Brussell, 16.12.2016

COM(2016) 805 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni ta’ strateġiji makroreġjonali tal-UE

{SWD(2016) 443 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni ta’ strateġiji makroreġjonali tal-UE

1. Introduzzjoni: minn kliem għal azzjonijiet

Il-globalizzazzjoni għamlet lill-pajjiżi aktar interdipendenti u l-problemi issa jridu jiġu indirizzati f’mod transfruntier. Dan jitlob riflessjoni dwar kif il-makroreġjuni, bħala żoni funzjonali ġodda, jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-implimentazzjoni tal-programmi u l-politiki tal-UE u għall-kisba tal-koeżjoni territorjali, kif stipulat fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

It-tfaċċar tal-istrateġiji makroreġjonali (SMR) kien xprunat minn għadd ta’ pajjiżi u reġjuni tal-UE biex jikkomplementaw il-politiki tradizzjonali tal-pajjiżi dwar il-ġestjoni territorjali. Dawn huma mfassla biex jindirizzaw sfidi komuni, pereż. it-tkabbir xprunat mill-innovazzjoni, l-ambjent jew it-tibdil fil-klima, billi jintuża approċċ minn isfel għal fuq li jinvolvi l-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali.

Minn mindu l-Kunsill Ewropew approva l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUBSR) fl-2009, 1 ġew żviluppati tliet SMR oħra: l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju (EUSDR) fl-2011, 2 l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR) fl-2014 3 u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP) fl-2016 4 . 

Bl-involviment ta’ 19-il pajjiż tal-UE u 8 pajjiżi mhux tal-UE, l-SMR issa saru parti integrali mill-qafas ta’ politika tal-UE. L-objettivi tagħhom jikkonformaw mija fil-mija mal-prijoritajiet politiċi tal-UE; dawn isaħħu s-sinerġiji bejn il-politiki u l-istrumenti varji tal-UE u għandhom l-għeruq tagħhom fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni 5 .

L-SMR jagħtu valur miżjud lid-dimensjoni ta’ kooperazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Dawn joffru pjattaforma għall-governanza f’diversi setturi, pajjiżi u livelli, miftuħa wkoll għall-pajjiżi mhux tal-UE. L-SMR jistgħu jaqdu rwol sostanzjali sabiex jgħinu lil dawn il-pajjiżi biex isaħħu r-rabtiet tagħhom mal-UE u jnaqqsu l-effetti negattivi possibbli fuq il-fruntieri esterni tal-UE.

Fid-dawl tar-“rifjut triplu” – l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE ġdida, l-ebda finanzjament jew istituzzjoni tal-UE ġodda – l-SMR jidħlu fl-isfond tal-inizjattivi u tal-oqfsa ta’ politika tal-UE eżistenti (pereż. it-TEN-T). Dawn jirrikjedu azzjoni speċifika u mhux inizjattivi ġodda ta’ politika. Dawn jistgħu jiġu appoġġjati permezz ta’ programmi taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), inkluż l-Interreg, u strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE għandhom ikunu allinjati ma’ objettivi komuni.

Dan ir-rapport għandu żewġ skopijiet: L-ewwel nett, ir-rapport jipprovdi valutazzjoni tal-istat ta’ implimentazzjoni tal-istrateġiji, jieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati ewlenin u jagħti eżempji ta’ prassi tajba. It-tieni nett, jislet tagħlimiet mill-esperjenza miksuba sa issa u jippreżenta għadd ta’ rakkomandazzjonijiet dwar żviluppi ulterjuri possibbli, anki fid-dawl tal-politika ta’ koeżjoni tal-ġejjieni.

Kif ġie ddikjarat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-EUSALP, il-Kummissjoni, minn tmiem l-2016 ’il quddiem, se tippubblika rapport uniku wieħed kull sentejn minflok ma toqgħod tippreżenta rapporti ta’ progress tal-SMR f’waqtiet differenti b’mod frammentat. Bis-saħħa ta’ hekk, se jkun possibbli li jsiru paraguni bejn l-SMR u dan se jipprovdi lill-istituzzjonijiet kollha inkwistjoni biżżejjed spunti għal dibattitu infurmat.

Ir-rapport huwa bbażat fuq kontribuzzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati tal-SMR, mill-istituzzjonijiet Ewropej, mir-rappreżentanti, il-membri tal-qasam akkademiku u l-esperti tal-Istati Membri. Sabiex jikkomplementa r-rapport, hemm dokument ta’ ħidma tal-persunal li jipprovdi valutazzjoni aktar dettaljata tal-istat tal-implimentazzjoni ta’ kull strateġija, kif ukoll rakkomandazzjonijiet speċifiċi.

2. Kwistjonijiet trażversali

L-SMR qajmu interess u rawmu kuxjenza dwar il-kooperazzjoni u l-koeżjoni territorjali tal-Unjoni Ewropea u l-valur miżjud tagħhom. Kulma jmur l-SMR qegħdin ukoll jintużaw fl-oqsma tal-politika settorjali sabiex ikun hemm implimentazzjoni aħjar tal-politiki b’mod integrat minn territorju għall-ieħor. L-istrateġiji kollha jaffaċċjaw kwistjonijiet trażversali komuni, irrispettivament mil-livell ta’ progress tagħhom; dawn huma diskussi hawn taħt.

L-ippjanar u t-tfassil tal-politika

L-SMR bdew jitqiesu bil-mod il-mod fl-oqsma tal-politika tal-UE, jiġifieri fir-riċerka, l-klima u l-ambjent. Dan jgħodd ukoll għall-politiki nazzjonali, minkejja livelli żbilanċjati ta’ integrazzjoni tal-prijoritajiet tal-SMR fil-programmi nazzjonali jew reġjonali, speċjalment dawk appoġġjati mill-FSIE.

