b’mod partikolari fis-setturi tal-karozzi u tat-teknoloġija marittima), skemi bħal dawn jirrappreżentaw opportunità biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ ħiliet għal tranżizzjoni tal-enerġija nadifa. L-Iskema kontinwa għal kooperazzjoni fil-ħiliet settorjali fis-settur marittimu diġà tinvolvi l-enerġija mir-riħ barra mill-kosta u l-enerġija mill-oċeani u tista’ tkun test rilevanti b’mod partikolari għat-tieni fażi f’setturi bħall-enerġija li tiġġedded jew il-kostruzzjoni.

L-imsieħba soċjali għandhom rwol kruċjali biex jidentifikaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet u jantiċipaw u jimmaniġġjaw il-bidliet. Dawn diġà huma marbuta mal-ħidma dwar l-Unjoni tal-Enerġija fil-livell tal-UE u jeħtieġ li jkunu involuti mill-qrib fil-proċess iżda wkoll fid-diskussjonijiet dwar il-pjanijiet nazzjonali integrati tal-enerġija u tal-klima.

Sabiex ikun hemm tranżizzjoni soċjalment ġusta ta’ enerġija nadifa u ħiliet ġodda:

Il-Kummissjoni se teżamina kif l-aħjar li tappoġġa r-reġjuni b’livell għoli ta’ karbonju u faħam li għaddejjin mit-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa. Għal dan l-għan, hija se taħdem bi sħubija mal-atturi kollha ta’ dawn ir-reġjuni, tipprovdi gwida, b’mod partikolari għall-aċċess għall-fondi u l-programmi disponibbli u għall-użu tagħhom, u tħeġġeġ l-iskambju ta’ prattiki tajbin, inklużi diskussjonijiet dwar pjanijiet direzzjonali industrijali u l-ħtiġijiet ta’ żviluppar mill-ġdid tal-ħiliet, permezz ta’ pjattaformi mmirati.

L-Istati Membri għandhom jużaw il-pjanijiet nazzjonali integrati dwar il-klima u l-enerġija tagħhom biex jirriflettu dwar l-impatt soċjali, tal-ħiliet u industrijali fit-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa.

Abbażi tal-esperjenza tal-iskemi pilota, fl-2017 il-Kummissjoni se tintroduċi żewġ Skemi ġodda għall-Kooperazzjoni Settorjali fil-Ħiliet għal teknoloġiji ġodda — fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli inġenerali u s-settur tal-kostruzzjoni b’enfasi fuq it-teknoloġiji b’użu baxx ta’ karbonju.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu mill-qrib l-imsieħba soċjali fid-diskussjonijiet dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pjanijiet nazzjonali integrati dwar il-klima u l-enerġija.

2. Il-finanzjament tal-UE għal riżultati għall-ekonomija reali

Il-finanzjament tat-tranżizzjoni tal-enerġija se jkollu jgħaqqad investimenti privati mal-finanzjament pubbliku li jixpruna investimenti privati u jindirizza n-nuqqasijiet tas-suq. L-investimenti privati se jkunu ffaċilitati mill-proposti leġiżlattivi f’dan il-pakkett u l-proposta għal riforma tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet. Is-swieq tal-enerġija u tal-karbonju li jaħdmu sew se jkunu kruċjali biex jiffaċilitaw l-indirizzar tal-isfida ta’ investiment, flimkien mal-istabbiltà regolatorja u l-politika ta’ trasparenza.

Barra minn hekk, l-istrumenti finanzjarji tal-UE qed jagħtu kontribut sinifikanti għall-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, kif intwera mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Il-Fond huwa fit-triq it-tajba biex jimmobilizza mill-inqas EUR 315-il biljun f’investiment addizzjonali fl-ekonomija reali sa nofs l-2018. L-aħħar ċifri kienu ta’ EUR 154 biljun. Bit-tnedija tat-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ u testendi l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Huwa propost li mill-anqas 40 % tal-investimenti fl-opportunità ta’ infrastruttura u innovazzjoni għandhom ikunu rilevanti għall-klima, l-enerġija u l-ambjent u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi.

F’konformità mal-għan tal-UE li jintefqu tal-anqas 20 % fuq l-azzjoni klimatika fil-baġit tal-UE fil-perjodu 2014–2020, il-politika ta’ Koeżjoni riformata 5 għandha wkoll rwol kruċjali fit-twettiq tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija, b’allokazzjonijiet finanzjarji rilevanti ta’ EUR 68,8 biljun. Dan se jkun kumplimentat b’kofinanzjar nazzjonali pubbliku u privat, li jammonta għal total ta’ madwar EUR 92 biljun 6 . Barra minn hekk, il-programmi ta’ żvilupp rurali jipprovdu appoġġ għal investimenti mmirati fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika (kważi EUR 6 biljun). Filwaqt li indikazzjonijiet bikrija għall-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni juru progress fl-implimentazzjoni fl-2016 7 , hija meħtieġa azzjoni urġenti biex titħaffef l-implimentazzjoni ta’ dawn il-fondi f’għadd ta’ Stati Membri. Il-Kummissjoni se tkompli toffri appoġġ tekniku lill-Istati Membri bi kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni.

Regoli aktar sempliċi u flessibbli, kif propost mill-Kummissjoni fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014–2020, se jikkontribwixxu wkoll biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni ta’ dan il-finanzjament. Bħala parti mir-rieżami, il-Kummissjoni nediet aġenda usa’ ta’ simplifikazzjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-fondi tal-UE. Dan jinkludi l-iffaċilitar tar-rabta tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi ma’ sorsi oħrajn ta’ finanzjament tal-Unjoni, inklużi l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Objettiv wieħed huwa li jissaħħaħ l-użu tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi f’reġjuni inqas żviluppati u ta’ tranżizzjoni. Taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, l-Istati Membri u r-reġjuni diġà qed jippjanaw li jinvestu kważi EUR 6,4 biljun permezz ta’ strumenti finanzjarji fil-qasam tal-karbonju baxx, l-aktar għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Din hija żieda ta’ aktar minn tmien darbiet fl-allokazzjonijiet meta mqabbla mal-perjodu 2007–2013, u l-ewwel indikazzjonijiet juru li l-progress huwa diġà fi stadju avvanzat 8 . Biex tinkoraġġixxi użu akbar ta’ strumenti finanzjarji, il-Kummissjoni qed tipprovdi wkoll appoġġ lill-Istati Membri permezz tal-pjattaforma fi-compass għal servizzi ta’ konsulenza, u strumenti mhux kummerċjali li jipprovdu termini u kundizzjonijiet standard li huma kompatibbli mar-regolamenti tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u r-regoli tal-għajnuna mill-Istat u jfittxu li jgħaqqdu r-riżorsi pubbliċi u privati.

