Brussell, 30.11.2016

COM(2016) 766 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata


1.Introduzzjoni

Hija mistennija bidla profonda għas-settur tat-trasport; kemm fl-Ewropa kif ukoll f’partijiet oħra tad-dinja. Mewġa ta’ innovazzjoni teknoloġika u mudelli tan-negozju rivoluzzjonarji wasslet għal żieda fid-domanda għal servizzi ta’ mobbiltà ġodda. Fl-istess ħin, is-settur qed iwieġeb għall-ħtieġa pressanti li t-trasport isir aktar sikur, aktar effiċjenti u sostenibbli. It-trasformazzjoni li tirriżulta toħloq opportunitajiet soċjali u ekonomiċi enormi li l-Ewropa għandha taħtaf minnufih, għall-benefiċċji taċ-ċittadini u n-negozji tagħha.

It-teknoloġiji diġitali huma xprunatur u faċilitatur b’saħħtu ta’ dan il-proċess, forsi anki l-aktar wieħed b'saħħtu minnhom. L-iskambju tad-data bejn l-atturi differenti fis-sistema tat-trasport ifisser li l-provvista u d-domanda jistgħu jitqabblu fil-ħin reali, li jwassal għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, kemm jekk hija karozza li tintuża minn aktar minn persuna waħda, kontejner jew netwerk ferrovjarju. It-teknoloġiji diġitali jgħinu jnaqqsu l-iżbalji umani, li s’issa kienu l-ikbar sors ta’ inċidenti fit-trasport. Dawn jistgħu joħolqu wkoll sistema tat-trasport verament multimodali li tintegra l-modalitajiet kollha tat-trasport f’servizz uniku ta’ mobbiltà, li jippermetti n-nies u l-merkanzija jivvjaġġaw mingħajr xkiel minn bieb għal bieb. U dawn jistgħu jagħtu spinta lill-innovazzjoni soċjali u jiżguraw il-mobbiltà għal kulħadd, bl-emerġenza ta’ atturi ġodda u forom ġodda ta’ ħolqien ta’ valur bħall-ekonomija kollaborattiva.

Il-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali u l-mudelli tan-negozju relatati fit-trasport bit-triq huwa sinifikanti, u anke l-ħtieġa li tittieħed azzjoni. It-tendenza stabbli u pożittiva fis-sikurezza tat-triq li l-UE rat tul l-aħħar deċennju naqqset ir-ritmu tagħha. It-trasport bit-triq għadu responsabbli għall-maġġoranza tal-emissjonijiet tat-trasport, f’termini ta’ gassijiet b'effett ta' serra u sustanzi li jniġġsu fl-arja 1 , 2 . Kuljum, it-toroq traffikużi huma spiża enormi għall-ekonomija tal-UE 3 . Bl-impjiegi ta’ miljuni ta’ Ewropej li jiddependu direttament jew indirettament fuq l-industrija tal-karozzi u tat-trasport, huwa kruċjali li s-settur jiġi pprovdut bil-kundizzjonijet biex jibqa’ minn ta’ quddiem globalment.

Għalhekk din il-Komunikazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni, b'mod notevoli l-Aġenda tagħha għall-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment, is-Suq Uniku Diġitali u l-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija 4 . L-Istrateġija Ewropea għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi2 adottata f’Lulju 2016, tenfasizza l-potenzjal tal-vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet mit-trasport. L-Istrateġija għad-Diġitizzazzjoni tal-Industrija Ewropea 5 tidentifika l-vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati bħala suġġett ta' prijorità għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija Ewropea. Studji stmaw li l-potenzjal tas-suq ta’ sewqan kooperattiv, konness u awtomatizzat jiswa għexieren ta’ biljuni ta’ euro fis-sena u l-ħolqien ta’ impjiegi jammonta għal mijiet ta’ eluf 6 .

F’ħafna aspetti l-vetturi tal-lum diġà huma apparati konnessi. Madankollu, fil-futur verament qarib dawn ser ikunu qed jinteraġixxu wkoll direttament ma’ xulxin u mal-infrastruttura tat-triq. Din l-interazzjoni hija d-dominju tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi (C-ITS), li se jippermettu l-utenti tat-triq u dawk responsabbli mit-traffiku jaqsmu u jużaw informazzjoni li qabel ma kinitx disponibbli u biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom. Dan l-element kooperattiv 7 – iffaċilitat mill-konnettività diġitali – huwa mistenni li jtejjeb b’mod sinifikanti s-sikurezza tat-triq, l-effiċjenza tat-traffiku u l-kumdità tas-sewqan, billi jgħin lis-sewwieqa jieħdu d-deċiżjonijiet tajbin u jadattaw għas-sitwazzjoni tat-traffiku.

Il-komunikazzjoni bejn il-vetturi, l-infrastruttura u dik ma’ utenti oħra tat-triq hija kruċjali wkoll biex tiżdied is-sikurezza tal-vetturi awtomatizzati u l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-sistema globali tat-trasport. Il-kooperazzjoni, il-konnettività, u l-awtomatizzazzjoni mhumiex biss teknoloġiji kumplimentari: huma teknoloġiji li jiddependu fuq xulxin u anki jinfurzaw lil xulxin, u eventwalment se jsiru ħaġa waħda. Il-platooning ta’ trakkijiet (trakkijiet li jikkomunikaw sabiex isewgu lil xulxin b’mod awtomatiku u sikur fuq distanza qasira ħafna minn xulxin) huwa eżempju tajjeb: il-konnettività, il-kooperazzjoni u l-awtomatizzazzjoni jridu jingħaqdu flimkien biex dan jirnexxi. Iżda l-kooperazzjoni se tkun meħtieġa iktar minn qatt qabel meta l-vetturi awtomatizzati tal-futur iridu jinnegozjaw b’mod sikur u effiċjenti sitwazzjonijiet tat-traffiku ferm iżjed kumplessi.

Pajjiżi madwar id-dinja (eż. l-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Ġappun, il-Korea u ċ-Ċina) qed jimxu b’mod rapidu lejn l-użu ta' teknoloġiji diġitali, u f’ċerti pajjiżi l-vetturi u s-servizzi tas-C-ITS diġà huma disponibbli fis-suq. Il-ministri tat-trasport tal-G7 8 enfasizzaw ripetutament il-ħtieġa għal azzjoni. Diversi Stati Membri bdew l-attivitajiet ta’ użu tas-C-ITS f’kundizzjonijiet tal-ħajja reali permezz ta’ alleanzi strateġiċi bħall-kurritur kooperattiv tal-UE 9 li jorbot Rotterdam ma’ Frankfurt u Vjenna, jew il-Grupp ta’ Amsterdam 10 . L-Istrateġija dwar l-Ispazju għall-Ewropa 11 tenfasizza l-ħtieġa li tiġi mħeġġa l-integrazzjoni tat-teknoloġiji tal-ispazju fl-istrateġiji li jindirizzaw il-karozzi konnessi, filwaqt li jibbenefikaw b’mod partikolari mill-użu ta’ GALILEO u EGNOS.

