Brussell, 26.10.2016

COM(2016) 705 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġia Spazjali għall-Ewropa


L-Ispazju għall-Ewropa jfisser ħafna.

L-Ewropa — l-Istati Membri, l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), l-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni ta’ Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT) u l-UE — kisbet bosta suċċessi fl-ispazju b’teknoloġiji innovattivi u missjonijiet ta' esplorazzjoni, bħall-missjoni Rosetta tal-ESA, bil-kapaċitajiet uniċi tal-osservazzjoni u tal-meteoroloġija tad-Dinja, bħal Meteosat, u bis-sistemi tat-telekomunikazzjoni u ta' llanċjar fl-ispazju bil-grupp Ariane u Vega. L-Ewropa llum għandha t-tieni l-akbar baġit pubbliku għas-settur tal-ispazju fid-dinja 1 bi programmi u faċilitajiet ta’ pajjiżi Ewropej differenti. Bejn l-2014 u l-2020, l-UE waħedha se tinvesti aktar minn EUR 12-il biljun f’attivitajiet spazjali. Għandha sistemi spazjali ta’ klassi dinjija b’Copernicus 2 għall-osservazzjoni tad-Dinja, EGNOS 3 u Galileo 4 għan-navigazzjoni satellitari u l-ġeopożizzjonament. Bi 18-il satellita attwalment fl-orbita u aktar minn 30 ippjanati fl-10 sal-15-il sena li ġejjin, l-UE hija l-akbar klijent istituzzjonali għas-servizzi ta' llanċjar spazjali fl-Ewropa.

It-teknoloġiji spazjali, id-dejta u s-servizzi saru indispensabbli fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej: meta jużaw it-telefon ċellulari u s-sistemi ta’ navigazzjoni tal-karozzi, jaraw it-televixin bis-satellita jew jiġbdu l-flus. Is-satelliti jipprovdu informazzjoni immedjata fil-każ ta’ diżastri, bħal terremoti, nirien fil-foresti jew għargħar, u dan jippermetti lit-timijiet ta’ emerġenza u ta’ salvataġġ jikkoordinaw aħjar l-isforzi tagħhom. L-agrikoltura tibbenefika minn użu mtejjeb tal-art. L-infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija hija aktar sikura u tista’ titmexxa b’mod aktar effiċjenti bis-saħħa tat-teknoloġiji bis-satellita. L-isfidi globali minħabba l-popolazzjonijiet li qed jikbru, id-domanda ikbar għal riżorsi u t-tibdil fil-klima jeħtieġu informazzjoni dwar il-pjaneta tagħna li tista' tiġi pprovduta aktar faċilment permezz ta' soluzzjoni bbażata fl-ispazju.

It-teknoloġiji spazjali, id-dejta u s-servizzi jistgħu jappoġġjaw bosta politiki tal-UE u prijoritajiet politiċi ewlenin, inkluż il-kompetittività tal-ekonomija tagħna, il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, is-Suq Uniku Diġitali u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali. L-ispazju huwa wkoll ta’ importanza strateġika għall-Ewropa. Isaħħaħ ir-rwol tal-Ewropa bħala parteċipant globali aktar b’saħħtu u huwa assi tas-sigurtà u tad-difiża tagħha. Il-politika spazjali tista’ tgħin biex tingħata spinta lill-impjiegi, lit-tkabbir u lill-investimenti fl-Ewropa. L-investiment fl-ispazju jkabbar il-limiti tax-xjenza u tar-riċerka. L-Ewropa għandha settur spazjali ta’ klassi dinjija, b'industrija tal-manifattura tas-satelliti b'saħħitha, li għandha madwar 33 % tas-swieq globali miftuħa u settur dinamiku tas-servizzi downstream b'għadd kbir ta’ SMEs. L-ekonomija tal-ispazju Ewropea, inkluż il-manifattura u s-servizzi, timpjega aktar minn 230 000 professjonist u l-valur tagħha ġie stmat għal EUR 46-54 biljun fl-2014, li jirrappreżenta madwar 21% tal-valur tas-settur spazjali globali 5 .

Il-kuntest spazjali internazzjonali b’mod ġenerali qed jinbidel b’rata mgħaġġla: qed tiżdied il-kompetizzjoni. operaturi ġodda qed iġibu sfidi u ambizzjonijiet ġodda fl-ispazju; l-attivitajiet fl-ispazju qed isiru dejjem aktar kummerċjali b’aktar involviment mis-settur privat; u l-bidliet teknoloġiċi kbar qegħdin joħolqu nuqqas ta' stabbiltà fil-mudelli industrijali u kummerċjali tradizzjonali fis-settur, bl-ispejjeż tal-aċċess u tal-użu tal-ispazju dejjem jonqsu. It-taħlita ta’ dejta spazjali u teknoloġiji diġitali u sorsi oħra ta’ dejta jiftħu bosta opportunitajiet ta' kummerċ għall-Istati Membri kollha.

L-Ewropa trid taħdem flimkien biex iġġib 'il quddiem il-pożizzjoni tagħha bħala leader fl-ispazju, trid iżżid is-sehem tagħha fis-swieq dinjija tal-ispazju, u trid taħtaf il-benefiċċji u l-opportunitajiet li l-ispazju joffrulha. Abbażi tal-Artikolu 189 tat-Trattat (TFUE), il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi strateġija dwar l-Ispazju ġdida għall-Ewropa ffokata fuq erba’ għanijiet strateġiċi.

1.L-isfruttament totali tal-benefiċċji tal-ispazju għas-soċjetà u għall-ekonomija tal-UE

Il-potenzjal tas-soluzzjonijiet spazjali għadu ma ġiex sfruttat għalkollox, u lanqas il-possibbiltajiet usa’ tad-dejta spazjali. Is-settur spazjali jeħtieġ li jkun marbut aħjar ma’ politiki oħra u oqsma ekonomiċi fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri kollha. Il-potenzjal tal-programmi spazjali tal-UE Copernicus, EGNOS u Galileo jridu jiġu sfruttati aħjar. L-għan tal-Kummissjoni huwa li jiġu ottimizzati l-benefiċċji li l-ispazju jġib lis-soċjetà u lill-ekonomija usa’ tal-UE. Il-kisba ta' dan tfisser spinta fid-domanda fost l-utenti pubbliċi u privati, iffaċilitar tal-aċċess u tal-użu tad-dejta spazjali, u stimolu għall-iżvilupp u għall-użu ta’ applikazzjonijiet innovattivi downstream. Tfisser ukoll li jkun żgurat li jkun hemm kontinwità u żvilupp orjentat lejn l-utent tal-programmi spazjali tal-UE.