Eżempju ta’ proġett ta’ suċċess taħt il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi flimkien mal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej huwa l-pjattaforma ta’ investiment fir-reġjun Franċiż ta’ Hauts-de-France, li juri kif firxa wiesgħa ta’ atturi pubbliċi u privati jistgħu jiġbru flimkien l-għarfien espert tagħhom u kif jistgħu jiġu kkombinati l-fondi differenti sabiex jagħtu lok għal investiment sinifikanti tas-settur privat fi proġetti tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju. Eżempju ieħor huwa l-Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE) 9 li jipprovdi finanzjament tad-dejn protett mir-riskji permezz ta’ banek kummerċjali lokali, li jippermetti lill-banek biex jipprovdu kundizzjonijiet ta’ finanzjament aħjar għal proġetti ta’ effiċjenza enerġetika fil-bini u l-SMEs. Dan jipprovdi wkoll appoġġ espert speċifiku li jippermetti lill-banek lokali li jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw prodotti finanzjarji ġodda tal-effiċjenza enerġetika mfassla skont il-ħtiġijiet tal-klijenti.

Il-Faċilità ta’ Trasport Aktar Nadif se tagħmel użu minn strumenti finanzjarji u taħlit biex tuża teknoloġiji innovattivi b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju biex tħaffef il-bidla għall-mobbiltà b’livell baxx ta’ emissjonijiet. Il-potenzjal tas-suq possibbli għat-tiġdid ta’ xarabanks u kowċis huwa ta’ madwar 3 500 vettura jew EUR 875 miljun f’investiment miżjud kull sena.

Sabiex tkompli żżid u tixpruna l-investiment b’appoġġ għat-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa:

Il-Kummissjoni llum qed tniedi inizjattiva ta’ finanzjament intelliġenti għal bini intelliġenti (ara l-Anness I) biex tappoġġa l-investiment fil-bini b’enerġija nadifa. Din l-inizjattiva se tappoġġa l-iżvilupp ta’ pjattaformi ta’ investiment filwaqt li tippermetti t-taħlita ta’ fondi pubbliċi u l-użu ta’ prodotti ta’ finanzjament attraenti għall-atturi tas-suq fl-Istati Membri kollha fl-2017. Hija se ssaħħaħ ukoll l-assistenza teknika biex tkompli tiżviluppa u taggrega l-proġetti fuq skala żgħira u se tniedi attivitajiet ta’ tnaqqis tar-riskji għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika.

Fil-kuntest tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, il-Kummissjoni reċentement nediet proġetti pilota biex tfittex, fil-livell tal-UE, konverġenza aktar b’saħħitha tal-iskedi tal-proċeduri differenti dwar il-proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura strateġika. Il-proġett pilota jkopri, fl-ewwel stadju, il-Belġju u s-Slovakkja. Abbażi ta’ valutazzjoni ta’ dawn il-proġetti, il-Kummissjoni se testendi din l-esperjenza għal Stati Membri oħra, matul l-2017, bl-ambizzjoni li toħloq “one-stop-shop” effettiv għall-Istati Membri kollha, u ġġib flimkien is-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni kollha — inklużi l-uffiċċji ta’ Rappreżentanza tagħha fl-Istati Membri — f’tim uniku ta’ politika ta’ investiment.

Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Istati Membri biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.

Il-Kummissjoni qed tniedi fl-1 ta’ Diċembru 2016 Faċilità ta’ Trasport Aktar Nadif flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment biex tappoġġa l-investiment fit-trasport b’enerġija nadifa, effiċjenti u infrastrutturi tat-trasport u tal-enerġija integrati.

3. L-istabbiliment tal-inċentivi ġusti għall-investiment fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa

L-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew ta’ miżuri dwar l-effiċjenza enerġetika jirrikjedi ammont intensiv ta’ kapital. Dan jirrikjedi investimenti bil-quddiem fil-forma ta’ tfaddil minn unitajiet domestiċi, ekwità min-negozji, jew finanzjament tad-dejn minn istituzzjonijiet ta’ self, sabiex fil-futur jibbenefikaw minn tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija jew minn dħul.

Il-kuntest ekonomiku attwali bi spiża baxxa ta’ kapital huwa favorevoli biex jiġi sfruttat l-investiment privat fuq skala akbar u biex l-infiq kapitali jiġi ddiriġut f’enerġija nadifa, soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija u assi sostenibbli. Din hija opportunità għaċ-ċittadini, il-kumpaniji, l-awtoritajiet pubbliċi u l-investituri biex ikunu jistgħu jiksbu redditu ogħla fuq il-kapital milli mit-tfaddil.

Biex jappoġġaw din il-bidla kbira fl-investiment lejn it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, il-pjanijiet nazzjonali integrati tal-klima u l-enerġija tal-Istati Membri — parti mill-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija li fuqha l-Kummissjoni qed tippreżenta proposta llum 10 — se jservu wkoll bħala “pjanijiet direzzjonali ta’ investiment”, li jidentifikaw l-investimenti pubbliċi u privati meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.

Struttura favorevoli u koerenti ta’ inċentivi ekonomiċi hija wkoll kruċjali biex jiġu xprunati l-investimenti privati fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Prezzar tal-karbonju effettiv u t-tneħħija gradwali tas-sussidji tal-fjuwils fossili huma importanti ħafna biex jitneħħew distorsjonijiet tas-suq li jagħmlu l-ħsara, jiġu internalizzati l-kostijiet ambjentali u soċjetali ta’ xenarju “ħidma bħas-soltu” u jgħinu fl-ipprezzar tar-riskji assoċjati għal opportunitajiet ta’ investiment differenti.