L-istrateġiji qawwew il-kooperazzjoni f’ċerti oqsma ta’ politika, pereż. il-pjan direttur tan-Navigabbiltà tad-Danubju, l-estensjoni tal-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP), l-Istrateġija dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku, jew il-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni u r-rabtiet tiegħu ma’ infrastrutturi transfruntiera prinċipali. Strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti ntużaw sabiex jagħtu spinta lil politika aktar effettiva dwar l-innovazzjoni u imbottatura lill-kooperazzjoni interreġjonali dwar katini tal-valur ġodda bejn il-fruntieri.

It-tixrid tal-kunċett makroreġjonali permezz tal-appoġġ ta’ INTERACT 6 wassal biex matul iż-żmien spuntaw sensiela wiesgħa ta’ interessi u netwerks li ssawru minn atturi differenti b’setgħat u kapaċitajiet varji. Dan ippermetta lill-imsieħba li jikkooperaw f’oqsma speċifiċi bħar-riċerka u l-innovazzjoni (pereż. il-proġett DanuBalt dwar is-saħħa).

L-SMR għandhom ukoll rwol kbir fl-iżviluppar ta’ rabtiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE, b’mod partikolari pajjiżi tal-adeżjoni, filwaqt li jsaħħu r-rabta tagħhom mal-UE.

Bosta minn dawn l-inizjattivi u l-azzjonijiet jeħtieġ momentum, u koordinazzjoni aktar b’saħħitha fil-pajjiżi involuti u bejniethom tkun ta’ benefiċċju għalihom sabiex jiksbu r-riżultati mistennija. Il-prassi li l-fora annwali jsiru konġuntament mal-laqgħat ministerjali tikkontribwixxi għaliha, u fl-istess waqt iżżid il-profil politiku tal-SMR. Pereżempju, l-esperjenza tar-reġjun tal-Baħar Baltiku turi li l-ħsieb strateġiku fuq terminu twil irid jibqa’ s-sies tal-kooperazzjoni makroreġjonali

Il-governanza

L-SMR ġeneralment jinkludu sistema ta’ governanza fuq tliet livelli – il-livell politiku, koordinattiv u operazzjonali. Kull struttura waqqfet l-istrutturi u l-mekkaniżmi tagħha stess abbażi tal-prinċipji deskritti fir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-governanza. 7  

Dawn jiffukaw fuq l-aħjar użu possibbli tas-sorsi finanzjarji eżistenti (pereż. il-FSIE, l-Orizzont 2020, il-COSME, il-programm LIFE), implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti u użu aħjar tal-istituzzjonijiet eżistenti. Jistgħu jissemmew xi prattiki tajba; pereżempju, l-Iżvezja stabbiliet Netwerk tal-Baħar Baltiku nazzjonali biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-EUBSR fuq livell nazzjonali. Dan jiġbor flimkien atturi varji (pereż. aġenziji nazzjonali, bordijiet amministrattivi tal-kontej, għaqdiet reġjonali, muniċipji, awtoritajiet ta’ ġestjoni) involuti fl-istrateġija.

Il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-SMR qiegħda tikseb aktar importanza minħabba l-pressjoni biex jinkisbu r-riżultati. Qegħdin ukoll jittieħdu passi sabiex ikun stabbiliti pjattaformi għall-partijiet ikkonċernati bl-involviment tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet oħra.

Ir-rwol tal-presidenza b’rotazzjoni tal-SMR qiegħed isir dejjem aktar importanti billi diversi pajjiżi jirrealizzaw li mhuwiex limitat għall-organizzazzjoni tal-fora annwali, iżda jinkludi wkoll l-ixprunar tad-direzzjoni strateġika tal-azzjoni.

Madankollu, l-esperjenza tindika li approċċ ta’ din ix-xorta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji għandu l-limitazzjonijiet tiegħu. Dawn jinkludu sfidi fl-oqsma segwenti: strutturi effiċjenti ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni; l-għoti tas-setgħa lill-implimentaturi ewlenin (jiġifieri l-koordinaturi nazzjonali, il-membri tal-gruppi ta’ tmexxija) u l-forniment ta’ riżorsi umani u finanzjarji adegwati; ir-rappreżentanza u l-impenn min-naħa tal-pajjiżi parteċipanti kollha; u l-iżgurar tal-kompetenzi meħtieġa, tal-kontinwità u tal-istabbiltà tal-gruppi ta’ tmexxija.

Dawn l-isfidi huma komuni għall-SMR kollha, minkejja li l-livelli jvarjaw. Fl-EUSBSR, minkejja reviżjoni reċenti tal-pjan ta’ azzjoni, l-Istati Membri għandhom diversi oqsma ta’ prijorità biex jirriflettu d-diversità wiesgħa tal-interessi tal-partijiet ikkonċernati. Fl-EUSDR, għad hemm il-bżonn li jkun żgurat li l-prijoritajiet u r-riżorsi jkunu abbinati aħjar. Fil-każijiet kollha, jeħtieġ li l-Istati Membri jerfgħu r-responsabbiltà kollha għall-kompiti ta’ implimentazzjoni li għandhom u jikkomplementaw il-ħidma tal-Kummissjoni.

Fl-EUSALP, il-koordinazzjoni bejn il-Bord Eżekuttiv u l-Gruppi ta’ Azzjoni għadha mhijiex ċara. Hemm bżonn ta’ sforzi ulterjuri sabiex din ir-rabta kruċjali tissaħħaħ. Jenħtieġ progress mhux ħażin fil-qasam tal-governanza, b’parteċipazzjoni aktar attiva u sens ta’ responsabbiltà f’dan il-qasam ta’ prijorità mill-pajjiżi parteċipanti.