1.1.L-inkoraġġament tal-użu tad-dejta u tas-servizzi spazjali

Id-dejta u s-servizzi li ġejjin minn sistemi spazjali, inkluż l-immaġni bis-satellita, l-informazzjoni bil-ġeopożizzjonament u l-komunikazzjoni bis-satellita diġà jikkontribwixxu għal għadd ta’ politiki pubbliċi u ta' setturi ekonomiċi: mill-ħarsien tal-ambjent sas-sikurezza fit-trasport, il-biedja bi preċiżjoni, il-kontroll tal-ħażniet tal-ħut, il-monitoraġġ ta’ rotot ta’ tbaħħir u d-detezzjoni tat-tixrid taż-żejt, sal-ippjanar urban u reġjonali. L-oqsma potenzjali ta’ applikazzjoni huma enormi u għadhom ma ġewx sfruttati bis-sħiħ. Il-Kummissjoni għalhekk se tinkoraġġixxi l-użu tas-servizzi spazjali, tad-dejta u tal-applikazzjonijiet fil-politiki tal-UE kull meta dawn jipprovdu soluzzjonijiet effettivi. Se tara li l-leġislazzjoni tal-UE tkun favur l-adozzjoni tagħhom u se twettaq reviżjonijiet regolari sabiex jiġu identifikati l-ostakli u l-opportunitajiet ġodda, inkluż simplifikazzjonijet amministrattivi.

Il-Kummissjoni se tieħu miżuri konkreti, inkluż miżuri regolatorji meta jkunu ġġustifikati u ta’ benefiċċju 6 , biex tintroduċi s-sistema Galileo fi swieq jew oqsma speċifiċi, bħat-telefons ċellulari, l-infrastruttura Ewropea kritika u l-avjazzjoni. Settijiet li jikkonsistu f'ċirkwiti elettroniċi u riċevituri ġodda introdotti fis-suq Ewropew għandhom ikunu kompatibbli mas-sistemi Galileo u EGNOS. Biex toffri s-sostenn tagħha lill-isforz industrijali, il-Kummissjoni se tistabbilixxi skema volontarja ta’ tikkettar u ċertifikazzjoni.

Fuq perjodu ta’ żmien itwal, il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-użu ta' soluzzjonijiet spazjali permezz ta’ miżuri ta' standardizzazzjoni u pjanijiet direzzjonali u bl-integrazzjoni tal-ispazju fi strateġiji futuri li jindirizzaw, pereżempju, karozzi konnessi u awtonomi, ferroviji, l-avjazzjoni u vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (droni). Il-Kummissjoni se tvara pjan Ewropew għan-navigazzjoni bir-radju biex tiffaċilita l-introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet tas-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita fil-politiki settorjali.

Dan l-isforz għandu jiġi appoġġjat minn miżuri ta’ akkumpanjament fuq livell nazzjonali u reġjonali. Il-Kummissjoni, flimkien mal-GSA 7 u oħrajn, se torganizza kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, se tistabbilixxi netwerks ta’ appoġġ (pereżempju, Copernicus Relays u l-Akkademja Copernicus) u se tipprovdi appoġġ  tekniku fl-użu ta' akkwist transkonfinali għal soluzzjonijiet spazjali.

Copernicus huwa wieħed mill-fornituri prinċipali ta’ dejta ta’ osservazzjoni tad-Dinja. Madankollu, l-ostakli tekniċi bħalissa mhux jippermettu lill-utenti milli jisfruttaw bis-sħiħ id-dejta u l-informazzjoni ta' Copernicus. Għalhekk, il-Kummissjoni se ttejjeb l-aċċess u l-isfruttar tad-dejta spazjali billi tippermetti t-transfertilizzazzjoni tagħhom ma’ sorsi oħra ta’ dejta u tiffaċilitata l-integrazzjoni ma’ infrastrutturi ta’ riċerka diġitali, flimkien mal-inizjattiva Ewropea tal-cloud diġitali. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni se ssaħħaħ it-tixrid tad-dejta ta’ osservazzjoni tad-Dinja ġġenerata permezz ta’ Copernicus. Se tniedi pjattaforma li toffri diversi servizzi li jippermettu aċċess għal settijiet ta’ dejta addizzjonali u kapaċitajiet ta’ pproċessar onlajn li fihom l-industrija Ewropea se tieħu rwol ewlieni. Dawn il-miżuri se jiftħu opportunitajiet kummerċjali ġodda għall-industrija Ewropea, inkluż SMEs u attivitajiet kummerċjali ġodda, u permezz tagħhom l-istituzzjonijiet tar-riċerka, l-awtoritajiet pubbliċi u l-kumpaniji se jiżviluppaw u se jibbenefikaw minn soluzzjonijiet spazjali. Billi d-dejta spazjali ta’ sikwit trid tiġi sfruttata flimkien ma’ dejta mhux spazjali biex tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha għall-utenti finali, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-interoperabbiltà tas-settijiet tad-dejta, filwaqt li tibni fuq id-Direttiva INSPIRE 8 u l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà.

Rabtiet aktar qawwija mas-settur kummerċjali downstream huma essenzjali biex jiġu żviluppati applikazzjonijiet imfassla apposta, jintlaħqu utenti ġodda u biex l-ispazju jintrabat ma’ setturi oħra. Il-Kummissjoni għalhekk se tistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ qafas biex tinkoraġġixxi dawn ir-rabtiet. Se tiddefinixxi limiti ċari bejn is-servizzi b'xejn ta’ informazzjoni ewlenin tas-sistema Copernicus u l-applikazzjonijiet kummerċjali downstream. Se tintroduċi wkoll "test tal-industrija" biex tivverifika kemm il-fornituri downstream huma kapaċi jipprovdu servizz affidabbli u affordabbli.

Il-komunikazzjonijiet bis-satellita u mill-ispazju jistgħu jtejbu wkoll il-konnettività għas-soċjetà diġitali u l-ekonomija tal-Ewropa. Is-satelliti jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet kosteffikaċi b’mod partikolari biex jiġu konnessi assi u persuni f’żoni mbiegħda u lil hinn mill-kosta, jew bħala parti minn netwerks 5G tal-futur, fejn diversi applikazzjonijiet u servizzi li jużaw dejta spazjali se jeħtieġu wkoll konnettività mingħajr interruzzjoni. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tippromwovi oqfsa ta’ kooperazzjoni fit-tul li jinkoraġġixxu l-interoperabilità ta’ teknoloġiji satellitari u terrestri u tiġbor flimkien il-komunitajiet kummerċjali rispettivi.