Il-Kummissjoni diġà pproponiet riforma tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet għall-perjodu wara l-2020 11 . L-UE qed tappoġġa wkoll l-istabbiliment ta’ sistemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali 12 u l-parteċipazzjoni u l-finanzjament ta’ inizjattivi multilaterali mal-imsieħba internazzjonali tagħna 13 .

B’mod konformi mal-impenji meħuda taħt il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u fil-G7 u l-G20, l-UE diġà ħadet għadd ta’ passi konkreti biex jitneħħew is-sussidji għall-fjuwils fossili, madankollu l-appoġġ pubbliku li jifdal li huwa pjuttost sinifikanti għaż-żejt, il-faħam u fjuwils b’livell għoli ta’ karbonju oħra jkompli jgħawweġ is-suq tal-enerġija, joħloq ineffiċjenza ekonomika u jtellef l-investiment fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u l-innovazzjoni fir-rigward tagħha.

Skont l-aktar rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija, li nħareġ illum bħala parti minn dan il-pakkett, is-sussidji għall-fjuwils fossili diretti tal-UE għall-elettriku u t-tisħin kienu ta’ EUR 17,2-il biljun fl-2012, filwaqt li s-sussidji għall-fjuwils fossili fit-trasport kienu separatament stmati għal EUR 24,7 biljun 14 . Skont l-istimi tal-2015 tal-Fond Monetarju Internazzjonali, is-sussidji għall-fjuwils fossili tal-UE laħqu EUR 300 biljun meta jiġu inklużi l-ispejjeż esterni. Filwaqt li dan huwa proporzjon relattivament żgħir tal-ammont globali ta’ aktar minn EUR 4,8 triljun 15 , huwa xorta waħda ta’ piż ekonomiku sinifikanti għall-UE. Il-prezzijiet baxxi attwali taż-żejt u tal-gass jipprovdu tieqa ta’ opportunità għat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili, inklużi l-eżenzjonijiet mit-taxxa, mingħajr effetti negattivi fuq il-benefiċċji soċjali.

Sabiex tgħin biex tidderiġi mill-ġdid il-flussi finanzjarji lejn it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa:

Sabiex jiġi żgurat li s-sistema finanzjarja tista’ tiffinanzja t-tkabbir b’mod sostenibbli fit-tul u jiġi evitat irbit ma’ infrastruttura u assi b’emissjonijiet għoljin, il-Kummissjoni stabbilixxiet grupp ta’ esperti ta’ livell għoli li se jipprovdi pariri sal-aħħar tal-2017 biex jiġu żviluppati finanzi sostenibbli.

Filwaqt li tibni fuq ir-rapport dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija li ġie ppubblikat illum, il-Kummissjoni se ssaħħaħ it-trasparenza. Hija se tkompli tissorvelja mill-qrib il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija kull sentejn u se ssaħħaħ il-monitoraġġ tagħha tas-sussidji għall-fjuwils fossili b’mod konformi mal-impenn tal-UE fil-G7 u l-G20 biex jiġu eliminati s-sussidji ineffiċjenti fuq il-fjuwils fossili.

Fl-2017, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni REFIT tal-qafas ġuridiku tal-UE dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija sabiex jiġu definiti l-passi possibbli li jmiss anke fil-kuntest ta’ sforzi biex jitneħħew is-sussidji għall-fjuwils fossili.

Il-pjanijiet nazzjonali integrati dwar il-klima u l-enerġija tal-Istati Membri se jippermettulhom jidentifikaw l-investimenti meħtieġa għat-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa. L-Istati Membri għandhom ukoll jużaw dawn il-pjanijiet biex jissorveljaw it-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili.

Il-Kummissjoni se teżamina wkoll, meta tkun qed tirrevedi l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020, kif dawk ir-regoli, flimkien mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-investimenti fir-Riċerka u l-Innovazzjoni, jippermettu lill-Istati Membri biex jistimulaw l-innovazzjoni f’teknoloġiji u soluzzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli.

4. Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma ta’ importanza ewlenija sabiex tiġi appoġġata l-kompetittività u t-tmexxija globali tal-Ewropa fit-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli avvanzati 16 u soluzzjonijiet ta’ effiċjenza enerġetika u tkun permessa l-integrazzjoni b’suċċess tagħhom fl-ekonomija. L-Unjoni Ewropea tieħu sehem fl-inizjattiva tal-Missjoni tal-Innovazzjoni mnedija waqt il-Konferenza ta’ Pariġi dwar il-Klima tal-2015, li tlaqqa’ flimkien il-pajjiżi impenjati li jirdoppjaw l-investiment tagħhom fir-riċerka dwar l-enerġija nadifa matul ħames snin.

Flimkien ma’ dan il-pakkett, il-Kummissjoni qiegħda tressaq strateġija ddedikata dwar l-aċċellerazzjoni tal-innovazzjoni fl-enerġija nadifa 17 . Din l-Istrateġija twassal prijoritizzazzjoni aktar b’saħħitha u azzjonijiet konkreti biex jiġi żgurat li l-innovazzjoni b’livell baxx ta’ karbonju tintuża b’mod aktar wiesa’ u titqiegħed fis-suq aktar malajr. B’hekk, l-inizjattiva se sservi bħala test għal approċċi orizzontali ġodda fil-futur fuq l-innovazzjoni u l-kompetittività. 

Bl-aċċellerazzjoni tal-innovazzjoni fl-enerġija nadifa, l-Ewropa tista’ tagħmel l-aħjar użu mit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’ karbonju baxx: tista’ toħloq opportunitajiet għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi permezz ta’ żieda fl-esportazzjonijiet u l-ħolqien ta’ negozju u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini permezz tal-integrazzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali.