Il-governanza hija wkoll kwistjoni ta’ tħassib fl-EUSAIR. Il-Kummissjoni kellha tintervjeni sabiex tagħmel tajjeb għal nuqqas kontinwu ta’ riżorsi mill-pajjiżi parteċipanti, dewmien fin-nomini tal-membri, u attendenza fqira għal-laqgħat tal-gruppi ta’ tmexxija, u dan biex tevita li jitwaqqaf il-proċess kollu. Approċċ ta’ din ix-xorta la huwa sostenibbli u lanqas mixtieq.

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

Hemm domanda dejjem tikber, anki mill-Kummissjoni, għal konċentrazzjoni aktar qawwija fuq il-prijoritajiet ewlenin tal-istrateġiji. F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-SMR jiġu allinjati ma’ strateġiji usa’ għat-tfassil tal-politika tal-UE u li jkunu aċċertati rieżamijiet regolari vis-à-vis l-objettivi identifikati, billi dan iżid iċ-ċans li jinkisbu r-riżultati. Mingħajr indikaturi u miri definiti b’mod ċar, huwa diffiċli li jkun ivvalutat kemm l-objettivi ppjanati ntlaħqu sew. Sistema ta’ monitoraġġ tajba bbażata fuq azzjoni orjentata lejn ir-riżultati hija kruċjali biex ikun possibbli li jsiru kejl u tmexxija ta’ kull SMR kif ukoll rapportar dwar kull waħda minn dawn l-istrateġiji sabiex il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikun provdut b’din l-informazzjoni.

F’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-EUSAIR u dwar l-EUSALP, il-Kummissjoni ħadet għadd ta’ miżuri speċifiċi f’dan il-qasam.

Dan l-aħħar sar qbil dwar diversi indikaturi u miri riveduti għall-oqsma ta’ prijorità tal-EUSDR sabiex jikkorrispondu għall-evoluzzjoni tal-istrateġija. Għall-EUSBSR sar qbil dwar ġabra ta’ indikaturi u miri fl-2012. Għall-EUSAIR u EUSALP, l-eżerċizzju se jiġi rfinat fix-xhur li ġejjin.

Il-Kummissjoni nediet ukoll għadd ta’ azzjonijiet komplementari: l-organizzazzjoni ta’ workshops parteċipattivi bl-appoġġ ta’ esperti; appoġġ għal sistemi ta’ monitoraġġ territorjali apposta; u studju ta’ evalwazzjoni dwar l-SMR. Ir-riżultati ta’ dawn l-azzjonijiet huma mistennija għal matul l-2017. Madankollu, dawn se jkunu ta’ siwi biss jekk il-partijiet ikkonċernati ewlenin jieħdu sehem u jassumu r-responsabbiltà sħiħa tagħhom fil-proċess.

Dawn għandhom ukoll jgħinu fit-teħid tad-deċiżjonijiet, speċjalment meta jitqiesu l-limiti baġitarji, mil-livell politiku dwar liema prijoritajiet u azzjonijiet għandhom ikunu ffinanzjati u, fejn ikun xieraq, jillimitaw il-prijoritajiet għal dawk l-oqsma li fihom l-approċċ makroreġjonali jagħti valur miżjud ġenwin.

Għad fadal ħafna progress xi jsir f’dan il-qasam. Jirrikjedi tmexxija kollettiva u sens komuni ta’ skop abbażi ta’ perspettiva fuq terminu twil.

Il-finanzjament

L-SMR issa huma parti mill-qafas legali tal-FSIE 2014–2020 li jitlob lill-pajjiżi biex jallinjaw il-prijoritajiet tal-ipprogrammar tagħhom ma’ dawk tal-SMR u lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni biex isaħħu r-rabtiet bejn min iġesti l-programmi u l-implimentaturi ewlenin tal-SMR. Il-firxa ta’ informazzjoni li tingħata mill-awtoritajiet ta’ ġestjoni hija waħda varjabbli, skont il-livell ta’ sensibilizzazzjoni tagħhom. Ġie kkonstatat progress u xi prassi tajba: sejħiet immirati, bonus għall-proġetti ta’ rilevanza makroreġjonali, appoġġ dirett għall-proġetti tal-istrateġiji jew parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-SMR f’kumitati ta’ monitoraġġ tal-programmi (pereż. il-Programm Operazzjonali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tas-Slovakkja 2014–2020); il-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014–2020 għal-Litwanja).

Madankollu, it-tnaqqis tad-distakk bejn l-istrateġiji u l-opportunitajiet ta’ finanzjament għadu jirrappreżenta sfida. Id-djalogu kontinwu bejn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-programmi u l-atturi tal-istrateġiji għandu jitħeġġeġ aktar. L-awtoritajiet ta’ ġestjoni għandhom ikunu aktar proattivi fl-implimentazzjoni tal-SMR fl-objettivi tal-programmi tagħhom u għandhom jintegraw u jikkoordinaw aħjar l-attività rilevanti fil-programmi.

Dan jikkonċerna wkoll sorsi oħra rilevanti ta’ finanzjament (nazzjonali, reġjonali, privati, eċċ.) li jistgħu jintużaw sabiex jinkisbu l-objettivi tal-SMR. Is-sinerġiji u kull komplementarjetà ma’ strumenti oħra rilevanti ta’ finanzjament għandhom ikunu esplorati aktar.