L-azzjonijiet ewlenin: Il-Kummissjoni se:

-tippromwovi l-użu tas-soluzzjonijiet Copernicus, EGNOS u Galileo fil-politiki tal-UE meta jkun iġġustifikat u ta’ benefiċċju, inkluż fuq perjodu ta' żmien qasir, b’miżuri li jintroduċu l-użu tas-sistema Galileo għat-telefons ċellulari, u l-infrastruttura kritika li tuża s-sinkronizzazzjoni tal-ħin.

-tiffaċilita l-użu tad-dejta u tal-informazzjoni tas-sistema Copernicus billi ssaħħaħ it-tixrid tad-dejta u tistabbilixxi servizzi ta' pjattaforma, bil-promozzjoni ta’ interfaċċi ma’ servizzi u dejta mhux spazjali.

-tistimula l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet spazjali b’involviment akbar ta’ atturi ġodda minn oqsma differenti.

-flimkien mal-Istati Membri u l-industrija, iġġib ’il quddiem l-użu effiċjenti tal-komunikazzjonijiet bis-satellita mmexxi mid-domanda, sabiex tħeġġeġ il-konnettività universali fl-Istati Membri kollha.

1.2.L-iżvilupp tal-programmi spazjali tal-UE u l-issodisfar tal-ħtiġijiet ġodda tal-utent

Is-settur privat juża biss u jinvesti f’soluzzjonijiet spazjali jekk l-utenti u n-negozji jħossuhom fiduċjużi li s-servizzi u d-dejta pprovduti mis-sistemi Copernicus, EGNOS u Galileo se jkomplu fil-futur. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonferma l-impenn tagħha għall-istabbiltà tal-programmi spazjali tal-UE u għat-tisħiħ tal-vantaġġi kompetittivi tas-sistemi, permezz ta’ strumenti bħall-awtentikazzjoni u l-eżattezza għolja għas-sistema Galileo. F’ambjent li qed jinbidel u suq li qed jevolvi malajr, dawn is-sistemi jridu jkomplu jiġu żviluppati biex jiġi żgurat li jipproduċu servizzi ta’ eċċellenza b’aktar effiċjenza u robustezza.

Il-Kummissjoni se timplimenta t-tielet ġenerazzjoni ta’ EGNOS biex tipprovdi titjib u tkopri aktar setturi bħal pereżempju dawk marittimi. B'dan EGNOS se ssir aktar attraenti u se ssir parti fundamentali tan-navigazzjoni bir-radju fl-Ewropa. L-għan tal-Kummissjoni huwa li ssaħħaħ it-tieni ġenerazzjoni ta’ Galileo u ta’ Copernicus bħala referenza ewlenija fil-livell globali. Dan se jitlob titjib kontinwu tas-servizzi u l-infrastruttura attwali.

Se jiġu kkunsidrati servizzi addizzjonali biex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet emerġenti f’oqsma prijoritarji speċifiċi, inkluż (i) it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli, għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ gassijiet oħra b’effett ta’ serra, l-użu tal-art u l-forestrija, u l-bidliet fl-Artiku 9 permezz tas-sistema ta' Copernicus; u (ii) is-sigurtà u d-difiża biex titjieb il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi għall-isfidi li qed jevolvu marbuta mal-kontrolli tal-fruntieri u s-sorveljanza marittima permezz ta' Copernicus u ta’ Galileo/EGNOS. Din l-espansjoni se tqies l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda f’dan is-settur, il-ħtieġa li jiġi żgurat livell adegwat ta’ sigurtà tal-infrastruttura u s-servizzi, id-disponibbiltà ta’ sorsi differenti ta’ dejta u l-kapaċità fit-tul tas-settur privat li jipprovdi soluzzjonijiet xierqa.

Il-Kummissjoni se taġġorna l-proċessi ta’ konsultazzjoni tal-utenti u se twaqqaf pjattaformi speċifiċi għall-utenti biex tiżgura li l-iżviluppi jiġu xprunati mill-ħtiġijiet tal-utenti, inkluż għal rekwiżiti marbuta mas-sigurtà. Fejn dan jista’ jkun aktar effiċjenti u jista' jiġi sfruttat il-finanzjament disponibbli, u filwaqt li jitqiesu l-esperjenzi tal-passat, il-Kummissjoni se tesplora mudelli alternattivi kummerċjali (sħubijiet pubbliċi-pubbliċi, pubbliċi-privati jew xiri ta’ servizzi).

L-azzjonijiet ewlenin: Il-Kummissjoni se:

-żżomm l-impenn tagħha favur l-istabbiltà tal-programmi spazjali tal-UE u se tħejji l-ġenerazzjonijiet il-ġodda, fuq bażi mmexxija mill-utent, biex tkompli tipprovdi servizzi ta' livell eċċellenti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tesplora mudelli alternattivi kummerċjali u tqies il-progress teknoloġiku.

-tindirizza l-ħtiġijiet emerġenti, b'mod partikolari, dawk marbuta mat-tibdil fil-klima/l-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà u d-difiża.

2.It-trawwim ta’ settur tal-ispazju Ewropew globalment kompetittiv u innovattiv

L-industrija spazjali Ewropea qed tiffaċċja kompetizzjoni globali akbar. Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-abbiltà tal-industrija li tesporta l-prodotti tagħha huma milquta minn dipendenza għolja fuq komponenti kritiċi u teknoloġiji mhux Ewropej. Proċessi industrijali innovattivi qed jirrevoluzzjonaw is-settur. L-attivitajiet spazjali huma dejjem iktar miftuħa għall-investiment privat fl-oqsma tal-komunikazzjonijiet bis-satellita, l-osservazzjoni tad-Dinja u anki lanċjaturi. L-ispazju issa huwa parti minn katina ta’ valur globali li qed tattira dejjem aktar kumpaniji ġodda u intraprendituri ġodda, l-hekk imsejjaħ "l-Ispazju l-Ġdid", li qed iwessgħu l-fruntieri tradizzjonali fis-settur spazjali. Dan jiftaħ opportunitajiet ġodda biex jiġu żviluppati prodotti, servizzi u proċessi innovattivi li minnhom tista' tibbenefika l-industrija fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jinħolqu kapaċitajiet ġodda u jingħata valur miżjud ġewwa u barra s-settur spazjali.

Jeħtieġ li l-Ewropa żżomm u tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tagħha tal-aqwa livell għall-konċepiment, l-iżvilupp, il-lanċjar, it-tħaddim u l-isfruttament ta’ sistemi spazjali. Sabiex dan jiġi żgurat, il-Kummissjoni se tappoġġja l-kompetittività tal-katina kollha tal-provvista u l-parteċipanti mill-industrija u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka. Hija se trawwem ukoll il-ħolqien ta’ ekosistema intraprenditorjali, il-ftuħ ta’ sorsi ġodda ta’ finanzjament, filwaqt li toħloq opportunitajiet ġodda ta’ negozju, u tiżgura li dan se jibbenefikaw minnu l-operaturi kummerċjali fl-Istati Membri kollha.