Fid-Dikjarazzjoni ta’ Amsterdam 12 f’April 2016, il-ministri Ewropej tat-trasport ħeġġew lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa strateġija Ewropea dwar vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati. Daqstant ieħor importanti hu l-fatt li l-industrija stqarret l-intenzjoni tagħha biex fl-2019 tibda tvara fuq skala wiesgħa dawn il-vetturi li jaħdmu bis-C-ITS . 13 Iżda sabiex dan iseħħ hija meħtieġa b’mod urġenti il-koordinazzjoni fil-livell Ewropew.

Bit-teknoloġija li qed tevolvi b’mod rapidu u bis-settur pubbliku u privat li qed jinvesti ammonti sostanzjali fl-iżvilupp u l-ittestjar tat-teknoloġiji tas-C-ITS, hemm riskju li, mingħajr qafas fil-livell Ewropew, l-interoperabbiltà fl-UE mhux se tinkiseb fiż-żmien dovut. Dan ipoġġi lill-industrija Ewropea fi żvantaġġ mal-kompetituri tagħha u jtawwal il-varar tas-C-ITS fl-Ewropa, u miegħu l-benefiċċji diversi għat-trasport u s-soċjetà kollha.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta strateġija tal-UE għall-varar ikkoordinat tas-C-ITS sabiex jiġi evitat suq intern frammentat fil-qasam tas-C-ITS u jinħolqu sinerġiji bejn l-inizjattivi differenti. Din tindirizza l-kwistjonijiet l-aktar kritiċi, inklużi ċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data (dawn it-tnejn huma importanti immens biex dawn it-teknoloġiji jintlaqgħu tajjeb mill-pubbliku) u anki l-interoperabbiltà, u tirrakkomanda azzjoni f’livelli differenti sabiex tintlaħaq id-data fil-mira, jiġifieri l-2019. Din il-Komunikazzjoni għalhekk tikkostitwixxi l-ewwel tragward ta’ strateġija tal-UE dwar vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati.

2.Attivitajiet Ewropej li jippermettu l-varar

Din il-Komunikazzjoni hija r-riżultat ta’ ħidma intensiva mal-esperti kemm mis-setturi pubbliċi kif ukoll privati. Sa minn Novembru 2014, il-Kummissjoni ospitat il-pjattaforma tas-C-ITS 14 sabiex tidentifika l-ostakli li fadal u tipproponi soluzzjonijiet għall-varar tas-C-ITS fl-Ewropa. L-ewwel fażi tal-pjattaforma tas-C-ITS irriżultat f’rapport minn esperti 15 , approvat b’mod unanimu mill-parteċipanti tal-pjattaforma f’Jannar 2016. Dan ir-rapport minn esperti ġie kkomplementat minn Analiżi tal-Ispejjeż imqabbla mal-Benefiċċji 16  u konsultazzjoni pubblika 17 li flimkien ipprovdew il-pedament għal din il-Komunikazzjoni. Sadanittant, il-pjattaforma tas-C-ITS bdiet it-tieni fażi tagħha f’Lulju 2016.

L-UE diġà għamlet finanzjament sostanzjali 18 disponibbli għall-vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati. Għal iżjed minn 15-il sena, il-proġetti ta’ riċerka u tal-varar u l-użu tat-teknoloġiji taw prova tal-fattibbiltà tas-servizzi tas-C-ITS. Aktar reċentement taħt Orizzont 2020, ir-riċerka fis-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti poġġiet l-attenzjoni fuq l-integrazzjoni tal-modalitajiet tat-trasport u l-kollegamenti mal-awtomatizzazzjoni. Fl-2016 ġiet imnedija sejħa ddedikata għal proposti ta’ proġetti dwar it-trasport tat-triq awtomatizzat. Fil-kuntest tal-Aġenda Strateġika għar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar it-Trasport, il-Kummissjoni qed tiżviluppa pjan direzzjonali dwar it-trasport konness u awtomatizzat sabiex tmexxi u tikkoordina attivitajiet futuri ta’ R&Ż fl-Ewropa. Din il-ħidma hija kkumplimentata minn proġetti ta’ varar fuq skala kbira għall-iżvilupp ta’ sistemi kooperattivi fuq in-netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport fi 13-il pajjiż, 19 bl-użu tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF).

Dwar il-politika għal vetturi awtomatizzati u konnessi sew, numru ta’ awtoritajiet tal-Istati Membri, NGOs u partijiet interessati tal-industrija qed jikkooperaw mal-Kummissjoni f’GEAR 2030, Grupp ta’ Livell Għoli li qed iħares lejn il-futur tas-settur tal-karozzi. Ir-riżultati tal-pjattaforma tas-C-ITS se jiddaħħlu f'GEAR 2030, u jipprovduh b’perspettiva tas-sistema tat-trasport.

Djalogu ta’ livell għoli, fil-forma ta’ Diskussjonijiet Madwar Mejda tal-Industrija li jinvolvu l-industrija tat-telekomunikazzjoni u tal-manifattura tal-vetturi, imniedi fil-ħarifa tal-2015 biex jgħin iż-żewġ industriji jiżviluppaw sinerġiji fil-qasam tal-vetturi konnessi u awtomatizzati. Dan id-djalogu għandu jippermetti s-settur tal-karozzi jieħu vantaġġ mill-iżviluppi diġitali bħall-Internet tal-Oġġetti, Big Data, il-politika tat-telekomunikazzjonijiet u d-diġitalizzazzjoni tal-industrija.

Kif imsemmi fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2017 il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq l-ambjent regolatorju, il-bini ta’ ekosistemi, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-istandardizzazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni fis-suq ta’ vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati dejjem iżjed effiċjenti.

Fuq il-bażi ta’ dawn l-inizjattivi, huwa meħtieġ livell mingħajr preċedent ta’ kooperazzjoni tul diversi setturi sabiex il-varar tas-C-ITS jirnexxi. Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet fil-katina tal-valuri mhumiex ċari, li joħolqu dubju fuq il-kunċetti eżistenti. Sabiex jiġu evitati l-effetti rebound potenzjali, bħal żieda netta fit-traffiku u l-emissjonijiet, hija meħtieġa kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali. Pereżempju, sabiex il-vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati jiġu integrati fl-ippjanar tal-mobbiltà sostenibbli jew il-kunċett tal-“Mobbiltà bħala Servizz”, inkluż it-trasport pubbliku u modalitajiet tal-ivvjaġġar attivi bħall-mixi u ċ-ċikliżmu. Sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni mifruxa tat-teknoloġiji tas-C-ITS u jiżdied l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom, l-involviment taċ-ċittadini huwa kruċjali u l-varar tas-C-ITS għandu jiffoka fuq l-utent.