Il-komunikazzjoni

L-esperjenza tindika li strateġija qawwija ta’ komunikazzjoni għandha tkun parti mill-SMR. Hija għodda potenti sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku inġenerali dwar l-azzjonijiet ippjanati u r-riżultati mixtieqa. Għandha ġġiegħel lill-implimentaturi ewlenin jirriflettu, minn kmieni, dwar kif l-istrateġiji jistgħu jagħtu lok għal bidla pożittiva għall-poplu u kif din tista’ tiġi ppreżentata lill-midja.

L-istrateġija ta’ komunikazzjoni tal-EUSBSR adottata f’Diċembru 2015 hija eżempju tajjeb ta’ min isegwih sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-SMR u l-viżibbiltà tagħhom.

3. L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR)

3.1 Ir-riżultati

Wara seba’ snin fis-seħħ, l-istrateġija tat spinta lil netwerks ġodda u żiedet l-effettività ta’ dawk eżistenti (pereż. il-Forum dwar is-Sajf fil-Baħar Baltiku, SUBMARINER). Dan wassal biex jinbdew proġetti ġodda u biex ikunu estiżi dawk eżistenti (pereż. Il-ġestjoni interattiva tal-ilma, il-Programm ta’ Taħriġ tal-Baltiku). Il-konsolidazzjoni tal-governanza f’diversi livelli fir-reġjun ipprovdiet qafas konġunt għad-djalogu għall-atturi tal-Baħar Baltiku.

L-istrateġija kkontribwiet għat-tiswir tal-politika f’livelli differenti: it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattiva BEMIP billi inkludiet oqsma ġodda – l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli – u t-tiswir tal-ħidma tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar l-iżvilupp u l-ittestjar tal-infrastruttura u s-servizzi tan-Navigazzjoni elettronika fir-reġjun. Ikkontribwiet ukoll għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, pereż. id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, l-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. Suġġetti ta’ importanza reġjonali reġgħu tpoġġew fuq l-aġenda politika u kienu jinkludu l-organizzazzjoni fl-2015 tal-ewwel laqgħa ta’ livell għoli dwar il-kultura mill-2008 ’l hawn.

Iż-żieda fil-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-livelli kollha, kemm jekk fil-pajjiżi nnifishom, kif ukoll jekk bejniethom (tal-UE u mhux tal-UE) jew fost l-organizzazzjonijiet reġjonali, ħolqot sinerġiji aktar qawwija.

It-tħejjija ta’ proġetti makroreġjonali appoġġjati minn netwerks u sħubijiet transnazzjonali ngħatat għajnuna permezz tat-tnedija tal-Faċilità għall-Fondi tal-Bidu (Seed Money Facility) tal-EUSBSR flimkien mar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tal-Interreg. It-twaqqif ta’ netwerk tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) fl-2016 se jagħti lok għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi disponibbli, billi jappoġġja l-implimentazzjoni tal-EUSBSR bi programmi tal-FEŻR speċifiċi għall-pajjiżi u billi jżid il-koordinazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Dawn il-kisbiet ġew appoġġjati minn rieżami komprensiv tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-EUSBSR imwettaq fl-2015, li wassal għal strateġija aktar issimplifikata u ffukata. Ir-rieżami kkontribwixxa wkoll għal sens aktar qawwi ta’ responsabbiltà billi daħħal presidenza b’rotazzjoni tal-grupp tal-koordinaturi nazzjonali fl-2014.

3.2 L-isfidi

It-titjib tal-qagħda ambjentali tal-Baħar Baltiku baqa’ fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-EUSBSR minn mindu tnediet fl-2009. Madankollu, hemm bżonn ta’ sforzi ulterjuri li jqisu l-isfidi ambjentali li għandu quddiemu l-Baltiku (l-ewtrofikazzjoni, in-nitrati minn sorsi agrikoli, is-sajd). Ir-reġjun jista’ wkoll jibbenefika minn konnettività mtejba fl-oqsma tal-enerġija u tat-trasport u minn reazzjoni aħjar għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

Barra minn hekk, iż-żieda rapida tal-migranti titlob għal aktar kooperazzjoni. Azzjonijiet effettivi ta’ integrazzjoni, l-aktar fil-qasam tal-edukazzjoni, għandhom ikunu esplorati ulterjorment.

It-tfassil tal-politika jista’ jittejjeb permezz ta’ għadd ta’ miżuri operazzjonali. Dawn jinkludu, pereżempju: l-iffaċilitar tal-ġestjoni u tas-sostenibbiltà tal-proġetti billi jkun offruti għodod ta’ tiftix għall-imsieħba li jkunu jistgħu jidentifikaw l-aħjar persuni bl-aħjar kompetenzi; it-tisħiħ tal-kontribut tal-azzjoni orizzontali għall-implimentazzjoni ta’ kull qasam ta’ politika; it-tisħiħ tar-rabta bejn il-livelli tal-proġetti u dawk tal-politika billi, pereżempju, il-koordinaturi tal-proġetti jiġi mgħarrfa dwar ir-riżultati tal-proġetti.

4. L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju (EUSDR)

4.1 Ir-riżultati

Minn mindu tnediet l-istrateġija, kien hemm diversi kisbiet strateġiċi.

Bis-saħħa tal-EUSDR, diversi proġetti ngħataw bidu jew ġew żviluppati ulterjorment. Dawn jinkludu: il-pjanijiet direttur dwar ir-riabilitazzjoni u l-manutenzjoni tal-kanali navigabbli u dwar in-navigazzjoni tal-LNG; il-ħolqien ta’ netwerks ta’ ħarsien tan-natura u l-iżvilupp ta’ metodoloġiji komuni għal valutazzjoni tar-riskji naturali u għal ġestjoni fl-ambitu tat-tibdil fil-klima; u t-twaqqif ta’ netwerk għat-titjib tas-sigurtà fuq ix-Xmara Danubju.