2.1.L-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet

L-attivitajiet ta’ riċerka spazjali fil-livell tal-UE għandhom jindirizzaw l-oqsma kollha tal-katina tal-valur industrijali spazjali b’mod ibbilanċjat u jippromwovu t-trasferiment tat-teknoloġija u t-transfertilizzazzjoni ma’ setturi oħrajn mhux spazjali. Għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għal dejta spazjali għal programmi ta’ riċerka u innovazzjoni sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal skoperti kbar ta’ riċerka u biex jintlaħaq għadd kbir ta’ segmenti tas-suq.

Fil-kuntest tal-programmi ta’ riċerka tal-UE, il-Kummissjoni se tagħti prijorità lil azzjoni li tindirizza l-vulnerabbiltà tal-ktajjen tal-provvista Ewropej billi jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ komponenti kritiċi tal-ispazju, is-sistemi u t-teknoloġiji assoċjati man-nondipendenza teknoloġika. Se tappoġġja l-ħtiġijiet tar-riċerka u l-iżvilupp fuq medda ta' żmien twil, inkluż teknoloġiji rivoluzzjonarji u alternattivi, l-aċċess għall-ispazju alternattiv u bi prezz baxx, u l-manutenzjoni fl-orbita. Barra minn hekk, se tappoġġja l-iżvilupp ta’ proċessi industrijali u għodod ta' produzzjoni ġodda, u ttejjeb l-appoġġ għall-maturità teknoloġika, inkluż attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u validazzjoni fl-orbita, biex jitnaqqas iż-żmien tal-ħruġ fis-suq.

Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li tiżgura li l-attivitajiet ta’ riċerka futuri jntegraw aħjar ir-riċerka spazjali ma’ oqsma oħra ta’ politika li jindirizzaw l-isfidi globali u tas-soċjeta. Se tinkoraġġixxi s-sinerġiji orizzontali u l-approċċi multidixxiplinari li jippermettu t-transfertilizzazzjoni tal-ideat u l-ispinning-in/off ta’ teknoloġiji spazjali u mhux spazjali. Dan se jsir b’kollaborazzjoni ma’ inizjattivi eżistenti, bħalma huma l-pjattaformi Ewropej għat-teknoloġija u l-inizjattivi teknoloġiċi konġunti. L-irbit aktar mill-qrib tar-riċerka spazjali mar-riċerka fundamentali se jgħin l-isfruttament tad-dejta spazjali xjentifika mill-missjonijiet Ewropej tax-xjenza u tal-esplorazzjoni tal-ispazju u l-iżvilupp tal-istrumentazzjoni xjentifika. Dan se jrawwem ukoll il-koperazzjoni bejn it-timijiet xjentifiċi, tal-inġinerija u dawk industrijali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se torganizza djalogi regolari mal-industrija u ma' partijiet oħra involuti fl-innovazzjoni, inkluż il-komunità tar-riċerka u l-utenti tal-applikazzjonijiet u s-servizzi, biex tindirizza aħjar il-ħtiġijiet tal-kompetittività tagħhom. Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-sjieda tal-UE, inkluż privattivi u drittijiet tal-awtur, biex tistimola l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku.

Permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-Kummissjoni se tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni fl-Istati Membri u r-reġjuni li identifikaw l-ispazju bħala prijorità fl-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom u se tiffaċilita l-kooperazzjoni transkonfinali fost l-atturi tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Bħala parti mill-Aġenda għall-Ħiliet Ġodda għall-Ewropa, il-Kummissjoni se tniedi alleanza ta’ ħiliet marbutin ma’ settur speċifiku għall-ispazju u l-osservazzjoni tad-Dinja, billi tlaqqa' flimkien il-partijiet ikkonċernati ewlenin mill-industrija, mir-riċerka, mill-universitajiet u mill-awtoritajiet pubbliċi, biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ ħiliet ġodda fis-settur. Il-Kummissjoni se trawwem kooperazzjoni eqreb mal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-komunitajiet tal-għarfien u l-innovazzjoni tiegħu u se ssaħħaħ l-attivitajiet u l-proġetti li jippromwovu s-settur tal-ispazju fl-edukazzjoni u fix-xjenzi.

L-azzjonijiet ewlenin: Il-Kummissjoni se:

-żżid l-isforzi tagħha biex tappoġġja attivitajiet ta' riċerka u żvilupp spazjali, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-ESA (l-Aġenzija Spazjali Ewropea), u se tirrevedi l-approċċ strateġiku tagħha għat-tisħiħ tal-kompetittività tas-settur spazjali Ewropew.

-ssaħħaħ l-użu ta’ skemi ta’ akkwist innovattivi li jistimolaw in-naħa tad-domanda għall-innovazzjoni 10 u tesplora approċċi ġodda biex jiġu xprunati l-investimenti fis-settur privat u s-sħubijiet mal-industrija 11

-flimkien mal-Istati Membri u l-ESA, se tippromwovi l-użu komuni ta’ pjanijiet direzzjonali teknoloġiċi 12 biex tiżgura komplementarjetà akbar ta’ proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp.

-tinkludi l-osservazzjoni tad-Dinja u tal-ispazju fil-blueprint għall-kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet filwaqt li tindirizza l-ħtiġijiet ta’ ħiliet ġodda fis-settur.

2.2.It-trawwim tal-intraprenditorija u opportunitajiet ġodda ta’ negozju

Jinħtieġu miżuri ta’ abilitazzjoni u bini ta' kapaċità fl-Istati Membri kollha u fil-livell Ewropew biex tinħoloq l-ekosistema t-tajba u ambjent kummerċjali u regolatorju favorevoli li jinċentiva lis-settur privat biex dan ikun aktar miftuħ għar-riskju u biex l-ambjent tan-negozju jitħeġġeġ biex jiżviluppa prodotti u servizzi innovattivi.