L-inizjattivi industrijali wkoll għandhom rwol importanti biex iġibu ’l quddiem l-innovazzjoni u l-kompetittività globali tal-UE. Dawn diġà huma element importanti stabbiliti fil-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġiji tal-Enerġija (SET). Xi eżempji tajbin ta’ dawn l-inizjattivi mmexxija mill-industrija jistgħu jinsabu għall-enerġija solari 18 u fil-grilji intelliġenti u fis-setturi tal-ħażna 19 . Eżempju tajjeb ieħor huwa l-Pjan Direzzjonali Strateġiku għall-Enerġija mill-Oċeani li jimmira li jimmassimizza l-investiment privat u pubbliku għall-iżvilupp tal-enerġija mill-oċeani billi kemm jista’ jkun jitnaqqsu r-riskji tat-teknoloġija.

Fl-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija 20 , il-Kummissjoni Ewropea ħabbret inizjattiva dwar il-ġbir flimkien u l-aċċessibbiltà tad-data, l-analiżi u l-informazzjoni rilevanti. Dan, l-ewwel u qabel kollox, għandu jippermetti lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni robusta tal-prestazzjoni globali tat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa tal-UE, mhux biss f’termini ta’ riċerka u innovazzjoni, iżda wkoll is-sehem fis-suq, l-importazzjoni/l-esportazzjoni, l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment. Din il-valutazzjoni kompetittiva għandha tiġi aġġornata perjodikament fiż-żmien tal-adozzjoni tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija u l-azzjonijiet u l-prijoritajiet ewlenin għandhom jiġu riveduti kif xieraq.

Biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-Ewropa u l-użu ta’ teknoloġiji tal-enerġija nadifa:

Il-Kummissjoni llum qed tippreżenta inizjattiva dwar l-aċċellerazzjoni tal-innovazzjoni fl-enerġija nadifa, b’firxa ta’ miżuri speċifiċi għat-titjib tal-ambjent regolatorju, ekonomiku u ta’ investiment għall-innovazzjoni f’teknoloġiji u sistemi ta’ enerġija nadifa, u li tiddefinixxi l-prijoritajiet ewlenin għall-użu tal-istrumenti finanzjarji u l-programmi tal-UE, bħal Orizzont 2020. 

Il-Kummissjoni se tappoġġja inizjattivi mmexxija mill-industrija biex tippromwovi t-tmexxija globali tal-UE f’teknoloġiji ta’ enerġija nadifa, biex issaħħaħ ir-rabtiet industrijali fil-katina tal-valur kollha kemm hi u tintegra lill-atturi mhux ekonomiċi, bħalma huma l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar il-ħtieġa li jitwaqqaf “forum industrijali tal-enerġija nadifa”, li jlaqqa’ flimkien diversi setturi (enerġija-trasport-manifattura-diġitali) u jottimizza l-benefiċċji tat-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa għall-industrija tal-UE.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-industrija, il-komunità tar-riċerka u partijiet ikkonċernati ewlenin oħra biex tipprovdi informazzjoni strateġika b’saħħitha fuq il-prestazzjoni globali tal-UE u l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fl-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju u soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Din il-valutazzjoni kompetittiva se tiġi aġġornata perjodikament.

5. Il-bini tal-infrastruttura fiżika meħtieġa biex issostni l-fluss ħieles tal-enerġija u t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa

Illum is-sistema tal-enerġija Ewropea għaddejja minn tranżizzjoni. In-netwerks tal-enerġija jridu jkunu aġġornati u mmodernizzati biex ilaħħqu maż-żieda fid-domanda għall-elettriku minħabba bidla maġġuri fil-katina u t-taħlita tal-valur tal-enerġija globali b’aktar integrazzjoni ta’ diversi sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Hija meħtieġa wkoll infrastruttura ddedikata għall-appoġġ tal-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi.

Filwaqt li l-prijorità fuq terminu ta’ żmien qasir hija li jiġi żgurat it-tħaddim xieraq tas-suq intern tal-enerġija permezz tal-iżvilupp tal-interkonnetturi neqsin biex tintlaħaq il-mira ta’ 10 % tal-interkonnessjonijiet għall-2020 li diġà teżisti, billi tintemm l-iżolazzjoni ta’ għadd ta’ Stati Membri, u billi jitneħħew l-ostakoli interni, jeħtieġ li l-infrastruttura tal-enerġija li qed tiġi ppjanata llum, tkun fl-istess ħin kompatibbli mal-għażliet politiċi fuq terminu ta’ żmien itwal, inkluża t-tranżizzjoni lejn il-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi.

Dan ifisser ukoll l-iżgurar li titqies l-effiċjenza enerġetika 21 fl-ippjanar tas-sistema enerġetika globali: il-ġestjoni tad-domanda b’mod attiv sabiex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, l-ispejjeż għall-konsumaturi, id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet u l-investiment fl-effiċjenza enerġetika tal-infrastruttura jiġi ttrattat bħala triq kosteffikaċi lejn ekonomija ċirkolari u b’livell baxx ta’ karbonju. L-investiment f’infrastrutturi dejjem aktar intelliġenti u flessibbli ġie identifikat bħala waħda mill-għażliet li ma jistgħux imorru ħażin.

Sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-infrastruttura fiżika meħtieġa biex tiżgura t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u fluss ħieles tal-enerġija:

Fil-qafas tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija annwali, il-Kummissjoni se tevalwa l-Proġetti ta’ Interess Komuni li jkunu mdewma jew posposti sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tagħhom. Tista’ wkoll tindirizza dawn il-kwistjonijiet fir-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni identifikati fil-qafas tal-gruppi ta’ livell għoli dwar l-enerġija.

Il-Kummissjoni, fir-rieżami li jmiss tar-Regolament TEN-E fl-2017, se tħares lejn it-titjib tal-qafas regolatorju biex tinċentiva aktar it-tlestija tal-Proġetti ta’ Interess Komuni.

Il-Kummissjoni waqqfet grupp ta’ esperti sabiex jagħtu pariri tekniċi dwar kif għandha tinqasam b’mod kosteffettiv il-mira ta’ 15 % ta’ interkonnessjoni tal-elettriku f’livelli ta’ interkonnessjoni reġjonali, nazzjonali u/jew konfinali. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar dan fil-ħarifa 2017, flimkien mal-adozzjoni tat-tielet lista tal-Unjoni ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni.

6. Diġitalizzazzjoni

L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2015 22 għandha l-għan li toħloq l-ambjent u l-kundizzjonijiet tajba għall-użu ta’ netwerks u servizzi diġitali avvanzati, inkluż fis-settur tal-Enerġija.

Sabiex jinkisbu riżultati dwar it-trattament ġust għall-konsumaturi se jkun hemm bżonn li kumpaniji innovattivi jgħaqqdu flimkien it-teknoloġiji l-ġodda tal-enerġija mat-teknoloġija diġitali (big data, cloud computing) u teknoloġija tal-komunikazzjoni mobbli (5G) biex joffru prodotti u servizzi ġodda (il-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-elettriku, sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija, l-elettrodomestiċi intelliġenti u l-kontrolli intelliġenti; il-ħżin fuq skala żgħira inklużi karozzi li jaħdmu bl-elettriku) li jappoġġjaw b’mod attiv lill-konsumaturi u jgħinu biex jottimizzaw il-konsum tal-enerġija (tnaqqis u ċaqliq) u b’hekk jiffrankaw il-flus. F’Settembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet rieżami tar-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ konnettività dejjem akbar tal-Ewropej billi jitħeġġeġ l-investiment f’netwerks ta’ kapaċità għolja ħafna. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll Pjan ta’ Azzjoni 5G 23 , li jipprevedi kalendarju komuni tal-UE għal tnedija kummerċjali koordinata tal-5G fl-2020.

Fl-istess ħin, il-kwistjoni dwar l-aċċess għad-data, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data trid tiġi segwita, kif ukoll iċ-ċibersigurtà u l-kwistjonijiet ta’ standards miftuħa u interoperabilità. Il-ħidma fuq din tal-aħħar ġiet imnedija mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ April 2016 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea 24 . Din il-komunikazzjoni nediet ukoll Inizjattiva Ewropea ġdida tal-Cloud li għandha l-potenzjal li ssir is-sinsla għas-sistema tad-data tal-enerġija ġdida.

L-iżgurar tar-reżiljenza tas-sistemi ta’ provvista tal-enerġija kontra t-theddid u r-riskju ċibernetiku qed isir dejjem iktar importanti minħabba l-użu mifrux tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u t-traffiku tad-data qed isir il-bażi għall-funzjonament tal-infrastrutturi li fuqhom huma bbażati s-sistemi tal-enerġija. Pjattaforma taċ-Ċibersigurtà ta’ Esperti fl-Enerġija attwalment qed tanalizza l-ħtiġijiet speċifiċi għas-sigurtà tal-infrastruttura tal-enerġija u se tagħti parir lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

Bħala parti mill-preżentazzjoni dwar l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali:

Il-Kummissjoni qed tħejji inizjattiva biex tmexxi ’l quddiem ekonomija Ewropea tad-data. Din l-inizjattiva, flimkien mal-proposta dwar id-Disinn tas-Suq tal-Enerġija 25 , se tindirizza l-kwistjonijiet ta’ lokalizzazzjoni tad-data kif ukoll kwistjonijiet emerġenti bħalma huma s-sjieda u r-responsabbiltà, l-użu (mill-ġdid), l-aċċess u l-interoperabbiltà, u se tkun partikolarment rilevanti għal data meħtieġa għal proċessi tal-enerġija u servizzi tal-enerġija ġodda.

Il-Kummissjoni qed taħdem fuq rieżami tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika sabiex tallinjaha mar-regoli li ġew adottati dan l-aħħar dwar il-protezzjoni tad-data. Dan se jkun rilevanti għat-trattament ta’ data minn konsum ta’ enerġija intelliġenti.

Abbażi tal-iżvilupp b’suċċess tal-istandards tal-grilji intelliġenti, fl-2017 il-Kummissjoni se tniedi proġett ta’ sentejn biex jiġu żviluppati standards ta’ komunikazzjoni siguri u komuni li għandhom jiżguraw il-fluss liberu ta’ data marbuta mal-enerġija għal partijiet ikkonċernati rilevanti. Il-Kummissjoni se tippubblika r-riżultati sa tmiem l-2018.

Fl-2017 il-Kummissjoni se tistabbilixxi gruppi ta’ ħidma tal-partijiet ikkonċernati taħt it-Task Force dwar il-Grilji Intelliġenti sabiex tħejji t-triq għall-kodiċijiet ta’ netwerk dwar ir-rispons għad-domanda, iċ-ċibersigurtà speċifika għall-enerġija u l-format tad-data tal-konsumatur komuni. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-istruttura, l-ambitu u l-ippjanar tal-gruppi fir-rebbiegħa tal-2017 u r-riżultati finali sa tmiem l-2018.

Abbażi tal-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti għaċ-Ċibersigurtà tal-Enerġija, il-Kummissjoni se tniedi pjattaforma ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati matul l-2017 u, jekk meħtieġ, tipproponi l-azzjonijiet xierqa sa tmiem l-2017.

Bħala segwitu għall-istrateġija ta’ mobilità b’livell baxx ta’ emissjonijiet, il-Kummissjoni qed tadotta strateġija ta’ mobilizzazzjoni tal-UE għal Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi, biex tippermetti t-tnedija ta’ dawn is-sistemi fl-UE kollha sal-2019 u taċċellera t-transizzjoni lejn trasport bit-triq kooperattiv, konness u awtomatizzat.

7. Id-dimensjoni esterna

Il-linji ta’ politika esterni u tal-iżvilupp huma għodod importanti biex jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa b’mod globali u jgħinu lill-pajjiżi msieħba tagħna, kif ukoll lill-viċinat tal-UE, iwettqu l-impenji tagħhom skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli.