L-EUSDR tejbet biċ-ċar il-kultura tal-kooperazzjoni, filwaqt li ġabret flimkien lill-partijiet ikkonċernati u kkollegat aħjar l-istituzzjonijiet eżistenti sabiex jikkondividu l-għarfien u l-esperjenza. Ibbenefikat minn appoġġ politiku għoli tal-laqgħa ministerjali tad-Danubju tal-ministri tat-trasport sabiex tkun aċċertata governanza aħjar tan-navigazzjoni tad-Danubju, pereż. permezz tal-pjanijiet direttur li jissemmew aktar ’il fuq 8 .

Barra minn hekk, din tejbet id-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali li diġà jeżistu fir-reġjun (pereż. il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tax-Xmara Danubju, il-Konvenzjoni tal-Karpazji) permezz tal-iżvilupp ta’ inizjattivi u sinerġiji konġunti.

Id-Djalogu dwar il-Finanzjament tad-Danubju huwa eżempju wieħed ta’ pjattaforma bl-iskop ta’ abbinar li huwa offrut mill-istrateġija sabiex il-promoturi tal-proġetti u l-istituzzjonijiet ta’ finanzjament ikunu jistgħu jiddiskutu u jidentifikaw soluzzjonijiet adattati marbuta mal-finanzjament tal-proġetti fir-reġjun.

L-EUSDR għamlet ukoll is-sistema ta’ governanza aktar effettiva billi saħħet il-koordinazzjoni bejn il-politiki u l-istituzzjonijiet fuq livell nazzjonali. Din iffaċilitat il-mod kif il-komunikazzjoni tasal għand il-partijiet ikkonċernati rilevanti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak lokali, u anki d-djalogu kontinwu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Qasam ieħor importanti li fih l-EUSDR tat kontribut ġenwin jikkonċerna l-aġendi ta’ politika tal-UE għat-tkabbir u għall-viċinat. Din għenet fl-intensifikar tal-kooperazzjoni tematika mal-ħames stati parteċipanti mhux tal-UE u għenet ukoll biex iġġib stabbiltà fiż-żona bis-saħħa ta’ netwerks u sħubijiet fis-sod. Fost l-inizjattivi rilevanti hemm it-twaqqif tal-ewwel Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali ma’ pajjiż mhux tal-UE (Ungerija-Ukrajna) u t-twaqqif ta’ skema ġdida ta’ koordinazzjoni fl-2015 biex il-Moldova tkun tista’ tipparteċipa fl-istrateġija. Is-Serbja wkoll kellha pożizzjoni attiva fil-kokoordinazzjoni ta’ żewġ oqsma ta’ prijorità tal-istrateġija.

L-implimentazzjoni tal-EUSDR ġiet appoġġjata mill-programm transnazzjonali tad-Danubju. Dan tal-aħħar ikopri l-istess żona ġeografika, jipprovdi appoġġ finanzjarju lil proġetti transnazzjonali speċifiċi u jappoġġja l-governanza tal-istrateġija. Fl-2014, l-14-il pajjiż parteċipanti waqqfu b’mod konġunt il-Punt Strateġiku tad-Danubju (DSP, Danube Strategy Point), li beda jitħaddem f’Ġunju 2015. Id-DPP kien prinċipalment attiv fil-monitoraġġ, fil-komunikazzjoni u fl-appoġġ tal-koordinaturi tal-oqsma ta’ prijorità u fil-kooperazzjoni bejn l-oqsma ta’ prijorità.

4.2 L-isfidi

Lil hinn mir-riżultati inizjali promettenti, l-EUSDR tibbenefika minn għadd ta’ miżuri operazzjonali u ta’ politika, bħal integrazzjoni ulterjuri rigward l-infrastruttura tal-enerġija u t-trasport, miżuri kontra t-tniġġis tal-ilma, ir-riskji naturali, il-politiki tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol komuni, miżuri dwar il-kompetittività, b’mod partikolari għall-SMEs miżuri li jindirizzaw l-isfidi demografiċi u l-eżodu tal-imħuħ. Id-dimensjoni tas-sigurtà għadha importanti u l-istess japplika għall-ħtieġa li jkun hemm żviluppar ulterjuri tal-kapaċità fl-amministrazzjoni pubblika.

Minn barra dan, f’dawn l-aħħar sentejn feġġew sfidi ġodda, pereżempju dawk marbuta mal-flussi migratorji u mas-sigurtà globali u t-terroriżmu.

Il-momentum politiku donnu bħal naqas daqsxejn fil-livell nazzjonali meta mqabbel mal-ewwel snin ta’ attività. Billi l-istrateġija hija proċess fuq terminu twil, il-kontinwità fl-appoġġ politiku tibqa’ fundamentali, b’mod partikolari permezz tal-forniment ta’ kapaċità u riżorsi għall-implimentazzjoni tal-istrateġija. It-tisħiħ tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ koordinazzjoni huwa essenzjali wkoll.

Il-kapaċità amministrattiva sabiex tittratta kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni u ttejjeb il-kooperazzjoni għadha kwistjoni miftuħa, b’mod partikolari għall-pajjiżi mhux tal-UE. Din għadha tenħtieġ rispons xieraq fil-livelli nazzjonali u reġjonali.

5. L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR)

5.1 Ir-riżultati

Minħabba ċ-ċiklu ta’ ħajja qasir tagħha, l-attività tal-EUSAIR iffukat l-ewwel u qabel kollox fuq it-twaqqif ta’ strutturi u regoli ta’ governanza. Dan irrikjeda diskussjonijiet estensivi u konsultazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin, primarjament il-koordinaturi nazzjonali.