Il-Kummissjoni se tappoġġja l-imprendituri spazjali Ewropej biex jibdew l-attività imprenditorjali tagħhom u jikbru fid-daqs mas-suq uniku kollu, pereżempju billi jesploraw approċċ tal-"ewwel klijent". Se tippromwovi wkoll l-aċċess għall-finanzjament għall-ispazju fil-kuntest tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u l-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni 13 . Il-Pjan ta’ Investiment u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, b’mod partikolari, jista’ jkollhom rwol importanti fl-appoġġ ta’ proġetti innovattivi u l-Kummissjoni se tinvolvi ruħha fi djalogu mal-BEI/FEI 14 dwar din il-kwistjoni. Se teżamina wkoll sinerġiji mal-Fond ta’ Fondi imminenti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ impriżi ġodda. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ ukoll attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u divulgazzjoni biex tinforma lill-industrija tal-ispazju u lill-intermedjarji finanzjarji lokali dwar l-opportunitajiet offruti mill-inizjattivi u l-programmi tal-UE.

Il-ħolqien ta’ ekosistema li tiffavorixxi n-negozju u l-innovazzjoni se jkun appoġġjat wkoll fil-livelli Ewropej, reġjonali u nazzjonali billi jiġu stabbiliti ċentri spazjali li jgħaqqdu s-setturi tal-ispazju, dawk diġitali u tal-utenti. L-għan hu li jinfetaħ l-ispazju għall-parteċipanti nonspazjali u għall-industriji nonspazjali, inkluż is-setturi tal-imprendituri u tal-utenti tal-ICT innovattivi Ewropej, bħall-enerġija, it-trasport u oħrajn. Dan jista’ jibni fuq strumenti eżistenti fi ħdan il-Kummissjoni, l-inizjattivi u ċ-ċentri ta' inkubazzjoni tan-negozju tal-ESA fl-Istati Membri (pereżempju r-raggruppamenti u l-aċċelleraturi tal-innovazzjoni). Il-Kummissjoni se tappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-ispeċifikazzjonijiet komuni, u se tibni l-kapaċità biex tippermetti lill-Istati Membri kollha jibbenefikaw mis-settur tal-ispazju.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll l-appoġġ tagħha għall-SMEs, għall-impriżi ġodda u għall-imprendituri żgħażagħ permezz ta’ inkubaturi tan-negozju u l-użu ta’ premjijiet u kompetizzjonijiet, bħall-Copernicus u l-Galileo Masters. L-inizjattivi se jkopru diversi ċikli tal-iżvilupp tan-negozju (pereżempju, l-aċċelleraturi tat-teknoloġija spazjali li jipprovdu l-appoġġ f’fażi bikrija (pre-seed money - finanzjament żgħir ta' bidu), u l-appoġġ ta’ ideat ġodda u l-iżvilupp tagħhom).

L-azzjonijiet ewlenin: Il-Kummissjoni se:

-żżid l-appoġġ għall-imprendituri fil-qasam tal-ispazju permezz tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE biex tiffaċilita l-finanzjament tal-investimenti fis-settur tal-ispazju.

-tidħol fi djalogu mal-BEI u l-FEI dwar l-appoġġ għall-investiment fis-settur spazjali bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment ġenerali għall-Ewropa.

-tappoġġja l-impriżi ġodda fil-qasam spazjali, inkluż billi tesplora sinerġiji mal-Fond ta' Fondi imminenti, u tiffaċilita l-ħolqien ta’ ċentri u ta’ raggruppamenti tal-ispazju mal-Ewropa kollha.

3.Tissaħħaħ l-awtonomija tal-Ewropa fl-aċċess u fl-użu tal-ispazju f’ambjent mingħajr periklu u sigur

Il-kapaċitajiet spazjali huma ta’ importanza strateġika għal għanijiet ta' politika ċivili, kummerċjali, ta’ sigurtà u ta’ dawk marbuta mad-difiża. L-Ewropa jeħtieġ li tiżgura l-libertà ta’ azzjoni u l-awtonomija tagħha. Jeħtieġ li jkollha aċċess għall-ispazju u li tkun tista' tużah b’mod sikur. Għandu jkun garantit l-aċċess għall-ispettru tal-frekwenzi tar-radju u protett mill-interferenza f'komplementarjetà sħiħa mal-għan tal-effiċjenza tal-użu massimu tal-ispettru tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju.

L-ispazju qed isir ambjent aktar ikkontestat u ta' sfida. Kompetituri ġodda — kemm pubbliċi kif ukoll privati — qed jitfaċċaw mad-dinja kollha, parzjalment minħabba t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-iżvilupp u tal-illanċjar tas-satelliti. Qed jitfaċċa wkoll theddid ġdid fl-ispazju: mit-tifrik spazjali għat-theddid ċibernetiku jew l-impatt tat-temp spazjali. Bis-saħħa ta' dawn il-bidliet is-sinerġiji akbar bejn l-aspetti ċivili u dawk tad-difiża qed isiru dejjem iktar rilevanti. L-Ewropa trid tibni fuq l-assi tagħha u tuża l-kapaċitajiet spazjali biex tilħaq il-ħtiġijiet ta’ sigurtà u ta' sikurezza tal-Istati Membri u tal-UE.

3.1.Jinżamm l-aċċess awtonomu għall-ispazju tal-Ewropa

Il-Kummissjoni se taħdem mal-ESA, mal-Istati Membri u mal-industrija biex jiġi żgurat li l-Ewropa żżomm l-aċċess għall-ispazju awtonomu, affidabbli u kosteffikaċi.

Fl-10-15-il sena li ġejjin l-UE qed tippjana li tillanċja aktar minn 30 satellita għall-programmi Galileo u Copernicus tagħha, b’mod partikolari fil-klassi tal-lanċjaturi futuri mibnija mill-Ewropa bħall-Ariane 6 u l-Vega C, u dan se jagħmel lill-UE l-akbar klijent istituzzjonali Ewropew. Għalhekk, il-Kummissjoni se tiġbor flimkien il-ħtiġijiet ta’ servizz ta’ llanċjar ta’ programmi tal-UE u se taġixxi bħala klijent intelliġenti ta' soluzzjonijiet affidabbli u kosteffikaċi ta' llanċjar Ewropej.

Huwa kruċjali li l-faċilitajiet infrastrutturali ta' llanċjar tal-Ewropa jibqgħu moderni, effiċjenti u flessibbli. Minbarra l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u mill-ESA, il-Kummissjoni se tikkunsidra modi kif tappoġġja tali faċilitajiet fl-oqsma ta’ kompetenza tagħha, pereżempju permezz ta’ kuntratti għal servizz jew strumenti oħra meta dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet politiċi jew il-ħtiġijiet tal-UE.

Il-Kummissjoni se tkompli tikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri, tal-ESA u tal-industrija biex jiġu indirizzatil-ħtiġijiet fit-tul għar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż aċċess bi prezz baxx għall-ispazju għal satelliti żgħar; manifattura avvanzata; kunċetti innovattivi (bħall-użu mill-ġdid); mitigazzjoni tal-impatti ambjentali; u opportunitajiet regolari sabiex jintużaw fl-ispazju servizzi ta’ validazzjoni Ewropej fl-orbita għal teknoloġiji u prodotti ġodda.

Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi wkoll l-iżvilupp ta’ swieq kummerċjali għal sistemi żgħar ta' llanċjar bi prezz baxx jew għal attivitajiet spazjali kummerċjali bħat-titjir fl-ispazju jew it-turiżmu spazjali suborbitalis, bil-promozzjoni tal-oqfsa regolatorji xierqa skont il-każ.

L-azzjonijiet ewlenin: Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-appoġġ tal-UE għall-aċċess awtonomu għall-ispazju permezz ta':

-l-aggregazzjoni tad-domanda għas-servizzi ta' llanċjar biex tipprovdi l-viżibilità lill-industrija u tnaqqas l-ispejjeż ta' implimentazzjoni;

-l-appoġġ tal-isforzi ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni, b’mod partikolari biex tiżgura l-kapaċità tal-Ewropa li tirreaġixxi u tantiċipa l-bidliet ta’ tfixkil, (lanċjaturi żgħar, użu mill-ġdid);

-il-kunsiderazzjoni ta’ modi kif tappoġġja l-faċilitajiet ta’ infrastruttura ta' llanċjar Ewropej, fejn dan huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet u l-ħtiġijiet tal-politika tal-UE;

-l-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta’ swieq kummerċjali għal attivitajiet spazjali ġodda.

3.2.L-iżgurar tal-aċċess għal spettru ta’ frekwenza tar-radju

Il-frekwenzi huma meħtieġa għat-tħaddim tas-sistemi spazjali, kemm kummerċjali kif ukoll istituzzjonali, tul il-ħajja tagħhom u għall-forniment u l-użu ta’ servizzi bbażati fuq l-ispazju. Jrid jiġi żgurat li s-sistemi satellitari u l-operaturi Ewropej ikollhom aċċess għall-ispettru tar-radju li jkun protett minn interferenza minn sistemi oħra.

Il-Kummissjoni se tqis il-ħtiġijiet speċifiċi tas-sistemi spazjali meta tikkoordina l-allokazzjoni tal-frekwenzi fil-livell Ewropew u internazzjonali, filwaqt li timmira li timmassimizza l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi skarsi.

3.3.L-iżgurar tal-protezzjoni u tar-reżiljenza tal-infrastruttura spazjali Ewropea importanti

Il-proliferazzjoni tat-tifrik spazjali tibqa’ l-aktar riskju serju għas-sostenibbiltà tal-attivitajiet fl-ispazju u se tkompli tiġi indirizzata fil-livell Ewropew u internazzjonali. L-UE ttrattat din il-kwistjoni permezz tal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ appoġġ tas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju (SST) tal-UE li issa beda joffri servizzi operazzjonali abbażi ta' grupp ta’ kapaċitajiet tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-qafas ta’ appoġġ għall-SST biex itejjeb il-prestazzjoni u l-kopertura ġeografika tas-sensuri. Se tikkunsidra li testendi l-ambitu tagħha biex tindirizza vulnerabilitajiet u theddid ieħor, pereżempju t-theddid ċibernetiku jew l-impatt tat-temp spazjali fuq is-satelliti u l-infrastruttura tal-art bħat-trasport, il-grilji tal-enerġija u n-netwerks tat-telekomunikazzjoni.

Fuq medda twila ta’ żmien, dan il-mudell tal-SST jista’ jevolvi f'servizz aktar komprensiv ta’ għarfien tas-sitwazzjoni spazjali, abbażi ta' attivitajiet eżistenti fl-Istati Membri u l-ESA, u b’kont meħud ta’ oqfsa ta’ kooperazzjoni internazzjonali, b’mod partikolari mal-Istati Uniti.

Il-Kummissjoni se taħdem mas-setturi ta’ utenti kkonċernati biex tiżviluppa reazzjonijiet għar-riskji u t-twissijiet tat-temp spazjali. Se taħdem mal-ESA u l-EUMETSAT biex tappoġġja r-riċerka u tippromwovi l-isforzi internazzjonali f’dan il-qasam.

L-azzjonijiet ewlenin: Il-Kummissjoni se:

-ssaħħaħ is-servizzi tal-SST attwali tal-UE u se tikkunsidra servizzi ta' għarfien tas-sitwazzjoni spazjali komprensivi (bħalma huma t-temp spazjali, it-twissijiet ċibernetiċi). B’hekk, se taħdem biex jiġu stabbiliti sħubiji, b’mod partikolari mal-Istati Uniti.

-tgħin biex titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji tat-temp spazjali fil-livell Ewropew u internazzjonali, u r-riskji emerġenti taċ-ċibersigurtà għall-infrastruttura spazjali Ewropea importanti.

3.4.It-tisħiħ tas-sinerġiji bejn l-attivitajiet spazjali ċivili u ta’ sigurtà

Is-servizzi spazjali jistgħu jsaħħu l-kapaċità tal-Istati Membri u tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà li qed jiżdiedu u jitjiebu l-monitoraġġ u l-kontroll tal-flussi li għandhom implikazzjonijiet ta’ sigurtà 15 . Ħafna mit-teknoloġiji, mill-infrastruttura u mis-servizzi spazjali jistgħu jaqdu kemm objettivi ċivili kif ukoll dawk ta’ difiża. Għalkemm uħud mill-kapaċitajiet spazjali jridu jibqgħu esklussivament taħt il-kontroll nazzjonali u/jew militari, f’għadd ta’ oqsma s-sinerġiji bejn oqsma ċivili u dawk ta’ difiża jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż, jżidu r-reżiljenza u jtejbu l-effiċjenza. Jeħtieġ li l-UE tisfrutta aħjar dawn is-sinerġiji.

Din se tkun tema ewlenija tal-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-difiża, li huwa mistenni li jenfasizza r-rwol kruċjali ta' abilitazzjoni tal-ispazju għall-kapaċitajiet ċivili u ta’ difiża. L-UE u l-atturi istituzzjonali tal-Istati Membri, inklużi dawk li jipprovdu servizzi ta’ sigurtà għaċ-ċittadini, jiddependu dejjem aktar fuq servizzi ta’ komunikazzjoni bis-satellita għall-missjonijiet u għall-infrastruttura tagħhom, iżda l-ħtiġijiet kritiċi ta’ sigurtà u ta' difiża għadhom ma ġewx sodisfatti kompletament. Għalhekk il-Kummissjoni qed taħdem mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u mal-ESA biex tivvaluta d-domanda u l-fattibbiltà ta’ inizjattiva ġdida li tipprovdi servizzi ta’ komunikazzjoni bis-satellita reżiljenti għall-utenti governattivi u istituzzjonali ta’ sigurtà.