Sistema tat-trasport diġitali teħtieġ ippjanar fi strati orizzontali, li jkopri diversi modalitajiet tat-trasport u industriji differenti, aktar milli f'sajlos vertikali (bħat-trasport, l-enerġija jew it-telekomunikazzjoni). L-attenzjoni ma tistax tibqa’ fuq l-istrat tal-infrastruttura biss (pereżempju t-toroq u l-vetturi). It-teknoloġiji diġitali jibnu wkoll fuq strat tad-data li fih kemm data statika bħal mapep diġitali jew ir-regolamenti tat-traffiku kif kull data dinamika bħal informazzjoni dwar it-traffiku fil-ħin reali. Din id-data mbagħad tintuża biex tiżviluppa strat ta’ servizzi u applikazzjonijiet innovattivi. Sabiex isir l-aħjar użu mit-teknoloġiji diġitali, l-aċċess għas-suq u l-kompetizzjoni ġusta f’kull wieħed minn dawn l-istrati jridu jiġi żgurati, kif irrakkomandat mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjattaformi online 20 .

3.It-triq lejn il-varar tas-C-ITS fl-2019

Wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Pjattaforma tas-C-ITS, 21 il-Kummissjoni identifikat kwistjonijiet li għandhom jiġu ttrattati fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat varar ikkoordinat tas-servizzi tas-C-ITS fl-2019. Il-kapitoli li ġejjin jipproponu azzjoni speċifika li tindirizza kull kwistjoni, inkluż l-iffaċilitar tal-kundizzjonjiet fil-livell Ewropew, tal-Istati Membri, tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-industrija.

3.0.Il-prijoritajiet għall-varar tas-Servizzi tas-C-ITS

Il-kontinwità tas-servizz, jiġifieri d-disponibbiltà tas-servizzi tas-C-ITS madwar l-UE għall-utenti aħħarin, hija l-fattur l-aktar importanti għall-varar rapidu tas-C-ITS fl-Ewropa. Sa mill-bidu, is-servizzi użati għandhom ikunu disponibbli b’mod mifrux kemm jista’ jkun, kemm fuq in-naħa tal-infrastruttura kif ukoll tal-vetturi. Għalhekk, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet għal varar ikkoordinat tas-servizzi tas-C-ITS mill-Istati Membri u l-industrija.

Fuq talba tal-Kummissjoni, il-pjattaforma tas-C-ITS analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-varar ta’ servizzi ffaċilitati bis-C-ITS għat-trasport tat-triq fl-Istati Membri.17 Għal dan il-għan il-Pjattaforma ddiskutiet ix-xenarji ta’ varar l-aktar promettenti f’termini ta’ teħid rapidu u mifrux.

Il-konklużjoni kienet li s-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1 – meta użati b’mod interoperabbli madwar l-Ewropa – se jipproduċu proporzjon tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż ta’ mhux aktar minn 3 għal 1 fuq il-bażi tal-ispejjeż u l-benefiċċji kumulattivi mill-2018 sal-2030. Dan ifisser li kull euro investit fis-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1 għandu jiġġenera sa tliet euro f’benefiċċji. Il-varar rapidu tal-akbar numru ta’ servizzi possibbli se jfisser ukoll li dawn jittieħdu aktar malajr u dan iwassal għal aktar benefiċċji globali, l-aktar minħabba l-effett tan-netwerk (li jfisser li rati ta’ teħid bil-mod inizjali jirriżultaw f’perjodi relattivament twal bi ftit benefiċċji).

Fuq il-bażi ta’ din il-ħidma, il-Kummissjoni tikkunsidra li lista ta’ servizzi tas-C-ITS teknoloġikament avvanzati u ta’ benefiċċju għoli għandhom jiġu varati malajr sabiex l-utenti aħħarin u s-soċjetà kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom malajr kemm jista’ jkun. Din il-lista bikrija ta' kif se jseħħ dan il-varar hija definita hawn taħt bħala l-Lista tas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1.

F’tieni fażi, tiġi varata l-Lista tas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1.5. Din hija lista ta’ servizzi li għalihom jista’ ma jkunx hemm speċifikazzjonijiet sħaħ jew standards kompletament lesti għal varar fuq skala kbira mill-2019, anke jekk dawn jitqiesu bħala ġeneralment maturi.

Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika qabblu li s-servizzi kollha (miż-żewġ listi) għandhom jiġu inklużi fil-varar bikri.

Lista tas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1

Notifiki ta’ lok perikoluż:

Vettura(i) mexjin bil-mod jew weqfin u twissija ta’ konġestjoni tat-traffiku fil-qarib;

Twissija ta’ xogħlijiet fit-toroq;

Kundizzjonijiet tat-temp:

Dawl ta’ brejk ta’ emerġenza;

Vettura ta’ emerġenza li qed toqrob;

Perikli oħra.

Applikazzjonijiet ta’ sinjali:

Sinjali fil-vetturi;

Limiti ta’ veloċità fil-vetturi;

Vjolazzjoni tas-sinjali / sikurezza f’intersezzjonijiet;

Talba ta’ prijorità tas-sinjali tat-traffiku minn vetturi deżinjati;

Pariri dwar l-aħjar veloċità fid-dawl aħdar;

Data tas-sonda tal-vettura;

Tnaqqis fix-shockwaves (li jaqa’ taħt il-kategorija “twissija ta’ periklu lokali” tal-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI)).

Lista tas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1.5

Informazzjoni dwar l-istazzjonijiet tal-fjuwil u tal-iċċarġjar għal vetturi ta’ fjuwils alternattivi;

Protezzjoni ta’ utenti tat-toroq vulnerabbli;

Ġestjoni u informazzjoni dwar il-parkeġġ fit-triq;

Informazzjoni dwar parkeġġ mhux fit-triq;

Informazzjoni dwar park & ride;

Navigazzjoni konnessa u kooperattiva ġewwa u barra mill-belt (l-ewwel u l-aħħar mil, parkeġġ, pariri dwar ir-rorot, sinjali tat-traffiku kkoordinati);

Informazzjoni dwar it-traffiku u rotot intelliġenti.

Azzjonijiet speċifiċi

L-Istati Membri, il-manifatturi tal-vetturi, l-operaturi tat-triq u l-industrija tal-ITS għandhom jimplimentaw is-C-ITS u jiżguraw li tiġi appoġġjata bis-sħiħ mill-inqas il-lista tas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1.

Il-Kummissjoni se tappoġġja l-Istati Membri u l-industrija fil-varar tas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1, b'mod notevoli permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

Il-Kummissjoni se tipprovdi finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ H2020, u possibbilment il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, għas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1.5 u lil hinn, inklużi livelli ogħla ta’ awtomatizzazzjoni.

Il-Kummissjoni se tħeġġeġ l-aġġornament tal-lista tas-servizzi ta’ Jum 1.5 u listi futuri ta’ servizzi tas-C-ITS, permezz tal-kontinwazzjoni tal-proċess tal-Pjattaforma tas-C-ITS.

3.1.Is-sigurtà tal-komunikazzjonijiet tas-C-ITS

Hekk kif is-sistema tat-trasport issir dejjem iżjed diġitizzata, din tista’ ssir ukoll aktar vulnerabbli għal hacking u attakki ċibernetiċi. Iċ-ċibersigurtà tal-komunikazzjonijiet tas-C-ITS hija għalhekk kritika, u teħtieġ azzjoni fil-livell Ewropew. Mingħajr regoli ċari, adottati fil-livell tal-Unjoni, il-varar tas-C-ITS fl-UE se jdum aktar għaliex l-investituri qed ifittxu approċċ komuni għas-suq intern. Barra dan, is-soluzzjonijiet tas-sigurtà frammentati se jpoġġu l-interoperabbiltà u s-sikurezza tal-utenti aħħarin f'riskju.

Il-Kummissjoni għalhekk temmen li trid tiġi żviluppata politika komuni tas-sigurtà u ċ-ċertifikazzjoni 22 għall-varar tas-C-ITS fl-Ewropa. Din il-fehma hija appoġġjata mir-rakkomandazzjonijiet tal-pjattaforma tas-C-ITS u l-konsultazzjoni pubblika. L-iżvilupp ta’ din il-politika jiddependi fuq l-appoġġ politiku fl-Ewropa għal soluzzjoni tas-sigurtà uniformi u aċċettata b’mod mifrux għal vetturi kooperattivi u konnessi, u l-elementi tal-infrastruttura pubblika relatati.

Sabiex jiġi żviluppat u stabbilit qafas tas-sigurtà għall-Ewrop kollhaa, ibbażat fuq teknoloġija ta’ Infrastruttura taċ-Ċavetta Pubblika, 23 għall-vetturi u l-elementi tal-infrastruttura pubblika, inkluż proċess ta’ valutazzjoni tal-konformità, huwa meħtieġ li jiġu involuti l-partijiet interessati kollha. Sfida prinċipali għalhekk se tkun li tiġi stabbilita l-governanza meħtieġa fil-livelli tal-UE, nazzjonali u tal-industrija li tinvolvi l-partijiet interessati ewlenin kollha, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi (eż. il-ministeri tat-trasport u l-assoċjazzjonijiet responsabbli mis-sigurtà nazzjonali), l-operaturi tat-triq, il-manifatturi tal-vetturi, il-fornituri u l-operaturi tas-servizzi tas-C-ITS. L-iżvilupp ta’ soluzzjoni tas-sigurtà komuni għall-varar u l-operazzjoni tas-C-ITS fl-Ewropa mbagħad jistabbilixxi l-bażi għal sigurtà aktar b’saħħitha f’livelli ogħla ta’ awtomazzjoni (inkluża komunikazzjoni bejn vettura u oħra u bejn vettura u infrastruttura).

Azzjonijiet speċifiċi

Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-partijiet interessati rilevanti kollha fid-dominju tas-C-ITS biex tmexxi l-iżvilupp ta’ politika komuni tas-sigurtà u ċ-ċertifikazzjoni għall-varar u l-operazzjoni tas-C-ITS fl-Ewropa. Fl-2017 din se tippubblika gwida dwar il-politika Ewropea tas-sigurtà u ċ-ċertifikazzjoni tas-C-ITS.

L-inizjattivi kollha tal-varar tas-C-ITS għandhom jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ din il-politika komuni tas-sigurtà billi jikkommettu ruħhom mill-bidu biex jimplimentaw servizzi tas-C-ITS fl-Ewropa li huma validi għall-futur.

Il-Kummissjoni se tanalizza r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Mudell ta’ Fiduċja tas-C-ITS Ewropew, u jekk uħud mill-funzjonijiet operazzjonali u r-rwoli ta’ governanza għandhomx ikunu f’idejn il-Kummissjoni (bħal, pereżempju, fil-każ tat-Takografu Intelliġenti 24 ).

3.2.Salvagwardji għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data

Il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza hija fattur determinanti għall-varar b’suċċess tal-vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati. L-utenti għandu jkollhom l-assigurazzjoni li d-data personali mhijiex komodità, u jkunu jafu li jistgħu jikkontrollaw b’mod effettiv kif id-data tagħhom qiegħda tintuża u għal xiex.

Id-data mxandra mis-C-ITS mill-vetturi tista' tikkwalifika bħala data personali. L-implimentazzjoni tas-C-ITS għalhekk tirrikjedi l-konformità mal-qafas legali tal-protezzjoni tad-data applikabbli, b’mod partikolari ir-Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Data Ġenerali adottat reċentement 25 . Dawn ir-regoli jistabbilixxu li l-ipproċessar ta’ data bħal din huwa legali biss jekk ikun ibbażat fuq waħda mir-raġunijiet elenkati, bħall-kunsens tal-utenti. Il-fatt jekk id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika 26 tapplikax għal vetturi konnessi għandu jiġi ċċarat fil-qafas tal-eżerċizzju tagħha tar-REFIT attwali li għaddej bħalissa.

Il-protezzjoni tad-data u l-privatezza skont id-disinn u l-prinċipji awtomatiċi u l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-protezzjoni tad-data huma ta’ importanza ċentrali fit-tfassil u l-inġinerija tas-sistemi tas-C-ITS bażiċi, b’mod speċjali fil-kuntest tal-iskema tas-sigurtà tal-komunikazzjoni applikata. Ir-risposti għall-konsultazzjoni pubblika jindikaw li meta jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet ir-rieda tal-utenti aħħarin li jagħtu l-kunsens għax-xandir tad-data mhijiex ostakolu, b’mod partikolari meta d-data se tintuża biex ittejjeb is-sikurezza tat-triq jew il-ġestjoni tat-traffiku.

Azzjonijiet speċifiċi

Il-fornituri tas-servizzi tas-C-ITS għandhom joffru termini u kundizzjonijiet trasparenti lill-utenti aħħarin, bl-użu ta’ lingwa ċara u sempliċi b’mod intelliġibbli u f’forom li huma aċċessibbli faċilment, li jippermettilhom jagħtu l-kunsens informat tagħhom b’mod liberu għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

Fl-2018 il-Kummissjoni se tippubblika l-ewwel gwida dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza skont id-disinn u b'mod awtomatiku, speċifikament relatata mas-C-ITS.