L-istrateġija tirrikjedi koordinazzjoni qawwija fuq il-livell tal-UE sabiex jingħelbu l-interessi nazzjonali varji, fid-dawl tal-parteċipazzjoni sinifikanti ta’ pajjiżi mhux tal-UE b’diskrepanzi soċjoekonomiċi sinifikanti u żbilanċi notevoli fil-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi tagħhom. Il-mudell ta’ koordinazzjoni propost fil-Pjan ta’ Azzjoni jqiegħed lill-erba’ pajjiżi ta’ adeżjoni fuq l-istess livell mal-erba’ Stati Membri parteċipanti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-istrutturi ta’ governanza, pereż. il-presidenza b’rotazzjoni miftuħa għall-pajjiżi kollha.

Kien hemm enfasi partikolari fuq l-iżgurar tas-sens ta’ responsabbiltà tal-implimentaturi ewlenin billi l-gruppi tematiċi ta’ tmexxija kellhom riżorsi apposta għad-disponibbiltà tagħhom. Ġiet ukoll indirizzata l-kwistjoni ta’ appoġġ finanzjarju, amministrattiv u tekniku.

Permezz tal-“Facility Point” – proġett strateġiku approvat f’Mejju 2016 taħt il-programm ADRION tal-Interreg, se jkun provdut ukoll appoġġ dedikat għall-istrutturi ta’ governanza tal-EUSAIR. Il-koordinaturi nazzjonali approvaw l-ambitu u d-disinn tal-Facility Point fil-ħarifa tal-2015.

Sa tmiem l-2015, l-erba’ gruppi tematiċi ta’ tmexxija kienu identifikaw l-azzjonijiet ta’ prijorità biex fuqhom jikkonċentraw il-ħidma tagħhom fil-perjodu inizjali (pereż. l-ippjanar spazjali marittimu, l-iżviluppar tal-awtostradi tal-baħar jew it-trawwim tal-wirt kulturali tal-Adrijatiku u tal-Jonju), kif ukoll gwida speċifika u kriterji ta’ selezzjoni sabiex jgħinu fl-għażla tal-aħjar proġetti.

Saru wkoll sforzi sabiex tingħata promozzjoni għall-kooperazzjoni kontinwa bejn l-awtoritajiet tal-programmi tal-FSIE u tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-implimentaturi ewlenin tal-EUSAIR. Dan ifisser li l-FSIE, l-IPA, u flussi oħra rilevanti ta’ finanzjament nazzjonali u reġjonali għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-EUSAIR. Dan ġie mtenni mid-Dikjarazzjoni ta’ Dubrovnik adottata mill-ministri tal-Affarijiet Barranin u tal-Fondi tal-UE fl-ewwel Forum tal-EUSAIR li sar f’Mejju 2016. Il-proċess jinsab għaddej u se jkun jirrikjedi koordinazzjoni fost l-atturi varji kkonċernati.

5.2 L-isfidi

Minkejja sostenn politiku għoli, id-disponibbiltà tar-riżorsi min-naħa tal-pajjiżi parteċipanti biex jappoġġjaw l-istrateġija għadha fil-biċċa l-kbira insuffiċjenti. Filwaqt li l-Kummissjoni kellha rwol attiv fil-koordinazzjoni tal-politika, l-implimentaturi ewlenin se jaffaċċjaw diffikultajiet ma jaqtgħu xejn biex jiksbu r-riżultati mistennija fin-nuqqas ta’ impenn ċar mill-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali. Dan ikun ifisser il-garanzija ta’ ftehim dwar pjan ta’ ħidma bi skeda speċifika taż-żmien u l-iżgurar ta’ kuntatti bejn il-promoturi tal-proġetti, il-programmi u s-sorsi ta’ finanzjament. Ikun jinvolvi wkoll il-forniment ta’ pariri u assistenza teknika kif xieraq. L-appoġġ finanzjarju u operazzjonali provdut mill-Facility Point għandu jgħin sabiex jingħelbu wħud minn dawn id-diffikultajiet.

Filwaqt li l-isfidi u l-opportunitajiet offruti mill-istrateġija jibqgħu rilevanti kumplessivament, il-pajjiżi tal-Adrijatiku u tal-Jonju qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ kriżi kbira tar-refuġjati u tal-migrazzjoni li wisq probabbli se taffettwa lir-reġjun. Dan jista’ jiġi indirizzat permezz tal-EUSAIR b’mod ikkoordinat u pragmatiku.

Il-prijoritajiet tat-trasport u tal-enerġija għandhom ikunu aġġustati sabiex jikkomplementaw – u mhux jirdoppjaw – l-inizjattivi meħuda f’fora oħra ta’ kooperazzjoni ta’ livell għoli (pereż. il-“proċess ta’ Berlin” jew il-Komunità tal-Enerġija).

L-iżgurar tal-allinjament tal-finanzjament mal-prijoritajiet tal-istrateġija huwa essenzjali. Iridu jsiru sforzi ulterjuri fil-livell amministrattiv sabiex il-proġetti jingħataw l-appoġġ finanzjarju neċessarju permezz ta’ programmi reġjonali, nazzjonali jew tal-UE disponibbli.

6. L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP)

6.1 Ir-riżultati

L-implimentazzjoni tal-EUSALP bdiet fl-ewwel nofs tal-2016. Din saret pjuttost b’ħeffa, l-aktar minħabba l-livell għoli ta’ kooperazzjoni politika u ekonomika fil-qasam. Ir-reġjuni, il-pajjiżi parteċipanti (li tnejn minnhom mhumiex tal-UE, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein), il-Konvenzjoni Alpina u l-programm tal-Interreg dwar l-Ispazji Alpini kollha kemm huma kkontribwew għall-għoti ta’ definizzjoni tal-kunċett tal-istrateġija, filwaqt li l-Kummissjoni ddefiniet il-passi biex tiffinalizzaha u tapprovaha. L-istrateġija qajmet ukoll interess qawwi fil-Parlament Ewropew, fejn inħoloq grupp informali (“il-Ħbieb tal-EUSALP”).

Għalissa għadhom ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Madankollu, sar qbil ġenerali dwar l-istrutturi u r-regoli tal-governanza qabel it-tnedija uffiċjali tagħha f’Brdo f’Jannar 2016. L-ewwel laqgħat tal-Gruppi ta’ Azzjoni wasslu għal ftehim dwar metodi ta’ ħidma ulterjuri u għal programm ta’ ħidma li jidentifika s-suġġetti tematiċi (pereż. it-titjib tal-katina tal-valur tal-injam alpin, l-iffukar fuq l-adattament għat-tibdil fil-klima jew l-għoti ta’ definizzjoni tal-ispazju komuni tal-ġejjieni għall-edukazzjoni professjonali b’żewġ saffi). Se jkun stabbilit Bord ta’ Mexxejja tal-Gruppi ta’ Azzjoni sabiex jiżgura l-iskambju permanenti tal-għarfien u tal-esperjenzi fost il-gruppi.

Il-programm tal-Interreg dwar l-Ispazji Alpini se jappoġġja l-implimentazzjoni tal-istrateġija bi proġett strateġiku apposta (AlpGov).

6.2 L-isfidi

Il-bidu veloċi għall-aħħar tal-implimentazzjoni ta lok għal diversi aspettattivi fost il-partijiet ikkonċernati. Fl-2017, il-Kummissjoni se tikkunsidra bir-reqqa l-għamla bbilanċjata u l-istabbiltà tal-Gruppi ta’ Azzjoni biex tiżgura l-effiċjenza. Se twettaq ukoll monitoraġġ dwar jekk il-gruppi kollha għandhomx il-kapaċità li jiżviluppaw u jimplimentaw il-proġetti u se tirrakkomanda l-bidliet xierqa. L-inkorporazzjoni tal-objettivi tal-EUSALP fi programmi rilevanti tal-FSIE għandha tgħin ukoll.

Huwa fundamentali li tiġi żgurata l-implimentazzjoni kompluta tal-objettiv tal-governanza makroreġjonali, li jitlob għal soluzzjonijiet ġodda għall-“inkorporazzjoni istituzzjonali” sabiex l-irduppjar ma’ strutturi li diġà jeżistu jkun evitat u sabiex ikunu żgurati mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni xierqa bejn l-atturi u l-prijoritajiet. L-iżvilupp tal-pjattaforma tal-partijiet ikkonċernati joffri wkoll sfida billi fil-mira tiegħu hemm l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili inġenerali, u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tagħhom.

7. It-triq ’il quddiem

Wara seba’ snin ta’ implimentazzjoni, l-SMR qegħdin jipproduċu l-ewwel riżultati tagħhom, iżda għalissa għadhom ma wrewx il-potenzjal kollu tagħhom. Il-benefiċċji jkunu ħafna akbar kieku l-Istati Membri li bdew dawn il-proċessi ta’ kooperazzjoni kellhom jerfgħu responsabbiltà akbar. Oqsma li fihom jenħtieġ sforz kontinwi jirrigwardaw l-effettività tas-sistemi ta’ governanza, l-iffukar fuq ir-riżultati, il-finanzjament u r-relazzjoni mal-pajjiżi mhux tal-UE. Il-kwistjonijiet iridu jiġu kkunsidrati fil-kuntest tar-riforma ta’ wara s-sena 2020 tal-politika ta’ koeżjoni.



It-titjib tal-effettività

Is-suċċess tal-istrateġiji jiddependi fuq implimentazzjoni fis-sod fis-snin li ġejjin, kif ukoll fuq ir-rieda li jsir aġġustament għaċ-ċirkostanzi li qegħdin jinbidlu, pereżempju l-kriżi tal-migrazzjoni. Hemm bżonn ta’ aktar progress fir-rigward tal-governanza tal-SMR. Dan jirrikjedi, b’mod partikolari, li:

kull strateġija tivvaluta regolarment l-effettività tas-sistema ta’ governanza tagħha f’konformità mar-rapport tal-Kummissjoni tal-2014 u tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa;

il-ministeri settorjali jieħdu impenn aktar qawwi biex jiksbu l-objettivi tal-SMR; dan jimplika rotazzjoni perjodika tal-koordinaturi tal-oqsma tematiċi;

tkun żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn il-membri tal-gruppi ta’ tmexxija u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-programmi appoġġjati mill-FSIE jew strumenti oħra;

jissaħħu l-konnessjonijiet bejn l-SMR sabiex jieħdu vantaġġ mis-sinerġiji u jitgħallmu minn xulxin bl-appoġġ ta’ INTERACT.

Titqiegħed lenti fuq ir-riżultati

L-SMR għandhom bżonn jaddattaw għad-domanda għal enfasi akbar fuq il-prestazzjoni li tikkaratterizza l-qafas attwali tal-politika ta’ koeżjoni. F’dan ir-rigward, huwa ferm irrakkomandat li jittieħdu l-azzjonijiet segwenti:

titwaqqaf jew tiġi kkonsolidata sistema soda ta’ monitoraġġ, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-programm ESPON, biex tirrapporta dwar il-progress u tappoġġja l-orjentazzjoni strateġika tagħhom; l-Infrastruttura tas-Servizzi u d-Dejta ta’ Referenza tad-Danubju tista’ tappoġġja t-twaqqif ta’ sistema soda ta’ monitoraġġ;

tittejjeb il-kwalità tal-proġetti u tal-proċessi u tkun żgurata s-sostenibbiltà tar-riżultati tagħhom, kif ukoll ir-rabta bejn ir-riżultati tal-proġetti u l-azzjonijiet ta’ politika;

tiżdied is-sensibilizzazzjoni fil-livelli kollha u tittejjeb il-komunikazzjoni tal-valur miżjud u tar-riżultati tal-istrateġiji, inkluż permezz tal-użu tal-fora annwali biex jitwettaq rieżami kritiku tal-istrateġiji;

ikunu esplorati ulterjorment il-pjattaformi tematiċi (pereż. il-pjattaforma S3 jew il-pjattaforma għad-djalogu dwar il-klima) biex tiżdied l-enfasi tematika tal-istrateġiji.

Lil hinn mill-finanzjament

L-istrateġiji ma għandhomx baġit allokat apposta għalihom. Għaldaqstant, jirrikjedu użu aktar koordinat tal-flussi ta’ finanzjament disponibbli fil-livelli varji.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitkompla d-djalogu attwali bejn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-programmi tal-FSIE u l-implimentaturi ewlenin tal-SMR sabiex il-finanzjament ikun allinjat bl-aktar mod xieraq u kosteffettiv. Inizjattivi bħat-twaqqif tan-netwerk tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-FEŻR fil-Baltiku għandhom ikunu esplorati minn makroreġjuni oħra. Barra minn hekk, il-fondi tal-UE jew għodod oħra ta’ finanzjament, inkluż strumenti finanzjarji għandhom ukoll ikunu kkunsidrati biex jappoġġjaw il-prijoritajiet u l-azzjonijiet tal-SMR. Għandhom ikunu wkoll eżaminati bir-reqqa l-possibbiltajiet ta’ sinerġiji mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, b’mod partikolari għal proġetti bankabbli.

Ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi mhux tal-UE

L-SMR saru strument importanti fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-UE u l-ġirien esterni tagħhom, kemm mal-pajjiżi tal-adeżjoni u partijiet mill-Politika tal-Viċinat (is-Sħubija tal-Lvant) kif ukoll mal-Periferija tat-Tramuntana u r-reġjun tal-Artiku. Dawn jistgħu jrawmu żvilupp u koeżjoni reġjonali ma’ dawn il-pajjiżi u jindokraw ir-relazzjonijiet li l-UE tiżviluppa fil-fruntieri esterni tagħha.

Il-konklużjonijiet

It-tnaqqis tad-diskrepanzi reġjonali huwa għan tal-SMR bħalma huwa l-ħolqien ta’ sinerġiji għat-tkabbir u l-impjiegi fir-reġjuni kkonċernati. Il-makroreġjuni jistgħu jgħinu fit-tiswir ta’ perspettiva integrata tal-ġejjieni tat-territorju Ewropew. Dawn jistgħu jsiru strument importanti fl-insegwiment tal-koeżjoni territorjali fost diversi oqsma ta’ politika, u jistgħu wkoll inebbħu approċċi simili bħall-Aġenda urbana tal-UE. Dawn jappellaw għal rabtiet eqreb bejn l-oqsma ta’ politika tal-UE u l-fondi tal-UE.

Sabiex il-potenzjal tagħhom jiġi sfruttat għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej, il-konnessjonijiet bejn l-SMR u l-politika ta’ koeżjoni għandhom ikunu mistħarrġa aktar f’termini ta’ mmirar tas-setturi strateġiċi u kkoordinar tal-politiki u tal-istrumenti tal-UE.

F’dan ir-rigward, hemm għadd ta’ kwistjonijiet li hemm bżonn li jiġu indirizzati fid-dawl tar-riforma tal-politika ta’ koeżjoni fil-futur. Dawn jistgħu jinkludu:

Is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet bejn l-SMR u l-programmi nazzjonali jew reġjonali rilevanti li huma appoġġjati mill-FSIE, kif jistgħu jissaħħu biex l-impatt ikun kbir kemm jista’ jkun?

Il-programmi transnazzjonali għandhom jiġu allinjati ulterjorment (b’mod funzjonali) mal-SMR jew ma’ oqfsa u inizjattivi oħra ta’ kooperazzjoni transnazzjonali?

Is-sistema ta’ governanza tal-SMR, inklużi r-rwoli rispettivi tal-atturi rilevanti kollha, kif tista’ tittejjeb ulterjorment?

(1)

   Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni, is-27 ta’ Ottubru 2009 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, mid-29 sat-30 ta’ Ottubru 2009.

(2)

   Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, it-13 ta’ April 2011 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, mit-23 sal-24 ta’ Ġunju 2011.

(3)

   Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, id-29 ta’ Settembru 2014 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, mit-23 sal-24 ta’ Ottubru 2014.

(4)

   Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill, is-27 ta’ Novembru 2015 u l-Kunsill Ewropew, it-28 ta’ Ġunju 2016.    

(5)

   Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar (il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej) (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320); il-punt 31 tal-Artikolu 2.

(6)

   INTERACT huwa programm mifrux madwar l-UE kkofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mfassal speċifikament biex jipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-programmi Interreg kif ukoll tal-SMR.

(7)

   COM (2014) 284 final.

(8)

   Il-laqgħa ministerjali tad-Danubju, il-Konklużjonijiet dwar ir-rijabilitazzjoni u l-manutenzjoni effikaċi tal-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma tad-Danubju u t-tributarji navigabbli tagħha, Rotterdam, l-20 ta’ Ġunju 2016.