Hija se tivvaluta wkoll aktar il-potenzjal ta’ Copernicus u ta’ Galileo/EGNOS biex tilħaq il-ħtiġijiet ta' awtonomija u ta’ sigurtà tal-UE u ttejjeb il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi għall-isfidi marbuta mal-migrazzjoni, il-kontroll tal-fruntieri u s-sorveljanza marittima. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se ssaħħaħ ir-rekwiżiti ta’ sigurtà meta jiġu żviluppati dawn is-sistemi u se ssaħħaħ is-sinerġiji mal-kapaċitajiet ta’ osservazzjoni mhux spazjali (eż. vetturi tal-ajru bla ekwipaġġ).

L-azzjonijiet ewlenin: Il-Kummissjoni se:

-tipproponi inizjattiva Govsatcom biex tiżgura servizzi ta’ komunikazzjoni bis-satellita affidabbli, sikuri u kosteffikaċi għall-awtoritajiet u għall-infrastrutturi pubbliċi nazzjonali u tal-UE.

-issaħaħ ir-rekwiżiti ta’ sigurtà meta jiġu żviluppati s-sistemi spazjali tal-UE.



4.It-tisħiħ tar-rwol tal-Ewropa bħala attur globali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali

L-isforzi tal-Ewropa biex jintlaħqu t-tliet għanijiet strateġiċi ta’ hawn fuq se jkunu mminati kemm-il darba l-UE ma twettaqx ir-raba’ għan: li tadotta rwol aktar ta' forza fix-xena dinjija.

L-aċċess u l-użu tal-ispazju huwa msawwar minn regoli jew standards internazzjonali u minn sistema ta’ governanza li għandha l-għan li tiżgura l-użu sostenibbli u fit-tul tal-ispazju għan-nazzjonijiet kollha. Ħafna mill-proġetti ta’ xjenza u ta’ esplorazzjoni spazjali huma wkoll globali fin-natura tagħhom. It-teknoloġija spazjali avvanzata qed tkun dejjem aktar żviluppata fi ħdan sħubiji internazzjonali, u li jkun hemm aċċess għal dawn il-proġetti huwa fattur importanti ta’ suċċess għar-riċerkaturi u għall-industrija. L-aċċess għas-swieq globali u l-iżgurar ta' ambjent ekwu globali huma wkoll vitali għall-industrija Ewropea u għan-negozju.

Iż-żieda tal-attivitajiet tal-bniedem fl-ispazju u t-tkabbir rapidu ta’ operaturi ġodda qed iqegħdu l-konvenzjonijiet tan-NU dwar l-ispazju extratmosferiku taħt pressjoni kbira, inkluż dwar kwistjonijiet ta’ mmaniġġjar tat-traffiku spazjali u t-tħaffir tal-minjieri. L-Ewropa għandha tkun minn ta’ quddiem fil-ġestjoni tal-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima jew it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, filwaqt li ġġib 'il quddiem il-kooperazzjoni internazzjonali u t-tisħiħ tal-governanza globali jew tal-oqfsa legali xierqa għall-ispazju.

Għalhekk, il-Kummissjoni se taħdem flimkien mar-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri fil-promozzjoni tal-prinċipji internazzjonali ta' mġiba responsabbli fl-ispazju fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti u ta’ fora multilaterali oħrajn xierqa. L-UE għandha tkun minn ta’ quddiem biex tindirizza l-isfidi li ġġib magħha l-multiplikazzjoni tal-atturi spazjali, tal-oġġetti spazjali u tat-tifrik spazjali skont il-konvenzjonijiet tan-NU marbuta mal-ispazju.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tuża l-programmi spazjali tal-UE biex tikkontribwixxi u tibbenefika minn sforzi internazzjonali permezz ta’ inizjattivi bħalma huma s-Sistema tas-Sistemi għall-Osservazzjoni Globali tad-Dinja (GEOSS) u l-Kumitat dwar is-Satelliti ta’ Osservazzjoni tad-Dinja (CEOS) permezz ta' Copernicus jew l-inizjattiva tat-Tfittxija u tas-Salvataġġ (COSPAS-SARSAT) permezz ta' Galileo. Hija se tappoġġja wkoll il-politiki tal-UE għall-viċinat u għall-iżvilupp, kif diġà qed tagħmel fl-Afrika permezz ta' Copernicus u EGNOS, u l-monitoraġġ tal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli. Hija se tkompli tikkontribwixxi għal djalogu internazzjonali dwar l-esplorazzjoni tal-ispazju flimkien mal-Istati Membri u l-ESA, filwaqt li tippromwovi pożizzjonijiet Ewropej komuni.

Permezz tal-istrumenti tal-politika tal-kummerċ u d-diplomazija ekonomika tagħha, il-Kummissjoni se tfittex li tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi għall-industrija Ewropea billi tindirizza l-ostakli għall-aċċess għas-suq u tippromwovi l-konverġenza tal-kontrolli tal-esportazzjoni b'użu doppju, u tippromwovi b’mod attiv it-teknoloġiji spazjali, soluzzjonijiet u għarfien Ewropej f’pajjiżi li mhumiex fl-UE. Dan għandu jiftaħ opportunitajiet ġodda ta’ negozju għall-industrija Ewropea u jippromwovi l-UE bħala post attraenti u sieħeb għar-riċerka u l-investiment. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-internazzjonalizzazzjoni tan-negozju spazjali billi jiġu mobilizzati l-istrumenti eżistenti 16 biex tgħin l-intrapriżi Ewropej, b’mod partikolari r-raggruppamenti u n-netwerks ta' SMEs, jaċċessaw is-swieq esterni.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ id-djalogi ta’ politika bilaterali u multilaterali tal-ispazju tagħha segwiti mill-qrib mal-Istati Membri. F’kooperazzjoni mal-ESA, l-EUMETSAT u l-GSA se tirrevedi l-objettivi strateġiċi tad-djalogi eżistenti u tistabbilixxi oħrajn ġodda li jirriflettu l-prijoritajiet tal-UE li qed jinbidlu. Barra minn hekk, hija se tippromwovi b’mod attiv il-programmi spazjali tal-UE u tfittex sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku għal skambji ta' dejta permezz ta' Copernicus u parteċipazzjoni reċiproka fi programmi ta’ riċerka.