L-inizjattivi tal-varar tas-C-ITS għandhom:

ojaħdmu fuq kampanji informattivi biex joħolqu l-fiduċja neċessarja fost l-utenti aħħarin u jiksbu l-aċċettazzjoni tal-pubbliku;

ojuru kif l-użu tad-data personali jista’ jtejjeb is-sikurezza u l-effiċjenza tas-sistema tat-trasport filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza;

ojikkonsultaw mal-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data tal-UE biex jiżviluppaw mudell ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data bbażat fuq is-settur biex jintuża meta jiġu introdotti servizzi ġodda tas-C-ITS.

3.3.It-teknoloġiji u l-frekwenzi tal-komunikazzjoni

Il-messaġġi tas-C-ITS se jkunu trażmessi għal firxa wiesgħa ta’ servizzi, f’sitwazzjonijiet differenti tat-trasport u bejn atturi differenti. B’mod ġenerali, is-sewwieqa ma jimpurtahomx liema teknoloġija tal-komunikazzjoni tintuża biex tittrażmetti l-messaġġi tas-C-ITS, iżda se jistennew dejjem iżjed li jirċievu madwar l-Ewropa u mingħajr xkiel l-informazzjoni kollha dwar il-kundizzjonijiet tat-traffiku u tas-sikurezza. Dan jista’ jinkiseb biss permezz ta’ approċċ tal-komunikazzjoni ibrida, jiġifieri bil-kombinazzjoni ta’ teknoloġiji tal-komunikazzjoni kumplimentari.

Sabiex jiġu appoġġjati s-servizzi kollha tas-C-ITS min-naħa tal-vetturi, it-taħlita tal-komunikazzjoni ibrida sħiħa trid tkun abbord 27 . Min-naħa tal-infrastruttura l-għażla tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni se tiddependi fuq il-post, it-tip ta’ servizz u l-kosteffiċjenza. Il-messaġġi tas-C-ITS ma għandhomx ikunu jafu, u għalhekk għandhom ikunu flessibbli dwar it-teknoloġija tal-komunikazzjoni użata, li tiffaċilita l-inklużjoni ta’ teknoloġiji futuri (eż. il-komunikazzjoni 5G 28 u bis-satellita11) fit-taħlita tal-komunikazzjoni ibrida.

Fil-preżent, it-taħlita promettenti ħafna tal-komunikazzjoni ibrida hija kombinazzjoni tal-ETSI ITS-G5 u n-netwerks ċellulari eżistenti. Din tiżgura l-aħjar appoġġ possibbli għall-varar tas-servizzi kollha tas-C-ITS ta’ Jum 1. Din tikkombina latenza baxxa għal messaġġi tas-C-ITS relatati mas-sikurezza, u li huma urġenti, ma' kopertura ġeografika wiesgħa u aċċess għal gruppi ta’ utenti kbar.

Fl-2008, il-Kummissjoni ddeżinjat banda ta’ frekwenzi speċifika għal applikazzjonijiet relatati mas-sikurezza 29 . Il-varar inizjali għal komunikazzjoni fuq medda qasira bejn vettura u oħra u bejn vettura u infrastruttura se jkun ibbażat fuq l-ETSI ITS-G5 u se juża din il-banda. Sabiex jiġu ssalvagwardjati l-applikazzjonijiet eżistenti u futuri relatati mas-sikurezza minn interferenza li tagħmel il-ħsara, il-koeżistenza ma’ applikazzjonijiet oħra li jużaw baned kontigwi jew l-istess spettru trid tiġi żgurata. Tekniki ta’ mitigazzjoni adegwati jridu jiġu definiti u implimentati (eż. il-koeżistenza mal-pedaġġ) u l-allokazzjoni tal-ispettru għandha tiġi vvalutata b’attenzjoni (eż. l-effett tal-estensjoni tan-Netwerk taż-Żona Lokali tar-Radju f’din il-banda ta’ frekwenzi).

Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika taw appoġġ mifrux għall-approċċ tal-komunikazzjoni ibrida. Inqas minn 5 % ma jaqblux mal-varar inizjali bbażat fuq l-ETSI ITS-G5, u l-maġġoranza kbira jaraw il-5G li għandu rwol importanti fuq terminu twil.

Azzjonijiet speċifiċi

L-awtoritajiet tat-triq, il-fornituri tas-servizzi, il-manifatturi tal-vetturi u tat-tagħmir tar-radju u atturi industrijali oħra għandhom jadottaw strateġija għal komunikazzjoni ibrida fl-akkwist u l-produzzjoni tas-serje sabiex jappoġġjaw il-lista sħiħa tas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1.

L-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet li jappoġġjaw is-servizzi tas-C-ITS għandhom jimmaniġġjaw b’mod xieraq it-tagħbija tan-netwerk għas-servizzi tas-C-ITS relatati mas-sikurezza tat-triq.

Il-Kummissjoni se żżomm id-deżinjazzjoni tal-ispettru użat mill-ETSI ITS-G5 għal servizzi tal-ITS relatati mas-sikurezza u miżuri ta’ appoġġ li jipproteġu din il-banda ta’ frekwenzi minn interferenza li tagħmel il-ħsara, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll internazzjonali (l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni tan-NU u l-Konferenza Ewropea ta’ Amministrazzjonijiet tal-Posta u tat-Telekomunikazzjoni).

L-inizjattivi tal-varar tas-C-ITS għandhom jimplimentaw it-tekniki ta’ mitigazzjoni rilevanti għall-koeżistenza skont l-istandards u l-proċeduri tal-ETSI.

3.4.L-interoperabbiltà fil-livelli kollha

Sistema tat-trasport integrata tiddependi fuq l-interoperabbiltà tal-komponenti tagħha. Dan ifisser li s-sistemi jridu jkunu kapaċi jinteraġġixxu ma’ xulxin, bejn fruntiera u oħra u minn modalità tat-trasport għal oħra, fil-livelli kollha: l-infrastruttura, id-data, is-servizzi, l-applikazzjonijiet u n-netwerks. Filwaqt li l-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni huma meħtieġa, dawn waħedhom mhumiex biżżejjed biex jiżguraw l-interoperabbiltà. L-ispeċifikazzjonijiet tal-varar tal-UE għalhekk għandhom jiġu definiti u miftiehma. Dan jinkludi l-iżgurar li l-istandards tal-UE applikabbli 30 jkunu mifhuma u applikati b’mod konsistenti.

Għal dan il-għan, l-inizjattivi tal-varar tas-C-ITS fl-UE għandhom jiddefinixxu u jippubblikaw il-profili tal-komunikazzjoni tas-C-ITS meħtieġa biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1. Dawn għandhom jiżviluppaw ukoll proċeduri tal-ittestjar għall-kontroll tal-interoperabbiltà ta’dawn il-profili. L-għoti ta’ aċċess reċiproku għall-profili tal-komunikazzjoni se jiżgura li l-aħjar prattiki u l-lezzjonijiet mgħallma mill-operazzjoni fil-ħajja reali jiġu kondiviżi. Dan għandu jwassal ukoll għal konverġenza gradwali tal-profili, li toħloq il-kundizzjonijiet għall-interoperabbiltà madwar l-UE. L-għan huwa li jiġi ffaċilitat suq uniku għas-servizzi tas-C-ITS fl-Ewropa bbażat fuq profili tal-komunikazzjoni komuni, li, madankollu, iħalli l-ispazju għal servizzi innovattivi fil-futur.

Fl-2016, l-Istati Membri u l-Kummissjoni nedew il-Pjattaforma C-Roads 31 biex jikkollegaw l-attivitajiet tal-varar tas-C-ITS, jiżviluppaw b’mod konġunt u jikkondividu speċifikazzjonijiet tekniċi u jivverifikaw l-interoperabbiltà permezz tal-ittestjar tal-cross-site. Maħluqa fil-bidu għall-inizjattivi tal-varar tas-C-ITS ikkofinanzjati mill-UE, C-Roads hija miftuħa għall-attivitajiet kollha tal-varar għall-ittestjar tal-interoperabbiltà.

Azzjonijiet speċifiċi

Il-Kummissjoni se tagħmel użu sħiħ mill-pjattaforma C-Roads bħala l-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni għall-varar tas-C-ITS fil-livell operazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jingħaqdu mal-pjattaforma C-Roads għall-ittestjar u l-validazzjoni, biex jiżguraw l-interoperabbiltà tas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1 madwar l-UE.

L-inizjattivi tal-varar tas-C-ITS għandhom jikkompletaw il-profili tal-komunikazzjoni tas-C-ITS u jippubblikawhom flimkien mal-istandards tal-ittestjar u tal-validazzjoni applikabbli.

Il-pjattaforma C-Roads għandha tibda tiżviluppa testijiet tas-sistema fuq il-bażi tal-profili tal-komunikazzjoni komuni fi żmien sena mill-bidu tal-proġett, u tagħti aċċess sħiħ għal dawn il-profili tal-komunikazzjoni lil partijiet terzi u lill-atturi tal-industrija, li għandhom jużaw dawn l-opportunitajiet għall-validazzjoni.

3.5.Valutazzjoni tal-konformità

Il-varar mingħajr xkiel tas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1 jeħtieġ qafas effettiv ta’ valutazzjoni ta' konformità li jippermetti li s-servizzi jiġu kkontrollati skont ir-rekwiżiti tas-sistema fl-UE. B’mod speċjali għal applikazzjonijiet relatati mas-sikurezza tat-triq, hemm interess pubbliku b’saħħtu fl-iżvilupp ta’ qafas bħal dan għall-elementi prinċipali tan-netwerk tas-C-ITS bħas-sigurtà, il-privatezza jew l-interoperabbiltà, biex jiġi żgurat li s-sewwieqa jirċievu twissijiet konsistenti f’ambjenti tat-traffiku differenti madwar l-UE.

L-ewwel pass għall-istabbiliment ta’ qafas bħal dan se jkun li jiġu definiti rekwiżiti minimi komuni għall-varar tas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1, ivvalidati mill-partijiet interessati rilevanti kollha. Dan se jipprovdi l-bażi meħtieġa biex jiġi żviluppat b’mod konġunt proċess ta’ valutazzjoni tal-konformità sħiħ għas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1. Dan huwa wkoll prerekwiżit għall-introduzzjoni ta’servizzi ġodda (eż tal-Jum 2) jew l-estensjoni ta’ servizzi eżistenti f’oqsma ta’ applikazzjoni ġodda (eż. vetturi kompletament awtomatizzati u l-komunikazzjonijiet tagħhom). Prinċipju ta’ gwida importanti għall-attivitajiet kollha futuri tal-implimentazzjoni huwa li dawn iridu jikkonformaw kemm min-naħa tal-infrastruttura kif ukoll tal-vetturi mal-lista sħiħa tas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1.

Azzjonijiet speċifiċi

L-inizjattivi tal-varar tas-C-ITS għandhom jgħinu jiddefinixxu proċess ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1 u jippubblikawh biex jiżguraw li partijiet terzi jkollhom aċċess sħiħ.

Il-Kummissjoni se tappoġġja l-inizjattivi tal-varar fl-iżvilupp ta’ proċess ta’ valutazzjoni tal-konformità komuni sħiħ għall-elementi kollha prinċipali biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi tas-C-ITS u jiġu kkunsidrati l-estensjonijiet potenzjali tas-servizzi.

3.6.Qafas legali

Jekk l-UE trid tagħmel użu mis-servizzi tas-C-ITS ta’ Jum 1 fl-2019, l-investimenti u l-oqfsa regolatorji jeħtieġu jikkonverġu madwar l-Ewropa. L-iżviluppi teknoloġiċi rapidi u l-kumplessità tal-kwistjonijiet involuti jfissru li huwa meħtieġ il-qafas legali ġust. Il-Kummissjoni temmen li dan il-qafas jeħtieġ jiġi żviluppat permezz tat-tagħlim bl-esperjenza, bl-użu ta’ feedback minn u l-interazzjoni bejn l-inizjattivi tal-varar tas-C-ITS u l-Pjattaforma tas-C-ITS.

Bħala riżultat ta’ dan il-proċess, u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-użu tad-Direttiva dwar l-ITS 2010/40/UE 32 . Jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll strumenti legali oħra, eż għall-proċessi tal-valutazzjoni tal-konformità. Il-konsultazzjoni pubblika wriet li 70 % ta’ dawk li wieġbu huma favur l-azzjoni tal-Kummissjoni biex tappoġġja kemm it-tagħmir tal-komunikazzjoni fil-vetturi kif ukoll il-varar tas-servizzi tas-C-ITS magħżula.

Azzjonijiet speċifiċi

Il-Kummissjoni se tikkunsidra, fejn xieraq, li tuża l-mandat tagħha skont id-Direttiva dwar l-ITS biex tadotta att(i) delegat(i) sal-2018 dwar:

l-iżgurar tal-kontinwità tas-servizzi tas-C-ITS

l-istabbiliment ta’ regoli li jiżguraw is-sigurtà tal-komunikazzjonijiet tas-C-ITS

l-iżgurar tal-implimentazzjoni prattika tar-Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Data Ġenerali fil-qasam tas-C-ITS

l-iżgurar ta’ approċċ tal-komunikazzjoni ibrida li jħares ’il quddiem

l-istabbiliment ta’ regoli dwar l-interoperabbiltà

l-istabbiliment ta’ regoli dwar il-proċessi tal-valutazzjoni tal-konformità

3.7.Kooperazzjoni internazzjonali

Il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati hija fundamentali peress li s-swieq qed jiġu żviluppati globalment. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom interess li jitgħallmu minn xulxin u jiżguraw varar rapidu ta’ teknoloġiji ġodda. L-industrija wkoll għandha interess kbir fil-kooperazzjoni internazzjonali, għaliex qed tfittex swieq globali meta tiżviluppa tagħmir, servizzi u mudelli tan-negozju.

L-UE diġà bbenefikat mill-kooperazzjoni mal-Awstralja, il-Ġappun, Singapore u l-Istati Uniti fl-oqsma bħar-riċerka, is-sigurtà u l-armonizzazzjoni tal-istandards. L-UE għandha tibqa’ involuta mas-sħab internazzjonali biex tkompli tibbenefika mill-esperjenzi tagħhom, b’mod speċjali dawk li bbenefikaw minn inizjattivi ta’ varar fuq skala kbira.

Dan jinkludi l-promozzjoni tal-istandardizzazzjoni internazzjonali (eż. ir-regolamentazzjoni tal-vetturi u r-regoli tat-traffiku fil-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti), il-protezzjoni tal-privatezza tal-individwi u d-data personali tagħhom u ċ-ċibersigurtà, filwaqt li jiġu indirizzati l-aspetti legali u tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tar-riċerka.

Il-G7 żviluppa wkoll f’arena importanti għall-koordinazzjoni u l-konverġenza tal-politika fil-livell internazzjonali. Reċentement il-ministri tat-trasport tal-G7 qablu dwar żewġ dikjarazzjonijiet biex jappoġġjaw il-kummerċjalizzazzjoni bikrija sikura u effettiva tat-teknoloġiji tal-vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati.

Azzjonijiet speċifiċi

Il-Kummissjoni se:

tippromwovi l-konverġenza u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ żvilupp u varar tas-C-ITS f’kooperazzjoni ma’ sħab u inizjattivi internazzjonali.

tkompli timpenja ruħha fil-ġemellaġġ ta’ proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ Orizzont 2020 fil-qasam tal-ITS ma’ proġetti simili f’pajjiżi terzi.

4.Konklużjoni

Il-varar ikkoordinat u rapidu ta’ vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzat fit-trasport tat-triq jeħtieġ azzjoni urġenti tal-UE. Jekk jirnexxi, il-varar ta’ dawn il-vetturi se jagħmel kontribuzzjoni importanti għat-titjib tas-sigurtà tat-toroq, iżid l-effiċjenza tat-trasport tat-triq, u jiżgura l-kompetittività tal-industrija tal-UE.

Permezz ta’ din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni tilħaq l-ewwel tragward fil-ħolqien ta’ strateġija Ewropea għall-varar ta’ vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzat, kif mitlub fid-Dikjarazzjoni ta’ Amsterdam. Flimkien ma’ inizjattivi oħra għat-toroq li l-Kummissjoni qed tippjana li tadotta fl-2017, din il-Komunikazzjoni għandha tikkontribwixxi biex tifforma s-sistema tat-trasport tat-triq tal-UE tal-futur u biex tissupera l-isfidi prinċipali li qed tiffaċċja llum. L-azzjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dan l-għan u l-perjodu ta’ żmien ġew identifikati u jeħtieġu sforz konġunt mill-atturi kollha involuti.

Il-Kummissjoni se tara li tiżgura sinerġiji u koerenza bejn inizjattivi kontinwi u futuri u tappoġġja l-pożizzjoni ewlenija tal-Unjoni fil-qasam tal-vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati. Din tappella lill-partijiet kollha kkonċernati, u b’mod partikolari lill-Istati Membri u lill-industrija, biex jappoġġjaw l-approċċ ippreżentat f’din il-Komunikazzjoni, u jikkollaboraw fil-livelli kollha u tul is-setturi biex fl-2019 jinbeda b’suċċeess il-varar tas-sistemi tat-trasport intelliġenti u kooperattivi.

(1)

Aktar minn 70 % tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra mit-trasport, 39 % ta’ NOx u 13 % ta’ materja partikolata

(2)

Strateġija Ewropea għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi, COM(2016) 501 final

(3)

Fil-preżent l-ispejjeż globali tal-konġestjoni huma stmati għal 1 % tal-PDG ( EC JRC , 2012)

(4)

Strateġija ta' Qafas għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il Quddiem - COM(2015) 80 final , ANNESS 1

(5)

Id-Diġitizzazzjoni tal-Industrija Ewropea - COM(2016) 180 , SWD(2016) 110

(6)

Roland Berger, autonomous driving, Think:Act, Diċembru 2014

AT Kearney, Roadmap towards Autonomous Driving, Settembru 2015

KPMG, Connected and autonomous vehicles - the UK economic opportunity, Marzu 2015

Strategy&, Connected car report 2016: Opportunities, risk, and turmoil on the road to autonomous vehicles,

Settembru 2016.

(7)

Kooperazzjoni tfisser li l-vetturi jwissu lil xulxin dwar sitwazzjonijiet potenzjalment perikolużi (eż. f’każ ta’ brejk ta’ emerġenza jew it-tmiem ta’ kju ta’ konġestjoni tat-traffiku) u jikkomunikaw mal-infrastruttura lokali tat-triq (eż. is-sinjali tat-traffiku għall-aħjar parir dwar il-veloċità). Barra dan, il-komunikazzjoni bidirezzjonali bejn il-vetturi u ċ-ċentri tal-kontroll tat-traffiku tippermetti li l-problemi jiġu identifikati aktar malajr (eż. il-konġestjonijiet tat-traffiku jew uċuħ iffriżati) u l-mitigazzjoni tal-effetti tagħhom billi l-utenti tat-triq jingħataw parir aħjar u aktar malajr.

(8)

Il-laqgħa tal-G7 fil-Ġermanja, Settembru 2015. Id-Dikjarazzjoni tal-G7 dwar is-sewqan awtomatizzat u konness

Il-laqgħa tal-G7 fil-Ġappun, Settembru 2016: Id-Dikjarazzjoni tal-G7 dwar l-Iżvilupp u l-Użu Mifrux

tat-Teknoloġija Avvanzata għall-Vetturi u t-Toroq

(9)

  Il-Kuritur Kooperattiv tal-ITS Rotterdam – Frankfurt/M. Vjenna

(10)

  Il-Grupp ta’ Amsterdam : alleanza bejn l-awtoritajiet tat-toroq (l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Operaturi tal-Infrastrutturi tat-Triq tal-Pedaġġ, il-Konferenza tad-Diretturi Ewropej tat-Toroq), l-ibliet attivi f’POLIS (Netwerk ta’ bliet u reġjuni Ewropej) u l-industrija tal-vetturi organizzata fil-Konsorzju tal-Komunikazzjoni Car2Car

(11)

Strateġija dwar l-Ispazju għall-Ewropa, COM(2016)705

(12)

  Id-Dikjarazzjoni ta’ Amsterdam dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sewqan konness u awtomatizzat, 14 ta’ April 2016

(13)

Il-Konsorzju tal-Komunikazzjoni Car2Car Stqarrijiet għall-Istampa , Ottubru 2015

(14)

Il-Pjattaforma għall-Ivarar tas-C-ITS fl-Unjoni Ewropea (Pjattaforma tas-C-ITS - imnedija f’Novembru 2014 bħala Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni) ipprovdiet strument operattiv għad-djalogu, l-iskambju ta’ għarfien tekniku u l-kooperazzjoni fost il-Kummissjoni, il-partijiet interessati pubbliċi mill-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali/reġjonali u l-partijiet interessati privati bħal pereżempju l-manifatturi tal-vetturi, il-manifatturi tat-tagħmir, l-operaturi tat-triq, l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u l-fornituri tas-servizzi.

(15)

  Rapport Finali tal-Pjattaforma tas-C-ITS , Jannar 2016

(16)

  Study on the Deployment of C-ITS in Europe: Final Report , Frar 2016

(17)

  Analysis of responses to the public consultation on C-ITS (DĠ MOVE, miftuħ Ġunju - Settembru 2016)

(18)

Kofinanzjament tal-UE ta’ iżjed minn EUR 130 Miljun waħdu sa mill-2014 permezz tas-CEF u H2020 fuq is-suġġett tal-vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati

(19)

AT, BE, CZ, DE, DK, ES, FI, FR, NL, NO, SE, SI, UK

(20)

  Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali, Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa , Mejju 2016

(21)

Skont ir-rapport finali tal-Pjattaforma tas-C-ITS dawn huma:

- lista “Jum 1” tas-servizzi tas-C-ITS miftiehma komunement għall-varar madwar l-UE;

- viżjoni komuni biex tiġi ttrattata ċ-ċibersigurtà ddettaljata f’Mudell ta’ Fiduċja miftiehem;

- valutazzjoni tal-benefiċċji tas-C-ITS madwar l-Ewropa, ibbażata fuq approċċ ta’ komunikazzjoni ibrida;

- prinċipji ta’ gwida għall-aċċess għad-data fil-vetturi. Hija meħtieġa analiżi ulterjuri legali u teknika u l-iżvilupp ta’ xenarji fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tas-soluzzjonijiet tekniċi possibbli. Ir-riżultati ta’ studju dedikat tal-Kummissjoni se jkunu disponibbli f’nofs l-2017;

- analiżi ddettaljata tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, li tikkostitwixxi bażi soda għal xogħol ulterjuri fuq l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ġodda li jirriżultaw mir-Regolament ġdid dwar il-Protezzjoni ta’ Data Ġenerali.

(22)

Id-dokumenti ta’ politika komuni tas-sigurtà u ċ-ċertifikazzjoni pereżempju jiddefinixxu l-mudell ta’ Fiduċja tas-C-ITS Ewropew ibbażat fuq Infrastruttura taċ-Ċavetta Pubblika. Dawn sejrin, fost affarijiet oħra, jiddefinixxu r-rekwiżiti legali, organizzattivi u tekniċi għall-ġestjoni taċ-ċertifikati prinċipali pubbliċi għas-servizzi tas-C-ITS fuq il-bażi tal-istrutturi identifikati f’(IETF) RFC 3647.

(23)

F’dan il-kuntest, l-infrastruttura taċ-ċavetta pubblika hija l-kombinazzjoni ta’ softwer, teknoloġiji kriptografiċi asimmetriċi, proċessi, u servizzi li jippermettu biex organizzazzjoni tiżgura l-komunikazzjonijiet tas-C-ITS.

(24)

It-Takografu Diġitali jirreġistra l-attivitajiet tas-sewwieqa professjonali (is-sigħat ta’ serħan u ta’ sewqan). Dan jipprovdi informazzjoni affidabbli lill-korpi tal-infurzar tal-UE li jikkontrollaw il-konformità mar-Regolament Soċjali (KE) Nru 561/2006: https://dtc.jrc.ec.europa.eu/ . Verżjoni ġdida tat-Takografu Diġitali (Takografu Intelliġenti) ġiet definita fir-Regolament (KE) Nru 165/2014.

(25)

  Ir-Regolament (UE) 2016/679 - Ir-Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Data Ġenerali, applikabbli sa mill-25 ta’ Mejju 2018

(26)

  Id-Direttiva 2002/58/KE tat-12 ta’ Lulju tal-2002

(27)

Il-konformità mad-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju 2014/53/UE

(28)

  COM(2016)588 : 5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni u Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah  SWD(2016)306

(29)

  Id-Deċiżjoni 2008/671/KE

(30)

M/453 (2009): Il-Mandat tal-Istandardizzazzjoni indirizzat lil CEN, CENELEC u ETSI fil-qasam tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni biex jappoġġja l-Interoperabbiltà tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi fil-Komunità Ewropea;

M/284,329,358,363 taħt l-RTTED (1999/5/KE), issa konsolidata taħt M/536 taħt l-RED.

(31)

Il- Pjattaforma C-Roads hija kkofinanzjata taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF)

(32)

Id-Direttiva dwar l-ITS 2010/40/UE tista’ tintuża bħala l-bażi biex jiġi adottat sett ta’ regoli koerenti fil-livell tal-UE sabiex jinħoloq suq uniku għal vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati. Id-Direttiva tidentifika fl-Artikolu 2 tagħha l-oqsma ta' prijorità għall-iżvilupp u l-użu ta’ speċifikazzjonijiet u standards, li fosthom hemm inkluż il-qasam tal-kollegament tal-vettura mal-infrastruttura tat-trasport. L-azzjonijiet li jridu jittieħdu f’dan il-qasam prijoritarju huma mogħtija f’aktar dettall fl-Anness 1 għal din id-Direttiva u jinkludu, fost oħrajn, id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġu integrati l-applikazzjonijiet differenti tal-ITS fuq pjattaforma miftuħa fil-vetturi u biex isir aktar progress relatat mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi kooperattivi (bejn vettura u oħra, bejn vettura u l-infrastruttura, u bejn infrastruttura u oħra). L-Artikolu 6 tal-istess Direttiva jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta speċifikazzjonijiet li jiżguraw il-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għall-varar u l-użu operazzjonali tal-ITS biex jittieħdu azzjonijiet oħra fl-oqsma prijoritarji identifikati fl-Artikolu 2. Dawk l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jiġu adottati permezz ta’ att delegat. Barra dan, il-Kummissjoni tista’ tuża wkoll is-setgħa mogħtija lilha fil-qasam prijoritarju III li huwa relatat ma’ applikazzjonijiet tas-sikurezza u tas-sigurtà tat-triq tal-ITS u li huma mogħtija f’aktar dettall fil-punt 4 tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ITS. Il-Kummissjoni qed tipprepara l-estensjoni tal-perjodu ta’ żmien tal-mandat biex tadotta atti delegati skont id-Direttiva dwar l-ITS 2010/40/UE.