Dan ifisser aktar involviment tal-UE f’inizjattivi multilaterali u l-promozzjoni ta’ arkitettura tal-enerġija aktar robusta u inklużiva madwar id-dinja — f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Diplomazija tal-Enerġija tal-UE 26 . L-UE hija membru attiv tal-Forum Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa multilaterali, li huwa forum globali ta’ livell għoli li jippromwovi politiki u programmi li jġibu ’l quddiem it-teknoloġiji tal-enerġija nadifa, fejn jiġu kondiviżi t-tagħlimiet meħuda u l-aħjar prattiki, u tiġi inkoraġġita t-tranżizzjoni lejn ekonomija globali ta’ enerġija nadifa. Il-Kummissjoni se tiżgura li t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju tibqa’ parti integrali mid-djalogu dwar l-enerġija u l-kooperazzjoni fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tal-UE.

Il-Kummissjoni identifikat l-azzjoni għall-enerġija sostenibbli u għall-klima bħala l-mutur ewlieni fil-proposta tagħha għall-Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp 27 . L-enerġija hija fattur importanti ħafna għall-iżvilupp u ċentrali għal soluzzjonijiet għal pjaneta sostenibbli, kif rikonoxxut fl-Aġenda 2030 u b’mod partikolari fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) 7 “Enerġija nadifa u bi prezz raġonevoli” u 13 “Azzjoni klimatika” 28 . L-approċċ strateġiku tal-UE dwar l-enerġija fil-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp huwa ċċentrat fuq tliet prijoritajiet ewlenin: i) l-indirizzar tan-nuqqas ta’ aċċess għall-enerġija, ii) iż-żieda fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u, iii) il-kontribuzzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Minħabba l-kobor tal-investiment meħtieġ, l-UE se żżid il-kooperazzjoni mas-sħab mis-settur pubbliku u privat, biex jinkiseb l-aċċess għall-enerġija, l-effiċjenza enerġetika u l-ġenerazzjoni enerġetika rinnovabbli. Dan se jmur id f’id mal-appoġġ tal-UE għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fl-iżvilupp ta’ ekonomiji b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju u reżiljenti għall-klima skont it-tmexxija globali tal-UE dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

Il-Kummissjoni pproponiet Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew 29 biex tipprovdi pakkett finanzjarju integrat li jista’ jiffinanzja l-investimenti barra mill-UE. Il-Pjan ikun jinkludi Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli; assistenza teknika biex jiġu żviluppati proġetti sostenibbli u jiġu attirati l-investituri; u sett ta’ programmi ta’ assistenza teknika għall-iżvilupp biex itejbu l-ambjenti ta’ investiment u ta’ politika fil-pajjiżi kkonċernati, u b’mod partikolari jiżdiedu l-investimenti privati u pubbliċi f’ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju.

L-enerġija hija punt fokali tal-kooperazzjoni tal-UE mal-ġirien tagħha, b’enfasi fuq ir-riformi regolatorji, il-promozzjoni tal-użu tal-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija. Dan huwa l-każ fil-Komunità tal-Enerġija, fejn l-UE qed tgħin biex toħloq suq reġjonali tal-enerġija f’konformità mal-istandards regolatorji tal-UE. Fil-Viċinat tan-Nofsinhar, il-proċess ta’ stabbiliment ta’ suq tal-elettriku u tal-gass Ewro-Mediterran għadu għaddej, u fil-Viċinat tal-Lvant, il-proġett EU4Energy joffri appoġġ għal riformi fis-settur tal-enerġija. Dawn huma mfassla f’kull każ biex joħolqu ambjent favorevoli għall-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli u fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. B’mod partikolari l-appoġġ tal-UE jgħin biex jinħoloq il-qafas regolatorju biex l-enerġija rinnovabbli tkun tista’ tinxtara jew tinbiegħ internazzjonalment.

Eżempju ta’ proġett ta’ suċċess huwa l-akbar impjant solari fid-dinja f’Ouarzazate, li se jipprovdi nofs id-domanda għall-enerġija rinnovabbli tal-Marokk sal-2030, u possibbilment jesporta l-elettriku lejn l-UE u lejn il-Lvant 30 .

L-UE qed issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, it-Turkija u l-Ġirien tan-Nofsinhar u dawk tal-Lvant dwar l-effiċjenza fl-enerġija. F’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, il-Kummissjoni se żżid l-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija fis-settur tal-bini, u se tibda b’erba’ pajjiżi pilota, l-Ukrajna, il-Georgia, is-Serbja u t-Tuneżija.

L-Afrika hija sieħeb privileġġat tal-UE u s-Sħubija għall-Enerġija bejn l-Afrika u l-UE tipprovdi l-qafas ta’ kooperazzjoni konġunta tal-enerġija. L-UE qiegħda wkoll tappoġġa l-Inizjattiva għall-Enerġija Rinnovabbli fl-Afrika, inizjattiva mmexxija mill-Afrika bl-għan li żżid il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli tal-Afrika b’10 GW sal-2020 u timmobilizza l-potenzjal ta’ enerġija rinnovabbli tal-Afrika ta’ 300 GW sal-2030. Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija sostenibbli fl-Afrika, l-enfasi se tkun fuq iż-żieda tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni minn riżorsi rinnovabbli, it-titjib tal-interkonnessjonijiet transfruntiera u l-governanza tas-settur tal-enerġija.

Bħala membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, l-UE tippromwovi wkoll attivament il-liberalizzazzjoni tal-prodotti u s-servizzi, li jista’ jkollha bosta benefiċċji ambjentali. Hija qed taħdem mill-qrib flimkien ma’ 16-il membru ieħor tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-kummerċ dinji fi prodotti ambjentali, bl-għan li jiġi konkluż ftehim ambizzjuż dwar il-prodotti ambjentali. Anke fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali tagħha, l-UE tfittex il-liberalizzazzjoni bikrija ta’ prodotti u servizzi ambjentali u l-iffaċilitar tal-kummerċ u l-investiment fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli.

Iż-żieda fil-flussi kummerċjali hija mistennija li tgħin it-tixrid rapidu ta’ prodotti, servizzi u teknoloġiji ambjentali madwar id-dinja u l-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. L-UE tinsab fuq quddiem nett fid-dinja fl-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet ta’ prodotti ambjentali. Fl-2013, l-esportazzjonijiet tal-UE ta’ prodotti elenkati fil-lista ekoloġika ammontaw għal EUR 146 biljun (madwar 8 % tat-total kollu tal-UE) u l-importazzjonijiet għal EUR 70 biljun. Il-kumpaniji Ewropej għandhom jimmiraw biex ikomplu jiżviluppaw u jesportaw l-inġenjożità u l-għarfien espert tagħhom dwar l-innovazzjoni.

Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni dwar il-governanza tal-oċeani 31 tistabbilixxi azzjonijiet li se jgħinu biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni globali għas-settur Ewropew tal-enerġija mill-oċeani.

Fil-kuntest tal-impenn biex it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa ssir element essenzjali tal-kontribut tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli u tal-Ftehim ta’ Pariġi:

Il-Kummissjoni tappella lill-koleġiżlaturi biex jadottaw il-pakkett leġiżlattiv tal-Pjan ta’ Investiment Estern mill-aktar fis possibbli.

Il-Kummissjoni għandha tiffavorixxi l-enerġija bħala wieħed mis-suġġetti ewlenin tal-2017 tas-Summit Afrika-UE f’Abidjan f’Novembru 2017.

Il-Kummissjoni se torganizza Forum ta’ Livell Għoli tan-Negozju dwar l-Investimenti fl-Enerġiji Rinnovabbli fl-Afrika fir-rebbiegħa 2017 biex iżżid il-fehim u l-kuxjenza dwar l-isforzi tal-Kummissjoni u l-bżonnijiet tas-settur privat għall-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli fl-Afrika.

Fir-rebbiegħa tal-2017, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali se tevalwa l-eżerċizzju pilota biex iżżid l-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija fis-settur tal-bini f’erba’ proġetti pilota bl-għan li testendih għal pajjiżi oħra maż-żmien.

Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu fl-2017 tal-ipprogrammar pluriennali tal-Viċinat strateġiku tal-Viċinat Ewropew u l-Istrumenti ta’ Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni sabiex jiġi integrat aktar finanzjament għall-effiċjenza enerġetika fil-bini bħala parti mill-investimenti fl-enerġija, fil-klima u fil-ħolqien tal-impjiegi.

Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha lejn il-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-prodotti u s-servizzi ambjentali (WTO) sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-isforzi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

8. Governanza u sħubiji għal twettiq effettiv

It-tranżizzjoni tal-enerġija ma tistax tiġi minn fuq għal isfel. Hemm bżonn ta’ azzjoni politika fil-livelli differenti ta’ gvern (lokali, reġjonali, nazzjonali, tal-UE u internazzjonali) u partijiet ikkonċernati oħra. Il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija se tgħin biex jiġi żgurat l-allinjament tal-politika u biex jiġi żgurat li l-UE kollha kemm hi tilħaq l-għanijiet tagħha tal-enerġija u tal-klima, b’mod partikolari l-miri tal-2030.

It-transizzjoni lejn enerġija nadifa mhux se sseħħ mingħajr l-azzjoni mill-bosta partijiet ikkonċernati mis-soċjetà ċivili u fil-livell reġjonali u lokali. L-UE tinsab f’qagħda unika biex tintegra t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa fis-setturi u fil-livelli kollha ta’ governanza. Għaldaqstant, se jkun importanti li l-bliet, ir-reġjuni, in-negozji, l-imsieħba soċjali u partijiet ikkonċernati oħra jkunu involuti fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali integrati dwar il-klima u l-enerġija.

Il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri se tgħinhom jilħqu l-objettivi tal-enerġija u l-klima tal-UE b’mod effettiv u għaqli. Il-proposti leġiżlattivi f’dan il-pakkett se jiffaċilitaw il-kooperazzjoni reġjonali. Il-Kummissjoni se tħejji Gwida lill-Istati Membri dwar il-kooperazzjoni reġjonali billi tibni fuq l-istrutturi ta’ kooperazzjoni li diġà jeżistu u l-inklużjoni tal-integrazzjoni reġjonali fil-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija.

Peress li l-bliet u l-komunitajiet urbani huma l-post fejn parti kbira mit-trasformazzjoni fil-fatt se sseħħ, l-UE ilha tagħti attenzjoni partikolari lil dawn il-fatturi li jwasslu għall-bidla. Il-ħidma fuq l-iffaċilitar tal-azzjoni fil-livell ta’ belt intensifikat fl-2016, permezz tal-adozzjoni tal-“Patt ta’ Amsterdam li jistabbilixxi l-Aġenda Urbana għall-UE”, il-ħolqien ta’ Patt tas-Sindki Globali u t-tnedija mill-Kummissjoni ta’ “one stop shop” ibbażat fuq l-internet għall-awtoritajiet lokali li jfittxu informazzjoni personalizzata dwar inizjattivi urbani tal-UE, inkluż dwar it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Il-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija, bħala l-inizjattiva ewlenija tal-UE għall-azzjoni fil-livell ta’ belt kontra l-bidla fil-klima, qed jikseb momentum ġdid b’ambitu usa’ li issa jinkludi l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u l-aċċess għal enerġija nadifa u affordabbli. Il-Kummissjoni bħalissa qed tirreplika dan il-mudell ta’ suċċess fl-Amerika ta’ Fuq u l-Messiku; l-Amerika Latina u l-Karibew; il-Ġappun; iċ-Ċina; l-Indja; ix-Xlokk tal-Asja; u l-Afrika sub-Saħarjana taħt il-Patt tas-Sindki Globali. Il-proġetti ambizzjużi tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa fil-livell belti u reġjonali għandhom isiru aktar viżibbli u jistgħu jiġu replikati madwar l-Unjoni, inkluż permezz taż-Żjarat tal-Unjoni tal-Enerġija fl-2017.

Iż-żoni rurali wkoll għandhom potenzjal importanti li jikkontribwixxu għal din it-tranżizzjoni, pereżempju fir-rigward tal-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, inkluża l-bijoenerġija sostenibbli.

Il-gżejjer u r-reġjuni insulari jipprovdu pjattaformi għal inizjattivi pilota dwar it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u jistgħu jservu bħala vetrina fil-livell internazzjonali, bħal, pereżempju, fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE bil-każ ta’ El Hierro (il-Gżejjer Kanarji), gżira b’100 % ta’ enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni tixtieq tgħin biex jitħaffu l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-aħjar teknoloġiji disponibbli fi gżejjer u reġjuni insulari, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-iffinanzjar u fir-reġimi legali u regolatorji, u fl-enerġija għat-trasport. L-ewwel pass huwa li jingħaqdu l-gżejjer infushom flimkien, irrispettivament mid-daqs, il-ġeografija jew il-lokazzjoni tagħhom.

Biex tiġi appoġġata l-integrazzjoni tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa:

Il-Kummissjoni tistieden il-bliet, ir-reġjuni, in-negozji, l-imsieħba soċjali u partijiet ikkonċernati oħra biex ikunu involuti b’mod attiv fid-diskussjonijiet dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pjanijiet nazzjonali integrati dwar il-klima u l-enerġija għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet li jirrispondu b’mod adegwat għall-ħtiġijiet tat-territorji differenti.

Fl-2017 il-Kummissjoni se tippreżenta Gwida lill-Istati Membri dwar il-Kooperazzjoni reġjonali biex tiġi ffaċilitata l-kisba effettiva u effiċjenti tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija.

Fl-ewwel nofs tal-2017, il-Kummissjoni se torganizza laqgħa ta’ livell għoli fil-Belt Valletta dwar l-opportunitajiet u l-isfidi tal-enerġija nadifa għall-gżejjer. Dan se jniedi proċess biex jiġu appoġġati l-gżejjer fit-tranżizzjoni tagħhom lejn enerġija nadifa.

(1)

Ara l-proposta sabiex tkun emendata d-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini, COM(2016) 765.

(2)

Il-Proposta li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, COM (2015) 337.

(3)

  http://s3platform.jrc.ec.europa.eu .

(4)

Komunikazzjoni "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività", COM (2016) 381.

(5)

Il-Politika ta’ Koeżjoni titwettaq permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew, li huma kollha parti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

(6)

Stima bbażata fuq il-medja differenzjata ta’ kofinanzjament mit-tabelli finanzjarji tal-programmi operazzjonali 2014–2020 għall-objettivi tematiċi “l-appoġġ tal-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju” u “il-promozzjoni ta’ trasport sostenibbli u t-tneħħija ta’ ostakoli fl-infrastrutturi tan-netwerks ewlenin”.

(7)

Id-data tal-għażla ta’ proġetti sa tmiem l-2016 se tkun disponibbli fil-bidu tal-2017.

(8)

L-ewwel taqsira annwali tal-progress tal-istrumenti finanzjarji taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014–2020 se tiġi prodotta sal-aħħar ta’ Novembru 2016.

(9)

Il-Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika huwa strument finanzjarju tal-UE, żviluppat mill-Kummissjoni, iffinanzjat taħt il-Programm LIFE u mħaddem mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

(10)

COM (2016) 759.

(11)

COM (2015) 337.

(12)

Pereżempju maċ-Ċina u l-Korea.

(13)

Skont il-Ftehim ta’ Pariġi, madwar nofs il-pajjiżi indikaw li se jużaw mekkaniżmi tas-suq għat-twettiq tal-wegħdiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom.

(14)

Dan jinkludi sussidji għall-faħam ta’ EUR 9,7 biljun u EUR 6,6 biljun għall-gass; is-sussidji ġew minn wirt storiku ta’ sussidji għall-investiment, għotjiet ta’ investiment għall-fjuwils fossili, tariffi ta’ injezzjoni, eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-fjuwil, il-produzzjoni tal-elettriku, u d-dekummissjonar u r-rimi tal-iskart. (Sors: Studju tal-2014 dwar is-sussidji u l-ispejjeż tal-enerġija. Għat-trasport (sussidji taż-żejt mhux maħdum), is-sors huwa l-inventarju tal-OECD 2013).

(15)

Fond Monetarju Internazzjonali, 2015.

(16)

Ara wkoll il-proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, COM(2016) 767.

(17)

COM (2016) 763.

(18)

Din l-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb il-kompetittività u s-sostenibilità tas-settur, tiffaċilita l-espansjoni u l-integrazzjoni fuq skala kbira u bi prezz raġonevoli fil-grilja tal-elettriku.

(19)

L-hekk imsejħa “Inizjattiva Ewropea dwar il-Grilja tal-Elettriku” li reċentement inbidlet fil-“Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni għal Netwerks Intelliġenti għat-Tranżizzjoni tal-Enerġija.”

(20)

COM (2015) 80.

(21)

Ara l-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, COM (2016) 761.

(22)

COM (2015) 192.

(23)

COM (2016) 588.

(24)

COM (2016) 180.

(25)

L-inizjattiva ta’ disinn tas-suq proposta tikkonsisti f’riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Elettriku (COM (2016) 864), riformulazzjoni tar-Regolament dwar l-Elettriku (COM (2016) 861), riformulazzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi l-ACER (COM (2016) 863), u Regolament ġdid dwar il-preparazzjoni għar-riskji fis-settur tal-elettriku (COM (2016) 862).

(26)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-diplomazija enerġetika adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-20 ta’ Lulju 2015 (10995/15).

(27)

Il-Komunikazzjoni dwar Proposta għal Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp — Id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Ġejjieni tagħna”, COM (2016) 740.

(28)

Ara wkoll il-Komunikazzjoni “Il-passi li jmiss għal futur Ewropew sostenibbli — Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà”, COM (2016) 739.

(29)

Il-Komunikazzjoni “Komunikazzjoni: "It-tisħiħ tal-Investimenti Ewropej għall-impjieg u t-tkabbir: Lejn it-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u Pjan ġdid ta' Investiment Estern għall-Ewropa", COM (2016) 581.

(30)

Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna. Il-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (JOIN(2016) 49 tal-10 ta’ Novembru 2016).