L-azzjonijiet ewlenin: Il-Kummissjoni se:

-tfittex li twettaq djalogi dwar l-ispazju mal-imsieħba internazzjonali strateġiċi, tiżgura li l-politika dwar l-ispazju tiġi kkunsidrata kif xieraq fid-djalogi dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ma' pajjiżi terzi, tuża d-diplomazija ekonomika u l-istrumenti ta' politika kummerċjali biex tgħin lill-kumpaniji Ewropej attivi fis-swieq globali u biex tindirizza l-isfidi soċjetali.

-trawwem il-kontribut tal-UE lejn inizjattivi internazzjonali bħall-Grupp dwar l-Osservazzjoni tad-Dinja u CEOS.

-flimkien mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u mal-Istati Membri, tidħol f’kuntatt ma’ msieħba internazzjonali biex tippromwovi mġiba responsabbli fl-ispazju extratmosferiku u tippreserva u tipproteġi l-ambjent spazjali għall-użu paċifiku min-nazzjonijiet kollha.

5.Jiġi żgurat twettiq effettiv

Il-miżuri elenkati hawn fuq huma mfassla bi kriterju importanti: it-twettiq fil-prattika. Dawn huma mfassla biex jippromwovu sħubijiet bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-ESA u l-GSA, flimkien mal-aġenziji l-oħra rilevanti kollha bħall-EUMETSAT, il-partijiet ikkonċernati, l-industrija, ir-riċerka u l-komunitajiet tal-utenti.

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ESA se jkunu wieħed mill-elementi fundamentali tas-suċċess. L-ESA, bl-eċċellenza teknika, l-għarfien espert, il-kapaċità u l-kompetenzi tagħha, hija msieħeb importanti li fuqu l-Kummissjoni se tkompli sserraħ. Fid-dawl tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programmi spazjali tal-UE fl-2017, il-Kummissjoni se teżamina titjib potenzjali fil-governanza u miżuri ta’ simplifikazzjoni, pereżempju permezz ta’ Ftehim ta’ Sħubija ta’ Qafas Finanzjarju uniku mal-ESA, li jissimplifika r-regoli applikabbli u jssaħħaħ it-trasparenza u l-ħtiġijiet tal-kontabbiltà.

Il-Kummissjoni se tkompli bil-kollaborazzjoni tagħha ta' suċċess mal-EUMETSAT minħabba r-rwol kruċjali fl-implimentazzjoni ta’ Copernicus. Ir-rwol tal-GSA se jissaħħaħ ukoll fir-rigward tal-isfruttar ta’ EGNOS u ta’ Galileo u biex tiżdied l-adozzjoni tagħhom fis-suq. Il-Kummissjoni se tikkunsidra testendi r-responsabbiltajiet tal-GSA fir-rigward ta' ċerti kompiti marbuta mas-sigurtà għal attivitajiet spazjali oħra tal-UE.

Il-Kummissjoni se tissokta bir-rwol tagħha li tiżgura li jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta' bosta aġenziji tal-UE, bħall-EEA 17 , l-EFCA 18 , l-EMSA 19 , l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u oħrajn li jirrappreżentaw il-politiki settorjali li jeħtieġu soluzzjonijiet spazjali. Se taħdem aktar mill-qrib mal-EEAS, l-EDA u l-EU SatCen, flimkien mal-Istati Membri u l-ESA biex tesplora sinerġiji b'użu doppju possibbli fil-programmi spazjali.

Mill-2017, il-Kummissjoni se tintroduċi din l-istrateġija u tagħti bidu għal djalogu regolari u strutturat mal-partijiet ikkonċernati biex jiġi żgurat twettiq effettiv u monitoraġġ tal-progress.


6.Konklużjoni

Il-potenzjal tal-ispazju għall-Ewropa u għad-dinja huwa enormi. L-Ewropa qed taffaċċja ħafna sfidi globali li jeħtieġu risponsi globali.

L-Ewropa trid tikkontribwixxi għal din ir-responsabbiltà kollettiva. L-ebda Stat Membru ma jista’ jagħmel dan waħdu. L-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha u l-ESA jridu jaġixxu bħala parti kkonċernata globali biex jippromwovu u jippreservaw l-użu tal-ispazju għall-ġenerazzjonijiet futuri.

L-UE ma tistax taqa’ lura f’dan il-qasam. Trid tibqa’ minn ta' quddiem nett, billi tibni fuq it-talenti u l-kompetenzi tal-Ewropa u tikkapitalizza fuq l-investimenti tagħha u tantiċipa l-opportunitajiet tal-futur.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiddiskutu u jappoġġjaw din l-istrateġija u biex imexxu l-implimentazzjoni effettiva tagħha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

(1) Baġit għas-settur tal-ispazju konsolidat (l-Istati Membri, l-UE, l-ESA u l-EUMETSAT) stmat għal EUR 7 biljun fl-2015.
(2) Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja.
(3) Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja, li żżid is-sinjali tal-GPS madwar l-Ewropa.
(4)  Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita Ewropea simili għall-GPS.
(5) Socioeconomic impacts from space activities in the EU in 2015 and beyond, PwC study, Ġunju 2016.
(6) Il-proposti leġiżlattivi possibbli jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' regolazzjoni aħjar tal-Kummissjoni, skont il-Linji Gwida ta' Regolazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni, SWD(2015) 111.
(7) L-Aġenzija(GSA) għas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita Ewropea (GNSS) hija aġenzija tal-UE responsabbli għall-isfruttar ta' EGNOS u Galileo.
(8) Id-Direttiva 2007/2/KE li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea  , ĠU L 108, 25.4.2007, p.1.
(9)

Konformi mal-politika integrata tal-Unjoni Ewropa dwar l-Artiku (JOIN(2016) 21 final).

(10)   Pereżempju, akkwist prekummerċjali u akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi.
(11) Pereżempju, sħubiji pubbliċi privati bbażati fuq arranġamenti kuntrattwali jew li jirriżultaw minn inizjattiva teknoloġika konġunta.
(12) Bħal dawk tal-proċess ta’ armonizzazzjoni tat-teknoloġija spazjali tal-ESA.
(13) B’mod partikolari, Orizzont 2020, COSME, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.
(14) Il-Bank Ewropew tal-Investiment/il-Fond Ewropew tal-Investiment.
(15) Kif enfasizzat fi "Strateġija Globali għall-Politika Barranija u ta’ Sigurtà tal-UE" maħruġa f'Ġunju tal-2016 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea.
(16) Pereżempju, l-istrument għall-internazzjonalizzazzjoni tar-raggruppamenti COSME, is-self tal-BEI jew il-krediti tal-esportazzjoni.
(17) L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.
(18) L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd
(19) L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima